Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-21 ta’ Diċembru 2016 (1)

Kawża C-633/15

London Borough of Ealing

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (tribunal tal-ewwel istanza [awla tat-taxxa], (ir-Renju Unit)]

“VAT – Eżenzjonijiet – Provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta mill-qrib mal-prattika tal-isport – Esklużjoni tal-eżenzjoni fil-każ ta’ riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT”







I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva VAT”).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-London Borough of Ealing (muniċipalità f’Londra ta’ Ealing) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (amministrazzjoni fiskali u doganali tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-ħlasijiet tad-dħul fi stabbilimenti sportivi rċevuti mill- muniċipalità f’Londra ta’ Ealing.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Il-Parti A tal-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), intitolata “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tipprevedi dan li ġej:

“1.Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[…]

m)ċertu servizzi li marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika fornuti minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt għall-persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika;

[…]

2.a) L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l-għoti lill-entitjajiet għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta f’(1)(b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ dan l-Artikolu soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

[…]

-eżenzjoni tas-servizzi konċernati m’għandiex toħloq tfixkil ta’ kompetizzjoni b’tali mod li tpoġġi fi żvantaġġ l-impriżi kummerċjali responsabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

[…]”

4.        Skont l-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu, matul perijodu tranżitorju, ikomplu japplikaw il-VAT għat-tranżazzjonijiet li huma eżentati minnha taħt l-Artikoli 13 jew 15 tal-imsemmija direttiva u li huma elenkati fil-lista li tinsab fl-Anness E tagħha.

5.        Fil-punt 4 ta’ dan l-anness tinsab l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13, Parti A, paragrafu 1(m) tas-Sitt Direttiva. Dan il-punt 4 tħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1990, bil-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tat-Tmintax-il Direttiva tal-Kunsill 89/465/KEE, tat-18 ta’ Lulju1989, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq it-turnover - Abolizzjoni ta’ ċerti derogi stabbiliti fl-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 138, iktar ’il quddiem it-“Tmintax-il Direttiva”). Il-punt 1 tal-Artikolu 1(1) huwa fformulat kif ġej:

“I[s-Sitt Direttiva] hija hawnhekk emendata kif ġej:

1) It-transazzjonijiet imsemmija fil-punti 1, 3 sa 6 [...] tal-Anness E għandhom jiġu aboliti b’effett mill-1 ta’ Jannar 1990.

Dawk l-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1989, issoġġettaw għat-taxxa fuq il-valur miżjud it-transazzjonijiet imniżżla fil-lista fil-punti 4 u 5 ta’ l-Anness E, huma awtorizzati li japplikaw il-kondizzjonijiet ta’ l-aħħar inċiż ta’ l-Artikolu 13A (2) (a), anke fuq is-servizzi mogħtija u fuq l-oġġetti kunsinnati, kif imsemmija fl-Artikolu 13A (1) (j/m) u (k/n), fejn dawn l-attivitajiet jitwettqu minn korpi regolati bil-liġi pubblika.”

6.        Id-Direttiva 2006/112, skont l-Artikoli 411 u 413 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva. Skont il-premessi 1 u 3 ta’ din id-direttiva, il-formulazzjoni mill-ġdid tas-Sitt Direttiva kienet meħtieġa sabiex id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali bi struttura u redazzjoni riveduti mingħajr ma jkun hemm, bħala prinċipju, tibdil fis-sustanza. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva huma, essenzjalment, identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva.

7.        L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi dan li ġej:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

[...]”

8.        L-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva, li jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IX tagħha, bl-imsemmi kapitolu intitolat “Eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, jipprevedi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[...]

il-provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika.”

9.        Skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112:

“L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l-għoti lil korpi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta; kull eżenzjoni pprovduta fil-punti […] (m) u […] ta’ l-Artikolu 132 soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

[...]

d) l-eżenzjonijiet m’għandhomx joħoolqu l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ għal impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.

L-Istati Membri li, skond l-Anness E [tas-Sitt Direttiva], fl-1 ta’ Jannar 1989 applikaw VAT għat-transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132(1)(m) u (n) jistgħu japplikaw ukoll il-kondizzjonijiet previsti fil-punt (d) ta’ l-ewwel paragrafu meta din il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi minn korpi irregolati mid-dritt pubbliku tingħata eżenzjoni.”

B –    Id-dritt tar-Renju Unit

10.      Matul il-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kompla jintaxxa l-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta mill-qrib mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, mogħtija minn korpi mingħajr skop ta’ lukru. Skont il-Group 10 of Schedule 6 of the Value Added Tax Act 1983 (kategorija 10 tal-Anness 6 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-1983), huma biss tnejn minn dawn il-provvisti ta’ servizzi li kienu eżentati mill-VAT, jiġifieri, minn naħa, l-għoti minn kwalunkwe korp bi skop ta’ lukru jew mingħajr skop ta’ lukru ta’ dritt ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni sportiva meta l-korrispettiv ta’ dan id-dritt huwa intiż kollu kemm hu sabiex jiġi ffinanzjat il-premju jew premjijiet mogħtija waqt din il-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-għoti, minn korp mingħajr skop ta’ lukru maħluq għal raġunijiet ta’ sport jew ta’ attività fiżika, tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni f’tali qasam.

11.      Mill-1 ta’ Jannar 1994, ir-Renju Unit eżenta, b’xi eċċezzjonijiet, il-provvisti ta’ servizzi mogħtija lill-persuni individwali minn korpi mingħajr skop ta’ lukru. Skont il-Group 10 of Schedule 9 of the Value Added Tax Act 1994 (kategorija 10 tal-Anness 6 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-1994), din l-eżenzjoni hija applikabbli għal:

“1. L-għoti tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni sportiva jew f’attività fiżika ta’ mistrieħmeta l-korrispettiv ta’ dan id-dritt ikun somma flus intiża kollha kemm hi għall-finanzjament ta’ premju jew premjijiet mogħtija f’din il-kompetizzjoni.

