Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fil-25 ta’ Mejju 2011 (1)

Kawża C-539/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Setgħat ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea – Artikolu 248 KE – Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 – Verifika tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Regolament (KE) Nru 1798/2003 – Riżorsi proprji li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud – Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Prinċipju ta’ sussidjarjetà”








Werrej


I –Introduzzjoni5

II –Id-dritt tal-Unjoni 7

A –Id-dritt primarju7

B –Id-dritt sekondarju 7

1.Id-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom7

2.Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/200211

3.Ir-Regolament (KE) Nru 1798/200313

III –Il-fatti16

IV –Il-proċedura prekontenzjuża21

V –Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet22

VI –L-argumenti prinċipali tal-partijiet24

VII –Evalwazzjoni ġuridika31

A –Osservazzjonijiet preliminari31

B –Is-sistema tar-riżorsi proprji taħt id-Deċiżjoni 2000/59733

C –Il-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri40

1.L-għan, il-portata u l-limiti tal-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri41

a)Il-setgħa li jiġi vverifikat jekk l-atti tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri tal-Unjoni għandhomx rabta diretta suffiċjenti mad-dħul jew mal-infiq tal-Unjoni41

b)Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bħala restrizzjoni għall-kompetenza fil-kuntest tal-verifika tal-atti tal-Istati Membri mill-Qorti tal-Awdituri44

c)L-obbligu li jiġu osservati l-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipju ta’ proporzjonalità50

i)Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà51

ii)Il-prinċipju ta’ proporzjonalità55

2.Il-kriterji ta’ verifika għall-verifika tal-kontijiet mill-Qorti tal-Awdituri58

3.Konklużjoni provviżorja60

D –Il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri biex tivverifika l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/200361

1.Il-verifika tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003 għandha rabta diretta suffiċjenti mad-dħul tal-Unjoni62

2.Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità69

a)Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà69

b)Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità72

E –Fuq in-nuqqas tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li twettaq l-obbligi ta’ kooperazzjoni li hija għandha fil-konfront tal-Qorti tal-Awdituri80

VIII –Sinteżi84

IX –Fuq l-ispejjeż85

X –Konklużjoni85

I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, li permezz tiegħu hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rrifjutat li tippermetti lill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea tivverifika, fil-Ġermanja, il-kooperazzjoni transkonfinali tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, ukoll, il-“VAT”), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni.

2.        Mil-lat proċedurali, din il-kawża għandha l-karatteristika partikolari li l-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur kontra Stat Membru minħabba li dan naqas li josserva s-setgħat ta’ verifika kkonferiti lill-Qorti tal-Awdituri. Minkejja li fl-imgħoddi hija kienet espressament talbet li tiġi rikonoxxuta lilha possibbiltà ta’ rikors sabiex issostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod awtonomu, id-drittijiet u l-prerogattivi tagħha b’relazzjoni għall-Istati Membri (2), il-Qorti tal-Awdituri lanqas wara l-aħħar reviżjoni, mit-Trattat ta’ Lisbona, tas-sistema ta’ rimedji fid-dritt tal-Unjoni, ma għandha possibbiltà ta’ rikors dirett kontra l-Istati Membri li jkunu naqsu milli josservaw il-kompetenzi ta’ verifika tagħha (3). Anzi, il-Qorti tal-Awdituri hija obbligata tindika tali ksur lill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’, bħal f’dan il-każ, tibda kontra l-Istat Membru kkonċernat proċedura ta’ ksur abbażi tal-Artikolu 258 TFUE li fiha l-Qorti tal-Awdituri tista’ sussegwentement tipparteċipa bħala intervenjenti.

3.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni sabiex tippreċiża, permezz tal-eżempju ta’ pjan ta’ verifika konkret, il-portata u l-għan tas-setgħat tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-verifika tal-azzjoni tal-Istati Membri. F’dan il-każ, fil-fatt din hija l-ewwel proċedura ta’ ksur li hija r-riżultat ta’ rifjut ta’ Stat Membru li jippermetti li fit-territorju tiegħu ssir verifika prevista mill-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tad-dħul tal-Unjoni u li jassisti lill-imsemmija qorti biex tagħmel dan.

4.        Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li jintervjeni għall-ewwel darba insostenn tal-Kummissjoni fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru tixhed l-importanza istituzzjonali ta’ dan il-każ.

II – Id-dritt tal-Unjoni (4)

A –    Id-dritt primarju

Fid-dritt primarju, is-setgħat tal-Qorti tal-Awdituri ġew stabbiliti fl-Artikolu 248 KE.

B –    Id-dritt sekondarju

1.      Id-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom

5.        L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom [proprji] tal-Komunitajiet Ewropej (5) jipprovdi:

“1.      Dħul minn dawn li ġejjin għandu jikkostitwixxi riżorsi tagħhom [proprji] mdaħħla fil-budget ta’ l-Unjoni Ewropea:

(a)      imposti, premiums, ammonti addizzjonali u kompensatorji, ammonti jew fatturi addizzjonali u dazji oħra stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward kummerċ ma’ pajjiżi li m’humiex membri fl-ambitu tal-politika agrikola komuni, u wkoll kontribuzzjonijiet u dazji oħra pprovdut għalihom fl-ambitu ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor;

(b)      Tariffi Doganali Komuni u dazji oħra stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri u dazji doganali dwar prodotti ġejjin taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Faħam u l-Azzar Ewropea;

(ċ)      l-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha biex tarmonizza il-bażijiet tal-assessjar tal-VAT skont ir-regoli tal-Komunità. Il-bażi ta’ l-assessjar li għandha titqies għal dan l-iskop m’għandhiex taqbeż il-50 % tal-[prodott gross nazzjonali (PGN)] għal kull Stat Membru, kif definit fil-paragrafu 7;

(d)      l-applikazzjoni ta’ rata - li għandha tkun stabbilita bis-saħħa tal-proċedura tal-budget fid-dawl tat-total tad-dħul l-ieħor kollu - għas-somma tal-GNP [PGN] ta’ l-Istati Membri kollha.

[…]

4.      Ir-rata uniformi li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1(ċ) għandha tikkorrispondi mar-rata li tirriżulta mid-differenzi bejn:

(a)      ir-rata massima tas-sejħa tar-riżorsa tal-VAT, li hija ffissata għal:

0,75 % fl-2002 u fl-2003,

0,50 % mill-2004 ‘il quddiem

u

(b)      rata (‘rata ffriżata’) ekwivalenti għall-proporzjon bejn l-ammont tal-kompensazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4 u s-somma tal-bażijiet tal-assessjar tal-VAT (stabbiliti skont il-paragrafu (1) (ċ)) tal-Istati Membri kollha, waqt li tikkonsidra l-fatt li r-Renju Unit huwa eskluż mill-iffinanzjar tal-korrezzjoni tiegħu u li s-sehem tal-Awstrija, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Isvezja fl-iffinanzjar tal-korrezzjoni tar-Renju Unit huwa ridott għal kwart tal-valur normali tiegħu.

5.      Ir-rata ffissata taħt il-paragrafu 1(d) għandha tapplika għall-GNP ta’ kull Stat Membru.

[…]

7.      Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, GNP għandha tfisser [id-dħul gross nazzjonali (DGN)] għas-sena fi prezzijiet tas-suq kif ipprovdut mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta[s-sistema Ewropea ta’ kontijiet ekonomiċi integrati (SEK 95)] skond ir-Regolament (KE) Nru 2223/96.

Jekk modifikazzjonijiet għall-ESA [SEK] 95 jirriżultaw f’tibdil sinifikanti fil-GNI [DGN] kif ipprovdut mill-Kummissjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi unanimament dwar proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jiddeċiedi jekk dawn il-modifikazzjonijiet għandhomx japplikaw għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni.”

6.        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2000/597 jipprovdi kif ġej:

“1.      Ir-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) għandhom ikunu miġbura mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali imposti bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva, li għandhom, fejn xieraq, ikunu adottati biex jissodisfaw il-kondizzjonijiet tar-regoli tal-Komunità.

[…]

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni r-riżorsi pprovdut fl-Artikolu 2(1)(a) sa (d).

2.      Mingħajr preġudizzju għall-verifika tal-kontijiet u għall-iċċekkjar li huma skont il-liġi u regolari kif preskritt fl-Artikolu 248 tat-Trattat KE u l-Artikolu 160Ċ tat-Trattat Euratom, tali verifika u ċċekkjar billi huma prinċipalment konċernati ma’ l-affidabilità u l-effettività tas-sistemi nazzjonali u l-proċeduri għad-determinazzjoni tal-bażi ta’ riżorsi tagħhom li joħorġu mill-VAT u l-GNP [PGN] u mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti ta’ ispezzjoni magħmula bis-saħħa tal-Artikolu 279(ċ) tat-Trattat KE u l-Artikolu 183 il-punt (ċ) tat-Trattat Euratom, il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, jadotta id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex japplika din id-Deċiżjoni u biex jagħmel possibbli l-ispezzjoni tal-kollezzjoni, l-għemil disponibbli lill-Kummissjoni u l-pagament tad-dħul li hemm referenza għalih fl-Artikoli 2 u 5 [u dawk dwar il-verifika tal-irkupru, dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u dwar il-ħlas tad-dħul imsemmi fl-Artikoli 2 u 5].”

2.      Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002

7.        L-Artikolu 140 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6) jipprovdi:

“1.      L-eżaminazzjoni mill-Qorti ta’ l-Awdituri dwar jekk l-introjtu kollu kienx riċevut u n-nefqa kollha kienetx minfuqha f’manjiera legali u xierqa għandha tqis id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, tal-budget, ta’ dan ir-Regolament, tar-regoli ta’ l-implimentazzjoni u l-atti l-oħra kollha permezz tat-Trattati.

2.      Fit-twettieq tad-doveri tagħha, il-Qorti ta’ l-Awdituri hija ntitolata li tikkonsulta, fil-manjera li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 142, id-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jirrigwardjaw l-amministrazzjoni finanzjarja tad-dipertimenti jew tal-korpi fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet iffinanzjati jew ko-finanzjati mill-Komunitajiet. Għandha jkollha l-poter li tgħamel inkjesti dwar kwalunkwe uffiċjal responsabbli għall-operazzjoni ta’ l-introjtu jew tan-nefqa u li tuża kwalunkwe proċeduri xierqa ta’ l-awditjar fuq id-dipartimenti jew korpi msemmija hawn fuq. L-awditjar fl-Istati Membri għandu jkun imwettaq b’konnessjoni ma’ l-istituzzjonijiet nazzjonali ta’ l-awditjar jew, jekk dawn ma jkollhomx il-poteri meħtieġa, mad-dipartimenti nazzjonali responsabbli. Il-Qorti ta’ l-Awdituri u l-korpi nazzjonali ta’ l-awditjar ta’ l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fl-ispirtu tal-fiduċja waqt li jżommu l-indipendenza tagħhom.

[…]”

8.        Skont l-Artikolu 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002:

“Il-Kummissjoni, l-istituzzjoniet l-oħra, il-korpi li jamministraw l-introju u n-nefqa f’isem tal-Komunitajiet u l-benefiċjarji finali tal-pagamenti mill-budget għandhom jagħtu lill-Qorti ta’ l-Awdituri il-faċilitajiet kollha u jagħtuhom l-informazzjoni kollha li l-Qorti ta’ l-Awdituri tqis li tkun meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha. Huma għandhom jagħmlu għad-dispożizzjoni tal-Qorti ta’ l-Awdituri id-dokumenti kollha li jikkonċernaw l-għoti u t-twettieq ta’ kuntratti ffinanzjati mill-budget tal-Komunità u tal-kontijiet kollha tal-flus u materjali, tar-reġistri kollha tal-kontijiet u tad-dokumenti bħala sostenn, u wkoll id-dokumenti amministrattivi kollha relatati magħhom, id-dokumenti kollha relatati ma l-introjtu u n-nefqa, l-inventarji kollha, il-grafika ta’ l-organizzazzjoni kollha tad-dipartiment, li l-Qorti ta’ l-Awdituri tħoss li jkunu meħtiġa għall-awditjar tar-rapport tal-budget u l-attività finanzjarja fuq il-bażi tar-reġistri jew fuq il-post, u għall-istess skopijiet, id-dokumenti u l-informazzjoni kollha maħluqa jew maħżuna fuq medja manjetika.

Il-korpi l-oħra tas-servizzi jew ta’ l-awditjar intern ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali kkonċernati għandhom joffru lil-Qorti ta’ l-Awdituri il-faċilitjiet kollha li hi tqis li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun japplika wkoll għal persuni naturali jew legali li jirċievu pagamenti mill-budget tal-Komunità.”

3.      Ir-Regolament (KE) Nru 1798/2003

9.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru. 218/92 (7) jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet amministrattivi fl-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-VAT għall-provvisti ta’ oġġetti u servizzi, għall-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti u għall-importazzjoni ta’ oġġetti għandhom jikkoperaw flimkien u mal-Kummissjoni biex jiżguraw konformità ma’ dawn il-liġijiet.

Għal dak il-għan, huma stabbiliti regoli u proċeduri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri biex jikkoperaw u jibdlu informazzjoni bejniethom li tista’ tgħinhom biex jagħmlu valutazzjoni korretta tal-VAT.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju ta’ ċerta informazzjoni b’mezzi elettroniċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ VAT fuq transazzjonijiet intra-komunitarji.

[…]”

10.      Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1798/2003, kull Stat Membru għandu jaħtar uffiċċju ċentrali ta’ kollegament wieħed li r-responsabbiltà prinċipali, fis-sens ta’ ħatra, hija l-kuntatti ma’ Stati Membri oħra fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan.

11.      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1798/2003 jipprovdi:

“1.      Fuq talba ta’ l-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, inkluża kull informazzjoni relatata ma’ każ jew każijiet speċifiċi.

2.      Għall-iskop ta’ trasmissjoni ta’ l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità rikjesta għandha tirranġa għat-tmexxija ta’ kull inkjesta amministrattiva neċessarja biex tinkiseb din l-informazzjoni.

3.      It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi talba raġonevoli għal inkjesta amministrattiva speċifika. Jekk l-Istat Membru jikkunsidra li l-ebda inkjesta mhi neċessarja, għandu jinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

4.       Sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa jew sabiex tmexxi l-inkjesta amministrattiva mitluba, l-awtorità rikjesta jew l-awtorità amministrattiva li għaliha għandha rikors [li saritilha talba mingħand din tal-aħħar] għandha tipproċedi bħallikieku qed taġixxi għaliha jew fuq talba ta’ awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha.”

12.      L-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 1798/2003 jipprovdi:

“L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jivvalutaw kif qiegħdin jaħdmu l-arranġamenti għal koperazzjoni amministrattiva pprovduti f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiċċentralizza l-esperjenza ta’ l-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-operazzjoni ta’ dawn l-arranġamenti.”

13.      L-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 1798/2003 jistipula kif ġej:

“Għall-iskop ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex:

(a)      jiżguraw kordinazzjoni interna effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 3;

(b)      jistabbilixxu koperazzjoni bejn l-awtoritajiet awtorizzati għall-iskop ta’ din il-koperazzjoni;

(ċ)      jiżguraw funzjonament tajjeb ta’ l-arranġamenti għal skambju ta’ informazzjoni pprovduti f’dan ir-Regolament.”

