Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fid-19 ta’ Lulju 2012 (1)

Kawża C-35/11

Test Claimants in the FII Group Litigation

vs

Commissioners of Inland Revenue

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit))







Werrej


I —   Introduzzjoni

II — Il-fatti li wasslu għal dan ir-rinviju preliminari

III — Fuq il-kuntest tad-digriet tar-rinviju

IV — Domanda 1

A —   Id-domanda u l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati

B —   Kunsiderazzjonijiet

a)     Introduzzjoni

b)     L-obbligu li jingħata kreditu li jikkorrispondi għar-rata statutorja tal-Istat ta’ oriġini

c)     Rata li hija kemm effettiva kif ukoll nominali

d)     Ir-rata statutorja

e)     L-eżistenza ta’ restrizzjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha

f)     Konklużjoni

V —   Id-domanda 2

A —   Id-domanda u l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati

B —   Kunsiderazzjonijiet

VI — Id-domanda 3

A —   Id-domanda u l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati

B —   Kunsiderazzjonijiet

VII — Id-domanda 4

A —   Id-domanda u l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati

B —   Kunsiderazzjonijiet

VIII — Domanda 5

A —   Id-domanda u l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati

B —   Kunsiderazzjonijiet

IX — Konklużjoni

(Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE — Taxxa fuq il-kumpanniji — Sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04) — Ugwaljanza fit-trattament ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali u dividendi ta’ oriġini barranija — Rati ta’ taxxa li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-livelli ta’ tassazzjoni tad-dividendi minn sorsi nazzjonali u barranin humiex ugwali — Rati statutorji jew effettivi — Moviment liberu tal-kapital — Regoli nazzjonali li japplikaw indipendentement mid-daqs tas-shareholding — Ħlas ta’ taxxa indiretta — Taxxa li ma titħallasx mill-kumpannija li tħallas id-dividend — Taxxa miġbura indebitament — Talba għar-rimbors jew talba għall-kumpens għad-danni — Dividendi provenjenti minn kumpanniji f’pajjiżi terzi — Sussidjarji li l-kumpannija riċevitriċi teżerċita influwenza deċiżiva fuqhom — Applikabbiltà tal-Artikolu 63 TFUE)


I –    Introduzzjoni

1.        Fit-12 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni preliminari fil-kawża C-446/04 Test Claimants in the FII Group Litigation (iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza FII”), (2) fejn irrispondiet, inter alia, għad-domanda (3) dwar jekk kinux kompatibbli ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE l-liġijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit li jittrattaw b’mod differenti d-dividendi skont jekk dawn ikunux tqassmu minn kumpanniji li jkunu residenti fir-Renju Unit jew kumpanniji li ma humiex residenti.

2.        Il-proċeduri nazzjonali għadhom pendenti quddiem iċ-Chancery Division tal-High Court of Justice of England and Wales (iktar ’il quddiem il-“High Court”), li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri għal darba oħra u tagħmel ħames domandi oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. Xi wħud minnhom huma intiżi li jiksbu spjegazzjoni tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel sentenza FII, filwaqt li oħrajn huma intiżi li jiksbu gwida fuq kwistjonijiet ġodda li qamu matul il-proċeduri nazzjonali.

3.        It-tnaqqis tat-taxxa doppja ekonomika fuq il-kumpanniji (jiġifieri, it-tassazzjoni tal-istess dħul għal darbtejn f’idejn żewġ persuni taxxabbli differenti) huwa materja ta’ importanza ekonomika kbira għall-attività transkonfinali, u tikkonċerna direttament numru kbir ta’ kumpanniji fl-UE. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari turi l-problemi li jqumu mill-azzjoni reċiproka tad-dritt tas-suq intern u tad-dritt fiskali nazzjonali u internazzjonali, kwistjoni li ma hijiex mingħajr kontroversja (4).

II – Il-fatti li wasslu għal dan ir-rinviju preliminari

4.        Il-kwistjoni ċentrali hija s-segwenti. L-għan u l-effett prinċipali tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li kienet fis-seħħ fil-perijodu rilevanti (1973-1999) (5), kienu li jipprovdu eżenzjoni għall-azzjonisti mit-taxxa doppja ekonomika. Kien hemm żewġ sistemi differenti li japplikaw: dividendi ta’ oriġini nazzjonali kienu suġġetti għal sistema ta’ eżenzjoni filwaqt li dividendi ta’ oriġini barranija kienu suġġetti għal sistema ta’ imputazzjoni (jew kreditu). Taħt is-sistema tal-eżenzjoni, il-kumpanniji residenti li kienu jirċievu dividendi minn kumpanniji residenti oħra kienu sempliċement eżentati milli jħallsu t-taxxa fuq id-dividendi minħabba s-suppożizzjoni li t-taxxa fuq il-kumpanniji kienet diġà ġiet imposta fuq il-kumpannija li qassmithom. Madankollu, taħt is-sistema ta’ imputazzjoni, it-tqassim ta’ dividendi minn kumpanniji li ma humiex residenti, jiġifieri dividendi ta’ oriġini barranija, kienu jattiraw biss kreditu ta’ taxxa f’idejn il-kumpannija tar-Renju Unit li tirċevihom (6).

5.        Il-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali huma bbażati fuq kawża bejn Test Claimants in the Franked Investment Income (FII) Group Litigation (iktar ’il quddiem “Test Claimants”) u l-Commissioners of Inland Revenue u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem, it-tnejn flimkien, “HMRC”).

6.        L-ewwel waħda mid-disa’ domandi magħmula fl-ewwel sentenza FII ingħatat risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-Artikoli preżenti 49 TFUE u 63 TFUE (7) ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, teżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija residenti oħra u, min-naħa l-oħra, tissuġġetta għal din it-taxxa d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija li ma hijiex residenti (u li fiha l-kumpannija residenti żżomm mill-inqas 10 % tad-drittijiet tal-vot) filwaqt li tagħti, fl-istess ħin, kreditu ta’ taxxa f’dan l-aħħar każ, fir-rigward tat-taxxa effettivament imħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat Membru fejn tirrisjedi (8). Madankollu, dan kien suġġett għall-proviso li:

“sakemm ir-rata ta’ tassazzjoni fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija ma tkunx ogħla mir-rata ta’ tassazzjoni applikata għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u sakemm il-kreditu ta’ taxxa jkun għall-inqas ugwali għall-ammont imħallas fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam sal-ammont ta’ tassazzjoni applikat fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja” (9).

7.        Din id-dikjarazzjoni hija s-suġġett essenzjali ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża. Dan għaliex, fil-punt 56 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li:

“F’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk ir-rata ta’ tassazzjoni hijiex identika u jekk il-livelli ta’ tassazzjoni differenti jeżistu biss f’ċerti każijiet minħabba bidla fil-bażi taxxabbli wara ċerti eżenzjonijiet eċċezzjonali”.

8.        Dan l-approċċ, li jaċċetta fil-prinċipju l-applikazzjoni simultanja ta’ żewġ sistemi differenti għad-dħul minn dividendi ta’ oriġini nazzjonali u barranija, sa issa ġie applikat fil-kawżi bħalma huma Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen u Accor (10), li t-tnejn li huma kienu jirrigwardaw il-kwistjoni tat-tnaqqis ta’ taxxa doppja ekonomika fuq id-dħul minn dividendi ta’ oriġini barranija fil-kuntest tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

9.        Wara li analizzat l-ewwel sentenza FII, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri nazzjonali mill-ġdid u li permezz tad-digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ħames domandi li ġejjin (11):

“1.      Ir-riferimenti għal “rati ta’ tassazzjoni” u “livelli ta’ tassazzjoni differenti” fil-punt 56 [tal-ewwel sentenza FII]:

(a)      jirreferu biss għar-rati tat-taxxa statutorji jew nominali; jew

(b)      jirreferu għar-rati tat-taxxa effettiv[a] li tħallsu kif ukoll għar-rati tat-taxxa statutorji jew nominali; jew

(c)      dawn il-frażijiet, li sar riferiment għalihom, għandhom xi tifsira differenti u, jekk iva, liema?


2.      Tagħmel xi differenza għar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja lid-domandi 2 u 4 ta[l-ewwel sentenza FII] jekk:

(a)      it-taxxa fuq il-kumpanniji barrani[ja] ma titħallasx (jew ma titħallasx totalment) mill-kumpannija mhux residenti li tħallas id-dividend lill-kumpannija residenti, iżda dak id-dividend jitħallas mill-profitti li jinkludu dividendi mħallsa mi[s-]sussidjarj[a] diretta jew indiretta [residenti] fi Stat Membru u li tħallsu minn profitti li fuqhom tħallset taxxa f’dak l-Istat; u/jew

(b)      ma jsirx ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji (‘advance corporation tax’: ‘ACT’) mill-kumpannija residenti li tirċievi d-dividend minn kumpannija mhux residenti, iżda [li ] jitħallas mill-kumpannija parent residenti diretta jew indiretta tagħha meta jkun sar iktar tqassim tal-profitti tal-kumpannija riċevit[riċi] li direttament jew indirettament jinkludu d-dividend?


3.      Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-domanda 2(b) iktar ’il fuq, il-kumpannija li tħallas l-ACT għandha dritt għar-rimbors tat-taxxa li nġabret indebitament (San Giorgio) (12) jew għandha dritt biss għal talba għal kumpens għad-danni (Brasserie du Pêcheur u Factortame) (13)?


4.      Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex esklużivament applikabbli għal sitwazzjonijiet li fihom il-kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija li tħallas id-dividend, tista’ kumpannija residenti tistrieħ fuq l-Artikolu 63 TFUE [...] fir-rigward ta’ dividendi li rċeviet minn sussidjarja li fuqha teżerċita influwenza deċiżiva u li hija residenti f’pajjiż terz?


5.      Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 3 ta[l-ewwel rinviju FII] hija wkoll applikabbli meta s-sussidjarji mhux residenti li lilhom ma setgħet issir l-ebda ċessjoni ma jkunux suġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru tal-kumpannija parent?


10.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Test Claimants, mill-gvern tar-Renju Unit, mill-gvern Ġermaniż (fuq id-domandi 1 u 4), mill-gvern Franċiż (fuq id-domandi 1 u 4), mill-Irlanda (fuq id-domanda 1), mill-gvern Olandiż (fuq id-domanda 4), kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Inżammet seduta fis-7 ta’ Frar 2012 li fiha ħadu sehem Test Claimants, il-gvern tar-Renju Unit, il-gvern Ġermaniż, l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea.

III – Fuq il-kuntest tad-digriet tar-rinviju

11.      It-tabella li ġejja hija intiża li tiċċara l-istrutturi ta’ kumpanniji li huma s-suġġett tad-domandi preliminari:

Ir-RENJU UNIT

A

B

C


D


F

E

G

Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea

Pajjiżi mhux membri (pajjiżi terzi)

12.      It-tabella turi tliet gruppi ta’ pajjiżi: ir-Renju Unit, Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi mhux membri (pajjiżi terzi). Fiha seba’ kumpanniji, f’ordni ġerarkika, li huma mmarkati bl-ittri A sa F. Il-kumpannija A hija l-kumpannija parent aħħarija fir-Renju Unit. Il-kumpanniji B u C huma s-sussidjarji ta’ A u huma residenti fir-Renju Unit. Il-kumpanniji D u E huma s-sussidjarji ta’ C li huma residenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Il-kumpanniji F u G huma s-sussidjarji ta’ C li huma residenti f’pajjiż li ma huwiex membru (14).

13.      Id-domanda 1 tikkonċerna l-paragun bejn il-kunċetti ta’ “rati ta’ tassazzjoni” u l-“livelli ta’ tassazzjoni differenti”. Hija tirrigwarda l-paragun bejn it-tassazzjoni ta’ dividendi li joriġinaw mir-Renju Unit (kumpanniji B u/jew C) u dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea (kumpannija D) u pajjiżi mhux membri (kumpannija F).

14.      Id-domandi 2(a) u 2(b) ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwu r-risposti li tat il-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi 2 u 4 tal-ewwel sentenza FII. Huma jikkonċernaw sitwazzjoni li fiha l-kumpannija D, li hija residenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, tħallas dividend lill-kumpannija parent tagħha, C, li hija residenti fir-Renju Unit.

15.      Fuq dan il-punt, l-ewwel sentenza FII kienet ibbażata fuq żewġ suppożizzjonijiet. L-ewwel nett, li l-kumpannija D kienet ħallset it-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha. It-tieni nett, li l-kumpannija C kienet ħallset taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji (Advance Corporation Tax) (iktar ’il quddiem “ACT”).

16.      Fid-dawl ta’ dan, id-domanda 2(a) hija intiża li tiċċara jekk jagħmilx differenza għar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja l-fatt li l-kumpannija D li ħallset dividend ma kinitx ħallset hija stess (xi/l-ammont kollu ta’) taxxa fuq il-kumpanniji fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha, iżda li t-taxxa tħallset f’dak l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor minn kumpannija E li tinsab f’livell iktar baxx.

