Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2009 1(1)

Kawża C-246/08

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika tal-Finlandja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – VAT – Kunċett ta’ attività ekonomika – Servizzi ta’ għajnuna legali pubblika u privata – Ħlas skont id-dħul – Awtorità pubblika – Distorsjoni tal-kompetizzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Fl-2002, ir-Repubblika tal-Finlandja ddeċidiet li testendi l-għajnuna legali b’xejn, li tradizzjonalment tingħata lil ċittadini bi dħul iktar baxx, lil setturi oħrajn tal-popolazzjoni bid-dħul kemxejn iktar għoli, li madankollu jkollhom diffikultà li jħallsu l-ispejjeż kollha tas-servizz. Minkejja dan, f’dawn il-każijiet il-liġi tistabbilixxi li l-klijent, fi grad varjabbli skont il-kapaċità finanzjarja tiegħu, iħallas parzjalment ix-xogħol tal-avukat, li jista’ jkun impjegat pubbliku jew professjonist fil-privat.

2.        Il-leġiżlazzjoni Finlandiża teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, il-“VAT”) din l-għajnuna legali meta tingħata minn uffiċċji pubbliċi mwaqqfin għal dan l-għan u meta jħallasha parzjalment il-klijent. B’dan ir-rikors, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tilmenta li din il-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Finlandja tikser diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/388/KEE (2).

3.        L-analiżi tas-sistema fiskali applikata għal dan it-tip ta’ attività tippermetti li tiġi mistħarrġa l-kwistjoni li servizzi pubbliċi partikolari jiġu mgħoddija lis-settur privat, teknika użata iktar u iktar fis-setturi tal-amministrazzjoni pubblika li huma partikolarment mgħobbija bix-xogħol, bħas-saħħa jew l-edukazzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

4.        Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq is-Sitt Direttiva, għalkemm fl-1 ta’ Jannar 2007 daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2006/112/KE (3).

5.        L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jiddikjara li huma suġġetti għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

6.        Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva “‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività”. Din l-“attività ekonomika” tinkludi, skont il-paragrafu 2 iċċitat, l-“attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet”, kif ukoll b’mod partikolari, l-“isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa”.

7.        L-Artikolu 4(5) jirregola t-tassazzjoni tal-korpi tad-dritt pubbliku li “ma għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet”. Minkejja dan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) jippreċiża li “huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni”.

B –    Id-dritt Finlandiż

8.        Is-sistema Finlandiża ta’ għajnuna legali hija rregolata minn erba’ testijiet leġiżlattivi tal-2002: il-Liġi dwar l-għajnuna legali tal-5 ta’ April 2002 (4), il-Liġi dwar l-uffiċċji ta’ għajnuna legali tal-Istat (5), id-Digriet Ministerjali dwar l-għajnuna legali tat-23 ta’ Mejju tal-2002 (6) u d-Digriet Ministerjali dwar il-kriterji tal-ħlas tal-għajnuna legali, dan ukoll tat-23 ta’ Mejju tal-2002 (7).

9.        Skont din il-leġiżlazzjoni, meta persuna jkollha bżonn l-għajnuna ta’ professjonist legali, kemm fil-kuntest ġudizzjarju kif ukoll fil-kuntest ta’ kwistjonijiet legali oħra, imma s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma tippermettilhiex li jiġu koperti għal kollox l-ispejjeż għas-servizz ta’ għajnuna legali, l-aċċess għaliha huwa ggarantit billi l-ispejjeż jitħallsu mill-Istat.

10.      L-għajnuna legali tingħata fuq talba tal-persuna kkonċernata u tista’ tingħata kompletament b’xejn jew jingħata ħlas parzjali, li jiġi ffissat abbażi tad-dħul fix-xahar u tal-patrimonju tal-applikant (8). Din il-forma ta’ għajnuna legali “parzjalment b’xejn” ġiet introdotta fl-2002, u estendiet b’dan il-benefiċċju tal-għajnuna lill-persuni bid-dħul ftit iktar ogħla. Il-kwota li trid titħallas lill-persuna kkonċernata hija komposta, f’dan il-każ, minn żewġ elementi: “kontribuzzjoni bażika” u “kontribuzzjoni addizjonali”.

11.      Il-“kontribuzzjoni bażika” (perusomavastuu) tvarja, skont id-dħul tal-benefiċjarju, bejn 0 u 75 % tal-onorarji u tal-ispejjeż kurrenti tas-servizz (9). Fi kwalunkwe każ, ma għandhomx dritt għal din l-għajnuna la persuni li mhumiex miżżewġin bid-dħul fix-xahar li jaqbeż EUR 1 400 u lanqas persuni miżżewġin li jaqilgħu (individwalment) iktar minn EUR 1 200 (10).

12.      Il-“kontribuzzjoni addizzjonali” (lisäomavastuu) titħallas biss mill-benefiċjarji tal-għajnuna legali li jkollhom assi likwidi jew faċilment likwidabbli ta’ valur li jaqbeż EUR 5 000, sa nofs il-valur ta’ dawn il-beni li jaqbżu EUR 5 000 (11).

13.      Ġeneralment, is-servizz jingħata minn konsulenti legali pubbliċi, impjegati f’wieħed mill-65 uffiċċju ta’ għajnuna legali stabbiliti fil-Finlandja. Minkejja dan, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja huwa possibbli li jinħatar avukat privat li jkun ta l-kunsens tiegħu; u, jekk l-istess benefiċjarju tal-għajnuna jipproponi li jiġi rrappreżentat minn professjonist li jkollu r-rekwiżiti meħtieġa, dak il-professjonist jiġi indikat għall-inkarigu inkwistjoni, sakemm ma jkunux jeżistu motivi speċifiċi ta’ esklużjoni (12).

14.      Il-finanzjament tal-uffiċċji pubbliċi tal-għajnuna legali jsir fil-biċċa l-kbira mill-fondi pubbliċi. L-ammonti dovuti mill-klijenti bħala “kontribuzzjoni bażika” jew “kontribuzzjoni addizzjonali”, meta jitħallsu, jitniżżlu fil-kotba bħala dħul fil-baġit ta’ kull uffiċċju (13). Il-konsulenti legali impjegati f’dawn l-uffiċċji huma impjegati pubbliċi u jirċievu salarju mill-Istat.

15.      Lill-konsulenti privati jingħata ħlas adegwat għall-interventi meħtieġa u għall-ħin li jkunu għamlu, flimkien mal-ħlas lura għall-ispejjeż sostnuti. Meta l-parti fil-kontroversja jkollha dritt għall-għajnuna legali b’xejn, l-Istat iħallas is-servizz sħiħ; fil-każ ta’ għajnuna legali parzjalment b’xejn, il-persuna kkonċernata tħallas somma li l-liġi tobbligaha tħallas u l-Istat jieħu ħsieb iħallas il-bqija.

16.      L-onorarji ta’ avukat privat u ta’ uffiċċju pubbliku huma kkalkolati abbażi tal-istess kriterji (14). Għaldaqstant, il-kwota li għandu jħallas il-klijent hija l-istess, indipendentement minn min ta s-servizz.