2. L-għoti, minn korp eliġibbli maħluq għal raġunijiet ta’ sport jew ta’ attività fiżika ta’ mistrieħ, tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni f’tali qasam.

3. Il-provvista, minn korp eliġibbli, lil individwu ta’ servizzi li għandhom rabta mill-qrib u essenzjali mal-isport jew l-edukazzjoni fiżikapprattikati minn dan tal-aħħar, bl-eċċezzjoni, meta dan il-korp jaġixxi fil-kuntest ta’ sistema ta’ sħubija, ta’ dawk mogħtija lil individwu li ma huwiex imsieħeb fiha”.

12.      In-Note (2A) to Group 10 (nota interpretattiva 2A fil-kuntest tal-grupp 10) tiddefinixxi “korp eliġibbli” bħala korp mingħajr skop ta’ lukru li jissodisfa ċerti kundizzjonijiet. Skont in-Note (3) to Group 10 (nota interpretattiva 3 fil-kuntest tal-grupp 10), il-korpi mingħajr skop ta’ lukru tad-dritt pubbliku, [jiġifieri l-awtoritajiet lokali, il-ministeri u l-korpi u l-entitajiet pubbliċi li jidhru fil-lista ppubblikata fl-1993 mill-Office of Public Service and Science (uffiċċju tas-servizz pubbliku u tax-xjenzi)] ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “korp eliġibbli” fis-sens tal-Item 3 to Group 10 of Schedule 9 of the Value Added Tax Act 1994 (punt 3 tal-kategorija 10 tal-Anness 9 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-1994).

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.      Il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing hija awtorità lokali li topera stabbilimenti sportivi, bħal ċentri sportivi u pixxini. Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju 2009 u l-31 ta’ Awwissu 2012, hija ħallset il-VAT irċevuta fuq il-ħlasijiet tad-dħul għal dawn l-istabbilimenti sportivi.

14.      Billi kkunsidrat li dawn il-provvisti ta’ servizzi kellhom jiġu eżentati mill-VAT, skont l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112, hija talbet lill-amministrazzjoni fiskali r-rimbors tal-VAT imħallsa fuq l-imsemmija provvisti. Din it-talba ġiet miċħuda minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet teskludi minn din l-eżenzjoni l-provvisti ta’ servizzi sportivi mogħtija minn awtoritajiet lokali, bħall-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing, u dan skont il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva.

15.      Il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (Renju Unit) [tribunal tal-ewwel istanza (awla tat-taxxa), ir-Renju Unit]. Quddiem din il-qorti, hija sostniet li r-Renju Unit ma setax jinvoka t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx issuġġettat għall-VAT il-provvisti kollha ta’ servizzi sportivi fl-1 ta’ Jannar 1989, iżda kienet eżentat uħud minnhom. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġu esklużi l-awtoritajiet lokali mill-eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi sportivi, minkejja li teżenta l-istess servizzi pprovduti minn korpi mingħajr skop ta’ lukru. Finalment, dan l-Artikolu 133 li jitlob li ssir evalwazzjoni “għal kull każ individwali” jekk din l-eżenzjoni tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, ma jawtorizzax lill-Istati Membri sabiex jeskludu l-awtoritajiet lokali kollha mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni.

16.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing ma tallegax li hija taġixxi bħala awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/12, meta hija tipprovdi s-servizzi tagħha. Hija taġixxi bħala korp mingħajr skop ta’ lukru, fis-sens tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva, u l-provvisti tas-servizzi tagħha għandhom rabta mill-qrib mal-prattika tal-isport u huma intiżi għal persuni li jipprattikaw l-isport.

17.      Skont din il-qorti, kien biss is-sens, il-portata u l-applikazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva li taw lok għall-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li ma hemm l-ebda differenza oġġettiva għall-konsumatur bejn in-natura tal-provvisti ta’ servizzi mogħtija mill-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing u dawk mogħtija minn korpi oħra mingħajr skop ta’ lukru.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti tal-ewwel istanza (awla tat-taxxa)] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) Ir-Renju Unit huwa awtorizzat, skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112, jimponi fuq korpi rregolati mid-dritt pubbliku l-kundizzjoni prevista fil-punt (d) ta’ dan l-Artikolu [minn naħa waħda] f’ċirkustanzi meta t-tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu taxxabbli fir-Renju Unit fl-1 ta’ Jannar 1989, iżda meta servizzi sportivi oħrajn kienu eżentati f’dik l-istess data u [min-naħa l-oħra] f’ċirkustanzi meta t-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma kinux eżentati skont id-dritt nazzjonali qabel ma r-Renju Unit applika l-kundizzjoni prevista f[il-punt (d) tal-ewwel paragrafu ta]l-Artikolu 133?

2) F’każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda 1), ir-Renju Unit huwa awtorizzat jimponi fuq korpi li ma għandhomx skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku l-kundizzjoni prevista fil-punt d) [tal-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112, mingħajr ma japplika wkoll din il-kundizzjoni għal korpi li ma għandhomx skop ta’ lukru li ma humiex irregolati mid-dritt pubbliku?

3) F’każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda 2), ir-Renju Unit huwa awtorizzat jeskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) [tad-Direttiva 2006/112] il-korpi pubbliċi kollha li ma għandhomx skop ta’ lukru mingħajr ma jkun ivverifika fuq bażi ta’ każ b’każ jekk l-għoti ta’ din l-eżenzjoni tistax toħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2015. Il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

20.      Fis-26 ta’ Ottubru 2016, saret seduta li matulha l-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

21.      Ir-regola ġenerali fil-qasam tal-VAT, stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, hija li l-kunsinni ta’ prodotti u l-provvisti ta’ servizzi, magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru, minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, huma suġġetti għall-VAT.

