Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2009 1(1)

Kawża C-357/07

TNT Post UK Ltd

The Queen

vs

The Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Tranżazzjonijiet eżenti – Kunċett ta’ ‘servizzi postali pubbliċi’ – Servizz universali – Prinċipju ta’ newtralità fiskali”





I –    Introduzzjoni

1.        F’dawn il-proċeduri, il-High Court of Justice (England & Wales) (Administrative Court) qed titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) (2), li jipprovdi għall-eżenzjoni tas-servizzi pprovduti mis-“servizzi postali pubbliċi”. B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat x’tifsira għandha tingħata lil dan il-kunċett f’suq illiberalizzat tas-servizzi postali.

2.        Fil-kawża prinċipali, TNT Post UK Limited (iktar ’il quddiem “TNT”) toġġezzjona għall-fatt li s-servizzi postali kollha pprovduti minn Royal Mail Group Limited (iktar ’il quddiem “Royal Mail”), il-fornitur ta’ servizz universali fir-Renju Unit, huma eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), filwaqt li s-servizzi pprovduti mill-fornituri l-oħra kollha huma suġġetti għall-VAT. Fil-fehma tar-rikorrenti, ma għadux jeżisti “servizz postali pubbliku” fis-suq iiberalizzat kompletament tar-Renju Unit u għalhekk ma għadx hemm lok għal eżenzjoni. Jekk, għall-kuntrarju, l-eżenzjoni tapplika għall-fornitur ta’ servizz universali, tqum il-kwistjoni ta’ jekk għandhomx jiġu eżentati s-servizzi kollha tiegħu jew jekk għandhomx jiġu eżentati biss ċerti servizzi u, f’dan il-każ tal-aħħar, liema servizzi.

3.        L-opinjonijiet tal-Istati Membri li ħadu sehem fil-proċedimenti jvarjaw b’mod kunsiderevoli. L-opinjonijiet ivarjaw minn qbil mal-prassi tar-Renju Unit sa nuqqas ta’ qbil ma’ kwalunkwe eżenzjoni f’suq illiberalizzat. Dan ifisser li ma tista’ tingħata ebda garanzija li s-Sitt Direttiva qiegħda tiġi interpretata u applikata b’mod uniformi f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-Kummissjoni diġà ressqet rikors għal ksur tat-Trattat kontra tliet Stati Membri, f’xi każijiet minħabba li ma japplikawx l-eżenzjoni u f’każijiet oħra minħabba li jestendu żżejjed din l-eżenzjoni (3).

4.        Ir-risposti għad-domandi mqajma hawnhekk ma jaffettwawx biss il-konsumaturi privati li jużaw is-servizzi postali. Id-determinazzjoni tal-portata tal-eżenzjoni tista’ taffettwa wkoll l-iżvilupp tas-swieq tas-servizzi postali fl-Istati Membri. Skont il-konklużjoni li tasal għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposti tagħha jistgħu jew iwasslu għal sitwazzjoni li ssaħħaħ il-fornitur ta’ servizz universali stabbilit u li tagħmilha iktar diffiċli għal fornituri kompetituri li jistabbilixxu ruħhom jew jista’ jkollhom l-effett oppost.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

5.        L-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva, bit-titolu “Eżenzjonijiet għal ċertu [ċerti] attivitajiet fl-interess pubbliku”, jipprovdi, b’mod partikolari:

“1. Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

a)      il-provvista bis-servizzi [mis-servizzi] postali pubbliċi ta’ servizzi barra t-trasport tal-passiġġieri u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, u l-provvista ta’ l-oġġetti inċidentali magħhom [għalihom]; […]” (4)

6.        Id-Direttiva 97/67/KE (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva Postali”) (5) tistabbilixxi regoli uniformi għas-suq intern tas-servizzi postali. Hija tirregola, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-provvista ta’ servizz postali universali.

7.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva Postali jinkludi, fost oħrajn, id-definizzjonijiet segwenti:

“2.      network pubbliku postali: is-sistema ta’ organizzazzjoni u riżorsi ta’ kull xorta użati mill-fornitur/i ta’ servizz universali għall-iskopijiet b’mod partikolari ta’:

–        l-ikklerjar ta’ oġġetti postali koperti b’obbligazzjoni ta’ servizz universali minn punti ta’ aċċess mat-territorju kollu,

–        ir-routing u l-ġarr ta’ dawk l-oġġetti mill-punt ta’ aċċess tan-network postali għaċ-ċentru ta’ tqassim,

–        it-tqassim lill-indirizzi murija fuq l-oġġetti;

[…]

13.       fornitur ta’ servizz universali: l-entità pubblika jew privata li tipprovdi servizz universali postali jew partijiet minnhom fi Stat Membru, li l-identità tagħha tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4 […]”

8.        L-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-provvista ta’ servizz universali huma stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67/KE, li jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu d-dritt ta’ servizz universali li jinvolvi il-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifikata fil-punti kollha fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.

(2)      Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jagħmlu ċert li d-densità tal-punti ta’ kuntatt u l-punti ta’ aċċess jkunu jqisu l-ħtiġiet tal-konsumaturi.

(3)      Għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li l-fornitur/i ta’ servizz universali jiggarantixxi/u kull jum tax-xogħol u mhux anqas minn ħamest ijiem fil-ġimgħa, ħlief f’ċirkostanzi jew kondizzjonijiet ġeografiċi meqjusa bħala eċċezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, bħala minimu:

–        ikklerjar wieħed;

–        kunsinna waħda lid-dar jew fond ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika jew, permezz ta’ deroga taħt kondizzjonijiet fid-dikrezzjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja, kunsinna waħda lill-istallazzjonijiet adattati […]

(7)      Is-servizz universali kif deskritt f’dan l-Artikolu għandu jkopri kemm servizzi nazzjonali u dawk bejn fruntiera u oħra.”

9.        Sad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/6/KE (6) fis-27 ta’ Frar 2008, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 kien jipprovdi kif ġej:

“Sa fejn neċessarju sabiex jiġi assigurat il-manteniment ta’ servizz universali, Stati Membri jistgħu ikomplu jirriżervaw servizzi għall-provditur(i) tas-servizz universali. Dawk is-servizzi għandhom ikunu llimitati għal clearance, organizzazzjoni, trasport u kunsinna ta’ oġġetti ta’ korrispondenza domestika u korrispondenza għal ġewwa trans fruntiera, kemm b’kunsinna aċċelerata u kemm jekk le, fil-limiti ta’ kemm il-piż u kemm il-prezz li ġejjin. Il-limitu tal-piż għandu jkun 100 gramma mill-1 ta’ Jannar 2003 u 50 gramma mill-1 ta’ Jannar 2006. Dawn il-limiti tal-piż m’għandhomx japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2003 jekk il-prezz huwa ugwali għal, jew iktar minn, tliet darbiet it-tariffa pubblika għal oġġett ta’ korrispondenza fl-ewwel livell tal-piż tal-kategorija l-iktar mgħaġġla, u, mill-1 ta’ Jannar 2006, jekk il-prezz huwa ugwali għal, jew iktar minn, darbtejn u nofs din it-tariffa […]”.

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10.      Fir-Renju Unit, l-eżenzjoni ta’ servizzi postali, prevista fis-Sitt Direttiva, ġiet implementata bl-Artikolu 31(1) flimkien mal-Items 1 u 2 tal-Group 3 ta’ Schedule 9 tal-Value Added Tax Act 1994 (Att dwar it-Taxxa fuq il-valur miżjud tal-1994, iktar ’il quddiem, l-“Att dwar il-VAT tal-1994”), kif emendat fl-2000. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, it-trasport ta’ pakketti postali mill-Post Office Company u l-provvista, mill-Post Office Company, ta’ kwalunkwe servizzi b’konnessjoni mat-trasport ta’ pakketti postali huma eżenti mill-VAT.

