Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fid-19 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawża C-350/11

Argenta Spaarbank NV

vs

Belgische Staat

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju)]

“Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tnaqqis għal kapital b’riskju – Interessi kunċetwali – Tnaqqis tal-ammont deduċibbli għal kumpannija li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor li jiġġenera dħul eżenti fil-Belġju permezz ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Koeżjoni tas-sistema fiskali – Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa tat-tassazzjoni bejn l-Istati Membri”






I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk il-libertà ta’ stabbiliment, prevista fl-Artikolu 43 KE, tipprekludix miżura fiskali li tipprojbixxi lill-kumpannija suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fil-Belġju, li tixtieq tibbenefika minn tnaqqis għal kapital b’riskju, milli ddaħħal fil-kontijiet l-assi relatati mal-istabbiliment permanenti tagħha li jinsab fi Stat Membru ieħor u li d-dħul tiegħu huwa eżenti mit-taxxa fil-Belġju permezz ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, filwaqt li l-assi imputabbli lil stabbiliment permanenti li jinsab fil-Belġju jistgħu jiddaħħlu fil-kontijiet.

2.        Din id-domanda ġiet magħmula fil-kuntest ta’ kawża bejn Argenta Spaarbank NV (iktar ’il quddiem “Argenta”) u l-awtoritajiet fiskali Belġjani fir-rigward tad-dħul fil-kontijiet, bħala taxxa fuq il-kumpanniji għas-sena fiskali 2008, il-valur nett tal-assi tal-istabbiliment permanenti li Argenta għandha fil-Pajjiżi l-Baxxi għad-determinazzjoni tal-kapital b’riskju, li jservi bħala bażi għat-tnaqqis bl-istess isem.

3.        Din il-miżura ġiet introdotta bil-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2005 li tistabbilixxi tnaqqis fiskali għal kapital b’riskju (2) li b’mod partikolari żiedet l-Artikoli 205 bis sa 205 nonies u 236 fil-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992 (iktar ’il quddiem is-“KTD 1992”).

4.        Mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-liġi jirriżulta li l-għan tagħha huwa li ttaffi d-differenza fit-trattament fiskali bejn il-finanzjament ta’ kumpanniji permezz ta’ kapital misluf (fejn l-interessi fuqu huma fiskalment deduċibbli fl-intier tagħhom) u l-finanzjament permezz ta’ kapital proprju (kapital b’riskju), fejn l-interessi huma taxxabbli fl-intier tagħhom, li tkabbar ir-ratio ta’ solvenza tal-kumpanniji, fejn l-introduzzjoni tat-tnaqqis għal kapital b’riskju hija inkluża fil-kuntest tal-għan ġenerali li tittejjeb il-kompetittività tal-ekonomija Belġjana, kif ukoll li toħloq alternattiva valida għas-sistema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li għandha titneħħa (3).

5.        It-tnaqqis għal kapital b’riskju – msejjaħ ukoll fil-qasam fiskali tnaqqis ta’ interessi kunċettwali (4) - jikkonsisti fit-tnaqqis fittizzju mill-bażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-interessi meqjusa li jirremuneraw il-kapital proprju tal-kumpannija. Dan it-tnaqqis huwa daqs il-kapital b’riskju, iddeterminat skont l-Artikolu 205 ter tal-KTD 1992, immultiplikat bir-rata stabbilita fil-paragrafi sussegwenti tal-Artikolu 205 quater tal-KTD 1992 (5).

6.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 205 ter(1) tal-KTD 1992 jipprovdi li l-kapital b’riskju li għandu jiddaħħal fil-kontijiet, jikkorrispondi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi 2 sa 7 ta’ dan l-artikolu, għall-ammont ta’ kapital proprju tal-kumpannija, fi tmiem il-perijodu taxxabbli preċedenti (6), iddeterminat skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà u skont il-kontijiet annwali kif jirriżultaw mill-bilanċ. Is-subparagrafi 2 sa 7 tal-imsemmi Artikolu 205 jelenkaw il-każijiet li fihom il-kapital proprju għandu jkun ikkoreġut biex imbagħad jiġi kkalkolat l-ammont ta’ tnaqqis għal kapital b’riskju.

7.        B’mod partikolari, skont l-Artikolu 205 ter(2) tal-KTD 1992 il-kapital b’riskju huwa mnaqqas mill-valur nett tal-assi tal-istabbilimenti permanenti li d-dħul tagħhom huwa eżenti fil-Belġju bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.

8.        Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja tal-5 ta’ Ġunju 2001 konkluż bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (7) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Belġju-Olandiż”), il-qligħ ta’ impriża ta’ Stat kontraenti għandu jiġi ntaxxat biss f’dak l-Istat, ħlief meta l-impriża teżerċita l-attività tagħha fl-Istat kontraenti l-ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti li jinsab hemmhekk. Jekk l-impriża teżerċita l-attività tagħha b’dan il-mod, il-qligħ tal-impriża għandu jiġi ntaxxat fl-Istat l-ieħor, iżda biss sa fejn huwa jkun imputabbli lil dak l-istabbiliment permanenti.

