Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-16 ta’ Settembru 2015 (1)

Kawża C-419/14

WebMindLicenses Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Adó- és Vám Főigazgatóság

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali ta’ Budapest, l-Ungerija)]

“Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Provvista ta’ servizzi – Realtà ekonomika ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ ‘know-how’ – Kompatibbiltà ta’ investigazzjonijiet fiskali sigrieti mad-drittijiet fundamentali – Obbligu ta’ kooperazzjoni tal-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri”





I –    Introduzzjoni

1.        Għalkemm din it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħmel parti mill-lista ta’ kawżi li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tirrispondi għal domandi b’rabta mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ abbuż tad-dritt fil-qasam fiskali (f’dan il-każ, it-taxxa fuq il-valur miżjud, iktar ’il quddiem il-“VAT”), din tqajjem ukoll domandi interessanti dwar ir-rabta bejn is-setgħa fiskali tal-Istati Membri u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u b’mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja stabbilit fl-Artikolu 7 tagħha u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali stabbilit fl-Artikolu 8 tagħha.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

2.        L-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”, jipprovdi:

“1.      ‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.

2.      ‘Servizzi ta’ telekomunikazzjoni’ għandha tfisser servizzi li għandhom x’jaqsmu mat-trasmissjoni, il-ħruġ jew id-dħul ta’ sinjali, kliem, figuri u ħsejjes jew tagħrif ta’ kull natura bil-fil, bir-radju, strumenti tal-vista jew b’sistemi oħra elettro-manjetiċi, inkluż it-trasferiment jew l-assenjazzjoni tad-dritt li tiġi użata l-kapaċità ta’ din it-trasmissjoni, dħul jew ħruġ, bl-inklużjoni tad-disposizzjoni ta’ aċċess għan-networks ta’ informazzjoni globali.”

3.        Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-24 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-imsemmija direttiva kienet tipprevedi fl-Artikolu 43, li “[i]l-post minn fejn hu pprovdut is-servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn hu pprovdut is-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti”.

4.        Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2012, l-Artikolu 45 tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi li “[i]l-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti minn stabbiliment fiss tal-fornitur li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn huwa stabbilixxa n-negozju tiegħu, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-fornitur għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn jirrisjedi normalment”.

5.        Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-24 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-imsemmija direttiva kienet tipprovdi fl-Artikolu 56 tagħha, li:

“1.      Il-post ta’ provvista tas-servizzi li ġejjin lil konsumaturi stabbiliti barra mill-Komunità, jew lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess Stat Membru bħall-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li għalih jingħata s-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[…]

k)      servizzi pprovduti elettronikament, bħal dawk imsemmija fl-Anness II;

[…]”

6.        L-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2012, huwa fformulat kif ġej:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi li ġejjin lil persuna mhux taxxabbli li hija stabbilita jew li għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi barra l-Komunità, għandu jkun il-post fejn hija stabbilita dik il-persuna, fejn għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi:

[…]

k)      servizzi fornuti b’mod elettroniku, b’mod partikolari dawk imsemmijin fl-Anness II.

[…]”

7.        Fiż-żewġ verżjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, dan l-Anness II kien jinkludi s-servizzi li ġejjin:

“1)      Il-provvista ta’ siti web, web-hosting, ġestjoni b’distanza ta’ programmi u tagħmir;

2)      il-provvista ta’ software u l-aġġornament tiegħu;

3)      il-provvista ta’ immaġini, test u informazzjoni u t-tqegħid għad-disposizzjoni ta’ bażijiet tad-data;

4)      il-provvista ta’ mużika, films u logħob, inklużi logħob tax-xorti u logħob ta’ l–azzard, u ta’ xandiriet u avvenimenti politiċi, kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi u ta’ divertiment;

5)      il-provvista ta’ tagħlim b’distanza”.

8.        L-Artikolu 273 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.”

9.        Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 tal-Kunsill, tas-7 ta’ Ottubru 2010, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (tfassil mill-ġdid) (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 904/2010”) jipprovdi fl-Artikolu 7 tiegħu:

“1.      Fuq talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, inkluż kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ każ jew każijiet speċifiċi.

2.      Għall-fini ta’ trasmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità rikjesta għandha tirranġa għat-tmexxija ta’ kull inkjesta amministrattiva neċessarja biex tinkiseb din l-informazzjoni.

[…]”

B –    Id-dritt Ungeriż

10.      L-Artikolu 37 tal-Liġi Nru CXXVII tal-2007 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (az általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény) jipprovdi:

“(1)      Fil-każ ta’ provvisti ta’ servizzi pprovduti lil persuna taxxabbli, il-post tal-provvista ta’ servizzi huwa l-post fejn il-konsumatur tas-servizz huwa stabbilit għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew, fin-nuqqas ta’ tali stabbiliment bi skop ekonomiku, il-post fejn hu jkollu d-domiċilju tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

(2)      Fil-każ ta’ provvisti ta’ servizzi pprovduti lil persuna mhux taxxabbli, il-post tal-provvista ta’ servizzi huwa l-post fejn il-fornitur tas-servizz ikun stabbilit għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew, fin-nuqqas ta’ tali stabbiliment bi skop ekonomiku, il-post fejn ikollu d-domiċilju tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.”

11.      L-Artikolu 46 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1)      Fir-rigward tas-servizzi previsti f’dan l-artikolu, il-post tal-provvista ta’ servizzi huwa l-post fejn, f’dan il-kuntest, il-konsumatur mhux taxxabbli huwa stabbilit jew, fin-nuqqas ta’ stabbiliment, il-post fejn għandu d-domiċilju tiegħu jew fejn normalment ikun residenti, bil-kundizzjoni li dan ikun jinsab barra mit-territorju tal-Komunità.

(2)      Is-servizzi li jaqgħu taħt dan l-artikolu huma dawn li ġejjin:

[...]

i)      servizzi ta’ telekomunikazzjoni;

j)      servizzi tax-xandir bir-radju u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni awdjoviżivi;

k)      servizzi pprovduti elettronikament.

(5)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, ‘servizzi pprovduti elettronikament’ għandha tfisser, b’mod partikolari:

a)      it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ spazju għall-ħżin elettroniku, il-web-hosting u l-operat tas-siti tal-internet, kif ukoll il-ġestjoni mill-bogħod tal-għodda u ta’ programmi informatiċi,

b)      it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-aġġornament ta’ softwer,

c)      it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ immaġini, testi u informazzjoni oħra, kif ukoll l-għoti ta’ aċċess għal bażijiet ta’ data,

d)      it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mużika, films u logħob, inkluż il-logħob tal-ażżard, kif ukoll it-trażmissjoni jew ix-xandir ta’ servizzi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni bi skop politiku, kulturali, artistiku, xjentifiku, sportiv jew divertenti, u ta’ avvenimenti li għandhom tali skop,

e)      il-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim mill-bogħod,

bil-kundizzjoni li l-provvista u l-użu tas-servizz iseħħu permezz ta’ netwerk globali tal-informatika. Il-fatt li l-fornitur u l-konsumatur tas-servizz jidħlu u jibqgħu f’relazzjoni permezz tan-netwerk, inklużi l-preżentazzjoni u l-aċċettazzjoni tal-offerta, madankollu għadu ma huwiex, fih innifsu, servizz ipprovdut elettronikament.”

12.      Skont l-Artikolu 51 tal-Liġi Nru CXXII tal-2010 dwar l-uffiċċju tat-taxxa u tad-dwana (a Nemzeti Adó- és Vámhivatalról szóló 2010. évi CXXII. törvény):

“(1)      Id-Direttorat Prinċipali tal-kawżi kriminali [tal-Uffiċċju tat-taxxa u tad-dwana] u s-servizzi ta’ livell intermedju tad-Direttorat Prinċipali tal-kawżi kriminali (iktar ’il quddiem is-‘servizzi awtorizzati’) jistgħu jiġbru klandestinament, fil-kuntest imfassal minn din il-liġi, informazzjoni sabiex jipprekludu, jipprevjenu, jidentifikaw u jinterrompu t-twettiq ta’ reat kriminali li taqa’ taħt is-setgħat investigattivi [tal-Uffiċċju tat-taxxa u tad-dwana] skont il-Liġi dwar il-proċeduri kriminali, li jistabbilixxi l-identità tal-persuna li wettqet ir-reat, li jarrestaha, li jiġi llokalizzat il-post ta’ residenza tagħha u jikseb provi, inkluż sabiex jipproteġu lill-persuni li jipparteċipaw fil-proċedura kriminali u l-persuni li jappartjenu għall-amministrazzjoni responsabbli għall-proċedura, kif ukoll il-persuni li jikkooperaw mal-ġustizzja.

(2)      Il-miżuri meħuda fuq il-bażi tal-paragrafu 1 iktar ’il fuq, bħad-data tal-persuni fiżiċi, tal-persuni ġuridiċi u tal-organizzazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika li huma kkonċernati minn dawn il-miżuri, ma jistgħux jiġu żvelati.

(3)      Is-servizzi awtorizzati, kif ukoll, fir-rigward tad-data miksuba u l-miżura ta’ ġbir ta’ informazzjoni fiha nfisha, il-prokuratur u l-qorti, jistgħu jiġu informati bil-kontenut tad-data kklassifikata, mingħajr awtorizzazzjoni speċifika, waqt il-ġbir ta’ din l-informazzjoni.”

13.      L-Artikolu 97(4) u (6) tal-Liġi Nru XCII tal-2003, dwar il-kodiċi ta’ proċedura fiskali (az adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. törvény), jipprovdi:

“(4)      Matul l-ispezzjoni, l-amministrazzjoni fiskali għandha l-obbligu li tistabbilixxi u tipprova l-fatti sakemm tkun il-persuna taxxabbli li, skont liġi, ikollha l-oneru tal-prova.

[…]

(6)      Meta din tistabbilixxi l-fatti, l-amministrazzjoni fiskali għandha l-obbligu li tirriċerka wkoll il-fatti favur il-persuna taxxabbli. Fatt jew ċirkustanza mingħajr prova ma jistgħux, minbarra fi proċedura ta’ stima, jiġu evalwati kontra l-persuna taxxabbli.”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.      György Zóltan Gattyán ħoloq ‘know-how’ (4) li huwa ttrasferixxa, fit-28 ta’ Jannar 2008, lil fondazzjoni mil-Liechtenstein Prime Web Tech Stiftung li twaqqfet għal raġunijiet ta’ suċċessjoni. Huwa wkoll l-uniku azzjonist u d-direttur tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, WebMindLicenses Kft. (iktar ’il quddiem “WebMindLicenses”), kumpannija kummerċjali rreġistrata fl-Ungerija fit-23 ta’ Lulju 2009 u li tagħmel parti mill-grupp Docler.

15.      Fit-28 ta’ Frar 2008, id-dritt ta’ operat tan-‘know-how’ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie ttrasferit permezz ta’ liċenzja tal-użu lill-kumpannija Portugiża Lalib-Gaesto e Investiments Lda (iktar ’il quddiem “Lalib”), li tappartjeni lil ċittadin Franċiż li għandu esperjenza kbira fil-qasam tal-istabbiliment u tal-operat ta’ skala internazzjonali ta’ provvisti ta’ servizzi online.

16.      Fl-1 ta’ Ottubru 2008, il-kumpannija Portugiża Hypodest Patent Development Company, li tappartjeni wkoll lil G. Gattyán, akkwistat dan in-‘know-how’ għall-prezz ta’ EUR 12 000 000.

17.      Fl-1 ta’ Settembru 2009, Hypodest Patent Development Company ttrasferixxiet mingħajr ħlas dan in-‘know-how’ lil WebMindLicenses, li kienet għada kemm inħolqot.

