Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2020 (1)

Kawża C-656/19

BAKATI PLUS Kereskedelmi és Szolgáltató Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, li qabel kienet is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged), l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Eżenzjonijiet marbuta mal-esportazzjoni — Merkanzija li tinsab fil-bagalji personali ta’ vjaġġaturi mhux stabbiliti fl-Unjoni — Kunċett ta’ bagalja personali — Frodi — Rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT”






1.        Id-Direttiva 2006/112/KE (2) teżenta, taħt ċerti kundizzjonijiet, mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) il-kunsinni ta’ oġġetti li għandhom jiġu ttrasportati barra mill-Unjoni Ewropea fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi.

2.        Il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kunċett ta’ “bagalja personali tal-vjaġġaturi”. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk huwiex possibbli li tirrikorri għar-regolament doganali li juża l-istess espressjoni jew waħda simili (3), jew jekk għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni esklużivament is-“sens ordinarju tat-termini”.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva 2006/112

3.        L-Artikolu 146(1) jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

b) il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni barra mill-Komunità minn jew għan-nom ta’ konsumatur li mhux stabbilit fit-territorju tagħhom [...];

[…]”.

4.        L-Artikolu 147 jipprovdi li:

“1.      Fejn il-provvista ta’ merkanzija msemmija fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 146(1) tirrigwarda merkanzija li ser tinġarr fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi, l-eżenzjoni għandha tapplika biss jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      il-vjaġġatur mhuwiex stabbilit fi ħdan il-Komunità;

b)      il-merkanzija hija ttrasportata barra mill-Komunità qabel l-aħħar tat-tielet xahar wara dak li fih tkun saret il-provvista;

ċ)      il-valur totali tal-provvista, inkluża l-VAT, huwa aktar minn EUR 175 jew l-ekwivalenti f’valuta nazzjonali, stabbilit kull sena permezz ta’ l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju eżistenti fl-ewwel ġurnata tax-xogħol ta’ Ottobru b’effett mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw provvista b’ valur totali ta’ inqas mill-ammont speċifikat fil-punt (ċ) ta’ l-ewwel subparagrafu.

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ‘vjaġġatur mhux stabbililt fi ħdan il–Komunità’ għandha tfisser vjaġġatur li l–indirizz permanenti jew ir–residenza abitwali tiegħu mhux qiegħda fil–Komunità. F’dak il-każ “indirizz permanenti jew residenza abitwali’ tfisser il-post imnizzel bħala tali f’passaport, karta ta’ l-identità, jew dokument ieħor ta’ l-identità mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-provvista tkun qed issir.

[…]”.

B.      Id-dritt nazzjonali. Az általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény (4)

5.        L-Artikolu 98 jindika li:

“(1) Il-kunsinna ta’ prodotti mibgħuta bil-posta jew ittrasportati mill-pajjiż lejn pajjiż barra mill-Komunità hija eżentata, sakemm l-ispedizzjoni jew it-trasport:

[…]

b)      isir mix-xerrej stess jew minn terza persuna li taġixxi f’ismu jekk il-kundizzjonijiet supplimentari previsti mill-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu jew mill-Artikoli 99 u 100 ta’ din il-liġi jkunu ssodisfatti.

[…]

(3) Is-subparagrafu (1)(b) jista’ japplika, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 99 u 100, meta, f’dan il-kuntest, ix-xerrej ma jkunx stabbilit fl-Ungerija jew, fin-nuqqas ta’ stabbiliment, ma għandux hawnhekk id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu.

[…]”.

