Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fil-11 ta’ Marzu 2020 ( 1 )

Kawża C-231/19

Blackrock Investment Management (UK) Limited

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità), ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-Valur Mizjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 135(1)(g) – Eżenzjonijiet mill-immaniġġar ta’ fondi speċjali ta’ investiment – Provvista ta’ diversi servizzi permezz ta’ pjattaforma informatika – Provvista waħda – Kumpannija ta’ mmaniġġar – Sehem minoritarju ta’ fondi speċjali ta’ investiment”

1. 

Is-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija għal darba oħra suġġetta għall-eżami tat-teknoloġiji l-ġodda. Din id-darba, din hija l-intelliġenza artifiċjali fil-qasam tal-investiment fil-kuntest tat-tipi differenti ta’ fondi ta’ investiment.

2. 

L-immaniġġar ta’ fondi speċjali ta’ investiment (iktar ’il quddiem il-“FCP”) huwa espressament eżentat, skont l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( 2 ). L-immaniġġar ta’ fondi ta’ investiment li ma jikkostitwixxux FCP (iktar ’il quddiem il-“fondi l-oħra”) huwa, min-naħa l-oħra, suġġett għal din it-taxxa.

3. 

Il-kumpannija BlackRock Investment Management (UK) Ltd (iktar ’il quddiem “BlackRock”) timmaniġġa kemm FCP kif ukoll fondi oħra. Għal dan il-għan, hija tirrikorri għas-servizzi ta’ BlackRock Financial Management Inc (iktar ’il quddiem “BFMI”) li hija kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti li tappartjeni għall-istess grupp bħal BlackRock. BFMI topera pjattaforma informatika msejħa Aladdin (iktar ’il quddiem “Aladdin”) li tipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ mmaniġġar ta’ investimenti, bħall-analiżi tas-swieq, il-kontroll tal-prestazzjoni, l-evalwazzjoni tar-riskji, il-kontroll tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni tat-tranżazzjonijiet. Peress li BFMI hija kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan, hija BlackRock, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni ( 3 ), li għandha tħallas hija stess il-VAT għall-provvisti pprovduti minn BFMI.

4. 

It-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn BlackRock u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u tad-Dwana, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni tat-taxxa”) dwar l-għoti tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112. Sa fejn BFMI tipprovdi servizzi ta’ mmaniġġar permezz ta’ Aladdin, mingħajr distinzjoni, lill-FCP u lill-fondi l-oħra, tqum il-kwistjoni dwar liema hija s-sistema fiskali applikabbli għal dawn is-servizzi, b’kunsiderazzjoni ta’ din l-eżenzjoni.

5. 

Il-qorti tar-rinviju, l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità), ir-Renju Unit), tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, l-imsemmija eżenzjoni għandha tingħata b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi ta’ mmaniġġar favur it-tipi kollha ta’ fondi meħuda flimkien, permezz ta’ pjattaforma informatika unika.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

6.

Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, għandha tkun suġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

7.

Skont l-Artikolu 132(1)(f) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

f)

il-provvista ta’ servizzi minn gruppi ta’ persuni indipendenti, li qed iwettqu attività li hi eżenti mill-VAT jew għaliha mhumiex persuni taxxabbli, għall-finijiet li jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi meħtieġa direttament għall-eżerċizzju ta’ dik l-attività, fejn dawk il-gruppi kemm jitolbu mill-membri tagħhom ħlas lura eżatt tas-sehem tagħhom ta’ l-ispejjeż konġunti, sakemm tali eżenzjoni mhux probabbli li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni”.

8.

Skont l-Artikolu 135(1)(g) tal-imsemmija direttiva:

“1. L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

g)

l-imaniġġjar ta’ [FCP] kif definiti mill-Istati Membri;

[…]”

9.

L-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, li ħassar u ssostitwixxa, mill-1 ta’ Jannar 2007, is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), huwa fformulat, essenzjalment, fi kliem identiku għal dak tal-punt 6 tal-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva ( 4 ).

10.

Skont l-Artikolu 194 tad-Direttiva 2006/112, fl-ipoteżi fejn il-fornitur ta’ servizzi ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru li fih hija dovuta il-VAT, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni.

B.   Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit

11.

It-Taqsima 31(1) tal-Value Added Tax Act 1994 (il-Liġi tal-1994 dwar il-VAT) tipprevedi, b’mod partikolari:

“Il-kunsinna ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi huma eżentati jekk jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji attwalment elenkati fl-Anness 9 […]”

12.

L-Anness 9 tal-imsemmija liġi jsemmi, fit-Taqsima 9 tal-Grupp 5, “l-immaniġġjar” ta’ ċertu numru ta’ organi tal-investiment u ta’ tipi ta’ fondi speċifiċi. Dawn l-organi u dawn il-fondi huma dawk li, fir-Renju Unit, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-FCP.

II. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13.

BlackRock tibbenefika mis-servizzi pprovduti minn BFMI, kumpannija tal-istess grupp stabbilita fl-Istati Uniti. BlackRock tuża dawn is-servizzi fil-kuntest tal-immaniġġar kemm tal-FCP kif ukoll ta’ fondi oħra. Bl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni, hija BlackRock li tħallas il-VAT dovuta minn BFMI għas-servizzi li din ipprovdiet lil BlackRock.

14.

Fit-2 ta’ Mejju 2012, BlackRock talbet deċiżjoni fiskali lill-amministrazzjoni tat-taxxa dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-benefiċjarji tas-servizzi ta’ Aladdin setgħux, fil-kuntest tal-immaniġġar ta’ FCP, jiġu eżentati mill-VAT.

15.

Fl-24 ta’ Lulju 2013, BlackRock ressqet talba għal rimbors tal-VAT għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-3 ta’ Marzu 2013.

16.

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2013, l-amministrazzjoni tat-taxxa ċaħdet it-talba għal eżenzjoni kif ukoll it-talba għal rimbors.

17.

BlackRock ippreżentat rikors quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit), li, permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Awwissu 2017, ċaħdet ir-rikors. Din il-qorti, b’mod partikolari, ikkunsidrat li s-servizzi pprovduti minn Aladdin kienu servizzi ta’ “mmaniġġjar” li jaqgħu taħt l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ ammont ta’ VAT pro rata għas-servizzi pprovduti minn BFMI favur il-fondi l-oħra biss ma kinitx possibbli peress li dawn is-servizzi kienu pprovduti b’mod uniku kemm għall-FCP kif ukoll għall-fondi l-oħra. Peress li l-fondi l-oħra kienu jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-fondi mmaniġġati minn BlackRock, kemm mill-perspettiva tan-numru tagħhom kif ukoll tal-valur tagħhom, kien hemm lok li tiġi applikata rata unika għall-fondi l-oħra u għall-FCP. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li din il-kumpannija ppreżentat rikors kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

18.

Skont il-qorti tar-rinviju, ċertu numru ta’ elementi fattwali huma paċifiċi. Hija tirrileva wkoll li, l-ewwel nett, fi ħdan BlackRock, il-persuni responsabbli mill-immaniġġar tal-fondi huma l-amministraturi tal-portafolli. L-immaniġġar ta’ investimenti jsegwi ċiklu ta’ analiżi, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ta’ eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet u ta’ regolamenti u rikonċiljazzjonijiet ta’ wara t-tranżazzjonijiet. It-tieni nett, is-servizzi ta’ mmaniġġar ta’ fondi ta’ BlackRock huma pprovduti permezz ta’ Aladdin, pjattaforma magħmula minn kombinazzjoni ta’ ħardwer informatiku, softwer u riżorsi umani. Barra minn hekk, il-funzjonijiet ta’ Aladdin ikopru ċ-ċiklu kollu ta’ investiment. B’mod ġenerali, Aladdin tipprovdi lill-amministraturi tal-portafolli analiżi u kontrolli tal-prestazzjoni u tar-riskji sabiex tassistihom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment, tissorvelja l-osservanza tal-leġiżlazzjoni u tippermetti lill-amministraturi tal-portafolli ta’ BlackRock jimplimentaw id-deċiżjonijiet dwar it-tranżazzjonijiet. It-tielet nett, BlackRock timmaniġġa kemm il-FCP kif ukoll fondi oħra u tuża s-servizzi ta’ mmaniġġar ta’ Aladdin sabiex timmaniġġa dawn il-fondi kollha. Ir-raba’ nett, il-maġġoranza tal-fondi li BlackRock tipprovdilhom servizzi ta’ mmaniġġar jikkorrispondu għal fondi oħra, kemm mill-perspettiva tan-numru ta’ fondi kif ukoll tal-valur tal-assi mmaniġġati. Il-ħames nett, BFMI tipprovdi servizzi ta’ mmaniġġar lil amministraturi ta’ fondi oħra minbarra BlackRock, li wħud minnhom jimmaniġġaw prinċipalment FCP.

