Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Ġunju 2013 (1)

Kawża C-276/12

Jiří Sabou

vs

Finanční ředitelství pro hlavní město Prahu

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka)]

“Dritt fiskali – Proċedura – Assistenza amministrattiva bejn Stati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta – Direttiva 77/799/KEE – Skambju ta’ informazzjoni fuq talba – Drittijiet proċedurali tal-persuna taxxabbli”





I –    Daħla

1.        Illum il-ġurnata huwa diffiċli li jiġi evitat il-fenomenu tal-futbol. Il-futbol jinteressa kważi lil kulħadd, anki lill-amministrazzjoni fiskali.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami tirrigwarda l-interess tal-amministrazzjoni fiskali Ċeka fil-qligħ ta’ plejer tal-futbol professjonali. Waqt spezzjoni, hija sabet alleati interessati min-naħa tal-amministrazzjonijiet fiskali ta’ Stati Membri oħra, li wettqu investigazzjonijiet fi klabbs tal-futbol u f’aġenzija. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta mill-amministrazzjonijiet fiskali affettwaw lill-plejer professjonali b’mod tant negattiv li huwa kkontesta r-riżultati tal-investigazzjonijiet, b’mod partikolari peress li huwa kkunsidra li, waqt l-investigazzjonijiet, kien hemm ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija preżentement mitluba teżamina l-portata ta’ dawn id-drittijiet proċedurali ta’ persuna taxxabbli fil-kuntest tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri. Dan jeżiġi teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tad-dritt sekondarju applikabbli, iżda wkoll tad-drittijiet fundamentali ta’ plejer tal-futbol professjonali. Bl-istess mod, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet proċedurali ser ikunu importanti mhux biss għall-persuni interessati fil-futbol, iżda ser ikollhom effetti partikolari għad-dritt fiskali u għad-dritt tal-kompetizzjoni.

II – Il-kuntest legali

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, fil-verżjoni rriveduta tat-12 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi, taħt it-titolu “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, dritt għal smigħ xieraq:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

(2)      Dan id-dritt jinkludi:

a)      id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

[…]”

2.      Id-Direttiva 77/799/KEE

5.        Id-Direttiva 77/799/KEE (2) kienet tirregola, sal-31 ta’ Diċembru 2012 (3), b’mod partikolari l-assistenza tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/799”). Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw “kwalunkwe informazzjoni li tista’ tippermettilhom li jwettqu valutazzjoni korretta tat-taxxi fuq id-dħul”.

6.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799 jirregola l-“Bdil fuq talba”:

“(1)      L-awtorità kompetenti ta’ xi Stat Membru tista’ titlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) f’xi każ partikolari. […]

(2)      Għall-fini li tkun mibgħuta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru mitlub għandha tirranġa t-tmexxija sabiex isiru l-inkjesti meħtieġa biex tinkiseb dik l-informazzjoni.

Sabiex tikseb l-informazzjoni mfittxa, l-awtorità mitluba jew l-awtorità amministrattiva li għandha użu għaliha [li lilha saret it-talba] għandha tipproċedi qisu qed jaġixxi f'ismu [qed taġixxi f’isimha] jew fuq talba ta’ awtorità oħra fis-Stat Membru tagħha stess.”

B –    Id-dritt Ċek

7.        Id-Direttiva 77/799 ġiet trasposta fid-dritt Ċek permezz tal-Liġi Nru 253/2000 (4).

8.        Skont id-dritt proċedurali Ċek, meta l-awtoritajiet tat-taxxa jwettqu investigazzjoni probatorja, persuna taxxabbli hija awtorizzata tipparteċipa fl-eżaminazzjoni tax-xhieda u tagħmel domandi.

III – Il-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.        Fil-kawża prinċipali, J. Sabou qiegħed jikkontesta avviż ta’ impożizzjoni ta’ taxxa li jikkonċerna l-qligħ tiegħu fl-2004 fir-Repubblika Ċeka. Matul l-2004, J. Sabou ħadem bħala plejer tal-futbol professjonali.

10.      L-avviż ikkontestat inħareġ fit-28 ta’ Mejju 2009 wara li saret spezzjoni fiskali u, meta mqabbel mal-avviż preċedenti, żied it-taxxa bi CZK 221 904  (madwar EUR 8 600). Din iż-żieda kienet dovuta għan-nuqqas li jiġu rrikonoxxuti l-ispejjeż sostnuti minn J. Sabou fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn Solomon Group Kft, stabbilita f’Budapest, u li kienu allegatament konnessi, fost affarijiet oħra, ma’ negozjati dwar il-possibbiltà li jiġi ttrasferit lil klabbs tal-futbol barranin.

11.      Sabiex tevalwa d-dikjarazzjonijiet ta’ J. Sabou, l-amministrazzjoni fiskali Ċeka, qabel ma ħarġet l-avviż, kienet talbet informazzjoni mingħand awtoritajiet fiskali ta’ Stati Membri oħra, inter alia, abbażi tad-Direttiva 77/799. Għalhekk, l-awtoritajiet fiskali Spanjoli, Franċiżi u Brittaniċi kellhom jistabbilixxu jekk il-klabbs tal-futbol iċċitati minn J. Sabou setgħux jikkonfermaw li kienu saru negozjati ma’ dan tal-aħħar jew mal-kumpannija Solomon Group Kft. Madankollu, skont l-informazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet fiskali, dan ma kienx il-każ: dawn il-klabbs tal-futbol lanqas biss kienu semgħu b’J. Sabou.

12.      Barra minn hekk, l-amministrazzjoni fiskali Ċeka kienet talbet lill-awtoritajiet fiskali Ungeriżi jivverifikaw jekk is-servizzi pprovduti minn Solomon Group Kft kinux ġew effettivament ipprovduti. Għal dan il-għan, id-direttriċi tal-kumpannija ssejħet bħala xhud fl-Ungerija. Hija ddikjarat, fost l-oħrajn, li l-kumpannija tagħha kienet sempliċement intermedjarja tas-servizzi li kienu effettivament ipprovduti mill-kumpannija Solomon International Ltd stabbilita fil-Baħamas. Konsegwentement, l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi nnotifikaw lill-amministrazzjoni fiskali Ċeka li kienet biss investigazzjoni tal-kumpannija Solomon International Ltd li setgħet tikkonferma l-provvista effettiva tas-servizzi.

