Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2008 1(1)

Kawża C-43/07

D.M.M.A. Arens-Sikken

vs

Staatssecretaris van Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda))

“Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 56 KE u 58 KE – Restrizzjonijiet – Taxxa tas-suċċessjoni – Tnaqqis ta’ dejn marbut ma’ għotja żejda – Rifjut fuq il-bażi li d-de cujus ma kienx residenti fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni fil-mument tal-mewt”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ tliet domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Jannar 2007, il-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda) essenzjalment tixtieq tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni Olandiża dwar it-tassazzjoni tas-suċċessjoni hijiex kompatibbli mal-Artikoli 56 KE u 58 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital. Speċifikament, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha – sabiex tiġi ddeterminata l-bażi ta’ stima tat-taxxa dovuta fuq il-wirt ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – jista’ jittieħed kont ta’ ċertu dejn li jinħoloq fuq il-wirt jekk id-de cujus kien residenti, fil-mument tal-mewt, f’dak l-Istat Membru, iżda mhux jekk dik il-persuna kienet residenti fi Stat Membru ieħor.

2.        Il-kwistjonijiet imqajma fil-kawża preżenti huma simili ħafna għal dawk tal-kawża C-11/07 (2) – li fir-rigward tagħha wkoll ser nagħti l-konklużjonijiet tiegħi llum – li tikkonċerna wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha, sabiex tiġi stmata t-taxxa fuq l-akkwist ta’ proprjetà immobbli b’wirt, ċertu passiv ma jistax jitnaqqas jekk, fil-mument tal-mewt, id-de cujus kien residenti fi Stat Membru ieħor.

3.        Fir-risposta li ser tagħti għad-domandi magħmula fil-proċeduri preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-opportunità tibni u telabora fuq il-ġurisprudenza eżistenti dwar it-tassazzjoni tas-suċċessjoni fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari dik li tirriżulta minn Barbier (3) u van Hilten-van der Heijden(4).

II – Il-leġiżlazzjoni rilevanti

A –    Id-dritt Komunitarju

4.        L-Artikolu 56(1) KE (li qabel kien l-Artikolu 73b(1) tat-Trattat KE) jipprovdi:

“Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.”

5.        L-Artikolu 58 KE (li qabel kien l-Artikolu 73d tat-Trattat KE) jipprovdi:

“1.      Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 [KE] m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

(a)      li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit;

[ …]

3.      Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-[paragrafu 1] m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56 [KE].”

6.        L-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (artikolu li ġie sussegwentement abrogat mit-Trattat ta’ Amsterdam) (5), bl-intestatura “Nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 1 tad-direttiva”, jirreferi għal 13-il kategorija differenti ta’ moviment ta’ kapital. Taħt it-Titolu XI, bl-intestatura “Movimenti ta’ kapitali personali”, hemm elenkati dawn li ġejjin:

“[…]

D – Wirt u legati

[…]”

B –    Id-dritt nazzjonali

7.        Skont il-liġi Olandiża, kull patrimonju huwa suġġett għat-taxxa. L-Artikolu 1(1) tas-Successiewet 1956 (Liġi tas-Suċċessjoni 1956) tat-28 ta’ Ġunju 1956 (iktar’il quddiem l-“SW 1956”) jagħmel distinzjoni fuq il-bażi ta’ jekk il-persuna li l-patrimonju tagħha jkun qed jiġi amministrat kinitx residenti fl-Olanda jew barra mill-Olanda. Dan l-artikolu jipprovdi:

“Skond din il-liġi, it-taxxi li ġejjin għandhom ikunu imposti:

1.      Taxxa tas-suċċessjoni fuq il-valur tal-beni kollha ttrasferiti bis-saħħa tad-dritt li wieħed jiret wara l-mewt ta’ persuna li kienet residenti fl-Olanda fil-mument tal-mewt [...]

2.      Taxxa fuq it-trasferiment fuq il-valur tal-beni elenkati fl-Artikolu 5(2) miksuba bħala rigal jew wirt wara l-mewt ta’ persuna li ma kinitx residenti fl-Olanda fiż-żmien ta’ dak ir-rigal jew ta’ dik il-mewt;

[...]”

8.        L-Artikolu 5(2) tal-SW 1956 jipprovdi:

“It-taxxa fuq it-trasferiment hija imposta fuq il-valur:

1. tal-beni interni msemmija fl-Artikolu 13 tal-Wet op de vermogensbelasting 1964 [...], wara t-tnaqqis ta’ kull dejn imsemmi f’dak l-artikolu;

[...]”

9.        L-Artikolu 13(1)(b-i) tal-Wet op de vermogensbelasting 1964 (Liġi dwar it-taxxa fuq il-patrimonju 1964) tas-16 ta’ Diċembru 1964 (iktar’il quddiem il-“WV 1964”) jiddefinixxi “beni domestiċi” bħala li jinkludu “proprjetà immobbli li tinsab fl-Olanda jew drittijiet relatati magħha” (sa fejn ma jappartjenux lil impriża Olandiża).

10.      Skont l-Artikolu 13(2)(b) tal-WV 1964, “dejn domestiku” jinkludi dejn iggarantit b’ipoteka fuq proprjetà immobbli li tinsab fl-Olanda sa l-estent li jittieħed kont tal-interessi u l-ispejjeż relatati ma’ dan id-dejn meta jiġi ddeterminat id-dħul domestiku gross taħt l-Artikolu 49 tal-Wet op de Inkomstenbelasting 1964 (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul) tas-16 ta’ Diċembru 1964.

11.      Skont l-Artikolu 49 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-1964, “dħul domestiku gross” jinkludi d-dħul nett totali riċevut minn persuna li ma tkunx residenti fl-Olanda minn proprjetà immobbli li tinsab f’dak l-Istat Membru.

12.      Fir-rigward tat-taxxa tas-suċċessjoni, m’hemm ebda ftehim bejn l-Olanda u l-Italja dwar ħelsien minn taxxa doppja.

III – Il-kuntest fattwali, il-proċedura u d-domandi għal deċiżjoni preliminari

13.      P. L. Arens, li miegħu kienet miżżewġa D.M.M.A. Arens-Sikken, l-appellanta fil-proċeduri prinċipali, miet fit-8 ta’ Novembru 1998. Fil-mument tal-mewt tiegħu, P. L. Arens kien residenti fl-Italja u diġà kien residenti barra mill-Olanda għal aktar minn għaxar snin.

14.      P. L. Arens kien għamel testment, fejn ħalla l-proprjetà tiegħu f’partijiet ugwali lil D.M.M.A. Arens-Sikken u lil kull wieħed mill-erbat itfal tagħhom.

15.      Madankollu, bħala riżultat ta’ diviżjoni testamentarja parentali, kif imsemmi fil-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 1167 tal-Burgerlijke Wetboek (Kodiċi Ċivili), il-patrimonju ta’ P. L. Arens għadda, fl-intier tiegħu, lil D.M.M.A. Arens-Sikken – l-assi kollha u d-djun kollha – bil-kundizzjoni li hi iktar tard tħallas lil kull wieħed mit-tfal l-ekwivalenti fi flus tas-sehem tagħhom tal-patrimonju (“id-dejn għall-għotja żejda tagħha”).

16.      Il-patrimonju kien jinkludi s-sehem ta’ P. L. Arens fi proprjetà immobbli fl-Olanda, b’valur tas-sehem ta’ HFL 475 000 (għal finijiet ta’ ċarezza, minn issa’il quddiem ser nirreferi għal dak is-sehem sempliċiment bħala l-“proprjetà immobbli”).

