Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-5 ta’ Ottubru 2017 (1)

Kawża C-387/16

Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

fil-preżenza ta’:

Nidera B. V.,

Vilniaus apskrities valstybinė mokesčių inspekcija

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema, il-Litwanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 183 – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Rimbors tal-ħlas żejjed tat-taxxa – Ħlas ta’ interessi moratorji minħabba r-rimbors tardiv – Possibbiltà li jitnaqqsu l-interessi dovuti għal raġunijiet mhux imputabbli lill-persuna taxxabbli – Newtralità fiskali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Ċertezza legali u protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”






 Introduzzjoni

1.        L-eċċess ta’ taxxa mħallsa għandu jiġi rrimborsat lill-persuna taxxabbli f’terminu raġonevoli. Fil-każ li dan it-terminu jiskadi, il-persuna taxxabbli għandha tiġi kkumpensata bil-ħlas ta’ interessi moratorji. Dawn ir-regoli jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, f’każijiet estremi, b’applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, il-persuna taxxabbli tista’ tirċievi, bħala interessi, ammont sostanzjali meta mqabbel mal-ammont tat-taxxa li għandu jiġi rrimborsat. Għalhekk, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, f’tali ċirkustanzi partikolari, l-applikazzjoni tar-regoli ċċitati hawn fuq hijiex limitata. Naħseb li dan ma huwiex il-każ, u dan għar-raġunijiet li ser nifformula f’dawn il-konklużjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2.        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2):

“Fejn, għal perijodu partikolari ta’ taxxa, l-ammont ta’ tnaqqis jeċċedi l-ammont tal-VAT dovuta, l-Istati Membri jistgħu, skond il-kondizzjonijet li huma għandhom jiddeterminaw, jew jagħmlu rifużjoni jew imexxu l-eċċess ’il quddiem għall-perijodu li jmiss”.

 Id-dritt Litwan

3.        Huwa l-Artikolu 91(10) tal-Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas (ligi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud) li, fid-dritt Litwan, jistabbilixxi r-rimbors tal-ħlas żejjed ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) imħallsa. Dan ir-rimbors għandu jsir skont ir-regoli li jinsabu fil-Lietuvos Respublikos mokesčių administravimo įstatymas (liġi dwar l-amministrazzjoni tat-tassazzjoni).

4.        Skont l-Artikolu 87(6), (7) u (9) ta’ din il-liġi, it-taxxa mħallsa indebitament għandha tiġi rrimborsata fuq it-talba tal-persuna taxxabbli, bħala regola f’terminu ta’ 30 jum. Fil-każijiet fejn għandu jsir kontroll, ir-rimbors għandu jsir fi żmien 20 jum mill-adozzjoni tad-deċiżjoni li, wara l-kontroll, tikkonstata l-fondatezza tar-rimbors. Fil-każ li ma jiġux osservati t-termini għar-rimbors tal-eċċess ta’ taxxa msemmija hawn fuq, mal-ammont tar-rimbors għandhom jiżdiedu l-interessi bl-istess rata tal-interessi addebitati lill-persuna taxxabbli fil-każ ta’ ħlas tardiv tat-taxxa.

5.        Skont l-Artikolu 99 ta’ din l-istess liġi, huwa l-Ministru tal-Finanzi li għandu jiddetermina r-rata tal-interessi, billi jieħu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ interessi annwali medja fuq il-bonds tat-Teżor maħruġa matul l-aħħar tliet xhur. Ir-rata ta’ interessi għandha tiġi kkalkolata billi ma’ din ir-rata ta’ interessi medja jiżdiedu għaxar punti perċentwali.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

6.        Bejn Frar u Mejju 2008, Nidera B.V., kumpannija stabbilita taħt id-dritt Olandiż, xtrat lottijiet ta’ qamħ mingħand produtturi Litwani, u fuq dawn il-kunsinni ħallset bħala VAT l-ammont ta’ 11 743 259 litas Litwani (LTL) (madwar EUR 3.4 miljun). Imbagħad Nidera esportat dan il-qamħ lejn pajjiżi terzi billi applikat rata ta’ VAT ta’ 0 %.

7.        Fit-12 ta’ Awwissu 2008, Nidera ġiet irreġistrata fil-Litwanja bħala persuna taxxabbli għall-VAT u, fid-dikjarazzjoni tal-VAT tagħha li tkopri l-perijodu mit-12 sal-31 ta’ Awwissu 2008, hija talbet ir-rimbors tal-VAT imħallsa fuq it-tranżazzjonijiet imwettqa bejn Frar u Mejju 2008. Madankollu, b’deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2009, l-awtoritajiet tat-taxxa Litwani ċaħdulha dan id-dritt għar-rimbors, billi ddikjaraw li, peress li Nidera ma kinitx irreġistrata bħala persuna taxxabbli għall-VAT fil-jum tat-tranżazzjoni, hija ma kellhiex id-dritt li tnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa.

