Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-7 ta’ Marzu 2019 (1)

Kawża C-145/18

Regards Photographiques SARL

vs

Ministre de l’Action et des Comptes publics

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Skemi speċjali – Xogħlijiet tal-arti – Rata mnaqqsa ta’ VAT – Ritratti meħudin mill-artist, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati bil-limitazzjoni ta’ 30 kopja”






 Introduzzjoni

1.        Il-fotografija hija fenomenu diffiċli biex jiġi ddefinit. In-natura tagħha li “tirrifletti r-realtà”, il-faċilità apparenti biex titwettaq, id-demokratizzazzjoni dejjem tikber (fil-preżent, kważi kulħadd għandu kamera, anki jekk fit-telefon ċellulari tiegħu), tqajjem ċerti dubji għal dak li jikkonċerna n-natura artistika tagħha. Id-dibattitu fuq il-punt dwar jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, il-fotografija hijiex arti huwa wkoll qadim daqs kemm ilha l-fotografija stess (2). Tali dibattitu huwa, sewwasew, leġittimu bejn il-filosfi u teoristi tal-arti. Min-naħa l-oħra, it-tassazzjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali għandha bilfors tkun ibbażata fuq kriterji ċari u oġġettivi li joħorġu mil-leġiżlazzjoni, anki meta dawn it-tranżazzjonijiet jirrigwardaw oġġetti kklassifikati bħala “xogħlijiet tal-arti”. Id-dibattitu ma jistax jiġi deċiż la mill-awtoritajiet fiskali, la mill-qrati nazzjonali u lanqas mill-Qorti tal-Ġustizzja stess. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom kull tentattiv f’dan is-sens, bħal dak li jsir fil-kuntest tal-prassi amministrattiva Franċiża, mhux biss ma jistax jilħaq l-għan tiegħu, jiġifieri li jippermetti li ssir distinzjoni bejn dik li hija arti u dik li ma hijiex, iżda jwassal neċessarjament għal ksur taċ-ċertezza legali, tan-newtralità fiskali u tal-kompetizzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2.        Skont l-Artikolu 103 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (3) :

“1.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rata mnaqqsa, jew waħda mir-rati mnaqqsa, li huma japplikaw skond l-Artikoli 98 u 99 għandha tapplika wkoll għall-importazzjonijiet ta’ xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet, kif definiti fil-punti (2), (3) u (4) ta’ l-Artikolu 311(1).

2.      Jekk l-Istati Membri jagħmlu użu mill-għażla skont il-paragrafu 1, dawn jistgħu japplikaw ukoll ir-rata mnaqqsa għat-transazzjonijiet li ġejjin:

a)      il-provvista ta’ xogħlijiet ta’ l-arti, magħmula mill-kreatur tagħhom jew is-suċċessuri tiegħu fit-titolu;

[...]”

3.        L-Artikolu 311 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan il–Kapitolu, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[...]

2)      ‘xogħlijiet ta’ l–arti’ tfisser il-merkanzija elenkata fl-Anness IX il-Parti A;

[...]

2.      L-Istati Membri jistgħu ma jikkunsidrawx bħala xogħlijiet ta’ l-arti l-merkanzija elenkata fil-punti (5), (6) jew (7) ta’ l-Anness IX, il-Parti A.

[...]”

4.        Il-punt 7 tal-Parti A “Xogħlijiet ta’ l-arti” tal-Anness IX tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“ritratti meħuda mill-artist, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati u bil-limitazzjoni ta’ 30 kopja, id-daqsijiet u montaturi kollha inklużi.”

 Id-dritt Franċiż

5.        L-Artikolu 278 septies tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, iktar ’il quddiem il-“KĠT”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2011, kien jipprovdi:

“It-taxxa fuq il-valur miżjud hija ta’ 5.5 % [(4)]:

[…]

2. Fuq il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti, magħmula mill-awtur tagħhom jew l-aventi kawża tiegħu fit-titolu;

[…]”

6.        Skont il-punt 7 tal-Artikolu 98A tal-Anness II tal-KĠT, jitqiesu bħala xogħlijiet tal-arti dawk ir-“ritratti meħuda mill-artist, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati u bil-limitazzjoni ta’ tletin kopja, id-daqsijiet u montaturi kollha inklużi”.

7.        L-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003, kif applikabbli fil-mument tal-fatti (iktar ’il quddiem l-“istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003”), għamlet il-preċiżazzjonijiet li ġejjin fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT għal dak li jikkonċerna r-ritratti artistiċi:

“[…]

I.      Kriterji għar-ritratti artistiċi:

1.      Ir-ritratti li jistgħu jitqiesu bħala xogħlijiet tal-arti li jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa tal-VAT huma dawk biss li jixhdu intenzjoni ċara ta’ kreattività min-naħa tal-awtur tagħhom.

Dan ikun il-każ meta l-fotografu, minħabba l-għażla tat-tema, il-kundizzjonijiet tal-ħolqien tax-xena, il-partikolaritajiet tal-mod kif jittieħed ir-ritratt jew kull karatteristika oħra ta’ xogħlu li hija marbuta b’mod partikolari mal-kwalità tal-għażla tal-immaġni, tal-kompożizzjoni, tal-espożizzjoni, tad-dawl, tal-kuntrasti, tal-kuluri u tal-ipproġettar, tal-logħob bid-dawl u tal-volumi, tal-għażla tal-mira u tal-film jew mal-kundizzjonijiet partikolari tal-iżvilupp tan-negattiva, iwettaq xogħol li jisboq is-sempliċi ffissar mekkaniku ta’ rikordju ta’ avveniment, ta’ vjaġġ jew ta’ persunaġġi u li għaldaqstant huwa ta’ interess għall-pubbliku kollu.