13.      J. Sabou kkontesta l-avviż ta’ impożizzjoni ta’ taxxa emendat quddiem il-Finanční ředitelství pro hlavní město Prahu (Direttorat tal-finanzi tal-belt kapitali ta’ Praga) fejn sostna li l-amministrazzjoni fiskali Ċeka kienet kisbet illegalment informazzjoni mill-awtoritajiet fiskali ta’ Stati Membri oħra. L-ewwel nett, huwa sostna li kellu jiġi informat minn qabel bit-talba għal informazzjoni sabiex ikollu l-possibbiltà jagħmel id-domandi tiegħu stess. It-tieni nett, huwa sostna li kellu jingħata d-dritt li jipparteċipa fis-smigħ tax-xhud organizzat mill-awtoritajiet fiskali barranin; fil-fatt, huwa kien ikollu l-istess dritt fil-każ ta’ eżaminazzjoni mill-awtoritajiet fiskali Ċeki. It-tielet nett, huwa sostna li, mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli, Franċiżi u Britanniċi ma jidhirx b’mod ċar kif dawn l-awtoritajiet fiskali waslu għall-konklużjonijiet tagħhom.

14.      Huwa f’dan il-kuntest li n-Nejvyšší správní soud (Qorti Amministrattiva Superjuri), li qiegħda tisma’ l-kawża, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu  267 TFUE, bid-domandi preliminari li ġejjin, li permezz tagħhom, fid-dawl tad-digriet tar-rinviju tagħha, hija titlob, inter alia, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jagħti lil persuna taxxabbli d-dritt li tiġi mgħarrfa bid-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali li tressaq talba għal informazzjoni taħt id-Direttiva 77/799/KEE? Persuna taxxabbli għandha d-dritt li tipparteċipa fl-ifformular tat-talba indirizzata lill-Istat Membru mitlub? Fil-każ fejn id-dritt Komunitarju ma jagħtix drittijiet bħal dawn lill-persuna taxxabbli, din tal-aħħar tista’ tingħata drittijiet simili taħt id-dritt nazzjonali?

2)      Persuna taxxabbli għandha d-dritt li tipparteċipa fis-smigħ tax-xhieda fl-Istat Membru mitlub waqt li tkun qed tiġi ttrattata talba għal informazzjoni taħt id-Direttiva 77/799/KEE? L-Istat Membru mitlub għandu l-obbligu li jinforma bil-quddiem lill-persuna taxxabbli bid-data tas-smigħ jekk dan ikun ġie mitlub jagħmel hekk mill-Istat Membru applikant?

3)      Meta tikkomunika informazzjoni taħt id-Direttiva 77/799/KEE, l-awtorità fiskali tal-Istat Membru mitlub hija meħtieġa li tissodisfa kontenut minimu għat-tweġibiet sabiex ikun stabbilit b’mod ċar minn liema sorsi u permezz ta’ liema modalitajiet hija kienet f’pożizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni kkomunikata? Il-persuna taxxabbli tista’ tikkontesta l-eżattezza tal-informazzjoni hekk ipprovduta billi pereżempju tinvoka difetti li allegatament jivvizzjaw il-proċedura li, fl-Istat mitlub, tkun ippreċediet it-trasmissjoni tal-informazzjoni? Jew japplika l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u kooperazzjoni, li permezz tiegħu wieħed ma jistax jikkontesta l-informazzjoni kkomunikata mill-amministrazzjoni fiskali mitluba?”

15.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV – Evalwazzjoni legali

A –    Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

16.      L-ewwel nett, għandha tiġi vverifikata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija parzjalment ikkontestata mill-Kummissjoni.

17.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-istima tat-taxxa fuq id-dħul minn Stat Membru, li hija s-suġġett tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, la hija rregolata mid-Direttiva 77/799 u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni. Sa fejn id-domandi preliminari jikkonċernaw l-istima tat-taxxa, ma hemm konsegwentement ebda konnnessjoni mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, il-Karta hija applikabbli biss meta l-Istati Membri jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta meta Stat Membru jindirizza talba għal informazzjoni lil Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta fir-rigward ta’ ċerti partijiet tal-ewwel u tat-tielet domandi preliminari.

18.      Skont l-Artikolu 267(1)(a) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Id-domandi preliminari magħmula huma intiżi li jikkjarifikaw ir-rilevanza tad-dritt tal-Unjoni għall-ġbir transkonfinali ta’ informazzjoni u għall-użu ta’ informazzjoni fi proċeduri nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul. Il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex il-każ, u sa fejn dan huwa l-każ, tista’ tiġi ddeterminata biss b’interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward b’mod speċifiku tal-interpretazzjoni tal-Karta, liema interpretazzjoni ntalbet mill-qorti tar-rinviju, għandu barra minn hekk jiġi enfasizzat li l-kjarifika tal-applikabbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija wkoll interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, id-domandi preliminari huma intiżi, b’mod ġenerali, għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta skont l-Artkolu 267(1)(a) TFUE.

19.      Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma jkollhiex ġurisdizzjoni meta jkun ċar li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tagħha ma tapplikax għall-kawża prinċipali (5). Madankollu, fil-kawża preżenti, dan ma jistax jiġi kkonstatat. Filwaqt li ma hemm ebda dubju li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva 77/799, l-influwenza tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma tistax tiġi manifestament eskluża, b’mod partikolari peress li l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali, billi applikat id-Direttiva 77/799, irrikorriet għal proċedura tad-dritt tal-Unjoni sabiex tikseb l-informazzjoni.

20.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula.

B –    Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda preliminari: l-effetti tal-informazzjoni

21.      Ser nibda l-analiżi tiegħi bit-tielet domanda preliminari, inkwantu r-risposta għal din id-domanda preliminari hija rilevanti għall-evalwazzjoni tad-domandi preliminari l-oħra. It-tieni parti tat-tielet domanda preliminari tikkonċerna l-effetti li jkollha fi proċeduri nazzjonali dwar it-taxxa l-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk persuna taxxabbli tkunx għadha tista’ tikkontesta r-riżultat ta’ tali skambju jew inkella jekk il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Istat Membru mitlub humiex definittivi. Fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni prinċipali hija dwar jekk, skont l-informazzjoni tal-Istat Membru mitlub, ġiex stabbilit, għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi u tal-proċeduri ġudizzjari Ċeki, jekk J. Sabou wettaqx negozjati mal-klabbs tal-futbol li ġew interrogati.