17.      L-Ispettorat tat-Taxxa Olandiż kien tal-opinjoni li D.M.M.A. Arens-Sikken kienet kisbet, b’wirt minn persuna residenti barra l-pajjiż, proprjetà fl-Olanda ta’ valur ta’ HFL 475 000 u, skont hekk, talabha tħallas taxxa fuq it-trasferiment ikkalkolata fuq il-bażi ta’ dak l-ammont.

18.      D.M.M.A. Arens-Sikken ressqet oġġezzjoni quddiem l-Ispettorat tat-Taxxa u sussegwentement appellat lill-Gerechtshof te’s-Hertogenbosch (il-Qorti Reġjonali tal-Appell ta’’s-Hertogenbosch). L-argument prinċipali quddiem dik il-qorti kien jekk, fir-rigward tal-wirt tagħha tal-proprjetà, D.M.M.A. Arens-Sikken għandhiex tkun mitluba tħallas taxxa fuq akkwist ta’ valur ta’ HFL 475 000 jew fuq akkwist ta’ valur ta’ HFL 95 000 (il-valur ta’ parti waħda minn ħamsa ta’ sehem).

19.      Il-Gerechtshof ċaħdet l-appell bħala mhux fondat fuq il-bażi, interalia, li t-taxxa fuq it-trasferiment torbot mal-wirt tal-proprjetà immobbli taħt il-liġi tas-suċċessjoni. Hija ddeċidiet ukoll li d-diviżjoni parentali kienet tikkonċerna, fir-rigward ta’ D.M.M.A. Arens-Sikken, il-proprjetà immobbli fit-totalità tagħha.

20.      Wara, D.M.M.A. Arens-Sikken ressqet appell fil-kassazzjoni kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden. Fid-digriet tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden tiddikjara li l-Gerechtshof kienet korretta meta ddeċidiet li, għall-finijiet tat-taxxa fuq it-trasferiment, D.M.M.A. Arens-Sikken kienet, skont il-liġi tas-suċċessjoni, kisbet fit-totalità tagħha l-proprjetà immobbli mogħtija lilha. Għalhekk, it-talba prinċipali tagħha fil-kassazzjoni – li tgħid li kien hemm wirt konġunt, segwit minn diviżjoni parentali testamentarja – ma setgħetx tiġi milqugħa.

21.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-Gerechtshof kienet korretta wkoll meta ddikjarat li, sabiex ikun valutat l-obbligu ta’ D.M.M.A. Arens-Sikken fir-rigward tat-taxxa fuq it-trasferiment, ma setax jittieħed kont tad-dejn għall-għotja żejda tagħha taħt id-diviżjoni inter vivos: dan id-dejn ma jistax ikun ikkunsidrat bħala “dejn domestiku” skont it-tifsira tal-Artikolu 13 tal-WV 1964 u, fil-kuntest tat-taxxa fuq it-trasferiment, id-dejn domestiku biss jista’ jitnaqqas.

22.      Madankollu, sa fejn l-effett tad-dispożizzjonijiet statutorji huwa li fl-aħħar mill-aħħar jiġi evitat it-tnaqqis ta’ dejn għal għotja żejda sempliċement minħabba li l-proprjetà kienet intirtet minn persuna li, fil-mument tal-mewt, kienet residenti barra mill-Olanda, il-qorti tar-rinviju issaqsi jekk dik il-konsegwenza hijiex kumpatibbli mal-moviment liberu tal-kapital kif garantit mill-Artikoli 56 KE u 58 KE. F’dak ir-rigward, il-Hoge Raad der Nederlanden qed issaqsi jekk id-dejn għal għotja żejda – filwaqt li tfakkar li, fl-opinjoni tagħha, dan huwa marbut anqas mill-viċin mal-proprjetà immobbli mill-obbligu li jkun trasferit it-titolu f’Barbier (6) jew mill-ispejjeż tal-akkwist f’Gerritse (7) – għandux, bħal f’dawk il-kawżi, ikun ikkunsidrat fid-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima.

23.      F’każ li r-risposta għal dik id-domanda tkun fl-affermattiv, iqumu żewġ kwistjonijiet oħra: l-ewwel, rigward il-metodu korrett li għandu jkun applikat sabiex ikun ikkumparat l-ammont li kien ikun taxxabbli bħala taxxa tas-suċċessjoni mal-ammont taxxabbli bħala taxxa fuq it-trasferiment, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza eventwali ta’ ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital (8); u, it-tieni, dwar ir-rilevanza, jekk hemm, tal-fatt li, jekk id-dejn għal għotja jitnaqqas fl-Olanda, l-Istat Membru tar-residenza jista’, skont il-leġiżlazzjoni tiegħu dwar ħelsien minn taxxa doppja, jagħti bħala konsegwenza konċessjoni iżgħar milli kieku kien ikun il-każ meta jkun qed jiġi vvalutat il-wirt ta’ D.M.M.A. Arens-Sikken għall-finijet tat-taxxa.

24.      F’dan l-isfond, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija s-segwenti d-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1.      L-Artikoli 73b u 73d tat-Trattat KE (li saru, rispettivament, Artikoli 56 KE u 58 KE) għandhom ikunu interpretati bħala li jipprekludu Stat Membru milli jintaxxa l-wirt taħt il-liġi tas-suċċessjoni ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’dak l-Istat Membru u li tifforma parti mill-patrimonju ta’ persuna residenti fi Stat Membru ieħor fil-mument tal-mewt tiegħu fuq il-bażi tal-valur tal-proprjetà immobbli mingħajr ma jittieħed kont tad-dejn għal għotja żejda dovut mill-eredi bħala konsegwenza ta’ diviżjoni testamentarja parentali?

2.      Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv u jekk għandu wkoll ikun determinat permezz ta’ paragun jekk, u sa fejn, id-dejn għal għotja żejda għandu jkun ikkunsidrat, liema metodu ta’ paragun […] għandu jkun użat f’każ bħalma hu dak preżenti sabiex ikun determinat jekk it-taxxa tas-suċċessjoni li kienet tkun imposta li kieku t-testatur kien residenti fl-Olanda fil-mument tal-mewt tiegħu kinitx tkun inqas mit-taxxa fuq it-trasferiment?

3.      Tagħmel xi differenza fl-analiżi tal-obbligu possibbilment impost mit-Trattat KE fuq l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli li jippermetti t-tnaqqis tad-dejn għal għotja żejda fl-intier jew parti minnu jekk dak it-tnaqqis iwassalx għal konċessjoni iżgħar sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja fl-Istat Membru li jqis li għandu l-awtorità li jintaxxa l-patrimonju fuq il-bażi tal-post tar-residenza tat-testatur?”

IV – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Argumenti prinċipali tal-partijiet

25.      Fil-proċeduri preżenti, ġew sottomessi osservazzjonijiet mill-Gvernijiet tal-Olanda u tal-Belġju kif ukoll mill-Kummissjoni, li kollha kienu wkoll irrappreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2007.

26.      Wara li ġiet spjegata l-leġiżlazzjoni Olandiża dwar it-taxxa tas-suċċessjoni u, b’mod partikolari, wara li ġiet iċċarata d-differenza bejn it-taxxa tas-suċċessjoni u t-taxxa fuq it-trasferiment, il-Gvern Olandiż jikkontendi li Domanda 1 għandha tkun imwieġba fin-negattiv.