9.        Skont l-Artikolu 23(1)(a) tal-Ftehim Belġju-Olandiż, it-tassazzjoni doppja, f’dak li jirrigwardja r-Renju tal-Belġju, hija evitata b’tali mod li meta resident Belġjan jirċievi dħul, li ma jkunx dividendi, interessi jew dħul previsti fl-Artikolu 12(5) ta’ dan il-ftehim, jew għandu assi li huma taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-imsemmija konvenzjoni, ir-Renju tal-Belġju jeżenta mit-taxxa dan id-dħul jew dawn l-assi, iżda huwa jista’, sabiex jikkalkola l-ammont tat-taxxa tiegħu fuq il-kumplament tad-dħul l-ieħor jew tal-assi ta’ dan ir-residenti, japplika l-istess rata daqslikieku d-dħul jew l-assi inkwistjoni ma kinux eżenti.

10.      Huwa abbażi tal-Artikolu 205 ter(2) tal-KTD 1992 li l-awtoritajiet fiskali Belġjani rrifjutaw li Argenta, kumpannija stabbilita fil-Belġju u li hemmhekk hija suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fuq il-kumpanniji, iddaħħal fil-kontijiet, għal kalkolu tat-tnaqqis għal kapital b’riskju, il-valur nett tal-assi tal-istabbiliment permanenti tagħha li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi.

11.      Peress li kkunsidrat li l-Artikolu 205 ter(2) tal-KTD 1992 jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 43 KE, Argenta ppreżentat rikors kontra dan ir-rifjut quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen, li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 43 tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 49 TFUE] jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tistabbilixxi li, sabiex tikkalkula d-dħul taxxabbli tagħha, kumpannija suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fil-Belġju ma tistax tapplika tnaqqis għal kapital b’riskju sal-ammont tad-differenza pożittiva bejn, minn naħa, il-valur kontabbli nett tal-assi tal-istabbilimenti li hija għandha fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, it-total tal-kapital passiv imputabbli lil dawn l-istabbilimenti, filwaqt li din tkun tista’ tapplika dan it-tnaqqis jekk l-imsemmija differenza pożittiva tkun tista’ tiġi imputata lil stabbiliment permanenti li jinsab fil-Belġju?”

12.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Argenta, mill-Gvern Belġjan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ikkonċernati rrispondew ukoll fit-terminu preskritt għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2012.

II – Analiżi

13.      Kif jirriżulta mill-espożizzjoni introduttiva tiegħi, it-tnaqqis għal kapital b’riskju inkwistjoni f’din il-kawża jippermetti lill-kumpanniji suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji Belġjani; li jnaqqsu mid-dħul taxxabbli tagħhom interess fittizju, stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u kkalkolat fuq il-beni proprji tagħhom (assi netti).

14.      Fil-prattika, it-tnaqqis għal kapital b’riskju jippermetti lill-kumpanniji Belġjani u lill-kumpanniji mhux residenti li għandhom stabbiliment permanenti fil-Belġju li jnaqqsu, ħafna drabi b’mod spekulattiv, it-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas meta dawn il-kumpanniji jiffinanzjaw ruħhom permezz ta’ beni proprji.

15.      L-eżempju li ġej, meħud minn fuljett tal-awtoritajiet fiskali Belġjani (8) u adattat skont l-eżerċizzju ta’ taxxa kkontestat f’din il-kawża, jippermetti li nuri t-teżi tiegħi. Nikkunsidraw għalhekk kumpannija, stabbilita fil-Belġju, li l-bilanċ tagħha jikkonsisti f’EUR 100 000 ta’ beni proprji użati għal finanzjament ta’ grupp ta’ kumpanniji. Jekk din il-kumpannija Belġjana tirċievi rata ta’ interessi intragrupp ta’ 4 %, il-qligħ tagħha qabel it-taxxa huwa ta’ EUR 4 000. Grazzi għat-tnaqqis għal kapital b’riskju, fejn ir-rata tiegħu għas-sena 2008 kienet ta’ 3.871 %, il-bażi taxxabbli hija ta’ EUR 129 [4 000 – (100 000 x 3.871 %)]. Peress li t-taxxa fuq il-kumpanniji hija ta’ 33.99 %, il-kumpannija tħallas EUR 43.85 taxxa, jiġifieri rata effettiva ta’ taxxa ta’ 1.10 % minflok 33.99 % li kieku t-tnaqqis għal kapital b’riskju ma kinx jeżisti. It-tabella li ġejja tiġbor b’mod iktar sintetiku dan l-eżempju.

Kapital proprju = 100 000

Il-Kontijiet

Mingħajr it-tnaqqis għal kapital b’riskju

Bit-tnaqqis għal kapital b’riskju

Qligħ qabel it-taxxa (rata ta’ interessi intragrupp ta’ 4 %)

4 000

4 000

Tnaqqis għal kapital b’riskju (3.871 %)

0

-3 871

Bażi

4 000

129

Taxxa fuq il-kumpanniji (33.99 %)

1 360

43.85

Rata ta’ taxxa effettiva

33.99 %

1.10 %


16.      Dan l-eżempju jippermetti li jintwera li l-ammont ta’ tnaqqis għal kapital b’riskju ma huwiex ikkalkolat fuq il-kapital imħallas, li jiġġenera interessi, iżda, bla ħsara għal ċerti korrezzjonijiet, fuq il-beni proprji kollha tal-kumpannija kkonċernata (9).

17.      Il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-legalità tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis għal kapital b’riskju iżda unikament dwar waħda mill-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri dwar waħda mill-korrezzjonijiet li għandha titwettaq fir-rigward tad-determinazzjoni tal-beni proprji li għandhom jiddaħlu fil-kontijiet għall-finijiet tal-kalkolu tal-imsemmi tnaqqis, skont l-Artikolu 205 ter(2) tal-KTD 1992.