17.      Id-domanda 2(b) tistaqsi jekk jagħmilx differenza l-fatt li l-kumpannija C ma ħallsitx it-taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit fil-forma ta’ ACT, iżda li t-taxxa kienet tħallset “f’livell ogħla” fil-ġerarkija tal-kumpannija (mill-kumpannija B jew A) minħabba l-għażla ta’ regoli dwar id-dħul tal-grupp.

18.      Id-domanda 3 tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-ACT, li tħallset minn A jew B fir-Renju Unit tistax tiġi rkuprata permezz ta’ kawża għar-rimbors tat-taxxa li nġabret indebitament jew permezz ta’ kawża għal kumpens għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-UE.

19.      Id-domanda 4 tirrigwarda d-dividendi mħallsa minn pajjiżi terzi lil struttura ta’ kumpanniji tar-Renju Unit. Essenzjalment, hija tindirizza l-applikabbiltà tal-Artikolu 63 TFUE għal sitwazzjoni li fiha l-kumpannija F, li hija residenti f’pajjiż terz, tħallas dividendi lil C, li hija residenti fir-Renju Unit, u li fiha C tista’ teżerċita influwenza deċiżiva fuq F.

20.      Fl-aħħar nett, id-domanda 5 tirrigwarda lill-kumpanniji D u F u dwar jekk l-ACT imħallsa mill-kumpanniji A, B jew C fir-Renju Unit tistax tiġi ċeduta favur tagħhom f’sitwazzjoni li fiha l-kumpanniji D u F ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit.

IV – Domanda 1

A –    Id-domanda u l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati

21.      Permezz tad-domanda 1, il-High Court tixtieq kjarifika dwar it-tifsira ta’ “rati ta’ tassazzjoni” u “livelli ta’ tassazzjoni differenti” imsemmija fil-punt 56 tal-ewwel sentenza FII.

22.      Fil-kawża li wasslet għall-ewwel sentenza FII, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija jekk kienx kontra l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE preżenti, li Stat Membru japplika regoli li jeżentaw mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li tirċievi kumpannija residenti mingħand kumpanniji residenti oħrajn filwaqt li jimponi li titħallas taxxa fuq id-dividendi li jitħallsu minn kumpanniji residenti fi Stati Membri oħrajn (wara l-għoti ta’ eżenzjoni sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja għal kull taxxa minn ras il-għajn dovuta fir-rigward ta’ dan id-dividend u, taħt ċerti kundizzjonijiet, għat-taxxa bażika mħallsa mill-kumpanniji li ma humiex residenti fir-rigward tal-profitti tagħhom fil-pajjiż fejn jirrisjedu).

23.      Meta l-każ irritorna quddiem il-High Court, il-partijiet ma qablux dwar l-interpretazzjoni korretta tal-ewwel sentenza FII, b’mod partikolari l-punti 54 sa 56 tagħha.

24.      Test Claimants argumentaw li l-kompitu tal-qorti nazzjonali msemmi fil-punt 56 tal-ewwel sentenza FII (15) kien li teżamina jekk l-eżenzjoni tal-profitti nazzjonali li jitqassmu tistax twassal għal piż ta’ taxxa effettiva eħfef minn dak li jirriżulta wara l-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa indirett fuq profitti ta’ oriġini barranija li jitqassmu. Quddiem il-High Court huma ppreżentaw evidenza teknika li turi li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-livell ta’ taxxa effettiva fuq il-profitti ta’ kumpanniji residenti kien iktar baxx mir-rata statutorja. Għaldaqstant, dan ma ġarax “biss f’ċirkust[]anzi ġeneralment eċċezzjonali” kif argumenta l-gvern tar-Renju Unit fl-ewwel kawża FII (16). Din il-konstatazzjoni ma kinitx ikkontestata minn HMRC. Effettivament, il-pożizzjoni tagħhom kienet li l-qorti nazzjonali kellha tivverifika sempliċement li r-rati ta’ taxxa statutorji differenti jkunu jeżistu biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna u ma kellhiex teżamina l-livelli ta’ tassazzjoni effettivi.

25.      Il-High Court qablet mal-interpretazzjoni li Test Claimants’ taw lis-sentenza. Fl-appell, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) kienet maqsuma fuq din il-kwistjoni. Tnejn mill-imħallfin qablu mal-interpretazzjoni ta’ HMRC, filwaqt li t-tielet imħallef qabel mal-konstatazzjoni tal-High Court. Minħabba dan in-nuqqas ta’ qbil, il-Court of Appeal iddeċidiet li tirrinvija l-kwistjoni lura lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punti rilevanti tal-ewwel sentenza FII. Din id-deċiżjoni ġiet appellata quddiem is-Supreme Court li rreferiet il-każ lura lill-High Court sabiex isir ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

26.      Fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Irlanda u tar-Renju Unit qed jipproponu li r-riferimenti għal “rati ta’ tassazzjoni” u “livelli ta’ tassazzjoni differenti” fil-punt 56 tal-ewwel sentenza FII għandhom jirreferu biss għar-rati ta’ taxxa statutorji jew nominali. Test Claimants issuġġerew li dawn l-espressjonijiet jirreferu għar-rati ta’ taxxa effettivi mħallsa kif ukoll għar-rati ta’ taxxa statutorji jew nominali (17). Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Istat Membru għandu jikkalkola l-kreditu ta’ taxxa abbażi tar-rata ta’ taxxa nominali applikabbli fl-Istat ta’ oriġini.

B –    Kunsiderazzjonijiet

a)      Introduzzjoni

27.      Huwa siewi li jitfakkru fil-qosor l-approċċi adottati mill-Avukat Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel sentenza FII.

28.      Fl-ewwel kawża FII, l-Avukat Ġenerali Geelhoed ikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ żewġ sistemi differenti biex tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika ta’ dividendi tista’, fil-prinċipju, tkun konformi mat-Trattat. Madankollu, wara analiżi dettaljata, huwa kkonkluda li l-applikazzjoni ta’ żewġ sistemi, waħda għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u l-oħra għad-dividendi ta’ oriġini barranija, kienet inevitabbilment diskriminatorja u inkompatibbli mat-Trattat.

29.      L-Avukat Ġenerali argumenta li dan kien hekk minħabba li “l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kreditu mir-[Renju Unit] għall-ħelsien mit-taxxa doppja ekonomika fuq dividendi ta’ oriġini barranija tista’, f’ċerti każijiet, ikollha effetti inqas favorevoli mis-sistema ta’ sempliċi eżenzjoni li tiġi applikata għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali. Filwaqt li, taħt is-sistema ta’ eżenzjoni, il-benefiċċji tal-eżenzjonijiet mit-taxxa bażika fuq il-kumpanniji u l-allowances jistgħu jingħaddew lill-kumpannija parent li tirċievi d-dividendi, taħt sistema ta’ kreditu dawn il-benefiċċji ma jistgħux jingħaddew peress li t-taxxa li jattiraw id-dividendi tiġi miżjuda sar-rata standard tal-kumpanniji [fir-Renju Unit]. F’dawn il-każijiet, l-effett ta’ dan jista’ jidher bħala li [r-Renju Unit] japplika rata ta’ taxxa (iktar baxxa) għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali minn dik ta’ dividendi ta’ oriġini barranija” (18).

30.      F’dan l-istadju, jeħtieġ li jsiru żewġ osservazzjonijiet. L-ewwel nett, l-għan li tiġi applikata sistema ta’ imputazzjoni għad-dividendi ta’ oriġini barranija huwa, ovvjament, dak li jinkiseb l-effett deskritt mill-Avukat Ġenerali Geelhoed; fi kliem ieħor, li fit-tassazzjoni tal-Istat ta’ residenza jiġi eliminat l-effett ta’ rata ta’ taxxa effettiva iktar baxxa fl-Istat tal-oriġini. Dan jintlaħaq billi fl-Istat ta’ residenza tiġi ntaxxata d-differenza bejn ir-rata effettiva fl-Istat tal-oriġini u r-rata (19) li tapplika għad-dividendi ta’ oriġini barranija fl-Istat ta’ residenza.

31.      It-tieni nett, il-konklużjonijiet jidhru li jissuġġerixxu li l-Avukat Ġenerali Geelhoed qabel mar-Renju Unit u mal-Kummissjoni sa fejn huma sostnew li ż-żewġ sistemi jwasslu għall-ħelsien mit-taxxa doppja ekonomika (20).

32.      Madankollu, fl-ewwel sentenza FII, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-applikazzjoni ta’ żewġ sistemi differenti għall-ħelsien mit-taxxa doppja ekonomika ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali u dawk ta’ oriġini barranija tista’ tkun kompatibbli mat-Trattat, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet (21). Il-Qorti tal-Ġustizzja issa hija mitluba tiċċara d-deċiżjoni tagħha.

33.      Fil-fehma tiegħi, il-proposta tal-Avukat Ġenerali kienet tkun taqbel iktar mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar restrizzjonijiet ta’ taxxa diretta fuq il-libertajiet fundamentali. Huwa ċar li l-applikazzjoni simultanja ta’ żewġ metodi differenti għall-ħelsien mit-taxxa doppja ekonomika ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali u ta’ dividendi ta’ oriġini barranija tiddevja, inevitabbilment, min-newtralità tal-esportazzjoni tal-kapital (22). Iż-żewġ metodi huma intiżi li jwasslu għal riżultati differenti fir-rigward tal-possibbiltà li l-eżenzjonijiet u l-vantaġġi mit-taxxa bażika tal-kumpanniji jingħaddu għal fuq l-azzjonist. Il-metodu tal-imputazzjoni huwa intiż li jipprekludi dan filwaqt li l-metodu tal-eżenzjoni huwa intiż għalih, sakemm ma jkunx hemm taxxa supplimentari biex it-taxxa tad-dividendi mħallsa tiżdied sal-ammont tar-rati statutorji (23).

34.      Barra minn hekk, peress li dan in-nuqqas ta’ newtralità jinħoloq mir-regoli applikabbli fl-Istat Membru ta’ residenza tal-azzjonist, dan ma huwiex essenzjalment riżultat dirett tad-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet ta’ taxxa tad-diversi Stati Membri (24).

35.      Madankollu, l-approċċ magħżul mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel sentenza FII ġie applikat f’każijiet sussegwenti (25). Fid-dawl ta’ dan, u għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, miniex ser nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja titbiegħed minn din il-linja ta’ ġurisprudenza, li l-qrati, l-impriżi u l-awtoritajiet fiskali fl-Istati Membri ċertament ibbażaw ruħhom fuqha. Madankollu, din il-linja ta’ ġurisprudenza ma tistax tintlaqa’ sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-applikazzjoni tal-imsemmija sistema asimetrika mħallta twassal għal trattament inqas favorevoli ta’ dividendi ta’ oriġini barranija. Dan jirriżulta mid-differenza li tikkonċerna l-possibbiltà li l-allowances ta’ taxxa li japplikaw għall-profitti bażiċi tal-kumpanniji jingħaddu lill-azzjonist (26).

36.      Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li terġa’ tikkunsidra din il-ġurisprudenza stabbilita relattivament reċentement, l-iktar soluzzjoni xierqa tkun li jiġi adottat l-approċċ propost mill-Avukat Ġenerali Geelhoed fl-ewwel rinviju FII.

37.      Ser niddiskuti issa t-tliet interpretazzjonijiet alternattivi mogħtija mill-High Court fid-domanda 1 tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

b)      L-obbligu li jingħata kreditu li jikkorrispondi għar-rata statutorja tal-Istat ta’ oriġini

38.      Bħala t-tielet interpretazzjoni alternattiva, il-High Court tistaqsi jekk ir-riferimenti għar-“rati ta’ tazzazzjoni” u “livelli ta’ tassazzjoni differenti” fil-punt 56 tal-ewwel sentenza FII għandhomx tifsira differenti mir-rati ta’ taxxa statutorji jew rati ta’ taxxa effettivi u, jekk ikun il-każ, x’inhi.

39.      Il-proposta tal-Kummissjoni tadotta dan l-approċċ. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li r-risposta għad-domanda 1 għandha tkun li l-Istat Membru “għandu jiżgura li l-kreditu ta’ taxxa jkun ekwivalenti għall-eżenzjoni mogħtija fir-rigward ta’ dividendi [ta’ oriġini nazzjonali], billi l-kreditu jiġi kkalkolat abbażi tar-rata ta’ taxxa nominali li tapplika fl-Istat li minnu joriġinaw id-dividendi”.