III – Il-fatti

14.      B’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2006, il-Qorti tal-Awdituri informat lill-Qorti tal-Awdituri Federali Ġermaniża li hija kienet qed tipprevedi li tagħmel żjara ta’ verifika mill-10 sat-13 ta’ Ottubru 2006. Il-verifika kellha tirrigwarda l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003 u l-miżuri ta’ implementazzjoni rilevanti. L-għan ċentrali kien li jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri kinux stabbilew l-istrutturi amministrattivi u organizzattivi neċessarji għall-imsemmija kooperazzjoni amministrattiva u li jiġi eżaminat kif din il-kooperazzjoni taħdem fil-prattika fil-każ ta’ talbiet għal informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1798/2003. Essenzjalment, il-verifika kienet tirrigwarda s-servizzi tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, imma setgħet tinkludi wkoll, jekk ikun il-każ, servizzi oħra involuti fil-kooperazzjoni amministrattiva.

15.      Filwaqt li rreferiet għal din l-ewwel ittra, il-Qorti tal-Awdituri, b’ittra tas-7 ta’ Settembru 2006, ikkomunikat lill-Qorti tal-Awdituri Federali informazzjoni iktar iddettaljata dwar il-verifika. Din l-ittra ħabbret, b’mod partikolari, żjara ta’ verifika fl-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament Ġermaniż bejn l-10 u t-13 ta’ Ottubru 2006. L-imsemmija ittra kienet akkumpanjata minn programm għaż-żjara li l-Qorti tal-Awdituri Federali Ġermaniża ntalbet titbagħat lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament.

16.      F’dan il-programm tal-missjoni ta’ verifika, l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament intalab jibagħat xi informazzjoni dwar it-talbiet għal informazzjoni li ġew riċevuti jew li saru fl-2004/05 abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1798/2003. Il-programm kien jinkludi wkoll ħarsa ġenerali lejn temi differenti li kellhom jiġu indirizzati waqt iż-żjara, fosthom b’mod partikolari (1) l-organizzazzjoni, it-tagħmir u l-funzjonament tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament, (2) l-iskambju ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel fis-sens tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1798/2003, (3) ir-reġistrazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-operazzjonijiet intra-Komunitarji (database “VIES”)], (4) il-problemi legali li jostakolaw il-kooperazzjoni amministrattiva, (5) miżuri oħra li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni amministrattiva u li jipprevjenu l-abbużi, u (6) l-eżami, b’sondaġġ, ta’ talbiet għal informazzjoni li ġew riċevuti jew mibgħuta.

17.      B’ittra tat-18 ta’ Settembru 2006, il-Qorti tal-Awdituri Federali kkonfermat li hija kienet se tipparteċipa fil-verifika tal-Qorti tal-Awdituri. Fid-9 ta’ Ottubru 2006, kellha ssir laqgħa preparatorja fil-bini tal-Qorti tal-Awdituri Federali b’dan il-għan.

18.      Billi l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament ikkonċernat mill-missjoni ta’ verifika ma deherx li kien lest jikkoopera mal-Qorti tal-Awdituri, fil-5 ta’ Ottubru 2006 din tal-aħħar reġgħet bagħtet ittra lill-Qorti tal-Awdituri Federali biex tinformaha li l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament la kien ikkonferma d-dati taż-żjara ta’ verifika u lanqas ma kien bagħat id-dokumenti mitluba preċedentement li kienu neċessarji għal preparazzjoni xierqa għall-verifika. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Awdituri qalet li hija kellha l-ħsieb tipposponi ż-żjara ta’ verifika li issa kellha ssir mill-14 sas-17 ta’ Novembru 2006. Fl-istess ħin hija talbet lill-Qorti tal-Awdituri Federali sabiex tintervjeni mal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament ħalli din il-verifika tiżvolgi sew.

19.      B’ittra tad-9 ta’ Novembru 2006, il-Qorti tal-Awdituri lmentat mal-Ministeru Federali Ġermaniż tal-Finanzi li l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament li hija kellha tivverifika la kien ikkonferma d-dati tal-verifika mill-14 sas-17 ta’ Novembru 2006 u lanqas bagħat id-dokumenti neċessarji. Il-Qorti tal-Awdituri indikat li hija kienet se terġa’ tipposponi d-dati taż-żjara ta’ verifika, jiġifieri mill-4 sas-7 ta’ Diċembru 2006. Fl-istess ħin, hija reġgħet spjegat l-għan tal-verifika u ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li kien previst inter alia li jiġu analizzati kampjuni, mill-2005, ta’ talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament u ta’ talbiet għal informazzjoni riċevuti mingħand Stati Membri oħra. L-operazzjonijiet taxxabbli (u l-applikazzjoni tajba tat-taxxa fuq il-valur miżjud) fihom infushom, sa fejn setgħu jirriżultaw mid-dokumenti li kellhom jiġu eżaminati, ma kinux is-suġġett tal-verifika. Pjuttost kellom jiġu vverifikati l-effikaċja u l-effettività tal-kooperazzjoni amministrattiva. Fl-ittra bi tweġiba tiegħu tal-4 ta’ Diċembru 2006, il-Ministeru Federali tal-Finanzi indika li, fin-nuqqas ta’ bażi legali, verifika mill-Qorti tal-Awdituri ma kinitix possibbli.

20.      Fit-13 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Awdituri reġgħet bagħtet ittra lill-Qorti tal-Awdituri Federali fejn talbitha twieġeb għal diversi mistoqsijiet dwar talbiet għal informazzjoni differenti li ġew skambjati, fil-kuntest tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1798/2003, bejn l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament ta’ Stati Membri oħra. Il-Qorti tal-Awdituri Federali ċaħdet din it-talba fis-6 ta’ Marzu 2007 filwaqt li fakkret lill-Qorti tal-Awdituri li f’dan il-każ il-Ministeru Federali tal-Finanzi diġà kien wera l-oppożizzjoni tiegħu għall-verifika mħabbra mill-Qorti tal-Awdituri. Għal raġunijiet ta’ newtralità, il-Qorti tal-Awdituri Federali għaldaqstant ma kkunsidratx li hija kienet f’pożizzjoni li tagħti l-elementi rilevanti.

21.      Fl-4 ta’ Mejju 2007, il-Qorti tal-Awdituri reġgħet bagħtet ittra lill-Ministeru Federali tal-Finanzi fejn spjegatlu numru ta’ konstatazzjonijiet li kienet waslet għalihom wara l-verifiki li kienu saru fi Stati Membri oħra. Fl-ittra bi tweġiba tiegħu tad-29 ta’ Ġunju 2007, il-Ministeru Federali tal-Finanzi ħa pożizzjoni dwar dawn l-osservazzjonijiet. Madankollu, xejn f’dik l-ittra donnu ma kien jindika li kien bidel il-fehma negattiva tiegħu fir-rigward tat-twettiq tal-verifika permezz ta’ żjara ta’ verifika fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

22.      Il-Qorti tal-Awdituri ppubblikat ir-riżultati tal-verifika tagħha fir-Rapport Speċjali Nru 8/2007 tagħha dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (8) (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Speċjali Nru 8/2007”). L-osservazzjonijiet li jirrigwardaw lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li saru f’dan ir-rapport huma bbażati fuq konstatazzjonijiet li jirriżultaw minn missjonijiet ta’ verifika mwettqa fi Stati Membri oħra, fuq informazzjoni miksuba waqt il-missjonijiet ta’ verifika mwettqa fil-Kummissjoni, u fuq rapporti disponibbli pubblikament (9).

IV – Il-proċedura prekontenzjuża

23.      B’ittra ta’ intimazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li hija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 248(1), (2) u (3) KE kif ukoll taħt l-Artikolu 140(2) u l-Artikolu 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002 u taħt l-Artikolu 10 KE. Skont il-Kummissjoni, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien jirriżulta mill-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ma tħallietx twettaq il-kompitu tagħha li tiżgura l-verifika tad-dħul tal-Unjoni. Inċidentalment, il-verifika tal-Qorti tal-Awdituri inkwistjoni kellha l-għan li tivverifika l-infiq tal-Unjoni marbut mal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1798/2003, billi tevalwa, b’mod partikolari, l-effikaċja u l-effiċjenza tad-database “VIES”.

24.      Fit-tweġiba tagħha tat-23 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċaħdet l-ilmenti li tqajmu kontra tagħha. Hija kkunsidrat bħala deċiżiv li l-pjan ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri ma kienx kopert mill-Artikolu 248 KE għaliex din il-verifika la kienet tirrigwarda d-dħul u lanqas l-infiq tal-Unjoni. Il-Gvern Ġermaniż invoka wkoll il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

25.      B’ittra tat-23 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opinjoni motivata abbażi tal-Artikolu 226 KE. Fiha hija sostniet il-fehma tagħha li l-Qorti tal-Awdituri għandha s-setgħa tivverifika l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-Qorti tal-Awdituri għandha wkoll is-setgħa tevalwa l-infiq tal-Unjoni marbut mad-database “VIES”, billi din is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud hija ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni.

26.      Bi tweġiba għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’ittra tat-22 ta’ Mejju 2009, ikkonfermat il-fehma tagħha li l-verifika inkwistjoni ma kinitx koperta mill-Artikolu 248 KE fir-rigward tal-verifika tad-dħul tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Kieku l-verifika kienet intiża bħala verifika tal-infiq tal-Unjoni marbut mad-database “VIES”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet taċċetta espressament li l-Qorti tal-Awdituri għandha l-kompetenza sabiex tivverifika l-infiq tal-Unjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, dan l-infiq ma kienx is-suġġett tat-talba għal verifika inizjali.

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

27.      Billi kkunsidrat li r-Repubblika tal-Ġermanja ma kinitx ikkonformat ruħha mal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni, fis-17 ta’ Diċembru 2009, ippreżentat rikors abbażi tal-Artikolu 258 TFUE.

28.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 248(1), (2) u (3) KE, l-Artikolu 140(2) u l-Artikolu 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, kif ukoll taħt l-Artikolu 10 KE, għaliex hija ma ppermettietx lill-Qorti tal-Awdituri twettaq fil-Ġermanja verifiki rigward il-kooperazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud skont ir-Regolament Nru 1798/2003 u l-miżuri ta’ implementazzjoni.

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

29.      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 2010, il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament Ewropew tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament Ewropew jitolbu li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi milqugħ.

31.      Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Parlament Ewropew ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom waqt is-seduta tat-15 ta’ Marzu 2011.

VI – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

32.      Skont il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri, ir-rifjut tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tippermetti lill-Qorti tal-Awdituri twettaq il-verifika tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud wassal għal ksur tal-Artikolu 248(1) sa (3) KE, tal-Artikoli 140(2) u 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002 kif ukoll tal-Artikolu 10 KE. Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra, min-naħa l-oħra, li l-attitudni negattiva tiegħu hija konformi mad-dritt tal-Unjoni.

33.      Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Qorti tal-Awdituri jitolbu li tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri kif ukoll tal-obbligi ta’ kooperazzjoni korrispondenti tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw ir-rwol tal-Qorti tal-Awdituri, kif stabbilit mid-dritt primarju, li jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-ġbir u tal-użu tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u fl-eżami dwar jekk l-operazzjonijiet finanzjarji ġewx irreġistrati u ppreżentati korrettament kif ukoll eżegwiti u ġestiti b’mod legali u regolari. Bħala awditur estern indipendenti, il-Qorti tal-Awdituri tagħti kontribut ukoll sabiex tittejjeb it-tmexxija finanzjarja tal-Unjoni u, għaldaqstant, sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-Unjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet u sabiex ikun iggarantit l-effett utli tad-dispożizzjonijiet rilevanti, il-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’. Barra minn hekk, mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, f’każ ta’ verifiki fl-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom joffru s-sostenn sħiħ tagħhom lill-Qorti tal-Awdituri fit-twettiq tal-missjoni tagħha.

34.      L-Istati Membri b’hekk huma obbligati jaċċettaw kull verifika tal-Qorti tal-Awdituri intiża biex tevalwa l-ġbir u l-użu tal-fondi tal-Unjoni u li joffru lill-Qorti tal-Awdituri s-sostenn sħiħ tagħhom f’dan ir-rigward. Issa, huwa eżattament dan li l-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw lill-Qorti tal-Awdituri. Minkejja li r-Regolament Nru 1798/2003 ma jirregolax, bħala tali, il-ġbir tad-dħul tal-Unjoni, huwa għandu rabta ċara u diretta ma’ dan id-dħul. Huwa intiż sabiex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u jikkontribwixxi sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru korrettament it-taxxa fuq il-valur miżjud u sabiex l-Unjoni jkollha, fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, riżorsi proprji ta’ taxxa fuq il-valur miżjud li għandha jedd għalihom. Fil-fatt, id-dħul mit-taxxa fuq il-valur miżjud tal-Istati Membri jikkostitwixxi tabilħaqq il-bażi biex ikunu ddeterminati r-riżorsi tal-Unjoni li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud. Minn dan il-lat, il-fatt li jiġi vverifikat jekk l-Istati Membri stabbilewx sistema effikaċi ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud jifforma parti mill-kuntest tal-verifika tar-riżorsi proprji li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud. Wieħed lanqas ma jista’ jinjora li l-Istati Membri l-oħra għandhom ipaċu d-defiċits eventwali fuq il-livell tar-riżorsi proprji li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud b’kontribuzzjonijiet iktar sinjifikattivi fil-qasam tar-riżorsi proprji li joriġinaw mid-dħul gross nazzjonali (DGN).

35.      Il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament Ewropew jinsistu wkoll f’dan il-kuntest fuq id-differenza li hemm bejn il-verifiki mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri u verifiki eventwali mwettqa mill-Kummissjoni. L-għan tal-verifiki mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri ma huwiex li tiġi eżaminata l-applikazzjoni tar-regolament mill-Istati Membri sabiex dawn jiġu ssanzjonati f’każ li setgħu naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom, imma pjuttost li jiġi vverifikat jekk is-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva taħdimx sew fil-prattika u, jekk ikun neċessarju, li jiġi propost xi titjib. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Awdituri tenfasizza li l-interpretazzjoni restrittiva tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Awdituri appoġġjata mill-Gvern Ġermaniż jkollha bħala riżultat li fil-qasam tar-riżorsi proprji li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud hija tkun tista’ twettaq biss verifiki finanzjarji ferm limitati, li jimpedixxiha twettaq verifiki tal-prestazzjoni. Dawn tal-aħħar madankollu huma neċessarji sabiex il-Qorti tal-Awdituri tkun tista’ tosserva l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-istess diċitura tal-Artikolu 248 KE.

36.      Barra minn hekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-analiżi tagħha hija sostnuta mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 1798/2003, mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/597 u mill-Artikolu 140(1) tar-Regolament Nru 1605/2002. Fil-fehma tagħha, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Istati Membri stess taw lill-kompetenzi tal-Qorti tal-Awdituri, abbażi tal-Artikolu 248 KE, interpretazzjoni wiesgħa li tinkludi verifiki li jirrigwardaw il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003.

37.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż jirrakkomanda interpretazzjoni iktar restrittiva tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Awdituri. Skont il-Gvern Ġermaniż, il-missjoni tal-Qorti tal-Awdituri hija manifestament limitata għall-verifika tal-operazzjonijiet li għandhom rabta diretta mad-dħul u mal-infiq tal-Unjoni.

38.      Skont il-Gvern Ġermaniż, ir-Regolament Nru 1798/2003 ma jirrigwardax id-dħul tal-Unjoni. Id-dħul tal-Istati Membri li joriġina mit-taxxa fuq il-valur miżjud, li huwa protett mir-Regolament Nru 1798/2003, ma jikkostitwixxix dħul tal-Unjoni, imma huwa integrat biss bħala valur fiss fil-kalkolu tar-riżorsi proprji tal-Unjoni li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud. Id-dispożizzjonijiet rilevanti għal dan il-kalkolu ma jinvolvu l-ebda metodu ta’ korrezzjoni li jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mit-taxxa fuq il-valur miżjud li l-Istati Membri setgħu jiġbru żejjed, pereżempju, minħabba funzjonament aħjar tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri.

