Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 20081(1)

Kawża C-11/07

Hans Eckelkamp et

vs

L-Istat tal-Belġju

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Beroep te Gent (il-Belġju))

“Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 56 KE u 58 KE – Restrizzjonijiet – Taxxa tas-suċċessjoni – Tnaqqis ta’ ċertu dejn iggarantit b’mandat għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka – Ċaħda minħabba li l-mejjet ma kienx residenti fil-mument tal-mewt”





I –    Introduzzjoni

1.        Bid-domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Jannar 2007, il-Hof van Beroep te Gent (Qorti tal-Appell, Ghent) (il-Belġju) essenzjalment tixtieq tistabbilixxi jekk il-leġiżlazzjoni Belġjana dwar it-taxxa tas-suċċessjoni hijiex kompatibbli mal-Artikoli 56 KE u 58 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital u mal-Artikoli 12 KE, 17 KE u 18 KE dwar il-libertà taċ-ċittadini tal-Unjoni li jistabbilixxu residenza fi Stat Membru ieħor. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jipprojbixxux leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha – sabiex tiġi ddeterminata l-bażi ta’ stima tat-taxxa dovuta fuq is-suċċessjoni ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu passiv, bħal dejn kopert minn dritt mogħti lil kreditur li jirreġistra ipoteka fuq din il-proprjetà immobbli, jekk il-mejjet kien residenti, fil-mument tal-mewt, f’dak l-Istat Membru, iżda mhux jekk dan kien residenti fi Stat Membru ieħor.

2.        Il-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża huma simili ħafna għal dawk fil-Kawża C-43/07 (2) – li fir-rigward tagħha qed nissottometti wkoll il-konklużjonijiet tiegħi llum – li tikkonċerna wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha, sabiex tiġi evalwata t-taxxa fuq l-akkwist b’wirt ta’ proprjetà immobbli fit-territorju nazzjonali, ċertu passiv ma jitnaqqasx jekk, fil-mument tal-mewt, il-mejjet kien residenti fi Stat Membru ieħor.

3.        Fir-risposta li ser tagħti għad-domandi magħmula fil-proċeduri preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha opportunità tibni u telabora fuq il-ġurisprudenza eżistenti dwar it-taxxa tas-suċċessjoni fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari dik li tirriżulta mis-sentenzi Barbier (3) u van Hilten-van der Heijden (4).

II – Il-leġiżlazzjoni rilevanti

A –    Id-dritt Komunitarju

4.        L-Artikolu 56(1) KE (li qabel kien l-Artikolu 73b(1) tat-Trattat KE) jipprovdi:

“Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.”

5.        L-Artikolu 58 KE (li qabel kien l-Artikolu 73d tat-Trattat KE) jipprovdi:

“1. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

(a)      li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit. […]

3. Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-[paragrafu 1] m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56 [KE].”

6.        L-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (artikolu li ġie sussegwentement abrogat mit-Trattat ta’ Amsterdam) (5), bl-intestatura “Nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 tad-direttiva”, jirreferi għal tlettax-il kategorija differenti ta’ moviment ta’ kapital. Taħt it-Titolu XI, bl-intestatura “Movimenti ta’ kapital personali”, hemm elenkati dawn li ġejjin:

“[…]

D – Wirt u legati

[…]”

B –    Id-dritt nazzjonali

7.        Fir-rigward tat-taxxa tas-suċċessjoni, il-kompetenza sabiex tiġi stabbilita r-rata tat-taxxa, l-ammont taxxabbli, l-eżenzjonijiet tat-taxxa u t-tnaqqis tat-taxxa hija tad-diversi reġjuni tar-Renju tal-Belġju.

8.        L-Artikolu 1 tal-Wetboek Successierechten Fjamming (Kodiċi tat-taxxi tas-suċċessjoni, iktar’il quddiem il-“WS”) jagħmel distinzjoni, fir-rigward tat-taxxa tas-suċċessjoni, fuq il-bażi ta’ jekk il-persuna li l-patrimonju tagħha jkun qed jiġi amministrat kinitx residenti, fil-mument tal-mewt, il-Belġju jew barra mill-Belġju. Dan l-artikolu jipprovdi:

“Bil-preżenti qed jiġu stabbiliti t-taxxi li ġejjin:

(1)      taxxa tas-suċċessjoni fuq il-valur, wara li jitnaqqas id-dejn, tal-intier tal-patrimonju miġbur ta’ persuna li tkun toqgħod fir-Renju tal-Belġju;

(2)      taxxa fuq it-trasferiment tal-proprjetà causa mortis fuq il-valur tal-proprjetà immobbli li tkun tinsab fil-Belġju u li tkun tappartjeni għall-patrimonju miġbur ta’ persuna li ma tkunx toqgħod fir-Renju tal-Belġju.

Persuna għandha tkun meqjusa li toqgħod fir-Renju tal-Belġju jekk, fil-mument tal-mewt tagħha, din tkun domiċiljata fir-Renju tal-Belġju jew jekk l-assi tagħha jkunu bbażati hemm.”

9.        Taħt l-Artikolu 15 tal-WS, it-taxxa tas-suċċessjoni titħallas, wara li jitnaqqas id-dejn, fuq il-proprjetà kollha, tkun fejn tkun tinsab, li tappartjeni lill-mejjet.

10.      L-Artikolu 18 tal-WS, dwar persuni li ma jkunux residenti fil-Belġju, jipprovdi li ġej:

“Taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà causa mortis għandha titħallas fuq il-proprjetà immobbli kollha li tkun tinsab fil-Belġju u li tappartjeni lill-mejjet […,] mingħajr ma jitqies id-dejn u l-passiv tal-patrimonju.”