II.      Il-Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni

1.      Mill-artikolu preċedenti jirriżulta li r-ritratti tal-identità, ir-ritratti tal-iskola, kif ukoll ir-ritratti ta’ gruppi huma esklużi mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa.

2.      Ir-ritratti li l-interess fihom jiddependi qabelxejn mill-kwalità tal-persuna jew min-natura tal-oġġett irrappreżentat fir-ritratt ma jitqisux, b’mod ġenerali, bħala ritratti artistiċi. Dan huwa l-każ, pereżempju, tar-ritratti li juru avvenimenti tal-familja jew reliġjużi (żwiġijiet, tqarbin, eċċ).

3.      Dan premess, għar-ritratti minn kull tip, barra minn dawk imsemmija fil-parti II-1, l-intenzjoni kreattiva tal-awtur li tirriżulta mill-kriterji elenkati diġà u min-natura tal-interess għall-pubbliku kollu jistgħu jkunu kkorroborati mill-indizji li ġejjin.

a)      Il-fotografu jiġġustifika l-eżibizzjoni tax-xogħlijiet tiegħu f’istituzzjonijiet kulturali (reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali), fil-mużewijiet (mużewijiet, eżibizzjonijiet temporanji jew permanenti) jew kummerċjali (fieri, swali jew galleriji, eċċ.), jew inkella l-preżentazzjoni tagħhom f’pubblikazzjonijiet speċjalizzati.

[…]

b)      L-użu ta’ materjali speċifiċi kemm f’termini tal-mod kif jittieħed ir-ritratt kif ukoll tal-iżvilupp tiegħu.

[…]”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

8.        Il-kumpannija Regards Photographiques SARL għandha bħala attività t-teħid u l-bejgħ tar-ritratti.

9.        Wara verifika tal-kontabbiltà, l-awtorità fiskali (Franza) ikkontestat ir-rata mnaqqsa ta’ VAT li din il-kumpannija kienet applikat għall-kunsinna ta’ ċerti ritratti, jiġifieri ritratti tal-persuna u ritratti taż-żwiġijiet. Filwaqt li sostniet li dawn ir-ritratti kellhom ikunu suġġetti għar-rata normali ta’ VAT, l-awtorità fiskali talbet mingħand il-kumpannija Regards Photographiques arretrati ta’ VAT għall-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2009 u l-31 ta’ Jannar 2012.

10.      Ir-rikors ippreżentat mill-kumpannija Regards Photographiques kontra dawn l-arretrati ta’ VAT ġie miċħud kemm mit-tribunal administratif d’Orléans (il-Qorti Amministrattiva ta’ Orléans, Franza) kif ukoll mill-cour administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes, Franza). Il-kumpannija Regards Photographiques appellat fuq punti ta’ liġi kontra dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

11.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 103 u 311 tad-Direttiva [2006/112] kif ukoll tal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jeżiġu biss li r-ritratti jittieħdu mill-artist tagħhom, jiġu stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, jiġu ffirmati u nnumerati u sa massimu ta’ 30 kopja, bid-daqsijiet u montaturi kollha inklużi, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ [VAT]?

2)      Fil-każ fejn tingħata risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, l-Istati Membri jistgħu madankollu jeskludi mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa [ta’ VAT] ir-ritratti li, barra minn hekk, ma humiex ta’ natura artistika?

3)      Fil-każ fejn tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, ir-ritratti għandhom jissodisfaw liema kundizzjonijiet oħra sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ [VAT]? B’mod partikolari, dawn ir-ritratti għandhom ikunu ta’ natura artistika?

4)      Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, jew inkella dawn jirreferu għad-dritt ta’ kull Stat Membru, b’mod partikolari dak li jirrigwarda l-qasam tal-proprjetà intellettwali?”

12.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Frar 2018. L-osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-kumpannija Regards Photographiques, mill-Gvern Franċiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet ikkonċernati ġew irrappreżentati fis-seduta li nżammet fil-21 ta’ Novembru 2018.

 Analiżi

13.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari. Fost dawn id-domandi, l-ewwel waħda hija dik li għandha natura fundamentali, u t-tlieta l-oħra huma ta’ natura pjuttost komplementari. Għaldaqstant ser nibda l-analiżi tiegħi fuq din l-ewwel domanda.

 L-ewwel domanda preliminari

14.      L-ewwel domanda preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112. Biex infakkar, din id-dispożizzjoni tippreċiża l-kundizzjonijiet li r-ritratti għandhom jissodisfaw biex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “xogħlijiet tal-arti” u biex jibbenefikaw, b’mod partikolari, mir-rata mnaqqsa ta’ VAT skont l-Artikolu 103(2)(a) ta’ din id-direttiva. Dawn il-kundizzjonijiet huma li l-imsemmija ritratti għandhom ikunu ttieħdu mill-artist, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati u bil-limitazzjoni ta’ 30 kopja.