18.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi biss jekk il-libertà ta’ stabbiliment tipprekludix li jiġu esklużi mill-bażi tal-kalkolu ta’ dan it-tnaqqis l-assi imputabbli lil stabbiliment permanenti barrani ta’ kumpannija li hija suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fil-Belġju, stabbiliment li d-dħul tiegħu ma humiex intaxxati f’dan l-Istat Membru bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż mal-Istat Membru li fih jinsab l-imsemmi stabbiliment, filwaqt li jiddaħħlu fil-kontijiet fil-bażi tat-tnaqqis l-assi imputabbli lill-istabbiliment permanenti Belġjan ta’ tali kumpannija.

19.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Belġjan bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-esklużjoni tal-assi tal-istabbilimenti permanenti barranin ta’ kumpanniji Belġjani tikkonċerna, fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Istati Membri kollha kif ukoll ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, bl-eċċezzjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein, l-uniku pajjiż li miegħu r-Renju tal-Belġju ma kkonkludix ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.

20.      Argenta u l-Kummissjoni jipproponu li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun waħda pożittiva.

21.      Il-Gvern Belġjan huwa ta’ opinjoni opposta.

22.      Huwa jikkontesta qabel xejn in-natura allegatament żvantaġġjuża tar-regola provduta fl-Artikolu 205 ter(2) tal-KTD 1992. Skont il-Gvern Belġjan din ir-regola hija, fil-fatt, mingħajr effett fir-rigward tal-kumpannija Belġjana sa fejn it-tnaqqis għal kapital b’riskju għandu jkun applikat mhux għall-qligħ tal-imsemmija kumpannija iżda għal dak tal-istabbiliment permanenti li huwa eżenti fil-Belġju bis-saħħa, f’dan il-każ, tal-Ftehim Belġju-Olandiż.

23.      Il-Gvern Belġjan imbagħad isostni li jekk it-talba ta’ Argenta tintlaqa’, dan ikun imur kontra r-regoli fiskali internazzjonali, b’mod partikolari l-mudell tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OKŻE), li tqis l-istabbiliment permanenti bħala entità fiskali awtonoma u tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni esklussiva tal-Istat Membru li fiha jkun jinsab dan l-istabbiliment sabiex jintaxxa l-qligħ tiegħu u jitratta l-ispejjeż tiegħu. L-ispejjeż magħmula sabiex jinkiseb dħul li huwa taxxabbli fl-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment permanenti u li huma eżenti fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ kumpannija, għandhom ikunu jistgħu jitnaqqsu f’dan l-Istat Membru l-ieħor u mhux fl-Istat Membru ta’ residenza, bl-istess mod bħalma l-interessi ta’ djun ikkuntrattati sabiex jinkisbu l-assi ta’ stabbiliment permanenti għandhom ikunu jistgħu jitnaqqsu mill-qligħ imputabbli lil dan l-istabbiliment permanenti.

24.      Barra minn hekk, skont dan il-Gvern, anki jekk jitqies li r-rifjut mir-Renju tal-Belġju li jdaħħal fil-kontijiet l-assi tal-istabbilimenti permanenti barranin iwassal għal sitwazzjoni inqas favorevoli għal persuna taxxabbli partikolari meta mqabbel mal-istess persuna taxxabbli li waqfet stabbiliment fil-Belġju, din iċ-ċirkustanza ma tikkostitwixxix ostakolu għal libertà ta’ stabbiliment, għax din hija r-riżultat tal-applikazzjoni parallela minn diversi Stati Membri tal-kompetenzi fiskali tagħhom u tal-fatt li vantaġġ analogu għat-tnaqqis għal kapital b’riskju ma jeżistix fil-parti l-kbira tal-Istati Membri l-oħra. Is-sistema Belġjana ta’ tnaqqis għal kapital b’riskju ma twaqqafx fiha nnifisha lill-kumpanniji Belġjani milli joħolqu stabbilimenti permanenti fl-Istati Membri l-oħra.

25.      Fl-aħħar nett u fi kwalunkwe każ, il-Gvern Belġjan isostni li eventwali restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koeżjoni tas-sistema fiskali Belġjana u minn dik li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, meħuda flimkien.

26.      Kif ġustament sostniet Argenta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dawn l-argumenti jikkostitwixxu, essenzjalment, varjazzjonijiet fuq l-istess tema. Peress li r-Renju tal-Belġju rrinunzja, bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, milli jintaxxa l-qligħ ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor, huwa jirrifjuta li jagħti t-tnaqqis għal kapital b’riskju lill-kumpannija Belġjana, suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, li fuqha jiddependi l-imsemmi stabbiliment sal-ammont tal-beni proprji attribwiti lil dan tal-aħħar.

27.      L-għoti tat-tnaqqis għal kapital b’riskju huwa għalhekk, f’din il-miżura, suġġett għas-sodisfazzjon ta’ kundizzjoni territorjali, jiġifieri li l-beni proprji tal-kumpannija Belġjana jkunu imputabbli lil entità ntaxxata fil-Belġju.

28.      Fl-opinjoni tiegħi, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, tali kriterju għandu jiġi analizzat.

29.      Qabel xejn, ma hemmx dubju li t-trattament fiskali differenti, skont jekk il-kumpanniji Belġjani għandhomx stabbiliment permanenti fil-Belġju jew fi Stat Membru ieħor, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

30.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li l-libertà ta’ stabbiliment tinkludi, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra permezz ta’ sussidjarja, fergħa jew aġenzija (10).

31.      Dejjem skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment jipprekludu b’mod partikolari li Stat Membru jxekkel l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija stabbilita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu (11).

