Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2013 (1)

Kawża C-80/12

Felixstowe Dock and Railway Company Ltd,

Savers Health and Beauty Ltd,

Walton Container Terminal Ltd,

WPCS (UK) Finance Ltd,

AS Watson Card Services (UK) Ltd,

Hutchison Whampoa (Europe) Ltd,

Kruidvat UK Ltd,

Superdrug Stores plc

vs

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-Tier Tribunal (Tax Chamber) tar-Renju Unit]

“Interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 48 KE — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni dwar it-taxxa — Taxxa fuq il-kumpanniji – Ħelsien minn taxxa — Talbiet ta’ konsorzju għal ħelsien minn taxxa għall-grupp (ħelsien minn taxxa għall-konsorzju) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-trasferiment tat-telf fi ħdan it-territorju nazzjonali minn kumpannija tal-konsorzju għal kumpannija oħra li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji li għalih tappartjeni ‘kumpannija ta’ konnessjoni’ li hija wkoll membru tal-konsorzju — Rekwiżit ta’ stabbiliment imponut fuq il-kumpannija ta’ konnessjoni — Diskriminazzjoni abbażi tal-post tas-sede tal-kumpannija — Kumpannija parent finali f’pajjiż terz — Konnessjonijiet korporattivi li jgħaddu minn pajjiżi terzi”






I –    Introduzzjoni

1.        Fir-Renju Unit, kumpannija tista’ tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha lil kumpannija oħra li tkun marbuta magħha b’ċerti konnessjonijiet korporattivi, u dan għal finijiet ta’ taxxa. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-First-Tier Tribunal (Tax Chamber) tikkonċerna prinċipalment il-kwistjoni dwar jekk f’termini tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (UE) hemmx restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment jekk tali trasferiment ta’ telf ma jkunx possibbli meta l-kumpannija, li taġixxi bħala l-konnessjoni bejn (i) il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u (ii) il-kumpannija li tirċevih, tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor. Il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk, f’termini tad-dritt tal-UE, is-sitwazzjoni tkunx differenti jekk il-konnessjoni bejn il-kumpanniji tgħaddi minn kumpanniji f’pajjiżi terzi.

2.        L-iskema ta’ ħelsien minn taxxa għall-grupp fir-Renju Unit tippermetti li t-telf jiġi ttrasferit bejn kumpanniji differenti fi ħdan grupp ta’ kumpanniji (2) u/jew konsorzju (3), u b’hekk tippermetti l-aħjar użu minn dak it-telf għal raġunijiet ta’ taxxa mingħajr, madankollu, ma twassal għall-konsolidazzjoni tal-grupp jew tal-konsorzju għal entità ekonomika waħda minħabba raġunijiet ta’ taxxa (4).

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għal darba oħra mistoqsija jekk l-esklużjoni ta’ ċerti persuni taxxabbli mill-iskema ta’ ħelsien minn taxxa għall-grupp tar-Renju Unit hijiex konformi mal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-kawża ICI, l-esklużjoni mill-iskema ta’ ħelsien minn taxxa għall-grupp kienet tikkonċerna kumpannija holding nazzjonali li kienet prinċipalment topera sussidjarji barranin, fil-kawża Marks & Spencer kienet tikkonċerna sussidjarji barranin u fil-kawża Philips Electronics UK kienet tikkonċerna l-istabbiliment permanenti fir-Renju Unit ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor (5).

4.        Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher li n-novità fil-kawża preżenti huwa l-fatt li l-konnessjonijiet korporattivi jgħaddu min pajjiżi terzi u li l-kumpannija parent (6) finali hija stabbilita f’pajjiż terz. Madankollu, fl-analiżi finali, sabiex fil-kawża preżenti tiġi evalwata l-konformità tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit mad-dritt tal-UE, dik il-kwistjoni tista’ ma tkunx deċiżiva.

5.        Barra minn hekk, jekk hemmx kwistjoni ta’ dritt tal-UE jiddependi parzjalment mill-premessa fattwali li tirrigwarda l-eżistenza ta’ prassi tas-soltu fir-Renju Unit li biha l-ħlas ġeneralment isir meta t-telf jiġi ttrasferit bejn il-kumpanniji. Dan għaliex il-kawża preżenti hija bbażata fuq l-assunzjoni li kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha ser tbati jekk ma tkunx tista’ tittrasferixxi, bi ħlas, it-telf imġarrab minnha lill-kumpanniji li jagħmlu t-talba. Dan l-iżvantaġġ ekonomiku jseħħ biss jekk il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha ssofri minn żvantaġġ finanzjarju minħabba li ma tkunx kapaċi tikkapitalizza minnufih it-telf mingħajr ma jkollha tistenna s-snin finanzjarji sussegwenti. Jekk, madankollu, it-trasferiment tat-telf seħħ mingħajr ebda kumpens, kwalunkwe żvantaġġ li joriġina mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit jinħass biss fil-livell tal-grupp, u mhux fil-livell tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha.

II – Id-dritt nazzjonali, il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

A –    Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit

6.        Id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikati fil-kawża prinċipali jinsabu fil-Liġi tal-1988 dwar it-Taxxi fuq id-Dħul u fuq il-Kumpanniji (Income and Corporation Taxes Act 1988, iktar ’il quddiem l-“ICTA”).

7.        “Grupp ta’ kumpanniji” huwa ddefinit kif ġej fit-Taqsima 413(3) tal-ICTA: żewġ kumpanniji jitqiesu li jkunu membri ta’ grupp ta’ kumpanniji jekk waħda minnhom tkun 75 % sussidjarja tal-oħra jew jekk it-tnejn li huma jkunu 75 % sussidjarji ta’ kumpannija terza.

8.        L-ICTA tipprovdi għal żewġ tipi ta’ ħelsien minn taxxa għall-grupp: talbiet ta’ grupp għal ħelsien minn taxxa għall-grupp (li ġew ittrattati fil-Kawża Marks & Spencer) u talbiet ta’ konsorzju għal ħelsien minn taxxa għall-grupp (“ħelsien minn taxxa għall-konsorzju”) (li ġew ittrattati fil-kawżi ICI u Philips Electronics UK u qed jiġu ttrattati f’din il-kawża).

9.        Skont it-Taqsima 402 tal-ICTA, il-ħelsien minn taxxa għal telf fin-negozju u ammonti eliġibbli oħra mill-ħelsien minn taxxa fuq il-kumpanniji jistgħu jiġu ttrasferiti minn kumpannija (iktar ’il quddiem il-“kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha”) u, meta ssir talba minn kumpannija oħra (iktar ’il quddiem il-“kumpannija li tagħmel it-talba”), jistgħu jingħataw lill-kumpannija li tagħmel it-talba permezz ta’ ħelsien minn taxxa fuq il-kumpanniji msejjaħ “ħelsien minn taxxa għall-grupp”. Is-Sottotaqsima 3 ta’ dik id-dispożizzjoni tistipula li, hekk kif issir l-hekk imsejħa “talba ta’ konsorzju”, il-ħelsien minn taxxa għall-grupp għandu jkun disponibbli wkoll fil-każ ta’ kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha, inter alia, meta waħda minnhom tkun membru ta’ grupp ta’ kumpanniji u l-oħra tkun miżmuma mill-konsorzju u kumpannija oħra tkun membru kemm tal-grupp kif ukoll tal-konsorzju.

10.      Skont is-Sottotaqsima 3A tat-Taqsima 402 tal-ICTA, il-ħelsien minn taxxa għall-grupp ma huwiex disponibbli sakemm, fil-każ kemm tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha kif ukoll tal-kumpannija li tagħmel it-talba, ma tiġix issodisfatta l-kundizzjoni stipulata fis-sottotaqsima 3B, jiġifieri li l-kumpannija hija stabbilita fir-Renju Unit jew hija kumpannija mhux stabbilita hemmhekk li teżerċita attività kummerċjali fir-Renju Unit permezz ta’ stabbiliment permanenti.

11.      It-Taqsima 406(1) tal-ICTA fiha tliet definizzjonijiet. “Kumpannija ta’ konnessjoni” tfisser kumpannija li hija membru ta’ konsorzju u hija wkoll membru ta’ grupp ta’ kumpanniji. “Kumpannija tal-konsorzju”, meta mqabbla ma’ kumpannija ta’ konnessjoni, tfisser kumpannija miżmuma mill-konsorzju li tiegħu tkun membru l-kumpannija ta’ konnessjoni. “Membru ta’ grupp”, meta mqabbel ma’ kumpannija ta’ konnessjoni, ifisser kumpannija li hija membru tal-grupp li tiegħu tkun ukoll membru l-kumpannija ta’ konnessjoni, iżda hija stess ma tkunx membru tal-konsorzju li tiegħu tkun membru l-kumpannija ta’ konnessjoni.