19.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jawtorizzax it-tqassim, pro rata tal-korrispettiv tal-istess provvista, skont l-użu intiż tagħha. F’dan ir-rigward, tressqulha żewġ argumenti opposti. Għalkemm l-amministrazzjoni tat-taxxa ssostni li l-provvisti kollha ta’ Aladdin li minnhom tibbenefika BlackRock huma taxxabbli abbażi tal-VAT peress li din il-kumpannija timmaniġġa fil-parti l-kbira fondi oħra, l-imsemmija kumpannija tqis, min-naħa tagħha, li l-użu tagħha ta’ Aladdin għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi eżentat fir-rigward tal-provvisti li jibbenefikaw minnhom il-FCP, peress li l-parti tal-ammont ta’ dawn il-fondi fl-ammont totali tal-fondi mmaniġġati tippermetti li jiġi stmat il-valur tagħhom.

20.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu ( 5 ), fir-rigward tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, aċċettat it-tqassim pro rata bbażat fuq l-użu intiż tal-istess provvista ta’ servizzi, jiġifieri skont jekk dan huwiex intiż għal elementi eżentati jew għal elementi suġġetti għall-VAT. Loġikament, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk tali tqassim japplikax ukoll fil-kuntest ta’ eżenzjonijiet oħra, bħal dawk previsti fl-Artikolu 135(1)(g) tal-istess direttiva. Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li din is-sentenza ma tipprovdix indikazzjoni ċara għall-eżitu ta’ din il-kawża, sa fejn it-tqassim pro rata fir-rigward tal-eżenzjoni tal-qsim tal-ispejjeż jidher li huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet prattiċi u mhux fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju jew teleoloġiċi.

21.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, l-approċċ li jikkonsisti fl-awtorizzazzjoni tat-tqassim pro rata tal-korrispettiv tal-istess provvista ta’ servizzi ta’ mmaniġġar, bejn is-servizzi intiżi għall-immaniġġar ta’ FCP u dawk intiżi għall-immaniġġar ta’ fondi oħra, jista’ eventwalment jiġi aċċettat. Madankollu, hija tistaqsi dwar ir-rabta ta’ dan l-approċċ mas-soluzzjoni li skontha l-kunsinni jew il-provvisti uniċi għandhom jiġu ntaxxati skont l-użu li għalih huma intiżi b’mod predominanti jew prinċipalment.

22.

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li, f’ċirkustanzi fejn jintużaw servizzi għall-immaniġġar kemm ta’ FCP kif ukoll ta’ fondi oħra, hija ma tistax tiddetermina b’ċertezza liema hija l-interpretazzjoni korretta li għandha tingħata lill-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima.

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità), ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Skont interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 135(1)(g) tad-[Direttiva 2006/112], meta tiġi pprovduta provvista unika ta’ servizzi ta’ immaniġġar skont it-tifsira ta’ dan l-artikolu minn fornitur terz lill-maniġer tal-fond u din tintuża min [minn] dak il-maniġer tal-fond kemm fl-immaniġġjar ta’ [FCP] kif ukoll fl-immaniġġjar ta’ [fondi oħra]:

(a)

dik il-provvista unika għandha tkun suġġetta għal rata unikata’ taxxa? Jekk iva, kif għandha tiġi ddeterminata dik ir-rata unika? jew

(b)

il-korrispettiv għal dik il-provvista unika għandu jitqassam skont l-użu tas-servizzi ta’ immaniġġjar (pereżempju, b’riferiment għall-ammonti tal-fondi immaniġġjati fil-[FCP] u fil-[fondi l-oħra] rispettivament) sabiex parti mill-provvista unika titqies bħala eżenti mit-taxxa u parti oħra minnha titqies bħala taxxabbli?”

A. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

BlackRock, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

25.

Matul is-seduta li saret fit-18 ta’ Diċembru 2019, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali minn BlackRock, mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni.

III. Analiżi

26.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, u skont liema modalitajiet, provvisti ta’ servizzi mwettqa minn fornitur terz favur amministratur ta’ fondi jistgħu jiġu eżentati skont l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, fil-każ fejn dawn is-servizzi huma intiżi li jintużaw fl-istess ħin għall-immaniġġar ta’ FCP u ta’ fondi oħra.

27.

B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-valur taxxabbli ta’ din il-provvista jistax jitqassam skont il-valur tal-assi tal-fondi. Fil-fatt, mid-deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, is-servizzi inkwistjoni huma pprovduti kemm favur FCP, li l-immaniġġar tagħhom huwa fil-prinċipju eżentat, kif ukoll favur fondi oħra, li l-immaniġġar tagħhom huwa suġġett għall-VAT. Huwa dan l-użu intiż doppju tal-istess servizz li huwa l-oriġini tal-problema f’dan il-każ. Is-soluzzjoni tagħha timplika li jiġi ddeterminat jekk il-valur taxxabbli ( 6 ) għandux jitnaqqas biss għall-prezz tas-servizzi pprovduti minn Aladdin favur l-immaniġġar ta’ fondi oħra.

28.

Għalkemm il-ġurisprudenza dwar l-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-immaniġġar ta’ fondi ta’ investiment, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, hija pjuttost abbundanti ( 7 ), sa fejn naf jien, l-ebda sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrigwarda ċirkustanzi identiċi għal dawk tal-kawża prinċipali, jiġifieri użu intiż doppju tas-servizzi intiżi għall-iżgurar tal-immaniġġar kemm tal-FCP kif ukoll ta’ fondi oħra. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat, f’diversi drabi, l-Artikolu 135(1) ta’ din id-direttiva u d-dispożizzjoni li ppreċedietu, jidhirli li huwa neċessarju li jitfakkru ċerti prinċipji fir-rigward tal-eżenzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni (Titolu A), sabiex sussegwentement jiġu invokati l-limiti, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tad-dibattitu dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni (Titolu B) u, finalment, sabiex jiġi ddeterminat it-trattament fiskali li għandu jingħata lill-provvisti inkwistjoni (Titolu C).

A.   Osservazzjonijiet preliminari relatati mal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112

29.

Fl-ewwel lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżenzjonijiet intiżi fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor u li għandhom jiġu ssostitwiti fil-kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT ( 8 ).

30.

Fit-tieni lok, hemm lok li jitfakkar li l-kliem użat sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li skontu l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi li ssir bi ħlas minn persuna taxxabbli ( 9 ). Għalhekk, meta provvista ta’ servizzi ma taqax taħt l-eżenzjonijiet previsti mid-Direttiva 2006/112, din il-provvista hija suġġetta għall-VAT, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-direttiva ( 10 ).

31.

B’kunsiderazzjoni ta’ dan, l-interpretazzjoni tal-imsemmija termini għandha tkun konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 u tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Minn dan l-aħħar prinċipju jirriżulta li l-operaturi għandu jkollhom is-setgħa li jagħżlu l-mudell ta’ organizzazzjoni li, minn perspettiva strettament ekonomika, jaqblilhom l-iktar, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li t-tranżazzjonijiet tagħhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni ( 11 ).

B.   Fuq il-limiti tad-dibattitu dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112

32.

L-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jeżenta mill-VAT “l-imaniġġjar ta’ [FCP] kif definiti mill-Istati Membri”. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, minn naħa, din ma tapplikax għall-fondi kollha, iżda biss għal dawk li huma kklassifikati bħala FCP. Min-naħa l-oħra l-attivitajiet li jiġu analizzati bħala “mmaniġġar” ( 12 ) jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni. Sabiex attività tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ta’ “mmaniġġjar ta’ FCP” u tibbenefika mill-imsemmija eżenzjoni, din għandha tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

33.

B’mod iktar partikolari, mill-ġurisprudenza relatata mal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li, fir-rigward tal-kunċett ta’ “FCP”, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-FCP indipendentement mill-forma ġuridika tagħhom ( 13 ). Għalhekk, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kemm l-organi ta’ investiment kollettiv ikkostitwiti taħt il-liġi tal-kuntratti, jew il-liġi dwar it-trusts, kif ukoll dawk ikkostitwiti taħt statut ( 14 ). Barra minn hekk, bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “FCP” ( 15 ), setgħa li “hija madankollu limitata bil-projbizzjoni li jiġi ppreġudikat il-kliem stess tal-eżenzjoni użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni” ( 16 ). F’din il-kawża, b’kunsiderazzjoni tal-elementi li jinsabu fil-fajl, ma hemm l-ebda dubju u dan huwa paċifiku bejn il-partijiet, li l-fondi benefiċjarji tas-servizzi ta’ BFMI huma, fost oħrajn, FCP ( 17 ).

34.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-servizzi tal-BFMI jaqgħux taħt l-immaniġġar ta’ FCP, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox, fir-rigward tal-kunċett ta’ “mmaniġġjar”, affermat fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, li dan huwa ddefinit esklużivament abbażi tad-dritt tal-Unjoni u jikkostitwixxi għalhekk kunċett awtonomu ta’ dan id-dritt, fejn l-Istati Membri ma għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam ( 18 ).

35.