32.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll meta kumpannija stabbilita fi Stat Membru topera fi Stat Membru ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti (12).

33.      Għal dak li jirrigwarda s-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dħul fil-kontijiet tal-beni proprji ddedikati lil stabbiliment permanenti għall-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital b’riskju ta’ kumpannija Belġjana, suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, jikkostitwixxi mingħajr dubju vantaġġ fiskali peress li tali dħul fil-kontijiet inaqqas ir-rata effettiva tat-taxxa fuq il-kumpanniji li tali kumpannija għandha tħallas fl-imsemmi Stat Membru.

34.      Madankollu, skont din l-istess sistema fiskali, tali vantaġġ fiskali huwa rrifjutat lil kumpannija Belġjana, suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, meta hija jkollha stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor u li d-dħul tiegħu huwa eżenti bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn l-imsemmi Stat Membru u r-Renju tal-Belġju.

35.      Is-sitwazzjoni fiskali tal-kumpannija tal-aħħar hija għalhekk inqas favorevoli mis-sitwazzjoni li hija tkun fiha li kieku kellha stabbiliment permanenti fil-Belġju.

36.      Din l-evalwazzjoni ma hijiex mdgħajfa mill-allegazzjoni tal-Gvern Belġjan li tgħid li r-rifjut li jiddaħħlu fil-kontijiet il-beni proprji ddedikati lil stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ma għandu l-ebda effett fuq it-trattament fiskali tal-kumpannija Belġjana, peress li t-tnaqqis għal kapital b’riskju ma huwiex applikat għall-qligħ ta’ din tal-aħħar iżda għal dak tal-istabbiliment permanenti.

37.      Qabel xejn, li kieku dan ikun il-każ, ikun diffiċli li wieħed jifhem ir-raġunijiet li kienu għalhekk immotivaw lir-Renju tal-Belġju sabiex jeskludi speċifikatament mill-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital b’riskju l-beni proprji tal-istabbilimenti permanenti li jinsabu f’pajjiż barrani li huma proprjetà ta’ kumpanniji Belġjani suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju.

38.      Wara dan, mill-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana, b’mod partikolari mill-Artikoli 205 bis u 205 ter tal-KTD 1992, jirriżulta li t-tnaqqis għal kapital b’riskju tabilħaqq jirrigwarda t-trattament fiskali tal-kumpannija stabbilita fil-Belġju u li, kif il-Kummissjoni enfasizzat fit-tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 185 tal-KTD 1992, il-kumpanniji Belġjani, suġġetti b’mod sħiħ għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, huma suġġetti għat-taxxa fuq l-ammont totali tad-dħul tagħhom f’dan l-istess pajjiż.

39.      Issa, skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi li tistabbilixxi tnaqqis fiskali għal kapital b’riskju, anki fil-każ fejn kumpannija jkollha stabbiliment permanenti li d-dħul tiegħu huwa eżenti mit-taxxa fil-Belġju bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, id-dritt tal-kontabbiltà Belġjan ma jipprovdix li għandha ssir distinzjoni, fil-bilanċ soċjali tal-kumpannija, bejn il-kapital proprju ddedikat għall-istabbiliment permanenti barrani u l-kapital proprju ieħor ta’ din il-kumpannija (13).

40.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, kif enfasizzat Argenta fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Gvern Belġjan, jirriżulta li kumpannija Belġjana li għandha kapital proprju tista’ tgawdi mit-tnaqqis għal kapital b’riskju anki meta huwa biss l-istabbiliment permanenti barrani tagħha, li huwa stess ma jkollux kapital proprju, li jagħmel qligħ, qligħ li jkun, b’mod definittiv, imputabbli lill-imsemmija kumpannija, abbażi tal-leġiżlazzjoni Belġjana, għall-finijiet tal-kalkolu tal-imsemmi tnaqqis.

41.      Minn dan isegwi li t-tnaqqis għal kapital b’riskju japplika għas-sitwazzjoni globali tal-kumpannija Belġjana, suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fil-Belġju.

42.      Lanqas ma naqbel mal-pożizzjoni tal-Gvern Belġjan li tgħid li d-differenza fit-trattament fiskali inkwistjoni f’din il-kawża huwa l-konsegwenza tal-eżerċizzju parallelu tal-kompetenzi fiskali tal-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija u ta’ dak li fih jinsab l-istabbiliment permanenti, fis-sens li l-imsemmija differenza tirriżulta miċ-ċirkustanza li vantaġġ analogu għat-tnaqqis għal kapital b’riskju ma jeżistix, jew għall-inqas għadu ma jeżistix, fl-Istati Membri l-oħra jew li r-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji tvarja bejn l-Istati Membri.

43.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju parallelu tal-kompetenzi fiskali tad-diversi Stati Membri, sa fejn tali eżerċizzju ma huwiex diskriminatorju, ma jikkostitwixxux restrizzjoni tal-moviment liberu (14).

44.      Skont dan ir-raġunament, l-iżvantaġġi jew id-differenzi fit-trattament li jirriżultaw unikament mill-applikazzjoni tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi moviment liberu, bid-differenza għal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ sistema fiskali waħda u unika ta’ Stat Membru (15).