22.      Ir-Repubblika Ellenika hija tal-fehma li l-informazzjoni miksuba skont id-Direttiva 77/799 ma tistax tiġi kkontestata mill-persuna taxxabbli. Fil-fatt, dan ikun jikser il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka. Barra minn hekk, il-finalità tal-proċedura prevista mid-Direttiva 77/799 tkun ikkonfutata jekk l-informazzjoni kkomunikata ma jkollha ebda valur probatorju.

23.      Jiena m’iniex tal-istess fehma.

24.      Fis-sentenza Twoh International, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat b’mod ċar li l-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru skont id-Direttiva 77/799 fir-rigward ta’ sitwazzjoni partikolari ma tikkostitwixxix prova determinanti ta’ fatt li għandu jiġi stabbilit (6).

25.      Id-Direttiva 77/799 lanqas ma tinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-informazzjoni mill-Istat Membru li jagħmel it-talba jew dwar il-valur probatorju tal-informazzjoni. Konsegwentement, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża enfasizzaw korrettament li l-analiżi tal-provi fil-kuntest ta’ proċedura fiskali nazzjonali, jiġifieri l-mod kif tintuża l-informazzjoni, għandha tiġi evalwata abbażi tad-dritt proċedurali nazzjonali.

26.      Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-valur probatorju, f’każ partikolari, tal-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru skont id-Direttiva 77/799 (7). Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali tista’ tiddetermina b’mod awtonomu jekk l-informazzjoni teżiġix li l-persuna taxxabbli tipproduċi prova kuntrarja u tista’ tiddeċiedi li din l-informazzjoni ma tistax tintuża peress li s-sorsi ma humiex indikati jew minħabba raġunijiet oħra. Madankollu, sa fejn is-suġġett tal-kawża jkun jikkonċerna attività tal-persuna taxxabbli protetta minn waħda mil-libertajiet fundamentali, il-qorti nazzjonali għandha tosserva l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (8).

27.      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li persuna taxxabbli tikkontesta, fi proċedura fiskali nazzjonali, l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta minn Stati Membri oħra skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799.

C –    Fuq l-ewwel domanda preliminari: id-drittijiet proċedurali tal-persuna taxxabbli fl-Istat Membru li jagħmel it-talba

28.      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi eżaminat sa fejn id-dritt tal-Unjoni jinkludi dikjarazzjonijiet dwar id-drittijiet proċedurali ta’ persuna taxxabbli fir-rigward tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti tagħha, meta din tal-aħħar titlob lil Stat Membru ieħor informazzjoni abbażi tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799. Din id-domanda tikkonċerna kemm il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprovdix huwa stess drittijiet proċedurali partikolari (ara t-taqsima 1 iktar ’il quddiem), kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix drittijiet proċedurali nazzjonali (ara t-taqsima 2 iktar ’il quddiem).

1.      Id-dritt tal-Unjoni jikkonferixxi drittijiet proċedurali?

29.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, persuna taxxabbli għandhiex tiġi informata minn qabel mill-amministrazzjoni fiskali kompetenti tagħha bit-talba għal informazzjoni u jekk għandhiex dritt tipparteċipa fit-tfassil ta’ tali talba.

a)      Id-Direttiva 77/799

30.      Għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li d-Direttiva 77/799 ma tipprovdix dritt ta’ dan it-tip għall-persuna taxxabbli. Id-Direttiva ma tinkludi ebda dritt għall-persuna taxxabbli (9), iżda tirregola biss id-drittijiet u l-obbligi tal-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri (10).

b)      Il-Karta

31.      Il-qorti tar-rinviju tqajjem madankollu l-kwistjoni dwar jekk il-persuna taxxabbli tibbenefikax minn tali drittijiet proċedurali taħt l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. Skont din id-dispożizzjoni, kull persuna għandha dritt għal smigħ qabel ma tittieħed miżura individwali fir-rigward tagħha li taffettwaha sfavorevolment.

32.      Tista’ ssir kontestazzjoni kontra l-applikazzjoni tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta għall-kawża preżenti qabelxejn peress li, skont il-kliem tagħha, din id-dispożizzjoni – kif osservat ukoll il-Kummissjoni – b’ebda mod ma hija indirizzata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri (11). Din id-dispożizzjoni torbot biss lill-korpi, lill-istituzzjonijiet u lill-organi tal-Unjoni.

33.      Ma huwiex neċessarju hawnhekk li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk is-sentenza reċenti M. għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jorbot xorta waħda lill-awtoritajiet tal-Istati Membri (12).

34.      Fil-fatt, indipendentement minn jekk l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta japplikax għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija limitata wkoll ratione temporis: il-Karta saret legalment vinkolanti bis-saħħa tal-adozzjoni tal-Artikolu 6(1) TEU, kif emendat bit-Trattat ta’ Lisbona, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. It-talbiet għal informazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti madankollu tfasslu u ġew eżaminati qabel din id-data, peress li l-avviż ta’ impożizzjoni ta’ taxxa kkontestat fil-kawża prinċipali nħareġ fit-28 ta’ Mejju 2009.

35.      Għaldaqstant, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli ma tista’ tinvoka ebda dritt proċedurali fuq il-bażi tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

c)      Il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

36.      Madankollu, id-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-proċedura fil-kawża prinċipali jinkludi wkoll il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża (13). Wieħed mid-drittijiet li jifforma parti minn dawn id-drittijiet huwa d-dritt għal smigħ (14). Minn dan id-dritt, il-persuna taxxabbli tista’ tinvoka d-drittijiet proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

i)      Applikabbiltà tal-prinċipju ġenerali tad-dritt

37.      L-ewwel nett, din l-applikabbiltà tippreżumi li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru hija marbuta bil-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’sitwazzjoni fejn tindirizza lil Stat Membru ieħor talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799.

38.      L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom josservaw dan il-prinċipju, bħad-drittijiet fundamentali kollha tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, meta jadottaw deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (15). Fis-sentenza Åkerberg Fransson, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonstatat li l-ġurisprudenza stabbilita dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji ġenerali issa hija kkonfermata bl-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (16). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 51(1) tal-Karta sempliċement ikkodifika l-kundizzjonijiet li dejjem irregolaw l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja unifikat il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali.

