Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-2 ta’ Mejju 2019 (1)

Kawża C-692/17

Paulo Nascimento Consulting – Mediação Imobiliária Lda

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativa (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjonijiet – Artikolu 135(1)(b) u (d) – Tranżazzjonijiet dwar l-għoti u n-negozjar ta’ krediti kif ukoll għall-immaniġġjar ta’ krediti – Tranżazzjonijiet li jirrigwardaw id-djun, bl-eċċezzjoni tal-irkupru ta’ djun – Trasferiment bi ħlas, favur terz, ta’ pożizzjoni fi proċedura għall-irkupru forzat ta’ dejn irrikonoxxut minn deċiżjoni ġudizzjarja”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) tressqet fil-kuntest ta’ kawża dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta minn aġenzija immobiljarja fir-rigward tat-trasferiment bi ħlas, favur terz, tal-pożizzjoni li din il-persuna taxxabbli kellha fi proċedura intiża għall-irkupru forzat ta’ dejn li kien irrikonoxxut minn deċiżjoni ġudizzjarja.

2.        Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE (2), li jipprovdi eżenzjoni mill-VAT għat-tranżazzjonijiet ta’ persuna taxxabbli li jikkonsistu fl-għoti u fin-negozjar ta’ krediti kif ukoll fl-immaniġġjar ta’ krediti mwettqa mill-persuna li tkun tathom.

3.        Sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wkoll, f’din il-kawża, dwar l-interpretazzjoni tal-punt (d) tal-Artikolu 135(1) li jipprovdi eżenzjoni mill-VAT, b’mod partikolari, għat-tranżazzjonijiet ta’ persuna taxxabbli li jirrigwardaw id-djun, ħlief jekk ikunu jirrigwardaw irkupru ta’ djun.

4.        Għar-raġunijiet mogħtija f’dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-imsemmija punti (b) u (d) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżenzjonijiet hemm previsti ma għandhomx jiġu applikati għal ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Kif tindika l-premessa 1 tagħha, id-Direttiva 2006/112 fasslet mill-ġdid is-Sitt Direttiva 77/388/KEE (3).

6.        Skont l-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, huma suġġetti għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi, meta dawn jitwettqu bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru u minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

7.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi dak li għandu jinftiehem b’“attività ekonomika” fis-sens tagħha.

8.        Skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, “‘[p]rovvista ta’ merkanzija’ [kunsinna ta’ oġġetti] għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli”.

9.        Skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/112 “‘[p]rovvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija [kunsinna ta’ oġġetti]”. L-Artikolu 25(a) tagħha jippreċiża li “[p]rovvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, […] [f]l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk hija u kemm jekk mhix soġġetta għal att li jistabbilixxi titolu”.

10.      Skont l-Artikolu 135(1)(b) u (d) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw:

“(b)      l-għoti u n-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih;

[…]

(d)      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti [djun], ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma eskluża l-kollezzjoni tad-debitu [l-irkupru ta’ djun]” (4).

B.      Id-dritt Portugiż

11.      Diversi dispożizzjonijiet ġew introdotti fil-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”) sabiex iġibu l-leġiżlazzjoni Portugiża dwar il-VAT f’konformità mal-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni applikabbli f’dan il-qasam (5).

12.      Skont l-Artikolu 9(27)(a) u (c) ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, huma eżenti mill-VAT:

“(a)      l-għoti u n-negozjar ta’ krediti, taħt kull forma, inklużi t-tranżazzjonijiet ta’ skont u riskont, kif ukoll l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tagħhom mill-persuna li tkun tathom;

[…]

(c)      it-tranżazzjonijiet, inkluż in-negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, ħlasijiet riċevuti, ċekkijiet, kambjali kummerċjali u strumenti oħra, bl-esklużjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ sempliċi rkupru ta’ djun”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-fajl nazzjonali mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fix-xahar ta’ Novembru 2006, Paulo Nascimento Consulting – Mediação Imobiliária Lda (iktar ’il quddiem “PNC”) ingħatat, fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ aġenzija immobiljarja, mandat esklużiv ta’ bejgħ ta’ art agrikola. PNC ipproponiet offerta ta’ bejgħ lis-sid tal-art iżda dan ċaħadha u rrifjuta li jħallasha għas-servizz ipprovdut.

14.      Għalhekk PNC adixxiet lit-Tribunal de Família e Menores e de Comarca de Portimão (il-Qorti tal-Familja u tal-Minuri tad-Distrett ta’ Portimão, il-Portugall), sabiex tikkundanna lill-mandant tagħha jħallasha ammont ta’ EUR 125 000, dovuti bħala kummissjoni tal-aġenzija immobiljarja, flimkien mal-VAT u mal-interessi moratorji sad-data tal-ħlas komplet. Din il-qorti laqgħet it-talba ta’ PNC, permezz ta’ sentenza li saret definittiva.

15.      Peress li d-debitriċi ma ħallsitx l-ammont responsabbli għalih, PNC introduċiet, quddiem l-istess qorti, rikors għal irkupru forzat intiż sabiex tikseb l-irkupru tad-dejn dovut lilha kif irrikonoxxut mill-imsemmija sentenza, li kien jammonta għal EUR 170 859.62 (6).

16.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni, ġiet maqbuda proprjetà immobbli tad-debitriċi sabiex tiggarantixxi l-ħlas tal-ammont dovut. Sussegwentement, il-proprjetà maqbuda ġiet aġġudikata lil PNC għas-somma ta’ EUR 606 200 (7), flimkien mal-obbligu li tħallas, lill-aġenzji ta’ eżekuzzjoni, l-eċċess – jiġifieri d-differenza bejn l-ammont tal-aġġudikazzjoni u l-valur tad-dejn dovut lilha – flimkien mal-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni. Jidher li l-ammont li kellu jitħallas bħala eċċess kellu jammonta għal EUR 417 937.12.

17.      Permezz ta’ ftehim tad-29 ta’ Settembru 2010, PNC ittrasferixxiet lil Starplant – Unipessol Lda (iktar ’il quddiem “Starplant”) id-drittijiet tagħha kollha li joriġinaw mill-pożizzjoni tagħha fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li kienet għadha għaddejja, inkambju għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 351 619.90 minn Starplant (8).

18.      Fix-xahar ta’ Ottubru 2010, minn naħa, PNC daħħlet fil-kontijiet tagħha l-ammont ta’ EUR 125 000 riċevut bħal korrispettiv għas-servizzi pprovduti lill-mandant fuq imsemmi u ħallset is-somma ta’ EUR 26 250 li tikkorrispondi għall-VAT dovuta f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, hija daħħlet fil-kontijiet tagħha l-ammont ta’ EUR 200 369.90 bħala “profitti oħra mhux speċifikati”, li jikkorrispondi għall-bilanċ tal-prezz imħallas minn Starplant (9), ammont li fuqu hija ma ħallset ebda VAT.

19.      Fl-24 ta’ Ġunju 2014, l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) ħarġet valutazzjoni tal-VAT (EUR 73 840.18 (10)) flimkien mal-interessi relatati magħha (EUR 9 807.59), jiġifieri ammont totali ta’ EUR 83 647.77, wara li qieset li d-dikjarazzjoni tal-VAT ippreżentata minn PNC, għall-perijodu kkonċernat, ma kinitx daħħlet fil-kontijiet b’mod korrett it-trasferiment tal-pożizzjoni proċedurali mwettqa għal EUR 351 619.90. F’dan ir-rigward, hija qieset li din kienet tranżazzjoni distinta minn dik relatata mal-kummissjoni ta’ aġenzija immobiljarja u kienet suġġetta għall-VAT ukoll, għaliex kienet tikkostitwixxi t-trasferiment ta’ dritt bi ħlas, minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, li kien jaqa’ taħt il-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi u ma kien kopert minn ebda eżenzjoni prevista mill-Kodiċi tal-VAT.