45.      Issa, f’dan il-każ, id-differenza fit-trattament bejn il-kumpanniji stabbiliti fil-Belġju, suġġetti b’mod sħiħ għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru, fl-aħħar mill-aħħar indipendentement minn jekk għandhomx stabbiliment permanenti fil-Belġju jew le, jirriżulta unikament mill-applikazzjoni tas-sistema fiskali Belġjana. Din id-differenza bl-ebda mod ma tiddependi fuq l-impossibbiltà li kumpannija Belġjana, bħal Argenta, la tibbenefika minn vantaġġ analogu li ma jeżistix fil-Pajjiżi l-Baxxi u lanqas mir-rata ta’ taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, eventwalment differenti minn dik li bħala prinċipju tapplika fil-Belġju. Barra minn hekk, ir-rilevanza ta’ din l-aħħar motiv tista’ tkun leġittimament ikkontestata. Fil-fatt għandu jitfakkar li l-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital b’riskju jinkludi l-kapital proprju ddedikat lil istabbilimenti permanenti li jinsabu fi Stati terzi li ma humiex marbutin mar-Renju tal-Belġju bi ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, li jiddependu fuq kumpanniji Belġjani, suġġetti b’mod sħiħ għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, indipendentament mir-rata tat-taxxa applikabbli fl-imsemmija Stati terzi.

46.      Inqis għalhekk li l-esklużjoni tal-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital b’riskju, prevista mill-Artikolu 205 ter(2) tal-KTD 1992, mill-kapital proprju iddedikat lil stabbiliment permanenti li d-dħul tiegħu huwa eżenti mit-taxxa fil-Belġju li jiddependi fuq kumpannija Belġjana, suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru tal-aħħar tikkostitwixxi, bħala prinċipju, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

47.      Għalhekk, f’dan l-istadju għandu jiġi vverifikat jekk l-imsemmija restrizzjoni tistax madankollu tkun iġġustifikata minn, minn tal-inqas, waħda miż-żewġ raġunijiet ta’ interess ġenerali mressqa mill-Gvern Belġjan, jiġifieri, minn naħa, il-garanzija tal-koeżjoni tas-sistema fiskali tiegħu, u min-naħa l-oħra, il-preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

48.      Huwa paċifiku li kull wieħed minn dawn iż-żewġ rekwiżiti ta’ interess ġenerali ġie kkunsidrat bħala li jista’ validament jiġġustifika restrizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment (16).

49.      Il-miżuri ristrettivi inkwistjoni għandhom madankollu jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettieq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxa u ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (17).

50.      F’dan il-każ, l-ebda wieħed miż-żewġ għanijiet hawn fuq imsemmija ma jidhirli li jista’ jirnexxi.

51.      Fir-rigward tal-għan tal-preżervazzjoni tal-koeżjoni tas-sistema fiskali, skont il-ġurisprudenza dan jista’ jiġi milqugħ biss jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari (18).

52.      Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Gvern Belġjan jallega li s-sistema tat-tnaqqis għal kapital b’riskju twassal għal simitrija perfetta bejn l-għoti tal-vantaġġ fiskali, ikkalkolat skont l-assi, u d-dritt li jiġi ntaxxat il-qligħ iġġenerat minn dawn l-assi.

53.      Fl-opinjoni tiegħi, dan l-argument ma huwiex biżżejjed sabiex juri l-eżistenza ta’ rabta diretta fis-sens tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, peress li l-vantaġġ fiskali huwa kkalkolat fuq il-beni proprji tal-kumpannija kkonċernata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fir-realtà ma hemm ebda tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa ulterjuri fuq id-dħul iġġenerat minn dawn il-beni proprji, peress li l-għan tal-imsemmi tnaqqis huwa li titnaqqas b’mod ġenerali r-rata effettiva tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-entitajiet koperti mill-KTD 1992 (19). Fir-realtà l-għoti tat-tnaqqis għal kapital b’riskju ma huwiex relatat mal-qligħ magħmul fil-Belġju, peress li, jekk il-kumpannija Belġjana ma tagħmel ebda qligħ f’sena partikolari, it-tnaqqis eċċessiv mogħti għas-sena msemmija jista’, skont l-Artikolu 205 quinquies tal-KTD 1992, jingħadd fuq is-sena ta’ wara għas-seba’ snin sussegwenti.

54.      L-argument tal-Gvern Belġjan ibbażat fuq is-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, ma huwiex tali li jdgħajjef din l-evalwazzjoni.

55.      Infakkar li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-inkorporazzjoni mill-ġdid tat-telf, prevista mis-sistema fiskali Ġermaniża, sostnut minn stabbiliment permanenti ta’ kumpannija Ġermaniża, stabbiliment li kien jinsab fi Stat Membru ieħor, huwa ġġustifikat minħabba n-neċessità li tiġi ggarantita l-koeżjoni ta’ din is-sistema fiskali, għar-raġuni li l-imsemmija inkorporazzjoni “tikkostitwixxi l-element komplementari loġiku tat-tnaqqis [tat-telf] mogħi preċedentement” (20), peress li huwa biss it-telf preċedentement imnaqqas li kien jiġi inkorporat mill-ġdid (21). Kien hemm, għalhekk, “rabta diretta, personali u materjali bejn iż-żewġ elementi tal-mekkaniżmu fiskali” (22), jiġifieri, l-konċessjoni, inizjalment, ta’ vantaġġ fiskali, jiġifieri d-dħul fil-kontijiet tat-telf, lill-kumpannija residenti li minnha kien jiddependi l-istabbiliment permanenti li jinsab fl-Istat Membru l-ieħor – li kien barra minn hekk ittrattat bħala stabbiliment permanenti li jinsab fil-Ġermanja – (23) u sussegwentement, l-inkorporazzjoni mill-ġdid tal-imsemmi telf.

