Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-18 ta’ Diċembru 2014 (1)

Kawża C-560/13

Finanzamt Ulm

vs

Ingeborg Wagner-Raith, suċċessur fid-dritt ta’ Maria Schweier

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Domanda preliminari mhux magħmula — Moviment liberu tal-kapital — L-Artikolu 73 C tat-Trattat KE — Artikolu 57 KE — Klawżola ta’ 'standstill' — Pajjiż terz — Pajjiżi u territorji extra-Ewropej (PTEE) — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi tassazzjoni b’rata fissa tad-dħul minn fondi ta’ investiment barranin li ma jibagħtux komunikazzjoni ddettaljata tal-profitti lill-investituri ('schwarze Fonds') — Provvista ta’ servizzi finanzjarji — Investimenti diretti”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ din it-talba preliminari, il-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) tistaqsi dwar il-portata tal-espressjoni “moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett [jew] il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji”, prevista fl-Artikolu 73C tat-Trattat KE u, mill-1 ta’ Mejju 1999, fl-Artikolu 57(1) KE (2).

2.        Il-kawża li tat lok għal din it-talba saret bejn I. Wagner-Raith, l-aventi kawża ta’ M. Schweier, u l-Finanzamt Ulm fir-rigward ta’ tassazzjoni tad-dħul mill-kapital provenjenti minn holdings f’fondi ta’ investiment li għandhom is-sede tagħhom fil-Gżejjer Kajman għas-snin fiskali 1997 sal-2003.

3.        Huwa paċifiku li, matul il-perijodu inkwistjoni kollu, it-tassazzjoni fil-Ġermanja tad-detenturi ta’ holdings f’fondi ta’ investiment kienet irregolata mil-Liġi dwar il-bejgħ ta’ holdings f’investimenti barranin u dwar it-tassazzjoni tad-dħul minn ishma f’investimenti barranin (Gesetz über den Vertrieb ausländischer Investmentanteile und über die Besteuerung der Erträge aus ausländischen Investmentanteilen) (3) (iktar ’il quddiem l-“AuslInvestmG”), li kienet tiddistingwi bejn tliet kategoriji ta’ fondi ta’ investiment barranin, magħrufa u msejħa rispettivament fondi “bojod”, “griżi” u “suwed”, skont l-osservanza, mill-imsemmija fondi, tad-dispożizzjonijiet tal-AuslInvestmG.

4.        Huwa għalhekk li, skont l-Artikolu 17(3) tal-AuslInvestmG, fond jitqies li jaqa’ fl-ewwel kategorija jekk il-kumpannija ta’ investiment barrani jew tkun informat lill-awtorità ta’ kontroll Ġermaniża bl-intenzjoni tagħha li tqassam lill-pubbliku Ġermaniż ishma f’fondi ta’ investiment barranin, jew, fil-każ ta’ ammissjoni ta’ dawn l-ishma fis-suq uffiċjali jew fis-suq irregolat ta’ Borża Ġermaniża, ħatret rappreżentant stabbilit fil-Ġermanja, u barra minn hekk tissodisfa ċerti obbligi ta’ notifika u ta’ pubblikazzjoni. F’dan il-każ, it-tassazzjoni tad-detenturi tal-ishma ġeneralment isseħħ skont l-istess prinċipji ta’ “trasparenza” bħad-detenturi tal-ishma f’fondi stabbiliti minn kumpannija ta’ investiment Ġermaniża, jiġifieri bħallikieku dawn wettqu direttament id-dħul mill-ishma tagħhom fil-portafoll kollettiv (4). Il-bażi taxxabbli kienet ibbażata fuq id-distribuzzjonijiet reali tal-profitti kif ukoll fuq ċertu dħul li jista’ jiġi assimilat mal-imsemmija distribuzzjonijiet (5).

5.        Jekk kumpannija ta’ investiment barranija ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(3) tal-AuslInvestmG, iżda tipproduċi l-prova, permezz tal-preżentazzjoni ta’ dokumenti, tad-distribuzzjoni ta’ profitti reali kif ukoll ta’ ċertu “dħul ikkunsidrat imqassam” u barra minn hekk ħatret rappreżentant stabbilit fil-Ġermanja, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18(2) tal-AuslInvestmG, il-fondi jaqgħu fil-kategorija tal-fondi msejħa “griżi”. F’dan il-każ, it-tassazzjoni tad-detenturi tal-ishma titwettaq fil-prinċipju bl-istess mod bħal dik tal-fondi msejħa “bojod”, skont l-Artikolu 18(1) tal-AuslInvestmG.

6.        Fil-każ fejn kumpannija ta’ investiment barranija ma tissodisfax la r-rekwiżiti tal-Artikolu 17(3) tal-AuslInvestmG u lanqas dawk tal-Artikolu 18(2) ta’ din il-liġi, il-fondi jitqiesu li huma fondi msejħa “suwed”, li t-tassazzjoni tad-detenturi tal-azzjonijiet hija rregolata mill-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li somma f’daqqa titqies li tqassmet u ngħatat lid-detenturi tal-ishma. Din is-somma f’daqqa tirrappreżenta 90 % tal-qligħ magħmul bejn l-ewwel u l-aħħar valur ta’ redenzjoni tas-sehem ta’ investiment fiss matul is-sena kalendarja, b’minimu ta’ 10 % tal-aħħar valur ta’ redenzjoni fissa matul is-sena fiskali. Jekk tali valur ta’ redenzjoni ma kienx stabbilit, huwa l-valur ikkwotat fil-Borża jew il-valur tas-suq li għandu jiġi applikat. Din is-somma f’daqqa kienet obbligatorja u ma kienx possibbli li tiġi kkontestata billi tinġab prova kuntrarja bbażata, b’mod partikolari, fuq dokumenti kontabbli li juru dħul imwettaq iżda mhux imqassam lid-detenturi tal-ishma.

7.        Huwa preċiżament minħabba l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tassazzjoni b’rata fissa dwar id-dħul mill-kapital provenjenti minn fondi “suwed” li tnisslet il-kawża prinċipali.

8.        Detentriċi ta’ depożitu mal-LGT Bank in Liechtenstein AG (iktar ’il quddiem il-“LGT Bank”) li kien jinkludi b’mod partikolari holdings f’fondi ta’ investiment li għandhom is-sede tagħhom fil-Gżejjer Kajman, M. Schweier iddikjarat l-ammont ta’ dħul tagħha għas-snin 1997 sal-2003 lill-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi, billi annettiet dokumenti li l-LGT Bank kien taha, abbażi tal-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG.

9.        L-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi emendaw l-avviż ta’ tassazzjoni għas-snin inkwistjoni u stabbilixxew, għal kull waħda minn dawn is-snin, l-ammont ta’ dħul mill-kapital ta’ M. Schweier provenjenti minn fondi ddepożitati mal-LGT Bank, għal total li jaqbeż l-EUR 623 000.

