Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2015 (1)

Kawża C-595/13

Staatssecretaris van Financiën

vs

Fiscale Eenheid X N.V. c.s.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Leġiżlazzjoni fiskali – VAT – Artikolu 13B, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE – Eżenzjoni mit-taxxa għall-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment – Proprjetajiet immobbli bħala attiv ta’ fond speċjali ta’ investiment – Operat effettiv ta’ proprjetajiet immobbli bħala mmaniġġjar ta’ fond speċjali ta’ investiment”





I –    Introduzzjoni

1.        Sa minn kważi 40 sena ilu, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-VAT) tipprovdi eżenzjoni mit-taxxa fir-rigward tal-immaniġġjar ta’ fondi ta’ investiment, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonċernat ruħha dwarha ripetutament (2). Madankollu din hija l-ewwel darba li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda dwar jekk u sa fejn il-fondi ta’ investiment fi proprjetajiet immobbli wkoll – u mhux biss fondi ta’ investiment f’titoli trasferibbli – jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT

2.        Għal dan il-perijodu, li huwa rilevanti għall-kawża prinċipali, il-VAT tal-Unjoni kienet irregolata mis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (3) (iktar ’il quddiem: is-Sitt Direttiva), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ għas-sena 1996.

3.        Skont l-Artikolu 2, punt 1 tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT, fost oħrajn, il-“provvista ta’ [...] servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4.        Madankollu, skont l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu, it-tranżazzjonijiet li ġejjin huma eżenti mill-VAT:

“6.      maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri”.

5.        Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, li hija attwalment fis-seħħ (4). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata magħha tista’ għalhekk ukoll tittieħed inkunsiderazzjoni f’din il-kawża.

6.        Fid-dritt Olandiż, il-punt 3 tal-Artikolu 11(1)(i) tal-Wet op de omzetbelasting (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ) 1968, jeżenta mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ l-immaniġġjar ta’ kapitali miġbura mill-fondi ta’ investiment u mill-kumpanniji ta’ investiment għall-finijiet ta’ investiment kollettiv.

 Dritt dwar sorveljanza għall-fondi ta’ investiment

7.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (5), fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fl-1996 (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva UCITS”), huwa ddefinit permezz tas-sitt premessa tagħha bil-mod li ġej:

“Billi l-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandha tkun limitata inizjalment għal impriżi ta’ investiment kollettiv barra minn dawk tat-tip “magħluqa” li jippromwovu l-bejgħ ta’ l-unitajiet tagħhom lill-pubbliku fil-Komunità u li l-uniku l-objettiv tagħhom hu l-investiment f’titoli trasferibbli (li huma essenzjalment titoli trasferibbli uffiċjalment elenkati fil-boroż jew swieq simili rregolati); billi r-regolament ta’ l-impriżi ta’ investiment kollettiv li mhumiex koperti b’din id-Direttiva joħloq varjetà ta’ problemi li għandhom jiġu ttrattati permezz ta’ dispożizzjonijiet oħrajn, u dawn l-impriżi ikunu għalhekk is-suġġett ta’ koordinazzjoni aktar tard; [...]”

8.        Id-Direttiva 2011/61/UE, dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (6) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva dwar l-AIFM”) għandha, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan li ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli għall-awtorizzazzjoni, l-operat kontinwu u t-trasparenza tal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) li jimmaniġġaw u/jew jikkummerċjalizzaw fondi ta’ investiment alternattivi (AIFs) fl-Unjoni”.

9.        L-Anness I tad-Direttiva dwar l-AIFM tinkludi l-estratti li ġejjin:

“1.      Funzjonijiet ta’ mmaniġġar tal-investimenti li AIFM għandu tal-anqas iwettaq meta jimmaniġġa AIF:

a) l-immaniġġar tal-portafoll;

b) l-immaniġġar tar-riskju.

2.       Funzjonijiet oħrajn li AIFM jista’ jaqdi addizzjonalment matul il-kors tal-ġestjoni kollettiva ta’ AIF:

a) Amministrazzjoni:

[…]

b) Kummerċjalizzazzjoni;

      c) Attivitajiet relatati mal-assi tal-AIFs, jiġifieri [...] immaniġġar tal-faċilitajiet, attivitajiet amministrattivi ta’ proprjetà immobbli [...]”.

III – Il-kawża prinċipali

10.      Il-kawża prinċipali għandha bħala suġġett id-dejn ta’ VAT tal-Fiscale Eenheid X N.V. c.s. (iktar ’il quddiem, “X”) għas-sena 1996.