15.      L-ostakolu f’din il-kawża jidher li qiegħed fil-kelma “artist”. Fil-fatt, il-prassi tal-awtoritajiet fiskali Franċiżi, ikkodifikata fid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003, tislet minn din il-kelma ġustifikazzjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għal dak li jikkonċerna n-natura “artistika” tar-ritratti li jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa tal-VAT. Din il-pożizzjoni hija miġbura perfettament fil-qosor mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, li skonthom, biex ritratt ikun ikklassifikat bħala “xogħol tal-arti” fis-sens tal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112, jeħtieġ mhux biss li “l-kundizzjonijiet materjali previsti [fl-imsemmija dispożizzjoni] [jkunu] sodisfatti”, iżda wkoll li, “ir-ritratt [ikun] ħolqien artistiku tal-awtur li jirrifletti l-personalità ta’ dan tal-aħħar u li jkun jista’ jippreżenta interess għall-pubbliku kollu”. Din it-tieni kundizzjoni toħroġ, skont il-Gvern Franċiż, mill-fatt li, skont il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112, ritratt irid ikun “meħud minn artist”.

16.      Irrid nammetti mill-ewwel li jien ninterpreta d-dispożizzjoni msemmija b’mod għalkollox differenti.

17.      L-interpretazzjoni sostnuta mill-Gvern Franċiż diġà tissarraf, fil-fehma tiegħi, f’sempliċi analiżi grammatikali tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, skont dak il-Gvern, l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi li r-ritratt irid ikun ittieħed “minn artist”, mentri l-formulazzjoni eżatta tagħha tirreferi għal ritratt meħud “mill-artist”. L-analiżi tal-Gvern Franċiż hija bbażata għaldaqstant fuq formulazzjoni differenti tad-dispożizzjoni inkwistjoni, u tpinġiha, b’dan il-mod, bħallikieku tgħid dak li fil-fatt ma tgħidx.

18.      L-użu tal-artiklu definit “l-” fid-dispożizzjoni inkwistjoni ma huwiex bla skop u jirrifletti t-tifsira mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Jekk dan jiġi ssostitwit bl-artiklu indefinit, dan iwassal biex ibiddel din it-tifsira, u jiżnatura għaldaqstant ir-rieda tal-imsemmi leġiżlatur. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-artikolu definit jintuża wkoll f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112, stabbiliti fil-lingwi li jagħrfu l-kategorija grammatikali tal-artikli (5). L-argument tal-Gvern Franċiż jista’ jkun aċċettat iktar faċilment fid-dawl biss tal-verżjonijiet lingwistiċi li, bħal-lingwa Pollakka, ma tagħrafx l-artikli definiti u indefiniti. Fil-fatt, f’dawn il-lingwi, l-użu tal-kelma waħda “artist” jista’, fuq livell purament grammatikali, iwassal għal konfużjoni. Madankollu, ir-rekwiżit li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tal-kontenut tagħha fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi jippermetti li titneħħa kull konfużjoni possibbli.

19.      Il-kelma “artist”, ippreċeduta b’artiklu definit fil-lingwi li jagħrfu din il-forma grammatikali, tinsab f’kull punt tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112. Għaldaqstant, barra mir-ritratti, jitqiesu bħala xogħlijiet tal-arti l-istampi, eċċ. “magħmula kollha kemm huma bl-idejn mill-artist”, l-inċiżjonijiet eċċ. “maħduma kollha kemm huma bl-idejn mill-artist”, l-iskulturi “maħduma kollha kemm huma mill-artist”, tapizzeriji u tessuti tal-ħajt “magħmula bl-idejn minn disinji oriġinali pprovduti minn artisti”, biċċiet individwali ta’ ċeramika “magħmula kollha kemm huma mill-artist”, kif ukoll enemel fuq ramm, “li jkollhom il-firma ta’ l-artist jew ta’ l-istudju”.

20.      Dawn id-dispożizzjonijiet jippreċiżaw il-fażijiet tat-twettiq tax-xogħol li għandhom jitwettqu minn dak li jitqies li huwa l-awtur. Peress li x-xogħlijiet inkwistjoni huma kklassifikati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT, bħala “xogħlijiet tal-arti”, l-awturi tagħhom huma kklassifikati, fil-formulazzjoni adottata, bħala “artisti”. Għaldaqstant huwa l-fatt li wieħed ikun l-awtur ta’ xogħol li jappartjeni lil waħda mill-kategoriji elenkati fil-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112 li jagħti l-kwalità ta’ “artist” fis-sens ta’ dan l-anness, u mhux bil-kontra. Il-preċiżazzjoni li tirrigwarda t-twettiq personali tax-xogħol għandha bħala għan uniku li teskludi mill-benefiċċju tal-applikazzjoni diversi skemi li jidderogaw mis-sistema tal-VAT (6) ix-xogħlijiet tal-massa li jiġu prodotti b’mod industrijali kif ukoll is-sempliċi kopji jew ir-riproduzzjonijiet mhux imwettqa personalment mill-awtur.

21.      Min-naħa l-oħra, b’kuntrast ma’ dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni sostnuta mill-Gvern Franċiż, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx l-għan li jistabbilixxu differenza bejn, minn naħa, il-pitturi, l-iskulturi, l-inċiżjonijiet, eċċ. imwettqa minn persuni li, f’għajnejn l-awtorità fiskali għandhom il-kwalità ta’ artist u, min-naħa l-oħra, dawk imwettqa minn persuni li ma għandhomx din il-kwalità. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż afferma waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dan ir-rekwiżit supplimentari li jirrigwarda n-“natura artistika” japplika biss, fil-prassi amministrattiva Franċiża, għal kategorija waħda ta’ xogħlijiet tal-arti, jiġifieri r-ritratti.