11.      Il-“Post Office Company” hija Royal Mail Holdings plc li, bħala kumpannija holding, mhijiex attiva fil-kummerċ. Madankollu, kif stqarret il-qorti tar-rinviju, il-Commissioners for Revenue and Customs estendew l-eżenzjoni li tgawdi minnha l-“Post Office Company” taħt l-Att dwar il-VAT tal-1994 kif emendat bil-Postal Services Act 2000 (Att dwar is-Servizzi Postali tal-2000, iktar ’il quddiem, l-“Att dwar is-Servizzi Postali tal-2000”) għal kull kumpannija sussidjarja miżmuma kompletament minn Royal Mail Holdings plc li tipprovdi servizzi postali.

12.      L-Artikolu 4 tal-Att dwar is-Servizzi Postali tal-2000 jiddefinixxi “servizz postali universali”. Dan jinkludi servizz postali, li bħala prinċipju jkopri l-punti kollha fit-territorju nazzjonali, li għandu jiggarantixxi (i) mill-inqas kunsinna kull jum tax-xogħol fid-dar jew il-fond ta’ kull persuna fir-Renju Unit u (ii) mill-inqas ġabra waħda ta’ pakketti postali kull jum tax-xogħol mill-punti ta’ aċċess stabbiliti għal dan il-għan. Barra minn hekk, bħala parti mis-servizz universali għandhom jiġu pprovduti, b’mod partikolari, servizz ta’ trasport ta’ pakketti postali rilevanti minn post għal ieħor u s-servizzi inċidentali ta’ riċeviment, ġbir, issortjar u kunsinna ta’ tali pakketti, u dan bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha ddeterminati skont tariffa pubblika uniformi għar-Renju Unit kollu.

13.      Għall-finijiet tal-Att dwar is-Servizzi Postali tal-2000, tikkwalifika bħala fornitur ta’ servizz universali kull persuna li l-identità tagħha ġiet innotifikata bħala tali mis-Secretary of State rilevanti lill-Kummissjoni Ewropea inkonformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva Postali u li ġiet informata b’dan.

III – Il-fatti, id-domandi magħmula u l-proċedura

14.      Is-suq postali tar-Renju Unit ġie lliberalizzat fl-1 ta’ Jannar 2006. Kull applikant adegwat jista’ jingħata liċenzja rilevanti għat-trasport ta’ oġġetti postali mingħajr limitazzjonijiet fir-rigward tal-piż.

15.      Fil-preżent, Royal Mail hija l-uniku fornitur ta’ servizz universali fir-Renju Unit innotifikat lill-Kummissjoni. Skont il-liċenzja mogħtija għal dan il-għan, Royal Mail għandha tissodisfa numru ta’ kundizzjonijiet, u b’mod partikolari għandha tiżgura li l-punti kollha fit-territorju tar-Renju Unit ikunu pprovduti b’servizzi postali b’tariffi uniformi u li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.

16.      Barra minn hekk, fil-provvista ta’ servizzi postali, Royal Mail hija marbuta li toħloq netwerk suffiċjenti ta’ punti ta’ aċċess għall-pubbliku ġenerali, li tiżgura kunsinna f’kull indirizz fir-Renju Unit u ġabra ta’ oġġetti postali minn kull punt ta’ aċċess f’kull jum tax-xogħol u kif ukoll li tissodisfa ċerti standards ta’ kwalità, b’mod partikolari kunsinna rapida ta’ ittri mibgħuta b’posta tal-ewwel klassi, bħala regola ġenerali fil-jum tax-xogħol ta’ wara.

17.      In-netwerk postali integrat li Royal Mail iżżomm fit-territorju kollu tar-Renju Unit jaqdi madwar 27 miljun indirizz, 113 000 kaxxa tal-ittri, 14 200 uffiċċju postali u 90 000 negozju, sitt ijiem fil-ġimgħa. Royal Mail timpjega madwar 185 000 ruħ fir-Renju Unit.

18.      Madwar 90 % tal-attivitajiet ta’ Royal Mail, perċentwali kkalkolata abbażi tad-dħul u wara li jittieħed inkunsiderazzjoni n-negozju tal-ittri mibgħuta bil-posta, huma suġġetti għal regolamenti u kundizzjonijiet li huma imposti biss fuq Royal Mail u li ma huma imposti fuq ebda fornitur ta’ servizzi postali ieħor li jopera fir-Renju Unit.

19.      Minn Diċembru 2002, TNT għandha liċenzja sabiex tipprovdi servizzi postali u, bħala konsegwenza tal-liberalizzazzjoni, tista’, bħal Royal Mail, tittrasporta l-ittri kollha mingħajr limitazzjoni fir-Renju Unit. Fil-preżent, TNT tipprovdi biss servizzi “upstream”. Dawn jinkludu l-ġbir, l-issortjar mekkanizzat u, f’ċerti każijiet, manwali, u l-ipproċessar tal-posta u l-kunsinna tagħha f’punti ta’ aċċess ċentrali li huma miżmuma minn Royal Mail.

20.      Royal Mail u TNT huma meħtieġa jħallsu miżata għal-liċenzja li hija bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ. Madankollu, uħud mill-kundizzjonijiet tal-liċenzja taż-żewġ fornituri ta’ servizz postali huma sostanzjalment differenti. Royal Mail hija suġġetta, b’mod partikolari, għal rekwiżiti iktar estensivi fir-rigward tal-kontroll tal-prezzijiet, tal-frekwenza tas-servizz, tal-kopertura, tal-aċċess tal-konsumaturi, tal-istandards ta’ kwalità, ta’ kif jiġu ttrattati l-ilmenti u tal-arranġamenti għal tibdil fit-termini u l-kundizzjonijiet għall-provvista tas-servizzi postali.

21.      Barra minn hekk, taħt il-liċenzja tagħha, Royal Mail hija obbligata tipprovdi lil TNT b’servizzi “downstream”. Dawn jinkludu t-trasport u l-kunsinna lid-destinatarji ta’ posta li TNT tikkunsinna fil-punti ta’ aċċess ċentrali ta’ Royal Mail wara li tkun issortjatha preliminarjament u pproċessatha.

22.      Filwaqt li l-Att dwar il-VAT tal-1994 fil-verżjoni attwali tiegħu jeżenta lil Royal Mail mill-VAT fuq it-trasport ta’ pakketti postali, fornituri ta’ servizz postali oħra bħalma hija TNT huma obbligati jħallsu, mingħajr limitazzjoni, il-VAT bir-rata standard ta’ 17.5 % fuq is-servizzi pprovduti minnhom.

23.      Skont il-kalkoli ta’ TNT, il-posta kummerċjali tammonta għal madwar 85 % tal-volum kollu tal-posta fir-Renju Unit. Madwar 40 % ta’ din il-posta toriġina min-negozji li ma jistgħux jirkupraw il-VAT tal-input kollha mħallsa minnhom, negozji bħalma huma, b’mod partikolari, il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji, li jirrappreżentaw is-suq prinċipali ta’ TNT għall-posta kummerċjali. Għalhekk, huwa fl-interess ta’ TNT li tnaqqas l-ammont tal-VAT li hija obbligata tiffattura lill-konsumaturi kummerċjali tagħha.

