Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Mejju 2010 1(1)

Kawża C-84/09

X

vs

Skatteverket

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Regeringsrätt, (l-Isvezja)]

“VAT – Direttiva 2006/112/KE – Akkwist intra-Komunitarju ta’ dgħajsa bil-qlugħ ġdida – Użu tal-merkanzija fl-Istat ta’ oriġini jew fi Stat Membru ieħor qabel it-trasferiment tagħha fl-Istat ta’ destinazzjoni – Terminu għall-bidu tat-trasport fl-Istat ta’ destinazzjoni – Mument rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk mezz ta’ trasport huwiex ġdid”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tad-digriet tar-rinviju preżenti, ir-Regeringsrätt Svediż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva 2006/112”) dwar l-akkwist intra-Komunitarju.

2.        Il-każ preżenti jikkonċerna s-sistema fiskali tal-akkwist ta’ dgħajsa bil-qlugħ ġdida li l-persuna li qed takkwista, X, għandha l-intenzjoni li tiġbor fir-Renju Unit, tużaha hemm jew fi Stat Membru ieħor għal bejn 3 u 5 xhur, u fl-aħħar tittrasportaha fil-pajjiż ta’ residenza tagħha fl-Isvezja. Skont X, din it-tranżazzjoni tikkostitwixxi provvista fl-Istat ta’ oriġini, li għandha tiġi ntaxxata f’dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni fiskali Svediża – sostnuta fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni – issostni li din it-tranżazzjoni tikkostitwixxi (minkejja l-interruzzjoni) akkwist intra-Komunitarju fl-Isvezja.

II – Il-kuntest leġiżlattiv

A –    Il-liġi tal-Unjoni

3.        Il-premessa 11 tad-Direttiva 2006/112 tipprovdi dan li ġej:

“Hu wkoll xieraq li, matul dak iż-żmien transitorju, akkwisizzjonijiet intra-Komunitarji ta’ ċertu valur, magħmula minn persuni eżenti jew minn persuni legali li mhumiex taxxabbli, xi bejgħ b’distanza intra-Komunitarju u l-provvista ta’ mezzi ta’ trasport ġodda lil individwi jew korpi mhux taxxabbli jew eżenti għandhom ukoll ikunu ntaxxati fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, skond ir-rati u l-kondizzjonijiet ta’ dak l-Istat Membru, sakemm transazzjonijiet ta’ dak it-tip, fin-nuqqas ta’ provvedimenti speċjali, jistgħu jġibu distorsjoni konsiderevoli fil-kompetizzjoni bejn Stati Membri.”

4.        Il-partijiet rilevanti tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdu dan li ġej:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

(a)       il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

(b)       l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn:

[…]

ii)       fil-każ ta’ mezzi ġodda ta’ trasport, persuna taxxabbli, jew persuna legali mhux taxxabbli, li l-akkwisti l-oħra tagħha mhumiex soġġetti għall-VAT skond l-Artikolu 3(1), jew kull persuna oħra mhux taxxabbli; […]”

5.        L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi wkoll dan li ġej:

“(a)       Għall-finijiet tal-punt (ii) tal-paragrafu i(b), dawn li ġejjin jitqiesu bħala “mezzi ta’ trasport”, fejn huma maħsuba għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija:

[…]

ii)      bastimenti itwal minn 7.5 metri, bl-eċċezzjoni ta’ bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra fil-miftuħ u li jġorru passiġġieri bi ħlas, u bastimenti użati għall-finijiet ta’ attivitajiet kummerċjali, industrijali jew ta’ sajd, jew għas-salvataġġ jew l-assistenza fil-baħar, jew għas-sajd minn qrib il-kosta;

[…]

(b)       Dawn il-mezzi ta’ trasport għandhom jitqiesu bħala “ġodda” fil-każijiet li ġejjin:

[…]

ii)      b’bastimenti, fejn il-provvista ssir fi żmien tliet xhur mid-data ta’ l-ewwel dħul fis-servizz jew fejn il-bastiment baħħar għal mhux aktar minn 100 siegħa;

[…]

(ċ)       L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li skond dawn il-fatti msemmija fil-punt (b) jistgħu jitqiesu bħala stabbiliti.”

6.        L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 ifisser il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija” fil-kliem li ġejjin:

“‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”

7.        Skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2006/112 “‘akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija’ għandha jfisser l-akkwist tad-dritt li tiddisponi bħala sid ta’ proprjetà tanġibbli mobbli, mibgħuta jew ittrasportata għand il–persuna li qed takkwista l-merkanzija, mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, fi Stat Membru minbarra dak li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija.”

8.        Abbażi tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2006/112 il-post ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandu jitqies bħala l-post li fih tinsab il-merkanzija meta tasal il-kunsinna jew it-trasport fid-destinazzjoni tal-persuna li qed takkwista.

9.        L-Artikolu 68 tad-Direttiva 2006/112 jiffissa l-mument meta sseħħ iċ-ċirkustanza li tagħti lok għall-eżiġibbiltà tat-taxxa fil-każ ta’ akkwist intra-Komunitarju, bħala l-mument meta jsir l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 68, l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandu jitqies li sar meta jiġi kkunsidrat li saret provvista ta’ merkanzija simili fit-territorju tal-Istat Membru.