8.        Fuq dan il-każ, Nidera bdiet proċedura ġudizzjarja, li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti sentenza fil-kuntest ta’ proċedura preliminari (3). Wara din is-sentenza, fit-22 ta’ Diċembru 2010, Nidera rċeviet rimbors tal-VAT ta’ LTL 11 743 259, jiġifieri l-ammont korrispondenti għat-taxxa mħallsa. Nidera mbagħad talbet il-ħlas tal-interessi marbuta mar-rimbors tardiv tal-VAT. L-awtoritajiet tat-taxxa ħallsuha LTL 214 902.27 (madwar EUR 60 000) bħala interessi għall-perijodu bejn id-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u d-data tar-rimbors tat-taxxa. L-appell ta’ Nidera kontra din id-deċiżjoni quddiem l-awtorità tat-taxxa superjuri ġie miċħud.

9.        Nidera mbagħad ressqet il-kawża quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja), fejn talbet li d-deċiżjoni fuq imsemmija tiġi annullata u li jiġi ordnat li l-amministrazzjoni tħallasha LTL 3 864 706.66 (madwar EUR 1 100 000) bħala interessi għall-perijodu bejn it-21 ta’ Novembru 2008, jiġifieri d-data li fiha nbeda l-kontroll fiskali, u d-data tar-rimbors tal-VAT. Din il-qorti laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ Nidera, billi ordnat il-ħlas tal-interessi għall-perijodu mis-17 ta’ Frar 2009. L-awtorità tat-taxxa ppreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema, il-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

10.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fuq il-kwistjoni dwar jekk hijiex kompetenti sabiex tillimita l-ammont tal-interessi mħallsa minħabba d-dewmien tar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament, minħabba l-ammont sostanzjali ta’ dawn l-interessi meta mqabbel mal-ammont prinċipali u mat-telf effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 183 tad-Direttiva [2006/112], moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jitnaqqsu l-interessi, li normalment huma dovuti b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq ħlas żejjed (eċċess ta’ VAT) li ma ġiex irrimborsat (paċut) fit-termini, liema tnaqqis ikun immotivat minn ċirkustanzi li ma jirriżultawx mill-aġir tal-persuna taxxabbli nnifisha, bħalma huma, ir-relazzjoni bejn l-interessi u l-ammont tal-ħlas żejjed li ma ġiex irrimborsat fit-termini, il-perijodu li matulu l-ħlas żejjed ma ġiex irrimborsat u r-raġunijiet għal dan id-dewmien, kif ukoll it-telf effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli?”

11.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Lulju 2016. Nidera, il-Gvern Litwan u l-Gvern Ċek kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ressqu osservazzjonijiet bil-miktub. Nidera, il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni ġew irrappreżentati fis-seduta li nżammet fit-8 ta’ Ġunju 2017.

 L-analiżi

12.      Bid-domanda preliminari li hija ressqet f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tfittex essenzjalment li tiddetermina jekk l-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jippermetti li jitnaqqas l-ammont tal-interessi dovuti lill-persuna taxxabbli bħala rimbors tardiv tal-ħlas żejjed ta’ VAT, f’relazzjoni mal-ammont tal-interessi li normalment hija kien ikollha dritt għalihom, għal raġunijiet marbuta ma’ ċirkustanzi li ma jirriżultawx mill-aġir tal-persuna taxxabbli nnifisha iżda li jirriżultaw mill-ammont sostanzjali ta’ dawn l-interessi f’relazzjoni mal-ammont prinċipali u mat-telf effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli.

 Obbligu ta’ rimbors tal-ħlas żejjed ta’ taxxa

13.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ rimbors, ibbażat fuq l-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112 moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, tal-ħlas żejjed ta’ VAT imħallsa kif ukoll tal-interessi meta r-rimbors ma jkunx sar f’terminu raġonevoli jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja (4). Il-punt tat-tluq sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-interessi għandu bħala regola jkun id-data li fiha kellu jsir ir-rimbors (5). It-terminu għar-rimbors jista’ jiġi pprorogat minħabba l-ħtieġa li jitwettaq kontroll sabiex jiġi stabbilit id-dritt għar-rimbors tat-taxxa, madankollu, meta t-tul ta’ dan il-kontroll jaqbeż iż-żmien neċessarju għall-implementazzjoni tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha wkoll id-dritt għall-ħlas ta’ interessi (6).