27.      Fl-opinjoni tiegħu, dik il-pożizzjoni la tinvolvi diskriminazzjoni u lanqas ostaklu għall-moviment liberu tal-kapital.

28.      F’dak ir-rigward, il-Gvern Olandiż jikkontendi, l-ewwel – filwaqt li jibbaża ruħu fuq is-sentenza van Hilten-van der Heijden (9) – li l-fatt li d-dejn għal għotja żejda ma jistax jitnaqqas (għall-finijiet tat-taxxa fuq it-trasferiment) jekk id-de cujus ma kienx residenti fl-Olanda fil-mument tal-mewt, iżda jistgħu jitnaqqsu (għall-finijiet tat-taxxa tas-suċċessjoni) jekk kien residenti hemm, mhuwa xejn ħlief distinzjoni li tirriżulta b’mod naturali mill-mod li bih is-setgħat ta’ tassazzjoni huma allokati bejn l-Istati Membri. L-Olanda hija kompetenti li tintaxxa biss l-akkwist ta’ proprjetà domestika, f’dan il-każ il-proprjetà immobbli. Għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-akkwist b’wirt, is-sitwazzjoni fejn il-mejjet kien residenti fl-Olanda u s-sitwazzjoni fejn kien residenti x’imkien ieħor huma pjuttost differenti u ma jistgħux ikunu ikkumparati.

29.      Il-Gvern Olandiż jikkontendi, fit-tieni lok, li mhija involuta ebda diskriminazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li d-dejn għal għotja żejda mhuwiex marbut mill-qrib mal-proprjetà immobbli fis-sens tas-sentenza Gerritse (10).

30.      Huwa jargumenta, fit-tielet lok, illi dan id-dejn għalhekk m’għandux l-effett li jnaqqas il-valur tal-patrimonju, kif imsemmi fis-sentenza Barbier (11). Tnaqqis fil-valur huwa l-kriterju deċisiv għall-identifikazzjoni ta’ rabta suffiċjenti bejn dejn u proprjetà immobbli. Għall-kuntrarju tal-obbligu li jkun trasferit it-titolu inkwistjoni fis-sentenza Barbier, id-dejn għal għotja żejda fil-kawża preżenti mhuwiex marbut speċifikament mal-proprjetà immobbli fiha nfisha, iżda pjuttost mal-wirt fit-totalità tiegħu.

31.      Waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż ċaħad l-argument imressaq mill-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni Olandiża tipprevedi metodu differenti ta’ kalkolu li għandu jkun applikat skont jekk id-de cujus inkwistjoni kienx residenti jew le, bl-effett li t-tqassim tal-patrimonju jvarja għall-finijiet tat-tassazzjoni. Huwa ammetta, madankollu, li l-piż tat-taxxa in ġenerali jista’ jvarja, prinċipalment minħabba n-natura inkrimentali tat-taxxa applikabbli. Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li d-de cujus ma kienx residenti, taxxa fuq l-akkwist tal-proprjetà b’ wirt kienet imposta fil-forma ta’ taxxa fuq it-trasferiment fuq il-valur tal-proprjetà li tinsab fl-Olanda, li kienet meqjusa li kienet intirtet totalment mill-mara. Kieku, min-naħa l-oħra, P. L. Arens kien residenti fl-Olanda fil-mument tal-mewt, it-taxxa kienet tkun imposta fil-forma ta’ taxxa tas-suċċessjoni u kien jittieħed kont tal-assi u d-djun kollha tal-patrimonju: għalhekk kienet tkun imposta taxxa fuq il-mara, wara li jittieħed kont tad-dejn għal għotja żejda tagħha, u wkoll fuq it-tfal fir-rigward tal-krediti tagħhom għal għotja inqas li jikkorrispondu mal-għotja żejda tal-mara. Il-fatt li fil-kawża preżenti saret stima ta’ taxxa fir-rigward tal-mara biss jirrifletti l-fatt li, meta l-patrimonju kkonċernat huwa dak ta’ persuna li mhijiex residenti, la d-dejn għal għotja żejda u lanqas il-krediti għal għotja inqas mhuma kkunsidrati. Għar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, dik is-sitwazzjoni mhijiex kuntrarja għall-moviment liberu tal-kapital. Il-bażi ta’ stima – fi kliem ieħor, il-valur totali tal-proprjetà immobbli intaxxata – tkun fi kwalunkwe każ l-istess fiż-żewġ każijiet.

32.      B’mod kompletament alternattiv, il-Gvern Olandiż jikkontendi fir-rigward tad-Domanda 2 li kwalunkwe paragun li għandu jsir għandu jkun limitat, skont il-parametri tas-setgħa ta’ tassazzjoni, għall-proprjetà immobbli li tinsab fl-Olanda. Għalhekk, ma jista’ jittieħed ebda kont ta’ elementi estranji tal-wirt jew ta’ kwalunkwe eżenzjonijiet li minnhom il-patrimonju seta’ bbenefika kieku d-de cujus kien residenti fl-Olanda fil-mument tal-mewt (12).

33.      Fir-rigward tad-Domanda 3, il-Gvern Olandiż josserva li, sabiex ikun determinat jekk hemmx ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra kwalunkwe ftehim dwar it-tassazzjoni fis-seħħ bejn l-Istati Membri kkonċernati. B’mod partikolari, jirriżulta mis-sentenza Denkavit Internationaal u Denkavit France (13) li, sabiex ikun stabbilit jekk id-dritt Komunitarju kienx miksur, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel tevalwa l-leġiżlazzjoni nazzjonali u biss f’każ li din tkun kuntrarja għad-dritt Komunitarju hija tipproċedi sabiex teżamina, fit-tieni lok, jekk l-iżvantaġġ subit mill-persuna taxxabbli kienx fil-fatt newtralizzat permezz ta’ ftehim bejn l-Istati Membri inkwistjoni.

34.      Il-Gvern Olandiż jikkonkludi li fl-evalwazzjoni dwar jekk hemmx obbligu li d-dejn għal għotja żejda jitħalla jkun imnaqqas, totalment jew parzjalment, għandu jittieħed kont tal-konsegwenzi meta l-patrimonju kollu huwa vvalutat għat-taxxa mill-Istat Membru li jikkunsidra lilu nnifsu li għandu l-awtorità li jagħmel dan bis-saħħa tal-post ta’ residenza tad-de cujus. B’mod speċifiku, għandha tkun ikkunsidrata l-possibilità li l-Istat Membru tal-aħħar jista’, skont il-leġiżlazzjoni tiegħu dwar ħelsien minn taxxa doppja, jippermetti biss konċessjoni fiskali iżgħar fid-dawl tat-tnaqqis li jkun diġà ngħata.

35.      Il-Gvern Belġjan essenzjalment jaqbel mal-opinjonijiet tal-Gvern Olandiż. Huwa jissuġġerixxi, barra minn hekk, li d-dejn jew passiv fuq patrimonju jistgħu jkunu maqsuma fi tliet tipi: (i) dawk inerenti fil-proprjetà; (ii) dawk li jirriżultaw mill-akkwist tal-proprjetà, li huwa t-tip ta’ dejn inkwistjoni fil-kawża preżenti; u (iii) dawk li jiffurmaw parti mill-patrimonju, iżda li huma assoċjati mal-proprjetà b’mod limitat biss – jew saħansitra bl-ebda mod- , bħal fil-kawża Eckelkamp et. Il-Gvern Belġjan jikkontendi li, skont is-sentenza Barbier (14), l-Istat Membru li fih il-proprjetà tinsab għandu jikkunsidra, fir-rigward tal-istima tat-taxxa ta’ wirt minn persuna mhux residenti, biss id-dejn tal-ewwel tip, fi kliem ieħor, dejn intrinsiku għall-proprjetà li tinsab fit-territorju tiegħu.