17.      L-unika differenza bejn iż-żewġ formuli tikkonsisti fis-sistema tal-VAT, għaliex avukat privat huwa dejjem suġġett għall-VAT meta jaħdem fil-kuntest tal-liġi fuq l-għajnuna legali, filwaqt li l-għajnuna legali mogħtija mill-impjegati pubbliċi, kemm jekk mogħtija b’xejn jew bi ħlas parzjali, hija eżenti mit-taxxa (15).

III – Il-proċedura prekontenzjuża

18.      Fit-13 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Finlandiżi l-ewwel ittra fejn ġibditilhom l-attenzjoni tagħhom fuq it-trattament differenti li kien applikat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-VAT għall-għajnuna legali tal-istess tip, skont jekk tingħatax minn avukati privati jew minn avukati li jaħdmu f’uffiċċju pubbliku. Il-Kummissjoni żiedet li, abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, din il-leġiżlazzjoni kienet qed toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni ta’ ċertu importanza b’dannu għall-professjonisti fil-privat.

19.      B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2004, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeskrivew is-sistema tal-VAT ikkontestata, u sostnew li, anki jekk kien hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, id-distorsjoni kienet minima, billi l-għażla, min-naħa tal-benefiċjarju, bejn konsulent legali pubbliku u wieħed privat ma kinitx iddeterminata biss skont jekk il-persuna magħżula hijiex suġġetta għall-VAT, imma anki minn fatturi oħrajn, bħall-esperjenza professjonali, il-kwalifiki tal-persuna magħżula u l-volum għoli tax-xogħol tal-uffiċċji pubbliċi.

20.      Billi kkunsidrat li dawn l-ispjegazzjonijiet ma kinux biżżejjed, fid-19 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Finlandja ittra ta’ intimazzjoni, fejn talbitha li tissuġġetta għall-VAT is-servizzi ta’ għajnuna legali offruti mill-avukati pubbliċi fil-qasam ta’ proċeduri ġudizzjarji (li, għalhekk, setgħu jiġu pprovduti minn avukat privat), fejn perċentwali tal-ħlas ta’ dan tal-aħħar iħallasha l-benefiċjarju. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li f’tali ċirkustanza l-impjegati pubbliċi ma kinux jeżerċitaw dmirijiet pubbliċi tali li jippermettu l-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-VAT taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u li l-eżenzjoni mit-taxxa ta’ dawn is-servizzi setgħet toħloq distorsjoni gravi tal-kompetizzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(5).

21.      Fir-risposta tas-16 ta’ Frar 2006, ir-Repubblika tal-Finlandja kkonfermat l-argumenti diġà esposti fl-ittra tal-2004, fejn żiedet li hija kienet tikkunsidra bħala artifiċjali l-premessa tal-Kummissjoni li l-uffiċċji pubbliċi ta’ għajnuna legali jeżerċitaw funzjonijiet pubbliċi meta jipprovdu konsultazzjonijiet legali mhux fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, meta dawn jintervjenu f’dan il-qasam meta ma jirċievu ebda ħlas, iżda mhux meta dawn jaħdmu għal ħlas parzjali.

22.      Dan l-argument ma kkonvinċiex lill-Kummissjoni li, fil-15 ta’ Diċembru 2006, bagħtet opinjoni motivata lill-Gvern ikkonċernat. Fil-15 ta’ Frar 2007, l-awtoritajiet Finlandiżi kkontestaw l-imsemmija opinjoni u għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

23.      Ir-rikors tal-Kummissjoni ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ġunju 2008 u r-risposta tal-Gvern Finlandiż fis-17 ta’ Lulju tal-istess sena.

24.      Fit-3 ta’ Ottubru 2008 ġiet ippreżentata r-replika u fit-13 ta’ Novembru 2008 il-kontroreplika.

25.      Billi ebda waħda mill-partijiet ma talbet li ssir seduta, fit-28 ta’ April 2009, il-kawża kienet lesta għat-tħejjija ta’ dawn il-konklużjonijiet.

26.      Il-Kummissjoni qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, meta naqset milli tissuġġetta għat-taxxa s-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija minn uffiċċji pubbliċi bi ħlas parzjali, filwaqt li servizzi analogi mogħtija minn professjonisti fil-privat huma suġġetti għall-VAT, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 2(1) u 4(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Il-Kummissjoni titlob ukoll li r-Repubblika tal-Finlandja tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż.

27.      L-Istat konvenut qed jitlob li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż.

V –    Analiżi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

28.      Kif semmejt fil-punti preċedenti, is-sistema Finlandiża għall-għajnuna legali lil persuni li mhumiex miżżewġin fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għandha żewġ aspetti. Minn naħa, il-benefiċjarju jista’ jirċievi s-servizz b’xejn għalkollox jew bi ħlas parzjali, skont il-livell tad-dħul tiegħu; min-naħa l-oħra, l-għajnuna legali tista’ tingħata mill-impjegat ta’ wieħed mill-uffiċċji pubbliċi maħluqin apposta jew minn avukat. Il-leġiżlazzjoni Finlandiża fuq il-VAT tissuġġetta għat-taxxa l-attività magħmula f’dan il-kuntest speċifiku mill-professjonisti tas-settur, imma mhux l-attività magħmula mill-uffiċċji pubbliċi ta’ konsulenza legali, u fiż-żewġ każijiet, indipendentement mill-fatt li parti mill-onorarju trid titħallas mill-individwu.

29.      Din id-differenza fit-trattament fiskali ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni li tikkritika aspett konkret ħafna tal-leġiżlazzjoni Finlandiża inkwistjoni. Hija tikkunsidra li l-konsulenza mogħtija mill-uffiċċji privati għandha tkun dejjem suġġetta għall-VAT, u li l-interventi magħmula mill-impjegati pubbliċi jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa meta dawn ikunu totalment bla ħlas. Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni tikkontesta n-nuqqas ta’ issuġġettar għat-taxxa ta’ dik l-attività meta ssir minn korpi ta’ dritt pubbliku u bi ħlas ta’ kontribuzzjoni min-naħa tal-persuna kkonċernata.

30.      Ir-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni huwa artikolat fuq tliet motivi, li l-fondatezza tagħhom hija eżaminata f’dawn il-konklużjonijiet.

31.      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, meta l-konsulenti legali pubbliċi jagħtu dan is-servizz bi ħlas parzjali huma jeżerċitaw “attività ekonomika” skont l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, li tippreżupponi “il-provvista ta’ […] servizzi magħmula bi ħlas”, li fuqha tintalab il-VAT skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva stess.

32.      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tfakkar li, f’dan il-każ, il-konsulenti pubbliċi ma jaġixxux bħala awtoritajiet pubbliċi, u li, għaldaqstant, ma tapplikax l-eżenzjoni stabbilita mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

33.      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni, ad abundantiam, li l-kompetizzjoni tal-uffiċċji pubbliċi toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ ċertu importanza, b’mod li, anki meta dawn il-korpi jiġu kkunsidrati li jaħdmu bħala awtoritajiet pubbliċi, dawn għandhom jiġu kklassifikati bħala persuni taxxabbli skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

A –    Fuq il-kunċett ta’ “attività ekonomika” għall-finijiet tal-VAT (Artikoli 2(1) u 4(1) tas-Sitt Direttiva)

34.      Kif għidt diġà iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tibbaża r-rikors tagħha fuq l-ipoteżi li l-għajnuna legali mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi Finlandiżi għandha natura ekonomika, fil-każijiet kollha fejn il-benefiċjarju huwa obbligat li jħallas l-ammont, hu kemm hu mnaqqas, bħala ħlas. Dan huwa l-element l-iktar importanti tar-rikors li madankollu, b’mod sorprendenti, dan huwa l-argument li l-Kummissjoni tesponi b’inqas preċiżjoni.