12.      Skont it-Taqsima 406(2) tal-ICTA, “meta l-kumpannija ta’ konnessjoni tkun tista’ […] tagħmel talba ta’ konsorzju fir-rigward tat-telf jew ta’ ammont eliġibbli ieħor għal ħelsien minn taxxa ta’ perijodu kontabbli rilevanti ta’ kumpannija tal-konsorzju, membru ta’ grupp jista’ jagħmel kwalunkwe talba ta’ konsorzju li tista’ ssir mill-kumpannija ta’ konnessjoni”, liema talba tkun tikkorrispondi għall-istess porzjon tat-telf ittrasferita daqslikieku l-kumpannija ta’ konnessjoni tkun il-kumpannija li tagħmel it-talba.

13.      L-effett ikkombinat tat-Taqsima 402(3A) u (3B) u tat-Taqsima 406(2) tal-ICTA huwa li, għall-finijiet ta’ ħelsien minn taxxa għall-konsorzju, il-kumpannija ta’ konnessjoni għandha tkun kumpannija stabbilita fir-Renju Unit jew kumpannija mhux stabbilita hemmhekk li teżerċita attività kummerċjali fir-Renju Unit permezz ta’ stabbiliment permanenti. Fi kliem ieħor, il-kumpannija ta’ konnessjoni u anki l-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u l-kumpanniji li jagħmlu t-talba jridu jkunu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit.

B –    Il-grupp ta’ kumpanniji u l-konsorzju

14.      Fil-kawża preżenti Felixstowe Dock and Railway Company Ltd et huma l-“kumpanniji li jagħmlu t-talba” (7). Huma kollha membri tal-Hutchison Whampoa Group, li l-kumpannija parent finali tiegħu hija Hutchison Whampoa Ltd., kumpannija inkorporata u stabbilita f’Ħong Kong, li indirettament iżżomm 100 % tal-azzjonijiet fil-kumpanniji li jagħmlu t-talba (8).

15.      Hutchison 3G UK Ltd hija l-“kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha”. Hija kienet 100 % miżmuma minn Hutchison 3G UK Holdings Ltd.

16.      Hutchison 3G UK Holdings Ltd kienet il-kumpannija tal-konsorzju. Matul il-perijodu rilevanti, Hutchison 3G UK Holdings Ltd kienet miżmuma minn konsorzju magħmul minn Hutchison 3G UK Investments Sàrl, kumpannija tal-Hutchison Whampoa Group inkorporata u stabbilita fil-Lussemburgu (50.1 %), tliet kumpanniji oħra tal-Hutchison Whampoa Group inkorporati u stabbiliti fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi (għal ammont totali ta’ 14.9 %), u żewġ kumpanniji oħra mhux relatati mal-Hutchison Whampoa Group (20 % u 15 %, rispettivament).

17.      Hutchison 3G UK Investments Sàrl kienet il-“kumpannija ta’ konnessjoni”, li kienet taġixxi bħala konnessjoni bejn il-grupp u l-konsorzju. Hija kienet miżmuma kollha kemm hi minn Hutchison Europe Telecommunications Sàrl, kumpannija inkorporata u stabbilita fil-Lussemburgu (9). Iż-żewġ kumpanniji huma 100 % sussidjarji indiretti ta’ Hutchison Whampoa Ltd. Konnessjonijiet ulterjuri li jgħaqqdu l-kumpannija ta’ konnessjoni ma’ Hutchison Whampoa Ltd jgħaddu minn diversi kumpanniji holding intermedji inkorporati fil-Lussemburgu u barra mill-UE/miż-ŻEE (Ħong Kong, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi u l-Gżejjer Kajman).

C –    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18.      Il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha kienet teżerċita attività kummerċjali bħala operatur tat-telefonija mobbli. Hija sostniet spejjeż kunsiderevoli sabiex stabbilixxiet is-sistema tagħha u għaldaqstant ġarrbet telf sostanzjali fl-ewwel snin li bdiet topera. Matul il-perijodu rilevanti, għall-iskopijiet tat-Taqsima 406(1)(b) tal-ICTA, il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha kienet miżmuma mill-kumpannija tal-konsorzju kif spjegat iktar ’il fuq.

19.      Il-kumpanniji li jagħmlu t-talba, wara li għamlu qligħ min-negozju matul l-istess perijodu, ippruvaw jużaw it-telf tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha kienet intitolata li tirċievi 30 pence għal kull £ 1 telf ittrasferit, u dan skont arranġament fi ħdan il-Hutchison Whampoa Group. Il-kumpanniji li jagħmlu t-talba kienu “membri tal-grupp” skont it-Taqsima 406(1)(c) tal-ICTA billi dawn kienu sussidjarji indiretti ta’ Hutchison Whampoa Ltd, li fihom din tal-aħħar kellha interessi ta’ mhux inqas minn 75 % (10).

20.      Il-kumpanniji li jagħmlu t-talba għamlu talbiet għall-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju taħt it-Taqsimiet 402(3) u 406 tal-ICTA. It-talbiet tagħhom ġew miċħuda fuq il-bażi li l-kumpannija ta’ konnessjoni (li bl-ebda mod ma kienet involuta direttament f’din il-kawża), ma kinitx stabbilita fir-Renju Unit, iżda fil-Lussemburgu. Hija ma setgħetx tittrasferixxi dritt sabiex issir talba għall-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju lill-membru ieħor tal-grupp taħt it-taqsima 406(1) tal-ICTA għaliex hija stess ma kellha ebda dritt li tagħmel tali talba, skont l-esklużjoni li tinsab fit-Taqsima 402(3B).

21.      Wara r-rinviju tal-kawża quddiem il-First-Tier Tribunal (Tax Chamber), dan tal-aħħar iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1. F’ċirkustanzi fejn:

(1) id-dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru (bħar-Renju Unit) jipprovdu li kumpannija (‘kumpannija li tagħmel it-talba’) tista’ titlob ħelsien minn taxxa għall-grupp fir-rigward tat-telf imġarrab minn kumpannija miżmuma minn konsorzju (‘kumpannija tal-konsorzju’) bil-kundizzjoni li kumpannija li tagħmel parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji bħall-kumpannija li tagħmel it-talba tkun ukoll membru tal-konsorzju (‘kumpannija ta’ konnessjoni’), u

(2) il-kumpannija parent tal-grupp ta’ kumpannija (li ma tkunx hija stess il-kumpannija li tagħmel it-talba, il-kumpannija tal-konsorzju jew il-kumpannija ta’ konnessjoni) ma hijiex inkorporata fir-Renju Unit jew fi Stat Membru ieħor,

L-Artikoli 49 u 54 TFUE [ex Artikoli 43 KE u 48 KE] jipprekludu r-rekwiżit li l-‘kumpannija ta’ konnessjoni’ tkun jew stabbilita fir-Renju Unit jew teżerċita attività kummerċjali fir-Renju Unit permezz ta’ stabbiliment permanenti hemmhekk?

2. Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, ir-Renju Unit huwa obbligat jipprevedi rimedju għall-kumpannija li tagħmel it-talba (pereżempju billi din il-kumpannija tkun tista’ titlob ħelsien minn taxxa fir-rigward tat-telf tal-kumpannija tal-konsorzju) f’ċirkustanzi fejn:

(1) il-‘kumpannija ta’ konnessjoni’ eżerċitat il-libertà ta’ stabbiliment tagħha iżda l-kumpannija tal-konsorzju u l-kumpannija li tagħmel it-talba ma eżerċitaw ebda waħda mil-libertajiet protetti mid-dritt Ewropew,

(2) il-konnessjoni/konnessjonijiet bejn il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u l-kumpannija li tagħmel it-talba tikkonsisti/jikkonsistu f’kumpanniji li mhux kollha huma stabbiliti fl-UE/fiż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)].”

22.      L-osservazzjonijiet bil-miktub tressqu minn Felixstowe Dock and Railway Company et, mill-Gvern tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Saret seduta fit-3 ta’ Settembru 2013, li fiha saru sottomissjonijiet orali minn kull waħda minn dawn il-partijiet minbarra l-Gvern Franċiż.

III – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

23.      Iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-libertà ta’ stabbiliment. Jiena ser nibbaża l-analiżi tiegħi fuq l-Artikoli 43 KE u 48 KE, billi l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE ma humiex applikabbli ratione temporis għas-sitwazzjoni tal-kawża prinċipali.

24.      Għall-iskopijiet ta’ din l-analiżi, ser niddiskuti ż-żewġ domandi flimkien. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk fis-sitwazzjoni ineżami fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludux ir-rekwiżit li, għall-finijiet tal-iskema ta’ ħelsien minn taxxa għall-konsorzju, il-kumpannija ta’ konnessjoni jew tkun stabbilita fir-Renju Unit jew teżerċita attività kummerċjali fir-Renju Unit permezz ta’ stabbiliment permanenti. It-tieni nett, hija tistaqsi jekk dawk l-artikoli jipprojbixxux Stat Membru milli jitlob li l-kumpannija parent komuni l-iktar baxxa fi ħdan grupp ta’ kumpanniji li għalih jappartjenu l-kumpannija ta’ konnessjoni u l-kumpanniji li jirċievu t-telf għal finijiet fiskali tkun stabbilita fi Stat Membru jew stat taż-ŻEE, jew li l-konnessjonijiet bejn il-kumpannija ta’ konnessjoni jew il-kumpanniji li jirċievu t-telf għal finijiet fiskali jkunu jikkonsistu biss minn tali kumpanniji. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi jekk rimedju bħall-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju għall-kumpanniji li jagħmlu t-talba jridx ikun disponibbli jekk ir-regola tar-Renju Unit tikser il-libertà ta’ stabbiliment.

25.      Wieħed għandu jagħmilha ċara mill-bidu li din il-kawża ma hijiex relatata mat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri anki jekk, bħalma juru l-osservazzjonijiet tal-Gvern tal-Ġermanja u ta’ Franza, hemm il-biża’ li l-eżitu ta’ din il-kawża jista’ jipperikola l-kompetenza tagħhom sabiex jintaxxaw gruppi ta’ kumpanniji internazzjonali kkontrollati minn kumpanniji parent ta’ pajjiżi terzi.

26.      Fil-fatt, il-kawża preżenti tittratta t-trasferiment tat-telf minn kumpannija tar-Renju Unit suġġetta għal taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit bl-għan li tpaċih permezz ta’ qligħ li sar minn kumpannija oħra tar-Renju Unit li wkoll hija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit f’dak l-Istat Membru. Għaldaqstant, ma hemmx il-kwistjoni ta’ trasferiment transkonfinali ta’ telf bejn il-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti, u dan kieku jqajjem il-kwistjoni tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni, bħalma kien il-każ fil-kawżi National Grid Indus (11) u Philips Electronics UK (12). Il-kawża preżenti tittratta biss il-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment ta’ telf minn kumpannija tar-Renju Unit lil membru ieħor tal-konsorzju jistax, għall-finijiet ta’ ħelsien minn taxxa għall-konsorzju, jiġi suġġett għar-rekwiżit li l-kumpannija ta’ konnessjoni tkun kumpannija tar-Renju Unit jew ikollha stabbiliment permanenti fir-Renju Unit.

27.      F’dan il-kuntest, ikun utli jekk wieħed jagħmel riferiment għat-tliet stadji ta’ żvilupp tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar il-ħelsien minn taxxa għall-grupp. Sal-1 ta’ April 2000 (jiġifieri, qabel il-perijodu rilevanti għall-kawża prinċipali), talba għal ħelsien minn taxxa għall-grupp bejn żewġ kumpanniji sister ma kinitx permessa jekk il-kumpannija parent tagħhom ma kinitx stabbilita fir-Renju Unit. Madankollu, mill-1 ta’ April 2000 (il-perijodu rilevanti għall-kawża prinċipali), il-kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp kellhom l-opportunità li jittrasferixxu t-telf bejniethom, irrispettivament mill-post fejn tkun stabbilita l-kumpannija parent tagħhom. Minn dan jirriżulta li, kieku l-Hutchison Whampoa Group żamm (indirettament) mill-inqas 75 % tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha matul il-perijodu rilevanti, minflok il-65 % li fil-fatt żamm, ma kien ikun hemm ebda ostakolu sabiex il-kumpanniji li jagħmlu t-talba jużaw it-telf imġarrab mill-kumpannija li tittrasferixxih, billi din tal-aħħar kienet tkun membru tal-grupp għall-iskopijiet tat-Taqsima 402(1) u (2) tal-ICTA. Fl-2010, wara l-perijodu li l-kawża prinċipali tikkonċerna, ir-regoli tar-Renju Unit dwar il-ħelsien minn taxxa għall-grupp ġew emendati mil-Liġi tal-2010 dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji (Corporation Tax Act 2010), u dan ippermetta lill-kumpanniji stabbiliti fl-UE/fiż-ŻEE biex iservu bħala kumpannija ta’ konnessjoni. Madankollu, ir-regoli l-ġodda jirrikjedu li l-kumpannija ta’ konnessjoni u l-kumpanniji li jagħmlu t-talba jkunu membri tal-istess grupp mingħajr ma tkun involuta kumpannija mhux fl-UE/fiż-ŻEE.

28.      Għaldaqstant, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li hemm restrizzjoni pprojbita tal-libertajiet fundamentali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tar-Renju Unit ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata billi jsir riferiment għall-ħtieġa tal-preservazzjoni tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. Lanqas ma tkun tista’ tiġi invokata l-koeżjoni tas-sistema tat-taxxa bħala ġustifikazzjoni fid-dawl tal-iżviluppi leġiżlattivi deskritti iktar ’il fuq, li permezz tagħhom il-ħelsien minn taxxa għall-grupp sar disponibbli irrispettivament min-nazzjonalità tal-kumpanniji parent jew tal-grupp, minbarra l-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u l-kumpannija li tagħmel it-talba. Fil-fatt, ir-Renju Unit ma jressaq ebda ġustifikazzjoni għar-regola nazzjonali kif emendata għaliex, skont is-sottomissjoni tiegħu, is-sitwazzjoni tal-kawża prinċipali ma taqax fl-ambitu tad-dritt tal-UE (13).

29.      Għandu jitfakkar ukoll li skont il-ġurisprudenza, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dik il-kompetenza ma tistax tiġi eżerċitata jekk tmur kontra d-dritt tal-UE, u b’mod iktar partikolari l-libertajiet fundamentali ggarantiti fit-Trattati. Bħalma osservat l-Avukat Ġenerali Kokott, taħt id-dritt tal-UE, l-Istati Membri ma humiex meħtieġa, fil-prinċipju, jipprovdu għall-ħelsien minn taxxa għall-grupp għat-telf fil-leġiżlazzjoni tagħhom tat-taxxa fuq il-kumpanniji minħabba li l-formulazzjoni tas-sistema tat-taxxi hija f’idejn l-Istat Membru. Madankollu, jekk dan id-dritt jiġi pprovdut, irid jiġi pprovdut skont il-libertajiet fundamentali tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-libertà ta’ stabbiliment (14).

B –    Il-funzjonament tal-iskema ta’ ħelsien minn taxxa għall-grupp

30.      F’termini ekonomiċi, il-ħelsien minn taxxa għall-grupp bħal dak applikabbli fir-Renju Unit jippermetti lill-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha lill-kumpannija li tagħmel it-talba, u din tal-aħħar tista’ tnaqqas it-telf mill-qligħ taxxabbli tagħha. Dan jimplika li l-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha titlef il-possibbiltà li tuża dak it-telf għal finijiet ta’ taxxa, u b’mod iktar partikolari, ma jkollhiex l-għażla li dak it-telf tittrasferixxih għas-snin finanzjarji sussegwenti (15).

31.      Jidher illi fir-Renju Unit il-prassi tas-soltu hija li dan it-trasferiment iseħħ bi ħlas (16), liema ħlas sikwit ikun jikkorrispondi għall-valur tat-taxxa fuq il-kumpanniji ffrankata minħabba t-telf, anki jekk ma jkun hemm ebda rekwiżit legali għall-ħlas, għajr fejn jista’ jagħti l-każ li d-dmirijiet ta’ trustees tal-maniġment tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha taħt id-dritt tal-kumpanniji jagħtu lok għal tali rekwiżit. Pereżempju, fil-kawża preżenti, il-kumpanniji li jagħmlu t-talba qablu li jħallsu 30 pence għal kull £ 1 telf ittrasferit.