36.      Huwa jenfasizza li fil-kuntest tat-tassazzjoni diretta, is-sitwazzjonijiet ta’ persuni residenti u persuni mhux residenti mhumiex, bħala regola, komparabbli.

37.      Huwa jargumenta, barra minn hekk, li l-Istat Membru biss li fih id-de cujus kien residenti (“l-Istat Membru ta’ residenza”) huwa f’pożizzjoni li jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu fit-totalità tagħha u jikkunsidra l-assi u d-djun kollha fil-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni. Għalhekk, dejn bħalma huwa dak inkwistjoni huwa, fil-prinċipju, dejjem ikkunsidrat mill-Istat Membru ta’ residenza. B’hekk, it-tnaqqis ta’ dan id-dejn fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà jista’ fil-fatt iwassal għal tnaqqis doppju.

38.      Fir-rigward tad-Domanda 2, il-Gvern Belġjan jikkontendi li f’każ li l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli jkollu jippermetti t-tnaqqis ta’ dejn għal għotja żejda, dan it-tnaqqis għandu jkun possibbli biss jekk il-proporzjon tad-dejn attribwibbli lill-proprjetà domestika ma jkunx diġà ġie mnaqqas mill-Istat Membru tar-residenza għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni dovuta f’dak l-Istat. Barra minn hekk, tnaqqis għandu jkun possibbli biss sakemm it-taxxa fuq it-trasferiment imposta fuq il-proprjetà domestika trendi l-piż tat-taxxa ogħla milli kien ikun li kieku d-de cujus kien residenti fl-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà u, għalhekk, kienet taxxa tas-suċċessjoni ġiet imposta minflok (f’liema każ il-beni totali fid-dinja kollha tal-patrimonju kienu jkunu kkunsidrati).

39.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għad-Domanda 3, il-Gvern Belġjan jaqbel essenzjalment mal-Gvern Olandiż.

40.      Skont il-Kummissjoni, li twieġeb id-Domandi 1 u 2 flimkien, is-sitwazzjoni ta’ persuna residenti fl-Olanda u li, ġeneralement, irċeviet ħafna mid-dħul tagħha hemmhekk mhijiex fil-prinċipju komparabbli mas-sitwazzjoni ta’ persuna li mhix residenti fl-Olanda u li tippossjedi biss proprjetà immobbli hemmhekk. Il-Kummissjoni taqbel mal-Gvern Belġjan u Olandiż li kwalunkwe eżenzjoni għandha tkun applikata fl-Istat Membru tar-residenza u li – għall-kuntrarju tad-dejn diskuss fil-kawża Eckelkamp et – id-dejn għal għotja żejda m’għandux ikun ikkunsidrat bħala dejn marbut mill-qrib mal-proprjetà immobbli fis-sens tas-sentenza Barbier (15). Dan id-dejn m’għandux l-effett li jnaqqas il-valur tal-proprjetà immobbli kkonċernata.

41.      Il-Kummissjoni ssostni, madankollu – filwaqt li tara d-domanda minn perspettiva oħra – li l-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni mhijiex koerenti, fis-sens li l-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni (applikabbli meta d-de cujus kien residenti fl-Olanda) kien ikun ibbażat fuq is-suppożizzjoni li kien hemm diversi eredi, filwaqt li t-taxxa fuq it-trasferiment (applikabbli meta d-de cujus ma kienx residenti) tista’ tkun ikkalkulata – bħal fil-każ preżenti – fuq is-suppożizzjoni li l-wirt kien għadda biss lil persuna waħda, fi kliem ieħor il-mara. Minħabba n-natura inkrimentali ta’ dawk it-taxxi, dak jista’ jwassal li l-piż tat-taxxa ġenerali fuq il-proprjetà immobbli jvarja skont jekk id-de cujus kienx residenti fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni. Waqt l-seduta, il-Kummissjoni spjegat li hi ma tikkritikax in-natura inkrimentali tat-taxxa fiha infisha, iżda pjuttost il-fatt li, fl-opinjoni tagħha, huwa possibbli li, f’każijiet fejn id-de cujus ma kienx residenti, il-konjuġi li jibqa’ ħaj biss ikun ikkunsidrat bħala l-eredi u intaxxat bħala konsegwenza ta’ dan, filwaqt li f’każijiet fejn id-de cujus kien residenti, it-taxxa hija imposta fuq l-eredi kollha u fuq il-krediti rispettivi tagħhom għal għotja inqas.

42.      Il-Kummissjoni tikkonkludi li, f’dawk iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni tista’ tmur kontra l-moviment liberu tal-kapital, peress li ma tressqet ebda ġustifikazzjoni valida mill-Gvern Olandiż.

43.      Fir-rigward tad-Domanda 3, il-Kummissjoni tosserva li, fir-rigward tat-taxxa tas-suċċessjoni, m’hemm ebda ftehim bejn l-Olanda u l-Italja dwar ħelsien minn taxxa doppja. Hija targumenta wkoll li Stat Membru ma jistax, sabiex jiġġustifika restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, jiddependi fuq kreditu jew konċessjoni fiskali li Stat Membru ieħor jista’ – jekk ikun jixtieq – jipprevedi u li jista’ jikkumpensa totalment jew parzjalment l-iżvantaġġ sostnut mill-persuna taxxabbli. Għalhekk mhuwiex rilevanti għar-raġunijiet preżenti jekk u sa fejn l-Istat ta’ residenza jista’ jagħti din il-konċessjoni.

B –    Evalwazzjoni

44.      Permezz tad-domandi tagħha, li nikkunsidra xieraq li jkunu eżaminati flimkien (16), il-qorti tar-rinviju qed issaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik diskussa fil-proċeduri prinċipali, taħt liema – għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tat-taxxa dovuta fuq il-wirt ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru – jista’ jkun ikkunsidrat dejn għal għotja żejda jekk il-persuna li mingħandha l-proprjetà immobbli kienet intirtet kienet residenti, fil-mument tal-mewt, f’dak l-Istat Membru, iżda mhux jekk, bħal fil-każ quddiem il-qorti tar-rinviju, dik il-persuna kienet residenti fi Stat Membru ieħor.

45.      Jista’ jingħad ukoll fir-rigward tas-suġġett tal-proċeduri preżenti li din il-Qorti mhijiex ikkonċernata bil-kwistjoni mqajjma fil-proċeduri prinċipali rigward jekk, għall-finijiet tal-impożizzjoni tat-taxxa fuq it-trasferiment, l-appellanta quddiem il-qorti tar-rinviju għandhiex tkun ikkunsidrata bħala li wirtet il-proprjetà immobbli fit-totalità tagħha jew jekk kienx hemm wirt konġunt. Dik hija kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata skont il-liġi tas-suċċessjoni nazzjonali, li barra minn hekk jidher mid-digriet tar-rinviju li ġiet solvuta mill-qorti tar-rinviju li tikkunsidra li l-appellanta kienet wirtet il-proprjetà immobbli fit-totalità tagħha.