39.      Huwa għal dan il-għan li nqis li huwa neċessarju, sabiex tiġi kkjarifikata l-applikabbiltà tal-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li fil-kawża ineżami ssir ukoll referenza, kif ipproponiet ukoll il-Kummissjoni, għall-Artikolu 51(1) tal-Karta. Skont din id-dispożizzjoni, il-Karta tapplika għall-Istati Membri biss meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

40.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Istati Membri ma jimplementawx id-dritt tal-Unjoni meta jitolbu informazzjoni mingħand Stat Membru ieħor abbażi tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799. Fil-fatt, id-Direttiva 77/799 ma tipprovdi ebda obbligu għall-Istati Membri li jitolbu tali informazzjoni. Dan huwa sempliċement stadju fakultattiv tal-proċedura fil-kuntest tal-istima tat-taxxa li, min-naħa tagħha, hija bbażata biss fuq id-dritt nazzjonali.

41.      Huwa ċertament minnu li d-Direttiva 77/799 ma tinkludi ebda obbligu għall-Istati Membri li jitolbu informazzjoni mingħand Stat Membru ieħor (17). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Åkerberg Fransson, ippreżumiet l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni abbażi tal-obbligi eżistenti imposti fuq l-Istati Membri bid-dritt tal-Unjoni (18).

42.      Madankollu, ma huwiex konvinċenti li wieħed jippreżumi l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta biss meta l-Istati Membri jwettqu obbligu li huma għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni. L-Istati Membri jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni anki fil-każ li jeżerċitaw dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni, bħal fil-każ tad-Direttiva 77/799. Permezz tat-talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 2, din id-direttiva toffri lill-Istati Membri proċedura li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u li permezz tagħha dawn tal-aħħar jistgħu jiksbu informazzjoni mingħand Stat Membru ieħor li tkun rilevanti fir-rigward tat-taxxa. Jekk Stat Membru jirrikorri għal din il-proċedura tad-dritt tal-Unjoni, huwa jkun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni wkoll.

43.      Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tkun timplika differenza bejn l-applikabbiltà tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u tal-Karta skont jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix obbligi fuq Stat Membru jew jikkonferixxix drittijiet fuq Stat Membru. Madankollu, il-punt deċisiv huwa dak dwar jekk l-azzjoni ta’ Stat Membru tkunx jew le bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni. Jekk Stat Membru jaġixxi abbażi tad-dritt tal-Unjoni, huwa jkun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni wkoll, anki jekk ma jkun suġġett għal ebda obbligu taħt tali dritt.

44.      Peress li, f’dan il-każ, l-amministrazzjoni fiskali Ċeka rrikorriet għad-Direttiva 77/799, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta hijiex ibbażata fuq motivi oħra. F’dan ir-rigward, l-opinjoni tal-Kummissjoni, fis-sens li l-istima tat-taxxa fuq id-dħul b’ebda mod ma tikkostitwixxi implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex nieqsa minn dubji. Fil-fatt, sa fejn, fil-kuntest tad-dikjarazzjoni fiskali dwar l-ispejjeż tiegħu marbuta mar-riċerka ta’ impjieg mal-klabbs tal-futbol ta’ Stati Membri oħra, J. Sabou kien jibbenefika mill-protezzjoni li tirriżulta mill-moviment liberu tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 39 KE jew mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE, l-amministrazzjoni fiskali Ċeka setgħet ukoll tapplika d-dritt tal-Unjoni.

45.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx l-użu tad-Direttiva 77/799 mill-Istat Membru li jagħmel it-talba bħala implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija jkollha sussegwentement teżamina jekk il-modalitajiet tal-ġbir tat-taxxa f’każijiet transkonfinali, bħal dak ta’ J. Sabou, jikkostitwixxux restrizzjoni għal libertà fundamentali u jekk, f’tali każ, Stat Membru jimplementax id-dritt tal-Unjoni peress li għandu, f’dan ir-rigward, josserva l-obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni (19).

46.      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża meta jitolbu informazzjoni mingħand Stat Membru ieħor abbażi tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799.

ii)    Kundizzjonijiet li jirregolaw id-dritt għal smigħ

47.      Kieku l-amministrazzjoni fiskali Ċeka kienet bħala prinċipju marbuta tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża mogħtija lil J. Sabou mid-dritt tal-Unjoni fil-każ preżenti, tqum kwistjoni oħra dwar jekk il-persuna taxxabbli tgawdix dritt għal smigħ speċifikament fir-rigward tad-deċiżjoni minn awtorità ta’ Stat Membru li titlob informazzjoni mingħand Stat Membru ieħor.

48.      Fil-fatt, dan id-dritt għal smigħ jiggarantixxi biss lid-destinatarji ta’ ċerti deciżjonijiet amministrattivi l-possibbiltà li jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha (20).

49.      L-ewwel nett, il-persuna taxxabbli ma hijiex id-destinatarju tad-deċiżjoni li ssir talba għal informazzjoni mingħand Stat Membru. Huwa minnu li t-talba għal informazzjoni tikkontribwixxi għall-preparazzjoni tad-deċiżjoni li għandha tiġi indirizzata lill-persuna taxxabbli, jiġifieri l-istima tat-taxxa fuq id-dħul. Madankollu, it-talba nfisha hija indirizzata lill-Istat Membru mitlub biss.

50.      Madankollu, dritt għal smigħ jista’ japplika wkoll f’ċerti każijiet fir-rigward ta’ persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni. Id-dritt tal-Unjoni jagħti eżempju ta’ dan fl-Artikolu 108(2) TFUE, billi jipprovdi li l-persuni kollha li huma potenzjalment affettwati minn deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat meħuda mill-Kummissjoni għandhom jinstemgħu mill-Kummissjoni minkejja li d-destinatarju waħdieni ta’ din id-deċiżjoni huwa l-Istat Membru kkonċernat (21). Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li d-deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tista’ taffettwa wkoll l-interessi ta’ persuni oħra għajr id-destinatarji, pereżempju dawk tal-benefiċjarji tal-għajnuna. Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza tad-dritt għal smigħ tiddependi wkoll fl-aħħar mill-aħħar mill-effetti li tipproduċi deċiżjoni għall-persuna kkonċernata (22).

