Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-17 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawża C-20/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Portugiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ammissibbiltà – Żamma tal-effetti tan-nuqqas – Moviment liberu tal-kapital –Artikoli 56 KE u 40 tal-Ftehim ŻEE – Titoli tad-dejn pubbliku –Trattament fiskali preferenzjali”





I –    Introduzzjoni

1.        Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 226 KE, sabiex jiġi kkonstatat li billi, fil-kuntest tar-regolarizzazzjoni fiskali, ipprovdiet trattament fiskali preferenzjali limitat għat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa biss mill-Istat Portugiż, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”).

II – Il-kuntest ġuridiku

2.        Is-sistema eċċezzjonali ta’ regolarazzazzjoni fiskali (Regime Excepcional de Regularização Tributária de elementos patrimoniais que não se encontrem no território português, iktar ’il quddiem is-“SERF”) kienet adottata mill-Assemblea tar-Repubblika permezz tal-Liġi Nru 39-A/2005, tad-29 ta’ Lulju 2005, u ppubblikata fil-ġurnal Diário da República fl-istess ġurnata (2).

3.        L-introduzzjoni tas-SERF kellha bħala għan li tiġġieled l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa billi tistabbilixxi miżura ta’ inċentiv ratione temporis għall-persuni fiżiċi taxxabbli li naqsu milli jħallsu t-taxxa, sabiex huma jipproċedu b’mod volontarju għar-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali tagħhom f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ dikjarazzjoni, minħabba ommissjoni jew minħabba frodi, ta’ dħul u ta’ elementi patrimonjali taxxabbli barra mill-pajjiż.

4.        Sabiex jintlaħaq dan l-iskop, Artikolu 1 tas-SERF japplika għall-elementi patrimonjali li jikkonsistu f’depożiti, ċertifikati ta’ depożitu, titoli u strumenti finanzjarji oħrajn li ma jinstabux fit-territorju Portugiż. Fil-kuntest tas-SERF, l-elementi patrimonjali huma suġġetti għal rata ġenerali ta’ 5 % relattiva għall-valur tagħhom li jidher fid-dikjarazzjoni tar-regolarizzazzjoni fiskali, b’konformità mal-Artikoli 2 u 5 tas-SERF.

5.        Skont l-Artikolu 6(1) tas-SERF, din ir-rata ġenerali ta’ 5 % titnaqqas bin-nofs jekk l-elementi patrimonjali jkunu titoli tal-Istat Portugiż. Tnaqqis tar-rata tapplika wkoll għal elementi patrimonjali oħra jekk il-valur tagħhom jiġi investit mill-ġdid f’titoli tal-Istat Portugiż sad-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali, b’konformità mal-Artikolu 6(2) tas-SERF.

6.        Madankollu, biex jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ 2.5 % prevista f’Artikolu 6(1) tas-SERF, it-titoli tal-Istat Portugiż għandhom jibqgħu l-proprjetà tad-dikjarant matul minn tal-inqas tliet snin mid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-regolarizzazzjoni fiskali u indipendentement mid-data tal-akkwist tagħhom, b’konformità mal-Artikolu 6(4) tas-SERF. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-perijodu minimu ta’ detenzjoni jwassal, skont l-Artikolu 6(5) tas-SERF, għall-ħlas tad-differenza tal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata ġenerali ta’ 5 %.

7.        Is-SERF skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2005.

III – Il-proċedura prekontenzjuża

8.        Wara li tressaq ilment u qabel ma skadiet is-SERF, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża fid-19 ta’ Diċembru 2005. F’din l-ittra, hija qieset li sad-data tad-dikjarazzjoni tar-regolarizzazzjoni fiskali, ir-Repubblika Portugiża kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE sa fejn hija kienet qed tapplika rata iktar favorevoli għar-regolarizzazzjoni tal-elementi patrimonjali li huma titoli tad-dejn pubbliku tal-Istat Portuġiż jew għall-valur tal-elementi patrimonjali investiti mill-ġdid f’tali titoli b’kuntrast mar-regolarizzazzjoni ta’ dawk li ma kinux investiti f’titoli tad-dejn pubbliku tal-Istat Portugiż.

9.        Fis-27 ta’ Frar 2006, il-Gvern Portugiż irrisponda għall-ittra ta’ intimazzjoni. Preliminarjament, il-Gvern Portugiż ikkontesta n-natura attwali tal-kritika fformulata mill-Kummissjoni peress li, fl-opinjoni tiegħu, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi allegat li jirriżulta mill-Artikolu 56 KE u mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE ma kienx jeżisti iktar. Barra minn hekk, il-Gvern Portugiż kien tal-fehma li s-SERF ma kinitx tippreġudika d-dritt Komunitarju. Fi kwalunkwe każ, is-sistema legali kontenzjuża tiġġustifika ruħha permezz ta’ raġuni ta’ interess personali, jiġifieri l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni fiskali.

10.      Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, tat opinjoni motivata permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Mejju 2007, b’konformità mal-Artikolu 226 KE, li permezz tagħha talbet lir-Repubblika Portugiża sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi l-opinjoni msemmija.

11.      Il-Gvern Portugiż żamm il-pożizzjoni tiegħu esposta b’risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

12.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ att promotur ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

13.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi, fil-kuntest tar-regolarizzazzjoni fiskali skont il-Liġi Nru 39-A/2005, ipprovdiet trattament fiskali preferenzjali limitat għat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa biss mill-Istat Portugiż, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE;

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

14.      Ir-Repubblika Portugiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15.      Il-partijiet instemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2010.

V –    Analiżi ġuridika

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1.      L-argumenti tal-partijiet

16.      Fid-difiża tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li r-rikors huwa inammissibbli għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, hija tallega li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma għandux jiġi kkunsidrat ammissibbli meta l-ksur attribwit waqaf ħafna qabel it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (f’dan il-każ iktar minn sena u nofs), minħabba li l-Liġi Nru 39-A/2005, li tistabbilixxi s-SERF skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2005. Għalhekk, ir-rikors huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ skop. It-tieni nett, skont l-Istat Membru konvenut, is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat fl-opinjoni motivata ma jikkoinċidix ma’ dak li jinsab fl-ittra ta’ intimazzjoni. Fil-fatt, huwa biss fl-opinjoni motivata li bħalma kienet indikat fl-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni spjegat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat kien dovut għat-trattament preferenzjali tat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż, mhux b’paragun mal-elementi l-oħra patrimonjali, iżda biss b’paragun ma’ titoli tad-dejn pubbliku ta’ Stati Membri oħra.