22.      Issa, ma nara ebda raġuni li tiġġustifika li din il-kategorija tiġi ttrattata b’mod differenti minn oħrajn.

23.      Il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112 jippreċiża r-rekwiżiti li ritratt għandu jissodisfa biex ikun ikklassifikat bħala “xogħol tal-arti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dawn ir-rekwiżiti jikkonċentraw prinċipalment żewġ fażijiet maġġuri għall-ħolqien tar-ritratt: il-mod kif jittieħed ir-ritratt u l-istampar fuq karta jew fuq mezz materjali ieħor. Il-mod kif jittieħed ir-ritratt, li jinvolvi l-għażla tas-suġġett tar-ritratt u l-issettjar tal-apparat kif ukoll il-produzzjoni tal-immaġni fuq il-wiċċ fotosensittiv (spiss film tal-fidda jew senser elettroniku), għandhom isiru mill-awtur tar-ritratt. Il-fażi sussegwenti hija l-istampar, kelma li biha wieħed għandu jifhem, fit-teknoloġija analoġika, l-iżvilupp tal-film u l-istampar fil-veru sens tal-kelma, jiġifieri t-twettiq ta’ prova tal-karti jew ukoll, fit-teknoloġija diġitali, l-irtokk diġitali u l-istampar fuq karta jew fuq mezz ieħor. Din il-fażi għandha ssir jew mill-awtur stess tar-ritratt, jew taħt is-sorveljanza tiegħu. Il-fatt li l-istampar jiġi fdat lil speċjalist huwa prassi komuni fil-fotografija tal-awtur, fejn il-fotografu jżomm madankollu l-kontroll sħiħ tal-effett finali, jiġifieri tal-immaġni li tirriżulta fuq il-karta jew fuq kull mezz materjali ieħor. Ir-ritratt għandu mbagħad jiġi ffirmat mill-awtur, fejn in-numru tal-kopji (provi fuq il-karti jew mezz ieħor) ikun limitat għal 30.

24.      Dawn ir-rekwiżiti jippermettu li ssir distinzjoni bejn ir-ritratti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “xogħlijiet tal-arti” u l-produzzjoni fotografika tal-massa li fil-każ tagħha, jekk ikunu stampati fuq karta jew fuq xi mezz ieħor (7), dan spiss ikun fdat, kompletament jew parzjalment, lil-laboratorji speċjalizzati, mingħajr ma l-fotografu jkollu kontroll fuq l-effett finali.

25.      Min-naħa l-oħra, ma jirriżulta ebda rekwiżit mid-dispożizzjoni tal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112, kemm għal dak li jikkonċerna s-suġġett meħtieġ jew eskluż mir-ritratt, il-livell artistiku tiegħu, jew ukoll il-kwalità tal-awtur tiegħu. Kull ritratt li jsir fil-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u li jinbiegħ fiċ-ċirkustanzi li jinvolvu l-intaxxar tal-VAT (8) jitqies li jikkostitwixxi “xogħol tal-arti” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Bl-istess mod, kull persuna li tkun għamlet tali ritratt hija kklassifikata bħala “artist” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

26.      Il-kelma “artist” li tinsab fil-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112, tissodisfa rwol supplimentari fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa għall-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 103(2)(a) tad-Direttiva 2006/112, din ir-rata tapplika biss għall-provvisti magħmula mill-awturi ta’ dawn ix-xogħlijiet tal-arti jew l-aventi kawża tagħhom. Id-Direttiva 2006/112 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “awtur” ta’ xogħol tal-arti, iżda jidhirli li huwa iktar minn ċar li dan jista’ jkun biss “l-artist” li jissemma fil-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112. Għaldaqstant, it-teżi mressqa mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li skontu l-kunċett ta’ “awtur” fl-Artikolu 103(2)(a) tad-Direttiva 2006/112 u dak ta’ “artist” użat fil-Parti A tal-Anness IX ta’ din id-direttiva huma distinti, hija fil-fehma tiegħi infondata, peress li l-loġika tal-leġiżlazzjoni tar-rata mnaqqsa applikabbli għax-xogħlijiet tal-arti hija bbażata preċiżament fuq l-identità tal-persuna li tagħmel il-provvista, jiġifieri l-awtur fis-sens tal-Artikolu 103(2)(a), u l-awtur tax-xogħol tal-arti inkwistjoni (l-artist fis-sens tal-Parti A tal-Anness IX).

27.      L-użu tal-kelma “artist” fil-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/12 ma jiġġustifikax għaldaqstant, b’kuntrast għal dak li jafferma l-Gvern Franċiż insostenn tal-prassi amministrattiva ta’ dan l-Istat Membru, ir-rifjut tal-kwalità ta’ “xogħol tal-arti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, lil ċerti ritratti minħabba t-tematika tagħhom, il-livell artistiku tagħhom jew il-kwalità tal-awtur tagħhom.

28.      Għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta lill-ewwel domanda preliminari li l-Artikolu 103(2)(a) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi biss li r-ritratti jittieħdu mill-awtur, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati bil-limitazzjoni ta’ 30 kopja, id-daqsijiet u montaturi kollha inklużi, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa tal-VAT.

 It-tieni domanda preliminari

29.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, minkejja l-fatt li l-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112 ma jipprevedix tali rekwiżit, l-Istati Membri humiex liberi li jissuġġettaw l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT għar-ritratti għall-kundizzjoni li dawk ir-ritratti jrid ikollhom natura artistika, kwalifika li tiġi ddefinita mil-leġiżlazzjoni jew mill-prassi amministrattiva tal-Istati Membri. Fi kliem ieħor, din id-domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112 jipprekludix prassi ta’ Stat Membru bħalma hija dik li tinsab ikkodifikata mill-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003.

