Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-14 ta’ Ġunju 2012 (1)

Kawża C-234/11

TETS Haskovo AD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen Sad Varna (il-Bulgarija)]

“Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-valur miżjud — Artikoli 185 u 187 tad-Direttiva 2006/112/KE — Aġġustament ta’ tnaqqis b’rabta mat-twaqqigħ ta’ bini”





I –    Introduzzjoni

1.        Is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tal-Unjoni Ewropea hija kkaratterizzata mit-tnaqqis tat-taxxa tal-input. B’dan it-tnaqqis kull impriża jitnaqqsilha l-piż tat-taxxa tal-input, iżda normalment dan iseħħ biss meta l-VAT tkun imposta wkoll fuq l-output tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeskrivi dan kif ġej: It-tnaqqis tat-taxxa tal-input huwa marbut mal-ġbir tat-taxxa tal-output (2).

2.        X’jiġri iżda meta r-rabta bejn l-input u l-output tinkiser, pereżempju, meta impriża ma tkunx tista’ tbigħ oġġetti mixtrija għaliex il-maħżen ikun inħaraq jew l-oġġetti kollha jkunu nsterqu?

3.        Dawn il-kwistjonijiet huma rregolati bid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE dwar l-aġġustament ta’ tnaqqis li huwa s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fortunatament, din id-domanda ma tikkonċernax avvenimenti spjaċevoli bħal nirien jew serq. Anzi kienet l-istess impriża li ħadet l-inizjattiva u waqqgħet ħafna binjiet tagħha bl-għan li jinbnew oħra ġodda. Issa l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk f’każ bħal dan huwiex neċessarju li jsir aġġustament tat-tnaqqis oriġinali.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Fid-dritt tal-Unjoni, il-VAT li tirrigwarda l-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

5.        Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu X ta’ din id-direttiva jirregolaw l-“Oriġini u [l-i]skop tad-dritt ta’ [għal] tnaqqis”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT jistabbilixxi r-rekwiżiti li ġejjin:

“Sakemm il-merkanzija [il-beni] [...] jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)       il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra.”

6.        L-Artikoli 184 sa 192 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu X tad-Direttiva tal-VAT jinkludu d-dispożizzjonijiet dwar l-“Aġġustament tat-tnaqqis”. L-Artikolu 184 jistabbilixxi r-regola ġenerali li ġejja f’dan ir-rigward:

“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.”

7.        L-Artikolu 185 jinkludi r-rekwiżit partikolari li ġej f’dak li jirrigwarda l-aġġustament:

“(1) L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.

(2) Bħala deroga mill-paragrafu 1, m’għandu jsir l-ebda aġġustament fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew serq tal-proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss, jew fil-każ ta’ merkanzija riżervata [beni riżervati] għall-iskop ta’ għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir jew ta’ l-għoti ta’ kampjuni, kif speċifikat fl-Artikolu 16.

Madanakollu, fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ serq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jsir aġġustament.”

8.        L-Artikoli 187 sa 191 jistabbilixxu sistema speċjali għall-aġġustament tat-taxxa tal-input fuq il-VAT imnaqqsa fil-każ ta’ beni ta’ investiment. L-Artikolu 187 jipprovdi kif ġej:

“1. Fil-każ ta’ merkanzija kapitali [beni ta’ investiment], l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluża dik meta l-merkanzija kienet akkwistata jew iffabbrikata.

[…]

Fil-każ ta’ proprjetà immobbli akkwistata bħala merkanzija kapitali, il-perijodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż sa 20 sena.

1.      L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tal-VAT imposta fuq il-merkanzija kapitali, jew, jekk il-perijodu ta’ referenza ġie estiż, fir-rigward tal-frazzjoni korrispondenti tiegħu.

L-aġġustament imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir abbażi tal-varjazzjonijet fid-dritt għal tnaqqis fi snin sussegwenti b’ relazzjoni għal dik fis-sena li fiha l-merkanzija kienet akkwistata [...]”.

9.        Barra minn hekk, l-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-VAT jinkludi s-sistema speċjali li ġejja f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi fiskali ta’ kontribut in natura:

“F’każ ta’ trasferiment, [...] bħala kontribuzzjoni lil kumpannija, ta’ l-assi kollha jew parti minnhom, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li ma tkunx saret provvista ta’ merkanzija [beni] u li l-persuna li lilha tkun ġiet ittrasferita l-merkanzija għandha tkun trattata bħala s-suċċessur ta’ min jagħmel it-trasferiment.”

B –    Il-Liġi Bulgara

10.      Ir-Repubblika tal-Bulgarija implementat id-Direttiva tal-VAT permezz taz-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud; iktar ’il quddiem iz-“ZDDS”).