14.      Regola simili, jiġifieri l-obbligu ta’ rimbors flimkien mal-interessi, hija applikabbli wkoll fil-każ tat-taxxa mħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (7). Għandu jitqies li dan jikkonċerna wkoll, bħal f’dan il-każ, it-taxxa li ċertament tħallset skont id-dritt tal-Unjoni, iżda li r-rifjut ta’ rimbors tagħha huwa kuntrarju għal dan id-dritt.

15.      Għalhekk naħseb li ma jistax jiġi nnegat li, skont l-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112 moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, Nidera għandha d-dritt għar-rimbors tal-VAT li hija s-suġġett tal-proċedura prinċipali, kif ukoll għall-interessi kkalkolati mid-data li fiha kellu jsir ir-rimbors tat-taxxa skont id-dispożizzjonijiet Litwani, wara li twettaq il-kontroll fiskali (8). Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rimbors tat-taxxa, adottata mill-awtoritajiet tat-taxxa Litwani fid-19 ta’ Marzu 2009, kienet żbaljata u kuntrarja għad-dritt tad-dritt tal-Unjoni.

16.      Mingħajr ma tikkontesta dan id-dritt fil-prinċipju, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-proċedura prinċipali, li fihom il-perijodu twil tad-dewmien ta’ rimbors tat-taxxa wassal sabiex il-persuna taxxabbli jkollha d-dritt li tirċievi interessi għoljin ħafna f’relazzjoni mal-ammont prinċipali u li jistgħu jeċċedu l-ammont tat-telf effettivament imġarrab minn din il-persuna taxxabbli minħabba n-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa, huwiex possibbli li l-ammont ta’ dawn l-interessi jiġi limitat b’deċiżjoni ġudizzjarja.

 Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

17.      Skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, hija l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li għandha tiddetermina r-regoli ta’ rimbors tal-ħlas eċċessiv jew indebitu tat-taxxi, inkluż l-ammont tal-eventwali interessi. Madankollu, dawn ir-regoli għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (9).

 Il-prinċipju ta’ ekwivalenza

18.      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jirrikjedi li r-regoli dwar ir-rimborsi li għalihom il-persuna taxxabbli għandha dritt skont id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli mir-regoli li jikkonċernaw id-drittijiet simili li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali.

19.      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Litwan iċċitati fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jidhirlix li l-qrati għandhom is-setgħa espliċita li jnaqqsu l-ammont tal-interessi li jitħallsu lill-persuni taxxabbli minħabba dewmien fir-rimbors tat-taxxa, b’relazzjoni mal-ammont ta’ dawn l-interessi li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet legali. Id-deċiżjoni tar-rinviju lanqas ma tinkludi informazzjoni dwar il-prattiċi tal-qrati Litwani f’dan ir-rigward. Għalhekk huwa diffiċli li jingħad jekk it-tnaqqis tal-interessi f’każ ta’ rimbors tat-taxxa abbażi tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxix trattament inqas favorevoli meta mqabbel mar-regola ta’ rimbors tat-taxxi applikata skont id-dritt nazzjonali.

20.      Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li ser ikollha tevalwa l-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Nemmen madankollu li, jekk fid-dritt Litwan ma jeżistux dispożizzjonijiet ċari li jawtorizzaw lill-qrati jnaqqsu l-interessi, u jekk lanqas ma teżisti prattika ġudizzjarja stabbilita li tippermetti tali azzjoni tal-qrati fir-rigward tar-rimbors tat-taxxi li jsiru taħt id-dritt nazzjonali, it-tnaqqis tal-interessi dovuti minħabba r-rimbors tat-taxxa abbażi tad-dritt tal-Unjoni, speċjalment jekk dan jikkostitwixxi preċedent, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ekwivalenza. Jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata li dan huwa effettivament il-każ, fil-fehma tiegħi, dan waħdu jkun suffiċjenti sabiex tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preliminari.

 Il-prinċipju ta’ effettività

21.      Min-naħa tiegħu, il-prinċipju ta’ effettività jirrikjedi li r-regoli ffissati mill-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dak li jikkonċerna d-dritt ta’ rikors ma jirrendux l-eżerċizzju tas-setgħat li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Ir-risposta għad-domanda dwar il-possibbiltà li jitnaqqsu l-interessi dovuti lil persuna taxxabbli minħabba r-rimbors tardiv tal-eċċess ta’ taxxa fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività teħtieġ analiżi iktar fid-dettall.