10.      L-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112 jiddetta l-kundizzjonijiet li ġejjin għall-eżenzjoni tal-provvisti ta’ merkanzija intra-Komunitarji:

“1.       L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni ’l barra mit-territorju tagħhom iżda fil-Komunità, jew mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li tkun qed takkwista l-merkanzija, għal persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn bdiet tinbagħat jew tkun ittrasportata l-merkanzija.

2.       Flimkien mal-provvista ta’ merkanzija msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

a)      il-provvista ta’ mezzi ġodda ta’ trasport, mibgħuta jew ittrasportati lill–konsumatur f’destinazzjoni ’l barra mit-territorju tagħhom iżda fil-Komunità, mill-bejjiegħ jew il-konsumatur jew f’ismu, għal persuni taxxabbli, jew persuni legali mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skond l-Artikolu 3(1), jew għal kwalunkwe persuna oħra li mhix taxxabbli; […]”.

B –    Il-liġi Svediża

11.      Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 1, tal-Mervärdesskattelag (1994:200) (Liġi Svediża dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud; iktar ’il quddiem: il-“ML”), it-taxxa fuq il-valur miżjud hija dovuta lill-Istat, fost l-oħrajn, fuq il-bejgħ ta’ merkanzija, fil-każ fejn tali bejgħ huwa taxxabbli u sar fit-territorju Svediż fil-kuntest ta’ attività professjonali jew kummerċjali, kif ukoll fuq l-akkwist intra-Komunitarju taxxabbli ta’ merkanzija, fil-każ ta’ proprjetà mobbli. Skont l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 2a tal-ML, jeżisti akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija jekk l-akkwist jirrigwarda mezz ta’ trasport ġdid bħat-tip imsemmi fl-Artikolu 13a tal-Kapitolu 1 tal-ML.

12.      Skont l-Artikolu 30a tal-Kapitolu 3 tal-ML, il-bejgħ ta’ mezzi ta’ trasport ġodda huwa eżentat meta dawn jiġu ttrasportati mill-bejjiegħ, mill-persuna li qed takkwista jew minn terza persuna f’isimhom, mill-Isvezja għal Stat Membru ieħor, anki jekk ix-xerrej ma huwiex irreġistrat għall-finijiet tat-Taxxa fuq il-valur miżjud.

13.      Skont l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 2a tal-ML, akkwist intra-Komunitarju għandu jfisser l-akkwist ta’ merkanzija b’titolu oneruż, ittrasportata mill-persuna li qed takkwista, mill-bejjiegħ jew minn terza persuna f’isimhom, lil min qed jakkwista l-merkanzija minn Stat Membru ieħor fl-Isvezja.

14.      Skont l-Artikolu 13a tal-Kapitolu 1 tal-ML, jitqiesu bħala mezzi ta’ trasport ġodda, fost l-oħrajn – ħlief għal xi eċċezzjonijiet mhux rilevanti f’dan is-sens – il-bastimenti itwal minn 7.5 metri, meta l-provvista tagħhom b’titolu oneruż issir fi tliet xhur mid-data tal-ewwel dħul fis-servizz, jew fejn il-bastiment ma jkunx baħħar għal iktar minn 100 siegħa.

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

15.      X, individwu residenti fl-Isvezja, għandu l-intenzjoni li jakkwista fir-Renju Unit dgħajsa bil-qlugħ itwal minn 7.5 metri għall-użu privat tiegħu. Wara l-kunsinna, X għandu l-intenzjoni juża d-dgħajsa bil-qlugħ għal skopijiet ta’ rikreazzjoni fl-Istat ta’ oriġini għal perijodu ta’ bejn 3 u 5 xhur billi jbaħħarha għal iktar minn 100 siegħa, jew, minflok, joħroġha mill-Istat ta’ oriġini direttament wara l-kunsinna u jużaha kif intqal qabel fi Stat Membru differenti mill-Isvezja. Fiż-żewġ każijiet, wara li tkun intużat kif previst, ibaħħarha lejn l-Isvezja bħala d-destinazzjoni finali tagħha.

16.      Sabiex jikseb kjarifiki dwar il-konsegwenzi fiskali tal-akkwist tiegħu, X talab deċiżjoni preliminari mill-iSkatterättsnämnd (kummissjoni fiskali), biex ikun jaf jekk f’waħda miż-żewġ alternattivi msemmija iktar ’il fuq, dan l-akkwist huwiex ser jiġi ntaxxat fl-Isvezja.

17.      L-iSkatterättsnämnd stabbilixxiet li fiż-żewġ każijiet jeżisti akkwist intra-Komunitarju taxxabbli ta’ mezz ta’ trasport ġdid, li jinkludi obbligu ta’ X li jħallas it-taxxa fl-Isvezja. X fil-preżent ikkontesta din id-deċiżjoni preliminari quddiem ir-Regeringsrätt. Huwa jsostni li l-provvista tad-dgħajsa għandha tiġi ntaxxata fir-Renju Unit bħala trasferiment intern f’dak l-Istat. Fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Frar 2009, ir-Regeringsrätt għamel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikoli 138 u 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasport li jibda mit-territorju tal-Istat tal-oriġini għandu jinbeda f’terminu ta’ żmien partikolari sabiex il-bejgħ ikun eżentat mit-taxxa u sabiex akkwist intra-Komunitarju jkun jista’ jitqies bħala eżistenti?