11.      L-Artikolu 79 taz-ZDDS jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar it-tnaqqis li jkun sar:

“[…]

(3)       Fil-każ tad-distruzzjoni, tal-konstatazzjoni tal-assenza jew l-abbandun ta’ proprjetà, jew fil-każ li jkun hemm bdil fl-assenjazzjoni tagħhom b’tali mod li ma jkunx iktar possibbli li l-VAT tal-input titnaqqas, kull persuna taxxabbli li tkun, parzjalment jew kompletament, naqqset il-VAT tal-input fuq proprjetà prodotta, mixtrija, miksuba, jew importata, għandha ddaħħal fil-kontijiet taxxa ta’ ammont ekwivalenti għal dak tal-VAT imnaqqsa abbażi tat-taxxa tal-input imħallsa, taxxa li għal ħlas tagħha huwa xorta waħda huwa responsabbli.

(4)       L-aġġustament taħt il-paragrafi 1 u 3 għandu isir u jiġi kkonstatat […] matul il-perijodu li matulu jkun feġġew l-kundizzjonijiet għal tali aġġustament.

[…]

(6)       Minkejja l-paragrafi 1 u 3, f’dak li jirrigwarda l-oġġetti u s-servizzi li jikkostitwixxu beni ta’ investiment, il-persuna taxxabbli hija responsabbli […] għal taxxa li tkun ekwivalenti għall-ammont ikkalkolat skont il-formola li ġejja: […]”.

12.      F’dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet għall-aġġustament ta’ tnaqqis, l-Artikolu 80 taz-ZDDS jipprovdi inter alia dan li ġej:

“[…]

(2)       L-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 79(3) ma għandhomx isir f’każijiet ta’:

1.       distruzzjoni, għajbien jew deterjorament ikkawżat minn forza maġġuri, [...];

2.       distruzzjoni, għajbien jew deterjorament kkawżati minn ħsarat jew inċidenti li l-persuna kkonċernata tista’ tipprova li ma seħħewx kaġun ta’ nuqqas tagħha.”

13.      Barra minn hekk, l-Artikolu 10 taz-ZDDS jipprevedi s-segwenti konsegwenzi fiskali ta’ kontribut in natura:

“(1)  Ebda kunsinna ta’ proprjetà jew provvista ta’ servizzi ma għandha titqies li seħħet meta l-kunsinna jew il-provvista lill-persuna li favuriha jsir it-trasferiment tkun suġġetta għat-trasformazzjoni, mill-persuna li tkun qiegħda tagħmel it-trasferiment jew li tkun qiegħda tagħmel il-kontribut, li tirriżulta minn:

[…]

3.       kontribut in natura lil kumpannija kummerċjali.

(2)       Fil-każijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, il-persuna li tirċievi l-proprjetà u s-servizzi tikseb is-suċċessjoni legali tad-drittijiet u tal-obbligi kollha rilevanti skont din il-liġi, b’mod partikolari d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa kif ukoll l-obbligu tal-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT tal-output imħallsa.”

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

14.      Is-suġġett tal-kawża prinċipali huwa l-ammont ta’ VAT dovut minn TETS Haskovo AD, kumpannija rregolata mid-dritt Bulgaru (iktar ’il quddiem il-“persuna taxxabbli”), f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn Jannar u Frar 2010.

15.      F’Awwissu 2008 ġie deċiż li l-kapital tal-persuna taxxabbli jiżdied permezz ta’ kontribut in natura. Dan il-kontribut kien jinkludi tliet binjiet intiżi għall-produzzjoni tal-enerġija, jiġifieri cooling tower, ċumnija u bini ieħor, li twaqqgħu mill-persuna taxxabbli f’Jannar u Frar 2010. Dan it-twaqqigħ kien parti minn pjan ta’ rikostruzzjoni u modernizzazzjoni ta’ impjant tal-enerġija termali f’dan il-post. Il-metall skrappjat li rriżulta mit-twaqqigħ inbiegħ suġġett għall-VAT.

16.      Qabel ma sar il-kontribut in natura, dawn il-binjiet kienu proprjetà ta’ Finans inzhenering AD (iktar ’il quddiem “Finans inzhenering”). Hija kienet akkwistat il-bini mill-Muniċipju ta’ Haskovo f’April 2008 u għamlet it-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul rilevanti. It-tnaqqis attribwibbli għall-bini li sussegwentement twaqqa’ kien jammonta għal madwar 1.5 miljun lev (iktar ’il quddiem “BGN”), li huwa ekwivalenti għal madwar EUR 767 000.

17.      L-amministrazzjoni tat-taxxa Bulgara tqis li dan it-tnaqqis b’rabta mat-twaqqigħ tal-bini għandu jkun parzjalment aġġustat skont l-Artikolu 79(3) u (6) taz-ZDDS. Hija ħarġet kont tat-taxxa li skontu l-persuna taxxabbli, bħala s-suċċessur legali ta’ Finans inzhenering, għandha tħallas ammont ta’ madwar BGN 1.3 miljun bħala VAT għax-xhur ta’ Jannar u Frar 2010.

18.      Il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar ir-rikors li l-persuna taxxabbli ppreżentat kontra dan il-kont. Sabiex tkun tista’ tagħmel dan, hija tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi li ġejjin:

1.      Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “distruzzjoni tal-proprjetà” fis-sens tal-Artikolu 185(2) tad-Direttiva 2006/112, u l-motivi u/jew il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tad-distruzzjoni huma rilevanti għall-finijiet tal-aġġustament tat-taxxa tal-input fuq il-VAT imnaqqsa meta tinxtara l-proprjetà?