22.      B’dan il-mod, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata hawn fuq, il-persuna taxxabbli għall-VAT, abbażi tal-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112, għandha d-dritt għar-rimbors tat-taxxa mħallsa meta l-ammont ta’ din it-taxxa jeċċedi l-ammont tad-dritt tagħha għat-tnaqqis ta’ din. Dan jirriżulta mill-istruttura tal-VAT, li l-piż tagħha huwa impost fuq il-konsum ta’ prodotti u servizzi, iżda li ma għandux jiġi sostnut mill-impriżi. Huwa minn din l-istruttura li jirriżulta l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT għall-persuni taxxabbli.

23.      Ir-rimbors ta’ taxxi għandu jsir f’terminu raġonevoli, iddefinit mid-dispożizzjonijiet interni tal-Istati Membri. Jekk jinqabeż terminu raġonevoli għar-rimbors, dan għandu jwassal għall-kumpens tad-dannu mġarrab mill-persuna taxxabbli għal din ir-raġuni, b’mod li din ma tbati l-ebda riskju finanzjarju minħabba f’hekk (10).

24.      It-telf li l-persuna taxxabbli tista’ ġġarrab minħabba d-dewmien fir-rimbors tat-taxxa jista’ jkun ta’ natura varja. Huwa jirriżulta prinċipalment mill-inkapaċità li hija jkollha fid-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji li huma “ffriżati” fil-kont tal-awtorità tat-taxxa, meta, f’kundizzjonijiet normali, jiġifieri fil-każ ta’ rimbors fit-termini, dawn kienu jkunu fid-dispożizzjoni tagħha.

25.      Ma huwiex faċli li dan it-tip ta’ telf jiġi kkalkolat bi preċiżjoni, għaliex, fil-fatt, huwa jikkonsisti prinċipalment f’telf ta’ qligħ (lucrum cessans), li l-persuna taxxabbli setgħet tagħmel billi tinvesti r-riżorsi finanzjarji, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha jew inkella fi strumenti finanzjarji. Għalhekk hawnhekk insibu d-diffikultajiet li wieħed tipikament jiltaqa’ magħhom fil-kalkolu ta’ dħul futur, min-natura tiegħu inċert u mhux inkundizzjonat.

26.      Konsegwentement, il-forma ta’ kumpens ġeneralment aċċettata għal dan it-tip ta’ telf huwa l-ħlas ta’ interessi, li jikkostitwixxu kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa. Din il-forma ta’ kumpens tippermetti lill-kreditur (f’dan il-każ, il-persuna taxxabbli) jikseb kumpens ġust mingħajr il-ħtieġa li jippreżenta l-provi diffiċli ħafna li jinġabu tal-ammont reali tat-telf, filwaqt li tevita l-ħtieġa għad-debitur li jħallas somom f’ammont imprevedibbli u possibbilment għoli ħafna.

27.      L-interessi moratorji għandhom ukoll rwol ieħor: fil-fatt huma jikkostitwixxu sanzjoni, li għandha l-għan li tinkoraġġixxi lid-debitur iħallas l-ammont dovut lill-kreditur fit-terminu stabbilit, mingħajr ma dan l-ammont ikun miżjud bl-interessi. Nemmen madankollu li meta d-debitur ikun Stat u l-kreditur persuna taxxabbli, in-natura sproporzjonata bejn il-kapaċitajiet finanzjarji taż-żewġ partijiet hija tali li hija l-funzjoni tal-kumpens li tilgħab ir-rwol l-iktar importanti. Fil-fatt, filwaqt li, fil-baġit tal-Istat, ammont dovut lil persuna taxxabbli partikolari jikkostitwixxi kwantità negliġibbli, fil-baġit tal-persuna taxxabbli dan l-istess ammont normalment jirrappreżenta parti importanti u jista’ saħansitra xi drabi jkun deċiżiv għal-likwidità tagħha.

28.      L-interessi moratorji huma normalment iddeterminati abbażi tal-ispiża medja tal-flus fuq is-suq bankarju. Għalhekk, il-kumpens fil-forma ta’ interessi għandu wkoll il-vantaġġ supplimentari li jippermetti lill-kreditur jikseb ir-riżorsi li jkollu bżonn bħala self mill-bank, bil-garanzija li s-somma rkuprata fil-forma ta’ interessi moratorji tkun tikkorrispondi approssimattivament għall-ispejjeż għall-ksib ta’ dan is-self.

29.      L-ammont tal-interessi moratorji huwa normalment stabbilit mid-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali tal-Istati Membri. Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, sakemm dan l-ammont ma jkunx ġie ffissat f’livell anormalment baxx, li jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività, l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw l-ammont tal-interessi skont id-dritt nazzjonali tagħhom fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom. L-ammont ta’ interessi stabbilit b’dan il-mod jippermetti kemm lill-kredituri kif ukoll lid-debituri li jipprevedu preċiżament l-ammont futur tad-drittijiet, jew, rispettivament tal-obbligi, finanzjarji tagħhom. B’hekk, tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali.