18.      Fl-istess jum, WebMindLicenses iffirmat kuntratt ta’ liċenzja ta’ operat tal-istess ‘know-how’ ma’ Lalib, li fuq il-bażi tiegħu din tal-aħħar setgħet tkompli toperah.

19.      Skont id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ liċenzja, WebMindLicenses kienet responsabbli mill-aġġornament kontinwu u mill-iżvilupp ta’ dan in-‘know-how’, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ żvilupp iffirmat ma’ waħda mill-kumpanniji li tagħmel parti mill-grupp Docler.

20.      Lalib operat in-‘know-how’ inkwistjoni fuq diversi siti aċċessibbli fuq l-internet (l-iktar importanti fosthom livejasmin.com), li joffru divertiment għall-adulti permezz ta’ “atturi” li jinsabu madwar id-dinja kollha. Għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-VAT, is-servizz jikkonsisti fi djalogu tal-klijenti jew tal-“membri” mal-“atturi” u li l-preżentazzjoni ta’ spettakli ffilmjati dirett. Sabiex ikollhom aċċess għas-servizz, il-“membri”, permezz ta’ karta ta’ kreditu jew ta’ mezzi oħra ta’ pagament elettroniku, jixtru mingħand Lalib, permezz tas-sit tal-internet livejasmin.com, pakketti ta’ kreditu li huma jistgħu jużaw sabiex jitkellmu mal-“atturi” jew jaraw l-ispettakli li huma joffru.

21.      L-“atturi” huma marbuta b’kuntratt mal-kumpannija mis-Seychelles Leandra Entreprises Ltd li tappartjeni mal-grupp Lalib u li nħolqot minħabba rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni applikabbli għas-settur tal-attività inkwistjoni. Dawn jitħallsu skont il-valur tal-kreditu minfuq għas-servizzi tagħhom.

22.      Fl-2012, Lalib biegħet għall-prezz tas-suq il-kuntratti tagħha marbuta mal-operat tan-‘know-how’, il-bażijiet ta’ data tagħha, il-listi tal-klijenti tagħha, kif ukoll in-‘know-how’ tagħha fil-qasam tal-ġestjoni, lil kumpannija Lussemburgiża li tappartjeni mal-grupp Docler.

23.      Skont WebMindLicenses, ir-raġuni għaliex Lalib kienet ġiet integrata fl-operat tan-‘know-how’ inkwistjoni fl-2008 hija li dan l-operat fi ħdan il-grupp Docler u l-espansjoni kummerċjali tas-servizz online kienu ntlaqtu mill-fatt li, dak iż-żmien, il-banek prinċipali Ungeriżi li kienu jipproċessaw l-irċevuti tal-pagamenti permezz ta’ karta bankarja ma kinux joffru lill-fornituri ta’ servizzi b’kontenut għall-adulti servizz ta’ affiljazzjoni mas-sistema tal-karta bankarja. Fir-rigward tal-banek l-oħra, li kienu lesti jikkonkludu kuntratti mal-fornituri ta’ din il-kategorija, dawn ma kellhomx il-kapaċità teknika neċessarja biex jipproċessaw l-irċevuti tal-pagamenti b’ karti bankarji rċevuti minn dawn is-siti tal-internet. Barra minn hekk, fi ħdan il-grupp Docler, la kien hemm in-netwerk ta’ relazzjonijiet, u lanqas il-kwalifiki neċessarji għall-operat tas-siti tal-internet fuq skala internazzjonali.

24.      Wara spezzjoni fiskali li kkonċernat parti mis-sena 2009 u s-snin 2010 u 2011, l-awtorità fiskali tal-ewwel grad (Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Adózók Igazgatósága), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, wettqet diversi aġġustamenti u ordnat lil WebMindLicenses tħallas in-nuqqas ta’ taxxa ta’ HUF 10 587 371 000 (5), inkluż HUF 10 293 457 000 (6) bħala VAT, minħabba li, skont il-provi li kellha, il-kuntratt ta’ liċenzja bejn WebMindLicenses u Lalib fir-realtà ma kienx ittrasferixxa d-dritt ta’ operat tan-‘know-how’ lil Lalib, u dan in-‘know-how’ fil-verità ntuża minn WebMindLicenses, filwaqt li G. Gattyán ħa d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa sabiex id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mis-sit tal-internet livejasmin.com jiżdied, b’tali mod li kellu jitqies li l-operat fil-verità seħħ fl-Ungerija. Din imponiet ukoll fuq WebMindLicenses il-multa ta’ HUF 7 940 528 000 (7) kif ukoll penali moratorji ta’ HUF 2 985 262 000 (8).

25.      Din id-deċiżjoni ġiet emendata parzjalment min-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Adó- és Vám Főigazgatóság (amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana - direttorat prinċipali tat-taxxa u tad-dwana għall-persuni taxxabbli prinċipali) li madankollu qieset ukoll li n-‘know-how’ ma kienx realment operat minn u għal Lalib u li għaldaqstant, bil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ liċenzja, WebMindLicenses wettqet abbuż ta’ dritt bil-għan li tevadi l-leġiżlazzjoni fiskali Ungeriża sabiex tibbenefika minn tassazzjoni iktar baxxa fil-Portugall (9). Insostenn ta’ din il-konklużjoni, ġie nnotat b’mod partikolari li WebMindLicenses qatt ma kellha l-intenzjoni li Lalib tgawdi mill-qligħ tal-operat tan-‘know-how’, li kien hemm rabtiet personali stretti bejn il-persuna li għandha dan in-‘know-how’ u s-subappaltaturi li fir-realtà joperaw is-sit tal-internet, li Lalib kienet immexxija b’mod irrazzjonali u attività deliberatament defiċitarja u ma kellhiex kapaċità ta’ operat awtonoma.

26.      Sabiex waslu għal dawn id-deċiżjonijiet, l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi bbażaw ruħhom fuq provi miksuba b’mod sigriet minn awtoritajiet Ungeriżi oħra.

27.      B’mod partikolari, b’mod parallel mal-proċedura fiskali, kienu tressqu proċeduri kriminali mis-servizz ta’ investigazzjoni kriminali tal-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, l-awtorità ta’ investigazzjoni, bl-awtorizzazzjoni tal-maġistrat inkwerenti, interċettat konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ diversi persuni, fosthom G. Gattyán, il-konsulent legali ta’ WebMindLicenses, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha u l-proprjetarju ta’ Lalib, kif ukoll il-konfiska u l-ħażna tal-posta elettronika ta’ WebMindLicenses u dan, mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja, kif indikaw fis-seduta l-awtorità fiskali tal-ewwel grad u l-Gvern Ungeriż.

28.      Waqt is-seduta, WebMindLicenses indikat li, f’Awwissu 2013, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, l-awtorità fiskali tal-ewwel grad ippreżentatilha proċess verbal li jannessa bħala atti li jagħmlu parti mill-fajl tal-proċedura amministrattiva, il-provi miksuba fil-kuntest tal-proċedura kriminali, u li din kellha l-possibbiltà li tinstema’ dwar dawn il-provi minn din l-awtorità amministrattiva.

29.      L-imsemmija annessi kienu jinkludu l-posta elettronika kkonfiskata kollha (71 messaġġ elettroniku b’kollox) u t-traskrizzjonijiet ta’ 27 konverżazzjoni telefonika, mid-89 li kienu inizjalment intgħażlu mill-awtorità fiskali tal-ewwel grad.

30.      Peress li l-proċeduri kriminali ma waslux fl-istadju tal-investigazzjoni, WebMindLicenses għad ma tistax tispezzjona l-fajl kriminali fl-intier tiegħu.

31.      WebMindLicenses ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal- amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana - direttorat prinċipali tat-taxxa u tad-dwana għall-persuni taxxabbli prinċipali sabiex tikkontesta kemm l-eżistenza ta’ abbuż kif ukoll l-użu ta’ provi miksuba b’mod sigriet fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li hija ma kellhiex aċċess għalihom.

32.      Il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali ta’ Budapest) tistaqsi dwar iċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu evalwati, fir-rigward tad-Direttiva tal-VAT, sabiex jiġi identifikat il-fornitur tas-servizzi u jiġi ddeterminat il-post tal-provvista f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn servizz ta’ tip partikolari huwa offrut f’ħin reali fuq l-internet, huwa propost u aċċessibbli minn kwalunkwe post fid-dinja u li l-provvista tiegħu waqt il-perijodu eżaminat kienet suġġetta għal restrizzjonijiet tekniċi u legali partikolari.

33.      Fid-dawl tas-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544) u Newey (C-653/11, EU:C:2013:409), il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-analiżi fir-rigward tal-abbuż ta’ dritt li għandha ssir b’rabta ma’ ftehim kuntrattwali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali kemm mill-perspettiva tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

34.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk mill-għanijiet tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività jirriżultax li l-awtorità fiskali għandha tkun tista’ tuża mezzi proċedurali neċessarji għall-ġbir effettiv tat-taxxa, inklużi metodi ta’ ġbir ta’ data magħrufa biss mill-awtoritajiet li jikkonsultawha, u tista’ tispezzjona provi miksuba fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u tużahom bħala bażi għal deċiżjoni amministrattiva. F’dan il-kuntest, b’riferiment għas-sentenza Åkerberg Fransson (C-617/10, EU:C:2013:105), din tistaqsi b’mod partikolari liema huma l-limiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-Karta fuq l-awtonomija istituzzjonali u proċedurali tal-Istati Membri.

35.      Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar kif l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru għandha tipproċedi, fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali, fil-każ fejn il-VAT tkun diġà tħallset fi Stat Membru ieħor.

36.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ), tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 43 tad-Direttiva [tal-VAT], sabiex tiġi stabbilita, għall-finijiet tal-VAT, il-persuna bħala fornitur ta’ servizzi, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni, matul l-eżami [tan-natura] purament artifiċjali, ta’ tranżazzjoni li ma tirriflettix ir-realtà ekonomika u kummerċjali, li kienet seħħet bl-għan biss li jinkiseb vantaġġ fiskali, li, fil-kawża prinċipali, il-persuna li tmexxi l-kumpannija li tagħti l-liċenzja u li hija 100 % azzjonista tagħha tkun il-persuna fiżika li tkun ħolqot l-għerf tas-sengħa [“know-how”] li barra minn hekk ġie ttrasferit permezz tal-kuntratt ta’ liċenzja inkwistjoni?

2.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, huwa rilevanti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ), tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-VAT, u tal-konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva, li din il-persuna fiżika jkollha jew jista’ jkollha influwenza informali fuq il-mod kif il-kumpannija li tingħatalha l-liċenzja tisfrutta l-liċenzja hekk trażmessa, kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha? F’dan il-kuntest, jista’ jkun rilevanti għall-interpretazzjoni li l-persuna li toħloq l-għerf tas-sengħa tipparteċipa jew tista’ tipparteċipa direttament jew indirettament, meta barra minn hekk ikollha attività ta’ konsultazzjoni u tagħti pariri fuq l-iżvilupp jew l-operat tal-għerf tas-sengħa, fid-deċiżjonijiet kummerċjali li huma relatati mal-fornitura tas-servizz li huwa bbażat fuq l-għerf tas-sengħa inkwistjoni?

3.      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali – fid-dawl tat-tieni domanda – sabiex tiġi stabbilita, għall-finijiet tal-VAT, il-persuna bħala fornitur ta’ servizzi, huwa rilevanti, minbarra l-eżami tat-tranżazzjoni kuntrattwali bħala bażi, li jkun hemm għarfien dwar jekk il-persuna li toħloq l-għerf tas-sengħa, inkwantu persuna fiżika, teżerċita influwenza, jew saħansitra influwenza dominanti jew kontroll fuq il-modalitajiet tal-fornitura tas-servizz li huwa bbażat fuq l-għerf tas-sengħa inkwistjoni?