2.      It-twaqqigħ debitament ipprovat tal-proprjetà ta’ impriża bl-uniku għan li jinbena ieħor ġdid, iktar modern, bl-istess skop, għandu jiġi interpretat bħala “tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas” fis-sens tal-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112?

3.      L-Artikolu 185(2) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri li jipprovdu għal aġġustamenti f’każ ta’ distruzzjoni ta’ proprjetà meta l-akkwist ta’ din tal-aħħar ma jkunx ta lok għal ħlas jew ikun ta lok għal ħlas parzjali?

4.      L-Artikolu 185(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikoli 79(3) u 80(2)(1) tal-Liġi Bulgara dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (ZDDS), li tipprovdi aġġustament tat-taxxa tal-input fuq il-VAT imnaqqsa f’każ ta’ distruzzjoni ta’ proprjetà li għaliha l-ammont prinċipali u l-VAT iffatturati tħallsu fl-intier tagħhom, u li tissuġġetta n-nuqqas ta’ aġġustament tat-taxxa tal-input fuq il-VAT għal kundizzjoni oħra minbarra l-ħlas?

5.      L-Artikolu 185(2) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-possibbiltà li tiġi aġġustata t-taxxa tal-input fuq il-VAT diġà mnaqqsa fil-każ ta’ twaqqigħ ta’ bini, bl-uniku skop li jinbena minflok bini ġdid iktar modern, li għandu l-istess skop u li jiġġenera qligħ li jagħti d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-VAT?

IV – Analiżi ġuridika

19.      Id-domandi preliminari saru fil-kuntest ta’ sitwazzjoni fejn, skont l-Artikolu 10(1)(3) u (2) taz-ZDDS, il-persuna taxxabbli li t-tnaqqis tagħha ġie aġġustat hija s-suċċessur legali ta’ Finans inzhenering, li għamlet it-tnaqqis oriġinali. Ser neżamina d-domandi preliminari magħmula billi nibbaża ruħi fuq din is-sitwazzjoni ġuridika.

20.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi għandu jiġi ċċarat li l-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu tali regoli dwar is-suċċessjoni legali biss meta tiġi ttrasferita l-proprjetà kollha ta’ impriża jew parti minnha. F’dak li jirrigwarda d-dispożizzjoni preċedenti, jiġifieri l-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva (4), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jinftiehem li jfisser it-trasferiment ta’ negozju jew ta’ parti indipendenti ta’ impriża, li jikkostitwixxu impriża jew parti ta’ impriża li kapaċi twettaq attività ekonomika indipendenti, iżda mhux li jfisser is-sempliċi trasferiment ta’ proprjetà ta’ impriża (5). Mill-informazzjoni pprovduta fid-digriet tar-rinviju, ma jistax jiġi dedott jekk dawn ir-rekwiżiti ġewx sodisfatti fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, jekk ikun meħtieġ, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk fil-kawża prinċipali l-Artikolu 10(1)(3) u (2) taz-ZDDS jistax jiġi applikat f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-VAT.

21.      Il-qorti nazzjonali għamlet ħames domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT. Jiena naħseb li jkun utli li dawn id-domandi li ġejjin jiġu eżaminati f’ordni differenti li jkun jikkorrispondi mal-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, fl-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, jiena se niċċita wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda s-Sitt Direttiva, direttiva li essenzjalment kienet intiża biss li tiġi fformulata mill-ġdid bid-Direttiva tal-VAT attwalment fis-seħħ.

A –    Fuq it-tieni domanda: l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament

22.      F’konformità mal-istruttura tal-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT, jeħtieġ li l-ewwel nirrispondi għat-tieni domanda li tikkonċerna l-ewwel paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni u, għalhekk l-applikazzjoni bħala prinċipju tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf jekk it-twaqqigħ debitament ipprovat tal-proprjetà ta’ impriża bl-uniku għan li tinbena oħra ġdida, iktar moderna, bl-istess skop jikkostitwixxix, bħala prinċipju, każ ta’ aġġustament ta’ tnaqqis.

1.      Sistema speċjali għall-beni ta’ investiment

23.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, qabel xejn wieħed għandu jżomm f’moħħu li teżisti sistema speċjali ta’ aġġustament ta’ tnaqqis fir-rigward tal-beni ta’ investiment (6), li hija inkluża fl-Artikoli 187 sa 191 tad-Direttiva tal-VAT. Il-beni li jintużaw fit-tul u li l-prezz li bihom inxtraw jiġi ammortizzat għandhom jinftiehmu bħala beni ta’ investiment skont it-tifsira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (7). Il-bini huwa eżempju klassiku ta’ tali beni ta’ investiment u għalhekk l-iskema speċjali ċċitata iktar ’il fuq tapplika fil-każ preżenti.