2.      Bl-istess mod, l-artikoli msemmija għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasport lejn pajjiż ta’ destinazzjoni għandu jitlesta f’terminu ta’ żmien partikolari sabiex il-bejgħ ikun eżentat mit-taxxa u sabiex akkwist intra-Komunitarju jkun jista’ jitqies bħala eżistenti?

3.      Ir-risposta għad domandi 1 u 2 tkun differenti meta l-merkanzija akkwistata tkun mezz ta’ trasport ġdid u meta x-xerrej ikun individwu li, b’mod definittiv, ikollu l-intenzjoni li juża l-mezz ta’ trasport fi Stat Membru partikolari?

4.      Liema mument għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’każ ta’ akkwist intra-Komunitarju, sabiex jiġi evalwat jekk mezz ta’ trasport huwiex ġdid skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud?”

18.      Fil-fażi tal-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħadu pożizzjoni X, l-Iskatteverket (uffiċċju tat-taxxi), il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta, tkellmu X, il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni Ewropea.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari

19.      L-ewwel tliet domandi preliminari, li għandhom jiġu analizzati flimkien, għandhom l-għan li jipprovdu kjarifika dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun hemm akkwist intra-Komunitarju skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll provvista intra-Komunitarja eżenti skont l-Artikolu 138 tad-Direttiva, fl-ipoteżi fejn il-merkanzija inkwistjoni ma ġietx ittrasportata immedjatament mill-Istat ta’ oriġini lejn l-Istat ta’ destinazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-Regeringsrätt titlob ukoll li ssir taf jekk huwiex rilevanti għal dawn il-finijiet il-fatt li l-merkanzija akkwistata hija mezz ta’ trasport ġdid u l-persuna li qed takkwista hija individwu privat li finalment għandha l-intenzjoni li tuża l-mezz ta’ trasport fi Stat Membru partikolari (it-tielet domanda preliminari).

20.      Skont l-Artikolu 2(1)(b)(ii) moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2006/112, l-akkwist intra-Komunitarju ta’ bastiment ġdid itwal minn 7.5 metri minn persuna li ma hijiex suġġetta għall-VAT għandu jiġi ntaxxat fit-territorju tal-Istat fejn sar l-akkwist intra-Komunitarju.

21.      Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva, akkwist intra-Komunitarju għandu jfisser l-akkwist tad-dritt li tiddisponi bħala sid ta’ proprjetà tanġibbli mobbli, mibgħuta jew ittrasportata mill-bejjiegħ, mill-persuna li qed takkwista, jew minn terza persuna f’isimhom, lejn id-destinazzjoni tal-persuna li qed takkwista fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li minnu ntbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija.

22.      B’mod konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112 jissuġġetta l-eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja għall-kundizzjoni li l-merkanzija inkwistjoni tintbagħat jew tiġi ttrasportata mill-bejjiegħ jew mill-persuna li tkun qed takkwista jew minn terza persuna f’isimhom barra mit-territorju ta’ Stat Membru iżda fi ħdan l-Unjoni.

23.      Għaldaqstant, il-presupposti tal-fatt li jiġġenera t-taxxa fuq l-akkwist intra-Komunitarju huma tnejn: fl-ewwel lok, il-persuna li qed takkwista għandha takkwista d-dritt li tiddisponi bħala sid tal-merkanzija; fit-tieni lok, il-merkanzija għandha tintbagħat jew tiġi ttrasportata mill-Istat Membru ta’ oriġini fi Stat Membru ieħor. Din it-tieni kundizzjoni għandha fl-istess waqt teżisti sabiex il-provvista tiġi eżentata fl-Istat Membru ta’ oriġini. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sostniet il-ħtieġa li l-kwalifika ta’ provvista intra-Komunitarja jew ta’ akkwist intra-Komunitarju ssir abbażi ta’ elementi oġġettivi, bħalma huma l-eżistenza ta’ moviment fiżiku tal-merkanzija kkonċernata bejn Stati Membri (3).

24.      Madankollu, mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax f’liema relazzjoni, temporali jew materjali, għandhom jinsabu reċiprokament l-akkwist tad-dritt li wieħed jiddisponi bħala proprjetarju, u l-bidu jew it-tmiem tat-trasport fi Stat Membru ieħor.

25.      Fil-fehma ta’ X, ma jistax jitqies li jirriżulta akkwist intra-Komunitarju jekk id-dgħajsa bil-qlugħ intużat għal iktar minn tliet xhur jew iktar minn 100 siegħa qabel il-bidu tat-trasport lejn l-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Barra minn hekk, id-dħul fis-servizz fl-Istat Membru ta’ oriġini ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-bidu tat-trasport jekk il-vjaġġ lejn il-port ta’ destinazzjoni ma jinbediex immedjatament. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, għandu jiġi applikat terminu ċar.