11.      X hija entità fiskali, li tinkludi diversi kumpanniji, li flimkien huma meqjusa li huma persuna taxxabbli fil-kuntest tal-VAT. X tinkludi wkoll il-kumpannija A Beheer N.V. (iktar ’il quddiem, “A”).

12.      F’Jannar tal-1996, A pprovdiet servizzi lil tliet kumpanniji, li kienu nħolqu permezz ta’ diversi fondi ta’ pensjonijiet u li kienu involuti fil-kummerċ u fl-immaniġġjar ta’ proprjetajiet immobbli. Billi dawn il-kumpanniji ma kinux jimpjegaw persunal, A aċċettat kuntrattwalment il-kompiti li ġejjin:

a)      l-attività bħala direttur tal-kumpanniji;

b)      l-attivitajiet kollha ta’ natura eżekuttiva li huma responsabbli għalihom il-kumpanniji skont dispożizzjonijiet legali, kuntratti ta’ kumpanniji, statuti u deċiżjonijiet amministrattivi;

c)      l-immaniġġjar tal-patrimonju tal-kumpanniji, b’mod partikolari tal-proprjetajiet immobbli tagħhom;

d)      it-tfassil ta’ rapporti finanzjarji, l-ipproċessar ta’ data u l-verifika tal-kontabbiltà interna.

e)      l-atti ta’ disponibbiltà tal-patrimonju tal-mandant, inkluż ix-xiri u l-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli;

f)      il-kisba ta’ azzjonisti jew ta’ detenturi ta’ ishma.

13.      X hija tal-fehma li l-attivitajiet kollha ta’ A elenkati iktar ’il fuq jaqgħu taħt l-eżenzjoni mit-taxxa għall-immaniġġjar kapitali miġbura mill-fondi ta’ investiment skont il-punt 3 tal-Artikolu 11(1)(i) tal-Wet op de omzetbelasting 1968. Min-naħa l-oħra, l-awtorità fiskali tqis biss ix-xiri u l-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli kif ukoll il-kisba ta’ azzjonisti ġodda (ara taħt e u f) bħala eżenti mit-taxxa.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Il-kawża waslet quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden li, billi tqis li s-soluzzjoni kienet parzjalment tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fil-21 ta’ Novembru 2013 għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 13(B) tas-Sitt Direttiva (1), fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija maħluqa minn iktar minn investitur wieħed li l-uniku għan tagħha huwa li tinvesti l-patrimonju li huma akkumulaw fil-proprjetà immobbli tista’ tiġi ikkunsidrata bħala fond speċjali ta’ investiment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

2.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: l-Artikolu 13(B) tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘immaniġġjar’ ikopri wkoll il-ġestjoni effettiva tal-proprjetà immobbli tal-kumpannija li din tal-aħħar fdat f’idejn terzi?”

15.      X, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’Marzu 2014. Il-proċedura orali tal-4 ta’ Marzu 2015 żvolġiet fil-preżenza tagħhom kif ukoll tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

V –    Evalwazzjoni ġuridika

16.      Din il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ domandi dwar l-eżenzjoni minn taxxa tal-immaniġġjar tal-fondi speċjali ta’ investiment skont l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu. L-ewwel domanda tirrigwarda l-kunċett ta’ “fond speċjali ta’ investiment” (taħt A), u t-tieni domanda tirrigwarda l-kunċett ta’ “immaniġġjar” (taħt B).

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari: “fond speċjali ta’ investiment”

17.      Skont l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu, l-immaniġġjar ta’ “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri” huwa eżenti mill-VAT. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikkjarifika, essenzjalment, jekk tali fondi speċjali ta’ investiment jistgħux ikunu magħmulin ukoll proprjetajiet immobbli.

1.      In-neċessità ta’ sorveljanza mill-Istat speċifika

18.      Minkejja s-setgħa ta’ definizzjoni li hija rrikonoxxuta lilhom permezz tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu, l-Istati Membru ma jistgħux jirrispondu għal din id-domanda b’mod awtonomu. Fil-fatt – kif ikkonstata reċentement l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón (7) – il-ġurisprudenza tagħna tħalli biss marġni ta’ diskrezzjoni limitat sabiex jiġu ddefiniti l-“fondi speċjali ta’ investiment”.

19.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li Stat Membru ma jistax jagħżel, fost il-fondi speċjali ta’ investiment, dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni u dawk li ma jibbenefikawx; huwa jista’ biss jiddefinixxi, fid-dritt intern tiegħu, dawk il-fondi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” (8).