4.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, liema huma, fid-determinazzjoni tal-livell ta’ influwenza jew ta’ kontroll, l-elementi jew kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit li [l-persuna li toħloq l-għerf tas-sengħa] teżerċita influwenza determinanti fuq il-fornitura tas-servizz u li l-kontenut ekonomiku reali tat-tranżazzjoni bħala bażi ġie implementat f’isem il-kumpannija li tagħti l-liċenzja?

5.      Fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, matul l-eżami tal-kisba ta’ vantaġġ fiskali, huwa rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-persuni u operaturi ekonomiċi kkonċernati mit-tranżazzjoni, li l-persuni taxxabbli li huma partijiet fit-tranżazzjoni li jiġi allegat li għandha għan ta’ evażjoni fiskali jkunu persuni ġuridiċi, filwaqt li l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali timponi fuq persuna fiżika t-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi u operattivi relatati mal-isfruttament [tal-għerf tas-sengħa] u, jekk huwa l-każ, huwa importanti li jkun hemm għarfien dwar liema huwa l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-persuna fiżika inkwistjoni ħadet dawn id-deċiżjonijiet? F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, jekk jirriżulta li l-pożizzjoni kuntrattwali tal-partijiet ma hijiex determinanti, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni li l-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, tal-persunal u tal-mezzi tekniċi neċessarji għall-fornitura tas-servizz hawnhekk inkwistjoni, ibbażat fuq l-internet, tiġi żgurata minn subappaltaturi?

6.      Jekk jista’ jiġi kkonstatat li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ liċenzja ma jirriflettux kontenut ekonomiku reali, il-kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-klawżoli kuntrattwali u l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni hekk kif kienet fl-assenza tat-tranżazzjoni li tikkostitwixxi prattika abbużiva jimplikaw li l-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru tista’ għalhekk tiddetermina b’mod differenti l-Istat Membru tal-post tal-fornitura ta’ servizzi u, għaldaqstant, il-post tal-obbligu fiskali, inkluż fil-każ fejn il-persuna li tingħatalha l-liċenzja tkun barra minn hekk issodisfat l-obbligu fiskali tagħha fl-Istat Membru li fih għandha s-sede tagħha, skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat?

7      L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tagħhom, u li jista’ jiġi kkwalifikat bħala abbuż tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-fatt li titfassal konfigurazzjoni kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha impriża suġġetta għat-taxxa stabbilita fi Stat Membru tagħti b’kera lil impriża suġġetta għat-taxxa stabbilita fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ kuntratt ta’ liċenzja, l-għerf tas-sengħa u d-dritt ta’ sfuttament relatati mal-fornitura ta’ servizz interattiv għall-kontenut ikklassifikat bħala għal adulti li huwa bbażat fuq teknoloġija tal-komunikazzjoni bbażata fuq l-internet, fis-sitwazzjoni fejn l-impożizzjoni fir-rigward tal-VAT tas-servizz hekk ittrasferit hija iktar vantaġġuża fl-Istat li fih il-persuna li tingħatalha l-liċenzja għandha s-sede tagħha?

8.      F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, x’importanza għandha tingħata lill-kunsiderazzjonijiet ta’ natura kummerċjali li, minbarra l-perspettiva li jinkiseb vantaġġ fiskali, iggwidaw l-impriża li tagħti l-liċenzja u, f’tali kuntest b’mod partikolari, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni li l-persuna li tmexxi u li hija 100 % azzjonista tal-kumpannija li tagħti l-liċenzja tkun il-persuna fiżika li inizjalment ħolqot l-għerf tas-sengħa?

9.      Matul l-eżami tal-aġir abbużiv, tista’ tingħata importanza u, jekk huwa l-każ, kemm għandha tingħata, għal ċirkustanzi simili għal dawk li ġew eżaminati fil-kawża prinċipali, bħal dawk marbuta mal-aspetti tekniċi u mal-infrastruttura neċessarji għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-servizz li huwa s-suġġett tat-tranżazzjoni inkwistjoni, kif ukoll għall-kompetenza u għall-persunal tal-persuna li tagħti l-liċenzja sabiex jiġi fornit is-servizz inkwistjoni?

10.      Fuq il-bażi tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, u tal-Artikolu 325 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-obbligu tal-Istati Membri dwar il-ġbir effettiv u eżatt tal-VAT kollha u li jiġi evitat it-telf finanzjarju għall-Istat marbut mal-frodi u mal-evażjoni fiskali transkonfinali, l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, sabiex tkun tista’, fil-każ ta’ tranżazzjoni li tirrigwarda fornitura ta’ servizzi, tistabbilixxi liema hija l-persuna bħala fornitur ta’ servizzi, għandha d-dritt, matul il-proċedura ta’ produzzjoni ta’ provi li sseħħ matul il-proċedura fiskali (amministrattiva), li tilqa’, meta ssir ir-riċerka tal-fatti, data, informazzjoni u mezzi ta’ prova miksuba – permezz tas-servizz ta’ investigazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – mingħajr mal-persuna taxxabbli tkun taf, pereżempju bir-reġistrazzjonijiet ta’ interċettazzjonijiet, kif ukoll li tisfruttahom u li minnhom tasal għal konsegwenzi legali, u li l-qorti amministrattiva li tistħarreġ id-deċiżjoni amministrattiva mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru fir-rigward tagħha għandha d-dritt li tevalwahom fil-kuntest tal-provi, permezz tal-istess okkażjoni li hija tistħarreġ il-legalità tal-provi?

11.      Fuq il-bażi tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, u tal-Artikolu 325 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-obbligu tal-Istat Membru dwar il-ġbir effettiv u eżatt tal-VAT kollha, jiġifieri li tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-obbligu tal-Istat Membru li jiggarantixxi l-osservanza tal-obbligi imposti fuq il-persuni taxxabbli, li l-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-mod kif jintużaw il-mezzi għad-dispożizzjoni tal-amministrazzjoni fiskali nazzjonali jinkludi d-dritt tagħha li tuża mezzi ta’ prova inizjalment miksuba b’għan kriminali fid-dawl tal-ġlieda tagħha kontra l-aġir ta’ evażjoni fiskali, inkluż meta d-dritt nazzjonali, waħdu, ma jippermettix li data tiġi riċevuta klandestinament fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fid-dawl tal-ġlieda kontra l-aġir ta’ evażjoni fiskali, jew li jissuġġetta d-data riċevuta klandestinament effettwata fil-kuntest tal-proċeduri kriminali għal garanziji li ma humiex previsti fil-proċedura fiskali amministrattiva, iżda li, barra minn hekk, l-amministrazzjoni fiskali tista’, skont id-dritt nazzjonali, tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ libertà tal-prova fil-kuntest tal-proċeduri tagħha?

12.      L-Artikolu 8(2) tal-KEDB jeskludi, fid-dawl tal-Artikolu 52(2) tal-Karta, li [tiġi rikonoxxuta] lill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru l-kompetenza evokata fid-domandi 10 u 11 iktar ’il fuq, jew jista’ jkun il-każ, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, li jiġi kkunsidrat li l-użu fil-kuntest tal-proċedura fiskali, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, tar-riżultati tad-data riċevuta klandestinament, huwa ġġustifikat, għall-finijiet tal-ġbir effettiv tat-taxxa, minħabba l-‘benesseri ekonomiku tal-pajjiż’?

13.      Sa fejn jirriżulta mir-risposta mogħtija fid-domandi 10 sa 12 li l-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, tista’ tuża tali mezzi ta’ prova, l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali għandha, sabiex tiggarantixxi l-effettività tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, obbligu assolut – abbażi tal-Artikoli 7, 8, 41 u 48, u fid-dawl tal-Artikolu 51(1) tal-Karta – li tisma’ l-persuna taxxabbli matul il-proċedura amministrattiva, li tiżguralha l-aċċess għar-riżultati miksuba permezz tal-metodi klandestini ta’ data riċevuta, kif ukoll li jiġi osservat l-għan li għalih hija suġġetta l-kisba ta’ data li tinsab f’dawn il-mezzi ta’ prova, jew għandu jiġi kkunsidrat, f’dan ir-rigward, ġustament, li l-għan kriminali esklużiv tal-metodi klandestini ta’ data riċevuta mall-ewwel jeskludi l-użu ta’ tali mezzi ta’ prova?

14.      Fil-każ ta’ mezzi ta’ prova miksuba u użati bi ksur tal-Artikoli 7, 8, 41 u 48 tal-Karta – fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta – għandu jiġi kkunsidrat li kienet issodisfat id-dritt għal rimedju effettiv leġiżlazzjoni nazzjonali li skont din azzjoni ġudizzjarja li tikkontesta l-legalità, fir-rigward tal-proċedura, ta’ deċiżjonijiet mogħtija f’kawżi fiskali, ma tistax tiġi aċċettata u twassal għall-annullament tad-deċiżjoni ħlief meta huwa konkretament possibbli, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali, u li dan id-difett proċedurali minbarra dan jaffettwa pożizzjoni legali materjali tar-rikorrenti, jew id-difetti proċedurali hekk imwettqa għandhom ikunu jistgħu jwasslu għall-annullament f’kuntest iktar wiesa’, indipendentement mill-effett tal-irregolarità proċedurali, li tmur kontra l-Karta, fuq ir-riżultat tal-proċedura?

15.      L-effettività tal-Artikolu 47 tal-Karta jippreżupponi li, f’sitwazzjoni proċedurali bħal dik inkwistjoni hawnhekk, il-qorti amministrattiva li twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru tista’ tistħarreġ il-legalità tal-kisba ta’ mezzi ta’ prova riċevuti klandestinament, għal għanijiet kriminali, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, b’mod partikolari meta l-persuna taxxabbli parallelament implikata fi proċeduri kriminali ma setgħetx ikollha għarfien ta’ dawn id-dokumenti, u lanqas li tikkontesta l-legalità quddiem il-qorti?

16.      Fir-rigward ukoll tad-domanda 6, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud – fir-rigward b’mod partikolari tal-premessa 7 tiegħu, li tipprovdi li, sabiex jiġbru t-taxxa dovuta, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jgħinu biex jiżguraw li l-VAT tiġi stabbilita b’mod korrett u għaldaqstant għandhom mhux biss iwettqu monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tat-taxxa dovuta fit-territorju tagħhom stess, iżda għandhom ukoll jipprovdu assistenza lil Stati Membri oħra għall-iżgurar tal-applikazzjoni korretta tat-taxxa relatata mal-attività mwettqa fit-territorju tagħhom stess iżda dovuta fi Stat Membru ieħor [–,] fis-sens li, quddiem fatti bħal dawk f’dan il-każ, l-amministrazzjoni fiskali li ssir taf bl-eżistenza ta’ dejn fiskali għandha l-obbligu li tindirizza t-talba tagħha lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli li hija suġġetta għal kontroll fiskali tkun diġà ssodisfat l-obbligu tagħha li tħallas it-taxxa?