11.      Taħt l-Artikolu 29 tal-WS, sabiex dejn jiġi aċċettat bħala passiv, huwa meħtieġ li jkun għadu jeżisti fil-jum tal-mewt u dan jista’ jiġi ppruvat bi kwalunkwe forma ta’ prova ammissibbli fir-rigward ta’ att li jagħti kreditu u joħloq dejn.

12.      L-Artikolu 40 tal-WS jipprovdi li l-perijodu li fih dikjarazzjoni tal-beni għandha tiġi ppreżentata huwa ta’ ħames xhur mid-data tal-mewt, meta l-mewt isseħħ fir-Renju tal-Belġju, u ta’ sitt xhur mid-data tal-mewt meta l-mewt isseħħ f’pajjiż ieħor fl-Ewropa.

13.      Taħt l-Artikolu 41 tal-WS:

“Il-perijodu li fih dikjarazzjoni tal-beni għandha tiġi ppreżentata jista’ jiġi estiż mid-Direttur Ġenerali tar-Reġistrazzjoni u l-Proprjetà Pubblika.

Dikjarazzjoni ppreżentata fil-perijodu previst mil-liġi jew estiż mid-Direttur Ġenerali tista’ tiġi rrettifikata kemm-il darba dan il-perijodu ma jkunx skada, sakemm il-partijiet interessati ma jkunux espressament irrinunzjaw għal dan id-dritt f’dikjarazzjoni debitament ippreżentata skont l-eżiġenzi legali.”

14.      L-Artikolu 48(1) tal-WS jipprovdi tabelli li juru r-rati li japplikaw għat-taxxa tas-suċċessjoni u għat-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà causa mortis (iktar’il quddiem it-“taxxa fuq it-trasferiment”). Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 48(2) jipprovdi dan li ġej:

“Id-dejn u l-ispejjeż tal-funeral għandhom jitnaqqsu bħala prijorità mill-proprjetà mobbli u l-assi msemmija fl-Artikolu 60a, sakemm il-persuni li jagħmlu d-dikjarazzjoni ma jippruvawx li dejn sar speċifikament bil-għan li tiġi akkwistata jew ippreżervata proprjetà immobbli.”

15.      Fir-rigward tat-taxxa tas-suċċessjoni, ma hemm ebda ftehim bejn il-Belġju u l-Ġermanja dwar ħelsien minn taxxa doppja.

III – Il-kuntest fattwali, il-proċedura u d-domanda għal deċiżjoni preliminari

16.      Hans, Natalie, Monica, Saskia, Thomas, Jessica u Joris Eckelkamp, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (flimkien imsejħa l-“eredi”) huma l-eredi ta’ Reintges Hildegard Eckelkamp (iktar’il quddiem “R. H. Eckelkamp”), li mietet f’Düsseldorf fit-30 ta’ Diċembru 2003.

17.      Fit-13 ta’ Novembru 2002, R. H. Eckelkamp iffirmat dokument li kien jinkludi rikonoxximent ta’ dejn li hija kellha fil-konfront ta’ Hans Eckelkamp. Barra minn hekk, b’att notarili tal-5 ta’ Ġunju 2003, R. H. Eckelkamp tat mandat sabiex tiġi rreġistrata ipoteka fuq proprjetà immobbli f’Knokke-Heist (il-Belġju), bħala garanzija għall-ħlas lura ta’ dan id-dejn, fl-ammont ta’ EUR 220 000, flimkien ma’ EUR 11 000 imgħaxijiet.

18.      Fid-29 ta’ Ġunju 2004, l-eredi għamlu dikjarazzjoni tal-beni ta’ R. H. Eckelkamp (iktar’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-beni” jew id-“dikjarazzjoni”) fejn, taħt l-attiv, din il-proprjetà kienet indikata bħala li kellha valur ta’ EUR 200 000. Taħt il-passiv, id-dikjarazzjoni wriet “nihil”.

19.      Fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni – u għalhekk mingħajr ma tqies id-dejn ta’ R. H. Eckelkamp favur Hans Eckelkamp – it-taxxa fuq it-trasferiment pagabbli kienet stmata, b’deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2004, fl-ammont ta’ EUR 110 000.04.

20.      Mill-proċess jidher li, qabel saret id-dikjarazzjoni tal-beni, kien hemm skambju ta’ ittri elettroniċi bejn l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani u l-eredi, fejn l-awtoritajiet tat-taxxa indikaw li t-taxxa fuq it-trasferiment (applikabbli meta l-mejjet ma jkunx joqgħod fil-Belġju) hija pagabbli fuq il-valur tal-proprjetà immobbli fil-Belġju mingħajr ma jitnaqqas ebda dejn u li, bħala konsegwenza ta’ dan, id-dejn inkwistjoni ma kellux jiġi indikat fid-dikjarazzjoni.

21.      Wara li ħallsu t-taxxi tas-suċċessjoni, l-eredi ppreżentaw talba għall-ħlas lura ta’ taxxa fis-7 ta’ Ottubru 2004 fejn talbu, inter alia, l-annullament tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2004. Din it-talba ġiet miċħuda b’sentenza tar-Rechtbank van Eerste Aanleg te Brugge (Qorti tal-Prim’Istanza, Bruges) tat-30 ta’ Mejju 2005. Fis-sentenza tagħha, ir-Rechtbank ikkunsidrat li l-perijodu previst fl-Artikolu 40 tal-WS għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-beni kien fi kwalunkwe każ skada fl-1 ta’ Lulju 2004, filwaqt li t-talba fiskali ma ġietx ippreżentata qabel is-7 ta’ Ottubru 2004, li kien ifisser li d-dikjarazzjoni tal-beni kienet finali u li ma setgħet tittieħed ebda kunsiderazzjoni ta’ passiv li ma kienx imsemmi fiha. Barra minn hekk, ir-Rechtbank kienet tal-opinjoni li r-rikorrenti kien misshom inkludew id-dejn ikkonċernat fid-dikjarazzjoni bħala passiv li fir-rigward tiegħu r-regola stipulata fl-Artikoli 1 u 2 tal-WS, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tiegħu, ma kinitx applikabbli peress li tmur kontra d-dritt Komunitarju.

