Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-10 ta’ Marzu 2016 (1)

Kawża C-543/14

Ordre des barreaux francophones et germanophone et

Vlaams Netwerk van Verenigingen waar armen het woord nemen ASBL et

Jimmy Tessens et

Orde van Vlaamse Balies

Ordre des avocats du barreau d’Arlon et

vs

Conseil des ministres

[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Cour constitutionnelle [qorti kostituzzjonali, il-Belġju)]

“VAT–Direttiva 2006/112/KE– Validità u interpretazzjoni tad-direttiva – Servizzi pprovduti minn avukati – Ebda eżenzjoni mill-VAT – Aċċess għall-ġustizzja – Dritt għall-assistenza minn avukat – Opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Għajnuna legali”





1.        Bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tranżitorja li ġejja mis-Sitt Direttiva tal-VAT (2), li kienet oriġinarjament maħsuba sabiex tapplika għal ħames snin, mill-1 ta’ Jannar 1978, iżda li għadha tagħmel parti mid-Direttiva tal-VAT li hemm bħalissa (3), il-Belġju eżenta servizzi pprovduti minn avukati mill-VAT sal-31 ta’ Diċembru 2013. Kien l-uniku Stat Membru li għamel użu minn din id-deroga.

2.        Għadd ta’ kunsilli tal-avukatura fil-Belġju, flimkien ma’ diversi assoċjazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarji kif ukoll għadd ta’ individwi li kienu ħallsu drittijiet ta’ avukati suġġetti għall-VAT, ressqu proċeduri quddiem il-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali) fejn ikkontestaw it-tneħħija ta’ din l-eżenzjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Il-punt ewlieni tal-argumenti tagħhom huwa li ż-żieda li rriżultat fl-ispejjeż tal-litigazzjoni tikser diversi garanziji għad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja.

3.        Qabel ma tiddeċiedi dwar dawn l-argumenti, il-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali) qiegħda titlob deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ftehimiet internazzjonali

4.        L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem “il-KEDB”) (4) jipprovdi, b’mod partikolari: “Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. Fost id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 6(3) għal kull min jiġi akkużata b’reat hemm id-dritt “li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b’xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk”.

5.        L-Artikolu 14(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (iktar ’il quddiem l-“ICCPR”) (5) jipprovdi, b’mod partikolari li: “Kull persuna hija ugwali quddiem il-qrati u t-tribunali. Fid-determinazzjoni ta’ kull akkuża kriminali kontra tagħha, jew tad-drittijiet u l-obbligi tagħha f’kawża skont il-liġi, kull persuna għandha tkun intitolata għal smigħ ġust u pubbliku minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilita skont il-liġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 14(3)(b) u (d), fid-determinazzjoni ta’ kull akkuża kriminali kontra persuna, kull persuna għandha tkun intitolata, f’ugwaljanza sħiħa, li “tkellem avukat tal-għażla tagħha” u “tiġi ġġudikata fil-preżenza tiegħu, u li tiddefendi lilha nfisha personalment jew permezz ta’ assistenza legali li tagħżel hija stess, li tkun mgħarrfa, jekk ma jkollhiex assistenza legali, b’dan id-dritt; u li tiġi assenjata lilha assistenza legali, f’kull każ meta l-interessi tal-ġustizzja hekk jitolbu, u mingħajr ħlas mingħandha f’kull każ bħal dan jekk ma jkollhiex mezzi suffiċjenti sabiex tħallas għaliha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6.        L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għat-Tagħrif, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Tiswir tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Åarhus”) (6) jirrigwarda l-aċċess għall-ġustizzja.

7.        Il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu jeżiġu li proċeduri jkunu disponibbli sabiex membri tal-pubbliku jitħallew jiksbu stħarriġ amministrattiv u/jew ġudizzjarju ta’ ċerti tipi ta’ att jew ta’ omissjoni fil-qasam tal-ambjent. Il-paragrafi 1 u 2 jispeċifikaw li kull firmatarju tal-konvenzjoni għandu jipprovdi l-proċeduri inkwistjoni “fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu”, filwaqt li l-paragrafu 3 jagħmel riferiment għal “kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali tiegħu” u għal ksur ta’ “dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu relatat mal-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8.        Il-paragrafu 4 jeżiġi li l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 “jipprovdu rimedji adegwati u effettivi, inkluż solliev inibitorju kif jixraq, u li jkunu ġusti, ekwi, f’waqthom u mhux ta’ spiża projbittiva”, filwaqt li l-paragrafu 5 jeżiġi li l-firmatarji “jqisu li jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa ta’ għajnuna sabiex jitneħħaw jew jitnaqqsu ostakoli finanzjarji u oħrajn għal aċċess għall-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

9.        L-Artikolu 9 TUE jipprovdi: “Fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha […]”

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

10.      L-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (7) jipprovdi: “Kull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi.”

11.      L-Artikolu 47, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jipprovdi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.”

12.      L-Artikolu 51(1) jgħid li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplementaw il-liġi tal-Unjoni.

13.      Fi kliem l-Artikolu 52(1):

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f'dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

14.      L-Artikolu 52(3) jipprovdi:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli tipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

 Id-Direttiva tal-VAT

15.      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Il-prinċipju tas-sistema komuni ta’ VAT tinvolvi l-applikazzjoni ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq merkanzija [oġġetti] u servizzi li hi eżattament proporzjonali għall-prezz tal-merkanzija u s-servizzi, ikunu kemm ikunu t-transazzjonijet li jkunu saru fil-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-istadju li fih hi imposta t-taxxa.

Fuq kull transazzjoni, il-VAT, kalkulata fuq il-prezz tal–merkanzija jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.

Is-sistema komuni tal-VAT għandha tkun applikata sa l-istadju tal-kummerċ bl-imnut (dan l-istadju inkluż).”

16.      L-Artikolu 2(1)(ċ) jgħid li “l-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” għandha tkun suġġetta għall-VAT.

17.      Skont l-Artikolu 97, ir-rata standard tal-VAT ma tistax tkun inqas minn 15 %. Madankollu, skont l-Artikolu 98, l-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa għall-provvisti ta’ oġġetti jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III. Il-lista tal-Anness III ma tinkludix is-servizzi ta’ avukati. Madankollu skont il-punt 15, hija tinkludi “il-provvista ta’ merkanzija [oġġetti] u servizzi minn organizzazzjonijiet irrikonoxxuti bħala ddedikati għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali, sakemm dawk it-transazzjonijiet ma jkunux eżenti skont l-Artikoli 132, 135 u 136” (8).

18.      L-Artikolu 132(1) jelenka għadd ta’ “Eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”. Mill-ġdid, dawk l-attivitajiet ma jinkludux is-servizzi ta’ avukati. Fil-fatt jinkludu, skont (g), “il-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija [oġġetti] marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk provduti mid-djar ta’# l-anzjani, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali”.

19.      L-Artikolu 168 jipprovdi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mill-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[…]”

20.      Skont l-Artikolu 371, “L-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1978, kienu jeżentaw it-transazzjonijiet elenkati fl-Anness X, il-Parti B, jistgħu jkomplu jeżentaw dawk l-attivitajiet, skond il-kondizzjonijet li japplikaw fl-Istat Membru konċernat f’dik id-data”. Il-Parti B tal-Anness X, intitolata “Transazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jeżentaw”, tinkludi, fil-punt (2), “il-provvista ta’ servizzi mill-awturi, artisti, interpreti ta’ xogħlijiet artistiċi, avukati u membri oħrajn tal-professjonijiet ħielsa, barra dawk il-professjonijiet mediċi u paramediċi [...]”, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet li ma jkunux rilevanti għal dawn il-proċeduri (9).

 Id-dritt Belġjan

21.      L-Artikolu 23(2) tal-Kostituzzjoni Belġjana jiggarantixxi għal kulħadd, b’mod partikolari, id-dritt għall-għajnuna legali.

22.      Sal-31 ta’ Diċembru 2013, l-Artikolu 44(1)(1) tal-Kodiċi tal-VAT Belġjan kien jipprovdi li provvisti ta’ servizzi magħmula minn avukati (10) matul l-attivitajiet normali tagħhom kellhom ikunu eżenti mill-VAT. Tali provvisti kienu eżenti sa mill-introduzzjoni tal-VAT fil-Belġju fl-1 ta’ Jannar 1971. Mix-xogħlijiet preparatorji msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-għan li tiġi stabbilita u sussegwentement tinżamm l-eżenzjoni kien li jiġi evitat li jitqiegħed piż addizzjonali fuq l-ispejjeż għal aċċess għall-qrati.

23.      L-Artikoli 60 u 61 (flimkien, iktar ’il quddiem il-“miżura kkontestata”) tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 (11) neħħiet din l-eżenzjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Mix-xogħlijiet preparatorji msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li l-għan kien li b’mod ġenerali tintemm sitwazzjoni anomala, sabiex il-liġi Belġjana tinġieb konformi ma’ dik tal-Istati Membri l-oħra u sabiex jintemmu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jiġi segwit għan baġitarju.

24.      Ir-rata standard tal-VAT fil-Belġju hija ta’ 21 %.

25.      Skont l-Artikolu 446 ter tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, l-avukati kellhom jiffissaw id-drittijiet tagħhom liberament “fid-diskrezzjoni mistennija minnhom fl-eżerċizzju ta’ dmirijiethom”. L-ammont jista’ ma jkunx jiddependi biss mir-riżultat tal-proċeduri. Drittijiet li jeċċedu dak li huwa “ġust u moderat” għandhom jitnaqqsu mill-Kunsill tal-avukatura kompetenti.

