Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 2012 (1)

Kawża C-137/11

Partena ASBL

vs

Les Tartes de Chaumont-Gistoux SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour du Travail de Bruxelles (il-Belġju)]

“Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 13 u 14(ċ) — Stat Membru fejn l-attività tiġi eżerċitata — Nondiskriminazzjoni — Moviment liberu tal-persuni — Dritt ta’ stabbiliment”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13 u 14(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati [, għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (2), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (3), u l-Artikolu 21 TFUE.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-kuntest ta’ kawża bejn Partena ASBL (“Partena”), l-uffiċċju tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-Belġju u Les Tartes de Chaumont Gistoux SA, (“il-kumpannija”) għall-irkupru ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn Rombouts, aġent [mandatarju] tal-kumpannija, għall-perijodu mill-ewwel kwart tal-1999 sar-raba’ kwart tal-2007.

3.        Il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar jekk il-ġestjoni minn pajjiż barrani ta’ kumpannija suġġetta għat-taxxa fi Stat Membru tistax tiġi kkunsidrata bħala eżerċizzju ta’ dik l-attività f’dak l-Istat Membru għall-finijiet ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk preżunzjoni inkonfutabbli, stabbilita mil-liġi, li permezz tagħha aġent [mandatarju] ta’ kumpannija li jiġġestixxi minn pajjiż barrani kumpannija, li hija suġġetta għat-taxxa fi Stat Membru, huwa kopert mill-iskema tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ta’ dak l-Istat Membru, hijiex prekluża mill-Artikolu 21 TFUE.

II – Il-kuntest legali

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Jien tal-fehma illi l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 49 TFUE japplikaw għal din il-kawża. L-Artikolu 13 u l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, li jinsabu fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament u intitolati “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli” japplikaw ukoll.

B –    Id-dritt nazzjonali

5.        Taħt il-liġi Belġjana, il-kopertura mill-iskema tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom hija rregolata bid-Digriet Irjali Nru 38 tas-27 ta’ Lulju 1967 dwar l-applikazzjoni tal-iskema tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom (4), li kienet emendata, b’mod partikolari, bid-Digriet Irjali tat-18 ta’ Novembru 1996 dwar id-dispożizzjonijiet finanzjarji u oħrajn dwar l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-ħaddiema indipendenti, skont it-Titolu VI tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 1996 dwar il-modernizzazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali u li tiżgura l-vijabbiltà tal-iskemi tal-pensjoni legali u l-Artikolu 3 tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 1996 li tiżgura l-kundizzjonijiet baġitarji għall-parteċipazzjoni Belġjana fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (5).

6.        L-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38 dwar l-applikazzjoni tal-iskema tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, jipprovdi li “persuna li taħdem għal rasha hija kull persuna naturali li terżerċita fil-Belġju attività professjonali li għaliha ma hijiex marbuta b’kuntratt ta’ xogħol jew b’numru ta’ termini jew kundizzjonijiet standard”.

7.        Is-segwenti subparagrafu 4 ġdid kien miżjud bid-Digriet Irjali, tat-18 ta’ Novembru 1996 mal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38:

“persuni nominati bħala aġenti [mandatarji] ta’ kumpannija jew assoċjazzjoni li hioja suġġetta għat-taxxa tal-kumpanniji Belġjana jew it-taxxa Belġjana għal dawk mhux residenti għandhom ikunu preżunti b’mod inkonfutabbli li jerżerċitaw fil-Belġju attività professjonali bħala persuni li jaħdmu għal rashom.”

8.        Bis-sentenza 176/2004, tat-3 ta’ Novembru 2004, il-Qorti Kostituzzjonali (6) ddikjarat fis-subparagrafu 4 tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38 antikostituzzjonali fir-rigward tal-aġenti [mandatarji] ta’ kumpanniji li għandhom iħallsu t-taxxa tal-kumpanniji Belġjana jew it-taxxa Belġjana għal dawk mhux residenti u li ma jiġġestixxux il-kumpannija inkwistjoni minn pajjiż barrani. Dik il-qorti kkunsidrat li l-preżunzjoni inkonfutabbli fir-rigward ta’ dawk l-aġenti [mandatarji] kienet sproporzjonata għax ma tippermettix lill-aġenti [mandatarji] li jkunu waqfu mill-attività tagħhom li jippruvaw il-waqfien tagħhom, ħlief billi jirriżenjaw u jitterminaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-istatus tagħhom ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Madankollu l-Qorti Kostituzzjonali ma kkunsidratx li l-dispożizzjoni inkwistjoni kienet antikostituzzjonali fir-rigward ta’ aġenti [mandatarji] li jiġġestixxu kumpanniji simili minn pajjiż barrani. Dik il-qorti kkunsidrat li n-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni setgħet titqies neċessarja sabiex tiżgura li dawn l-aġenti [mandatarji] jkunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom, peress li l-awtorità nazzjonali ma kellhiex, fir-rigward ta’ dawn il-persuni, l-informazzjoni u s-setgħat li kellha fir-rigward tal-aġenti [mandatarji] li jiġġestixxu kumpanniji fil-Belġju.