46.      Sussegwentement, għandu jkun imfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, huma għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza b’mod konformi mad-dritt Komunitarju (17).

47.      Fir-rigward, b’mod aktar partikolari, l-applikabilità ratione materiae tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital għal sitwazzjoni bħal dik diskussa – li, fil-fatt, ma ġietx ikkontestata mill-partijiet għall-proċeduri preżenti – hija ġurisprudenza stabbilita li s-suċċessjoni hija moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE (li qabel kien l-Artikolu 73b tat-Trattat KE), ħlief f’każijiet fejn l-elementi kostituttivi tagħha jkunu limitati għal Stat Membru wieħed (18).

48.      Huwa biżżejjed li jiġi osservat f’dak ir-rigward li s-sitwazzjoni fil-kawża quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden mhijiex, b’mod ċar, purament domestika peress illi tikkonċerna t-tassazzjoni tal-akkwist b’wirt ta’ proprjetà immobbli minn persuna residenti, fil-mument tal-mewt, fi Stat Membru li mhuwiex l-Olanda, jiġifieri, li mhuwiex l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli.

49.      Il-wirt diskuss fil-proċeduri prinċipali għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

50.      Huwa għalhekk neċessarju li jkun eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din inkwistjoni tammontax għal restrizzjoni projbita fuq il-moviment liberu tal-kapital.

51.      Fil-kawża inkwistjoni hija diskussa d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni fiskali Olandiża, fir-rigward tat-tassazzjoni tas-suċċessjoni, bejn żewġ sitwazzjonijiet: (i) meta proprjetà immobbli li tinsab fl-Olanda tintiret minn persuna li mhijiex residenti u (ii) meta din il-proprjetà tintiret minn persuna residenti.

52.      Fil-każ (i) (is-sitwazzjoni hawnhekk), il-proprjetà immobbli hija suġġetta għal taxxa fuq it-trasferiment, li ma tippermettix li d-dejn għal għotja żejda, bħal dak sostnut minn D.M.M.A. Arens-Sikken bħala riżultat tal-diviżjoni testamentarja parentali, ikun imnaqqas mill-valur tal-proprjetà għall-finijiet tal-kalkolu tal-bażi ta’ stima, peress li dan id-dejn mhuwiex ikkunsidrat bħala “dejn domestiku” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tal-WV 1964, kif interpretat mill-Gerechtshof u l-qorti tar-rinviju. Taxxa fuq it-trasferiment hija għalhekk imposta fuq il-valur tal-proprjetà kkonċernata mingħajr tnaqqis.

53.      B’kuntrast ma’ dan, fil-każ (ii), l-akkwist b’wirt tal-proprjetà immobbli huwa suġġett minflok għal taxxa tas-suċċessjoni, li jfisser li d-dejn għal għotja żejda jkun ikkunsidrat fid-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima.

54.      Il-Gvern Olandiż enfasizza f’dak ir-rigward, madankollu, li għalkemm huwa veru li, għall-finijiet tat-taxxa tas-suċċessjoni, jittieħed kont tad-dejn għal għotja żejda ta’ D.M.M.A. Arens-Sikken, il-krediti korrispondenti għal għotja nieqsa tal-eredi l-oħra jkunu wkoll suġġetti għat-taxxa.

55.      Il-Gvern Olandiż madankollu ma ċaħadx id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li, minħabba l-fatt li kemm it-taxxa fuq it-trasferiment kif ukoll it-taxxa tas-suċċessjoni huma taxxi progressivi, it-tassazzjoni globali tal-proprjetà immobbli tista’ tkun ogħla f’każijiet bħal dak quddiem il-qorti tar-rinviju milli kienet tkun kieku l-proprjetà kienet intirtet minn persuni residenti u suġġetta għat-taxxa tas-suċċessjoni.

56.      Jibqa’ l-fatt, konsegwentement, li d-dejn fiskali totali f’każ bħal dak ta’ D.M.M.A. Arens-Sikken – fejn ma jistax jittieħed kont tad-dejn għal għotja żejda tagħha għad-determinazzjoni tat-taxxa fuq it-trasferiment – huwa ikbar minn dak li jkun imġarrab kieku t-taxxa tas-suċċessjoni kienet applikabbli, fi kliem ieħor, li kieku l-proprjetà immobbli intirtet minn persuna residenti. Barra minn hekk, dik il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata mill-fatt li, kif kien ikkontenda l-Gvern Olandiż, il-proprjetà immobbli trasferita fiha nfisha hija vvalutata bl-istess valur f’kull każ.

57.      Huwa għalhekk ċar illi, taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża dwar it-taxxa tas-suċċessjoni, wirt bħal ma hu dak inkwistjoni, miksub minn persuna li mhix residenti, jirċievi trattament fiskali inqas favorevoli meta mqabbel ma’ tali wirt miksub minn persuna residenti.

58.      F’dak ir-rigward, għandu jkun osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-kawża Barbier li wkoll kienet ikkonċernat t-tassazzjoni ta’ proprjetà immobbli miksuba b’wirt minn persuna li mhix residenti – li miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56 KE bħala restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital jinkludu dawk li l-effett tagħhom huwa li jnaqqsu l-valur tas-suċċessjoni ta’ persuna residenti fi Stat li mhuwiex l-Istat Membru li fih jinsabu l-beni kkonċernati u li jintaxxa l-wirt ta’ dawk il-beni (19).

59.      Il-Gvern Olandiż ssottometta f’dak ir-rigward li l-każ inkwistjoni għandu jkun distint minn dak tal-kawża Barbier, fis-sens li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hawnhekk m’għandhiex l-effett li tnaqqas il-valur tas-suċċessjoni fis-sens tal-kawża hawn fuq imsemmija, billi, għall-kuntrarju tal-obbligu li jkun trasferit it-titolu inkwistjoni fil-kawża Barbier, l-obbligu inkwistjoni f’dan il-każ mhuwiex marbut mal-proprjetà immobbli b’tali mod li jaffettwa l-valur fih innifsu li bih il-proprjetà hija vvalutata, kemm għat-taxxa fuq it-trasferiment kif ukoll għat-taxxa tas-suċċessjoni.

60.      Minix konvint, madankollu, mir-rilevanza ta’ dik id-distinzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, il-valur tas-suċċessjoni, muri fid-dawl tar-realtajiet ekonomiċi, huwa mnaqqas ukoll fis-sens tal-kawża Barbier jekk il-valur tas-suċċessjoni ikkunsidrat fit-totalità tiegħu huwa, bħal fil-każ preżenti, imnaqqas – meta mqabbel ma’ sitwazzjoni purament domestika – bħala riżultat tal-fatt li d-dejn għal għotja żejda sostnut meta l-proprjetà kienet miksuba b’wirt ma jistax jitnaqqas.

61.      Kemm mill-perspettiva ta’ testatur (prospettiv) – li jikkunsidra dawn l-effetti fiskali meta jieħu residenza fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu fejn għandu proprjetà immobbli jew meta jikseb proprjetà immobbli f’dan l-aħħar Stat filwaqt li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor (20) – u, afortiori, mill-perspettiva tal-eredi, id-domanda deċiżiva mhijiex f’liema punt fid-determinazzjoni tat-taxxa dovuta ma jkunx “teknikament” ikkunsidrat obbligu jew fattur ieħor kapaċi li jnaqqas l-ammont tat-taxxa, iżda pjuttost id-domanda dwar jekk il-piż ġenerali tat-taxxa ikunx ogħla, bl-effett li l-valur totali tal-wirt finalment riċevut ikun imnaqqas (21).

