Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-7 ta’ Marzu 2013 (1)

Kawża C-219/12

Finanzamt Freistadt Rohrbach Urfahr

vs

Unabhängiger Finanzsenat Außenstelle Linz

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Verwaltungsgerichtshof (L-Awstrija))

“VAT — Definizzjoni ta’ ‘attività ekonomika’ — Sistema fotovoltajka installata fuq il-bejt ta’ dar privata — Elettriku mibjugħ lil fornitur li jforni l-bżonnijiet tal-elettriku ta’ din id-dar”





1.        Proprjetarju ta’ dar installa sistema fotovoltajka (pannelli solari) li tipproduċi l-elettriku iżda ma għandu ebda kapaċita għall-ħażna tal-elettriku. Il-produzzjoni annwali tagħha hija inqas mill-konsum annwali tad-dar. Il-proprjetarju tad-dar daħal f’kuntratt ma’ fornitur tal-elettriku fejn huwa jbiegħ l-elettriku lil dak il-fornitur, li jforni lid-dar bil-bżonnijiet tagħha ta’ elettriku. Peress li huwa jqis li l-bejgħ tiegħu tal-elettriku jikkostitwixxi attività ekonomika, il-proprjetarju tad-dar qiegħed jitlob li jirkupra t-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) imħallsa fuq is-sistema tiegħu u fuq l-installazzjoni tagħha. Il-Verwaltungsgerichtshof (Il-Qorti Amministrattiva Ogħla) (l-Awstrija) tixtieq tkun jaf jekk dan huwiex l-approċċ korrett.

 Is-Sitt Direttiva tal-VAT

2.        Il-pannelli solari inkwistjoni ġew installati fl-2005, meta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea (UE) kienet is-Sitt Direttiva tal-VAT (2). Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma b’mod partikolari rilevanti (3).

3.        Skont l-Artikolu 2 il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali hija suġġetta għall-VAT.

4.        Skont l-Artikolu 4(1) “persuna taxxabbli” tfisser “kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività”. Skont l-Artikolu 4(2), “[l]-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [jipprovdu servizzi], magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika”.

5.        Skont l-Artikolu 5(1), provvista ta’ oġġetti tfisser “it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi mill-proprjetà korporali”, filwaqt li l-Artikolu 5(2) jispeċifika li l-kurrent elettriku għandu jkun kkunsidrat bħala proprjetà korporali. L-Artikolu 5(6) jipprovdi li “[l]-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas, jew b’mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha, fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-oġġetti inkwistjoni jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli setgħet titnaqqas kollha jew parti minnha, għandhom jitqiesu bħala provvisti bi ħlas. [...]”.

6.        L-Artikolu 11(A)(1)(a) jistabbilixxi r-regola ġenerali li l-ammont taxxabbli għandu jkun “dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti”. Madankollu fir-rigward ta’ provvisti msemmija fl-Artikolu 5(6), l-Artikolu 11(A)(1)(b) jipprovdi li l-ammont taxxabbli għandu jkun “il-prezz tax-xiri ta’ l-oġġetti jew ta’ oġġetti simili jew, fl-assenza tal-prezz tax-xiri, il-prezz ta’ kemm jiġi, determinat fiż-żmien tal-provvista”.

7.        L-Artikolu 17 (4) (“Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas”) jipprovdi, b’mod partikolari:

“1.      Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.

2.      Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:

(a)      taxxa fuq il-valur miżjud imħalsa għal merkanzija jew servizzi pprovduti jew li se jkunu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra li għandha tħallas it-taxxa fit-territorju tal-pajjiż;

[...]”.

8.        L-Artikolu 20 jipprovdi għall-ammont ta’ tnaqqis ta’ taxxa tal-input biex tkun aġġustata fejn xieraq:

“1.      It-tnaqqis inizjali għandu jkun aġġustat b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri b’mod partikolari:

[...]