26.      B’kuntrast, il-partijiet l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li l-fatti għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni globali, fejn iż-żmien li ddekorra bejn il-kunsinna lill-persuna li qed takkwista u l-ġarr jew it-trasport huwa biss wieħed minn bosta fatturi rilevanti. Fil-fehma ta’ dawn il-partijiet, il-fatt li sa mill-bidu kien hemm ċertezza li l-użu finali għandu jseħħ fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini, jixhed b’mod deċiżiv favur l-eżistenza ta’ akkwist intra-Komunitarju fl-Istat ta’ destinazzjoni.

27.      Jeħtieġ li wieħed jistaqsi liema wieħed miż-żewġ argumenti huwa l-iktar konformi mal-ħsieb wara d-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist intra-Komunitarju. Għal dan il-għan, għandu jitfakkar b’mod preliminari, il-kuntest li fih ġew introdotti d-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ intra-Komunitarju (4).

28.      Permezz tal-VAT, jiġi ntaxxat il-konsum privat fi Stat. Għaldaqstant, il-provvista ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi, huma suġġetti għall-VAT f’dan l-Istat [Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112]. Barra minn hekk l-akkwisti intra-Komunitarji u l-importazzjoni ta’ merkanzija huma wkoll suġġetti għall-VAT [Artikolu 2(1)(b) u (d) tad-Direttiva 2006/112]. L-aħħar żewġ ipoteżi jiżguraw li l-merkanzija tkun suġġetta għall-VAT fl-Istat ta’ akkwist jew ta’ importazzjoni fejn hija destinata għall-konsum privat (5).

29.      Il-fatt li jiġġenera t-taxxa fuq l-akkwist intra-Komunitarju ġie introdott mill-1 ta’ Jannar 1993 bħala sistema tranżitorja għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn Stati Membri (6). Preċedentement, il-provvista ta’ merkanzija bejn żewġ Stati Membri kienet tiġu ttrattata bl-istess mod bħall-provvista ta’ kummerċ internazzjonali ieħor. Għalhekk, il-qsim tal-fruntiera fil-mument tal-esportazzjoni jew tal-importazzjoni kien jikkostitwixxi l-kriterju ta’ kollegament għat-tassazzjoni. Matul it-twettiq tas-suq intern tneħħew il-kontrolli tul il-fruntieri interni, u dan kien jeħtieġ tibdil tad-dispożizzjonijiet dwar il-VAT għall-kummerċ intra-Komunitarju.

30.      Madankollu, ir-riforma ma marritx lil hinn biżżejjed sabiex ir-regoli dwar il-provvista ta’ merkanzija interna jiġu estiżi għall-kummerċ bejn żewġ Stati Membri. Fil-fatt, dan kien ifisser li l-VAT ma kintix tkun iżjed dovuta lill-Istat li fih il-merkanzija tiġi importata u kkonsmata, iżda lill-Istat li minnu tintbagħat il-merkanzija. Min-naħa l-oħra s-sistema tranżitorja ma bidlitx it-tqassim preċedenti tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (7).

31.      Sabiex jiżgura li l-VAT tibqa’ dovuta lill-Istat Membru ta’ konsum finali, ġie introdott l-akkwist intra-Komunitarju bħala fatt ġdid li jiġġenera t-taxxa, kif ukoll l-eżenzjoni għall-provvisti intra-statali bejn l-Istati Membri.

32.      Għalhekk, il-ġarr jew it-trasport fi Stat Membru ieħor huma ta’ importanza fundamentali sabiex issir distinzjoni bejn provvista interna fi Stat u provvista intra-Komunitarja. Rekwiżit bħal dan jagħti lok għat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istat tal-provvista u l-Istat tad-destinazzjoni abbażi tal-kriterju tal-konsum finali tal-merkanzija.

33.      Minbarra t-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni tal-akkwist intra-Komunitarju ta’ mezzi ta’ trasport ġodda jinkludu b’mod partikolari, abbażi ta’ dak li jirriżulta mill-premessa 11 tad-Direttiva 2006/112, l-għan li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri minħabba rati differenti.

34.      Filwaqt li b’mod ġenerali, abbażi tal-Artikolu 2(1)(b)(i) tad-Direttiva 2006/112 jiġi ntaxxat biss l-akkwist intra-Komunitarju magħmul minn persuna taxxabbli jew minn persuna ġuridika mhux taxxabbli, fir-rigward ta’ mezzi ta’ trasport ġodda, il-leġiżlatur issuġġetta wkoll għall-VAT l-akkwist magħmul minn individwi. Meta wieħed jikkunsidra l-valur għoli (8) u l-faċilità li biha din il-merkanzija tista’ tinġarr, li kieku l-provvista kellha tiġi ntaxxata fl-Istat Membru ta’ oriġini l-individwi jista’ jkollhom it-tentazzjoni li jakkwistaw mezzi ta’ trasport fi Stati Membri li japplikaw rata orħos tal-VAT. It-tassazzjoni fl-Istat fejn sar l-akkwist intra-Komunitarju jiżgura li l-persuna li qed takkwista għandha tħallas il-VAT bl-istess qies, indipendentement mill-Istat ta’ oriġini tal-mezz ta’ trasport. B’dan il-mod, il-liġi fis-seħħ tipprojbixxi lill-bejjiegħa ta’ mezzi ta’ trasport milli jiksbu vantaġġi kompetittivi mis-sempliċi fatt li fl-Istat ta’ residenza tagħhom tiġi applikata rata orħos ta’ VAT.