22.      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/112 jeskludi mill-kunċett ta’ persuna taxxabbli għall-VAT il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku għall-attivitajiet jew tranżazzjonijiet taxxabbli li huma jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi. Għall-kuntrarju, meta l-korp mingħajr skop ta’ lukru rregolat mid-dritt pubbliku jaġixxi bl-istess mod bħall-korpi l-oħra li ma humiex irregolati mid-dritt pubbliku (jiġifieri bl-istess mod bħall-operaturi ekonomiċi privati), ikun taxxabbli għall-VAT għall-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet li huma taxxabbli.

23.      L-Artikolu 132(1) tad-Direttiva 2006/112 jimponi fuq l-Istati Membri diversi każijiet ta’ eżenzjoni, favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali, fosthom is-servizzi sportivi fil-punt (m) ta’ din id-dispożizzjoni, meta jingħataw minn korpi mingħajr skop ta’ lukru. L-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa li jiffavorixxi l-prattika tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika, fid-dawl tal-benefiċċji li dawn jipprovdu lill-popolazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp fiżiku u tas-saħħa.

24.      Bħala deroga mir-regola stabbilita bl-Artikolu 132(1)(m), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jissuġġettaw l-għoti tal-eżenzjoni lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru minbarra dawk irregolati mid-dritt pubbliku, għall-osservanza ta’ erba’ kundizzjonijiet differenti, fosthom dik li tinsab fil-punt d) ta’ din id-dispożizzjoni, relatata mal-kompetizzjoni. Skont din il-kundizzjoni, “l-eżenzjonijiet m’għandhomx joħoolqu l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ għal impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT”.

25.      L-Istati Membri kollha jistgħu japplikaw din id-deroga.

26.      Għal dawk l-Istati Membri biss li, bis-saħħa tal-Anness E tas-Sitt Direttiva, kienu japplikaw, mill-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT għas-servizzi sportivi (2)
, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 joffri l-possibbiltà ta’ deroga addizzjonali, li permezz tagħha l-Istati jistgħu jissuġġettaw l-għoti tal-eżenzjoni lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku għall-kundizzjoni waħda relatata mal-kompetizzjoni, jiġifieri dik riprodotta fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133. Huwa veru li l-kundizzjonijiet l-oħra elenkati f’din id-dispożizzjoni u fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet fil-punti (a) u (b) jindirizzaw b’mod iktar naturali l-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt privat (3)
.

27.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku jingħataw trattament fiskali iktar favorevoli kemm fl-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1989, kienu japplikaw, bis-saħħa tal-Anness E tas-Sitt Direttiva, il-VAT fuq is-servizzi sportivi kif ukoll fl-Istati Membri li ma kinux użaw din il-possibbiltà.

28.      Fil-qosor, l-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1989, kienu japplikaw, bis-saħħa tal-Anness E tas-Sitt Direttiva, il-VAT għas-servizzi sportivi jistgħu jissuġġettaw l-għoti tal-eżenzjoni għall-osservanza tal-erba’ kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 meta l-fornitur tas-servizzi sportivi inkwistjoni jkun korp mingħajr skop ta’ lukru li ma huwiex irregolat mid-dritt pubbliku, filwaqt li għall-korpi mingħajr skop ta’ lukru irregolati mid-dritt pubbliku, dan l-għoti jista’ jiġi suġġett biss għal kundizzjoni waħda relatata mal-kompetizzjoni.

29.      L-Istati Membri li ma użawx il-possibbiltà offruta mill-Anness E tas-Sitt Direttiva jistgħu jissuġġettaw għal kundizzjonijiet biss l-eżenzjoni mogħtija lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru li ma humiex irregolati mid-dritt pubbliku, peress li dawk irregolati mid-dritt pubbliku huma eżentati b’mod definittiv abbażi tal-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva. Jekk ma jimponu l-ebda kundizzjoni, is-servizzi inkwistjoni jiġu eżentati b’mod definittiv għall-korpi kollha mingħajr skop ta’ lukru.

30.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-Renju Unit huwa wieħed mill-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1989, kienu japplikaw, bis-saħħa tal-Anness E tas-Sitt Direttiva, il-VAT fuq is-servizzi sportivi.

31.      Jidher li l-leġiżlazzjoni Brittanika inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi ex officio l-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku (fosthom l-awtoritajiet lokali bħall-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing) mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT għas-servizzi sportivi (4)
, u dan mingħajr l-ebda riferiment għall-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni li fir-rigward tal-osservanza tagħha r-Renju Unit jista’ jissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112.

32.      Dan jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-domandi preliminari huma purament ipotetiċi peress li jistaqsuha dwar jekk ir-Renju Unit huwiex awtorizzat jimponi fuq il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku l-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva u, jekk iva, b’liema kundizzjonijiet, u dan minkejja li din il-kundizzjoni ma hija prevista mkien fil-leġiżlazzjoni Brittanika jew fil-komunikazzjonijiet tal-amministrazzjoni Brittanika li jagħtu l-ispjegazzjonijiet dwarha. Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-VAT applikata għas-servizzi sportivi pprovduti mill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku ma għandhiex bażi legali peress li r-regola hija li għandu jkun hemm eżenzjoni, eventwalment b’kundizzjoni, li ma huwiex il-każ tar-regola Brittanika li, kif stqarr il-Gvern tar-Renju Unit fis-seduta, teskludi b’mod komplet u sempliċi dawn il-provvisti mill-eżenzjoni.

33.      Barra minn hekk, il-partijiet kollha li ħadu sehem fis-seduta kkonfermaw li l-leġiżlazzjoni Brittanika ma kienet tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għall-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni li tidher fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva.

