Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2014 (1)

Kawża C-605/12

Welmory sp z.o.o.

vs

Dyrektor Izby Skarbowej w Gdańsku

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja)]

“Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-valur miżjud — Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE fil-verżjoni tad-Direttiva 2008/8/KE — Kunċett ta’ ‘stabbiliment fiss’ tal-persuna li tirċievi servizzi”





1.        Għal darba oħra talba għal deċiżjoni preliminari dwar it-taxxa fuq il-valur tikkonċerna l-kwistjoni dwar il-post fejn servizz għandu jitqies li ġie pprovdut. Dan il-fatt ma huwiex sorprendenti, għaliex it-tilwima dwar il-post fejn jiġi pprovdut servizz dejjem tkun ukoll tilwima dwar liema Stat Membru jkollu s-setgħa tat-tassazzjoni.

2.        F’dan il-każ, tinsab inkwistjoni s-setgħa tat-tassazzjoni fir-rigward ta’ struttura kummerċjali kkumplikata ħafna fil-qasam tal-kummerċ elettroniku. Din l-istruttura kummerċjali fil-Polonja hija operata b’mod konġunt minn kumpannija Pollakka u minn kumpannija Ċiprijotta. F’dan ir-rigward, fil-kawża prinċipali, qamet il-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija Ċiprijotta fil-Polonja għandhiex stabbiliment fiss fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”). Fil-fatt, minn dan jiddependi jekk ċerti servizzi tal-kumpannija Pollakka humiex suġġetti għall-VAT fil-Polonja jew f’Ċipru.

3.        Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja f’xi każijiet diġà esprimiet il-fehma tagħha dwar is-sitwazzjoni meta persuna taxxabbli jkollha stabbiliment fiss fi Stat Membru ieħor differenti minn dak fejn tkun stabbilixxiet is-sede tagħha (2). Madankollu l-kummerċ elettroniku sa issa qatt ma kien suġġett tal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, fil-kawża preżenti għall-ewwel darba wara l-emenda tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-post tal-provvista permezz tad-Direttiva 2008/8/KE (3) għandha tiġi ċċarata l-kwistjoni f’liema ċirkustanzi jkun qed jingħata servizz lil u mhux minn stabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli.

I –    Il-kuntest ġuridiku

4.        Il-ġbir tal-VAT fl-Unjoni huwa rregolat permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (4) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva tal-VAT”). L-Artikoli 43 et seq jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-post tal-provvista ta’ servizzi. Sussegwentement dan jiffoka fuq il-kwistjoni dwar f’liema Stat Membru servizz ikun suġġett għall-VAT.

5.        Dawn id-dispożizzjonijiet ġew irriformati b’mod estensiv permezz tad-Direttiva 2008/8/KE, b’effett mill-2009. Din id-direttiva, fl-ewwel sentenza tat-tielet premessa tinkludi d-dikjarazzjoni segwenti:

“Għall-forniment kollu tas-servizzi l-post tat-tassazzjoni għandu, fil-prinċipju, ikun il-post fejn iseħħ tabilħaqq il-konsum.”

6.        Għalhekk, l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT issa jinkludi r-regola bażika segwenti għad-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi fil-każ ta’ servizzi li d-destinatarju tagħhom ikun persuna taxxabbli:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jkun jinsab f’post ieħor differenti mill-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawn is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab l-istabbiliment fiss. […]”

7.        Skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, il-VAT għandha titħallas minn “persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ […] servizzi”. L-Artikolu 196 tad-Direttiva tal-VAT fil-verżjoni tad-Direttiva 2008/8/KE madankollu jmur lil hinn minn din ir-regola bażika, sa fejn il-post tal-provvista tas-servizzi huwa stabbilit skont l-Artikolu 44 iċċitat iktar ’il fuq:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli […] li lilha jiġu fornuti s-servizzi previsti fl-Artikolu 44, jekk s-servizzi jiġu fornuti minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju ta’ l-Istat Membru.”

8.        L-ordinament ġuridiku Pollakk implementa l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT permezz tal-Artikolu 28b tal-Ustawa o podatku od towarów i usług tal-11 ta’ Marzu 2004.

II – Il-kawża prinċipali

9.        Il-kawża prinċipali tikkonċerna d-dejn tal-VAT tal-kumpannija Pollakka Welmory sp z.o.o. (iktar ’il quddiem: “Welmory”) għax-xhur ta’ Jannar sa April 2010.

10.      Welmory kienet ikkonkludiet ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ kumpannija Ċiprijotta, Welmory Limited. Sussegwentement, il-kumpannija Ċiprijotta kellha topera sit tal-internet bil-lingwa Pollakka, fejn isir bejgħ bl-irkant. F’dan is-sit tal-internet, Welmory kellha toffri u tixtri prodotti għall-bejgħ bl-irkant f’isimha stess.

11.      Ix-xiri fl-irkant ta’ dawn il-prodotti madankollu kien possibbli biss meta l-klijenti preċedentement ikunu xtraw id-drittijiet għall-preżentazzjoni ta’ offerta mingħand il-kumpannija Ċiprijotta. Din l-istruttura kummerċjali wasslet sabiex il-bejgħ ta’ prodott jiġi ffatturat b’żewġ modi: Minn naħa, Welmory daħħlet il-prezz tal-bejgħ, li minkejja dan kien b’mod regolari taħt il-valur tas-suq tal-prodott, u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija Ċiprijotta għamlet il-qligħ mill-bejgħ tad-drittijiet tal-preżentazzjoni tal-offerti.