20.      Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2015, it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Loulé (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Loulé, il-Portugall) laqgħet ir-rikors ta’ PNC intiż għall-annullament tal-valutazzjoni tal-VAT fuq imsemmija (11).

21.      Fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Frar 2016, it-Tribunal Central Administrativo Sul (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tan-Nofsinhar, il-Portugall), adita mill-Fazenda Pública (it-Teżor Pubbliku, il-Portugall), qalbet is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, għar-raġuni li t-trasferiment ta’ dejn inkwistjoni kien jaqa’ taħt l-attività ekonomika ta’ PNC, kellu jitqies bħala provvista ta’ servizz taxxabbli u ma kienx jibbenefika minn ebda eżenzjoni prevista fl-Artikolu 9 tal-Kodiċi tal-VAT. B’mod partikolari, hija qieset li t-tranżazzjoni kkonċernata ma kinitx taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fil-punt 27(a) tal-Artikolu 9, għat-tranżazzjonijiet bankarji u finanzjarji ta’ għoti u negozjar ta’ krediti.

22.      PNC appellat minn din is-sentenza quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema), billi argumentat prinċipalment li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 9(27)(a) tal-Kodiċi tal-VAT hija applikabbli għat-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejn anki meta dawn jitwettqu minn entitajiet oħra li ma humiex istituzzjonijiet finanzjarji. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni trasposta fid-dritt Portugiż, jiġifieri l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva, li saret l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 (12).

23.      F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2017 li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2017, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-trasferiment, taħt titolu oneruż, minn persuna suġġetta għall-VAT lil terza persuna, tal-pożizzjoni proċesswali li għandha f’azzjoni eżekuttiva għall-irkupru ta’ kreditu [dejn] rrikonoxxut minn deċiżjoni ġudizzjarja bħala li jirriżulta mill-ksur ta’ kuntratt ta’ aġenzija ta’ proprjetà immobbli, flimkien mal-VAT bir-rata fis-seħħ fid-data tal-ħlas flimkien mal-interessi moratorji dovuti jew li jistgħu jsiru dovuti sa ma jsir il-ħlas komplet, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘għoti’, ‘negozjar’ jew ‘immaniġġjar’ [ta’ krediti] għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT?”

24.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn PNC, mill-Gvern Portugiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tas-7 ta’ Frar 2019, dawn tal-aħħar kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

IV.    Analiżi

25.      Fid-dawl tal-approċċ tas-soltu fil-qasam tal-VAT u fid-dawl tal-punti mqajma fid-dibattitu għal dak li jirrigwarda l-partikolarità tat-tranżazzjoni ta’ trasferiment li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, jidhirli li huwa indispensabbli li jsiru preliminarjament kunsiderazzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni sabiex jiżguraw l-issuġġettar tagħha għall-VAT (Taqsima A), qabel nirrispondi għad-domanda dwar jekk hija tistax taqa’ taħt l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135(1)(b) u (d) tad-Direttiva 2006/112 (Taqsima B).

A.      Fuq l-issuġġettar għall-VAT ta’ tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali

26.      Anki jekk il-qorti tar-rinviju donnha titlaq mill-premessa li t-tranżazzjoni inkwistjoni hija suġġetta għall-VAT, id-dibattiti li saru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja juru li huwa possibbli li wieħed jistaqsi mhux biss dwar in-natura partikolari ta’ tali tranżazzjoni (Subtaqsima 1), iżda wkoll dwar l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli kkonċernata (Subtaqsima 2), filwaqt li qabelxejn jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni billi tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi neċessarji kollha sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali u li huma biss l-qrati nazzjonali li għandhom jagħmlu l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali (13).

1.      Fuq in-natura tat-tranżazzjoni kkonċernata

27.      Sabiex topponi għat-tassazzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, PNC targumenta li dan huwa trasferiment ta’ dejn li ma huwiex kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112, kif inhu stabbilit, b’mod partikolari, fil-punti (a) u (ċ) tal-Artikolu 2(1) tagħha, liema punti jsemmu l-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva rispettivament.

28.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Portugiż isostni li din it-tranżazzjoni hija suġġetta għall-VAT, billi jfakkar li l-amministrazzjoni fiskali Portugiża qieset li hija tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi unika (14) u billi jindika li, fin-nuqqas, hija għandha tiġi kklassifikata bħala kunsinna ta’ oġġett korporali. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni mmilitat favur l-eżistenza ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi taxxabbli, l-ewwel waħda relatata mat-trasferiment tad-dejn dovut lil PNC u t-tieni waħda relatata mat-trasferiment tal-pożizzjoni proċedurali ta’ din il-kumpannija (15).

29.      Min-naħa tiegħi, inqis li t-tranżazzjoni kontenzjuża għandha natura kumplessa iżda unitarja u li tikkostitwixxi kunsinna ta’ proprjetà immobbli, b’tali mod li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni eventwali tar-regoli ta’ eżenzjoni li jirrigwardaw tali proprjetà (16), u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

30.      Fl-ewwel lok, ninnota li PNC tipprevalixxi ruħha prinċipalment mis-sentenza GFKL Financial Services (17), sabiex issostni li t-trasferimenti ta’ dejn li jimplikaw trasferiment definittiv tad-drittijiet kollha li jirriżultaw mid-dejn ikkonċernat, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, li jikkorrispondi għall-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, fis-sens li “operatur li jixtri, b’riskju għalih, dejn dubjuż bi prezz inqas mill-valur nominali tiegħu ma jipprovdix servizz bi ħlas […] meta d-differenza bejn il-valur nominali tal-imsemmi dejn u l-prezz ta’ xiri tiegħu tirrifletti l-valur ekonomiku effettiv tad-dejn inkwistjoni fil-mument tal-assenjazzjoni tiegħu”.

31.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif jagħmel il-Gvern Portugiż, li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma ferm differenti minn dawk li taw lok għall-imsemmija sentenza. Fil-fatt, minn naħa, f’din il-kawża hija kwistjoni mhux tal-akkwist ta’ dejn mill-persuna taxxabbli kkonċernata, jiġifieri PNC, iżda għall-kuntrarju ta’ trasferiment ta’ drittijiet ta’ natura oħra mwettaq minn din il-persuna taxxabbli (18). Min-naħa l-oħra, ma jistax jitqies li din il-kawża tirrigwarda dejn dubjuż u li t-tranżazzjoni twettqet b’riskju għax-xerrej, jiġifieri Starplant, peress li fil-mument tat-trasferiment, id-dejn dovut lil PNC kien diġà ġie rrikonoxxut minn deċiżjoni ġudizzjarja, kemm fil-prinċipju tiegħu kif ukoll fl-ammont tiegħu, u r-riskju ta’ nuqqasijiet tad-debitriċi kien ġie eskluż, bis-saħħa tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li kienet kważi waslet fit-tmiem tagħha (19). Finalment, jidhirli li f’dan il-każ, il-prezz tax-xiri ma huwiex inqas iżda iktar mill-valur nominali tad-dejn u tar-rikors għal eżekuzzjoni marbut miegħu, anki jekk il-formulazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju titfa’ dubju dwar dan (20).

32.      Fit-tieni lok, infakkar li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT ma tiddependix fuq il-volontà espressa mill-partijiet fit-tranżazzjoni kontenzjuża, u b’mod partikolari mill-isem li huma għażlu, iżda fuq kriterji oġġettivi speċifiċi għad-dritt tal-Unjoni, li jirrigwardaw b’mod partikolari t-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika u kummerċjali, li għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (21).