35.      Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jikkompleta din id-definizzjoni, u jżid li hija kkunsidrata persuna taxxabbli kull persuna li twettaq “attività ekonomika” skont l-Artikolu 4(2), li fosthom hemm iċċitati l-“attivitajiet fil-professjonijiet” u l-“isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika”.

36.      Għalhekk fin-nuqqas ta’ “attività ekonomika”, it-taxxa fuq il-valur miżjud ma tistax tintalab (16). Il-ġurisprudenza diġà pprovdiet ċerti kriterji biex tikkjarifika dan il-kunċett, imma din il-kawża teħtieġ ix-xogħol interpretattiv f’iktar dettall, għaliex ma jirriżultalix li jeżisti xi preċedent b’elementi fattwali analogi.

1.      Il-ġurisprudenza

37.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kunċett ta’ “attività ekonomika” għandu karattru oġġettiv, u għandu jiġi kkunsidrat per se, indipendentement mill-iskopijiet jew riżultati tiegħu (17). Konsegwentement, huwa irrilevanti l-fatt li s-servizz ikkontestat ikun sar fl-interess ġenerali u minħabba obbligu legali u għall-finijiet ta’ għajnuna (l-appoġġ liċ-ċittadini biex jiġi ffaċilitat u jkun eħfef l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja) u mhux fi spirtu purament kummerċjali jew bl-intenzjoni li jitwettqu ċerti għanijiet. Waħedhom, tali ċirkustanzi ma jippermettux li jiġi dedott li l-attività inkwistjoni ma għandhiex natura ekonomika.

38.      L-“attività ekonomika”, għall-finijiet tal-impożizzjoni tal-VAT, mhijiex neċessarjament attività kummerċjali maħsuba biex tikseb profitti; prova ta’ dan hija li d-direttiva tikkwalifika bħala persuni taxxabbli anki korpi mingħajr skop ta’ qligħ, għalkemm wara, tistabbilixxi l-applikazzjoni tad-derogi għalihom taħt l-Artikolu 13A(1). F’dan ir-rigward hija elokwenti ħafna l-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tat-Tieni Direttiva (18), li kienet tikkunsidra persuna taxxabbli “kull min jagħmel, b’mod indipendenti u abitwali, bi skop ta’ profitt jew le, atti li jirrigwardaw attivitajiet ta’ produttur, ta’ negozjant jew ta’ min jipprovdi servizz” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

39.      Fil-prinċipju, din l-idea hija miċħuda mis-sinjifikat letterali tas-sentenza Floridienne li tgħid li biex attività ta’ kumpannija holding li tikkonsisti fit-tpoġġija ta’ kapital għad-dispożizzjoni tal-kumpanniji sussidjarji tagħha tista’ tiġi kkunsidrata fiha nfisha attività ekonomika li tikkonsisti fl-isfruttament ta’ dan il-kapital biex tagħmel dħul li jkollu natura permanenti, jeħtieġ li dik l-attività ma tiġix eżerċitata okkażjonalment u ma tkunx limitata għall-ġestjoni ta’ portafoll ta’ investimenti bħal investitur privat (…), imma “li ssir fil-kuntest ta’ skop imprenditorjali jew għan kummerċjali, li jkollha bħala karatteristika partikolari l-intenzjoni li jiġi ggarantit il-qligħ tal-kapitali investiti” (19) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fehma tiegħi, din is-silta trid tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom isseħħ attività ekonomika li tinkludi l-“isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika” imma ma tistax tiġi estiża għall-każijiet l-oħrajn kollha kkontemplati fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (20). Kull interpretazzjoni oħra tmur kontra n-natura oġġettiva ta’ dan il-kunċett. Li wieħed jirċievi d-dħul huwa wkoll indispensabbli fil-każijiet l-oħrajn, mhux tant bħala eżiġenza tal-produttività, imma “ekwivalenza fis-servizzi”, kif ser nispjega iktar ’il quddiem.

40.      Fit-tieni lok, il-ġurisprudenza indikat ukoll li l-attività inkwistjoni għandha ssir bi ħlas (21). L-istess Artikolu 2 tad-Direttiva jattribwixxi huwa stess karattru oneruż għall-att taxxabbli, dan il-karattru jidher li huwa inerenti fit-taxxa billi biex jiġi applikat, din teħtieġ, kif jindika isimha stess, l-eżistenza ta’ valur miżjud fl-oġġetti u fis-servizzi taxxabbli (22).

41.      Hekk qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hong-Kong Trade Development Council, li eżentat mill-VAT is-servizzi mogħtijin b’xejn għar-raġuni li, meta fornitur jipprovdi servizzi esklużivament mingħajr ħlas dirett, ma jkunx hemm bażi taxxabbli. In-natura oneruża tal-operazzjonijiet taxxabbli hija kkonfermata mill-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi suġġetti għat-taxxa jiġu eżerċitati neċessarjament biex jittieħed ħlas ta’ kawża jew li jiġu kkumpensati permezz ta’ ħlas ta’ kawża, għaliex kieku kienu esklużivament b’xejn, ma kinux jidħlu fis-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud billi ma jistgħux, skont l-Artikolu 8, jikkostitwixxu bażi taxxabbli (23).

42.      Madankollu, ma għandhiex tiġi eskluża mill-bidu l-applikazzjoni tal-VAT fuq xogħol imħallas parzjalment (24), anki jekk jidher ukoll li wieħed ma għandux jasal għall-konklużjoni li s-sempliċi eżistenza ta’ ħlas, għalkemm f’ammont żgħir, tagħti impatt ekonomiku lil attività partikolari. Il-ġurisprudenza stabbilixxiet soluzzjoni iktar sfumata għal kundizzjonijiet ta’ dan it-tip, fis-sens li jkun hemm servizz “bi ħlas” biss għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, u għalhekk suġġett għat-taxxa biss meta bejn il-provveditur u l-benefiċjarju jkun hemm relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn il-kumpens riċevut minn min jagħti s-servizz jikkostitwixxi l-ħlas ta’ kawża effettiv tas-servizz mogħti (25). Bl-istess mod, għandu jeżisti ness dirett u meħtieġ bejn is-servizz mogħti u l-ħlas ta’ kawża riċevut (26).

43.      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ma kinux suġġetti għall-VAT attivitajiet tat-tip ta’ dawk magħmula minn Apple and Pear Development Council (27), billi l-attività ta’ reklamar tal-agrikoltura li għamel dan il-korp pubbliku ġab vantaġġi għas-settur kumplessivament u mhux biss għall-produtturi tat-tuffieħ u tal-lanġas li kienu obbligati jħallsu kontribuzzjoni annwali lill-Council. Skont is-sentenza, ma kienx hemm ness dirett bejn il-vantaġġ meħud mill-produtturi individwali u l-ammont tal-kontribut li kellhom iħallsu. Bl-użu ta’ dan l-istess kriterju, is-sentenza ċċitata Tolsma stabbilixxiet li attività li tikkonsisti f’daqq tal-mużika fi triq pubblika u li għalih ma ġie miftiehem l-ebda ħlas, għalkemm min daqq talab u rċieva l-flus bħala donazzjoni, dan ma kienx jikkostitwixxi provvista ta’ servizz bi ħlas, għaliex id-dħul ma kienx jikkostitwixxi kumpens għas-servizz mogħti u ma kien hemm l-ebda ness bejn dawn u s-servizz mogħti. Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza kkunsidrat bħala attività ekonomika l-ġestjoni ta’ infrastruttura stradali bi ħlas ta’ noll li l-ammont tiegħu kien jiddependi, b’mod partikolari, mill-kategorija ta’ vettura użata u tad-distanza koperta (28).