12.      Biex tħaddem is-sit tal-internet, il-kumpannija Ċiprijotta qabbdet ħaddiema li ma kinux impjegati magħha u, għal dan l-għan, għamlet użu mir-riżorsi tekniċi ta’ Welmory. F’April 2010, il-kumpannija Ċiprijotta akkwistat ukoll l-ishma kollha f’Welmory.

13.      Abbażi tal-ftehim ta’ kooperazzjoni, Welmory irċeviet kumpens mingħand il-kumpannija Ċiprijotta għall-provvista tas-servizz tal-bejgħ ta’ prodotti u s-servizzi relatati miegħu, bħar-reklamar. Għal dan l-iskop Welmory ma ħallset l-ebda VAT peress li, fil-fehma tagħha, id-destinatarja tas-servizzi, jiġifieri l-kumpannija Ċiprijotta, għandha tħallas it-taxxa fis-sede tagħha f’Ċipru.

14.      L-awtorità fiskali Pollakka madankollu hija tal-fehma li s-servizzi ta’ Welmory għandhom jiġu ntaxxati fil-Polonja. Dan peress li l-kumpannija Ċiprijotta għandha stabbiliment fiss fil-Polonja, li għalih twettqu s-servizzi.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Naczelny Sąd Administracyjny, li issa hija adita bil-kawża, qiegħda tagħmel, għaldaqstant, id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267(3) TFUE:

Għall-finijiet tal-intaxxar tal-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-kumpannija A, li s-sede tagħha huwa stabbilit fil-Polonja, lill-kumpannija B, li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Europa, l-istabbiliment fiss fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud huwa fejn tinsab is-sede tal-kumpannija A, meta l-kumpannija B teżerċita attività ekonomika billi tuża l-infrastruttura tal-kumpannija A?

16.      Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta, minbarra dawn imsemmija, ipparteċipa wkoll id-Direttur tal-Finanzi ta’ Gdańsk, il-konvenut fil-kawża prinċipali.

IV – L-analiżi ġuridika

17.      Bid-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk, f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, għandux jiġi aċċettat li s-servizzi fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT ikunu ġew ipprovduti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli.

18.      Il-kuntest tal-kawża prinċipali b’dan il-mod huwa kkaratterizzat b’mod partikolari mill-fatt li l-kumpannija Ċiprijotta tuża, sabiex topera s-sit tal-internet abbażi tal-ftehim ta’ kooperazzjoni li kkonkludiet ma’ Welmory, persunal u tagħmir li ma humiex tagħha, iżda huma — tal-inqas parzjalment — ta’ Welmory. Dan il-persunal u tagħmir jikkostitwixxu għalhekk stabbiliment fiss tal-kumpannija Ċiprijotta fil-Polonja li għalih Welmory, min-naħa tagħha, tipprovdi s-servizzi tagħha abbażi tal-ftehim ta’ kooperazzjoni?

19.      Ser nittratta r-risposta għal din id-domanda f’diversi stadji. L-ewwel nett, se nistabbilixxi l-prinċipji għal interpretazzjoni tal-kunċett ta’ stabbiliment fiss permezz ta’ analiżi tas-sistema regolatorja (fil-Parti A). Sussegwentement, se tiġi eżaminata l-ġurisprudenza eżistenti dwar dan il-kunċett fid-dispożizzjonijiet preċedenti (fil-Parti B) kif ukoll l-applikabbiltà tiegħu għar-regoli emendati dwar il-post (fil-Parti C). Ladarba jkunu ġew applikati l-parametri miksuba b’dan il-mod għall-kuntest tal-kawża prinċipali (fil-Parti D), ikun finalment meħtieġ li jsir riferiment għal aspett ieħor, possibbilment deċiżiv, fir-rigward tat-trattament għall-finijiet tal-VAT tal-każ ineżami (fil-Parti E).

A –    Dwar is-sistema li tirregola d-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi

20.      Biex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk id-destinatarju taxxabbli ta’ servizzi, li f’dan il-każ hija l-kumpannija Ċiprijotta, għandux stabbiliment fiss fit-territorju nazzjonali, l-ewwel nett għandu jiġi deċiż lil liema Stat Membru hija dovuta l-VAT għal dawn is-servizzi. Dan għaliex il-post fejn għandhom jiġu ntaxxati s-servizzi, skont l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, huwa bbażat fuq il-post fejn id-destinatarju taxxabbli tas-servizzi jkun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss. Jekk, fil-kawża prinċipali, il-kumpannija Ċiprijotta għandha wkoll stabbiliment fiss fil-Polonja, il-VAT għandha titħallas lir-Repubblika tal-Polonja; altrimenti, it-taxxa għandha titħallas lir-Repubblika ta’ Ċipru, fejn tinsab is-sede tal-kumpannija Ċiprijotta.