40.      Skont il-Kummissjoni, din il-proposta hija intiża li tiżgura ugwaljanza fit-trattament formali u applikazzjoni faċli filwaqt li tikseb riżultat ġust. Minn naħa, dan jintlaħaq mingħajr trattament sistematiku favorevoli ta’ dividendi ta’ oriġini barranija li joriġinaw minn Stati b’rati ta’ taxxa baxxi. Min-naħa l-oħra, ma jkun hemm bżonn isir ebda kalkolu ġdid sistematiku tal-pożizzjoni fiskali ta’ kumpannija barranija li tqassam id-dividend, li jissimula t-taxxa li hija kienet tħallas kieku kienet residenti fir-Renju Unit. Skont il-Kummissjoni, dan il-metodu jkun jikkorrispondi b’mod iktar fidil għall-eżenzjoni ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

41.      Minkejja s-sempliċità u l-eleganza tal-proposta tal-Kummissjoni, ma jidhirlix li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadottaha. Għandi erba’ raġunijiet għal dan.

42.      L-ewwel nett, il-proposta tal-Kummissjoni ma hijiex konnessa mal-ewwel sentenza FII, u lanqas mal-argumenti tal-partijiet fil-kuntest tal-ewwel rinviju FII, sakemm ma tinftihemx li hija spjegazzjoni tal-kliem “bl-istess mod” fir-risposta għall-ewwel domanda preliminari fl-ewwel sentenza FII. Is-soluzzjoni tal-Kummissjoni rriżultat li hija alternattiva indipendenti, li hija separata mill-argumenti ppreżentati fil-proċeduri prinċipali.

43.      It-tieni nett, jekk tiġi adottata s-soluzzjoni tal-Kummissjoni, dan ikun ifisser li kien hemm biss alternattiva waħda li hija kompatibbli mad-dritt tal-UE biex il-metodu ta’ imputazzjoni jiġi applikat sabiex titnaqqas it-tassazzjoni doppja ekonomika ta’ dividendi ta’ oriġini barranija taħt sistema fiskali li teżenta d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali. Dan ikun jammonta għal armonizzazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet fiskali li jikkonċernaw kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza nazzjonali, minkejja l-fatt li l-metodu, kif ammettiet il-Kummissjoni, ma jiżgurax ugwaljanza fit-trattament sostantiv fil-każijiet kollha iżda jiġi propost minħabba l-prattiċità tiegħu. L-ibbilanċjar tal-grad ta’ ugwaljanza mixtieq u l-prattiċità amministrattiva huwa, min-natura tiegħu, xogħol leġiżlattiv u mhux ġudizzjarju (27).

44.      It-tielet nett, is-soluzzjoni ma hijiex newtrali mil-lat ta’ esportazzjoni tal-kapital jekk l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna li tirċievi d-dividend ikollu rati ta’ taxxa effettivi viċin ir-rata statutorja, u l-Istat tal-oriġini jgħaqqad ir-rati statutorji għoljin ma’ rati effettivi baxxi. Fi kliem ieħor, l-Istat Membru tal-persuna li tirċievi d-dividend ikun obbligat jagħti kreditu ta’ taxxa li jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-rata ta’ taxxa effettiva u statutorja fuq il-profitti bażiċi fl-Istat tal-oriġini, jiġifieri, jagħti kreditu ta’ taxxa għal taxxa barranija mhux imħallsa (28). Ekonomikament, is-soluzzjoni tqarreb lejn l-obbligu ta’ għoti ta’ dak li jissejjaħ kreditu għat-taxxa fittizja (tax sparing credit), użata fit-trattati għall-ħelsien mit-taxxa doppja bejn pajjiżi industrijalizzati u li qegħdin jiżviluppaw, peress li hija intiża li tgħaddi l-eżenzjonijiet u l-inċentivi fiskali tal-Istat tal-oriġini għat-tassazzjoni fil-pajjiż ta’ residenza (29).

45.      Ir-raba’ nett, is-soluzzjoni hija, fil-fehma tiegħi, intellettwalment inkoerenti. Kif tosserva l-Kummissjoni stess, l-idea li l-metodu ta’ imputazzjoni jiġi applikat għal dividendi ta’ oriġini barranija filwaqt li jiġu eżentati dividendi ta’ oriġini nazzjonali tista’ tkun partikolarment utli biex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-livelli ta’ tassazzjoni fl-Istat tal-oriġini u fl-Istat ta’ residenza. Skont il-Kummissjoni, huwa leġittimu li Stat Membru jipprova jiżgura li d-dħul, inklużi d-dividendi, li l-kumpanniji residenti tiegħu jirċievu, jiġi ntaxxat bir-rata stabbilita fil-leġiżlazzjoni tiegħu stess.

46.      Madankollu, kieku kellha tiġi aċċettata din il-fehma, ikun inkonsistenti li jintalab, l-ewwel, li l-Istat Membru tal-persuna li tirċievi d-dividendi ma jintaxxax id-dividendi ta’ oriġini barranija fir-rigward tad-differenza bejn ir-rata ta’ taxxa effettiva u statutorja fl-Istat tal-oriġini, filwaqt li jkun permess, imbagħad, li l-Istat ta’ residenza jintaxxa d-differenza bejn ir-rata statutorja (iktar baxxa) fl-Istat tal-oriġini u r-rata statutorja tal-Istat ta’ residenza. Ma jidhirx li huwa loġiku li jkun biss l-effett tal-allowances u eżenzjonijiet applikabbli fl-Istat tal-oriġini (li joħolqu d-differenza bejn ir-rata effettiva u r-rata statutorja f’dak l-Istat) li għandu jingħadda għat-tassazzjoni tal-Istat ta’ residenza tal-azzjonist, iżda mhux l-effett tar-rati statutorji barranin iktar baxxi f’sitwazzjoni li fiha l-Istat ta’ residenza jeżenta d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

c)      Rata li hija kemm effettiva kif ukoll nominali

47.      Test Claimants jaqblu mal-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza FII li r-rati kemm statutorji kif ukoll effettivi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit jekk hemmx differenza fil-livell ta’ tassazzjoni ta’ dividendi ta’ oriġini barranija u t-taxxa fuq il-profitti tal-kumpanniji li fuqhom huma bbażati d-dividendi nazzjonali, fejn dawn tal-aħħar huma fil-fatt eżentati. Kieku tiġi adottata din l-interpretazzjoni, ikun ifisser li jekk tali differenza tkun teżisti (jew il-qorti nazzjonali ssib li teżisti) b’mod iktar frekwenti mis-sempliċi sitwazzjonijiet eċċezzjonali, id-dividendi ta’ oriġini barranija jkunu suġġett ta’ diskriminazzjoni kontrihom li twassal għal restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

48.      Il-kunċett ta’ rati ta’ taxxa statutorji jew nominali huwa ċar biżżejjed għall-finijiet ta’ dan ir-rinviju preliminari. Huwa jirreferi għall-perċentwali ta’ taxxa li ċertu ammont ta’ dħul taxxabbli jrid ikun suġġett għalih skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. Fil-kuntest ta’ dan il-każ, hemm żewġ rati statutorji, jiġifieri r-rata ta’ taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit, li tapplika għad-dividendi ta’ oriġini barranija, u r-rata ta’ taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit li tapplika fit-tassazzjoni tal-profitti bażiċi ta’ kumpanniji tar-Renju Unit li jqassmu d-dividendi. Peress li d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali huma eżentati, ebda rata statutorja ma tapplika għalihom.

49.      Il-kunċett ta’ rata effettiva huwa ħafna iktar ambigwu (30). Dan jista’ jirreferi għal-livell attwali ta’ tassazzjoni ta’ dħul partikolari jew persuna taxxabbli, iżda jista’ jirreferi wkoll għall-miżura statistika użata biex jiġu evalwati l-piżijiet ta’ taxxa fuq ċerta attività (31).

50.      Il-kunċett ta’ rata ta’ taxxa effettiva użat mill-High Court, u sostnut minn Test Claimants, jirreferi għall-ammont proporzjonat ta’ taxxa attwalment imħallsa fuq il-profitti għall-finijiet tal-kontijiet [accounting profits]. Jidher li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, u jinsab aċċettat mill-High Court, li din ir-rata effettiva tista’ tkun iktar baxxa mir-rata statutorja minħabba eżenzjonijiet u allowances li jnaqqsu l-piż ta’ taxxa fuq kumpannija sussidjarja residenti fir-Renju Unit. Huwa aċċettat ukoll li dan jiġri ta’ spiss u mhux “biss f’ċirkustanzi ġeneralment eċċezzjonali”.

51.      Jekk dan il-kunċett ta’ rata ta’ taxxa effettiva jiġi applikat — fl-eżerċizzju tal-paragun bejn il-piżijiet ta’ taxxa fuq dividendi ta’ oriġini barranija u dividendi ta’ oriġini nazzjonali — dan iwassal għal problemi teoretiċi u prattiċi kunsiderevoli. Ir-rata ta’ taxxa effettiva hija differenti għal kull kumpannija u għal kull sena finanzjarja, skont l-allowances u eżenzjonijiet li jaffettwaw id-definizzjoni tal-bażi taxxabbli [bħalma huma t-telf li jinġarr (carry-on losses) jew l-eżenzjoni ta’ grupp (group relief)].

52.      F’dan ir-rigward, l-Irlanda tinnota ġustament li għall-finijiet ta’ taxxa, il-profitti jirreferu għal accounting profits kif aġġustati skont kif meħtieġ bil-liġijiet applikabbli. Għaldaqstant, huwa wisq improbabbli li, f’każ partikolari, l-ammont ta’ accounting profits jikkoinċidi mal-ammont ta’ profitti għall-finijiet ta’ taxxa. L-Irlanda ssostni li fl-għoti tal-ewwel sentenza FII, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet konxja, abbażi tas-sottomissjonijiet magħmula quddiemha, li fejn kien hemm differenza bejn l-accounting profits u l-profitti għall-finijiet ta’ taxxa, li kważi dejjem ikun il-każ, ir-rata ta’ taxxa effettiva tkun differenti mir-rata ta’ taxxa statutorja. Fil-fatt, kien minħabba l-probabbiltà li r-rata statutorja u r-rata effettiva jkunu differenti li l-Avukat Ġenerali Geelhoed ikkonkluda li l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludu l-użu simultanju ta’ sistema ta’ eżenzjoni u imputazzjoni (32).

53.      Biex nikkonkludi, ngħid li huwa biss b’mod eċċezzjonali li r-rati ta’ taxxa effettivi kkalkolati abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji attwalment imħallsa fuq l-accounting profits ikunu daqs ir-rati statutorji jew nominali applikati għall-profitti taxxabbli. Barra minn hekk, dan il-paragun ma jistax isir b’mod raġonevoli mingħajr konjizzjoni sħiħa tal-karatteristiċi fiskalment rilevanti tal-kumpanniji li għandhom jiġu pparagunati u tal-attivitajiet tagħhom.

54.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-użu konġunt tar-rati nominali u effettivi, mill-bidu ma tagħmilx sens. Tali sistema tkun diffiċli jew saħansitra impossibbli li tiġi applikata oġġettivament.

d)      Ir-rata statutorja

55.      It-tielet għażla għall-interpretazzjoni tal-punt 56 tal-ewwel sentenza FII tinvolvi li jiġu applikati r-rati ta’ taxxa statutorji jew nominali. Skont din l-alternattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għar-rati ta’ taxxa statutorji sabiex tevalwa l-impatt tal-applikazzjoni simultanja tal-metodi ta’ imputazzjoni u ta’ eżenzjoni.

56.      Fid-dawl tad-diskussjoni tal-partijiet u ċ-ċaħda, min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-soluzzjoni proposta mill-Avukat Ġenerali, din tidher li hija l-iktar interpretazzjoni plawżibbli tal-ewwel sentenza FII. Il-kwistjoni li baqgħalha l-qorti nazzjonali tikkonsisti, għaldaqstant, filli jiġi eżaminat jekk huwiex minnu li huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li jintużaw rati nominali iktar baxxi mir-rata standard statutorja fit-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji, li fuqha hija bbażata s-sistema fiskali li tikkonċerna d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali fir-Renju Unit.

57.      Għalkemm fi ħsiebni nipproponi li d-domanda 1 tingħata risposta fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tfisser ir-rati statutorji jew nominali, ser inkompli nittratta s-suġġett u nikkunsidra kwistjonijiet li, fil-fehma tiegħi, isegwu neċessarjament minn tali risposta.

e)      L-eżistenza ta’ restrizzjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha

58.      Kif diġà għidt, jiena tal-fehma li l-Avukat Ġenerali Geelhoed kien korrett meta kkunsidra li l-użu konġunt tal-eżenzjoni ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali flimkien mal-kreditu għal dividendi ta’ oriġini barranija twassal inevitabbilment għal trattament inqas favorevoli tad-dividendi ta’ oriġini barranija (33). Din il-konklużjoni tidher li hija valida għar-Renju Unit indipendentement minn jekk il-paragun huwiex ibbażat biss fuq rati statutorji jew fuq l-użu konġunt tar-rati statutorji u effettivi.