(b)      fejn wara li jsir il-prospett xi tibdil isir fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas […]

2.      Fil-każ ta’ oġġetti kapitali, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluż dik meta l-oġġetti jkunu akkwistati jew fabbrikati. L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tat-taxxa imposta fuq l-oġġetti. L-aġġustament għandu jsir fuq bażi tal-varjazzjonijet fit-tnaqqis intitolat fis-snin konsekwenti b’relazzjoni għal dik is-sena meta l-oġġetti kienu akkwistati jew fabbrikati.

[...]”.

9.        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 24 jippermetti li l-Istati Membri jintroduċu jew iżommu ċerti skemi speċjali, inkluż l-eżenzjoni jew tnaqqis gradwali tat-taxxa għal impriżi żgħar, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 24(2) jawtorizza li impriżi li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom ikun inqas minn ammont speċifikat ikunu eżenti mill-VAT. L-Artikolu 24(5) jipprovdi: “Persuni taxxabbli eżenti mit-taxxa m’għandhomx ikunu intitolati biex inaqqsu t-taxxa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17, u lanqas biex juru fuq il-fatturi tagħhom”.

10.      Il-limitu rilevanti għall-iskopijiet tal-Artikolu 24(2) ivarja kunsderevolment bejn l-Istati Membri, skont id-data tal-adeżjoni jew il-livelli tal-limiti tal-VAT applikati qabel id-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva (5). Xi Stati Membri ma japplikaw ebda skema għall-impriżi żgħar, filwaqt li Stati oħra japplikaw limitu ta’ iktar minn EUR 70 000 bħala dħul mill-bejgħ annwali. Fl-Awstrija, il-limitu huwa dħul mill-bejgħ annwali ta’ mhux iktar minn EUR 30 000 nett (6), u dan japplika awtomatikament sakemm in-negozjant ma jagħżilx li jkun suġġett għat-taxxa (7).

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda magħmula

11.      Skont d-digriet tar-rinviju, is-Sur Fuchs, il-proprjetarju tad-dar ikkonċernat fil-kawża prinċipali, installa pannelli solari fuq is-saqaf ta’ daru fl-2005. Ma hemm l-ebda kapaċità għall-ħażna ta’ elettriku. L-elettriku totali prodott jiġi ttrasferit fin-netwerk pubbliku, u l-elettriku meħtieġ minn din id-dar jinxtara lura bl-istess prezz li bih kien ittrasferit, jiġifieri EUR 0.181, inkluż il-VAT bl-20 %, fiż-żewġ każijiet. Is-Sur Fuchs xtara u nstalla s-sistema għall-prezz ta’ EUR 38 367.76, inkluż il-VAT bl-20 % ta’ EUR 6 394.63. Fir-rigward tal-installazzjoni, huwa rċieva sussidju ta’ darba ta’ EUR 19 020.

12.      Id-digriet tar-rinviju jgħid ukoll li mill-2005 sal-2008 id-dar tas-Sur Fuchs ikkunsmat madwar 44 600 kWh ta’ elettriku u li, mit-total prodott u ttrasferit mis-sistema fotovoltajka tiegħu matul il-perijodu kollu, jiġifieri 19 801 kWh, huwa forna 11 156 kWh fin-netwerk ġenerali tal-elettriku u huwa stess uża direttament (8) 8 645 kWh. Matul l-ewwel ħames xhur tat-tħaddim tas-sistema, fl-2005, ġew prodotti 2 829 kWh u 1 986 kWh kienu ttrasferiti fin-netwerk.

13.      Il-Finanzamt Freistadt Rohrbach Urfahr (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Freistadt Rohrbach, iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) ħarġet kont tal-VAT lis-Sur Fuchs għall-2005 li ma kienx jippermetti tnaqqis tat-taxxa tal-input. Is-Sur Fuchs appella quddiem l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Linz (it-Tribunal Indipendenti tal-Finanzi, fid-Distrett ta’ Linz; iktar ’il quddiem l-“Unabhängiger Finanzsenat”), li stabbilixxa kreditu ta’ taxxa ta’ EUR 6 309.29 favur tiegħu. Din iċ-ċifra rriżultat mit-tpaċija bejn it-taxxa tal-input ta’ EUR 6 394.63 fuq l-ispiża tas-sistema u t-taxxa tal-output ta’ EUR 85.34 fuq l-elettriku kollu prodott minnha (kemm dak ittrasferit fin-netwerk u kemm dak ikkunsmat mid-dar) fl-2005.