34.      Minkejja dan, il-qorti tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jibdew mill-premessa li l-esklużjoni tal-awtoritajiet lokali mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT fuq il-provvisti tas-servizzi sportivi hija r-riżultat tal-użu tar-Renju Unit tal-possibbiltà offruta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 li l-għoti tal-eżenzjoni lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku jkun suġġett għall-kundizzjoni li “m’għandhomx joħoolqu l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ għal impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT” (5)
.

35.      Waqt is-seduta, il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing indikat li l-awtoritajiet Brittaniċi ddikjaraw ruħhom bħala awtorizzati sabiex jinvokaw il-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni, u dan l-argument għandu jinftiehem bħala manifestazzjoni tad-deċiżjoni tagħhom li jeskludu lill-awtoritajiet lokali mill-eżenzjoni għaliex l-attivitajiet tagħhom neċessarjament jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni.

36.      Ir-rappreżentant tal-Gvern tar-Renju Unit wera l-qbil tiegħu dwar dak li ntqal dwar dan is-suġġett mill-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing billi kkunsidra li din il-pożizzjoni kienet iġġustifikata mir-riskju li l-awtoritajiet lokali jispiċċaw jissussidjaw l-attivitajiet sportivi u li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bħala riżultat tal-“aġir probabbli” tagħhom.

37.      Il-Kummissjoni qablet mal-istess linja billi rrikonoxxiet li l-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni ma kienet bl-ebda mod preżenti expressis verbis fil-leġiżlazzjoni Brittanika, iżda li dan ma kienx meħtieġ minħabba l-flessibbiltà li tħalliet lill-Istati Membri mill-imsemmija direttiva (6)
.

38.      Fir-rigward tal-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-argument li l-leġiżlazzjoni Brittanika imponiet impliċitament l-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni, jiena nargumenta iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet billi nassumi li, għal-leġiżlatur u għall-amministrazzjoni fiskali Brittaniċi, l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT tas-servizzi sportivi pprovduti minn korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku, għandu “l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ għal impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT”(7)fil-każijiet kollha. Minkejja li l-kundizzjoni hija preżenti b’mod impliċitu fil-leġiżlazzjoni Brittanika, madankollu huwa preżunt li qatt ma ġiet issodisfatta.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

39.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 jawtorizzax lil Stat Membru jimponi fuq korpi rregolati mid-dritt pubbliku l-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva fil-każ fejn, skont l-Anness E tas-Sitt Direttiva, dan l-Istat Membru, fl-1 ta’ Jannar 1989, kien jissuġġetta biss ċerti provvisti ta’ servizzi sportivi għall-VAT filwaqt li kien jeżenta oħrajn minnha.

40.      Jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv.

41.      Kif jirriżulta mill-kliem tiegħu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 ma jirrikjedix li l-provvisti kollha ta’ servizzi sportivi jkunu ġew suġġetti għall-VAT fl-1 ta’ Jannar 1989 sabiex l-Istat Membru jkun jista’ jimponi, fi tmiem il-perijodu tranżitorju, il-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni fuq il-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku. Għall-kuntrarju, huwa jirreferi, b’mod ġenerali, għall-Istati Membri “li, skond l-Anness E ta[s-Sitt Direttiva], applikaw VAT għat-transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132(1)(m)”, li kien il-każ tar-Renju Unit.

42.      Anki li kieku kien ikun iktar ċar li jsir riferiment għall-Istati Membri “li, skond l-Anness E ta[s-Sitt Direttiva], applikaw VAT [għal xi] transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132(1)(m)” (8)
, interpretazzjoni kuntrarja ma tkunx koerenti mal-għan tas-Sitt Direttiva (9)
, li kien li jippermetti lill-Istati Membri, għal perijodu tranżitorju, jestendu s-sistema tal-issuġġettar tal-imsemmija provvisti ta’ servizzi sportivi għall-VAT. Fi kliem ieħor, qabel kien possibbli għall-Istati Membri li jissuġġettaw il-provvisti ta’ servizzi sportivi għall-VAT, mingħajr madankollu ma kienu obbligati jagħmlu dan. Minn dan jirriżulta li, fid-data tal-1 ta’ Jannar 1989, l-issuġġettar għall-VAT ma kellux neċessarjament ikun fuq il-provvisti kollha ta’ servizzi sportivi.

43.      Il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing tirribatti li interpretazzjoni letterali u ristretta tal-frażi “meta din il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi minn korpi irregolati mid-dritt pubbliku tingħata eżenzjoni” li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 kienet timponi obbligu fuq ir-Renju Unit li jeżenta t-tranżazzjonijiet inkwistjoni waqt l-emendi tal-leġiżlazzjoni tiegħu fl-1994, qabel ma japplika l-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni.

44.      Din ma hijiex l-interpretazzjoni tiegħi. Fil-fatt, it-termini stess użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni jmorru kontra din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, id-dispożizzjoni inkwistjoni tirreferi għall-provvista ta’ servizzi li “tingħata eżenzjoni” u mhux għal dawk li “kienu eżentati” f’dak iż-żmien. L-għażla ta’ Stat Membru li jipproċedi, fl-istess ħin, għall-eżenzjoni tas-servizzi sportivi u għall-użu tal-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni ma tistax tkun ikkunsidrata bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, dan l-approċċ huwa identiku għal dak adottat fil-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tat-Tmintax-il Direttiva (10)
, li permezz tiegħu l-leġiżlatur tal-Unjoni obbliga lill-Istati Membri “li, skond l-Anness E ta[s-Sitt Direttiva], applikaw, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT [fuq il-provvisti ta’ servizzi sportivi]” sabiex jeżentawhom b’effett mill-1 ta’ Jannar 1989 fl-istess ħin li ppermettilhom jissuġġettaw l-għoti tal-eżenzjoni għall-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku għal kundizzjonijiet.