Fir-rigward tal-kontenut tal-kunċett ta’ “immaniġġar”, għandu jitfakkar li l-isfumaturi tiegħu ġew ippreċiżati f’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minbarra l-funzjonijiet ta’ mmaniġġar tal-portafoll, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, dawk ta’ amministrazzjoni tal-organi ta’ investiment kollettiv innifishom ( 19 ). Min-naħa l-oħra, huma esklużi minn dan il-imsemmi kamp il-funzjonijiet ta’ depożitarju tal-organi ta’ investiment kollettiv ( 20 ). Barra minn hekk, fis-sentenza GfBk tagħha ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li provvisti bħalma huma l-kalkolu tal-ammont ta’ dħul u tal-prezz tal-unitajiet jew tal-ishma ta’ fondi, l-evalwazzjoni tal-assi, il-kontabbiltà, il-preparazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet għad-distribuzzjoni tad-dħul, l-għoti tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni għall-kontabbiltà perijodika u għad-dikjarazzjonijiet fiskali, tal-istatistika u tal-VAT kif ukoll il-preparazzjoni tal-previżjonijiet tad-dħul jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “mmaniġġar” ta’ FCP ( 22 ).

36.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-immaniġġar ta’ FCP, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, huwa ddefinit skont in-natura tas-servizzi pprovduti u mhux skont il-fornitur jew id-destinatarju tas-servizz ( 23 ). Hija għalhekk iddeċidiet li, sabiex fondi jkunu jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “FCP”, xejn ma jipprekludi li l-immaniġġar ta’ fondi ta’ investiment jinqasam f’diversi servizzi u li wħud minnhom jiġu pprovduti minn amministratur terz ( 24 ).

37.

Finalment u fuq kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat kriterji li skonthom, sabiex jitqiesu li huma tranżazzjonijiet eżentati fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, is-servizzi ta’ mmaniġġar ipprovduti minn amministratur terz għandhom jifformaw unità distinta, ikkunsidrata b’mod wiesa’, u jikkostitwixxu elementi speċifiċi u essenzjali għall-immaniġġar ta’ FCP ( 25 ). Minn dan isegwi li, skont din il-ġurisprudenza, l-eżenzjoni inkwistjoni ma tkoprix il-forom kollha ta’ mmaniġġar ta’ FCP, iżda biss l-immaniġġar ta’ FCP li jissodisfa dawn il-kriterji. Issa, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-provvista pprovduta minn BFMI u, b’mod partikolari, dwar in-natura speċifika tagħha.

38.

F’din il-kawża, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li BlackRock tibbenefika minn servizzi pprovduti minn BFMI permezz tal-pjattaforma Aladdin, li hija tuża fil-kuntest tal-immaniġġar kemm tal-FCP kif ukoll ta’ fondi oħra. B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tindika li, l-ewwel nett, Aladdin tipprovdi analiżi tas-suq, kontrolli tal-prestazzjoni u evalwazzjoni tar-riskji sabiex tassisti lill-amministraturi tal-portafolli fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment. It-tieni nett, Aladdin tissorvelja l-osservanza tal-leġiżlazzjoni. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tispjega li Aladdin tippermetti li jiġu implimentati d-deċiżjonijiet dwar it-tranżazzjonijiet. Għalhekk, il-funzjonijiet ta’ Aladdin ikopru ċ-ċiklu kollu ta’ investiment billi jassistu lill-amministraturi tal-portafolli fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment, fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni, u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar it-tranżazzjonijiet. Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit) ikkonkludew li s-servizzi pprovduti minn BFMI, permezz tal-pjattaforma Aladdin, jissodisfaw il-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja fasslet sabiex tiddetermina jekk provvisti ta’ servizzi mwettqa minn fornitur terz favur amministratur ta’ fondi jistgħux jiġu eżentati skont l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri jekk dawn jifformawx unità distinta, ikkunsidrata b’mod wiesa’ u jikkostitwixxux elementi speċifiċi u essenzjali għall-immaniġġar ta’ FCP ( 26 ).

39.

Minkejja li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali setgħu joffru okkażjoni eċċellenti sabiex jiġu riveduti l-kriterji li għandha tissodisfa provvista ta’ servizzi sabiex taqa’ taħt l-“immaniġġjar ta’ FCP” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 meta dan is-servizz jiġi pprovdut minn terz permezz ta’ pjattaforma informatika, jien tal-opinjoni li dan id-dibattitu ma huwiex possibbli fil-kuntest ta’ din il-kawża. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 27 ). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, huma l-qrati nazzjonali li għandhom janalizzaw it-tranżazzjonijiet inkwistjoni, filwaqt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lil dawn il-qrati bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni rigward id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tiġi deċiża l-kawża mressqa quddiemhom ( 28 ). B’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha l-elementi kollha sabiex tanalizza kull tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha tevalwa jekk il-provvisti jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “mmaniġġjar ta’ FCP” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 ( 29 ).

40.

F’din il-kawża, ma hemm l-ebda dubju li l-qorti tar-rinviju eżaminat, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżenzjoni inkwistjoni, il-kriterji ta’ applikazzjoni msemmija iktar ’il fuq. Fi tmiem analiżi ddettaljata, din il-qorti waslet għall-konklużjoni li l-provvisti ta’ terzi pprovduti minn BFMI permezz ta’ Aladdin għall-immaniġġar tal-FCP jissodisfaw dawn il-kriterji ( 30 ). Għalhekk, permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk provvista waħda għandhiex tkun suġġetta għall-istess rata ta’ taxxa u jekk il-korrispettiv ta’ din il-provvista għandux jiġi ddeterminat b’mod speċifiku skont l-użu intiż tas-servizzi ta’ mmaniġġar.

41.

Konsegwentement, f’din il-kawża, ma huwiex possibbli li tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar jekk, fid-dinja moderna, fejn iktar u iktar servizzi qegħdin jiġu pprovduti permezz ta’ mezzi diġitali, hemmx lok li jiġu ppreċiżati l-kriterji ġurisprudenzjali dwar il-provvisti ta’ servizzi ta’ mmaniġġar minn terzi, meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti permezz ta’ pjattaforma elettronika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kawża prinċipali tqajjem kwistjoni iktar wiesgħa, li hija dik dwar jekk il-kundizzjoni ta’ speċifiċità li għandhom jissodisfaw il-fornituri ta’ servizzi terzi hijiex issodisfatta f’kuntest fejn dawn is-servizzi huma pprovduti minn pjattaforma informatika li taħdem bl-istess mod għall-fondi kollha ( 31 ). Madankollu, fir-rigward tal-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa suffiċjenti, fil-kuntest tal-analiżi tad-domanda preliminari, li wieħed jitlaq mill-premessa li s-servizzi pprovduti minn BFMI, permezz tal-pjattaforma tagħha Aladdin (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ Aladdin”), huma, minbarra l-użu intiż tagħhom għall-immaniġġar ta’ fondi oħra, speċifiċi u essenzjali għall-immaniġġar ta’ FCP u jifformaw unità distinta.

C.   Fuq it-trattament fiskali ta’ provvista waħda

42.

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-provvista waħda ( 32 ) tista’ tkopri żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet ( 33 ). Fil-fatt, fis-sentenza Deutsche Bank ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm provvista waħda, b’mod partikolari, meta element għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-provvista prinċipali jew meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli lill-konsumatur, ikkunsidrat bħala konsumatur medju, tant ikunu marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli u li t-tqassim tagħha f’partijiet ikun ta’ natura artifiċjali ( 35 ). Barra minn hekk, f’din is-sentenza ( 36 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija elementi “mhux biss […] ma jistgħux jiġu sseparati”, iżda wkoll għandhom jitqiegħdu “fuq l-istess livell” jekk “huma indispensabbli għat-twettiq tas-servizz globali, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li wieħed għandu jitqies bħala li huwa s-servizz prinċipali u l-ieħor bħala li huwa s-servizz anċillari” ( 37 ). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-element predominanti tal-provvista waħda għandu jiġi ddeterminat, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, skont l-importanza kwalitattiva u kwantitattiva tal-elementi li jaqgħu taħt l-eżenzjoni inkwistjoni meta mqabbla ma’ dawk li ma jaqgħux taħt din l-eżenzjoni ( 38 ).

43.

Jekk jiġi stabbilit li s-servizzi ta’ Aladdin huma, minbarra l-użu intiż tagħhom għall-immaniġġar ta’ fondi oħra, speċifiċi u essenzjali għall-immaniġġar ta’ FCP u jifformaw unità distinta, għandu jiġi eżaminat jekk dawn jikkostitwixxux provvista waħda ekonomikament inseparabbli (1). Sussegwentement, tqum il-kwistjoni tat-trattament fiskali, filwaqt li jeżistu sentenzi li jippermettu trattament iddifferenzjat ta’ tranżazzjonijiet distinti, sentenzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tbiegħdet mil-linja ġurisprudenzjali klassika (2). Finalment, hemm lok li jiġi eżaminat il-każ speċifiku ta’ kumpannija ta’ fondi ta’ investiment meta sehem minoritarju ta’ din il-kumpannija jkun magħmul minn FCP (3).