17.      Jekk ingħatat risposta affermattiva għad-domanda 16: jekk qorti tikkonstata, wara l-kontestazzjoni tagħhom, li deċiżjonijiet mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru huma illegali fir-rigward tal-proċedura minħabba l-ommissjoni ta’ informazzjoni riċevuta u ta’ talba indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor [,] liema konsegwenza l-qorti li twettaq l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-amministrazzjoni tal-Istat Membru għandha tapplika, fid-dawl ukoll tad-domanda 14?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

37.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Settembru 2014. WebMindLicenses, il-Gvern tal-Ungerija u l-Gvern tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

38.      Fit-13 ta’ Lulju 2015 inżammet seduta, li matulha WebMindLicenses, l-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana - direttorat prinċipali tat-taxxa u tad-dwana għall-persuni taxxabbli prinċipali, il-Gvern tal-Ungerija u l-Gvern tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

39.      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 2015, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, WebMindLicenses talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

40.      Insostenn ta’ din it-talba, WebMindLicenses tirreferi għal żewġ ċirkustanzi invokati mill-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana - direttorat prinċipali tat-taxxa u tad-dwana għall-persuni taxxabbli prinċipali waqt is-seduta sabiex teskludi l-eżistenza ta’ abbuż tad-dritt min-naħa tagħha. Fl-ewwel lok, il-kumpannija Portugiża Hypodest Patent Development Company ttrasferixxiet in-‘know-how’ inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil WebMindLicenses għall-valur deprezzat ta’ EUR 104 000 000 filwaqt li hija stess akkwistatu bil-valur tas-suq ta’ EUR 12 000 000. Fit-tieni lok, Lalib ġarrbet telf fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha ma’ WebMindLicenses.

41.      Fir-rigward tal-ewwel ċirkustanza, WebMindLicenses issostni li hija qatt ma ġiet indirizzata, la fil-proċedura fil-kawża prinċipali u lanqas fil-proċedura preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. WebMindLicenses tallega li t-tieni ċirkustanza “qatt ma ġiet invokata bħala ċirkustanza li ssostni sostanzjalment in-natura artifiċjali tat-tranżazzjoni” konkluża bejn WebMindLicenses u Lalib, peress li l-attività ta’ din tal-aħħar kienet, kuntrarjament, skont WebMindLicenses, tat lok għall-kisba ta’ riżultati pożittivi.

42.      L-Artikolu 82(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-“President għandu jiddikajra magħluqa l-fażi orali tal-proċedura wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali”.

43.      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali bbażata fuq l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura ma tistax tintalab wara l-għeluq tagħha, li kien għadu ma seħħx meta saret it-talba.

44.      Għaldaqstant, l-imsemmija talba hija inammissibbli.

45.      Fi kwalunkwe każ, ebda waħda miż-żewġ ċirkustanzi ma jidhirli li hija ta’ natura li teżerċita influwenza fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew tammonta għall-argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet u li fuq il-bażi tiegħu għandha tiġi deċiża l-kawża.

V –    Analiżi

46.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel sbatax-il domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li madankollu jistgħu jinġabru f’erba’ kwistjonijiet differenti: l-abbuż ta’ dritt fir-rigward tad-Direttiva tal-VAT u tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE (mill-ewwel sal-ħames u mis-seba’ sad-disa’ domandi), ir-riskju ta’ taxxa doppja (is-sitt domanda), il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri (is-sittax u s-sbatax-il domanda) u l-użu tal-provi miksuba b’mod sigriet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali paralleli fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tal-Karta (mill-għaxar sal-ħmistax-il domanda).

A –    Fuq l-ewwel sal-ħames u s-seba’ sad-disa’ domandi: l-abbuż ta’ dritt fid-dawl tad-Direttiva tal-VAT u tal-Artikoli 49 u 56 TFUE

47.      Permezz tal-ewwel ħames domandi tagħha u tas-seba’, tat-tmien u tad-disa’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-fatturi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza tal-abbuż tal-VAT (10) jew tan-nuqqas tiegħu.

1.      Il-prinċipji applikabbli

48.      L-ewwel nett għandha titfakkar il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

49.      Fil-punti 74 sa 77 tas-sentenza Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan li ġej:

“74.      […] jidher li, fil-qasam tal-VAT, il-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ prassi abbużiva teħtieġ, minn naħa, li t-tranżazzjonijiet in kwistjoni, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti [tad-Direttiva tal-VAT] u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, jkollhom bħala riżultat li jiksbu vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jkun kuntrarju għall-għan imfittex minn dawn id-dispożizzjonijiet.

75.      Min-naħa l-oħra, għandu jirriżulta wkoll minn bosta elementi oġġettivi li l-iskop essenzjali tat-tranżazzjonijiet in kwistjoni huwa li jinkiseb vantaġġ fiskali. Fil-fatt, [...] il-projbizzjoni ta’ prattiċi abbużivi mhix rilevanti meta t-tranżazzjonijiet in kwistjoni jistgħu jkollhom ġustifikazzjoni oħra apparti s-sempliċi ksib ta’ vantaġġi fiskali.

76.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, konformement mar-regoli fuq il-provi tad-dritt nazzjonali, u sakemm id-dritt Komunitarju ma jiġix ipprivat mill-effikaċja tiegħu, jekk fil-kawża prinċipali jeżistux l-elementi kostitwenti ta’ prassi abbużiva […].

77.      Iżda, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qed tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk meħtieġ, tippreżenta preċiżjonijiet bil-għan li tidderiġi l-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha […]” (11).

50.      Fir-rigward tal-ewwel kriterju, jiġifieri l-fatt li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni għandhom l-għan li jinkiseb vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jkun kuntrarju għall-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt “li tippermetti li persuni taxxabbli jnaqqsu t-totalità ta’ l-input VAT imħallsa filwaqt li, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet kummerċjali normali tagħhom, ebda tranżazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tas-sistema ta’ tnaqqis [tad-Direttiva tal-VAT] jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponiha ma tippermettilhom li jnaqqsu l-imsemmija VAT, jew tippermettilhom li jnaqqsu parti biss, ikun kuntrarju għall-prinċipju tan-newtralità fiskali u, għalhekk, kuntrarju għall-għan ta’ l-imsemmija sistema” (12).

51.      Fir-rigward tat-tieni kriterju, jiġifieri li l-iskop essenzjali tat-tranżazzjoni huwa li jinkiseb vantaġġ fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-qorti nazzjonali, fl-evalwazzjoni li hija għandha l-kompetenza li twettaq, tista’ tieħu in kunsiderazzjoni n-natura purament artifiċjali tat-tranżazzjonijiet, kif ukoll tar-rabtiet ta’ natura ġuridika, ekonomika u/jew personali bejn l-operaturi in kwistjoni [...], peress li tali elementi huma tali li juru li l-kisba ta’ vantaġġ fiskali tikkostitwixxi l-għan essenzjali segwit, minkejja l-eżistenza eventwali, barra minn hekk, ta’ għanijiet ekonomiċi ispirati minn kunsiderazzjonijiet, per eżempju, ta’ marketing, ta’ organizzazzjoni u ta’ garanzija” (13).

52.      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-istrutturi transkonfinali, li ma kinux jeżistu fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121) u Part Service (C-425/06, EU:C:2008:108), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż tal-liġi jwassal għall-projbizzjoni tal-iskemi purament artifiċjali li jkunu mingħajr realtà ekonomika u li jitwettqu bl-għan uniku li jinkiseb vantaġġ fiskali” (14).

53.      Fil-fatt, bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 65 tas-sentenza tagħha Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544), “l-applikazzjoni tat-taxxa prevista [mil-leġiżlazzjoni dwar il-kumpanniji barranin ikkontrollati] għandha tiġi eskluża meta, minkejja l-eżistenza ta’ motivazzjonijiet ta’ natura fiskali, il-kostituzzjoni ta’ [kumpannija barranija kkontrollata] tikkorrispondi għal realtà ekonomika”.

54.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kostituzzjoni ta’ kumpannija tikkorrispondi ma’ realtà ekonomika, li teskludi l-eżistenza ta’ abbuż, meta din tinvolvi “installazzjoni reali li għandha bħala għan it-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi effettivi fl-Istat Membru ospitanti” (15).

2.      Applikazzjoni għal din il-kawża

a)      Il-klassifikazzjoni tal-provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-Direttiva tal-VAT

55.      L-ewwel nett għandu jiġi ppreċiżat li, kif semmejt fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-provvista taxxabbli suġġetta għall-VAT inkwistjoni tikkonsisti f’servizzi ta’ divertiment elettronikament, jiġifieri l-possibbiltà offruta lill-“membri” li jiddjalogaw ma’ “atturi” fuq is-sit tal-internet livejasmin.com u li jitolbuhom jippreżentaw spettakli ffilmjati b’mod dirett bħala korrispettiv.

56.      Għaldaqstant, hemm inkwistjoni provvista ta’ servizz fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT.

57.      Biex jiġi ddeterminat il-post tal-provvista tas-servizz, għandu l-ewwel nett jiġi nnotat li dan huwa servizz ipprovdut elettronikament (16) previst mill-punt 3 tal-Anness II tad-Direttiva tal-VAT (“il-provvista ta’ immaġini, test u informazzjoni u t-tqegħid għad-disposizzjoni ta’ bażijiet tad-data”).

58.      Peress li f’dan il-każ hemm servizz ipprovdut kemm lil konsumaturi stabbiliti fi ħdan l-Unjoni iżda li ma humiex taxxabbli, kif ukoll lil konsumaturi stabbiliti barra mill-Unjoni, u peress li, għall-perijodu previst mill-aġġustament fiskali, il-fornitur, jiġifieri Lalib, kien kumpannija stabbilita fil-Portugall, mill-Artikoli 43 u 56(1)(k) tad-Direttiva tal-VAT fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-24 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009 kif ukoll l-Artikoli 45 u 59(1)(k) tal-Direttiva tal-VAT fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2012 jirriżulta li, kif tosserva l-Kummissjoni, il-VAT fuq dawn is-servizzi lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fl-Unjoni kellha titħallas fil-Portugall filwaqt li s-servizzi pprovduti lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti barra mill-Unjoni kienu eżentati mill-VAT.

59.      Kif jikkonferma l-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, Lalib fil-Portugall ikkonformat mal-obbligi tagħha fil-qasam tal-VAT.

b)      L-abbuż ta’ dritt

60.      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 76 u 77 tas-sentenza Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121), hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ abbuż, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tippreżenta kjarifiki sabiex tidderiġiha fl-interpretazzjoni tagħha. Sabiex tagħmel dan, din għandha tanalizza ż-żewġ kriterji stabbiliti f’din is-sentenza.

i)      Fuq il-kriterju tal-kisba ta’ vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jmur kontra l-għan imfittex mid-dritt tal-Unjoni

61.      Il-qorti tar-rinviju għandha l-ewwel nett tikkonstata li “t-tranżazzjonijiet in kwistjoni, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti [tad-Direttiva tal-VAT] u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, [għandhom] bħala riżultat li jiksbu vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jkun kuntrarju għall-għan imfittex minn dawn id-dispożizzjonijiet” (17) u tqis il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

62.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT rilevanti f’din il-kawża (jiġifieri l-Artikoli 43 u 56(1)(k) tad-Direttiva tal-VAT fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-24 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009 kif ukoll l-Artikoli 45 u 59(1)(k) tal-Direttiva tal-VAT fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2012), għandhom l-għan li jissuġġettaw għall-VAT il-provvisti ta’ servizz b’mod elettroniku fil-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu (18), fil-każ tal-konsumaturi mhux taxxabbli stabbiliti fl-Unjoni, u li jeżentaw l-istess provvisti ta’ servizz pprovduti lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti barra mill-Unjoni.

63.      Huwa ċar li bl-għażla tal-post ta’ stabbiliment tal-fornitur bħala l-post fejn hija dovuta l-VAT, il-leġiżlatur tal-Unjoni assuma r-riskju li l-fornituri ta’ servizzi elettroniċi jistabbilixxu ruħhom fl-Istati Membri fejn ir-rata tal-VAT hija iktar baxxa.

64.      Huwa saħansitra iktar minnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni reċentement emenda d-Direttiva tal-VAT sabiex jeskludi l-possibbiltà ta’ din l-għażla għall-fornituri ta’ servizzi elettroniċi. Mill-1 ta’ Jannar 2015, l-Artikolu 58 jipprevedi li “[i]l-post tal-forniment tas-servizzi li ġejjin lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn hija stabbilita dik il-persuna, għandha l-indirizz [id-domiċilju] permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi”.