10.      M. Schweier ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni billi invokat l-inkompatibbiltà mal-moviment liberu tal-kapital tat-tassazzjoni b’rata fissa prevista fl-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG u talbet li l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi jipproċedu bl-istima tad-dħul effettiv tagħha, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) ta’ din l-istess liġi, billi poġġiet għad-dispożizzjoni tagħhom id-dokumenti u l-kalkoli neċessarji għal dan il-għan.

11.      Billi l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi ċaħdu l-ilment, M. Schweier ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Baden-Württemberg li essenzjalment laqa’ r-rikors billi ddeċieda li l-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG imur kontra l-moviment liberu tal-kapital. Għaldaqstant, din il-qorti emendat il-kalkolu tal-ammont tad-dħul mill-kapital riċevut minn M. Schweier matul kull waħda mis-snin ikkonċernati, abbażi tal-profitti effettivi stmati minn din tal-aħħar. L-ammont totali stmat minn din il-qorti kien madwar EUR 285 000.

12.      Għaldaqstant l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi ppreżentaw quddiem il-Bundesfinanzhof rikors għal “Reviżjoni” billi argumentaw li l-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG jitqies li huwa klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 57(1) KE għal dak li jirrigwarda l-movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Skont dawn l-awtoritajiet, din id-dispożizzjoni għandha tapplika f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali għaliex is-sitwazzjonijiet irregolati mill-AuslInvestmG huma relatati jew mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew mal-kunċett ta’ “investiment dirett” fis-sens tal-Artikolu 57(1) KE.

13.      Filwaqt li, fl-opinjoni tal-Bundesfinanzhof, l-AuslInvestmG tissodisfa r-rekwiżiti ratione temporis u personae stabbiliti fl-Artikolu 57(1) KE għaliex din il-leġiżlazzjoni baqgħet essenzjalment l-istess wara l-31 ta’ Diċembru 1993 u hija intiża, f’dan il-każ, għal ishma f’fondi ta’ investiment li l-kumpanniji ta’ amministrazzjoni tagħhom għandhom is-sede f’pajjiż terz, ir-ratione materiae tidher li ma hijiex issodisfatta, ħaġa li għandha twassal għaċ-ċaħda tar-rikors għal “Reviżjoni” tal-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, huwa mingħajr dubju li, jekk l-Artikolu 57(1) KE ma huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali kif din il-qorti hija inklinata li tikkunsidra, it-tassazzjoni b’rata fissa prevista fl-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG, flimkien, minn naħa, mal-impossibbiltà li investitur juri l-livell effettiv tad-dħul tiegħu meta fond ta’ investiment ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(3) ta’ din l-istess liġi u, min-naħa l-oħra, mal-fatt li ebda rappreżentant ma kien maħtur skont l-Artikolu 18(2) tal-imsemmija liġi, tkun b’mod manifest inkompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikolu 56 KE u ma tistax tkun iġġustifikata skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 58 KE jew għal motivi imperattivi ta’ interess ġenerali. Għalhekk, b’riferiment għas-sentenza Cilfit et (6) il-qorti tar-rinviju tqis li ma huwiex neċessarju li tagħmel domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 KE u 58 KE.

14.      Mill-banda l-oħra, peress li jistgħu jibqgħu ċerti dubji dwar il-portata tal-kamp ratione materiae tal-Artikolu 57(1) KE, b’mod partikolari wara s-sentenza VBC-Vorsorgekasse (7) dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ investiment dirett, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-moviment liberu tal-kapital, previst fl-Artikolu 56 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 18(3) tal-Auslandsinvestmentgesetz (Liġi dwar l-investiment barrani)) li tipprevedi, għad-detenturi nazzjonali ta’ holdings f’fondi ta’ investiment barranin, taħt ċerti kundizzjonijiet, iż-żieda, mad-dividendi, ta’ dħul fittizzju ta’ 90 % tad-differenza bejn l-ewwel u l-aħħar valur ta’ redenzjoni tas-sena, b’minimu ta’ 10 % tal-aħħar valur ta’ redenzjoni (jew tal-valur fil-Borża jew fis-suq), fil-każ ta’ holdings f’fondi ta’ [pajjiżi] terzi, minħabba li r-regola, li essenzjalment ilha l-istess mill-31 ta’ Diċembru 1993, tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi finanzjarji fis-sens tal-klawżola ta’ standstill li tinsab fl-Artikolu 57(1) KE?

Sa fejn ir-risposta għall-ewwel domanda ma tkunx affermattiva:

2.      Il-holding f’tali fond ta’ investiment ibbażat fi Stat terz jikkostitwixxi investiment dirett fis-sens tal-Artikolu 57(1) KE jew ir-risposta għal din id-domanda tiddependi minn jekk il-holding jagħtix lill-investitur, fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat fejn ikun ibbażat il-fond ta’ investiment jew għal raġunijiet oħra, il-possibbiltà li jipparteċipa effettivament fl-amministrazzjoni jew fil-kontroll tal-fond ta’ investiment?”

15.      Dawn id-domandi kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa tal-Gvern Ġermaniż, dak Taljan u dak tar-Renju Unit kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea. I. Wagner-Raith, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni għamlu wkoll is-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2014, filwaqt li l-partijiet ikkonċernati l-oħra ma kellhomx rappreżentant.

II – Analiżi

A –    Dwar il-portata tar-rinviju preliminari

16.      Kif jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni u mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi biss lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE, bl-esklużjoni tal-Artikolu 56 KE, li huwa magħruf li jipprojbixxi kwalunkwe restrizzjonijiet tal-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

17.      Filwaqt li tikkunsidra li s-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija manifestament inkompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital previst minn din l-aħħar dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis fil-fatt, mingħajr l-iċken ambigwità, li ma huwiex neċessarju li hija tressaq domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

18.      Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk titlaq mill-premessa li s-sistema fiskali inkwistjoni, applikabbli għall-investituri li għandhom ishma f’fondi ta’ investiment illegali hija, fil-prinċipju, kuntrarja għall-Artikolu 56 KE.

19.      Ċertament, kif diġà kelli l-okkażjoni nikkonstata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ xi drabi, sabiex tipprovdi risposta utili lill-qorti tar-rinviju u minkejja d-delimitazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, kemm tivverifika, fid-dawl tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tal-argumenti mqajma matul il-proċedura mill-partijiet ikkonċernati, jekk l-applikabbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma kinitx is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, tistax xorta tkun applikabbli għall-kawża, kif ukoll sabiex tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula sabiex tinkludi fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni waħda jew iktar mid-dispożizzjonijiet imsemmija minn waħda mill-partijiet jew ex officio (8).

20.      Dan l-approċċ, li f’dan il-każ il-Kummissjoni tistieden li għandu jiġi segwit, għalkemm leġittimu u rakkomandabbli għandu madankollu, minn naħa, jiġi rrikonċiljat mal-linja ta’ ġurisprudenza li tirrikonoxxi biss lill-qorti tar-rinviju r-rwol li tiddetermina s-suġġett u l-kontenut tad-domandi li hija trid tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja (9). Min-naħa l-oħra, huwa għandu jaqbel ukoll mal-ġurisprudenza, li barra minn hekk hija ċċitata mill-qorti tar-rinviju, li tiddikjara li qorti nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali ma hijiex sistematikament marbuta li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li hija għandha tapplika fil-kwistjoni miġjuba quddiemha, b’mod partikolari jekk il-punt tad-dritt inkwistjoni kien deċiż minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jew jekk l-applikazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju hija tant ċara li ma hemm lok għal ebda dubju raġonevoli (10).