6.        B’mod konformi mal-Artikolu 99:

“(1) Meta l-akkwirent ikun vjaġġatur barrani u l-oġġetti kkunsinnati […] jifformaw parti mill-bagalji personali jew tal-ivvjaġġar tiegħu, għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 98(1), huwa meħtieġ li:

a)      il-valur tal-kunsinna, inkluża t-taxxa, jaqbeż ammont ekwivalenti għal EUR 175;

b)      il-vjaġġatur barrani juri l-kwalità tiegħu bis-sostenn ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar jew ta’ dokumenti oħra maħruġa mill-awtoritajiet irrikonoxxuti bħala kompetenti fl-Ungerija u li jservu sabiex tiġi identifikata l-persuna;

ċ)      l-awtorità tiċċertifika, fil-punt ta’ ħruġ tal-prodotti tal-Komunità, li dawn ħallew it-territorju, permezz tal-ħruġ ta’ viża u ta’ timbru fuq il-formola pprovduta għal dan il-għan mill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat […], fuq preżentazzjoni simultanja tal-oġġetti u tal-oriġinal tal-fattura li tikkonferma l-eżekuzzjoni tal-kunsinna tal-oġġetti.

[…]”.

7.        L-Artikolu 259(10) jiddefinixxi lill-vjaġġatur barrani bħala:

“[…] persuna fiżika li la hi ċittadina ta’ Stat Membru tal-Komunità u lanqas ma għandha dritt ta’ residenza fi Stat Membru tal-Komunità, kif ukoll persuna li hi ċittadina ta’ Stat Membru tal-Komunità, iżda li tirrisjedi barra mit-territorju tagħha”.

II.    Il-fatti (skont il-qorti tar-rinviju) (5) u d-domandi preliminari

8.        Bakati Plus Kereskedelmi és Szolgáltató Kft (iktar ’il quddiem “Bakati Plus”) hija impriża li topera l-kummerċ bl-ingrossa ta’ pjanti ornamentali u l-kummerċ bl-imnut ta’ prodotti oħra, imwettaq barra mis-siti tagħha. Mis-sena 2015, id-dħul mill-bejgħ annwali tagħha żdied minn 50 sa 1 000 miljun forint Ungeriż (HUF).

9.        Matul is-sena 2016, li għaliha jirreferu l-fatti, prattikament l-attività kollha ta’ Bakati Plus kienet tikkonsisti fil-bejgħ, fi kwantità kbira, ta’ prodotti tal-ikel, kożmetiċi u ta’ tindif intiżi għas-Serbja, li kienet tipprovdi lil għoxrin individwu, membri ta’ tliet familji.

10.      Il-prodotti kienu ttrasportati minn mandatarju ta’ Bakati Plus mill-maħżen tiegħu għal ieħor li kien mikri mix-xerrejja Serbi fl-Ungerija, viċin il-fruntiera ta’ dan il-pajjiż mas-Serbja.

11.      F’dan il-post, ix-xufier li wettaq it-trasport kien jikkunsinna lix-xerrejja, kontra ħlas tal-prezz tagħhom f’kontanti, l-oġġetti, il-fatturi maħruġa mir-rappreżentant ta’ Bakati Plus u l-formoli tat-talba għar-rimbors tal-VAT. L-oġġetti kienu mbagħad jinġarru fuq karozzi tal-passiġġieri, bħala bagalji tal-passiġġieri, sas-Serbja.

12.      Il-mekkaniżmu biex tinkiseb eżenzjoni tal-VAT kien artikolat kif ġej: a) Bakati Plus kienet timla l-formola ta’ applikazzjoni għar-rimbors tal-VAT, li kienet sussegwentement approvata u ttimbrata mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ tal-oġġetti; b) it-tieni kopja tal-formola kienet tingħata lura lil Bakati Plus; ċ) Bakati Plus kienet tħallas lura t-taxxa lix-xerrejja, skont il-liġi dwar il-VAT; u, d) Bakati Plus kienet titlob, fl-avviż ta’ ħlas tal-VAT tagħha, it-tnaqqis tal-ammont irrimborsat.

13.      Bakati Plus kienet taf li l-klijenti tagħha kienu jakkwistaw il-merkanzija sabiex jerġgħu jbigħuha fis-swieq Serbi. Hija kienet ukoll konxja mill-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ diversi membri tal-istess familja fit-tranżazzjoni kienet intiża sabiex il-valur ta’ kull kunsinna ma jaqbiżx miljun HUF. Għalhekk, skont ir-regoli Ungeriżi fil-qasam tal-proċedura doganali, it-tranżitu transkonfinali tal-merkanzija bejn l-Ungerija u s-Serbja kien jgħaddi mingħajr diffikultà.