59.      Fil-fatt, jekk il-paragun ikun ibbażat fuq ir-rati statutorji, it-trattament inqas favorevoli ta’ dividendi ta’ oriġini barranija jkun il-konsegwenza sistematika tad-differenzi bejn iż-żewġ metodi fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu mgħoddija l-vantaġġi fiskali applikabbli għat-taxxa bażika fuq il-kumpannija. Madankollu, jekk il-paragun ikun ibbażat fuq l-użu konġunt ta’ rati statutorji u effettivi, it-trattament inqas favorevoli ta’ dividendi ta’ oriġini barranija huwa konstatazzjoni fattwali fuq kif taħdem effettivament is-sistema tar-Renju Unit u dan, bħala tali, ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali.

60.      Għaldaqstant, sabiex nassisti sew lill-qorti nazzjonali, u sabiex jiġi evitat it-tielet rinviju preliminari fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, għandha tindirizza l-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq tammontax għal restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, u jekk iva, jekk tali restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata oġġettivament.

61.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li l-punt 56 tal-ewwel sentenza FII jirreferi għar-rati statutorji jew nominali, u jekk ir-rati statutorji jkunu l-istess (ħlief għal sitwazzjoni eċċezzjonali), il-kwistjoni tat-trattament inqas favorevoli ta’ dividendi ta’ oriġini barranija bħala l-konsegwenza sistematika tal-applikazzjoni ta’ żewġ regoli differenti f’sitwazzjonijiet paragunabbli tibqa’ teżisti, kif ukoll in-natura tagħha bħala restrizzjoni jew mhux, li tista’ jew ma tistax tkun iġġustifikata. Fuq l-istess linja, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel l-applikazzjoni konġunta tar-rati nominali u effettivi, il-qorti nazzjonali jkollha bżonn gwida dwar kif għandhom jiġu kkalkolati r-rati effettivi. Il-qorti nazzjonali jkollha bżonn gwida wkoll fuq il-kwistjoni dwar jekk kwalunkwe differenza bejn ir-rati effettivi tikkostitwixxix dejjem restrizzjoni jew jekk huwiex permess xi marġni qabel ma d-differenza tkun tammonta għal restrizzjoni. Il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni hija rilevanti wkoll f’din is-sitwazzjoni.

62.      Ir-restrizzjoni, jekk tista’ titqies li hija restrizzjoni, ma tinħoloqx minħabba li parti mid-dividendi ta’ oriġini barranija kienu suġġetti għat-taxxa doppja ekonomika, filwaqt li d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali ma kinux hekk suġġetti (34). Ir-restrizzjoni tinħoloq minħabba li parti mill-profitti li fuqhom huma bbażati d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali ma jiġux intaxxati assolutament, minħabba l-fatt li r-rata effettiva ta’ taxxa tal-kumpannija distributriċi tkun iktar baxxa mir-rata statutorja, u l-eżenzjoni tad-dividendi tiġi mgħoddija lill-azzjonisti. Għaldaqstant, il-paragun validu ma huwiex bejn it-taxxa doppja ekonomika u t-taxxa singulari, iżda bejn it-taxxa singulari u n-nuqqas parzjali ta’ taxxa. Mill-aspett tal-ħelsien mit-taxxa doppja ekonomika, il-metodi ta’ imputazzjoni u eżenzjoni, it-tnejn huma sistemi effettivi.

63.      Il-kwistjoni l-oħra hija dwar jekk hemmx restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, u jekk iva, jekk tali restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata. Kif diġà nnotajt, l-interpretazzjoni tiegħi tal-ġurisprudenza li tippreċedi l-ewwel sentenza FII hija li r-regoli nazzjonali applikabbli fir-Renju Unit ħolqu restrizzjoni f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjonijiet transkonfinali u li din ir-restrizzjoni ma setgħatx tkun iġġustifikata.

64.      Madankollu, abbażi tal-ewwel sentenza FII u l-ġurisprudenza sussegwenti, illum possibbilment teżisti konklużjoni alternattiva wkoll.

65.      Fir-rigward ta’ dividendi portfolio, l-għan wara l-użu tal-metodu ta’ imputazzjoni, li huwa li t-taxxa tad-dividendi ta’ oriġini barranija tiżdied għal-livell ta’ taxxa nazzjonali, ġie aċċettat espressament mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-applikazzjoni tal-metodu ta’ imputazzjoni lid-dividendi provenjenti minn kumpanniji mhux residenti tippermetti, fil-fatt, li jiġi żgurat li d-dividendi portfolio ta’ oriġini barranija u dawk ta’ oriġini nazzjonali jkollhom l-istess piż fiskali, b’mod partikolari meta l-Istat li minnu jipprovjenu d-dividendi japplika, fil-kuntest tat-taxxa fuq il-kumpanniji, rata ta’ taxxa iżgħar minn dik applikabbli fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi. F’tali każ, l-eżenzjoni tad-dividendi provenjenti minn kumpanniji mhux residenti tiffavorixxi lill-persuni taxxabbli li investew fl-ishma barranin meta mqabbla ma’ dawk li investew fl-ishma nazzjonali” (35).

66.      Minn dan jista’ jiġi konkluż li l-Istat Membru tal-benefiċjarju ma għandux jgħaddi l-vantaġġi fiskali pprovduti fil-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat tal-oriġini lill-benefiċjarji ta’ dividendi, iżda jista’ leġittimament jelimina l-effett ta’ dawk il-vantaġġi fit-tassazzjoni nazzjonali tiegħu. Fi kliem ieħor, għalkemm Stat Membru li jkun jixtieq jelimina t-taxxa doppja ekonomika fuq livell nazzjonali għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-taxxa mħallsa f’pajjiż barrani, l-Istat Membru ma huwiex obbligat jirrikonoxxi l-vantaġġi fiskali fi Stati tal-oriġini barranin.

67.      Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha ppreżentati fil-kawża Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, jekk Stat Membru jagħżel li jipprova jipprekludi t-taxxa doppja fuq il-profitti tal-kumpanniji billi jeżenta d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali mit-taxxa fuq il-kumpanniji, jista’ jiġi preżunt li l-livell ta’ taxxa mixtieq diġà jinsab iggarantit permezz tal-ġbir tat-taxxa tal-kumpanniji fuq il-kumpannija distributriċi. Peress li, f’ċerti każijiet, din ir-rabta intrinsika bejn l-eżenzjoni fuq il-livell tal-azzjonisti u t-tassazzjoni fuq il-livell tal-kumpannija tista’ tkun nieqsa parzjalment jew kompletament, l-eżami dwar jekk teżistix diskriminazzjoni għandha tkun ibbażata mhux fuq analiżi tal-każijiet speċifiċi, iżda fuq evalwazzjoni globali tas-sistema (36).

68.      L-Avukat Ġenerali Kokott tinnota wkoll li r-rabta stretta bejn l-eżenzjoni li tapplika għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u t-tassazzjoni fuq il-livell tal-kumpannija li hija l-bażi ta’ sistema ta’ eżenzjoni ma tistax tiġi mxejna b’metodi komuni għat-tnaqqis tal-piż tat-taxxa bħalma huma t-tpaċija tat-telf u l-eżenzjoni tal-grupp (group relief). Sistema ta’ taxxa tista’ titqies li ma hijiex intiża għall-eliminazzjoni tat-taxxa doppja ekonomika biss jekk minn evalwazzjoni kompleta tas-sistema jirriżulta li r-rabta bejn eżenzjoni u l-ħlas ta’ taxxa bil-quddiem teżisti biss fl-apparenza jew inkella li tali rabta ma teżistix (37).

69.      Għaldaqstant, il-metodu ta’ eżenzjoni, meta jiġi applikat fit-tassazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji, huwa bbażat fuq il-prinċipju li fuq il-livell sistematiku, it-taxxa fuq il-kumpanniji miġbura fuq il-profitti bażiċi hija suffiċjenti. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur nazzjonali jagħżel li jevita sitwazzjoni li fiha l-effetti tal-vantaġġi fiskali li tgawdi kumpannija waħda fil-grupp jixxejnu permezz tat-tassazzjoni fuq kumpanniji f’livell ogħla fil-grupp.

70.      Għaldaqstant, skont dan l-approċċ, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-UE, l-Istati Membri la jkunu obbligati jirrikonoxxu l-effett ekonomiku tal-għażliet tal-politika fiskali tal-Istat tal-oriġini fit-trattament fiskali ta’ dividendi ta’ oriġini barranija, u lanqas ikunu obbligati jintaxxaw id-dividendi ta’ oriġini nazzjonali mqassma minn profitti li kienu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi fiskali applikabbli. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw il-politiki fiskali tagħhom li jirrigwardaw ir-rati statutorji u bażijiet taxxabbli fir-rigward kemm ta’ dividendi ta’ oriġini barranija kif ukoll ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali (38). Konsegwentement, in-nuqqas ta’ newtralità fir-rigward tal-esportazzjoni tal-kapital u d-diżinċentivazzjoni korrispondenti għal-libertà ta’ stabbiliment ma jammontawx għal restrizzjoni pprojbita, sakemm jiġu applikati l-istess rati ta’ taxxa nominali.

71.      Madankollu, tali tassazzjoni asimetrika ma hijiex konsegwenza inevitabbli ta’ ġurisdizzjonijiet fiskali maqsuma fl-UE. Min-naħa l-oħra, din tirriżulta mill-għażliet ta’ politika fiskali tal-Istat Membru tal-kumpannija parent. Fil-fatt, din l-għażla ta’ politika tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ żewġ elementi ta’ politika fiskali li, minnhom infushom, huma ġġustifikati taħt id-dritt tal-UE, iżda fejn l-applikazzjoni simultanja tagħhom twassal fiż-żewġ każijiet għal trattament differenti.

72.      Bħala konklużjoni, l-applikazzjoni ta’ sistema asimetrika mħallta twassal għal trattament inqas favorevoli ta’ dividendi ta’ oriġini barranija, indipendentement minn jekk jiġux ikkunsidrati r-rati effettivi jew ir-rati statutorji. L-approċċ indikat iktar ’il fuq jara dan it-trattament differenti bħala konsegwenza tal-applikazzjoni konġunta ta’ żewġ prinċipji leġittimi ta’ politika fiskali, u bħala tali, iqisu jew bħala li ma jammontax għal restrizzjoni, jew bħala li hu ġġustifikat. Nammetti li dan iwassal għal applikazzjoni iktar flessibbli mis-soltu tal-prinċipji tas-suq intern fil-kamp tat-tassazzjoni diretta.

f)      Konklużjoni

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda 1 għandha tkun li r-riferimenti għar-“rati ta’ tassazzjoni” u “livelli ta’ tassazzjoni differenti” fil-punt 56 tal-ewwel sentenza FII jirreferu għal rati ta’ taxxi statutorji jew nominali. Għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq, din ir-risposta tħalli l-kwistjoni tar-restrizzjoni u tal-ġustifikazzjoni tagħha miftuħa. Din il-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata jew billi jsir riferiment għar-risposta proposta mill-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu fl-ewwel kawża FII li tifforma t-tieni proposta tiegħi, jew billi tiġi ammessa sempliċement l-aċċettabbiltà tal-konsegwenzi ekonomiċi tas-sistema asimetrika mħallta fid-dritt tal-UE kif inhi llum.

V –    Id-domanda 2

A –    Id-domanda u l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati

74.      Id-domanda 2 hija intiża li tikseb kjarifika dwar ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi 2 u 4 tal-ewwel rinviju FII, li jikkonċerna l-Advance Corporate Tax u s-sistemi ta’ dividend barrani tar-Renju Unit (39).

75.      B’risposta għad-domanda 2 tal-ewwel rinviju FII, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lil kumpannija residenti, li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra, tnaqqas mill-ammont li l-ewwel kumpannija għandha tħallas bħala ACT, l-ACT imħallsa mill-kumpannija li tqassam id-dividend, meta fil-każ ta’ kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija li ma hijiex residenti, tali tnaqqis ma kienx permess għal dak li jikkonċerna t-taxxa tal-kumpanniji fuq il-profitti mqassma mħallsa minn din l-aħħar kumpannija fl-Istat Membru fejn tirrisjedi.

76.      Il-High Court tinnota li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet iffokata fuq l-ACT imħallsa minn kumpannija residenti li tirċievi direttament dividend ta’ oriġini barranija, f’każijiet fejn it-taxxa fuq il-kumpanniji kienet imħallsa mill-kumpannija mhux residenti li tqassam id-dividend [iktar ’il quddiem il-“kumpannija fit-tarf” (“water’s edge company”), jew il-kumpannija D fit-tabella iktar ’il fuq (40)]. Fil-prattika, madankollu, spiss ħafna jiġri li l-kumpannija fit-tarf ma tħallas ebda taxxa fl-Istat fejn tirrisjedi fuq il-profitti li minnhom jitħallas id-dividend lill-kumpannija parent residenti fir-Renju Unit (kumpannija C fit-tabella) minħabba l-użu mifrux li jagħmlu l-gruppi internazzjonali minn kumpanniji holding intermedjarji li fuq il-profitti tagħhom, taxxa jħallsu ftit jew ma jħallsu xejn.