21.      Barra minn hekk din id-domanda hija wkoll kruċjali għall-obbligi ta’ fornitur tas-servizzi bħal Welmory. Il-kwistjoni jekk il-fornitur tas-servizzi għandux iħallas il-VAT tiddependi minn jekk l-imsieħeb kuntrattwali taxxabbli tiegħu jkunx ibbażat fit-territorju nazzjonali minħabba stabbiliment fiss jew le. Jekk, f’dan il-każ, il-kumpannija Ċiprijotta ma għandha l-ebda stabbiliment fiss fil-Polonja, is-servizzi skont l-Artikolu 196 u l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu ntaxxati mill-kumpannija Ċiprijotta nnifisha f’Ċipru. Madankollu, jekk il-kumpannija Ċiprijotta għandha stabbiliment fiss fil-Polonja, għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, Welmory ikollha tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud fil-Polonja.

22.      Wara din is-sistema regolatorja hemm żewġ ideat: it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u l-prevenzjoni ta’ piżijiet amministrattivi mhux xierqa għall-persuni taxxabbli. Iż-żewġ aspetti jeħtieġu li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali permezz ta’ kriterji oġġettivi prevedibbli għad-determinazzjoni tal-istabbiliment fiss skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT.

1.      It-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri

23.      Permezz tad-determinazzjoni tal-post tal-provvista tas-servizzi, jiġi rregolat it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. Skont it-tielet premessa tad-Direttiva 2008/8/KE, il-VAT hija, bħala regola ġenerali, dovuta lill-Istat Membru fejn is-servizz jiġi kkonsmat. Dan iseħħ normalment fil-post tad-destinatarju tas-servizz. Sussegwentement l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT jagħti s-setgħa ta’ tassazzjoni lill-Istat Membru tad-destinatarju tas-servizzi.

24.      Madankollu, din id-dispożizzjoni li għandha tiġi eżaminata tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT tikkonċerna biss lil destinatarji taxxabbli ta’ provvista ta’ servizzi, li fil-prinċipju jkunu eliġibbli għal tnaqqis tat-taxxa. B’hekk it-tassazzjoni ta’ tali provvista ta’ servizzi fi Stat Membru fuq bażi regolari hija biss provviżorja, minħabba li d-destinatarju taxxabbli tas-servizzi fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru jista’ jitlob lura fuq bażi regolari l-VAT dovuta permezz tad-dritt ta’ tnaqqis tiegħu skont l-Artikolu 167 et seq tad-Direttiva tal-VAT. B’hekk, anki jekk, f’dan il-każ, is-servizzi ta’ Welmory għandhom jiġu ntaxxati fil-Polonja, il-kumpannija Ċiprijotta, bħala destinatarja ta’ dawn is-servizzi, tista’ possibbilment tingħata lura l-VAT korrispondenti mir-Repubblika tal-Polonja.

25.      Iżda dan ma japplikax għall-każijiet kollha. Jekk id-destinatarju tas-servizzi jkun jeżerċita attività li ma tkunx intitolata għat-tnaqqis, jew jekk il-provvista partikolari ta’ servizzi tkun suġġetta għal projbizzjoni tat-tnaqqis, il-VAT dovuta għall-provvista ta’ servizzi tinżamm b’mod definittiv mill-Istat Membru fejn ikun jinsab il-post tal-provvista ta’ servizzi skont l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT.

26.      Kif, b’mod partikolari, Welmory u r-Repubblika ta’ Ċipru osservaw korrettament waqt is-seduta, fir-rigward ta’ din l-allokazzjoni tas-setgħa ta’ tassazzjoni anki t-taxxi doppji għandhom jiġu evitati. Dan il-periklu jkun jeżisti meta żewġ Stati Membri jkunu tal-fehma li s-servizz ikun ġie kkonsmat fit-territorju ta’ kull wieħed minnhom. Iżda d-determinazzjoni uniformi mal-Unjoni kollha tal-post tal-provvista ta’ servizzi madankollu għandha l-għan li s-setgħa ta’ tassazzjoni tiġi ddeterminata b’mod ċar u b’dan il-mod jiġu evitati t-taxxi doppji kif ukoll in-nuqqas ta’ tassazzjoni fuq id-dħul (5). L-Avukat Ġenerali Jacobs diġà enfasizza f’dan il-kuntest, li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-post tal-provvista ta’ servizzi għandha f’kull każ tiżgura ċ-ċertezza legali, sabiex jiġu evitati kunflitti li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri (6). Għaldaqstant, anki għad-determinazzjoni ta’ stabbiliment fiss skont l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, l-ewwel u qabel kollox huma meħtieġa kriterji prattiċi (7).

2.      Il-prevenzjoni ta’ piżijiet amministrattivi mhux xierqa għall-persuni taxxabbli

27.      Fis-sistema regolatorja tad-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi, id-determinazzjoni flessibbli tal-identità tal-persuna li trid tħallas it-taxxa għandha wkoll tevita li jinħolqu piżijiet amministrattivi mhux xierqa għall-persuni taxxabbli. B’hekk, skont l-Artikolu 193 u l-Artikolu 196 f’każijiet taħt l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, jistgħu jkunu responsabbli għall-ħlas tal-VAT kemm il-fornitur kif ukoll id-destinatarju ta’ provvista ta’ servizzi li jkun taxxabbli.