21.      F’każ bħal dak ta’ din il-kawża fejn, għalkemm adita minn rinviju preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma ntalbitx mill-qorti tar-rinviju sabiex tirrispondi għad-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni kollha mqajma quddiem din il-qorti, jiena nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja, għandha fil-prinċipju, tkun restrittiva, billi tillimita r-risposta tagħha biss għad-domandi ta’ interpretazzjoni li jirrigwardaw l-Artikolu 57 KE li tressqu lilha u ma testendix is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari għad-domanda li ma ġietx irrinvijata b’mod volontarju, jiġifieri dik tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 KE.

22.      Fil-fatt, kif indikajt fil-punt 19 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (11), mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din tal-aħħar, sal-lum, irrifjutat b’mod sistematiku li tibdel jew testendi s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari lil hinn mill-kuntest iddefinit mill-qorti nazzjonali, meta din il-qorti b’mod espliċitu jew impliċitu, tirrifjuta li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda (addizzjonali) ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma espressament quddiemha minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

23.      Din il-linja ma ġietx imdgħajfa mis-sentenza Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (12), għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet qed tiddeċiedi fl-Awla Manja, irrispondiet biss id-domanda li ġiet indirizzata lilha mill-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza.

24.      Għalkemm il-problema proċedurali ta’ din il-kawża tqum f’kuntest differenti minn dak li kien l-oriġini tal-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet, madankollu ma hijiex differenti b’tali mod li għandu jiġi propost li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun adita bid-domanda li ma ġietx sottomessa lilha.

25.      Qabel xejn, il-fatt li d-domanda li ma ġietx magħmula minn din il-qorti tikkostitwixxi, fil-prinċipju, loġikament, domanda preliminari għall-analiżi ta’ dik li hija ddeċidiet li tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet kienet kuntrarja, ma għandux, fl-opinjoni tiegħi, iwassal għal konsegwenzi partikolari.

26.      Kif jiena diġà għidt u kif fehmu perfettament il-Gvern Taljan u dak tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, fil-fatt jista’ jkun li, sabiex tirrispondi għad-domanda mressqa, il-Qorti tal-Ġustizzja titlaq mill-preżunzjoni jew mill-premessa li s-sistema fiskali inkwistjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 56 KE, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha, ladarba tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula, tikkonferma fid-deċiżjoni finali tagħha, jekk ikun il-bżonn, l-analiżi li hija għamlet fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE.

27.      Minn dan l-angolu, din is-sitwazzjoni ma hijiex differenti minn dik li kellha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pedro IV Servicios (13). Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita minn talba għall-interpretazzjoni ta’ regoli ta’ eżenzjoni, li jimplementaw l-Artikolu 81(3) KE, għal ċerti kategoriji ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv u ftehim vertikali bejn impriżi, minkejja li l-qorti tar-rinviju mkien ma kienet bl-ebda mod għamlet id-domanda, neċessarjament preliminari, dwar jekk il-ftehimiet inkwistjoni f’dik il-kawża kinux effettivament jiksru l-Artikolu 81(3) KE.

28.      Essenzjalment, billi kkonstatat, li xejn ma jipprekludi li hija tirrispondi għad-domandi magħmula dwar l-interpretazzjoni ta’ regoli ta’ eżenzjoni għal kategoriji, mingħajr ma jkun hemm lok li qabel tagħmel analiżi strutturali u legali kumpless tar-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE u fid-dawl tal-ġurisprudenza Cilfit et (EU:C:1982:335) (14), il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ir-risposta tagħha biss għad-domandi li ġew indirizzati lilha.

29.      Huwa minnu li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjonijiet li taw lok għall-kawżi Pedro IV Servicios, minn naħa, u Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet, min-naħa l-oħra, li fihom il-qrati nazzjonali ma kinux ippreċiżaw is-sens li fih kienu ser jiddeċiedu d-domandi mhux imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tesponi, mingħajr ekwivoku fil-motivazzjoni tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, l-intenzjoni tagħha li tiċħad l-argument tal-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi u tal-Gvern Ġermaniż li s-sistema prevista fl-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG hija kompatibbli mal-Artikolu 56 KE jew hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

30.      Jiena ma naħsibx li għandu jiġi dedott li l-iskop tal-qorti tar-rinviju huwa li tfittex konferma espliċita mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-risposta li hija tipproponi li tagħti lid-domanda mhux magħmula lil din tal-aħħar, għaliex, billi tirreferi b’mod speċifiku għall-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-qrati nazzjonali, inkluż dawk tal-aħħar istanza, wara s-sentenza Cilfit et (EU:C:1982:335), il-qorti tar-rinviju qieset ċar u tond li huwa evidenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG jikser il-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 56 KE.

31.      F’din l-attitudni ta’ kooperazzjoni leali ċara, jien pjuttost nara l-volontà li tingħata, l-ewwel nett lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li lilhom tiġi nnotifikata d-deċiżjoni tar-rinviju preliminari, u mbagħad lill-Qorti tal-Ġustizzja stess, il-possibbiltà li tipprekludi l-interpretazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-każ fejn is-soluzzjoni proposta għad-domanda li ma ġietx magħmula minn din il-qorti tkun ibbażata fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tkun ibbażata fuq premessi ġuridiċi manifestament ineżatti.

32.      F’tali każ, jiena nqis li jkun primorjdali, fid-dawl tan-neċessità li tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrettifika tali żbalji kommessi minn qorti li ser tiddeċiedi finalment, anki meta dawn jikkonċernaw domanda li tali qorti intenzjonalment naqset milli tindirizzalha (15).

33.      Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

34.      Fil-fatt, mhux talli ma hijiex manifestament żbaljata, talli l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju għandha tiġi approvata, peress li ma hemmx dubju dwar in-natura dissważiva tas-sistema fiskali inkwistjoni, kif sostniet ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

35.      Għalhekk, f’dan il-każ, filwaqt li l-holdings f’fondi ta’ investiment nazzjonali qatt ma huma taxxabbli b’rata fissa, dawk f’fondi barranin huma, jiġifieri, hija obbligatorja f’każ ta’ fondi “suwed”, mingħajr ebda possibbiltà li d-detenturi tal-ishma jipproduċu l-prova tal-ammont effettiv tad-dħul riċevut. Issa, kif turi s-sitwazzjoni tad-dħul mill-kapital ta’ M. Wagner-Raith, il-bażi taxxabbli b’rata fissa hija ogħla b’mod kunsiderevoli minn dik ikkunsidrata bħala dħul effettiv fil-każ ta’ fondi “bojod” jew “griżi”, kemm għall-perijodu kollu ta’ bejn l-1997 u l-2003 kif ukoll għal kull sena fiskali meħuda individwalment.