9.        Skont l-Artikolu 15(1)(3) tad-Digriet Irjali Nru 38, kumpanniji huma responsabbli flimkien u solidalment mal-aġenti [mandatarji] tagħhom għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-aġenti [mandatarji] tagħhom

III – Il-kwistjoni fil-proċedura prinċipali u domandi magħmula

10.      Il-kumpannija twaqqfet fis-17 ta’ April 1993. Hija suġġetta għat-taxxa Belġjana peress li s-sede tagħha jinsab hemm. Fil-laqgħa ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 1995, Rombouts u Van Acker kellhom nofs il-kapital tal-kumpannija kull wieħed. Il-laqgħat ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2000 u tas-7 ta’ Ġunju 2006 ġeddew it-termini tal-mandat tagħhom bħala diretturi.

11.      Rombouts ilu residenti fil-Portugall sa mill-aħħar tal-1999. Huwa kien impjegat hemmhekk jew kien jirċievi l-benefiċċju tal-qgħad hemmhekk, mill-1 ta’ Jannar 2001 sa Lulju 2005. Skont il-qorti tar-rinviju, Rombouts kien jaħdem għal rasu fil-Portugall minn Novembru 2007. Dik il-qorti tinnota li l-kumpannija ssostni li dan il-perijodu ta’ xogħol għal rasu beda f’Novembru 2005.

12.      Fit-28 ta’ Mejju 2008, Partena nnotifika lil Rombouts u lill-kumpannija ordni għall-ħlas ta’ EUR 125 696.50 bħala kontribuzzjonijiet dovuti minn Rombouts għall-perijodu mill-ewwel kwart tal-1999 sar-raba’ kwart tal-2007.

13.      Permezz ta’ kawża ppreżentata fil-5 ta’ Awwissu 2008, il-kumpannija opponiet din l-ordni quddiem it-Tribunal du travail (Qorti tax-Xogħol) ta’ Nivelles. B’sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2009, it-Tribunal du travail iddikjara, inter alia, li l-oppożizzjoni kienet iġġustifikata.

14.      Partena ppreżenta appell quddiem il-Cour du travail de Bruxelles (il-Belġju) fid-29 ta’ Jannar 2010. Matul il-proċeduri, Partena ammetta li, fid-dawl tal-istatus ta’ impjegat ta’ Rombout fil-Portugall sa mill-1 ta’ Jannar 2001, huwa ma jistax jibqa’ kopert bl-iskema Belġjana tas-sigurtà soċjali għal persuni li jaħdmu għal rashom ħlief fuq bażi sekondarja. Għalhekk l-ammont li qed jintalab issa mingħand Partena huwa ta’ EUR 68 317.61 flimkien mal-interessi, u mhux is-somma ta’ EUR 125 696.50.

15.      Il-kumpannija ssostni li s-sentenza tat-Tribunal du travail għandha tkun ikkonfermata u li Partena għandu jkun ordnat iħallas l-ispejjeż. Il-kumpannija ma taqbilx mal-allegazzjoni li Rombouts huwa kopert mill-iskema tas-sigurtà soċjali għal persuni li jaħdmu għal rashom fil-Belġju. Alternattivament, il-kumpannija titlob li jsir rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari fuq id-domanda dwar jekk, inter alia, is-subparagrafu 4 tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38 huwiex konformi mal-Artikolu 18 KE (issa l-Artikolu 21 TFUE).