22.      L-eredi għalhekk ressqu proċeduri ta’ appell quddiem il-Hof van Beroep fir-rigward tas-sentenza tar-Rechtbank. Insostenn tal-appell tagħhom, huma essenzjalment jissottomettu li d-dritt Komunitarju għandu effett dirett u li l-awtoritajiet amministrattivi huma obbligati jikkunsidraw mill-ġdid deċiżjonijiet meħuda b’mod kuntrarju għad-dritt Komunitarju. L-Artikolu 41 tal-WS ma jistax iżomm lid-dritt Komunitarju milli jkollu l-effett sħiħ tiegħu. Filwaqt li jistrieħu fuq is-sentenza Barbier (6), huma jissottomettu wkoll li d-distinzjoni li toħroġ mill-Artikolu 2(1) tal-WS, moqri flimkien mal-Artikolu 18 tal-istess, bejn residenti u persuni li mhumiex residenti fil-Belġju hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital. Huma jsostnu wkoll li dawn ir-regoli tal-WS jippreġudikaw il-libertà tal-istabbiliment ta’ residenza fi Stat Membru ieħor u jmorru kontra l-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-Artikoli 17 KE u 18 KE. L-Istat Belġjan, il-konvenut fil-kawża prinċipali, jikkontesta r-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital u jargumenta li s-sitwazzjonijiet ta’ persuni residenti u ta’ persuni li mhumiex residenti mhumiex komparabbli.

23.      Fid-digriet tar-rinviju, il-Hof van Beroep tiddikjara li kienet issodisfata li R. H. Eckelkamp kellha fil-fatt dejn ta’ EUR 220 000 fil-jum tal-mewt tagħha.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Beroep te Gent iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq id-domanda li ġejja:

“L-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-Artikoli 17 KE u 18 KE, u l-Artikolu 56 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 57 KE, jipprekludu regoli nazzjonali ta’ Stat Membru li permezz tagħhom, fil-kuntest tal-akkwist b’wirt ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fi Stat Membru (l-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà), dan l-Istat jimponi taxxa fuq il-valur tal-proprjetà immobbli li tkun tinsab f’dan l-Istat, li fir-rigward tagħha dan l-Istat jippermetti tnaqqis li jikkorrispondi għall-valur tal-passiv fuq din il-proprjetà immobbli (bħal dejn iggarantiti bid-dritt mogħti lil kreditur li jirreġistra ipoteka fuq din il-proprjetà immobbli) jekk it-testatur, fil-mument tal-mewt tiegħu, kien residenti fl-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà, iżda mhux jekk it-testatur, fil-mument tal-mewt tiegħu, kien qed jgħix fi Stat Membru differenti (l-Istat tar-residenza)?”

IV – Evalwazzjoni legali

A –    Osservazzjonijiet ewlenin tal-partijiet

25.      Fil-kawża ineżami, ġew sottomessi osservazzjonijiet mill-eredi, mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni, li kollha kienu rrappreżentati wkoll fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2007.

26.      Fl-ewwel lok, l-eredi jissottomettu li l-leġiżlazzjoni Belġjana dwar it-taxxa fuq l-akkwist b’wirt ta’ proprjetà immobbli hija diskriminatorja u tikser l-Artikolu 56 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 58 KE, peress li – għall-finijiet tal-kalkolu tal-bażi ta’ stima – hija tippermetti li jitqies ċertu dejn jekk il-mejjet kien residenti fil-Belġju fil-mument tal-mewt, iżda mhux jekk il-mejjet kien residenti x’imkien ieħor. L-eredi jsostnu li s-sitwazzjonijiet ta’ persuna residenti u ta’ persuna li mhijiex residenti huma komparabbli f’dan il-kuntest. F’dan ir-rigward huma jissottomettu li bħala regola ġenerali l-leġiżlazzjoni Belġjana tikkunsidra bħala persuni taxxabbli għall-finijiet tat-taxxi tas-suċċessjoni kemm persuni residenti kif ukoll persuni li mhumiex residenti. Filwaqt li jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (7), l-eredi jargumentaw li, bħala konsegwenza, persuni residenti u persuni li mhumiex residenti għandhom jiġu ttrattati l-istess anki fir-rigward tat-tnaqqis tal-passiv jew tad-dejn.

27.      Fit-tieni lok, l-eredi jissottomettu – billi jistrieħu prinċipalment fuq is-sentenza Barbier (8) – li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, peress li d-dispożizzjonijiet li ma jippermettux it-tnaqqis ta’ dejn li jirrigwarda proprjetà immobbli għandhom l-effett li jnaqqsu l-valur tas-suċċessjoni meta l-mejjet ma jkunx residenti, filwaqt li ma jkunx hemm tali tnaqqis jekk il-mejjet kien residenti fil-Belġju. Għalhekk, persuna residenti fi Stat Membru ieħor tista’ tiġi skuraġġita milli tinvesti fi proprjetà immobbli li tkun tinsab fil-Belġju, minħabba li l-eredi tagħha jkollhom iħallsu taxxi tas-suċċessjoni ogħla milli kien ikollhom iħallsu li kieku ma investietx fil-Belġju jew li kieku investiet b’mod differenti.

28.      Fit-tielet lok, u fuq il-bażi ta’ argumenti simili, l-eredi jissottomettu li l-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni tmur kontra d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif stipulati fl-Artikoli 12 KE u 18 KE, li jistabbilixxu residenza fi Stat Membru ieħor u li ma jiġux iddiskriminati.