26.      Fil-prattika, drittijiet jiġu ffissati, bi ftehim bejn l-avukat u l-klijent, b’wieħed minn erba’ metodi: ħlas għal kull siegħa, ħlas b’rata fissa skont in-natura tal-każ, ammont iffissat b’riferiment għall-valur tat-talba iżda li jista’ jvarja bejn minimu u massimu ddefiniti, skont ir-riżultat tal-proċeduri u, (għal klijenti regolari), dritt li jiġġedded, li jitħallas kull tant żmien jew la darba li jkun sar tant xogħol (12).

 Il-proċedura u d-domandi preliminari

27.      Bejn Novembru 2013 u Frar 2014, il-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali) irċeviet erba’ rikorsi, ilkoll sabiex tiġi annullata l-miżura kkontestata.

28.      L-ewwel rikors kien ippreżentat mill-Ordre des barreaux francophones et germanophone (kunsill tal-avukatura tal-lingwa Franċiża u dik Ġermaniża), flimkien ma’ għadd ta’ assoċjazzjonijiet li l-għanijiet tagħhom huma ġeneralment tal-qasam tal-ġustizzja, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, u d-difiża ta’ ħaddiema u membri tas-soċjetà inqas ipprivileġġati, u li ma humiex persuni taxxabbli f’pożizzjoni li jnaqqsu l-VAT jekk jużaw is-servizzi ta’ avukati. It-tieni rikors kien sar minn għadd ta’ individwi (iktar ’il quddiem “Jimmy Tessens et”) li kienu qegħdin jużaw is-servizzi ta’ avukat speċjalista sabiex isegwu kontestazzjonijiet ta’ esproprjazzjonijiet ta’ artijiet, u sabu li l-drittijiet tal-avukat kienu issa żdiedu b’21 % li, bħala individwi, li jaġixxu f’kapaċità privata, ma humiex f’pożizzjoni li jnaqqsu. It-tielet rikorrent kien l-Orde van Vlaamse Balies (Kunsill tal-Għaqdiet tal-Avukati Fjammingi). Ir-raba’ rikors kien ippreżentat konġuntivament minn ħdax-il Kunsill ta’ Għaqdiet tal-Avukati tal-lingwa Franċiża u minn avukat individwali. Il-Conseil des barreaux européens (kunsill tal-avukatura Ewropej, iktar ’il quddiem “is-CCBE’) ingħata permess sabiex jippreżenta sottomissjonijiet billi jintervjeni fit-tieni sar-raba’ kawżi.

29.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali) tiddeskrivi l-argumenti tar-rikorrenti rilevanti għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

30.      L-ewwel nett, huma jissottomettu li, fil-kuntest tad-dritt għal smigħ xieraq, il-miżura kkontestata hija ta’ ostakolu għad-dritt ta’ aċċess għall-qrati u għad-dritt għall-assistenza ta’ avukat, u ma hijiex kontrobbilanċjata b’xi aġġustament tas-sistema ta’ għajnuna legali.

31.      It-tieni nett, il-miżura kkontestata tqiegħed is-servizzi ta’ avukati fuq l-istess bażi bħal provvisti ta’ merkanzija u servizzi ordinarji, filwaqt li provvisti relatati mal-eżerċizzju ta’ drittijiet fundamentali huma eżenti mill-VAT, għal raġunijiet ta’ aċċessibbiltà finanzjarja.

32.      It-tielet nett, is-servizzi ta’ avukati ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk ta’ professjonijiet liberali oħra, billi huma karatteristika ta’, u essenzjali għal, l-istat tad-dritt.

33.      Ir-raba’ nett, il-miżura kkontestata tiddiskrimina kontra partijiet fil-kawża li ma jkunux persuni taxxabbli li jużaw servizzi ta’ avukati għall-fini tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħhom, u li, għalhekk, ma jkunux jistgħu jnaqqsu l-VAT għal dawn is-servizzi; tali persuni jkunu, barra minn hekk, sikwit ekonomikament iktar dgħajfa.

34.      Il-ħames nett, alternattivament, kellha tiġi applikata rata mnaqqsa tal-VAT sabiex tiġi riflessa n-natura tas-servizzi ta’ avukati, li jistgħu jitqabblu ma’ dawk tat-tobba, u li aċċess għalihom huwa dritt fundamentali u mhux lussu.

35.      Fl-aħħar nett, il-leġiżlatur kellu jipprovdi għal dispensa fil-każ ta’ proċeduri ppreżentati minn individwi kontra awtorità pubblika, sabiex tiżgura bilanċ ekwu bejn il-partijiet.

36.      Il-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali) tanalizza għadd ta’ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti ta’ Strasbourg”) li jirrigwardaw l-Artikoli 6 u 14 tal-KEDB, u tikkonkludi li l-leġiżlatur għandu jimplementa b’mod konkret prinċipji ġenerali bħad-dritt ta’ aċċess għall-qrati u opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-kawża.

37.      Insegwitu hija tinnota li żieda ta’ 21 % fl-ispiża ta’ servizzi ta’ avukati setgħet, għal xi partijiet fil-kawża, taffettwa d-dritt tagħhom ta’ aċċess għal konsulenza legali. Barra dan, il-fatt li xi partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jnaqqsu l-VAT fuq il-provvista ta’ tali servizzi filwaqt li oħrajn ma jistgħux (għalkemm xi wħud minn dawn tal-aħħar ikunu ser jibbenefikaw mill-għajnuna legali), u li partijiet fil-kawża avversarji jistgħu jkunu f’pożizzjonijiet differenti f’dan ir-rigward, jista’ jippreġudika l-opportunitajiet ugwali bejn il-partijiet fil-kawża.

38.      Il-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali) tqis li l-għan tal-miżura kkontestata kien wieħed prinċipalment baġitarju. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur għandu diskrezzjoni wiesgħa, iżda tali għan ma setax raġonevolment jiġġustifika diskriminazzjoni fi kwistjonijiet ta’ aċċess għall-qrati u għal konsulenza legali jew fir-rigward ta’ opportunitajiet ugwali bejn il-partijiet fil-kawża. Hija tinnota wkoll illi, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (13), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma illi, anki li kieku wieħed kellu jassumi li servizzi pprovduti minn avukati skont l-iskema ta’ għajnuna legali għandhom natura soċjali u jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “impenn fix-xogħol ta’ assistenza soċjali u tas-sigurtà soċjali”, dan ma jkunx biżżejjed sabiex wieħed jikkonkludi li tali avukati jistgħu jiġu kklassifikati bħala “organizzazzjonijiet […] iddedikati għall-benesseri soċjali […] u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali” skont it-tifsira tal-punt 15 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża ma eżaminatx il-kompatibbiltà tad-Direttiva mad-dritt għal smigħ xieraq. Fl-aħħar nett, il-Cour constitutionnelle (Qorti kostituzzjonali) tinnota li, minħabba li d-Direttiva tal-VAT hija direttiva li tarmonizza, ma huwiex għal-leġiżlatur Belġjan li jivvinta regoli differenti tiegħu stess, iżda li l-frażi “skond il-kondizzjonijet li japplikaw fl-Istat Membru konċernat f’dik id-data” tal-Artikolu 371 ta’ din id-direttiva tista’ tippermetti xi ftit tal-libertà f’dan ir-rigward.

39.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali), għalhekk, qiegħda titlob għal deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“1.      (a)      Peress li tissuġġetta s-servizzi pprovduti mill-avukati għall-VAT, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni, fir-rigward tad-dritt għall-assistenza minn avukat u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, il-fatt jekk l-individwu [parti fil-kawża] li jibbenefika mill-għajnuna legali huwiex suġġett jew le għall-VAT, [id-Direttiva tal-VAT], hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 14 tal-[ICCPR] u mal-Artikolu 6 tal-[KEDB], sa fejn dan l-artikolu jirrikonoxxi lil kull persuna d-dritt għal smigħ ġust, il-possibbiltà li tieħu parir, li jkollha difiża u li tkun irrappreżentata, u d-dritt għal għajnuna legali għal dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, meta din l-għajnuna tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja?

(b)      Għall-istess raġunijiet, [id-Direttiva tal-VAT], hija kompatibbli mal-Artikolu 9(4) u (5) tal-[Konvenzjoni Aarhus], sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja mingħajr ma n-nefqa relatata ma’ dawn il-proċedura ma tista’ tkun projbittiva u permezz tal-‘implementazzjoni ta’ mekaniżmi adegwati ta’ assistenza intiżi li jeliminaw jew li jnaqqsu l-ostakoli finanzjarji jew ta’ natura oħra li jostakolaw l-aċċess għall-ġustizzja’?

(c)      Is-servizzi pprovduti mill-avukati fil-kuntest ta’ sistema nazzjonali ta’ għajnuna legali jistgħu jiġu inklużi fis-servizzi koperti mill-Artikolu 132(1)(g) tad-[Direttiva tal-VAT] li huma relatati mill-qrib mal-għajnuna u mas-sigurtà soċjali, jew jistgħu jiġu eżentati bis-saħħa ta’ dispożizzjoni oħra tad-Direttiva? Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, id-[Direttiva tal-VAT], interpretata fis-sens li ma tippermettix li jiġu eżentati mill-VAT is-servizzi pprovduti mill-avukati lil individwi [partijiet fil-kawża] li jibbenefikaw mill-għajnuna legali fil-kuntest ta’ sistema nazzjonali ta’ għajnuna legali, hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-[Karta] ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 14 tal-[ICCPR] u mal-Artikolu 6 tal-[KEDB]?