1. Fuq il-klassifikazzjoni ta’ provvista bħala provvista waħda

44.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mid-deċiżjonijiet annessi magħha ( 39 ) jirriżulta li l-qrati nazzjonali kklassifikaw is-servizzi ta’ Aladdin bħala provvista waħda. Issa, peress li din il-provvista waħda tintuża minn BlackRock kemm għall-immaniġġar ta’ FCP kif ukoll għal dak ta’ fondi oħra, il-pożizzjonijiet tal-partijiet ma jaqblux dwar jekk, f’konfigurazzjoni bħal dik f’dan il-każ, il-provvista ta’ servizzi hijiex analizzata bħala “provvista waħda u inseparabbli” jew jekk tistax tiġi analizzata bħala provvista prinċipali, jiġifieri l-immaniġġar ta’ fondi oħra li jifformaw il-maġġoranza tal-fondi mmaniġġati minn BlackRock, akkumpanjata minn provvista anċillari, jiġifieri l-immaniġġar ta’ FCP, li jifformaw il-minoranza tal-fondi mmaniġġati minn BlackRock. Id-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali tidher li hija bbażata fuq il-premessa li s-servizzi ta’ Aladdin jikkostitwixxu provvista waħda magħmula minn diversi elementi.

45.

Issa, skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ, ma hemmx provvista waħda li tinqasam bħala provvista prinċipali akkumpanjata minn provvista sekondarja waħda jew iktar ( 40 ). Il-Gvern tar-Renju Unit iqis, min-naħa l-oħra, li l-provvista inkwistjoni tikkostitwixxi provvista waħda magħmula minn diversi elementi, peress li l-immaniġġar ta’ fondi oħra huwa, mill-perspettiva kwantitattiva u kwalitattiva, l-element predominanti ta’ din il-provvista. Minn dan isegwi li l-provvista waħda kollha għandha tiġi ntaxxata. Sabiex nirrispondi għal din il-problema u nipproċedi għall-klassifikazzjoni tal-provvista inkwistjoni, ser niffoka fuq il-ġurisprudenza dwar il-provvista waħda kumplessa.

46.

Qabel kollox, hemm lok li jitfakkar li, għall-finijiet tal-VAT, kull provvista għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112. Dan ifisser li t-tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fil-livell ekonomiku ma għandhiex tinqasam artifiċjalment sabiex ma sseħħx distorsjoni tal-funzjonament tas-sistema tal-VAT ( 41 ). Fl-istess ħin, ma jistax jiġi eskluż li, minħabba l-kumplessità tagħha, provvista tinkludi elementi li, meqjusin b’mod separat, jiġu ntaxxati b’mod differenti. F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, meta provvista tinkludi element prinċipali u element anċillari, dan tal-aħħar isegwi l-istess skema bħall-element prinċipali. Din hija l-ġurisprudenza li timplimenta l-massima “accessorium principale sequitur”.

47.

Il-ġurisprudenza li stabbilixxiet dan l-approċċ ħarġet b’mod partikolari mis-sentenza CPP ( 42 ). Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet intalbet tiddetermina jekk is-servizzi differenti pprovduti fil-kuntest ta’ pjan maħsub sabiex detenturi ta’ karti tal-kreditu jiġu offruti, għall-ħlas ta’ ċertu somma, provvista ta’ servizz tal-assigurazzjoni u provvista ta’ reġistrazzjoni tal-karta, setgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-assigurazzjoni prevista fl-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva ( 43 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-prinċipju li skontu “provvista kkostitwita minn servizz uniku fuq livell ekonomiku ma għandhiex tinqasam artifiċjalment sabiex ma sseħħx distorsjoni tal-funzjonament tas-sistema tal-VAT” ( 44 ). Għalhekk, din hija provvista waħda fl-ipoteżi fejn element wieħed jew iktar għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali filwaqt li, għall-kuntrarju, element wieħed jew iktar għandhom jitqiesu bħala provvista anċillari waħda jew iktar li jikkondividu x-xorti fiskali tal-provvista prinċipali ( 45 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li provvista għandha titqies bħala anċillari għal provvista prinċipali meta għall-klijentela din ma tikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda l-mezz biex jibbenefikaw fl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-fornitur ( 46 ).

48.

Sussegwentement, l-approċċ li skontu l-anċillari jsegwi l-prinċipali ġie kkonfermat reċentement fil-kuntest ta’ kawżi oħra.

49.

Għalhekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Žamberk ( 47 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita bil-kwistjoni dwar jekk l-aċċess għal park akkwatiku li joffri lill-viżitaturi mhux biss installazzjonijiet li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attivitajiet sportivi, iżda wkoll b’tipi oħra ta’ attivitajiet ta’ serħan u rikreazzjoni, kienx jaqa’ taħt l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li l-park akkwatiku kien jipprovdi biss biljett wieħed tad-dħul li jagħti dritt għall-installazzjonijiet kollha, mingħajr l-ebda distinzjoni skont it-tip ta’ installazzjoni effettivament użata, il-manjiera u t-tul tal-użu matul il-perijodu ta’ validità tal-biljett tad-dħul, jikkostitwixxi indikazzjoni importanti dwar l-eżistenza ta’ provvista waħda ( 48 ). Minn dan isegwi li, meta jiġu pprovduti diversi elementi bħala unità waħda, mingħajr l-ebda distinzjoni fir-rigward tal-elementi effettivament użati, hemm lok li dawn jingħataw trattament wieħed.

50.

L-istess approċċ ġie adottat ukoll fis-sentenza Stadion Amsterdam ( 49 ). Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar it-trattament fiskali ta’ biljett li jippermetti lill-viżitatur jibbenefika kemm minn żjara ggwidata tal-istadjum ta’ AFC Ajax kif ukoll minn żjara tal-mużew ta’ dan il-klabb tal-futbol. Il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat dawn it-tranżazzjonijiet bħala provvista waħda, li kienet komposta minn żjara ggwidata tal-istadjum, bħala element prinċipali, u mill-iżjara tal-mużew ta’ AFC Ajax, bħala element anċillari. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet adita b’mod partikolari mill-kwistjoni dwar liema kienet ir-rata tal-VAT applikabbli għal din il-provvista waħda. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat, b’mod espliċitu, li “mill-kwalifika nnifisha ta’ provvista waħda ta’ tranżazzjoni li tikkomporta numru ta’ elementi jirriżulta li din it-tranżazzjoni hija suġġetta għall-istess rata unika ta’ VAT”, minħabba l-fatt li l-“possibbiltà, għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, li l-elementi differenti li jifformaw provvista waħda jiġu ssuġġettati għar-rati differenti ta’ VAT applikabbli għall-imsemmija elementi twassal sabiex tiġi diviża artifiċjalment din il-provvista u tista’ tbiddel il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT” ( 50 ). Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta b’mod ċar li tranżazzjoni tinkludi diversi elementi li għandhom jirċievu trattament uniformi ( 51 ).

51.

Finalment, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ din il-kawża, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, jien tal-opinjoni li din ma hijiex sitwazzjoni li taqa’ taħt l-ipoteżi ta’ “accessorium principale sequitur”. Fil-fatt, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-amministraturi ta’ BlackRock jibbenefikaw minn informazzjoni differenti, li tinkludi stadji differenti tal-attività ta’ investiment, iżda li, meħuda b’mod globali, tista’ titqies bħala fluss wieħed ta’ informazzjoni li għandu bħala bażi l-ftehim ta’ liċenzja u ta’ servizzi ta’ Aladdin, tal-1 ta’ Jannar 2010 ( 52 ). Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li s-servizzi kollha msemmija iktar ’il fuq jistgħu jiġu pprovduti separatament, mill-indikazzjonijiet mogħtija matul is-seduta u fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 53 ) jirriżulta li l-amministraturi tal-portafolli jfittxu l-kombinazzjoni ta’ dawn l-elementi, b’tali mod li huwa konċepibbli li jiġu kkunsidrati bħala tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli. Għaldaqstant, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-valur tal-provvista ta’ servizz inkwistjoni jinsab, mill-perspettiva tal-benefiċjarju ta’ din il-provvista, fl-użu kkombinat tal-pjattaforma informatika inkwistjoni matul iċ-ċikli differenti ta’ investiment. B’mod iktar partikolari, is-servizzi ta’ analiżi tas-swieq, ta’ kontroll tal-prestazzjonijiet, ta’ evalwazzjoni tar-riskji, ta’ kontroll tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni u tal-implimentazzjoni tat-tranżazzjonijiet jistgħu jiġu pprovduti flimkien, b’mod komplementari, u mqiegħda fuq l-istess livell. Għaldaqstant, jidher li l-provvista inkwistjoni tikkostitwixxi provvista waħda, komposta minn diversi elementi mqiegħda fuq l-istess livell ( 54 ).

52.