28.      Dan minħabba li l-fornitur tas-servizz għandu jissodisfa l-obbligi fiskali biss fejn huwa jkun ukoll residenti. Għalhekk, f’każijiet meta d-destinatarju ta’ provvista ta’ servizzi jkun residenti biss fi Stat Membru ieħor u konsegwentement il-VAT tkun dovuta hemmhekk, it-taxxa dovuta hija rriversata u b’hekk id-destinatarju tas-servizzi jsir il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. B’dan il-mod jiġi evitat li l-fornitur tas-servizzi jkollu jirreġistra għall-VAT f’ħafna Stati Membri oħrajn u li jkollu jiddikjara t-taxxa fihom (8).

29.      F’dan il-kuntest, l-argument ta’ Welmory għandu jintlaqa’ bis-sħiħ, fir-rigward tal-fatt li għandha tipprevali ċ-ċertezza legali għall-fornitur tas-servizzi fir-rigward tal-eżistenza ta’ stabbiliment fiss tad-destinatarju tas-servizzi tiegħu. Dan għaliex skont ikunx jeżisti tali stabbiliment fiss fit-territorju nazzjonali, il-fornitur tas-servizzi jkun responsabbli għall-ħlas tat-taxxa darba, u d-darba l-oħra ma jkunx.

30.      Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ suq intern funzjonali, f’dan il-każ ma huwiex mistenni li l-fornitur tas-servizzi jwettaq investigazzjoni estensiva tad-destinatarju tas-servizz tiegħu u lanqas li ma jkunx hemm ċertezza dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tiegħu li jħallas it-taxxa. Sabiex id-determinazzjoni flessibbli tal-identità tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma ssirx, hija stess, kuntrarja għall-għan tagħha, piż amministrattiv għall-fornitur tas-servizzi, għandhom ikunu meħtieġa, għal din ir-raġuni wkoll, kriterji oġġettivi u ċari li permezz tagħhom il-fornitur tas-servizzi jkun jista’ jiddetermina jekk id-destinatarju tas-servizzi tiegħu jkunx ibbażat fit-territorju nazzjonali minħabba stabbiliment fiss.

B –    Il-ġurisprudenza eżistenti dwar il-kunċett ta’ stabbiliment fiss

31.      Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “stabbiliment fiss” s’issa ġie stabbilit b’riferiment għall-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (9)(iktar ’il quddiem: is-Sitt Direttiva). Skont din id-dispożizzjoni post ta’ provvista ta’ servizzi kien essenzjalment ikun il-post fejn il-fornitur tas-servizz “ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz”.

32.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-post fejn ikun stabbilit in-negozju hawnhekk huwa l-punt ta’ riferiment prinċipali. Stabbiliment ieħor imbagħad għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss “jekk ir-riferiment għall-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu ma jwassalx għal riżultat raġonevoli għal skopijiet ta’ taxxa jew joħloq kunflitt ma’ Stat Membru ieħor” (10).

33.      “Stabbiliment fiss” skont l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva għalhekk ikun jeżisti biss meta l-istabbiliment ta’ persuna taxxabbli jkollu grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess (11).

34.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala sinjifikattiv fin-negozju tal-kiri tal-karozzi jekk il-persuna taxxabbli tagħmilx użu mill-persunal tagħha stess f’post partikolari u jekk hemmhekk ikunux jistgħu jiġu abbozzati ftehimiet jew jittieħdu deċiżjonijiet dwar it-tmexxija tan-negozju (12).

35.      Barra minn hekk diversi partijiet fil-kawża għamlu riferiment ukoll għas-sentenza DFDS. F’din is-sentenza, il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għaldaqstant tinftiehem li kumpannija, li minkejja li tkun legalment indipendenti, tkun irregolata bis-sħiħ mill-kumpannija parent tagħha, tista’ titqies bħala stabbiliment fiss tal-kumpannija parent (13). Għall-finijiet ta’ dan il-każ, dan ikun importanti sakemm il-kumpannija Ċiprijotta kienet l-unika azzjonista ta’ Welmory għal parti mill-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36.      Madankollu, fis-sentenza DFDS, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat biss l-iskema speċjali tal-Artikolu 307(2) fis-seħħ tad-Direttiva tal-VAT, li tispeċifika l-Istat Membru fejn is-servizz uniku għandu jiġi ntaxxat skont l-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar (14). Għalkemm fil-motivazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet ukoll għar-regola ġenerali dwar id-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi (15), is-sentenza DFDS madankollu ma tistax tiġi ġġeneralizzata, kif il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet reċentement fis-sentenza Daimler (16). Barra minn hekk, għall-finijiet taċ-ċertezza legali fir-rigward tal-identità tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, iservi l-fatt li persuna ġuridika awtonoma ma tkunx tista’ tkun, fl-istess ħin, l-istabbiliment fiss ta’ persuna ġuridika oħra.