65.      Fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi konkluż li l-iffirmar tal-kuntratt ta’ liċenzja ma’ Lalib, li jimplika li l-VAT titħallas fil-Portugall, huwa kuntrarju għall-għanijiet imfittxija mid-Direttiva tal-VAT, il-qorti tar-rinviju għandha tikkonstata li l-kuntratt ta’ liċenzja huwa kuntratt artifiċjali konkluż bl-uniku għan li joħloq impressjoni li s-servizzi inkwistjoni kienu pprovduti minn Lalib filwaqt li fir-realtà kienu pprovduti minn WebMindLicenses jew li l-istabbiliment fil-Portugall ma kellu l-ebda sostanza fis-sens tal-punti 52, 53, 54 u 68 tas-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544).

66.      Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 52 tas-sentenza tagħha RBS Deutschland Holdings (C-277/09, EU:C:2010:810), “il-fatt li ġew provduti servizzi lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u l-fatt li l-kundizzjonijiet tat-tranżazzjonijiet imwettqa ntgħażlu abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt. Fil-fatt, [...] is-servizzi inkwistjoni [ġew ipprovduti] fil-kuntest ta’ attività ekonomika ġenwina”.

67.      Fil-fehma tiegħi, il-fatt li kumpannija bħal WedMindLicences, li tagħżel li tuża s-servizzi ta’ kumpannija indipendenti bħal ma hija Lalib, stabbilita fi Stat Membru fejn ir-rati ta’ tassazzjoni b’rabta mal-VAT huma iktar baxxi, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu użu abbużiv tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit mill-Artikolu 56 TFUE (19).

68.      F’dan il-kuntest, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jeżerċitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom b’mod li jippermettilhom jimminimizzaw l-oneru fiskali tagħhom, sakemm ikun hemm eżerċizzju ġenwin tal-libertà inkwistjoni, jiġifieri kunsinna ta’ oġġetti, provvista ta’ servizz, moviment ta’ kapital jew stabbiliment fid-dawl ta’ eżerċizzju ġenwin ta’ attività ekonomika jew kummerċjali.

69.      Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li “l-persuni taxxabbli huma ġeneralment ħielsa li jagħżlu l-istrutturi organizzazzjonali u l-metodi tranżazzjonali li huma jqisu li huma l-iktar adatti għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u għall-finijiet li jillimitaw il-piżijiet ta’ taxxa tagħhom” (20).

70.      Dan il-prinċipju jintwera b’mod ċar ħafna fis-sentenza Weald Leasing (C-103/09, EU:C:2010:804) li tikkonċerna wkoll l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ abbuż fil-qasam tal-VAT. F’din il-kawża, l-awtoritajiet fiskali Brittaniċi kienu allegaw li tranżazzjoni ta’ kiri kellha titqies bħala tranżazzjoni ta’ xiri għall-finijiet tal-VAT. Fil-punt 34 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “persuna taxxabbli ma tistax tiġi kkritikata li tagħżel tranżazzjoni ta’ kiri li jagħtiha vantaġġ li jikkonsisti [...] fil-fatt li l-ħlas tad-dejn fiskali tagħha jinfirex, minflok tranżazzjoni ta’ xiri, li ma jagħtihiex dan il-vantaġġ, ladarba l-VAT marbuta ma’ din it-tranżazzjoni ta’ kiri tiġi debitament u integralment imħallsa”.

ii)    Fuq il-kriterju tal-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali li l-kisba tiegħu hija skop essenzjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali

71.      Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika wkoll fuq il-bażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 75 tas-sentenza Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121), jekk “l-iskop essenzjali tat-tranżazzjonijiet in kwistjoni [huwiex] li jinkiseb vantaġġ fiskali”. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt jipprojbixxi biss “skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, li jitwettqu bl-għan li jinkiseb vantaġġ fiskali” (21).

72.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ssib il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin utli.

73.      B’riferiment għas-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544), il-qorti tar-rinviju tqis li “l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ċara dwar il-kwistjoni [...] dwar kif, f’sitwazzjoni fejn hija l-persuna fiżika li kellha l-idea ta’ servizz, iżda fejn l-implementazzjoni tagħha tiddependi minn data oħra [...] u tista’ ssir fi Stat Membru ieħor, [din] tista’ tanalizza r-relazzjonijiet bejn il-persuna fiżika li kellha l-idea, li tidher bħala l-persuna li ħolqot in-‘know-how’, u l-impriża li, bħala persuna ġuridika, effettivament tipproponi s-servizz, fir-rigward tal-preżenza ta’ prattika abbużiva”.

74.      Kif jinnota l-Gvern Portugiż, il-vantaġġ fiskali fil-kawża prinċipali jikkonsisti fid-differenza bejn ir-rata tal-VAT rispettivament applikabbli fl-Ungerija u l-Madeira fejn hija stabbilita Lalib.

75.      Waqt is-seduta, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonfermaw li fil-mument meta ġie ffirmat l-ewwel kuntratt ta’ liċenzja ma’ Lalib, jiġifieri fi Frar 2008 (22), din id-differenza kienet ta’ 4 %, billi r-rata tal-VAT fl-Ungerija kienet stabbilita għal 20 % u dik fil-Madeira għal 16 %. Din id-differenza jidhirli li hija żgħira ħafna sabiex tikkostitwixxi l-iskop essenzjali tat-tranżazzjoni inkwistjoni, speċjalment fid-dawl tal-fatt li fil-kawża li wasslet għas-sentenza Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121) l-iskema użata mill-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT wasslet għal tnaqqis totali tal-VAT filwaqt li mingħajr din l-iskema, ma kien possibbli l-ebda tnaqqis.

76.      Barra minn hekk, Lalib kienet kumpannija indipendenti tal-grupp Docler li ma kinitx inħolqot sabiex tisfrutta n-‘know-how’ ta’ WebMindLicenses. Jiena nsostni wkoll li nofs id-dħul mill-bejgħ tagħha kien iġġenerat minn provvisti ta’ servizzi mwettqa għall-benefiċċju ta’ konsumaturi stabbiliti barra mill-Unjoni u għalhekk eżentati minn kull VAT, irrispettivament minn jekk il-fornitur kienx stabbilit fl-Ungerija jew il-Portugall.

77.      Fi kwalunkwe każ, WebMindLicenses issostni li kkonkludiet kuntratt ta’ liċenzja għal raġunijiet differenti minn dik tal-kisba ta’ vantaġġ fiskali.

78.      Kif semmejt fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet u kif indikat il-qorti tar-rinviju, WebMindLicenses issostni li Lalib kienet ġiet integrata fl-operat tan-‘know-how’ inkwistjoni fl-2008 għax dan l-operat fi ħdan il-grupp Docler u l-espansjoni kummerċjali tas-servizz online kienu ntlaqtu mill-fatt li, dak iż-żmien, il-banek prinċipali Ungeriżi li kienu jipproċessaw tal-irċevuti tal-pagamenti permezz ta’ karta bankarja, ma kinux joffru servizz ta’ affiljazzjoni għas-sistema tal-karta bankarja lill-fornituri tas-servizzi b’kontenut għall-adulti. Fir-rigward tal-banek l-oħra, li kienu lesti jikkonkludu kuntratti mal-fornituri ta’ din il-kategorija, dawn ma kellhomx il-kapaċità teknika neċessarja sabiex jipproċessaw l-irċevuti tal-pagamenti permezz ta’ karti bankarji ta’ dawn is-siti. Barra minn hekk, fi ħdan il-grupp Docler, la kien hemm netwerk ta’ relazzjonijiet, u lanqas il-kwalifiki neċessarji għall-operat tas-siti fuq skala internazzjonali.

79.      Bla ħsara għall-verifika ta’ dawn l-elementi mill-qorti tar-rinviju, dawn għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jeskludu li l-kisba ta’ vantaġġ fiskali kienet l-iskop essenzjali tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ liċenzja inkwistjoni.

80.      Il-fatt li tranżazzjoni mwettqa għal raġunijiet kummerċjali tinkludi wkoll vantaġġi fiskali, anki jekk dawn ikunu kunsiderevoli, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li impriża “[tibbenefika] b’mod abbużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt [tal-Unjoni]” (23).

81.      F’dan ir-rigward nirreferi għall-kawża li tat lok għas-sentenza RBS Deutschland Holdings (C-277/09, EU:C:2010:810) dwar pagamenti marbuta ma’ tranżazzjonijiet ta’ leasing li kienu ġew strutturati b’mod li jevadu l-VAT kemm fir-Renju Unit kif ukoll fil-Ġermanja. Sa fejn it-tranżazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ leasing inkwistjoni, fid-dritt Ingliż, kienu tqiesu bħala provvisti ta’ servizzi, l-awtoritajiet fiskali Brittaniċi qisuhom bħala li saru fil-Ġermanja, jiġifieri fil-post fejn il-fornitur kellu s-sede tiegħu. Fil-Ġermanja, peress li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni, fid-dritt Ġermaniż, kienu tqiesu bħala kunsinni ta’ oġġetti, dawn tqiesu bħala li twettqu fir-Renju Unit, jiġifieri fil-post tal-kunsinna. Minn dan irriżulta li l-pagamenti ta’ leasing inkwistjoni f’din il-kawża ma kienu taw lok għall-ebda ġbir tal-VAT, la fir-Renju Unit u lanqas fil-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, il-VAT kienet tħallset sussegwentement fir-Renju Unit fuq il-qligħ mill-bejgħ tal-vetturi.

82.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-eżistenza ta’ abbuż billi qieset fil-punt 55 tas-sentenza tagħha li “l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi ma jipprekludix id-dritt għal tnaqqis tal-VAT rikonoxxut fl-Artikolu 17(3)(a) tad-Direttiva, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn impriża stabbilita fi Stat Membru tagħżel li twettaq, permezz tas-sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, tranżazzjonijiet ta’ leasing ta’ oġġetti lil kumpannija terza stabbilita fl-ewwel Stat Membru, bil-għan li jiġi evitat li l-VAT tkun dovuta fuq il-ħlasijiet li jirremuneraw dawn it-tranżazzjonijiet, peress li dawn kienu kkwalifikati, fl-ewwel Stat Membru, bħala provvisti ta’ servizzi ta’ kiri mwettqa fit-tieni Stat Membru u, f’dan it-tieni Stat Membru, bħala provvisti ta’ oġġetti mwettqa fl-ewwel Stat Membru” (24).

83.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ skema purament artifiċjali fis-sens tas-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544) (25), każ li fih “dawn it-termini kuntrattwali għandhom jiġu ddefiniti mill-ġdid b’tali mod li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-assenza tat-tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu din il-prattika abbużiva” (26), għandu jiġi nnotat li l-verifika tar-realtà tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika “għandha tistrieħ fuq elementi oġġettivi u verifikabbli minn terzi, relatati, b’mod partikolari, mal-livell ta’ eżistenza fiżika [tal-kumpannija inkwistjoni] f’termini ta’ stabbilimenti, ta’ persunal u ta’ tagħmir” (27).

84.      L-eżistenza ta’ relazzjonijiet ta’ kontroll bejn Lalib u WebMindLicenses, inkluża l-possibbiltà li l-pariri mogħtija minn G. Gattyán lil Lalib kienu segwiti mingħajr eċċezzjoni, ma għandhiex tipprekludi lil Lalib milli jkollha preżenza reali fil-Portugall u milli teżerċita attività ekonomika reali hemmhekk.