14.      Il-Finanzamt appella mid-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li għamlet id-domanda preliminari li ġejja:

“L-operat ta’ installazzjoni fotovoltajka mqabbda man-netwerk, li ma għandhiex impjant indipendenti għall-ħażna tal-elettriku u li tinsab fuq jew qrib residenza privata li tintuża bħala abitazzjoni, u li, minn perspettiva teknika, hija mfassla b’tali mod li l-elettriku prodott mill-installazzjoni huwa konstantament inferjuri għall-ammont totali ta’ elettriku kkonsmat privatament mill-operatur tal-installazzjoni f’daru, hija ‘attività ekonomika’ ta’ dan l-operatur, fis-sens tal-Artikolu 4 tas-[Sitt Direttiva]?”

15.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet tal-Awstrija u tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni. Ma ntalbet li tinżamm l-ebda seduta u l-ebda waħda ma nżammet.

 Evalwazzjoni

 Kwistjonijiet preliminari

16.      Id-domanda magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof hija limitata għal jekk il-provvista ta’ elettriku lin-netwerk ġenerali minn persuna fis-sitwazzjoni tas-Sur Fuchs tikkostitwixxix “attività ekonomika” għal skopijiet ta’ VAT. Se nispjega għalfejn fil-fehma tiegħi hekk hu. Madankollu, filwaqt li t-tweġiba tista’ sservi biex tiġi deċiża l-kwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm aspetti oħra li jista’ jkun meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm fis-sitwazzjoni tas-Sur Fuchs kif ukoll f’sitwazjonijiet li jixxiebhu.

17.      L-ewwel nett, ninnota li ma huwiex għal kollox ċar kif topera s-sistema tas-Sur Fuchs. Id-digriet tar-rinviju jipprovdi, minn naħa, li l-elettriku kollu prodott jiġi trasferit fin-netwerk u, min-naħa l-oħra, li bejn l-2005 u l-2008 parti kienet ittrasferita fin-netwerk u l-bqija ġiet ikkunsmata direttament mid-dar.

18.      B’risposta għal talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Verwaltungsgerichtshof iċċarat il-pożizzjoni sa ċertu punt. Jidher li l-Unabhängiger Finanzsenat ikkonstatat bħala fatt li l-elettriku kollu prodott kien ittrasferit fin-netwerk pubbliku u li t-8 645 kWh deskritti bħala li kienu kkunsmati “direttament” mid-dar ġew ikkunsmati fl-istess żmien meta kwantità ta’ elettriku ekwivalenti kienet qiegħda tiġi ttrasferita fin-netwerk. Il-qorti tar-rinviju pproċediet fuq dik il-bażi, imma tistqarr li l-Finanzamt jikkontesta l-konstatazzjoni tal- Unabhängiger Finanzsenat u jsostni li l-konsum tas-Sur Fuchs jiġi l-ewwel mill-pannelli solari, li jiġi ssupplimentat min-netwerk meta jkun neċessarju, u li kien biss l-ammont ta’ elettriku żejjed fuq il-bżonnijiet tal-familja (meta l-pannelli jkunu qegħdin jiġġeneraw iktar minn dak li tkun qiegħda tikkunsma d-dar) li jiġi ttrasferit fin-netwerk.

19.      Il-Verwaltungsgerichtshof tqis li d-differenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet hija irrilevanti għall-iskopijiet tal-kwistjoni li għandha tiġi deċiża. Madankollu nqis li jkun utli li d-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva jiġu eżaminati fid-dawl ta’ xenarji differenti li jvarjaw.