2.      Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domandi magħmula taħt il-punt 1, l-Artikolu 98 tad-[Direttiva tal-VAT], sa fejn ma jipprevedix il-possibbiltà li tiġi applikata r-rata mnaqqas tal-VAT għas-servizzi pprovduti mill-avukati, jekk ikun il-każ skont jekk l-individwu [parti fil-kawża] li ma jibbenefikax mill-għajnuna legali huwiex jew le suġġett għall-VAT, huwa kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 14 tal-[ICCPR] u mal-Artikolu 6 tal-[KEDB], sa fejn dan l-artikolu jirrikonoxxi lil kull persuna d-dritt għal smigħ ġust, il-possibbiltà li tieħu parir, li jkollha difiża u li tkun irrappreżentata, u d-dritt għal għajnuna legali għal dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, meta din l-għajnuna tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja?

3.      Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domandi magħmula taħt il-punt 1, l-Artikolu 132 tad-[Direttiva tal-VAT] huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni rrikonoxxuti fl-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta] u fl-Artikolu 9 TUE, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn ma jipprevedix, fost l-attivitajiet ta’ interess ġenerali, l-eżenzjoni tal-VAT favur is-servizzi pprovduti mill-avukati, meta servizzi oħra huma eżentati bħala attivitajiet ta’ interess ġenerali, bħalma huma pereżempju s-servizzi mwettqa mis-servizzi postali pubbliċi, diversi servizzi mediċi jew inkella servizzi marbuta mat-tagħlim, mal-isport jew mal-kultura, u meta din id-differenza fit-trattament bejn is-servizzi pprovduti mill-avukati u s-servizzi eżentati taħt l-Artikolu 132 tad-[Direttiva tal-VAT] tqajjem dubji suffiċjenti peress li s-servizzi pprovduti mill-avukati jikkontribwixxu għar-rispett ta’ ċerti drittijiet fundamentali?


4.      (a)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domandi magħmula taħt il-punti 1 u 3, l-Artikolu 371 tad-[Direttiva tal-VAT] jista’ jiġi interpretat, inkonformità mal-Artikolu 47 tal-[Karta], fis-sens li jawtorizza lil Stat Membru tal-Unjoni jżomm parzjalment fis-seħħ l-eżenzjoni tas-servizzi pprovduti minn avukati meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti lil individwi [partijiet fil-kawża] li ma humiex suġġetti għall-VAT?

(b)      L-Artikolu 371 tad-[Direttiva tal-VAT] jista’ jiġi interpretat ukoll, inkonformità mal-Artikolu 47 tal-[Karta], fis-sens li jawtorizza lil Stat Membru tal-Unjoni jżomm parzjalment fis-seħħ l-eżenzjoni tas-servizzi pprovduti minn avukati meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti lil individwi [partijiet fil-kawża] li jibbenefikaw mill-għajnuna legali fil-kuntest ta’ sistema nazzjonali ta’ għajnuna legali?”

40.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Ordre des barreaux francophones et germanophone et, mill-Orde van Vlaamse Balies, mis-CCBE, mill-Gvern tal-Belġju, ta’ Franza u tal-Greċja, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2015, l-istess partijiet – bl-eċċezzjoni tal-Gvern ta’ Franza u tal-Greċja iżda biż-żieda ta’ Jimmy Tessens et – ippreżentaw osservazzjonijiet orali.

 Analiżi

41.      Inqis li jkun preferibbli nindirizza l-ewwel nett dawk l-aspetti tad-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-VAT fis-seħħ; wara inqis id-diversi kwistjonijiet imqajma fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li jipprekludu l-eżenzjoni ta’ servizzi pprovduti minn avukati, jew it-tassazzjoni tagħhom b’rata mnaqqsa, ma’ ċerti prinċipji fundamentali espressi fi strumenti ġuridiċi li huma vinkolanti għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda: il-possibbiltà li tinżamm eżenzjoni ta’ portata mnaqqsa

42.      Għalkemm din id-domanda tqajmet mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u t-tielet domandi, hija tista’ konvenjentement tiġi indirizzata l-ewwel nett indipendentement mir-risposti għal dawn iż-żewġ domandi.

43.      Ma hemmx dubju illi konformement mal-Artikolu 28(3)(b) tas-Sitt Direttiva, inizjalment, u l-Artikolu 371 tad-Direttiva tal-VAT, sussegwentement, il-Belġju kien intitolat iżomm l-eżenzjoni tiegħu eżistenti għal servizzi ta’ avukati, effettivament, għal perijodu indefinit wara l-1 ta’ Jannar 1978, u li huwa għamel hekk sal-31 ta’ Diċembru 2013, meta neħħa l-eżenzjoni.

44.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk Stat Membru, li jkun żamm skont il-liġi l-eżenzjoni tiegħu sħiħa għas-servizzi tal-avukati, setax, insegwitu, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, iżommx l-eżenzjoni f’forma iktar limitata.

45.      Ir-risposta għal din id-domanda, kif magħmula, għandha kjarament tkun fl-affermattiv – mingħajr ma jkun hemm ħtieġa ta’ riferiment għall-Artikolu 47 tal-Karta.

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba li l-Artikolu 28(3)(b) tas-Sitt Direttiva kien jawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw ċerti eżenzjonijiet eżistenti mill-VAT, hija ppermettitilhom ukoll li jżommu tali eżenzjonijiet b’portata mnaqqsa, iżda li ma jintroduċux eżenzjonijiet ġodda jew jestendu l-portata ta’ eżenzjonijiet eżistenti (14). L-istess għandu japplika issa għall-Artikolu 371 tad-Direttiva tal-VAT.

47.      Madankollu, kif il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jinnotaw, id-domanda hija magħmula fi żmien meta l-eżenzjoni kienet diġà tneħħiet fl-intier tagħha fil-Belġju.

48.      Għalhekk jekk id-domanda tiġi interpretata superfiċjalment, hija ma tistax tkun rilevanti għall-kawża prinċipali, minħabba li ma għadx hemm iktar xi possibbiltà materjali li tinżamm l-eżenzjoni wara kollox, kemm jekk il-portata tagħha titnaqqas u kemm jekk le. Abbażi ta’ dan, naqbel mal-Gvern Franċiż u mal-Kummissjoni li d-domanda hija inammissibbli.

49.      Jekk, madankollu, id-domanda tiġi interpretata bħala li qiegħda tistaqsi jekk l-eżenzjoni, ladarba kienet tneħħiet, tistax terġa’ tiġi introdotta f’forma iktar limitata, ir-risposta, evidentement, tkun fin-negattiv. Tali miżura tkun tammonta għal introduzzjoni ta’ dak li llum tkun eżenzjoni ġdida li ma hijiex imsemmija fid-Direttiva tal-VAT, dak li ma huwiex awtorizzat mill-Artikolu 371.

 Fuq l-ewwel parti tal-punt (c) tal-ewwel domanda: il-possibbiltà ta’ eżenzjoni għal servizzi pprovduti skont skema nazzjonali ta’ għajnuna legali

50.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk servizzi pprovduti minn avukati skont skema nazzjonali ta’ għajnuna legali għandhomx ikunu eżenti skont l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-VAT bħala servizzi b’rabta mill-qrib ma’ assistenza soċjali u ma’ sigurtà soċjali, jew skont kull dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva.

51.      Ir-risposta kjarament għandha tkun fin-negattiv.

52.      Qabel kollox, fir-rigward tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-VAT, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 huma maħsuba sabiex jinkoraġġixxu ċerti attivitajiet fl-interess pubbliku; huma ma jirrigwardawx dawn l-attivitajiet kollha, iżda dawk biss li huma elenkati u deskritti f’dan l-artikolu b’mod iddettaljat ħafna. Il-kliem użat sabiex jiġu indikati l-imsemmija eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li dawn l-eżenzjonijiet huma derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fuq kull servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta ma jfissirx li l-kliem użat fl-Artikolu 132 għandu jiġi interpretat b’tali mod li jċaħħad l-eżenzjonijiet mill-effett tagħhom. Għaldaqstant, dawn il-kliem għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kuntest li fih jintużaw, l-għanijiet u l-istruttura tad-Direttiva tal-VAT, u billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-għan sottostanti tal-eżenzjoni inkwistjoni (15).

53.      L-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-VAT jeżenta “il-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk provduti mid-djar ta’ l-anzjani, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali”.

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt qabel ma kellha l-okkażjoni ttippronunzja ruħha fuq l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal servizzi pprovduti minn avukati fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna legali.

55.      Madankollu, hija eżaminat jekk il-punt 15 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT (li, moqri flimkien mal-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva, jippermetti lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għall-“provvista ta’ merkanzija u servizzi minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala devoti [li huma ddedikati] għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali, sakemm dawk it-transazzjonijiet mhumiex eżenti skond l-Artikoli 132 […]”), setax japplika għall-provvista ta’ servizzi minn avukati li għalihom jitħallsu kollox jew parzjalment mill-Istat skont l-iskema ta’ għajnuna legali (16).

56.      F’dan il-kuntest hija bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza relatata mal-eżenzjoni li attwalment hija prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-VAT sabiex tikkonkludi li, fil-kuntest tal-għajnuna legali, l-avukati ma humiex awtomatikament esklużi mill-kategorija tal-punt 15 tal-Anness III biss minħabba li huma jkunu entitajiet privati li jsegwu għan ta’ profitt, u li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni sabiex jirrikonoxxu ċerti organizzazzjonijiet bħala li għandhom natura soċjali, għalkemm din id-diskrezzjoni għandha tiġi eżerċitata fil-limiti stabbiliti fid-Direttiva tal-VAT (17).