32.      Billi l-iskema tar-Renju Unit ta’ ħelsien minn taxxa għall-grupp ma hijiex ibbażata fuq il-konsolidazzjoni tal-qligħ u t-telf għal finijiet ta’ taxxa fil-livell tal-grupp ta’ kumpanniji, huwa ċar li kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha, bħala persuna ġuridika indipendenti bi skop ta’ lukru, normalment ma kinitx tkun tista’ tittrasferixxi mingħajr kumpens it-telf imġarrab minnha, liema telf tkun tista’ tuża iktar tard sabiex tnaqqas it-taxxi futuri tagħha. Meta tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha b’kumpens li jirrifletti r-rata applikabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha ssarraf it-telf tagħha fi flus iktar kmieni (u b’mod iktar sigur), u b’hekk tikseb vantaġġ finanzjarju.

33.      Li kieku l-prassi eżistenti fir-Renju Unit ma kinitx kif deskritta iktar ’il fuq, kien ikun diffiċli sabiex wieħed jara kif kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha tista’ ġġarrab ħsara reali bħala riżultat ta’ regola legali li timpedixxiha milli tittrasferixxi t-telf tagħha lil kumpannija oħra, jew fi kliem ieħor, milli tittrasferixxi assi li jkollhom valur potenzjali ekonomiku bħala kontrotalba għad-dejn fiskali futur lil barrani għal ħlas li ma jirriflettix il-valur tagħhom meta kienu f’idejn il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha. Ikun daqstant ieħor diffiċli li wieħed isostni li regola legali li timpedixxi kumpannija bi skop ta’ lukru milli tittrasferixxi l-assi tagħha mingħajr il-ħlas dovut tkun tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ dan l-isfond fattwali, l-iżvantaġġi li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma jinħassux fil-livell tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha, iżda biss minn dawk il-kumpanniji li jinsabu iktar ’il fuq fil-grupp jew fil-konsorzju mill-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u l-kumpanniji li jagħmlu t-talba, jiġifieri, fil-livell tal-grupp bħala piż tat-taxxa ogħla mill-grupp kollu kemm hu.

34.      Dan il-vantaġġ finanzjarju, jew il-possibbiltà li jkun hemm dan il-vantaġġ, x’aktarx iżid il-valur tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u, għaldaqstant, ta’ kwalunkwe pussess ta’ azzjonijiet fiha. Dan ifisser li l-possibbiltà ta’ ħelsien minn taxxa għall-grupp huwa ta’ vantaġġ għas-sidien tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha, kemm jekk ikunu parents diretti kif ukoll indiretti, jew inkella membri ta’ konsorzju b’pussess ta’ azzjonijiet minoritarji (17).

35.      Għal kumpannija li tagħmel talba tali soluzzjoni hija finanzjarjament newtrali: hija tħallas somma li tikkorrispondi għat-taxxa li tevita minħabba t-trasferiment lill-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha minflok ma tħallas l-istess somma lit-Teżor. Madankollu, billi l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tirrikjedi, anki fil-kuntest tal-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju, li l-kumpannija li tagħmel it-talba u l-kumpannija ta’ konnessjoni jkunu jappartjenu għall-istess grupp, il-vantaġġ li jikseb il-grupp mill-ħelsien minn taxxa għall-grupp jispjega l-arranġamenti bejn il-kumpanniji li jagħmlu t-talba u l-kumpanniji li jittrasferixxu t-telf imġarrab minnhom, illi fil-livell ta’ grupp iwassal għal taxxa iktar baxxa (18).

C –    Liema libertà fundamentali hija rilevanti ratione materiae?

36.      Fid-dawl tal-kriterji stipulati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tidher dubjuża l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tirrigwardax il-libertà ta’ stabbiliment. Sabiex tkun applikabbli l-libertà ta’ stabbiliment, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza lill-grad ta’ kontroll eżerċitat fuq kumpannija partikolari. Fil-kawża preżenti, il-grad ta’ kontroll meħtieġ taħt id-dritt nazzjonali jista’ jvarja minn 5 %, li bilkemm jinvolvi “kontroll”, sa 74.99 %. Madankollu, il-fatti tal-kawża jidhru li ser joffru soluzzjoni għal din il-kwistjoni, bħalma ser nispjega iktar ’il quddiem, u l-libertà ta’ stabbiliment hija wkoll il-kuntest li fih il-qorti tar-rinviju poġġiet id-domandi.

37.      L-aspetti ta’ pajjiż terz li jirrigwardaw l-istruttura korporattiva kkumplikata tal-Hutchison Whampoa Group iqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Renju Unit għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, li ma hijiex applikabbli fir-rigward tal-pajjiżi terzi, u/jew fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital, li tapplika wkoll fir-rigward ta’ tali pajjiżi.

38.      Fis-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali taqax fl-ambitu ta’ wieħed jew iktar mil-libertajiet tal-moviment, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta b’mod ċar li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-iskop tal-leġiżlazzjoni kkonċernata. Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun intiża li tapplika biss għal dak il-pussess ta’ azzjonijiet li jippermetti lill-pussessur jeżerċita influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u jiddetermina l-attivitajiet tagħha, din taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment. Min-naħa l-oħra, meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali japplikaw għal pussess ta’ azzjonijiet li jinkiseb bl-intenzjoni biss li jsir investiment finanzjarju mingħajr ebda intenzjoni li jiġu influwenzati l-ġestjoni u l-kontroll tal-impriża, dawn għandhom jiġu eżaminati esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital (19).

39.      F’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat mill-iskop tagħha jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax b’mod predominanti fl-ambitu tal-Artikolu 49 TFUE jew l-Artikolu 63 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-kawża inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk is-sitwazzjoni li tittratta l-kawża prinċipali taqax fl-ambitu ta’ waħda jew iktar minn dawk id-dispożizzjonijiet (enfasi tiegħi) (20).

40.      Hawnhekk għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ ħelsien minn taxxa għall-grupp previsti fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. Fid-dawl tal-iskop tagħhom, huwa ċar li r-regoli tar-Renju Unit dwar talbiet ta’ grupp għall-ħelsien minn taxxa għall-grupp huma relatati ma’ dak il-pussess ta’ azzjonijiet li jippermetti lill-pussessur jeżerċita influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u jiddetermina l-attivitajiet tagħha. Dawn japplikaw għal kumpanniji li huma mill-inqas 75 % sussidjarji. Għaldaqstant, ir-regoli jaqgħu fl-ambitu tal-libertà ta’ stabbiliment.

41.      F’dak li jirrigwarda t-talbiet tal-konsorzju għal ħelsien minn taxxa għall-grupp, is-sitwazzjoni hija inqas ċara. Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju japplikaw f’sitwazzjonijiet fejn mill-inqas 75 % tal-kapital tal-kumpannija tal-konsorzju jkunu miżmuma minn membri tal-konsorzju, fejn kull wieħed minnhom ikollu mhux inqas minn 5 % u mhux 75 % jew iktar (21). Dan ikopri sitwazzjonijiet fejn ikun hemm sid dominanti wieħed iżda anki sitwazzjonijiet fejn ikun hemm ħafna azzjonisti reċiprokament indipendenti. Teorikament jista’ jkun hemm kumpannija tal-konsorzju b’20 azzjonist li kull wieħed minnhom ikollu interess ta’ 5 %. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn ikun hemm 20 kumpannija ta’ konnessjoni u l-kumpannija tal-konsorzju tkun tista’ tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha, fi frazzjonijiet ta’ 5 %, lil 20 grupp ta’ kumpannija differenti.

42.      Fl-opinjoni tiegħi, id-dispożizzjonijiet tar-Renju Unit dwar il-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju ma humiex intiżi li japplikaw biss għal dak il-pussess ta’ azzjonijiet li jippermetti lill-pussessur jeżerċita influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija. Bħalma r-rappreżentant tal-kumpanniji li qegħdin jagħmlu t-talba ssottometta fis-seduta, il-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit ma tirrikjedi li jiġi eżerċitat ebda tip ta’ kontroll kollettiv definit legalment fuq il-kumpannija tal-konsorzju mill-membri tal-konsorzju (22). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-kumpanniji holding eliġibbli għal ħelsien minn taxxa għall-konsorzju jistgħu jitqiesu bħala investimenti diretti, filwaqt li restrizzjonijiet potenzjali tagħhom jistgħu jitqiesu bħala restrizzjonijiet tal-moviment liberu tal-kapital (23).