85.      Fi kwalunkwe każ, sabiex jiġi vverifikat li Lalib ma hijiex kumpannija “skrin” jew “kaxxa ta’ l-ittri” (28), l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi setgħu jagħmlu użu mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 904/2010 sabiex jiksbu mill-awtoritajiet fiskali Portugiżi l-informazzjoni neċessarja biex isolvu dan il-punt, azzjoni li huma ma ħadux.

86.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Portugiż jinnota fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li Lalib għandha struttura permanenti, xierqa u awtonoma, kemm f’termini ta’ riżorsi umani kif ukoll ta’ mezzi tekniċi, u li tissodisfa regolarment l-obbligi fiskali tagħha fil-Portugall, filwaqt li, skont in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Adó- és Vám Főigazgatóság, WebMindLicenses timpjega biss maniġer, jiġifieri G. Gattyán, u konsulent legali part-time.

87.      Nipproponi għalhekk li l-ewwel sal-ħames u mis-seba’ sad-disa’ domandi jingħataw risposta fis-sens li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala abbużiva fir-rigward tad-Direttiva tal-VAT sakemm l-għan essenzjali tagħha ma jkunx il-kisba ta’ vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jmur kontra l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tagħha, kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

B –    Fuq is-sitt domanda: ir-riskju ta’ taxxa doppja

88.      Bis-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-każ fejn hija tiddeċiedi li kien hemm abbuż ta’ dritt, il-fatt li Lalib issodisfat l-obbligi tal-VAT tagħha fil-Portugall jipprekludihiex milli timponi fuq WebMindLicenses l-obbligu li tħallas il-VAT fl-Ungerija.

89.      Jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonkludi li jeżisti abbuż, inqis li r-riskju ta’ taxxa doppja ma għandux jipprekludi lill-awtoritajiet fiskali Ungeriżi milli jikkwalifikaw mill-ġdid il-post tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni u jqisu li dan fir-realtà jinsab fl-Ungerija.

90.      Ċertament, fil-punt 42 tas-sentenza Welmory (C-605/12, EU:C:2014:2298), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-għan tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-post ta’ referenza għal skopijiet ta’ taxxa tal-provvisti ta’ servizzi huwa li jiġu evitati, minn naħa, kunflitti ta’ kompetenza li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ impożizzjoni tat-taxxa” (29).

91.      Madankollu, kif tosserva l-Kummissjoni, ikun possibbli li tiġi evitata t-taxxa doppja biss jekk id-dritt tal-Unjoni jimponi lill-amministraturi fiskali tal-Istati Membri obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom. Madankollu, la d-Direttiva tal-VAT u lanqas ir-Regolament Nru 904/2010 ma joħolqu tali obbligu.

92.      Għall-kuntrarju, kif jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121), “meta tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ prattika abbużiva, it-tranżazzjonijiet implikati għandhom ikunu definiti mill-ġdid b’mod li jerġgħu jistabbilixxu s-sitwazzjoni li kienet teżisti fin-nuqqas tat-tranżazzjonijiet li jikkostiwixxu l-imsemmija prattika abbużiva” (30).

93.      Dan jimplika li, kif jindikaw il-Kummissjoni u l-Gvern Ungeriż, fil-każ li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ abbuż, it-tassazzjoni għall-finijiet tal-VAT għandha tiġi applikata bħallikieku l-abbuż ma seħħx. Il-fatt li diġà ġiet applikata tassazzjoni għall-finijiet tal-VAT ma jagħmel ebda differenza (31).

94.      Għaldaqstant, nipproponi li s-sitt domanda tingħata risposta fis-sens li r-riskju ta’ taxxa doppja ma jipprekludix lill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru milli jikkwalifikaw mill-ġdid il-post ta’ provvista ta’ servizz u li jqisu li din saret fit-territorju tiegħu.

C –    Fuq is-sittax u s-sbatax-il domanda: il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri

95.      Is-sittax u s-sbatax-il domanda tal-qorti tar-rinviju essenzjalment huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tiskopri l-eżistenza ta’ dejn tal-VAT għandhiex l-obbligu, skont ir-Regolament Nru 904/2010, li tressaq talba lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru fejn il-persuna taxxabbli suġġetta għal spezzjoni fiskali tkun diġà ssodisfat l-obbligu tagħha li tħallas il-VAT kif ukoll il-konsegwenzi li jirriżultaw jekk ma titressaqx tali talba.

96.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal dawn id-domandi hija sempliċi ħafna: tali obbligu ma jeżistix.

97.      Ċertament, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, ir-Regolament Nru 904/2010 għandu l-għan li jirregola l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri u li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom fuq il-bażi ta’ talbiet li huma jistgħu jressqu lil xulxin, konformement mal-Artikoli 7 sa 12 ta’ dan ir-regolament.

98.      Madankollu, kif tosserva l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-bażi ta’ talba, l-awtorità rikjedenti ma hija obbligata bl-ebda mod li tressaq tali talba lil Stat Membru ieħor. Fil-fatt, dan huwa dritt li jagħtiha l-imsemmi regolament u mhux obbligu li jimponilha.

99.      Barra minn hekk, ir-regolament ma jaffettwa bl-ebda mod il-prinċipju fundamentali li jgħid li l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri huma marbuta jiġġieldu kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali. Kif tinnota l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din il-ġlieda, huma l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi li għandhom jiksbu, bħalma jimponi wkoll l-Artikolu 97(4) u (6) tal-Liġi Nru XCII tal-2003, il-provi neċessarji għall-motivazzjoni u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż kif ukoll li jevalwaw jekk huma għandhomx bżonn iressqu talba lill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru ieħor.

100. Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk il-provi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-awtoritajiet fiskali Ungeriżi li tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż humiex suffiċjenti sabiex tiġi sostnuta din il-konstatazzjoni.

101. Għaldaqstant, ir-risposta għas-sittax u s-sbatax-il domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 904/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jimponix lill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tiskopri l-eżistenza ta’ dejn tal-VAT l-obbligu li tressaq talba lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru fejn il-persuna taxxabbli suġġetta għall-istħarriġ fiskali tkun diġà ssodisfat l-obbligu tagħha li tħallas il-VAT. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk il-provi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-awtoritajiet fiskali Ungeriżi li tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż humiex suffiċjenti biex tiġi sostnuta l-eżistenza tad-dejn fiskali.

D –    Fuq l-għaxar sal-ħmistax-il domanda: l-użu tal-provi miksuba b’mod sigriet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali paralleli fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tal-Karta

102. Permezz ta’ l-għaxar sal-ħmistax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-użu, mill-amministrazzjoni fiskali, ta’ provi miġbura b’mod sigriet matul proċeduri kriminali paralleli u mhux magħluqa, li l-kumpannija suġġetta għall-aġġustament fiskali ma kellhiex aċċess għaliha u ma nstemgħetx fil-kuntest tagħha kif ukoll l-użu ta’ dawn il-provi mill-qorti li quddiemha tressaq rikors kontra d-deċiżjoni ta’ aġġustament, humiex konformi mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-Artikoli 7, 8, 41, 47, 48, 51(1) u 52(2) tal-Karta, kif ukoll id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

103. B’mod evidenti ħafna, dawn id-domandi jsiru biss jekk il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li hemm abbuż ta’ dritt minħabba l-fatt li l-iskop essenzjali tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ liċenzja bejn WebMindLicenses u Lalib kien il-kisba ta’ vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jmur kontra l-għan imfittex mid-Direttiva tal-VAT.

104. L-ewwel nett għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ġaladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett lejhom” (32).

105. Fir-rigward tad-Direttiva tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “l-Artikolu 325 TFUE, jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiġġieldu l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi u b’mod partikolari, tobbligahom jadottaw l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li huma jadottaw sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess” (33).

106. Madankollu, skont din il-ġurisprudenza, “peress li r-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu, b’mod partikolari, [...] id-dħul provenjenti mill-applikazzjoni ta’ taxxa uniformi fuq bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni, hemm rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT skont id-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi korrispondenti mill-VAT, peress li kull lakuna fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel potenzjalment tikkawża tnaqqis fit-tieni” (34).

107. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 27 u 28 tas-sentenza tagħha Åkerberg Fransson (C-617/10, EU:C:2013:105), li s-sanzjonijiet fiskali u l-azzjonijiet kriminali għall-frodi tal-VAT jikkostitwixxu implementazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, u b’mod partikolari tal-Artikolu 273 tagħha, u konsegwentement tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jista’ jiġi konkluż, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li l-Karta tapplika f’dan il-każ.

108. Peress li din il-kawża tikkonċerna l-interċezzjoni ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ WebMindLicenses, il-konfiska u l-ħażna tal-posta elettronika tagħha kif ukoll l-użu tagħhom bħala provi fil-konfront tagħha, l-ewwel nett din il-kawża għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-Artikoli 7 (35) u 8 (36) tal-Karta li jiggarantixxu r-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali. Fil-fatt, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 47 tas-sentenza tagħha Volker und Markus Schecke u Eifert (C-92/09 u C-93/09, EU:C:2010:662), “[l-Artikolu 8 tal-Karta] huwa marbut mill-qrib mar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ din l-istess Karta”.

109. F’dan ir-rigward, infakkar li “r-rispett tad-dritt tal-ħajja privata fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ data personali, rikonoxxut mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jirrigwarda kull data li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Amann vs Svizzera, tas-16 ta’ Frar 2000, Recueil des arrêts et décisions 2000-II, § 65, u Rotaru vs Rumanija, tal-4 ta’ Mejju 2000, Recueil des arrêts et décisions 2000-V, § 43) u [...] li l-limitazzjonijiet li jistgħu leġittimament isiru għad-dritt tal-protezzjoni ta’ data personali, jikkorrispondu għal dawk aċċettati fil-kuntest tal-Artikolu 8 [tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali]” (37).

110. Peress li l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta jikkorrispondu għall-Artikolu 8 tal-imsemmija konvenzjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar dan is-suġġett tista’ tkun utli fil-kawża inkwistjoni bl-għarfien li “[s]afejn [...] il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija” u li din “ma żżommx lil-liġi [lid-dritt] ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva” (38).

111. Fir-rigward l-ewwel nett tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, qabelxejn għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (39) kif ukoll tal-Qorti EDB (40), il-kunċett ta’ ħajja privata għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-attivitajiet professjonali jew kummerċjali tal-persuni ġuridiċi.

112. Konsegwentement, l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jikkonċernaw bl-istess mod lill-persuni fiżiċi u lill-persuni ġuridiċi.

113. Għalhekk fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

114. Skont din il-ġurisprudenza, “it-tiftix u l-konfiska ta’ data elettronika jiġu analizzati bħala indħil fid-dritt għar-rispett tal-‘ħajja privata’ u tal-‘korrispondenza’ fis-sens [tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni]” (41). Barra minn hekk, “[i]l-Qorti kkonstatat diversi drabi li l-interċezzjoni sigrieta ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 fir-rigward tad-dritt għar-rispett kemm tal-ħajja privata kif ukoll tal-korrispondenza” (42).

115. Tali interferenza tikser l-Artikolu 8 “ħlief jekk, ‘skont il-liġi’, din għandha skop leġittimu wieħed jew iktar fir-rigward tal-paragrafu 2 [ta’ dan l-artikolu] u, barra minn hekk hija ‘meħtieġ[a] f’soċjetà demokratika’ sabiex dawn jintlaħqu” (43). Dawn il-kundizzjonijiet huma previsti wkoll mill-Artikolu 52(1) tal-Karta (44).

116. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-interferenza inkwistjoni hijiex prevista mil-liġi, li jidher li huwa l-każ skont il-qorti tar-rinviju nnifisha.

117. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, jidhirli li l-interferenza inkwistjoni, li seħħet fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-abbuż, il-frodi u l-evażjoni fiskali, għandha skop leġittimu.