24.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 187(2) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi aġġustament annwali fir-rigward tal-beni ta’ investiment. It-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu jissuġġetta dan l-aġġustament għall-“varjazzjonijet fid-dritt għal tnaqqis fi snin sussegwenti b’relazzjoni għal dik fis-sena li fiha l-merkanzija [beni] kienet akkwistata”. Għaldaqstant, id-dritt għal tnaqqis għandu jiġi stabbilit mill-ġdid għal kull sena kurrenti tal-perijodu ta’ aġġustament. F’każ fejn dan id-dritt ma jkunx jeżisti f’sena partikolari, 20 % tat-tnaqqis magħmul fis-sena tax-xiri għandu jiġi aġġustat u għalhekk jitħallas lura skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 187(2) tad-Direttiva tal-VAT. Din ir-reviżjoni tiġi rripetuta annwalment sa tmiem il-perijodu ta’ aġġustament.

25.      Dan l-istabbiliment kostanti tad-dritt għal tnaqqis, previst fl-Artikolu 187(2) tad-Direttiva tal-VAT f’dak li jirrigwarda l-beni ta’ investiment matul il-perijodu ta’ aġġustament, huwa konformi mar-rekwiżiti stipulati fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aġġustament inklużi fl-Artikoli 185(1) u 184 ta’ din id-direttiva. Fiż-żewġ każijiet, sabiex jiġi applikat il-mekkaniżmu ta’ aġġustament, jeħtieġ ukoll li jkun hemm varjazzjoni ulterjuri tat-tnaqqis mogħti oriġinarjament jew tal-fatturi rilevanti għall-istabbiliment tat-tnaqqis. Għal dan il-għan, id-dritt ulterjuri għal tnaqqis għandu jiġi stabbilit f’kull każ. Għaldaqstant, ma hemmx għalfejn jiġi analizzat jekk l-Artikolu 187 jipprovdix b’mod awtonomu għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament b’rabta mal-beni ta’ investiment jew jekk inkella jirrikjedix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aġġustament inklużi fl-Artikoli 185(1) jew 184 tad-Direttiva tal-VAT. F’kull każ, jeħtieġ li jkun hemm varjazzjoni ulterjuri tad-dritt għal tnaqqis sabiex il-mekkaniżmu ta’ aġġustament ikun jista’ japplika, bħala prinċipju, fil-każ tal-beni ta’ investiment.

26.      Għalkemm huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 187(2) tad-Direttiva tal-VAT — bħall-Artikolu 185(1) jew l-Artikolu 184 tagħha — ma jistipulax b’mod espliċitu kif għandu jiġi stabbilit id-dritt ulterjuri għal tnaqqis f’kull sena kurrenti tal-perijodu ta’ aġġustament. L-Artikolu 167 et seq fil-Kapitolu 1 tat-Titolu X tad-Direttiva tal-VAT jirregolaw biss l-oriġini tad-dritt għal tnaqqis, jiġifieri d-dritt f’dik is-sena li fiha nxtraw il-beni ta’ investiment. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati mutatis mutandis sabiex jiġi stabbilit id-dritt għal tnaqqis f’kull sena kurrenti.

27.      Din l-applikazzjoni mutatis mutandis tagħti lok għal ċerti modifiki fl-eżami tad-dritt għal tnaqqis. Pereżempju, fir-rigward tal-oriġini tad-dritt għal tnaqqis, l-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT jistipula r-rekwiżit li l-beni kkonċernati għandhom jintużaw għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli. Madankollu, meta jitnissel dan id-dritt, normalment ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit jekk il-beni ta’ investiment effettivament ikunux qegħdin jintużaw għal dawn l-iskopijiet. Skont l-Artikoli 63 u 167 tad-Direttiva tal-VAT, id-dritt għal tnaqqis, bħala prinċipju, jitnissel mal-kunsinna tal-beni lill-persuna taxxabbli (8). Neċessarjament, huwa biss sussegwentement li l-użu reali għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli jiġi vverifikat. Għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa biss l-użu intenzjonat, ikkonfermat minn elementi oġġettivi, li huwa deċiżiv f’dak li jirrigwarda l-oriġini tad-dritt għal tnaqqis (9).

28.      Min-naħa l-oħra, l-użu effettiv tal-beni jista’ jiġi kkunsidrat a posteriori għall-finijiet tal-aġġustament ta’ tnaqqis. Sussegwentement, id-dritt għal tnaqqis għal kull sena kurrenti tal-perijodu ta’ aġġustament għandu jiġi stabbilit abbażi ta’ din il-kunsiderazzjoni a posteriori. Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-għan tal-aġġustament ta’ tnaqqis. B’mod speċifiku, fil-każ ta’ beni ta’ investiment akkwistati mill-persuna taxxabbli, l-għan huwa li jiġi ggarantit li t-tnaqqis tal-input VAT jirrifletti l-użu tal-beni ta’ investiment għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (10).