 L-eżistenza ta’ attività ekonomika

20.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan tat-terminu “attivitajiet ekonomiċi”, previst fl-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva, huma wiesgħin ħafna, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata per se u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskop jew ir-riżultati tagħha. Għalhekk, bħala regola ġenerali, attività tiġi kklassifikata bħala waħda ekonomika meta tkun waħda permanenti u ssir bi ħlas li jiġi rċevut mill-persuna li twettaq l-attività (9).

21.      Skont l-Artikolu 5(2) tas-Sitt Direttiva, l-elettriku huwa proprjetà korporali. Permezz tal-pannelli solari tiegħu, is-Sur Fuchs jipproduċi l-elettriku. Huwa jforni dan l-elettriku bi ħlas lill-operatur tan-netwerk tiegħu. Għalhekk bħala prinċipju din hija provvista ta’ oġġetti taxxabbli. Il-produzzjoni u l-provvista ma humiex kontinwi, imma jsiru “fuq bażi kontinwata”. Dawn diġà ilhom għaddejjin għal perijodu ta’ snin. Sakemm il-pannelli solari jibqgħu jiffunzjonaw u s-Sur Fuchs iżomm l-arranġament tiegħu mal-operatur tan-netwerk, l-elettriku se jibqa’ jiġi prodott kull meta d-dawl naturali u l-kundizzjonijiet tat-temp ikunu jippermettu, u se jkompli jiġi pprovdut lin-netwerk skont dawn l-arranġamenti.

22.      Huwa ċar ukoll, mill-informazzjoni fid-digriet tar-rinviju, li l-iskop tas-Sur Fuchs huwa, minn tal-inqas parzjalment, li jikseb dħul mill-provvista tal-elettriku. Anki jekk ir-riżultat konkret huwa sempliċement tnaqqis fil-kont tal-elettriku tiegħu, dan it-tnaqqis huwa b’riżultat tat-tpaċija tad-dħul li huwa dovut lilu mill-operatur ma ħlasijiet dovuti minnu lill-operatur, u huwa dak id-dħul li s-Sur Fuchs jipprova jikseb, fuq bażi kontinwa, mill-provvisti tiegħu.

23.      Fil-fehma tiegħi, ma huwiex rilevanti f’dan il-każ li, minħabba l-mod kif hija installata, is-sistema fotovoltajka tkopri parti mill-bżonnijiet tad-dar imma ma tiġġenerax provvista żejda b’mod sistematiku li tkun dejjem għall-bejgħ irrispettivament mill-konsum tad-dar.

24.      Il-kwistjoni ta’ jekk attività hijiex imfassla biex jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa hija waħda ta’ fatt li għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, li jinkludu, fost l-oħrajn, in-natura tal-proprjetà kkonċernata (10).

25.      F’dan il-każ, is-Sur Fuchs juża s-sistema fotovoltajka tiegħu biex jipprovdi (skont il-kuntest fattwali korrett) parti jew it-totalità tal-elettriku prodott lill-operatur tan-netwerk u huwa daħal f’kuntratt mal-operatur fejn il-provvista ssir bi ħlas. Din hija, oġġettivament attività ekonomika. Madankollu, din ma kinitx tkun attività ekonomika li kieku s-sistema kienet ġiet imfassla biex tforni biss lid-dar — pereżempju, bil-batteriji biex tinħażen xi produzzjoni żejda temporanja għal użu iktar tard u, forsi, mekkaniżmu biex jirċievi l-elettriku min-netwerk meta jkun hemm xi nuqqas temporanju imma mingħajr ebda mekkaniżmu biex l-elettriku jkun trasferit fin-netwerk.