30.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar ġustament li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal aspetti konkreti u speċifiċi ta’ waħda mill-kategoriji ta’ provvisti li għalihom għandhom il-fakultà li japplikaw tali rata (applikazzjoni selettiva), bil-kundizzjoni li jagħmlu dan filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (9). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-applikazzjoni ta’ rata ta’ taxxa differenti għad-distribuzzjoni tal-enerġija fil-kuntest ta’ abbonament u għal dik barra mill-abbonament (10), għall-provvisti ta’ konnessjoni man-netwerks tad-distribuzzjoni tal-ilma u għall-provvisti l-oħra tad-distribuzzjoni tal-ilma (11), għall-provvisti ta’ trasport ta’ kadavri u għall-provvisti l-oħra tal-impriżi funebri (12), kif ukoll, b’riżerva għal verifiki ulterjuri mill-qrati nazzjonali, għall-provvisti ta’ trasport bit-taxi u għall-provvisti ta’ trasport b’vettura bix-xufier (13), għall-kotba ppubblikati fuq il-karta u għall-kotba fuq mezzi oħra (14) jew ukoll għall-ikel tal-għaġina u għall-kejkijiet friski skont id-data ta’ skadenza tagħhom (15).

31.      Jien naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li skontha, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa skont l-Artikolu 103(2)(a) tad-Direttiva 2006/112.

32.      Madankollu, jidhirli li l-prassi amministrattiva Franċiża li tikkonċerna l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa għar-ritratti, kif ikkodifikata mill-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2013, ma għandhiex bħala għan l-applikazzjoni selettiva ta’ din ir-rata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata f’dawn il-konklużjonijiet, iżda li jiġu stabbiliti kriterji addizzjonali li jippermettu li ssir distinzjoni bejn ir-ritratti li għandhom natura artistika u dawk li ma għandhomx. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata kemm mill-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż.

33.      Għaldaqstant, il-parti I tal-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003, bit-titolu “Kriterji tal-fotografija artistika”, tipprova tistabbilixxi definizzjoni astratta tal-fotografija artistika, billi tistrieħ b’mod partikolari fuq il-kriterji tal-intenzjoni kreattiva manifesta tal-awtur u tal-interess għall-pubbliku kollu. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kriterji huma ambigwi u suġġettivi ħafna. Dawn la jiżguraw l-osservanza taċ-ċertezza legali, peress li jħallu marġni ta’ diskrezzjoni prattikament indefinita lill-awtorità fiskali, u lanqas dik tan-newtralità fiskali, peress li żewġ ritratti oġġettivament identiċi jistgħu jkunu suġġetti għat-taxxa b’mod differenti skont jekk jippreżentawx jew le, mill-perspettiva tal-awtorità fiskali, intenzjoni kreattiva manifesta u interess għall-pubbliku kollu.

34.      Il-parti II tal-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003 tidher li ttaffi din l-ambigwità, billi tagħmel preċiżazzjonijiet li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni li għandha tingħata lil tipi differenti ta’ ritratti. Ir-riżultat, madankollu, huwa terġa’ inqas konvinċenti.

35.      Qabelxejn, il-punt II-1 tal-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003 jeskludi għaldaqstant ir-ritratti tal-identità, ir-ritratti tal-iskola, kif ukoll ir-ritratti tal-gruppi. Għalkemm il-kategorija tar-ritratti tal-identità hija pjuttost faċli li tiġi ddefinita, mhux l-istess jista’ jingħad għaż-żewġ kategoriji l-oħra (16). Barra minn hekk, il-mod li bih din l-esklużjoni taħdem mal-kriterji stabbiliti fil-parti I tal-istruttorja inkwistjoni ma huwiex ċar. B’mod partikolari, ir-ritratt tal-grupp huwa, mill-bidu taż-żmien, suġġett artistiku par excellence (17), fejn ir-ritratt tal-grupp jista’ għaldaqstant jixhed tajjeb ħafna l-intenzjoni kreattiva manifesta tal-awtur tiegħu u jippreżenta interess għall-pubbliku kollu.

36.      Sussegwentement, il-punt II-2 tal-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003 jeskludi, iżda unikament “b’mod ġenerali”, ir-ritratti li l-interess tagħhom jiddependi prinċipalment fuq il-kwalità tas-suġġett iffotografat. Hawnhekk jissemmew, iżda biss bħala eżempju, ir-ritratti li juru l-avvenimenti tal-familja, bħalma huma ż-żwiġijiet u t-tqarbin. Il-fatt li jiġi stabbilit l-interess li ritratt jirrappreżenta jitħalla mill-ġdid, għaldaqstant, għall-evalwazzjoni tal-awtorità fiskali.

37.      Madankollu, skont il-punt II-3 tal-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003, in-natura artistika ta’ ritratt tista’ tkun murija (iżda, preżumibbilment, mingħajr ma tkun tista’ tintwera b’mod definittiv) mill-fatt, għall-fotografu, li jesponi x-xogħlijiet tiegħu fl-istituzzjonijiet kulturali, tal-mużewijiet jew kummerċjali jew li jippubblikahom, kif ukoll mill-użu ta’ materjal speċifiku.

38.      Għal dak li jikkonċerna l-kriterju tal-espożizzjoni jew tal-pubblikazzjoni tax-xogħlijiet tal-fotografu, fil-fehma tiegħi dan imur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Fil-fatt, permezz ta’ dan il-kriterju, ir-rata ta’ taxxa tal-provvista ta’ xi xogħol tal-arti (ir-ritratt) tiddependi mill-kwalitajiet tal-persuna taxxabbli li twettaq tali provvista. Issa dawn ma humiex rilevanti mill-perspettiva tal-intaxxar bil-VAT. Għaldaqstant, l-istess provvista lill-istess klijent tista’ tkun suġġetta għal rata normali jew għal rata mnaqqsa skont jekk il-bejjiegħ jiġġustifikax l-espożizzjoni jew il-pubblikazzjoni tax-xogħlijiet tiegħu, li, jekk fhimt sew, ma għandhomx neċessarjament ikunu l-istess bħas-suġġett tal-provvista.