43.      Madankollu, id-dispożizzjonijiet tar-Renju Unit jippermettu wkoll sitwazzjonijiet fejn il-kumpannija tal-konsorzju tkun taħt il-kontroll ta’ grupp ta’ kumpannija waħda. Din hija s-sitwazzjoni tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha fil-kawża preżenti: 65 % ta’ dik il-kumpannija huma indirettament miżmuma minn Hutchison Whampoa Group (50.1 % permezz tal-kumpannija ta’ konnessjoni u 14.9 % permezz ta’ tliet kumpanniji tal-grupp tal-Gżejjer Verġni Brittaniċi). Għaldaqstant, bħala prinċipju, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jillimitaw il-libertà ta’ stabbiliment, u s-sitwazzjoni ineżami fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala li taqa’ fl-ambitu ta’ dik il-libertà fundamentali.

44.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-fatti tal-kawża preżenti jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 43 KE, li jiġġustifika l-evalwazzjoni tal-iskema tar-Renju Unit dwar il-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju primarjament fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment.

D –    L-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment

45.      Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 43 KE jagħti liċ-ċittadini tal-UE, u li tinkludi d-dritt li jinbdew u jiġu eżerċitati attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jiġu kkostitwiti u mmexxija impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skont l-Artikolu 48 KE, għall-kumpanniji jew ditti mwaqqfa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, it-tmexxija ċentrali tagħhom jew l-uffiċċju prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija. Peress li l-libertà mogħtija mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE espressament tħalli lill-operaturi ekonomiċi jagħżlu l-forma legali l-iktar xierqa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, tali libertà ma għandhiex tkun limitata b’dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji (24).

46.      Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tirrikjedi li l-kumpannija ta’ konnessjoni tkun jew stabbilita fir-Renju Unit jew tkun kumpannija mhux stabbilita hemmhekk li teżerċita attività kummerċjali fir-Renju Unit permezz ta’ stabbiliment permanenti. Din id-dispożizzjoni hija evidentement restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpannija ta’ konnessjoni, li hija stabbilita fil-Lussemburgu, u l-kumpannija parent immedjata tagħha li hija wkoll stabbilita fil-Lussemburgu.

47.      Fis-sentenza Marks & Spencer, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “[e]żenzjoni ta’ grupp [ħelsien minn taxxa għall-grupp] bħal din in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi benefiċċju ta’ taxxa għall-kumpanniji kkonċernati. Billi tgħaġġel il-ħelsien tat-telf tal-kumpanniji li jkunu qegħdin jagħmlu telf permezz tat-tpaċija tagħhom bil-profitti ta’ kumpanniji oħra tal-grupp, hija tagħti vantaġġ monetarju lill-grupp” (25). Ifisser dan li l-iżvantaġġ jinħass biss fil-livell tal-grupp, jew mill-kumpannija parent finali, li fil-kawża preżenti hija impriża ta’ pajjiż terz? Fil-fehma tiegħi le.

48.      Bħalma spjegajt iktar ’il fuq, fuq il-livell fattwali, l-iskema tar-Renju Unit dwar il-ħelsien minn taxxa għall-grupp tpaċi l-profitti u t-telf fi ħdan grupp u/jew konsorzju, mhux permezz ta’ kontabbiltà fiskali kkonsolidata jew trasferiment ta’ profitti taxxabbli bħala kontribuzzjoni tal-grupp, iżda bħala arranġamenti fejn it-telf imġarrab jiġi ttrasferit bi skambju ma’ korrispettiv, u b’dan il-mod jinħoloq vantaġġ finanzjarju għall-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha. Jekk it-trasferiment tat-telf, u konsegwentement il-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju, ma jiġux permessi minħabba n-nazzjonalità tal-kumpannija ta’ konnessjoni, hija primarjament il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha li ssofri żvantaġġ finanzjarju fil-forma ta’ telf tal-vantaġġ finanzjarju. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali żvantaġġ finanzjarju tqis bħala trattament sfavorevoli li jikkonstitwixxi restrizzjoni (26). Fis-sentenza Metallgesellschaft Ltd et, l-iżvantaġġ soffert minn kumpannija minħabba l-istatus ta’ residenza tal-kumpannija parent tqis suffiċjenti sabiex jikser il-libertà ta’ stabbiliment (27).

49.      Dan l-iżvantaġġ jinħass ukoll mis-sidien tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha bħala tnaqqis fil-valur tal-azzjonijiet tagħhom irrispettivament minn jekk dawn ikollhomx azzjonijiet ta’ kontroll, investimenti mhux kontrollanti stabbli jew investimenti ta’ portafoll. Ovvjament hija biss l-ewwel waħda li hija rilevanti mill-perspettiva tal-libertà ta’ stabbiliment.

50.      Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, il-kumpannija ta’ konnessjoni tal-Lussemburgu li indirettament għandha 50.1 % tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha tar-Renju Unit tinsab f’pożizzjoni inqas favorevoli milli kieku tkun kumpannija stabbilita fir-Renju Unit f’sitwazzjoni komparabbli f’dak li jirrigwarda l-kapaċità tagħha li taġixxi bħala konnessjoni bejn żewġ kumpanniji tar-Renju Unit suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit. Il-fatt li l-iżvantaġġ huwa rifless ulterjorment fil-valur tal-kumpannija ta’ konnessjoni tal-Lussemburgu u għaldaqstant jinħass mis-sidien tagħha, li huma parzjalment kumpanniji ta’ pajjiżi terzi, u finalment mill-kumpannija parent finali tal-pajjiż terz li tikkontrolla l-istruttura kumplessa tal-kumpannija, ma jibdilx dan.

51.      Għaldaqstant, hemm diskriminazzjoni diretta abbażi tan-nazzjonalità tal-kumpannija ta’ konnessjoni. Id-dispożizzjonijiet tar-Renju Unit jagħmluha iktar vantaġġuża għall-kumpannija parent tal-kumpannija ta’ konnessjoni li tistabbilixxi s-sussidjarja tagħha fir-Renju unit milli x’imkien ieħor.

52.      Bħalma spjegajt iktar ’il fuq, il-Gvern tar-Renju Unit ma ta ebda raġuni li tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għaldaqstant, jiena ma nistax nindirizza din il-kwistjoni hawnhekk.

53.      F’dan l-istadju, għandu jiġi stabbilit ukoll jekk il-kumpanniji li qegħdin jagħmlu t-talba fil-fatt għandhomx dritt jinvokaw il-libertà ta’ stabbiliment. Mis-sentenza Philips Electronics UK (28) jirriżulta li, għall-finijiet ta’ taxxa, il-kumpanniji jistgħu jinvokaw ir-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ kumpannija oħra li tkun konnessa magħhom sakemm tali restrizzjonijiet jaffettwaw it-tassazzjoni tagħhom stess. Għaldaqstant, il-fatt li la l-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u lanqas il-kumpanniji li jagħmlu t-talba ma eżerċitaw huma stess il-libertà ta’ stabbiliment tagħhom hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

54.      Għaldaqstant, il-kumpanniji li jagħmlu t-talba jistgħu jinvokaw, għall-finijiet tat-taxxa tagħhom stess, ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment imposta fuq il-kumpannija ta’ konnessjoni inkwantu r-regoli tar-Renju Unit, kif interpretati mill-qorti nazzjonali, ma humiex konformi mal-Artikoli 43 KE u 48 KE.

55.      Bħala konklużjoni intermedjarja, jiena nikkonstata li r-rekwiżit ta’ stabbiliment fir-Renju Unit jew ta’ stabbiliment permanenti hemmhekk applikabbli għall-kumpannija ta’ konnessjoni b’rabta ma’ talba tal-konsorzju għall-ħelsien minn taxxa għall-grupp jikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata tal-libertà ta’ stabbiliment, u għaldaqstant huwa prekluż mill-Artikoli 43 u 48 KE.

E –    Il-pajjiżi terzi u l-libertà ta’ stabbiliment

56.      Fil-kawża preżenti, ir-rabta tal-libertà ta’ stabbiliment mal-pajjiżi terzi hija importanti peress li fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Renju Unit huwiex obbligat jipprovdi rimedju għall-kumpannija li tagħmel it-talba, pereżempju billi din il-kumpannija tkun tista’ titlob ħelsien minn taxxa fir-rigward tat-telf tal-kumpannija tal-konsorzju, f’ċirkustanzi fejn il-kumpannija ta’ konnessjoni eżerċitat il-libertà ta’ stabbiliment tagħha iżda l-kumpannija tal-konsorzju u l-kumpannija li tagħmel it-talba ma eżerċitaw ebda waħda mil-libertajiet protetti mid-dritt tal-UE, u l-konnessjoni/konnessjonijiet bejn il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u l-kumpannija li tagħmel it-talba tikkonsisti/jikkonsistu f’kumpanniji li mhux kollha huma stabbiliti fl-UE/fiż-ŻEE.