26.      F’dan ir-rigward, ma naqbilx mas-sottomissjoni tal-Gvern Awstrijak li ż-żewġ tipi ta’ installazzjonijiet huma ta’ natura daqstant komparabbli li dawn għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod għal skopijiet ta’ VAT. Kif diġà osservajt, l-evalwazzjoni hija waħda oġġettiva. Hemm differenza oġġettiva, rilevanti għall-klassifikazzjoni bħala attività ekonomika, bejn sistema mfassla biex tipprovdi biss elettriku domestiku u sistema mfassla biex tittrasferixxi parti jew il-produzzjoni kollha fin-netwerk tal-elettriku bi ħlas. Jiena nifhem l-argumenti ta’ politika mressqa minn dan il-Gvern (li sistema fotovoltajka ta’ tip wieħed ma għandhiex tibbenefika, permezz ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input, minn iktar finanzjament pubbliku minn oħra). Madankollu, inqis li tali politika tista’ tkun implementata permezz ta’ mezzi oħra, bħal esklużjoni mid-dritt li wieħed jagħżel li jkun suġġett għat-taxxa (11) jew aġġustament tas-sussidju mogħti għall-installazzjoni ta’ tali sistemi (12), mingħajr ma tiġi distorta d-definizzjoni oġġettiva ta’ attività ekonomika.

27.      Għalhekk fil-fehma tiegħi s-Sur Fuchs iwettaq attività ekonomika (jipproduċi l-elettriku u/jew jisfrutta l-pannelli solari, bil-għan li jikseb dħul minnhom fuq bażi kontinwa) skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva, u għalhekk huwa persuna taxxabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1).

28.      Tabilħaqq, l-istess konklużjoni tista’ tintlaħaq mit-trattattament fiskali mogħti lit-tranżazzjonijiet mill-awtoritajiet tat-taxxa Awstrijaċi nfushom. Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-VAT hija imposta fuq il-provvisti tas-Sur Fuchs lill-operatur tan-netwerk. Huma biss il-provvisti lil jsiru minn persuna taxxabbli li jaġixxi bħala tali li huma suġġetti għall-VAT. Isegwi li jekk is-Sur Fuchs jagħmel provvisti taxxabbli, huwa għandu jkun persuna taxxabbli li jaġixxi bħala tali. Il-pożizzjoni tal-awtorità tat-taxxa kif stabbilita fid-digriet tar-rinviju u dik tal-Gvern Awstrijak kif esposta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (jiġifieri, li s-Sur Fuchs qiegħed jaġixxi f’kapaċità privata) ma hijiex konsistenti mal-impożizzjoni tal-VAT fuq l-elettriku li huwa jipprovdi.

29.      Ovvjament sa fejn huwa jaġixxi bħala persuna taxxabbli, is-Sur Fuchs huwa suġġett għar-regoli kollha tal-Unjoni Ewropea u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni taxxabbli.

 Tnaqqis tat-taxxa tal-input

30.      Il-kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali ma hijiex sempliċement jekk it-tħaddim tal-pannelli solari tas-Sur Fuchs jammontax għal attività ekonomika imma, iktar importanti minn hekk, jekk is-Sur Fuchs huwiex intitolat li jnaqqas il-VAT tal-input fuq ix-xiri tal-pannelli mill-VAT tal-output fuq il-provvisti tiegħu ta’ elettriku lill-operatur tan-netwerk.

31.      Li kieku l-uniku skop tal-operazzjoni huwa li jiġi pprovdut elettriku bi ħlas lin-netwerk, bħala prinċipju t-tweġiba tkun iva. Biex nipparafraża l-Artikolu 17(1) u (2)(a) tas-Sitt Direttiva, is-Sur Fuchs, bħala persuna taxxabbli, ikun intitolat li jnaqqas mit-taxxa li huwa obbligat li jħallas fuq it-tranżazzjonijiet taxxabbli tiegħu tal-output (il-provvista ta’ elettriku), it-taxxa tal-inpnut li huwa ħallas fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra (jiġifieri, il-pannelli solari u l-installazzjoni tagħhom) u użati għall-iskopijiet ta’ dawk it-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, id-dritt għal tnaqqis jirriżulta hekk kif it-taxxa tal-input issir dovuta.