118. Fir-rigward tat-tielet kriterju, li fir-realtà jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkonċerna l-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-QEDB tipprovdi numru ta’ indikazzjonijiet utli għal din il-kawża.

119. Fil-fatt, il-kawżi Société Colas Est et vs Franza kif ukoll Vinci Construction u GTM Génie Civil u Services vs Franza, kienu jikkonċernaw, bħal din il-kawża, l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-dritt tal-kompetizzjoni, minn Stat Membru.

120. Fil-kawża Société Colas Est et vs Franza, wara li s-sindakat nazzjonali tal-impriżi għax-xogħol intern (SNSO) iddenunzja l-eżistenza ta’ ċerti prattiki illeċiti mwettqa minn impriżi kbar tal-bini, l-amministrazzjoni ċentrali talbet lid-direttorat nazzjonali tal-investigazzjonijiet twettaq investigazzjoni amministrattiva ta’ portata kbira fuq l-imġiba tal-impriżi tax-xogħlijiet pubbliċi. Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, sar intervent simultanju fi ħdan sitta u ħamsin kumpannija li matul tiegħu l-investigaturi kkonfiskaw diversi eluf ta’ dokumenti konformement mal-Ordni Nru 45-1484 tat-30 ta’ Ġunju 1945, li ma kienet tipprevedi l-ebda awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

121. Il-Qorti EDB qieset li “għalkemm il-portata tal-operazzjonijiet imwettqa sabiex [...] jiġu evitati l-għajbien jew il-ħabi tal-provi ta’ prattiki antikompetittivi, iġġustifikat l-indħil inkwistjoni fid-domiċilju tar-rikorrenti, il-leġiżlazzjoni u l-prattika f’dan il-qasam xorta waħda kellhom joffru garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbużi” (45).

122. Madankollu, f’dan il-każ il-Qorti “[ikkonstatat] li dan ma kienx il-każ hawnhekk. Fil-fatt, fiż-żmien tal-fatti [...] l-amministrazzjoni kompetenti kellha setgħat wiesgħa ħafna li, bl-applikazzjoni tal-Ordni tal-1945, ippermettewlha li hija biss tevalwa l-adegwatezza, l-għadd, it-tul u l-portata tal-operazzjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet inkwistjoni twettqu mingħajr mandat minn qabel minn qorti ġudizzjarja u mingħajr il-preżenza ta’ uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jiġi preżunt li d-dritt ta’ ndħil jista’ jmur iktar lil hinn fir-rigward tal-bini kummerċjali ta’ persuna ġuridika [...], il-Qorti tqis, fir-rigward tal-modalitajiet deskritti iktar ’il fuq, li l-operazzjonijiet inkwistjoni mwettqa fil-qasam tal-kompetizzjoni ma setgħux jiġu aċċettati bħala strettament proporzjonati mal-iskopijiet leġittimi mfittxija” (46).

123. Hija għalhekk iddeċidiet li “[kien] hemm ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni” (47).

124. Bħall-kawża Société Colas Est et vs Franza, il-kawża Vinci Construction u GTM Génie Civil u Services vs Franza kienet tikkonċerna investigazzjoni mwettqa mid-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, tal-Konsum u tar-Repressjoni tal-Frodi (DGCCRF) li ssuspetta ftehim illeċitu pprojbit mill-Artikolu 101 TFUE mwettaq fil-każ tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għat-tiġdid ta’ sptarijiet pubbliċi.

125. Matul l-investigazzjoni, din id-darba ordnata mill-qorti tal-libertajiet u d-detenzjoni, l-aġenti tad-DGCCRF ikkonfiskaw għadd ta’ dokumenti u fajls informatiċi, kif ukoll il-messaġġi elettroniċi kollha ta’ ċerti impjegati tal-kumpanniji investigati. Il-konfiski magħmula kienu massivi u mingħajr distinzjoni u kienu ffokati fuq diversi eluf ta’ dokumenti informatiċi. Barra minn hekk, għadd ta’ dokumenti kkonfiskati ma kellhom l-ebda rabta mal-investigazzjoni jew kienu koperti mill-kunfidenzjalità marbuta mar-relazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu.

126. Fir-rigward tal-portata tal-konfiska, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-fatt li tfassal inventarju preċiż biżżejjed, li jindika l-isem tal-fajls, l-estensjoni tagħhom, il-provenjenza tagħhom u l-marka diġitali tagħhom, u li ngħata flimkien ma’ kopja tad-dokumenti kkonfiskati lill-kumpanniji investigati eskluda li l-konfiski jiġu kkaratterizzati bħala massivi u mingħajr distinzjoni. Il-portata tal-konfiska għalhekk ma kinitx tmur kontra l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni (48).

127. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-konfiska tad-dokumenti koperti mill-kunfidenzjalità bejn avukat u l-klijent tiegħu, il-Qorti EDB l-ewwel nett innotat li “waqt l-operazzjonijiet inkwistjoni, ir-rikorrenti la setgħu jkunu jafu l-kontenut tad-dokumenti kkonfiskati, u lanqas jiddiskutu l-konvenjenza tal-konfiska tagħhom. Madankollu, fil-fehma tal-Qorti, fin-nuqqas ta’ setgħa li tiġi evitata l-konfiska ta’ dokumenti barranin li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni u a fortiori ta’ dawk koperti mill-kunfidenzjalità marbuta mar-relazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, ir-rikorrenti kellhom ikunu jistgħu jevalwaw a posteriori u b’mod konkret u effettiv ir-regolarità tagħhom. Rimedju bħal dak disponibbli taħt l-Artikolu L.450-4 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, kellu jippermettilhom jiksbu, jekk ikun xieraq, ir-restituzzjoni tad-dokumenti kkonċernati jew l-aċċertament tat-tħassir totali tagħhom, fejn kellhom x’jaqsmu kopji tal-fajls informatiċi” (49).

128. Għal dan l-għan, il-Qorti EDB qieset li “hija l-qorti, li tressqu quddiemha allegazzjonijiet motivati li skonthom dokumenti identifikati b’mod preċiż ittieħdu mingħajr ma kellhom l-ebda rabta mal-investigazzjoni jew kienu koperti mill-kunfidenzjalità marbuta mar-relazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, li għandha tistabbilixxi d-destin tagħhom skont stħarriġ konkret ta’ proporzjonalità u tordna, jekk xieraq, ir-restituzzjoni tagħhom. Madankollu, il-Qorti tikkonstata li f’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrenti eżerċitaw ir-rimedju li tippermettilhom il-liġi quddiem [il-qorti tal-libertajiet u d-detenzjoni], din tal-aħħar, filwaqt li kkunsidrat il-preżenza ta’ korrispondenza li tirriżulta minn avukat fost id-dokumenti miżmuma mill-investigaturi, kienet kuntenta tevalwa r-regolarità tal-kuntest formali tal-konfiski inkwistjoni, mingħajr ma tipproċedi għall-eżami konkret meħtieġ” (50).

129. Fuq din il-bażi, il-Qorti EDB iddeċidiet li “[kien] hemm ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni” (51).

130. Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji f’din il-kawża, għandu jitfakkar li, waqt is-seduta, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Adó- és Vám Főigazgatóság u l-Gvern Ungeriż indikaw li s-smigħ tal-konverżazzjonijiet telefoniċi kien awtorizzat minn maġistrat inkwerenti (milli jidher mingħajr ma WebMindLicenses la setgħet tivverifika l-eżistenza ta’ din l-awtorizzazzjoni u lanqas tikkontestaha) filwaqt li l-kisba u l-ħażna tal-posta elettronika ġew żgurati permezz tal-konfiska, mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja, tal-kompjuters fil-bini ta’ WebMindLicenses.

131. Mid-dibattiti fis-seduta jirriżulta li l-awtoritajiet Ungeriżi taw lil WebMindLicenses aċċess għat-traskrizzjonijiet tal-konverżazzjonijiet telefoniċi u tal-posta elettronika użati bħala provi biex jappoġġjaw id-deċiżjoni tagħhom ta’ aġġustament fiskali, li WebMindLicenses kellha l-opportunità li tinstema’ mill-awtoritajiet fiskali Ungeriżi fuq il-provi inkwistjoni qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 u li WebMindLicenses kellha l-possibbiltà li tressaq azzjoni kontra din id-deċiżjoni.

132. Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li konfiska tal-posta elettronika mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja u n-nuqqas ta’ possibbiltà għal WebMindLicenses li tivverifika l-eżistenza ta’ tali awtorizzazzjoni għall-interċezzjoni ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi u li tikkontestaha, ma josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

133. Barra minn hekk, tista’ ssir id-domanda dwar jekk fil-perspettiva tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT, l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi setgħux jiksbu l-informazzjoni neċessarja kollha permezz ta’ kontroll fil-bini ta’ WebMindLicenses jew billi jitolbu l-assistenza tal-awtoritajiet fiskali Portugiżi fir-rigward ta’ Lalib, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

134. Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li twettaq ksur tal-Artikolu 7 u 8 tal-Karta, din ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-provi miksuba jew użati b’mod irregolari.

135. Għaldaqstant, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk il-provi ammissibbli humiex suffiċjenti sabiex jappoġġjaw id-deċiżjoni ta’ aġġustament fiskali u, jekk ikun xieraq, tannulla din id-deċiżjoni u tordna r-rimbors bl-interessi tal-VAT miġbura.

136. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti mressqa minn WebMindLicenses fuq il-bażi tal-Artikolu 41 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, għandha tiġi nnotata diverġenza ċara bejn is-sentenza N. minn naħa (C-604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50) u s-sentenzi Cicala (C-482/10, EU:C:2011:868, punt 28), YS et (C-141/12 u C-372/12, EU:C:2014:2081, punt 67) u Mukarubega (C-166/13, EU:C:2014:2336, punti 43 u 44) min-naħa l-oħra.

137. Għalkemm fil-punti 49 u 50 tas-sentenza tagħha N. (C-604/12, EU:C:2014:302), ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li taċċetta li l-Artikolu 41 japplika wkoll għall-Istati Membri meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, it-Tielet u l-Ħames Awla ċaħdu din l-idea fit-tliet sentenzi l-oħra ċċitati fil-punt 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

138. Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 68 tas-sentenza tagħha YS et (C-141/12 u C-372/12, EU:C:2014:2081), “[i]d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit [fl-Artikolu 41] jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza H. N., C-604/12, EU:C:2014:302, punt 49). Madankollu, permezz tad-domandi tagħhom fil-kawżi preżenti, il-qrati tar-rinviju ma jitolbux interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju ġenerali, iżda jixtiequ jsiru jafu jekk l-Artikolu 41 tal-Karta jistax, bħala tali, japplika għall-Istati Membri tal-Unjoni”. Għaldaqstant, dan ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiggwida lill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni u l-evalwazzjoni tal-prinċipju ġenerali inkwistjoni.

139. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li f’dan il-każ, ma jidher li jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-Artikolu 41 jew tal-prinċipju ġenerali.

140. Fil-fatt, kif spjegajt fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, waqt is-seduta, WebMindLicenses irrikonoxxiet li n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Adózók Igazgatósága indirizzatilha f’Awwissu 2013, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, proċess verbal li jannessa l-provi miksuba fil-kuntest tal-proċedura kriminali u li hija kellha l-possibbiltà li tinstema’ fuq dawn il-fatturi minn din l-awtorità amministrattiva.