36.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza reċenti tagħha van Caster (16), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża li ssostitwiet, sa mis-sena 2003, is-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmur kontra l-moviment liberu tal-kapital.

37.      Abbażi tal-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-moviment liberu tal-kapital jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tat lok għall-imsemmija sentenza, li tipprovdi li n-nuqqas ta’ osservanza minn fond ta’ investiment mhux residenti tal-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni prevista minn din il-leġiżlazzjoni, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-fondi residenti u mhux residenti, tagħti lok għal tassazzjoni b’rata fissa tad-dħul li l-persuna taxxabbli tirċievi mill-imsemmi fond ta’ investiment, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tippermettix lil din il-persuna taxxabbli tipproduċi provi jew informazzjoni li jistabbilixxu l-ammont effettiv ta’ dan id-dħul (17).

38.      Bla dubju, tali evalwazzjoni hija, minn tal-inqas, trasponibbli għas-sistema implementata bl-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG.

39.      Fl-aħħar nett, din l-evalwazzjoni ma għandhiex tiddgħajjef mill-fatt, tal-kawża prinċipali stess, li M. Schweier akkwistat ishma f’fondi ta’ investiment stabbiliti f’pajjiż jew territorju extra-Ewropew (iktar ’il quddiem il-“PTEE”) li jiddependi fuq ir-Renju Unit, f’dan il-każ il-Gżejjer Kajman (18) li jinsabu fost dawk elenkati, l-ewwel, fl-Anness IV tat-Trattat KEE, imbagħad fl-Att ta’ Adeżjoni tar-Renju Unit (19), u sussegwentement, fl-Anness II tat-Trattat KE.

40.      Għandu jitfakkar li, wara l-ħolqien tal-Komunità Ekonomika Ewropea, il-bażijiet tal-istatus ġuridiku tal-PTEE baqgħu fundamentalment l-istess (20). Dawn l-entitajiet, għalkemm marbuta legalment u/jew kostituzzjonalment ma’ Stat Membru, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati, kif jirriżulta mit-Trattat KEE fl-Artikolu 227(3) tiegħu u, mit-Trattat KE fl-Artikolu 299(3) ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li jibbenefikaw “[mill-]arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni stabbiliti fil-Parti Erbgħa” ta’ dawn it-Trattati rispettivi. Dan baqa’ japplika taħt it-Trattat FUE (21).

41.      L-għan ta’ dawn l-arranġamenti speċjali huwa li tiġi żgurata l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-PTEE kif ukoll li jiġu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi viċini bejnhom u l-Komunità (l-Unjoni Ewropea) kollha kemm hi (22).

42.      L-eżistenza ta’ tali arranġamenti speċjali ta’ assoċjazzjoni ta’ pajjiżi u territorji, marbuta ma’ ċerti Stati Membri, iżda mhux Ewropej, tqajjem ċertu numru ta’ problemi dwar l-assimilazzjoni tagħhom mal-Istati Membri jew pajjiżi terzi sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattati japplikawx għalihom, problemi li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx risposta inekwivoka, l-iktar minħabba n-natura doppja ta’ dawn l-entitajiet u n-natura sui generis tar-rabta ta’ assoċjazzjoni li torbothom mal-Unjoni (23).

43.      Madankollu fir-rigward tal-applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali ta’ moviment irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, il-punt tat-tluq tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li jiġi kkonstatat li, minħabba l-arranġamenti speċjali ta’ assoċjazzjoni tagħhom, il-PTEE ma jibbenefikawx mid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr riferiment espress (24).

44.      Għalkemm ir-raba’ parti tat-Trattati suċċessivi ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-moviment liberu tal-kapital, mandankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeduċix minn dan il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux applikabbli għall-PTEE. Fil-fatt, peress li din il-libertà testendi wkoll għall-pajjiżi terzi, kien ikun tal-inqas inkompatibbli li entitajiet, li jibbenefikaw minn arranġamenti speċjali ta’ assoċjazzjoni intiżi sabiex jistabbilixxu relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib mal-Unjoni, ma jistgħux jibbenefikaw minn sistema ta’ libertà speċifikament estiża għall-pajjiżi terzi kollha. Huwa għalhekk li, fis-sentenza tagħha Prunus u Polonium, rigward it-tassazzjoni ta’ investimenti diretti mwettqa fi Franza minn kumpannija li għandha s-sede tagħha fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-PTEE jibbenefikaw mil-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital prevista fl-Artikolu 63 TFUE fil-kwalità tagħhom ta’ pajjiżi terzi (25), anki jekk, fl-opinjoni tiegħi kien ikun iktar korrett li jingħad li l-PTEE jgawdu mil-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital ekwivalenti għal dik mogħtija lil pajjiżi terzi, fid-dawl tan-natura sui generis tal-istatus tagħhom.

45.      Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-PTEE, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Prunus u Polonium, li testendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE għall-PTEE (EU:C:2011:276), hija valida minkejja li ebda dispożizzjoni speċifika, tal-inqas ekwivalenti għall-portata tal-Artikolu 63 TFUE, ma tirregola l-imsemmi moviment.

46.      Dan ma kienx il-każ matul il-perijodu bejn id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht, jiġifieri mil-liberalizzazzjoni tal-prinċipju ta’ movimenti tal-kapital anki fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, prevista fl-Artikolu 73 B tat-Trattat KE, u t-2 ta’ Diċembru 2001, għaliex ebda deċiżjoni tal-Kunsill, adottata skont ir-raba’ parti tat-Trattat KE, ma pprovdiet għal sistema ta’ moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-PTEE, ekwivalenti għal dik applikabbli għall-pajjiżi terzi. Mill-banda l-oħra, it-2 ta’ Diċembru 2001 jimmarka d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2001/822/KE tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2001, dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (“id-Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar”) (26), deċiżjoni li l-Artikolu 47(1) tagħha kien reċentement ikkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza X u TBG (27) bħala li għandu portata partikolarment wiesgħa, li tqarreb lejn il-portata tal-Artikolu 56 KE f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

47.      Għalkemm, fil-kawża prinċipali, l-investimenti mwettqa minn M. Schweier, li nfakkar li jirrigwardaw l-perijodu 1997 sal-2003, jaqgħu parzjalment taħt l-Artikolu 73 B tat-Trattat KE u parzjalment taħt l-Artikolu 47(1) tad-Deċiżjoni ta’ Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar, dan ma jibdilx in-natura restrittiva tas-sistema prevista mill-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

48.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina d-domanda li ma ġietx magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 KE.

B –    Fuq id-domandi mressqa u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE

49.      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 57(1) KE li tirrigwarda speċifikatament ir-restrizzjonijiet tal-moviment liberu tal-kapital fir-rigward ta’ pajjiżi terzi tapplikax għal sistema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50.      Skont l-ewwel frażi ta’ din id-dispożizzjoni, “id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 KE ma jippreġudikawx l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta’ xi restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 skond il-liġi nazzjonali [...] dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett [...] [jew] il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji”.