Konsegwentement, fil-livell ekonomiku, din hija provvista li l-kumpannija BlackRock tixtri flimkien għall-finijiet tal-immaniġġar tal-attività ta’ investiment tal-fondi li jappartjenu lilha. Peress li l-istess elementi tas-servizzi ta’ Aladdin jintużaw kemm għall-immaniġġar tal-FCP, tranżazzjoni li taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll għall-immaniġġar ta’ fondi oħra, tranżazzjoni li ma tistax tibbenefika minn din l-eżenzjoni, tqum il-kwistjoni dwar liema huwa t-trattament fiskali li għandu jingħata lil dawn is-servizzi.

2. Fuq it-trattament iddifferenzjat ta’ tranżazzjonijiet distinti

53.

BlackRock tafferma, essenzjalment, li l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza d-determinazzjoni ddifferenzjata tal-valur taxxabbli relatat mal-istess provvista ta’ servizzi ta’ mmaniġġar, b’tali mod li jaqgħu f’dan il-valur taxxabbli biss it-tranżazzjonijiet imwettqa favur fond li l-immaniġġar tiegħu ma huwiex eżentat. Hija ssostni li, meta d-destinatarju tas-servizzi inkwistjoni jkollu FCP u fondi oħra, għandha tiġi applikata fuq il-korrispettiv, pro rata, ikkalkolata skont il-“valur tal-assi mmaniġġjati” mid-destinatarju tal-imsemmija servizzi.

54.

Kemm il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, min-naħa l-oħra, li l-istess provvista komposta minn diversi elementi, intiża prinċipalment għall-immaniġġar taxxabbli ta’ fondi oħra minbarra l-FCP, ma tistax tkun is-suġġett ta’ tali determinazzjoni, b’tali mod li hija taxxabbli kollha kemm hi.

a) L-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-eċċezzjonijiet aċċettati mill-ġurisprudenza

55.

Kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat sitwazzjonijiet li fihom l-elementi ta’ provvista waħda jiġu applikati trattamenti differenti tal-VAT. Fost is-sentenzi ċċitati fit-talba għal deċiżjoni preliminari, kif enfasizza l-Gvern tar-Renju Unit, is-sentenzi Talacre Beach Caravan Sales ( 55 ) u Il-Kummissjoni vs Franza ( 56 ), jikkostitwixxu l-uniċi każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzat li l-elementi differenti ta’ provvista waħda jkunu s-suġġett ta’ żewġ trattamenti differenti tal-VAT ( 57 ). Madankollu, minkejja r-riferiment magħmul mill-qorti tar-rinviju għal dawn is-sentenzi eċċezzjonali ( 58 ), inqis li, peress li ma jistabbilixxux prinċipji ġenerali, dawn ma japplikawx f’dan il-każ.

56.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-kawża li wasslet għas-sentenza Talacre Beach Caravan Sales ( 59 ) kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk it-tagħmir tal-karavans kellux jiġi ntaxxat bl-istess mod bħall-karavans stess. Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ( 60 ) kienet tillimita l-applikazzjoni tar-rata żero għall-karavans innifishom u kienet teskludi espressament it-tagħmir tagħhom. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-element prinċipali ta’ provvista waħda huwa suġġett għal rata żero (eżenzjoni bir-rimbors tat-taxxa), l-elementi anċillari l-oħra jibqgħu madankollu taxxabbli. Għalhekk, il-kunċett ta’ tranżazzjoni waħda komposta minn diversi elementi ma kienx jobbliga lill-Istat Membru jagħti l-istess trattament lill-elementi l-oħra.

57.

Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw din il-kawża kienu partikolari ħafna, peress li kienet inkwistjoni l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 28(2) tas-Sitt Direttiva ( 61 ), li japplikaw eżenzjonijiet bir-rimbors tat-taxxa mħallsa, simili għal klawżola ta’ standstill u li tikkostitwixxi deroga mid-dispożizzjoni li tipprevedi r-rata normali tal-VAT ( 62 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod espliċitu din in-natura eċċezzjonali tal-kawża inkwistjoni meta rrilevat li “[j]ekk jirriżulta, ċertament, [mill-] ġurisprudenza li kunsinna unika hija bħala prinċipju suġġetta għal rata waħda ta’ VAT, hija ma tipprekludix it-tassazzjoni separata ta’ ċerti komponenti ta’ din il-kunsinna meta biss tali tassazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijet li għalihom l-Artikolu 28(2)(a) tas-Sitt Direttiva jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet bir-rifużjoni tat-taxxa mħallsa” ( 63 ).

58.

Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza ( 64 ), dwar it-trattament fiskali applikabbli għat-trasport ta’ kadavri fil-kuntest ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi funebri ( 65 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddetermina jekk ir-Repubblika Franċiża kinitx naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 96 sa 98 u l-Artikolu 99(1) tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet qieset li l-qsim artifiċjali tas-servizz ta’ trasport ta’ kadavri, fil-konfront tat-totalità komposta mis-servizzi pprovduti mill-impriżi funebri, kien iwassal lil dan l-Istat Membru sabiex japplika żewġ rati ta’ VAT differenti lil żewġ komponenti ta’ provvista li għandha titqies li hija waħda. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 98(1) tad-Direttiva 2006/112, li kien jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għal kategorija tal-provvisti li jidhru fl-Anness III ta’ din id-direttiva, jiġifieri, b’mod partikolari, is-servizzi pprovduti minn impriżi funebri. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasport ta’ kadavri b’vettura kien jikkostitwixxi element konkret u speċifiku fost is-servizzi pprovduti mill-impriżi funebri ( 66 ). F’din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kellhiex bżonn teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-provvisti pprovduti minn tali impriżi kinux jikkostitwixxu provvisti uniċi ( 67 ), u lanqas dik dwar it-trattament iddifferenzjat ta’ tali servizzi.

59.

Konsegwentement, inqis li ċ-ċirkustanzi tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi msemmija iktar ’il fuq jispjegaw għalfejn dawn jitbiegħdu mil-linja ġurisprudenzjali f’dan il-qasam. Issa, din il-kawża ma taqa’ taħt l-ebda waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li skontu hemm lok li jiġi applikat trattament wieħed għal provvista waħda. Madankollu, insostenn tal-argument tagħha li jsostni l-applikazzjoni ta’ pro rata skont l-użu intiż tas-servizzi, BlackRock tinvoka s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu ( 68 ) li, fil-fehma tiegħi, ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża.

b) L-inapplikabbiltà f’dan il-każ tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu

60.

Din is-sentenza ( 69 ) ngħatat fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tikkonċerna l-mod kif il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien applika l-eżenzjoni għal gruppi indipendenti ta’ persuni (iktar ’il quddiem il-“GIP”) imsemmija fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ħadet pożizzjoni b’mod partikolari dwar jekk, u kif, l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni setgħetx tapplika għal provvisti mwettqa minn grupp indipendenti fil-konfront tal-membri tiegħu li wettqu attivitajiet ( 70 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma kinitx tipprevedi eżenzjoni fir-rigward tal-provvisti ta’ servizzi li ma humiex meħtieġa direttament għall-eżerċizzju tal-attivitajiet eżentati tal-membri ta’ GIP jew li fir-rigward tagħhom ma għandhomx il-kwalità ta’ persuna taxxabbli.

61.

Is-siltiet tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu ( 71 ) li tibbaża fuqhom BlackRock jinsabu fil-punti 53 u 54, li jikkostitwixxu tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-argument imressaq mill-Istat Membru konvenut. Għalhekk, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “[s]-servizzi mogħtija minn GIP li l-membri tiegħu jeżerċitaw ukoll servizzi ntaxxabbli jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, iżda biss sa fejn dawn is-servizzi jkunu meħtieġa direttament għall-attivitajiet eżentati tal-imsemmija membri jew li fir-rigward tagħhom ma għandhomx il-kwalità ta’ persuna taxxabbli”. Fil-punt 54 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod partikolari li l-Istat Membru konvenut “ma stabbilixxiex għaliex, jekk ikun il-każ, huwa eċċessivament diffiċli għall-GIP li jiffattura s-servizzi tiegħu mingħajr VAT, skont is-sehem li għandhom fl-attivitajiet kollha tal-membri tiegħu l-attivitajiet eżentati minn din it-taxxa jew li fir-rigward tagħhom dawn il-membri ma għandhomx il-kwalità ta’ persuna taxxabbli” ( 72 ).

62.

Jien tal-opinjoni li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu ( 73 ) ma tistax isservi bħala referenza għal din il-kawża. F’dan ir-rigward, minn din is-sentenza jirriżulta, ċertament, li, bħala prinċipju, l-eżenzjoni tista’ tiġi kkalkolata pro rata sabiex jinżamm l-effett tagħha. Madankollu, tali kunsiderazzjoni tidher li hija bbażata, fl-imsemmija sentenza, fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 li jsemmi b’mod espliċitu s-“sehem” tal-ispejjeż li jaqgħu fuq il-membri tal-GIP. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali riferiment ma jissemmiex fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112. Għaldaqstant, minn paragun tal-formulazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni jirriżulta li d-determinazzjoni tal-“ishma” li tista’ tiġi awtorizzata mill-Artikolu 132(1)(f) tal-imsemmija direttiva ma tistax tiġi trasposta għall-Artikolu 135(1)(g) tal-istess diretttiva, u dan iktar u iktar peress li l-eżami tal-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu ( 74 ), b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-punti 51 u 53, jirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, fl-analiżi tagħha, importanza partikolari lill-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112.