20.      Għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn tidher bħala dikjarazzjoni li toħloq konfużjoni, teżisti kjarifika sempliċi għaliha. Fil-fatt għandha ssir distinzjoni bejn żewġ oqsma ta’ leġiżlazzjoni: minn naħa, dik dwar il-VAT, min-naħa l-oħra, dik dwar is-sorveljanza mill-Istat dwar fondi ta’ investiment jew “organi ta’ investiment kollettiv”, kif huma kultant ikklassifikati mid-dritt tal-Unjoni (9).

21.      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni hawnhekk, il-liġi dwar il-VAT ġiet armonizzata qabel il-liġi dwar is-sorveljanza (10). Għalhekk kien meħtieġ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT tirreferi għad-dritt nazzjonali sabiex tkun tista’ teżenta mill-VAT l-immaniġġjar ta’ fondi ta’ investiment suġġetti għal sorveljanza mill-Istat speċifika (11). Inizjalment, kienu biss l-Istati Membri li kienu jistabbilixxu liema fondi ta’ investiment kienu rregolati mill-Istat, u għalhekk suġġetti għal regoli ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-investituri. Għal dawn il-fondi speċjali ta’ investiment irregolati mid-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni ta għalhekk dritt għal eżenzjoni mit-taxxa skont l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu.

22.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx b’mod espliċitu li għandu jibbenefika minn eżenzjoni biss dak il-patrimonju li huwa suġġett għal sorveljanza mill-Istat speċifika. Madankollu din il-fehma hija, b’mod ċar, il-bażi tal-ġurisprudenza tagħha.

23.      Fil-fatt, wara li d-Direttiva UITS kienet introduċiet fuq il-livell tal-Unjoni l-ewwel element ta’ leġiżlazzjoni tas-sorveljanza mill-Istat speċifika għall-fondi ta’ investiment, il-Qorti tal-Ġustizzja rrestrinġiet id-diskrezzjoni tal-Istati Membri għad-definizzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu: l-Istati Membri għandhom jikkategorizzaw l-patrimonji li huma rregolati mid-Direttiva UCITS, imperattivament bħala “fondi speċjali ta’ investiment” (12). Is-setgħa ta’ definizzjoni tal-Istati Membri għalhekk ġiet sovrapposta mill-armonizzazzjoni tal-liġi dwar is-sorveljanza (13).

24.      Madankollu sa fejn il-leġiżlazzjoni fir-rigward tas-sorveljanza ma hijiex irregolata fuq il-livell tal-Unjoni, is-setgħa ta’ definizzjoni tal-Istati Membri tinżamm. Dan peress li fis-sitt premessa tad-Direttiva UCITS, il-leġiżlatur tal-Unjoni jesponi li l-armonizzazzjoni għandha “inizjalment” tikkonċerna biss fondi li ma humiex magħluqa u li jinvestu unikament f’titoli trasferibbli. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonstata li kumpannija ta’ investiment b’kapital fiss, li s-sorveljanza mill-Istat tagħha ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni, tista’ madankollu taqa’ taħt il-kunċett ta’ fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu (14).

25.      Għal din il-kawża, din is-sitwazzjoni ma nbidlitx. Dan peress li l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-liġi dwar is-sorveljanza għal fondi ta’ investiment imwettqa permezz tad-Direttiva UCITS ma taffettwax il-kawża prinċipali, li għaliha tapplika l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fis-sena 1996.

26.      Il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu huwa għalhekk, tal-inqas fid-dritt li qabel kien fis-seħħ, iddeterminat kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-dritt nazzjonali. Sa fejn id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta lill-fondi ta’ investiment għal superviżjoni mill-Istat speċifika permezz tad-Direttiva UCITS, dawn jitqiesu li huma fondi speċjali ta’ investiment għall-finijiet tal-eżenzjoni mit-taxxa. Sa fejn, minbarra dan, l-Istati Membri jipprevedu wkoll sorveljanza mill-Istat speċifika għal tipi oħra ta’ fondi ta’ investiment, dawn bħala prinċipju wkoll jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa.

27.      Huwa f’dan is-sens li għandha tinftiehem il-ġurisprudenza tagħna, li tgħid li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll bħala fondi speċjali ta’ investiment fondi li, mingħajr ma jikkostitwixxu organi ta’ investiment kollettiv fis-sens tad-Direttiva UCITS, madankollu jkunu tal-inqas suffiċjentement simili tant li jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni magħhom (15). Tali kompetizzjoni tista’ tiġi stabbilita prinċipalment bejn fondi ta’ investiment li huma suġġetti għal sorveljanza mill-Istat speċifika. Huma biss dawn il-fondi ta’ investiment li jistgħu jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u jkunu indirizzati lill-istess ċirku ta’ investituri.