29.      Filwaqt li opponew l-argument imressaq mill-Gvern Belġjan li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, l-eredi argumentaw fis-seduta li d-dejn inkwistjoni huwa – anki skont il-liġi Belġjana – marbut mill-qrib biżżejjed mal-proprjetà immobbli inkwistjoni. F’dan ir-rigward ma hemm ebda differenza rilevanti bejn ipoteka u l-mandat għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka inkwistjoni. Huma enfasizzaw ukoll li d-dejn ta’ EUR 220 000 ma ġiex inkluż fid-dikjarazzjoni minħabba li, skont il-liġi Belġjana, dan mhuwiex permess li jsir meta l-mejjet ma jkunx residenti fil-Belġju u, iktar minn hekk, minħabba li hekk qaltilhom jagħmlu l-awtorità nazzjonali kompetenti (li hija għajn ta’ informazzjoni li fuqha setgħu jistrieħu għall-finijiet tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi) (9).

30.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Belġjan isostni li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba li d-domanda magħmula hija ipotetika u mhijiex rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kontroversja fil-kawża prinċipali. Huwa jenfasizza li d-dejn inkwistjoni ma ġiex indikat fid-dikjarazzjoni tal-beni, li saret finali meta skada l-perijodu previst fil-WS għall-preżentazzjoni tagħha. Għalhekk, il-qofol tal-kwistjoni huwa fil-fatt l-iskadenza tal-perijodu għall-preżentazzjoni jew il-korrezzjoni tad-dikjarazzjoni tal-beni, u l-Hof van Beroep ma wrietx kif, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija setgħet tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni preliminari fuq id-domanda magħmula. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li, bħala regola ġenerali, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali pprovduti taħt il-liġi nazzjonali, bħalma huma regoli dwar termini ta’ żmien (10).

31.      Fuq il-mertu tal-kawża, il-Gvern Belġjan jissottometti li d-differenza fit-trattament fir-rigward tad-dejn, skont jekk tkunx is-suċċessjoni ta’ persuna residenti jew ta’ persuna li mhijiex residenti, ma tikkostitwixxix ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat invokati fil-kawża preżenti. Huwa jenfasizza li fir-rigward ta’ taxxi diretti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ taxxa fuq l-akkwist b’wirt, is-sitwazzjonijiet ta’ persuni residenti u ta’ persuni mhux residenti mhumiex, bħala regola ġenerali, komparabbli.

32.      Il-Gvern Belġjan jargumenta li huwa biss l-Istat Membru fejn il-mejjet kien residenti li jkun f’pożizzjoni li jevalwa s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu fl-intier tagħha u li jieħu inkunsiderazzjoni l-attiv u l-passiv kollu fil-kalkolu tat-taxxi tas-suċċessjoni. Dejn bħal dak inkwistjoni huwa għalhekk, bħala regola ġenerali, ikkunsidrat dejjem mill-Istat Membru fejn il-mejjet kien residenti. Madankollu, m’hemmx qafas legali fuq livell Komunitarju għall-koordinazzjoni tal-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa tas-suċċessjoni. It-tnaqqis ta’ dejn bħal dak inkwistjoni fl-Istat Membru fejn il-proprjetà immobbli tkun tinsab jista’ fil-fatt iwassal għal tnaqqis doppju, li l-Istati Membri huma permessi li ma jħallux li jseħħ. Fil-kawża preżenti, id-dejn kollu li jifforma parti mill-patrimonju tal-mejta jittieħed inkunsiderazzjoni fil-Ġermanja, l-Istat Membru fejn kienet residenti.

33.      Skont il-Gvern Belġjan, il-kawża preżenti għandha tiġi distinta mill-kawża li wasslet għas-sentenza Barbier (11) minħabba li fil-kawża tal-aħħar id-dejn li l-eredi riedu jnaqqsu kien element inerenti tal-proprjetà immobbli taxxabbli fl-Istat Membru fejn kienet tinsab. Fil-kawża preżenti, min-naħa l-oħra, m’hemm ebda indikazzjoni li d-dejn inkwistjoni – li huwa ggarantit biss b’mandat għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka u mhux b’ipoteka – huwa marbut mill-qrib biżżejjed mal-proprjetà immobbli fis-sens tas-sentenza Barbier. Dan il-mandat ta’ ipoteka fil-fatt jirrigwarda l-beni eżistenti u futuri kollha tal-persuna kkonċernata.

34.      Fil-każ li l-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli jkollu jippermetti t-tnaqqis tad-dejn attribwibbli lil din il-proprjetà, il-Gvern Belġjan jargumenta li dan għandu japplika biss jekk id-dejn ikun marbut mill-qrib mal-proprjetà immobbli u jekk dan ma jkunx imnaqqas ukoll fl-Istat Membru fejn kien residenti l-mejjet.

35.      Għal raġunijiet simili, il-Gvern Belġjan huwa tal-fehma li l-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni mhijiex kuntrarja għall-Artikoli 12 KE, 17 KE u 18 KE.

36.      Il-Kummissjoni tissottometti li d-distinzjoni magħmula, fir-rigward tal-kalkolu tat-taxxi tas-suċċessjoni, bejn persuni residenti u persuni li mhumiex residenti fil-Belġju – bl-effett li s-suċċessjoni ta’ proprjetà immobbli mingħand persuna mhux residenti hija suġġetta għal taxxa fuq it-trasferiment mingħajr tnaqqis ta’ dejn – tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita fuq il-moviment liberu tal-kapital. Dispożizzjoni bħal din tista’ titqies bħala kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital biss jekk id-differenza fit-trattament tapplika għal sitwazzjonijiet li ma jkunux oġġettivament komparabbli jew jekk din tkun ġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (12).