39.      F’dan il-kuntest, il-Gvern Ġermaniż jagħmel ukoll paragun mar-riżorsi proprji li joriġinaw mid-DGN. Dan il-gvern jenfasizza b’mod partikolari f’dan ir-rigward li l-kalkolu tar-riżorsi proprji li joriġinaw mid-DGN huwa bbażat, fl-aħħar mill-aħħar, fuq id-DGN tal-Istati Membri differenti. Jekk il-mod li bih tiġi kkostitwita l-bażi tar-riżorsi proprji kien suġġett għall-verifika tal-Qorti tal-Awdituri, din ikollha s-setgħa tivverifika, fil-kuntest ta’ verifika tar-riżorsi proprji li joriġinaw mid-DGN, il-politika ekonomika kollha tal-Istat Membru kkonċernat, peress li dik il-politika ġustament taffettwa d-DGN ta’ kull Stat Membru.

40.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu lill-Gvern Ġermaniż għall-konklużjoni li s-segħat ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri jistgħu jirrigwardaw biss id-determinazzjoni u l-kalkolu tad-dħul nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud effettivament imdaħħal kif ukoll il-kalkoli li l-Istati Membri jwettqu abbażi ta’ dan id-dħul sabiex jiddeterminaw il-bażi għar-riżorsi proprji li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-proċeduri amministrattivi, il-proċeduri ta’ ġbir u l-proċeduri ta’ determinazzjoni differenti, jiġifieri l-hekk imsejħa proċedura fiskali fl-Istati Membri, min-naħa l-oħra ma humiex suġġetti għall-verifika tagħha għaliex din il-proċedura ma tagħmilx assolutament parti mill-għan tad-determinazzjoni u mill-kalkolu tar-riżorsi proprji li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud. F’dan ir-rigward, skont il-Gvern Ġermaniż, mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/597 lanqas ma tista’ tiġi dedotta kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri biex tivverifika l-implementazzjoni fl-Istati Membri tar-Regolament Nru 1798/2003.

41.      Il-partijiet lanqas ma jaqblu dwar jekk verifika mill-Qorti tal-Awdituri tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud tippreġudikax il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

42.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li dan huwa l-każ. Huwa josserva li, bħala prinċipju, huma l-qrati tal-awdituri nazzjonali li jivverifikaw il-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Sakemm hija tikkunsidra li verifika tal-aspetti transkonfinali tista’ ssir biss mill-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni tkun qed tinjora li, abbażi tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1798/2003, huma diġà previsti eżami u evalwazzjoni tar-Regolament mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur Komunitarju diġà ħa miżuri sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-qasam ta’ kompetenza limitat tal-qrati tal-awdituri nazzjonali. F’dan ir-rigward, verifika mill-Qorti tal-Awdituri ma hijiex neċessarja.

43.      F’dan il-kuntest, il-Gvern Ġermaniż jenfasizza wkoll li l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali, il-verifika tal-persuni taxxabbli, u l-irkupru tat-taxxa huma oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati. Skont dan il-gvern, dan it-tqassim tal-kompetenzi tad-dritt amministrattiv bejn l-Unjoni u l-Istati Membri ma jistax jiġi sseparat mill-kwistjoni ta’ liema korp ta’ verifika huwa awtorizzat jivverifika l-attivitajiet amministrattivi korrispondenti. Id-delimitazzjoni tal-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri konsegwentement għandha tikkorrispondi għad-delimitazzjoni tal-kompetenzi amministrattivi. Fin-nuqqas ta’ bażi espliċita fit-Trattat, għaldaqstant ma jkunux jistgħu jiġu eżaminati atti amministrattivi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

44.      Skont il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri l-argument ibbażat fuq is-sussidjarjetà ma huwiex konvinċenti. In-natura transkonfinali tal-kooperazzjoni amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1798/2003 tixhed pjuttost favur kompetenza ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll in-natura awtonoma tal-verifiki mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kompetenza ta’ verifika tal-Kummissjoni jew tal-qrati tal-awdituri nazzjonali ma teskludix ex officio dik tal-Qorti tal-Awdituri.

45.      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, barra minn hekk, l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1798/2003 twassal ukoll għal infiq għall-Komunità, billi l-istabbiliment u l-funzjonament tas-sistemi ta’ informazzjoni previsti f’dan ir-regolamenti huma (ko)finanzjati mill-baġit Komunitarju. Għaldaqstant, il-verifika tal-implementazzjoni u tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1798/2003 tagħmel ukoll parti mill-verifika tal-legalità u tar-regolarità tal-infiq tal-Unjoni.

46.      Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra dan il-motiv bħala inammissibbli għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, minħabba li ma tressaqx fir-rikors, dan l-argument għandu jiġi miċħud, abbażi tal-ewwel subparagafu tal-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala tardiv u għaldaqstant inammissibbli. Min-naħa l-oħra, din il-verifika tal-infiq ma kinitx is-suġġett tat-talba għal verifika tal-Qorti tal-Awdituri.

VII – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

47.      L-evalwazzjoni tal-legalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tar-rifjut tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tippermetti lill-Qorti tal-Awdituri twettaq verifika tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud tiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, mit-tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk il-Qorti tal-Awdituri kellhiex jew le l-kompetenza biex twettaq l-imsemmija verifika. Jekk il-Qorti tal-Awdituri ma kellhiex is-setgħa twettaq tali verifika, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jkollha d-dritt tirrifjuta, mingħajr ġustifikazzjoni oħra, li tikkoopera magħha f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, jekk il-Qorti tal-Awdituri, kif isostnu l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri stess, kellha s-setgħa twettaq din il-verifika, ir-rifjut tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jista’ jiġi analizzat bħala nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ kooperazzjoni li għandu dan l-Istat abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

48.      Skont l-Artikolu 7(1) KE, il-Qorti tal-Awdituri tagħmel parti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u taġixxi fil-limiti tas-setgħat lilha mogħtija b’dan it-trattat. Fid-dritt primarju, dawn is-setgħat ġew stipulati fl-Artikolu 248 KE, fejn l-Artikolu 248(1) KE jipprovdi li l-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u tal-infiq kollu tal-Unjoni kif ukoll il-kontijiet ta’ kull dħul u nefqa tal-entitajiet kollha stabbiliti mill-Unjoni sa fejn l-att kostituttiv rilevanti ma jipprekludix dan l-eżami.

49.      Il-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri bħala prinċipju b’hekk jirrigwardaw id-dħul u l-infiq tal-Unjoni (10). F’dan il-kuntest, il-kwistjoni li tqum l-ewwel nett f’dan il-każ hija dik dwar jekk verifika tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud tikkonċernax jew le d-dħul jew l-infiq tal-Unjoni. Meta jittieħed partikolarment inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinvolvi, sa issa, biss ftit dikjarazzjonjiet dwar il-portata tas-setgħat ta’ verifika mogħtija lill-Qorti tal-Awdituri, nikkunsidra li, għall-finijiet ta’ tweġiba għal din il-mistoqsija, qabelxejn għandha tiġi deskritta fil-qosor l-istruttura bażika tas-sistema tar-riżorsi tal-Unjoni taħt id-Deċiżjoni 2000/597 li kienet applikabbli ratione temporis. Fuq din il-bażi, sussegwentement biħsiebni nindirizza l-kwistjoni dwar jekk u f’liema kundizzjonijiet hemm lok li l-verifika li ġiet irrifjutata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkunsidrata bħala verifika tad-dħul jew tal-infiq tal-Unjoni, li fir-rigward tagħha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet obbligata tagħti s-sostenn tagħha sabiex din titwettaq.

B –    Is-sistema tar-riżorsi proprji taħt id-Deċiżjoni 2000/597

50.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 269 KE, bla ħsara għal kull dħul ieħor, il-baġit tal-Unjoni għandu jkun iffinanzjat kompletament minn riżorsi proprji. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummisjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, għandu jistabbilixxi għal dan il-għan id-dispożizzjonijiet relatati mas-sistema ta’ kif l-Unjoni tipprovdi r-riżorsi proprji tagħha.

51.      Fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni f’dan il-każ, is-sistema tar-riżorsi proprji ġiet iddefinita fid-Deċiżjoni 2000/597. L-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni jagħmel distinzjoni bejn id-dħul li joriġina mid-dazji u mill-kontribuzzjonijiet fil-qasam agrikolu [Artikolu 2(1)(a)], id-dħul li joriġina mid-dazji doganali miġbura fuq l-importazzjoni [Artikolu 2(1)(b)], ir-riżorsi proprji mill-VAT [Artikolu 2(1)(ċ)] u r-riżorsi proprji mid-DGN (11) [Artikolu 2(1)(d)].

52.      Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2000/597, id-dazji u l-kontribuzzjonijiet agrikoli kif ukoll id-dazji doganali dovuti lill-Unjoni, li jikkostitwixxu wkoll l-hekk imsejħa “riżorsi [proprji] tradizzjonali” jinġabru mill-Istati Membri skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji. Skont l-Artikolu 2(3) tal-imsemmija deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom iżommu, bħala spejjeż ta’ ġbir, kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ 25 % tal-ammont tar- riżorsi proprji tradizzjonali miġbura.

53.      Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2000/597, ir-riżorsi proprji mill-VAT tal-Unjoni huma ddeterminati abbażi ta’ kalkoli kkumplikati. Għal dan il-għan, il-bażi taxxabbli armonizzata għar-riżorsi proprji mill-VAT l-ewwel tiġi ddeterminata għal kull Stat Membru abbażi tad-dħul effettiv mill-VAT. Ir-regoli ddettaljati sabiex tkun iddeterminata din il-bażi taxxabbli jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89, tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (12). Il-bażi taxxabbli kkalkolata b’dan il-mod tal-Istat Membru kkonċernat hija sussegwentement limitata għal 50 % tad-DGN tiegħu iddefinit skont l-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni 2000/597 (limitazzjoni tal-bażi taxxabbli tal-VAT) (13). Sussegwentement, għall-bażi taxxabbli stabbilita b’dan il-mod tiġi applikata rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha (14). Minn dawn il-kalkoli jirriżultaw ir-riżorsi proprji mill-VAT dovuti minn kull Stat Membru, riżorsi li l-Istati Membri huma obbligati jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2000/597.

54.      Ir-riżorsi proprji mid-DGN li joriġinaw, skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2000/597, mill-applikazzjoni ta’ rata – li għandha tkun stabbilita fil-kuntest tal-proċedura tal-baġit fid-dawl tat-total tad-dħul l-ieħor kollu – għas-somma tad-DGN tal-Istati Membri kollha. Dawn ir-riżorsi proprji jservu sabiex jibbilanċjaw il-baġit tal-Unjoni Ewropea u jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan il-kuntest bħala xorta ta’ ġebla tax-xewka (15), li s-sistema ta’ riżorsi proprji teħtieġ għaliex self mill-Unjoni bħala prinċipju ma huwiex aċċettat (16). Dan ifisser li t-telf strutturali tad-dħul fit-tliet kategoriji l-oħra ta’ riżorsi proprji bħala prinċipju għandu jitpaċa bi dħul ikbar ta’ riżorsi proprji mid-DGN. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2000/597, l-Istati Membri huma obbligati jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni r-riżorsi proprji mid-DGN.

55.      Differenza sinjifikattiva bejn ir-riżorsi proprji tradizzjonali, minn naħa, u r-riżorsi proprji li joriginaw mill-VAT u mid-DGN, min-naħa l-oħra, tinsab fil-fatt li r-riżorsi proprji tradizzjonali li l-Istati Membri huma obbligati jittrasferixxu lill-Kummissjoni għandhom, bħala prinċipju, jikkorrispondu għad-dazji agrikoli u għad-dazji doganali miġbura mill-Istati Membri – bit-tnaqqis tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa bħala spejjeż ta’ ġbir – minkejja li ma hemmx tali rabta diretta bejn ir-riżorsi proprji mill-VAT u d-dħul mill-VAT nazzjonali jew bejn ir-riżorsi proprji mid-DGN u d-DGN nazzjonali.

56.      F’dan il-kuntest, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2000/597 jipprevedi dispożizzjoni espliċita dwar il-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali. Skont dik id-dispożizzjoni, l-imsemmija riżorsi proprji jinġabru mill-Istati Membri skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li għandhom, jekk ikun il-każ, ikunu adottati biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-regoli tal-Unjoni. Ir-regoli prinċipali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali huma inklużi fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom [proprji] tal-Komunitajiet (17), li l-Artikolu 17 tiegħu jirregola ċerti aspetti tal-obbligu tal-ġbir u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn ir-riżorsi proprji mill-Istati Membri (18). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri mhux biss biex iwettqu spezzjonijiet addizzjonali dwar l-istabbiliment u tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali, imma għandha wkoll id-dritt li tipparteċipa attivament f’dawn il-verifiki.

57.      La d-Deċiżjoni 2000/597 u lanqas ir-Regolament Nru 1150/2000 ma jinkludu dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-ġbir tal-VAT nazzjonali mill-Istati Membri. Minkejja l-armonizzazzjoni f’dan il-qasam, il-VAT għandha tiġi kkunsidrata bħala taxxa nazzjonali li bħala prinċipju tinġabar skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali (19). L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1553/89 madankollu jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni li tikkonċerna l-proċeduri li huma japplikaw għar-reġistrazzjoni tal-persuni taxxabbli u biex jiddeterminaw u jiġbru l-VAT kif ukoll dwar il-modalitajiet u r-riżultati tas-sistemi tagħhom ta’ verifika fil-qasam ta’ din it-taxxa. Skont l-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha teżamina flimkien mal-Istat Membru kkonċernat jekk jistax ikun hemm titjib f’dawn il-proċeduri bil-għan li tkun imtejba l-effikaċja tagħhom.

58.      L-importanza tal-erba’ kategoriji ta’ riżorsi proprji fil-kuntest tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni nbidlet ferm minn nofs is-snin 90. Filwaqt li fl-1996, fil-kompożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, il-perċentwali ta’ “riżorsi [proprji] tradizzjonali” kienet ta’ 19.1 %, dik tar-riżorsi propji mill-VAT kienet ta’ 51.3 % u dik tar-riżorsi proprji mid-DGN kienet ta’ 29.6 %, fl-2005 is-sehem tar-“riżorsi [proprji] tradizzjonali” niżel għal 11.4 % u dak tad-dħul mill-VAT għal 14.1 %, filwaqt li l-perċentwali tar-riżorsi proprji mid-DGN għaddiet għal 74.5 % (20). Konsegwentement, ir-riżorsi proprji mid-DGN li ġew introdotti biss fl-1988, saru, minflok ir-riżorsi proprji mill-VAT, is-sors prinċipali ta’ finanzjament tal-baġit tal-Unjoni.

59.      Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, ir-riżorsi proprji mid-DGN issa jikkostitwixxu mhux biss is-sors prinċipali ta’ dħul tal-Unjoni Ewropea imma jservu wkoll sabiex jibbilanċjaw il-baġit tal-Unjoni. Sa fejn telf eventwali ta’ dħul fil-kategoriji l-oħra tar-riżorsi proprji ma jiġix newtralizzat billi jiġi aġġustat l-infiq fil-baġit tal-Unjoni, dan konsegwentement irid jitpaċa b’ammonti ikbar ta’ riżorsi proprji mid-DGN.