57.      Fir-rigward ta’ dawn il-limiti, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li tagħmel l-għażla tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT b’riferiment biss għal provvisti ta’ servizzi mogħtija minn organizzazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżit doppju li jkunu ddedikati għal għan soċjali u li jkunu impenjati f’assistenza jew f’sigurtà soċjali. Hija qieset li din l-intenzjoni kienet tixxejjen jekk Stat Membru kien ikun liberu jikklassifika entitajiet privati li jsegwu għan ta’ profitt bħala organizzazzjonijiet skont it-tifsira tal-punt 15 sempliċement għaliex jipprovdu wkoll servizzi ta’ natura soċjali. Għaldaqstant, sabiex jiġu osservati l-kliem ta’ dan il-punt, Stat Membru ma jistax japplika rata mnaqqsa għal provvisti ta’ servizzi pprovduti minn entitajiet privati li jsegwu għan ta’ profitt abbażi biss ta’ analiżi tan-natura ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma jqis l-għanijiet segwiti minn dawn l-entitajiet meqjusa fl-intier tagħhom u jekk ikunux impenjati f’assistenza soċjali fuq bażi permanenti. Il-kategorija professjonali ta’ avukati fl-intier tagħha ma tistax titqies bħala li hija ddedikata għal natura soċjali. B’hekk, anki li kieku kellu jitqies li s-servizzi pprovduti minn avukati fil-kuntest tal-għajnuna legali kellhom natura soċjali u setgħu jiġu kklassifikati bħala impenn “fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali”, dan ma kienx ikun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dawn l-avukati setgħu jiġu kklassifikati bħala “organizzazzjonijiet […] dedikati għall-benesseri soċjali […] u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali” skont it-tifsira tal-punt 15 tal-Anness III (18).

58.      Huwa ċar minn din il-ġurisprudenza, u ġeneralment mill-ħtieġa li jiġu interpretati b’mod konsistenti dispożizzjonijiet bi kliem simili tad-Direttiva tal-VAT, li l-Artikolu 132(1)(g) ma jippermettix li Stat Membru jeżenta s-servizzi pprovduti minn avukati skont skema nazzjonali ta’ għajnuna legali.

59.      Insegwitu, fir-rigward ta’ “kull dispożizzjoni oħra tad-Direttiva”, ir-risposta għandha tkun l-istess. Kif il-Gvern Franċiż jinnota, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma ssuġġeritx xi dispożizzjoni oħra li tista’ tippermetti tali eżenzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk kienet teżisti xi dispożizzjoni oħra ta’ din ix-xorta, kienet tkun kuntrarja għall-Artikolu 371 tad-Direttiva tal-VAT, peress li kienet tkun tippermetti lil Stat Membru jintroduċi eżenzjoni ġdida għal servizzi pprovduti minn avukati, filwaqt li l-Artikolu 371 jippermetti biss iż-żamma ta’ eżenzjoni diġà eżistenti li barra minn hekk id-Direttiva ma tipprevedix dan.

 Fuq l-ewwel u t-tielet domanda: il-kompatibbiltà tad-Direttiva tal-VAT mal-istrumenti internazzjonali u l-prinċipji fundamentali, sa fejn ma tippermettix lill-Istati Membri li jeżentaw is-servizzi pprovduti minn avukati jew li jintaxxaw tali servizzi b’rata mnaqqsa)

60.      Dwar l-ewwel u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li servizzi pprovduti minn avukati ma humiex eżenti mill-VAT u lanqas ma jistgħu jkunu suġġetti għal rata mnaqqsa tal-VAT, huwiex kompatibbli ma’ għadd ta’ prinċipji fundamentali sanċiti fil-KEDB, fl-ICCPR, fil-Konvenzjoni Aarhus, fit-Trattat dwar Unjoni Ewropea u fil-Karta (19).

61.      Id-domandi 1(a) u 2 jagħmlu riferiment għad-dritt għal smigħ xieraq, inklużi d-drittijiet għall-assistenza u għar-rappreżentanza legali, u għad-dritt għall-għajnuna legali għal dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed. Id-domanda 1(b) tagħmel riferiment għad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja li ma jkunx “ta’ spiża projbittiva”, fil-kuntest tal-Konvenzjoni Aarhus, u d-domandi 1(a) u 1(b) jagħmlu riferiment għal opportunitajiet ugwali bejn partijiet fil-kawża, filwaqt li d-domanda 1(c) tirrigwarda d-dritt għall-għajnuna legali għal dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed. Id-domanda 3 tirrigwarda l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni (li jista’ jkun espress ukoll bħala l-prinċipju ta’ “newtralità fiskali”) fil-kuntest ta’ trattament differenti tal-VAT għal provvisti ta’ servizzi possibbilment komparabbli.

62.      Sabiex jiġu indirizzati d-domandi 1(a), 1(b), 1(c), 2 u 3, waħda waħda u wara xulxin, dan jinvolvi ċertu ammont ta’ ripetizzjoni, minħabba li jitqajmu diversi drabi kwistjonijiet li jkunu l-istess jew simili f’kuntesti biss ftit differenti. Nippreferi, għalhekk, li nindirizza dawn il-kwistjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-prinċipji fundamentali differenti involuti, li huma l-aspetti kollha tad-dritt bażiku għal smigħ xieraq.

63.      Qabel kollox nixtieq li nitħalla ngħid li nifhem, kif ukoll nissimpatizza mat-tħassib espress u mal-għanijiet segwiti mir-rikorrenti fit-tilwima fil-kawża prinċipali. L-aċċess għall-ġustizzja huwa tabilħaqq dritt fundamentali, li għandu jiġi ggarantit (anki għalkemm qatt ma jista’ jkun assolut jew jiġi qabel kunsiderazzjonijiet oħra kollha) fil-liġijiet kemm tal-Istati Membri, kif ukoll tal-Unjoni. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jisfa inevitabbilment iktar diffiċli jekk l-ispiża sabiex tinkiseb konsulenza legali jew rappreżentanza tiżdied minħabba li tkun tneħħiet eżenzjoni mit-taxxa.

64.      Madankollu, għar-raġunijiet li ser nispjega, ma nqisx li hemm xi inkompatibbiltà bejn il-prinċipju li s-servizzi ta’ avukati jiġu suġġetti għall-VAT u kwalunkwe aspett tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-ġustizzja.

65.      F’dan ir-rigward, għadd ta’ osservazzjonijiet ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja kkonċentraw fuq il-mod iktar milli fuq il-fatt tat-tneħħija mill-Belġju tal-eżenzjoni eċċezzjonali tagħha tas-servizzi ta’ avukati mill-VAT. Kien issuġġerit, pereżempju, li kellhom jiġu adottati miżuri tranżitorji jew komplimentari sabiex itaffu d-diffikultajiet li nqalgħu mill-bidla f’daqqa, jew li s-sistema tal-għajnuna legali kellha tiġi irriformata.

66.      Fil-fehma tiegħi, miżuri sabiex jittaffa l-impatt mill-introduzzjoni tal-VAT għas-servizzi ta’ avukati fuq l-ispiża għal aċċess għall-ġustizzja fil-Belġju kienu jkunu mixtieqa u setgħu kienu tassew ta’ benefiċċju sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru skont il-Karta u l-KEDB. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddetermina l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali invokati tal-prinċipju, fid-Direttiva tal-VAT, li servizzi ta’ avukati għandhom ikunu suġġetti għall-VAT, mhux mal-mod li bih il-Belġju temm l-eżenzjoni li kien japplika qabel permezz ta’ deroga.

 Id-dritt għall-għajnuna legali

67.      Id-dritt għall-għajnuna legali għal dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed sabiex iħallsu għas-servizzi ta’ avukat, huwa sanċit fl-Artikolu 6(3) tal-KEDB, fl-Artikolu 14(3)(d) tal-ICCPR u fl-Artikolu 47 tal-Karta. Hemm riferiment għalih ukoll, b’inqas prominenza, fl-Artikolu 9(5) tal-Konvenzjoni Aarhus, li jeżiġi li partijiet “jqisu li jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa ta’ għajnuna sabiex ineħħu jew inaqqsu ostakoli finanzjarji u oħrajn għal aċċess għall-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

68.      Skemi nazzjonali ta’ għajnuna legali – kuntrarju għal assigurazzjoni għal spejjeż legali jew sabiex jiġu pprovduti b’mod volontarju servizzi legali mingħajr ħlas minn avukati li jaħdmu pro bono publico – huma ffinanzjati kważi għalkollox, jekk mhux esklużivament, minn riżorsi tal-Istat. Dan ċertament jidher li huwa l-każ fil-Belġju, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ġudizzjarju ċċitat mill-Gvern Belġjan. L-avukati li jipprovdu servizzi fil-kuntest ta’ tali skema jitħallsu, għalhekk, mill-Istat. Jekk id-drittijiet tagħhom jiżdiedu b’21 % bħala riżultat tal-ġbir tal-VAT fuq dawn id-drittijiet, l-Istat ikollu jħallas 21 % iktar. Madankollu, huwa l-Istat li jiġbor dawn il-21 %, sabiex b’hekk ma tiġix affettwata l-ispiża tal-Istat għall-finanzjament tal-iskema nazzjonali ta’ għajnuna legali.

69.      Fil-fatt, kien sar evidenti fis-seduta li, sabiex jiġu evitati tali ħlasijiet ċirkolari, il-Belġju ssuġġetta, effettivament, drittijiet għall-għajnuna legali għall-VAT bir-rata 0 % (20).

70.      Konsegwentement, jidher li t-tneħħija tal-eżenzjoni għas-servizzi pprovduti minn avukati ma affettwatx il-firxa tal-provvediment ta’ għajnuna legali fil-Belġju.