2.      Applikazzjoni tal-kriterji msemmijin iktar ’il fuq għall-kawża inkwistjoni

44.      B’konformità mas-sentenza Hong-Kong Trade, il-Kummissjoni tammetti li ma hemmx attività ekonomika meta l-uffiċċji pubbliċi jagħtu assistenza legali lil ċittadin mingħajr ħlas ta’ xejn. Madankollu, taħt dan l-aspett, il-Kummissjoni tagħmel argument li jikkontradixxi l-pożizzjoni finali tagħha, meta ssostni li dawn is-servizzi jingħataw mingħajr kumpens, għaliex “l-uniku kumpens tal-konsulent, bħala impjegat ta’ uffiċċju pubbliku ta’ konsulenza legali, jikkonsisti fis-salarju normali tiegħu”. Dan l-argument jikkontradixxi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, għaliex il-ħlas tad-difensur pubbliku ma jinbidilx meta l-persuna kkonċernata jkollha tħallas ammont lill-amministrazzjoni, b’mod li anki fil-każijiet ta’ ħlas parzjali ma jkunx hemm in-natura oneruża indispensabbli.

45.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-ħlas tal-uffiċjal pubbliku li jidħol f’waħda mill-proċeduri msemmijin iktar ’il fuq huwa irrilevanti biex jiġi stabbilit jekk l-attività tal-uffiċċju pubbliku ta’ għajnuna legali hijiex suġġetta għall-VAT. Kif tindika l-ġurisprudenza, ir-raġuni għaliex is-servizzi li huma b’xejn għalkollox mhumiex suġġetti għat-taxxa hija għaliex ma hemmx “attività ekonomika” mingħajr skambju ta’ servizzi u ma hemmx bażi taxxabbli.

46.       Fil-każ ta’ għoti ta’ servizz ta’ għajnuna legali bi ħlas parzjali, jeħtieġ li titqies in-natura tal-ħlas u l-kompożizzjoni tiegħu, biex b’hekk jiġi ddeterminat jekk dan jimplikax “ħlas ta’ kawża effettiv” tas-servizz mogħti u jekk jeżistix “ness dirett u neċessarju” bejniethom it-tnejn.

47.      Meta l-għajnuna legali ssussidjata tingħata minn avukat privat, huwa faċli li tiġi individwata r-relazzjoni diretta għaliex, indipendentement miċ-ċirkustanza li l-klijent ma jħallas l-ebda onorarju jew iħallas parti żgħira, l-ammont totali jitħallas mill-Istat. Il-professjonist dejjem jirċievi ħlas ta’ kawża effettiv, ikkostitwit mis-somma tal-ħlasijiet dovuti bil-liġi, li huwa għalhekk suġġett għat-taxxa tal-VAT. Jekk jiġix imħallas għalkollox jew parzjalment mill-fondi pubbliċi, dan il-ħlas ta’ kawża jiddependi unikament u esklużivament min-natura tax-xogħol magħmul.

48.      Madankollu, fir-rigward tal-uffiċċji pubbliċi, huwa diffiċli li r-rabta bejn il-kontribuzzjoni li jkollu jħallas il-benefiċjarju u l-għajnuna mogħtija tiġi ddefinita “diretta u meħtieġa” biex b’hekk jiġu sodisfatti r-rekwiżiti imposti mill-ġurisprudenza. Ir-remunerazzjoni tal-amministrazzjoni ma tikkorrispondix mal-valur effettiv tas-servizz, lanqas ma’ dak stabbilit mil-liġi (li jaqla’ l-avukat fil-privat) billi hija limitata għal perċentwal ta’ dak il-valur. L-uffiċċju jirkupra massimu ta’ 75 % tal-onorarji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Finlandiża (29) u jirċievi l-20 %, it-30 %, l-40 % u l-55 % ta’ dawk l-onorarji skont ir-riżorsi tal-persuna kkonċernata.

49.      Il-korrispettiv imħallas mill-individwu ma jiddependix biss u esklużivament mill-ispejjeż tax-xogħol imma wkoll, u fil-biċċa l-kbira, mis-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent. Għaldaqstant, hemm ċerta rabta bejn is-servizz u l-kwota mħallsa (għaliex din il-kontribuzzjoni hija kkalkolata abbażi tal-valur legali tal-għajnuna legali mogħtija), imma din ir-rabta mhijiex diretta u lanqas ma għandha l-intensità meħtieġa mill-ġurisprudenza biex jiġi individwat servizz bi ħlas, billi dan huwa “kkontaminat” mill-kunsiderazzjoni tad-dħul u tal-patrimonju tal-klijent. Iktar ma jkun modest id-dħul tal-persuna kkonċernata iktar tirriżulta indiretta din ir-rabta.

50.      L-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Finlandiż dwar il-finanzjament tal-uffiċċji pubbliċi tiegħu ta’ għajnuna legali huma indikattivi ħafna. Skont din l-informazzjoni, fl-2007, 34 % biss tax-xogħol ta’ għajnuna legali pprovdut minn dawn l-uffiċċji ta lok għal ħlas parzjali u l-kontribuzzjonijiet tal-individwi f’dan il-kuntest ammontaw għal EUR 1.9 miljun meta mqabbla ma’ spejjeż grossi ta’ ġestjoni tal-amministrazzjonijiet fl-ammont ta’ EUR 24.5 miljun.

51.      Għalkemm naqbel mal-Avukat Ġenerali Verloren van Themaat meta jgħid li “dak li hu importanti fl-Artikolu 4 [tas-Sitt Direttiva] huwa n-natura ekonomika tal-attivitajiet ikkonċernati u mhux fuq l-ipoteżi ġuridiċi u lanqas fuq il-mod ta’ finanzjament tal-attivitajiet inkwistjoni” (30), f‘dan il-każ l-informazzjoni pprovduta tikkonferma li l-ħlasijiet magħmulin mill-individwi jkopru parti żgħira tal-ispejjeż għall-għajnuna legali mogħtija mill-Istat Finlandiż. Jekk wieħed iżid ma’ dan li, min-natura progressiva tagħha, il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarji tixbah strument fiskali u li, skont is-sentenza Götz, il-ġbir ta’ ammont mhuwiex, fih innifsu, tali li jagħti karattru ekonomiku lil attività partikolari (31), jidher evidenti li l-għajnuna legali mogħtija mill-amministrazzjoni Finlandiża fis-sistema li hija parzjalment b’xejn ma għandhiex ir-rekwiżiti ta’ attività ekonomika suġġetta għall-VAT.