56.      Issa, f’dan il-każ, tkun xi tkun il-perspettiva li minnha jiġi eżaminat it-tnaqqis għal kapital b’riskju, fis-sistema Belġjana ma teżisti l-ebda taxxa li tista’ tpaċi dan il-vantaġġ fiskali b’tali mod li dawn iż-żewġ elementi jżommu rabta diretta bħal dik deskritta fis-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq.

57.      F’kull każ, kif isostnu Argenta u l-Kummissjoni, il-koeżjoni fiskali invokata mir-Renju tal-Belġju donnha ġiet mgħoddija għal-livell tar-reċiproċità tar-regoli applikabbli tal-Ftehim Belġju-Olandiż.

58.      Fil-fatt, billi jipprovdi, essenzjalment, fl-Artikolu 7(1) tiegħu, li l-qligħ ta’ impriża li tinsab fi Stat kontraenti huwa taxxabbli fl-Istat kontraenti l-ieħor meta dan il-qligħ huwa imputabbli għall-istabbiliment permanenti tagħha li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat kontraenti l-ieħor, dan il-Ftehim jistabbilixxi reċiproċità fiskali tar-regoli applikabbli fl-Istati kontraenti, li huwa intiż preċiżament sabiex jiżgura l-koeżjoni fiskali. Għalhekk, il-fatt li r-Renju tal-Belġju rrinunzja li jintaxxa l-qligħ tal-kumpanniji Belġjani imputabbli lil stabbilimenti permanenti li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi ma jiġġustifikax li huwa jirrifjuta unilateralment il-vantaġġ fiskali inkwistjoni. Jekk l-argument kuntrarju jiġi aċċettat, dan ikun ifisser, fl-aħħar mill-aħħar, li jiġi aċċettat li l-Ftehim Belġju-Olandiż huwa sors ta’ inkoerenza li għandha tiġi rimedjata permezz tar-rifjut unilaterali tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni. Issa, linja ta’ raġunament simili diġà ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja (24).

59.      Barra minn hekk jidhirli li, billi jirrifjuta li jagħti l-vantaġġ fiskali inkwistjoni abbażi tal-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi biss jintaxxa l-qligħ imputabbli lill-istabbilimenti permanenti, li jinsabu fit-territorju tagħhom u li jiddependu minn kumpanniji Belġjani, minkejja li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jagħtix vantaġġ fiskali analogu għal dak implementat fil-Belġju, il-Gvern Belġjan qed jipprova jevita l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, billi jitlob li Stat Membru ieħor jaddatta s-sistema fiskali tiegħu għal dik fis-seħħ fil-Belġju. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-Trattat KE  bl-ebda mod ma jobbliga lill-Istati Membri jwettqu tali adattament (25).

60.      It-tieni għan ta’ interess ġenerali invokat mill-Gvern Belġjan, jiġifieri l-preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, huwa, minn tal-inqas parzjalment, interkonness ma’ dak li għadu kif ġie eżaminat.

61.      Inqis li l-evalwazzjoni tiegħu għandha twassal għall-istess riżultat.

62.      Infakkar li, skont il-ġurisprudenza, in-neċessità li t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri jiġi mħares, tista’ tkun ammessa meta, b’mod partikolari, is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprevjeni aġir li jista’ jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (26).

63.      Issa, il-fatt li l-kumpanniji Belġjani li għandhom stabbiliment permanenti fi Stat Membru li miegħu r-Renju tal-Belġju kkonkluda ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jiġu suġġetti għall-istess trattament – jiġifieri li jingħataw il-benefiċċju tat-tnaqqis għal kapital b’riskju – bħal dawk li għandhom tali stabbiliment fit-territorju Belġjan jew fi Stat terz li miegħu r-Renju tal-Belġju ma kkonkludiex tali ftehim, ma jikkompremetti bl-ebda mod, f’dan il-każ, la d-dritt tal-imsemmi Stat Membru li jintaxxa l-qligħ globali tal-imsemmija kumpanniji, stabbiliti fit-territorju tiegħu, u lanqas dak tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jintaxxa l-qligħ imputabbli lill-istabbilimenti permanenti li jinsabu fit-territorju tiegħu u li jiddependu minn kumpanniji Belġjani, skont il-ftehim Belġju-Olandiż.

64.      Din l-evalwazzjoni ma tinbidilx bl-argument tal-Gvern Belġjan li jgħid, li, t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri xorta waħda ser tkun ippreġudikata jekk ir-Renju tal-Belġju jiġi obbligat jagħti t-tnaqqis għall-kapital b’riskju f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ladarba t-tnaqqis fiskali tal-interessi tas-self użat sabiex jinkisbu l-assi tal-istabbilimenti permanenti barranin ma jistax jingħata biss mill-Istat Membru li fit-territorju jinsabu l-imsemmija stabbilimenti.

65.      Fil-fatt, it-tnaqqis għal kapital b’riskju huwa vantaġġ fiskali ta’ darba, mogħti abbażi ta’ spejjeż fittizji, jiġifieri l-ispejjeż teoretiċi tal-użu tal-beni proprji, sostnuti, bħal ma indikat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Gvern Belġjan, mhux mill-kumpannija Belġjana iżda mill-azzjonarji tagħha. Għalkemm il-Gvern Belġjan ikkontesta dan matul is-seduta, dan huwa, skont it-termini tal-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tal-liġi li tistabbilixxi tnaqqis fiskali għal kapital b’riskju, tnaqqis sui generis (27), mogħti b’mod unilaterali mir-Renju tal-Belġju. Għalhekk, it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri bl-ebda mod ma jostakola lir-Renju tal-Belġju milli jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament fiskali tal-kumpanniji Belġjani li għandhom stabbiliment permanenti, indipendentament mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab dan l-istabbiliment.