33.      F’dan il-każ, il-fatt li l-ftehim konkluż bejn PNC u Starplant kien imsejjaħ minnhom bħala “cessão de crédito”, espressjoni li tista’ tiġi tradotta għal “trasferiment ta’ dejn” (22), ma jistax ikun fattur determinanti. Għall-kuntrarju, iċ-ċirkustanzi li fihom twettqet it-tranżazzjoni kontenzjuża u r-realtà ekonomika li dawn jirriflettu jwassluni sabiex inqis li l-għan ewlieni ta’ din it-tranżazzjoni huwa kkostitwiet mit-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi relatati mal-proprjetà immobbli li kienet aġġudikata liċ-ċedent, jiġifieri PNC, bħala ħlas tad-dejn dovut lilha diġà rrikonoxxut minn sentenza li saret definittiva.

34.      Fil-fatt, minn naħa, kif tindika l-formulazzjoni tad-domanda preliminari, it-tranżazzjoni kontenzjuża tirrigwarda t-trasferiment ta’ pożizzjoni proċedurali, u mhux ta’ dejn. F’dan ir-rigward, nirrileva li fil-prattika d-dejn ġie saldat waqt l-aġġudikazzjoni favur PNC tal-proprjetà immobbli li tappartjeni lid-debitriċi tagħha u li t-trasferiment seħħ wara din l-aġġudikazzjoni, anki jekk id-deċiżjoni li ordnat dan kisbet biss l-awtorità ta’ res judicata l-għada tal-iffirmar tal-ftehim. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-ammont għoli tal-prezz li Starplant aċċettat li tħallas sabiex tikseb id-drittijiet marbuta ma’ din il-pożizzjoni proċedurali (EUR 351 619.90) (23), u, barra minn hekk, donnu flimkien mal-obbligu li tirrimborsa l-eċċess li PNC kellha tħallas lura lill-aġenzija ta’ eżekuzzjoni (EUR 417 937.12) (24), jiġifieri ammont ta’ total ta’ iktar minn EUR 769 000, jekk minix sejjer żball (25). Barra minn hekk, ninnota li PNC ħallset spontanjament il-VAT fuq id-dejn dovut lilha flimkien mal-interessi, li kien irrikonoxxut ġudizzjarjament, u li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax din il-parti (26).

35.      Min-naħa l-oħra, bħall-Gvern Portugiż, inqis li wara l-aġġudikazzjoni ġudizzjarja li minnha bbenefikat PNC, din tal-aħħar ittrasferit lil Starplant, bi ħlas, il-pożizzjoni proċedurali tagħha inkluż l-effetti kollha tagħha, kemm attivi kif ukoll passivi, marbuta magħha, b’tali mod li hija ttrasferiet numru ta’ drittijiet u obbligi interkonnessi, u dan b’mod unitarju u globali. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, it-tranżazzjoni kkostitwita minn entità unika mill-perspettiva ekonomika, fid-dawl tal-elementi karatteristiċi tagħha kif riflessi mill-għan tagħha u mill-interessi tad-destinatarji tagħha, ma għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT (27). Għalhekk, ma naqbilx mal-opinjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni kontenzjuża għandha tinqasam f’żewġ partijiet distinti, peress li nfakkar li, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, inqis li din it-tranżazzjoni ma tirrigwardax trasferiment ta’ dejn.

36.      Finalment, jidhirli li, fost id-diversi elementi li tinkludi t-tranżazzjoni kontenzjuża, l-element essenzjali li fil-fehma tiegħi wassal lil Starplant taċċetta t-termini tal-ftehim konkluż ma’ PNC u b’mod partikolari l-prezz imħallas, jinsab fil-fatt li din tal-aħħar ittrasferitilha s-setgħa li tittrasferixxi oġġett korporali, jiġifieri l-proprjetà immobbli li kienet aġġudikata lilha, daqs li kieku kienet il-proprjetarja tagħha, li jikkorrispondi eżattament għad-definizzjoni ta’ kunsinna ta’ oġġetti li tinsab fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 (28). Barra minn hekk, jidhirli li ma jistax jiġi injorat li, kif huwa indikat fid-domanda preliminari, it-trasferiment tal-pożizzjoni proċedurali ta’ PNC twettqet bi ħlas, skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva, peress li l-prezz riċevut minn PNC huwa l-korrispettiv effettiv tad-drittijiet fuq il-proprjetà immobbli ttrasferiti lil Starplant (29).

37.      Sussidjarjament, nosserva li anki jekk ma tiġix adottata l-klassifikazzjoni ta’ kunsinna ta’ oġġetti, xorta jibqa’ l-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, min-natura tagħha, tkun potenzjalment suġġetta għall-VAT. Fil-fatt, jekk ikun il-każ, hija għandha taqa’ taħt il-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/112, li jinkludi kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti. B’mod iktar preċiż, kif invokat mill-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni, it-tranżazzjoni kontenzjuża tista’ tikkostitwixxi provvista ta’ servizz li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ oġġett mhux korporali, fis-sens tal-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, f’dan il-każ lanqas ma jista’ jiġi injorat li t-trasferiment inkwistjoni twettaq bi ħlas, skont l-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din l-istess direttiva, peress li dan seħħ inkambju għal remunerazzjoni (30).

38.      Għaldaqstant, inqis li ħlief f’każ ta’ żball magħmul fl-analiżi tal-fatti kif premessi – li għandu jiġi evalwat mill-qrati nazzjonali – tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala kunsinna ta’ oġġett bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, u fi kwalunkwe każ, titqies bħala potenzjalment suġġetta għall-VAT skont l-imsemmi Artikolu 2.

2.      Fuq l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli kkonċernata

39.      Barra minn hekk, PNC tippretendi, essenzjalment, li f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, ma jistax jitqies li ċ-ċedent aġixxa fil-kuntest tal-“attività ekonomika” tiegħu fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112. Hija targumenta li l-intervent fit-tranżazzjoni tat-trasferiment inkwistjoni kien biss ta’ darba, peress li normalment hija ma teżerċitax attività relatata ma’ tranżazzjonijiet ta’ dejn, iżda attività ta’ provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija immobiljarja. Kemm il-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni jirrifjutaw dan l-argument. Jiena naqbel ma’ din l-aħħar opinjoni.

40.      F’dan ir-rigward, inqis li irrispettivament mill-klassifikazzjoni li ser tingħata lit-tranżazzjoni kontenzjuża, PNC kellha l-kwalità ta’ “persuna taxxabbli” li għandha tħallas il-VAT u li taġixxi “bħala tali”, kif teħtieġ id-Direttiva 2006/112 (31), peress li l-persuna kkonċernata wettqet din it-tranżazzjoni fil-kuntest tal-attività taxxabbli tagħha (32).

41.      Fil-fatt, kif il-Kummissjoni indikat waqt is-seduta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li persuna diġà suġġetta għall-VAT, fir-rigward tal-attivitajiet tas-soltu tagħha, għandha titqies bħala persuna taxxabbli għal kull attività ekonomika oħra eżerċitata b’mod okkażjonali, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar tikkostitwixxi attività fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 (33). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa irrilevanti li PNC wettqet it-tranżazzjoni kontenzjuża b’mod eċċezzjonali biss, sakemm din tkun marbuta mill-qrib mal-attività ekonomika li l-persuna taxxabbli teżerċita prinċipalment.

42.      Issa, bħall-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni, inqis li t-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ effettivament f’estensjoni diretta tal-attività ta’ PNC li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija immobiljarja, peress li dan it-trasferiment għandu l-għan li jissostitwixxi pożizzjoni fi proċedura intiża għall-irkupru ta’ dejn li tnissel minn kuntratt konkluż fil-kuntest tal-attività ekonomika taxxabbli tagħha (34). Għalhekk, it-tranżazzjoni kkonċernata taqa’, fil-fehma tiegħi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT (35).