16.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour du travail de Bruxelles (Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1      Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71 u, b’mod partikolari l-Artikolu 14c,, Stat Membru, jista’, fil-kuntest tal-kompetenza tiegħu li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-issuġġettar għas-sistema ta’ sigurtà soċjali li huwa jimplementa għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom, jittratta il-“ġestjoni minn pajjiż barrani ta’ kumpannija soġġetta għat-taxxa ta’ dan l-Istat” bl-istess mod bħal eżerċizzju ta’ attività fit-territorju tiegħu?

2      Is-subparagrafu 4 tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Nru 38, tas-27 ta’ Lulju 1967, li jorganizza l-iskema tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza iggarantit mill-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sa fejn ma jħallix lill-persuna li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor u li tmexxi minn pajjiż barrani kumpannija suġġetta għat-taxxa Belġjana sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni tal-persuna taxxabbli li hija koperta mis-sigurtà soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, filwaqt li aġent [mandatarju] li jirrisjedi fil-Belġju u li ma jmexxix kumpannija bħal din minn pajjiż barrani għandu l-għażla li jikkonfuta l-preżunzjoni u li jressaq il-provi li ma jwettaqx attività indipendenti fis-sens tas-subparagrafu 1 tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-kumpannija, mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta li nżammet fit-22 ta’ Marzu 2012 dawn il-partijiet kollha għamlu sottomissjonijiet orali.

V –    Kunsiderazzjonijiet

A –    Ammissibbiltà

18.      Il-Gvern Belġjan iqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ ammissibbiltà.

19.      L-ewwel nett, il-Gvern Belġjan jikkunsidra li ż-żewġ domandi magħmulin huma inammissibbli għaliex il-preżunzjoni inkonfutabbli inkwistjoni ma tapplikax għal Rombouts. Dik il-preżunzjoni tapplika biss għall-aġenti [mandatarji] li jiġġestixxu minn pajjiż barrani kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fil-Belġju u li ma jiddikjaraw l-ebda dħul bħala aġenti [mandatarji] f’dak l-Istat billi jinvokaw in-natura mhux remunerattiva tal-mandat tagħhom. Skont il-Gvern Belġjan dan iseħħ sabiex jiġi evitat il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, peress li sabiex ikun ikkunsidrat bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu fil-Belġju, ħaddiem għandu jeżerċita, inter alia, attività professjonali, kunċett li jirrikjedi li l-attività tkun waħda għal remunerazzjoni.

20.      Il-Gvern Belġjan isostni li matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Rombouts kien suġġett għat-taxxa Belġjana bħala persuna mhux residenti minħabba l-attività tiegħu bħala aġent [mandatarju] tal-kumpannija skont l-Artikoli 2(1)(1)(a), 227(1) u 228(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq l-Income tal-1992 u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar Tassazzjoni Doppja bejn il-Belġju u l-Portugall (7).

21.      Barra minn hekk, skont il-Gvern Belġjan, Rombouts ma kkontestax il-fatt li huwa kien suġġett għat-taxxa fuq l-Income Belġjana. Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tiegħu kienu kkalkolati abbażi tad-dħul tiegħu bħala aġent [mandatarju] li kien ikkunsidrat mill-amministrazzjoni tat-taxxa u kkomunikat lill-Institut National d’Assurances Sociales pour Travailleurs Indépendants (“Inasti”). Għalhekk, la Rombouts u lanqas il-kumpannija ma jistgħu jinvokaw in-natura mhux remunerattiva tal-mandat tiegħu billi jibbażaw ruħhom fuq il-ksur tar-rekwiżit tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali.

22.      It-tieni nett, skont il-Gvern Belġjan, id-domandi magħmulin huma inammissibbli għax jitolbu evalwazzjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

23.      Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx bażi sabiex tintlaqa’ l-ewwel oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Belġjan. Filwaqt li l-interpretazzjoni tal-liġi tat-taxxa nazzjonali u internazzjonali proposta mill-Gvern Belġjan tista’ tkun korretta, jien tal-fehma li huwa ċar mid-digriet tar-rinviju li l-kwistjoni li l-qorti tar-rinviju għandha ssolvi tikkonċerna jekk il-liġi Belġjana tas-sigurtà soċjali tapplikax għal Rombouts. Din l-evalwazzjoni hija neċessarjament ibbażata fuq ir-regoli li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju titlob gwida għall-interpretazzjoni tar-regoli tal-moviment liberu stabbiliti fit-Trattat (8). F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

24.      Fir-rigward tal-oġġezzjoni ta’ ammissibbiltà għaliex id-domandi jitolbu evalwazzjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, huwa suffiċjenti li jingħad li huwa ċar mill-formulazzjoni ta’ dawn id-domandi li huma jitolbu interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, f’dan il-każ, ta’ dispożizzjonijiet varji tar-Regolament Nru 1408/71 u tar-regoli tal-moviment liberu.