2.      Varjazzjoni tad-dritt għal tnaqqis f’Jannar u Frar 2010

29.      Għaldaqstant, fil-każ preżenti, aġġustament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 187(2) tad-Direttiva tal-VAT jista’ jsir biss jekk it-twaqqigħ tal-bini wassal għal varjazzjoni tad-dritt għal tnaqqis f’Jannar u Frar 2010. Abbażi tal-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-VAT, dan ikun il-każ jekk, b’riżultat ta’ dan it-twaqqigħ, il-bini ma baqax jintuża għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli f’Jannar u Frar 2010.

a)      Il-kriterju ta’ rabta diretta u immedjata

30.      Din ma hijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja evalwat meta għandu jiġi preżunt l-użu għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli skont it-tifsira tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni tal-input partikolari u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li jagħtu d-dritt għal tnaqqis hija, bħala prinċipju, neċessarja sabiex il-persuna taxxabbli jkollha dritt għal tnaqqis (11).

31.      Skont ġurisprudenza stabbilita sa issa, dan ir-rekwiżit japplika kemm għall-beni kif ukoll għas-servizzi li l-persuna taxxabbli tkun akkwistat bħala tranżazzjonijiet tal-input (12). Għalkemm huwa minnu li reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha EON ASET MENIDJMUNT, li l-kriterju bbażat fuq it-tranżazzjoni tal-input ivarja skont jekk ikunx jirrigwarda l-akkwist ta’ servizz jew ta’ beni ta’ investiment, u jirrikjedi rabta diretta u immedjata mat-tranżazzjonijiet tal-output biss meta jiġu akkwistati servizzi (13). Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jikkostitwixxix devjazzjoni mill-ġurisprudenza preċedenti f’dak li jirrigwarda l-akkwist ta’ beni. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni ċara f’termini ta’ provvisti li sa mill-bidu jintużaw parzjalment għal użu privat u parzjalment għal użu professjonali. Abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-qasam hemm karatteristiċi speċifiċi li jistgħu jipprovdu l-bażi għal tali distinzjoni (14), iżda huma irrilevanti fil-każ preżenti.

32.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ripetutament li sabiex ikun hemm ir-rabta diretta u immedjata rikjesta mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ispejjeż inkorsi fl-akkwist tat-tranżazzjonijiet tal-input għandhom ikunu parti mill-elementi li jikkostitwixxu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli, jiġifieri għandhom ikunu inklużi fil-prezz tagħhom (15). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara wkoll li dan ikopri wkoll it-tranżazzjonijiet tal-input li jistgħu jiġu attribwiti għall-ispejjeż ġenerali tal-persuna taxxabbli. Fil-każ ta’ tali tranżazzjonijiet tal-input, ir-rabta rikjesta ma teżistix ma’ ċerti tranżazzjonijiet tal-output, iżda teżisti pjuttost mal-attività ekonomika globali tal-persuna taxxabbli, jiġifieri t-tranżazzjonijiet tal-output kollha tagħha (16).

33.      Dawn ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-oriġini tad-dritt għal tnaqqis jirrikjedu wkoll ċertu livell ta’ adattament b’rabta mal-aġġustament ta’ tnaqqis. Kif ġie spjegat (17), skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 187(2), id-dritt għal tnaqqis fir-rigward tas-snin kurrenti tal-perijodu ta’ aġġustament normalment għandu jiġi stabbilit abbażi tal-użu effettiv tal-beni ta’ investiment. F’dan il-każ, ir-rabta rikjesta mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun bejn l-użu effettiv tal-beni ta’ investiment u t-tranżazzjonijiet tal-output intaxxati. Rabta mat-tranżazzjoni tal-input, jiġifieri l-akkwist tal-beni ta’ investiment, hija rilevanti biss għall-oriġini tad-dritt għal tnaqqis billi f’dak iż-żmien ma kienx għadu jeżisti l-użu effettiv.

34.      Evidentement, dawn ir-rekwiżiti astratti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex faċli biex jiġu implementati f’każ speċifiku. Preċedentement, hija stess indikat li r-rabta bejn it-tranżazzjonijiet tal-input u tal-output neċessarji għat-tnaqqis ma jistgħux jiġu deskritti b’mod iktar preċiż f’termini astratti minħabba l-varjetà kbira ta’ attivitajiet ekonomiċi. Għaldaqstant, bħala prinċipju, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika l-kriterju tar-“rabta diretta u immedjata” għall-fatti ta’ kull każ li jkollha quddiemha (18).

b)      Applikazzjoni fil-kawża preżenti

35.      Madankollu, jiena naħseb li f’każ bħal dak preżenti, hemm rabta diretta u immedjata bejn l-użu tal-bini f’Jannar u Frar 2010 u t-tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli.

36.      L-ewwel nett, dan jirriżulta mill-fatt li l-metall skrappjat li rriżulta mit-twaqqigħ inbiegħ suġġett għall-VAT. F’dan ir-rigward, jidher li huwa faċli li tiġi stabbilita rabta diretta u immedjata. It-tieni nett, in-nefqa għall-akkwist tal-bini li kien fih il-metall skrappjat ċertament kienet wieħed mill-elementi li jikkostitwixxi l-prezz tal-bejgħ tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li l-prezz tal-akkwist tal-bini mwaqqa’, jiġifieri l-valur attribwit lilu fil-kuntest tal-kontribut in natura, jaqbeż b’mod ċar u sinjifikattiv ir-rikavat mill-iskrappjar. Id-dritt għal tnaqqis ma jiddependix fuq is-suċċess ekonomiku tal-persuna taxxabbli.