32.      Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li persuna li tforni biss il-kwantitajiet ta’ elettriku li jipproduċu l-pannelli solari tas-Sur Fuchs x’aktarx li, f’ħafna mill-Istati Membri, taqa’ taħt il-limitu sabiex persuna tkun suġġetta għat-taxxa. Għalhekk, skont l-Artikolu 24(5) tas-Sitt Direttiva, huwa la ma jkun f’pożizzjoni li jiġbor il-VAT tal-output u lanqas li jnaqqas it-taxxa tal-input. Fil-każ tas-Sur Fuchs, il-provvisti jaqgħu taħt il-limitu sabiex persuna tkun suġġetta għat-taxxa fl-Awstrija. Madankollu, peress li fuq dawk il-provvisti tinġabar il-VAT, jista’ jiġi preżunt li huwa għażel li jkun suġġett għat-taxxa (13), bil-konsegwenza li għandu d-dritt għal tnaqqis. Tabilħaqq, jekk l-awtoritajiet Awstrijaċi aċċettaw li s-Sur Fuchs seta’ jagħżel li jkun suġġett għat-taxxa, din hija evidenza ulterjuri li dawn qiesuh li qiegħed iwettaq attività ekonomika, peress li ma jista’ jkun hemm l-ebda possibbiltà li wieħed jagħżel li jkun intaxxat fir-rigward ta’ attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT (14).

33.      F’kull każ, l-operazzjoni jista’ ma jkollhiex bħala l-uniku għan tagħha l-provvista ta’ elettriku bi ħlas lin-netwerk. Madwar 44 % tal-elettriku prodott jista’ jiġi kkunsmat mid-dar tas-Sur Fuchs, forsi mingħajr ma jidħol fin-netwerk (15). Jekk dan huwa minnu, dak il-fatt ukoll għandhu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit kif id-dritt għal tnaqqis għandu jitħaddem.

34.      Fir-rigward tal-attività ekonomika tal-provvista ta’ elettriku, il-pannelli solari għandhom jitqiesu bħala oġġetti kapitali skont it-tifsira tas-Sitt Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja fissret li l-oġġetti kapitali għall-iskopijiet tal-VAT huma dawk “użati għall-finijiet ta’ attività ekonomika, li jiddistingwu ruħhom minħabba l-użu għal żmien twil u l-valur tagħhom, elementi li minħabba fihom l-ispejjeż tal-akkwist tagħhom ma jkunux normalment meqjusa bħala spejjeż tal-operat, iżda jinfirxu fuq diversi snin finanzjarji” (16).

35.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ użu ta’ oġġetti kapitali kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal dawk privati (kif jista’ jkun il-każ hawnhekk), il-persuna kkonċernata għandha l-għażla, għall-iskopijiet ta’ VAT, (i) jew li talloka totalment dawn l-oġġetti għall-patrimonju tan-negozju tagħha, (ii) li żżommhom totalment fil-patrimonju privat tagħha u b’hekk teskludihom kompletament mis-sistema tal-VAT, jew (iii) li tinkludihom fin-negozju tagħha biss sa fejn dawn jintużaw effettivament għal skopijiet kummerċjali (17).

36.      Il-mod li bih id-dritt għal tnaqqis jista’ jkun eżerċitat fir-rigward ta’ pannelli solari li parti mill-produzzjoni tagħhom tintuża għal skopijiet privati (konsum dirett li ma jgħaddix min-netwerk) u parti oħra tintuża għal skopijiet kummerċjali (li jiġi ttrasferit fin-netwerk bi ħlas) għalhekk se jiddependi fuq, inter alia, l-allokazzjoni ta’ dawn il-pannelli bejn l-patrimonju tan-negozju u l-patrimonju privat tal-persuna kkonċernata.