57.      Fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni għandha tiġi analizzata fil-kuntest tal-ewwel domanda billi essenzjalment din tikkonċerna l-kontenut sostantiv tal-libertà ta’ stabbiliment, u mhux ir-rimedji disponibbli f’xi sens proċedurali tal-kunċett (29). Fi kliem ieħor, anki jekk it-Trattat jipprekludi r-rekwiżit li l-kumpannija ta’ konnessjoni għandha tkun jew kumpannija tar-Renju Unit jew ikollha stabbiliment permanenti hemmhekk, jista’ xorta jiġi rikjest li l-kumpannija ta’ konnessjoni tkun kumpannija tal-UE/taż-ŻEE, jew li r-rabta bejn il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u l-kumpannija li tagħmel it-talba ma tkunx tinvolvi kumpanniji ta’ pajjiżi terzi?

58.      Għall-kuntrarju tal-moviment liberu tal-kapital, il-libertà ta’ stabbiliment ma tapplikax b’rabta ma’ pajjiżi terzi. Ifisser dan li l-kumpanniji tal-UE li huma fil-fatt ikkontrollati minn kumpanniji jew minn persuni fiżiċi ta’ pajjiżi terzi huma esklużi mil-libertà ta’ stabbiliment? Fi kliem ieħor, hija l-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpannija ta’ konnessjoni tal-Lussemburgu affettwata mill-fatt li hija kkontrollata minn kumpannija parent ta’ pajjiż terz?

59.      Hawnhekk għandu jitfakkar li l-Artikolu 48 KE jpoġġi lill-kumpanniji jew ditti kkostitwiti skont il-liġijiet ta’ Stat Membru, li għandhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fl-istess pożizzjoni bħal dik taċ-ċittadini tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment. Bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ICI (30), hija s-sede tal-kumpannija fis-sens tal-Artikolu 48 KE li sservi bħala l-fattur ta’ konnessjoni mas-sistema legali ta’ Stat partikolari, bħan-nazzjonalità fil-każ ta’ persuni fiżiċi.

60.      Ma hemm xejn fit-Trattati jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tappoġġja l-perspettiva li l-libertà ta’ stabbiliment mogħtija bid-dritt tal-UE lill-kumpanniji jew ditti li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 48 KE hija limitata jew affettwata mill-fatt li dawn ikunu kkontrollati minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi ta’ pajjiż terz. L-istatus ta’ kumpannija tal-UE huwa bbażat fuq il-post fejn tinsab is-sede tal-kumpannija u fuq is-sistema legali ta’ fejn il-kumpannija ġiet inkorporata, mhux fuq in-nazzjonalità tal-azzjonisti tagħha. Kieku tali kumpanniji tal-UE ma kinux koperti b’din il-libertà, diversi persuni ġuridiċi li s-sede tagħhom hija fl-Unjoni Ewropea kienu jkunu esklużi mil-libertà ta’ stabbiliment, u l-Istati Membri kienu jkunu jistgħu wkoll jiddiskriminawhom, u mhux biss abbażi tat-tassazzjoni.

61.      Is-sentenza Halliburton Services (31) weriet li d-drittijiet tal-kumpanniji tal-Istati Membri skont id-dritt tal-UE ma ġewx affettwati mill-fatt li l-kumpannija parent tagħhom, Halliburton Inc., kienet stabbilita fl-Istati Uniti tal-Amerika. Madankollu, ma jistgħux isiru konklużjonijiet iktar estensivi minn din is-sentenza f’dak li jirrigwarda sitwazzjonijiet fejn kumpanniji tal-UE mingħajr kumpannija parent tal-UE komuni jappartjenu lil grupp ta’ kumpannija mhux tal-UE. Fis-sentenza Halliburton Services, il-qorti nazzjonali kienet diġà kkonfermat li skont it-Trattat bilaterali li jikkonċerna t-tassazzjoni bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Istati Uniti tal-Amerika, is-sussidjarja tal-Pajjiżi l-Baxxi li kienet xtrat l-istabbiliment permanenti tal-Pajjiżi l-Baxxi tas-sussidjarja Ġermaniża ma setgħetx tiġi ddiskriminata minħabba l-fatt li l-kumpannija parent tal-grupp kienet ikkostitwita fl-Istati Uniti (32).

62.      Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, il-kumpannija ta’ konnessjoni, li hija rreġistrata fil-Lussemburgu, u l-kumpannija parent immedjata tagħha, li hija wkoll irreġistrata fil-Lussemburgu, igawdu libertà ta’ stabbiliment, irrispettivament mill-fatt li finalment huma kkontrollati mill-kumpannija parent stabbilita f’Ħong Kong.

F –    Ir-restrizzjonijiet permessi

63.      Ifisser dan li r-Renju Unit ma jistax jirrikjedi li jkun hemm katina mhux miksura fi ħdan l-UE/iż-ŻEE bejn il-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u l-kumpanniji li jagħmlu t-talba? Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li r-Renju Unit jista’ jimponi tali rekwiżit iżda li dan ma għamlux għall-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

64.      Jiena naħseb li dik is-sitwazzjoni ma tirrendix dan l-aspett tad-domandi tal-qorti tar-rinviju wieħed ipotetiku, jew inkella tirrendi l-kwistjoni tal-pajjiżi terzi irrelevanti fis-sens li ma għandhiex titqies mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, f’sitwazzjoni fejn dispożizzjoni nazzjonali tiddiskrimina persuni ġuridiċi jew fiżiċi “barranin” u għalhekk ma tkunx konformi mad-dritt tal-UE, ma huwiex inkonċepibbli li qorti nazzjonali tirrimedja għal dik is-sitwazzjoni permezz ta’ interpretazzjoni fejn tali diskriminazzjoni ta’ ċittadini jew kumpanniji tal-UE/ŻEE tiġi eliminata mingħajr l-estensjoni tal-benefiċċji ta’ integrazzjoni għal persuni ġuridiċi jew fiżiċi ta’ pajjiżi terzi Il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex ġuridikament possibbli hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali; id-dritt tal-UE ma jirrikjedix li l-libertajiet fundamentali, minbarra l-moviment liberu tal-kapital, jiġu estiżi għal suġġetti ta’ pajjiżi terzi (33).

65.      Fis-sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (34), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mill-ambitu tal-libertà ta’ stabbiliment sitwazzjonijiet fejn il-kumpannija parent li jkollha kontroll fuq kumpanniji tal-UE li jsellfu u jissellfu tkun stabbilita f’pajjiż mhux membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-trattament ta’ interessi mħallsa mill-kumpannija li tissellef bħala distribuzzjoni affettwa l-libertà ta’ stabbiliment, iżda dan biss f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-kumpannija parent tal-pajjiż terz tgawdi livell ta’ kontroll fuq kull waħda mill-kumpanniji l-oħra li jippermettilha tinfluwenza l-għażla ta’ finanzjament ta’ dawk il-kumpanniji. F’tali sitwazzjoni, l-Artikoli 43 KE u 48 KE ma kinux applikabbli.

66.      Peress li l-libertà ta’ stabbiliment ma hijiex estiża għal pajjiżi terzi, id-dritt tal-UE ma jipprojbix lil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit milli tirrikjedi li l-kumpannija ta’ konnessjoni tiġi stabbilita fl-UE/ŻEE. Fi kliem ieħor, jekk fil-kuntest tal-ħelsien għall-konsorzju, kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha ma tkunx tista’ tittrasferixxi t-telf meta l-kumpannija ta’ konnessjoni rilevanti tkun kumpannija ta’ pajjiż terz, is-sitwazzjoni ma taqax fl-ambitu tal-Artikolu 43 KE. Pereżempju, jekk fil-kawża prinċipali l-kumpannija ta’ konnessjoni, inkwantu membru tal-konsorzju kif ukoll tal-grupp, tiġi inkorporata fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi minflok fil-Lussemburgu l-libertà ta’ stabbiliment tagħha ma tkunx tista’ tiġi invokata sabiex tiġi appoġġjata talba għal ħelsien minn taxxa għall-konsorzju. Dan ikun il-każ anki jekk il-kumpannija parent tal-kumpannija tal-Gżejjer Verġni Brittaniċi tkun kumpannija tal-UE/taż-ŻEE.