17.      Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-allegazzjonijiet kollha u ssostni li r-rikors huwa effettivament ammissibbli. Fir-rigward tal-iskop tar-rikors, il-Kummissjoni tippreċiża li dejjem ikun hemm interess li titkompla l-kawża. Hija ssostni li, fil-kawża preżenti u għall-kuntrarju tal-ġurisprudenza invokata mill-Gvern Portugiż (3), il-Kummissjoni ħadet azzjoni fil-ħin, li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi a contrario r-rikors preżenti bħala ammissibbli. Barra minn hekk, l-effetti tas-SERF jinżammu minħabba li l-persuni li ma setgħux jiksbu l-benefiċċju ta’ trattament fiskali iktar favorevoli jibqgħu żvantaġġati finanzjarjament meta mqabbla ma’ dawk li kellhom din il-possibbiltà. Matul is-seduta, il-Kummissjoni żiedet li l-effetti tal-liġi kkontestata huma ġġustifikati permezz ta’ element supplimentari li jirriżulta mill-obbligu, magħmul lid-detenturi taxxabbli ta’ titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż li jridu jibbenefikaw mir-rata (ta’ regolarizzazzjoni) ta’ 2.5 %, li jżommu dawn it-titoli għal perijodu ta’ minn tal-inqas tliet snin wara d-depożitu tad-dikjarazzjoni fiskali ta’ regolarizzazzjoni tagħhom, b’konformità mal-Artikolu 6(4) tas-SERF. F’dak li jikkonċerna l-inkonsistenza allegata bejn l-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata, l-ilment espost fl-opinjoni motivata huwa biss preċiżjoni tal-ilment ifformulat fl-ittra ta’ intimazzjoni. Dan l-ilment kien diġà neċessarjament jinsab fl-ittra ta’ intimazzjoni. Għalhekk, din bl-ebda mod ma hi emenda tal-ilment ifformulat inizjalment.

2.      Kunsiderazzjonijiet

a)      Dwar it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-inkonsistenza bejn l-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata.

18.      Qabel kollox, inqis li t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors, imqajma mir-Repubblika Portugiża u li tirriżulta mill-inkonsistenza bejn l-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata, għandha tiġi miċħuda b’mod ċar.

19.      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar id-differenza bejn iż-żewġ atti tal-proċedura prekontenzjuża. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-opinjoni motivata, imsemmija fl-Artikolu 226 KE, għandha tinkludi espożizzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni li l-Istat ikkonċernat naqas milli jwettaq wieħed fost l-obbligi tiegħu skont it-Trattat KE. Min-naħa l-oħra, l-ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tkun suġġetta għal eżiġenzi ta’ preċiżjoni daqstant stretti, minħabba li din tal-aħħar ma tistax neċessarjament tikkonsisti biss f’sunt inizjali qasir tal-ilmenti. Għalhekk, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tagħti dettalji, fl-opinjoni motivata, dwar l-ilmenti li hija diġà sostniet b’mod iktar globali fl-ittra ta’ intimazzjoni (4).

20.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax li, filwaqt li l-ittra ta’ intimazzjoni tipparaguna t-trattament preferenzjali tat-titoli tad-dejn pubbliku tal-Istat Portugiż mal-elementi patrimonjali l-oħra kollha, l-opinjoni motivata kkunsidrat biss, min-naħa tagħha, il-paragun tal-imsemmija titoli mat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn Stati Membri oħra.

21.      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ elementi patrimonjali huwa kunċett iktar ġenerali minn dak tat-titoli tad-dejn pubbliku u jkopri neċessarjament it-tieni wieħed. Għalhekk, l-opinjoni motivata mibgħuta fil-kawża preżenti ma tikkostitwixxix biss preċiżjoni tal-ilmenti esposti fl-ittra ta’ intimazzjoni, jew saħansitra restrizzjoni tas-suġġett tan-nuqqas, kompletament leġittima (5). Huwa b’dan il-mod li s-suġġett tan-nuqqas ma nbidilx fl-opinjoni motivata, iżda kien iktar dettaljat, jew saħansitra ristrett, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fil-punt 19 ta’ dawn il-konkluzjonijiet.

b)      Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-assenza ta’ ksur attwali tat-Trattat u tal-Ftehim ŻEE

22.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-riżoluzzjoni tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà qabel kollox tippreżenta diffikultajiet u twassal għall-eżami tal-ġurisprudenza fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra miżuri nazzjonali temporanji, problematika li diġà kkunsidrajt parzjalment fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (6) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (7).

23.      Infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, il-missjoni tal-Kummissjoni tikkonsisti, b’mod partikolari, f’li tkun f’pożizzjoni li tikkonstata l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi eventwali derivanti mid-dritt Komunitarju, fid-dawl tat-tmiem tagħhom (8)..

24.      Barra minn hekk, b’konformità mal-Artikolu 226 KE u skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif tippreżenta ruħha f’għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (9). Kif diġà indika l-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (10), il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għaliex tiddikjara li kien hemm ksur tat-Trattat meta ntemm il-ksur qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata mibgħuta mill-Kummissjoni (11).

25.      Din is-soluzzjoni ċertament tirriżulta meta l-waqfien tal-allegat ksur tad-dritt Komunitarju jkun ir-riżultat tal-intervent tal-Istat Membru kkonċernat b’mod konformi mal-opinjoni motivata.

26.      Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala inammissibbli rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkritika lill-Istat Membru kkonċernat talli adotta diversi miżuri leġiżlattivi li, wara l-verifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja għand il-partijiet, jirriżulta li ġew imħassra qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata mibgħuta mill-Kummissjoni (12).

27.      Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tas-SERF ma ġewx formalment imħassra u r-Repubblika Portugiża ma intervinitx sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.

28.      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Liġi Nru 39-A/2005 skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2005 u għalhekk ħafna qabel it-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-11 ta’ Mejju 2007.

29.      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, fid-data ta’ skadenza ta’ dan it-terminu, il-ksur allegat tal-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE kompliex jipproduċi effetti.

30.      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma dehritx inekwivoka u varjata skont is-setturi kkonċernati, fejn ċerti sentenzi jirrikjedu li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi jkomplu jipproduċu effetti filwaqt li oħrajn lanqas biss jikkunsidraw din il-kundizzjoni.

31.      Fost dawn tal-aħħar, jistgħu jiġbdu l-attenzjoni s-sentenzi mogħtija fil-qasam tal-kwoti tas-sajd li fihom bosta rikorsi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġew ikkunsidrati ammissibbli filwaqt li l-Kummissjoni kienet bdiet il-proċeduri prekontenzjużi ferm wara t-tmiem tal-kampanji annwali tas-sajd ikkontestati (13). B’mod partikolari, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Franċiża kienet oġġezzjonat l-inammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba li dan ir-rikors kien jirrigwarda l-kampanji tas-sajd li jmorru lura għal iktar minn għaxar snin qabel u li għaldaqstant fir-rigward tiegħu hija ma setgħetx tirrimedja (14).