28.      Is-sentenza ATP PensionService, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li fondi ta’ rtirar professjonali wkoll jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ fondi speċjali ta’ investiment (16), ukoll taqbel man-neċessità ta’ sorveljanza mill-Istat speċifika. Fil-fatt, bħala prinċipju, dawn l-iskemi ta’ rtirar professjonali huma suġġetti għal tali sorveljanza, kif stabbilit mid-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [professjonali] (17).

29.      Fl-aħħar nett, billi jiġi llimitat l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni għall-fondi ta’ investiment li huma suġġetti għal sorveljanza mill-Istat speċifika, jiġi osservat ukoll il-prinċipju ddikjarat diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, li l-kunċett ta’ eżenzjoni minn taxxa għandu jiġi interpretat b’mod strett (18). Fil-fatt, jekk l-eżenzjoni mit-taxxa tiġi estiża wkoll għal fondi ta’ investiment mhux irregolati, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkun wiesa’ ħafna, Pereżempju, kumpanniji jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati bħala fondi speċjali ta’ investiment meta jiffunzjonaw bħala holding għal ishma f’impriżi, hekk kif ir-Renju Unit irrileva ġustament fil-proċedura orali.

30.      F’dak li jikkonċerna din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-fondi ta’ investiment, li huma komposti esklużivament minn proprjetajiet immobbli, ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni dwar sorveljanza applikabbli fis-sena 1996. Skont l-Artikolu 1(1) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2) tagħha, id-Direttiva UCITS tapplika biss għal fondi ta’ investiment li jikkonsistu f’titoli trasferibbli.

31.      Għaldaqstant, fond ta’ investiment li jikkonsisti fi proprjetajiet immobbli jista’ jikkostitwixxi fond speċjali ta’ investiment fis-sens tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu biss jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi sorveljanza mill-Istat speċifika għal tali investiment. Peress li l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju ma jippermettux li jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, hija din il-qorti li għandha tagħti deċiżjoni dwar dan il-punt.

2.      Proprjetajiet immobbli bħala fondi speċjali ta’ investiment permissibbli

32.      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li t-tliet kumpanniji, li A kienet ipprovditilhom diversi servizzi, kienu suġġetti għal sorveljanza mill-Istat speċifika, tqum id-domanda sussegwenti dwar jekk tali fondi speċjali ta’ investiment, permezz ta’ liġi nazzjonali dwar is-sorveljanza, għandhomx jitqiesu li huma fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tal-eżenzjoni mit-taxxa prevista fl-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu.

33.      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, jeżisti limitu esterjuri għad-dritt ta’ definizzjoni tal-Istati Membri. Il-klassifikazzjoni bħala “fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-liġi nazzjonali dwar is-sorveljanza, bis-saħħa ta’ regoli speċifiċi dwar fondi ta’ investiment, minnha nnifisha ma hijiex suffiċjenti sabiex l-eżenzjoni tiġi applikata. Jeħtieġ ukoll li dawn ikunu fondi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu u li jistgħu jkunu eżenti fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva u tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali (19).

34.      Għaldaqstant, anki fl-ipoteżi li l-attività tat-tliet kumpanniji li A pprovditilhom diversi servizzi kienet suġġetta għal sorveljanza mill-Istat speċifika, il-klassifikazzjoni bħala fond speċjali ta’ investiment fis-sens tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu ġiet irrifjutata lilhom minħabba li l-fondi ta’ investiment bħala proprjetajiet immobbli ma humiex inklużi taħt l-għan segwit minn din l-eżenzjoni mit-taxxa.

35.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-għan tal-eżenzjoni mit-taxxa huwa li jiffaċilita, għall-investituri, l-investiment ta’ titoli permezz ta’ organi ta’ investiment, billi jiġu esklużi l-ispejjeż tal-VAT u, għaldaqstant, billi tiġi żgurata n-newtralità tas-sistema komuni tal-VAT fir-rigward tal-għażla bejn l-investiment dirett f’titoli trasferibbli u dak li jseħħ permezz ta’ organi ta’ investiment kollettiv. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni espressament li dan l-għan limitat għat-titoli trasferibbli ma huwiex l-uniku wieħed (20).

36.      Bħala punt ta’ tluq sabiex jiġi stabbilit l-għan tal-eżenzjoni mit-taxxa għandu jsir riferiment għall-formulazzjoni tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu. Din tirreferi għal “fondi speċjali ta’ investiment” b’mod ġenerali iżda mhux għal forma speċifika ta’ investiment. Għalhekk xejn ma jindika li din l-eżenzjoni minn taxxa għandha tkopri biss l-investimenti f’titoli trasferibbli u mhux forom oħra ta’ investimenti.