67.      Iktar ’il fuq għamilt proposta għal interpretazzjoni li abbażi tagħha, fuq naħa, ikun hemm ksur tal-libertà ta’ stabbiliment meta l-possibbiltà ta’ trasferiment tat-telf tiġi prekluża jekk il-kumpannija ta’ konnessjoni tkun kumpannija tal-UE/taż-ŻEE, iżda, fuq in-naħa l-oħra, ma jkunx hemm ksur meta l-kumpannija ta’ konnessjoni tkun kumpannija ta’ pajjiż terz. Hemmhekk jiena ttrattajt l-iskema ta’ ħelsien minn taxxa għall-konsorzju mill-perspettiva tal-kumpannija li tittrasferixxi t-telf imġarrab minnha u l-iżvantaġġ li din tista’ ssofri, li f’termini ta’ libertà ta’ stabbiliment, jaffettwa lis-sidien tagħha. Huwa neċessarju wkoll li l-problema tiġi analizzata mill-perspettiva tal-kumpannija li tagħmel it-talba.

68.      Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tirrikjedi li l-kumpannija li tagħmel it-talba tkun tappartjeni għall-istess grupp bħall-kumpannija ta’ konnessjoni, jiġifieri, il-kumpannija li tagħmel it-talba trid tkun 75 % sussidjarja tal-kumpannija ta’ konnessjoni jew vice versa jew inkella t-tnejn li huma jridu jkunu 75 % sussidjarji ta’ kumpannija terza. Fil-kawża preżenti, il-kumpannija ta’ konnessjoni u l-kumpannija li tagħmel it-talba huma 100 % sussidjarji ta’ Hutchison International Limited, kumpannija ta’ Ħong Kong li min-naħa tagħha hija 100 % sussidjarja tal-kumpannija parent finali tal-grupp, Hutchison Whampoa Ltd. Il-katina mill-kumpannija ta’ konnessjoni u l-kumpannija li tagħmel it-talba għall-kumpannija parent komuni tagħhom tgħaddi kemm minn kumpanniji tal-UE/taż-ŻEE kif ukoll minn kumpanniji ta’ pajjiżi terzi; dawn ma għandhomx kumpannija parent tal-UE/taż-ŻEE komuni.

69.      F’sistema bħalma hija l-iskema tar-Renju Unit dwar ħelsien minn taxxa għall-konsorzju, ir-regolamenti nazzjonali li jirregolaw il-konnessjoni li hija rikjesta bejn il-kumpannija ta’ konnessjoni u l-kumpannija li tagħmel it-talba jistgħu jaffettwaw il-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpannija parent komuni l-iktar baxxa, li tgawdi l-vantaġġ finanzjarju maħluq mill-opportunità ta’ tpaċija tat-telf ta’ kumpannija mal-profitt taxxabbli ta’ kumpannija oħra, u b’hekk titnaqqas ir-responsabbiltà fiskali konġunta tas-(sotto)grupp taħtha. Jekk dik il-kumpannija parent komuni l-iktar baxxa tkun kumpannija tal-UE/taż-ŻEE, ir-regolamenti nazzjonali li jirregolaw il-konnessjoni jistgħu joħolqu restrizzjonijiet ipprojbiti tal-libertà ta’ stabbiliment. Jekk dik il-kumpannija parent komuni l-iktar baxxa tkun impriża ta’ pajjiż terz, is-sitwazzjoni, abbażi tal-loġika użata fil-kawża Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, ma taqax fl-ambitu tal-libertà ta’ stabbiliment.

70.      Barra minn hekk, jekk il-katina bejn il-kumpannija parent komuni l-iktar baxxa tal-UE/taż-ŻEE u/jew il-kumpannija ta’ konnessjoni tgħaddi minn pajjiżi terzi, is-sitwazzjoni ma taqax fl-ambitu tal-Artikoli 43 KE u 48 KE. Il-libertà ta’ stabbiliment ma testendix id-dritt li jinħolqu sussidjarji jew fergħat fl-Istati Membri għall-persuni ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi. Bħalma n-nazzjonalità tal-azzjonisti kontrollanti hija irrilevanti għall-eżistenza tal-libertà ta’ stabbiliment fil-każ ta’ kumpanniji tal-UE/taż-ŻEE, bl-istess mod hija irrilevanti għan-nuqqas ta’ eżistenza tagħha fil-każ ta’ kumpanniji ta’ pajjiżi terzi.

G –    Il-moviment liberu tal-kapital

71.      Bħalma spjegajt iktar ’il fuq, huwa possibbli li r-regolamenti rilevanti tar-Renju Unit dwar il-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju jistgħu jew għandhom jitqiesu bħala li jaffettwaw il-moviment liberu tal-kapital, b’mod iktar partikolari l-investimenti diretti fil-kapital tal-kumpannija ta’ konnessjoni. Fl-opinjoni tiegħi dan ma jibdilx ir-riżultat tal-analiżi mwettqa iktar ’il fuq f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet fi ħdan l-UE/iż-ŻEE għaliex l-inabbiltà li jiġi ttrasferit it-telf toħloq ukoll żvantaġġ għall-azzjonisti tal-kumpannija ta’ konnessjoni irrispettivament minn jekk ikollhomx azzjonijiet kontrollanti jew inqas azzjonijiet.

72.      F’każ li jiġi affettwat il-moviment liberu tal-kapital, dan ikun jirrikjedi l-estensjoni tal-ambitu tal-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju tar-Renju Unit għall-kumpanniji ta’ pajjiżi terzi. Madankollu, billi l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit eskludiet anki l-kumpanniji ta’ konnessjoni ta’ pajjiżi terzi mill-ambitu tal-ħelsien minn taxxa għall-konsorzju qabel il-31 ta’ Diċembru 1993, id-dispożizzjonijiet rilevanti ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet tal-moviment liberu tal-kapital minħabba l-klawżola “stand-still” fl-Artikolu 57(1) KE (li sar l-Artikolu 64 TFUE) (35).

H –    Ir-risposti proposti

73.      Għaldaqstant, jiena nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu rekwiżit li, għall-finijiet ta’ skema ta’ ħelsien minn taxxa għall-konsorzju, il-kumpannija ta’ konnessjoni għandha tkun jew stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat jew teżerċita attività kummerċjali f’dak l-Istat Membru permezz ta’ stabbiliment permanenti hemmhekk. Madankollu, l-imsemmija artikoli ma jipprojbixxux Stat Membru milli jirrikjedi li l-kumpannija parent komuni l-iktar baxxa fi ħdan dak il-grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija ta’ konnessjoni u l-kumpanniji li jirċievu t-telf għal finijiet ta’ taxxa jappartjenu għalih għandha tkun kumpannija tal-UE/taż-ŻEE, u li l-konnessjonijiet bejn il-kumpannija ta’ konnessjoni u l-kumpanniji li jirċievu t-telf għal finijiet ta’ taxxa għandhom ikunu jikkonsistu biss minn kumpanniji tal-UE/taż-ŻEE. F’dak li jirrigwarda t-tieni domanda, huwa suffiċjenti li din tingħata risposta simili għal dik mogħtija għar-raba’ domanda fil-kawża Philips Electronics UK.

IV – Konklużjoni

74.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber), bil-mod li ġej:

(1)      F’ċirkustanzi bħalma huma dawk tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 43 KE u 48 KE (li saru l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE) jipprekludu rekwiżit li, għall-finijiet ta’ skema ta’ ħelsien minn taxxa għall-konsorzju, il-kumpannija ta’ konnessjoni għandha tkun jew stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat jew teżerċita attività kummerċjali f’dak l-Istat Membru permezz ta’ stabbiliment permanenti hemmhekk. Madankollu, l-imsemmija artikoli ma jipprojbixxux li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikjedi li l-kumpannija parent komuni l-iktar baxxa fi ħdan dak il-grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija ta’ konnessjoni u l-kumpanniji li jirċievu t-telf għal finijiet ta’ taxxa jappartjenu għalih tkun stabbilita f’wieħed mill-Istati Membri jew f’pajjiż li jagħmel parti miż-Żona Ekonomika Ewropea, u li l-konnessjonijiet bejn il-kumpannija ta’ konnessjoni u l-kumpanniji li jirċievu t-telf għal finijiet ta’ taxxa jkunu jikkonsistu biss minn tali kumpanniji.