63.

Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li l-motivi li jinsabu fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom, bħala prinċipju, jingħataw valur ugwali irrispettivament min-natura tar-rikors, jiġifieri rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu rregolat mill-Artikoli 258 sa 260 TFUE jew rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, jibqa’ l-fatt li huwa perikoluż li l-kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ dawn is-sentenzi jiġu applikati b’mod awtomatiku għall-kawżi l-oħra, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali, ġuridiċi u kuntestwali ta’ dawn tal-aħħar. Kif diġà ġie indikat, minn naħa, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni li kienet is-suġġett ta’ applikazzjoni fil-kuntest tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu ( 75 ) hija differenti minn dik li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta f’din il-kawża. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita b’domanda limitata, jiġifieri jekk l-Istat Membru inkwistjoni kienx ittraspona b’mod korrett l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112. B’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet, jien tal-opinjoni li, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li temenda l-ġurisprudenza stabbilita sew tagħha dwar il-provvista waħda komposta minn diversi elementi ( 76 ). Ir-raġunament żviluppat, kif ukoll il-ġurisprudenza li tinsab fl-imsemmija sentenza, ma jistgħux isostnu konklużjoni opposta. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jien tal-opinjoni li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu ( 77 ) ma tikkostitwixxix sentenza ta’ prinċipju li tista’ sservi ta’ referenza għal din il-kawża.

3. Fuq il-każ speċifiku ta’ kumpannija kkostitwita minn sehem minoritarju ta’ FCP

64.

Wara li ġiet stabbilita, minn naħa, il-premessa li s-servizzi ta’ Aladdin huma speċifiċi u essenzjali għall-immaniġġar ta’ FCP u ta’ fondi oħra, u jifformaw unità distinta u li, min-naħa l-oħra, dawn jikkostitwixxu provvista waħda li tifforma provvista ekonomika waħda inseparabbli, għandu jiġi eżaminat jekk il-valur taxxabbli li jikkorrispondi għal din il-provvista għandux jinqasam, minħabba li parti minn din il-provvista hija intiża għall-immaniġġar ta’ FCP, u li, kieku din kienet intiża għall-FCP ikkunsidrati b’mod distint, din kienet tkun eżentata mill-VAT. Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ minoranza ta’ FCP, li l-immaniġġar tagħhom għandu jiġi eżentat, fi ħdan kumpannija li għandha diversi fondi, għandu jiġi ordnat it-tqassim tal-valur taxxabbli? Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva u dan għal sensiela ta’ raġunijiet.

65.

Qabel kollox, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 huma intiżi li jilħqu ċerti għanijiet, fosthom dak “li jiġi ffaċilitat, fir-rigward tal-investituri, l-investiment f’titoli permezz ta’ organi ta’ investiment, billi jiġu esklużi l-ispejjeż tal-VAT” ( 78 ). Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex, għalhekk, li jiżgura n-newtralità tas-sistema komuni tal-VAT fir-rigward tal-għażla bejn l-investiment dirett f’titoli u dak li jseħħ permezz ta’ organi ta’ investiment kollettiv ( 79 ). Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi għad-domanda preliminari bil-mod ippropost minn BlackRock, ikun hemm ir-riskju li dan l-għan jiġi kompromess. Peress li ma huwiex ikkontestat li s-servizzi ta’ Aladdin jikkostitwixxu provvista li BlackRock tuża kemm għall-immaniġġar tal-FCP kif ukoll ta’ fondi oħra, l-eżenzjoni inkwistjoni hija mitluba għal servizzi li ma jibbenefikawx biss mill-immaniġġar ta’ FCP. Peress li l-immaniġġar ta’ fondi oħra ma jaqax taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, eżenzjoni, anki jekk biss parzjali, ta’ tali provvista, li fil-parti l-kbira jibbenefikaw minnha l-fondi l-oħra, ma hijiex konformi mal-imsemmi għan, li permezz ta’ din l-eżenzjoni tfittex li tilħaq. Barra minn hekk, l-għoti tal-eżenzjoni għal provvista ta’ servizzi li jibbenefikaw minnha kemm il-fondi l-oħra kif ukoll il-FCP ikollha l-effett li titbiegħed mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 36 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet li, fid-dawl ta’ dan l-istess għan, tirrikjedi li s-servizzi ta’ mmaniġġar ipprovduti minn amministratur terz jifformaw unità distinta, evalwata b’mod globali, u jikkostitwixxu elementi speċifiċi u essenzjali għall-immaniġġar ta’ FCP.

66.

Minbarra l-fatt li l-eżenzjoni inkwistjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma hijiex konformi mal-għan li din l-eżenzjoni tfittex li tilħaq, argumenti ta’ natura prattika jikkontradixxu l-approċċ propost minn BlackRock. Fil-fatt, fir-rigward tas-servizzi ta’ Aladdin, ma huwiex possibbli li tiġi iżolata karatteristika distinta fi ħdan din il-provvista sabiex jiġi ddeterminat liema porzjon ta’ servizzi huwa intiż li jimmaniġġa l-FCP u l-fondi l-oħra. F’dan ir-rigward, BlackRock tipproponi li “l-prezz imħallas għas-servizzi ta’ mmaniġġjar [għandu jiġi] essenzjalment ikkalkolat pro rata għall-valur tal-assi mmaniġġjati”. Nista’ biss nesprimi r-riżervi tiegħi dwar din il-proposta. Għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 tirrigwarda l-eżenzjoni ta’ “tranżazzjonijiet” li jikkonsistu fl-“immaniġġjar ta’ FCP” u mhux eżenzjoni skont “l-assi tal-FCP immaniġġjati”. Barra minn hekk, kif isostni, ġustament, il-Gvern tar-Renju Unit, tali mekkaniżmu jmur kontra n-natura tas-sistema tal-VAT u jrendih inapplikabbli ( 80 ). Fil-fatt, il-VAT applikabbli għall-provvista waħda tvarja b’mod permanenti skont il-valur tal-FCP u tal-fondi l-oħra li fl-immaniġġar tagħhom tipparteċipa l-pjattaforma inkwistjoni. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar f’liema mument għandu jiġi ddeterminat l-imsemmi valur. Minn dan isegwi li t-tqassim tal-VAT dovuta skont il-valur tal-fondi mmaniġġati jista’ jkollu l-konsegwenza li jestendi l-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni għall-fondi l-oħra, li l-immaniġġar tagħhom ma jistax jiġi eżentat. Issa, tali riżultat ma jippermettix li jintlaħaq l-għan imsemmi iktar ’il fuq.

67.

Din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li skontha “t-tqassim b’mod dettaljat ħafna ta’ provvista [unika] kumplessa fi provvisti distinti li għandhom jiġu kklassifikati separatament irendi iktar diffiċli l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-VAT”, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja stess iddeċidiet li “tagħti prijorità lin-natura prattika fuq il-preċiżjoni” ( 81 ). Għalhekk, jekk jitqies li hemm provvista waħda, iżda madankollu tinqasam il-bażi tat-taxxa sabiex jiġu applikati diversi rati tal-VAT, dan imur kontra l-għan tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-provvisti kumplessi, li huwa li jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT ( 82 ). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tenfasizza l-problema dwar il-kriterji relatati mad-determinazzjoni tal-provvista waħda skont id-destinatarju, jiġifieri li ma hemmx kriterju oġġettiv, trasparenti u prevedibbli sabiex titwettaq tali determinazzjoni. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kif aċċettat BlackRock matul is-seduta, huwa impossibbli, jekk mhux diffiċli ħafna, li jiġi ddeterminat il-proporzjon li fih BlackRock tuża s-servizzi ta’ Aladdin għall-immaniġġar ta’ FCP.

68.

Nammetti li s-sitwazzjoni tkun differenti jekk is-servizzi ta’ Aladdin tibbenefika minnhom kumpannija li tieħu ħsieb biss l-immaniġġar ta’ FCP. F’din l-ipoteżi, tqum kwistjoni dwar il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li skontu l-operaturi għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-mudell ta’ organizzazzjoni li, minn perspettiva strettament ekonomika, jaqblilhom l-iktar, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li t-tranżazzjonijiet tagħhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni ( 83 ). Fil-fatt, kif ippreċiżat diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju ma huwiex regola tad-dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ eżenzjoni iżda huwa prinċipju ta’ interpretazzjoni, li għandu jiġi applikat b’mod parallel mal-prinċipju li jgħid li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 84 ). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni ċara, dan il-prinċipju ma jippermettix li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni jiġi estiż ( 85 ). F’dan il-każ, huwa evidenti li, kieku kellha tiġi aċċettata l-eżenzjoni skont il-valuri tal-fondi, il-benefiċċju tal-eżenzjoni inkwistjoni jkun estiż għall-fondi l-oħra, li normalment ma għandhomx jibbenefikaw minnu. Interpretazzjoni oħra tal-prinċipju ta’ newtralità tmur kontra s-soluzzjoni adottata fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li provvista waħda komposta minn żewġ elementi distinti, wieħed prinċipali, l-ieħor anċillari, li, kieku kellhom jingħataw separatament, kienu jkunu suġġetti għal rati differenti ta’ VAT, għandha tiġi ntaxxata biss bir-rata tal-VAT applikabbli għal din il-provvista waħda ddeterminata skont l-element prinċipali ( 86 ).