71.      Madankollu, għalkemm l-applikazzjoni tal-VAT għal servizzi ta’ avukati hija, essenzjalment, newtrali għall-Istat fir-rigward tal-finanzjament tal-iskema tal-għajnuna legali, il-probabbiltà hija li ser tiġġenera dħul addizzjonali fil-każ ta’ servizzi pprovduti barra minn din l-iskema. Konsegwentement, Stat Membru fil-pożizzjoni tal-Belġju x’aktarx li jkollu iktar riżorsi li jistgħu jintużaw, jekk dan l-Istat Membru jagħżel li jagħmel hekk, sabiex jiżdied il-finanzjament għall-iskema tal-għajnuna legali, pereżempju billi jżid il-limiti sabiex persuna tkun intitolata tibbenefika mill-iskema, jekk l-applikazzjoni tal-VAT tinstab li tkun ta’ piż mhux xieraq għal persuni li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tkun ’il fuq bi ftit minn dawn il-limiti. Nisħaqq, madankollu, li tali għażla jkollha tiġi eżerċitata mill-Istat Membru kkonċernat, meqjusa ċ-ċirkustanzi kollha li jkollhom x’jaqsmu mal-finanzjament tal-ispejjeż tal-litigazzjoni fis-sistema legali tiegħu, u ma tkun bl-ebda mod iddettata jew prekluża mill-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT kif prevista fid-Direttiva tal-VAT (21).

72.      Nixtieq inżid, fl-aħħar nett, li l-applikazzjoni tal-VAT għal servizzi pprovduti minn avukati ma jkollhiex effett fuq servizzi pprovduti pro bono, li ma jingħatawx bi ħlas, u li kull żieda fl-ispiża tal-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali hija kwistjoni li dwarha ser nitkellem fit-taqsima li ġejja li tirrigwarda l-ispejjeż ta’ aċċess għall-ġustizzja fl-assenza ta’ għajnuna legali.

73.      Jiena, għalhekk, tal-fehma li l-applikazzjoni tal-VAT għal servizzi pprovduti minn avukati ma għandhiex effett fuq id-dritt għall-għajnuna legali ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta jew minn kull strument ieħor vinkolanti għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

 Spiża ta’ aċċess għall-ġustizzja fl-assenza ta’ għajnuna legali

74.      Huwa ċar li d-dritt għal smigħ xieraq fi proċeduri legali jimplika li parti fil-kawża jew persuna akkużata ma kinux ostakolati minħabba spiża milli jiksbu parir legali jew rappreżentanza xierqa.

75.      Huwa fatt ukoll li (minbarra servizzi pprovduti pro bono fid-diskrezzjoni ta’ avukati individwali) is-servizzi ta’ parir u ta’ rappreżentanza legali għandhom ikunu bi ħlas.

76.      F’xi każijiet, partijiet fil-kawża jew konvenuti nieqsa mill-flus ikollhom l-ispiża mħallsa kollha jew parti minnha minn fondi pubbliċi u, kif urejt, ma hemmx raġuni għaliex l-applikazzjoni tal-VAT għas-servizzi kkonċernati għandha tippreġudika b’xi mod din is-sitwazzjoni.

77.      B’kuntrast, meta parti fil-kawża jew konvenut ikollu jħallas huwa stess, għal kollox jew f’parti is-servizzi ta’ avukat, kull żieda fl-ispiża ta’ dawn is-servizzi għandha ftit jew wisq iżżid il-piż finanzjarju għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal qorti u għal smigħ xieraq. F’dan il-kuntest, l-applikazzjoni tal-VAT għad-drittijiet ta’ avukati, meta qabel ma kinitx imposta VAT, tista’ żżid l-ispiża għas-servizzi tagħhom għal persuni mhux taxxabbli, jew għal persuni taxxabbli li ma jkunux jistgħu jieħdu lura dan l-ammont bħala taxxa tal-input minħabba li s-servizzi inkwistjoni ma jkunux komponenti ta’ spiża ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli.

78.      Madankollu, għandhom isiru għadd ta’ osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

79.      L-ewwel nett, kif il-qorti tar-rinviju stess tinnota, u l-Gvern ta’ Franza u tal-Greċja jisħqu, fil-kuntest tal-KEDB, il-Qorti ta’ Strasbourg irriteniet li d-dritt ta’ aċċess għal qorti ma huwiex assolut. Jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, minħabba li d-dritt ta’ aċċess, min-natura tiegħu stess jitlob li jiġi rregolat mill-Istat, li jgawdi minn ċertu marġni ta’ apprezzament, bil-kundizzjoni li l-limitazzjonijiet applikati ma jirrestrinġux jew inaqqsu l-aċċess li jibqagħlu l-individwu tant li l-qofol tassew tad-dritt jidgħajjef, u li dawn il-limitazzjonijiet isegwu għan leġittimu u li jkun hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan mixtieq li jinkiseb (22).

80.      Din il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll irriteniet li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jista’ – fir-rigward ta’ eżenzjoni possibbli mill-ħlas ta’ spejjeż proċedurali u/jew ta’ drittijiet ta’ avukati – ikun suġġett għal kundizzjonijiet, sakemm dawn ma jikkostitwixxux restrizzjoni għad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja li tikser il-qofol proprju ta’ dan id-dritt, u li tali kundizzjonijiet isegwu għan leġittimu u li jkun hemm grad raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan segwit (23).

81.      Jidhirli li żieda fl-ispiża ta’ servizzi ta’ avukati, anki kieku kellha tammonta għal 21 %, ma tistax tiġi deskritta bħala li tikser il-qofol proprju tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja. Lanqas, fir-rigward tal-għan segwit, ma jista’ għan baġitarju (li huwa, wara kollox, l-għan fundamentali ta’ kull tassazzjoni) jew ix-xewqa li l-liġi Belġjana tinġieb f’konformità ma’ dik tal-Istati Membri l-oħra (u mal-iskema ta’ direttiva li tarmonizza) u li jintemmu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, ma jistgħu jitqiesu mod ieħor għajr leġittimi għal għanijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, l-impożizzjoni tar-rata standard nazzjonali tal-VAT ma jistax jingħad li hija b’xi mod sproporzjonata għal dawn l-għanijiet.

82.      It-tieni nett, kif il-Gvern Belġjan b’mod partikolari jinnota, avukati Belġjan li s-servizzi tagħhom saru suġġetti għall-VAT fl-1 ta’ Jannar 2014, kisbu wkoll id-dritt li jnaqqsu l-VAT fuq oġġetti u servizzi akkwistati għall-finijiet tas-servizzi li huma jipprovdu. L-ispejjeż tagħhom infushom, għalhekk, tnaqqsu bl-ammont ta’ VAT li huma jkunu ħallsu għal tali akkwisti. Abbażi tal-preżunzjoni li huma ma kienu għamlu l-ebda aġġustament ieħor, iżda sempliċement applikaw ir-rata standard tal-VAT għad-drittijiet netti tagħhom u naqqsu t-taxxa tal-input, isegwi li dawn id-drittijiet kien misshom żdiedu mhux b’21 %, iżda b’21 % li minnu jintaqqas proporzjon rappreżentanti l-ammont ta’ VAT tal-input li huma kienu saru jistgħu jnaqqsu. Għalkemm huwa minnu li avukati jista’ ma jkollhomx tali spejjeż għolja ta’ input taxxabbli bħal ta’ operaturi ekonomiċi oħra, l-effett ma jistax jiġi injorat għalkollox.

83.      It-tielet nett, huwa magħruf sewwa li, minkejja t-teorija fiskali li hija l-bażi tas-sistema tal-VAT, l-operaturi ekonomiċi li jipprovdu oġġetti jew servizzi lil persuni mhux taxxabbli (jiġifieri lill-konsumaturi finali) normalment ma jiffissawx il-prezzijiet tagħhom qabel it-taxxa b’mod indipendenti u wara mekkanikament jgħoddu r-rata applikabbli tal-VAT ma’ dawk il-prezzijiet. F’kull suq kompetittiv ta’ konsumaturi, huma għandhom iqisu – sabiex nagħtu biss żewġ eżempji – l-ogħla livell ta’ prezzijiet li jinkludu taxxa li s-suq ikun jiflaħ, jew l-iktar livell baxx li jipprovdihom b’fatturat biżżejjed sabiex ikollhom marġni ta’ profitt utli inqas. Għalhekk, meta r-rati tal-VAT jitilgħu jew jinżlu, operaturi ekonomiċi sikwit ma jgħaddux l-impatt (sħiħ) ta’ dawn il-bidliet lill-konsumaturi.

84.      Fil-prattika, għalhekk, ma jistax jingħad li hemm korrelazzjoni awtomatika u mill-qrib bejn żieda fir-rata applikabbli tal-VAT (f’dan il-każ minn sitwazzjoni li fiha ma tkunx imposta VAT iżda mingħajr dritt ta’ tnaqqis għal 21 % bi dritt sħiħ ta’ tnaqqis) u żieda fl-ispiża ta’ oġġetti u servizzi pprovduti lil konsumaturi.