51.      L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tawtorizza lill-Istati Membri jżommu restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, hija konsegwentement suġġetta għas-sodisfazzjon ta’ tliet kriterji kumulattivi, jiġifieri kriterju ratione personae, jiġifieri li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tirrigwarda pajjiż terz wieħed jew iktar jew tapplika għal dawn tal-aħħar, kriterju ratione temporis, jiġifieri li r-restrizzjonijiet inkwistjoni kienu jeżistu qabel il-31 ta’ Diċembru 1993, u kriterju ratione materiae, jiġifieri li l-moviment tal-kapital ikkonċernat jimplika waħda mit-tranżazzjonijiet limitattivi elenkati fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 57(1) KE (28).

52.      Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fil-kuntest tal-movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-PTEE, inkluż wara t-2 ta’ Diċembru 2001. Fil-fatt, l-Artikolu 47(2) tas-Seba’ Deċiżjoni ta’ Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar jindika, fost affarijiet oħra, li l-Istati Membri u l-PTEE jistgħu jadottaw mutatis mutandis il-miżuri previsti fl-Artikolu 57 KE skont il-kundizzjonijiet hemmhekk stabbiliti (29).

1.      Dwar il-kriterji ratione temporis u ratione personae tal-Artikolu 57(1) KE

53.      La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub ma juru l-iċken dubju dwar is-sodisfazzjon tal-ewwel żewġ kriterji.

54.      Fil-fatt ma hemmx lok li ndum fuq li jiġi ssodisfatt il-kriterju ratione temporis, għaliex, kif fakkru l-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni, is-sistema fiskali prevista fl-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG kienet diġà teżisti fl-1969, mingħajr ma qatt kienet suġġetta għal tibdil sostanzjali minn dak iż-żmien (30).

55.      Il-kriterju ratione personae huwa wkoll issodisfatt għaliex, kif għadni kemm indikajt, il-PTEE kemm jekk jitqiesu li huma pajjiżi terzi jew jekk huma sempliċement assimilati ma’ dawn tal-aħħar, ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 57(1) KE japplikaw fi kwalunkwe każ fir-rigward tagħhom, jew direttament, jew permezz tal-Artikolu 47(2) tad-Deċiżjoni lil hinn mill-baħar.

56.      Is-sodisfazzjon tal-kriterju ratione personae tal-Artikolu 57(1) KE ma jidhirlix, barra minn hekk, li għandu jiġi skartat bil-fatt li l-holdings ta’ M. Schweier fil-fondi ta’ investiment inkwistjoni kif ukoll id-dħul minnhom kienu ġew iddepożitati f’istituzzjoni finanzjarja li, probabbilment, hija stabbilita fi Stat li huwa parti kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, iffirmat fit-2 ta’ Mejju 1992 (31) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), f’dan il-każ il-Prinċipalità tal-Liechtenstein, li huwa magħruf li kontra tagħha l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw iktar l-Artikolu 57(1) KE wara l-1 ta’ Mejju 1995, data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tal-imsemmija prinċipalità (32).

57.      Fil-fatt, jekk irrispettivament mill-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri ma jingħatawx il-possibbiltà li jinvokaw l-Artikolu 57(1) KE kull darba li l-movimenti tal-kapital kienu provenjenti minn jew iddestinati għal pajjiż terz mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat parti mill-Ftehim ŻEE, din id-dispożizzjoni tkun nieqsa mill-effettività essenzjali tagħha. Ebda parti fil-kawża prinċipali jew parti kkonċernata ma sostniet il-kuntrarju.

58.      Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG tiddependi qabel xejn fuq is-sede tal-kumpannija ta’ ġestjoni tal-fondi ta’ investiment, f’dan il-każ il-Gżejjer Kajman, u mhux mill-post fejn it-titoli tal-holdings huma ddepożitati (33).

59.      B’hekk, kif diġà rrilevajt, il-qofol tal-problemi mressqa mill-qorti tar-rinviju jinsab fil-portata tal-kriterju ratione materiae tal-Artikolu 57(1) KE.

2.      Fuq il-kriterju ratione materiae tal-Artikolu 57(1) KE

60.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod iktar speċifiku, dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-espressjoni “moviment tal-kapital […] li jinvolvi […] investiment dirett […] [jew] il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji”, b’mod li hija tkun tista’ tiddetermina jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, is-sistema fiskali prevista mill-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG tistax legalment tinżamm skont l-Artikolu 57(1) KE.

61.      Jidhirli li għandha tingħata risposta pożittiva għall-ewwel domanda tagħha li tirrigwarda l-kunċett ta’ “provvediment ta’ servizzi finanzjarji”, li għandha twassal, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel ma’ din l-opinjoni, li ma tingħatax risposta għat-tieni domanda relattiva għall-kunċett ta’ “investimenti diretti”. Fi kwalunkwe każ, dwar dan l-aħħar punt, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jistgħu jitneħħew malajr.

a)      Fuq l-espressjoni “provvediment ta’ servizzi finanzjarji” fis-sens tal-Artikolu 57(1) KE

62.      L-ewwel domanda tistieden li jiġi stabbilit jekk is-sistema fiskali tal-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG tistax tinżamm f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali minħabba li hija tapplika għall-movimenti tal-kapital li jinvolvu l-provvista ta’ servizzi finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 57(1) KE.

63.      Filwaqt li rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ċċaratx din l-espressjoni, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57(1) KE, li huma biss ir-regoli għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tal-pajjiżi terzi stess u li jistabbilixxu r-rekwiżiti jew il-modalitajiet tal-provvista ta’ servizzi li huma relatati mal-imsemmija espressjoni, bl-esklużjoni, fi kwalunkwe każ, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom bħala suġġett it-tassazzjoni tal-investituri.

64.      Filwaqt li l-Kummissjoni taqbel ma’ din l-interpretazzjoni, il-Gvern Ġermaniż, dak Taljan u dak tar-Renju Unit jiċħduha. Dawn it-tliet partijiet ikkonċernati jsostnu, essenzjalment, li minn naħa waħda, il-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi finanzjarji jista’ jinkludi miżuri intiżi għad-destinatarju tal-imsemmija provvista u, min-naħa l-oħra, f’dan il-każ teżisti rabta stretta bejn l-għan tal-miżura nazzjonali, jiġifieri t-tassazzjoni tad-detenturi ta’ titoli ta’ holdings f’fondi ta’ investiment barranin, u l-aġir tal-fondi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikoli 17(3) u 18(2) tal-AuslInvestmG. Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tirrigwarda l-provvista ta’ servizzi finanzjarji sa fejn tal-inqas il-fondi ta’ investiment ikunu indirettament inkoraġġuti sabiex jikkonformaw mar-regoli nazzjonali ta’ trasparenza stabbiliti mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

65.      Min-naħa tiegħi, infakkar qabel xejn li diġà kelli l-opportunità nressaq numru ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “provvediment ta’ servizzi finanzjarji”, inkluż fl-Artikolu 57(1) KE, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (34).