32.      Quddiem din l-argumentazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, qabel kollox, li ma hijiex responsabbiltà tal-Kummissjoni li turi l-eżistenza ta’ interess ġuridiku, sussegwentement li hija din tal-aħħar li għandha tikkunsidra l-opportunità li tieħu azzjoni kontra Stat Membru, b’mod partikolari li tagħżel il-mument li fih hija tibda l-kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u fl-aħħar nett li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta, fil-kuntest tal-Artikolu 226 KE, li tosserva terminu partikolari għall-azzjoni tagħha (15).

33.      Wieħed għandu josserva li għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas biss ivverifikat jekk il-ksur allegat kompliex fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, anki jekk din iċ-ċirkustanza dehret li kienet il-kritika vera indirizzata mir-Repubblika Franċiża fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors. Minflok dan, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jibbaża ruħu biss fuq it-tliet argumenti msemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

34.      Issa, dan ir-raġunament ma jissodisfax b’mod adegwat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Republika Franċiża, ibbażata, essenzjalment, fuq l-għebien tan-natura attwali tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġiet ikkritikata dwaru.

35.      Fil-fatt, qabel kollox, kemm ir-rikonoxximent inkontestabbli ta’ marġni diskrezzjonali tal-Kummissjoni biex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq kif ukoll l-assenza tagħha f’kull obbligu li turi interess ta’ azzjoni bl-ebda mod ma jikkoinċidu mal-problematika marbuta man-natura attwali tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew mat-tkomplija tal-effetti ġuridiċi tiegħu fl-ipoteżi tan-nuqqas ta’ twettiq puntwali tad-dritt Komunitarju; filwaqt li l-eżistenza ta’ marġni diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni u l-assenza ta’ obbligu li jintwera interess ġuridiku li jikkonċerna d-drittijiet suġġettivi tal-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ ksur fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata hija kundizzjoni oġġettiva tal-ammissibbiltà li għandha tiġi kkonstatata minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja u, jekk ikun il-każ, ex officio (16). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza li teżiġi prova ta’ interess ġuridiku min-naħa tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tapplika biss meta l-ksur allegat jiġi eliminat wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (17) u mhux qabel.

36.      Sussegwentement, ir-riferimenti għas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (18) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (19) magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 24 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tiġġustifika l-marġni ta’ diskrezzjoni li huma tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-mument tal-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma jidhirlix li huma rilevanti.

37.      Fl-imsemmija sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitati mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Istati Membri konvenuti kienu differenti ħafna minn dawk invokati mill-Gvern Franċiż fis-sentenza tal-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq. Fl-ewwel kawża, il-Gvern Ġermaniż ikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors billi allega li l-konformità mal-opinjoni motivata kienet fis-seħħ, li l-preżentata tar-rikors kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u li hija ndaħlet fin-negozjati fis-seħħ fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (20). Fit-tieni kawża, ir-Repubblika Taljana invokat b’mod partikolari l-ksur tad-drittijiet tad-difiża billi allegat li l-Kummissjoni ppreżentat b’mod żbaljat it-tieni proċedura ta’ ksur li kien fiha, essenzjalment, l-istess ilmenti bħal dawk esposti f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat preċedentement kontriha (21). Issa, għalkemm huwa possibbli li jinftiehem ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażat fuq l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-mument għall-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fiċ-ċirkustanzi li għadhom kif ġew deskritti, tali raġunament ma jinkludix sitwazzjoni li fiha, bħal fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Istat konvenut tikkonċerna l-persistenza ta’ ksur tat-Trattat fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

38.      Għaldastant inqis li f’dan il-każ, ma huwiex adegwat li nsegwi l-ġurisprudenza stabbilita dwar il-kwoti tas-sajd li għadhom kif ġew analizzati (22).

39.      Madankollu, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu spunt mill-ġurisprudenza, attwalment iktar abbondanti, żviluppata f’oqsma oħra u li skont ma tgħid, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu billi teżamina l-kwistjoni dwar jekk, fid-data tat-terminu mogħti sabiex l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata, il-ksur allegat tad-dritt Komunitarju, li jidher li ntemm, kompliex jipproduċi effetti.

40.      Din il-ġurisprudenza oriġinat fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni bħala ammissibbli meta l-kuntratti allegatament konklużi bi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju sekondarju ma kinux kompletament implementati fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u għalhekk komplew jipproduċu l-effetti tagħhom (23). Min-naħa l-oħra, ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġew ikkunsidrati inammissibbli meta dawn il-kuntratti kienu diġà eżawrew l-effetti kollha tagħom (24) jew meta digriet nazzjonali li jawtorizza l-għoti tal-kuntratti f’każijiet mhux previsti mid-direttivi dwar il-“kuntratti pubbliċi” jkunu eżawrew “l-effetti tagħhom” (25).

41.      Din il-ġurisprudenza stabbilita ġiet estiża wkoll għal oqsma oħra.

42.      Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għas-sentenzi li għadhom kif ġew iċċitati li jirrigwardaw l-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat, minn naħa (26), fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċertu proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (27) u, min-naħa l-oħra (28), dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (29).

43.      Iktar reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ukoll din il-ġurisprudenza fis-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, dwar ksur tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ psikoterapewti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (30).

44.      F’din il-kawża ġiet ittrattata l-kompatibbiltà mal-Artikolu 43 KE tad-dispożizzjonijiet tranżitorji nazzjonali li kienu jirriżervaw għall-psikoterapewti biss, li eżerċitaw f’reġjun fil-Ġermanja fil-kuntest tal- fondi tal-assigurazzjoni Ġermaniżi kontra l-mard matul perijodu partikolari, il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq bażi kuntrattwali u li kienu rrifjutaw li jagħtu din il-possibbiltà lill-psikoterapewti li eżerċitaw l-attività tagħhom matul l-istess perijodu barra mill-Ġermanja fil-kuntest tal-fondi tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor kontra l-mard. Il-Gvern Ġermaniż ikkontesta n-natura attwali tal-ksur allegat tal-libertà ta’ stabbiliment sa fejn il-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni motivata iktar minn sentejn wara l-iskadenza tad-dispożizzjonijiet tranżitorji.