24.      Għalhekk, TNT ippreżentat rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) (Administrative Court) għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-eżenzjoni mill-VAT li tgawdi minnha Royal Mail taħt il-Group 3 ta’ Schedule 9 tal-Att dwar il-VAT tal-1994. F’dawk il-proċeduri, il-High Court, b’digriet tat-12 ta’ Lulju 2007, għamlet id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)         a) Kif għandha tiġi interpretata l-frażi ‘is-servizzi postali pubbliċi’ fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (Direttiva 77/388/KEE) (issa l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112)?

b) L-interpretazzjoni ta’ dik l-espressjoni hija affettwata mill-fatt li s-servizzi postali fi Stat Membru kienu liberalizzati, li m’hemmx servizzi rriżervati fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 97/67/KE, kif emendata, u li huwa rikonoxxut fornitur wieħed ta’ servizz universali li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont din id-direttiva (bħalma hija Royal Mail fir-Renju Unit)?

ċ) Fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti (li huma msemmija f’(b) iktar ’il fuq) dik l-espressjoni tinkludi

(i)       biss l-uniku fornitur ta’ servizzi universali rikonoxxut (bħalma hija Royal Mail fir-Renju Unit) jew

(ii)      anki operatur postali privat (bħalma hija TNT Post)?

2)         Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, l-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (issa l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112) għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ jew jippermetti lil Stat Membru li jeżenta s-servizzi postali kollha pprovduti mis-‘servizzi postali pubbliċi’?

3)         Jekk Stati Membri huma meħtieġa jew permessi li jeżentaw xi servizzi, iżda mhux is-servizzi kollha, ipprovduti mis-‘servizzi postali pubbliċi’, b’referenza għal liema kriterji għandhom jiġu identifikati dawk is-servizzi?”

25.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati osservazzjonijiet minn TNT, minn Royal Mail, mill-Gvern Irlandiż, mill-Gvern Grieg, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Finlandiż, mill-Gvern Svediż, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni.

IV – Analiżi legali

A –    L-ewwel domanda

26.      L-ewwel domanda hija maqsuma fi tliet partijiet li jiena se neżamina flimkien. L-għan ta’ din id-domanda huwa, essenzjalment, li tiġi ddeterminata l-portata ratione personae tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jeżentaw “il-provvista bis-servizzi [mis-servizzi] postali pubbliċi ta’ servizzi barra t-trasport tal-passiġġieri u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, u l-provvista ta’ l-oġġetti inċidentali magħhom [għalihom]” mill-VAT.

27.      Il-High Court tixtieq tkun taf ukoll jekk, f’suq ta’ servizzi postali lliberalizzat kompletament jistax ikun hemm “servizzi postali pubbliċi” li s-servizzi tagħhom ikunu eżenti u, jekk dan ikun il-każ, liema fornituri ta’ servizzi postali huma koperti minn dan il-kunċett.

28.      TNT, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Svediż isostnu, b’riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Dansk Postordreforening (7), li l-eżenzjoni ta’ servizzi postali ma għadhiex ġustifikata wara t-tneħħija tar-riżerva ta’ ċerti servizzi. Royal Mail, l-Istati Membri l-oħra li għamlu osservazzjonijiet u l-Kummissjoni jsostnu, mill-banda l-oħra, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fornitur (jew fornituri) ta’ servizz universali għandu jiġi kkunsidrat bħala servizz postali pubbliku li s-servizzi tiegħu huma eżenti.

–       Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizz postali pubbliku” fid-dawl tal-kuntest regolatorju u fid-dawl tas-sens u l-iskop tal-eżenzjoni

29.      Preliminarjament, għandu jingħad li l-eżenzjonijiet elenkati fl-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva jikkonċernaw attivitajiet imwettqa fl-interess pubbliku, kif jirriżulta anki mit-titolu tal-Artikolu 13A. Minbarra servizzi postali, servizzi ta’ kura medika u soċjali u servizzi fl-oqsma tar-reliġjon, tal-edukazzjoni, tal-kultura u tal-isport huma wkoll eżenti mill-VAT taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13A.

30.      L-aspett komuni ta’ dawn is-servizzi huwa li jissodisfaw ħtiġijiet bażiċi tas-soċjetà u ħafna drabi jingħataw minn korpi pubbliċi li l-għan tagħhom mhuwiex li jiġġeneraw profitt. Fl-1977, il-leġiżlatur Komunitarju inkluda, fost dawn il-ħtiġijiet bażiċi, il-provvista ta’ servizzi postali. Dawn is-servizzi essenzjali huma intiżi li jiġu pprovduti lill-pubbliku ġenerali bi prezz raġonevoli u mingħajr iż-żieda tal-VAT (8).

31.      Minn naħa, fl-għażla tas-servizzi li kellhom jiġu eżentati mill-VAT taħt l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju ħa bħala l-punt tat-tluq tiegħu l-eżenzjonijiet li kienu diġà jeżistu fl-Istati Membri fil-mument meta ġiet adottata s-Sitt Direttiva. Min-naħa l-oħra, huwa pprova jillimita n-numru ta’ eżenzjonijiet peress li dawn jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tkun imposta fuq is-servizzi kollha pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli (9).

32.      Minħabba li l-eżenzjonijiet għandhom in-natura ta’ deroga, huma għandhom jiġu interpretati b’mod strett (10). Għalhekk, l-Artikolu 13A ma jkoprix kull attività mwettqa fl-interess pubbliku iżda dawk biss li huma elenkati u deskritti f’dettall kunsiderevoli f’din id-dispożizzjoni (11). Madankollu, dan ma jfissirx li t-termini użati sabiex jiġu speċifikati l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 għandhom jiġu interpretati b’tali mod li dawn l-eżenzjonijiet jiġu mċaħħda mill-effett intenzjonat tagħhom (12).

33.      Sabiex jillimitaw iktar il-portata tagħhom, ħafna mill-eżenzjonijiet jeżiġu li s-servizzi jkunu pprovduti minn persuni jew korpi partikolari. Il-kura medika, pereżempju, hija eżenti biss meta tingħata minn professjonisti mediċi (Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva) (13).

34.      Numru ta’ eżenzjonijiet oħra japplikaw biss meta s-servizzi kkonċernati jingħataw minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku jew minn ċerti stabbilimenti oħra li huma rikonoxxuti mill-Istat (ara l-Artikolu 13A(1)(b), (g), (h), (i), (n) u (p) tas-Sitt Direttiva). Din il-limitazzjoni hija bbażata fuq il-premessa li huwa biss meta dawn is-servizzi jingħataw minn istituzzjoni kkontrollata mill-Istat li jeżisti interess pubbliku speċjali li jiġġustifika eżenzjoni. Kontroll mill-Istat jista’ jiggarantixxi, b’mod partikolari, il-kwalità tas-servizz u li l-prezz tiegħu jkun raġonevoli.

35.      Bl-istess mod, fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ servizzi postali taħt l-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (14), li din id-dispożizzjoni tkopri biss servizzi li jingħataw minn servizzi postali pubbliċi mill-aspett ta’ organizzazzjoni. Is-servizzi eżentati taħt l-Artikolu 13A mhumiex iddefiniti b’riferiment għal kriterji purament materjali jew funzjonali (15).

36.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(a) tiżgura għalhekk li jiġu eżentati biss is-servizzi pprovduti direttament lill-konsumaturi mill-organizzazzjoni postali nfisha. Għall-kuntrarju, servizzi sekondarji li terzi jipprovdu lill-organizzazzjoni postali, bħal pereżempju t-trasport ta’ oġġetti postali bil-ferrovija jew bl-ajru bejn uffiċċji postali differenti, mhumiex eżenti (16).