45.      Il-fatt li r-Renju Unit ma kienx obbligat jeżenta mill-VAT il-provvista ta’ servizzi qabel ma japplika l-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni huwa bbażat ukoll fuq ir-rekwiżit li d-Direttiva 2006/112 tingħata interpretazzjoni u applikazzjoni koerenti mat-Tmintax-il Direttiva.

46.      Fil-fatt, id-Direttiva 2006/112 hija sempliċi riformulazzjoni tad-direttivi preċedenti tal-VAT, b’mod partikolari tas-Sitt u tat-Tmintax-il Direttiva, u ma fiha l-ebda bidla fis-sustanza (11)
. Il-kliem tal-Artikolu 1 tat-Tmintax-il Direttiva ta terminu, li jibda mill-1 ta’ Jannar 1990, għall-perijodu tranżitorju li matulu s-servizzi sportivi pprovduti minn korpi mingħajr skop ta’ lukru setgħu jkomplu jkunu suġġetti għall-VAT. Minn dan l-artikolu oriġina wkoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112.

47.      Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tat-Tmintax-il Direttiva ma jużax it-termini “meta […] il-provvista [ta’ servizzi sportivi] minn korpi irregolati mid-dritt pubbliku tingħata eżenzjoni”, li jissuġġerixxi li ma kienx maħsub li tiżdied kundizzjoni addizzjonali sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw il-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni għas-servizzi mogħtija minn korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku. Dan l-artikolu kien jirrikjedi biss li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni jiġu suġġetti għall-VAT mill-1 ta’ Jannar 1989 sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jimponi l-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni għall-attivitajiet li jsiru minn korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku.

48.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (d) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri jimponu l-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni fuq il-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku minkejja li ċerti servizzi sportivi minbarra dawk li kienu suġġetti għall-VAT fl-1 ta’ Jannar 1989 kienu eżentati f’dik l-istess data u minkejja li s-servizzi sportivi inkwistjoni ma kinux eżentati bis-saħħa tad-dritt nazzjonali qabel ma l-Istat Membru applika l-kundizzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112.

C –    Fuq it-tieni domanda preliminari

49.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112, jawtorizzax Stat Membru li, bis-saħħa tas-Sitt Direttiva, kien japplika, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT fuq is-servizzi sportivi jimponi l-VAT fuq is-servizzi sportivi (12)
pprovduti mill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku (13)
filwaqt li jeżenta l-korpi l-oħra mingħajr skop ta’ lukru mingħajr ma jimponilhom xi kundizzjoni minn dawk previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari dik relatata mal-kompetizzjoni prevista fil-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni.

50.      Nipproponi li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda għar-raġunijiet segwenti.

51.      Kif semmejt fil-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 jimponi fuq l-Istati Membri l-prinċipju tal-eżenzjoni tas-servizzi sportivi pprovduti mill-korpi mingħajr skop ta’ lukru kollha, kemm jekk huma rregolati mid-dritt pubbliku jew le. Madankollu, dan il-prinċipju għandu xi eċċezzjonijiet peress li l-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva jipprevedi l-kundizzjonijiet li għalihom l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-għoti ta’ din l-eżenzjoni.

52.      L-Istati Membri kollha jistgħu jissuġġettaw l-eżenzjoni mill-VAT tas-servizzi sportivi pprovduti mill-korpi mingħajr skop ta’ lukru minbarra dawk irregolati mid-dritt pubbliku għall-erba’ kundizzjonijiet previsti fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133.

53.      Huma biss l-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1989, kienu japplikaw il-VAT għas-servizzi sportivi pprovduti mill-korpi mingħajr skop ta’ lukru irrispettivament minn jekk kinux irregolati mid-dritt pubbliku jew le li jistgħu anki (b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999) jissuġġettaw l-eżenzjoni tas-servizzi sportivi pprovduti mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku biss għall-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni prevista fil-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni. (14)
.

54.      Minkejja dan, il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 jqajjem diversi diffikultajiet. B’mod partikolari, huwa jippermetti lill-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1989, kienu japplikaw il-VAT għas-servizzi sportivi bis-saħħa tal-Anness E tas-Sitt Direttiva, li japplikaw “il-kundizzjonijiet previsti fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu”, meta fil-fatt hija kundizzjoni waħda. Lanqas ma jispeċifika għal min dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu applikati, anki jekk l-eżenzjoni inkwistjoni tissemma biss fir-rigward tal-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku.

55.      Barra minn hekk, huwa juża l-kliem “meta din il-provvista ta’ […] servizzi [mogħtija] minn korpi irregolati mid-dritt pubbliku tingħata eżenzjoni”, li seta’ jagħti x’tifhem li f’ċerti Stati Membri tista’ tinżamm il-VAT fuq is-servizzi sportivi pprovduti mill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku, li fl-opinjoni tiegħi jmur kontra r-regola ta’ eżenzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa.

56.      Quddiem dan in-nuqqas ta’ ċarezza fil-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva, jiena nikkonstata li l-kliem tal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tat-Tmintax-il Direttiva, li fir-rigward tiegħu d-Direttiva 2006/112 ma għamlet l-ebda bidla fis-sustanza (15)
, huwa iktar ċar.

57.      Skont din id-dispożizzjoni, “[l]-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1989, issoġġettaw għal[l-VAT] it-transazzjonijiet imniżżla [fir-rigward ta’ servizzi sportivi] huma awtorizzati li japplikaw il-[kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni] anke fuq is-servizzi mogħtija […] kif imsemmija fl-Artikolu 13A (1) []m) […], fejn dawn l-attivitajiet jitwettqu minn korpi regolati bil-liġi pubblika”.

58.      Dan il-kliem juri b’mod ċar, fl-ewwel lok, li l-eżenzjoni tas-servizzi sportivi pprovduti mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandha tkun ir-regola, anki fl-Istati Membri li, bħar-Renju Unit, kienu japplikaw il-VAT għal dawn is-servizzi fl-1 ta’ Jannar 1989 bis-saħħa tal-Anness E tas-Sitt Direttiva u, fit-tieni lok, li għall-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku l-għoti tal-eżenzjoni jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni.