30.      Għaldaqstant, jekk l-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, inissel dritt għall-persuna taxxabbli li tirċievi f’terminu raġonevoli r-rimbors tal-ħlas żejjed ta’ taxxa, u jekk, fil-każ li jinqabeż dan it-terminu raġonevoli, hija jkollha wkoll id-dritt għal kumpens għat-telf imġarrab minħabba d-dewmien ta’ rimbors tat-taxxa, dan jimplika, fil-fehma tiegħi, li hemm dritt għat-totalità tal-ammont tal-interessi minħabba r-rimbors tardiv tat-taxxa, li ġie ddeterminat mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Il-limitazzjoni tad-dritt li persuna tirċievi interessi għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala kuntrarja għall-prinċipju ta’ effettività, ladarba din timplika li l-eżerċizzju ta’ dritt li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni – li jikkonsisti fi dritt għall-kumpens tat-telf imġarrab minħabba r-rimbors tardiv tat-taxxa – isir impossibbli jew tal-inqas eċċessivament diffiċli. Barra minn hekk, din il-limitazzjoni hija wkoll kuntrarja għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, billi l-persuna taxxabbli, li hija f’din is-sitwazzjoni l-kreditur tal-awtoritajiet tat-taxxa, għandha d-dritt li tistenna li tirċievi l-ammont kollu tal-interessi previsti mid-dispożizzjonijiet legali. Il-limitazzjoni tad-dritt għall-ħlas tal-ammont kollu tal-interessi għandha tkun possibbli biss f’sitwazzjonijiet partikolari, meta dan id-dewmien ta’ rimbors tat-taxxa jirriżulta minn raġunijiet imputabbli lill-persuna taxxabbli. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

31.      Fil-fehma tiegħi, għandha titqies li hija wkoll kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività l-possibbiltà għall-qorti li tnaqqas l-ammont tal-interessi dovuti lill-persuna taxxabbli meta dewmien twil fir-rimbors tat-taxxa, iżda mhux imputabbli lill-persuna taxxabbli, ikun wassal għad-dritt tagħha li tirċievi interessi partikolarment għolja f’relazzjoni mal-ammont prinċipali, li potenzjalment jeċċedu d-dannu effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli minħabba r-rimbors tardiv tat-taxxa.

32.      Fil-fatt, tali tnaqqis fl-ammont tal-interessi dovuti jkun jimplika inevitabbilment in-neċessità għall-persuna taxxabbli li tipprova l-livell tad-danni reali (11). Kif indikajt hawn fuq, din il-prova hija partikolarment diffiċli li tiġi stabbilita, billi dan huwa każ ta’ telf fil-forma ta’ lucrumcessans, li min-natura tiegħu huwa diffiċli li jiġi kkalkolat u pprovat mingħajr ambigwità. Għalhekk, il-ħtieġa li jinġabu dawn il-provi tirrendi eċċessivament diffiċli, u f’ħafna każijiet saħansitra impossibbli, l-eżerċizzju mill-persuna taxxabbli tad-dritt li tirċievi r-rimbors tat-taxxa kif ukoll għall-kumpens minħabba l-eventwali dewmien ta’ dan ir-rimbors. Id-diffikultajiet marbuta ma’ dan it-tip ta’ kumpens moratorju jidhru iktar ċari meta jitqabblu mal-mekkaniżmu iktar sempliċi tal-ħlas ta’ interessi moratorji f’ammont stabbilit minn qabel.

33.      Huwa minnu li, kif indikat il-qorti tar-rinviju, f’ċerti każijiet l-ammont tal-interessi jista’ jeċċedi t-telf reali mġarrab mill-persuna taxxabbli. Madankollu dan huwa fenomenu normali marbut mal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, li min-natura tiegħu ma jirriflettix it-telf effettivament imġarrab imma t-telf approssimattiv u statistikament probabbli li l-persuna taxxabbli tista’ ġġarrab. Il-kumpens fil-forma ta’ interessi jista’ jkun, skont is-sitwazzjonijiet, ogħla jew inqas mit-telf reali, madankollu, inqis li dan ma jiġġustifikax li huwa ma jibqax jintuża.