52.      Il-ġurisprudenza dwar l-issuġġettar tal-VAT tan-nutara, tal-kolletturi tat-taxxa u ta’ impjegati pubbliċi oħrajn mhijiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, biex tirribatti dan l-argument. Mis-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda u Ayuntamiento de Sevilla jew ukoll id-digriet Mihal (32) jirriżulta li l-funzjonijiet li għandhom dawn il-professjonisti jirrappreżentaw attività ekonomika vera u proprja peress li, għalkemm mogħtijin permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġi għal motivi ta’ interess pubbliku, dawn jinvolvu provvista ta’ servizzi permanenti lill-individwi bi ħlas ta’ korrispettiv. Issa, is-Sitt Direttiva ma fiha l-ebda eżenzjoni favur il-professjonijiet li huma rregolati. Id-differenza bejn din l-ipoteżi u din il-kawża tikkonsisti fit-tip ta’ korrispettiv, peress li, fil-każijiet li saret referenza għalihom, xejn ma jindika li l-onorarji jiddependu minn fatturi li mhumiex il-karatteristiċi partikolari tas-servizz.

53.      Minn dak li ntqal s’issa, wieħed jista’ jikkonkludi li l-Kummissjoni ma pprovatx biżżejjed li x-xogħol magħmul mill-uffiċċji pubbliċi Finlandiżi li jipprovdu għajnuna legali jikkostitwixxi “attività ekonomika” għall-finijiet tal-issuġġettar tiegħu għall-VAT. Din ir-raġuni hija biżżejjed biex jiġi miċħud ir-rikors tal-Kummissjoni mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

54.      Mandankollu, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ dawn il-kunsiderazzjonijet u tiddeċiedi li l-Kummissjoni pprovdiet din il-prova, ser neżamina l-kunċetti ta’ “awtorità pubblika” u ta’ “distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni” fil-kuntest ta’ din il-kawża.

B –    Fuq il-kunċett ta’ “awtorità pubblika” għall-finijiet tas-sistema tal-VAT (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva)

55.      Skont l-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-uffiċċji pubbliċi ta’ għajnuna legali jagħmlu parti mill-amministrazzjoni Finlandiża. F’dan il-kuntest (dejjem jekk jiġi aċċettat li dawn l-uffiċċji jeżerċitaw “attività ekonomika”), jeħtieġ jiġi vverifikat jekk din l-attività tistax tiġi eżentata mill-VAT taħt l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

56.      Fl-ewwel subparagrafu tagħha, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-korpi tad-dritt pubbliku “ma għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, anki meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet”.

57.      Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: l-eżerċizzju ta’ attività min-naħa ta’ korp ta’ dritt pubbliku u t-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet bħala awtorità pubblika (33).

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet definizzjoni preċiża ta’ din it-tieni kundizzjoni, billi indikat li “l-korpi ta’ dritt pubbliku taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jeżerċitaw attivitajiet ‘bħala awtoritajiet pubbliċi’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta huma jwettquhom fil-kuntest tas-sistema ġuridika applikabbli għalihom. Min-naħa l-oħra, meta dawn jaġixxu fl-istess kundizzjonijiet ġuridiċi li fihom jaħdmu l-operaturi ekonomiċi privati”, huma ma jeżerċitawx tali attivitajiet (34).

59.      Dan ma jfissirx li s-sempliċi preżenza ta’ imprendituri jew ta’ professjonisti privati fl-istess qasam ta’ attività teskludi l-possibbiltà li operazzjoni tiġi kkunsidrata bħala mwettqa minn organizzazzjoni li qed taġixxi “bħala awtorità pubblika”. Il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, b’tali mod li dan ikopri kemm il-funzjonijiet pubbliċi veri u proprji, ipprojbiti għall-individwi, kif ukoll l-attivitajiet imwettqa f’kompetizzjoni ma’ dawn tal-aħħar (35). Altrimenti, ikun diffiċli li tiġi applikata l-“eċċezzjoni għall-eċċezzjoni” taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) li jissuġġetta għall-VAT “dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet” (36), jekk jeżisti r-riskju li jinħolqu distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

60.      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) għandha karattru oġġettiv, għaliex, għalkemm tfisser li l-korpi tad-dritt pubbliku mhumiex ikkunsidrati “persuni taxxabbli”, huma biss il-metodi ta’ eżerċizzju tal-attivitajiet inkwistjoni li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tan-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ dawn il-korpi. Għalhekk, il-ġurisprudenza tindika li skont id-Direttiva huma taxxabbli l-attivitajiet imwettqa mill-korpi pubbliċi “mhux għaliex suġġetti għad-dritt pubbliku, imma għaliex suġġetti għad-dritt privat” u li l-uniku kriterju li jippermetti li ssir distinzjoni b’ċertezza bejn dawn iż-żewġ kriterji ta’ attività hija s-sistema ġuridika applikata abbażi tad-dritt nazzjonali (37).

61.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-uffiċċji pubbliċi Finlandiżi li jipprovdu għajnuna legali, meta jagħtu s-servizzi tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, jaġixxu f’kundizzjonijiet ġuridikament identiċi għal dawk ta’ professjonisti privati li jagħtu dawn is-servizzi, peress li l-attività inkwistjoni hija rregolata mill-istess leġiżlazzjoni, irrispettivament minn min jieħu ħsieb id-difiża fil-kawża. Speċifikament, il-Kummissjoni tgħid li l-pożizzjoni ta’ dawn il-korpi “tiddependi esklużivament mill-kwistjoni dwar jekk l-uffiċċji pubbliċi ta’ għajnuna legali jagħtux is-servizzi tagħhom taħt dispożizzjonijiet speċifiċi li ma japplikawx għall-uffiċċji privati”; billi din iċ-ċirkustanza ma teżistix meta jkun hemm proċeduri ġudizzjarji, il-Kummissjoni ssostni li dawn il-korpi ma jaġixxux bħala awtoritajiet pubbliċi, u għalhekk huma persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT (38).

62.      Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament huwa bbażat fuq premessi żbaljati billi l-ġurisprudenza teħtieġ biss li l-attivitajiet imwettqa mill-korpi ta’ dritt pubbliku “bħala awtoritajiet pubbliċi” jiġu eżerċitati abbażi tas-sistema ġuridika tagħhom applikabbli għal dawn tal-aħħar, u mhux li din il-leġiżlazzjoni tkun applikabbli għalihom. F’din il-kawża, l-operaturi privati jaħdmu, abbażi ta’ mandat speċifiku li jingħatalhom mil-liġi, fil-kuntest ġuridiku partikolari għall-korpi ta’ dritt pubbliku u mhux bil-kontra, kif tidher li qed tissuġġerixxi l-Kummissjoni.