35.      Id-dispożizzjonijiet dwar provvista intra-Komunitarja u dwar akkwist intra-Komunitarju għandhom jiġu interpretati b’mod li jiżgura li t-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni u l-ugwaljanza fil-kompetizzjoni ma jkunux jistgħu jiġu evitati permezz ta’ operazzjonijiet fiskali speċifiċi.

36.      Kif ġie osservat ġustament mill-iSkatteverket, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni, li kieku ċ-ċaqliq tas-setgħa ta’ tassazzjoni lejn l-Istat fejn sar l-akkwist intra-Komunitarju kellu jiddependi biss mill-fatt li l-mezz ta’ trasport iħalli l-Istat ta’ oriġini jew jasal fl-Istat ta’ destinazzjoni f’terminu partikolari wara l-provvista, il-persuni taxxabbli jkunu jistgħu jiddeċiedu b’mod arbitrarju fejn l-akkwist ta’ mezz ta’ trasport ġdid għandu jiġi ntaxxat, mingħajr ebda rabta mal-post tal-konsum. Anki d-dewmien mhux intenzjonali fit-trasport jista’ jikkawża ċaqliq fis-setgħa ta’ tassazzjoni, għalkemm il-merkanzija inkwistjoni tkun mingħajr ebda dubju ddestinata għall-konsum finali fi Stat Membru differenti minn dak tal-provvista.

37.      Minflok ma jsir riferiment għal termini riġidi, li fuq kollox, id-direttiva nnifisha ma teħtieġx, għandu jiġi vverifikat, abbażi ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti, f’liema Stat Membru ser isir il-konsum finali. Għal dan il-għan għandhom jittieħdu prinċipalment inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oġġettivi.

38.      Fil-każ preżenti, minbarra t-tul tal-vjaġġ, jistgħu jkunu ta’ importanza, il-post fejn hija rreġistrata d-dgħajsa bil-qlugħ u l-post fejn il-persuna li qed takkwista għandha rmiġġ stabbli għad-dgħajsa. Il-post ta’ residenza privat tal-persuna li qed takkwista wkoll jista’ jkun ta’ ħjiel dwar fejn id-dgħajsa fl-aħħar għandha tintuża b’mod permanenti. Fl-evalwazzjoni tat-tul tal-vjaġġ, fost l-oħrajn jistgħu jassumu importanza, id-distanza bejn l-Istat tal-provvista u l-Istat ta’ destinazzjoni, kif ukoll it-tul ta’ ħajja tal-merkanzija pprovduta. Li kieku t-trasferiment kien jeħtieġ biss perijodu ta’ żmien għal kollox insinjifikanti fir-rigward tat-tul globali ta’ ħajja tal-mezz ta’ trasport, wieħed jista’ jassumi li l-konsum tal-merkanzija jseħħ essenzjalment għal darb’oħra fl-Istat ta’ destinazzjoni.

39.      Għalkemm il-kunċetti ta’ provvista intra-Komunitarja u ta’ akkwist intra-Komunitarju huma ta’ natura oġġettiva u huma applikabbli indipendentement mill-għanijiet u mir-riżultati tat-transazzjonijiet ikkonċernati (9) xorta waħda jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-intenzjonijiet, ikkonfermati miċ-ċirkustanzi oġġettivi, li l-persuna li qed takkwista tesprimi fil-mument tal-provvista b’rabta mal-post aħħari tal-użu (10). Fil-fatt, diġà fil-mument tal-ħruġ tal-irċevuta, il-bejjiegħ għandu jkun jaf jekk għandux jinkludi l-VAT jew le, minħabba li għandha ssir provvista intra-Komunitarja eżenti.

40.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 68 tad-Direttiva 2006/112, il-fatt li jiġġenera t-taxxa fuq l-akkwist intra-Komunitarju jseħħ fil-mument li fih titqies li saret provvista simili fit-territorju ta’ Stat Membru. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 63 moqri flimkien mal-Artikolu 14 tad-Direttiva, huwa deċiżiv il-mument li fih il-persuna li qed takkwista tikseb id-dritt li tiddisponi bħala proprjetarju tal-merkanzija materjali. Jekk il-persuna li qed takkwista tiġi fil-pussess tal-merkanzija direttament fl-Istat ta’ oriġini, ir-rekwiżit meħtieġ għall-provvista interna ta’ Stat Membru jirriżulta sodisfatt. Jekk minflok, fil-verità, ninsabu fil-preżenza ta’ akkwist intra-Komunitarju fi Stat Membru ieħor, f’din il-fażi dan jista’ jiġi kkonstatat abbażi tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-persuna li qed takwista dwar l-intenzjoni tiegħu li jġorr il-merkanzija fi Stat Membru ieħor u li jużaha hemm b’mod definittiv.

41.      F’dan ir-rigward, l-akkwist intra-Komunitarju ta’ mezz ta’ trasport minn individwu privat jikkostitwixxi każ partikolari. Minn naħa, ma huwiex komuni li persuna li fiha nnifisha ma hijiex taxxabbli tagħti lok għal fatt li jiġġenera taxxa. Min-naħa l-oħra, dan il-każ jippreżenta l-partikolarità li d-dħul fis-servizz ta’ mezz ta’ lokomozzjoni minn persuna privata li qed takkwista fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ spiss ma jintgħarafx b’mod ċar mill-bidu tat-trasport lejn l-Istat ta’ destinazzjoni.