B –    Il-mertu

1.      L-ewwel domanda

25.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk skont l-Artikoli 13 u 14(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, Stat Membru jistax jipprovdi li aġent [mandatarju] ta’ kumpannija suġġetta għat-taxxa f’dak l-Istat Membru (9) jeżerċita attività hemmhekk għalkemm l-aġent [mandatarju] jiġġestixxi l-kumpannija minn pajjiż barrani. Għalhekk l-ewwel domanda titlob gwida dwar fejn l-attività tal-impjegat jew ta’ minn jaħdem għal rasu tiżvolġi, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet.

26.      L-Artikoli 13 u 14(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 jaqgħu taħt it-Titolu II ta’ dak ir-regolament li huwa intitolat “Determinazzjoni tal-Leġislazzjoni Applikabbli”. Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li jistabbilixxu l-leġiżlazzjoni applikabbli jiffurmaw sistema kompleta ta’ regoli dwar kunflitt li l-effett tagħhom huwa li jneħħu s-setgħa tal-leġiżlaturi nazzjonali li jistabbilixxu l-portata u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f’dan il-qasam, f’dak li jirrigwarda l-persuni suġġetti għaliha u f’dak li jirrigwarda t-territorju li fih id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipproduċu l-effetti tagħhom(10).

27.      Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 huma intiżi mhux biss sabiex jiżguraw li persuni koperti b’dak ir-regolament ma jitħallewx mingħajr kopertura ta’ sigurtà soċjali għaliex ma hemmx leġiżlazzjoni applikabbli għalihom, iżda wkoll sabiex jevitaw l-applikazzjoni ta’ numru ta’ sistemi leġiżlattivi nazzjonali fl-istess ħin u l-kumplikazzjonijiet li dan jista’ joħloq (11).

28.      Ir-regoli ta’ kunflitt stabbiliti mir-Regolament Nru 1408/71 huma vinkolanti għall-Istati Membri u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tiddependi biss mis-sitwazzjoni oġġettiva tal-ħaddiem ikkonċernat (12).

29.      Fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tan-natura vinkolanti tar-regoli inkwistjoni u saħansitra tal-għan speċifiku tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, Stat Membru ma jistax unilateralment jagħti lilu nnifsu s-setgħa li jistabbilixxi jekk ħaddiem huwiex suġġett għal-leġiżlazzjoni tiegħu billi jipprovdi li dak il-ħaddiem wettaq attività f’dak l-Istat Membru meta dik id-determinazzjoni ma tikkorrispondix mas-sitwazzjoni oġġettiva tal-ħaddiem ikkonċernat u r-regoli vinkolanti għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

30.      Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aldewereld (13), il-leġiżlazzjoni applikabbli għandha toħroġ oġġettivament mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, meħuda inkunsiderazzjoni l-fatturi li jorbtu s-sitwazzjoni partikolari mal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Konklużjoni mod ieħor, fl-opinjoni tiegħi, tirriskja li jintilef l-għan u l-effett reali tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 dwar ir-regoli għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari jekk dan l-approċċ kellu jiġi adottat minn numru ta’ Stati Membri.

31.      F’dan il-każ, mill-atti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li Rombouts, minbarra li kien jaġixxi bħala aġent [mandatarju] tal-kumpannija, kien ukoll jaħdem għal rasu fil-Portugall minn Novembru 2007 (għalkemm il-kumpannija ssostni li dan il-perijodu ta’ xogħol għal rasu beda f’Novembru 2005) u kien impjegat jew qiegħed fil-Portugall mill-1 ta’ Jannar 2001 sa Lulju 2005.