37.      Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk l-għan ta’ eżenzjoni mit-taxxa fformulat mill-Qorti tal-Ġustizzja jistax jiġi ssodisfatt fil-każ ta’ proprjetajiet immobbli. Fil-fatt, l-investiment dirett fi proprjetajiet immobbli huwa ġeneralment suġġett għall-VAT. Wara dan l-argument, mingħajr dubju hemm l-idea li min-naħa l-oħra, l-investiment dirett f’titoli trasferibbli huwa normalment eżenti skont l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu. Madankollu jekk – hekk kif il-qorti tar-rinviju tidher li temmen – l-investiment dirett fi proprjetajiet immobbli ma huwiex eżenti mit-taxxa, l-immaniġġjar ta’ fondi ta’ proprjetajiet immobbli wkoll ma jkunx eżenti mill-VAT, sabiex jiġi applikat trattament fiskali newtru kemm fuq l-investiment dirett kif ukoll fuq il-fondi ta’ investiment fi proprjetajiet immobbli.

38.      Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk ix-xiri u l-bejgħ ta’ attiv ta’ fond ta’ investiment huwiex eżenti minn taxxa jew huwiex suġġett għat-taxxa hija irrilevanti għall-għan iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżenzjoni mit-taxxa tal-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment. Biex jiġi żgurat it-trattament ugwali ta’ investimenti diretti u ta’ investimenti f’fondi speċjali ta’ investiment kif intiż mill-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu, ebda VAT addizzjonali ma hija miġbura għall-immaniġġjar tal-fondi speċjali ta’ investiment, bħal ma huwa l-każ fir-rigward ta’ investimenti diretti magħmula mill-investituri stess. Fir-rigward ta’ xiri jew bejgħ ta’ attiv li jagħmel parti minn fond ta’ investiment, investimenti diretti u investimenti f’fondi speċjali ta’ investiment huma fi kwalunkwe każ ittrattati b’mod ugwali peress li fiż-żewġ każijiet, il-kwistjoni jekk il-VAT hijiex dovuta jew le tiddependi mill-attiv investit.

39.      L-għan ta’ eżenzjoni għalhekk jintlaħaq ukoll f’każ ta’ investimenti fi proprjetajiet immobbli, għaliex l-investiment f’fondi jiġi eżentat minn spejjeż supplimentari ta’ VAT li ma jiġux sostnuti f’każ ta’ investiment dirett fi proprjetajiet immobbli. Il-fatt li sal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja assoċjat dan l-għan biss mat-titoli trasferibbli huwa spjegat mis-suġġett tal-proċeduri sal-lum u forsi mill-fatt li għal żmien twil, ma kinitx teżisti leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sorveljanza ħlief f’dak li jikkonċerna investimenti f’titoli trasferibbli.

40.      Hekk kif juru s-sitt premessa u l-Artikoli 19(1)(e) u 24 tad-Direttiva UCITS, il-liġi dwar sorveljanza tapplika mhux biss għall-organi ta’ investment kollettiv ta’ titoli trasferibbli, iżda wkoll għal organi ta’ investiment kollettiv oħra. L-investiment f’titoli trasferibbli għalhekk jikkostitwixxi biss forma partikolari ta’ investimenti rregolati. Dan huwa kkonfermat permezz tad-Direttiva UCITS attwalment fis-seħħ, li tirrappreżenta fuq il-livell tal-Unjoni stadju ulterjuri ta’ armonizzazzjoni ta’ sorveljanza mill-Istat speċifika fir-rigward ta’ fondi ta’ investiment. Id-Direttiva UCITS tapplika fost oħrajn ukoll fir-rigward ta’ fondi ta’ proprjetajiet immobbli, kif spjegat fl-erba’ u tletin premessa tagħha.

41.      F’dan il-kuntest, l-estensjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu għall-fondi ta’ proprjetajiet immobbli tippermetti wkoll li jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Fil-fatt, peress li fondi ta’ investiment huma suġġetti għal sorveljanza mill-Istat paragunabbli, u dan indipendentement minn jekk humiex ikkostitwiti minn investiment f’titoli trasferibbli jew minn proprjetajiet immobbli, hemm ukoll kompetizzjoni diretta bejn dawn il-forom ta’ investimenti. Fiż-żewġ każijiet, l-unika ħaġa li hija importanti għall-investitur hija li dawn il-kapitali jkunu relatati miegħu f’termini ta’ interessi fuq il-kapital. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jippermettix madankollu li merkanzija jew provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu, li għalhekk huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (21).