69.

Finalment, jien tal-opinjoni li, għar-raġunijiet msemmija iktar ’il fuq, il-fatt li tiġi ntaxxata l-provvista waħda li jifformaw is-servizzi ta’ Aladdin b’mod ieħor milli kollha kemm hi jikser ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112. Dan ir-rekwiżit jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeżenta mill-VAT l-immaniġġar ta’ FCP u li din l-eżenzjoni ma tiġix estiża għat-tipi l-oħra ta’ fondi jew għall-attivitajiet minbarra l-immaniġġar. Inqis li huwa f’dan is-sens li għandhom jinftiehmu l-kriterji relatati mal-immaniġġar tal-FCP ( 87 ). Ma jistax jiġi adottat approċċ kuntrarju għall-qari tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2006/112 iċċitati minn BlackRock ( 88 ). Għandu jiġi konkluż li d-dispożizzjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża preliminari, l-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, huwa intiż li jeżenta biss l-immaniġġar tal-FCP, u dan huwa kkonfermat mill-għan tiegħu li jiffaċilita lill-investituri żgħar l-investiment f’titoli permezz ta’ organi ta’ investiment.

70.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-opinjoni li l-għan tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 ma huwiex li tingħata din l-eżenzjoni lil attivitajiet ta’ mmaniġġar ipprovduti minn pjattaforma informatika li jibbenefikaw minnha kemm il-FCP kif ukoll il-fondi l-oħra. Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, l-eżenzjoni prevista favur l-immaniġġar ta’ FCP ma tistax tingħata lis-servizzi pprovduti minn BFMI lil BlackRock.

71.

Madankollu, irrid nenfasizza li, f’ċirkustanzi oħra minbarra dawk li huma ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, l-imsemmija eżenzjoni tista’ eventwalment tingħata lis-servizzi pprovduti minn terz lil amministratur ta’ fondi, bil-kundizzjoni li l-fornitur ta’ servizz jipprovdi data ddettaljata li tippermetti lill-amministrazzjoni tat-taxxa tidentifika b’mod preċiż u oġġettiv is-servizzi speċifiċi pprovduti speċifikament favur il-FCP. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, il-provvisti pprovduti biss lill-FCP jistgħu jiġu eżentati skont l-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, bil-kundizzjoni li l-fornitur tas-servizzi ta’ mmaniġġar ta’ fondi (jew il-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi fl-ipoteżi ta’ awtolikwidazzjoni) jasal sabiex jipprovdi lill-amministrazzjoni tat-taxxa tali data, u dan ikollu bħala effett, fil-livell fiskali, li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod oġġettiv. Peress li tali data hija nieqsa f’din il-kawża, din l-ipoteżi ma hijiex preżenti u l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 ma tistax tingħata.

IV. Konklużjonijiet

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità), ir-Renju Unit):

L-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li provvista waħda ta’ servizzi ta’ mmaniġġar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija pprovduta minn pjattaforma informatika li tappartjeni lil fornitur terz favur kumpannija ta’ mmaniġġar ta’ fondi li tinkludi kemm fondi speċjali ta’ investiment kif ukoll fondi oħra, ma taqax taħt l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

( 3 ) Skont dan il-mekkaniżmu, il-VAT tinġabar mill-konsumatur, u mhux mill-fornitur, bir-rata fis-seħħ fil-post fejn huwa stabbilit.

( 4 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li “[p]eress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/112 għandhom portata essenzjalment identika għal dawk tas-Sitt Direttiva 77/388, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ din l-aħħar direttiva hija wkoll applikabbli għad-Direttiva 2006/112” (sentenza tal-10 ta’ April 2019, PSM K, C-214/18, EU:C:2019:301, punt 37).

( 5 ) C-274/15, EU:C:2017:333.

( 6 ) Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-“valur taxxabbli” tal-VAT dovuta, mill-Artikoli 73 u mill-Artikolu 78(a) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-valur taxxabbli, għal provvista ta’ servizzi, jinkludi, minbarra l-VAT innifisha, dak kollu li jikkostitwixxi l-korrispettiv miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur għall-provvista inkwistjoni min-naħa tal-konsumatur jew ta’ terz.

( 7 ) Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289); tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391); tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:484); tas-7 ta’ Marzu 2013, GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141); tas-7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11, EU:C:2013:144); tat-13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139), kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C-595/13, EU:C:2015:801).

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C-595/13, EU:C:2015:801, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2010, Axa UK (C-175/09, EU:C:2010:646, punt 25); tas-17 ta’ Jannar 2013, Woningstichting Maasdriel (C-543/11, EU:C:2013:20, punt 25); tat-12 ta’ Ġunju 2014, Granton Advertising (C-461/12, EU:C:2014:1745, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas-16 ta’ Novembru 2017, Kozuba Premium Selection (C-308/16, EU:C:2017:869, punti 39 u 45); tal-25 ta’ Lulju 2018, DPAS (C-5/17, EU:C:2018:592, punt 29), kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2018, Mailat (C-17/18, EU:C:2018:1038, punt 37).

( 10 ) Sentenza tal-10 ta’ April 2019, PSM K (C-214/18, EU:C:2019:301, punt 43).

( 11 ) Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 68) u tas-7 ta’ Marzu 2013, GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141, punt 31).

( 12 ) Fuq din id-dikotomija tal-kunċetti ta’ “FCP” u ta’ “mmaniġġar”, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Fiscale Eenheid X (C-595/13, EU:C:2015:327, punti 16 sa 57).

( 13 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 53).

( 14 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 53).

( 15 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11, EU:C:2013:144, punt 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11, EU:C:2013:144, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “Stat Membru ma jistax b’mod partikolari, mingħajr ma jirrendi bla effett il-kliem stess ‘[FCP]’, jagħżel minn fost il-[FCP] dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni u dawk li ma jibbenefikawx minnha”.

( 17 ) Ninnota li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li hija “waslet għall-konklużjoni li s-servizzi rċevuti kienu provvisti ta’ ‘mmaniġġjar’ fis-sens ta’ din il-kelma fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva [2006/112]”.

( 18 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punti 40 sa 43) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Fiscale Eenheid X (C-595/13, EU:C:2015:327, punt 48).

( 19 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 64).

( 20 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 65).

( 21 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141).

( 22 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141, punt 27).

( 23 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 66). Din il-konklużjoni ġiet imtennija ulterjorment fis-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141, punt 20). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża GfBk (C-275/11, EU:C:2012:697, punt 25).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, EU:C:2006:289, punt 67). Din il-konklużjoni ġiet imtennija fil-punt 63 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, EU:C:1997:278, punt 66); tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, (C-169/04, EU:C:2006:289, punti 70 sa 72), kif ukoll tas-7 ta’ Marzu 2013, GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141, punt 21).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punti 65 u 75).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C-177/10, EU:C:2011:557, punt 32) u d-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2019, Topaz (C-211/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:906).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C-41/04, EU:C:2005:649, punt 23); tas-27 ta’ Settembru 2012, Field Fisher Waterhouse (C-392/11, EU:C:2012:597, punt 20), kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk (C-18/12, EU:C:2013:95, punt 31).

( 29 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 75).

( 30 ) Mill-fajl jirriżulta li l-qorti tal-ewwel istanza, il-First-tier Tribunal – Tax Chamber (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit) waslet għall-istess konklużjoni.

( 31 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-provvista pprovduta minn BFMI u, b’mod partikolari, dwar in-natura speċifika tagħha għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ “mmaniġġjar ta’ FCP”.

( 32 ) Ninnota li, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-provvista waħda kultant tissejjaħ “provvista waħda u kumplessa” (ara, b’mod paertikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing,C-224/11, EU:C:2013:15 u tas-16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty, C-584/13, EU:C:2015:488) jew “tranżazzjoni kumplessa waħda” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Stock ‘94, C-208/15, EU:C:2016:936). Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, jien nirreferi għall-“provvista waħda”.

( 33 ) Bħalma enfasizzat l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:276, punt 24) “[i]kun hemm provvista waħda (i) fejn żewġ elementi jew iktar li jiġu pprovduti jkunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw provvista ekonomika waħda u indiviżibbli u jkun artifiċjali li dawn jinqasmu, jew (ii) meta element wieħed jew iktar jikkostitwixxu provvista prinċipali, filwaqt li l-oħrajn ikunu anċillari”.

( 34 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11 (EU:C:2012:484).