42.      Madankollu, anki dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ma jimplikawx li sabiex issir distinzjoni bejn provvista interna fi Stat Membru u akkwist intra-Komunitarju, it-terminu speċifiku bejn il-kunsinna tal-mezz ta’ trasport tal-persuna li qed takkwista u l-bidu tat-trasport ta’ dan il-mezz barra mit-territorju tal-Istat ta’ oriġini lejn l-Istat ta’ destinazzjoni jirriżulta esklużivament deċiżiv. L-għan imfittex bid-dispożizzjoni speċjali msemmija fl-Artikolu 2(1)(b)(ii) flimkien mal-Artikolu 2(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2006/112, li tipprevjeni distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, jimponi, proprju f’dan il-kuntest, li ma jsirx riferiment għad-dekorriment taż-żmien, iżda li wieħed jibbaża ruħu fuq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha, inklużi l-intenzjonijiet tal-persuna li qed takkwista kkonfermati minn elementi oġġettivi.

43.      Madankollu, X isostni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi r-riferiment għal terminu speċifiku.

44.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa applikabbli b’mod partikolarment rigoruż fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi piżijiet finanzjarji, sabiex jippermettu lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bi preċiżjoni l-kejl tal-obbligi li hija timponi fuqhom (11).

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, bħala prinċipju ċaħdet li l-kwalifika ta’ operazzjoni bħala operazzjoni intra-Komunitarja tista’ tiddependi biss mill-intenzjoni tal-bejjiegħ jew tal-persuna li qed takkwista li jagħmlu tali operazzjoni (12). Madankollu, din l-affermazzjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjoni li l-amministrazzjoni finanzjarja teħles milli tagħmel investigazzjonijiet diretti sabiex tikkonstata l-intenzjoni tal-persuna taxxabbli. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet espressament għal eżenzjoni għall-każijiet eċċezzjonali.

46.      Għaldaqstant il-fatt li, f’każ bħal dak preżenti, il-kwalifika ta’ tranżazzjoni bħala akkwist intra-Komunitarju tkun dipendenti fuq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha, inkluża l-intenzjoni espressa mill-persuna li qed takkwista u kkonfermata minn ċirkustanzi oġġettivi dwar il-post ta’ użu tal-merkanzija, ma jikkuntrastax mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dan il-mod ta’ kif wieħed jipproċedi jinvolvi biss, b’mod partikolari li l-obbligu li titħallas it-taxxa fuq l-akkwist intra-Komunitarju jaqa’ fuq il-persuna li qed takkwista b’mod mhux mistenni peress li wieħed jibbaża ruħu fuq l-indikazzjonijiet tagħha stess marbuta mal-konsum finali.

47.      Madankollu, skont X, fir-Renju Unit, l-eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja tippresupponi li d-dgħajsa tħalli t-territorju ta’ tali Stat Membru fi żmien xahrejn. Għaldaqstant, skont X, jeżisti l-periklu ta’ tassazzjoni doppja jekk, wara d-dekorriment ta’ dan it-terminu, il-provvista tirriżulta taxxabbli fl-Istat ta’ oriġini bħala provvista interna, u fl-istess ħin jeżisti akkwist intra-Komunitarju taxxabbli fl-Istat ta’ destinazzjoni.

48.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija u l-akkwist intra-Komunitarju ta’ din tal-aħħar jikkostitwixxu, fil-verità, l-istess tranżazzjoni ekonomika, minkejja li din tal-aħħar tnissel drittijiet u obbligi differenti kemm għall-partijiet fit-tranżazzjoni, kif ukoll għall-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri kkonċernati (13).

49.      Huwa minnu li skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1777/2005, tas-17 ta’ Ottubru 2005, li jistabbilixxi miżuri ta’ implementazzjoni għad-Direttiva 77/388/KEE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (14), l-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-kunsinna jew tat-trasport tal-merkanzija li fih isir akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija jeżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu, indipendentement mit-trattament tal-VAT applikat għat-tranżazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-kunsinna jew tat-trasport tal-merkanzija. Madankollu, meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet tal-provvisti intra-Komunitarji (Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112) u ta’ tassazzjoni tal-akkwist intra-Komunitarju (Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/112).

50.      Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni li tagħtihom tifsira u kejl identika (15), fid-dawl tal-korrelazzjoni temporali u materjali eżistenti bejn il-provvista u t-trasport jew il-kunsinna fl-Istat ta’ destinazzjoni. Fil-każ kuntrarju, l-eżenzjoni tal-provvista intra-Komunitarja ma tistax tissodisfa l-funzjoni tagħha li tevita t-tassazzjoni doppja tal-provvista fil-kummerċ intra-Komunitarju, u b’hekk tiggarantixxi n-newtralità fiskali (16).

51.      Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżenzjonijiet tal-provvisti intra-Komunitarji japplikaw, skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, għall-kundizzjonijiet li l-Istati Membri jistabbilixxu sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tal-istess eżenzjonijiet u sabiex ifixklu kull frodi, evażjoni jew abbuż possibbli. Dan jinkludi bħala prinċipju l-possibbiltà li l-Istat Membru ta’ oriġini jistabbilixxi termini determinati li matulhom il-merkanzija, fil-kuntest ta’ provvista intra-Komunitarja, għandha bħala regola tħalli t-territorju ta’ tali Stat.