85.      Fil-Belġju, id-drittijiet tal-avukati ma humiex irregolati bil-liġi iżda jiġu miftiehma bejn l-avukat u l-klijent. F’dan il-kuntest avukati għandhom jaġixxu bid-“diskrezzjoni mistennija minnhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom”, u d-drittijiet tagħhom ma għandhomx “jaqbżu l-limiti ta’ moderazzjoni ġusta” (24). Metodi possibbli ta’ kalkolu jinkludu l-iffissar ta’ rata għal kull siegħa ta’ xogħol imwettaq, dritt b’rata fissa skont it-tip ta’ litigazzjoni kkonċernata jew perċentwali tal-ammont inkwistjoni fil-litigazzjoni, u jkun permissibbli li l-ammont impost jiġi varjat skont ir-riżultat tal-litigazzjoni (għalkemm mhux li drittijiet isiru dipendenti għalkollox mir-riżultat). Jistgħu jitqiesu kriterji oħra sabiex jiġi aġġustat l-ammont ta’ drittijiet – pereżempju, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent jew l-esperjenza tal-avukat, il-livell ta’ speċjalizzazzjoni jew ir-reputazzjoni tiegħu (25). Anki qabel ma jsiru tali aġġustamenti, il-livelli ta’ drittijiet jidher li jvarjaw ħafna fil-Belġju (26).

86.      Jidher, għalhekk, li t-tneħħija tal-eżenzjoni tad-drittijiet tal-avukati mill-VAT aktarx mhux ser twassal b’mod inevitabbli għal żieda ġenerali fl-ispejjeż ta’ aċċess għall-ġustizzja. Apparti dan (kif il-Kummissjoni nnotat) il-partijiet fil-kawża aktarx iqisu l-kwalità tas-servizz ipprovdut u l-“valur għall-flus” offrut, bħala kriterji iktar importanti mis-sempliċi spiża (negozjabbli) għas-servizz.

87.      Ir-raba’ nett, kultant ikun possibbli li avukati individwali jħaddmu livell ta’ sussidjar reċiproku fil-prattika tagħhom billi jaġġustaw id-drittijiet tagħhom sabiex iqisu l-introduzzjoni tal-VAT għas-servizzi tagħhom u sabiex itaffu l-effetti tagħha fuq partijiet fil-kawża li għalihom l-ispiża ta’ dawk is-servizzi tista’ xorta oħra tkun ta’ deterrent. Skont is-sit internet tal-Ordre des barreaux francophones et germanophone, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent hija l-ewwel element li l-avukati jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeterminaw id-drittijiet tagħhom fil-limiti ta’ moderazzjoni ġusta; jista’, għalhekk, ikun possibbli li, għal klijenti li ma jikkwalifikawx għal għajnuna legali, titħaddem skala ta’ drittijiet tali li tiżgura li ħadd ma jiċċaħħad, minħabba l-ispiża, mid-dritt fundamentali tiegħu għal aċċess għall-ġustizzja. Madankollu nifhem kompletament il-punt magħmul fis-seduta mill-avukat ta’ Jimmy Tessens et li tali għażla ma tistax issir bl-istess mod mill-avukati kollha, iżda tiddependi mill-għamla tal-klijentela ta’ kull avukat.

88.      Għalhekk ma nsib xejn fid-Direttiva tal-VAT, jew fid-deċiżjoni tal-Belġju sabiex jintemm l-eżerċizzju tal-għażla tiegħu skont din id-direttiva li jeżenta s-servizzi ta’ avukati, li jista’ jikser l-Artikolu 47 tal-Karta abbażi li l-impożizzjoni tal-VAT fuq tali servizzi żżid l-ispejjeż tal-aċċess għall-ġustizzja.

89.      Essenzjalment tista’ tiġi applikata l-istess kunsiderazzjoni għall-Artikolu 9(4) u (5) tal-Konvenzjoni Aarhus. Madankollu, jista’ jsir għadd ta’ punti oħra speċifiċi f’dan ir-rigward.

90.      L-ewwel nett, il-kunċett ta’ “mhux ta’ spiża projbittiva” (li hemm fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni Aarhus) kien interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 (27) bħala li jfisser li l-persuni kkonċernati ma jkunux ostakolati milli jagħmlu jew isegwu talba għal stħarriġ mill-qrati minħabba l-piż finanzjarju li jista’ jkun hemm bħala riżultat. Fl-analiżi tal-kwistjonijiet b’rabta ma’ dan ir-rekwiżit, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu kemm l-interess tal-persuna li tkun tixtieq tiddefendi d-drittijiet tagħha, kif ukoll l-interess pubbliku għall-ħarsien tal-ambjent. Meta jagħmlu hekk, huma ma għandhomx jaġixxu biss abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent iżda għandhom jagħmlu wkoll analiżi oġġettiva tal-ammont tal-ispejjeż, u għandhom iqisu s-sitwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, jekk ir-rikorrent ikollux tama raġonevoli ta’ suċċess, l-importanza tal-kwistjoni għar-rikorrent u għall-ħarsien tal-ambjent, il-kumplessità tal-liġi u tal-proċedura rilevanti, in-natura potenzjalment frivola tat-talba fl-istadji varji tagħha, kif ukoll l-eżistenza ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna legali jew ta’ sistema ta’ protezzjoni dwar l-ispejjeż (28).

91.      Għalhekk huwa ċar li l-evalwazzjoni attwali tal-konformità mar-rekwiżit li rimedji ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva għandha ssir abbażi ta’ każ-każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, irriteniet li ma jistax jiġi konkluż li r-rekwiżit ikun ġie traspost b’mod korrett fid-dritt nazzjonali sakemm “qrati nazzjonali ma jkunux obbligati b’regola tal-liġi li jiżguraw li l-proċeduri ma jkunux ta’ spiża projbittiva għar-rikorrent” (29). F’dan il-każ ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma ssottomettiet li r-rekwiżit kien ġie traspost b’mod mhux korrett fid-dritt Belġjan.

92.      L-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni Aarhus jirrelata, barra minn hekk, mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9(1) sa (3), li kull waħda minnhom tagħmel riferiment għal kriterji tad-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet, abbażi ta’ dan, li l-Artikolu 9(3) ma fih ebda obbligu inkondizzjonat u suffiċjentement preċiż li jista’ jirregola direttament il-pożizzjoni legali ta’ individwi u li jkun suġġett, fl-implementazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-adozzjoni ta’ miżura sussegwenti. Konsegwentement, wieħed ma jistax jistrieħ fuqu sabiex jiddubita mill-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (30).

93.      Fir-rigward tal-Artikolu 9(5) tal-Konvenzjoni Aarhus, biżżejjed li jiġi nnotat biss li din id-dispożizzjoni sempliċement teżiġi li l-partijiet “iqisu” li jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa ta’ għajnuna sabiex ineħħu jew inaqqsu l-ostakoli finanzjarji u oħrajn għal aċċess għall-ġustizzja. Għalhekk ma jistax ikun invokat sabiex jikkontesta l-validità ta’ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li effettivament tkun ġiet adottata.

 Opportunitajiet ugwali bejn il-partijiet fil-kawża

94.      Essenzjalment il-kwistjoni hawnhekk tirrigwarda l-fatt li persuni taxxabbli li jużaw is-servizzi ta’ avukati għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom ikunu intitolati jnaqqsu l-VAT (tal-input) pagabbli għal dawn is-servizzi mill-VAT (tal-output) li għandhom iħallsu lill-awtoritajiet tat-taxxa, filwaqt li l-konsumaturi finali (jew il-persuni taxxabbli li jużaw is-servizzi ta’ avukati għal finijiet oltre dawk tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom) ma jgawdux minn tali dritt għal tnaqqis. Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li dawn il-partijiet fil-kawża fl-aħħar imsemmija kategorija jsibu lilhom infushom fi żvantaġġ (finanzjarju) f’kull tilwima ma’ dawk tal-kategorija msemmija l-ewwel.

95.      Kif il-Qorti ta’ Strasbourg irrikonoxxiet fil-kuntest tal-Artikolu 6 tal-KEDB, il-kunċett ta’ smigħ xieraq jinkludi r-rekwiżit ta’ opportunitajiet ugwali bejn il-partijiet, fis-sens ta’ bilanċ ġust bejn il-partijiet f’litigazzjoni, u jimplika li kull parti għandha tingħata opportunità raġonevoli li tippreżenta l-każ tagħha taħt kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex fi żvantaġġ sustanzjali vis-à-vis l-avversarju tagħha (31). Din il-qorti ttrattat fil-ġurisprudenza tagħha diversi kawżi li fihom kien hemm ksur tar-rekwiżit ta’ opportunitajiet ugwali bejn il-partijiet (32), iżda, sa fejn naf jiena, qatt ma kellha tqis sitwazzjoni li fiha l-ispiża għal servizzi legali kienet suġġetta għal taxxa ad valorem li definittivament affettwa parti waħda iżda mhux oħra.

96.      L-analoġija l-iktar viċina għal tali sitwazzjoni jidher li hija l-kawża “McDonald’s Two” (33), li fiha żewġ individwi, imħarrka għal malafama mill-katina ta’ fast food McDonald’s minħabba li kienu ppubblikaw fuljett li kellu kritika għall-katina, kienu ġew miċħuda għajnuna legali sabiex imexxu d-difiża tagħhom (34). Il-Qorti ta’ Strasbourg ibbażat b’mod partikolari fuq it-tul mhux tas-soltu u fuq il-kumplessità legali tal-proċeduri sabiex ikkonstatat li r-rifjut għall-għajnuna legali kien ċaħħad lill-konvenuti mill-opportunità li jippreżentaw il-każ tagħhom b’mod effettiv u kkontribwixxa għal inugwaljanza inaċċettabbli ta’ opportunitajiet bejn il-partijiet imqabbel ma’ McDonald’s; kien hemm, għalhekk, ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

97.      Madankollu, ma nsibx li din id-deċiżjoni hija ta’ għajnuna partikolari għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’dan il-każ. Huwa minnu li tirrigwarda sitwazzjoni li fiha parti waħda tkun tista’ b’mod iktar faċli mill-parti l-oħra tirrikori għas-servizzi ta’ avukat. Madankollu huwa ċar li l-Qorti ta’ Strasbourg aċċettat fis-sentenza tagħha li livell ta’ opportunitajiet inugwali bejn il-partijiet minħabba d-differenza fil-kapaċità li tali servizzi jitħallsu jista’ u anki għandu jiġi ttollerat. Il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB kienet ibbażata fuq iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li kienu jinvolvu proċeduri twal u kumplessi mressqa minn kumpannija sinjura u multinazzjonali kontra żewġ individwi bi dħul baxx li kienu mċaħħda għajnuna legali minkejja l-possibbiltà ta’ għoti diskrezzjonali ta’ tali għajnuna.