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11 EU:C:2012:484, punti 19 sa 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:484).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11 EU:C:2012:484, punti 26 u 27).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk (C-18/12, EU:C:2013:95, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju kif ukoll tal-First-tier Tribunal (Tax Chamber (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali)).

( 40 ) Ninnota li l-Kummissjoni kklassifikat, matul is-seduta, is-servizzi inkwistjoni bħala “provvista mhux iddifferenzjata mingħajr distinzjoni intrinseka [fil-konfront tad-destinatarju]”.

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, EU:C:1999:93, punt 29).

( 42 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, EU:C:1999:93).

( 43 ) Li sar l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.

( 44 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, EU:C:1999:93, punt 29). Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża CPP (C-349/96, EU:C:1998:281, punt 26).

( 45 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, EU:C:1999:93, punt 30). Dawn il-konklużjonijiet ġew imtennija fis-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:484), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-provvista ta’ mmaniġġar ta’ portafoll, jiġifieri attività remunerattiva fejn persuna taxxabbli tieħu deċiżjonijiet awtonomi dwar xiri u bejgħ ta’ titoli u teżegwixxi dawn id-deċiżjonijiet permezz tax-xiri u tal-bejgħ ta’ titoli, hija komposta minn żewġ elementi li tant huma marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda. Wara li, fil-punti 22 sa 29 ta’ din is-sentenza, ikklassifikat il-provvista inkwistjoni bħala provvista waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu qieset li l-attività ta’ portafoll eżerċitata mid-Deutsche Bank ma setgħetx taqa’ taħt il-kunċett ta’ “mmaniġġjar ta’ FCP” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, peress li din kienet tikkostitwixxi mmaniġġar tal-assi ta’ persuna waħda, li għandhom ikunu ta’ valur totali relattivament għoli sabiex l-immaniġġar tagħhom iħalli qligħ.

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam (C-463/16, EU:C:2018:22, punt 23 u l-ġurisprudenża ċċitata).

( 47 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 2013 (C-18/12, EU:C:2013:95).

( 48 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk (C-18/12, EU:C:2013:95, punt 32).

( 49 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018 (C-463/16, EU:C:2018:22).

( 50 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam (C-463/16, EU:C:2018:22, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Korsiv miżjud minni. Minbarra s-sentenzi msemmija iktar ’il fuq, l-approċċ li skontu l-anċillari jsegwi l-prinċipali ġie kkonfermat fid-digriet tad-19 ta’ Jannar 2012, Purple Parking u Airparks Services, (C-117/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:29, punt 31), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “[l]-fatt li, f’ċirkustanzi oħra, l-elementi inkwistjoni jistgħu jiġu jew huma pprovduti separatament [ma għandux importanza] peress li din il-possibbiltà hija inerenti għall-kunċett ta’ tranżazzjoni unika komposta”. Fil-punt 39 ta’ dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “t-trattament ta’ diversi servizzi bħala provvista waħda mill-perspettiva tal-VAT iwassal neċessarjament għal trattament fiskali differenti minn dak li dawn is-servizzi kienu jirċievu li kieku ġew ipprovduti separatament”.

( 51 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam (C-463/16, EU:C:2018:22, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Il-punt 9 tal-Anness 1 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 53 ) Il-First-tier Tribunal (Tax Chamber (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali)), ir-Renju Unit), billi tirreferi għas-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, GfBk (C-275/11, EU:C:2013:141), tindika, fil-punt 184 tas-sentenza tagħha, li “s-servizzi ta’ Aladdin kienu intrinsekament marbuta […] mal-impriżi benefiċjarji bħala amministraturi ta’ fondi”, filwaqt li żżid li l-“funzjonijiet analitiċi u ta’ sorveljanza, pereżempju, kienu kompletament immexxija lejn l-immaniġġjar effikaċi tal-fondi”.

( 54 ) Ninnota li waqt is-seduta l-Kummissjoni kklassifikat, matul is-seduta, is-servizzi inkwistjoni bħala “provvista mhux iddifferenzjata mingħajr distinzjoni intrinseka [fil-konfront tad-destinatarju]”.

( 55 ) Sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006 (C-251/05, EU:C:2006:451).

( 56 ) Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010 (C-94/09, EU:C:2010:253).

( 57 ) Għal eżami sħiħ tar-rata ta’ taxxa differenti, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Regards Photographiques (C-145/18, EU:C:2019:184, punt 30).

( 58 ) Punt 22 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 59 ) Sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006 (C-251/05, EU:C:2006:451).

( 60 ) It-trattament fiskali favorevoli (rata żero) tal-karavans kien jirriżulta mill-eżerċizzju, mir-Renju Unit, ta’ possibbiltà disponibbli matul il-perijodu tranżitorju skont l-Artikolu 28(2) tas-Sitt Direttiva. Din il-possibbiltà kienet mekkaniżmu li jippermetti ż-żamma ta’ ċerti derogi mis-sistema komuni tal-VAT, fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1991.

( 61 ) Li sar l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/112.

( 62 ) Sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Talacre Beach Caravan Sales (C-251/05, EU:C:2006:451).

( 63 ) Sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Talacre Beach Caravan Sales (C-251/05, EU:C:2006:451, punt 24).

( 64 ) Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010 (C-94/09, EU:C:2010:253).

( 65 ) Il-punt 16 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 jawtorizza l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għall-provvista ta’ servizzi minn impriżi funebri.

( 66 ) Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-94/09, EU:C:2010:253, punt 39). Il-Kummissjoni kienet sostniet li l-imsemmi trasport kien jagħmel parti mill-istess servizz kompost minn diversi elementi pprovduti mill-impriżi funebri.

( 67 ) Fil-fatt, fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, “sabiex tiġi deċiża l-fondatezza ta’ dan ir-rikors, ma huwiex neċessarju li jsir stħarriġ dwar jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-provvista ta’ servizzi pprovduta mill-impriżi funebri għandhiex titqies, mill-perspettiva tal-aspettativi tal-konsumatur medju, li hija tranżazzjoni unika jew le”.

( 68 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017 (C-274/15, EU:C:2017:333).

( 69 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017 (C-274/15, EU:C:2017:333).

( 70 ) L-argument imressaq mill-Kummissjoni kien jirrigwarda l-fatt li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża ma kinitx tillimita l-possibbiltà ta’ eżenzjoni għal servizzi użati għal provvisti eżentati f’suq tal-output jew għal attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa. Dawn il-prattiki ppermettew l-eżenzjoni ta’ servizzi użati għal provvisti taxxabbli meta d-dħul mill-bejgħ tal-benefiċjarju tas-servizzi ntaxxati ma kienx jeċċedi t-30 % (il-45 % f’ċerti każijiet) mid-dħul mill-bejgħ globali tiegħu.

( 71 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017 (C-274/15, EU:C:2017:333).

( 72 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-274/15, EU:C:2017:333, punt 54). Korsiv miżjud minni.

( 73 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017 (C-274/15, EU:C:2017:333).

( 74 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017 (C-274/15, EU:C:2017:333).

( 75 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017 (C-274/15, EU:C:2017:333).

( 76 ) Ara l-punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 77 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017 (C-274/15, EU:C:2017:333).

( 78 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391, punt 45).

( 79 ) Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, EU:C:2007:391, punt 45); tas-7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11, EU:C:2013:144, punt 19); tat-13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C-464/12, EU:C:2014:139, punt 43), kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C-595/13, EU:C:2015:801, punt 34). Ara, fir-rigward tal-għan tal-eżenzjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Abbey National (C-169/04, EU:C:2005:523, punti 28 u 29), li skonthom l-immaniġġar tal-FCP għandu jiġi eżentat minħabba l-volum ta’ investiment ristrett li għandhom l-investituri żgħar, fejn dawn tal-aħħar jistgħu jinvestu direttament il-flus tagħhom b’mod limitat biss bi tqassim wiesa’ fit-titoli. L-Avukat Ġenerali Kokott iżżid li spiss, dawn ma jkollhomx, barra minn hekk, konoxxenzi neċessarji għat-tqabbil u għall-għażla tat-titoli.

( 80 ) Madankollu, ma naqbilx mal-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li skontu t-terz li jipprovdi s-servizz ta’ mmaniġġar tal-fondi inkwistjoni ma jafx il-valur tagħhom, u dan jintwera problematiku meta l-amministratur stess iħallas il-VAT dovuta. Loġikament, jista’ jiġi preżunt li t-terz li jipprovdi dan it-tip ta’ servizzi jaf il-valur tagħhom.

( 81 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Levob Verzekeringen u OV Bank (C-41/04, EU:C:2005:292, punt 66 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23).

( 82 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Talacre Beach Caravan Sales (C-251/05, EU:C:2006:295, punt 32).

( 83 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 84 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:484, punt 45).

( 85 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:484, punt 45) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:276, punt 60).

( 86 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam (C-463/16, EU:C:2018:22, punt 36).

( 87 ) Ara l-punti 36 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 88 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, BlackRock issemmi l-Artikolu 136 u l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112.