63.      L-għajnuna legali, kemm jekk tingħata minn konsulent pubbliku jew minn avukat privat, tikkostitwixxi xogħol pubbliku u fiż-żewġ ipoteżijiet tapplika l-leġiżlazzjoni tal-2002. L-avukat privat li eventwalment jintervjeni f’dan il-kuntest ma jsegwix biss ir-regoli tiegħu tal-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, kif jiġri fid-difiża ta’ kwalunkwe klijent ieħor, peress li l-leġiżlazzjoni applikabbli timponi rekwiżiti oħra: l-ewwel nett, l-amministrazzjoni (permezz tal-uffiċċji pubbliċi) tiddeċiedi jekk huwiex opportun li tassumi r-rappreżentanza f’ġudizzju, billi taċċerta ruħha li fil-każ partikolari jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-liġi u ma jkunx hemm raġunijiet speċifiċi kuntrarji (39); it-tieni nett, il-ħlas għaliha jiġi kkalkolat abbażi ta’ tariffi uffiċjali differenti minn dawk ġenerali użati biex jiġu stabbiliti l-onorarji (40); fl-aħħar nett, il-ħlas isir mill-Istat u mhux mill-persuna kkonċernata. Lil hinn mir-regoli ta’ kondotta professjonali u dawk strettament proċedurali, ma tantx hemm relazzjoni bejn is-sistema legali tal-professjoni ta’ avukat u s-sistema li tirregola r-relazzjoni ta’ avukat ma’ din il-kategorija speċjali ta’ klijenti.

64.      Għalhekk din mhijiex attività suġġetta għar-regoli ġenerali tas-suq, imma ta’ operazzjonijiet ta’ awtorità pubblika li, meta jsiru direttament mill-amministrazzjoni, huma eżenti mill-VAT.

65.      Il-leġiżlatur Finlandiż ħoloq din l-attività pubblika partikolari biex jaġevola l-aċċess taċ-ċittadini għal għajnuna legali ta’ kwalità; u, biex jiġi ffaċilitat dan il-kompitu, fada l-eżerċizzju tiegħu mhux biss lill-impjegati pubbliċi, imma lill-avukati privati wkoll, li b’dan il-mod jaġixxu “bħala awtoritajiet pubbliċi”. Madankollu, f’dan il-każ, l-eżenzjoni tal-VAT ma tapplikax billi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jirriżervaha għall-korpi tad-dritt pubbliku.

66.      Din il-konsegwenza mhijiex sorprendenti. Fil-fatt il-ġurisprudenza ddikjarat li anki jekk jingħad li professjonisti partikolari jeżerċitaw prerogattivi tal-awtorità pubblika bis-saħħa ta’ setgħa pubblika, huma ma jistgħux igawdu mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jekk jeżerċitaw dawk il-prerogattivi taħt forma ta’ attività indipendenti, fil-kuntest ta’ professjoni privata, u mingħajr ma jagħmlu parti mill-istruttura tal-amministrazzjoni pubblika (41).

67.      Għaldaqstant, l-uffiċċji inkwistjoni jaġixxu bħala suġġetti ta’ dritt pubbliku meta, fil-każ ta’ proċedura ġudizzjarja, ikunu inkarigati li jagħtu għajnuna legali li tagħtihom il-liġi. Għalhekk huma jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi, anki jekk jirċievu ċertu ħlas bħala korrispettiv u dik l-attività jagħmluha wkoll l-uffiċċji privati. Għalhekk, dan il-motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi miċħud.

C –    Fuq il-kunċett ta’ “distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni” għall-finijiet tal-VAT (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva)

68.      It-tielet u l-aħħar argument li tagħmel il-Kummissjoni f’dan ir-rikors huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li, jekk jiġi deċiż li l-korpi kkonċernati, meta jintervjenu fil-proċeduri ġudizzjarji, jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi, in-nuqqas tal-issuġġettar tagħhom għat-taxxa jista’ joħloq “distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Skont din id-dispożizzjoni dawn l-attivitajiet huma suġġetti għat-taxxa, minkejja l-fatt li jsiru minn awtorità pubblika. B’tali miżura, il-leġiżlatur Komunitarju għandu l-għan li jevita l-ksur tal-prinċipji ta’ ġeneralità u ta’ newtralità tat-taxxa (42).

69.      Il-Kummissjoni tgħid fir-rikors tagħha li meta ma jkunx hemm issuġġettar għall-VAT l-ispiża biex wieħed jirrikorri għand avukat privat tiżdied bi 22 % (43) u tfakkar li l-benefiċjarji tas-servizz tal-għajnuna legali huma konsumaturi finali, mingħajr id-dritt li jnaqqsu l-VAT, element fundamentali biex wieħed jevalwa d-distorsjoni tal-kompetizzjoni (44).

70.      Fid-difiża tiegħu, il-Gvern Finlandiż iżid li l-għażla bejn uffiċċju legali privat u uffiċċju pubbliku ma tiddependix biss mill-prezz, imma hija influwenzata anki minn fatturi bħar-relazzjoni professjonali li l-klijent żamm mal-avukat, ir-reputazzjoni tiegħu jew l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu f’suġġett partikolari, il-volum tax-xogħol li f’mument partikolari jkun hemm fuq konsulenti pubbliċi jew il-konflitti ta’ interess eventwali. Dan il-Gvern jindika wkoll li skont l-istatistika għas-snin 2002 sa 2006, parti żgħira biss tal-benefiċjarji tal-għajnuna legali li marru għand avukat privat għamlu ħlas parzjali (madwar l-20 %, it-80 % tal-bqija gawdew minn sussidju sħiħ tas-servizz mingħand l-Istat); li l-perċentwali tal-każijiet ittrattati mill-uffiċċji pubbliċi u mill-uffiċċji privati, fil-kuntest tas-sistema parzjalment b’xejn imsemmija, baqgħet stabbli bejn l-2004 u l-2006; u li f’dan il-perijodu, in-numru ta’ klijenti obbligati jagħmlu ħlas parzjali u li marru għand avukat privat wera żieda ikbar (ta’ 155 %) meta mqabbel man-numru ta’ klijenti li, f’kundizzjonijiet identiċi, ġew irrappreżentati minn impjegati pubbliċi (żieda ta’ 30 %).

71.      Il-Kummissjoni ma tikkunsidrax dawn iċ-ċifri definittivi għaliex, hi tqis, li l-fatti li dawn jirriflettu “jistgħu jiddependu minn diversi fatturi u fihom innifishom ma jinvalidawx l-argument li jirrigwarda t-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet simili, li hija evidenti” (45).

72.      Is-sentenza reċenti Isle of Wight Council (46) ikkunsidrat li d-distorsjonijiet gravi tal-kompetizzjoni (skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva) għandhom jirrigwardaw l-attività inkwistjoni, mhux biss fid-dawl tal-kompetizzjoni effettiva, imma wkoll dik potenzjali, dejjem jekk il-possibbiltà għal operatur privat li jidħol fis-suq rilevanti tkun effettiva u mhux sempliċement ipotetika; u li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom ikunu “iktar minn negliġibbli”.

73.      Dawn il-kriterji ta’ interpretazzjoni jillimitaw ħafna l-każijiet fejn l-attività ta’ awtorità pubblika mhijiex suġġetta għall-VAT. Minn naħa, mhux meħtieġ li jintwera li fil-passat is-sistema fiskali differenti ġġenerat vantaġġ kompetittiv għall-korp pubbliku; huwa biżżejjed li tiġi prevista distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-futur. Min-naħa l-oħra, il-livell minimu ta’ taqlib fis-suq li jelimina l-eżenzjoni favur il-korpi ta’ dritt pubbliku jidhirli li huwa baxx ħafna, għaliex huwa biżżejjed li d-distorsjonijiet ikunu “iktar minn negliġibbli”.