45.      Bħala risposta għal din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li indikat li kellha tivverifika, b’konformità mal-ġurisprudenza, jekk, fi tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata “il-leġiżlazzjoni kkontestata baqgħetx tkompli tipproduċi l-effetti legali” (31), ikkonstatat li l-impossibbiltà għall-psikoterapewti li ma kinux eżerċitaw l-attivitajiet tagħhom matul il-perijodu ta’ referenza fil-Ġermanja li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi ma kinitx limitata ratione temporis, tieħu natura permanenti u tkompli, b’mod partikolari fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (32). Għalhekk hija ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Gvern Ġermaniż, filwaqt li ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi komplew jipproduċu effetti fid-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (33).

46.      Din il-ġurisprudenza jidhirli li hija koerenti u konformi mal-għan tal-Artikolu 226 KE li jagħti l-kapaċità lill-Istati Membri li jikkonformaw ruħhom mal-opinjoni motivata u, b’mod iktar ġenerali, mal-obbligi tagħhom tad-dritt Komunitarju fi tmiem it-terminu stabbilit f’din l-opinjoni (34). Issa, Stat Membru jista’ jibbenefika minn tali sitwazzjoni dment, fid-data stabbilita fl-opinjoni motivata, tkun teżisti possibbiltà reali għal dan l-Istat li jtemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, inklużi l-effetti tiegħu, u jimmodifika l-komportament tiegħu lato sensu.

47.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li jeħtieġ, b’konformità ma’ din il-ġurisprudenza stabbilita, li f’dan il-każ jiġi eżaminat jekk is-SERF komplietx tipproduċi effetti wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

48.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-Liġi Nru 39-A/2005 skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2005 u li t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata biex l-Istat Membru jikkonforma ruħu ma’ din tal-aħħar skada, min-naħa l-oħra, f’Lulju 2007.

49.      Għandu jiġi osservat ukoll li, skont l-Artikolu 6(4) tas-SERF, it-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż, miżmuma mill-persuni taxxabbli Portugiżi li jibbenefikaw mill-iskema preferenzjali inkwistjoni, kellhom jibqgħu proprjetà tad-dikjarant matul mill-inqas tliet snin mid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-regolarizzazzjoni fiskali u indipendentament mid-data tal-kisba tagħhom, inkella d-dikjarant kellu jħallas id-differenza bejn ir-rata preferenzjali u r-rata ġenerali. Barra minn hekk, b’konformità mal-Artikolu 5(2) tas-SERF, id-dikjarazzjoni tal-regolarizzazzjoni fiskali kellha tiġi ddepożitata sas-16 ta’ Diċembru 2005. Konsegwentement, il-benefiċċju tat-trattament preferenzjali għaldaqstant seta’ biss jitwettaq kompletament fl-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin wara l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali, jiġifieri bejn l-aħħar tax-xahar ta’ Lulju 2008, l-iktar kmieni, u s-16 ta’ Diċembru 2008, l-iktar tard.

50.      Minn dan isegwi, b’mod ċar ħafna, li s-SERF kompliet tipproduċi effetti f’Lulju 2007, jiġifieri fil-mument tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Barra minn hekk, f’din id-data, ir-Repubblika Portugiża kien għad għandha l-possibbiltà reali li tikkonforma mal-opinjoni motivata, pereżempju, billi tistabbilixxi mill-ġdid rata unika applikabbli għat-titoli tad-dejn pubbliku kollha maħruġa mill-Istati Membri u mill-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), li huma partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

51.      Iċ-ċirkustanza li s-SERF baqgħet tipproduċi effetti wara l-iskadenza tal-Liġi Nru 39-A/2005, jidhirli li hija korroborata mill-possibbiltà li ngħatat lill-amministrazzjoni fiskali Portugiża sabiex tapplika rata ġenerali ta’ 5 % għall-persuni taxxabbli li kienu ttrasferew it-titoli tad-dejn pubbliku mogħtija mill-Istat Portugiż matul it-tliet snin ikkunsidrat f’Artikolu 6(4) tas-SERF. Fil-fatt, din il-possibbiltà, ikkundizzjonata għat-trasferiment tat-titoli inkwistjoni, ħalliet, b’ċertu mod, lill-amministrazzjoni fiskali Portugiża sabiex ittaffi, minkejja li b’mod puntwali u konċiż, l-effetti tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat wara l-31 ta’ Diċembru 2005, billi f’każijiet preċiżi tirrettifika t-trattament ugwali bejn il-persuni taxxabbli skont jekk iżommux titoli maħruġa mill-Istat Portugiż jew minn Stati Membri oħra (jew mill-Istati tal-EFTA, li huma partijiet kontraenti tal-Ftehim dwar iż-ŻEE). Għaldaqstant, is-sempliċi eżistenza ta’ din il-possibbiltà ta’ intervent favur l-amministrazzjoni fiskali Portugiża ħafna wara l-31 ta’ Diċembru 2005 u li baqgħet attwali fil-mument tal-iskadenza tat-terminu stabbilit sabiex l-Istat Membru inkwistjoni jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata tissostanzja, fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li l-benefiċċju tat-trattament fiskali preferenzjali ma twettaqx kompletament fid-data ta’ skadenza tal-Liġi Nru 39-A/2005.

52.      Fl-aħħar nett, ma jidhirlix li għandu jintlaqa’ l-argument tar-Repubblika Portugiża, espost fis-seduta u li jgħid li, essenzjalment, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat ma jkoprix it-terminu ta’ tliet snin fir-rigward tal-konservazzjoni tat-titoli maħruġa mir-Repubblika Portugiża, sa fejn il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex titlob li r-Repubblika Portugiża testendi t-trattament preferenzjali lid-detenturi tat-titoli tal-Istati Membri minbarra l-Portugall, filwaqt li t-terminu ta’ konservazzjoni tat-titoli impost fuq il-persuni taxxabbli li jżommu titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż ma jikkostitwixxix vantaġġ, iżda żvantaġġ fil-konfront tal-persuni taxxabbli msemmija.

53.      Indipendentement mid-domanda dwar jekk it-terminu ta’ konservazzjoni tat-titoli inkwistjoni huwiex vantaġġjuż jew le għall-persuni taxxabbli kkonċernati, l-argument tar-Repubblika Portugiża ma huwiex rilevanti sabiex jiġi eżaminat jekk il-liġi Nru 39-A/2005 eżawrietx jew le l-effetti kollha tagħha sat-tmiem it-terminu stabbiliti fl-opinjoni motivata bil-għan li tivverifika l-ammissibbiltà tar-rikors. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat jikkunsidra tajjeb lil din il-liġi fit-totalità tagħha, mingħajr, għaldaqstant, ma jeskludi l-Artikolu 6(4) u (5) tas-SERF.