66.      Kif diġà ppreċiżajt f’dawn il-konklużjonijiet, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett inkwistjoni, huwa korrett li jiġi preżunt li s-servizzi kkonċernati huma dawk ipprovduti minn stabbilimenti finanzjarji, bħall-banek, il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, il-kumpanniji ta’ investiment u l-istabbilimenti l-oħra ta’ natura simili. Fond ta’ investiment (jew, b’mod iktar preċiż, il-kumpannija li tiżgura l-ġestjoni tiegħu) jappartjeni mingħajr ebda dubju għal din il-kategorija ta’ stabbilimenti.

67.      Barra minn hekk, jiena nkompli nikkunsidra li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jestendi biss għall-moviment tal-kapital li “jinvolvi” il-provvista ta’ servizzi finanzjarji u mhux, għall-kuntrarju, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji li tinvolvi jew twassal għall-movimenti tal-kapital. Din id-distinzjoni hija kruċjali. Fil-fatt, huma biss il-miżuri nazzjonali li l-għan tagħhom jirrigwarda tal-inqas prinċiparjament il-movimenti tal-kapital li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE. Il-miżuri nazzjonali li l-għan tagħhom jirrigwarda prinċiparjament il-provvista ta’ servizzi finanzjarji ma jidħlux, għaliex dawn għandhom ikunu eżaminati mill-perspettiva tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li huwa magħruf li ma jestendux la għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u lanqas ma’ dawk tal-PTEE (35).

68.      Konsegwentement, peress li l-Artikolu 57(1) KE jsemmi li huwa jirrigwarda movimenti tal-kapital li jinvolvu l-provvista ta’ servizzi finanzjarji, fl-opinjoni tiegħi, huwa ma jinkludix fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu miżuri nazzjonali li l-għan tagħhom jirrigwarda r-rekwiżiti u l-modalitajiet tal-provvista ta’ servizzi. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, tali miżura sempliċement ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-moviment liberu tal-kapital u għalhekk tal-Artikolu 57(1) KE, iżda f’dawk relatati mad-dispożizzjonijiet relatati mal-provvista ta’ servizzi.

69.      L-Artikolu 57(1) KE ma jistax ikun interpretat fis-sens li huwa limitat sabiex jirrepeti biss id-delimitazzjoni ġenerali li tinsab fit-Trattat bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-provvista ta’ servizzi, anki jekk “finanzjarji” biss, u dawk ta’ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-movimenti tal-kapital. Id-deroga li tinsab f’dan l-artikolu, għalkemm, ma togħġobx lill-Gvern Ġermaniż, għandha tingħata interpretazzjoni stretta (36), għandu jkollha l-possibbiltà li żżomm effettività.

70.      Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 57(1) KE jinkludi l-movimenti tal-kapital li “jinvolvi [jinvolvu]”, jiġifieri, li jwasslu għall-provvista ta’ servizzi finanzjarji (37).

71.      Fil-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (EU:C:2013:710), li kienet tirrigwarda t-tassazzjoni, fil-Polonja, ta’ holdings li fond ta’ investiment ta’ pajjiż terz kellu fil-kapital soċjali ta’ kumpanniji Pollakki, il-movimenti tal-kapital ikkonċernati ma kinux jinvolvu provvista ta’ servizzi finanzjarji min-naħa tal-fond ta’ investiment għall-benefiċċju tal-kumpanniji inkwistjoni. Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħi jiena kont ippreċiżajt ukoll li l-miżura nazzjonali kontenzjuża ma kinitx tirrigwarda l-movimenti tal-kapital marbuta mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji mogħtija mill-fond ta’ investiment lid-detenturi tal-ishma, ħlief jekk dawn tal-aħħar kienu jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru jew f’dak ta’ pajjiż terz. Għalhekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE ma setgħetx tkun invokata (38).

72.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex teżamina din il-problema għaliex l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 57(1) KE kienet ġustament skartata għall-unika raġuni li l-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni f’dik il-kawża ma kinitx tissodisfa l-kriterju ratione temporis tal-imsemmi artikolu (39).

73.      F’din il-kawża, il-movimenti tal-kapital inkwistjoni, jiġifieri t-tranżazzjonijiet ta’ akkwist ta’ ishma f’fondi ta’ investiment li jinsabu f’PTEE li minnhom l-investitur jirċievi dividendi suġġetti għat-tassazzjoni b’rata fissa kontenzjuża, neċessarjament jinvolvu, fl-opinjoni tiegħi, il-provvista, mill-fondi ta’ investiment ikkonċernati, ta’ servizzi finanzjarji għal benefiċċju tal-investitur. Mingħajr dawn is-servizzi, fil-fatt, l-akkwist ta’ dawn il-holdings ma jkollu sempliċement ebda sens, b’mod partikolari fil-każ ta’ investitur mhux istituzzjonali li jibbenefika minn serje ta’ possibbiltajiet ta’ investiment skont parametri differenti rilevanti li ġeneralment huwa jkun imċaħħad minnhom jekk jiddeċiedi li jinvesti direttament fis-suq tal-kapital. Barra minn hekk, huma preċiżament dawn is-servizzi finanzjarji li jtejbu u jżidu l-benefiċċji li abbażi tagħhom tista’ tiġi imposta t-tassazzjoni nazzjonali.

74.      Il-fatt li l-miżura nazzjonali tirrigwarda fl-ewwel kap l-investitur u mhux il-fornitur ma jibdel xejn f’din il-konstatazzjoni għaliex il-kriterju determinanti tal-Artikolu 57(1) KE jirrigwarda r-rabta ta’ kawża u effett li teżisti bejn il-moviment tal-kapital u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji u mhux il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżura nazzjonali kkontestata jew ir-relazzjoni tagħha mal-provvista, pjuttost milli d-destinatarju, ta’ tali servizzi. Jekk l-imsemmija movimenti neċessarjament iwasslu għal tali provvista, l-Artikolu 57(1) KE għandu jiġi applikat, jekk ir-rekwiżiti l-oħra previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

75.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni sostniet fis-seduta, xejn ma jissuġġerixxi li l-leġiżlazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE jew, issa, tal-Artikolu 64(1) TFUE. Il-prova hija li, fis-sentenzi tagħha Holböck (40), (EU:C:2011:276), Welte (EU:C:2013:662), kif ukoll Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (EU:C:2014:249), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fid-dettall l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ miżuri fiskali nazzjonali.

76.      Għalhekk, jien inqis li hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik tal-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG, li fundamentalment ma kinitx emendata wara l-31 ta’ Diċembru 1993 u li tipprevedi, f’ċerti ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ tassazzjoni b’rata fissa għad-detenturi nazzjonali ta’ holdings f’fondi ta’ investiment li jinsabu f’pajjiżi terzi jew f’PTEE assimilati għall-imsemmija pajjiżi terzi, tirreferi għal moviment tal-kapital li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji fis-sens tal-Artikolu 73 C tat-Trattat KE u, mill-1 ta’ Mejju 1999, fis-sens tal-Artikolu 57(1) KE.