51.      Dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ta’ deċiżjoni jikkorrispondi għall-kundizzjoni l-oħra stabbilita mill-ġurisprudenza, jiġifieri li dritt għal smigħ ma japplikax għad-deċiżjonijiet kollha ta’ awtorità, iżda biss għal dawk ta’ natura oneruża (23). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal atti “li jikkawżaw preġudizzju” (24) jew għal deċiżjonijiet li “jaffettwaw b’mod sinjifikanti” l-“interessi” ta’ persuna (25).

52.      Il-qorti tar-rinviju tosserva korrettament li, fil-każ ineżami, tqum il-kwistjoni dwar jekk talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799 tikkostitwixxix tali deċiżjoni. Fil-fatt, tali talba għandha biss effetti ġuridiċi diretti fir-rigward tal-Istat Membru mitlub, li huwa marbut jagħti tweġiba (26). Kif diġà ntqal (27), id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix li l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali hija marbuta bl-informazzjoni kkomunikata, b’tali mod li, anki f’dan ir-rigward, ma jkun hemm ebda effetti ġuridiċi diretti fuq il-persuna taxxabbli.

53.      L-investigazzjonijiet imwettqa mill-Istat Membru mitlub jistgħu, madankollu, jidentifikaw provi li jinfluwenzaw de facto l-istima tat-taxxa nazzjonali fuq id-dħul, sa fejn jistgħu jikkonfermaw jew jinnegaw id-dikjarazzjonijiet tal-persuna taxxabbli. Għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799 jista’ jkollha effetti ġuridiċi indiretti fuq il-persuna taxxabbli u, għalhekk, tista’ tkun oneruża fir-rigward tagħha. Barra minn hekk, din tista’ wkoll effettivament tikkawżalha preġudizzju jekk, pereżempju, ir-reputazzjoni tagħha mal-persuni interrogati tbati minħabba l-investigazzjonijiet.

54.      Is-sorsi ġuridiċi ordinarji tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprovdu ebda sostenn għad-determinazzjoni ta’ jekk tali effetti humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw dritt għal smigħ fir-rigward tal-persuna taxxabbli. F’dan is-sens, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, fl-Artikolu 6 tagħha, tipprevedi biss dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji jew kważi ġudizzjarji, iżda mhux fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva (28). Bl-istess mod, it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri jinkludu dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva biss f’każijiet singolari u biss reċentement (29).

55.      Konsegwentement, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imħaddna mid-dritt għal smigħ. Kif sostna reċentement l-Avukat Ġenerali Bot, id-dritt għal smigħ għandu żewġ għanijiet: il-preparazzjoni ta’ deċiżjoni fondata u l-protezzjoni tal-persuna kkonċernata (30).

56.      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni dwar talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799 ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni waħedha. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tirrappreżenta miżura ta’ investigazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li twassal għal avviż ta’ impożizzjoni ta’ taxxa. B’dan il-mod, tali deċiżjoni tikkontribwixxi għall-preparazzjoni ta’ deċiżjoni li għandha effetti ġuridiċi deċiżivi fuq il-persuna taxxabbli. Il-ġurisprudenza tirrikonoxxi bħala prinċipju li, fir-rigward tad-dritt għal smigħ, għandha ssir distinzjoni bejn tali miżuri ta’ investigazzjoni u d-deċiżjonijiet li jittieħdu fi tmiem proċedura (31).

57.      L-għan ta’ tali distinzjoni huwa evidenti. Kieku l-persuna kkonċernata jkollha dritt għal smigħ qabel kwalunkwe miżura ta’ investigazzjoni meħuda minn awtorità, l-oneru li jirriżulta jkun jostakola l-preparazzjoni ta’ deċiżjoni fondata mingħajr ma jżid b’mod sinjifikattiv il-protezzjoni tal-persuna kkonċernata. Tali protezzjoni hija, bħala regola, iggarantita b’mod xieraq mill-fatt li l-persuna kkonċernata tinstema’ qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni fi tmiem il-proċedura amministrattiva.

58.      Minkejja li ma nixtieqx neskludi l-eżistenza ta’ miżuri ta’ investigazzjoni li jkunu tant onerużi fihom infushom li l-protezzjoni tal-persuna kkonċernata teżiġi dritt għal smigħ, din ma hijiex is-sitwazzjoni fil-kawża preżenti.

59.      Kif diġà spjegajt f’okkażjonijiet oħra, talbiet għal informazzjoni skont id-Direttiva 77/799 huma essenzjalment intiżi li jivverifikaw l-indikazzjonijiet u l-provi pprovduti mill-persuna taxxabbli (32). Fil-każ preżenti wkoll, l-amministrazzjoni fiskali Ċeka riedet tivverifika d-dikjarazzjonijiet li l-persuna taxxabbli stess kienet għamlet preċedentement fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. F’tali każijiet, il-protezzjoni tal-persuna kkonċernata ma teżiġix li hija tinstema’ fir-rigward tal-miżura ta’ investigazzjoni. Minn naħa, din tal-aħħar tkun diġà tat il-fehma tagħha permezz tad-dikjarazzjonijiet tagħha stess u, min-naħa l-oħra, konsegwenzi negattivi fattwali tal-investigazzjonijiet jistgħu jiġu attribwiti prinċipalment lid-dikjarazzjonijiet żbaljati tagħha stess. Barra minn hekk, kif diġà ntqal (33), id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li persuna taxxabbli tikkontesta l-informazzjoni kkomunikata fil-kuntest tal-proċedura fiskali nazzjonali; hija għalhekk tingħata possibbiltà ġdida li tevoka l-fehma tagħha.

60.      Għalhekk, għalkemm dritt għal smigħ ma jeżistix fil-każ ta’ talba għal informazzjoni, għandu madankollu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri huma fi kwalunkwe każ marbuta bil-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni inkwantu jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward. Fil-każ ta’ deċiżjoni li tipprevedi li ssir talba għal informazzjoni lil Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799, l-awtorità fiskali nazzjonali għandha għalhekk tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali l-oħra tal-persuna taxxabbli.