14.      Waqt kontroll fiskali, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Csongrád Megyei Adó- és Vámigazgatósága (id-Direttorat tal-Finanzi u tad-Dwana tal-Provinċja ta’ Csongrád, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali tal-ewwel grad”) ikkonstatat li x-xiri li sar mingħand Bakati Plus mit-tliet familji Serbi kien jaqbeż l-ambitu ta’ bżonnijiet personali u l-użu tal-familja u kien sar għal finijiet ta’ bejgħ mill-ġdid, li b’hekk jeskludi l-klassifikazzjoni tagħhom bħala “bagalji tal-passiġġieri”. Hija ddeċidiet ukoll li din l-impriża lanqas ma kellha dritt għall-eżenzjoni fuq bażi oħra.

15.      Bħala riżultat ta’ dan il-kontroll, l-awtorità fiskali tal-ewwel grad, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2018, talbet mingħand Bakati Plus il-ħlas tad-differenzi tal-VAT, flimkien ma’ penali moratorji, u imponitilha sanzjoni pekunjarja.

16.      Fil-31 ta’ Ottubru 2018, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Finanzi u tad-Dwana, l-Ungerija) ikkonferma d-deċiżjoni tal-ewwel grad, li Bakati Plus kienet ikkontestat quddiemu. Huwa ċaħad din il-kontestazzjoni billi invoka sentenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) li tipprovdi:

–        Għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ bagalji tal-passiġġieri huma rilevanti kemm il-kwantità tal-merkanzija kif ukoll il-frekwenza tax-xiri. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett fil-Liġi dwar il-VAT jew fid-Direttiva 2006/112, il-prassi nazzjonali tikkunsidra bħala tali l-merkanzija li l-vjaġġatur jakkwista għall-bżonnijiet personali tiegħu stess jew bħala rigal, mingħajr ma jista’ fl-ebda każ ikollu għan kummerċjali.

–        Bakati Plus lanqas ma kellha dritt għall-eżenzjoni fir-rigward tal-kunsinna ta’ oġġetti għall-esportazzjoni, peress li hija ma talbitx l-iżdoganar fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet u lanqas it-trattament tagħhom bħala esportazzjonijiet ma ġie previst: ix-xerrejja talbu għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni favur il-vjaġġaturi barranin.

17.      Bakati Plus ikkontestat id-deċiżjoni amministrattiva tat-tieni grad quddiem is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti Ġenerali ta’ Szeged, li qabel kienet Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság, l-Ungerija) (6), li għamlet dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) Prattika ta’ Stat Membru li jassimila l-kunċett ta’ ‘bagalji personali’, iddefinit bħala wieħed mill-elementi tad-definizzjoni ta’ kunsinni lil passiġġier barrani ta’ oġġetti eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud, għall-kunċett ta’ effetti personali użat fil-Konvenzjoni dwar il-faċilitajiet doganali għat-turiżmu, konkluża fi New York fl-4 ta’ Ġunju 1954, u fil-protokoll addizzjonali għall-konvenzjoni, kif ukoll għall-kunċett ta’ ‘bagalji’ previst fl-Artikolu 1(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, hija konformi mal-Artikolu 147 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud [(7)]?

2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, kif għandu jiġi ddeffinit il-kunċett ta’ ‘bagalji personali’ previst fl-Artikolu 147 tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl tal-fatt li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit fid-direttiva? Prattika nazzjonali li abbażi tagħha l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru jagħmlu esklużivament riferiment għas-‘sens ġenerali tal-kliem’ hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju?

3) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 146 u 147 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jekk persuna taxxabbli ma għandiex dritt għal eżenzjoni mit-taxxa abbażi tal-Artikolu 147 tad-Direttiva tal-VAT fuq kunsinna ta’ oġġetti lil vjaġġatur barrani, għandha, skont il-bżonn, tiġi eżaminata, abbażi tal-Artikolu 146 tad-Direttiva tal-VAT, il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mit-taxxa fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni anki minkejja l-assenza tal-formalitajiet doganali previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jew fl-att ġuridiku delegat?

4) Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun li, fl-assenza ta’ eżenzjoni fiskali għal vjaġġatur barrani, it-tranżazzjoni hija eliġibbli għall-eżenzjoni mill-VAT minħabba esportazzjoni, din it-tranżazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala kunsinna eżentata mill-VAT minħabba bejgħ għall-esportazzjoni jekk l-intenzjoni tal-klijient, meta ordna, kienet espliċitament tmur kontra tali bejgħ għall-esportazzjoni?

5) Jekk ir-risposti għad-domandi 3 u 4 ikunu fl-affermattiv, f’każ li jixbah lil dak inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri f’każ fejn il-persuna li toħroġ il-fattura kienet konxja mill-fatt, fil-mument tal-kunsinna, li l-għan tax-xiri kien il-bejgħ mill-ġdid, li x-xerrej barrani, minkejja dan, kellu l-intenzjoni li jimporta dawn l-oġġetti inkwantu vjaġġatur barrani, u li għalhekk il-persuna li ħarġet il-fattura kienet in mala fede meta mliet il-formola ta’ applikazzjoni għal rimbors tat-taxxa li sservi għall-ksib tar-rimbors tat-taxxa u meta rrimborsat, abbażi tal-eżenzjoni għall-vjaġġaturi barranin, it-taxxa fuq il-valur miżjud iffatturata, il-prattika ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-amministrazzjoni fiskali tirrifjuta r-rimbors tat-taxxa ddikjarata u mħallsa bi żball fir-rigward ta’ kunsinna lil vjaġġatur barrani, mingħajr ma tikkwalifika l-kunsinna tal-oġġetti bħala bejgħ għall-esportazzjoni u mingħajr ma twettaq korrezzjoni tat-tranżazzjoni f’dan is-sens, minkejja l-fatt mhux ikkontestat li l-oġġetti ħarġu mill-Ungerija inkwantu bagalji, hija kompatibbli mal-Artikoli 146 u 147 tad-Direttiva tal-VAT u mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Id-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie rreġistrat fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ġunju 2018.

19.      Bakati Plus, il-Gvern tal-Ungerija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Evalwazzjoni

20.      Skont l-indikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw biss l-ewwel u t-tieni domanda preliminari, dwar il-kunċett ta’ “bagalji personali tal-vjaġġatur” fl-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112.

21.      Madankollu, jidhirli li huwa opportun li jiġi ppreċiżat li, tkun xi tkun l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fis-sens tal-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112, is-soluzzjoni tat-tilwima tista’ tiddependi minn elementi oħra ta’ evalwazzjoni, jekk, kif tidher li qiegħda tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, il-fatti kienu kkunsidrati bħala skema propizja permezz tal-kollużjoni bejn il-bejjiegħ tal-oġġetti u x-xerrejja tagħhom Serbi sabiex jaħarbu r-regoli fiskali Ungeriżi (8).

22.      Qabelxejn ser nindirizza t-tieni kwistjoni tat-tieni domanda preliminari, li r-risposta tagħha tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi dedotta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement, ser nispjega kif l-espressjoni “bagalja personali tal-vjaġġatur” li tinsab fl-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112 jidhirli li għandha tinftiehem.

23.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżenzjonijiet mill-VAT tinsisti li huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni (9), li l-interpretazzjoni tagħhom (li għandha tkun stretta) (10) għandha ssir fid-dawl tal-formulazzjoni letterali tagħha, tal-kuntest tagħha u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (11).

A.      Interpretazzjoni letterali. Is-sens ordinarju tat-termini “bagalja personali tal-vjaġġatur” bħala punt ta’ tluq (it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari)

24.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet li jinkludu l-eżenzjonijiet tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fin-nuqqas ta’ definizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, is-sens abitwali tal-kliem fil-lingwaġġ ta’ kuljum iservi bħala riferiment għad-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tagħhom. Madankollu, huwa ppreċiżat immedjatament li għandu jiġi bbilanċjat “[i]l-kuntest li fih jintużaw (it-termini) u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq” (12).