43.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi ta’ interpretazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u mingħajr ħsara għall-verifika tal-elementi konkreti tal-kawża prinċipali li l-qorti tar-rinviju għandha tikklassifika t-tranżazzjoni inkwistjoni sabiex tikkonferma l-issuġġettar potenzjali tagħha għall-VAT, qabel ma tiddetermina s-sistema ta’ eżenzjoni eventwalment applikabbli għal din it-tranżazzjoni.

44.      Fid-dawl tal-klassifikazzjoni li jidhirli li hija l-iktar xierqa, li l-qorti tar-rinviju adottat għat-tranżazzjoni kkonċernata, jiġifieri dik ta’ kunsinna ta’ proprjetà immobbli, jidhirli li l-probabbiltà li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135(1)(b) u (d) tad-Direttiva 2006/112 jistgħu japplikaw f’dan il-każ hija żgħira. Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, ser nippreżenta xi osservazzjonijiet f’dan ir-rigward, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula u sabiex jiġi kopert il-każ fejn il-klassifikazzjoni hawn proposta tiġi eskluża sabiex tingħata klassifikazzjoni bħala provvista ta’ servizz, li jidhirli hija l-premessa sostnuta mill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel id-domanda preliminari tagħha.

B.      Fuq l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135(1)(b) u (d) tad-Direttiva 2006/112

45.      Qabel ma nipproċedi bl-interpretazzjoni kemm tal-punt (b) kif ukoll tal-punt (d) tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 (subtaqsima 3 u subtaqsima 4 rispettivament), ser nindika qabel kollox ir-raġunijiet li għalihom inqis neċessarju li jiġu eżaminati dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (subtaqsima 1), imbagħad ser infakkar it-tagħlimiet prinċipali diġà pprovduti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward (subtaqsima 2).

1.      Fuq l-estensjoni neċessarja tal-portata tar-risposta li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja

46.      Fuq pjan formali, jista’ jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ssemmi biss l-eżenzjoni mill-VAT prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, li jipprovdi eżenzjoni mill-VAT ta’ tranżazzjonijiet ta’ “għoti”, ta’ “negozjar” jew ta’ “immaniġġjar” ta’ “krediti”. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-formulazzjoni ta’ din id-domanda hija riflessjoni pura tal-bażi legali invokata minn PNC fl-appell tagħha (36). Madankollu, tali ċirkustanzi ma jostakolawx li f’din il-kawża jiġu interpretati dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva.

47.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom din il-qorti ma tkunx għamlet riferiment fid-domanda tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi, mill-elementi kollha prodotti mill-qrati nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (37).

48.      F’dan il-każ, fid-dawl tal-oriġini tal-kawża prinċipali, li huwa marbut ma’ rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ dejn, jiena tal-opinjoni, bħall-Kummissjoni (38), li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta mhux biss il-punt (b) tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, li huwa msemmi fid-domanda preliminari, iżda wkoll il-punt (d) ta’ dan l-istess paragrafu 1, peress li nfakkar li dan l-aħħar punt jipprovdi eżenzjoni mill-VAT ta’ tranżazzjonijiet relatati mad-“djun”.

49.      F’dan is-sens, il-Kummissjoni tirrileva, fil-fehma tiegħi ġustament, li l-perspettiva tal-qorti tar-rinviju li l-punt (b) ta’ dan l-Artikolu 135(1) huwa d-dispożizzjoni potenzjalment applikabbli f’dan il-każ, tista’ tiġi spjegata mill-formulazzjoni tal-imsemmi paragrafu 1 fil-verżjoni Portugiża (39). Fil-fatt, filwaqt li l-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jiddistingwu b’mod ċar il-“krediti”, imsemmija fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, u d-“djun” imsemmija fil-punt (d), il-verżjoni Portugiża tuża l-kelma “créditos” kemm fil-punt (b) kif ukoll fil-punt (d), li jista’ jkun li ħoloq ċerta konfużjoni fir-rigward tal-bażi legali li tista’ tkun rilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali (40).

50.      Għalhekk, anki jekk il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda preliminari tagħha għall-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, fil-fehma tiegħi, huwa rilevanti li jiġi interpretat ukoll il-punt (d) ta’ dan il-paragrafu 1, sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tkun koperta minn waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, u dan fid-dawl tat-tagħlimiet ipprovduti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja eżistenti f’dan ir-rigward.

51.      Ninnota li fil-każ li t-tranżazzjoni inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala kunsinna ta’ proprjetà immobbli, kif nipproponi jien, ikun possibbli li wieħed jistaqsi jekk il-punti (j) u (k) tal-imsemmi Artikolu 135(1), li jirrigwardaw il-provvisti “ta’ bini […] u ta’ l-art li fuqha hija tinsab” u “ta’ art li ma nbnietx” rispettivament (41), jistgħux japplikaw f’dan il-każ, b’tali mod li din it-tranżazzjoni tiġi eżentata mill-VAT, kif ikun ġeneralment il-każ f’dan il-qasam (42). Barra minn hekk, PNC semmiet dawn id-dispożizzjonijiet kemm fl-appell tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, fid-dawl tas-sustanza tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u tal-indikazzjonijiet limitati li jinsabu fid-deċiżjoni tagħha fir-rigward tat-tip ta’ proprjetà immobbli kkonċernata mit-trasferiment kontenzjuż, ma hinix ser nidħol fl-interpretazzjoni ta’ dawn il-punti (j) u (k) (43).

2.      Fuq l-acquis ġurisprudenzjali fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(b) u (d) tad-Direttiva 2006/112

52.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam jirriżulta li fl-interpretazzjoni tal-punti (b) u (d) tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ regoli komuni għal dawn id-dispożizzjonijiet (44).

53.      L-ewwel nett, huwa stabbilit li l-eżenzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 135(1) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor u li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi, fid-dawl tal-kuntest ġenerali u tal-għanijiet tas-sistema komuni tal-VAT (45). Minn dan jirriżulta li tranżazzjoni tista’ tkun is-suġġett tal-imsemmija eżenzjonijiet irrispettivament mill-klassifikazzjoni li din it-tranżazzjoni għandha fid-dawl tad-dritt ta’ Stat Membru u jkun x’ikun l-isem li l-partijiet jagħtu lil din it-tranżazzjoni.

54.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 135(1) għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, peress li dawn jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jipprevedi li l-VAT tinġabar fuq kull kunsinna ta’ oġġetti u kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni tagħhom ma tistax tkun restrettiva sal-punt li ċċaħħad il-fatturi ta’ eżenzjoni kkonċernati mill-effett utli tagħhom (46).

55.      It-tielet nett, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tat-tranżazzjonijiet eżenti skont il-punti (b) sa (g) tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn huma ddefiniti skont in-natura tal-provvista ta’ servizzi pprovduti u mhux skont il-fornitur jew id-destinatarju tas-servizz. Fi kliem ieħor, l-eżenzjoni ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li t-tranżazzjoni inkwistjoni titwettaq minn ċertu tip ta’ stabbiliment jew persuna ġuridika, iżda għall-kundizzjoni li din it-tranżazzjoni tikkostitwixxi, min-natura tagħha stess, tranżazzjoni finanzjarja (47). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-iskop tal-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet previsti fil-punti (b) sa (g) kien, b’mod partikolari, li jtaffu d-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-bażi ta’ taxxa u tal-ammont tal-VAT li jista’ jitnaqqas (48).