37.      Lanqas il-fatt li l-bini “ġie distrutt” bit-twaqqigħ, kif tispjega l-qorti nazzjonali, ma jmur kontra din l-analiżi. It-twaqqigħ ta’ bini u l-użu għal skopijiet ekonomiċi ta’ partijiet irkuprati minnu sa ċertu punt jikkostitwixxu użu tal-beni fl-ambitu tal-proċess tal-produzzjoni tal-persuna taxxabbli. Bħalma enfasizzat ukoll il-Kummissjoni Ewropea, tali użu ta’ beni huwa forma assolutament normali ta’ użu fis-sens tal-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-VAT. Għaldaqstant, b’rabta mal-aġġustament ta’ tnaqqis, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-beni jew is-servizzi jintużaw kompletament fl-ambitu ta’ attività kummerċjali, ma jkun hemm ebda modifika fil-fatturi fis-sens ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva tal-VAT (19).

38.      Barra minn hekk, jista’ jkun hemm ukoll rabta diretta u immedjata bejn it-twaqqigħ tal-bini f’Jannar u Frar 2010 u s-servizzi tal-enerġija ntaxxati sussegwentement. Dan huwa partikolarment il-każ fid-dawl tal-fatt li l-bini mwaqqa’ evidentement kien akkwistat flimkien ma’ art u bini ieħor. Bla dubju, min-naħa tiegħu, l-akkwist konġunt ta’ din il-proprjetà immobbli huwa wieħed mill-elementi kostituttivi tal-prezz tal-produzzjoni sussegwenti tal-enerġija fuq din l-art. Naqbel mal-Kummissjoni Ewropea li, f’kull każ, it-twaqqigħ ta’ wħud mill-binjiet bl-ebda mod ma jibdel dan ir-riżultat meta — bħal fil-każ preżenti — dan it-twaqqigħ ikun jagħmel parti mill-modernizzazzjoni tal-impjant. Għaldaqstant, l-għan aħħari tal-akkwist u tat-twaqqigħ tal-bini huwa li jiġu pprovduti servizzi tal-enerġija li jikkostitwixxu tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli.

39.      Barra minn hekk, is-suċċess jew mod ieħor tar-rikostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija termali u l-produzzjoni effettiva tal-enerġija huma irrilevanti. Skont il-ġurisprudenza, bħala prinċipju, jeżisti dritt għal tnaqqis anki fil-fażi inizjali ta’ attività ekonomika li qatt ma tilħaq l-istadju operattiv. Id-dritt għal tnaqqis fir-rigward tal-attivitajiet preparatorji jibqa’ akkwiżit, anki jekk l-attività ekonomika ppjanata ma tagħtix lok għal tranżazzjonijiet taxxabbli (20).

40.      Għaldaqstant, fil-każ preżenti jidher li hemm dritt għal tnaqqis fir-rigward tal-bini mwaqqa’ anki f’Jannar u Frar 2010, u għalhekk il-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma japplikax a priori. Nixtieq nosserva li f’dan il-każ — bl-applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikolu 188(1) tad-Direttiva tal-VAT — l-aġġustament ta’ tnaqqis jidher li huwa eskluż anki għall-bqija tal-perijodu ta’ aġġustament.

3.      Distruzzjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 185(2) tad-Direttiva tal-VAT

41.      Dan ir-riżultat ma huwiex ikkontestat mill-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 185(2) tad-Direttiva tal-VAT jistipula li ma għandu jsir ebda aġġustament ta’ tnaqqis taħt il-paragrafu 1 “fil-każ ta’ distruzzjoni […] tal-proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss”. Minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi konkluż li, bħala prinċipju, aġġustament ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva tal-VAT għandu jsir fil-każ ta’ distruzzjoni tal-proprjetà għaliex inkella l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma kienx ikollu għalfejn jistipula eċċezzjoni għal dak il-każ.

42.      Għalissa, ma hemmx għalfejn jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT huwiex applikabbli fil-każ tal-proprjetà li tikkostitwixxi beni ta’ investiment. Jista’ jkun hemm dubji dwar dan, ladarba teżisti skema speċjali għall-beni ta’ investiment fl-Artikoli 187 sa 191 tad-Direttiva tal-VAT, artikoli li jistipulaw ir-rekwiżiti tagħhom dwar l-aġġustament, u l-Artikoli 186 u 189 jinkludu setgħat distinti u sostantivament differenti intiżi sabiex jikkonkretizzaw l-Artikoli 184 u 185 u l-Artikoli 187 u 188 tad-Direttiva tal-VAT rispettivament.