60.      Fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali mill-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu espressament inkunsiderazzjoni din ir-rabta bejn il-kategoriji differenti ta’ riżorsi proprji. Abbażi tal-konstatazzjoni li dħul nieqes minn riżorsa proprja jkollu jitpaċa jew minn riżorsi proprja oħra jew b’aġġustament fl-infiq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jistabbilixxu, jekk ikun il-każ, id-drittijiet tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali, inkella jkollu jiġi ammess li l-ekwilibriju finanzjarju tal-Unjoni jista’ jiġi sfrattat bl-aġir ta’ Stat Membru (21).

61.      Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li s-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni tinkludi diversi kategoriji ta’ riżorsi proprji, jiġifieri r-riżorsi proprji tradizzjonali, ir-riżorsi proprji mill-VAT u r-riżorsi proprji mid-DGN. F’dan il-kuntest, ir-riżorsi proprji mill-VAT li l-Istati Membri differenti għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni huma ddeterminati abbażi tad-dħul mill-VAT nazzjonali, li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ kalkoli kkumplikati, bħala valur statistiku biex ikunu stabbiliti l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-Istati Membri differenti bħala riżorsi proprji mill-VAT (22).

C –    Il-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri

62.      Sabiex ikun evalwat jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bir-rifjut tagħha li tippermetti lill-Qorti tal-Awdituri tivverifika, fil-Ġermanja, il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, kisritx id-dritt tal-Unjoni, fl-aħħar mill-aħħar għandu jiġi mistħarreġ jekk il-Qorti tal-Awdituri kellhiex is-setgħa twettaq din il-verifika u jekk, waqt il-preparazzjoni u t-twettiq tal-imsemmija verifika, hija baqgħetx fil-limiti tas-setgħat ta’ verifika tagħha. Fil-fatt, l-Istati Membri huma obbligati jikkooperaw mal-Qorti tal-Awdituri biss sakemm din taġixxi fil-limiti tas-setgħat ta’ verifika kkonferiti lilha (23).

63.      Għaldaqstant, iktar ’il quddiem, biħsiebni nanalizza qabelxejn l-għan, il-portata u l-limiti tal-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri. Barra minn hekk, biħsiebni nindirizza l-kriterji ta’ verifika li l-Qorti tal-Awdituri għandha sabiex twettaq il-missjoni tagħha. Din l-analiżi għandha twassal biex sussegwentement jiġi evalwat jekk u b’liema mod il-Qorti tal-Awdituri għandha tabilħaqq is-setgħa li tissuġġetta għal verifika l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003.

1.      L-għan, il-portata u l-limiti tal-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri

a)      Is-setgħa li jiġi vverifikat jekk l-atti tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri tal-Unjoni għandhomx rabta diretta suffiċjenti mad-dħul jew mal-infiq tal-Unjoni

64.      Skont l-Artikolu 248(1) KE, il-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u tal-infiq kollu tal-Unjoni kif ukoll il-kontijiet ta’ kull dħul u ta’ kull nefqa tal-entitajiet kollha stabbiliti mill-Unjoni sa fejn l-att kostituttiv rilevanti ma jipprekludix dan l-eżami. Skont l-Artikolu 248(2) KE, hija għandha teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u n-nefqa kollha tkunx intefqet b’manjiera legali u regolari u jekk it-tmexxija finanzjarja kinitx tajba, filwaqt li tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għal każijiet ta’ irregolarità (24). L-Artikolu 140(1) tar-Regolament Nru 1605/2002 – li kien adottat abbażi tal-Artikolu 279 KE – jipprevedi fi kliem simili li l-eżami mill-Qorti tal-Awdituri dwar jekk id-dħul kollu kienx riċevut u dwar jekk in-nefqa kollha kinitx minfuqa f’manjiera legali u xierqa għandu jsir fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, tal-baġit, tar-Regolament Nru 1605/2002, tar-regoli ta’ implementazzjoni u tal-atti l-oħra kollha adottati skont it-Trattati (25).

65.      Abbażi ta’ dawn ir-regoli dwar il-kompetenza, il-Qorti tal-Awdituri, bħala regola ġenerali, għandha s-setgħa teżamina l-atti kollha tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri tal-Unjoni li jkollhom rabta diretta suffiċjenti mad-dħul jew mal-infiq tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Awdituri tista’ tevalwa l-legalità tal-atti eżaminati tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri tal-Unjoni fid-dawl tar-regoli u tan-normi kollha tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jkollhom effett fuq il-finanzi tal-Unjoni (26). Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tat-tieni u tat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 248(2) KE, li jipprovdu li l-verifika tad-dħul tista’ ssir ukoll abbażi tal-ammonti stabbiliti bħala dovuti u l-verifika tal-infiq wkoll abbażi tal-obbligi assunti, jirriżulta li biex il-Qorti tal-Awdituri twettaq il-verifiki tagħha ma għandhiex għalfejn tistenna li l-operazzjonijiet ikkonċernati ta’ dħul jew ta’ nfiq ikunu magħluqa, imma anzi tista’ tagħżel dik l-hemm imsejħa “verifika parallela” (27).

66.      L-eżistenza ta’ rabta diretta suffiċjenti bejn l-għan tal-verifika u d-dħul jew l-infiq tal-Unjoni għaldaqstant tikkostitwixxi l-kundizzjoni prinċipali biex ikun hemm kompetenza ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri.

b)      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bħala restrizzjoni għall-kompetenza fil-kuntest tal-verifika tal-atti tal-Istati Membri mill-Qorti tal-Awdituri

67.      Fil-każ ta’ verifika tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħala regola ġenerali, huwa suffiċjenti li jkun hemm rabta diretta bejn il-finanzi tal-Unjoni u l-qasam ta’ verifika magħżul mill-Qorti tal-Awdituri biex tkun tista’ tiġi aċċettata, ipso facto, kompetenza ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri.

68.      Fil-każ tal-verifika tal-atti tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Istati Membri jistgħu jieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet li, minkejja li jikkonċernaw il-finanzi tal-Unjoni, madankollu jaqgħu għalkollox barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Billi skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 248(2) KE, il-Qorti tal-Awdituri għandha d-dritt tevalwa, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, mhux biss ir-regolarità u t-tmexxija finanzjarja tajba tal-qasam tal-verifika li tkun iddefinixxiet, imma wkoll il-legalità tiegħu (28), fl-opinjoni tiegħi, hija ma tistax tagħmel id-deċiżjonijiet nazzjonali, li l-Istati Membri jkunu adottaw fl-eżerċizzju tas-sovranità li huma żammew mingħajr kundizzjonijiet, is-suġġett prinċipali ta’ verifika (29).

69.      Fir-rigward tal-atti tal-Istati Membri, il-kompetenza ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri b’hekk teżiġi mhux biss li l-atti eżaminati tal-Istati Membri jkollhom rabta diretta suffiċjenti mal-finanzi tal-Unjoni, imma wkoll li, meta jitwettqu dawn l-atti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni jiġu osservati.

70.      Biex tinftiehem aħjar din ir-restrizzjoni supplimentari għall-kompetenza f’każ ta’ verifika tal-atti tal-Istati Membri, jidhirli li jkun utli jekk il-karatteristiċi essenzjali tal-verifiki tal-legalità mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri jiġu diskussi fil-qosor.

71.      Skont l-Artikolu 248(2) KE, il-Qorti tal-Awdituri tista’ tissuġġetta l-atti tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri tal-Unjoni li jirrigwardaw il-finanzi tal-Unjoni għal verifika tal-legalità. Għalkemm jista’ jkun hemm xi punti ta’ koinċidenza bejn din il-verifika u l-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja (30), l-implementazzjoni u l-effetti tal-verifiki tal-legalità mwettqa, rispettivament, mill-Qorti tal-Awdituri u mill-Qorti tal-Ġustizzja huma għalkollox differenti (31). Fir-rigward tal-implementazzjoni tal-verifika tal-legalità, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu azzjoni biss wara li tkun ġiet adita b’mod xieraq. Barra minn hekk, ġeneralment il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi abbażi tas-suġġett tal-kawża. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 248(4) KE, il-Qorti tal-Awdituri tista’ min-naħa tagħha taġixxi wkoll fuq inizjattiva tagħha stess billi tkun hija li tiddefinixxi – fil-limiti tal-kompetenzi tagħha – il-kamp tal-verifika. Fir-rigward tal-effetti, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jakkwistaw madankollu s-saħħa ta’ res judicata formali u materjali u huma vinkolanti. Il-komunikazzjonijiet, ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri min-naħa l-oħra huma nieqsa minn saħħa vinkolanti formali (32).

72.      Għaldaqstant, minkejja li l-Qorti tal-Awdituri ma għandhiex il-kompitu, fil-kuntest tal-verifika tal-legalità minnha kondotta, li tiġbed konklużjonijiet legali finali, madankollu jibqa’ l-fatt li d-dikjarazzjonijiet tagħha dwar il-legalità tal-operazzjonijiet vverifikati għandhom awtorità teknika kbira (33). F’dan il-kuntest, għandu wkoll jiġi osservat li l-verifiki tal-Qorti tal-Awdituri normalment jikkostitwixxu mhux biss verifika, imma fl-istess ħin forma ta’ konsultazzjoni mmirata, fejn l-identifikazzjoni u t-trattament ta’ difetti fil-funzjonament u ta’ nuqqasijiet fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni jkollhom l-għan li titbiddel il-prattika kkonstatata (34).

73.      B’mod partikolari, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-awtorità li għandha l-Qorti tal-Awdituri, il-komunikazzjonijiet, ir-rapporti u l-opinjonijiet tagħha dwar il-legalità tal-atti vverifikati tal-Istati Membri, minkejja li ma għandhomx saħħa vinkolanti formali, jista’ jkollhom influwenza kbira fuq l-azzjoni li jieħdu dawn l-Istati Membri fl-oqsma vverifikati. L-eventwalità ta’ tali influwenza determinanti tal-Qorti tal-Awdituri tfisser, fil-fehma tiegħi, li ma għandhiex tkun hija li tagħmel l-atti tal-Istati Membri li jaqgħu għalkollox barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni s-suġġett prinċipali tal-verifiki tagħha, anki f’każ li l-atti inkwistjoni jkollhom rabta diretta mad-dħul jew mal-infiq tal-Unjoni.

74.      Fil-fatt, li kieku jkun possibbli li l-atti tal-Istati Membri li jsiru f’qasam fejn ma hemmx regoli tad-dritt tal-Unjoni x’jiġu osservati jkunu jistgħu jsiru s-suġġett prinċipali ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri, ikun hemm ir-riskju li, permezz ta’ verifika tal-legalità, il-Qorti tal-Awdituri tkun tista’ timponi lill-Istati Membri evalwazzjonijiet fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni f’oqsma fejn dan id-dritt ma għandux jiġi applikat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, verifika tal-legalità tal-azzjoni tal-Istati Membri f’oqsma fejn huma ma għandhomx josservaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tmur lil hinn mil-limiti tal-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri (35).

75.      Fir-rigward tal-infiq tal-Unjoni, jidhirli li l-eżistenza ta’ rabta diretta suffiċjenti bejn l-atti tal-Istati Membri li għandhom jiġu vverifikati u l-infiq tal-Unjoni timplika, b’mod ġenerali, li dawn l-atti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

76.      Fir-rigward tad-dħul tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, jeżistu għadd ta’ regoli, proċeduri, deċiżjonijiet u operazzjonijiet tal-Istati Membri li, filwaqt li jaqgħu għalkollox barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, madankollu jista’ jkollhom effett fuq id-dħul tal-Unjoni. Fid-dawl tal-argument żviluppat mill-Gvern Ġermaniż (36), jista’ jsir riferiment, f’dan il-kuntest, għar-rabta bejn il-politika ekonomika tal-Istati Membri differenti u r-riżorsi proprji mid-DGN li dawn l-Istati Membri għandhom jipprovdu.

77.      Billi d-deċiżjonijiet ta’ prinċipju tal-Istati Membri differenti dwar il-politika ekonomika, normalment dejjem ikollhom effett fuq id-DGN ta’ dawn l-Istati, huwa inkontestabbli li l-imsemmija deċiżjonijiet tal-Istati Membri fl-aħħar mill-aħħar jinfluwenzaw anki l-kalkolu tad-dħul mid-DGN tal-Unjoni (37). Tali deċiżjonijiet madankollu ma jistgħux ikunu suġġetti għal verifika tal-Qorti tal-Awdituri, u dan indipendentement mill-fatt li huma jkollhom jew le rabta diretta mad-dħul tal-Unjoni. Fil-fatt f’dan il-kuntest, huwa determinanti li dawn id-deċiżjonijiet jaqgħu għalkollox barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

c)      L-obbligu li jiġu osservati l-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

78.      Minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li l-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll l-atti – li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – tal-Istati Membri, li għandhom rabta diretta suffiċjenti mad-dħul jew mal-infiq tal-Unjoni jistgħu, bħala prinċipju, ikunu suġġetti għal verifika tal-Qorti tal-Awdituri. Meta l-Qorti tal-Awdituri tiddeċiedi li tivverifika tali atti, hija madankollu obbligata, waqt il-preparazzjoni, it-twettiq u l-għeluq ta’ din il-verifika, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll – fir-rigward tal-Istati Membri – il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

i)      Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

79.      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, biss, jekk u sakemm l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba l-iskala tad-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar mill-Unjoni.

80.      Skont il-punt 1 tal-Protokoll (Nru 30, anness mat-Trattat KE) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha, kull istituzzjoni għandha tiżgura ruħha li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà jiġi osservat(38). Konsegwentement, fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ verifika tagħha, il-Qorti tal-Awdituri wkoll hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

81.      L-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà għall-azzjoni tal-Qorti tal-Awdituri tirriżulta wkoll direttament mill-funzjoni ta’ dan il-prinċipju fis-sistema tal-kompetenzi tal-Unjoni. Billi l-prinċipju ta’ sussidjarjetà jikkostitwixxi limitu tad-dritt primarju għall-eżerċizzju tal-kompetenzi (39), fis-sistema ġenerali tat-Trattat KE, kwalunkwe trasferiment ta’ kompetenzi lil istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jsir neċessarjament bil-kundizzjoni li dawn il-kompetenzi jistgħu jiġu eżerċitati biss b’osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà (40).

82.      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà mill-Qorti tal-Awdituri jista’ jiġi aċċettat biss f’każijiet eċċezzjonali. Sa fejn il-Qorti tal-Awdituri teżamina, fil-kuntest ta’ verifiki dwar l-infiq tal-Unjoni, atti tal-Istati Membri, il-kuntest tad-dritt tal-Unjoni li jifforma parti minnu l-finanzjament ġeneralment jimplika wkoll li verifika ta’ dawn l-atti ssir fuq il-livell tal-Unjoni u, għaldaqstant, mill-Qorti tal-Awdituri. Bl-istess mod, peress li fil-qasam tad-dħul tal-Unjoni, għandha tiġi vverifikata l-azzjoni ta’ diversi Stati Membri, jidhirli li huwa loġiku li l-Qorti tal-Awdituri, ġeneralment, tkun l-iktar korp adattat biex twettaq tali verifika transkonfinali.