(2)      Il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-Artikoli 43 KE u 48 KE.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – F’dan il-kuntest, grupp ta’ kumpanniji jirreferi għal sett ta’ kumpanniji parent u sussidjarji li jiffunzjonaw bħala entità ekonomika li għandhom l-istess sors ta’ kontroll.


3 – F’termini ġenerali, konsorzju jista’ jiġi ddefinit bħala assoċjazzjoni ta’ żewġ kumpanniji jew iktar li jkollhom l-għan li jipparteċipaw f’attività komuni jew li jiġbru r-riżorsi tagħhom flimkien sabiex jilħqu għan komuni. Madankollu, taħt il-liġi dwar it-taxxa tar-Renju Unit, l-eżistenza ta’ konsorzju tiddependi mill-fatt li ċertu limitu ddefinit ta’ sjieda jiġi ssodisfatt, mingħajr ebda rekwiżit ta’ għan komuni.


4–      Ara l-punt 17 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, ippreżentati fis-7 ta’ April 2005, fil-kawża Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837).


5 – Sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, (C-264/96, Ġabra p. I-4695); is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, u s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Philips Electronics UK (C-18/11).


6 – Fil-kawża preżenti, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “(kumpannija) parent komuni l-iktar baxxa” u “(kumpannija) parent finali”. L-ewwel wieħed jista’ jiġi ddefinit kif ġej: Kumpannija Ċ hija l-kumpannija parentkomuni l-iktar baxxa meta mqabbla mal-kumpanniji A u B jekk A u B huma s-sussidjarji diretti jew indiretti tagħha u l-Kumpannija Ċ ma jkollhiex sussidjarja D, aspett li kieku jkollha kumpannija parent kemm ta’ A kif ukoll ta’ B. Il-kumpannija parent finali ta’ grupp ta’ kumpanniji hija kumpannija li hija parent diretta jew indiretta tal-kumpanniji kollha tal-grupp iżda hija stess ma hijiex sussidjarja ta’ kumpannija oħra.


7 – Il-kumpanniji li jagħmlu t-talba huma: Felixstowe Dock and Railway Company Ltd, Savers Health and Beauty Ltd, Walton Container Terminal Ltd, WPCS (UK) Finance Ltd, AS Watson Card Services (UK) Ltd, Hutchison Whampoa (Europe) Ltd, Kruidvat UK Ltd u Superdrug Stores plc.


8 –      L-entitajiet rilevanti bejn Hutchison Whampoa Ltd u l-kumpanniji li jagħmlu t-talba kienu diversi kumpanniji holding inkorporati barra mill-UE/miż-ŻEE (Ħong Kong jew il-Gżejjer Verġni Brittaniċi) u fl-UE (ir-Renju Unit jew il-Pajjiżi l-Baxxi).


9 – Membru tal-Hutchison Whampoa Group li sussegwentement (fit-23 ta’ Ġunju 2005) inxtrat mill-aħħar żewġ kumpanniji, sabiex b’hekk Hutchison 3G UK Holdings Ltd stess saret membru tal-grupp kif iddefinit mit-taqsima 413(3)(a) tal-ICTA.


10 – Skont it-Taqsima 413(3) tal-ICTA.


11 – Sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, (C-371/10 Ġabra p I-12273, punt 45).


12 – Punt 23. Kawżi oħra li fihom tqajmet il-kwistjoni tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni huma, pereżempju, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium (C-414/06, Ġabra p. I-3601, punt 31); is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2010, X Holding (C-337/08, Ġabra p. I-1215, punt 28); u s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, A (C-123/11, punt 23).


13 – Għall-kuntrarju, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa tal-fehma li hemm restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment li hija ġġustifikata.


14 – Ara l-punt 22 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott, ippreżentati fid-19 ta’ April 2012, Philips Electronics UK, iċċitata iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


15 – Ara l-punt 15 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, fil-Kawża Marks & Spencer, iċċitati iktar ’il fuq.


16 –      Ara l-punti 14 u 29 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott, fil-kawża Philips Electronics UK, iċċitati iktar ’il fuq.


17 – In-natura ta’ żvantaġġ finanzjarju li fil-livell tal-grupp jinħass bħala restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment ġiet enfasizzata mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha tal-14 ta’ Frar 2008 fil-kawża Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30.


18 – Dan il-vantaġġ fil-livell tal-grupp ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 (għaċ-ċitazzjoni ara iktar ’l isfel).


19 – Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11, punti 90 sa 92).


20 – Ara l-Kawża C-35/11, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 93 u 94.


21 – Ara t-Taqsimiet 402(3), 406(1) u 413(6) tal-ICTA.


22 – Dan huwa differenti mis-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C-157/05 Ġabra p. I-4051), fejn kien hemm kontroll kollettiv ta’ kumpannija minn azzjonisti mhux kontrollanti.


23 – Hawnhekk għandu jitfakkar li investimenti li jkollhom kontroll huma dejjem investimenti diretti; madankollu hemm ukoll investimenti li ma jkollhomx kontroll iżda li lanqas ma jkunu purament finanzjarji, jiġifieri investimenti ta’ portafoll, għaliex huma jipprovaw jistabbilixxu relazzjoni stabbli fil-konfront tal-kumpannija fil-mira. F’dak li jirrigwarda l-investimenti diretti taħt id-dritt tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 63 TFUE dwar il-moviment liberu tal-kapital ikopri, bħala prinċipju, il-movimenti tal-kapital li jikkonċernaw stabbiliment jew investiment dirett. Dan tal-aħħar jikkonċerna forma ta’ sehem f’impriża permezz tal-pussess ta’ azzjonijiet li jagħti l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni u l-kontroll tagħha (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 40, s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou, C-81/09, Ġabra I-10161, punt 48; u l-Kawża C-35/11, Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 102). Fit-terminoloġija tal-OECD, it-terminu “investiment dirett barrani” jagħmel riferiment għall-għan li jiġi stabbilit interess dejjiemi. Dan jimplika l-eżistenza ta’ relazzjoni fit-tul u grad sinjifikattiv ta’ influwenza fuq il-ġestjoni tal-intrapriża. Il-pussess dirett jew indirett ta’ 10 % jew iktar tas-setgħa ta’ votazzjoni hija evidenza ta’ tali relazzjoni. Ara OECD Benchmark Definition of Foreign Direct Investment. FourthEdition 2008, paġna 48, punt 117, u Model Tax Convention on Income and on Capital: Condensed Version 2010 (disponibbli bl-Ingliż fuq www.oecd.org). Ara wkoll Smit, D., EU Freedoms, Non-EU Countries and Company Taxation, Kluwer Law International, 2012, paġni 64 u 68.


24 – Ara s-sentenza Philips Electronics UK Ltd, iċċitata iktar ’il fuq, punti 12 u 13.


25 – Sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32.


26 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 84).


27 – Kawżi magħquda Metallgesellschaft Ltd et (C-397/98), Hoechst AG u Hoechst (C-410/98), Ġabra I-1727, punt 43.


28 – Punt 39.


29 – Ara l-punt 81 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża Philips Electronics UK, iċċitata iktar ’il fuq.


30 – Punt 20.


31 – Sentenza tat-12 ta’ April 1994, (C-1/93, Ġabra I-1137).


32 – Ara punt 6 tas-sentenza.


33 – Is-sitwazzjoni hawnhekk hija differenti mill-każ ta’ għajnuna statali mogħtija illegalment, li skont ġurisprudenza stabbilita, ma tistax tiġi “legalizzata” b’mod retroattiv: hawnhekk qegħdin nittrattaw il-konfini tal-obbligu ta’ Stat Membru taħt id-drtt tal-UE pjuttost milli l-konsegwenzi tal-ksur ta’ tali dritt. Ara l-Kawżi magħquda Belgische Staat vs Eugène van Calster u Felix Cleeren (C-261/01) u Openbaar Slachthuis NV (C-262/01), Ġabra I-12249.


34 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, Ġabra I-2107, punti 98 sa 100).


35 –      Għandu jiġi osservat li t-Taqsima 402(3A) u (3B) tal-Liġi ICTA, adottata fis-sena 2000, kienet ippreċeduta minn dispożizzjoni li kienet tipprevedi li “kumpannija” għandha tfisser biss kumpanniji tar-Renju Unit. Ara t-taqsima 258(7) tal-ICTA 1970 (iċċitata fil-kawża ICI, punt 6).