56.      Wara li fakkart dawn ir-regoli ta’ interpretazzjoni prinċipali li fil-fehma tiegħi huma rilevanti f’din il-kawża, dawn għandhom issa jiġu implimentati, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjoni ta’ trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tkun koperta mid-dispożizzjonijiet tal-punt (b) jew tal-punt (d) tal-imsemmi Artikolu 135(1).

3.      Fuq l-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva 2006/112

57.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar jekk tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċetti ta’ “għoti”, ta’ “negozjar” jew ta’ “immaniġġjar” ta’ “krediti” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.

58.      Qabelxejn, nippreċiża li fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq li tipprovdi li l-kunċetti hemm imsemmija u l-eżenzjonijiet li jirriżultaw minnhom għandhom ikunu s-suġġett ta’ perċezzjoni awtonoma (49), l-argumenti ta’ PNC ibbażati fuq il-kontenut tad-dritt ċivili Portugiż u tal-għażla tal-partijiet li jikklassifikaw it-tranżazzjoni kontenzjuża bħala “cessão de crédito” (50), huma fil-fehma tiegħi, irrilevanti.

59.      Barra minn hekk, nenfasizza li l-qorti tar-rinviju stess tinnota li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (51) jirriżulta li l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 135(1)(b) tapplika “tkun xi tkun in-natura tal-fornitur jew tad-destinatarju, peress li [l-imsemmija] eżenzjoni hija ddefinita skont in-natura tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, u mhux skont in-natura tal-intervenjenti” (52). Minn dan hija ġustament tiddeduċi li l-eżenzjoni kkonċernata tista’ tapplika għat-tranżazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni anki meta dawn tal-aħħar jitwettqu minn entitajiet oħra minbarra l-istituzzjonijiet finanzjarji (53).

60.      Min-naħa l-oħra, din il-qorti tesprimi dubji rigward l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-punt (b), minħabba n-natura speċifika tat-tranżazzjoni kontenzjuża. Hija tindika li din hija “trasferiment, bi ħlas, ta’ pożizzjoni proċedurali f’rikors intiż għall-irkupru ta’ dejn irrikonoxxut minn deċiżjoni ġudizzjarja” (54). Issa, fil-fehma tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja sallum iddeċidiet biss fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet marbuta mal-“għoti ta’ krediti/finanzjamenti/self fis-sens tradizzjonali (jiġifieri marbuta ma’ interessi, self jew finanzjament)”.

61.      Fil-fatt, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma kellha każ bħal dak tal-kawża prinċipali, madankollu hija ddeċidiet diversi drabi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 għal tranżazzjonijiet ta’ “għoti” ta’ “kreditu” fis-sens klassiku ta’ dan it-terminu, jiġifieri li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ somma ta’ flus taħt forma ta’ self, rimborsabbli f’data partikolari u eventwalment flimkien mal-interessi (55). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà inkludiet f’dan il-kunċett konfigurazzjoni iktar atipika, billi aċċettat li l-ħlas iddifferit tal-prezz tax-xiri ta’ oġġett aċċettat minn fornitur, bi ħlas ta’ interessi, jista’ jitqies bħala għoti ta’ kreditu, sakemm il-ħlas ta’ interessi ma jikkostitwixxix element tal-korrispettiv miksub għall-kunsinna ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi, iżda r-remunerazzjoni ta’ dan il-kreditu (56). F’dan il-każ, bħall-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni, inqis li t-trasferiment imwettaq mill-persuna taxxabbli kkonċernata, jiġifieri minn PNC, ma għandux l-għan, milli jidher, la li jagħti kreditu fis-sens tradizzjonali tat-terminu u lanqas tali ħlas iddiferit għax-xiri ta’ oġġett.

62.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “negozjarta’ krediti fis-sens tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ikopri l-attività ta’ persuna intermedjarja li, inkambju għal remunerazzjoni, tipprovdi servizz ta’ medjazzjoni, li tagħmel dak li huwa neċessarju sabiex żewġ partijiet jikkonkludu kuntratt dwar prodott finanzjarju, mingħajr ma n-negozjatur ikun huwa stess parti fil-kuntratt, u lanqas ikollu interess proprju fir-rigward tal-kontenut tiegħu (57). Jiena naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Portugiż li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda trasferiment imwettaq direttament mill-persuna taxxabbli kkonċernata favur il-parti kontraenti tagħha, ma tikkorrispondi xejn għal dan il-kunċett.

63.      Finalment, fir-rigward tal-kunċett ta’ “immaniġġjarta’ krediti fis-sens tal-imsemmi punt (b), nirrileva li dan tal-aħħar jindika espressament li, sabiex tkun eżenti, tali attività għandha tkun eżerċitata mill-persuna li tagħti l-krediti. Il-Gvern Portugiż jargumenta, fil-fehma tiegħi ġustament, li dan il-kunċett donnu jirreferi għal attività li tinkludi l-eżekuzzjoni ta’ kompiti bħall-analiżi, is-sorveljanza jew il-massimizzazzjoni ta’ krediti miżmuma mill-klijent ta’ din il-persuna taxxabbli (58), li bl-ebda mod ma huwa l-każ fl-attività inkwistjoni f’dan il-każ.

64.      Għalhekk, jiena tal-opinjoni li tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix b’mod ċar waħda mit-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati mal-“krediti” li jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-VAT, li huma previsti fl-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.

4.      Fuq l-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva 2006/112

65.      Fid-dawl tal-għan tal-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk it-tranżazzjoni li wasslet għal din il-kawża tistax taqa’ taħt il-każijiet ta’ eżenzjoni mill-VAT previsti fl-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva 2006/112, peress li jikkostitwixxu tranżazzjoni li tirrigwarda “djun” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr madankollu ma tikkorrispondi għal “irkupru ta’ djun”, li hija espressament eskluża mill-eżenzjoni skont l-imsemmi punt (d) in fine.

66.      F’dan ir-rigward, ninnota li billi segwiet ir-regoli ta’ interpretazzjoni fuq imsemmija (59), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni tistax tiġi eżentata mill-VAT skont il-punt (d) ta’ dan l-Artikolu 135(1), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari li fihom tkun seħħet it-tranżazzjoni, u mhux il-persuni kkonċernati, kif ukoll għandu jiġi vverifikat jekk hija tissodisfax il-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ wieħed mis-servizzi finanzjarji previsti f’dan il-punt (d) (60). Min-naħa l-oħra, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ “djun” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

67.      Nenfasizza li, minkejja li t-test li ttraspona l-punt (d) tal-imsemmi paragrafu 1 fid-dritt Portugiż ma jużax it-terminu eżattament ekwivalenti għall-kelma “djun” (61) użata wara l-kelma “trasferimenti” f’din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dan fih innifsu ma jostakolax l-applikazzjoni ta’ dan il-punt (d) f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, peress li l-kunċetti hemm inklużi għandhom jiġu pperċepiti b’mod awtonomu (62) u li jeżisti obbligu li t-test nazzjonali kkonċernat jiġi interpretat b’konformità mad-dritt tal-Unjoni (63).

68.      Madankollu, anki fil-każ li, għall-kuntrarju ta’ dak li jiena qiegħed nipproponi, it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kklassifikata, fir-rigward tal-issuġġettar għall-VAT, bħala provvista ta’ servizz li jirrigwarda t-trasferiment ta’ dritt mhux korporali, din tal-aħħar kellha l-għan mhux li tagħti dritt li wieħed jirċievi ħlas ta’ dejn (64), iżda drittijiet fuq proprjetà immobbli (65). Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, ma jistax jitqies li t-tranżazzjoni kkonċernata tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ servizz finanzjarju tan-natura ta’ “transazzjonijet […] li jikkonċernaw […] debiti [djun]” fis-sens tal-imsemmi punt (d).