77.      Meta l-każ reġa’ lura għand il-High Court, l-HMRC sostniet li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 2 tal-ewwel rinviju FII kienet tkopri biss il-każ fejn il-kumpannija fit-tarf (stess) kienet tkun ħallset it-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Istat fejn tirrisjedi. Min-naħa l-oħra, Test Claimants sostnew li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet tapplika wkoll fejn id-dividend tħallas mill-profitti li kienu jikkonsistu f’dividendi mħallsa minn sussidjarja f’livell iktar baxx li kienet residenti fi Stat Membru ieħor minn profitti li fuqhom kienet tħallset it-taxxa fuq il-kumpanniji f’dak l-Istat (il-kumpannija E fit-tabella).

78.      L-istess kwistjoni qamet fir-rigward tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 4 tal-ewwel rinviju FII, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li teżenta mill-ACT lil kumpanniji residenti li jqassmu lill-azzjonisti tagħhom dividendi li joriġinaw minn dividendi ta’ oriġini nazzjonali, tagħti, lil kumpanniji parent residenti li jqassmu lill-azzjonisti tagħhom dividendi ta’ oriġini barranija, il-possibbiltà li jagħżlu li jiġu ntaxxati taħt is-sistema FID. Fl-ewwel lok, is-sistema FID kienet tippermettilhom jirkupraw l-ACT imħallsa, iżda kienet tobbligahom l-ewwel iħallsu l-imsemmija taxxa u mbagħad jitolbu r-rimbors u, fit-tieni lok, kienet tipprovdi li l-kreditu ta’ taxxa għall-azzjonisti, li kien marbut ma’ dividendi mqassma minn dividendi ta’ oriġini nazzjonali, jintilef.

79.      Test Claimants u l-Kummissjoni jipproponu li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi 2 u 4 tal-ewwel sentenza FII għandha tapplika fil-każijiet deskritti fid-domandi 2(a) u 2(b). Madankollu, il-gvern tar-Renju Unit jipproponi li s-sentenza għandha tiġi interpretata li tfisser li l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE ma għandhomx jinkisru fiż-żewġ każijiet.

B –    Kunsiderazzjonijiet

80.      Mad-daqqa ta’ għajn, ma nara ebda raġuni għalfejn il-bidla tas-sussidjarja li tħallas it-taxxa (il-kumpanniji D jew E fit-tabella) għandha twassal għal interpretazzjoni differenti minn dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel sentenza FII. Fil-fatt, il-prinċipju legali li ġie applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti rilevanti tal-ewwel sentenza FII kien ta’ nondiskriminazzjoni bejn id-dividendi ta’ oriġini barranija u dawk ta’ oriġini nazzjonali u dan meta jiġi applikat l-għan tal-prevenzjoni tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit riedet tevita (41).

81.      Essenzjalment, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf jekk jeżistix diġà obbligu simili għall-Istati Membri abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, indipendentement mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/435 (42) peress li jidher ċar li d-Direttiva 90/435 u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet emendati, ma japplikawx, u dan minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni materjali u temporali tagħhom.

82.      Fuq din il-kwistjoni jiena naqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni. Hija tinnota li taħt l-iskema tal-ACT, kumpannija residenti tista’ tqassam id-dividendi lill-azzjonisti tagħha mingħajr ma tħallas ACT sakemm dawn id-dividendi kienu provenjenti minn dividendi mħallsa lilha minn sussidjarja residenti. Tali eżenzjoni mill-ACT ma kinitx disponibbli fil-każ ta’ dividendi ffinanzjati minn dividendi mħallsa minn sussidjarja barranija. Il-ħlas ta’ ACT fir-rigward ta’ dawn id-distribuzzjonijiet kien iwassal, tal-inqas, għal penali fir-rigward tal-indisponibbiltà tal-flus meta mqabbel ma’ distribuzzjonijiet iffinanzjati minn dividendi nazzjonali. F’ħafna każijiet, dan wassal għal taxxa addizzjonali fuq dħul barrani li ma kienx jeżisti u ma setax jeżisti fir-rigward tad-dħul nazzjonali. Din it-taxxa addizzjonali kienet tikkostitwixxi taxxa doppja ekonomika.

83.      Huwa importanti li jitfakkar li l-ACT kienet ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq il-kumpanniji. Għaldaqstant, kwalunkwe ħlas ta’ ACT fuq distribuzzjonijiet li kienu jinkludu dividendi barranin kien iġġustifikat biss sa fejn id-dividendi barranin kienu provenjenti minn profitti ntaxxati b’rata iktar baxxa minn dik applikabbli fir-Renju Unit.

84.      Fix-xenarju purament domestiku, l-ACT titħallas darba waħda, jew mis-sussidjarja tar-Renju Unit fuq id-distribuzzjoni tal-profitti tagħha jew mill-kumpannija parent fuq id-distribuzzjoni aħħarija lill-azzjonisti individwali. Il-ħlas ta’ ACT jiġi kkumpensat sussegwentement mal-ammont ta’ taxxa fuq il-kumpanniji ta’ waħda minn dawn il-kumpanniji. Fix-xenarju transkonfinali, ma hemm ebda raġuni għall-ħlas ta’ ACT peress li ma hemm ebda responsabbiltà għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit (ħlief biex tiġi koperta d-differenza fir-rati bejn ir-Renju Unit u l-Istat tal-oriġini).

85.      Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 87 tal-ewwel sentenza FII, kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija tinsab, fir-rigward tal-għan tal-prevenzjoni tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tevita, f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali, anki jekk din tal-aħħar biss tirċievi dividendi li fuqhom tkun tħallset l-ACT. Fil-fehma tiegħi, dan japplika indipendentement mill-fatt li hija tirċievi dawk id-dividendi permezz ta’ sussidjarja intermedjarja.

86.      Dawn ir-raġunijiet huma validi wkoll għar-risposta lid-domanda 2(b). Kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija barranija ma għandhiex tkun obbligata tħallas l-ACT peress li hija ma għandha ebda responsabbiltà għall-ħlas ta’ taxxa ġenerali fuq il-kumpanniji fir-rigward ta’ dawk id-dividendi (ħlief għal ħlas kumpensattiv kif issemma iktar ’il fuq). Bl-istess mod, il-kumpannija parent tagħha, li lilha hija tqassam il-profitti inklużi dawk id-dividendi, ma għandha ebda responsabbiltà għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tal-parti mill-profitti li jikkorrispondu għal dawk id-dividendi, u għaldaqstant ma hemm ebda bażi biex hija tkun obbligata tħallas l-ACT.

87.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li r-risposta għad-domanda 2 għandha tkun li ż-żewġ xenarji ppreżentati taħt (a) u (b) ma jagħmlu ebda differenza għar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi 2 u 4 tal-ewwel rinviju FII.

VI – Id-domanda 3

A –    Id-domanda u l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati

88.      Permezz tad-domanda 3, il-qorti nazzjonali tixtieq tesplora l-konsegwenzi li jirriżultaw possibbilment mir-risposta għad-domanda 2(b); jiġifieri, jekk kumpannija parent fir-Renju Unit li rċeviet dividendi barranin b’mod indirett permezz ta’ sussidjarja intermedjarja residenti ġiet obbligata tħallas l-ACT illegalment, għandha dritt għar-rimbors tat-taxxa mħallsa indebitament jew għandha dritt biss għall-kumpens tad-danni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame (43).

89.      Fuq din il-kwistjoni, il-qorti tar-rinviju tinnota li d-domanda 2 tal-ewwel rinviju FII kienet ibbażata fuq każ issemplifikat li fih l-ACT kienet tħallset minn kumpannija residenti fir-Renju Unit (kumpannija C fit-tabella) li rċeviet id-dividend direttament mis-sussidjarja fit-tarf li ma hijiex residenti (kumpannija D fit-tabella). Fil-prattika, madankollu, l-ACT kienet tħallset mill-kumpannija parent residenti aħħarija (il-kumpannija A fit-tabella) li tista’ tkun jew il-kumpannija parent diretta jew indiretta tal-kumpannija residenti (kumpannija C fit-tabella) li attwalment irċeviet id-dħul provenjenti minn barra (44).

90.      Meta l-każ irritorna quddiem il-qorti nazzjonali, HMRC ħadet il-pożizzjoni li l-ACT li tħallset mill-kumpannija parent aħħarija kienet ġiet imposta legalment (45). Test Claimants argumentaw, madankollu, li f’dawn iċ-ċirkustanzi kien hemm ksur tad-dritt tal-UE indipendentement minn jekk il-kumpannija residenti li rċeviet id-dividendi minn kumpannija mhux residenti ħallsitx l-ACT jew jekk għamlitx l-għażla biex jiġi kkalkolat id-dħul tal-grupp bir-riżultat li kienet kumpannija residenti iktar ’il fuq fil-ġerarkija li ħallset l-ACT. Għaldaqstant, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja jeżiġu fil-fatt li jkun hemm rimedju ta’ rimbors li jingħata lill-kumpannija, f’livell ogħla fil-ġerarkija, li attwalment ħallset l-ACT.

91.      Il-Kummissjoni tipproponi li l-kumpannija li tħallas l-ACT għandha biss dritt li titlob ir-rimbors tat-taxxa mħallsa indebitament. Min-naħa l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li jekk il-kumpannija residenti li rċeviet dividendi minn kumpannija mhux residenti bbenefikat minn eżenzjoni mill-ACT, il-ħlas sussegwenti tal-ACT mill-kumpannija parent diretta jew indiretta ta’ dik il-kumpannija ma jistax ikun is-suġġett ta’ kawża taħt id-dritt tal-UE għar-rimbors ta’ taxxa miġbura indebitament.

B –    Kunsiderazzjonijiet

92.      Abbażi tar-risposta proposta li tingħata lid-domanda 2(b) iktar ’il fuq, ma huwiex kompletament ċar jekk id-domanda 3 għandhiex tingħata risposta separata. Jidhirli li l-obbligu tal-Istati Membri biex jirrimborsaw it-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-UE diġà ġie ttrattat fid-dettall fil-ġurisprudenza eżistenti (46), sakemm warajh ma hemmx kwistjoni ta’ dritt nazzjonali li ma hijiex evidenti mid-digriet tar-rinviju u li l-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda jkollha l-ġurisdizzjoni li tirrispondi.

93.      Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-gvern tar-Renju Unit jinnota li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-dritt tal-UE jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ ACT fuq il-kumpannija parent ta’ kumpannija fit-tarf tar-Renju Unit, allura l-gvern tar-Renju Unit jaċċetta li l-kumpannija parent li tħallas l-ACT ikollha dritt għar-rimbors tat-taxxa miġbura indebitament. Kif intqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li r-risposta mogħtija fl-ewwel sentenza FII għad-domandi 2 u 4 għandhom japplikaw ukoll fis-sitwazzjoni deskritta fid-domanda 2(b) iktar ’il fuq.

94.      Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel sentenza FII, “id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi mħallsa fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet Komunitarji kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja” (47). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istat Membru jkun obbligat iħallas lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju.

95.      Dan l-obbligu huwa obbligu ta’ riżultat. L-eżekuzzjoni tiegħu hija kwistjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (48). Madankollu, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali għandu jkun hemm rimedju effettiv li jippermetti lill-persuna taxxabbli li ġġiegħel lill-Istat Membru jonora l-obbligu tiegħu, jiġifieri li jseħħ ir-rimbors tat-taxxa illegali (49).

96.      Kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fis-sentenza Accor, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina b’liema mod għandu fil-prattika jiġi rrimedjat ksur tal-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-moviment liberu tal-kapital (50).

97.      Fl-ewwel sentenza FII, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li “meta Stat Membru jiġbor taxxi bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju, l-individwi għandhom id-dritt għar-rimbors mhux biss tat-taxxa indebitament miġbura, iżda wkoll ta’ l-ammonti mħallsa lil dan l-Istat jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa”, inkluż it-telf ikkostitwit mill-indisponibbiltà ta’ ammonti ta’ flus wara l-ġbir prematur tat-taxxa (51). F’dan ir-rigward, fis-sentenza Metallgesellschaft et, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li “fejn il-ksur tad-dritt Komunitarju ma jirriżultax mill-ħlas tat-taxxa nnifisha iżda mill-fatt li din tħallset qabel il-waqt, l-għoti ta’ interessi jirrappreżenta rifużjoni ta’ dak li tħallas indebitament u jidher li huwa indispensabbli sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid it-trattament ugwali ggarantit mill-Artikolu 52 tat-Trattat” (52).