39.      Il-kriterju tal-materjal użat, min-naħa tiegħu, jippreżenta riskji serji ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni, peress li jipprivileġġa ċerti teknoloġiji (it-teknoloġija analoġika, b’mod speċjali tal-fidda), ċerti montaturi u ċerti tekniki (l-istampar fuq il-karta tar-ritratti), u jinjora oħrajn, b’mod partikolari t-teknoloġija diġitali. Issa, dawn id-differenzi tekniċi ma għandhom ebda influwenza fuq in-natura artistika tar-ritratt maħluq u ebda rilevanza mill-aspett tar-rata ta’ taxxa.

40.      L-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003 tipprova għaldaqstant li taqbad, f’termini amministrattivi, dak li ma jistax jinqabad, jiġifieri n-natura artistika tax-xogħol. Dan it-tentattiv, filwaqt li jittrasforma l-awtorità fiskali f’persuna kritika tal-arti, jippreġudika neċessarjament iċ-ċertezza legali, il-prinċipju tan-newtralità fiskali u l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, huwa ’l bogħod minn kriterji oġġettivi u inekwivokabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet sabiex tippermetti lill-Istati Membri biex jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kategoriji ta’ oġġetti u ta’ servizzi li għalihom hija possibbli l-applikazzjoni ta’ tali rata. Il-prassi amministrattiva Franċiża, kif ikkodifikata fl-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003, tmur għaldaqstant kontra l-prinċipji ġenerali li jirregolaw is-sistema komuni tal-VAT.

41.      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ippreġudikata mill-argument tal-Gvern Franċiż li skontu, il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa għar-ritratti biss li għandhom natura artistika toħroġ mill-għan tal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri l-promozzjoni tal-iżvilupp tas-suq tax-xogħlijiet tal-arti.

42.      Ċertament, il-premessi tad-Direttiva 2006/112 ma jesponux ir-raġunijiet li mbuttaw lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jawtorizza lill-Istati Membri biex japplikaw ir-rata mnaqqsa għax-xogħlijiet elenkati fl-Anness IX ta’ din id-direttiva. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-fakultà taqa’ fil-loġika tat-trattament fiskali favorevoli, f’din id-direttiva, tal-oġġetti u tas-servizzi intiżi li jissodisfaw firxa wiesgħa ta’ bżonnijiet kulturali u ta’ divertiment tal-konsumaturi. Għaldaqstant, l-Artikolu 132(1)(n) tad-Direttiva 2006/112 jintroduċi eżenzjoni obbligatorja għal ċerti provvisti ta’ servizzi kulturali, kif ukoll għall-provvisti ta’ oġġetti li jkunu marbutin mill-qrib magħhom. Għal dak li jikkonċerna r-rata mnaqqsa, l-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Anness III ta’ din id-direttiva, jippermetti l-applikazzjoni ta’ tali rata, b’mod partikolari, għall-provvista ta’ kotba, gazzetti u perjodiċi, għad-dħul għal wirjiet, teatri, ċirkli, fieri, parks tad-divertiment, kunċerti, mużewijiet, żuwijiet, ċinema, eżibizzjonijiet u avvenimenti u faċilitajiet kulturali simili, għar-riċezzjoni ta’ servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni kif ukoll għall-provvista ta’ servizzi minn kittieba, kompożituri u artisti, jew id-drittijiet tal-awtur dovuti lilhom.

43.      Ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma ssemmi xi tip ta’ rekwiżit għal dak li jikkonċerna n-natura jew il-livell artistiku tal-oġġetti jew tas-servizzi li jappartjenu lill-kategoriji msemmija iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni wiesgħa ħafna ta’ dawn il-kategoriji tissuġġerixxi pjuttost ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkludi fihom kull tip ta’ attività kulturali u ta’ divertiment, mingħajr ma jgħaddi ġudizzju fuq il-livell artistiku jew intellettwali tagħhom. L-għan li fuqu huwa bbażat it-trattament fiskali favorevoli ta’ dawn l-attivitajiet ma huwiex manifestament limitat għaldaqstant għall-promozzjoni tal-arti fil-veru sens tal-kelma.

44.      Għaldaqstant, ma narax għaliex l-allegat għan tal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2006/112 jeżiġi li l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu tkun limitata għal xogħlijiet li huma ta’ natura artistika. Għalkemm il-leġiżlatur introduċa l-fakultà għall-Istati Membri li japplikaw ir-rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti xogħlijiet (xogħlijiet tal-arti, tal-kollezzjoni u tal-antikità) u ta definizzjoni legali ta’ dawn ix-xogħlijiet (fl-Anness IX tad-Direttiva 2006/112), din id-definizzjoni ma għandhiex tkun ikkontestata billi wieħed jipprova jippreċiżaha b’kunċetti vagi u ekwivoki, minħabba li ma taqdix sew l-għan li dan l-istess leġiżlatur xtaq jilħaq billi jintroduċi l-imsemmija fakultà.

45.      Dan japplika iktar u iktar meta l-prassi amministrattiva Franċiża inkwistjoni, kif ikkodifikata bl-istruttorja tal-25 ta’ Ġunju 2003 u ppreżentata fit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, hija nieqsa mill-koerenza fuq żewġ livelli.