C –    It-traspożizzjoni tal-ġurisprudenza attwali għar-regoli emendati dwar il-post

37.      Il-qorti tar-rinviju issa indikat ġustament li l-prinċipji tal-ġurisprudenza ppreżentati dwar l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva jirreferu biss għad-domanda dwar meta l-fornitur ta’ provvista ta’ servizzi jkollu stabbiliment fiss. F’dan il-każ madankollu, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, hija kkonċernata d-determinazzjoni ta’ stabbiliment fiss tad-destinatarju ta’ provvista ta’ servizzi. Għalhekk, tqum il-mistoqsija jekk jistax isir riferiment għall-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva anki fil-qafas tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

38.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-każ ta tweġiba ċara. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011, tal-15 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (17) (iktar ’il quddiem ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-VAT) jiddefinixxi l-kunċett ta’ stabbiliment fiss skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT filwaqt li jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva. Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud dan huwa kull stabbiliment “li huwa karatterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess.”

39.      Għalkemm din id-dispożizzjoni, skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-VAT, ma kinitx għadha applikabbli għall-perijodu tal-kawża prinċipali, jien inqis li din id-definizzjoni hija sinjifikattiva wkoll għall-kawża preżenti.

40.      F’dan ir-rigward, ma tantx huwa sinjifikattiv il-fatt li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud jirriżulta minn linja gwida korrispondenti tal-Kumitat tal-VAT skont l-Artikolu 398 tad-Direttiva tal-VAT, li kienet diġà ġiet konkluża qabel il-perijodu rilevanti fil-kawża prinċipali (18). Dan għaliex ma huwiex ċar jekk din il-linja gwida kinitx diġà nħarġet qabel dan il-perijodu (19).

41.      Iżda d-definizzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-VAT hija konsistenti mal-prinċipji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT (20). Din, minn naħa, tieħu inkunsiderazzjoni l-konsum tas-servizz, peress li l-istabbiliment sussegwentement għandu jkun kapaċi jirċievi u juża s-servizz għall-bżonnijiet tiegħu stess. Min-naħa l-oħra, kemm il-fatt li d-definizzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-VAT titlob struttura rikonoxxibbli f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, kif ukoll ir-riferiment ta’ din id-definizzjoni għall-ġurisprudenza magħrufa tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ stabbiliment fiss jiżguraw il-livell partikolari ta’ ċertezza legali neċessarju għall-protezzjoni tal-persuni taxxabbli kif ukoll għall-prevenzjoni tat-taxxi doppji u l-assenza ta’ tassazzjoni.

42.      Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-VAT hija adatta wkoll għall-post tat-tassazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi li issa nbidel, peress li issa ma għadux rilevanti li l-istabbiliment inkwistjoni jkun kapaċi jwettaq is-servizzi tiegħu stess, iżda li s-servizzi jintużaw għall-bżonnijiet tiegħu stess.

43.      Finalment, f’dan il-każ ma għandux jiġi deċiż jekk, barra minn dan għandux ikun meħtieġ li stabbiliment fiss fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT mhux biss jagħmel użu minn servizzi, iżda jrid ukoll jipprovdi servizzi taxxabbli min-naħa tiegħu, kif kemm id-Direttur tal-Finanzi ta’ Gdańsk kif ukoll il-Kummissjoni ssuġġerew fis-seduta. Għalhekk sakemm il-kumpannija Ċiprijotta jkollha stabbiliment fiss fil-Polonja, din tkun qed twettaq ukoll servizzi fl-għamla tal-operat tas-sit tal-internet tal-bejgħ bl-irkant, kif hija obbligata tagħmel skont il-ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ Welmory. Barra minn hekk fil-fatt huwa dubjuż jekk kull struttura, li bir-riżorsi umani u tekniċi tagħha stess tippermetti li l-istabbiliment jagħmel użu minn servizzi għall-bżonnijiet tiegħu stess, ikollhiex ukoll mill-inqas il-possibbiltà li tipprovdi servizzi hija stess b’mod regolari. Mill-aspett legali tirriżulta wkoll il-mistoqsija jekk l-opinjoni taż-żewġ partijiet hijiex kompatibbli mal-Artikolu 43(2) tad-Direttiva tal-VAT, li skontu t-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tapplika wkoll f’ċerti każijiet meta d-destinatarju ta’ servizzi ma jkunx persuna taxxabbli.

44.      Finalment, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-preċedenza tal-post tal-istabbiliment tan-negozju rrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita (21) għandha tiġi trasposta għall-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT. Għalhekk dan iservi biex jiżgura r-rekwiżit taċ-ċertezza legali, meta f’każ ta’ dubju l-post tal-provvista tas-servizzi jkun relatat mal-post tad-destinatarju tas-servizzi, li normalment ikun kriterju oġġettiv iktar faċli biex jiġi ddeterminat miż-żamma ta’ stabbiliment fiss. Din il-preċedenza tikkorrispondi wkoll mat-test tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT dwar ir-relazzjoni espressa bejn ir-regola bażika tal-ewwel sentenza, li tiffoka fuq il-post tal-istabbiliment tan-negozju, u l-eċċezzjoni tat-tieni sentenza, li tikkonċerna l-istabbiliment fiss.