98.      Għandu jiġu nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddiskutiet ukoll il-kwistjoni tad-danni fl-ewwel sentenza FII. F’dan il-kuntest, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li t-tassazzjoni illegali tammonta wkoll għal att li l-konsegwenzi kawżali tiegħu jistgħu jwasslu għal kawża għad-danni taħt il-ġurisprudenza Francovich (53) li għandha tiġi evalwata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Brasserie du Pêcheur, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13. L-obbligu li tiġi rrimborsata t-taxxa illegali u l-interessi ma huwiex suġġett għal dawn il-kundizzjonijiet. Madankollu, in-natura legali ta’ dan l-obbligu hija ddefinita fis-sistema legali nazzjonali, mhux fid-dritt tal-UE (54).

99.      Għaldaqstant, inkwantu l-kumpanniji parent imsemmija fid-domanda 2(b) ġew obbligati jħallsu l-ACT kontra l-libertajiet fundamentali ggarantiti fit-Trattat, huma għandhom dritt għar-rimbors tat-taxxa u/jew tal-indisponibbiltà tal-flus li huma sofrew minħabba l-ħlas prematur tat-taxxa. L-Istat Membru għandu l-obbligu li jiżgura li jintlaħaq dan ir-riżultat fis-sistema nazzjonali. Fl-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu huwa għandu japplika l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

100. Id-dritt għar-rimbors huwa differenti mid-dritt għall-kumpens minħabba l-allegat dannu konsegwenzjali msemmi fil-punt 207 tal-ewwel sentenza FII, li jirriżulta minn din it-tassazzjoni illegali. Dan it-telf ekonomiku jista’ jiġi rkuprat taħt il-ġurisprudenza Francovich.

101. Ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun għaldaqstant li fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-domanda 2(b), il-kumpannija li tħallas l-ACT għandha dritt għar-rimbors tat-taxxa miġbura indebitament, mingħajr ma jkollha l-obbligu li tipprova li jeżistu l-kundizzjonijiet biex l-Istat Membru jinżamm responsabbli għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-UE.

VII – Id-domanda 4

A –    Id-domanda u l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati

102. Id-domanda 4 tikkonċerna d-dividendi li jitqassmu minn kumpanniji f’pajjiżi terzi. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk kumpannija residenti (eżempju, il-kumpannija C fit-tabella) tistax tinvoka l-Artikolu 63 TFUE fir-rigward ta’ dividendi li hija tirċievi minn sussidjarja li fuqha hija għandha influwenza deċiżiva u li hija residenti f’pajjiż terz (eżempju, il-kumpannija F fit-tabella).

103. Il-High Court tosserva li din il-kwistjoni ma kinitx imressqa espliċitament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel rinviju FII. Din il-kwistjoni tqum jekk, wara r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 1, il-qorti nazzjonali ssib li r-regoli tar-Renju Unit li jintaxxaw id-dividendi provenjenti minn kumpanniji residenti fi Stati Membri oħra jmorru kontra l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 63 TFUE.

104. Id-domanda 1 tal-ewwel rinviju FII kienet tikkonċerna d-dividendi provenjenti minn kumpanniji residenti fi Stati Membri oħra. Madankollu, meta l-kawża rritornat quddiem il-High Court, Test Claimants sostnew li fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li qiegħda tiżviluppa, is-sistema tar-Renju Unit kienet ukoll qed tmur kontra l-Artikolu 63 TFUE preżenti inkwantu kienet applikabbli għad-dividendi provenjenti minn kumpanniji sussidjarji residenti f’pajjiżi terzi. HMRC sostniet li l-Artikolu 63 TFUE ma japplikax għas-sitwazzjonijiet li fihom ir-Renju Unit kellu influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija tal-pajjiż terz u seta’ jiddetermina l-attivitajiet tagħha, peress li tali sitwazzjoni kienet taqa’ biss taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

105. Test Claimants u l-Kummissjoni jsostnu li fis-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq, kumpannija residenti tista’ tinvoka l-Artikolu 63 TFUE fir-rigward ta’ dividendi provenjenti minn sussidjarji residenti f’pajjiżi terzi li fuqhom hija teżerċita influwenza deċiżiva. Min-naħa l-oħra, skont il-gvern tar-Renju Unit, il-gvern Ġermaniż, il-gvern Franċiż u l-gvern Olandiż, kumpannija residenti ma tistax tinvoka l-Artikolu 63 TFUE peress li huma biss id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertà ta’ stabbiliment li jistgħu jiġu applikati għal dawk il-holdings u dawn ma japplikawx fir-rigward ta’ pajjiżi terzi.

B –    Kunsiderazzjonijiet

106. Il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat b’mod separat it-trattament fiskali tad-dividendi deħlin f’dak li jirrigwarda l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

107. It-tassazzjoni tad-dividendi provenjenti minn Stati Membri oħra tista’, skont ġurisprudenza stabbilita ħafna, taqa’ taħt l-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-Artikolu 63 TFUE dwar il-moviment liberu tal-kapital (55). Sabiex isir magħruf jekk liġi nazzjonali taqax taħt waħda jew oħra mil-libertajiet ta’ moviment, għandu jiġi kkunsidrat is-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (56).

108. Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun intiża li tapplika biss għal dak il-pussess ta’ azzjonijiet li jippermetti lill-pussessur jeżerċita influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u jiddetermina l-attivitajiet tagħha, din taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment (57). Meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali japplikaw għal shareholding li jinkiseb bl-intenzjoni biss li jsir investiment finanzjarju mingħajr ebda intenzjoni li jiġu influwenzati l-ġestjoni u kontroll tal-impriża, jiġifieri bħala investiment portfolio, dawn għandhom jiġu eżaminati esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital (58).

109. Għal dak li jirrigwarda t-trattament fiskali ta’ dividendi provenjenti minn pajjiżi terzi, sa llum il-ġurisprudenza indirizzat aspett wieħed biss ta’ din il-kwistjoni. Fl-ewwel sentenza FII, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat is-sitwazzjoni ta’ kumpannija residenti fir-Renju Unit li tirċievi dividendi minn kumpannija stabbilita f’pajjiż terz abbażi ta’ holding li ma jagħtix, lill-kumpannija li tirċievi d-dividendi, influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija li tagħmel id-distribuzzjoni u li ma jippermettilhiex tiddetermina l-attivitajiet tal-kumpannija distributriċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri nazzjonali bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jmorru kontra l-Artikolu 63 TFUE preżenti (59).

110. Il-kwistjoni li għandha tinqata’ f’dan il-każ tirrigwarda liema mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jekk ikun il-każ, japplikaw għat-trattament fiskali ta’ dividendi provenjenti minn kumpanniji li jkunu residenti f’pajjiżi terzi u li s-shareholding fihom jippermetti lill-pussessur jeżerċita influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u jiddetermina l-attivitajiet tiegħu, filwaqt li jibqa’ jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tapplikax esklużivament għal dawn is-sitwazzjonijiet.

111. Hemm żewġ għażliet prinċipali biex jiġu kklassifikati s-sitwazzjonijiet li fihom il-pussessur jeżerċita influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija ta’ pajjiż terz u jiddetermina l-attivitajiet tagħha.

112. L-ewwel waħda hija li jiġi propost paralleliżmu mas-sitwazzjoni intra-UE. Fi kliem ieħor, meta l-influwenza f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz tkun deċiżiva, l-evalwazzjoni għandha ssir fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital jiġi eskluż. Madankollu, peress li ma jeżisti ebda dritt għal-libertà ta’ stabbiliment fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi is-sitwazzjoni ma tkunx koperta mit-Trattat. Din hija l-pożizzjoni proposta mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-proċeduri preżenti (60)

113. It-tieni għażla hija li jiġi deċiż li d-diviżjoni bejn il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital tkun rilevanti biss f’sitwazzjoni intra-UE. Fir-relazzjonijiet bejn pajjiżi terzi, din id-distinzjoni ma hijiex neċessarja, u lanqas meħtieġa. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-kapital ikunu japplikaw fir-relazzjonijiet bejn pajjiżi terzi mhux biss għall-investimenti portfolio, iżda wkoll għal sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija li tħallas id-dividend f’pajjiż terz.

114. Fir-rigward tal-ewwel għażla, għandu jiġi nnotat li l-kriterji għall-applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital inħolqu u ġew applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-relazzjonijiet intra-UE. Skont il-ġurisprudenza, meta d-drittijiet tal-vot jaqbżu l-limitu ta’ 10 % f’sitwazzjoni intra-UE, iċ-ċentru tal-attenzjoni jdur minn fuq l-artikoli tat-Trattat li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-kapital għal fuq dawk li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment.

115. Fir-relazzjonijiet bejn pajjiżi terzi, dawn il-kriterji għall-applikabbiltà taż-żewġ libertajiet ma għandhomx għalfejn jiġu stabbiliti, jew fil-fatt ma jistgħux jiġu stabbiliti, peress li jistgħu japplikaw biss ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital. Ma hemm ebda artikolu ieħor fit-Trattat li jista’ jiġi applikat flok l-Artikolu 63 TFUE fir-relazzjonijiet bejn pajjiżi terzi meta jinqabeż il-limitu ta’ 10 % tad-drittijiet tal-vot . Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-kliem tat-Trattat li jindika li l-moviment liberu tal-kapital ma jkunx japplika fir-relazzjonijiet bejn pajjiżi terzi malli l-livell ta’ holding jaqbeż il-livell ta’ portfolio (61).

116. Jekk ir-regola nazzjonali tapplika indipendentement mid-daqs tal-holding, il-ġurisprudenza teżiġi li ssir analiżi, fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali taċ-ċentru tal-gravità tar-restrizzjoni, jiġifieri li tiġi identifikata l-libertà preċiża ristretta. Dan kien l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel sentenza FII (ara l-punti 37 u 38). L-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u meta l-miżura nazzjonali tmiss il-libertà l-oħra b’mod sussidjarju biss, tiġi analizzata l-libertà li tkun intmesset prinċipalment biss (62). Madankollu, ma jidhirlix li tali approċċ, li huwa orjentat lejn il-fatti, huwa ta’ għajnuna f’din is-sitwazzjoni, li fiha d-domanda preliminari hija ffokata fuq holdings li ma humiex portfolio, u ma hemm ebda regola dwar il-libertà ta’ stabbiliment li tapplika.

117. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi li fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, dispożizzjoni tal-liġi li permezz tagħha l-Istat Membru jeżenta mit-taxxa doppja ekonomika dividendi fir-rigward ta’ kull shareholding, indipendentement mid-daqs tiegħu, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.

118. Fid-dawl ta’ dan, hemm żewġ kwistjonijiet oħra li jeħtieġu attenzjoni.

119. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 63 TFUE, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 64(1) TFUE ma jippreġudikawx l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta’ xi restrizzjonijiet li kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993. Jidher li r-regoli nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jeżistu qabel din id-data. Barra minn hekk, sa fejn ir-regoli nazzjonali li ġew adottati wara l-31 ta’ Diċembru 1993 wasslu effettivament biex jittaffa l-effett tar-regoli dwar il-ħlas tal-ACT fuq kumpanniji li għandhom sussidjarji mhux residenti, dawn ma kinux jikkostitwixxu restrizzjoni ġdida (63). Dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

120. It-tieni nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-approċċ li qed nipproponi jien, il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tqum fir-rigward ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital fil-kuntest tal-kontroll ta’ investimenti f’kumpanniji ta’ pajjiż terz.

121. Kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-investimenti f’pajjiż terz iseħħu f’kuntest ġuridiku differenti mill-investimenti intra-UE, speċjalment fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva mal-awtoritajiet fiskali. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jirnexxielu juri li restrizzjoni tal-movimenti tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi hija ġġustifikata minħabba raġuni speċifika f’ċirkustanzi li fihom din ir-raġuni ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni valida għal restrizzjoni ta’ movimenti tal-kapital bejn l-Istat Membri. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis fid-dħul fiskali ma għandux jitqies li huwa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura restrittiva, u dan il-prinċipju japplika wkoll għad-dħul li jiġi minn pajjiżi terzi anki jekk ma jkunx hemm reċiproċità bejn l-Istati tal-oriġini li ma humiex membri u l-Istati Membri ta’ residenza (64).

122. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiskarta l-fatt li l-interpretazzjoni li jiena qiegħed nipproponi fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 63 TFUE tista’ tirrendi l-pożizzjoni tal-Istati Membri iktar vulnerabbli fir-rigward tal-kompetizzjoni fiskali dannuża li tiġi minn pajjiżi terzi. Dan japplika speċjalment jekk fil-kuntest tad-domanda 1 jiġi kkonstatat li r-Renju Unit għandu jeżenta d-dividendi ta’ oriġini barranija minħabba li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ imputazzjoni għad-dividendi ta’ oriġini barranija twassal għal livell ogħla ta’ tassazzjoni effettiva milli ġġib l-applikazzjoni tas-sistema ta’ eżenzjoni ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali (65). Għaldaqstant, finalment kwalunkwe interpretazzjoni li tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex twassal biex il-libertà ta’ stabbiliment tiġi estiża unilateralment u tiddaħħal mill-bieb ta’ wara għal pajjiżi terzi peress li żgur li dan ma kienx l-għan tat-TFUE.