37.      Skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjonijiet ta’ persuna residenti u ta’ persuna li mhijiex residenti huma, għall-finijiet tal-kawża preżenti, kompletament komparabbli. Fil-fatt, l-istatus tal-mejjet bħala persuna residenti jew bħala persuna li ma kinitx residenti m’għandu ebda effett fuq il-valur tal-proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju u d-dejn marbut magħha jew l-eredità. Kif ġie ċċarat fis-seduta, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dejn fil-kawża preżenti huwa direttament marbut, permezz tal-mandat ta’ ipoteka, mal-valur tal-proprjetà immobbli.

38.      Barra minn hekk, ma hemm ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni. Fir-rigward, partikolarment, tal-allegata diffikultà għall-awtoritajiet nazzjonali li jivverifikaw l-eżistenza ta’ dejn meta l-mejjet ikun residenti fi Stat Membru ieħor, huwa fi kwalunkwe każ il-kompitu tal-eredi li jipprovdu prova suffiċjenti ta’ dan id-dejn. Il-Kummissjoni żżid li Stat Membru ma jistax, sabiex jiġġustifika restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, jistrieħ fuq kreditu jew konċessjoni fiskali li Stat Membru ieħor jista’ – jekk hekk ikun jixtieq – jipprovdi.

39.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li huwa meħtieġ li tiġi mwieġba d-domanda magħmula fir-rigward tal-Artikoli 12 KE, 17 KE jew 18 KE.

B –    Evalwazzjoni

1.      Ammissibbiltà tad-domanda magħmula

40.      Fir-rigward tal-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Belġjan, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kontroversja u li għandha tassumi responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni u kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja (13).

41.      Meta d-domandi magħmula minn qrati nazzjonali jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi Komunitarja, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk marbuta, bħala regola ġenerali, tagħti deċiżjoni sakemm ma jkunx ċar li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija fir-realtà intiża li tipperswadi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar kontroversja fittizja jew sabiex tagħti opinjonijiet konsultattivi għal domandi ġenerali jew ipotetiċi, jew li l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja mitluba m’għandha ebda rabta mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, jew li l-Qorti m’għandhiex quddiemha l-materjal fattwali jew legali meħtieġ sabiex tagħti risposta utli għad-domandi mressqa quddiemha (14).

42.      Għandu jiġi nnotat li fil-kawża preżenti huwa paċifiku li d-dejn inkwistjoni ma ġiex indikat mill-eredi fil-perijodu previst fil-WS għall-preżentazzjoni jew il-korrezzjoni tad-dikjarazzjoni tal-beni, li saret finali fit-tmiem ta’ dan il-perijodu.

43.      Il-Gvern Belġjan irrimarka wkoll – korrettament – li bħala regola ġenerali d-dritt Komunitarju ma jipprojbixxix l-applikazzjoni ta’ tali termini ta’ żmien ipprovduti mil-liġi nazzjonali. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jidher li, bħala regola ġenerali, kemm l-iffissar ta’ termini ta’ żmien raġonevoli fir-rigward ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji kif ukoll ir-regola li deċiżjoni amministrattiva ssir finali mal-iskadenza ta’ terminu ta’ żmien bħal dan huma konformi mar-rekwiżiti tal-effettività tad-dritt Komunitarju, sa fejn dawn ir-regoli proċedurali jikkostitiwxxu applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali (15).

44.      Madankollu, mill-proċess tal-kawża u mis-sottomissjonijiet tal-eredi jirriżulta b’mod ċar li l-kwistjoni f’din il-kawża tikkonċerna iktar mis-sempliċi fatt li t-termini ta’ żmien stipulati għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-beni – li ma nikkunsidrax li huma oġġezzjonabbli bħala tali – ma ġewx osservati mill-eredi. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ inklużjoni tad-dejn inkwistjoni jidher li huwa marbut mal-fatt li l-leġiżlazzjoni tas-suċċessjoni Belġjana ma tipprovdix għall-inklużjoni ta’ dan id-dejn u, iktar minn hekk, mal-fatt li l-eredi ngħataw informazzjoni f’dan is-sens mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani.

45.      Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, il-kontroversja preżenti tikkonċerna, iktar milli d-dispożizzjonijet proċedurali tal-WS, id-dispożizzjonijiet sostanzjali tagħha li, min-naħa tagħhom, setgħu kienu bbażati, kemm-il darba hekk tippermetti r-risposta li tingħata għad-domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula, fuq applikazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju (16).

46.      F’dan il-kuntest, mhuwiex stabbilit li, meta tiġi biex tiddeċiedi l-appell imressaq mill-eredi, il-qorti tar-rinviju mhijiex ser tkun tista’ – sempliċement minħabba li d-dikjarazzjoni tal-beni saret finali mingħajr l-indikazzjoni tad-dejn inkwistjoni – tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari dwar id-domanda magħmula.

47.      Għaldaqstant, mhuwiex ċar, fis-sens tal-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija, li d-domanda magħmula f’dawn il-proċeduri hija – kif jargumenta l-Gvern Belġjan – ipotetika jew irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

48.      Fil-fehma tiegħi, it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa hija għalhekk ammissibbli.

2.      Sustanza

49.      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà taċ-ċittadini tal-Unjoni li jistabbilixxu r-residenza tagħhom fi Stat Membru u dwar il-moviment liberu tal-kapital, jipprojbixxix leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa tas-suċċessjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha – għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima għat-taxxa dovuta fuq is-suċċessjoni ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – jista’ jitqies ċertu passiv, bħal dejn iggarantiti bid-dritt mogħti lil kreditur li jirreġistra ipoteka fuq din il-proprjetà immobbli, jekk il-persuna li mingħandha ntirtet il-proprjetà immobbli kienet residenti, fil-mument tal-mewt, f’dan l-Istat Membru (taxxa tas-suċċessjoni), iżda mhux jekk din il-persuna kienet residenti fi Stat Membru ieħor (17) (taxxa fuq it-trasferiment).