D –    L-applikazzjoni għall-kuntest tal-kawża prinċipali

45.      F’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali b’hekk għandu jkun preżunt stabbiliment fiss tal-kumpannija Ċiprijotta fil-Polonja biss jekk din ikollha stabbiliment hemmhekk li jkollu grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi li jippermettulu li jirċievi u jagħmel użu minn servizzi li jiġu fornuti għall-bżonnijiet ta’ dan l-istabbiliment stess. F’każ ta’ dubju, ma għandhiex tiġi preżunta l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss, għalhekk skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, il-post li stabbilixxiet il-kumpannija Ċiprijotta għandu jitqies bħala l-post tal-provvista tas-servizzi.

46.      Inizjalment, ma huwiex dubjuż li l-qorti tar-rinviju finalment għandha tagħmel din id-determinazzjoni abbażi tal-fatti li huma aċċessibbli bis-sħiħ għaliha biss. Dan jirriżulta b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħux jaqblu dwar iċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-kawża prinċipali.

47.      Biex tagħmel din id-determinazzjoni, il-qorti tar-rinviju madankollu għandha tosserva l-kundizzjonijiet li ġejjin fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali.

48.      L-ewwel nett, biex jiġi preżunt stabbiliment fiss fi Stat ma huwiex meħtieġ li hemmhekk il-persuna taxxabbli jkollha persunal li jkun ġie impjegat minnha stess, u tagħmir disponibbli għaliha li jkun jinsab fil-pussess tagħha.

49.      L-Avukat Ġenerali Poiares Madura diġà stabbilixxa li jekk jiġi preżunt stabbiliment fiss biss jekk il-persunal ikun ġie impjegat mill-persuna taxxabbli stess, dan iwassal għal riżultati mhux aċċettabbli (22). Ikun ukoll faċli li jsir abbuż jekk persuna taxxabbli waħedha tkun tista’ ċċaqlaq it-tassazzjoni ta’ servizzi minn Stat Membru għall-ieħor, billi tifrex il-ħtieġa tal-persunal tagħha fuq diversi fornituri. F’dan ir-rigward, l-indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għan-nuqqas tal-persunal tagħha stess fid-determinazzjoni ta’ stabbiliment fiss fin-negozju tal-kiri tal-karozzi (23) ma għandhiex tiġi ġġeneralizzata.

50.      Peress li l-istess japplika għat-tagħmir, f’dan il-każ, stabbiliment fiss tal-kumpannija Ċiprijotta fil-Polonja ma huwiex konsegwentement eskluż milli juża t-tagħmir tekniku ta’ Welmory u persunal li ma ġiex impjegat minnha stess.

51.      Madankollu, dan ma jfissirx li Welmory fl-istess ħin ikollha taġixxi bħala fornitur ta’ servizz u — fl-għamla ta’ stabbiliment fiss tal-kumpannija Ċiprijotta — anki bħala destinatarju tas-servizzi, kif partikolarment Welmory stess beżgħet li jiġri. Dan għaliex anki meta stabbiliment fiss ma jkunx bilfors jeħtieġ il-persunal u r-riżorsi tekniċi tiegħu stess, il-persuna taxxabbli madankollu xorta għandu jkollha s-setgħa ta’ kontroll fuq il-persunal u t-tagħmir, abbażi tar-rekwiżit ta’ grad ta’ permanenza suffiċjenti tal-istabbiliment. B’hekk, kuntratti dwar servizzi u ta’ kiri huma partikolarment neċessarji fir-rigward tal-persunal u t-tagħmir, għaliex permezz tagħhom il-persuna taxxabbli tieħu f’idejha l-kontroll tar-riżorsi, u li għaldaqstant ukoll ma jkunux jistgħu jintemmu f’perijodu qasir.

52.      Fi kliem ieħor, għandu jiġi enfasizzat li persuna taxxabbli bħala tali ma tistax tirrappreżenta stabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli oħra. Iżda dan ma jeskludix sitwazzjoni fejn il-persuna taxxabbli jkollha aċċess mill-qrib u kontinwu għar-riżorsi umani u tekniċi ta’ persuna taxxabbli oħra, li fl-istess ħin tista’ tkun ukoll fornitur ta’ servizzi f’aspetti oħra għall-istabbiliment fiss stabbilit b’dan il-mod.

53.      Madankollu, jekk il-persunal u r-riżorsi tekniċi tal-fornitur tas-servizzi u l-istabbiliment ta’ destinatarju ta’ servizzi jkunu kważi identiċi, tista’ tqum il-mistoqsija dwar jekk f’dan il-każ humiex ikkonċernati servizzi lil persuna taxxabbli oħra.

54.      It-tieni nett, ir-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq indikaw ġustament li huwa deċiżiv ukoll fejn il-kumpannija Ċiprijotta żviluppat attività u għamlet użu mis-servizzi ta’ Welmory. Għalhekk biex ikun “fiss” skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, stabbiliment irid ikun jista’ juża s-servizzi għall-bżonnijiet tiegħu stess.

55.      Għal dan l-għan, il-qorti tar-rinviju se jkollha teżamina liema attività indipendenti qed twettaq il-kumpannija Ċiprijotta possibbilment permezz tar-riżorsi umani u tekniċi disponibbli għaliha fil-Polonja, u jekk is-servizzi ta’ Welmory jintużawx eżattament għal din l-attività abbażi tal-ftehim ta’ kooperazzjoni.