54.      Barra minn hekk, infakkar li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tikseb natura oġġettiva u hija intiża sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-obbligi tat-Trattat. Għaldaqstant, hija ma tawtorizzax lill-Kummissjoni sabiex tordna lil Stat Membru jadotta mġiba partikolari. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ir-Repubblika Portugiża ma tistax targumenta li, permezz tal-proċedura kontriha, il-Kummissjoni kienet qed tillimita ruħha biss sabiex titlobha testendi t-trattament preferenzjali rriżervat għad-detenturi tat-titoli maħruġa mill-Istat Portugiż lid-detenturi ta’ dawn it-titoli maħruġa mill-Istati Membri l-oħra. F’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża ma setgħetx titfixkel dwar il-fatt li l-Kummissjoni setgħet biss tillimita ruħha sabiex tistedinha ttemm in-nuqqas ta’ trattament ugwali identifikat fil-proċedura prekontentuzjuża u li, fil-fehma tagħha, tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Ir-Repubblika Portugiża għaldaqstant ipprovdiet marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa biżżejjed biex tbiddel l-imġiba timmodifika kkritikata fl-opinjoni motivata, b’tali mod li tistabbilixxi mill-ġdid it-trattament ugwali allegatament miksur, inkluż wara l-iskadenza tal-Liġi Nru 39-A/2005 matul il-perijodu li fih hija kompliet tipproduċi effetti (35).

55.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mir-Repubblika Portugiża u, għaldaqstant, tiddikjara r-rikors preżenti bħala ammissibbli.

c)      Sussidjarjament, dwar l-azzjoni tal-Kummissjoni fil-ħin

56.      Madankollu għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, ma kellhiex taderixxi mal-proposta li tiddikjara r-rikors preżenti bħala ammissibbli minħabba r-raġuni li s-SERF kompliet tipproduċi effetti fit-tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, hija kellha tiddeċiedi dwar l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar bdiet l-azzjoni tagħha fil-ħin biex taċċetta l-ammissibbiltà tar-rikors.

57.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni invokat, permezz ta’ raġunament a contrario, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (36), mogħtija fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħala inammissibbli, b’mod partikolari minħabba li, minn naħa, il-Kummissjoni ma ħaditx azzjoni fil-ħin biex tevita, permezz tal-proċeduri għad-dispożizzjoni tagħha, li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat jipproduċi effetti u, min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni lanqas biss invokat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li ostakolawha milli ttemm il-proċedura prekontenzjuża, prevista fl-Artikolu 226 tat-Trattat, qabel ma waqaf jeżisti (37).

58.      Għaldaqstant il-Kummissjoni tallega, f’dan il-każ li, billi ħadet azzjoni fil-ħin, hemm lok sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli.

59.      Jekk inqis li huwa xieraq li jintlaqa’ l-argument li ssostni l-Kummisjoni, dan huwa preċiżament minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni tal-kawża preżenti tikkorrispondi eżattament għall-każ li jiena kkunsidrajt fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (38).

60.      Bħalma indikajt, essenzjalment, f’dan il-punt tal-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanza li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi ppreżentat wara l-iskadenza ta’ miżura nazzjonali li waqfet ukoll tipproduċi effetti ma tistax tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonstata l-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront ta’ tali miżura meta jidher li l-Kummissjoni ma kellhiex ħin materjali biex ittemm l-istadji tal-proċedura prekontenzjuża qabel dan il-waqfien. Il-fatt li tiġi ddikjarata l-inammissibbiltà ta’ rikors f’tali sitwazzjoni fil-fatt ifisser, li jiġi ppremjat il-fatt li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat ġie “kkonsmat”, filwaqt li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu azzjoni qabel ma jieqaf jeżisti l-ksur u tevita li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jipproduċi l-effetti tiegħu, a fortiori, meta l-Kummissjoni għamlet dak li huwa possibli sabiex tieħu azzjoni fil-ħin.

61.      F’dan il-każ, sa fejn, minn naħa, is-SERF baqgħet fis-seħħ biss għal madwar 5 xhur u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni tagħha diġà qabel l-iskadenza tal-Liġi Nru 39-A/2005, fil-fehma tiegħi, hija ħadet azzjoni fil-ħin.

62.      Fir-rigward tal-ewwel punt, huwa ċertament possibbli li wieħed jimmaġina fl-astratt, hekk kif sostniet matul is-seduta r-Repubblika Portugiża, li l-Kummissjoni setgħet tmexxi l-proċedura prekontenzjuża kollha fit-terminu ta’ 5 xhur qabel l-iskadenza tal-Liġi Nru 39-A/2005.

63.      Madankollu, huwa paċifiku wkoll li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija suġġetta għall-obbligu li tagħti terminu raġonevoli lill-Istati Membri sabiex jirrispondu l-ittra ta’ intimazzjoni u sabiex jikkonformaw ruħhom mal-opinjoni motivata, u li l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli ta’ dan it-terminu għandha titmexxa skont iċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-każ ikkonċernat. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li termini qosra ħafna jistgħu jkunu ġġustifikati f’sitwazzjonijiet partikolari, b’mod partikolari fil-każ ta’ urġenza biex jiġi rimedjat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew meta l-Istat Membru kkonċernat ikollu għarfien sħiħ tal-perspettiva tal-Kummissjoni ħafna qabel il-bidu tal-proċedura (39).

64.      Issa, fid-dawl tan-natura limitata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat u tal-fatt li l-Kummissjoni ġiet infurmata dwar l-addozzjoni tal-liġi kontenzjuża biss fix-xahar ta’ Settembru 2005, huwa diffiċli li wieħed jifhem li l-kawża preżenti setgħet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest ta’ kawżi sensibbli u serji, bħar-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet Franċiżi li jwaqfu l-embargo fuq il-laħam taċ-ċanga Brittaniku (40) jew l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kunsiderevoli fit-territorju ta’ Stat Membru (41).

65.      Fir-rigward tat-tieni punt, nixtieq nosserva li s-sitwazzjoni tal-każ ikkonċernat tiddistingwi ruħha b’mod ċar, f’dan is-sens, minn dik li wasslet għall-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (42), li fiha l-Kummissjoni kienet bdiet il-proċedura prekontenzjuża madwar sentejn qabel l-iskadenza tad-dispożizzjonijiet tranżitorji (43).

66.      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, hemm lok sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli għas-sempliċi raġuni li l-Kummissjoni ħadet azzjoni fil-ħin.