50.      Kif issuġġerit mill-partijiet f’dawn il-proċeduri u b’mod konformi mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-taxxa fuq l-akkwist b’wirt, ser nibda billi neżamina din id-domanda fl-isfond tal-moviment liberu tal-kapital (18).

51.      Bħala punt preliminari għandu jiġi nnotat ukoll li, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, id-dispożizzjoni tat-Trattat l-iktar rilevanti għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża hija l-Artikolu 58 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 56 KE, iktar milli l-Artikolu 57 kif issuġġerit fid-domanda magħmula.

52.      Għandu jiġi mfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, huma xorta waħda għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’mod konformi mad-dritt Komunitarju (19).

53.      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-applikabbiltà ratione materiae tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni – li, fil-fatt, ma ġietx ikkontestata mill-partijiet fil-proċeduri preżenti – hija ġurisprudenza stabbilita li s-suċċessjoni hija moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE (li qabel kien l-Artikolu 73b tat-Trattat KE), ħlief fil-każijiet fejn l-elementi kostituttivi tagħha jkunu limitati għal Stat Membru wieħed (20).

54.      F’dan ir-rigward, ikun biżżejjed li wieħed jinnota li s-sitwazzjoni fil-kawża quddiem il-Hof van Beroep te Gent mhijiex, b’mod ċar, purament domestika peress li tikkonċerna t-tassazzjoni tal-akkwist b’wirt ta’ proprjetà immobbli mingħand persuna residenti, fil-mument tal-mewt, fi Stat Membru li mhuwiex il-Belġju, jiġifieri, li mhuwiex l-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli.

55.      Għalhekk, is-suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

56.      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni tammontax għal restrizzjoni pprojbita fuq il-moviment liberu tal-kapital.

57.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Barbier – li kienet tikkonċerna wkoll it-tassazzjoni ta’ proprjetà immobbli akkwistata b’wirt mingħand persuna li ma kinitx residenti – iddeċidiet li miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56 KE bħala restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital jinkludu dawk il-miżuri li l-effett tagħhom huwa li jnaqqsu l-valur tas-suċċessjoni ta’ persuna li tkun residenti fi Stat li ma jkunx l-Istat Membru fejn ikunu jinsabu l-beni kkonċernati u li jintaxxaw is-suċċessjoni ta’ dawn il-beni (21).

58.      F’din il-kawża mhuwiex ikkontestat li – kif l-eredi u l-Kummissjoni ssottomettew – l-effett tal-leġiżlazzjoni li permezz tagħha dejn bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jitnaqqasx fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tgħaddi b’wirt mingħand persuna li ma tkunx residenti huwa li jitnaqqas il-valur tas-suċċessjoni peress li b’hekk is-suċċessjoni tkun suġġetta, fil-Belġju, għal rata ogħla ta’ taxxa minn dik li titħallas li kieku l-proprjetà immobbli għaddiet b’wirt mingħand persuna residenti, fil-mument tal-mewt, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

59.      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa tas-suċċessjoni inkwistjoni – sa fejn tissuġġetta t-tnaqqis ta’ ċertu dejn għall-kundizzjoni li l-proprjetà immobbli kkonċernata tkun għaddiet b’wirt mingħand persuna residenti f’dan l-Istat Membru – għandha, bħala regola ġenerali, it-tendenza li tillimita l-moviment liberu tal-kapital.

60.      Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonjiet tat-Trattat.

61.      Il-Gvern Belġjan jistrieħ essenzjalment fuq żewġ argumenti prinċipali sabiex juri li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija kompatibbli mad-dispożizzjonjiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u li d-distinzjoni li fuqha hija bbażata hija ġustifikata. Fl-ewwel lok, huwa jsostni, fuq l-iskorta tal-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Schumacker (22), li t-trattament differenzjali inkwistjoni jirrifletti differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjonijiet ta’ persuna residenti u ta’ persuna li mhijiex residenti. Fit-tieni lok, u b’mod marbut mill-qrib ma’ dan l-argument, huwa jirrimarka li, skont ir-regoli dwar l-allokazzjoni tal-kompetenza fiskali, huwa kompitu tal-Istat Membru ta’ residenza tal-mejjet – li huwa biss jinsab f’pożizzjoni li jevalwa l-pożizzjoni ekonomika tal-mejjet fl-intier tagħha – li jikkunsidra l-beni u d-dejn kollha tas-suċċessjoni, inkluż dejn bħal dak inkwistjoni.

62.      F’dan ir-rigward, huwa korrett li, kif osserva l-Gvern Belġjan, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat fil-linja tal-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Schumacker – biex b’hekk irrikonoxxiet ir-rwol tal-kriterju tar-residenza bħala fattur ta’ konnessjoni għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kompetenza fiskali – li, fir-rigward tat-taxxi diretti, is-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ persuni residenti u ta’ persuni li mhumiex residenti mhumiex, bħala regola, komparabbli, b’tali mod li, fid-dritt fiskali, huwa possibbli li r-residenza tal-persuna li tħallas it-taxxa tikkostitwixxi fattur li jiġġustifika regoli nazzjonali li jinvolvu trattament differenti bejn persuni li jħallsu t-taxxa li jkunu residenti u persuni li jħallsu t-taxxa li ma jkunux residenti (23).

63.      Bl-istess mod, l-Artikolu 58(1)(a) KE jipprovdi espressament li “d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 [KE] m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt tal-Istati Membri […] li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li m’humiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom […]”.

64.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi li din id-dispożizzjoni, inkwantu hija eċċezzjoni għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tiġi interpretata strettament u li mhux kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa fuq il-bażi tal-post ta’ residenza tagħhom jew tal-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat (24).

65.      Barra minn hekk, l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 58(1)(a) KE hija min-naħa tagħha limitata mill-Artikolu 58(3) KE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 58(1) KE “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56 [KE].”