59.      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet li għalihom l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-għoti tal-eżenzjoni “bl-ebda mod ma jirrigwardaw id-definizzjoni tal-kontenut tal-eżenzjonijiet” (16)
, peress li l-Istati Membri “ma jistgħux jissuġġettaw l-eżenzjoni għal kundizzjonjiet oħra minbarra dawk previsti fid-Direttiva” (17)
.

60.      Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-differenza fit-trattament favur korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku (18)
hija, kif tosserva l-Kummissjoni, inerenti fid-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri ma jistgħux jibdlu la s-sens u lanqas il-portata ta’ din id-differenza.

61.      Issa, f’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni Brittanika inkwistjoni taqleb din id-differenza fit-trattament billi ma tissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni għall-korpi mingħajr skop ta’ lukru ħlief dawk irregolati mid-dritt pubbliku għall-ebda waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133, filwaqt li teskludi, b’mod ġenerali, lill-awtoritajiet lokali mill-benefiċċju tal-eżenzjoni billi tippreżumi b’mod impliċitu li l-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni imposta fuqhom ma tista’ qatt tiġi ssodisfatta fir-rigward tagħhom.

62.      Din il-leġiżlazzjoni tippreżupponi qari tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva differenti ħafna minn tiegħi, skont liema ż-żewġ paragrafi ta’ dan l-artikolu huma indipendenti minn xulxin, sa tali punt li jħallu lill-Istati Membri, li, bis-saħħa tal-Anness E tas-Sitt Direttiva, kienu japplikaw, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT fuq is-servizzi sportivi diskrezzjoni totali fl-għoti tal-eżenzjoni.

63.      Jiena nikkunsidra li dan il-qari huwa kuntrarju għall-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 kif ukoll għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

64.      Fil-fatt, kif il-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tat-Tmintax-il Direttiva jipprovdi, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi li l-Istati Membri li, skont l-Anness E tas-Sitt Direttiva kienu japplikaw, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT fuq is-servizzi sportivi “jistgħu […] ukoll” (19)
jissuġġettaw l-għoti tal-eżenzjoni għall-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku għall-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni.

65.      Fl-opinjoni tiegħi, l-użu tal-kelma “ukoll” jimplika li dawn l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-għoti tal-eżenzjoni għall-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku għal din il-kundizzjoni ħlief jekk diġà jagħmlu hekk għall-korpi l-oħra mingħajr skop ta’ lukru.

66.      Nasal għall-istess riżultat abbażi tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali li, fil-qasam tal-VAT, jikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament.

67.      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi li prodotti jew servizzi simili, li jkunu jikkompetu ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti għall-finijiet tal-VAT (20)
.

68.      F’dan il-każ, is-servizzi sportivi pprovduti mill-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing (jiġifieri, b’mod partikolari, l-aċċess għaċ-ċentri sportivi u pixxini) huma ċertament simili għall-istess servizzi pprovduti mill-korpi l-oħra li ma humiex irregolati mid-dritt pubbliku. Dawn huma provvisti ta’ servizzi li jikkompetu ma’ xulxin li għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Għaliex għandek tħallas il-VAT sabiex tmur il-pixxina, skont jekk hijiex operata minn korp mingħajr skop ta’ lukru rregolat mid-dritt pubbliku jew mid-dritt privat?

69.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li, bis-saħħa tas-Sitt Direttiva, kien japplika, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT fuq is-servizzi sportivi ma jistax jissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT għall-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku għall-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva ħlief meta japplika wkoll din il-kundizzjoni għas-servizzi pprovduti mill-korpi l-oħra mingħajr skop ta’ lukru.

D –    Fuq it-tielet domanda preliminari

70.      Jiena nittratta t-tielet domanda biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-Renju Unit seta’ jissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT fuq is-servizzi sportivi pprovduti mill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku għall-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112, anki jekk ma kienx japplika din il-kundizzjoni għas-servizzi pprovduti mill-korpi l-oħra mingħajr skop ta’ lukru.

71.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 jippermettix lill-Istati Membri li, bis-saħħa tas-Sitt Direttiva, kienu japplikaw, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT fuq is-servizzi sportivi, li jeskludu lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku kollha mill-benefiċċju tal-eżenzjoni tal-provvisti ta’ dawn is-servizzi mingħajr ma jkunu vverifikaw, għal kull każ individwali, jekk l-għoti ta’ din l-eżenzjoni setax jikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT.

72.      Fl-opinjoni tiegħi, Stat Membru ma jistax jeskludi, b’mod ġenerali, il-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku kollha mill-eżenzjoni, anki jekk kien japplika, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT fuq is-servizzi sportivi.

73.      Kif indikajt fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-regola stabbilita permezz tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 tobbliga lill-Istati Membri li jeżentaw mill-VAT l-provvista ta’ servizzi sportivi minn korpi mingħajr skop ta’ lukru.

74.      Anki fiż-żmien meta l-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva kien jipprevedi li “l-Istati Membri għandhom jeżentaw [is-servizzi sportivi] taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom ifasslu għall-iskop biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u jipprevenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż”, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li “dawn il-kundizzjonijiet bl-ebda mod ma [kienu] jirrigwardaw id-definizzjoni tal-kontenut tal-eżenzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni” (21)
.

75.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet ukoll li “minn din id-dispożizzjoni ma [kienx] jirriżulta[...] li Stat Membru, meta jkun ta eżenzjoni għal ċertu provvista ta’ servizzi li huma marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, mogħtija minn korpi mingħajr skop ta’ lukru, jista’ jissuġġetta din l-eżenzjoni għal kundizzjonijiet oħra minbarra dawk previsti fl-Artikolu 13(A)(2)” (22)
.