61.      Fil-każ li, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza ta’ dritt għal smigħ fil-każ preżenti, għandu jsir riferiment għall-bilanċ li għandu jintlaħaq f’każ partikolari. F’dan is-sens, l-Avukat Ġenerali Warner irrikonoxxa l-eżistenza ta’ eċċezzjoni għad-dritt għal smigħ “meta l-għan tad-deċiżjoni jkun jew ikun jistà jiġi mminat jekk jingħata d-dritt” (34). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet din ir-restrizzjoni għad-dritt għal smigħ (35). F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża korrettament sostniet li l-komunikazzjoni minn qabel lill-persuna taxxabbli ta’ eventwali talba għal informazzjoni tista’ timmina l-valur tal-informazzjoni, pereżempju, peress li x-xhieda jistgħu jkunu influwenzati (36). Peress li t-talba għal informazzjoni hija intiża li tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-persuna taxxabbli, għandu għalhekk jiġi eżaminat f’kull każ individwali jekk il-komunikazzjoni minn qabel lill-persuna taxxabbli tistax tostakola dan l-għan.

d)      Konklużjoni intermedjarja

62.      Bħala konklużjoni, nikkonstata madankollu li, b’mod ġenerali, fir-rigward ta’ deċiżjoni mill-amministrazzjoni fiskali kompetenti fir-rigward ta’ persuna taxxabbli, li tindirizza, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799, talba għal informazzjoni lil Stat Membru ieħor, id-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxix lill-persuna taxxabbli dritt għal smigħ, minn tal-inqas meta t-talba tkun sempliċement intiża li tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-persuna taxxabbli stess. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix f’dan il-każ li persuna taxxabbli għandha tkun informata minn qabel, mill-amministrazzjoni fiskali kompetenti fir-rigward tagħha, b’tali talba għal informazzjoni u li din għandha tkun tista’ tipparteċipa fit-tfassil tagħha.

2.      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi drittijiet proċedurali?

63.      Għandu madankollu jiġi kkjarifikat, abbażi tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li d-dritt nazzjonali jikkonferixxi tali drittijiet proċedurali fuq il-persuna taxxabbli fir-rigward ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799.

64.      Ma hemm ebda projbizzjoni fid-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward. Kif sostnew ukoll ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Finlandja, id-drittijiet proċedurali tal-persuna taxxabbli jistgħu pjuttost, bħala prinċipju, jiġu ddeterminati bid-dritt nazzjonali peress li dawn ma humiex irregolati bid-Direttiva 77/799.

65.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari għandha tkun li huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-fatt li d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li jagħmel it-talba jirrikonoxxi lil persuna taxxabbli d-drittijiet proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

D –    Fuq it-tieni domanda preliminari: id-drittijiet proċedurali tal-persuna taxxabbli fl-Istat Membru mitlub

66.      It-tieni domanda preliminari tindirizza d-drittijiet proċedurali li tgawdi persuna taxxabbli fl-Istat Membru mitlub. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Istat Membru mitlub, fuq talba tal-Istat Membru li jagħmel it-talba, għandux jinnotifika lill-persuna taxxabbli bl-eżaminazzjoni tax-xhieda prevista u għandux jawtorizzaha tipparteċipa fl-eżaminazzjoni, kif ipprovdut fid-dritt proċedurali Ċek.

67.      Tali obbligu għall-Istat Membru mitlub ma jistax jiġi dedott direttament mid-Direttiva 77/799.

68.      Il-Kummissjoni toġġezzjona li l-Istat Membru mitlub għandu madankollu jiżgura li d-Direttiva 77/799 tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha. Konsegwentement, l-informazzjoni għandha tkun tista’ tintuża wkoll fl-Istat Membru li jagħmel it-talba. Fuq talba tal-Istat Membru li jagħmel it-talba, l-Istat Membru mitlub għandu għaldaqstant jinforma lill-persuna taxxabbli bl-eżaminazzjoni tax-xhieda, sakemm dan ma jkunx prekluż mid-dritt proċedurali tal-Istat Membru mitlub. Ir-Repubblika Ċeka evokat argumenti simili, billi siltet obbligu ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-Istat Membru mitlub mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE, fir-rigward tal-eżiġenzi proċedurali fl-Istat Membru li jagħmel it-talba.

69.      Din l-opinjoni hija korretta sa fejn l-Istat Membru mitlub għandu l-obbligu taħt id-Direttiva 77/799 li jipprovdi, sa fejn huwa possibbli, informazzjoni utli. Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni li “tista’” tippermettilhom iwettqu stima korretta tat-taxxi fuq id-dħul. Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni biss mill-perspettiva tal-Istat Membru li jagħmel it-talba fir-rigward tal-kwistjoni ta’ x’tip ta’ informazzjoni tista’ tintalab (37). Madankollu, minn din id-dispożizzjoni għandu jiġi dedott, fir-rigward tal-Istat Membru mitlub ukoll, li l-informazzjoni għandha tkun tista’ tippermetti l-istima tat-taxxa fuq id-dħul. Fil-fatt, dan huwa l-għan tal-informazzjoni, kif previst fl-Artikolu 1(1) u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/799. Għalhekk, sabiex l-informazzjoni tkun tista’ tippermetti l-istima tat-taxxa fuq id-dħul, hija għandha tkun tista’ tintuża wkoll fl-Istat Membru li jagħmel it-talba.

70.      Madankollu, dan l-obbligu għall-Istat Membru mitlub li jipprovdi informazzjoni adatta, li jirriżulta mid-Direttiva 77/799, għandu jiġi ssodisfatt biss bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra fid-Direttiva. Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(1) fir-rigward tal-proċedura li trid tiġi osservata mill-Istat Membru mitlub.

71.      Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799, l-Istat Membru mitlub ma huwiex meħtieġ iwettaq investigazzjonijiet meta dan huwa prekluż mil-leġiżlazzjoni jew mill-prassi amministrattiva tiegħu. Minn dan isegwi mhux biss li l-Istat Membru mitlub ma għandux jaġixxi kontra d-dritt proċedurali tiegħu stess, iżda li lanqas ma huwa meħtieġ li jinjora l-prassi amministrattiva tiegħu. Fid-dawl tal-fatt li din il-prassi għandha tkun ibbażata fuq id-dritt proċedurali applikabbli fl-Istat Membru mitlub, obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt proċedurali tal-Istat Membru li jagħmel it-talba li jidderoga mid-dritt proċedurali tal-Istat Membru mitlub ikun kuntrarju għall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799.