77.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda, imressqa biss fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel waħda.

78.      Huwa għalhekk sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-proposta li jiena għadni kif ifformulajt, li jiena ser nanalizza t-tieni domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju.

b)      Fuq il-kunċett ta’ “investiment dirett” fis-sens tal-Artikolu 57(1) KE

79.      Kif diġà ppreċiżajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (41), peress li l-kunċett ta’ investimenti dirett ma kienx iddefinit mit-Trattat KE, il-Qorti tal-Ġustizzja, sal-lum, ibbażat ruħha fuq id-definizzjonijiet li jinsabu fin-nomenklatura tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/3621/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (42) u n-noti ta’ spjega marbuta magħha (43).

80.      Skont dawn id-definizzjonijiet, il-kunċett ta’ investimenti dirett jirrigwarda l-investimenti mwettqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu biex jinħolqu u jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn il-persuna li tipprovdi l-kapital u l-impriża li lilha jingħata tali kapital sabiex twettaq attività ekonomika (44).

81.      Huwa abbażi ta’ dawn id-definizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni, fil-moviment ta’ kapital, bejn l-investiment “dirett” fil-forma ta’ holdings f’impriża permezz taż-żamma ta’ ishma li jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva fl-amministrazzjoni u l-kontroll tagħha u l-investimenti “f’portafoll” li jinvolvu l-akkwist ta’ titoli fuq is-swieq kapitali mwettqa bl-unika intenzjoni ta’ investiment finanzjarju mingħajr ebda intenzjoni ta’ influwenza fuq l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-impriża (45).

82.      Għalkemm dawn iż-żewġ kategoriji ta’ investimenti jaqgħu fil-kunċett ta’ moviment tal-kapital, b’kuntrast, huwa l-“investiment dirett” biss, inkluż il-ħlas ta’ dividendi li jitnisslu minnu, li huwa l-oġġett tad-deroga ammessa mill-Artikolu 57(1) KE (46).

83.      Filwaqt li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE, il-qorti tar-rinviju kienet a priori inklinata li ssegwi din il-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-investimenti diretti u l-investimenti f’portafoll, billi kkunsidrat li, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni tad-detenturi tal-azzjonijiet fil-fondi ta’ investiment fil-prinċipju ma jaqgħux fl-ewwel kategorija, hija tistaqsi madankollu, jekk permezz tas-sentenza tagħha VBV – Vorsorgekasse (47), tas-7 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikatx jew dgħajfitx, din il-ġurisprudenza.

84.      Jiena diġà eżaminajt u rrifjutajt tali argument fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (48), argument li kien invokat mill-Gvern Pollakk, iżda li għalih il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex bżonn tirrispondi.

85.      Għalhekk ser nillimita ruħi, essenzjalment, sabiex nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fl-imsemmija konklużjonijiet f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, għandu jitfakkar li għalkemm is-sentenza VBV – Vorsorgekasse (EU:C:2012:327) tirrigwarda restrizzjonijiet għall-akkwist minn persuna ġuridika (fond professjonali ta’ previdenza), investitur istituzzjonali stabbilit fl-Awstrija, ta’ ishma f’fondi komuni ta’ investiment li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, tranżazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat, fil-preambolu tar-raġunament tagħha, bħala “investiment dirett”, din tal-aħħar kienet mistoqsija mhux dwar l-Artikolu 64(1) TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 57(1) KE, iżda dwar l-Artikolu 63 TFUE biss. Issa, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna u jista’ jittollera ċertu “tibdil” fl-użu ta’ termini li jindikaw il-kategoriji differenti ta’ movimenti tal-kapital, dan ma huwiex il-każ għal dak li jirrigwarda l-kategoriji elenkati fl-Artikolu 64(1) TFUE, li, infakkar, li bħala deroga għal sistema ta’ libertà prevista mid-dritt tal-Unjoni, għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta, skont il-ġurisprudenza (49). Għalhekk peress li ma kinitx adita minn domanda ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE, evidentement il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li twessa’ l-portata tal-kunċett ta’ investiment dirett, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.

86.      Ċertament, bħalma targumenta l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma jistax ikun totalment eskluż li detentur ta’ holdings f’fondi ta’ investiment jista’ jipparteċipa b’mod effettiv fl-amministrazzjoni u fil-kontroll tal-kumpannija ta’ ġestjoni tal-imsemmija fondi b’tali mod li, skont iċ-ċirkustanzi reali ta’ kull każ, jista’ jiġi konkluż li jirrigwarda investiment dirett.

87.      Sfortunatament l-elementi fattwali u ġuridiċi riprodotti fis-sentenza VBV – Vorsorgekasse (EU:C: 2012:327) ma jippermettux li jiġi żgurat li dan huwa l-każ għal dak li jirrigwarda l-akkwist mill-fond professjonali Awstrijak tal-holdings f’fondi komuni ta’ investiment li jinsabu fil-Lussemburgu.

88.      Madankollu u fi kwalunkwe każ, jidhirli li huwa minn tal-inqas riskjuż, fid-dawl tan-natura u tal-volum ta’ investiment imwettqa minn M. Schweier, li din tal-aħħar akkwistat ishma li jippermettulha tikseb dritt ta’ kontroll fuq il-fondi ta’ investiment tal-kumpannija ta’ ġestjoni stabbilita fil-Gżejjer Kajman. Għall-kuntrarju huwa ferm iktar probabbli, fid-dawl tal-informazzjoni kontenuta fil-proċess li, bħala investitur privat, M. Schweier ipparteċipat biss f’portafoll kollettiv stabbilit minn dawn il-fondi, bis-sempliċi intenzjoni li twettaq investiment finanzjarju. Issa, huwa paċifiku li s-sistema fiskali prevista fl-Artikolu 18(3) tal-AuslInvestmG tapplika meta jsiru tali investimenti ta’ portafoll.

89.      Għaldaqstant, jiena nqis li s-sentenza VBV – Vorsorgekasse (EU:C:2012:327) ma affettwatx l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ investiment dirett previst fl-Artikolu 57(1) KE u li, fid-dawl tal-punti legali u fattwali kollha li jinsabu fil-proċess, id-deroga prevista minn din id-dispożizzjoni ma tistax tkun invokata sa fejn is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax “moviment tal-kapital […] lejn jew minn pajjiżi terzi […] [li] jinvolvi investiment dirett”.

III – Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja):

Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 18(3) tal-liġi dwar il-bejgħ ta’ holdings f’investimenti barranin u dwar it-tassazzjoni tad-dħul minn ishma f’investimenti barranin (Gesetz über den Vertrieb ausländischer Investmentanteile und über die Besteuerung der Erträge aus ausländischen Investmentanteilen), li ma ġietx fundamentalment emendata wara l-31 ta’ Diċembru 1993 u li tipprovdi, f’ċerti ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ tassazzjoni b’rata fissa għad-detenturi nazzjonali ta’ holdings f’fondi ta’ investiment li jinsabu f’pajjiżi terzi jew f’pajjiżi u territorji extra-Ewropej assimilati għall-imsemmija pajjiżi, tirreferi għal moviment tal-kapital li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji fis-sens tal-Artikolu 73 C(1) tat-Trattat KE u sa mill-1 ta’ Mejju 1999, fis-sens tal-Artikolu 57(1) KE.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ħlief fejn huwa neċessarju għal raġunijiet ta’ applikazzjoni tat-Trattati ratione temporis, f’dawn il-konklużjonijiet jiena ser nirreferi biss għall-Artikolu 57(1) KE għall-konvenjenza tal-kitba, peress li huwa mifhum li l-kundizzjonijiet previsti miż-żewġ artikoli ma nbidlux.


3 – BGBl. I 1998, p. 2820.


4 – Skont dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-kumpanniji ta’ investiment (Gesetz über Kapitalanlagegesellschaften, iktar ’il quddiem il-“KAGG”) fil-verżjoni tagħha applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013.


5 – Ara l-Artikolu 38b tal-KAGG.


6 – 283/81, EU:C:1982:335, punt 21.


7 – C-39/11, EU:C:2012:327.


8 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C-83/13, EU:C:2014:201, punt 12, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kerafina Keramische und Finanz-Holding u Vioktimatiki (C-134/91 u C-135/91, EU:C:1992:434, punt 16); Consiglio nazionale dei geologi et Autorità garante della concorrenza e del mercato (C-136/12, EU:C:2013:489, punt 29); kif ukoll Belgian Electronic Sorting Technology (C-657/11, EU:C:2013:516, punt 28).


10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cilfit et (EU:C:1982:335, punt 21); Pedro IV Servicios (C-260/07, EU:C:2009:215, punt 36); kif ukoll Boxus et (C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, EU:C:2011:667, punt 31).


11 – EU:C:2014:201.


12 – EU:C:2014:2053.


13 – Sentenza Pedro IV Servicios (C-260/07, EU:C:2009:215).


14 – Idem (punt 36).


15 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (EU:C:2014:201, punt 22).


16 – C-326/12, EU:C:2014:2269.


17 – Ibidem (punt 58 u d-dispożittiv).


18 – Sal-2002, il-Gżejjer Kajman kienu jgawdu status ta’ “British dependent territory” skont il-British Nationality Act 1981 (ara l-Anness 6 ta’ din il-liġi). Dan l-istatus inbidel fl-2002 għal “British overseas territory” bl-applikazzjoni tal-British Overseas Territories Act tas-26 ta’ Frar 2002.


19 – Il-lista ta’ PTEE li hija s-suġġett tal-Anness IV tat-Trattat KEE kienet emendata bl-Artikolu 24 tal-Att dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għall-adattamenti tat-Trattati (ĠU 1972 L 73, p. 14), u tinkludi b’mod partikolari l-Gżejjer Kajman.


20 – Ara, l-argumenti magħmula f’dan ir-rigward fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Prunus u Polonium (C-384/09, EU:C:2010:759, punti 24 sa 29).


21 – Ara l-Artikolu 355(2) TFUE.


22 – Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KEE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 182 tat-Trattat KE kif ukoll, issa, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE.


23 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalòn fil-kawża Prunus u Polonium (EU:C:2010:759, punti 31 sa 39).


24 – Sentenzi Prunus u Polonium (C-384/09, EU:C:2011:276, punt 29) kif ukoll X u TBG (C-24/12 u C-27/12, EU:C:2014:1385, punt 45).


25–      EU:C:2011:276, punt 31. Il-Qorti tal-Ġustizzja tindika “Stati terzi” iżda kien ikun iktar xieraq li jingħad pajjiżi terzi, fid-dawl tal-assenza ta’ sovranità, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali pubbliku, ta’ dawn l-entitajiet u li jikkorrispondi għalhekk għall-formulazzjoni tal-Artikoli 73 B u 73 C tat-Trattat KE, 56 KE, 57 KE kif ukoll 63 TFUE u 64 TFUE.


26 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 319. Skont l-Artikolu 63 tagħha, din id-deċiżjoni hija applikabbli sa mill-31 ta’ Diċembru 2011.


27 – EU:C:2014:1385, punt 48.


28 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2013:710, punt 53).


29 – Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Prunus u Polonium (EU:C:2011:276, punt 32).


30 – Ara, fl-aħħar lok dwar l-analiżi tal-kriterju ratione temporis previst fl-Artikolu 57(1) KE, is-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punti 47 sa 52).


31 – ĠU 1994 L 1, p. 3.


32 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Ospelt u Schlössle Weissenberg (C-452/01, EU:C:2003:493, punt 31) rigward dak li qabel kien l-Artikolu 73 KE tat-Trattat KE.


33 – Għalkemm fis-seduta l-avukat ta’ I. Wagner-Raith indika li huwa biss l-LGT Bank li kien amministra l-fondi ddepożitati, din l-informazzjoni ma tirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju u ma tbiddel xejn mill-fatt, indikat minn din il-qorti, li l-fondi ta’ investimenti kienu amministrati minn kumpannija stabbilita fil-Gżejjer Kajman, fatt li wassal, fost affarijiet oħra, għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża.


34 – EU:C:2013:710, punti 73 sa 79.


35 – Rigward in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma’ pajjiżi terzi, ara s-sentenza Fidium Finanz (C-452/04, EU:C:2006:631, punti 25 u 47). Fir-rigward tal-PTEE, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ parti tat-Trattat ma ssemmiex il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li s-Seba’ Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar tindika biss għan għal perijodu twil li jikkonsisti fil-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ ta’ servizzi, ibbażat fuq l-obbligi fil-kuntest tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS).


36 – Ara s-sentenza Welte (C-181/12, EU:C:2013:662, punt 29).


37 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (EU:C:2013:710, punt 77).


38 – Ibidem (punti 78 u 79).


39 – Ara s-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (EU:C:2014:249, punt 53).


40 – C-157/05, EU:C:2007:297, punti 37 sa 45.


41 – EU:C:2013:710, punti 60 u 61.


42 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10.


43 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Holböck (EU:C:2007:297, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Welte (EU:C:2013:662, punt 32).


44 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Welte (EU:C:2013:662, punt 32).


45 – Ara, b’mod partikolari, dwar din id-distinzjoni, is-sentenzi Orange European Smallcap Fund (C-194/06, EU:C:2008:289, punti 98 sa 102); Glaxo Wellcome (C-182/08, EU:C:2009:559, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-212/09, EU:C:2011:717, punt 47).


46 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punti 137 u 138) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (EU:C:2013:710, punt 64).


47 – EU:C:2012:327.


48 – EU:C:2013:710, punti 69 sa 72. Dawn il-konklużjonijiet kienu ppreżentati ftit jiem wara li din it-talba għal deċiżjoni preliminari kienet innotifikata lill-Qorti tal-Ġustizzja.


49 – Ara s-sentenza Welte (EU:C:2013:662, punt 29).