32.      Għalkemm iż-żmien preċiż li fih Rombouts beda jaħdem għal rasu huwa diskutibbli, huwa ċar li meta beda jaħdem għal rasu fil-Portugall, huwa ma kienx suġġett għal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar is-sigurtà soċjali fir-rigward tal-attività tiegħu ta’ aġent [mandatarju] tal-kumpannija waqt li kien residenti fil-Portugall (14). Il-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju għalhekk tirrigwarda essenzjalment il-perijodi li fihom Rombouts kien impjegat jew qiegħed fil-Portugall. F’dan ir-rigward, jien tal-fehma li l-qorti tar-rinviju qed titlob direzzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 14(ċ)(b) (15) u 13(2)(b) (16) tar-Regolament Nru 1408/71 għall-attività Rombouts bħala aġent [mandatarju] tal-kumpannija.

33.      Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher, suġġett għal verifika tal-qorti tar-rinviju, li fid-dawl tas-sitwazzjoni oġġettiva ta’ Rombouts huwa effettivament jew konkretament eżerċita l-mandat tiegħu bħala aġent [mandatarju] tal-kumpannija “fit-territorju tal-” (17) Portugall. Waqt li l-eżerċizzju ta’ dak il-mandat jista’ jkollu effetti fil-Belġju, kif isostni l-Gvern Belġjan (18), dawk l-effetti ma jistgħux madankollu jbiddlu s-sitwazzjoni oġġettiva ta’ Rombouts. Is-sitwazzjoni oġġettiva ta’ Rombouts hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi stabbilita fuq bażi individwali mill-qorti tar-rinviju b’konformità mat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, iktar milli abbażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli stabbilita preċedentement u fl-astratt mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

34.      Għaldaqstant, jien tal-fehma, li fid-dawl tal-għan u tal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 13(2)(b) u tal-Artikolu 14(ċ)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, li jifformaw parti mir-regoli vinkolanti għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli stabbiliti fit-Titolu II ta’ dak ir-regolament, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu interpretati bħala li jipprekludu Stat Membru milli jittratta l-“ġestjoni minn barra l-pajjiż ta’ kumpannija suġġetta għall-ħlas tat-taxxa f’dak l-Istat” bl-istess mod bħall-eżerċizzju ta’ attività fit-territorju tiegħu, fejn dan it-trattament ma jikkorrispondix mas-sitwazzjoni oġġettiva tal-ħaddiem ikkonċernat u fejn l-attività hi effettivament eżerċitata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

2.      It-tieni domanda

35.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk l-Artikolu 21 TFUE jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi preżunzjoni inkonfutabbli bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36.      Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-Artikolu 49 TFUE dwar id-dritt ta’ stabbiliment, iktar milli l-Artikolu 21 TFUE, japplikaw għall-fatti tal-kawża prinċipali kif spjegati mill-qorti fid-digriet tar-rinviju tagħha. (19) L-Artikolu 21 TFUE, li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri, huwa speċifikament espress fl-Artikolu 45 TFUE u fl-Artikolu 49 TFUE .(20)

37.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE relatati mal-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, u jipprekludu miżuri oħra li jistgħu jisfavorixxu dawk iċ-ċittadini meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 49 TFUE jipprekludu kwalunkwe miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (21).

38.      Fil-kawża prinċipali jidher, suġġett għal verifika tal-qorti tar-rinviju, li l-preżunzjoni applikabbli skont is-subparagrafu 4 tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38 ma tiddiskriminax abbażi tan-nazzjonalità tal-aġenti [mandatarji] kkonċernati. Madankollu jidher li dik id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-effett li tpoġġi aġenti [mandatarji] ta’ kumpanniji fis-sitwazzjoni ta’ Rombouts, abbażi tal-fatt li huma eżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ dawk l-aġenti [mandatarji] li ma eżerċitawx dan id-dritt.

39.      L-ewwel nett, waqt li aġent [mandatarju] li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li jiġġestixxi kumpannija minn pajjiż barrani huwa suġġett għall-preżunzjoni inkonfutabbli li huwa jmexxi fil-Belġju attività professjonali u għalhekk għandu l-obbligu li jħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali hemmhekk fir-rigward ta’ dik l-attività, aġent [mandatarju] li ma eżerċitax id-dritt ta’ moviment liberu jista’ jikkonfuta l-preżunzjoni skont is-sentenza 176/2004 tal-Qorti Kostituzzjonali Belġjana, tat-3 ta’ Novembru 2004, u jressaq provi li huwa ma huwiex qed iwettaq attività bħala persuna li taħdem għal rasha għall-fini tas-subparagrafu 1 tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38.