52.      Madankollu, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità (17). Barra minn hekk, il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw sabiex jiżguraw li t-taxxa tinġabar korrettament u sabiex tevita l-frodi ma jistgħux jintużaw b’mod li jippreġudikaw in-newtralità tal-VAT (18).

53.      Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw l-eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja għall-osservanza ta’ termini speċifiċi għall-kunsinna jew għat-trasport, għandhom jirriżultaw flessibbli biżżejjed sabiex jippermettu l-eżenzjoni f’każijiet partikolari anki meta l-merkanzija fil-verità tkun telqet mit-territorju tal-Istat ikkonċernat wara dekorriment ta’ żmien naqra itwal u l-użu finali fi Stat Membru ieħor jirriżulta b’mod ċert minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha mill-inqas tirriżulta l-possibbiltà ta’ rettifika suċċessiva tal-ħlas tal-VAT jekk ma kienx hemm ir-riskju ta’ telf ta’ dħul mit-taxxa u jekk il-partijiet tat-tranżazzjoni kienu qed jaġixxu in bona fide (19).

54.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi preliminari għandha tkun fis-sens li għall-kwalifika ta’ tranżazzjoni li tinvolvi bastiment ġdid itwal minn 7.5 metri bħala provvista intra-Komunitarja eżenti skont l-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112, u bħala akkwist intra-Komunitarju taxxabbli fl-Istat ta’ destinazzjoni skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva, ma hijiex rilevanti biss l-osservanza ta’ terminu speċifiku li matulu l-mezz ta’ trasport telaq mill-Istat Membru ta’ oriġini jew wasal fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Din il-kwalifika għandha pjuttost issir qabel evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha u fid-dawl tal-intenzjoni tal-persuna li qed takkwista, ikkonfermata minn elementi oġġettivi, dwar il-konsum finali tal-merkanzija.

B –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

55.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari, ir-Regeringsrätt tixtieq tkun taf għal-liema mument għandu jsir riferiment sabiex jiġi evalwat jekk mezz ta’ trasport huwiex ġdid skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/112.

56.      Skont X, f’dan ir-rigward, huwa importanti l-mument li fih il-bastiment jasal fl-Istat ta’ destinazzjoni.

57.      Il-partijiet l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirreferu għall-kliem tal-Artikolu 2(2)(b)(ii) tad-Direttiva 2006/112. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, bastiment jiġi kkunsidrat ġdid, meta l-provvista ssir fi żmien tliet xhur mid-data tal-ewwel dħul fis-servizz jew fejn il-bastiment baħħar għal mhux iktar minn 100 siegħa. L-Artikolu 14 tad-Direttiva jfisser il-provvista bħala l-akkwist tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli. Il-persuna li qed takkwista tikseb dan id-dritt fil-mument meta tieħu kunsinna tad-dgħajsa fl-Istat ta’ oriġini, u mhux biss suċċessivament fil-mument tal-wasla tal-istess dgħajsa fl-Istat ta’ destinazzjoni.

58.      Kif jenfasizza l-Gvern Ġermaniż, li kieku kellu jsir riferiment għall-mument tal-wasla fl-Istat ta’ destinazzjoni, jista’ jiġri li l-persuni taxxabbli jingħataw il-possibbiltà li jinfluwenzaw il-post ta’ tassazzjoni, fil-każ fejn huma jdewmu t-trasport, u għalhekk, il-wasla fl-Istat ta’ destinazzjoni, wara t-terminu ta’ tliet xhur previst mill-Artikolu 2(2)(b)(ii) tad-Direttiva 2006/112. Tali riżultat ikun jikkuntrasta mat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bbażata fuq il-kriterju tal-post ta’ konsum effettiv (20).

59.      Barra minn hekk, ikun hemm ukoll il-periklu ta’ tranżazzjonijiet kompletament eżenti. Persuna taxxabbli fis-sitwazzjoni ta’ X tista’, fil-fatt, toħroġ dgħajsa barra mill-Istat ta’ oriġini u tgawdi minn eżenzjoni għall-provvista intra-Komunitarja, tibqa’ fuq il-baħar jew fi Stat terz għal iktar minn 100 siegħa jew tliet xhur, u f’dan il-punt biss tieħu d-dgħajsa fl-Istat ta’ destinazzjoni. Li kieku kellu jsir riferiment għall-mument tal-wasla tal-bastiment fl-Istat ta’ destinazzjoni sabiex dan jikkwalifika bħala ġdid, f’dan il-punt ma jkunx hemm lok għal akkwist intra-Komunitarju taxxabbli.

60.      Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat fil-mument tal-provvista u mhux fil-mument tal-wasla fl-Istat ta’ destinazzjoni jekk mezz ta’ trasport huwiex ġdid skont l-Artikolu 2(2)(b)(ii) tad-Direttiva 2006/112.