62.      Isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali diskussa fil-proċeduri prinċipali tista’, fil-prinċipju, tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital.

63.      Madankollu, il-Gvern Olandiż, sostnut mill-Gvern Belġjan, essenzjalment jibbaża ruħu fuq żewġ argumenti ewlenin sabiex juri li dik il-leġiżlazzjoni hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u li d-distinzjoni li fuqha hija bbażata hija ġġustifikata. Huwa jsostni, l-ewwel nett, filwaqt li jibbaża ruħu fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħas-sentenzi Schumacker (22) u Gerritse (23), li s-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ de cujus residenti u ta’ de cujus mhux residenti mhumiex komparabbli fir-rigward tat-tassazzjoni ta’ akkwist b’wirt. Fit-tieni lok, u b’konnessjoni mill-viċin ma’ dak l-argument, huwa jinnota li n-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dejn għal għotja żejda fil-każ ta’ proprjetà immobbli li ntirtet mingħand persuna li mhix residenti huwa stabbilit fil-prinċipji tad-dritt fiskali internazzjonali, abbażi ta’ liema huwa l-Istat Membru ta’ residenza li għandu jikkunsidra obbligi personali bħal dawk inkwistjoni hawnhekk.

64.      Sabiex jitqies jekk dawk il-kunsiderazzjonijiet jistgħux jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti, jista’ jkun utli li jiġu mfakkra ċertu aspetti ta’ “l-ambjent legali” li fih id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital joperaw fir-rigward tat-tassazzjoni diretta u li tkun rikapitulata fil-qosor il-ġurisprudenza rilevanti f’dak il-kuntest.

65.      Għandu jkun imfakkar, b’mod partikolari, li sa fejn ebda miżuri Komunitarji ta’ għaqda jew ta’ armonizzazzjoni ma ġew adottati fir-rigward tat-tassazzjoni diretta għal dak il-għan, l-Istati Membri jibqgħu fil-prinċipju kompetenti sabiex jiddeterminaw il-kriterji għat-tassazzjoni u li jiddeterminaw il-fatturi ta’ konnessjoni sabiex jiġu allokati s-setgħat ta’ tassazzjoni, kemm unilateralment jew permezz ta’ ftehim internazzjonali (24).

66.      Konsegwenza waħda, li se jkolli nerġa’ nirreferi għaliha iktar’il quddiem, hija li, bħal f’oqsma oħrajn fejn m’hemmx armonizzazzjoni Komunitarja, l-Artikolu 56 KE ma jipprojbixxix restrizzjonijiet jew żvantaġġi li jirriżultaw sempliċiment mid-disparitajiet eżistenti bejn is-sistemi tat-taxxa nazzjonali u l-eżerċizzju parallel minn żewġ Stati Membri tas-setgħat ta’ tassazzjoni sovrani tagħhom (25). L-implikazzjoni hija li l-Artikolu 56 KE jkopri, b’kuntrast, restrizzjonijiet li huma attribwibbli għar-regoli tat-taxxa ta’ Stat Membru wieħed.

67.      Sussegwentement, jista’ jintqal li l-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment aċċettat kriterji ta’ tqassim li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ territorjalità u rrikonoxxiet, b’mod partikolari, li r-residenza hija, għall-finijiet ta’ taxxa, il-fattur konnettiv li fuqu id-dritt internazzjonali tat-taxxa huwa bħala regola fondat għall-finijiet tal-allokazzjoni tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati f’sitwazzjonijiet li jinvolvu elementi estranji (26).

68.      F’dak id-dawl, il-post tar-residenza ta’ persuna taxxabbli jista’ għalhekk – bħala kriterju għall-allokazzjoni tas-setgħat ta’ tassazzjoni – jkun oġġettivament rilevanti fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ taxxi indiretti.

69.      Huwa f’dak l-isfond li, kif osserva l-Gvern Olandiż, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat fil-linja ta’ kawżi Schumacker li, fir-rigward ta’ taxxi indiretti, is-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ persuni residenti u persuni mhux residenti mhumiex, bħala regola, komparabbli, sabiex, fid-dritt fiksali, huwa possibbli li r-residenza tal-persuna li tħallas it-taxxa tista’ tikkostitwixxi fattur li jiġġustifika regoli nazzjonali li jipprevedu trattament differenti bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa residenti u dawk mhux residenti (27).

70.      Fuq l-istess linja, l-Artikolu 58(1)(a) KE jipprovdi espressament li “l-Artikolu 56 [KE] m’għand[ux] jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri … li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li m’humiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom […]”.

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament enfasizzat, madankollu, li dik id-dispożizzjoni, sa fejn hija eċċezzjoni għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tkun interpretata strettament u li mhux il-leġiżlazzjoni fiskali kollha li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa fuq il-bażi tal-post tar-residenza tagħhom jew l-Istat Membru li fih jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kumpatibbli mat-Trattat (28).

72.      Barra minn hekk, l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 58(1)(a) KE hija fiha nfisha limitata mill-Artikolu 58(3) KE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 58(1) KE “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56 [KE]”.

73.      Għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn it-trattament mhux ugwali li huwa permess taħt l-Artikolu 58(1)(a) KE u diskriminazzjoni arbitrarja li hija pprojbita mill-Artikolu 58(3) KE. Kif isegwi f’dak ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament komparabbli jew tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (29).

74.      Huwa għalhekk ċar li dak li jservi fl-analiżi finali bħala miżura huwa l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, jew ta’ non-diskriminazzjoni, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod (30).

75.      Għalkemm, fil-prinċipju, għandu jkun ikkunsidrat f’kull sitwazzjoni speċifika jekk kriterju li jagħmel distinzjoni bħar-residenza huwiex element oġġettiv rilevanti li jista’ jiġġustifika d-differenza fit-trattament ikkonċernat (31), il-ġurisprudenza turi ċertu kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat sabiex tistabbilixxi jekk żewġ sitwazzjonijiet humiex oġġetivament komparabbli fir-rigward ta’ ċerta miżura fiskali.

76.      Jista’ jkun osservat, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti importanza lill-konsistenza fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ tassazzjoni fis-sens illi, meta Stat Membru ikun għażel li jimponi forma partikolari ta’ taxxa fuq persuni mhux residenti kif ukoll fuq persuni residenti, isegwi li persuni residenti u persuni mhux residenti għandhom ukoll ikunu kkunsidrati bħala komparabbli fir-rigward ta’ kwalunkwe tnaqqis li jirrigwarda dik it-tassazzjoni (32).

77.      Għalhekk, fis-sentenza tagħha Denkavit Internationaal u Denkavit France, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li malli Stat Membru, unilateralment jew permezz ta’ konvenzjoni, jimponi t-taxxa fuq id-dħul mhux biss fuq l-azzjonisti residenti, iżda wkoll fuq azzjonisti mhux residenti, fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija azzjonisti mhux residenti ssir tixbah lil dik tal-azzjonisti residenti (33).