37.      Mill-banda l-oħra, mill-użu tat-terminu “pubbliku” fl-espressjoni “servizz postali pubbliku”, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonkludietx li dan jirreferi biss għall-fornituri tal-Istat. Għall-kuntrarju, hija esprimiet il-fehma li l-eżenzjoni tapplika wkoll fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn impriża privata li għandha liċenzja (17). B’differenza minn eżenzjonijiet oħra, l-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva ma jitlobx, speċifikament, li s-servizzi postali jiġu pprovduti minn korp irregolat mid-dritt pubbliku.

38.      Huwa minnu li, meta ġiet adottata s-Sitt Direttiva fl-1977, lanqas ma kien meħtieġ li ssir distinzjoni bejn fornituri tal-Istat u fornituri privati peress li f’dak iż-żmien is-servizzi postali kienu prinċipalment ipprovduti biss minn fornituri tal-Istat taħt monopolju.

39.      Minn dak iż-żmien, madankollu, l-organizzazzjoni tas-servizzi postali nbidlet b’mod kunsiderevoli. Bl-implementazzjoni matul is-snin tad-Direttiva Postali, il-monopolji tal-Istat ġew gradwalment eliminati u s-suq infetaħ għall-kompetizzjoni minn fornituri oħra.

40.      Ma jkunx konsistenti mal-għanijiet tas-Sitt Direttiva jekk l-eżenzjoni mill-VAT f’dan il-qasam tiġi rriżervata esklużivament għal fornituri ta’ servizzi postali li jappartjenu lill-Istat jew jekk l-eżenzjoni ma tiġix applikata fejn ma jkunx għad hemm fornitur tal-Istat. Għall-kuntrarju, impriżi kummerċjali wkoll jistgħu, bħala prinċipju, jikkostitwixxu servizz postali pubbliku fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva sa fejn jipprovdu servizzi postali fl-interess pubbliku minflok jew flimkien mal-fornitur preċedentement monopolistiku tal-Istat (18).

41.      Kif jirriżulta mill-pożizzjoni tal-eżenzjoni fl-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva, is-sens u l-iskop tagħha huma li tiġi evitata l-impożizzjoni tal-VAT b’tali mod li jiżdiedu l-prezzijiet tas-servizzi postali li huma kkunsidrati bħala parti mis-servizzi pubbliċi u li l-provvista tagħhom bi prezz raġonevoli hija għalhekk fl-interess ġenerali (19).

42.      Dan l-għan ma tilifx l-importanza tiegħu minħabba l-liberalizzazzjoni tas-suq għal servizzi postali.

43.      Għalhekk, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva Postali jassumi li għadu jeżisti “network pubbliku postali” u jiddefinixxi dan in-netwerk bħala s-sistema ta’ organizzazzjoni u riżorsi ta’ kull xorta użati mill-fornitur(i) ta’ servizz universali. L-Artikolu 3 tad-Direttiva Postali jiżgura li, anki jekk ma jkunx hemm monopolju postali tal-Istat, il-konsumaturi għandhom igawdu mid-dritt għal servizz universali li jkopri l-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifika fil-punti kollha fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha. L-Artikolu 12 jeżiġi li l-prezzijiet għal servizzi li jagħmlu parti mis-servizz universali jkunu prezzijiet li jistgħu jintlaħqu u li jirriflettu l-ispejjeż u jagħti s-setgħa diskrezzjonali li dawn il-prezzijiet jiġu fformulati bħala tariffa uniformi applikabbli fit-territorju nazzjonali kollu.

44.      Permezz ta’ dawn ir-rekwiżiti għas-servizz universali, il-leġiżlatur Komunitarju speċifika liema huma dawk is-servizzi li għandhom interess pubbliku partikolari. Madankollu, id-Direttiva Postali tistabbilixxi biss rekwiżiti minimi f’dan ir-rigward (20). Dan ifisser li mid-dispożizzjonijiet tagħha ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni dwar liema fornituri u liema servizzi jaqgħu fil-portata tal-eżenzjoni mill-VAT fil-kuntest regolatorju partikolari ta’ Stat Membru.

45.      Barra minn hekk, kif josserva l-Gvern Svediż, id-Direttiva Postali u s-Sitt Direttiva għandhom jiġu kklassifikati bħala direttivi li jappartjenu għal żewġ kuntesti regolatorji pjuttost differenti u li s-suġġetti rregolati minnhom huma differenti. Id-Direttiva Postali tifforma l-qafas ġenerali għall-organizzazzjoni tas-swieq postali u ma tagħmel ebda riferiment għat-trattament fiskali tas-servizzi postali fejn tidħol il-VAT. Min-naħa tagħha, is-Sitt Direttiva tintroduċi sistema tal-VAT komuni għall-Komunità kollha u tikkonċerna s-servizzi postali b’mod sekondarju biss.

46.      Madankollu, dan ma jipprekludix li fl-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva jittieħed inkunsiderazzjoni r-raġunament li fuqu huma bbażati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Postali dwar is-servizzi universali pprovduti min-netwerk pubbliku postali. Dan minħabba li l-intenzjonijiet taż-żewġ direttivi jikkoinċidu fuq dan il-punt: l-intenzjoni li tiġi żgurata l-provvista ġenerali ta’ servizzi postali bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu mill-konsumaturi kollha.

47.      Fil-kundizzjonijiet attwali, din il-kunsiderazzjoni timmilita favur li l-operaturi tan-netwerk pubbliku postali li jipprovdu s-servizz universali jiġu kkunsidrati bħala servizzi postali pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva.

48.      Madankollu, Royal Mail, il-Gvern Grieg, il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Svediż u l-Gvern tar-Renju Unit joġġezzjonaw għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-Direttiva Postali fl-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva. Huma jsostnu li d-Direttiva Postali, li hija bbażata fuq l-Artikolu 95 KE, ma tistax twassal għal bidla f’dispożizzjonijiet fiskali li, skont l-Artikolu 93 KE, għandhom jiġu adottati b’mod unanimu. Li kieku l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jintroduċi bidla fl-eżenzjoni mill-VAT għas-servizzi postali, huwa seta’, pereżempju, jemenda d-dispożizzjoni meta ssostitwixxa s-Sitt Direttiva bid-Direttiva 2006/112 (21).

49.      Dawn l-oġġezzjonijiet, madankollu, ma jistgħux jintlaqgħu. Il-kwistjoni f’din il-kawża ma tikkonċernax emenda tas-Sitt Direttiva iżda l-interpretazzjoni tagħha fid-dawl tal-iskop tar-regola. Fil-limiti tal-formulazzjoni tagħha, huwa meħtieġ f’dan ir-rigward li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u l-kuntest leġiżlattiv Komunitarju fiż-żmien tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni (22).

50.      Għalhekk, fl-interpretazzjoni ta’ kunċetti individwali tas-Sitt Direttiva, huwa konsistenti mal-prassi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jsir riferiment għal regoli rilevanti tad-dritt Komunitarju li ma jagħmlux parti mid-dritt fiskali, sa fejn l-għanijiet tagħhom ikunu kongruwenti. Fis-sentenza Abbey National (23), pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ mmaniġġar ta’ fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(6) fid-dawl tad-definizzjoni korrispondenti fid-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (24).