141. Għaldaqstant, ir-risposta għall-għaxar sal-ħmistax-il domanda għandha tkun li l-ġbir tal-provi matul proċeduri kriminali paralleli għall-proċedura ta’ aġġustament tal-VAT permezz tal-interċezzjoni ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi u l-konfiska u l-ħażna ta’ posta elettronika ma huwiex konformi mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta sakemm ma jkunx previst mil-liġi, ikollu skop leġittimu u jkun proporzjonat, aspett li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

VI – Konklużjoni

142. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság:

1)      Il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies bħala abbużiv fir-rigward tad-Direttiva tal-VAT sakemm l-iskop essenzjali tiegħu ma jkunx il-kisba ta’ vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jkun kuntrarju għall-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tagħha, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

2)      Ir-riskju ta’ taxxa doppja ma jipprekludix lill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru milli jikkwalifikaw mill-ġdid il-post ta’ provvista ta’ servizz u milli jqisu li din twettqet fit-territorju tiegħu.

3)      Ir-Regolament Nru 904/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix lill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tiskopri l-eżistenza ta’ dejn tal-VAT l-obbligu li tressaq talba lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli suġġetta għall-istħarriġ fiskali tkun diġà ssodisfat l-obbligu tagħha li tħallas il-VAT. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk il-provi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-awtoritajiet fiskali Ungeriżi li tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż humiex suffiċjenti sabiex jappoġġjaw l-eżistenza tad-dejn fiskali.

4)      Il-ġbir tal-provi matul proċeduri kriminali paralleli għall-proċedura ta’ aġġustament tal-VAT permezz tal-interċezzjoni ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi u l-konfiska u l-ħażna ta’ posta elettronika ma huwiex konformi mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx previst mil-liġi, ikollu skop leġittimu u jkun proporzjonat, aspett li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 347, p. 1.


3 – ĠU L 268, p. 1.


4 – In-‘know-how’ jikkonsisti f’sistema ta’ komunikazzjoni interattiva permezz tal-internet, li tinkludi sistema kumplessa ta’ pagament u fatturazzjoni u tippermetti x-xandir f’ħin reali ta’ divertiment b’kontenut għall-adulti.


5 – Madwar EUR 33.8 miljun.


6 – Madwar EUR 32.9 miljun.


7 – Madwar EUR 25.4 miljun.


8 – Madwar 9.5 miljun.


9 – Matul il-perjodu inkwistjoni, ir-rata tal-VAT kienet ta’ 15 % fil-Portugall. Din kienet 25 % fl-Ungerija iżda mill-1 ta’ Lulju 2009 din tnaqqset għal 20 %.


10 – F’dan ir-rigward, miniex ser nieħu pożizzjoni fuq in-natura abbużiva jew le meta mqabbla ma’ taxxi oħra tal-fatti esposti fil-punti 16, 17 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11 –      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Part Service (C-425/06, EU:C:2008:108, punt 42); Weald Leasing (C-103/09, EU:C:2010:804, punti 29 u 30); RBS Deutschland Holdings (C-277/09, EU:C:2010:810, punt 49); Tanoarch (C-504/10, EU:C:2011:707, punt 52), kif ukoll Newey (C-653/11, EU:C:2013:409, punt 46).


12 – Sentenza Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121, punt 80).


13 – Sentenza Part Service (C-425/06, EU:C:2008:108, punt 62).


14 – Sentenza Newey (C-653/11, EU:C:2013:409, punt 46). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544, punt 55) (għall-fiskalità diretta); Ampliscientifica u Amplifin (C-162/07, EU:C:2008:301, punt 28), kif ukoll Tanoarch (C-504/10, EU:C:2011:707, punt 51) (għall-VAT).


15 – Sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544, punt 66).


16 – Ara l-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva tal-VAT fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-24 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009 u l-Artikolu 59(1)(k) tal-istess direttiva fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2012.


17 – Sentenza Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121, punt 74).


18 – Sakemm is-sede tkun teżisti u l-provvista inkwistjoni titwettaq minn din is-sede. Ara l-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-VAT fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-24 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009 u l-Artikolu 45 tal-istess direttiva fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2012.


19 – Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Centros (C-212/97, EU:C:1999:126, punt 27) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru, li jixtieq joħloq kumpannija, jagħżel li jifformaha fl-Istat Membru li l-liġijiet dwar il-kumpanniji tiegħu jkunu, fil-fehma tiegħu, l-anqas onerużi u li joħloq fergħat fi Stati Membri oħra ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, użu abbużiv tad-dritt ta’ stabbiliment. Fil-fatt, id-dritt li jistabbilixxi kumpannija in konformità mal-liġijiet ta’ Stat Membru u li joħloq fergħat fi Stati Membri oħra huwa inerenti fl-eżerċizzju, f’suq wieħed, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat”. Ara wkoll, fir-rigward tat-tassazzjonià diretta, il-punti 49 (“l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mit-tassazzjoni baxxa li għaliha hija suġġetta sussidjarja stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih kienet ġiet stabbilita l-kumpannija parent ma tawtorizzax, minnha nfisha, lil dan l-aħħar Stat Membru li jikkumpensa dan il-vantaġġ permezz ta’ trattament fiskali inqas favorevoli minn tal-kumpannija parent”) u 50 (“s-sempliċi fatt li kumpannija residenti toħloq stabbiliment sekondarju, bħal sussidjarja, fi Stat Membru ieħor ma jistax jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali ta’ frodi fiskali u tiġġustifika miżura li thedded l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali garantita mit-Trattat”) tas-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544).


20 – Sentenza RBS Deutschland Holdings (C-277/09, EU:C:2010:810, punt 53). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121, punt 73), Part Service (C-425/06, EU:C:2008:108, punt 47), kif ukoll Weald Leasing (C-103/09, EU:C:2010:804, punt 27). B’analoġija, ara fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, is-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544, punt 69).


21 – Sentenza Ampliscientifica u Amplifin (C-162/07, EU:C:2008:301, punt 28). Enfasi magħmula minni. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi RBS Deutschland Holdings (C-277/09, EU:C:2010:810, punt 51); Tanoarch (C-504/10, EU:C:2011:707, punt 51), kif ukoll Newey (C-653/11, EU:C:2013:409, punt 46).


22 – Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Sentenza Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121, punt 69). Enfasi miżjuda minni.


24 – Jien inżid ngħid li f’din il-kawża, il-VAT tħallset f’wieħed miż-żewġ pajjiżi ikkonċernati fuq il-provvisti inkwistjoni.


25 – Ara l-punti 63 sa 71.


26 – Sentenza Newey (C-653/11, EU:C:2013:409, punt 50). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121, punt 98).


27 – Sentenza Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121, punt 67).


28 – Sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544, punt 68).


29 – Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza ADV Allround (C-218/10, EU:C:2012:35, punt 27).


30 – Punt 98.


31 – Infakkar li jekk jista’ jkun hemm taxxa doppja, jista’ jkun hemm ukoll nuqqas ta’ tassazzjoni, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza RBS Deutschland Holdings (C-277/09, EU:C:2010:810). F’dan il-każ, Stat Membru ma jistax jirrinunzja għall-applikazzjoni tad-dritt tiegħu li jissuġġetta għall-VAT tranżazzjoni li normalment ma hijiex fis-sistema tiegħu “għar-raġuni unika li t-tranżazzjonijiet tal-output imwettqa ma tawx lok għall-ħlas tal-VAT fit-tieni Stat Membru” (ibid., punt 46).


32 – Sentenza Åkerberg Fransson (C-617/10, EU:C:2013:105, punt 19). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ERT (C-260/89, EU:C:1991:254, punt 42); Kremzow (C-299/95, EU:C:1997:254, punt 15); Annibaldi (C-309/96, EU:C:1997:631, punt 13); Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punt 25); Sopropé (C-349/07, EU:C:2008:746, punt 34); Dereci et (C-256/11, EU:C:2011:734, punt 72), kif ukoll Vinkov (C-27/11, EU:C:2012:326, punt 58).


33 – Sentenza Åkerberg Fransson (C-617/10, EU:C:2013:105, punt 26). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza SGS Belgium et (C-367/09, EU:C:2010:648, punti 40 sa 42).


34 – Sentenza Åkerberg Fransson (C-617/10, EU:C:2013:105, punt 26). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-539/09, EU:C:2011:733, punt 72).


35 – “Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”


36 – Il-paragrafu 1 tiegħu jiddisponi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha”.


37 – Sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert (C-92/09 u C-93/09, EU:C:2010:662, punt 52). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Varec (C-450/06, EU:C:2008:91, punt 48). L-Artikolu 8 tal-konvenzjoni inkwistjoni jiddisponi li “[k]ulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu”.


38 – Artikolu 52(3) tal-Karta. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punti 51 u 52 tas-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert (C-92/09 u C-93/09, EU:C:2010:662).


39 – Ara s-sentenzi Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punt 29) kif ukoll Varec (C-450/06, EU:C:2008:91, punt 48). Ċertament, fil-punt 53 tas-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert (C-92/09 u C-93/09, EU:C:2010:662), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-persuni ġuridiċi jistgħu jużaw il-protezzjoni tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta fir-rigward ta’ [...] identifikazzjoni [mill-pubblikazzjoni imposta mill-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 u r-Regolament Nru 259/2008 li jimplementaw dan l-artikolu] biss jekk l-isem legali tal-persuna ġuridika jidentifika persuna fiżika waħda jew iktar”. Madankollu, il-ġurisprudenza f’dan il-qasam evolviet b’mod konsiderevoli, bil-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-persuni ġuridiċi jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Fil-fatt, fil-punti 32 sa 37 tas-sentenza Digital Rights Ireland et (C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238) il-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli fir-rigward tal-ewwel rikorrent, minkejja l-fatt li Digital Rights Ireland Ltd kienet kumpannija taħt id-dritt Irlandiż u kienet qiegħda titlob id-drittijiet li kienu jagħtuha dawn l-artikoli (ara l-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza).


40 – Ara Qorti EDB, is-sentenzi Société Colas Est et vs Franza, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2002-III, punt 41, u Buck vs Il-Ġermanja, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2005-I, punt 31. Ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenzi Sallinen et vs Il-Finlandja, 27 ta’ Settembru 2005, § 70, Bernh Larsen Holdings AS et vs In-Norveġja, 14 ta’ Marzu 2013, punt 104, Saint-Paul Luxembourg S.A. vs Il-Lussemburgu, 18 ta’ April 2013, punt 37, Ernst et vs Il-Belġju, 15 ta’ Lulju 2013, punt 109. Is-sentenzi mhux ippubblikati fil-Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet huma aċċessibbli fuq is-sit internet tal-Qorti http://hudoc.echr.coe.int/sites/eng/Pages/search.aspx#.


41 – Qorti EDB, is-sentenza Vinci Construction u GTM Génie Civil u Services vs Franza, 2 ta’ April 2015, punt 63. Ara wkoll, f’dan is-sens, Qorti EDB, is-sentenzi Sallinen et vs Il-Finlandja, 27 ta’ Settembru 2005, punt 71, Weber u Saravia vs Il-Ġermanja, 29 ta’ Ġunju 2006, punt 77, Wieser u Bicos Beteiligungen GmbH vs L-Awstrija, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2007-IV, § 43, u Robathin vs L-Awstrija, 3 ta’ Lulju 2012, punt 39.


42 – Qorti EDB, is-sentenza P.G. u J.H. vs Ir-Renju Unit, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2001-IX, punt 59.


43 – Qorti EDB, is-sentenza Vinci Construction u GTM Génie Civil u Services vs Franza, 2 ta’ April 2015, punt 64.


44 – Ara l-punt 65 tas-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert (C-92/09 u C-93/09, EU:C:2010:662).


45 – Qorti EDB, is-sentenza Société Colas Est et vs Franza, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2002-III, punt 48.


46 – Ibidem (punt 49).


47 – Ibidem (punt 50).


48 – Qorti EDB, is-sentenza Vinci Construction u GTM Génie Civil u Services vs Franza, 2 ta’ April 2015, punt 76.


49 – Ibidem (§ 78).


50 – Ibidem (§ 79).


51 – Ibidem (§ 80).