76.      Peress li d-Direttiva 2006/112 ma biddlet xejn fil-kundizzjonijiet li kienu previsti fil-Parti A, paragrafu 2 tal-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jagħtu l-eżenzjoni prevista fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 billi eventwalment jimponu biss il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 132 u 133 tagħha, mingħajr ma jżidu oħrajn.

77.      F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet dwar l-għoti tal-eżenzjoni previsti fl-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva, u b’mod iktar preċiż il-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “din il-fakultà […] ma tippermettix li jittieħdu miżuri ġenerali […] li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għas-Sitt Direttiva, Stat Membru ma jistax, billi jissuġġetta l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva għal kundizzjoni waħda jew iktar previsti fl-Artikolu 133 tagħha, jemenda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni” (23)
.

78.      Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala kuntrarji għall-Artikoli 132 u 133 tal-imsemmija direttiva diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Istati Membri, u b’mod partikolari dispożizzjoni tad-dritt Spanjol li kienet tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni għall-korpi jew stabbilimenti sportivi privati ta’ natura soċjali li l-ħlasijiet tad-dħul għalihom jew il-ħlasijiet perijodiċi ma kinux jeċċedu ċertu ammont (24)
.

79.      Huwa f’dan il-kuntest ta’ analiżi li għandha tiġi ttrattata d-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar jekk Stat Membru jistax jeskludi lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku kollha, li minnhom jagħmlu parti l-awtoritajiet lokali, mill-benefiċċju tal-eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi sportivi mingħajr ma jkun ivverifika, għal kull każ individwali, jekk l-għoti ta’ din l-eżenzjoni jistax jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT.

80.      Fuq dan il-punt, il-partijiet għandhom pożizzjonijiet differenti. Minn naħa, il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing tikkunsidra li l-evalwazzjoni tar-riskju tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandha ssir, bħal fil-każ tal-korpi mingħajr skop ta’ lukru minbarra dawk rregolati mid-dritt pubbliku, “għal kull każ individwali” (25)
, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull attività sportiva.

81.      Minn naħa oħra, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkunsidraw li, skont is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C-288/07, EU:C:2008:505, punti 48 sa 53), l-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju ma tistax issir fil-livell lokali ta’ kull korp mingħajr skop ta’ lukru iżda, għall-kuntrarju, b’mod ġenerali fuq livell nazzjonali.

82.      Din is-sentenza kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva (illum l-Artikolu 13 tad-Direttiva 206/112) li jipprovdi li “korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku [ma kinux] jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma [kienu] jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta [kienu] jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet”.

83.      Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjonil-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 53 tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C-288/07, EU:C:2008:505) li “d-distorsjonijiet sinifikattivi tal-kompetizzjoni li għalihom twassal l-eżenzjoni mit-taxxa tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-attività inkwistjoni, inkwantu tali, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tirrigwarda suq lokali inpartikolari”  (26)
.

84.      Skont il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing, din il-ġurisprudenza hija biss parzjalment (27)
trasponibbli f’din il-kawża peress li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/112 jirreferi għal diffikultà oħra, jiġifieri dik li jiġi stabbilit jekk korp tad-dritt pubbliku huwiex persuna taxxabbli jew le. Għall-kuntrarju, dak li huwa inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex il-kwalità tagħha ta’ persuna taxxabbli iżda l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk tingħatalha l-eżenzjoni.

85.      Jiena naqbel ma’ din it-teżi. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jirrigwarda l-kwalità ta’ persuna taxxabbli tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku u jipprevedi li dawn “m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi”. L-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jagħmel ir-rabta mal-eżenzjoni tas-servizzi sportivi prevista fl-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva billi jipprovdi li “l-Istati Membri jistgħu jikkunisdraw attivitajiet, eżenti skond l-Artikoli 132 […]” tal-imsemmija direttiva.

86.      Issa, skont il-qorti tar-rinviju, meta tipprovdi servizzi sportivi, il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing ma tallegax li qed taġixxi bħala awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 13, fatt li l-amministrazzjoni fiskali ma tikkontestax.

87.      Barra minn hekk, applikazzjoni tal-prinċipju stabbilit fil-punt 53 tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C-288/07, EU:C:2008:505) tkun kuntrarja għall-kliem tal-Artikolu 133 li jipprovdi li r-rabta tal-eżenzjoni mal-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, fosthom dik relatata mal-kompetizzjoni, għandha ssir “għal kull każ individwali”.

88.      Ċertament, din il-klassifikazzjoni tidher biss fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu li jirrigwarda l-korpi mingħajr skop ta’ lukru li ma humiex irregolati mid-dritt pubbliku. Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti, u l-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ma jressqu l-ebda waħda, li tiġġustifika applikazzjoni differenti tal-istess kundizzjoni għall-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku.

89.      Il-kliem użat fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tad-Direttiva 2006/112 jagħmlu jerġa’ iktar ċar il-fatt li l-analiżi tal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva għandha tkun individwalizzata għal kull korp. Bħala eżempju nikkwota l-verżjoni bl-Ingliż (“in each individual case”), bil-Grieg (“χωριστά για κάθε περίπτωση”) u bil-Ġermaniż (“im Einzelfall”).

90.      Il-Kummissjoni tirreferi għad-diffikultajiet li jaffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u l-operaturi, skont il-punti 49 sa 51 tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C-288/07, EU:C:2008:505), li kieku kellhom jipproċedu b’eżami “għal kull każ individwali”, u b’mod partikolari l-ħtieġa ta’ “evalwazzjoni sistematika mill-ġdid, fuq il-bażi ta’ analiżi ekonomiċi ta’ spiss kumplessi, tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq bosta mis-swieq lokali, fejn id-determinazzjoni tista’ tirriżulta partikolarment diffiċli sa fejn id-delimitazzjoni tagħhom ma tikkoinċidix neċessarjament mal-kompetenza territorjali tal-awtoritajiet lokali” (28)
.