74.      L-informazzjoni statistika li pprovda l-Gvern Finlandiż turi li l-uffiċċji privati bbenefikaw ħafna mil-liġi fuq l-għajnuna legali fl-ewwel snin tal-applikazzjoni tagħha, għaliex min jagħżel li jmur għand professjonist privat, bl-Istat li jissussidja parti mis-servizzi mogħtija, jiġi influwenzat minn fatturi differenti mill-prezz. Imma l-ebda wieħed minn dawn il-fatturi, ikkunsidrat b’mod iżolat, mhuwa indispensabbli.

75.      Madankollu, hemm element li, għalkemm mhux imsemmi fil-proċess, jista’ eventwalment itaffi l-effett antikompetittiv tad-differenza fiskali kkontestata f’din il-kawża, peress li l-għażla bejn konsulent pubbliku u avukat privat mhux dejjem tiddependi mir-rieda tal-klijent. Abbażi tal-liġijiet Finlandiżi fuq l-għajnuna legali, jekk iċ-ċittadin jipproponi avukat privat, jiġu adottati l-miżuri meħtieġa biex jinħatar, għalkemm l-amministrazzjoni żżomm id-dritt li tieħu dik l-inizjattiva (47); li jista’ jseħħ, pereżempju, meta jkollu jinqasam volum ta’ xogħol insostenibbli għall-konsulenti pubbliċi (ċirkustanza li sseħħ inevitabbilment jekk iċ-ċittadini kollha jagħżlu l-għajnuna tal-uffiċċji pubbliċi).

76.      Għaldaqstant, mingħajr ma wieħed jimminimizza l-impatt ta’ varjazzjoni fil-prezz ta’ 22 % minħabba l-għażla ta’ forma waħda jew oħra ta’ difiża f’kawża, nikkunsidra li l-Kummissjoni ma wrietx li, fil-kuntest ta’ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, dan il-fattur jaffettwa iktar mill-fatturi oħrajn imsemmijin u lanqas li jipprovoka distorsjoni sinjifikattiva fil-kompetizzjoni li, s’issa, ma hemm l-ebda traċċa tagħha.

D –    Korollarju

77.      Fl-opinjoni tiegħi, huwa ċar li n-natura mhux strettament ekonomika tal-kontribuzzjoni mħallsa mill-persuna kkonċernata ma tippermettix li s-servizz mogħti lill-pubbliku mill-konsulenti legali fil-Finlandja jitqies bħala “attività ekonomika”. Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan ir-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni.

78.      Issa, fil-każ fejn l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-opinjoni, fil-partijiet B u C ta’ dawn il-konklużjonijiet, qed neżamina, b’sussidjarju, il-kontenut tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u minn dan niddeduċi li dawn l-uffiċċji pubbliċi jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi u li n-nuqqas ta’ ssuġġettar tagħhom għat-taxxa ma jipprovokax distorsjoni fil-kompetizzjoni u għalhekk, fi kwalunkwe każ, ma hemmx nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

VI – Fuq l-ispejjeż

79.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika tal-Finlandja.

VII – Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1)         tiċħad ir-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika tal-Finlandja;

2)         tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ din il-kawża.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23; iktar ’il quddiem, is-“Sitt Direttiva”).


3 – Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).


4 – Oikeusapulaki (257/2002). Verżjoni (mhux uffiċjali) bl-Ingliż tat-test ta’ din il-liġi, ippubblikata mill-Ministeru tal-Ġustizzja Finlandiż li tinsab fis-sit: http://www.finlex.fi/fi/laki/kaannokset/2002/en20020257.pdf. Hemm ippubblikata wkoll gwida fuq l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq l-internet: http://www.om.fi/en/Etusivu/Julkaisut/Esitteet/Oikeusapu/pagename/esite/Tulosta (għall-verżjoni bil-lingwa Ingliża).


5 – Laki valtion oikeusaputoimistoista (258/2002).


6 – Valtioneuvoston asetus oikeusavusta (388/2002).


7 – Valtioneuvoston asetus oikeusavun palkkioperusteista (389/2002).


8 – Artikolu 3(1) tal-Liġi fuq l-Għajnuna Legali.


9 – Għall-persuni li mhumiex miżżewġin, it-tariffa hija din li ġejja: bi dħul ta’ mhux iktar minn EUR 650, l-ebda kontribuzzjoni ma hija stabbilita u l-għajnuna tingħata b’xejn; fil-każ ta’ dħul daqs jew anqas minn EUR  850, il-benefiċjarju għandu jħallas 20 % tas-servizz; bi dħul daqs jew anqas minn EUR 1 000, it-30 %; bi dħul daqs jew anqas minn EUR 1 200, l-40 %; bi dħul daqs jew anqas minn EUR 1 300, il-55 %; u bi dħul daqs jew anqas minn EUR 1 400, il-75 %.


Jekk il-persuna li titlob l-għajnuna hija miżżewġa, l-ammonti jvarjaw kif ġej: jekk il-konjuġi kkonċernat għandu dħul daqs jew inqas minn EUR 550, is-servizz jingħata b’xejn; bi dħul daqs jew inqas minn EUR  650, il-kwota li jħallas il-benefiċjarju hija ta’ 20 %; bi dħul daqs jew inqas minn EUR  800, hija ta’ 30 %; bi dħul daqs jew inqas minn EUR 1 000, hija ta’ 40 %; bi dħul daqs jew inqas minn EUR 1 100, hija ta’ 55 %; u bi dħul daqs jew inqas minn EUR 1 200, hija ta’ 75 %.


10 – Artikolu 6 tad-Digriet Ministerjali fuq l-Għajnuna Legali.


11 – Artikolu 7 tad-Digriet Ministerjali fuq l-Għajnuna Legali.


12 – Artikolu 8 tal-Liġi fuq l-Għajnuna Legali.


13 – Skont il-Gvern Finlandiż, fl-2007 l-ispejjeż grossi għall-ġestjoni ta’ dawn l-uffiċċji pubbliċi ammontaw għal EUR 24.5 miljun, meta mqabbla ma’ EUR 1.9 miljun ta’ dħul mis-servizz, li jinkludi l-onorarji parzjalment mħallsa mill-benefiċjarji tal-għajnuna legali parzjalment b’xejn u l-ispejjeż tal-kontroparti li tkun tilfet fis-sentenza (punt 35 tar-risposta).


14 – Artikolu 11 tad-Digriet Ministerjali dwar il-Kriterji ta’ Ħlas għall-Għajnuna Legali.


15 – Liġi tat-30 ta’ Diċembru dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud [arvonlisäverolaki (1501/1993)].


16 – Għalkemm l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi għall-VAT kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna, din id-dispożizzjoni tirrigwarda esklużivament l-attivitajiet li għandhom karattru ekonomiku [sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Régie dauphinoise (C-306/94, Ġabra p. I-3695, punt 15); tad-29 ta’ April 2004, EDM (C-77/01, Ġabra p. I-4295, punt 47); u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik (C-465/03, Ġabra p. I-4357, punt 18)]. Flimkien mal-iżvolġiment ta’ attività ekonomika, id-direttiva tindika tliet rekwiżiti oħra li jidentifikaw il-persuna taxxabbli tal-VAT, wieħed soġġettiv u l-oħrajn oġġettivi: l-indipendenza, il-professjonalità u l-istabbiltà.