72.      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża korrettament sostniet li obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt proċedurali tal-Istat Membru li jagħmel it-talba imur kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 77/799. Skont din id-dispożizzjoni, sabiex tikseb l-informazzjoni mitluba, l-awtorità mitluba għandha tipproċedi bħallikieku qiegħda taġixxi f’isimha stess jew fuq talba ta’ awtorità fl-Istat Membru tagħha stess. Kif tindika wkoll il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/56/KE, li introduċiet din id-dispożizzjoni fid-Direttiva 77/799 (38), din id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex jiġi żgurat li japplika biss sett wieħed ta’ regoli għall-proċess tal-ġbir tal-informazzjoni. Konsegwentement, l-investigazzjonijiet magħmula mill-Istat Membru mitlub għandhom ikunu suġġetti biss għad-dritt nazzjonali proċedurali ta’ dan l-aħħar Stat Membru, li minnu jirriżultaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet.

73.      Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ obbligu fir-rigward tal-Istat Membru mitlub li jieħu inkunsiderazzjoni wkoll, sa fejn huwa possibbli, id-dritt proċedurali tal-Istat Membru li jagħmel it-talba jista’ jippreġudika l-għan tad-Direttiva 77/799. Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003 (39), il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud hija kkaratterizzata minn tardività sinjifikattiva fit-trażmissjoni tal-informazzjoni (40). Ir-raġuni prinċipali għal tali tardività tidher li hija li l-awtoritajiet mitluba ma jkunux qegħdin jinvestigaw każijiet tagħhom stess, premessa li tapplika wkoll għad-Direttiva 77/799. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Istat Membru mitlub kellu obbligu taħt din id-direttiva li jieħu inkunsiderazzjoni wkoll id-dritt proċedurali tal-Istat Membru li jagħmel it-talba, dan jirrendi iktar diffiċli t-trażmissjoni ta’ informazzjoni.

74.      Fl-aħħar nett, il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża lanqas ma jimplika obbligu fuq l-Istat Membru mitlub li jawtorizza lill-persuna taxxabbli tipparteċipa fl-eżaminazzjoni tax-xhieda. Huwa minnu li l-Istat Membru mitlub għandu josserva dan il-prinċipju fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tiegħu mwettqa fuq il-bażi ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799, peress li jkun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, fil-każ preżenti, dan il-prinċipju ma jeżiġix li persuna taxxabbli għandha tiġi informata bl-eżaminazzjoni tax-xhieda prevista jew li għandha tingħata l-possibbiltà tipparteċipa fl-eżaminazzjoni.

75.      Dan japplika b’mod partikolari għad-dritt għal smigħ imsemmi mill-qorti tar-rinviju. L-ewwel nett, l-eżistenza tad-dritt għal smigħ ma timplikax dritt ta’ parteċipazzjoni fl-eżaminazzjoni tax-xhieda. Dan id-dritt ma jservix sabiex jiġu ssorveljati l-investigazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni, iżda sabiex il-persuna kkonċernata tingħata opportunità tagħti l-fehma tagħha. It-tieni nett, persuna taxxabbli ma għandhiex dritt għal smigħ fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru mitlub. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar it-talba għal informazzjoni (41), li japplikaw a fortiori anki għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni nfisha.

76.      Iktar minn hekk, il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża lanqas ma jippermetti li jiġi dedott dritt għall-persuna taxxabbli li tipparteċipa fl-eżaminazzjoni tax-xhieda fi proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, huwa sinjifikattiv li l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tipprevedi, fl-Artikolu 6(3)(d) tagħha, dritt li jiġu eżaminati xhieda biss għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri penali.

77.      Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni la jipprevedi obbligu għall-Istat Membru mitlub li jinforma minn qabel lil persuna taxxabbli bl-eżaminazzjoni tax-xhieda fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet imwettqa abbażi ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799 u lanqas ma jipprevedi obbligu li dan l-Istat Membru jagħti lil persuna taxxabbli d-dritt li tipparteċipa f’tali eżaminazzjoni.

E –    L-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari: il-kontenut tal-informazzjoni

78.      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, jonqos li jiġi kkjarifikat jekk, waqt it-trażmissjoni tal-informazzjoni, l-Istat Membru mitlub huwiex marbut jagħti tweġiba b’kontenut minimu b’mod li jkunu jistgħu jiġu identifikati s-sorsi u l-mod kif l-amministrazzjoni fiskali mitluba tkun kisbet l-informazzjoni trażmessa.

79.      Id-Direttiva 77/799 ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-kontenut formali ta’ informazzjoni trażmessa skont l-Artikolu 2 tagħha. Madankollu, skont id-Direttiva 77/799, l-Istat Membru mitlub huwa marbut jipprovdi, sa fejn huwa possibbli, informazzjoni utli (42).

80.      Sabiex l-informazzjoni tkun tista’ tippermetti l-istima tat-taxxa fuq id-dħul fl-Istat Membru li jagħmel it-talba, għandhom jiġu pprovduti wkoll dikjarazzjonijiet suffiċjenti dwar l-investigazzjonijiet imwettqa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 77/799, li fuqhom ikunu bbażati l-konstatazzjonijiet tal-informazzjoni. Is-sempliċi trażmissjoni tal-konstatazzjonijiet ma hijiex suffiċjenti, bħala prinċipju, peress li l-valur probatorju ta’ tali informazzjoni jkun ġeneralment ferm limitat.

81.      Obbligu fuq l-Istat Membru mitlub li jindika s-sorsi tal-informazzjoni lanqas ma huwa prekluż mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. B’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799, imsemmija iktar ’il fuq (43), jikkonċernaw biss l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet u l-possibbiltà ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni, iżda mhux il-kontenut tagħha.

82.      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari għandha tkun li bħala prinċipju huwa l-Istat Membru mitlub li għandu, skont l-Artikoli 1(1) u 2 tad-Direttiva 77/799, jipprovdi informazzjoni wkoll dwar l-investigazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-konstatazzjonijiet trażmessi.

V –    Konklużjoni

83.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula min-Nejvyšší správní soud:

1)      Id-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxix lil persuna taxxabbli dritt li tiġi informata minn qabel bid-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti fir-rigward tagħha li tindirizza, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799, talba għal informazzjoni lil Stat Membru ieħor, jew dritt li tipparteċipa fit-tfassil tat-talba għal informazzjoni, minn tal-inqas meta t-talba tkun intiża biss li tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-persuna taxxabbli stess. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix ir-rikonoxximent ta’ tali drittijiet fid-dritt nazzjonali.