56.      Għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li skont l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva tal-VAT, stabbiliment fiss jimplika stabbiliment li huwa kkaratterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess. Għalhekk ma humiex meħtieġa riżorsi umani u tekniċi tal-istabbiliment stess, sa fejn ir-riżorsi barranin tal-istabbiliment ikunu disponibbli bl-istess mod bħallikieku kienu riżorsi proprji.

E –    Dwar l-akkwist tad-drittijiet għall-offerti u dwar il-bażi taxxabbli tal-akkwist tal-prodotti

57.      Diversi partijiet fil-proċedimenti sostnew li l-problema attwali tal-kawża prinċipali ma tikkonċernax id-domanda dwar jekk is-servizzi ta’ Welmory ngħatawx lil stabbiliment fiss tal-kumpannija Ċiprijotta fit-territorju nazzjonali, iżda jekk il-bejgħ tad-drittijiet għall-offerti mill-kumpannija Ċiprijotta lill-persuni li jagħmlu offerti għall-prodotti offruti minn Welmory għandux jiġi ntaxxat f’Ċipru jew fil-Polonja. B’dan il-mod, kemm Welmory kif ukoll il-kumpannija Ċiprijotta jibbenefikaw ekonomikament mill-bejgħ tal-prodotti fil-Polonja.

58.      Għall-ewwel se nħalli indeċiża l-kwistjoni dwar jekk il-post tal-bejgħ tad-drittijiet għall-offerti permezz tal-kumpannija Ċiprijotta huwiex iddeterminat skont l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT jew jekk, f’dan ir-rigward, japplikawx pjuttost id-dispożizzjonijiet dwar il-post għall-provvista ta’ merkanzija skont l-Artikolu 31 et seq tad-Direttiva tal-VAT. Għalhekk ma jidhirx li huwa eskluż li l-akkwist tad-drittijiet li ssir offerta għax-xiri ta’ merkanzija, skont id-definizzjoni tal-provvista ta’ merkanzija skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT jitqies bħala parti mit-“trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.” Fi kwalunkwe każ dan jista’ jiġi aċċettat għal dawk id-drittijiet għall-offerti li tkun akkwistat il-persuna li finalment tingħata l-offerta fl-irkant. Iżda din id-domanda tikkonċerna t-tassazzjoni tal-kumpannija Ċiprijotta, li ma hijiex is-suġġett tal-kawża prinċipali.

59.      B’rabta mat-tassazzjoni kontroversjali ta’ Welmory fil-kawża prinċipali tirriżulta madankollu domanda oħra.

60.      Ir-Repubblika tal-Polonja nnotat ġustament li l-bażi taxxabbli tal-prodotti li Welmory għamlet il-bejgħ tagħhom fil-kuntest tal-irkanti possibbilment ma kinitx speċifikata b’mod preċiż fil-kawża prinċipali. Din il-bażi taxxabbli skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT tista’ tkun tikkonsisti f’żewġ partijiet: il-pagamenti tax-xerrejja kif ukoll il-kumpensi li l-kumpannija Ċiprijotta tħallas lil Welmory sabiex din tbigħ prodotti fuq is-sit tal-internet.

61.      Ir-riżultat kien li fil-każ preżenti, mill-inqas parzjalment, ma kellhom jiġu ntaxxati l-ebda servizzi ta’ Welmory lill-kumpannija Ċiprijotta, iżda biss provvisti ta’ merkanzija lill-klijenti ta’ Welmory, madankollu b’bażi taxxabbli ogħla. Għal dawn il-provvisti, il-post ma huwiex iddeterminat skont l-Artikolu 44, iżda skont l-Artikolu 31 et seq tad-Direttiva tal-VAT.

62.      Skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT, għall-bażi taxxabbli tal-VAT jappartjeni “dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li [...] jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza”. Peress li l-bażi taxxabbli tista’ tinkludi wkoll il-ħlas ta’ persuna li ma tkunx id-destinatarju ta’ provvista (24), il-kumpensi li Welmory ħallset lill-kumpannija Ċiprijotta għas-servizzi tal-bejgħ tal-prodotti fil-qafas tal-ftehim ta’ kooperazzjoni, jistgħu huma stess jirrappreżentaw il-korrispettiv ta’ terz għall-bejgħ.

63.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita, dan ikun il-każ meta jkun hemm relazzjoni diretta bejn il-provvista tal-prodotti permezz ta’ Welmory lill-klijenti tagħha u l-pagamenti miksuba mill-kumpannija Ċiprijotta (25). Dan għandu jiġi preżunt fi kwalunkwe każ meta l-kumpens ikun jiddependi min-numru ta’ bejgħ ta’ prodotti jew mill-ammont ta’ qligħ minn dawn il-prodotti.