B –    Fuq il-mertu

1.      L-argumenti tal-partijiet

67.      Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tas-SERF jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, skont l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Fil-fehma tagħha, il-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mis-SERF kienu dissważi milli jikkonservaw l-assi patrimonjali tagħhom regolarizzati skont forom differenti minn dawk tat-titoli tad-dejn pubbliku tal-Istat Portuġiż. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkontesta bl-ebda mod iċ-ċirkustanza li t-titoli tad-dejn pubbliku jistgħu jibbenefikaw minn trattament iktar favorevoli, iżda l-problema partikolari f’dan il-każ hija dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali tistax tiffavorixxi t-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn Stat Membru wieħed. B’hekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-applikazzjoni ta’ rata ta’ tassazzjoni inferjuri għas-sempliċi elementi partrimonjali regolarizzati li huma titoli tad-dejn pubbliku tal-Istat Portugiż tikkostitwixxi restrizzjoni diskriminatorja għall-moviment tal-kapital.

68.      Abbażi tas-sentenza Verkooijen (44), il-Kummissjoni tikkunsidra li ma teżisti ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għad-differenza bejn ir-rati preferenzjali ta’ 2.5 % u r-rata ġenerali ta’ 5 %, sa fejn is-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli tkun identika. Barra minn hekk, la r-rapporti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) (45) invokati mill-Gvern Portugiż fir-risposta tiegħu, u lanqas id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (46) ma jippermettu li jiġi ġġustifikat it-trattament preferenzjali mogħti lit-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż.

69.      Il-Gvern Portugiż iqis, jekk ir-rikors jiġi kkunsidrat ammissibbli, li t-trattament preferenzjali rriżervat għat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż fil-kuntest tas-SERF huwa ġġustifikat skont l-Artikolu 58(1)(b) KE. F’dan ir-rigward, il-ġustifikazzjoni ta’ interess ġenerali tinsab fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni fiskali.

70.      Insostenn tal-argument tiegħu, il-Gvern Portugiż jirreferi għad-Direttiva 2003/48. Peress li din id-direttiva ppermettiet dan it-tip ta’ differenzjar għat-titoli ta’ dejn negozzjabbli maħruġa minn amministrazzjoni pubblika, ġie wkoll ikkunsidrat leġittimu, fil-kuntest tal-adozzjoni tas-SERF, li jingħata trattament preferenzjali għad-detenturi tat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż.

71.      Barra minn hekk, skont il-Gvern Portugiż, ir-rapporti tal-OECD, iċċitati iktar ’il fuq, jimpenjaw lill-Istati Membri, li huma partijiet kontraenti f’din l-organizzazzjoni, sabiex jadottaw miżuri intiżi li jiffavorixxu r-regolarizzazzjoni volontarja tas-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli li, billi jqiegħdu fondi barra mill-pajjiż, jistgħu jaħbu dħul taxxabbli fl-Istat ta’ residenza tagħhom.

72.      Fl-aħħar nett, filwaqt li nfakkar li s-SERF kienet intiża għar-regolarizzazzjoni fiskali tal-elementi patrimonjali li għalihom ma tħallsitx taxxa fil-Portugall, il-Gvern Portugiż iqis li s-sistema legali kontenzjuża hija leġittima. Fil-fatt, it-taxxa inkwistjoni kienet taħdem tabilħaqq bħala l-“prezz tar-regolarizzazzjoni” tas-sitwazzjoni fiskali. Din it-taxxa setgħet ħadet il-forma ta’ ħlas ta’ kumpens għall-estinzjoni tal-obbligi fiskali dovuti lill-Istat Portugiż għall-elementi patrimonjali inkwistjoni.

73.      Għaldaqstant, din il-funzjoni kumpensatorja tiġġustifika li, fil-każ tat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż, ikun previst prezz orħos, b’differenza għal dak li kien jirriżulta bit-titoli ta’ kull Stat Membru ieħor, minħabba li, fil-kuntest tas-SERF, kien id-dħul mit-taxxa ta’ dan l-Istat Membru, permezz tal-estinzjoni tal-obbligi fiskali rilevanti, li ttieħdu inkunsiderazzjoni.

2.      Kunsiderazzjoni

a)      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

74.      Skont kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-miżuri imposti minn Stat Membru li huma tali li jiddiswadu r-residenti tagħhom milli jidħlu f’kuntratt ta’ self jew milli jinvestu fi Stati Membri oħra jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital skont l-Artikolu 56 KE (47).

75.      L-istess bħal fis-sunt, f’dan il-każ, mingħajr ma r-Repubblika Portugiża kkontestat il-Kummissjoni, il-persuni taxxabbli li jżommu titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż setgħu jibbenefikaw minn trattament fiskali preferenzjali previst fl-Artikolu 6(1) tas-SERF meta mqabblin mal-persuni taxxabbli li jżommu titoli ta’ dejn pubbliku maħruġa minn Stati Membri oħra.

76.      Fil-fatt, filwaqt li dawn tal-aħħar kellhom iħallsu taxxa bir-rata bażika ta’ 5 % tal-valur tal-elementi patrimonjali li jidhru fid-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni tagħhom b’konformità mas-SERF, il-persuni taxxabbli li investew fit-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż kellhom iħallsu biss taxxa stabbilita fuq ir-rata mnaqqsa ta’ 2.5 %.

77.      Dan it-trattament preferenzjali seta’ jiddiswadi l-persuni taxxabbli kkonċernati milli jżommu titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istati Membri l-oħra, minħabba li għal dawn tal-aħħar kienet tapplika rata inqas favorevoli ta’ 5 % skont is-SERF.

78.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE.

79.      Sa fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jinkludi wkoll it-trattament fiskali tat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istati tal-EFTA, partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, din il-konklużjoni intermedjarja tirriżulta wkoll fir-rigward tal-Artikolu 40 tal-imsemmi ftehim, li l-ambitu ġuridika tiegħu hu essenzjalment identiku għall-Artikolu 56(1) KE (48).

b)      Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

80.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-moviment liberu tal-kapital bħala prinċipju fundamentali tat-Trattat jista’ jkun limitat permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jekk dan ikun ġġustifikat minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn ma teżistix miżura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni li tipprovdi miżuri neċessarji biex tiżgura l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi (49).

81.      Fin-nuqqas ta’ tali armonizzazzjoni Komunitarja, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-livell li fih għandu l-intenzjoni li jiżgura l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi leġittimi kif ukoll il-mod biex jilħaq dan il-livell, fid-dawl tal-osservanza tat-Trattat u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jgħid li l-miżuri adottati għandhom ikunu tali li jiggarantixxu t-twettiq tal-għan li huma jsegwu u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (50).

82.      F’dan il-każ, il-Gvern Portugiż jenfasizza qabel kollox li d-Direttiva 2003/48 tista’ tiġġustifika differenza fit-trattament bejn it-titoli ta’ dejn negozzjabbli maħruġa minn amministrazzjoni pubblika u dawn it-titoli maħruġa minn persuni privati.