78.      Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jipproċedi fuq linji simili f’numru ta’ kawżi li minnhom jidher li, sa fejn is-sitwazzjonijiet ta’ persuni residenti u ta’ persuni mhux residenti huma kkunsidrati taħt il-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru bħala komparabbli fir-rigward ta’ ċertu forma ta’ dħul, assi jew, b’mod iktar ġenerali, avveniment taxxabbli, is-sitwazzjonijiet tagħhom għandhom wkoll ikunu kkunsidrati bħala komparabbli fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż, passiv jew obbligi li huma b’xi mod “marbuta direttament” mad-dħul, assi jew avveniment taxxabbli li fuqhom it-taxxa hija mposta.

79.      Għaldaqstant, fis-sentenza Gerritse, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, minħabba l-fatt li l-ispejjeż tan-negozju inkwistjoni kienu marbuta direttament mal-attività li ġġenerat d-dħul taxxabbli fil-Ġermanja, persuni residenti u dawk mhux residenti kienu mpoġġija f’sitwazzjoni komparabbli f’dak ir-rigward sabiex il-persuni residenti u dawk mhux residenti wkoll kellhom ikunu trattati bl-istess mod fir-rigward tat-tnaqqis ta’ dawk l-ispejjeż (34). B’mod simili fil-kawża Bouanich, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat leġiżlazzjoni li, fir-rigward tat-tassazzjoni ta’ pagamenti lil azzjonisti fl-okkażjoni ta’ xiri mill-ġdid ta’ ishma, ippermettiet lill-azzjonisti residenti jnaqqsu l-ispejjeż tal-akkwist ta’ dawk l-ishma, filwaqt li dak it-tnaqqis kien miċħud lill-azzjonisti mhux residenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, peress li l-ispejjeż tal-akkwist kienu marbuta direttament mal-ħlas suġġett għat-taxxa, iż-żewġ kategoriji ta’ persuni li jħallsu taxxa kienu, f’dak ir-rigward, f’sitwazzjoni komparabbli (35).

80.      F’dak l-isfond għandu jkun osservat fil-każ inkwistjoni, l-ewwel nett, li għalkemm it-taxxi tas-suċċessjoni applikabbli huma formalment imposti fuq il-valur tal-proprjetà immobbli li tifforma parti mill-patrimonju ta’ persuna li mhix residenti, m’għandux ikun injorat il-fatt li s-suċċessjoni hija intaxxata f’idejn l-eredi. Għaldaqstant, il-kawża ma tikkonċernax esklussivament is-sitwazzjoni personali tad-de cujus u r-responsabbiltà tal-Istat Membru tar-residenza tiegħu li jikkunsidra, skont il-prinċipju ta’ residenza invokat mill-Gvern Olandiż, iċ-ċirkustanzi u l-obbligi personali kollha tiegħu, peress li huma l-eredi li huma l-persuni taxxabbli taħt l-SW 1956 u suġġetti għat-taxxa skont is-sehem taghhom fil-wirt.

81.      B’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn l-eredi nfushom kienu residenti fl-Olanda, u li fir-rigward tagħhom l-istess regola ta’ nuqqas ta’ tnaqqis apparentament tapplika fir-rigward tas-suċċessjoni ta’ proprjetà immobbli mingħand persuna mhux residenti, wieħed jista’ jsaqsi jekk l-Istat ta’ residenza jkunx verament f’pożizzjoni aħjar sabiex jikkunsidra obbligi bħal dawk inkwistjoni, li huma sostnuti mill-eredi minħabba l-għotja żejda tiegħu (36).

82.      Fit-tieni lok, l-okkażjoni li fiha d-dejn għal għotja żejda huwa sostnut hija l-akkwist b’wirt li fuqu huma imposti t-taxxi fuq it-trasferiment. Huma għalhekk direttament marbuta mat-trasferiment lill-eredi tal-proprjetà immobbli li jagħti lok għall-impożizzjoni tat-taxxi tas-suċċessjoni.

83.      Fit-tielet lok, għandu jkun osservat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tirrikonoxxi b’implikazzjoni li s-sitwazzjonijiet fejn proprjetà immobbli tintiret minn persuni residenti u minn persuni mhux residenti rispettivament huma komparabbli, sa fejn din tipprovdi (taħt l- SW 1956) għal taxxa tas-suċċessjoni li għandha tkun intaxxata fiż-żewġ każijiet, jew fil-forma ta’ taxxa tas-suċċessjoni jew bħala taxxa fuq it-trasferiment. Mill-proċess jirriżulta b’mod ċar li, bl-eċċezzjoni tal-possibiltajiet għal tnaqqis, dawk iż-żewġ taxxi huma fil-prinċipju żewġ faċċati tal-istess munita.

84.      F’dawk iċ-ċirkostanzi, ma jistax fl-opinjoni tiegħi jkun sostnut li, fir-rigward tat-tnaqqis ta’ dejn għal għotja żejda, is-sitwazzjoni ta’ persuna li tiret proprjetà immobbli minn persuna mhux residenti hija oġġettivament differenti minn dik ta’ persuna li tiret minn persuna residenti. Għalhekk, ma narax kif is-sempliċi fatt li d-de cujus ma kienx, fil-mument tal-mewt, residenti fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli li tifforma parti mill-patrimonju tiegħu jista’ jipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva sabiex eredi jkun miċħud, f’sitwazzjoni bħal ma hi dik quddiem il-qorti tar-rinviju, it-tnaqqis ta’ dejn għal għotja żejda sostnuti fl-okkażjoni tal-akkwist ta’ dik il-proprjetà permezz ta’ wirt.

85.      Isegwi minn dak li ntqal li d-differenza fit-trattament fiskali inkwistjoni tammonta għal diskriminazzjoni arbitrarja u hija għalhekk inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

86.      Fl-aħħar nett, għandu jkun miżjud li, kif il-Kummissjoni ġustament iddikjarat, id-domanda dwar jekk jew sa fejn l-Istat Membru ta’ residenza tad-de cujus jista’ jagħti kreditu jew konċessjoni fiskali ma jista’ jkollha ebda rilevanza fuq dik il-konstatazzjoni.

87.      Dak huwa fil-fatt konsegwenza tan-nuqqas ta’ regoli komuni li jirregolaw l-allokazzjoni tas-setgħat ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri (37), li – partikolarment f’każ bħal dan fejn m’hemmx ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja – jrendi l-obbligi ta’ Stat Membru taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital dipendenti b’mod fortwitu fuq il-mod li bih Stat Membru ieħor għażel li jagħmel użu mis-setgħat ta’ tassazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, ikun diffiċli ħafna li jkun stabbilit sistematikament f’kull każ, anke jekk l-Istat ta’ residenza pprovda sabiex tingħata konċessjoni jew kreditu, jekk l-effett żvantaġġuż tat-tassazzjoni fl-Istat Membru fejn tinstab il-proprjetà jkunx totalment paċut.

88.      Barra minn hekk, anke jekk, fir-rigward tal-każ inkwistjoni, l-iżvantaġġ sostnut mill-eredi fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà ikun totalment paċut b’kreditu jew konċessjoni mogħtija mill-Istat Membru ta’ residenza tad-de cujus, dak jista’ ma jkunx il-każ f’sitwazzjonijiet fejn id-de cujus kien residenti fi Stat Membru ieħor.

89.      Huwa ċar ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-każ tat-tassazzjoni diretta, il-possibiltà li dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu ġew miksura hija bħala regola evalwata fuq il-bażi ta’ approċċ pajjiż b’pajjiż (38).