66.      Sa fejn dan jista’ jkun utli, lanqas ma tista’ tiġi aċċettata l-interpretazzjoni kuntrarja u min-natura tagħha stess ipotetika mogħtija mill-Gvern Belġjan tas-sentenzi Jobra (28) u Tankreederei I (29), għar-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx tiċħad l-invokazzjoni tan-neċessità li jiġi żgurat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri li kieku l-assi, li għalihom it-tnaqqis għall-investimenti kkonċernat fil-kawżi li taw lok għal dawn iż-żewġ sentenzi u li kienu ġew irrifjutati minħabba li l-imsemmija investimenti ma kinux saru fit-territorju nazzjonali, iġġeneraw biss qligħ li huwa eżenti b’mod sħiħ fl-Istati Membri inkwistjoni.

67.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 205 ter(2) tal-KTD 1992 ma tistax tkun iġġustifikata miż-żewġ motivi ta’ interess ġenerali mressqa mill-Gvern Belġjan.

68.      Nissuġġerixxi għalhekk li jiġi deċiż li l-Artikolu 43 KE għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, għall-kalkolu tal-qligħ taxxabbli tagħha, kumpannija suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fuq il-kumpanniji fi Stat Membru ma tistax tapplika tnaqqis għal kapital b’riskju li jammonta għad-differenza pożittiva bejn il-valur kontabbli nett tal-assi u t-total tal-kapital passiv imputabbli lil stabbiliment permanenti li hija għandha fi Stat Membru ieħor u li d-dħul tiegħu huwa eżenti fl-ewwel Stat Membru permezz ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn l-imsemmija Stati Membri, filwaqt li tali kumpannija tista’ tapplika tali tnaqqis jekk l-imsemmija differenza pożittiva tista’ tkun imputabbli lil stabbiliment permanenti li jinsab fl-ewwel Stat Membru jew fi Stat Membru terz li miegħu l-imsemmi Stat Membru ma kkonkludix ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.

III – Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari magħmula mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen:

L-Artikolu 43 KE għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, għall-kalkolu tal-qligħ taxxabbli tagħha, kumpannija suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fuq il-kumpanniji fi Stat Membru ma tistax tapplika t-tnaqqis għal kapital b’riskju li jammonta għad-differenza pożittiva bejn il-valur kontabbli nett tal-assi u t-total tal-kapital passiv imputabbli lil stabbiliment permanenti li hija għandha fi Stat Membru ieħor u li d-dħul tiegħu huwa eżenti fl-ewwel Stat Membru permezz ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn l-imsemmija Stati Membri, filwaqt li tali kumpannija tista’ tapplika tali tnaqqis jekk l-imsemmija differenza pożittiva tista’ tkun imputabbli lil stabbiliment permanenti li jinsab fl-ewwel Stat Membru jew fi Stat Membru terz li miegħu l-imsemmi Stat Membru ma kkonkludix ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Moniteur belge tat-30 ta’ Ġunju 2005, p. 30077.


3 – Iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kienu rregolati bid-Digriet Irjali Nru 187, tat-30 ta’ Diċembru 1982 (Moniteur belge tat-13 ta’ Jannar 1983), u kienu inizjalment jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali, għal perijodu ta’ għaxar snin, mit-taxxa fuq il-profitti għal dawk fosthom li kienu jwettqu, għall-benefiċċju tal-impriżi tal-grupp li jagħmlu parti minnu, ċertu ammont ta’ xogħol amministrattiv, preparatorju jew awżiljarju kif ukoll ċerti attivitajiet ta’ ċentralizzazzjoni finanzjarja. Fl-1984, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet ikkunsidrat li din is-sistema kienet eżenti minn elementi ta’ għajnuna. Madankollu rapport tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tad-29 ta’ Frar 2000, ikkwalifika d-dispożizzjonijiet Belġjani dwar iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni bħala miżuri fiskali dannużi li għandhom jitneħħew sal-31 ta’ Diċembru 2005 u mbagħad sal-31 ta’ Diċembru 2010. Fis-17 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/757/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (ĠU L 282, p. 25), fejn ipprovdiet li l-iskema ta’ għajnuna eżistenti kellha titneħħa progressivament sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010. L-iskema ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni, emendata diversi drabi iżda dejjem derogatorja mis-sistema fiskali ġenerali Belġjana, kienet l-oriġini ta’ diversi kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fosthom dawk li taw lok għas-sentenza, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-399/03, Ġabra p. I-5629) dwar il-legalità tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill f’Lulju 2003 lir-Renju tal-Belġju sabiex tingħata l-iskema ta’ għajnuna lil ċerti ċentri ta’ koordinazzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet tiskadi sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005, kif ukoll is-sentenza, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479) dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq. L-iskema ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni ġiet abbandunata fl-aħħar tas-sena 2010. Wara l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2003/757 mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida fit-13 ta’ Novembru 2007 [Deċiżjoni 2008/283/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju u li temenda d-Deċiżjoni 2003/757/KE (ĠU 2008 L 90, p. 7)], li kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għall-annullament ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u rreġistrati rispettivament bir-referenza T-94/08 u T-189/08. Fis-sentenzi tagħha tat-18 ta’ Marzu 2010, Centre de coordination Carrefour vs Il-Kummissjoni (T-94/08, Ġabra p. II-1015), kif ukoll Forum 187 vs Il-Kummissjoni (T-189/08, Ġabra p. II-1039), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi bħala inammissibbli. B’digriet tat-3 ta’ Marzu 2011, Centre de coordination Carrefour vs Il-Kummissjoni (C-254/10 P) il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell.