61.      Lanqas l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2006/112 ma jopponi din il-konklużjoni. Abbażi ta’ tali dispożizzjoni, il-post ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandu jitqies bħala l-post li fih tispiċċa kkunsinnata jew ittrasportata lill-persuna li akkwistaha. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan esklużiv li tassenja lill-Istat ta’ destinazzjoni d-dritt li jeżiġi l-VAT fuq l-akkwist intra-Komunitarju. Hija ma tgħid xejn dwar il-ħtieġa jew inqas, li l-merkanzija inkwistjoni tkun ġdida fil-mument tal-wasla tagħha f’tali Stat.

62.      Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun fis-sens li sabiex, fil-kuntest ta’ akkwist intra-Komunitarju, jiġi evalwat jekk mezz ta’ trasport huwiex ġdid skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/112, għandu jsir riferiment għall-mument tal-provvista.

V –    Konklużjoni

63.      Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mir-Regeringsrätt ikunu kif ġej:

1.      Għall-kwalifika ta’ tranżazzjoni li tinvolvi bastiment ġdid itwal minn 7.5 metri bħala provvista intra-Komunitarja eżenti skont l-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u bħala akkwist intra-Komunitarju taxxabbli fl-Istat ta’ destinazzjoni skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva, ma hijiex rilevanti biss l-osservanza ta’ terminu speċifiku li matulu l-mezz ta’ trasport telaq mill-Istat Membru ta’ oriġini jew wasal fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Din il-kwalifika għandha pjuttost issir qabel evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha u fid-dawl tal-intenzjoni tal-persuna li qed takkwista, ikkonfermata minn elementi oġġettivi, dwar il-konsum finali tal-merkanzija.

2.      Sabiex, fil-kuntest ta’ akkwist intra-Komunitarju, jiġi evalwat jekk mezz ta’ trasport huwiex ġdid skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/112, għandu jsir riferiment għall-mument tal-provvista.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU L 347, p. 1.


3 – Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et (C-409/04, Ġabra p. I-7797, punt 40).


4 – Ara f’dan ir-rigward, il-punti 24-29 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-11 ta’ Jannar 2007 fil-kawża Teleos et (C-409/04, Ġabra p. I-7797) kif ukoll il-punti 19 sa 25 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-10 ta’ Novembru 2005 fil-kawża EMAG Handel Eder (C-245/04, Ġabra p. I-3227).


5 – Sentenzi tas-6 ta’ April 2006, EMAG Handel Eder (C-245/04, Ġabra p. I-3227, punti 31 u 40); Teleos et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 36); tas-27 ta’ Settembru 2007, Collée (C-146/05, Ġabra p. I-7861, punt 22), u tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International (C-184/05, Ġabra p. I-7897, punt 22).


6 – Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160).


7 – Ara s-sentenzi EMAG (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 27) u Teleos et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 22) fejn it-tnejn jirreferu għall-premessi 7 sa 10 tad-Direttiva 91/680.


8 – Skont l-Artikolu 2(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2006/112, l-akkwist magħmul minn individwi huwa suġġett għall-VAT dment jekk ikun biss il-każ ta’ bastimenti itwal minn 7.5 metri.


9 –      Sentenza Teleos et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 38), li tirreferi għas-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et (C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punt 44), u tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling (C-439/04 u C-440/04, Ġabra p. I-6161, punt 41).


10 – Anki biex jiġi stabbilit jekk merkanzija hijiex intiża għall-użu fil-kuntest ta’ attività ekonomika skont l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, u għaldaqstant jekk jeżistix dritt ta’ tnaqqis, skont il-ġurisprudenza għandu jsir riferiment għall-intenzjoni ta’ użu tal-persuna li qed takkwista, ikkonfermata minn elementi oġġettivi [ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, Ġabra p. 655, punt 24) u tat-8 ta’ Ġunju 2000, Breitsohl, (C-400/98, Ġabra p. I-4321, punti 34-39)]. Bl-istess mod, sabiex tiġi determinata l-entità tat-tnaqqis li wieħed għandu dritt għalih, għandu jsir riferiment għall-użu, reali jew previst, tal-merkanzija [ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Centralan Property (C-63/04, Ġabra p. I-11087, punt 54)].


11 – Sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1987, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, (326/85, Ġabra p. 5091, punt 24) u tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 72) u Teleos et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 46).


12 – Sentenzi tas-6 ta’ April 1995, BLP Group (C-4/94, Ġabra p. I-983, punt 24), Optigen et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 punt 45); Kittel u Recolta Recycling, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 42) Teleos et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 39) u tad-29 ta’ Ottubru 2009, AB SKF (C-29/08, Ġabra p. I-10413, punt 77).


13 – Sentenza Teleos et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 23).


14 – ĠU L 173M, p. 93


15 – Ara f’dan is-sens is-sentenza Teleos et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 34).


16 – Sentenzi Teleos et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 25) u Collée (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 23).


17 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et, (C-286/94, C-340/95, C-401/95 u C-47/96, Ġabra p. I-7281, punt 48); tal-11 ta’ Mejju 2006, Federation of Technological Industries et, (C-384/04, Ġabra p. I-4191, punti 29 u 30), u Teleos et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 45).


18 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et, (C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 52); Halifax et, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 92), kif ukoll is-sentenza Teleos et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 46).


19 – Ara f’dan is-sens is-sentenza Collée (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 31, 35 u 37).


20 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punti 38 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.