90.      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, l-argument imressaq mill-Gvern Olandiż li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dejn għal għotja żejda inkwistjoni jista’ jwassal għal tnaqqis doppju, hija ġurisprudenza stabbilita li ċittadin Komunitarju ma jistax ikun miċħud mid-dritt li jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat għar-raġuni li huwa qed jieħu profitt minn vantaġġi fiskali li huma legalment previsti fir-regoli fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat ta’ residenza tiegħu (39).

91.      Isegwi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, li permezz tagħha – għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tat-taxxa dovuta fuq il-wirt ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni dejn għal għotja żejda li jirriżulta minn diviżjoni testamentarja parentali, jekk il-persuna mingħand min il-proprjetà intirtet kienet residenti, fil-mument tal-mewt, f’dak l-Istat Membru, iżda mhux jekk dik il-persuna kienet residenti fi Stat Membru ieħor. Mhuwiex rilevanti f’dak ir-rigward jekk jew sa fejn l-Istat Membru ta’ residenza tad-de cujus jista’ jagħti konċessjoni fiskali.

V –    Konklużjoni

92.      Għar-raġunjiet hawn fuq esposti, nipproponi li d-domandi mressqa mill- Hoge Raad der Nederlanden għandhom jingħataw din ir-risposta:

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, li permezz tagħha – għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tat-taxxa dovuta fuq il-wirt ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni dejn għal għotja żejda li jirriżulta minn diviżjoni testamentarja parentali, jekk il-persuna mingħand min il-proprjetà intirtet kienet residenti, fil-mument tal-mewt, f’dak l-Istat Membru, iżda mhux jekk dik il-persuna kienet residenti fi Stat Membru ieħor.

Mhuwiex rilevanti f’dak ir-rigward jekk jew sa fejn l-Istat Membru ta’ residenza tad-de cujus jista’ jagħti konċessjoni fiskali.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Eckelkamp et, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


3 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003 (C-364/01, Ġabra p. I-15013).


4 – Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006 (C-513/03, Ġabra p. I-1957).


5 – ĠU 1988 L 178, p. 5.


6 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


7 – Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003 (C-234/01, Ġabra p. I-5933).


8 – F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqabbel l-approċċi ddefiniti f’Barbier, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, b’mod partikolari fil-punt 62, u Gerritse, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, rispettivament.


9 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


10 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 27.


11 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


12 – F’dan ir-rigward, qed isir riferiment għas-sentenzi Gerritse, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, u tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I-225).


13 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006 (C-170/05, Ġabra. p. I-11949).


14 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


15 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


16 – B’mod partikolari, kif se jsir evidenti mill-evalwazzjoni li ġejja, id-domanda dwar jekk hemmx jew le restrizzjoni jew diskriminazzjoni pprojbita mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital ma tistax tiġi mwieġba mingħajr ma jkun applikat punt ta’ referenza jew metodu ta’ paragun.


17 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19); tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 15), u tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz (C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 21).


18 – Ara, fost oħrajn, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Jäger (C-256/06, Ġabra p. I-123, punt 25), u s-sentenza van Hilten-van der Heijden, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 42.



19 – Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi Barbier, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 62; van Hilten-van der Heijden, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 44; u, l-aktar reċenti, Jäger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 18, punt 30.


20 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo mogħtija fil-kawża Barbier, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 30.


21 – Ara wkoll f’dan ir-rigward is-sentenza Jäger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 32, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ikkunsidrat li kien deċiżiv f’dan il-kuntest li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jirriżultaw f’wirt li huwa suġġett għal taxxa tas- suċċessjoni li hi ogħla minn dik li kienet tkun pagabbli f’sitwazzjoni purament domestika.


22 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


23 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


24 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly (C-336/96, Ġabra p. I-2793, punti 24 u 30), u tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN (C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 57).


25 – F’dan is-sens, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007, Porto Antico di Genova (C-427/05, Ġabra p. I-9303, punt 19), u tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C-513/04, Ġabra p. I-10967, punt 22).


26 – Ara, pereżempju, is-sentenza Gerritse, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 45.


27 – Fis-sentenza tagħha Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, li s-sitwazzjoni ta’ persuna residenti hija differenti minn dik ta’ persuna li m’hijiex residenti “sa fejn il-parti ewlenija tad-dħul tagħha hija normalment ikkonċentrata fl-Istat ta’ residenza. Barra minn hekk, dak l-Istat ġeneralment għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tkun evalwata l-kapaċità ġenerali tal-persuna li tħallas it-taxxa li tħallas, wara li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi personali u familjari tiegħu” (ara l-punti 31 u 33).


28 – Ara, b’mod parikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra. p. I-10837, punt 37); Manninen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 28, u Jäger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 40..


29 – Ara, fost oħrajn, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Manninen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 28 u 29; tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43); tal-5 ta’ Lulju 2005, D. (C-376/03, Ġabra p. I-5821, punt 25), u tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert (C-512/03, Ġabra p. I-7685, punt 42).


30 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 30. Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1977, National Farmers’ Union et (C-354/95, Ġabra p. I-4559, punt 61), u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 31).


31 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 38.


32 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza (270/83, Rec. p. 273, punt 20). Ara wkoll il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Futura Participations u Singer (sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, C-290/95, Ġabra p. I-2471, punti 38 u 39).


33 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 35. Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 68).


34 – Sentenza Gerritse iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 27 u 28. F’dak li jikkonċerna r-referenza għal “rabta diretta”, ara wkoll is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 40) u Jäger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 44.


35 – Sentenza Bouanich iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punti 39 u 40; għal iktar referenza għall-kriterju ta’ “rabta diretta” ara wkoll is-sentenza Jäger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 44. Jidhirli, madankollu, li dak li jikkostitwixxi “rabta diretta” suffiċjenti jiddependi ħafna fuq il-kuntest konkret u, b’mod partikolari, fuq it-tip ta’ taxxa inkwistjoni. Għalhekk minix konvint li huwa bżonnjuż jew anke possibbli li ssir distinzjoni, kif issuġġerixxa l-Gvern Belġjan, in abstracto bejn ċertu livelli ta’ “direttezza” li obbligu jew passiv jista’ juri, pereżempju, fir-rigward ta’ beni li fir-rigward tiegħu tkun imposta taxxa.


36 – Ara f’dan il-kuntest in-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ’il fuq. Meta narawha minn dik il-perspettiva, is-sitwazzjoni preżenti tixbah ukoll każijiet li jikkonċernaw it-tassazzjoni ta’ dħul li ġej minn sors barrani, pereżempju minn dividendi, mill-Istat ta’ residenza tal-persuna taxxabbli u li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat ta’ residenza tiegħu, il-pożizzjoni ta’ azzjonist li jirċievi dividendi m’hijiex neċessarjament mibdula sempliċiment minħabba l-fatt li huwa jirċievi dawk id-dividendi minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li, fl-eżerċizzju tas-sovranità fiskali tiegħu, jagħmel dawk id-dividendi suġġetti għal tnaqqis f’ras il-għajn permezz ta’ taxxa fuq id-dħul. Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari , is-sentenza Kerckhaert u Morres, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 19.


37 – Ara l-punt 66 hawn fuq.


38 – Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħatx l-argument li huwa Stat ieħor li għandu, anke jekk hemm ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja, jikkorreġi l-effetti ta’ restrizzjoni: ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Denkavit Internationaal et Denkavit France, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 51 u 52, u tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 55.


39 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Barbier, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 71.