83.      Mingħajr ma jkun neċessarju li wieħed jeżamina b’mod iddettaljat id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/48, dan l-argument bl-ebda mod ma jikkonvinċini.

84.      Fil-fatt, li kieku kellu jitqies li din id-direttiva tistabbilixxi d-differenza msemmija mill-Gvern Portugiż, dan ma jwassalx għall-ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti bejn titoli tal-istess natura, jiġifieri, f’dan il-każ, it-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn Stati Membri differenti. Issa, madankollu, din hija l-kritika fformulata mill-Kummissjoni, li, kif diġà indikajt f’punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, limitat is-suġġett tal-kawża fl-istadju tal-opinjoni motivata għat-trattament fiskali differenti fil-Portugall bejn it-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mir-Repubblika Portugiża u dawk maħruġa mill-Istati Membri l-oħra (kif ukoll l-Istati tal-EFTA, partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE) u mhux għat-trattament fiskali differenti bejn it-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż u l-elementi partimonjali l-oħra kollha.

85.      Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/48 ma tistax isservi bħala sors ta’ ispirazzjoni biex jiġu ġġustifikati r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital inkwistjoni fil-kawża preżenti.

86.      Għaldaqstant, jifdal li jiġi eżaminat jekk, kif isostni sussegwentement il-Gvern Portugiż, il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni fiskali tiġġustifikax l-imsemmija restrizzjonijiet.

87.      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan imsemmi iktar ’il fuq jista’ jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (51). Madankollu, jeħtieġ li r-restrizzjonijiet inkwistjoni, f’dan il-każ dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-SERF, jikkostitwixxu miżuri indispensabbli sabiex jintrebħu l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni fiskali rispettivament (52).

88.      Ma jidhirlix li s-SERF tista’ tiġi kkunsidrata bħala tali.

89.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Portugiż bl-ebda mod ma spjega jew lanqas ma wera a fortiori n-natura indispensabbli tad-differenza fir-rata li teżisti bejn it-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Gvern Portugiż u dawk maħruġa mill-Istati Membri l-oħra biex jikseb l-għan ta’ interess ġenerali li għandu l-intenzjoni li jsegwi, meta r-regoli l-oħra tas-SERF applikabbli għall-persuni taxxabbli li xtaqu jirregolarizzaw is-sitwazzjoni fiskali tagħhom kienu japplikaw indipendentement mill-post fejn kien investit il-kapital. Fil-fatt, l-ispjegazzjonijiet ibbażati fuq il-fatt li d-differenza tar-rata ssib il-ġustifikazzjoni tagħha, essenzjalment, fi ħlas kumpensatorju iktar importanti għall-investimenti regolarizzati bbażati fuq titoli ta’ dejn pubbliku maħruġa minn Stati Membri oħra, fil-fehma tiegħi, jippruvaw jiġġustifikaw miżura restrittiva għall-moviment liberu tal-kapital permezz ta’ għan b’mod ċar ta’ natura ekonomika, jiġifieri dak tal-kumpens tat-telf ta’ dħul fiskali tal-Istat Membru. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, raġuni ta’ natura ekonomika ma tistax ċertament tkun tali li tiġġustifika miżura kuntrarja għall-Artikolu 56(1) KE (53). Jekk, b’konformità mas-SERF, il-persuni taxxabbli kkunsidrati kienu kollha mistiedna jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tat-taxxa mhux imħallsa fil-Portugall, jiena bl-ebda mod ma nara għalfejn, fl-ipoteżi ta’ evażjoni fiskali, huma biss dawk li investew f’titoli tad-dejn pubbliku tal-Istat Portugiż li għandhom jibbenefikaw minn trattament preferenzjali.

90.      Fl-aħħar nett, ir-rapporti tal-OCED, imsemmija fil-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-opinjoni tiegħi, ma jistgħux jiġu invokati f’dan il-każ. L-imsemmija rapporti ma jippermettux lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea sabiex jillimataw il-libertajiet ta’ ċirkulazzjoni. Barra minn hekk, huwa dubjuż ħafna l-fatt li dawn ir-rapporti, li ma jinkludu ebda obbligu ġuridiku, jistgħu, bħala regola ġenerali, iwasslu sabiex jimponu fuq l-Istati Membri l-adozzjoni ta’ aġir partikolari.

91.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-SERF tikkostitwixxi, fl-opinjoni tiegħi, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ikkunsidrat fl-Artikolu 56 KE li ma tistax tiġi ġġustifikata permezz tal-motivi invokati mill-Gvern Portugiż.

92.      Konklużjoni identika tirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, minn dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

93.      Fil-fatt, peress li, fl-ewwel lok, is-sitwazzjoni inkwistjoni taffettwa wkoll it-titoli ta’ dejn pubbliku maħruġa mill-Istati tal-EFTA, partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, u, fit-tieni lok, li r-Repubblika Portugiża ma ppreżentatx raġunijiet speċifiċi, ibbażati fuq il-kuntest ġuridiku differenti li jaqgħu fih ir-restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi meta mqabbla mal-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-kapital fil-Komunità (54), li setgħu, jekk ikun il-każ, jiġġustifikaw it-trattament fiskali preferenzjali previst mis-SERF, dan it-trattament jippreġudika wkoll l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, mingħajr ma jista’ jiġi ġġustifikat permezz tal-iskop tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni fiskali.

94.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

VI – Fuq l-ispejjeż

95.      Skont l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn jintalbu.

96.      Peress li nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tilqa’ r-rikors, u billi l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-Istat konvenut għall-ispejjeż, jiena nqis li dawn tal-aħħar għandhom jitħallsu mir-Repubblika Portugiża.

VII – Konklużjoni

97.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

–        tikkonstata li, billi pprovdiet, fil-kuntest tar-regolarizzazzjoni fiskali skont il-Liġi Nru 39-A/2005, tad-29 ta’ Lulju 2005, trattament fiskali preferenzjali limitat għat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa biss mill-Istat Portugiż, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Fteħim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Diário da República I, serje A, Nru 145.


3 – Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-362/90, Ġabra p. I-2353).


4 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (74/82, Ġabra p. 317, punt 20); tat-28 ta’ Marzu 1985, Il-Kummissjoni vs L-Italja (274/83, Ġabra p. 1077, punt 21); tas-17 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-289/94, Ġabra p. I-4405, punt 16) u tas-6 ta’ Novembru 2003 Il-Kummissjoni vs Spanja (C-358/01, Ġabra. p. I-13145, punt 29).


5 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 25) u tat-18 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-221/04, Ġabra. p. I-4515, punt 33).


6 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007 (C-237/05, Ġabra p. I-8203).