98.      Kif diġà nnotajt, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna legali huma tassew indipendenti minn dawk li jirregolaw l-applikazzjoni tal-VAT għal servizzi pprovduti minn avukati. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-għajnuna legali sabiex jikkumpensaw għal opportunitajiet inugwali bejn il-partijiet u jista’ jkun jeħtiġilhom jagħmlu hekk f’ċertu każijiet (bħal, pereżempju, fil-kawża McDonald’s Two). Iżda l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg ma tistax fil-fehma tiegħi titqies li teżiġi li l-Istati Membri jastjenu milli japplikaw taxxa ta’ 21 % li tkun tista’ tiġi rkuprata minn xi partijiet fil-kawża u mhux minn oħrajn.

99.      Barra dan, jidhirli li, filwaqt li differenzjali massimu ta’ spiża ta’ 121:100 tabilħaqq iqiegħed parti fil-kawża fi żvantaġġ vis-à-vis l-avversarju tiegħu, huwa ma jiksirx il-qofol proprju tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, ma jkunx hemm obbligu għall-Istat sabiex jiżgura b’mod assolut opportunitajiet ugwali bejn il-partijiet.

100. Nosserva wkoll li l-opportunitajiet inugwali bejn il-partijiet aktarx li jkunu kkundizzjonati minn fatturi oħra, b’mod partikolari, differenzi fil-“valur għall-flus” ipprovdut minn avukati differenti u fir-riżorsi finanzjarji globali ta’ kull waħda mill-partijiet. Pereżempju, jekk konsumatur sinjur ikun f’litigazzjoni ma’ negozjant f’diffikultà finanzjarja, il-fatt li n-negozjant ikun jista’ jnaqqas il-VAT mid-drittijiet tal-avukat tiegħu aktarx li ma jqegħdux f’vantaġġ meta mqabbel mal-konsumatur jekk ma jkunx jista’ jżomm avukat tal-istess kwalità bħal dak li jirrappreżenta lill-avversarju tiegħu. Min-naħa l-oħra, jekk bniedem komuni jkun qiegħed jikkumbatti ma’ ġgant multinazzjonali bla ħniena, il-fatt li l-multinazzjonali jkun jista’ jnaqqas il-VAT minn drittijiet tal-avukati esterni tiegħu aktarx ma jkunx il-fattur deċiżiv fl-opportunitajiet inugwali ovvji bejn il-partijiet.

 Ugwaljanza ta’ trattament, nondiskriminazzjoni u newtralità fiskali

101. It-tielet domanda tistaqsi jekk in-nuqqas li servizzi ta’ avukati jiġu eżenti mill-VAT jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita vis-à-vis dawk is-servizzi kif imqabbla ma’ “attivitajiet fl-interess pubbliku” oħrajn elenkati fl-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT.

102. Skont ġurisprudenza stabbilita “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-prinċipju tan-newtralità fiskali jikkostitwixxi l-ekwivalenti tiegħu f’dak li jirrigwarda l-VAT, jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti, sakemm trattament differenzjat ma jkunx oġġettivament iġġustifikat” (35).

103. Diġà nnotajt li l-għan tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT ma huwiex li jkunu inkoraġġiti l-attivitajiet kollha fl-interess pubbliku iżda xi wħud minnhom biss, jiġifieri dawk li huma “elenkati hemmhekk u deskritti b’ħafna dettalji” (36). F’dan ir-rigward, osservajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Horizon College u Haderer li l-lista ta’ eżenzjonijiet ma hijiex ta’ natura sistematika, u b’hekk ma jkunx hemm interpolazzjoni bla bżonn ta’ inferenzi dwar l-intenzjoni tal-leġiżlatur minn eżenzjoni għal oħra (37).

104. Madankollu, għas-saħħa tal-argument, ejja nassumu li l-konklużjoni tiegħi f’din il-kawża kienet ħażina jew, għall-inqas, espressa fi kliem ġenerali bla bżonn. Huwa possibbli li jkun hemm ħjiel ta’ xi xorta ta’ loġika interna bħala l-bażi tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132(1)?

105. Dawn l-eżenzjonijiet ikopru, fil-qosor: servizzi postali [subparagrafu (a)], diversi servizzi tas-saħħa u marbuta mas-saħħa [punt (b) sa (e) u (p)], gruppi ta’ persuni li jwettqu attivitajiet eżenti [punt (f)], assistenza u sigurtà soċjali [punt (g)], il-protezzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ [punti (h) sa (j)] flimkien mal-attivitajiet sportivi tagħhom [punt (m)], attivitajiet reliġjużi, kulturali u oħrajn relatati [punti (k), (l) u (n)], ġbir ta’ fondi għall-attivitajiet imsemmija fis-subparagrafi (b), (g) sa (i) u (l) sa (n) [subparagrafu (o)] u attivitajiet imwettqa minn korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni [subparagrafu (q)].

106. Xi wħud mill-attivitajiet inkwistjoni huma eżenti bil-kundizzjoni li ma jagħmlux profitt [ara, pereżempju, is-subparagrafi (g) u (h)], filwaqt li attivitajiet oħra jistgħu jitwettqu għal finijiet kummerċjali [ara, pereżempju, is-subparagrafu (j)]. F’xi każijiet hemm rekwiżit li ma jkunx probabbli li jinqalgħu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni [subparagrafi (f), (l) u (o)].

107. Sa fejn ikun jista’ jingħad li jeżisti xi tip ta’ leit motif li jgħaqqad dawn l-attivitajiet, jista’ jiġi osservat li huma jaqgħu f’erba’ gruppi, jiġifieri l-komunikazzjoni pubblika, is-saħħa u l-assistenza soċjali, l-edukazzjoni u l-kultura fis-sens wiesa’. Ma hemmx bażi li dwarha jista’ jingħad, b’mod ġenerali, li s-servizzi ta’ avukati jaqgħu fi, jew ikunu f’kompetizzjoni ma’ jew tabilħaqq simili għal (38), kull wieħed mill-gruppi wiesgħa deskritti iktar ’il fuq, wisq inqas f’waħda mill-attivitajiet li huma elenkati fid-dettall.

108. F’kull każ, li attivitajiet barra minn dawk elenkati u deskritti fl-Artikolu 132(1) jitqiesu li jibbenefikaw b’analoġija minn eżenzjoni jimplika bidla fundamentali fil-ġurisprudenza li “il-kliem użat sabiex ikunu ispeċifikati dawk l-eżenzjonijiet għandu jiġi interpretat b’mod strett, minħabba li l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fuq is-servizzi kollha li għalihom tkun saret applikazzjoni bi ħlas minn persuna taxxabbli” (39).

109. Isegwi fil-fehma tiegħi li ma hemmx raġunijiet sabiex wieħed iqis li l-fatt li l-assenza ta’ servizzi ta’ avukati ma jkunux inklużi fil-lista li hemm fl-Artikolu 132(1) tad-Direttiva tal-VAT ifisser trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet simili.

 Konklużjoni

110. Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, l-opinjoni tiegħi hija li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali, il-Belġju) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 371 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li, skont din id-dispożizzjoni, ikun kompla jeżenta l-provvista ta’ servizzi minn avukati mill-VAT, ikun jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni mingħajr ma jneħħiha fl-intier tagħha. Madankollu, malli jkun neħħa l-eżenzjoni fl-intier tagħha, tali Stat Membru ma jkunx jista’ jerġa’ jintroduċi l-istess eżenzjoni b’kamp ta’ applikazzjoni iktar limitat.

(2)      La l-Artikolu 132(1)(g) u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2006/112 ma jawtorizzaw lill-Istati Membri jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ servizzi minn avukati skont skema nazzjonali ta’ għajnuna legali bħala servizzi li jkollhom rabta mill-qrib ma’ assistenza soċjali u sigurtà soċjali.

(3)      Eżami tad-domandi rrinvjati ma żvela xejn li seta’ jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2006/112.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).


3 – Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).


4 – Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. L-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-KEDB, iżda l-Unjoni Ewropea għadha ma aċċedietx bħala tali; ara l-Opinjoni 2/13, EU:C:2014:2454.


5 – Adottat fis-16 ta’ Diċembru  1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Kollezzjoni tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 999, p. 171 u Vol. 1057, p. 407. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji tal-Patt li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 1976.


6 – Iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 124, p. 1). Kienet inkorporata fid-dritt tal-Unjoni bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).


7 – ĠU C 83, p. 389.


8–      Il-kwistjoni f’din il-kawża ma hijiex l-eżenzjonijiet skont l-Artikoli 135 u 136.


9 – Sal-1 ta’ Jannar 2007 l-istess dispożizzjonijiet kienu jinsabu fl-Artikolu 28(3)(b) u fl-Anness F tas-Sitt Direttiva tal-VAT.