83.      Fil-każ li l-Qorti tal-Awdituri tillimita verifika tad-dħul tal-Unjoni għal Stat Membru wieħed biss, min-naħa l-oħra, wieħed faċilment jista’ jimmaġina ċ-ċirkustanzi li fihom l-għanijiet tal-verifika jistgħu jintlaħqu totalment mill-istituzzjonijiet ta’ verifika nazzjonali b’tali mod li verifika diretta mill-Qorti tal-Awdituri tmur kontra l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. F’każ bħal dan, il-Qorti tal-Awdituri qabelxejn għandha tirreferi l-kwistjoni lill-istituzzjoni nazzjonali kompetenti fejn titlobha twettaq il-verifika prevista u tikkomunikalha r-riżultati tal-verifika kif ukoll l-informazzjoni kollha rilevanti. Jekk l-istituzzjoni ta’ verifika nazzjonali topponi tali verifika jew jekk il-Qorti tal-Awdituri ma tapprovax ir-riżultati tal-verifika nazzjonali, il-Qorti tal-Awdituri sussegwentement tkun tista’ twettaq hija stess verifika mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-rifjut tal-istituzzjoni ta’ verifika nazzjonali li twettaq din il-verifika, jew riżultati insuffiċjenti – f’għajnejn il-Qorti tal-Awdituri – tal-verifika nazzjonali jikkonferma b’mod ċar li l-għanijiet tal-verifika inkwistjoni fir-rigward tad-dħul tal-Unjoni tabilħaqq ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti fuq il-livell tal-Istati Membri.

84.      Waqt is-seduta, mistoqsi dwar il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-Parlament Ewropew sostna li dan il-prinċipju essenzjalment huwa ċċentrat fuq l-azzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni u għaldaqsant jiġi applikat biss fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ atti vinkolanti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Issa, peress li l-Qorti tal-Awdituri ma għandhiex setgħat deċiżjonali imma teżerċita sempliċement is-setgħat ta’ verifika li ġew ikkonferiti lilha, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma huwiex normalment applikabbli fir-rigward tal-Qorti tal-Awdituri.

85.      Dan ir-raġunament ma huwiex konvinċenti. Minkejja li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jirrigwardaw qabelxejn attivitajiet leġiżlattivi, dan il-prinċipju normalment jirreferi għall-Unjoni u għaldaqstant, għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, u dan irrispettivament mill-funzjoni li jeżerċitaw l-istituzzjonijiet ikkonċernati. L-unika restrizzjoni li t-Trattat KE jintroduċi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tirreferi għan-natura tal-kompetenzi eżerċitati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma humiex obbligati josservaw il-prinċipju ta’ sussidjarjetà biss meta jintervjenu f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni (41).

86.      Billi, permezz tal-verifika inkwistjoni, il-Qorti tal-Awdituri ma intervjenietx f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni, hija b’hekk kienet obbligata tosserva l-prinċipju ta’ sussidjarjetà waqt it-twettiq ta’ din il-verifika (42).

ii)    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

87.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 KE, l-azzjoni meħuda mill-Unjoni ma għandhiex teċċedi dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan it-Trattat. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità hawn imsemmi li, skont ġurisprudenza stabbilita, jiġi kkunsidrat ukoll bħala li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, l-atti tal-istituzzjonijiet ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa idoneu u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (43).

88.      Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-azzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, għandu jsir riferiment għall-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Fil-fatt, fis-sistema ta’ kompetenzi tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa analizzat ukoll bħala limitu għall-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-applikabbiltà tiegħu għall-atti tal-Qorti tal-Awdituri tista’ inċidentalment tkun direttament dedotta mill-punt 1 tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.

89.      Waqt is-seduta, mistoqsijin dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri ddikjaraw li kienu kontra applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għall-azzjoni tal-Qorti tal-Awdituri. F’dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew sostna li l-imsemmi prinċipju japplika biss fir-rigward tal-atti leġiżlattivi. Il-Qorti tal-Awdituri min-naħa tagħha enfasizzat li ma teżistix regola de minimis għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ verifika tagħha.

90.      Dawn l-argumenti ma jikkonvinċunix. Minkejja li l-kwistjonijiet kruċjali ta’ interferenza sproporzjonata fl-isfera ta’ kompetenza tal-Istati Membri, fil-prattika, għandhom jinqalgħu prinċipalment fir-rigward ta’ atti legali vinkolanti tal-Unjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jkopri kull azzjoni tal-Unjoni (44). Il-Qorti tal-Awdituri għaldaqstant hija wkoll obbligata tosserva dan il-prinċipju fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

91.      B’hekk, kif diġà ġie spjegat drabi oħra, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħala prinċipju, dan għandu jkun imsejjes fuq eżami fuq tliet livelli (45), sabiex jiġu stabbiliti, fl-ewwel lok, l-adegwatezza, fit-tieni lok, in-neċessità u, fit-tielet lok, in-natura mhux sproporzjonata tal-atti inkwistjoni.

92.      Fl-aħħar nett, għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-azzjoni tal-Qorti tal-Awdituri għandha tkun evalwata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ikun hemm lok li jiġi kkonstatat ksur ta’ dan il-prinċipju b’mod partikolari fil-każ ta’ inadegwatezza, nuqqas ta’ neċessità jew sproporzjonalità ta’ din l-azzjoni fid-dawl tal-għanijiet imsemmija.

2.      Il-kriterji ta’ verifika għall-verifika tal-kontijiet mill-Qorti tal-Awdituri

93.      Il-kriterji ta’ evalwazzjoni li l-Qorti tal-Awdituri tista’ tuża fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ verifika tagħha huma elenkati fl-Artikolu 248(2) KE. Skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina (1) jekk id-dħul kollu jkunx daħal u n-nefqa kollha tkunx intefqet b’manjiera legali u (2) regolari u (3) jekk it-tmexxija finanzjarja kinitx tajba, filwaqt li (4) tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għal każijiet ta’ irregolarità.

94.      Fil-prattika, il-Qorti tal-Awdituri ġeneralment ma tagħmilx distinzjoni formali bejn il-verifika tal-legalità u dik tar-regolarità tad-dħul u tal-infiq tal-Unjoni (46). Jekk tabilħaqq għandha ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti, verifika tar-regolarità, ġeneralment tista’ tinftiehem bħala l-verifika ta’ kemm l-elementi baġitarji huma eżatti mil-lat kontabbli, filwaqt li l-verifika tal-legalità tikkonsisti fil-verifika tal-konformità tas-suġġett tal-verifika mad-dritt rilevanti tal-Unjoni (47).

95.      Il-verifika ta’ tmexxija finanzjarja tajba essenzjalment tirrigwarda r-relazzjoni bejn l-għan tal-azzjoni vverifikata u l-mezzi użati. Għal dan il-għan, jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk intużawx l-aħjar mezzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti (48). Minkejja li skont kunċett tradizzjonali, verifika ta’ tmexxija finanzjarja tajba bħala prinċipju ssir b’relazzjoni għall-infiq tal-Unjoni (49), jidhirli li verifika tat-tmexxija finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 248(2) KE tista’ ssir ukoll fir-rigward tad-dħul tal-Unjoni. Dan huwa dak li jirriżulta b’mod partikolari mill-istruttura tal-Artikolu 248 KE, fejn l-Artikolu 248(1) KE jiddefinixxi l-missjoni ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri u l-Artikolu 248(2) KE jistabbilixxi l-kriterji ta’ eżami li għandhom jiġu applikati f’dan il-kuntest (50). Billi, l-missjoni ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri tikkonċerna, abbażi tal-Artikolu 248(1) KE, kemm l-infiq kif ukoll id-dħul tal-Unjoni, ma hemm l-ebda raġuni loġika sabiex il-verifiki abbażi tal-kriterju ta’ tmexxija finanzjarja tajba pprovdut fl-Artikolu 248(2) KE jiġu limitati għall-infiq tal-Unjoni.

96.      Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-finanzi tal-Unjoni, il-Qorti tal-Awdituri għandha wkoll tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għal kull irregolarità. B’“irregolarità”, f’dan il-kuntest, għandhom jinftiehmu n-nuqqasijiet ta’ legalità, ta’ regolarità u ta’ tmexxija tajba li jaffettwaw id-dħul jew l-infiq tal-Unjoni (51).

3.      Konklużjoni provviżorja

97.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li bħala prinċipju l-Qorti tal-Awdituri għandha s-setgħa teżamina l-atti kollha tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri tal-Unjoni li jkollhom rabta diretta suffiċjenti mad-dħul jew mal-infiq tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-azzjoni ta’ Stat Membru madankollu tista’ ssir is-suġġett prinċipali ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri biss jekk hija taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-Istati Membri jkunu obbligati jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-adozzjoni jew tad-determinazzjoni tar-regoli, tal-proċeduri, tal-operazzjonijiet jew tad-deċiżjonijiet eżaminati.

98.      Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ verifika tagħha, il-Qorti tal-Awdituri għandha tirrispetta kemm il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-kuntest tal-verifiki tagħha, il-Qorti tal-Awdituri tista’ teżamina kemm il-legalità u r-regolarità tal-atti vverifikati kif ukoll l-effiċjenza ta’ dawn l-atti u għandha tiġbed l-attenzjoni, f’dan il-kuntest, għal kull irregolarità.

D –    Il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri biex tivverifika l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003

99.      Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li aċċettazzjoni tal-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri biex tkun ivverifikata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud tippreżumi li dan is-suġġett tal-verifika jkollu rabta diretta suffiċjenti mal-finanzi tal-Unjoni u jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

100. Huwa faċli li tingħata tweġiba fl-affermattiv għall-mistoqsija dwar jekk il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud li hija eżaminata mill-Qorti tal-Awdituri taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-verifika inkwistjoni għandha l-għan li tivverifika din il-kooperazzjoni “abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003”. Minn dan jirriżulta direttament li l-kooperazzjoni amministrattiva eżaminata taqa’, bħala prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Unjoni.

101. L-eżistenza ta’ rabta diretta suffiċjenti bejn il-qasam tal-verifika u d-dħul jew l-infiq tal-Unjoni għaldaqstant hija determinanti sabiex titwieġeb il-mistoqsija jekk il-Qorti tal-Awdituri għandhiex is-setgħa twettaq il-verifika inkwistjoni. L-ewwel nett, ser neżamina jekk teżistix tali rabta. Billi jiena tal-fehma li għandha tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ rabta diretta suffiċjenti mal-finanzi tal-Unjoni, sussegwentement biħsiebni niddiskuti jekk il-Qorti tal-Awdituri osservatx il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipju ta’ proporzjonalità waqt il-verifika tagħha. B’dan il-mod, se tiġi indirizzata wkoll il-kritika li saret mill-Gvern Ġermaniż fir-rigward ta’ ċerti osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri inklużi fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 8/2007.

1.      Il-verifika tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003 għandha rabta diretta suffiċjenti mad-dħul tal-Unjoni

102. Fil-kuntest tal-eżami dwar jekk il-verifika inkwistjoni tal-Qorti tal-Awdituri għandhiex rabta diretta suffiċjenti mal-finanzi tal-Unjoni, qabelxejn, hemm lok li jiġi miċħud bħala inammissibbli l-argument tal-Kummissjoni li din il-verifika tikkonċerna l-infiq tal-Unjoni.

103. Ċertament, il-partijiet jaqblu li l-ħolqien u l-funzjonament ta’ ċerti sistemi ta’ informazzjoni li ġew introdotti sabiex fl-Istati Membri tiġi implementata u titwettaq il-kooperazzjoni prevista fir-Regolament Nru 1798/2003 kienu (ko)finanzjati mill-baġit tal-Unjoni, b’tali mod li dan l-infiq, bħala prinċipju, jista’ jkun suġġett għal verifika tal-Qorti tal-Awdituri. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż ġustament jenfasizza li l-Kummissjoni qajmet dan il-motiv mhux fir-rikors, imma biss fir-replika. Għal din ir-raġuni biss diġà hemm lok li dan l-argument tal-Kummissjoni jiġi miċħud bħala inammissibbli abbażi tal-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

104. F’dan l-każ, għaldaqstant, għad irid jiġi vverifikat jekk il-verifika prevista mill-Qorti tal-Awdituri u miċħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandhiex rabta diretta suffiċjenti mad-dħul tal-Unjoni.

105. Fil-fehma tiegħi, fl-aħħar mill-aħħar din il-mistoqsija għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

106. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li s-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, kif prevista fir-Regolament Nru 1798/2003, essenzjalment hija intiża sabiex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali li jestendu lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri, sa fejn l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri huwa indispensabbli għal applikazzjoni tajba tar-regoli fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (52). B’mod partikolari, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Awdituri riedet tkun taf jekk l-Istati Membri li pparteċipaw fil-verifika kinux stabbilew l-istrutturi amministrattivi u organizzattivi sabiex jiżguraw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi prevista mir-Regolament Nru 1798/2003. Il-Qorti tal-Awdituri riedet ukoll teżamina u tevalwa, permezz ta’ kampjun ta’ diversi talbiet konkreti għal informazzjoni, l-iżvolġiment prattiku tal-“[i]skambju ta’ informazzjoni fuq talba” previst fl-Artikoli 5 et seq tal-imsemmi regolament, bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li pparteċipaw fil-verifika (53).

107. Konsegwentement, il-verifika tal-Qorti tal-Awdituri tirrigwarda l-implementazzjoni ġuridika u prattika tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mat-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Billi din il-kooperazzjoni għandha bħala għan aħħari l-istabbiliment korrett tal-VAT li hija dovuta lill-Istati Membri fuq il-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi kif ukoll fuq l-akkwisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti u fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti, il-verifika tikkonċerna, kif osservat ġustament ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, qabelxejn, l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri kkonċernati. Fil-fatt, tnaqqis fil-frodi u fl-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f’iktar dħul mill-VAT għall-Istati Membri.

108. Madankollu, mid-deskrizzjoni li ngħatat iktar ’il fuq tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni jirriżulta wkoll li l-livell ta’ dħul mill-VAT tal-Istati Membri jaffettwa b’diversi modi l-imsemmija sistema. Billi l-bażi taxxabbli tar-riżorsi proprji mill-VAT rilevanti għal kull Stat Membru tiġi kkalkolata abbażi tad-dħul effettiv mill-VAT ta’ kull Stat Membru, żieda fid-dħul nazzjonali mill-VAT bħala prinċipju jwassal awtomatikament għal żieda fid-dħul proprju mill-VAT li huwa dovut minn dan l-Istat Membru lill-Unjoni (54). B’infiq kostanti, tali żieda fid-dħul proprju mill-VAT twassal ukoll għal tnaqqis fir-riżorsi proprji mid-DGN li huma neċessarji sabiex ikun żgurat il-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni Ewropea (55).

109. F’dan il-kuntest, naturalment wieħed għandu dejjem iżomm quddiem għajnejh li dħul ikbar mill-VAT ta’ Stat Membru jkollu effett fuq l-ammont ta’ riżorsi proprji mill-VAT dovuti minn dak l-Istat Membru biss jekk il-bażi taxxabbli tar-riżorsi proprji mill-VAT ma tiġix limitata (56). Din l-eċċezzjoni madankollu ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, problemi ta’ natura strutturali jew prattika li jaffettwaw il-funzjonament ta’ uffiċċju ċentrali ta’ kollegament jinfluwenzaw l-istabbiliment korrett tal-VAT mhux biss fl-Istat ta’ dak l-uffiċċju imma wkoll fl-Istati Membri l-oħra kollha li jibagħtu t-talbiet għal informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

110. Ir-rabta mill-qrib bejn id-dħul mill-VAT tal-Istati Membri u r-riżorsi proprji mill-VAT tal-Unjoni ġiet enfasizzata diversi drabi fis-Sitt Direttiva tal-VAT (57). B’hekk it-tieni premessa tal-imsemmija direttiva diġà tipprovdi li l-baġit tal-Unjoni għandu, irrispettivament minn dħul ieħor, ikun iffinanzjat kompletament mir-riżorsi proprji tal-Unjoni, li jinkludu, inter alia, dawk li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-ħdax u l-erbatx-il premessi jirreferu, f’dan ir-rigward, għan-neċessità li r-regoli sostantivi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud jiġu armonizzati sabiex ikun żgurat li r-riżorsi proprji mill-VAT ikunu jistgħu jinġabru b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha.

111. Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rabta mill-qrib li teżisti bejn l-irkupru tat-taxxa fuq il-valur miżjud mill-Istati Membri u l-ħlas min-naħa tagħhom tar-riżorsi proprji mill-VAT lill-Unjoni wkoll ġiet ikkonfermata b’mod konsistenti.

112. Nikkunsidra bħala partikolarment istruttivi f’dan ir-rigward tliet sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000 (58), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li n-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-VAT nazzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet li, f’konformità mas-Sitt Direttiva tal-VAT, huma bħala prinċipju suġġetti għall-VAT, jikkostitwixxi ksur mill-Istat Membru kompetenti biex jirkupra l-VAT mhux biss tal-imsemmija direttiva imma wkoll, sal-istess punt, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġbir tar-riżorsi proprji mill-VAT. Insostenn tar-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari enfasizzat li, sa fejn operazzjoni li taqa’ taħt il-VAT ma tkunx ġiet suġġetta għal din it-taxxa, l-ammonti korrispondenti ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-bażi tar-riżorsi proprji mill-VAT. Dan huwa suffiċjenti sabiex jiġi aċċettat li kien hemm ksur tal-leġiżlazzjoni dwar is-sistemi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni (59).

113. Fil-ġurisprudenza iktar reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ħatfet l-okkażjoni offruta mill-eżami ta’ skema ta’ amnestija Taljana fil-qasam tal-VAT biex għal darba oħra tenfasizza r-rabta li hemm bejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-determinazzjoni tar-riżorsi proprji mill-VAT u l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw irwieħhom mill-ġbir korrett tal-VAT. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja qabelxejn ippreċiżat li l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu li l-persuni taxxabbli josservaw l-obbligi li jirriżultaw mis-sistema komuni tal-VAT. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom ċerta flessibbiltà fir-rigward ta’ kif għandhom jużaw il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, madankollu fl-istess ħin hija enfasizzat li din il-marġni ta’ diskrezzjoni hija limitata mill-obbligu li jiġi żgurat ġbir effettiv tar-riżorsi proprji tal-Unjoni u mill-obbligu li ma jinħolqux differenzi sinjifikattivi fil-mod ta’ kif jiġu ttrattati l-persuni taxxabbli (60). Meta għamlet din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar mill-aħħar ikkonfermat espressament li obbligi ppreċiżati fil-kuntest tal-ġbir tal-VAT mill-Istati Membri jistgħu jirriżultaw ukoll minn obbligi li jirrigwardaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji mill-VAT minn dawn l-Istati.

114. Fi ftit kliem, għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003 isservi għad-determinazzjoni regolari tat-taxxa fuq il-valur miżjud fl-Istati Membri, billi huwa ppreċiżat li għandu jkun hemm tnaqqis fl-evażjoni u fil-frodi fiskali fil-qasam tal-VAT u, għaldaqstant, żieda fid-dħul mill-VAT nazzjonali. B’mod partikolari meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, f’ġurisprudenza stabbilita, ir-relazzjoni diretta li teżisti bejn id-dħul mill-VAT tal-Istati Membri u r-riżorsi proprji mill-VAT tal-Unjoni, ma jistax jiġi raġonevolment ikkontestat li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003 għandha rabta diretta suffiċjenti mad-dħul tal-Unjoni. Billi din il-kooperazzjoni taqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju din tista’ tkun suġġetta għal verifika tal-Qorti tal-Awdituri.

115. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li għandu jiġi kkunsidrat li l-verifika inkwistjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003 hija verifika fil-qasam tad-dħul tal-Unjoni, li bħala prinċipju taqa’ taħt il-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri abbażi tal-Artikolu 248(1) u (2) KE kif ukoll tal-Artikolu 140(1) tar-Regolament Nru 1605/2002.

2.      Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

116. Billi ġie kkonstatat li l-Qorti tal-Awdituri kellha s-setgħa twettaq il-verifika inkwistjoni, issa jonqos li jiġi vverifikat jekk din is-setgħa ta’ verifika ġietx eżerċitata tassew f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, qabelxejn ser neżamina jekk il-verifika inkwistjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Sussegwentement, ser nindirizza l-proporzjonalità ta’ din il-verifika.

a)      Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

117. Billi meta twettaq il-verifika inkwistjoni, il-Qorti tal-Awdituri ma tintervjenix f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni, hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ sussidjarjetà waqt l-implementazzjoni tal-imsemmija verifika (61). Madankollu, il-proċess ma jinkludi l-ebda prova li tippermetti li jiġi konkluż li l-Qorti tal-Awdituri ma osservatx dan il-prinċipju waqt il-verifika inkwistjoni.

118. Fil-kuntest tal-preparazzjoni għall-verifika, il-Qorti tal-Awdituri informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (62) li hija kellha l-intenzjoni tivverifika jekk l-Istati Membri parteċipanti fil-verifika kinux stabbilew l-istrutturi amministrattivi u organizzattivi sabiex jiżguraw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi prevista mir-Regolament Nru 1798/2003. Il-Qorti tal-Awdituri xtaqet ukoll teżamina u tevalwa, abbażi ta’ kampjun ta’ diversi talbiet konkreti għal skambju ta’ informazzjoni, l-iżvolġiment prattiku tal-“[i]skambju ta’ informazzjoni fuq talba” li huwa rregolat fl-Artikoli 5 et seq tal-imsemmi regolament, bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti fil-verifika.

119. Iffaċċjata bir-riżervi tal-Gvern Ġermaniż, il-Qorti tal-Awdituri, b’ittra tad-9 ta’ Novembru 2006 mibgħuta lill-Ministru Federali tal-Finanzi (63), indikat li kien previst li jiġi eżaminat kampjun ta’ talbiet għal informazzjoni li saru mill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament u/jew li ġew riċevuti mingħand Stati Membri oħra fl-2005 sabiex tkun evalwata fil-prattika l-kooperazzjoni amministrattiva f’każ ta’ talbiet għal informazzjoni. L-operazzjonijiet taxxabbli (u l-applikazzjoni tajba tat-taxxa fuq il-valur miżjud) stess, sa fejn dawn setgħu jirriżultaw mid-dokumenti li kellhom jiġu eżaminati, ma kinux suġġetti għall-verifika. Pjuttost, kellhom jiġu vverifikati l-effikaċja u l-effettività tal-kooperazzjoni amministrattiva. Ir-riżultati tal-verifika kellhom jippermettu li jinġibdu konklużjonijiet bil-għan ta’ ġlieda iktar effikaċi kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

120. B’mod partikolari, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti transkonfinali tal-qasam tal-verifika, tal-proċedura ta’ verifika kif ukoll tal-għanijiet tal-verifika, jidher ċar li l-verifika inkwistjoni la setgħetx raġonevolment tiġi ppreparata u titwettaq mill-Qorti tal-Awdituri nazzjonali u lanqas minn qrati nazzjonali ta’ verifika oħrajn.

121. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1798/2003 sabiex dan ir-regolament jiġi eżaminat u evalwat mill-Kummissjoni f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri lanqas ma tirrappreżenta, f’dan il-kuntest, alternattiva għalkollox valida għal verifika mill-Qorti tal-Awdituri tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi kkonċernati. Fil-fatt, il-proċedura prevista fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1798/2003 ma tantx tippermetti li jitwettqu b’mod ċentralizzat u sistematiku verifika u evalwazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali differenti, billi l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti huwa, inter alia, ivverifikat u evalwat permezz ta’ diversi kampjuni.

122. Fid-dawl tal-kunsiderazjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jipprekludix it-twettiq tal-verifika inkwistjoni f’dan il-każ mill-Qorti tal-Awdituri.

b)      Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

123. Permezz tal-verifika inkwistjoni f’dan il-każ, il-Qorti tal-Awdituri riedet tanalizza ċerti aspetti kemm strutturali kif ukoll prattiċi tal-kooperazzjoni amministrattiva fis-sens tar-Regolament Nru 1798/2003 sabiex minn hekk tkun tista’ tiġbed xi konklużjonijiet bil-għan ta’ ġlieda iktar effikaċi kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Din il-verifika kellha l-għan li tevalwa jekk l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri kinux imwettqa fi żmien xieraq u b’mod effikaċi, u jekk kinux ġew stabbiliti strutturi u proċeduri amministrattivi xierqa sabiex jingħata sostenn lill-kooperazzjoni amministrattiva (64).

124. Mid-deskrizzjoni tal-għanijiet tal-verifika kif ukoll mill-informazzjoni inkluża fil-proċess jirriżulta li l-Qorti tal-Awdituri kellha l-intenzjoni li tivverifika l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi essenzjalment abbażi tal-kriterji tal-“manjiera legali” kif ukoll tat-“tmexxija finanzjarja […] tajba” stabbiliti fl-Artikolu 248(2) KE (65).

125. F’dan ir-rigward, il-programm taż-żjara mibgħut lill-Qorti tal-Awdituri Federali fis-7 ta’ Settembru 2006, li fih il-Qorti tal-Awdituri elenkat l-oqsma tematiċi li kellhom jiġu indirizzati fil-kuntest taż-żjara ta’ verifika prevista fl-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament, huwa ħjiel partikolarment ċar (66). B’mod partikolari, minn dan il-programm jirriżulta li, minn naħa, fil-kuntest ta’ verifika tal-legalità, il-Qorti tal-Awdituri xtaqet tivverifika jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1798/2003, kinitx stabbiliet uffiċċju ċentrali ta’ kollegament u jekk l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ verifika tat-tmexxija finanzjarja tajba, il-Qorti tal-Awdituri xtaqet teżamina jekk il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi setgħetx tiġi organizzata b’mod iktar effikaċi.

126. Fil-kuntest tal-verifika tal-kooperazzjoni amministrattiva hekk organizzata, il-Qorti tal-Awdituri hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-prinċipju jeżiġi b’mod partikolari li l-proċeduri ta’ verifika differenti jkunu idonei, neċessarji u adegwati biex jintlaħqu l-għanijiet tal-verifika (67).

127. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura hija idonea sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan invokat jekk hija verament tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (68). Miżura hija neċessarja meta minn fost diversi miżuri idonei biex jinkiseb l-għan intiż, din tirriżulta li tkun l-inqas waħda oneruża għall-interess jew għall-beni ġuridiku kkonċernat (69). Restrizzjoni tkun sproporzjonata fid-dawl tal-interessi jew tal-beni kkonċernati meta l-miżura, minkejja l-kontribuzzjoni li hija tagħti sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi leġittimi tagħha, twassal għal intereferenza eċċessiva fil-konfront ta’ dawn l-interessi jew ta’ dawn il-beni.

128. Fir-rigward tan-natura idonea tal-verifika inkwistjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, jidher ċar, fil-fehma tiegħi, li l-proċeduri ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri għandhom l-għan li jissuġġettaw l-aspetti kemm strutturali kif ukoll prattiċi tal-kooperazzjoni amministrattiva għal verifika koerenti u sistematika. Konsegwentement, il-verifika hija idonea sabiex jintlaħaq l-għan tagħha, li jikkonsisti fl-analiżi tal-legalità u tal-effiċjenza tal-iskambji ta’ informazzjoni bejn Stati Membri kif ukoll tal-istrutturi u tal-proċeduri amministrattivi stabbiliti għal dan il-għan.

129. Il-proċeduri ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri, fil-fehma tiegħi, huma wkoll neċessarji sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. B’mod partikolari, ma huwiex ċar kif verifika inqas dettaljata tal-amministrazzjonijiet tal-finanzi nazzjonali kif ukoll tal-metodi operattivi differenti setgħet tagħti l-informazzjoni mixtieqa.

130. Fil-kuntest tal-verifika tal-adegwatezza tal-verifika inkwistjoni, għandu jiġi partikolarment eżaminat jekk il-proċeduri ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri wasslux għal interferenza eċċessiva fl-isfera ta’ kompetenza tal-Istati Membri kkonċernati.

131. Permezz tal-verifika inkwistjoni, il-Qorti tal-Awdituri xtaqet, minn naħa, tivverifika jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1798/2003, kinitx stabbiliet uffiċċju ċentrali ta’ kollegament u jekk l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kinux jissodisfaw ir-rekwżiti ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, hija xtaqet teżamina jekk il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi setgħetx tiġi organizzata b’mod iktar effikaċi. Minkejja li din il-verifika tal-effiċenzja tal-proċeduri amministrattivi konkreti timplika analiżi kritika tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jaqgħu taħt l-awtonomija amministrattiva nazzjonali, il-proċess ma jinkludi l-ebda prova li tista’ tirrendi l-proċeduri ta’ verifika differenti mhux adegwati fil-kuntest globali tal-verifika inkwistjoni.

132. Dawn il-kundsiderazzjonijiet relatati mal-proporzjonalità tal-azzjoni tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-verifika kkonċernata jistgħu jiġu spjegati permezz ta’ analiżi tal-kritika li l-Gvern Ġermaniż għamel fir-rigward tal-konstatazzjonijiet differenti tal-Qorti tal-Awdituri inklużi fir-Rapport Speċjali Nru 8/2007 tagħha.

133. Skont il-Gvern Ġermaniż, ir-Rapport Speċjali Nru 8/2007 jinkludi evalwazzjonijiet tal-metodu organizzattiv kif ukoll tal-kompetenzi ġuridiċi tal-amministrazzjonijiet tal-finanzi fl-Istati Membri differenti li jikkostitwixxu ndħil inammissibbli u, għaldaqstant, sproporzjonat, fil-kompetenzi tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż jikkritika b’mod partikolari l-fatt li, fil-punti 38 et seq tar-Rapport Speċjali tagħha, il-Qorti tal-Awdituri indirizzat l-istruttura organizzattiva tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament fl-Istati Membri eżaminati u kkonstatat, inter alia, li l-kompiti tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament Ġermaniż kienu tqassmu bejn tliet unitajiet tal-Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxa, wieħed ibbażat f’Bonn, u t-tnejn l-oħra f’Saarlouis (70). Il-Gvern Ġermaniż jilmenta wkoll li, fil-punti 22 et seq tar-Rapport Speċjali, il-Qorti tal-Awdituri tikkonstata li l-Istati Membri ma sfruttawx suffiċjentement il-possibbiltajiet offruti, b’mod fakultattiv, mir-Regolament Nru 1798/2003 fir-rigward tad-deċentralizzazzjoni.

134. Il-kritika tal-Gvern Ġermaniż dwar il-proporzjonalità tal-azzjoni tal-Qorti tal-Awdituri ma hijiex konvinċenti.

135. Għalkemm il-Gvern Ġermaniż jenfasizza ġustament li, meta analizzat il-metodu organizzattiv kif ukoll il-kompetenzi ġuridiċi tal-amministrazzjonijiet tal-finanzi nazzjonali, il-Qorti tal-Awdituri vverifikat deċiżjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati li ma jistgħux iqajmu oġġezzjonijiet fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Awdituri kienet eżerċitat b’mod sproporzjonat il-kompetenzi ta’ verifika li huma kkonferiti lilha.

136. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li d-dikjarazzjonijiet dwar id-deċentralizzazzjoni insuffiċjenti huma initiżi sabiex jispjegaw għaliex il-possibbiltajiet għal skambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1798/2003, ma humiex sfruttati b’mod partikolarment intensiv (71). L-analiżi tal-istruttura organizzattiva tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament Ġermaniż, min-naħa l-oħra, tagħmel parti mill-kuntest tal-eżami tal-konstatazzjoni li nofs it-talbiet għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1798/2003 ġew imwieġba tard (72). Il-Qorti tal-Awdituri tinnota f’dan ir-rigward li, f’ċerti Stati Membri b’numru kbir ħafna ta’ tweġibiet tardivi, id-dewmien u l-problemi fil-verifika huma wkoll ikkawżati mill-istruttura organizzattiva kkumplikata (73). L-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Ġermanja jissemmew bħala eżempju ta’ Stati Membri li għandhom struttura organizzattiva kkumplikata (74).

137. Mill-punti li għadhom kemm ġew spjegati jirriżulta b’mod ċar li l-analiżi, li hija kkritikata mill-Gvern Ġermaniż, tal-metodu organizzattiv kif ukoll tal-kompetenzi ġuridiċi tal-amministrazzjonijiet tal-finanzi nazzjonali tilħaq b’mod koerenti u sistematiku l-għan tal-verifika li jikkonsisti f’li jiġu evalwati l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-istrutturi u l-proċeduri amministrattivi stabbiliti għal dan il-għan, mil-lat tal-effikaċja tagħhom. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-għan tal-verifika, dawn l-analiżijiet tal-Qorti tal-Awdituri huma wkoll neċessarji sabiex jiġu interpretati u spjegati l-insuffiċjenzi oġġettivament ikkonstatati fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi.

138. B’mod partikolari billi l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri kkontestati mill-Gvern Ġermaniż jagħmlu parti minn verifika tal-prestazzjoni, li fiha l-Qorti tal-Awdituri tenfasizza diversi drabi l-konformità tad-deċiżjonijiet ikkritikati mad-dritt tal-Unjoni (75) u b’hekk tiċċara li minn dawn l-analiżijiet ma jista’ jinsilet l-ebda lment, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, kontra l-Istati Membri kkonċernati, l-imsemmija konstatazzjonijiet lanqas ma jikkostitwixxu interferenza sporporzjonata tal-Qorti tal-Awdituri fl-isfera ta’ kompetenza tal-Istati Membri (76).

139. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa inkontestabbli, fil-fehma tiegħi, li l-analiżi tat-tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi servizzi amministrattivi nazzjonali kif ukoll tal-istruttura organizzattiva tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament, li l-Qorti tal-Awdituri għamlet permezz ta’ verifika tal-prestazzjoni, hija wkoll proporzjonata.

140. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nikkonkludi li l-Qorti tal-Awdituri osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità kemm fuq il-livell tal-kunċett ġenerali kif ukoll fuq dak tal-organizzazzjoni konkreta, tat-twettiq kif ukoll tar-riżultat tal-verifika tagħha tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003.

E –    Fuq in-nuqqas tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li twettaq l-obbligi ta’ kooperazzjoni li hija għandha fil-konfront tal-Qorti tal-Awdituri

141. Meta, bħal f’dan il-każ, il-Qorti tal-Awdituri tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi kkonferiti lilha u b’osservanza tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, li twettaq verifika tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligu li jikkooperaw b’mod leali mal-Qorti tal-Awdituri.

142. L-obbligi ta’ kooperazzjoni korrispondenti tal-Istati Membri jirriżultaw, qabelxejn, mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 248(3) KE (77). Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 248(3) KE, il-verifika għandha tkun ibbażata fuq dak li jkun irreġistrat u, jekk ikun meħtieġ, imwettqa fuq il-post fl-Istati Membri, bi ftehim mal-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika jew, jekk dawn ma jkollhomx is-setgħat meħtieġa, mad-dipartimenti kompetenti nazzjonali. Il-Qorti tal-Awdituri u l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw fi spirtu ta’ fiduċja waqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 248(3) KE, l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika jew, jekk dawn ma jkollhomx is-setgħat meħtieġa, id-dipartimenti nazzjonali kompetenti, għandhom jgħaddu lill-Qorti tal-Awdituri, fuq talba tagħha stess, kull dokument jew informazzjoni meħtieġa biex twettaq ix-xogħol tagħha.

143. Minbarra l-obbligi ta’ kooperazzjoni espressament ipprovduti fl-Artikolu 248(3) KE, l-Istati Membri huma wkoll suġġetti għall-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni leali mal-Qorti tal-Awdituri abbażi tad-dispożizzjonijiet maqgħuda tal-Artikoli 10 KE, u 248(1) u (2) KE.

144. Ir-Regolament Nru 1605/2002, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 279 KE, jinkludi wkoll, f’dan il-kuntest, regoli dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Qorti tal-Awdituri. B’hekk, l-Artikolu 140(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-verifika fl-Istati Membri għandha titwettaq flimkien mal-istituzzjonjiet nazzjonali ta’ verifika jew, jekk dawn ma jkollhomx is-setgħat meħtieġa, mad-dipartiment nazzjonali responsabbli u l-Qorti tal-Awdituri u l-istituzzjonijiet nazzjonali ta’ verifika tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw fl-ispirtu tal-fiduċja waqt li jżommu l-indipendenza tagħhom.

145. Meta jititeħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, ir-rifjut tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament Ġermaniż, tal-Ministeru Federali tal-Finanzi kif ukoll tal-Qorti tal-Awdituri Federali li jippermettu lill-Qorti tal-Awdituri twettaq il-verifika inkwistjoni u li jgħinuha sabiex tagħmel dan huwa analizzat, kif sostniet il-Kummissjoni fir-rikors tagħha, bħala ksur min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-Artikolu 10 KE, moqri flimkien mal-Artikoli 248(1) u (2) KE u 248(3) KE u mal-Artikolu 140(2) tar-Regolament Nru 1605/2002.

146. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni madankollu tilmenta wkoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, li jipprovdi li l-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet l-oħra, il-korpi li jamministraw id-dħul jew l-infiq f’isem il-Komunitajiet u l-benefiċjarji finali tal-pagamenti mill-baġit għandhom jagħtu lill-Qorti tal-Awdituri l-faċilitajiet kollha u jagħtuha l-informazzjoni kollha li l-Qorti tal-Awdituri tqis li tkun meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħha.

147. Mill-fatti jirriżulta li dan il-motiv jista’ jinftiehem biss fis-sens li korpi li jamministraw id-dħul f’isem l-Unjoni rrifjutaw kooperazzjoni leali lill-Qorti tal-Awdituri. Madankollu, il-Kummissjoni ma spjegatx liema korpi Ġermaniżi, fil-kuntest tat-talba għal verifika tal-Qorti tal-Awdituri, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li “jamministraw id-dħul f’isem l-Unjoni”. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni li, minkejja l-armonizzazzjoni f’dan il-qasam, it-taxxa fuq il-valur miżjud hija meqjusa bħala taxxa nazzjonali li, bħala prinċipju, tinġabar skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali (78), la l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament u lanqas il-Ministeru Federali tal-Finanzi ma jistgħu, f’dan il-kuntest, jiġu kkunsidrati, qabelxejn bħala korpi li jamministraw id-dħul f’isem l-Unjoni.

148. Billi fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi kollha neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tevalwa l-kawża (79), u peress li l-Kummissjoni ma wettqitx dan l-obbligu fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat skont l-Artikolu 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

VIII – Sinteżi

149. Fi ftit kliem, nikkonkludi li l-Qorti tal-Awdituri għandha s-setgħa, abbażi tal-Artikolu 248(1) u (2) KE, kif ukoll tal-Artikolu 140(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, tivverifika l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003. Meta eżerċitat din il-kompetenza ta’ verifika, il-Qorti tal-Awdituri osservat kemm il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif ukoll dak ta’ proporzjonalità. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaldaqstant kienet obbligata, abbażi tal-Artikolu 248(3) KE u tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikolu 248(1) u (2) KE, kif ukoll abbażi tal-Artikolu 140(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, tippermetti lill-Qorti tal-Awdituri twettaq din il-verifika u li tagħtiha sostenn leali, f’konformità ma’ dak li jipprevedu dawn id-dispożizzjonijiet.

150. F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li r-rifjut tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament, tal-Ministru Federali tal-Finanzi u tal-Qorti tal-Awdituri Federali li jippermettu lill-Qorti tal-Awdituri twettaq il-verifika tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jagħtuha s-sostenn tagħhom biex tagħmel dan, jiġi kkunsidrat bħala nuqqas min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikolu 248(1) u (2) KE, taħt l-Artikolu 248(3) KE u taħt l-Artikolu 140(2) tar-Regolament Nru 1605/2002.

IX – Fuq l-ispejjeż

151. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet essenzjalment fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

X –    Konklużjoni

152. Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)         Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikolu 248(1) u (2) KE, taħt l-Artikolu 248(3) KE u taħt l-Artikolu 140(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, billi rrifjutat li tippermetti lill-Qorti tal-Awdituri twettaq verifiki, fil-Ġermanja, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 u li tagħtiha s-sostenn tagħha sabiex tagħmel dan.

2)         Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)         Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)         Il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara, b’mod partikolari, ir-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri lill-Grupp ta’ Riflessjoni dwar il-Funzjonament tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tal-1995 (Revue trimestrielle de droit européen,1995, p. 689, punt 2.6).


3 – F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfażizzat, b’mod ġenerali, li t-Trattat ta’ Lisbona ma kellux l-għan li jirriforma s-sistema tar-rimedji fid-dritt tal-Unjoni Ewropew u li s-sistema preeżistenti essenzjalment inżammet ftit jew wisq kif kienet. Dwar dan il-punt, ara A. Thiele, “Das Rechtsschutzsystem nach dem Vertrag von Lissabon – (K)ein Schritt nach vorn?”, EuR 2010, p. 30 sa 51. Il-Qorti tal-Awdituri setgħet ingħatat possibbiltà ta’ rikors awtonomu kontra l-Istati Membri mingħajr ma tiġi sfrattata l-istruttura l-ġdida tat-TFUE. B’hekk, pereżempju, fl-Artikolu 271 TFUE, billi tiġi inserita ittra (e) ġdida, seta’ jiġi pprovdut li l-Qorti tal-Awdituri għandha d-dritt tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE kontra Stat Membru minħabba ksur tal-prerogattivi ta’ aċċess u ta’ verifika tagħha skont l-Artikolu 287 TFUE. Ara, f’dan ir-rigward C. Friedrich/J. Inghelram, “Die Klagemöglichkeiten des Europäischen Rechnungshofs vor dem Europäischen Gerichtshof”, DÖV 1999, p. 669, b’mod partikolari p. 676.


4 – Abbażi tal-kliem użat fit-TUE u fit-TFUE, se tintuża l-espressjoni “dritt tal-Unjoni” sabiex ikun indikat kemm id-dritt Komunitarju kif ukoll id-dritt tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet differenti tad-dritt primarju ċċitati huma dawk li kienu applikabbli ratione temporis.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2000/597”).


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74.


7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 392.


8 – ĠU 2008, C 20, p. 1.


9 – Rapport Speċjali Nru 8/2007, punt 14.


10 – Ara, f’dan ir-rigward, M. Ekelmans, “Cour des comptes”, Rép. communautaire Dalloz (Awwissu 2008), punt 47.


11 – Minkejja li l-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2000/597 ma jsemmix id-DGN imma l-PGN tal-Istati Membri, l-Artikolu 2(7) tal-imsemmija deċiżjoni jippreċiża li, għall-applikazzjoni tagħha “GNP [PGN]” għandha tfisser il-“GNI [DGN]” għas-sena fi prezzijiet tas-suq kif iddeterminat mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tas-SEK 95, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96, tal-25 ta’ Ġunju 1996, dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 2, p. 3).. Fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni, dan l-aġġustament terminoloġiku huwa ġġustifikat mill-fatt li huwa xieraq li jintużaw il-kunċetti statistiċi l-iktar reċenti għall-iskopijiet tar-riżorsi proprji.


12 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 197. Essenzjalment, skont ir-Regolament Nru 1553/89, dan il-kalkolu jsir kif ġej: qabelxejn, id-dħul mill-VAT tal-Istati Membri jiġi aġġustat skont id-derogi leġittimi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali b’relazzjoni għad-dispożizzjonijiet uniformi [Artikolu 2(3) u Artikolu 5)]. Id-dħul nett mill-VAT huwa sussegwentement diviż bir-rata tal-VAT nazzjonali. Jekk fi Stat Membru jiġu applikati diversi rati tal-VAT, għandha tiġi stabbilita rata medja ppeżata tal-VAT abbażi ta’ dawn ir-rati (Artikoli  3, 4 u 5). Il-bażi taxxabbli miksuba mill-proporzjon tad-dħul nett bir-rata medja ppeżata sussegwentement hija aġġustata skont l-operazzjonijiet li saru fil-kuntest tad-derogi leġittimi mis-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, Artikoli 2 u 6). Ara B. Meermagen, Beitrags- und Eigenmittelsystem, München 2002, p. 154.


13 – Dan il-limitu superjuri għandu l-għan li jtejjeb l-ekwità tal-aġġustament finanzjarju bejn l-Istati Membri; ara J. Hidien,  “Der Rechtscharakter der Mehrwertsteuer-Einnahmen der EU”, EuR 1997, p. 95, b’mod partikolari p. 103.


14 – Il-metodu biex tiġi kkalkolata din ir-rata huwa deskritt fl-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2000/597.


15 – Ara, f’dan ir-rigward, G. Wilms,  “Die Reform des EU-Haushaltes im Lichte der Finanziellen Vorschau 2007-2013 und des Vertrages von Lissabon – neue Perspektiven für die Europäische Union?”, EuR 2007, p. 707, b’mod partikolari p. 710.


16 – Dan il-prinċipju huwa espress fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 268 KE, li jipprovdi li d-dħul u l-ħruġ murija fl-estimi finanzjarji għandhom ikunu jaqblu.


17 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004, tas-16 ta’ Novembru 2004 (ĠU L 153M, p. 162).


18 – L-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi, inter alia, li l-Istati Membri huma eżenti mill-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dazji kkonstatati fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali li jkun jidher li l-irkupru tagħhom ikun impossibbli jew minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri jew minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom.


19 – Ara B. Meermagen,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 12), p. 161.


20 – Rapport tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tas-sistemi ta’ riżorsi proprji, COM(2004) 505 finali, p. 3


21 – C-392/02, Ġabra p. I-9811, punti 54 u 60. Ara wkoll is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-96/89, Ġabra p. I-2461, punt 37); tal-15 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-348/97, Ġabra p. I-4429, punt 64), tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-423/08, Ġabra p. I-5449, punt 39).


22 – Kif rikonoxxut korrettament fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tad-29 ta’ Marzu 2007, dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 27E, p. 214, premessa D).


23 – Ara l-punti 47 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Mil-lat tat-teknika leġiżlattiva, l-Artikolu 248 KE huwa strutturat b’tali mod li l-missjoni ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri hija ddefinita fl-Artikolu 248(1) KE. L-Artikolu 248(2) KE min-naħa l-oħra jelenka l-kriterji li abbażi tagħhom dawn il-verifiki għandhom isiru. L-Artikolu 248(3) KE jistipula r-regoli u n-normi konkreti fir-rigward tat-twettiq tal-imsemmija verifiki. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 248(4) KE jipprevedi r-regoli dwar il-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki mwettqa. Ara, f’dan ir-rigward, J. Inghelram, “L’arrêt Ismeri: quelles conséquences pour la Cour des Comptes européenne?”, Cahiers de droit européen 2001, p. 707, b’mod partikolari p. 709 et seq; kif ukoll M.B. Engwirda,  u A.F.W. Moonen, “De Europese Rekenkamer: positie, bevoegdheden en toekomstperspectief”, SEW 2000, p. 246, b’mod partikolari p. 249 et seq.