46.      Fl-ewwel lok, il-Gvern Franċiż afferma waqt is-seduta li r-rekwiżit li jirrigwarda n-natura artistika huwa applikat biss għar-ritratti u mhux għall-kategoriji l-oħra ta’ xogħlijiet tal-arti elenkati fil-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112 (mingħajr ma jsemmi oġġetti ta’ kollezzjoni jew ta’ antikità li huma involuti fil-partijiet B u Ċ tal-imsemmi anness). Issa, xogħlijiet ta’ kwalità artistika iktar baxxa jew li huma ta’ interess biss għal persuni konkreti jeżistu wkoll f’oqsma oħra tal-arti. Kif disinn magħmul minn “artist tat-triq” f’post turistiku jew xogħol tal-arti kommemorattiv ikun aħjar minn ritratt tal-familja magħmul minn workshop professjonali?

47.      Fit-tieni lok, sa fejn naf jien, l-Artikolu 279(g) tal-KĠT jipprovdi għall-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa (fil-preżent ta’ 10 %) għaċ-ċessjoni tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur, inkluż għal dak li jikkonċerna r-ritratti, mingħajr rekwiżit li jirrigwarda n-natura artistika tax-xogħlijiet li dawn id-drittijiet jirrigwardaw.

48.      Effettivament jiena konxju mill-fatt li r-ritratt, barra milli mezz ta’ espressjoni artistika, huwa proċess tekniku li jippermetti li tiġi riprodotta l-immaġni tar-realtà għal finijiet kompletament estranji mis-sodisfazzjon ta’ bżonnijiet kulturali jew ta’ diveriment, ħaġa li tiġġustifika l-esklużjoni tagħhom mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa. Dan huwa l-każ, pereżempju, tar-ritratti ta’ identità, tar-ritratti li jservu biex jiddokumentaw il-postijiet ta’ inċident jew ta’ sinistru għall-finijiet ta’ assigurazzjoni, tar-ritratti tal-proprjetajiet immobbli għall-finijiet tal-bejgħ tagħhom jew tal-kiri tagħhom, ta’ ritratti mediċi, eċċ. Madankollu, dawn ir-ritratti normalment ma jkunux is-suġġett ta’ provvista fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112. L-unika eċċezzjoni notevoli tista’ tikkonċerna, mid-dehra, ir-ritratti tal-identità. Madankollu, din il-kategorija ta’ ritratti hija identifikabbli biżżejjed bl-għajnuna ta’ kriterji oġġettivi biex hija tkun tista’ tiġi faċilment eskluża mill-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT mingħajr ma tkun ippreġudikata ċ-ċertezza legali u n-newtralità fiskali.

49.      Għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta lit-tieni domanda preliminari li l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom id-dritt, bla ħsara li josservaw iċ-ċertezza legali u n-newtralità fiskali, li japplikaw ir-rata mnaqqsa biss għal ċerti kategoriji ta’ xogħlijiet elenkati fil-parti A tal-Anness IX ta’ din id-direttiva, iddefiniti b’mod oġġettiv u inekwivokabbli. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati japplikaw għall-imsemmija xogħlijiet rekwiżiti supplimentari, ibbażati fuq kriterji vagi jew li jħallu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali, bħalma hija n-natura artistika ta’ xogħol.

 It-tielet domanda preliminari

50.      Ir-risposta għat-tielet domanda toħroġ minn dik li jiena nipproponi li tingħata għall-ewwel żewġ domandi u għaldaqstant ma teħtieġx analiżi awtonoma.

 Ir-raba’ domanda preliminari

51.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Istati Membri jistgħux jirrikorru għal kriterji applikati f’oqsma oħra tad-dritt nazzjonali, b’mod partikolari d-drittijiet tal-awtur, sabiex jiddelimitaw il-kunċett ta’ “xogħol tal-arti” għal dak li jikkonċerna r-ritratti. Din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv hekk kif toħroġ mir-risposta li jiena nipproponi li tingħata lill-ewwel żewġ domandi preliminari. Madankollu, nixtieq nagħmel f’dan ir-rigward il-kummenti li ġejjin.

52.      Id-drittijiet tal-awtur ilhom li rrikonoxxew in-natura tax-xogħlijiet intellettwali (18). Madankollu, il-kunċett ta’ “xogħol” fis-sens tad-drittijiet tal-awtur ma jinvolvi ebda evalwazzjoni tan-natura jew tal-livell artistiku tax-xogħol inkwistjoni. Għalkemm id-drittijiet tal-awtur jeżiġu, biex tingħata protezzjoni, li x-xogħol ikun oriġinali, jiġifieri li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu, din il-kundizzjoni hija interpretata b’mod liberali ħafna, b’mod li dan il-pass huwa faċli li jintlaħaq. Dan japplika wkoll għar-ritratti peress li, b’kuntrast għal ċerti ideat li ngħataw, ir-ritratt rarament huwa rappreżentazzjoni perfetta tar-realtà (19): għalkemm bil-montatura biss, il-fotografu jaqta’ parti minn dik ir-realtà billi jagħmel għaldaqstant għażla kreattiva. Il-kunċett ta’ “xogħol” użat fid-drittijiet tal-awtur xejn ma huwa utli, għaldaqstant, biex jiddelimita l-kunċett ta’ “xogħol tal-arti” fis-sens tal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112.