40.      It-tieni nett u iktar importanti, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni inkonfutabbli inkwistjoni tesponi lil aġenti [mandatarji] tal-kumpanniji suġġetti għat-taxxa Belġjana u li effettivament u konkretament jeżerċitaw il-mandat tagħhom minn Stat Membru ieħor għar-riskju li jkollhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali relatati mal-istess attività f’żewġ Stati Membri.

41.      Huwa proprju dan ir-riskju li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovaw jevitaw.

42.      Il-Gvern Belġjan jissottometti li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u partikolarment tal-preżunzjoni inkonfutabbli huwa li tipprevjeni frodi tas-sigurtà soċjali fil-Belġju permezz ta’ ċaqliq artifiċjali. B’riżultat ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni moderni, l-aġenti [mandatarji] tal-kumpanniji jistgħu jeżerċitaw minn pajjiż barrani l-mandat tagħhom relatat ma’ kumpanniji kummerċjali li jinsabu fil-Belġju. Skont dan il-gvern, billi ma jiddikjarawx id-dħul tagħhom bħala aġenti [mandatarji] mal-amministrazzjoni tat-taxxa Belġjana u billi jiddikjaraw li l-mandat tagħhom ma huwiex remunerattiv, aġenti [mandatarji] jistgħu jevitaw li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali obbligatorji bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-Belġju.

43.      Waqt li l-għan li ma jkunx hemm frodi tas-sigurtà soċjali huwa għan ta’ min ifaħħru u saħansitra għandu jitħeġġeġ, b’mod partikolari permezz ta’ koordinazzjoni u ta’ armonizzazzjoni ta’ miżuri adottati skont id-dritt tal-Unjoni, jien tal-fehma li l-preżunzjoni inkonfutabbli inkwistjoni intiża sabiex tipprevjeni frodi tas-sigurtà soċjali fil-Belġju, bl-ebda mod ma hija xierqa sabiex tipprevjeni dan il-frodi f’dak l-Istat Membru meta aġenti [mandatarji] ta’ kumpannija, minħabba s-sitwazzjoni oġġettiva tagħhom u l-applikazzjoni tar-regoli vinkolanti li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, huma suġġetti għas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor.

44.      Jidher għalhekk, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju tal-fatti u taċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali u speċifikament is-sitwazzjoni oġġettiva ta’ Rombouts, li ma hemmx kwistjoni ta’ frodi tas-sigurtà soċjali fil-Belġju fir-rigward tal-attività tiegħu bħala aġent [mandatarju] tal-kumpannija, li tidher li qed tiġi eżerċitata fit-territorju tal-Portugall.

45.      Nikkunsidra għalhekk li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 49 TFUE għandhom ikunu interpretati bħala li jipprekludu l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ leġiżlazzjoni bħas-subparagrafu 4 tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38, sakemm din ma tippermettix lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor u li effettivament tiġġestixxi minn dak l-Istat Membru l-ieħor kumpannija suġġetta għat-taxxa fl-ewwel Stat Membru li tipproduċi provi li huwa effettivament iwettaq din l-attività fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor u għalhekk jirribatti l-preżunzjoni li huwa kopert bl-iskema tas-sigurtà soċjali għal persuni li jaħdmu għal rashom tal-ewwel Stat Membru.

VI – Konklużjoni

46.      Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq, jien tal-fehma li r-risposti għad-domandi preliminari magħmulin mill-Cour du travail de Bruxelles (il-Belġju) għandhom ikunu s-segwenti:

–        L-Artikolu 13(2)(b) u l-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, [għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998, li jiffurmaw parti mir-regoli vinkolanti għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli li jinsabu fit-Titolu II ta’ dak ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jittratta l-“ġestjoni minn pajjiż barrani ta’ kumpannija suġġetta għat-taxxa f’dak l-Istat” bl-istess mod bħall-eżerċizzju ta’ attività fit-territorju tiegħu, fejn dan it-trattament ma jikkorrispondix mas-sitwazzjoni oġġettiva tal-ħaddiem ikkonċernat u fejn l-attività hija effettivament eżerċitata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

–        L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ leġiżlazzjoni bħas-subparagrafu 4 tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38, tas-27 ta’ Lulju 1967, sakemm din ma tippermettix lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor u li effettivament tiġġestixxi minn dak l-Istat Membru l-ieħor kumpannija suġġetta għat-taxxa fl-ewwel Stat Membru li tipproduċi provi li hija effettivament tmexxi dik l-attività fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor u għalhekk tirribatti l-preżunzjoni li hija koperta bl-iskema tas-sigurtà soċjali għal persuni li jaħdmu għal rashom tal-ewwel Stat Membru.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35.