17 – Sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (235/85, Ġabra p. 1471, punti 6 sa 10; tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, Ġabra p. 655, punt 19); tas-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes (C-497/01, Ġabra p. I-14393, punt 38); tas-26 ta’ Ġunju 2007, Hutchinson 3G (C-369/04, Ġabra p. I-5247, punt 28); fl-istess data, T-Mobile Austria (284/04, Ġabra p. I-5189, punt 35), u tal-21 ta’ Frar 2006, University of Huddersfield (C-223/03, Ġabra p. I-1751, punt 47).


18 – It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Struttura u proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni fuq il-valur miżjud (ĠU 71, p. 1303 sa 1312).


19 – Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2000 (C-142/99, Ġabra p. I-9567, punt 28). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly f’din il-kawża, ippreżentati fl-4 ta’ April 2000, punti 34 u 35.


20 – B’referenza għall-kumpannija holding, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-sempliċi akkwist u żamma ta’ ishma mhijiex “attività ekonomika” skont is-Sitt Direttiva, ħlief fil-każ fejn il-holding ikkonċernata tintervjeni fil-ġestjoni tal-kumpanniji [sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1991, Polysar (C-60/90, Ġabra p. I-3111)]. Għalhekk jerġa’ jiġi introdott il-kriterju imprenditorjali biex jiġi kkjarifikat is-sinjifikat tal-kliem “sfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika” użat fl-Artikolu 4(2). Fir-rigward tal-kunċett imsemmi iktar ’il fuq ta’ “sfruttament”, ara s-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1990, Van Tiem (C-186/89, Ġabra p. I-4363); tas-26 ta’ Settembru 1996, Renate Enkler (C-230/96, Ġabra p. I-4517), u Hutchinson 3G, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll B. Terra u J. Kajus, A guide to de European VAT Directives. Introduction to European VAT 2009, vol. 1, IBFD, 2009, p. 360.


21 – Sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq (punti 9 sa 15); tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-276/97, Ġabra p. I-6251, punt 32); u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Götz (C-408/06, Ġabra p. I-11295, punt 18).


22 – P. Herrero de la Escosura, El IVA en la jurisprudencia del Tribunal de Justicia de las Comunidades Europeas, Università ta’ Oviedo – Ed. Marcial Pons, Madrid, 1996, p. 120.


23 – Sentenza tal-1 ta’ April 1982 (89/81, Ġabra p. 1277, punti 10 u 11).


24 – Pożizzjoni bħal din twassal, pereżempju, għall-eżenzjoni mill-VAT tal-bejgħ taħt il-prezz kost matul is-sales jew il-likwidazzjonijiet.


25 – Sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma (C-16/93, Ġabra p. I-743, punt 14); tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, Ġabra p. I-3017, punt 45); u tas-26 ta’ Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring (C-305/01, Ġabra p. I-6729, punt 47).


26 – Sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council (102/86, Ġabra p. 1443, punti 11 u 12); tas-16 ta’ Ottubru 1997, Fillibeck (C-258/95, Ġabra p. I-5577, punt 12); u Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35.


27 – Sentenza Apple and Pear Development Council, iċċitata iktar ’il fuq, punti 11 sa 16.


28 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


29 – Eventwalment xi ftit iktar, jekk il-persuna li mhijiex miżżewġa jkollha beni faċilment likwidabbli għal valur li jaqbeż EUR 5 000. Fil-proċess ma hemmx indikat jekk dak l-ammont jistax jilħaq il-100 % tal-onorarji, imma jidhirli li dan huwa improbabbli ħafna billi l-Artikolu 6 tad-digriet fuq l-għajnuna legali jistabbilixxi limitu massimu ta’ dħul fix-xahar biex wieħed ikun jista’ jgawdi mis-servizz inkwistjoni.


30 – Konklużjonijiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza Honk-Kong Trade, iċċitata iktar ’il fuq (punt 3.4 in fine).


31 – Sentenza Götz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 21). Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli (C-343/95, Ġabra p. I-1547, punt 24); Hutchison 3G et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u T-Mobile Austria, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).


32 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, u tal-25 ta’ Lulju 1991, Ayuntamiento de Sevilla (C-202/90, Ġabra p. I-4247), kif ukoll id-digriet tal-21 ta’ Mejju 2008, Mihal (C-456/07, Ġabra p. I-79).


33 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ayuntamiento de Sevilla, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).


34 – Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et (kawżi magħquda 231/87 u 129/88, Ġabra p. 3233, punt 16). Ara wkoll, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1990, Comune di Carpaneto Piacentino et (C-4/89, Ġabra p. I-1869, punt 8); tas-6 ta’ Frar 1997, Marktgemeinde Welden (C-247/95, Ġabra p. I-779, punt 17); Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40); tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummisjsoni vs L-Irlanda (C-358/97, Ġabra p. I-6301, punt 38); Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-359/97, Ġabra p. I-6355, punt 50); Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-408/97, Ġabra p. I-6417, punt 35); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-260/98, Ġabra p. I-6537, punt 35); tal-14 ta’ Diċembru 2000, Fazenda Pública (C-446/98, Ġabra p. I-11435, punt 17), u tat-8 ta’ Ġunju 2006, Feuerbestattungsverein Halle (C-430/04, Ġabra p. I-4999, punt 32).


35 – Skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, “għandu jiġi miċħud l-argument […] li korp li jaġixxi ‘bħala awtorità pubblika’ għall-attivitajiet biss li jidħlu fil-kunċett ta’ awtorità pubblika fis-sens strett tal-kunċett” (punt 41).


36 – Il-ġurisprudenza tenniet li din l-espressjoni tirreferi għall-attivitajiet jew l-operazzjonijiet magħmulin mill-korpi ta’ dritt pubbliku bħala awtoritajiet pubbliċi (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).


37 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et, (punt 15); u Fazenda Pública, punt 16.


38 – Punt 61 tar-rikors tal-Kummissjoni.


39 – Artikolu 8 tal-Liġi fuq l-Għajnuna Legali.


40 – Li jinsabu fid-digriet ministerjali fuq il-kriterju ta’ ħlas għall-għajnuna legali (Valtioneuvoston asetus oikeusavun palkkioperusteista).


41 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (punti 21 u 22) u Ayuntamiento de Sevilla (punti 18 sa 21), kif ukoll id-digriet tal-21 ta’ Mejju 2008, Mihal, iċċitata iktar ’il fuq.


42 – Skont Casado Ollero, “l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni Komunitarja huwa li jiġi evitat li n-nuqqas ta’ issuġġettar tal-VAT jippreġudika l-ġeneralità u n-newtralità tat-taxxa; imma minflok issemmi dawn iż-żewġ prinċipji, il-leġiżlatur jalludi għall-konsegwenzi li jista’ jkun hemm bil-ksur tagħhom: il-produzzjoni ta’ distorzjoni tal-kompetizzjoni” (G. Casado Ollero, “El IVA y las operaciones de los entes públicos”, El IVA en el sistema tributario español, vol. II, Ed. Ministerio de Economía y Hacienda, Madrid, 1986, p. 194).


43 – Rata tal-VAT fil-Finlandja.


44 – Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2006 fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi T-Mobile et kif ukoll Hutchinson 3G, iċċitati iktar ’il fuq.


45 – Punt 56 tar-rikors tal-Kummissjoni.


46 – Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008 (C-288/07, Ġabra p. I-7203).


47 – Artikolu 8 tal-Liġi fuq l-Għajnuna Legali.