43.      F’kull każ, it-terminu “distruzzjoni” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 185(2) tad-Direttiva tal-VAT jista’ jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss id-distruzzjoni tal-proprjetà li ma titwettaqx għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli. Fil-fehma tiegħi, meta pereżempju proprjetà tiġi distrutta aċċidentalment jew għal skopijiet privati ta’ persuna taxxabbli, bħala prinċipju, anki f’dan il-każ il-mekkaniżmu ta’ aġġustament inkluż fl-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT huwa applikabbli.

4.      Abbuż

44.      Finalment, nixtieq neżamina l-allegazzjoni ta’ abbuż magħmula, tal-inqas b’mod impliċitu, mill-Gvern Bulgaru u mill-amministrazzjoni tat-taxxa Bulgara fil-każ inkwistjoni. Għalkemm huwa minnu li l-prevenzjoni ta’ eventwali evażjoni fiskali, tal-evitar tat-taxxa u tal-abbużi hija għan rikonoxxut u mħeġġeġ mid-Direttiva tal-VAT (21). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ li l-persuna taxxabbli b’qerq tat impressjoni li tixtieq teżerċita attività ekonomika partikolari, l-amministrazzjoni fiskali tista’ titlob, b’effett retroattiv, ir-rimbors tas-somom imnaqqsa (22). Persuna taxxabbli tista’ wkoll tiċċaħħad mid-dritt għal tnaqqis meta t-tranżazzjonijiet li minnhom jitnissel dan id-dritt ikunu jikkostitwixxu prattika abbużiva. Dan jippreżupponi inter alia li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT ikollha bħala riżultat li tikseb vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jkun kuntrarju għad-dispożizzjonijiet applikati (23).

45.      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element li jiġġustifika tali allegazzjoni ta’ abbuż b’rabta mal-VAT. Matul it-twettiq tal-attività professjonali tagħha, il-persuna taxxabbli ħadet deċiżjonijiet ta’ investiment li r-rilevanża tagħhom ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kkontestata mil-leġiżlazzjoni dwar il-VAT. Għaldaqstant, iż-żamma tad-dritt għal tnaqqis fir-rigward tal-akkwist tal-bini sussegwentement imwaqqa’ huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, li skontha, is-sistema ta’ tnaqqis hija intiża li teħles kompletament lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha kollha (24).

46.      Iż-żamma tat-tnaqqis fil-kawża preżenti hija wkoll konformi mal-għan tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament. Fl-ewwel lok, dan huwa intiż li jevita li l-persuna taxxabbli tingħata vantaġġ ekonomiku inġustifikat meta mqabbla mal-konsumatur finali (25). Fil-kawża preżenti ma jidhirx li hemm tali vantaġġ peress li l-persuna taxxabbli ma tistax tuża l-bini għal skopijiet privati wara t-twaqqigħ tiegħu. Fit-tieni lok, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament huwa intiż li jiżgura korrispondenza bejn it-tnaqqis tat-taxxa tal-input u l-ġbir tat-taxxa tal-output (26). Din il-korrispondenza urejtha iktar ’il fuq (27).

47.      Kwistjoni oħra hija dik ta’ jekk l-istima tal-bini b’rabta mal-kontribut in natura hijiex korretta. Ta’ min jistaqsi jekk bini li jitwaqqa’ wara ftit, u li għalhekk ikollu jiġi ammortizzat, għandux jitniżżel fil-karta tal-bilanċ bħala li għandu valur ta’ BGN 8.9 miljun. Madankollu, din il-kwistjoni l-iktar l-iktar tirrigwarda t-taxxa fuq il-qligħ kapitali.

48.      Għall-kuntrarju, f’dak li jirrigwarda l-VAT, din il-kwistjoni hija irrilevanti. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fattur deċiżiv sabiex jiġi stabbilit il-valur taxxabbli huwa l-korrispettiv verament miġbur u mhux il-valur stmat abbażi ta’ kriterji oġġettivi (28). Għaldaqstant, anki jekk persuna taxxabbli oġġettivament tkun ħallset prezz eċċessivament għoli biex tixtri proprjetà, l-ammont tat-tnaqqis ma jiġix affettwat.

5.      Konklużjoni intermedjarja

49.      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, skont l-Artikolu 187(2) tad-Direttiva tal-VAT, id-distruzzjoni ta’ beni ta’ investiment bl-għan li jinħolqu oħrajn ġodda, iktar moderni, bl-istess skop ma twassalx għal aġġustament ta’ tnaqqis meta d-distruzzjoni tkun tikkostitwixxi użu għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva.

B –    Fuq ir-raba’ domanda: Il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali

50.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għal aġġustament ta’ tnaqqis f’każ ta’ distruzzjoni ta’ proprjetà, li fir-rigward tagħha l-ammont totali tal-VAT ikkalkolata tħallas max-xiri, u li tissuġġetta n-nuqqas ta’ aġġustament ta’ tnaqqis għal kundizzjoni oħra minbarra l-ħlas.