–       Applikazzjoni tal-eżenzjoni wara t-tneħħija tar-riżerva għal ċerti servizzi

51.      TNT, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Svediż isostnu wkoll, b’riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Dansk Postordreforening (25), li l-eżenzjoni tapplika biss sakemm ikunu għadhom jeżistu servizzi postali rriżervati għal ċerti fornituri. L-Avukat Ġenerali fil-fatt kien tal-fehma li impriżi postali jwettqu funzjoni pubblika li hija eżenti biss jekk jipprovdu servizzi rriżervati. Servizzi li, għalkemm jagħmlu parti mis-servizz universali, ma jkunux irriżervati esklużivament għal fornitur wieħed, jiġu pprovduti skont kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni u n-natura tagħhom hija purament kummerċjali (26).

52.      Fil-fatt, attwalment l-Artikolu 7 tad-Direttiva Postali ma jitlobx liberalizzazzjoni sħiħa iżda jippermetti r-riżerva ta’ numru strettament limitat ta’ servizzi għal fornitur wieħed jew iktar. Madankollu, ir-Renju Unit u numru ta’ Stati Membri oħra ma għadhomx jużaw din il-possibbiltà.

53.      Minkejja dan, taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva Postali, l-Istati Membri għadhom responsabbli, f’suq liberalizzat, sabiex jiżguraw li s-servizz universali jkun iggarantit. B’mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti fir-rigward tal-kwalità u tal-prezz tas-servizzi postali, stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 6 u 12 tad-Direttiva Postali, ikunu osservati mill-fornitur(i) ta’ servizz universali.

54.      Ir-Renju Unit ikkonforma ruħu ma’ dawn l-obbligi billi għamel lil Royal Mail responsabbli sabiex tiggarantixxi s-servizz universali u billi impona kundizzjonijiet adegwati fil-liċenzja mogħtija għal dan il-għan. Dawn il-kundizzjonijiet tal-liċenzja ta’ servizz universali jvarjaw b’mod sinjifikattiv mill-kundizzjonijiet li fihom joperaw il-fornituri ta’ servizzi postali l-oħra fir-Renju Unit, kif spjegat mill-qorti tar-rinviju.

55.      Dan ifisser li, anki jekk ma jkollhomx drittijiet esklużivi, il-fornituri ta’ servizz universali ma jipprovdux is-servizzi tagħhom f’suq kompletament ħieles organizzat biss fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Għall-kuntrarju, huma jwettqu wkoll funzjoni fl-interess pubbliku u għalhekk huma suġġetti għal kontroll speċifiku mill-Istat. Għaldaqstant, ikun konsistenti mal-għan tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jekk il-fornituri tas-servizz universali jiġu kklassifikati bħala “servizzi postali pubbliċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u jekk is-servizzi tagħhom jiġu eżentati mill-VAT.

56.      Ta’ min ifakkar f’dan ir-rigward li, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 16 fil-preambolu tad-Direttiva Postali, ir-riżerva ta’ ċerti servizzi hija intiża li tiżguraw l-operazzjoni tas-servizz universali f’kundizzjonijiet finanzjarjament ibbilanċjati. L-għan ta’ riżerva għalhekk huwa li jinżamm il-bilanċ finanzjarju tal-fornitur ta’ servizz universali sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-funzjoni tiegħu fl-interess ġenerali (27). Apparti mill-iffinanzjar tal-piżijiet partikolari tas-servizz universali, ir-riżerva ta’ ċerti servizzi għalhekk mhijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oħra marbuta mal-interess pubbliku. Għalhekk, ma hemm ebda raġuni għaliex l-eżenzjoni fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandha tkun tiddependi mir-riżerva ta’ ċerti servizzi peress li l-protezzjoni tas-servizz universali xorta tibqa’ fl-interess pubbliku jekk il-bażi finanzjarja għaliha ma jkollhiex għalfejn tiġi stabbilita bl-għoti ta’ drittijiet esklużivi.

57.      Barra minn hekk, interpretazzjoni bbażata fuq ir-riżerva ta’ ċerti servizzi twassal sabiex l-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jitlef l-effett tiegħu f’numru ta’ Stati Membri. Minkejja r-rekwiżit li eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, tali riżultat għandu jiġi evitat sa fejn ikun possibbli (28).

–       Interpretazzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali

58.      Fl-aħħar, fadalli neżamina l-oġġezzjoni mqajma minn TNT, mill-Gvern Svediż u mill-Gvern Finlandiż li, f’suq illiberalizzat, eżenzjoni tas-servizz universali tikser il-prinċipju ta’ newtralità fiskali u tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni.

59.      Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li huwa inerenti fis-sistema komuni tal-VAT u li fid-dawl tiegħu għandhom jiġu interpretati l-eżenzjonijiet, jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-impożizzjoni tal-VAT (29). F’dan il-prinċipju huwa inkluż il-prinċipju tal-eliminazzjoni ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni li tirriżulta minn trattament differenti għall-finijiet tal-VAT (30).

60.      Fil-konfront tal-oġġezzjoni tal-partijiet imsemmija, għandu jiġi ammess li l-prinċipju ta’ newtralità xorta waħda jiġi osservat meta l-eżenzjoni tiġi applikata biss għal fornituri li jwettqu servizzi postali rriżervati. Dan minħabba li l-għoti ta’ drittijiet esklużivi lil fornitur wieħed jagħmilha a fortiori impossibbli li operaturi ekonomiċi oħra jwettqu tranżazzjonijiet simili li t-trattament fiskali differenti tagħhom jikser il-prinċipju ta’ newtralità.

61.      Madankollu, dan ma jfissirx li l-prinċipju ta’ newtralità jinkiser b’mod awtomatiku jekk l-eżenzjoni ma tkunx ibbażata fuq in-natura tas-servizzi bħala servizzi rriżervati iżda tapplika b’mod ġenerali għal servizzi universali. Fil-fatt, huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ newtralità li jiġu eżentati biss is-servizzi mwettqa mill-fornitur ta’ servizz universali sa fejn, minħabba r-rekwiżiti legali speċjali li għalihom huma suġġetti, dawn is-servizzi ma jistgħux jitqabblu mas-servizzi mwettqa minn fornituri oħra ta’ servizz postali u, għalhekk, ma tinħoloq ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni.

62.      Il-qofol tas-servizz universali ggarantit fl-interess pubbliku minn Royal Mail huwa li l-konsumaturi kollha huma offerti numru ta’ servizzi postali fil-punti kollha fit-territorju tagħhom b’tariffa stabbilita. B’mod partikolari, Royal Mail hija obbligata tipprovdi numru stabbilit ta’ punti ta’ aċċess (kaxxi tal-ittri u uffiċċji postali) minn fejn l-oġġetti postali jinġabru mill-inqas darba kull jum tax-xogħol. Royal Mail hija obbligata tikkunsinna l-oġġetti postali permessi kollha bi prezz raġonevoli u uniformi f’kull indirizz fir-Renju Unit u ma tistax, pereżempju, tirrifjuta li twassal oġġetti f’zoni mwarrba jew tagħmel dan bi prezz ogħla. Fl-aħħar, il-posta għandha tiġi kkunsinnata f’kull jum tax-xogħol fid-djar privati kollha u lill-konsumaturi kummerjċali kollha.