2)      Id-dritt tal-Unjoni la jipprevedi obbligu għall-Istat Membru mitlub li jinforma minn qabel lil persuna taxxabbli bl-eżaminazzjoni tax-xhieda fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet imwettqa abbażi ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799 u lanqas l-obbligu li jagħti lil persuna taxxabbli d-dritt li tipparteċipa f’tali eżaminazzjoni.

3)      Bħala prinċipju, huwa l-Istat Membru mitlub li għandu, skont l-Artikoli 1(1) u 2 tad-Direttiva 77/799, jipprovdi informazzjoni wkoll dwar l-investigazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-konstatazzjonijiet trażmessi.

4)      Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li, fi proċedura fiskali nazzjonali, persuna taxxabbli tikkontesta l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta minn Stati Membri oħra skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums tal-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), emendata bid-Direttivi 79/1070/KEE tas-6 ta’ Diċembru 1979 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 77), 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179), 2003/93/KE tas-7 ta’ Ottubru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 403), 2004/56/KE tal-21 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 13), 2004/106/KE tas-16 ta’ Novembru 2004 (ĠU L 333M, p. 266; rettifika fil-ĠU L51M, 24.02.2009, p. 90) u 2006/98/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 757).


3 – Ara l-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, p. 1).


4 – Liġi Nru 253/2000 dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fl-amministrazzjoni tat-taxxa u li temenda l-Liġi Nru 531/1990 tal-Ġabra dwar l-awtoritajiet finanzjarji territorjali.


5 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et (C-84/11, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


6 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International (C-184/05, Ġabra p. I-7897, punt 37).


7 – Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Diċembru 2012, BONIK (C-285/11, punt 32), dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud.


8 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et (C-262/09, Ġabra p. I-5669, punt 55).


9 – Ara s-sentenza Twoh International (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 31).


10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, Ġabra p. I-11531, punt 61).


11 – Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C-482/10, Ġabra p. I-14139, punt 28), fir-rigward tal-Artikolu 41(2)(c).


12 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Novembru 2012, M.M. (C-277/11, punti 83 sa 89).


13 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Frar 1992, Il-Pajjiżi l-Baxxi et vs Il-Kummissjoni (C-48/90 u C-66/90, Ġabra p. I-565, punt 44); tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21); tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C-349/07, Ġabra p. I-10369, punt 36); tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C-110/10 P, Ġabra p. I-10439, punt 47) u M. (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 81).


14 – Sentenza M. (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 82); dwar ir-rikonoxximent tad-dritt għal smigħ, ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Lulju 1963, Alvis vs Il-Kunsill (32/62, Ġabra p. 109, paġna 123); tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461, punt 9); sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (234/84, Ġabra p. 2263, punt 27) u Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 21 u 31 et seq).


15 – Ara s-sentenzi Sopropé (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 38) u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C-617/10, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Sentenza Åkerberg Fransson (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 17 et seq).


17 – Ara, inter alia, is-sentenzi Twoh International (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 32); tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche (C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 65) u tal-15 ta’ Settembru 2011, Accor (C-310/09, Ġabra p. I-8115, punt 98).


18 – Ara s-sentenza Åkerberg Fransson (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 24 sa 27).


19 – Ir-referenza li saret fis-sentenza Åkerberg Fransson (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 19) għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 43) timmilita favur dan; kuntrarjament, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, punt 180), minkejja l-obbligi li jirriżultaw mit-tieni sentenza tal-Artikolu 125(1) TFUE (ara l-punt 136), ma ġiex kkunsidrat li kien hemm implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


20 – Sentenza Sopropé (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 37); ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 21); tad-9 ta’ Lulju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-287/02, Ġabra p. I-5093, punt 37) u M. (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 87).


21 – Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339); ara wkoll, qabel l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni (323/82, Ġabra p. 3809, punti 16 et seq).


22 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 22 et seq).


23 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet fundamentali ppreżentati fid-19 ta’ Settembru 1974 mill-Avukat Ġenerali Warner fil-Kawża 17/74 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint Association vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, paġna 1090).


24 – Ara, inter alia, is-sentenzi Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 27); Il-Pajjiżi l-Baxxi et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 44); tad-29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il-Kummissjoni (C-135/92, Ġabra p. I-2885, punt 39); Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 21); tat-12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani (C-395/00, Ġabra p. I-11877, punt 51) u Spanja vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 37).


25 – Sentenzi Sopropé (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 37); Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 21) u Spanja vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 37); fl-istess sens, ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint Association vs Il-Kummissjoni (17/74, Ġabra p. 1063, punt 15).


26 – Rigward l-obbligu tal-Istat Membru mitlub, ara l-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2005 fil-Kawża C-533/03 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Jannar 2006, Ġabra p. I-1025).


27 –      Ara l-punti 21 et seq iktar ’il fuq.


28 –      Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 70).


29 – Ara Kai-Dieter Classen, Gute Verwaltung im Recht der Europäischen Union, 2008, paġni 177 et seq.


30 – Ara l-punti 35 et seq tal-konklużjonijiet ippreżentati fis-26 ta’ April 2012 mill-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża C-277/11 (sentenza M, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12).


31 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Lulju 1972, ACNA vs Il-Kummissjoni (57/69, Ġabra p. 933, punti 12 sa 14) u tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni (136/79, Ġabra p. 2033, punt 21).


32 – Ara l-punt 23 tal-konklużjonijiet ippreżentati fil-11 ta’ Jannar 2007 fil-Kawża C-184/05 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International, C-184/05, Ġabra p. I-7897).


33 –      Ara l-punti 21 et seq iktar ’il fuq.


34 – Ara l-konklużjonijiet ippreżentati fit-30 ta’ April 1980 mill-Avukat Ġenerali Warner fil-Kawża 136/79 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033 sa 2069).


35 –      Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punti 336 et seq).


36 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-espressjoni “riskju li tipperikola l-ksib tar-riżultat li tkun qed tfittex” li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/799.


37 – Ara s-sentenza Persche (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 62).


38 – Ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/56/KE, tal-21 ta’ April 2004, li temenda d-Direttiva 77/799/KEE dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ċerti dazji tad-dwana u t-taxxi fuq premiums tal-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 13).


39 –      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 392).


40 – Rapport Speċjali Nru 8/2007 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni (ĠU 2008, C 20, p. 1 sa 5, Punt V(b) u (c)).


41 –      Ara l-punti 56 et seq iktar ’il fuq.


42 – Ara l-punt 69 iktar ’il fuq.


43 – Ara l-punti 70 et seq iktar ’il fuq.