4 – Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, Parent, X, “La déduction pour capital à risque. Les intérêts notionnels”, Rivista tal-fakultà tal-liġi tal-Università ta’ Liège, 2006, Nru. 1-2, p. 289; Colmant, B u oħrajn, Les intérêts notionnels. Aspects juridiques, fiscaux et financiers de la déduction pour capital à risque, Larcier, Brussell, 2006, p. 3; Traversa, E. u Lecocq, A., “La déduction des intérêts notionnels en Belgique: premier bilan”, Dritt fiskali, Nru 9, 2009, p. 9, u Dassesse, M., “Les intérêts notionnels à l’épreuve du droit communautaire. Le législateur belge à la mémoire bien courte”, Liber Amicorum Jacques Autenne, Bruylant, Brussell, 2010, p. 231.


5 – Matul is-sena taxxabbli 2008, din ir-rata kienet ta’ 3.871 %. Ir-rata hija ta’ 3.425 % għas-sena taxxabbli 2012. Ir-rata hija kkalkulata kull sena abbażi tal-medja tar-rati ta’ interessi mensili tal-bonds lineari (OLO) f’10 snin. Din ir-rata tista’ tvarja b’massimu ta’ punt wieħed perċentwali mir-rata tas-sena preċedenti. Ir-rata massima hija ta’ 6.5 %.


6 – Skont l-Artikolu 205 quinquies tal-KTD 1992, fin-nuqqas jew f’każ ta’ insuffiċjenza ta’ qligħ ta’ perijodu taxxabbli li għalih it-tnaqqis għal kapital b’riskju jista’ jitnaqqas, dan jista’ jingħadda suċċessivament fuq il-qligħ tas-seba’ snin sussegwenti.


7 – Moniteur belge tal-20 ta’ Diċembru 2002, p. 57533.


8 – Ara “La déduction d’intérêt notionnel: un incitant fiscal belge novateur – Exercice d’imposition 2013 – Revenus 2012”, p. 6 (http://minfin.fgov.be/portail2/belinvest/downloads/fr/publications/bro_notional_interest.pdf)


9 – Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, Parent, X., op.cit., p. 298.


10 – Ara s-sentenzi, tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN (C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 35); tal-14 ta’ Diċembru 2000, AMID (C-141/99, Ġabra p. I-11619, punt 20); tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding (C-471/04, Ġabra p. I-2107, punt 29); tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz (C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 25) u tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium (C-414/06, Ġabra p. I-3601, punt 18).


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI (C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 21); Rewe Zentralfinanz, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 26), u Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19).


12 – Sentenzi Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq (punt 20), u tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt (C-157/07, Ġabra p. I-8061, punt 31). Ara wkoll is-sentenza, tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell (C-293/06, Ġabra p. I-1129, punt 29).


13 – Ara, abbozz ta’ liġi li tistabbilixxi tnaqqis għal kapital b’riskju, Kamra tar-Rappreżentanti tal-Belġju, 11 ta’ Mejju 2005, Doc. 51 1778/001, p. 12, anness mal-osservazzjonijiet ta’ Argenta.


14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2001, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C-157/10, Ġabra p. I-13023, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Schulz-Delzers u Schulz (C-240/10, Ġabra p. I-8531, punti 40 sa 42).


16 – Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-garanzija tal-koeżjoni tas-sistema fiskali, is-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43), u, fir-rigward tal-preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, is-sentenza, tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, Ġabra p. I-12273, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza, tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-269/09, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 42); tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 68) u Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 85).


19 – Għandu jiġi nnotat li, fix-xogħol tagħhom imsemmi iktar ’il fuq, Colmant, B. u oħrajn, jirrilevaw, fil-kapitolu ddedikat lil “prinċipji tat-tnaqqis għal kapital b’riskju”, li dan it-tnaqqis “ma jiddaħalx fil-kontijiet, isir fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-kumpannija u ma huwa mpaċi bl-ebda dħul taxxabbli korrispondenti” (p. 19).


20 – Sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).


21 – Ibidem (punt 44).


22 – Ibidem (punt 42).


23 – Ibidem (punt 35).


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Weidert u Paulus (C-242/03, Ġabra p. I-7379, punti 24 sa 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tal-15 ta’ April 2010, CIBA (C-96/08, Ġabra p. I-2911, punt 28) u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39).


26 – Ara s-sentenzi, tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA (C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 54); tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 58); tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C-303/07, Ġabra p. I-5145, punt 66); tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, Ġabra p. I-9879, punt 77), kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2012, FIM Santander Top 25 Euro Fi et (C-338/11 sa C-347/11, punt 47).


27 – Skont il-kummentarju tal-Artikolu 4 tal-imsemmi abbozz ta’ liġi (p. 10 tal-espożizzjoni), “it-tnaqqis għal kapital b’riskju huwa tnaqqis sui generis li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu huma kollha stabbiliti mid-disposizzjonijiet tal-abbozz”.


28 – Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008 (C-330/07, Ġabra p. I-9099).


29 – Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010 (C-287/10, Ġabra p. I-14233).