66.      Għandha għalhekk issir distinzjoni bejn differenza fit-trattament li hija permessa taħt l-Artikolu 58(1)(a) KE u diskriminazzjoni arbitrarja li hija pprojbita mill-Artikolu 58(3) KE. Kif jirriżulta f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ titqies bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament komparabbli jew għandha tkun ġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (25).

67.      Fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li huma oġġettivament komparabbli fir-rigward ta’ miżura nazzjonali fiskali speċifika (26), mill-ġurisprudenza jidher, b’mod partikolari, li, meta Stat Membru jagħżel li jimponi forma partikolari ta’ taxxa fuq persuni li ma jkunux residenti kif ukoll fuq persuni residenti, isegwi li l-persuni residenti u dawk li mhumiex għandhom jiġu kkunsidrati bħala komparabbli anki fir-rigward ta’ kwalunkwe tnaqqis marbut ma’ din it-taxxa (27). Fl-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li huwa rilevanti li jiġi determinat jekk l-ispejjeż, il-passiv jew l-obbligi, li t-tnaqqis jew il-kunsiderazzjoni tagħhom fir-rigward tat-taxxa ikun inkwistjoni, ikunux b’xi mod “marbuta direttament” mad-dħul, l-assi jew l-avveniment taxxabbli li fuqu titħallas it-taxxa (28).

68.      F’dan l-isfond, għandu fl-ewwel lok jiġi nnotat li fil-kawża preżenti, għall-finijiet tat-taxxa tas-suċċessjoni fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fil-Belġju, kemm il-patrimonju ta’ persuna residenti kif ukoll dak ta’ persuna li mhijiex residenti huma suġġetti għat-taxxa taħt il-WS. Għalkemm, f’termini formali, hija “taxxa tas-suċċessjoni” li titħallas fil-każ ta’ persuna residenti u “taxxa fuq it-trasferiment” fil-każ ta’ persuna li ma tkunx residenti, fil-fehma tiegħi, jibqa’ l-fatt li persuni residenti u dawk li mhumiex huma fil-prinċipju kkunsidrati bħala komparabbli, taħt il-leġiżlazzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni Belġjana, fir-rigward tal-obbligu tal-ħlas ta’ taxxa tas-suċċessjoni fuq proprjetà immobbli li tkun tinsab fil-Belġju.

69.      Fit-tieni lok, għalkemm it-taxxi tas-suċċessjoni applikabbli huma formalment imħallsa fuq il-valur tal-proprjetà immobbli li tifforma parti mill-patrimonju tal-persuna li ma tkunx residenti, m’għandux jiġi injorat il-fatt li s-suċċessjoni hija intaxxata f’idejn l-eredi. Għalhekk, il-każ ma jikkonċernax b’mod esklużiv is-sitwazzjoni personali tal-mejjet u r-responsabbiltà tal-Istat Membru ta’ residenza tiegħu li jqis, skont il-prinċipju tar-residenza invokat mill-Gvern tal-Belġju, iċ-ċirkustanzi personali u l-obbligi kollha tiegħu, peress li huma l-eredi li huma l-persuni taxxabbli taħt il-WS u l-persuni obbligati li jħallsu t-taxxa skont is-sehem tagħhom mill-wirt.

70.      B’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn l-eredi nfushom ikunu residenti fil-Belġju, u li fir-rigward tagħhom l-istess regola li ma tippermettix tnaqqis tkun apparentement applikabbli fir-rigward tas-suċċessjoni ta’ proprjetà immobbli minn persuna li ma tkunx residenti, wieħed jista’ ġustament jistaqsi jekk l-Istat ta’ residenza tal-mejjet ikunx verament f’pożizzjoni aħjar li jqis obbligi bħal dawk inkwistjoni. Barra minn hekk, kif irrimarkat il-Kummissjoni, l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza tad-dejn ikkonċernat huwa fi kwalunkwe każ fuq l-eredi, irrispettivament minn jekk il-persuna, li għall-patrimonju tagħha jkun jappartjeni d-dejn, kinitx residenti jew le.

71.      Fl-aħħar lok, għandu jiġi nnotat li d-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ggarantit – skont l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet u l-qorti tar-rinviju – b’mandat għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka li jippermetti li tiġi rreġistrata ipoteka ekwivalenti fuq il-proprjetà immobbli li tgħaddi b’wirt.

72.      Għalkemm, kif enfasizza l-Gvern Belġjan, ir-rabta fil-kawża preżenti bejn il-proprjetà immobbli u l-obbligu inkwistjoni hija b’mod ovvju teknikament differenti minn dik, pereżempju, bejn l-obbligu ta’ trasferiment ta’ titolu u l-patrimonju inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Barbier (29), ma nikkunsidrax li din id-differenza hija rilevanti f’dan il-kuntest u lanqas ma nikkunsidraha suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddistingwi l-kawża preżenti minn dik il-kawża. Jibqa’ l-fatt li hemm rabta, inkwantu d-dejn hekk iggarantit jista’ fi kwalunkwe każ jiġi rreġistrat fuq il-proprjetà immobbli kkonċernata li hija suġġetta għat-taxxa (30).

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma ntweriex li s-sempliċi fatt li l-mejjet ma kienx, fil-mument tal-mewt, residenti fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli li tifforma parti mill-patrimonju tiegħu jista’ jipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva sabiex eredi jiġi miċħud, f’sitwazzjoni bħal dik quddiem il-qorti tar-rinviju, it-tnaqqis ta’ dan id-dejn, jekk eredi fl-istess sitwazzjoni, iżda li jiret minn persuna residenti, ikollu d-dritt li jibbenefika minn vantaġġ fiskali bħal dan.