123. Fid-dawl tas-suespost, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda 4 fis-sens li fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, dispożizzjoni tal-liġi li permezz tagħha Stat Membru jeżenta mit-taxxa doppja ekonomika dividendi fir-rigward tas-shareholdings kollha, indipendentement mid-daqs tagħhom, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.

VIII – Domanda 5

A –    Id-domanda u l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati

124. Id-domanda 5 tirrigwarda ċ-ċessjoni ta’ ACT u r-rimbors transkonfinali ta’ ACT. Id-domanda hija intiża li tiġi ċċarata r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 3 tal-ewwel rinviju FII. Dik id-domanda kienet tikkonċerna r-regoli tar-Renju Unit fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-ACT, li jippermettu lill-kumpannija parent residenti (il-kumpannija A fit-tabella) iċċedi l-eċċess ta’ ACT żejjed favur is-sussidjarji residenti tagħha (il-kumpanniji B u C fit-tabella) b’dana li l-ACT imħallsa tkun tista’ tiġi kkumpensata mal-ammonti ta’ taxxa fuq il-kumpanniji tas-sussidjarji. Dan kien ifisser li l-eċċess ta’ ACT ma setax jiġi ċedut lis-sussidjarji mhux residenti, u dan lanqas kieku dawn tal-aħħar kienu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit, minħabba li kellhom stabbiliment permanenti hemmhekk.

125. Fil-konklużjonijiet tiegħu fl-ewwel kawża FII, l-Avukat Ġenerali Geelhoed ikkonkluda li kien hemm restrizzjoni li tikser l-Artikoli 49 u 63 TFUE preżenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, illimitat id-diskussjoni ta’ din il-kwistjoni billi fil-punt 115 innotat li “l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha għall-impossibbiltà għal kumpannija residenti li tittrasferixxi eċċess ta’ l-ACT lil kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti sabiex dawn ikunu jistgħu jikkumpensawh bit-taxxa fuq il-kumpanniji li huma għandhom iħallsu fir-Renju Unit għall-attivitajiet imwettqa f’dan l-aħħar Stat Membru”. Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 139, kienet ukoll limitata għal dik il-kwistjoni u ma kinitx tkopri l-każ fejn is-sussidjarja mhux residenti ma kinitx suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpannija fir-Renju Unit.

126. Meta l-każ irritorna quddiem il-High Court, Test Claimants argumentaw li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx fehmet il-pożizzjoni tagħhom meta fis-seduta huma enfasizzaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ma kienet permessa ebda kumpensazzjoni anki fejn is-sussidjarja barranija kienet tinnegozja fir-Renju Unit permezz ta’ fergħa. Madankollu, huma ma ridux jillimitaw il-kwistjoni għal dik is-sitwazzjoni. Il-High Court aċċettat dan ir-raġunament u kkonkludiet li din l-interpretazzjoni ħażina wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillimita l-portata tar-risposta tagħha.

127. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, Test Claimants jargumentaw li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 3 tal-ewwel rinviju FII kienet tapplika wkoll meta l-profitti tas-sussidjarji mhux residenti, li ma setgħat issir ebda ċessjoni lilhom, ma humiex suġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru tal-kumpannija parent. Min-naħa l-oħra, il-gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jipproponu li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 3 tal-ewwel rinviju FII ma tapplikax għal din is-sitwazzjoni.

B –    Kunsiderazzjonijiet

128. Huwa utli li jitfakkar li, fl-ewwel sentenza FII, ġie deċiż li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit kienet tippermetti li l-eċċess ta’ ACT jiġi ċedut favur sussidjarja residenti sabiex jiġi kkumpensat bit-taxxa fuq il-kumpanniji li hija għandha tħallas fir-Renju Unit. Madankollu, il-leġiżlazzjoni ma kinitx tippermetti li l-ACT tiġi ċeduta u kkumpensata mal-ammont ta’ taxxa fuq il-kumpannija li sussidjarja mhux residenti għandha tħallas fir-Renju Unit. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-arranġament kien jikkostitwixxi vantaġġ fiskali għall-kumpanniji sussidjarji residenti li ma kinux igawdu minnu l-kumpanniji sussidjarji mhux residenti, u għaldaqstant kien jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment (66).

129. Madankollu, jidher li ma jeżisti ebda żvantaġġ jekk is-sussidjarja mhux residenti ma jkollha ebda taxxa fuq il-kumpanniji xi tħallas fir-Renju Unit. L-għan taċ-ċessjoni tal-ACT huwa li jiġi żgurat li l-ACT ċeduta tkun tista’ tiġi kkumpensata ma’ kwalunkwe taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit, peress li l-ACT hija ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit. Jekk l-ebda taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit ma tkun dovuta, ma jqum ebda bżonn ta’ ċessjoni jew kumpensazzjoni.

130. Kieku l-leġiżlazzjoni kellha tippermetti ċ-ċessjoni ta’ ACT minn kumpannija parent tar-Renju Unit lil sussidjarja mhux residenti mingħajr ebda responsabbiltà għal ħlas ta’ taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit, dan ikun ta’ vantaġġ għal dak il-grupp ta’ kumpanniji li iżda ma jitgawdiex minn grupp ta’ kumpanniji kompletament domestiku. Il-Kummissjoni tinnota ġustament li jekk il-kumpanniji mhux residenti, li ma jkollhom ebda taxxa xi jħallsu fir-Renju Unit, jitħallew jiksbu rimbors tal-eċċess ta’ ACT, dan jippermetti lil dak il-grupp inaqqas indebitament ir-responsabbiltà għall-ħlas ta’ taxxa fir-Renju Unit b’dana li r-Renju Unit jiċċaħħad minn taxxa fuq profitti li jkunu taxxabbli hemmhekk.

131. Sussidjarja li ma hijiex residenti fir-Renju Unit tista’, naturalment, tiġi obbligata tħallas taxxa fuq il-kumpanniji fi Stat Membru ieħor. F’dak il-każ, huwa l-obbligu ta’ dak l-Istat Membru li jiddetermina jekk għandux ikun hemm ħelsien mit-taxxa doppja ekonomika billi l-ammont ta’ ACT dovuta fir-Renju Unit jiġi kkumpensat mat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dak l-Istat Membru.

132. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda 5 fis-sens li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 3 fl-ewwel sentenza FII ma tapplikax meta s-sussidjarji mhux residenti, li ma tista’ ssir ebda ċessjoni lilhom, ma jkollhom ebda taxxa fuq il-kumpanniji xi jħallsu fir-Renju Unit.

IX – Konklużjoni

133. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi tal-High Court of Justice of England and Wales (Chancery Division) bil-mod kif ġej:

“1)       Ir-riferimenti għar-‘rati ta’ tassazzjoni’ u l-‘livelli ta’ tassazzjoni differenti’ fil-punt 56 tas-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra I-11753) jirreferu biss għal-livelli ta’ taxxa statutorji jew nominali.

Sussidjarjament, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li jkun kontra l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE li Stat Membru jżomm fis-seħħ u japplika miżuri bħalma huma dawk ineżami, li jeżentaw mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li tirċievi kumpannija li tirrisjedi f’dan l-Istat Membru mħallsa minn kumpanniji residenti oħrajn u li jimponu fuq id-dividendi li l-kumpannija tkun irċeviet minn kumpanniji li jirrisjedu fi Stati Membri oħrajn it-taxxa fuq il-kumpanniji, wara l-għoti ta’ eżenzjoni sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja għal kull taxxa minn ras il-għajn dovuta fir-rigward ta’ dan id-dividend u, taħt ċerti kundizzjonijiet, għat-taxxa bażika mħallsa mill-kumpanniji li ma humiex residenti fir-rigward tal-profitti tagħhom fil-pajjiż fejn jirrisjedu.

2)       Ma tagħmilx differenza għar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi 2 u 4 tar-rinviju li sar fil-kawża Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04) jekk:

(a)       it-taxxa fuq il-kumpanniji barranija ma titħallasx (jew ma titħallasx totalment) mill-kumpannija mhux residenti li tħallas id-dividend lill-kumpannija residenti, iżda dak id-dividend jitħallas mill-profitti li jinkludu dividendi mħallsa mis-sussidjarja diretta jew indiretta tagħha residenti fi Stat Membru u li tħallsu minn profitti li fuqhom tħallset taxxa f’dak l-Istat; u/jew

(b)      ma jsirx ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji (“advance corporation tax”) mill-kumpannija residenti li tirċievi d-dividend minn kumpannija mhux residenti, iżda li jitħallas mill-kumpannija parent residenti diretta jew indiretta tagħha meta jkun sar iktar tqassim tal-profitti tal-kumpannija riċevitriċi li direttament jew indirettament jinkludu d-dividend.

3)       Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-domanda 2(b) iktar ’il fuq, il-kumpannija li tħallas l-ACT (‘Advance Corporation Tax’) għandha dritt għar-rimbors tat-taxxa miġbura indebitament, mingħajr ma jkollha l-obbligu li tipprova li jeżistu l-kundizzjonijiet biex l-Istat Membru jinżamm responsabbli għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-UE.

4)       Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, dispożizzjoni tal-liġi li permezz tagħha Stat Membru jeżenta mit-taxxa doppja ekonomika dividendi fir-rigward tax-shareholdings kollha, indipendentement mid-daqs tagħhom, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.

5)       Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 3 fir-rinviju li sar fil-kawża Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04) ma tapplikax meta s-sussidjarji mhux residenti, li ma tista’ ssir ebda ċessjoni lilhom, ma jkollhom ebda taxxa fuq il-kumpanniji xi jħallsu fir-Renju Unit.”


1 —      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 —      Ġabra p. I-11753. Peress li din il-kawża hija mibnija fuq l-ewwel kawża FII, huwa preżunt li l-qarrej diġà qara kemm il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed kif ukoll is-sentenza.


3 —      Id-digriet tar-rinviju kopra żewġ suġġetti, u kien fih total ta’ disa’ domandi. L-ewwel ħames domandi jikkonċernaw il-liġijiet fiskali Britanniċi sostantivi inkwistjoni. L-aħħar erba’ domandi jikkonċernaw ir-rimedji u l-kwistjonijiet temporali.


4 —      Analiżi konċiża tar-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali bbażati fuq it-tassazzjoni diretta hija mogħtija minn, pereżempju, V. Metzler, “The relevance of the Fundamental Freedoms for Direct Taxation”, f’M. Lang et al. (edituri.), Introduction to European Tax Law on Direct Taxation, Linde, Vjenna, 2008, p. 35. Dwar id-diskussjoni inġenerali, ara, pereżempju, S. Kingston, “A light in the darkness: recent developments in the ECJ’s direct tax jurisprudence”, Common Market Law Review, 2007, p. 1321-1359, M. Graetz — A. Warren, “Dividend Taxation in Europe: When the ECJ makes tax policy”, Common Market Law Review, 2007, p. 1577—1623 u J. Snell, “Non-discriminatory Tax Obstacles in Community Law”, International and Comparative Law Quarterly 2007, p. 339.


5 —      Is-sistema oriġinali tal-Advance Corporation Tax (“ACT”) tħaddmet mill-1973. Hija ġiet emendata b’effett mill-1 ta’ Lulju 1994, fejn ġie introdott it-trattament tal-Foreign Income Dividend (“FID”). Għal deskrizzjoni iktar dettaljata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-proċeduri nazzjonali, ara l-ewwel sentenza FII, punti 6 sa 30 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gellhoed, punti 2 sa 22.


6 —      Kien jingħata kreditu għal kull taxxa minn ras-il għajn u, taħt ċerti kundizzjonijiet, għat-taxxa bażika mħallsa mill-kumpanniji mhux residenti fuq il-profitti tagħhom fil-pajjiż fejn jirrisjedu.


7 —      Għal finijiet ta’ ċarezza, dejjem qed nirreferi għat-Trattat FUE.


8 —      Punt 73 tal-ewwel sentenza FII.


9 —      Punt 73 tal-ewwel sentenza FII; ara wkoll il-punt 57 tal-ewwel sentenza FII. Dan il-bran jidher li fih lapsus linguae: is-sentenza titkellem fuq “the tax rate applied to nationally-sourced dividends”. Madankollu, fis-sentenza tagħha, il-High Court tinnota li d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali huma eżentati mit-taxxa. L-eżistenza ta’ dan l-iżball fl-ewwel sentenza FII tipprekludi, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni litterali ta’ din is-sentenza.


10 —      Kawżi magħquda Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, Ġabra p. I-305, punt 86) u s-sentenza Accor (C-310/09, Ġabra p. I-8115, punt 44). 