64.      Kemm-il darba tiġi ddeterminata relazzjoni diretta bejn il-bejgħ tal-prodotti u l-kumpensi mħallsa mill-kumpannija Ċiprijotta lil Welmory abbażi tal-ftehim ta’ kooperazzjoni, dawn il-kumpensi ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala korrispettiv għas-servizzi ta’ Welmory lill-kumpannija Ċiprijotta, iżda bħala korrispettiv għall-provvista ta’ merkanzija lix-xerrejja tal-prodotti offruti fil-kuntest tal-irkanti. Il-qorti tar-rinviju, jekk ikun meħtieġ, għandha tiċċara jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

V –    Konklużjoni

65.      Għad-domanda preliminari ta’ Naczelny Sąd Administracyjny nipproponi li tingħata risposta bil-mod kif ġej:

Stabbiliment fiss fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fil-verżjoni tad-Direttiva 2008/8/KE jippresupponi stabbiliment li huwa kkaratterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma pprovduti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess. Għal dan l-għan, ma humiex neċessarji riżorsi umani u tekniċi tal-istabbiliment stess, kemm-il darba r-riżorsi ta’ terzi jkunu disponibbli għall-istabbiliment bl-istess mod bħallikieku kienu riżorsi proprji tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: Il-Ġermaniż.


2 – Dwar il-post tal-provvista ta’ servizzi ara s-sentenzi Berkholz ((168/84, EU:C:1985:299), Faaborg-Gelting Linien (C-231/94, EU:C:1996:184), ARO Lease (C-190/95, EU:C:1997:374), Lease Plan (C-390/96, EU:C:1998:206) u Cookies World (C-155/01, EU:C:2003:449).


3 – Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi (ĠU L 44, p. 11).


4 – ĠU L 347, p. 1.


5 – Dwar dan, ara l-konklużjonijiet tiegħi R.R. Donnelley Global Turnkey Solutions Poland (C-155/12, EU:C:2013:57, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata fihom dwar l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva); ara, b’mod partikolari dwar l-oriġini leġiżlattiva tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT il-Proposta emendata tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2005 għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar il-post tal-provvista tas-servizzi (KUMM(2005) 0334 finali), p. 5 u 6.


6 – Ara l-konklużjonijiet dwar Design Concept (C-438/01, EU:C:2002:767, punt 29 u 30) dwar l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva.


7 – Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi Hamann (51/88, EU:C:1989:132, punt 18) u Il-Kummissjoni vs ir-Repubblika Franċiża (C-429/97, EU:C:2001:54, punt 49).


8 – Ara f’dan ir-rigward il-Proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2003 għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE rigward il-post tal-provvista tas-servizzi, (COM [2003] 822 finali, taħt il-punt 4.3).


9 – ĠU L 145, p. 1.


10 – Sentenzi Berkholz ((168/84, EU:C:1985:299, punt 17), Faaborg-Gelting Linien (C-231/94, EU:C:1996:184, punt 16), ARO Lease (C-190/95, EU:C:1997:374, punt 15), u Lease Plan (C-390/96, EU:C:1998:206, punt 24).


11 – Sentenzi ARO Lease (C-190/95, EU:C:1997:374, punt 16) u Lease Plan (C-390/96, EU:C:1998:206, punt 24); ara wkoll is-sentenza E. ON Global Commodities (preċedentement E.On Energy Trading) (C-323/12, EU:C:2014:53, punt 46) dwar l-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE tas-6 ta’ Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni li m’humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU L 331, p. 11) kif ukoll is-sentenza Planzer Luxembourg (C-73/06, EU:C:2007:397, punt 54) dwar l-Artikolu 1, il-punt 1 tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE tas-17 ta’ Novembru 1968 fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus - Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (ĠU L 326, p. 40).


12 – Ara s-sentenzi ARO Lease (C-190/95, EU:C:1997:374, punt 15) u Lease Plan (C-390/96, EU:C:1998:206, punt 26).


13 – Sentenza DFDS (C-260/95, EU:C:1997:77, punt 26).


14 – Sentenza DFDS (C-260/95, EU:C:1997:77, dispożittiv).


15 – Sentenza DFDS (C-260/95, EU:C:1997:77, punt 17).


16 – Ara s-sentenza Daimler (C-318/11 u C-319/11, EU:C:2012:666, punti 47 sa 49).


17 – ĠU L 77, p. 1.


18 – Il-Linji Gwida mit-88 laqgħa tal-Kumitat tal-VAT tat-13 u l-14 ta’ Lulju 2009 taxud.d.1(2009)358416 – 634, p. 2, disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni (http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/vat/key_documents/vat_committee).


19 – Dwar is-sinjifikat tal-Linji Gwida ppubblikati tal-Kumitat tal-VAT għall-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-VAT ara l-konklużjonijiet tiegħi R.R. Donnelley Global Turnkey Solutions Poland (C-155/12, EU:C:2013:57, punti 47 sa 50).


20 – Ara l-punti 20 et seq hawn fuq.


21 – Ara l-punt 32 iktar ’il fuq.


22 – Konklużjonijiet RAL (Channel Islands) et (C-452/03, EU:C:2005:65, punt 52).


23 – Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


24 – Ara s-sentenza Le Rayon d’Or (C-151/13, EU:C:2014:185, punt 34).


25 – Ara biss is-sentenzi Naturally Yours Cosmetics (230/87, EU:C:1988:508, punt 11 u 12), First Choice Holidays (C-149/01, EU:C:2003:358, punt 30) u Dixons Retail (C-494/12, EU:C:2013:758, punt 33).