63.      TNT mhijiex marbuta toffri servizzi komparabbli. Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għalhekk ma jeħtieġx, b’mod kategoriku, li t-tranżazzjonijiet ta’ TNT u ta’ Royal Mail jiġu ttrattati b’mod ugwali għal finijiet fiskali. Jista’ jkun il-każ li fil-verità TNT tipprovdi xi servizzi li huma identiċi għal dawk ta’ Royal Mail bħal, pereżempju, il-ġbir u l-issortjar ta’ oġġetti postali. Madankollu, is-servizz universali, li jgawdi minn vantaġġ fiskali, jikkonsisti preċiżament fil-provvista ta’ netwerk pubbliku postali bħala sistema ta’ faċilitajiet infrastrutturali u servizzi ta’ kwalità speċifika bi prezz partikolari. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tat-tranżazzjonijiet ma tiddependix fuq it-tqabbil ta’ servizzi individwali iżda fuq il-fatt li dawn jagħmlu parti minn sensiela ta’ servizzi komprensivi pprovduti min-netwerk pubbliku postali (31).

64.      Jekk dan jgħoddx għall-attivitajiet kollha jew għal uħud mill-attivitajiet tal-fornitur ta’ servizz universali għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda.

65.      Fi kwalunkwe każ, għall-finijiet tat-trattament fiskali mhuwiex rilevanti jekk l-identità ta’ fornitur ta’ servizz universali kinitx innotifikata bħala tali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva Postali. L-uniku fattur deċiżiv huwa li s-servizzi tiegħu jkunu jikkorrispondu, mill-aspetti materjali, għall-karatteristiċi tas-servizz universali u li l-provvista ta’ dawn is-servizzi tkun iggarantita għal ċertu perijodu permezz ta’ kundizzjonijiet fil-liċenzja mogħtija lilu jew permezz ta’ rekwiżiti legali. Dan jirriżulta mill-fatt li jkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ newtralità jekk servizzi li jkunu sostanzjalment identiċi jiġu trattati b’mod mhux ugwali għall-finijiet tat-taxxa minħabba s-sempliċi raġuni li l-identità tal-operatur ekonomiku li jkun qiegħed jipprovdihom ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni.

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li “servizzi postali pubbliċi” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva huma l-fornituri ta’ servizz postali li jiggarantixxu s-servizz universali. Għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mhuwiex meħtieġ li ċerti servizzi universali jkunu rriżervati għall-fornitur(i).

B –    It-tieni u t-tielet domandi

67.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jkoprix it-tranżazzjonijiet kollha mwettqa minn fornitur ta’ servizz postali li jaqa’ taħt l-eżenzjoni. Jekk mhux is-servizzi kollha tal-fornitur huma eżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, fit-tielet domanda, tindika kriterji sabiex issir distinzjoni bejn is-servizzi li huma eżenti u dawk li mhumiex. Peress li dawn iż-żewġ domandi huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, jien se nittrattahom flimkien.

68.      Fil-fehma ta’ Royal Mail, tal-Gvern tar-Renju Unit, tal-Gvern Grieg u tal-Gvern Irlandiż, il-formulazzjoni tal-eżenzjoni tirreferi biss għall-fornitur tas-servizz u ma teżiġi ebda distinzjoni bejn tranżazzjonijiet differenti tal-benefiċjarju ta’ din l-eżenzjoni. Mill-banda l-oħra, fil-fehma tal-Kummissjoni u tal-Gvern Ġermaniż, l-eżenzjoni hija intiża li tapplika biss għal dawk is-servizzi tal-fornitur ta’ servizz universali li jagħmlu direttament parti mill-provvista tas-servizz universali. Il-Kummissjoni tiddistingwi minn tali servizzi t-trasport ta’ ċerti oġġetti postali mibgħuta f’numri kbar, li ma għandux jiġi eżentat. Fil-fehma tal-Gvern Ġermaniż, servizzi pprovduti skont termini u tariffi nnegozjati b’mod liberu ma jaqgħux fil-portata tal-eżenzjoni.

69.      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar għal darb’oħra li, skont l-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, il-provvista mis-servizzi postali pubbliċi ta’ servizzi u l-provvista ta’ oġġetti inċidentali għalihom għandhom jiġu eżentati. Minbarra t-trasport tal-passiġġieri u s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, li huma espressament esklużi mill-eżenzjoni, din l-eżenzjoni ma tagħmel ebda riferiment għal servizzi partikolari pprovduti mis-servizzi postali pubbliċi.

70.      Għalhekk, prima facie, il-formulazzjoni tidher li tissostanzja l-fehma ta’ Royal Mail u tal-Gvernijiet li jaqblu magħha. Fattur ieħor li jimmilita favur l-opinjoni ta’ dawn il-partijiet huwa li l-interpretazzjoni tagħhom tidentifika b’mod ċar it-tranżazzjonijiet privileġġati sa fejn, fin-nuqqas ta’ distinzjoni addizzjonali, ikun meħtieġ biss li jiġi kkunsidrat min jagħmel it-tranżazzjoni.

71.      Madankollu, jekk l-uniku kriterju li jiġi applikat fil-fatt ikun li s-servizz jiġi pprovdut minn servizz postali pubbliku, ikun meħtieġ ukoll li jiġu eżentati mill-VAT dawk it-tranżazzjonijiet li ma jkollhom ebda rabta ma’ servizzi postali bħal, pereżempju, il-bejgħ ta’ kartolerija u ta’ rigali f’uffiċċji postali. Dan manifestament ikun kontra s-sens u l-għan tal-eżenzjoni li l-VAT ma għandhiex tiġi imposta fuq il-provvista ta’ servizzi speċifiċi fl-interess pubbliku. Barra minn hekk, la l-prinċipju ta’ newtralità fiskali u lanqas il-prinċipju li l-eżenzjoni mill-VAT għandha, minħabba n-natura tagħha ta’ deroga, tiġi interpretata b’mod strett, ma jkunu osservati.

72.       Sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-rekwiżiti tal-aħħar, l-eżenzjoni għandha tiġi applikata biss għas-servizzi pprovduti minn servizz postali pubbliku, li dan is-servizz jipprovdi wkoll bħala tali. Kif ħareġ b’mod ċar mir-risposta għall-ewwel domanda, l-eżenzjoni hija intiża li minnha jibbenefikaw is-servizzi tan-netwerk pubbliku postali li huma ggarantiti fl-interess pubbliku, u f’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-approċċ adottat taħt id-Direttiva Postali.

73.      Huwa minnu li, bħala prinċipju, hija meħtieġa interpretazzjoni uniformi tal-kunċetti li jinsabu fis-Sitt Direttiva (32). Madankollu, peress li d-Direttiva Postali ma tagħmilx armonizzazzjoni sħiħa tas-servizz universali, jista’ jkun hemm differenzi minn Stat Membru għal ieħor fid-definizzjoni tas-servizzi li jagħmlu parti mis-servizz universali u tal-komponenti tagħhom, differenzi li jistgħu anki jaffettwaw l-eżenzjoni mill-VAT tas-servizzi postali.

74.      Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (33), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li s-Sitt Direttiva ma influwenzatx il-mod kif l-Istati Membri jorganizzaw is-sistemi postali tagħhom sa fejn l-Artikolu 13A(1)(a) ikopri bl-istess mod l-impriżi tal-Istat li joffru servizz postali u dawk organizzati taħt id-dritt privat. Huwa konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà li Stati Membri jispeċifikaw is-servizzi postali li għandhom jiġu ggarantiti fl-interess pubbliku fid-dawl tal-karatteristiċi ġeografiċi, soċjali u ekonomiċi partikolari tagħhom.

75.      Madankollu, għandu jingħad li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkonċedu l-eżenzjoni meta jkunu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 13A(1)(a) (34). Dan l-obbligu huwa rifless fi dritt korrispondenti għall-individwu. Meta japplikaw l-eżenzjoni mill-VAT, l-Istati Membri għandhom għalhekk jimxu mal-approċċ li huma jkunu adottaw fil-kuntest tar-regolarizzazzjoni tas-settur postali. Jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddefinixxu r-rekwiżiti ta’ interess pubbliku għall-finijiet tal-eżenzjoni mill-VAT b’mod arbitrarju u mhux b’riferiment għad-definizzjoni tas-servizz postali universali, dan joħloq dubju dwar id-dritt għall-għoti tal-eżenzjoni.