11 —      Għall-finijiet ta’ ċarezza, nixtieq inżid li d-deċiżjoni oriġinali tal-High Court tas-27 ta’ Novembru 2008 biex isir it-tieni rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja kien fih biss id-domandi 2, 3 u 5 (ara [2008] EWHC 2893 (Ch)). Din id-deċiżjoni kienet parzjalment appellata, u l-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell), permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Frar 2010 (ara [2010] EWCA Civ 103), żiedet id-domanda 1, u s-Supreme Court (il-Qorti Suprema), wara appell ulterjuri, żiedet id-domanda 4 wara d-digriet tagħha tat-8 ta’ Novembru 2010. Id-domandi inklużi fit-talba għal deċiżjoni preliminari kienu stabbiliti kompletament fl-imsemmi digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010 tal-High Court. F’dan il-każ, id-domandi magħmula għaddew minn proċedura nazzjonali dettaljata u jirriflettu kunsiderazzjonijiet dettaljati u bir-reqqa tal-kwistjonijiet li fuqhom il-qorti nazzjonali tixtieq assistenza mill-Qorti tal-Ġustizzja.


12 —      Sentenza San Giorgio (199/82, Ġabra p. 3595).


13—      Kawżi Magħquda Brasserie du Pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029).


14 —      F’ċerti sitwazzjonijiet ta’ taxxa internazzjonali, il-kumpanniji C, D u F jistgħu jaġixxu bħala dawk imsejħa “kumpanniji fit-tarf” (“water’s edge companies”) li jintużaw biex jindirizzaw it-tqassim minn/lejn kumpanniji oħra fil-grupp.


15 —      Punt 56 tal-ewwel sentenza FII jinsab iċċitat iktar ’il fuq fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16—      Punt 55.


17 —      Essenzjalment, din hija wkoll il-pożizzjoni tal-gvern Franċiż li, madankollu, jasal għal konklużjonijiet differenti minn din il-pożizzjoni; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 iktar ’il quddiem.


18—      Punt 50 tal-konklużjonijiet.


19 —      Fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Novembru 2008 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 51 tas-sentenza) il-High Court tinnota li l-kumpannija parent tar-Renju Unit mhux bilfors tħallas it-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata statutorja fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija tagħha, peress li jista’ jkollha xi eżenzjonijiet disponibbli għaliha. Fi kliem ieħor, ir-rata effettiva fuq dividendi ta’ oriġini barranija tista’ tkun ukoll iktar baxxa mir-rata statutorja u l-piż ta’ taxxa medju mhux “dejjem” jiżdied sar-rata standard tar-Renju Unit kif kien qal l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu (punt 50 tal-konklużjonijiet, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).


20 —      Ara l-punt 48 flimkien mal-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21 —      Punt 56 tal-ewwel sentenza FII, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22 —      In-newtralità fl-esportazzjoni tal-kapital tista’ tiġi kkaratterizzata bħala s-sitwazzjoni “fejn l-investituri huma suġġetti għall-istess livelli ta’ taxxi fuq dħul kapitali indipendentement mill-pajjiż tal-qliegħ tad-dħul”. Min-naħa l-oħra, in-newtralità fl-esportazzjoni tal-kapital tirreferi għas-sitwazzjoni “fejn l-investimenti f’pajjiż huma suġġetti għall-istess livell ta’ taxxi indipendentement minn jekk dawn isirux minn investitur nazzjonali jew barrani”. Il-metodu tal-kreditu huwa eżempju tal-ewwel prinċipju, filwaqt li l-metodu tal-eżenzjoni huwa eżempju tat-tieni wieħed. Ara B. Larking, IBFD International Tax Glossary. Edizzjoni Nru 5, Amsterdam, IBFD 2005.


23 —      Din hija l-interpretazzjoni tiegħi tal-prinċipju li fuqu huma bbażati, pereżempju, is-sentenzi Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I-4071);
Bosal (C-168/01, Ġabra p. I-9409); Lenz (C-315/02, Ġabra p. I-7063); Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477); Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837); u Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995).


24 —      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżentati fil-kawża Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra p. I-11673, punti 31 sa 54) u fl-ewwel kawża FII, punt 38; sentenza Kerckhaert u Morres (C-513/04, Ġabra p. I-10967, punti 20 u 22 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed, punt 31.


25 —      Ara l-punt 8 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


26 —      Ara t-taqsima (e) iktar ’il quddiem (punti 58 et seq).


27 —      Għandu jingħad ukoll li din is-soluzzjoni ma ġietx inkluża fid-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 147).


28 —      Ninnota li fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tistieden lill-Istat Membru li japplika tali miżura biex idaħħal klawżola ta’ salvagwardja li tillimita l-portata tiegħu għal dividendi mqassma minn kumpannija li hija suġġetta għas-sistema normali ta’ tassazzjoni fl-Istat tal-oriġini.


29 —      Dwar il-krediti għat-taxxa fittizja (tax sparing credits) ara T. Viherkenttä, Tax incentives in developing countries and international taxation, Deventer, Kluwer 1991, p. 140-177 u 206; u B. Terra, — P. Wattel, European Tax Law, Edizzjoni nru 6, Alphen an den Rijn, Wolters Kluwer, 2012, p. 215. Sar riferiment reċenti għall-kreditu għat-taxxa fittizja fis-sentenza Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C-157/10, Ġabra p. I-13023, punt 35).


30 —      Il-kliem “rata ta’ taxxa effettiva” ġew iddefiniti bħala “[t]he taxpayers actual tax liability (or a reasonable estimate thereof) expressed as a percentage of a pre-tax income base rather than as a percentage of taxable income, i.e. tax rates which take into account not only the statutory tax rate, but other aspects of the tax system which determine the amount of tax paid. The effective rate of tax indicates the real, economic tax burden as opposed to the relationship between the tax liability and the profits, etc., as artificially adjusted for tax purposes”. Ara Larking, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, p. 146.


31 —      Fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-rati ta’ taxxa effettivi, ara, pereżempju, G. Nicodème, Computing effective corporate tax rates: comparisons and results, European Commission, Economic paper, Numru 153 Ġunju 2001, disponibbli fuq is-sit http://europa.eu.int/economy_finance.


32 —      Il-maġġoranza fil-Court of Appeal (ara l-Anness 3 tas-sentenza tal-Court of Appeal tat-23 ta’ Frar 2010, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11) issostni li jekk wieħed jippreżumi li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tirreferi għar-rati effettivi fl-ewwel sentenza FII, dan ifisser li hija fehmet ħażin l-argumenti ta’ Test Claimants, l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed.


33 —      Punt 50 tal-konklużjonijiet, iċċitat fil-punt 29 iktar ’il fuq.


34 —      Fl-ewwel sentenza FII kienet ġiet ikkonstata restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li jikkonċerna l-investimenti portfolio peress li ma kien hemm ebda kreditu ta’ taxxa disponibbli, u għaldaqstant wassal għal taxxa doppja ekonomika.


35—      Iċċitata fil-punt 89 tas-sentenza.


36—      Ara l-punti 33, 34 u 39 tal-konklużjonijiet. Proprjament, ir-risposta proposta mill-gvern Franċiż f’dawn il-proċeduri titlob, essenzjalment, li l-qorti nazzjonali teżamina, abbażi tar-rati ta’ taxxa effettivi imposti fuq il-kumpanniji distributuri tar-Renju Unit u l-kumpanniji riċevituri tar-Renju Unit jekk is-sistema ta’ eżenzjoni applikata hijiex intiża, fil-verità, biex tnaqqas it-taxxa doppja ekonomika jew it-tassazzjoni katina jew biex tagħmilha possibbli għall-kumpanniji riċevituri biex jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet fiskali tal-kumpannija distributriċi li ma humiex eċċezzjonali.


37 —      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 38.


38 —      Il-Kummissjoni, ġustament, tinnota li s-sistema asimetrika twassal għal trattament differenti ta’ eżenzjoni simili mogħtija fl-Istat tal-oriġini u fl-Istat ta’ residenza. Madankollu, huwa possibbli wkoll li l-Istat ta’ residenza jkollu sistema ta’ taxxa li biha d-differenzi bejn il-livelli effettivi u statutorji tat-taxxa fuq il-kumpanniji jirriżultaw biss minn possibbiltajiet ġenerużi biex wieħed jibbenefika fuq il-livell tal-grupp, mit-telf imġarrab minn kumpannija li tappartjeni lill-grupp filwaqt li l-Istat tal-oriġini jkollu politika li biha jingħataw vantaġġi fiskali sinjifikattivi abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet industrijali u reġjonali.


39—      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


40—      Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.


41—      Ara l-ewwel sentenza FII, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 87.


42 —      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandi nsemmi li din il-kwistjoni hija sa ċertu punt irregolata mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Fil-fatt, il-verżjoni oriġinali tat-tieni subinċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 kien jirreferi għat-“taxxa fuq il-korporazzjonijiet imħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti”. Fl-2003, madankollu, il-Kummissjoni pproponiet li din il-parti tiġi emendata biex taqra hekk “taxxa fuq il-korporazzjonijiet li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti u mħallas mis-sussidjarja u minn kull sussidjara fi skala iktar baxxa”, ara COM(2003) 462, punti 17 sa 19. Il-Kunsill adotta din l-emenda fid-Direttiva 2003/123/KE, iżda żied proviso li jgħid “bla ħsara għall-kondizzjoni illi f’kull skaluna kumpannija u s-sussidjara ta’ l-iskaluna iktar baxxa tagħha jissodisfaw il-ħtiġiet ipprovvduti fl-Artikolu 2 u 3” [ara d-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2003 (ĠU 2004 L 7, p. 41)].


43—      Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.


44 —      Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. 1-1727).


45—      Ara l-punt 83 iktar ’il fuq.


46 —      Ara, pereżempju, is-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, u l-ewwel sentenza FII.


47 —      Ara l-punt 202 tal-ewwel sentenza FII, li tiċċita s-sentenza San Giorgio, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 12. Ara wkoll is-sentenza Accor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71.


48 —      Kawżi maqgħuda Q-Beef u Bosschaert (C-89/10 u C-96/10, Ġabra p. I-7879, punt 32) u s-sentenza Lady & Kid et (C-398/09, Ġabra p. I-7375, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49—      Sentenza Factortame et (C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 19).


50—      Sentenza Accor, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10,punt 80.


51 —      Ara l-punt 205 tal-ewwel sentenza FII.


52 —      Ara Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 87.


53—      Ara l-kawżi magħquda Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357).


54 —      Talbiet biex jiġi eżegwit tali obbligu jistgħu jaqgħu taħt diversi kunċetti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, bħalma huma l-condictio indebiti, répétition de l’indû jew arrikkiment indebitu jew restituzzjoni.


55 —      Ara l-ewwel sentenza FII, punt 36, u s-sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 33.


56—      Ara s-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 31 sa 33); Fidium Finanz (C-452/04, Ġabra p. I-9521, punti 34 u 44 sa 49); Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punti 37 u 38; l-ewwel sentenza FII, punt 36, u s-sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, Ġabra p. I-2107, punti 26 sa 34) u Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 34. Ara wkoll Terra — Wattel, op.cit., p. 77 sa 78.


57 —      Ara s-sentenza Baars (C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 22), l-ewwel sentenza FII, punt 37, u s-sentenza Idrima Tipou (C-81/09, Ġabra p. I-10161, punt 47) u Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 35.


58 —      Ara l-ewwel sentenza FII, punt 38, u s-sentenza Glaxo Wellcome (C-182/08, Ġabra p. I-8591, punti 40 u 45 sa 52).


59 —      Ara l-ewwel sentenza FII, punti 38, 165 u 166.


60 —      L-Avukat Ġenerali Trstenjak reċentement sostniet din il-pożizzjoni wkoll. Ara l-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża C-31/11, Scheunemann, punt 64.


61 —      Fiż-żmien meta l-KE lliberalizzat kompletament il-movimenti tal-kapital mhux biss bejn l-Istati Membri iżda wkoll bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, ma kienx hemm sinjali ċari dwar l-iżvilupp futur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.


62—      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 hawn fuq.


63 —      Ara l-ewwel sentenza FII, punti 189 sa 196.


64 —      Ara l-ewwel sentenza FII, punt 171; Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen,iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 punti 119 sa 131 u l-ġurisprudenza ċċitata, inkluż is-sentenza Établissements Rimbaud (C-72/09, Ġabra p. I-10659).


65 —      Il-Kummissjoni tinnota li jekk id-dividendi provenjenti minn pajjiżi oħra li l-leġiżlazzjoni tagħhom tipprovdi għal rata ta’ taxxa iktar baxxa jiġu eżentati, dan ikun ifisser li l-kumpanniji residenti jiġu ntaxxati biss b’dik ir-rata iktar baxxa fuq id-dħul korrispondenti u, għaldaqstant, iwassal għal trattament iktar favorevoli għall-investiment barrani.


66 —      Ara l-ewwel sentenza FII, punt 132.