42.      Fl-aħħar nett, niċħad ukoll bħala infondat l-argument tar-Renju tal-Isvezja dwar l-allegata assenza ta’ tifrix tar-riskji ta’ fondi ta’ proprjetajiet immobbli. Huwa ċertament minnu li, skont il-ġurisprudenza, fond speċjali ta’ investiment għandu jippermetti t-tifrix tar-riskju sostnut mill-investituri (22). Anki jekk fond ta’ proprjetajiet immobbli mid-definizzjoni tiegħu jinvesti biss fi proprjetajiet immobbli, dan madankollu jwassal għal tifrix tar-riskji. Dan huwa ċar f’każ ta’ investiment f’diversi proprjetajiet immobbli, iżda japplika wkoll għal proprjetà immobbli unika, iżda ta’ daqs kbir, li tippermetti, pereżempju, li jitqassam ir-riskju kkostitwit min-nuqqas ta’ okkupazzjoni ta’ numru kbir ta’ unitajiet residenzjali jew kummerċjali. Għal raġunijiet analogi, il-fondi speċjali ta’ investiment li jikkonsistu f’titoli trasferibbli jistgħu wkoll ikunu llimitati għal ċertu qasam mingħajr madankollu ma jitilfu l-eżenzjoni mit-taxxa tagħhom.

43.      Fl-aħħar nett, għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala fondi speċjali ta’ investiment, fis-sens tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu, il-patrimonji fi proprjetajiet immobbli li d-dritt nazzjonali qiegħed taħt sorveljanza mill-Istat speċifika inkwantu fondi speċjali ta’ investiment.

3.      Konklużjoni

44.      Ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li kumpannija maħluqa minn iktar minn investitur wieħed bl-għan waħdieni li tinvesti l-patrimonju miġbur fi proprjetajiet immobbli tista’ tiġi kkunsidrata li hija fond speċjali ta’ investiment fis-sens tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun issuġġetta lil din il-kumpannija għal sorveljanza mill-Istat speċifika.

B –    Fuq it-tieni domanda: “immaniġġjar”

45.      It-tieni domanda tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-“immaniġġjar” fis-sens tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-immaniġġjar effettiv tal-proprjetajiet immobbli ttrasferiti lil terz jaqgħux taħt il-kunċett ta’ fondi speċjali ta’ investiment. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-immaniġġjar effettiv tal-proprjetajiet immobbli jinkludi b’mod partikolari l-kirja, l-immaniġġjar tar-relazzjoni tal-kirjiet eżistenti kif ukoll id-delegazzjoni u s-superviżjoni ta’ xogħol ta’ manutenzjoni.

46.      Mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li b’“terz” isir riferiment għall-kumpannija A. Peress li din tal-aħħar ħadet f’idejha s-servizzi kollha ta’ mmaniġġjar, inkluż bħala amministratur, għat-tliet kumpanniji, hawnhekk ma tqumx il-kwistjoni, diġà ttrattata diversi drabi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu pprovduti minn amministratur terz, ċerti servizzi ta’ mmaniġġjar li huma eżenti mit-taxxa, fil-kwalità ta’ subkuntrattur tal-amministratur prinċipali tal-fond speċjali ta’ investiment (23).

47.      Għalhekk f’dan il-każ, l-unika kwistjoni hija x’jifforma parti mill-kunċett ta’ mmaniġġjar fis-sens tal-eżenzjoni fiskali. Sabiex isir riferiment għad-diskussjoni bejn il-partijiet, dan l-immaniġġjar huwa relatat unikament max-xiri u mal-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli jew ukoll mal-operat effettiv tagħhom?

48.      Hekk kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “mmaniġġjar” fis-sens tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu huwa ddefinit esklużivament abbażi tad-dritt Komunitarju; l-Istati Membri ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam (24).

49.      Il-ġurisprudenza tagħna madankollu għadha ma tatx definizzjoni definittiva tal-kunċett ta’ mmaniġġjar. L-uniku fatt ċert huwa li t-tranżazzjonijiet koperti minn din l-eżenzjoni huma dawk li huma “speċifiċi” għall-attività tal-organi ta’ investment kollettiv (25).

50.      L-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar dak li huwa “speċifiku” għall-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investment tiddependi mis-suġġett tal-fond. L-għan ta’ fond speċjali ta’ investiment huwa li jħares u li jżid il-patrimonju. Huwa għalhekk li għandu jiġi kkunsidrat bħala speċifiku għall-immaniġġjar ta’ tali fond kulma amministratur ikollu jagħmel sabiex iħares il-fond ta’ investiment fdat lilu u biex jikseb dħul minnu. Għalhekk huwa għandu jimmaniġġja b’mod korrett l-attiv ta’ investiment rilevanti fdat lilu. Dak li dan ifisser b’mod konkret jista’ jiġi ddefinit biss b’riferiment għas-suġġett tal-investiment.