69.      Sussidjarjament, fir-rigward tal-eċċezzjoni marbuta mal-“irkupru ta’ djun” prevista fil-punt (d) in fine tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li peress li hija għandha n-natura ta’ eċċezzjoni għal regola li tidderoga mill-applikazzjoni ġenerali tal-VAT, dan il-kunċett għandu jingħata portata wiesgħa. Għalhekk, meta l-persuna taxxabbli tipprovdi bi ħlas servizz li għandu l-għan li jikseb il-ħlas ta’ djun dovuti lill-klijent tagħha, billi teħilsu mill-kompiti u mir-riskji li huma marbuta man-nuqqas ta’ ħlas mid-debitur, din il-persuna taxxabbli ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni (66).

70.      F’dan il-każ, anki jekk jiġi preżunt li t-tranżazzjoni kontenzjuża tista’ tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ servizz, fi kwalunkwe każ, it-trasferiment imwettaq mill-persuna taxxabbli kkonċernata, jiġifieri PNC, bl-ebda mod ma jista’ jiġi analizzat bħala servizz bi ħlas intiż sabiex jirkupra dejn dovut lill-parti l-oħra fil-kuntratt, Starplant (67), b’tali mod li dan it-trasferiment ikun kopert mill-eċċezzjoni stabbilita fl-imsemmi punt (d) in fine.

71.      Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ebda wieħed minnhom ma japplika għal tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

V.      Konklużjoni

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall):

L-Artikolu 135(1)(b) u (d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-valur miżjud previsti fil-punti (b) u (d), għat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw rispettivament, l-għoti u n-negozjar ta’ krediti jew l-immaniġġjar tagħhom kif ukoll id-djun, ma japplikawx għal tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna taxxabbli tittrasferixxi lil terz, għal korrispettiv imħallas minn din tal-aħħar, il-pożizzjoni tagħha fi proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, li hija intiża sabiex tikseb l-irkupru ta’ dejn li huwa rrikonoxxut minn deċiżjoni ġudizzjarja u li l-ħlas tiegħu huwa ggarantit minn dritt fuq proprjetà immobbli maqbuda li ġiet aġġudikata lilha.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).


3      Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).


4      Infakkar li l-imsemmi Artikolu 135(1)(b) sa (g) jirriproduċi, f’termini essenzjalment identiċi, l-eżenzjonijiet li preċedentement kienu previsti rispettivament fil-punti 1 sa 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva (ara wkoll, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS, C-5/17, EU:C:2018:592, punt 4).


5      Fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-524/10, EU:C:2012:129, punt 14).


6      Dejn ikkalkolat kif ġej: EUR 125 000 (kummissjoni tal-aġenzija) + EUR 26 250 (VAT fuq din il-kummissjoni) + EUR 19 609.62 (interessi moratorji).


7      Skont il-fajl nazzjonali, jidher li din is-somma tikkorrispondi għal 70 % tal-prezz tal-bejgħ tal-immobbli inkwistjoni, kif stabbilit mill-espert ġudizzjarju abbażi ta’ stima ta’ proprjetà immobbli mwettqa minn entità indipendenti għal dan il-għan.


8      Skont dan il-ftehim, abbozzat mir-reġistratur tal-qorti adita mill-kawża għall-finijiet ta’ irkupru forzat, PNC intrabtet li twettaq u/jew tiffirma individwalment jew b’mod konġunt ma’ Starplant dak meħtieġ għas-sostituzzjoni proċedurali immedjata.


9      Bilanċ ikkalkolat kif ġej: EUR 351 619.90 (prezz imħallas minn Starplant) – EUR 125 000 (kummissjoni tal-aġenzija) – EUR 26 250 (VAT fuq din il-kummissjoni).


10      VAT ikkalkolata kif ġej: EUR 351 619.90 (prezz imħallas minn Starplant) x 21 %.


11      Nenfasizza li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss it-tassazzjoni tat-trasferiment imwettaq fid-29 ta’ Settembru 2010, u mhux it-tassazzjoni tal-kummissjoni miġbura minn PNC fir-rigward tas-servizz ta’ aġent immobiljarju li hija pprovdiet lill-klijenta tagħha.


12      PNC tirreferi għas-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1989, Stichting Uitvoering Financiële Acties (348/87, EU:C:1989:246); tas-27 ta’ Ottubru 1993, Muys’ en De Winter’s Bouw- en Aannemingsbedrijf (C-281/91, EU:C:1993:855), kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig (C-453/05, EU:C:2007:369).


13      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-fakultà li tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-indikazzjonijiet neċessarji kollha li hija tqies neċessarji sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, iżda huma biss dawn il-qrati li għandhom jivverifikaw li l-kundizzjonijiet fattwali li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni huma ssodisfatti fil-kawża pendenti quddiemhom u jnisslu l-konklużjonijiet minnhom għall-finijiet tad-deċiżjoni li huma mitluba jagħtu (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C-146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punti 78 sa 80, kif ukoll tas-7 ta’ Awwissu 2018, Prenninger et, C-329/17, EU:C:2018:640, punt 27).


14      Ara wkoll il-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni kienet qieset li t-tranżazzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi trasferiment ta’ dejn bi ħlas li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, iżda hija bidlet il-pożizzjoni tagħha wara li saret taf bil-fatti li rriżultaw waqt id-dibattiti li seħħew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


16      Fuq l-eżenzjonijiet li jirrigwardaw il-proprjetà immobbli, ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011 (C-93/10, EU:C:2011:700).


18      Infakkar li PNC biegħet il-pożizzjoni tagħha fi proċedura intiża għall-irkupru forzat tad-dejn dovut lilha. Ser nindirizza l-klassifikazzjoni ta’ dan it-trasferiment iktar ’il quddiem (ara l-punti 33 et seq).


19      Skont l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-trasferiment seħħ preċiżament il-ġurnata ta’ qabel dik li fiha s-sentenza li aġġudikat il-proprjetà immobbli, maqbud favur PNC, saret definittiva. Għalhekk, il-probabbiltà li d-debitriċi tappella minn din is-sentenza wisq probabbli kienet tidher żgħira, b’tali mod li l-partijiet fil-ftehim ta’ trasferiment setgħu jippjanaw it-termini tal-ftehim tagħhom abbażi tal-preżunzjoni li ma kienx hemm appell.


20      Skont din id-deċiżjoni, “iċ-ċedent [kien] irċieva mingħand iċ-ċessjonarju, bħala korrispettiv għat-trasferiment, ammont inqas minn dak li huwa s-suġġett tar-rikors”. Jekk din il-formola tal-aħħar għandha tinftiehem fis-sens li t-trasferiment twettaq għal prezz inqas mill-valur tad-dejn li huwa s-suġġett tar-rikors għal eżekuzzjoni forzata, jidhirli li din id-dikjarazzjoni hija żbaljata, fid-dawl tal-fatti fuq imsemmija (ara l-punti 15 u 17), li minnhom donnu jirriżulta li l-valur tad-drittijiet u tal-obbligi fuq il-proprjetà immobbli li ġew ittrasferiti minn PNC huwa ikbar mill-prezz imħallas minn Starplant.


21      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2012, J.J. Komen en Zonen Beheer Heerhugowaard (C-326/11, EU:C:2012:461 punt 33); tat-22 ta’ Frar 2018, T-2 (C-396/16, EU:C:2018:109, punt 43); tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C-295/17, EU:C:2018:942, punt 43), kif ukoll tal-10 ta’ Jannar 2019, A (C-410/17, EU:C:2019:12, punt 47).