25 – Billi r-Regolament Nru 1605/2002 huwa msejjes fuq il-bażi tad-dritt primarju li jikkostitwixxi l-Artikolu 279 KE, il-kwistjoni tas-supremazija tad-dritt sekondarju fir-relazzjoni bejn l-Artikolu 248 KE u l-Artikolu 140(1) tar-Regolament Nru 1605/2002 ma tqumx f’dan il-każ. Fuq il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt sekondarju, ara l-punti 99 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-11 ta’ Frar 2010 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (sentenza tad-29 ta’ April 2010, C-160/08, Ġabra p. I-3713).


26 – Minkejja li fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament Ewropew (294/83, Ġabra p. 1339, punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat b’mod ġenerali li l-Qorti tal-Awdituri tista’ biss teżamina l-legalità tan-nefqa b’relazzjoni għall-baġit u għall-att tad-dritt sekondarju li minnu tirriżulta dik in-nefqa, dik id-dikjarazzjoni, imqegħda fil-kuntest ġenerali ta’ din is-sentenza, ma tistax tiġi interpretata bħala limitazzjoni tal-prinċipju tal-kompetenza ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri għal ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Mancini, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-25 ta’ Mejju 1988 fil-kawża Il-Greċja vs Il-Kunsill (sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, 204/86, Ġabra p. 5323, punt 5) ġustament enfasizza li l-Qorti tal-Awdituri għandha s-setgħa li tivverifika l-osservanza mhux biss tad-dispożizzjonijiet relatati mal-baġit inklużi fit-trattati jew fir-Regolament finanzjarju, imma ta’ kull dispożizzjoni tas-sistema legali Komunitarja sa fejn din ikollha effett fuq l-infiq. F’dan is-sens ukoll: J. Inghelram, ,“The European Court of Auditors: Current Legal Issues”, CMLR 2000, p. 129, b’mod partikolari p. 133 et seq; kif ukoll M. Ekelmans,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punti 41 u 49.


27 – Ara, f’dan ir-rigward, C. Ehlermann, ,Der Europäische Rechnungshof, Nomos, Baden-Baden 1976, p. 32 et seq; kif ukoll S. Mageira, ,f’Das Recht der Europäischen Union (Editur. Grabitz u Hilf), Artikolu 248 KE, punt 12 (il-40 suppliment, Ottubru 2009).


28 – Dwar il-kriterji li l-Qorti tal-Awdituri tista’ tuża fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ verifika tagħha, ara l-punti 93 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29 – Madankollu, dan ma jfissirx li, waqt il-formulazzjoni, l-organizzazzjoni u t-twettiq tal-verifiki tagħha, il-Qorti tal-Awdituri għandha tillimita ruħha esklużivament għal oqsma tematiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Anzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Awdituri, fil-kuntest tal-eżami ta’ qasam ta’ verifika prinċipali – li fir-rigward tiegħu jkun applikabbli d-dritt tal-Unjoni – tista’ teżamina wkoll l-effiċjenza tal-miżuri u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Istati Membri jkunu ħadu fl-eżerċizzju tas-sovranità regolatorja tagħhom, sa fejn tali eżami jkun adegwat, neċessarju u proporzjonat ħalli jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tal-verifika. Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 134 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30 – Pereżempju, ara l-eżami tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-finanzjament mill-Kummissjoni ta’ azzjonijiet fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (Rapport annwali dwar is-sena finanzjarja 1995, ĠU C 340, p. 1), li fi tmiemu l-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-finanzjament ta’ diversi proġetti mill-baġit tal-Unjoni kien nieqes minn bażi legali (punti 6.122 – 6.126). Wara r-rikors ippreżentat mir-Renju Unit kontra l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C-106/96, Ġabra p. I-2729) waslet għall-istess konklużjoni u annullat id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni inkwistjoni.


31 – F’dan ir-rigward, ara M. Ekelmans, ,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punt 49.


32 – Fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fit-3 ta’ Mejju 2001 fil-kawża Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri ( sentenza tal-10 ta’ Lulju 2001, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punti 50 et seq), l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarbo Colomer fakkar f’dan ir-rigward li r-rapporti annwali jew speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jinkludu l-opinjonijiet u l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tmexxija finanzjarja li hija tkun analizzat. Huwa enfasizza b’mod partikolari li, min-natura tagħhom stess, ir-rapporti ma jistgħux jipproduċu direttament drittijiet u obbligi fir-rigward tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi vverifikati. Huma ma jinkludu l-ebda deċiżjoni u kulma jagħmlu huwa li jesprimu opinjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ġustament wasal għall-konklużjoni li rapport tal-Qorti tal-Awdituri ma jikkostitwix att li jista’ jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li tali rapport lanqas ma jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’dan is-sens, ara J. Inghelram, ,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 24), p. 726 et seq.


33 – F’dan ir-rigward, id-duttrina tenfasizza li għall-ewwel li bdiet taħdem, il-Qorti tal-Awdituri ġiet deskritta minn Hans Kutscher, li dak iż-żmien kien il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala l-“kuxjenza finanzjarja” tal-Unjoni. Ara, inter alia, Inghelram, J., op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), p. 676.


34 – Dwar din ir-relazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ verifika u ta’ konsulenza tal-Qorti tal-Awdituri, ara M. Freytag, ,Der Europäische Rechnungshof, Nomos, Baden-Baden, 2005, p. 40 et seq.


35 – Ara, f’dan ir-rigward, anki l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 KE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha b’dan it-Trattat u tal-miri li ġew assenjati lilha fih. Din il-kompetenza tal-Unjoni, li tikkonċerna r-relazzjoni vertikali bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, evidentement tikkmanda anki l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dwar is-sovrapożizzjoni tal-kompetenza tal-Unjoni u tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tagħha, ara von Bogdandy u Bast, “Die vertikale Kompetenzordnung der Europäischen Union”, EuGRZ 2001, p. 441, b’mod partikolari p. 444 et seq.


36 – F’dan ir-rigward, ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37 – Dwar il-metodu ta’ kalkolu preċiż tar-riżorsi proprji mid-DGN, ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38 – Skont l-Artikolu 311 KE, dan il-protokoll huwa kkunsidrat bħala li jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni.


39 – F’dan ir-rigward ara, b’mod partikolari, M., Zuleeg, f’Kommentar zum Vertrag über die Europäische Union und zur Gründung der Europäischen Gemeinschaft (ed. Groeben u Schwarze), Vol. 1 (is-Sitt Edizzjoni, Baden-Baden 2003), Artikolu 5 KE, punt 26.


40 – Ara, f’dan ir-rigward, Bast u von Bogdandy, f’Das Recht der Europäischen Union (Editur Grabitz, Hilf u Nettesheim), Artikolu 5 TUE, punt 50 (it-42 suppliment, Settembru 2010), li ġustament jenfasizzaw f’dan il-kuntest li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika bħala kriterju ta’ verifika meta l-Unjoni “taġixxi”, li bħala prinċipju jirreferi għal kull azzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ entità tal-Unjoni li fir-rigward tagħha tapplika l-kundizzjoni ta’ kompetenza.


41 – Ara, f’dan ir-rigward, Bast u von Bogdandy, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 40), punt 53.


42 – Fil-kamp tat-Trattat KE, id-duttrina dominanti essenzjalment tikkunsidra bħala oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, il-politika kummerċjali komuni, l-iffissar tat-tariffa dognali komuni, il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, id-dritt intern tal-organizzazzjoni u d-dritt proċedurali kif ukoll il-politika monetarja [ara G. Lienbacher, ,f’EU-Kommentar (Editur Schwarze), it-Tieni Edizzjoni, Baden-Baden 2009, Artikolu 5 KE, punt 17, flimkien ma’ riferiment oħra]. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni issa ġew elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3 TFUE.


43 – Sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et (C-133/93, C-300/93 u C-362/93, Ġabra p. I-4863, punt 41); tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 81); tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C-310/04, Ġabra p. I-7285, punt 97); tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker (C-33/08, Ġabra p. I-5035, punt 31); tal-20 ta’ Mejju 2010, Agrana Zucker (C-365/08, Ġabra p. I-4341, punt 29) u tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C-343/09, Ġabra p. I-7027, punt 45).


44 – Ara, f’dan ir-rigward, Bast u von Bogdandy, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 40), punt 69.


45 – Fir-rigward ta’ din l-istruttura maqsuma fi tliet partijiet tal-istħarriġ tal-proporzjonalità, ara b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-21 ta’ Jannar 2010 fil-kawża Agrana Zucker (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43), punt 60, fl-24 ta’ Ġunju 2010 fil-kawża Chabo (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, C-213/09, Ġabra p. I-12109), punt 67; u fis-7 ta’ Settembru 2010 fil-kawża AJD Tuna (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, C-221/09, Ġabra p. I-1655)), punt 94. Ara wkoll D.,Simon, “Le contrôle de proportionnalité exercé par la Cour de Justice des Communautés Européennes”, Petites affiches 2009, Nru 46, p. 17, b’mod partikolari p. 20 et seq. Skont dak l-awtur, l-istħarriġ tal-leġittimità tal-għanijiet segwiti u dak tal-motivi suġġettivi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni jikkostitwixxi, f’ċerti sentenzi, żewġ fażijiet ta’ stħarriġ supplimentari.


46 – Ara, b’mod partikolari. M. Ekelmans, ,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punt 42.


47 – F’dan is-sens, M. Ekelmans, ,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punti 41 et seq; kif ukoll M. Freytag,  ,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 34), p. 44. Fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-verifiki tal-legalità min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri, ara l-punti 71 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48 – Ara J. Inghelram, ,Artikolu 287 TFUE f’EU-Verträge: Kommentar nach dem Vertrag von Lissabon (Editur. Lenz u Borchardt), Köln 2010, punt 5.


49 – F’dan ir-rigward, ara, b’mod partikolari, M. Freytag, ,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 34), p. 44, li jsostni li l-prinċipju ta’ tmexxija finanzjarja tajba jinvolvi essenzjalment żewġ dimensjonijiet: fil-kuntest ta’ tmexxija finanzjarja tajba, għandu jew jintlaħaq riżultat ottimali permezz tal-implementazzjoni predeterminata tal-mezzi finanzjarji, jew jintlaħaq, bl-inqas piżijiet finanzjarji possibbli, ċertu għan politiku b’kontenut iddefinit.


50 – Dwar dan il-punt, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51 – S. Mageira, ,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), punt 11. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, J. Inghelram, ,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 24), p. 724 et seq.


52 – F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari l-premessi 1 sa 3 tar-Regolament Nru 1798/2003.


53 – Huwa b’dan il-mod li l-għan tal-verifika ġie ppreżentat f’diversi ittri li l-Qorti tal-Awdituri bagħtet lill-Qorti tal-Awdituri Federali kif ukoll lill-Ministeru Federali tal-Finanzi. Dwar l-iskambju ta’ ittri bejn il-Qorti tal-Awdituri u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ara l-punti 14 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54 – F’dan ir-rigward, ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55 – Dwar din il-korrelazzjoni bejn il-livell tar-riżorsi proprji mid-DGN, minn naħa, u dak tar-riżorsi proprji oħra, min-naħa l-oħra, ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56 – F’dan ir-rigward, ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57 – Direttiva 77/388.


58 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C-276/97, Ġabra p. I-6251); Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-358/97, Ġabra p. I-6301); u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-359/97, Ġabra p. I-6355).


59 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza (punti 55 et seq); Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (punti 64 et seq); u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (punti 76 et seq).


60 – Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-132/06, Ġabra p. I-5457, punti 37 et seq).


61 – Ara l-punti 79 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62 – Għal ħarsa ġenerali lejn il-korrispondenza skambjata bejn il-Qorti tal-Awdituri u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ara l-punti 14 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63 – Mehmuża fl-Anness 4 tar-rikors.


64 – F’dan is-sens, espressament ir-Rapport Speċjali Nru 8/2007, punt 12.


65 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 93 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66 – Dan id-dokument huwa mehmuż man-nota ta’ intervent tal-Qorti tal-Awdituri. Ara l-punti 15 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67 – Ara l-punti 91 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C-169/08, Ġabra p. I-10821, punt 42); u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 51).


69 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21).


70 – Minkejja li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrifjutat li tikkoopera mal-Qorti tal-Awdituri fil-verifika inkwistjoni, ir-Rapport Speċjali Nru 8/2007 jinkludi wkoll dikjarazzjonijiet u osservazzjonijiet fir-rigward tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament Ġermaniż u dwar l-effikaċja tiegħu. Dawn id-dikjarazzjonijiet u l-osservazzjonijiet huma bbażati fuq konstatazzjonijiet li jirriżultaw minn missjonijiet ta’ verifika mwettqa fi Stati Membri oħra, fuq informazzjoni miksuba waqt il-missjonijiet ta’ verifika mwettqa fil-Kummissjoni, u fuq rapporti disponibbli pubblikament; ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71 – Punti 19 et seq tar-Rapport Speċjali Nru 8/2007.


72 – Ibidem, punti 24 et seq.


73 – Ibidem, punt 38.


74 – Ibidem, punti 39 sa 41.


75 – Il-Qorti tal-Awdituri tagħti bidu għall-analiżi tagħha tan-nuqqas ta’ trasferiment tal-kompetenzi lis-servizzi territorjali billi tikkonstata li t-trasferiment territorjali li ma seħħx jikkostitwixxi opzjoni offruta mir-Regolament (punt 22 tar-Rapport Speċjali Nru 8/2007). Il-kunsiderazzjonijiet li saru fl-imsemmi rapport speċjali dwar l-istruttura organizzattiva tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament ma jmorrux lil hinn mill-konstatazzjoni ġenerali li, f’ċerti Stati Membri li saru żjarat fihom fejn in-numru ta’ tweġibiet tardivi kien kbir ħafna, dan id-dewmien kien ukoll dovut għal struttura organizzattiva kkumplikata.


76 – Għaldaqstant, fil-partijiet ikkontestatati tal-verifika, huwa importanti li l-Qorti tal-Awdituri evalwat mhux il-legalità imma l-effiċjenza tal-metodu organizzattiv kif ukoll tal-kompetenzi ġuridiċi tal-amministrazzjonijiet tal-finanzi nazzjonali. Fil-fatt, l-għażla tal-kriterju ta’ verifika li l-Qorti tal-Awdituri tapplika sabiex tevalwa l-azzjoni tal-Istati Membri jkollha effett fuq l-intensità ta’ interferenza eventwali fl-isfera ta’ kompetenza tal-Istat Membru vverifikat. Jidher ċar li, verifika tal-legalità tal-azzjoni tal-Istati Membri tista’ tikkostitwixxi interferenza ferm iktar b’saħħitha fl-isfera ta’ kompetenza tal-Istati Membri minn verifika tal-effiċjenza ta’ din l-azzjoni. Filwaqt li verifika tal-legalità mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jkunux eżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-verifika tal-prestazzjoni fil-fatt tirrigwarda l-kwistjoni – inqas gravi minn lat purament ġuridiku – dwar jekk miżuri nazzjonali humiex effikaċi, u dan indipendentement mill-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni.


77 – Għal analiżi partikolarment istruttiva tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 248(3) KE, fil-kuntest tat-twettiq ta’ verifiki mill-Qorti tal-Awdituri fl-Istati Membri, ara J. Inghelram, ,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 26, p. 138 et seq).


78 – Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


79 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-507/03, Ġabra p. I-9777, punt 33); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-438/07, Ġabra p. I-9517, punt 49); tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-246/08, Ġabra p. I-10605, punt 52); u tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-160/08, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 116).