34.      F’sitwazzjonijiet partikolari, pereżempju meta d-dewmien fil-ħlas iwassal għall-insolvenza tal-kreditur, dan (jew is-suċċessur tiegħu) għandu l-possibbiltà li jikseb kumpens ogħla mill-ammont tal-interessi moratorji. Dan japplika wkoll għar-relazzjonijiet bejn l-Istati u l-persuni taxxabbli. Madankollu, din id-deċiżjoni tiddependi esklużivament mill-volontà tal-kreditur. Minkejja dan, il-possibbiltà li jinkiseb kumpens ogħla mill-ammont tal-interessi ma ċċaħħadx lill-kreditur mill-garanzija li jikkostitwixxu l-interessi.

35.      Dan japplika wkoll f’dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn l-ammont tal-interessi u l-ammont prinċipali. L-ammont tal-interessi jirriżulta mill-ammont prinċipali u mit-tul tad-dewmien fir-rimbors tat-taxxa. Jekk dan id-dewmien ikun partikolarment twil, l-ammont tal-interessi jista’ jilħaq, jew saħansitra jeċċedi, l-ammont prinċipali. Dan sempliċement jirrifletti t-tul kunsiderevoli tad-dewmien. Il-bażi tal-istrument tal-interessi moratorji hija l-ipoteżi li kieku l-kreditur kellu fid-dispożizzjoni tiegħu, matul iż-żmien kollu tad-dewmien tal-ħlas tal-krediti tiegħu, is-somom li kienu dovuti lilu, huwa seta’ jiġġenera dħul li l-ammont kumulattiv tiegħu kien ikun proporzjonali għaż-żmien li jkun għadda u jista’ wkoll jilħaq jew jeċċedi s-somom investiti inizjalment. Għalhekk, il-fatt li huwa jirċievi ammont ekwivalenti bħala interessi ma jikkostitwixxix arrikkiment indebitu iżda biss il-korrispettiv taċ-ċaħda ta’ dħul ikkawżata mid-dewmien tar-rimbors tal-ammont prinċipali.

36.      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li huma l-Istati Membri li jistabbilixxu, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, l-ammont tal-interessi moratorji, inkluż għat-dewmien fir-rimbors tal-ħlas żejjed tat-taxxa. Għaldaqstant, jekk l-Istat Membru jqis li l-ammont tal-interessi stabbilit mid-dritt nazzjonali jeċċedi l-kumpens ġust tad-dannu kkawżat b’dan id-dewmien, huwa għandu l-possibbiltà li jnaqqashom permezz ta’ leġiżlazzjoni. Madankollu, sakemm ma jkunx seħħ dan it-tnaqqis leġiżlattiv, il-persuni taxxabbli li jieħdu d-dritt tagħhom għar-rimbors tat-taxxa mid-dritt tal-Unjoni għandhom id-dritt li jirċievu l-ammont sħiħ tal-interessi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

 Osservazzjonijiet dwar l-argumenti ppreżentati mill-Gvern Litwan

37.      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar din il-kawża, il-Gvern Litwan jinvoka wkoll l-argument li l-interessi previsti mid-dritt Litwan fil-każ ta’ rimbors tardiv tal-ħlas żejjed ta’ taxxa ma jikkostitwixxux kumpens għad-dannu mġarrab mill-persuna taxxabbli minħabba d-dewmien fir-rimbors tat-taxxa, iżda huma ta’ natura purament penali u huma intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet tat-taxxa sabiex jikkonformaw ruħhom mill-iktar fis possibbli mal-obbligi tagħhom ta’ rimbors tat-taxxa. Il-Gvern Litwan jibbaża ruħu fuq il-fatt li dawn l-interessi għandhom ikunu stabbiliti fl-istess livell bħall-penalitajiet għad-dewmien dovuti mill-persuni taxxabbli fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas tat-taxxa, li huwa d-doppju tar-rati applikati fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ dritt privat. Għaldaqstant, il-Gvern Litwan iqis li r-rata tal-interessi kumpensatorji tista’ biss tiġi stabbilita mill-qorti tar-rinviju fil-proċedura prinċipali.

38.      Dawn l-argumenti ma jikkonvinċunix, għal diversi raġunijiet.

39.      L-ewwel nett, l-ebda informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju jew fl-osservazzjonijiet tal-partijiet ma tindika l-eżistenza ta’ prattika li bis-saħħa tagħha din il-qorti tistabbilixxi, minflok ir-rata ta’ interessi prevista mid-dispożizzjonijiet ta’ dritt Litwan fil-każ ta’ dewmien fir-rimbors tat-taxxa, rata għall-interessi kumpensatorji. Ir-rappreżentant tal-Gvern Litwan, mill-bqija, ikkonferma waqt is-seduta li, sa fejn huwa jaf, din il-kawża tikkostitwixxi preċedent. Għaldaqstant, għandu jkun mifhum li fil-każijiet l-oħra, inkluż meta r-rimbors tat-taxxa jseħħ esklużivament abbażi tad-dritt nazzjonali, il-persuni taxxabbli għandhom jirċievu l-interessi fl-ammont previst mill-liġi. L-applikazzjoni għal dan il-każ tat-teorija ppreżentata mill-Gvern Litwan twassal għalhekk sabiex jingħata trattament inqas favorevoli lit-talbiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, li jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ekwivalenza u, għal din ir-raġuni, eskluż (12).