91.      Madankollu, għaliex din l-evalwazzjoni ma tistax issir fil-każ ta’ korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku filwaqt li ssir fil-każ ta’ korpi oħra(29)
 ?

92.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lil Stat Membru li jeskludi, b’mod ġenerali, lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku kollha mill-benefiċċju tal-eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi sportivi, mingħajr ma jkun jivverifika għal kull każ individwali jekk l-għoti ta’ din l-eżenzjoni jistax jikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment ta’ impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT.

VI – Konklużjoni

93.      Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [tribunal tal-ewwel istanza (awla tat-taxxa)] bil-mod segwenti:

1)Il-punt (d) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri jimponu kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni fuq il-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku minkejja li ċerti servizzi sportivi minbarra dawk li kienu suġġetti għall-VAT fl-1 ta’ Jannar 1989, kienu eżentati f’dik l-istess data u minkejja li s-servizzi sportivi inkwistjoni ma kinux eżentati bis-saħħa tad-dritt nazzjonali qabel ma l-Istat Membru applika l-kundizzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112.

2)Il-punt (d) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru li, bis-saħħa tad-Direttiva 77/388/KE, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima kien japplika, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT fuq is-servizzi sportivi, ma jistax jissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT għall-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku għall-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva ħlief meta japplika wkoll din il-kundizzjoni għas-servizzi pprovduti mill-korpi l-oħra mingħajr skop ta’ lukru.

3)It-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lill-Istati Membri li, taħt id-Direttiva 77/388 kienu japplikaw, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT fuq is-servizzi sportivi, li jeskludu, b’mod ġenerali, lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku kollha mill-benefiċċju tal-eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi sportivi, mingħajr ma jkunu vverifikaw għal kull każ individwali jekk l-għoti ta’ din l-eżenzjoni jistax jikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment ta’ impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri koperti minn din id-dispożizzjoni huma r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit.


3 –      Skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112, “il-korpi in kwistjoni m’għandhomx jimmiraw sistemikament biex jagħmlu profitt, u kwalunkwe ammonti żejda li mandanakollu jirriżultaw m’għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjati għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi pprovduti”. Skont il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, “dawn il-korpi għandhom ikunu mmaniġjati u amministrati fuq bażi essenzjalment volontarja minn persuni li m’għandhomx interess dirett jew indirett, jew huma nfushom jew b’intermedji, fir-riżultati ta’ l-attivitajiet ikkonċernati”. Skont il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva, “dawn il-korpi għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedux it-tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT”.


4 –      Bl-eċċezzjoni ta’ drittijiet ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni sportiva li huma eżentati mill-VAT għall-korpi kollha mingħajr skop ta’ lukru.


5 –      Il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva, li għalih jirreferi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tagħha.


6 –      Anki jekk ir-rappreżentant tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-flessibbiltà li tħalliet lill-Istati, ikkwota proverbju li jista’ jiġi applikat għall-każ inkwistjoni: “Give him an inch, he will take a mile” (Mis-sebgħa, jieħu l-id).


7 –      Il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva.


8 –      Enfasi miżjuda minni.


9 –      Ara l-Artikolu 28(3)(A), flimkien mal-punt 4 tal-Anness E tas-Sitt Direttiva. In-natura tranżitorja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jippermettu deroga temporanja mill-eżenzjoni tal-provvista ta’ servizzi sportivi prevista fil-punt (1)(m) tal-Parti A tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, timplika li ma kinux jipprekludu eżenzjoni parzjali ta’ dawn il-provvisti ta’ servizzi. Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 1999, Norbury Developments (C-136/97, EU:C:1999:211, punti 19 u 20).


10 –      Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11 –      Ara l-premessi 1 u 3 tad-Direttiva.


12 –      Bl-eċċezzjoni tal-ħlasijiet ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet sportivi.


13 –      Billi jimponilhom il-kundizzjoni relatata mal-kompetizzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-fatt li din qatt ma tiġi ssodisfatta fir-rigward tagħhom.


14 –Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva. Kif osservajt fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li l-kundizzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni huma iktar adattati sabiex jiġu applikati għal korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt privat milli għal dawk irregolati mid-dritt pubbliku.


15 –      Ara l-premessi 1 u 3 ta’ din id-direttiva.


16 –      Sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-124/96, EU:C:1998:204, punt 11).


17 –      Sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-124/96, EU:C:1998:204, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 –Ara l-punti 24 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19 –      Enfasi miżjuda minni.


20 –      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C-384/01, EU:C:2003:264, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group (C-259/10 u C-260/10, EU:C:2011:719, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 –      Sentenza tas-7 ta’ Mejju  1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-124/96, EU:C:1998:204, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 –      Sentenza tas-7 ta’ Mejju  1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-124/96, EU:C:1998:204, punt 18). Fir-realtà, dawn il-kundizzjonijiet baqgħu l-istess bħal dawk fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112.


23 –      Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Bridport and West Dorset Golf Club (C-495/12, EU:C:2013:861, punt 35) u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-22/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:118, punt 38).


24 –      Sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-124/96, EU:C:1998:204, punt 19).


25 –      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112.


26 –      Enfasi miżjuda minni.


27 –      Bħall-Kummissjoni, il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing taċċetta li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-attività sportiva inkwistjoni.


28 –Punt 49 ta’ din is-sentenza.


29 –Barra minn hekk ma jkunx f’loku li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit titlob tali analiżi għal kull każ individwali għall-eżenzjoni mill-VAT applikabbli għas-servizzi kulturali, li huwa s-suġġett ta’ spjegazzjonijiet twal fil-punt 3.8 tan-Nota TVA 701/47 dwar il-kultura (VAT Notice 701/47: culture).