51.      Fil-każ tal-proprjetajiet immobbli, bħala prinċipju dawn jistgħu iżommu l-valur tagħhom u jiġġeneraw dħul biss jekk jiġu operati b’mod effettiv. Is-sempliċi fatt li jinżamm dritt għall-proprjetà fuq proprjetajiet immobbli normalment ma jwassalx sabiex dawn jiġġeneraw dħul.

52.      Jekk, min-naħa l-oħra, il-fond speċjali ta’ investment huwa kkostitwit minn ishma f’kumpanniji, il-possessur ta’ ishma bħala prinċipju ma huwiex obbligat li jkun personalment involut sabiex jinkiseb dħul. Fil-fatt, l-attività tal-kumpannija tiġi f’dak il-każ żgurata mill-amministrazzjoni tagħha, li hija awtonoma.

53.      Għaldaqstant, għal operat kif dovut tal-attiv tal-investiment, huwa biżżejjed, pereżempju meta dan huwa investiment f’titoli trasferibbli, li jiġu eżerċitati d-drittijiet ta’ possessur ta’ ishma, bħad-dritt tal-vot. Min-naħa l-oħra, il-possessur ta’ ishma ma għandux dritt li effettivament jeżerċita l-attività tal-kumpannija li fiha jżomm ishma. Għal din ir-raġuni, l-operat effettiv ta’ proprjetà immobbli ma huwiex paragunabbli mal-operat effettiv tal-attività ta’ kumpannija li fiha fond ta’ investiment f’titoli trasferibbli jżomm ishma u li ġustament ma jaqax taħt l-“immaniġġjar” fis-sens tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu.

54.      L-amministratur ta’ fond speċjali ta’ investiment għalhekk jista’, fil-każ ta’ attiv, essenzjalment sempliċement iżomm l-ishma f’kumpanniji sabiex jikseb dħul, filwaqt li dan ġustament ma jkunx biżżejjed fil-każ ta’ proprjetajiet immobbli.

55.      Din il-fehma hija kkonfermata fil-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni fil-qasam tas-sorveljanza. Huwa b’dan il-mod li l-Anness I(2)(c) tad-Direttiva UCITS jipprevedi li l-kompiti li jistgħu jitwettqu mill-amministratur ta’ fond speċjali ta’ investiment alternattiv u li għalhekk huma suġġetti għas-sorveljanza tal-amministrazzjoni jinkludu, minbarra l-“Amministrazzjoni”, “immaniġġjar tal-faċilitajiet” u “attivitajiet amministrattivi ta’ proprjetà immobbli”, jiġifieri l-operat effettiv tal-proprjetajiet immobbli. Għal fondi speċjali ta’ investiment li jaqgħu taħt id-Direttiva UCITS, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi wkoll għad-deskrizzjoni tal-attività ta’ fondi ta’ investiment u tal-kumpanniji ta’ investiment li jidhru fl-Anness II ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-attivitajiet li jidhru fl-Anness II tad-Direttiva UCITS, taħt “Amministrazzjoni” huma fi kwalunkwe każ speċifiċi bl-istess mod bħall-immaniġġjar tal-portafoll (26). Għalhekk, anki jekk id-Direttiva UCITS waslet tard wisq sabiex tiġi applikata għall-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tagħha madankollu juru li l-operat effettiv tal-proprjetajiet immobbli jagħmel parti mill-kompiti jew mill-missjonijiet “speċifiċi” ta’ fondi ta’ proprjetà immobbli.

56.      Fl-aħħar nett, l-assenza ta’ eżenzjoni mill-VAT għall-immaniġġjar ta’ proprjetajiet immobbli meta huwa fdat minn investitur individwali lil terz lanqas ma tipprekludi l-inklużjoni tal-operat ta’ immobbli fil-kunċett ta’ “mmaniġġjar”. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet argument paragunabbli fis-sentenza tagħha GfBK, li kien relatat mal-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza għal fondi ta’ investiment f’titoli trasferibbli (27). Fid-dawl tal-għan tal-eżenzjoni mill-VAT (28), għandu fil-fatt sempliċement isir paragun bejn investiment f’fondi ta’ proprjetà immobbli mal-investiment dirett fi proprjetajiet immobbli, fejn l-operat effettiv huwa żgurat mill-investitur stess u lanqas ma jagħti lok għall-impożizzjoni tal-VAT. L-eżenzjoni tal-operat effettiv tal-proprjetà immobbli mill-amministratur ta’ fond ta’ proprjetà immobbli għalhekk isservi, skont l-għan tal-eżenzjoni, sabiex tiġi żgurata n-newtralità fil-kuntest tal-għażla bejn l-investiment dirett fi proprjetà immobbli u l-investiment f’fond ta’ proprjetajiet immobbli.