76.      Ma jistax jingħad li jeżisti servizz universali għas-sempliċi raġuni li jiġi pprovdut permezz tal-infrastruttura ta’ fornitur ta’ servizz universali. Sabiex ikun hemm servizz universali dan għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali skont it-termini u t-tariffi standard li jkunu fis-seħħ. Huwa biss f’dan il-każ li dan is-servizz ikun jista’ jitqies bħala servizz ipprovdut minn servizz postali pubbliku bħala tali u li minnu jibbenefika b’mod partikolari l-interess pubbliku.

77.      Kif josserva ġustament il-Gvern Ġermaniż, b’riferiment għall-premessa 15 tal-preambolu tad-Direttiva Postali, fornituri ta’ servizz universali jistgħu jinnegozjaw kuntratti ma’ konsumaturi individwali. Tali servizzi ma jkunux ipprovduti minn fornitur fil-kapaċità tiegħu ta’ servizz postali pubbliku peress li s-servizz skont dawn it-termini ma jkunx disponibbli għal kull konsumatur fl-istess mod iżda jkun disponibbli biss għal konsumaturi b’kapaċità ta’ nfiq partikolari.

78.      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, li jiġu pprovduti b’mod addizzjonali għas-servizz universali u li mhumiex suġġetti għall-obbligi applikabbli għalih, il-fornitur ta’ servizz universali jinsab fl-istess pożizzjoni bħal kull fornitur ieħor ta’ servizzi postali. Għaldaqstant, kemm il-prinċipju ta’ newtralità fiskali u kemm il-projbizzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jipprekludu eżenzjoni.

79.      Fis-sentenza Corbeau, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li l-għoti ta’ drittijiet esklużivi mhuwiex iġġustifikat mill-Artikolu 90(2) tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 86 KE) fir-rigward ta’ servizzi speċifiċi li ma jistgħux jiġu separati mis-servizz ta’ interess ġenerali u li jissodisfaw ħtiġijiet speċjali ta’ operaturi ekonomiċi (35). Huwa minnu li Royal Mail ma għandhiex drittijiet esklużivi f’dan is-sens. Madankollu, eżenzjoni mill-VAT tikkostitwixxi l-għoti ta’ privileġġ lill-fornitur ta’ servizz universali li, bl-istess mod, huwa ġġustifikat biss mill-funzjonijiet ta’ dan il-fornitur fl-interess pubbliku. Din l-eżenzjoni ma għandhiex tiġi estiża sabiex tkopri servizzi oħra li jingħataw lil operaturi ekonomiċi individwali fuq bażi individwali.

80.      Mhuwiex għalxejn li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva Postali jipprovdi li l-fornituri ta’ servizz universali għandhom iżommu kontijiet separati fis-sistemi interni ta’ kontabbiltà tagħhom għal servizzi li jagħmlu parti mis-servizz universali u għal servizzi li ma jagħmlux parti. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(2), dan japplika wkoll għal servizzi universali li mhumiex irriżervati. Dan ir-rekwiżit huwa intiż li jiżgura trasparenza fl-ispejjeż u li jeskludi kull sussidju trażversali bejn id-diversi kategoriji li jista’ jagħti vantaġġi lill-fornitur ta’ servizz universali meta jikkompeti ma’ fornituri oħra.

81.      Separazzjoni ċara tad-diversi kategoriji ta’ servizz postali hija meħtieġa wkoll fir-rigward tal-eżenzjoni sabiex il-fornitur ta’ servizz universali ma jingħatax vantaġġi f’setturi fejn jikkompeti ma’ fornituri oħra. Peress li f’kull każ huwa meħtieġ li jinżammu kontijiet separati għad-diversi kategoriji ta’ servizzi, ma hemm ebda raġuni għaliex l-applikazzjoni b’distinzjoni tal-eżenzjoni b’tali mod li tirrifletti din is-sitwazzjoni għandha twassal għal diffikultajiet ikbar fil-prattika.

82.      Fir-rigward tas-servizzi postali għal oġġetti postali mibgħuta f’numri kbar, li, fil-fehma tal-Kummissjoni, lanqas ma għandhom ikunu eżenti mill-VAT, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li dan mhuwiex terminu tekniku ddefinit, pereżempju, fid-Direttiva Postali. Għall-kuntrarju, id-Direttiva Postali tirrikonoxxi biss posta diretta bħala kategorija speċjali. Il-posta diretta hija ddefinita fl-Artikolu 2(8) tad-Direttiva Postali bħala “komunikazzjoni li tkun tikkonsisti unikament f’reklamar, tqegħid fis-suq jew materjal ta’ pubbliċità li tkun tikkonsisti f’messaġġ identiku, ħlief għall-isem ta’ l-indirizzat, l-indirizz u n-numru ta’ identifikazzjoni kif ukoll modifikazzjonijiet oħrajn li ma jbiddlux in-natura tal-messaġġ, li tintbagħat lil numru sinifikattiv ta’ indirizzati biex tinġarr u titwassal fl-indirrizz indikat minn min jibgħatha fuq l-oġġett innifsu jew fuq it-tgeżwir tiegħu”.

83.      L-espressjoni “oġġetti postali mibgħuta f’numri kbar” tista’, minn naħa, tinftiehem bħala espressjoni li hija sinonima għal posta diretta. F’sens iktar wiesa’, din l-espressjoni tista’, b’mod ġenerali, tinkludi l-posta kummerċjali li tintbagħat f’volumi kbar minn min jibgħatha iżda li jkun fiha komunikazzjonijiet individwali bħal, pereżempju, fatturi minn impriża tat-telekomunikazzjonijiet jew dikjarazzjonijiet tal-kontijiet bankarji mibgħuta mill-banek.

84.      Irrispettivament minn kif tinftiehem din l-espressjoni, huwa ċar li l-eżenzjoni ma tistax tapplika meta dawn l-oġġetti jinġarru bi prezzijiet innegozjati fuq bażi individwali.

85.      Anki meta tiġi applikata tariffa postali ġenerali, ma hemm ebda dubju li dawn is-servizzi mhumiex servizzi tipiċi li jagħmlu parti mill-ħtiġijiet immedjati tal-konsumaturi privati. Madankollu, bħala prinċipju, huwa wkoll fl-interess pubbliku li l-konsumaturi kummerċjali jiġu pprovduti b’netwerk pubbliku postali.

86.      Dan huwa wkoll ta’ benefiċċju għal individwi privati, għalkemm b’mod indirett. Individwi privati għandhom interess li l-posta kummerċjali tintbagħtilhom bi prezzijiet raġonevoli anki meta jgħixu f’reġjuni mbiegħda tal-Istat Membru. Jekk min jibgħat posta kummerċjali, bħal pereżempju bank, ma jkunx intitolat inaqqas il-VAT tal-input, il-VAT imposta fuq il-posta taffettwa fl-aħħar mill-aħħar il-prezz li min jibgħat il-posta jitlob mingħand il-klijenti tiegħu għas-servizzi tiegħu.