40.      It-tieni nett, għalkemm l-interessi moratorji għandhom normalment, kif diġà semmejt, kemm il-funzjoni ta’ kumpens kif ukoll funzjoni penali (13), fir-relazzjonijiet bejn l-Istat Membru u l-persuni taxxabbli, l-importanza ta’ dawn iż-żewġ funzjonijiet hija distinta. Fil-verità, meta hija l-persuna taxxabbli li għandha r-rwol ta’ debitur, il-funzjoni penali tal-interessi hija iktar importanti, minħabba n-natura relattivament negliġibbli tat-telf imġarrab mill-baġit tal-Istat Membru minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa minn persuna taxxabbli waħda. Il-każ huwa differenti fis-sitwazzjoni opposta, meta huwa l-Istat Membru li huwa d-debitur tal-persuna taxxabbli minħabba l-obbligu tiegħu ta’ rimbors tat-taxxa. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-effettività tal-funzjoni penali tal-interessi hija ġeneralment ferm limitata, filwaqt li l-funzjoni kumpensatorja tagħhom takkwista importanza primarja, għaliex it-telf imġarrab mill-persuna taxxabbli minħabba d-dewmien ta’ rimbors tat-taxxa jista’ jkun ferm importanti f’relazzjoni mar-riżorsi finanzjarji globali tagħha. Għalhekk, ma nistax naqbel mad-dikjarazzjoni tal-Gvern Litwan li l-interessi moratorji dovuti mill-Istati Membri lill-persuni taxxabbli minħabba r-rimbors tardiv tal-ħlas żejjed ta’ taxxa għandhom funzjoni identika, esklużivament jew prinċipalment penali, għal dik tal-interessi minħabba d-dewmien ta’ ħlas tat-taxxa mill-persuna taxxabbli. Il-fatt li dawn l-interessi jkunu ġew iffissati fl-istess livell huwa għażla teknika tal-leġiżlatur Litwan.

41.      It-tielet nett, it-teżi ppreżentata mill-Gvern Litwan tkun tfisser li d-dritt Litwan ma jistabbilixxix realment ir-rati għall-interessi dovuti lill-persuni taxxabbli minħabba r-rimbors tardiv tat-taxxa. Madankollu, fil-każijiet fejn dan ir-rimbors isir abbażi tad-dritt tal-Unjoni, dan ikun bi ksur tal-ġurisprudenza ċċitata hawn fuq (14) u tal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, id-dritt għar-rimbors tat-taxxa flimkien mal-interessi moratorji ma jimplikax biss id-dritt għall-aspettattiva tal-ħlas tal-interessi b’rata li tiġi stabbilita mill-qorti matul il-proċedura, iżda d-dritt għall-ħlas tal-interessi li l-ammont tagħhom ikun magħruf minn qabel, iffissat a priori mid-dispożizzjonijiet tal-liġi. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Litwan jidher li jissopravaluta l-portata tal-libertà mogħtija lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu r-regoli tar-rimbors tal-ħlas żejjed tal-VAT. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom huma għandhom iwettqu r-rimbors tal-ħlas żejjed tal-VAT, il-mod ta’ determinazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandu jissodisfa ċerti kriterji minimi ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali. Dan japplika wkoll għad-determinazzjoni tal-ammont tal-interessi li għalihom għandha dritt il-persuna taxxabbli minħabba r-rimbors tardiv tat-taxxa, billi d-dritt għall-ħlas tal-interessi moratorji jifforma parti mid-dritt għar-rimbors tal-ħlas żejjed tat-taxxa. Għalhekk id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors, inkluż tal-ammont tal-interessi, ma tistax issir ad hoc kif jixtieq il-Gvern Litwan, permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji adottati fil-kawżi speċifiċi li jinvolvu persuni taxxabbli partikolari. Fil-fehma tiegħi, dan il-mekkaniżmu jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività, peress li element essenzjali tal-eżerċizzju effettiv tas-setgħat mogħtija mid-dritt tal-Unjoni huwa ċ-ċertezza rigward il-portata ta’ dawn is-setgħat u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi f’dan il-qasam.