37.      L-ewwel nett, jekk dawn jinżammu kollha fil-patrimonju privat, dawn huma għal kollox esklużi mis-sistema tal-VAT, u ma tista’ tqum l-ebda kwistjoni ta’ tnaqqis (18). L-istess ikun japplika, nixtieq inżid, fil-każ ta’ sistema fotovoltajka li ma hijiex ikkonnettjata man-netwerk u li tforni biss il-bżonnijiet tad-dar. F’dan il-każ ma jkun hemm ebda attività ekonomika u l-ebda provvista taxxabbli.

38.      It-tieni nett, jekk il-pannelli solari jiġu allokati totalment għall-patrimonju tan-negozju tal-proprjetarju tad-dar fil-kapaċità tiegħu ta’ persuna taxxabbli (kif jista’ jkun il-każ hawnhekk), id-dritt għal tnaqqis ma jiġix affettwat, imma jkun hemm implikazzjonijiet fir-rigward tat-trattament tal-VAT tal-elettriku kkunsmat minn daru. Dan l-elettriku għandu mbagħad jitqies bħala oġġetti fornuti min-negozju tiegħu għall-użu privat tiegħu, irregolat bl-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, u għalhekk suġġett għall-VAT.

39.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont taxxabbli se jkun, skont l-Artikolu 11(A)(1)(b), “il-prezz tax-xiri ta’ l-oġġetti jew ta’ oġġetti simili jew, fl-assenza tal-prezz tax-xiri, il-prezz ta’ kemm jiġi, determinat fiż-żmien tal-provvista”. Peress li, bil-preżunzjoni li l-proprjetarju tad-dar qiegħed jipprovdi l-elettriku lilu nnifsu, l-oġġetti (jiġifieri l-elettriku inkwistjoni) ma jinxtrawx mill-proprjetarju tad-dar imma jiġu prodotti minnu, l-ammont taxxabbli għandu jkun jew il-prezz tax-xiri ta’ oġġetti simili (jiġifieri l-elettriku mixtri min-netwerk) jew il-prezz tal-produzzjoni li jiġi ddeterminat fiż-żmien tal-provvista. Tista’ tqum il-mistoqsija jekk, meta l-prezz tal-produzzjoni jista’ effettivament jiġi kkalkolat, ikun xieraq li jintuża l-prezz tax-xiri ta’ oġġetti smili, li jista’ jkun ogħla jew iktar baxx mill-prezz tal-produzzjoni. Fil-każ preżenti, il-prezz tal-produzzjoni x’aktarx li jkun ogħla, għall-inqas matul l-ewwel ftit snin. Filwaqt li l-ispejjeż kurrenti tal-produzzjoni (pereżempju, il-manutenzjoni) jistgħu jkunu baxxi ħafna, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-ispiża tal-pannelli u tal-installazzjoni tagħhom, ammortizzati fuq perijodu xieraq. Dan x’aktarx iżid l-ispiża għal kull kWh, kif ukoll l-ammonti ta’ VAT li għandhom jiġu ddikjarati fuq l-elettriku prodott mill-pannelli solari u kkunsmati mid-dar matul il-perijodu ta’ ammortizzazzjoni.

40.      It-tielet nett, jekk il-pannelli solari jiġu integrati fil-patrimonju tan-negozju tal-proprjetarju tad-dar fil-kapaċità tiegħu bħala persuna taxxabbli sal-punt biss li dawn ikunu effettivament użati biex jipproduċu elettriku pprovdut lill-operatur tan-netwerk, id-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi eżerċitat biss bl-istess mod. Madankollu jistgħu jqumu diffikultajiet jekk il-proporzjon ta’ elettriku pprovdut lid-dar u dak trasferit fin-netwerk kellhom ivarjaw b’mod sinjifikattiv. F’dan il-każ, ikun xieraq li wieħed jirrikorri għall-proċedura ta’ aġġustament skont l-Artikolu 20(2) tas-Sitt Direttiva (19).