10 – Jiġifieri avukati (avocats/advokaten). Is-servizzi ta’ nutara u marixxalli wkoll kienu eżenti sal-31 ta’ Diċembru 2011, meta din l-eżenzjoni tneħħiet.


11 – Loi du 30 juillet 2013 portant des dispositions diverses.


12–      Ara, pereżempju, is-sit internet tal-Ordre des barreaux francophones et germanophone, http://www.avocats.be/fr/combien-ça-coûte.


13–      Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, EU:C:2010:348, punti 45 sa 47.


14 – Ara s-sentenzi Kerrutt, 73/85, EU:C:1986:295, punt 17; Norbury Developments, C-136/97, EU:C:1999:211, punt 19; u Idéal tourisme, C-36/99, EU:C:2000:405, punt 32. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Danfoss u AstraZeneca, C-371/07, EU:C:2008:711, punti 24 sa 44 (li tirrigwarda l-possibbiltà komparabbli li jinżammu esklużjonijiet mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input).


15–      Ara, pereżempju, is-sentenza Žamberk, C-18/12, EU:C:2013:95, punti 17 sa 20 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16–      Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, EU:C:2010:348.


17–      Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, EU:C:2010:348, punti 36 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.


18–      Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, EU:C:2010:348, punti 43 sa 47.


19–      Huwa minnu li l-KEDB u l-ICCPR ma ġewx inkorporati formalment fid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C-398/13 P, EU:C:2015:535, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-fatt li t-tifsira u l-portata tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta huma l-istess bħal dawk tal-istess drittijiet iggarantiti mill-KEDB, wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex konsistentement tagħmel riferiment għal din tal-aħħar u għall-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg meta tkun qed tinterpreta l-Karta. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-KEDB għandha sinjifikat speċjali u li l-ICCPR jinsab fost l-istrumenti internazzjonali li hija tqis meta tiġi sabiex tapplika l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, pereżempju, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, EU:C:2006:429, punti 35 sa 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20–      Filwaqt li dan l-approċċ jikseb l-istess riżultat, mill-perspettiva tal-Istat, mill-applikazzjoni tal-VAT u mill-ammonti miġbura li jingħataw lura lis-sistema tal-għajnuna legali, għandi xi dubji dwar jekk dan huwiex kompatibbli mad-Direttiva tal-VAT. Barra milli jkun formalment inkompatibbli, huwa jista’ wkoll jaffettwa l-ġbir tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, li jinkludu perċentwali tal-bażi taxxabbli tal-VAT armonizzati [ara l-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, p. 17)]. Madankollu din il-kwistjoni ma tqajmitx u ma hijiex rilevanti għad-domandi tal-qorti nazzjonali f’din il-kawża.


21 – L-iskemi ta’ għajnuna legali fl-Istati Membri jvarjaw bil-bosta f’dak li għandu x’jaqsam ma’ finanzjament u kopertura. Ara, pereżempju, l-istudju Study on the functioning of judicial systems in the EU Member States, Facts and figures from the CEPEJ 2012-2014 evaluation exercise, magħmul mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ), li minnu jidher li fl-2012 il-baġit għall-għajnuna legali tal-Awstrija kien ta’ EUR 2.25 għal kull abitant, li bħala total kien pjuttost inqas mid-dħul tal-Gvern mit-tariffi jew mit-taxxi tal-qorti, filwaqt li l-baġit tal-Isvezja kien ta’ EUR 24.74 għal kull abitant, li minnhom 1 % biss kien kopert b’tariffi jew taxxi tal-qorti. Madankollu, kwistjonijiet bħal dawn huma, skont id-dritt attwali tal-Unjoni, għalkollox fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru, sakemm jiġu osservati l-Karta, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg; ara, pereżempju, il-premessa 48 tal-preambolu tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013 L 294, p. 1).


22–      Ara, pereżempju, QEDB, is-sentenza Jones et vs Ir-Renju Unit, tal-14 ta’ Jannar 2014, Nri 34356/06 u 40528/06, punt 186, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2014.


23–      Ara, pereżempju, id-digriet GREP, C-156/12, EU:C:2012:342, punt 35 et seq. u d-dispożittiv. Ara wkoll, fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 477 tal-Karta, is-sentenza Orizzonte Salute, C-61/14, EU:C:2015:655, punt 49.


24–      Artikolu 446ter tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan.


25–      Ara s-sit elettroniku tal-Ordre des barreaux francophones et germanophone, http://www.avocats.be/fr/combien-ça-coûte.


26–      B’hekk, l-istudju Study on the Transparency of Costs of Civil Judicial Proceedings in the European Union li sar għall-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru  2007 jindika li r-rati medji għal kull siegħa qabel it-taxxa tad-drittijiet tal-avukati fil-Belġju kienu bejn EUR 100 u EUR 250 (ara https://e-justice.europa.eu/content_costs_of_proceedings-37-en.do). Fl-2015, wara li kienu kkonsultati għadd ta’ siti internet ta’ avukati, l-indikazzjoni kienet li rati bażiċi għal kull siegħa barra minn Brussell kienu jidhru li jvarjaw bejn mill-inqas EUR 80 u EUR 150, filwaqt li aħbar reċenti dwar ditta ta’ avukati fi Brussell imqabbda mill-Gvern Belġjan indikat li r-rati tad-ditta kienu bejn EUR 225 u EUR 600 għal kull siegħa, wara skonti, iżda qabel it-taxxa (ara http://www.rtbf.be/info/belgique/detail_la-ministre-galant-appelee-a-s-expliquer-a-la-chambre-sur-ses-frais-d-avocats?id=9120926).


27–      Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248); ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq. Il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a jeżiġi li l-proċeduri jkunu “ġusti, ekwi, f’waqthom u mhux ta’ spiża projbittiva”.


28–      Sentenza Edwards u Pallikaropoulos, C-260/11, EU:C 2013:221, punt 36 et seq u d-dispożittiv.


29–      Sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-530/11, EU:C:2014:67, punt 55.


30–      Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C-401/12 P sa C-403/12 P, EU:C:2015:4, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.


31–      Ara, pereżempju, QEDB, Dombo Beheer B.V. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 27 ta’ Ottubru 1993, Nru 14448/88, § 33, Serje A Nru  274; Ankerl vs L-Isvizzera, 23 ta’ Ottubru 1996, § 38, Ġabra 1996-V; Kress vs Franza [GC], Nru 39594/98, punt 72, K Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2001-VI u Komanický vs Is-Slovakkja, 4 ta’ Ġunju 2002, Nru 32106/96, punt 45. Fl-analiżi tagħha tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali bejn il-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat pożizzjoni identika: Ara s-sentenzi Otis et, C-199/11, EU:C:2012:684, punt 71, u Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 31.


32–      Pereżempju, f’kawżi meta appell ta’ parti waħda ma jkunx ġie nnotifikat lill-parti l-oħra (sentenza Beer vs. L-Awstrija, 6 ta’ Frar 2001, Nru 30428/96, § 19, punt 19); fejn terminu kien sospiż biss għal waħda mill-partijiet (sentenzi Platakou vs Il-Greċja, Nru 38460/97, punt 48, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2001-I;Wynen u Centre hospitalier interrégional Edith-Cave vs Il-Belġju, Nru 32576/96, punt 32, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2002-VIII); fejn wieħed biss miż-żewġ xhieda ewlenin ikun tħalla jinstema’ (sentenza Dombo Beheer B.V. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 27 ta’ Ottubru 1993, Nru 14448/88, §§ 34 u 35, Serje A Nru 274); fejn parti waħda tkun gawdiet minn vantaġġi sinjifikattivi fir-rigward ta’ aċċess għal informazzjoni rilevanti, tkun okkupat pożizzjoni dominanti fil-proċeduri u eżerċitat influwenza sinjifikattiva fir-rigward tal-analiżi tal-qorti (Yvon vs Franza, Nru 44962/98, punt 37, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2003-V); jew waħda mill-partijiet ikollha pożizzjonijiet jew funzjonijiet li jqegħduha f’vantaġġ u l-qorti tagħmilha diffiċli għall-parti l-oħra sabiex tikkontestahom serjament billi ma tħallihiex tressaq provi b’dokumenti jew b’xhieda (sentenza De Haes u Gijsels vs Il-Belġju, 24 ta’ Frar 1997, Nru 19983/92, punti 54 u 58, Ġabra 1997-I).


33–      Sentenza Steel u Morris vs Ir-Renju Unit, Nru 68416/01, punti 59 sa 72, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2005-II.


34–      Għalkemm il-konvenuti kienu jissodisfaw il-kriterji finanzjarji ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna legali, il-proċeduri ta’ diffamazzjoni kienu fil-prinċipju esklużi mis-sistema tal-għajnuna legali u ma kinitx eżerċitata setgħa diskrezzjonali sabiex tingħata tali għajnuna f’każijiet eċċezzjonali.


35–      Ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza Jetair u BTW BTWE Travel4you, C-599/12, EU:C:2014:144, punt 53.


36 – Ara l-punt 52 iktar ’il fuq.


37 – C-434/05, EU:C:2007:149, punt 64.


38 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Marks & Spencer, C-309/06, EU:C:2008:211, punt 49, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “Madankollu, filwaqt li l-ksur tal-prinċipju tan-newtralità fiskali jista’ jseħħ biss bejn operaturi ekonomiċi kompetituri, kif ġie mfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali jista’ jseħħ, fil-qasam fiskali, permezz ta’ tipi oħra ta’ diskriminazzjoni li jaffettwaw lill-operaturi ekonomiċi li għalkemm mhux bilfors huma kompetituri xorta waħda jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli taħt aspetti oħra”.


39 – Ara l-punt 52 iktar ’il fuq.