51.      Mir-risposta tiegħi għat-tieni domanda jirriżulta li d-distruzzjoni tal-beni ta’ investiment ma twassalx għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament skont l-Artikolu 187(2) tad-Direttiva tal-VAT meta d-distruzzjoni tkun tikkostitwixxi użu għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 168 tad-direttiva. Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda magħmula mill-qorti nazzjonali għandha tkun li dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi aġġustament ta’ tnaqqis f’każ ta’ distruzzjoni ta’ beni ta’ investiment, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk din issirx għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, hija inkompatibbli mal-Artikoli 187(2) u 168 tad-Direttiva tal-VAT.

C –    Fuq id-domandi l-oħra

52.      Fid-dawl tar-risposti li pproponejt għat-tieni u għar-raba’ domandi, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula. L-ewwel, it-tielet u l-ħames domandi jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 185(2) tad-Direttiva tal-VAT, li jistabbilixxi l-eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ aġġustament. Huwa ċar li fil-kawża prinċipali, risposta għal dawn id-domandi hija rilevanti biss f’każ li japplika, bħala prinċipju, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament. Madankollu, bħalma għidt iktar ’il fuq (29), ma nqisx li dan huwa l-każ.

V –    Konklużjoni

53.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen Sad Varna bil-mod kif ġej:

1)         L-Artikolu 187(2) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat bħala li d-distruzzjoni ta’ beni ta’ investiment bl-għan li jinħolqu oħrajn ġodda, iktar moderni, bl-istess skop ma twassalx għal aġġustament ta’ tnaqqis meta d-distruzzjoni tikkostitwixxi użu għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 168 tad-direttiva.

2)         Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi aġġustament ta’ tnaqqis f’każ ta’ distruzzjoni ta’ beni ta’ investiment, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk din issirx għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, hija inkompatibbli mal-Artikoli 187(2) u 168 tad-Direttiva tal-VAT.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki, (C-184/04, Ġabra p. I-3039, punt 24).


3–      ĠU L 347, p. 1.


4 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).


5 – Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes (C-497/01, Ġabra p. I-14393, punt 40); tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF (C-29/08 , Ġabra p. I-10413, punt 37), u s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever (C-444/10, Ġabra –p. I-11071, punt 24.


6 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Centralan Property (C-63/04, Ġabra p. I-11087, punt 55).


7 – Ibidem, punt 55).


8–      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Klub (C-153/11, punt 36).


9–      Ara l-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħi, ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2012, X (C-334/10, pendenti quddiem il-Qorti, punt 81).


10–      Ara s-sentenza Centralan Property (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 77).


11–      Ara s-entenzi tas-6 ta’ April 1995, BLP Group (C-4/94, Ġabra p. I-983, punt 19); tat-8 ta’ Ġunju 2000, Midland Bank (C-98/98, Ġabra p. I-4177, punt 24); tat-22 ta’ Frar 2001, Abbey National (C-408/98, Ġabra p. I-1361, punt 26); tas-27 ta’ .Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, Ġabra p. I-6663, punt 29); tat-3 ta’ Marzu 2005, Fini H (C-32/03, Ġabra p. I-1599, punt 26); tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 79); tat-8 ta’ Frar 2007, Investrand (C-435/05, Ġabra p. I-1315, punt 23), u s-sentenza SKF (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 57).


12 – Ara, inter alia, is-sentenzi Midland Bank (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 20), u SKF (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 57).


13–      C-118/11, punti 45 u 46.


14–      Ibidem, punt 53 et seq, u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża X (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 23 et seq).


15–      Ara s-sentenzi Midland Bank (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 30); Abbey National (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 28); Cibo Participations (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 31); Investrand (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 23); SKF (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 57 u 60 zitiert in Fn. 5, Randnrn. 57 und 60), u EON ASET MENIDJMUNT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 48).


16–      Ara s-sentenzi Midland Bank (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 31); Abbey National (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 35); Cibo Participations (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 33); Investrand (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 24); SKF (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 58); u EON ASET MENIDJMUNT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 47).


17–      Ara l-punti 27 et seq iktar ’il fuq.


18–      Ara s-sentenzi Midland Bank (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 25) u SKF (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 63).


19–      Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2001, Fischer u Brandenstein (C-322/99 u C-323/99, Ġabra p. I-4049, punt 91).


20–      Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, INZO (C-110/94, Ġabra p. I-857, punt 20), u Fini H (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 22).


21–      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, Tanoarch (C-504/10, Ġabra p. I-10853, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22–      Ara s-sentenza Klub (iċċitata iktar’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Ara, inter alia, is-sentenzi Halifax et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 74), u Tanoarch (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 52).


24 – Ara, inter alia, is-sentenzi, tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, Ġabra p. 655, punt 19), u Klub (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 35).


25 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Wollny (C-72/05, Ġabra p. I-8297, punt 35).


26–      Ibidem, punt 36.


27–      Ara l-punti 35 et seq iktar ’il fuq.


28 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1981, Coöperatieve Aardappelenbewaarplaats (154/80, Ġabra p. 445, punt 13), u tas-26 ta’ Jannar 2012, Kraft Foods Polska (C-588/10, punt 27).


29–      Ara l-punti 22 et seq iktar ’il fuq.