74.      Finalment, fir-rigward tal-argument imressaq mill-Gvern Belġjan li l-kunsiderazzjoni tad-dejn inkwistjoni tista’ twassal għal tnaqqis doppju, huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li ċittadin tal-Komunità ma jistax jiġi mċaħħad mid-dritt li jinvoka d-dispożizzjonijiet tat-Trattat minħabba li jkun qed jibbenefika minn vantaġġi fiskali li huma legalment mogħtija mir-regoli fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat ta’ residenza tiegħu (31).

75.      Barra minn hekk, peress li ma tressqu ebda raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament fiskali involuta tammonta għal diskriminazzjoni arbitrarja skont it-tifsira tal-Artikolu 58(3) KE u l-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija (32) u għalhekk hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

76.      Jidher ċar, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li mhuwiex meħtieġ li tiġi eżaminata d-domanda magħmula sa fejn tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertà taċ-ċittadini tal-Unjoni li jistabbilixxu r-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor (33).

77.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi – għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tat-taxxa dovuta fuq is-suċċessjoni ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu passiv, bħal dejn iggarantit bid-dritt mogħti lil kreditur li jirreġistra ipoteka fuq il-proprjetà immobbli li tgħaddi b’wirt, jekk il-persuna li mingħandha ntirtet il-proprjetà kienet residenti, fil-mument tal-mewt, f’dan l-Istat Membru, iżda mhux jekk din il-persuna kienet residenti fi Stat Membru ieħor.

V –    Konklużjoni

78.      Għar-raġunjiet hawn fuq esposti, nipproponi li d-domanda mressqa mill-Hof van Beroep te Gent għandha tingħata din ir-risposta:

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi – għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tat-taxxa dovuta fuq is-suċċessjoni ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu passiv, bħal dejn iggarantit bid-dritt mogħti lil kreditur li jirreġistra ipoteka fuq il-proprjetà immobbli li tgħaddi b’wirt, jekk il-persuna li mingħandha ntirtet il-proprjetà kienet residenti, fil-mument tal-mewt, f’dan l-Istat Membru, iżda mhux jekk din il-persuna kienet residenti fi Stat Membru ieħor.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Arens-Sikken, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


3 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003 (C-364/01, Ġabra p. I-15013).


4 – Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006 (C-513/03, Ġabra p. I-1957).


5 – ĠU 1988 L 178, p. 5.


6 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


7 – B’mod partikolari s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza (C-270/83, Ġabra p. 273); tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain (C-307/97, Ġabra p. I-6161); u Barbier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


8 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 62.


9 – F’dan ir-rigward, sar riferiment għas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Elmeka (C-181/04 sa C-183/04, Ġabra p. I-8167).


10 – B’riferiment għas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1976, Comet (45/76, Ġabra p. 2043, punt 19).


11 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


12 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert (C-512/03, Ġabra p. I-7685, punt 42).


13 – F’dan is-sens ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C-275/06, Ġabra p. I-271, punt 36); tat-30 ta’ Marzu 2000, Jämställdhetsombudsmannen (C-236/98, Ġabra p. I-2189, punt 30); u tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C-261/95, Ġabra I-4025, punt 18).


14 – F’dan is-sens ara, b’mod partikolari, is-sentenza Promusicae, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 37, u s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – F’dan is-sens ara, b’mod partikolari, is-sentenza Palmisani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 28; is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, Ġabra I-837, punt 24), u s-sentenza Comet, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 18.


16 – Barra minn hekk, il-kontroversja fil-kawża prinċipali tista’ tqajjem, kif l-eredi argumentaw, kwistjonijiet ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi.


17 – Fi kliem ieħor, tkun residenti fil-mument tal-mewt fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli kkonċernata.


18 – F’dan ir-rigward ara, inter alia, is-sentenza Barbier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 57, 58 u 75. L-evalwazzjoni li ġejja tikkorrispondi essenzjalment, sa fejn iż-żewġ kawżi huma strutturalment simili, għal dik li hemm fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Arens-Sikken, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, li għalihom nista’ nirreferi fejn xieraq.


19 – Ara, inter alia, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19); tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 15); u tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz (C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 21).


20 – F’dan is-sens ara, inter alia, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Jäger (C-256/06, Ġabra p. I-123, punt 25), u s-sentenza van Hilten-van der Heijden, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 42.


21 – F’dan is-sens ara s-sentenzi Barbier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 62; van Hilten-van der Heijden, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 44; u, iktar reċenti, is-sentenza Jäger, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 30.


22 – Sentenza tal-14 ta’ Frar 1995 (C-279/93, Ġabra p. I-225).


23 – Ara f’dan is-sens is-sentenza Schumacker, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 31 u 33.


24 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra I-10837, punt 37); Manninen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 28; u Jäger, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 40.


25 – Ara f’dan is-sens, inter alia, is-sentenzi Manninen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 28 u 29; tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43); tal-5 ta’ Lulju 2005, D. (C-376/03, Ġabra p. I-5821, punt 25); u Blanckaert, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 42.


26 – F’dan ir-rigward ara, f’iktar dettall, il-konklużjonijiet tiegħi f’Arens-Sikken, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 73 sa 77.


27 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 20; u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit (C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 35); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations and Singer (C-250/95, Ġabra p. I-2471, punti 38 u 39).


28 – Ara, f’dan is-sens, interalia, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse (C-234/01, Ġabra p. I-5933, punti 27 u 28); tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 40); u Jäger, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 44.


29 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


30 – Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonjiet tiegħi f’Arens-Sikken, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 79 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 35.


31 – Ara, inter alia, is-sentenza Barbier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 71. F’dan ir-rigward ara wkoll, f’iktar dettall, il-konklużjonijiet tiegħi f’Arens-Sikken, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 66 u punti 86 sa 89.


32 – Ara l-punt 67 hawn fuq.


33 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Barbier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 75.