42.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Litwan jissuġġerixxi li l-interessi għal rimbors tardiv tat-taxxa previsti mid-dritt Litwan jitnaqqsu, billi jiġu limitati għal komponent wieħed biss, jiġifieri r-rata ta’ interessi medja tal-bonds tat-Teżor.

43.      Madankollu, lil ’hinn mill-problema tal-probabbli inkompatibbiltà ta’ tali soluzzjoni mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-bonds tat-Teżor, inkwantu strumenti finanzjarji meqjusa partikolarment siguri, normalment għandhom rati baxxi ħafna, inqas sewwa mir-rati medji tas-self bankarju. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-interessi għar-rimbors tardiv tat-taxxa li jkollhom l-ammont limitat għal-livell tar-rati tal-bonds tat-Teżor ma jissodisfawx il-funzjoni kumpensatorja tagħhom, għaliex ma jippermettu li jikkumpensaw lanqas l-ispejjeż tal-akkwist tar-riżorsi finanzjarji nieqsa fuq is-suq bankarju. Għalhekk dawn l-interessi ma jissodisfawx ir-rwol ta’ kumpens għat-telf imġarrab mill-persuna taxxabbli minħabba r-rimbors tardiv tat-taxxa u jitfgħu fuqha parzjalment ir-riskju finanzjarju marbut ma’ dan id-dewmien. L-iffissar tal-interessi f’livell daqshekk baxx huwa għalhekk kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività.

 Sommarju

44.      Fil-qosor, jien inqis li l-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali u fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jirrikjedi li fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-awtorità tat-taxxa tat-terminu raġonevoli previst mid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ għar-rimbors tal-ħlas żejjed ta’ VAT, il-persuna taxxabbli għandha tirċievi r-rimbors ta’ din it-taxxa flimkien mal-ammont totali tal-interessi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, jekk id-dewmien ta’ rimbors tat-taxxa ma jirriżultax mill-aġir tal-persuna taxxabbli.

 Konklużjoni

45.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta bil-mod li ġej għad-domanda preliminari li saret mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema, il-Litwanja):

L-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix li, f’ċirkustanzi li ma jirriżultawx mill-aġir tal-persuna taxxabbli, jitnaqqas l-ammont tal-interessi dovuti lill-persuna taxxabbli minħabba r-rimbors tardiv tal-ħlas żejjed ta’ VAT f’relazzjoni mal-ammont li għalih hija normalment kien ikollha dritt.


1      Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


2      ĠU 2006, L 347, p. 1.


3      Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Nidera Handelscompagnie (C-385/09, EU:C:2010:627).


4      Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Glencore Agriculture Hungary (C-254/16, EU:C:2017:522, punti 18 sa 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5      Sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Glencore Agriculture Hungary (C-254/16, EU:C:2017:522, punt 23).


6      Sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Glencore Agriculture Hungary (C-254/16, EU:C:2017:522, punt 24).


7      Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C-205/15, EU:C:2016:499, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Il-kwistjoni tad-data li minnha għandhom jiġu kkalkolati l-interessi inkwistjoni fil-proċedura prinċipali ma hijiex is-suġġett tad-domanda preliminari. Infakkar biss li l-qorti tal-ewwel istanza fil-proċedura prinċipali kkunsidrat li l-interessi kellhom jiġu kkalkolati mis-17 ta’ Lulju 2009. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-awtoritajiet tat-taxxa Litwani, in-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa inkwistjoni kien kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni sa mill-bidu, u mhux biss b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2010, Nidera Handelscompagnie (C-385/09, EU:C:2010:627). Is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari huma fil-fatt ta’ natura dikjaratorja u jiddefinixxu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li kellha tiġi applikata mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, EU:C:1980:100, punt 16; is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Richardson, C-137/94, EU:C:1995:342, punt 33, u tal-14 ta’ April 2015, Manea C-76/14, EU:C:2015:216, punt 53). Għalkemm huwa possibbli li, f’każijiet eċċezzjonali, l-effetti tas-sentenzi jiġu limitati ratione temporis (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C-76/14, EU:C:2015:216, punt 54), madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx dan fil-kuntest tas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Nidera Handelscompagnie (C-385/09, EU:C:2010:627).


9      Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C-205/15, EU:C:2016:499, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Glencore Agriculture Hungary (C-254/16, EU:C:2017:522, punti 20 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Infakkar li skont il-liġi Litwana, ma jeżistux dispożizzjonijiet preċiżi li jiddefinixxu r-regoli għal tali tnaqqis tal-interessi mill-qorti, u huwa diffiċli li jiġi mmaġinat li l-qorti tnaqqashom b’mod kompletament arbitrarju mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni t-telf reali mġarrab mill-persuna taxxabbli.


12      Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      Ara l-punti 13 u 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.