22      Fuq il-problemi lingwistiċi marbuta mal-użu tat-terminu “dejn”, ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Filwaqt li fl-iskema klassika ta’ trasferiment ta’ dejn, iċ-ċedent jikseb ġeneralment prezz inqas għall-valur tad-dejn tiegħu, għaliex iċ-ċessjonarju jassumi r-riskju inerenti għalih (ara wkoll il-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


24      Waqt is-seduta, PNC indikat li Starplant kienet ser tassumi l-ħlas ta’ dan l-aħħar ammont, skont il-ftehim tagħhom, peress li hija ma kellhiex il-fondi neċessarji għal dan.


25      L-oneru aċċettat minn Starplant huwa, fil-fehma tiegħi, riflessjoni tal-valur reali tal-proprjetà immobbli li kienet aġġudikata favur PNC (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li tindika l-possibbiltà ta’ bejgħ mill-ġdid bi prezz vantaġġjuż.


26      Ara l-punti 18 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et (C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09, EU:C:2011:135, punti 53 et seq); tat-18 ta’ Ottubru 2018, Volkswagen Financial Services (UK) (C-153/17, EU:C:2018:845, punti 30 et seq), kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2019, Sequeira Mesquita (C-278/18, EU:C:2019:160, punti 30 et seq).


28      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti” previst minn din id-dispożizzjoni ma jirreferix għat-trasferiment ta’ proprjetà mwettaq fil-forom previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda tinkludi kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett korporali minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra tiddisponi minnu bħallikieku kienet il-proprjetarja ta’ dan l-oġġett (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, EU:C:1990:61, punti 7 sa 9; tat-3 ta’ Settembru 2015, Fast Bunkering Klaipėda, C-526/13, EU:C:2015:536, punt 51, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2018, AREX CZ, C-414/17, EU:C:2018:1027, punt 75).


29      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kunsinna ta’ oġġetti titwettaq “bi ħlas” fis-sens tal-imsemmi punt (a), meta teżisti rabta diretta bejn l-oġġett ikkunsinnat u l-korrispettiv riċevut, fejn il-prezz riċevut mill-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-oġġett ipprovdut mix-xerrej (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2013, Dixons Retail, C-494/12, EU:C:2013:758, pun 32; tal-11 ta’ Mejju 2017, Posnania Investment, C-36/16, EU:C:2017:361, punt 31, kif ukoll tat-13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław, C-665/16, EU:C:2018:431, punt 43).


30      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li provvista ta’ servizz titwettaq “bi ħlas” fis-sens tal-imsemmi punt (ċ) meta teżisti rabta bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv riċevut, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-prestatarju tkun il-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 32, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2018, Marcandi, C-544/16, EU:C:2018:540, punti 36 u 37).


31      B’mod partikolari, l-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu9(1) tagħha.


32      Pereżempju, għall-kuntrarju, b’mod partikolari għall-każ fejn persuna taxxabbli twettaq tranżazzjoni fi kwalità privata (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1995, Armbrecht, C-291/92, EU:C:1995:304, punti 16 et seq, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2015, Trgovina Prizma, C-331/14, EU:C:2015:456, punti 18 et seq).


33      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Kostov (C-62/12, EU:C:2013:391, punti 27 et seq), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Posnania Investment (C-36/16, EU:C:2017:134, punti 33 et seq), fejn ġustament ġie enfasizzat li, fil-każ konkret li ta’ lok għall-imsemmija sentenza, kienet teżisti rabta mill-qrib bejn l-attività sekondarja tal-persuna kkonċernata u l-attività prinċipali tagħha suġġetta għall-VAT.


34      Il-Gvern Portugiż argumenta, b’mod iktar preċiż, li r-rabta diretta ma’ din l-attività għandha titqies miksuba “għaliex fil-ġenesi ta’ kawżi għal dikjarazzjoni u għall-eżekuzzjoni, kuntratt jiġi kkonsmat fil-kuntest tal-attività ekonomika ta’ [PNC], jew għaliex hija [PNC] li bbenefikat minn drittijiet u li kellha obbligi imposti ġudizzjarjament fil-kuntest tal-azzjoni għall-eżekuzzjoni, jew għaliex hija [PNC] li f’isimha u għan-nom tagħha stess, ikkonkludiet il-kuntratt li ta’ lok għat-trasferiment bi ħlas lil terza persuna tal-faxxa ta’ drittijiet u obbligi iċċitati iktar ’il fuq”.


35      Ara b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et (C-354/03, C-355/03 u C-484/03, EU:C:2006:16, punti 42 et seq), kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2018, C&D Foods Acquisition (C-502/17, EU:C:2018:888, punti 35 et seq).


36      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2015, Impresa Edilux u SICEF (C-425/14, EU:C:2015:721, punt 20), kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2018, AREX CZ (C-414/17, EU:C:2018:1027, punti 34 u 35).


38      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, PNC u l-Gvern Portugiż irrispondew għad-domanda preliminari mill-perspettiva tal-punt (b) tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 biss. Madankollu, waqt is-seduta huma kienu mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja, jieħdu pożizzjoni dwar l-opinjoni tal-Kummissjoni li tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ pjuttost taħt l-eżenzjoni tal-punt (d) tal-imsemmi paragrafu 1.


39      F’dan ir-rigward, infakkar li, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tagħha ma tistax tingħata prijorità fil-konfront tal-oħrajn u li f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li minnha tkun tagħmel parti din id-dispożizzjoni (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2015, Hedqvist, C-264/14, EU:C:2015:718, punt 47, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2018, Tänzer & Trasper, C-462/17, EU:C:2018:866, punt 20).


40      Il-Kummissjoni tesponi li, fil-verżjoni Portugiża tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, il-kelma “créditos” (bil-Franċiż “crédits”) hija użata fil-punti (b) u (ċ), filwaqt li l-kliema “créditos” u “dívidas” (bil-Franċiż “créances”) jinsabu flimkien fil-punt (d), li jista’ jagħti l-impressjoni lid-destinatarji ta’ din il-verżjoni li ż-żewġ termini huma ekwivalenti għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (bl-eċċezzjoni tal-verżjoni Taljana u dik Spanjola), it-terminu korrispondenti għall-kelma “créditos” jintuża fil-punti (b) u (ċ), filwaqt li huwa biss t-terminu korrispondenti għall-kelma “dívidas” li jintuża fil-punt (d).


41      Nippreċiża li l-imsemmija punti (j) u (k) jirriżervaw espressament il-każijiet partikolari previsti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva, jiġifieri “il–provvista, qabel l-ewwel okkupazzjoni, ta’ bini jew parti minn bini u ta’ l-art li fuqha jinstab il-bini” u “il-provvista ta’ art għall-bini” rispettivament.


42      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Blasi (C-346/95, EU:C:1997:432, punt 15), l-Avukat Ġenerali Jacobs enfasizza li “[s]kont is-[Sitt] Direttiva, il-kunsinna u l-kera ta’ proprjetajiet immobbli huma bħala prinċipju eżenti mill-VAT[, skont l-Artikolu13B(b), (g) u (h) tagħha, li jikkorrispondu għall-Artikolu 135(1)(j), (k) u (l) tad-Direttiva 2006/112]. Dawn l-eżenzjonijiet jirriflettu d-diffikultajiet partikolari li jeżistu għall-applikazzjoni tal-VAT għal tali proprjetajiet. Għall-kuntrarju ta’ beni ordinarji, l-art ma hijiex riżultat ta’ proċess ta’ produzzjoni; barra minn hekk, ladarba mibni, il-bini jista’ jibdel il-proprjetarju tiegħu diversi drabi matul il-ħajja tiegħu, ħafna drabi mingħajr ma jkun l-oġġett ta’ attività ekonomika addizzjonali”.