3 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308.


4 –      Moniteur belge, 29 ta’ Lulju 1967, p. 8071.


5 –      Monitor belge, 12 ta’ Diċembru 1996, p. 31.018 (“Digriet Irjali Nru 38”).


6 –      Magħruf fiż-żmien rilevanti bħala l-Cour d’arbitrage (Qorti tal-Arbitraġġ).


7 –      Monitor belge, 2 ta’ Marzu 1971, p. 2613, u 5 ta’ April 2001, p. 11473.


8 –      Ara l-punt 36 iktar ’il quddiem.


9 –      Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.


10 –      Ara, għal dan il-għan, inter alia, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1986 Ten Holder (C-302/84, Ġabra p. 1821, punt 21) u s-sentenza, tal-10 ta’ Lulju 1986, Luijten (C-60/85, Ġabra p. 2365, punt 14).


11 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza, tas-7 ta’ Lulju 2005, van Pommeren-Bourgondiën (C-227/03, Ġabra p. I-6101, punt 34).


12 –      Ara s-sentenza, tal-14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et (C-345/09, Ġabra p. I-9879, punt 52).


13 –      Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1994 (C-60/93, Ġabra p. I-2991, punt 20). Kif innotat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, waqt li Stat Membru huwa liberu li jiddefinixxi t-termini “persuna impjegata” u “persuna li taħdem għal rasha” kif użati fir-Regolament Nru 1408/71, huwa ma jistax jiddeċiedi jekk dawk il-persuni eżerċitawx l-attivitajiet tagħhom fit-territorju tiegħu.


14 –      Għalhekk anki fl-eventwalità li l-attività tiegħu bħala aġent tal-kumpannija kellha tkun ikkunsidrata bħala ħidma għal rasu fil-Belġju, hekk kif sar ħaddiem għal rasu fil-Portugall u skont l-Artikolu 14(a)(2) tar-Regolament Nru 1408/71, Rombouts ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni Portugiża dwar is-sigurtà soċjali. Ara s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 1997, de Jaeck (C-340/94, Ġabra p. I-461, punt 11).


15 –      Skont l-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-każijiet imsemmija fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament, il-persuna li hija fl-istess ħin impjegata fi Stat Membru wieħed u li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor hija suġġetta simultanjament għal-leġiżlazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati. Din il-persuna hija għaldaqstant obbligata tħallas il-kontribuzzjonijiet li huma imposti fuqha, jekk ikun il-każ, minn kull waħda minn dawn il-leġiżlazzjonijiet. Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (C-493/04, Ġabra p. I-2369, punt 22).


16 –      Skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna li teżerċita attività għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat anki jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C-314/08, Ġabra p. I-11049, punt 64).


17 –      Ara l-formulazzjoni tal-Artikoli 13(2)(b), 14ċ(b) u saħansitra 14a(2) tar-Regolament Nru 1408/71 li jirrepeti din il-formula.


18 –      Il-Gvern Belġjan enfasizza l-fatt li l-atti adottati mill-aġenti tal-kumpannija għandhom effetti legali fil-Belġju. Għalhekk skont dan il-gvern, l-attività professjonali inkwistjoni hija eżerċitata skont l-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament Nru 1408/71 fil-Belġju, anki jekk l-atti huma magħmul minn Stat Membru ieħor (f’dan il-każ mill-Portugall) bl-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni moderni. Il-Gvern Belġjan jinnota wkoll li l-atti ta’ Rombouts huma dawk tal-kumpannija nnifisha.


19 –      Huwa ċar mid-digriet tar-rinviju li Rombouts telaq mill-Belġju sabiex jirrisjedi fil-Portugall u li f’dan l-aħħar Stat Membru huwa kien kemm impjegat, qiegħed kif ukoll ħaddiem għal rasu.


20 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza, tal-1 ta’ Ottubru 2009, Leyman (C-3/08, Ġabra p. I-9085, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata.


21 –      Ara s-sentenza, tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (C-212/06, Ġabra p. I-1683, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).