41.      Madankollu, nirrileva li l-kawża prinċipali tikkonċerna x-xiri u l-installar ta’ pannelli solari fl-2005, żmien meta l-persuni taxxabbli kienu intitolati (u tabilħaqq kienu rikjesti) li jallokaw oġġetti kapitali bejn il-patrimonju privat u l-patrimonju tan-negozju. Mill-2010, l-Artikolu 168a(2) tad-Direttiva 2006/112 ippermetta lill-Istati Membri li jipprovdu li l-ispiża fuq oġġetti li jifformaw parti mill-assi tan-negozju tagħha għandha tkun imnaqqsa sal-proporzjon tal-użu tagħhom għal-iskopijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli (20).

42.      Fl-aħħar nett, nosserva wkoll li, sa fejn is-Sur Fuchs huwa intitolat li jnaqqas il-VAT tal-input imħallas fuq il-pannelli solari, tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk is-sussidju ta’ EUR 19 020 (21) jistax jaffettwa l-ammont li jista’ jitnaqqas. Jekk s-sussidju kellu jkun ittrattat bħala ħlas ta’ parti mill-prezz kollu inkluża l-VAT, jista’ jiġi argumentat li s-Sur Fuchs kien ħallas biss l-ammont ta’ VAT inkluż fil-bqija ta’ dak il-prezz u kien intitolat li jnaqqas biss dak l-ammont. Madankollu, dan l-approċċ jidher li huwa prekluż mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Franza (22).

 Konklużjoni

43.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof f’dan is-sens:

L-operat ta’ installazzjoni fotovoltajka mqabbda man-netwerk u li tinsab fuq jew qrib residenza privata li tintuża bħala abitazzjoni tikkostitwixxi attività ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, sa fejn l-elettriku prodott mill-installazzjoni jiġi fornut lin-netwerk bi ħlas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-taxxa tal-input imħallsa fuq ix-xiri tal-installazzjoni tista’ titnaqqas mit-taxxa tal-output imposta fuq il-provvista tal-elettriku lin-netwerk, suġġett għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dik id-direttiva li jirregolaw tali tnaqqis.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, kif emendata; iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). B’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, din ġiet imħassra u mibdula bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1; iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”), li tippreżenta d-dispożizzjonijiet applikabbli tal-VAT bi struttura u formulazzjoni mfassla mill-ġdid mingħajr, bħala prinċipju, ma ġabet tibdil materjali.


3 – Ara, issa, id-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva 2006/112: l-Artikoli 1(2), 9(1), 14(1), 15(1), 16, 74, 167, 168, 168a u 281 sa 291.


4 –      Kif emendat bl-Artikolu 28f tad-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160).


5 –      Ara, issa, l-Artikoli 284 sa 287 tad-Direttiva 2006/112.


6 –      Artikolu 6(1)(27) tal-Liġi tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz) tal-1994.


7 –      Artikolu 6(3) tal-istess liġi.


8 –      Ara l-punti 17 u 18 iktar ’il quddiem.


9 –      Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-246/08, Ġabra p. I-10605, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 –      Ara s-sentenza tat-19 ta’ Lulju 2012, Rēdlihs (C-263/11, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 –      Ara l-punt 10 iktar ’il fuq u l-punt 32 iktar ’il quddiem.


12 –      Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


13 –      Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.


14 –      Ara l-punt 28 iktar ’il fuq.


15 –      Ara l-punt 18 iktar ’il fuq.


16 –      Ara, iktar reċentement, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, EON ASET MENIDJMUNT (C-118/11, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 –      Ara, iktar reċentement, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Van Laarhoven (C-594/11, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ara wkoll il-punt 41 iktar ’il quddiem.


18 –      Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Charles u Charles-Tijmens (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, C-434/03, Ġabra p. I-7037, punti 58, 75 u 76).


19 –      Ara l-punt 8 iktar ’il fuq. Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Wollny (C-72/05, Ġabra p. I-8297).


20 –      Ara d-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 10, p. 14).


21 –      Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


22 –      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, C-243/03, Ġabra p. I-8411.