43      Dispożizzjonijiet li huma s-suġġett, b’mod partikolari, tas-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2013, Woningstichting Maasdriel (C-543/11, EU:C:2013:20, punti 22 sa 36), u tat-13 ta’ Ġunju 2018, Polfarmex (C-421/17, EU:C:2018:432 , punt 43), kif ukoll tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża KPC Herning (C-71/18, EU:C:2019:226, punti 23 et seq).


44      Nippreċiża li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva li għandhom kontenut ekwivalenti, jiġifieri l-Artikolu 13B(d)(1) sa (6) ta’ din id-direttiva, hija rilevanti sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 135(1)(b) sa (g) tad-Direttiva 2006/112 (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 2016, Bookit, C-607/14, EU:C:2016:355, punt 32, kif ukoll tas-26 ta’ Mejju 2016, National Exhibition Centre, C-130/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:357, punt 27).


45      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig (C-453/05, EU:C:2007:369, punt 22); tas-26 ta’ Mejju 2016, Bookit (C-607/14, EU:C:2016:355, punt 33); tas-16 ta’ Novembru 2017, Kozuba Premium Selection (C-308/16, EU:C:2017:869, punti 38 et seq.), kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 28).


46      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2010, Axa UK (C-175/09, EU:C:2010:646, punt 25); tas-16 ta’ Novembru 2017, Kozuba Premium Selection (C-308/16, EU:C:2017:869, punti 39 u 45); tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 29), kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2018, Mailat (C-17/18, EU:C:2018:1038, punt 37).


47      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien (C-455/05, EU:C:2007:232, punti 21 et seq); tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C-242/08, EU:C:2009:647, punti 44 et seq); tat-28 ta’ Ottubru 2010, Axa UK (C-175/09, EU:C:2010:646, punti 26 et seq); tat-22 ta’ Ottubru 2015, Hedqvist (C-264/14, EU:C:2015:718, punti 37 et seq); tas-26 ta’ Mejju 2016, Bookit (C-607/14, EU:C:2016:355, punti 36 u 54), kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punti 31 u 45).


48      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien (C-455/05, EU:C:2007:232, punt 24); tas-26 ta’ Mejju 2016, Bookit (C-607/14, EU:C:2016:355, punt 55), kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 46).


49      Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Dwar in-nuqqas ta’ effett ta’ dan l-isem anki fir-rigward tal-issuġġettar tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-VAT, ara il-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig (C-453/05, EU:C:2007:369, punt 25).


52      Ara, ukoll, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Għall-kuntrarju ta’ dak li donnha tindika s-sentenza appellata quddiem l-imsemmija qorti u skont l-opinjoni tal-prosekutur ġenerali tagħha, li tissemma fid-deċiżjoni tar-rinviju.


54      Kreditu “li jirriżulta minn nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ aġenzija immobiljarja” li miegħu tiżdied “il-VAT bir-rata fis-seħħ fid-data tal-pagament [kif ukoll] l-interessi moratorji dovuti jew li jistgħu jsiru dovuti sa ma jsir il-ħlas komplet”.


55      Ara, bħala eżempju, id-diversi tipi ta’ self li taw lok għas-sentenza tad-29 ta’ April 2004, EDM (C-77/01, EU:C:2004:243); id-digriet tas-7 ta’ Lulju 2010, Curia (C-381/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:406), kif ukoll is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Stock ‘94 (C-208/15, EU:C:2016:936).


56      Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1993, Muys’ en De Winter’s Bouw- en Aannemingsbedrijf (C-281/91, EU:C:1993:855, punti 12 et seq.), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minkejja li l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta, xorta jibqa’ l-fatt li fin-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-identità tal-persuna li ssellef u ta’ dik li tissellef, l-espressjoni “għoti u negozjar ta’ krediti” hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi kreditu minn fornitur ta’ oġġetti taħt il-forma ta’ sospensjoni ta’ pagament, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2018, Volkswagen Financial Services (UK) (C-153/17, EU:C:2018:845, punt 36).


57      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig (C-453/05, EU:C:2007:369, punti 23 u 28); tal-5 ta’ Lulju 2012, DTZ Zadelhoff (C-259/11, EU:C:2012:423, punt 27), kif ukoll id-digriet tal-21 ta’ Novembru 2017, Kerr (C-615/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:906, punti 42 u 43).


58      Dan il-Gvern jirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:484, punti 23 u 24), li tirrigwarda l-immaniġġjar ta’ assi permezz ta’ titoli (immaniġġjar ta’ portafoll).


59      Ara l-punt 53 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C-242/08, EU:C:2009:647, punti 45 et seq); tat-22 ta’ Ottubru 2015, Hedqvist (C-264/14, EU:C:2015:718, punti 38 et seq); tas-26 ta’ Mejju 2016, National Exhibition Centre (C-130/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:357, punti 34 et seq), kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 36).


61      Nippreċiża li l-Artikolu 9(27)(c) tal-Kodiċi tal-VAT huwa fformulat kif ġej: “as operações [...] relativas a [...] transferências, recebimentos [...]” u li l-verżjoni Portugiża tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva 2006/112 hija fformulata kif ġej: “[a]s operações [...] relativas a [...] transferências, créditos [...]” (enfasi miżjuda minni, liema kliem jista’ jiġi tradott bħala “ħlasijiet riċevuti” għall-ewwel waħda u bħala “krediti” għat-tieni waħda).


62      Skont il-ġurisprudenza invokat fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Waqt is-seduta, il-Gvern Portugiż qies li l-leġiżlatur nazzjonali seta’ qies li ma kienx neċessarju li jsemmi l-kelma “djun”, għaliex din tirrepeti l-kelma “pagamenti” li hija użata fl-istess punt (d). Il-Kummissjoni indikat li l-formulazzjoni użata fid-dritt Portugiż ma tqajjimx problema peress li l-prassi segwita mill-awtoritajiet amministrattivi kienet konformi tad-dritt tal-Unjoni.


64      Infakkar li fil-mument li fih ġie konkluż il-ftehim ma’ Starplant, mhux biss il-kreditu ta’ PNC kien diġà ġie rrikonoxxut ġudizzjarjament, kemm fil-prinċipju kif ukoll fir-rigward tal-ammont tiegħu, iżda barra minn hekk l-irkupru effettiv ta’ dan il-kreditu kien żgurat u fil-prattika d-dejn kien ġie saldat, wara l-aġġudikazzjoni favur PNC ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lid-debitriċi tagħha u li kienet preliminarjament maqbuda (ara wkoll il-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


65      Drittijiet akkumpanjati minn obbligu ta’ ħlas, lill-aġenzija ta’ eżekuzzjoni, tad-differenza bejn l-ammont tad-dejn dovut lil PNC mid-debitriċi tagħha u l-prezz li bih ġiet aġġudikata l-proprjetà immobbli li tappartjeni lil din tal-aħħar favur PNC (ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


66      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring (C-305/01, EU:C:2003:377, punti 49, 58 u 72 sa 80), kif ukoll tat-28 ta’ Ottubru 2010, Axa UK (C-175/09, EU:C:2010:646, punti 29 sa 36).


67      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni nnotat li bħala akkwirenti jew ċessjonarja, Starplant tista’, min-naħa l-oħra, tiġi intaxxata jekk jirriżulta li t-trasferiment inkwistjoni jikkostitwixxi “irkupru ta’ djun”. Fis-sottomissjonijiet orali tiegħu, il-Gvern Portugiż wera dubju dwar jekk is-servizz ipprovdut minn Starplant jistax jiġi kklassifikat hekk, fid-dawl tal-garanzija ta’ ħlas li PNC diġà kellha waqt dan it-trasferiment. Hekk jew hekk, nenfasizza li din il-konfigurazzjoni ma hijiex dik tal-kawża prinċipali, li saret biss bejn PNC u l-amministrazzjoni fiskali Portugiża.