7 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007 (C-456/05, Ġabra p. I-10517).


8 – Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-333/99, Ġabra p. I-1025, punt 23); tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-394/02, Ġabra p. I-4713, punti 14 u 15) u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-33/04, Ġabra p. I-10629, punt 65).


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-196/07, Ġabra p. I-41, punt 25); tal-11 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-183/05, Ġabra p. I-137, punt 17) u tat-13 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-348/99, Ġabra p. I-2917, punt 8).


10 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, iċċitata iktar ’il fuq.


11 – Ara l-punt 11 tal-imsemmija konklużjonijiet.


12 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-439/99, Ġabra p. I-305, punti 15 sa 17). Din kienet tikkonċerna speċifikament inammissibbiltà parzjali sakemm ir-rikors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien jikkunsidra l-liġijiet reġjonali fil-qasam tal-fieri, tal-espożizzjonijiet ta’ ħwienet u tas-suq.


13 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 22 sa 26); tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C-418/00 u C-419/00, Ġabra p. I-3969, punti 28 sa 30) u tal-21 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-149/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra). Ta’ min jinnota li f’din l-aħħar kawża l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas biss eżaminat l-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kważi sentejn wara l-aħħar kampanja tas-sajd ikkontestata.


14 – Ara l-punt 22 tas-sentenza tal-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq.


15 – Ara l-punti 23 sa 25 tas-sentenza.


16 – B’hekk, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat b’mod korrett ħafna l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza ta’ ksur attwali tat-Trattat indipendentement u qabel dik ibbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tal-Kummissjoni.


17 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza (26/69, Ġabra p. 565, punti 2 sa 13) u punt 12 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq.


18 – Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994 (C-317/92, Ġabra p. I-2039).


19 – Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998 (C-35/96, Ġabra p. I-3851).


20 – Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 2).


21 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 21 sa 31).


22 – Fi kwalunkwe każ, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li tispira ruħha minn din il-ġurisprudenza stabbilita f’dan il-każ, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ammissibbli, peress li din il-linja ma teżiġix li tintwera eżistenza ta’ ksur fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata


23 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-328/96, Ġabra p. I-7479, punti 42 sa 44); tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609, punti 32 sa 37); tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-125/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 12 u 13); tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-217/06, Ġabra p. I-132, punt 21) u tat-2 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 18 u 19).


24 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 29 sa 35).


25 – Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-525/03, Ġabra p. I-9405, punti 15 u 16).


26 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-508/03, Ġabra p. I-3969, punt 73) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq.


27 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248.


28 – Sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 23 sa 26) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja.


29 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102


30 – Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, iċċitata iktar ’il fuq.


31 – Punt 16 tas-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, iċċitata iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi f’dan il-punt għal tliet sentenzi mogħtija fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja; tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja.


32 – Punt 18 tas-sentenza.


33 – Punt 20 tas-sentenza.


34 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-1/00, Ġabra p. I-9989, punt 64).


35 – Il-fatt li d-dispożittiv tal-opinjoni motivata jikkritika lill-Istat Membru talli rriżerva t-trattament preferenzjali biss għal dawk id-detenturi tat-titoli maħruġa mill-Istat Portugiż ma jidhirlix li huwa deċiżiv. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li ġġiegħel Stat Membru jadotta aġir preċiż fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu f’sitwazzjoni interna. B’hekk, hija ma setgħetx terġa’ tikkontesta l-għażla tal-leġiżlatur Portugiż li jagħti rata ta’ 2.5 % lid-detenturi tat-titoli maħruġa mill-Istat Portugiż li jixtiequ jirregolarizzaw is-sitwazzjoni fiskali tagħhom. Min-naħa l-oħra, minn din il-premessa, hija stiednet lill-Istat Membru sabiex jiżgura t-trattament ugwali previst mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Dan bl-ebda mod ma jfisser li, sabiex jilħaq dan l-iskop u jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata, l-Istat Membru ma jistax, huwa stess, imur kontra l-għażla inizjali tiegħu li jagħti r-rata ta’ 2.5 % lill-persuni taxxabbli Portugiżi kkonċernati, jekk dan jidhirlu li hija s-soluzzjoni l-iktar opportuna jew l-iktar realistika.


36 – Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992.


37 – Ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12).


38 – Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007.


39 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001.


41 – Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-328/96, Ġabra p. I-7479, punt 54).


42 –. Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007.


43 – Ara, b’mod partikolari l-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħi ċċitati iktar ’il fuq li taw lok għas-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007.


44 – Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000 (C-35/98, Ġabra p. I-4071, punti 43 u 44).


45 – Rapporti tal-OECD, Titjib tal-aċċess għall-informazzjoni bankarja għal finijiet fiskali, 2000, p. 19 u Titjib tal-aċċess għall-informazzjoni bankarja għal finijiet fiskali: rapport ta’ progress, 2007, p. 26. [mhux disponibbli bil-Malti]


46 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 369.


47 – Sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1995, Svensson u Gustavsson (C-484/93, Ġabra p. I-3955, punt 10); tal-14 ta’ Ottubru 1999, Sandoz (C-439/97, Ġabra p. I-7041, punt 19) u tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 18).


48 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-521/07, Ġabra p. I-4873, punt 33) u tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-540/07, Ġabra p I-10983, punt 66).


49 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-367/98, Ġabra p. I-4731, punt 49) u tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjon vs Spanja (C-274/06, Ġabra p. I-26, punt 35).


50 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2000, Knisja tax-Xjenzoloġija (C-54/99, Ġabra p. I-1335, point 18); tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-503/99, Ġabra p. I-4809, punt 45), kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (punt 49) u tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja (punt 36).


51 – Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxai, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39); tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837, punti 49 u 51) u tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA (C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 60) u, fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1995, Bordessa et (C-358/93 u C-416/93, Ġabra p. I-361, punti 21 u 22); tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et (C-163/94, C-165/94 u C-250/94, Ġabra p. I-4821, punt 22), kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55).


52 – Ara, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bordessa et (punt 21) u tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (punt 40).


53 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Verkooijen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48). Fir-rigward tal-impossibbiltà li jiġu ġġustifikati miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital biex jipprevjenu t-telf ta’ dħul fiskali, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche (C-318/07, Ġabra. p. I-359, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54 – Ara, f’dan ir-rigward, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69). B’mod partikolari, bil-kontra tar-raġunament żviluppat mir-Repubblika Taljana fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ir-Repubblika Portugiża qatt ma invokat il-fatt li t-trattament fiskali preferenzjali previst mis-SERF ġie introdott u li huwa neċessarju sabiex itaffi l-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri u dawk tal-Istati tal-EFTA, partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.