57.      Għalhekk ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “mmaniġġjar” fis-sens tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu jinkludi l-operat effettiv tal-proprjetajiet immobbli ta’ fond speċjali ta’ investiment.

VI – Konklużjoni

58.      Għal dawn il-motivi, nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden għandha tkun fis-sens li ġej:

Il-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tal-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        kumpannija maħluqa minn iktar minn investitur wieħed bl-għan waħdieni li tinvesti l-patrimonju miġbur fi proprjetajiet immobbli tista’ tiġi kkunsidrata li hija “fond speċjali ta’ investiment” sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun issuġġetta lil din il-kumpannija għal sorveljanza mill-Istat speċifika.

–        l-“immaniġġjar” ta’ tali fond speċjali ta’ investiment jinkludi l-operat effettiv tal-proprjetajiet immobbli.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 Sentenzi Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289); JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391); Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:484); GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141, punt 30); Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11, EU:C:2013:144, punt 19) kif ukoll ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 43); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fil-kawża BBL (C-8/03, EU:C:2004:309) u dawk tal-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentati fil-kawża PPG Holdings (C-26/12, EU:C:2013:254).


3 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.


4 ĠU L 347, p. 1.


5 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139. It-test attwalment fis-seħħ huwa d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, p. 32); madankollu dan it-test ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, minħabba raġunijiet ta’ kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis.


6 Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2011, dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, p. 1).


7 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón ippreżentati fil-Kawża ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2013:840, punti 34 sa 36).


8 Sentenzi Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11, EU:C:2013:144, punt 19) u ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 43); ara wkoll is-sentenza JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391, punti 41 sa 43).


9 L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva UCITS jinkludi fid-definizzjoni ta’ tali organu kemm il-“fondi ta’ investiment” li ma humiex awtonomi, kif ukoll il-“kumpanniji ta’ investiment” li huma awtonomi, filwaqt li fid-Direttiva AIFM jintuża t-terminu inklużiv “fondi ta’ investiment”, ara l-Artikoli 1 u 2(2)(b).


10 Sentenzi Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 55) kif ukoll JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391, punt 22).


11 Diġà rrilevajt dan il-punt fil-konklużjonijiet tiegħi ippreżentati fil-kawżi Abbey National (C-169/04, EU:C:2005:523, punt 41) kif ukoll JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:125, punt 16).


12 Sentenzi Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11, EU:C:2013:144, punt 23) u ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 46).


13 Diġà rrilevajt dan il-punt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawżi Abbey National (C-169/04, EU:C:2005:523, punt 38) kif ukoll JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:125, punt 32).


14 Sentenza JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391, punti 34, 35 u 37).


15 Sentenzi Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11, EU:C:2013:144, punt 24) u ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 47).


16 Sentenza ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 59).


17 Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350).


18 Sentenzi Velker International Oil Company (C-185/89, EU:C:1990:262, punt 19); Stockholm Lindöpark (C-150/99, EU:C:2001:34, punt 25) u Granton Advertising (C-461/12, EU:C:2014:1745, punt 25).


19 Ara s-sentenza JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391, punt 53); ara f’dan l-istess sens ukoll is-sentenza ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 42).


20 Sentenzi Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 62); JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391, punt 45); GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141, punt 30); Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11, EU:C:2013:144, punt 19) kif ukoll ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 43).


21 Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C-481/98, EU:C:2001:237, punt 22); Marks & Spencer (C-309/06, EU:C:2008:211, punt 47) kif ukoll Pro Med Logistik Pongratz (C-454/12 u C-455/12, EU:C:2014:111, punt 52).


22 Sentenza ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punti 51 u 59).


23 Sentenzi Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 62); JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391, punt 45); GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141, punt 30); Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11, EU:C:2013:144, punt 19) kif ukoll ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 43).


24 Sentenza Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punti 40 sa 43).


25 Sentenzi Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 63); Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:484, punt 31) u ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 65).


26 Sentenzi GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141, punti 22 u 25) kif ukoll ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punti 66 u 67). Ara wkoll is-sentenza Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 64).


27 Sentenzi GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141, punti 29 u 30).


28 Ara l-punt 35 hawn fuq.