87.      Fl-aħħar, fil-każ ta’ posta kummerċjali li jkun fiha komunikazzjoni individwali u li tinġarr b’tariffi ġenerali, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat minn liema kwantità ta’ oġġetti mibgħuta din il-posta għandha tiġi kkunsidrata bħala posta b’numri kbar li mhijiex eżenti. Dan il-livell minimu għandu jibda minn 50 fattura, li impriża ta’ daqs zgħir jew medju tibgħat ta’ kuljum, jew għandu jkun sa eluf ta’ fatturi, li impriża kbira ta’ utilità pubblika tibgħat? Għalhekk, tali oġġetti postali ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti minn oġġetti mibgħuta b’mod individwali b’kontenut individwali.

88.      Mill-banda l-oħra, tista’ ssir distinzjoni fir-rigward tal-posta diretta fis-sens tal-Artikolu 2(8) tad-Direttiva Postali. Din tista’ tiġi eskluża mill-eżenzjoni minkejja l-applikazzjoni ta’ tariffa postali universali peress li, fil-każ ta’ dawn l-oġġetti, l-interess kummerċjali wara r-reklamar għall-prodotti jew għas-servizzi ta’ min jibgħathom huwa l-interess predominanti. Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif, f’dan il-każ, jibbilanċjaw l-interessi pubbliċi u privati. F’dan il-kuntest għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-interess tal-impriżi li jikkompetu mal-fornitur ta’ servizz universali sabiex jiksbu aċċess fuq termini ugwali għal dan is-settur tas-suq li jirrendi profitt.

89.      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li huma biss dawk is-servizzi ta’ servizz postali pubbliku li dan is-servizz jipprovdi wkoll bħala tali, jiġifieri s-servizzi universali pprovduti fl-interess pubbliku, li huma eżenti mill-VAT skont l-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva. Għall-kuntrarju, dawk is-servizzi li huma pprovduti fuq il-bażi ta’ termini nnegozjati individwalment u li mhumiex suġġetti għar-rekwiżiti tas-servizz universali mhumiex eżenti.

V –    Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi dawn ir-risposti għad-domandi magħmula mill-High Court:

1.      “Servizzi postali pubbliċi” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, huma l-fornituri ta’ servizz postali li jiggarantixxu s-servizz universali. Għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mhuwiex meħtieġ li ċerti servizzi universali jkunu rriżervati għall-fornitur(i).

2.      Skont l-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, huma biss dawk is-servizzi ta’ servizz postali pubbliku li dan is-servizz jipprovdi wkoll bħala tali, jiġifieri s-servizzi universali pprovduti fl-interess pubbliku, li huma eżenti mill-VAT. Għall-kuntrarju, dawk is-servizzi li huma pprovduti fuq il-bażi ta’ termini nnegozjati individwalment u li mhumiex suġġetti għar-rekwiżiti tas-servizz universali mhumiex eżenti.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1).


3 – Ara l-Komunikat Stampa IP/07/1164 tal-24 ta’ Lulju 2007.


4 –      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112/KE hija identika. Dan l-artikolu jipprovdi għall-eżenzjoni tal-provvista mis-servizzi postali pubbliċi ta’ servizzi minbarra t-trasport ta’ passiġġieri u servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, u tal-provvista ta’ oġġetti inċidentali għalihom.


5 – Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316).


6 – Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU 2008 L 52, p. 3). Id-Direttiva tneħħi l-possibbiltà li jiġu rriżervati ċerti servizzi mill-1 ta’ Jannar 2011 (perijodu ta’ implementazzjoni itwal, sal-aħħar tal-2012, japplika għal 11-il Stat Membru).


7 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed tal-10 ta’ April 2003, Dansk Postordreforening (C-169/02, Ġabra p. I-13330, punt 79). Din il-kawża ma waslitx għas-sentenza peress li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie rtirat wara li kienu ngħataw il-konklużjonijiet.


8 – Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2003, d’Ambrumenil u Dispute Resolutions Services (C-307/01, Ġabra p. I-13989, punt 58) u tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P. (C-106/05, Ġabra p. I-5123, punt 25).


9 – Ara l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 1973 għas-Sitt Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, Suppliment 11/73, p. 16).


10 – Sentenza d’Ambrumenil (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 52); sentenzi tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 29); tal-14 ta’ Ġunju 2007, Haderer (C-445/05, Ġabra p. I-4841, punt 18) u tas-16 ta’ Ottubru 2008, Canterbury Hockey Club et (C-253/07, p. I-­7821, punt 17).


11 – Sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry (C-149/97, Ġabra p. I-7053, punt 18), d’Ambrumenil (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 54), u tal-1 ta’ Diċembru 2005, Ygeia (Kawżi magħquda C-394/04 u C-395/04, Ġabra p. I-10373, punt 15).


12 – Sentenzi Haderer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 18) u Canterbury Hockey Club et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 17).


13 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Diċembru 2005 fil-kawżi magħquda li wasslu għas-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen (C-443/04 u C-444/04, Ġabra p. I-3617, punti 39 u 49).


14 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (107/84, Ġabra p. 2655, punt 11).


15 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 13) u tal-14 ta’ Diċembru 2006, VDP Dental Laboratory (C-401/05, Ġabra p. I-12121, punt 25).


16 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 11 u 19).


17 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 16).


18 – Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Dansk Postordreforening (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 70 sa 76).


19 – Ara l-punti 29 u 30 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20 – Ara, pereżempju, il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva Postali.


21 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


22 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (C-283/81, Ġabra p. 3415, punt 20) u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover (C-173/06, Ġabra p. I-8783, punt 17).


23 – Senteza tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, Ġabra p. I-4027, punti 61 et seq.); għal osservazzjonijiet iktar dettaljati dwar il-prassi tal-Qorti tal-Ġustizzja ara l-punti 73 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża.


24 – ĠU 1985 L 375, p. 3.


25 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


26 – Konklużjonijiet fil-kawża Dansk Postordreforening (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 79).


27 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain (C-162/06, Ġabra p. I-9911, punti 31 et seq.), b’riferiment għas-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau (C-320/91, Ġabra p. I-2533, punti 14 sa 16) u tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco (C-340/99, Ġabra p. I-4109, punt 5) fir-rigward tal-Artikolu 86(2) KE.


28 – Ara l-punt 32 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet u r-riferimenti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


29 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg (C-216/97, Ġabra p. I-4947, punti 19 u 20), Kingscrest Associates u Montecello (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 29), L.u.P. (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 24) u tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Flemming Claverhouse (C-363/05, Ġabra p. I-5517, punt 46).


30 – Sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-481/98, Ġabra p. I-3369, punt 22) u JP Morgan Flemming Claverhouse (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 47).


31 – Wieħed jista’ jimmaġina sitwazzjoni fejn TNT tipprovdi servizz postali integrat li jkopri l-punti kollha fit-territorju nazzjonali billi tikkoopera ma’ fornituri oħra, b’mod partikolari ma’ Royal Mail. Sa fejn tali servizz ikun konformi wkoll mar-rekwiżiti l-oħra fir-rigward tal-prezzijiet, huwa jkun jista’ jitqies bħala servizz universali eżenti. Fil-fehma tiegħi, mhuwiex fil-fatt meħtieġ li fornitur jipprovdi permezz tar-riżorsi tiegħu l-partijiet kollha ta’ provvista li flimkien jifformaw is-servizz universali.


32 – Ara s-sentenzi Kingscrest Associates u Montecello (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 22); Haderer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 17) u Canterbury Hockey Club et (iċċitata fin-nota iktar ’il fuq ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 16).


33 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 16.


34 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 10), tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier (C-45/01, Ġabra p. I-12911, punt 81) u JP Morgan Flemming Claverhouse (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 61 u 62).


35 – Sentenza Corbeau (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 19).