53.      Iktar minn hekk, id-drittijiet tal-awtur huma, fil-parti l-kbira tagħhom, armonizzati fi ħdan l-Unjoni permezz, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2001/29/KE (20). Din l-armonizzazzjoni tinkludi l-kunċett ta’ “xogħol”, li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (21). Għal dak li jikkonċerna r-ritratti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kwalità ta’ xogħol lis-sempliċi ritratti tal-persuna (22) u tal-pajsaġġ (23). Nippreżupponi li ritratt tat-tieġ jista’ wkoll ikun ikklassifikat bħala “xogħol” fis-sens tad-drittijiet tal-awtur.

 Konklużjoni

54.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

1)      L-Artikolu 103(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi biss li r-ritratti jittieħdu mill-awtur tagħhom, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati bil-limitazzjoni ta’ 30 kopja, id-daqsijiet u montaturi kollha inklużi, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa tal-VAT.

2)      L-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom id-dritt, bla ħsara li josservaw iċ-ċertezza legali u n-newtralità fiskali, li japplikaw ir-rata mnaqqsa biss għal ċerti kategoriji ta’ xogħlijiet elenkati fil-parti A tal-Anness IX ta’ din id-direttiva, iddefiniti b’mod oġġettiv u inekwivokabbli. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati japplikaw għall-imsemmija xogħlijiet rekwiżiti supplimentari, ibbażati fuq kriterji vagi jew li jħallu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali, bħalma hija n-natura artistika ta’ xogħol.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Charles Baudelaire kien kiteb fl-1859, fir-rigward tal-invenzjoni tad-dagerrotipija: “[…] l-industrija, li qiegħda tidħol fl-arti, ser issir l-iktar għadu mortali tagħha [...]” (Baudelaire, Ch., “Salon de 1859”, Revue française, vol. XVII, 1859, p. 262).


3      ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.


4      B’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, din ir-rata saret 7 %.


5      Bħalma hija l-verżjoni Ingliża (“photographs taken by the artist”), Ġermaniża (“vom Künstler aufgenommene Photographien”), Spanjola (“fotografías tomadas por el artista”), eċċ.


6      L-Anness IX tad-Direttiva 2006/112 jiġi japplika mhux biss fil-kuntest tar-rata mnaqqsa, iżda wkoll fil-kuntest tal-iskemi speċjali ta’ tassazzjoni ddefiniti fil-Kapitolu 4 tat-Titlu XII ta’ din id-direttiva.


7      Fil-preżent, il-maġġoranza l-kbira tar-ritratti tibqa’ f’forma diġitali, mingħajr ma ssir l-istampa fuq mezz materjali. Dawn ir-ritratti jistgħu wkoll ikunu s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni b’mod diġitali. Għaldaqstant, fit-termini tad-dispożizzjonijiet dwar il-VAT, din hija provvista ta’ servizzi u għaldaqstant ma tqumx il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala xogħlijiet tal-arti (ara l-punt 3 tal-Anness II tad-Direttiva 2006/112).


8      Jiġifieri, fil-kundizzjonijiet ta’ provvista ta’ xogħol imwettqa fil-kuntest tal-attività ekonomika tal-bejjiegħ tagħha, fejn dan għandu l-kwalità ta’ persuna suġġetta għall-VAT (ara l-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112). B’mod partikolari, il-bejgħ okkażjonali ta’ ritratt, barra mill-kuntest ta’ attività ekonomika, ma jinvolvix li huwa jkun suġġett għall-VAT u għaldaqstant ma tqumx il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ dan ir-ritratt bħala xogħol tal-arti fis-sens tal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112.


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pro Med Logistik u Pongratz (C-454/12 u C-455/12, EU:C:2014:111, punti 43 sa 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C-384/01, EU:C:2003:264, punt 29).


11      Sentenza tat-3 ta’ April 2008, Zweckverband zur Trinkwasserversorgung u Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien (C-442/05, EU:C:2008:184, it-tieni sentenza tal-punt 2 tad-dispożittiv).


12      Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-94/09, EU:C:2010:253, punt 46).


13      Sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pro Med Logistik u Pongratz (C-454/12 u C-455/12, EU:C:2014:111, punt 1 tad-dispożittiv).


14      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, K (C-219/13, EU:C:2014:2207, dispożittiv).


15      Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ (C-499/16, EU:C:2017:846, dispożittiv).


16      B’mod partikolari l-kategorija tar-ritratti tal-iskola jidhirli li hija misterjuża: dawn huma ritratti li jirrappreżentaw l-immaġni tal-istudenti u/jew tal-għalliema, jew ritratti magħmula mill-istudenti fil-kuntest tat-tagħlim tagħhom jew ukoll tipi oħra ta’ ritratti?


17      Insemmi biss il-Grupp tal-Laocoon jew Iċ-Ċena ta’ Leonardo da Vinci.


18      Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrikonoxxu lir-ritratt il-protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur hija s-sentenza tas-Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika) tas-17 ta’ Marzu 1884, Burrow-Giles Lithographic Co. vs Sarony, 111 U.S. 53 (1884) (ara Markiewicz, R., Ilustrowane prawo autorskie, Varsavja, 2018, p. 106). Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi, iffirmata f’Berna fid-9 ta’ Settembru 1886, teżiġi li tingħata protezzjoni lir-ritratti b’effett mill-att ta’ Berlin tal-1908. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur, adottat f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996, ġab fl-istess linja t-tul tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għar-ritratti applikabbli għall-kategoriji ta’ xogħlijiet oħra.


19      Jew, aħjar, tal-immaġni li aħna nagħmlu mir-realtà.


20      Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C-5/08, EU:C:2009:465, punti 31 sa 37).


22      Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C-145/10, EU:C:2011:798, punt 94).


23      Sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C-161/17, EU:C:2018:634, punt 14).