25.      Huwa għalhekk xieraq li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju li prassi nazzjonali li tinterpreta l-espressjoni “bagalja personali” fl-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112 b’riferiment esklużivament għas-“sens ordinarju tat-termini” ma hijiex konformi ma’ din il-ġurisprudenza. Dan is-“sens ordinarju” ma jistax jinjora l-kuntest speċifiku tar-regola u lanqas l-għan tagħha.

26.      Li l-interpretazzjoni ta’ regola konformi tiġi orjentata mal-kuntest tagħha u l-għan tagħha huwa indispensabbli meta ma jkunx hemm “sens ordinarju” wieħed tat-termini tagħha. Dan huwa l-każ tal-espressjoni inkwistjoni hawnhekk.

27.      Prima facie (u b’mod intuwittiv), il-“bagalja personali” ta’ vjaġġatur tinkludi l-oġġetti li huwa jittrasporta b’mod ġenerali, għall-użu privat tiegħu, kif ukoll oħrajn ta’ dimensjonijiet żgħar intiżi sabiex jingħataw bħala rigal jew jinżammu bħala rikordji.

28.      Tali interpretazzjoni teskludi mill-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112 l-oġġetti b’destinazzjoni kummerċjali li l-vjaġġatur iġorr miegħu meta jitlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, din ma hijiex l-unika waħda possibbli.

29.      Wieħed jista’ jsostni li s-sintamma “bagalja personali” tindika, pjuttost, il-mod kif jiġu spostati l-oġġetti tal-vjaġġatur. Minn dan l-angolu, il-“bagalja personali tal-vjaġġatur” hija dik li tiċċaqlaq minn post għall-ieħor flimkien mal-persuna li tivvjaġġa, ikun xi jkun il-kontenut tagħha (13). Dan jinkludi kemm “bagalja tal-idejn” kif ukoll “akkumpanjament” (14), jiġifieri, il-bqija tal-basktijiet li jagħmlu l-vjaġġ fuq l-istess mezz ta’ trasport mal-proprjetarju tagħhom, li jinsabu fi spazju previst għal dan l-iskop (l-istiva tal-ajruplan, il-bagoll). In-natura kummerċjali jew le tal-esportazzjoni hija, minn din il-perspettiva, irrilevanti.

30.      Il-kriterju interpretattiv letterali għalhekk ma jagħtix risposta univoka. Għandu jsir riferiment, kif diġà esponejt, għall-kriterji ta’ interpretazzjoni sistematika u teleoloġika.

B.      Kuntest u għanijiet tal-eżenzjoni mill-VAT fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti fil-bagalja personali tal-vjaġġatur

1.      Interpretazzjoni kuntestwali

31.      L-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112 huwa t-tieni wieħed mit-tnejn li jifformaw il-Kapitolu 6 (“Eżenzjonijiet fuq l-esportazzjoni”) tat-Titolu IX (“Eżenzjonijiet”). Fir-realtà, l-Artikolu 147 ma huwa xejn ħlief żvilupp, b’mod partikolari, tal-Artikolu 146(1)(b).

32.      Id-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari, it-Titolu IX, il-Kapitolu 6 tagħha u, qabel kollox, l-Artikoli 146 u 147 jifformaw, fil-fehma tiegħi, iċ-ċirku ermenewtiku proprju tal-espressjoni “bagalja personali” tal-vjaġġatur li juża dan l-aħħar artikolu. Dan iċ-ċirku jista’, barra minn hekk, ikopri regoli oħra tas-sistema tal-VAT.

33.      Il-qorti tar-rinviju u, parzjalment, il-Kummissjoni (15) jenfasizzaw, madankollu, ir-regoli tal-qasam doganali. Ser nibda billi nirreferi għalihom u r-rwol tagħhom bħala “kuntest”.

a)      Sistema tal-VAT u sistema doganali

34.      Il-prassi nazzjonali li l-kompatibbiltà tagħha mad-Direttiva 2006/112 hija inkwistjoni fil-kawża tirrikorri għal żewġ kunċetti tipiċi fil-qasam doganali:

–        Dak ta’ “effetti personali” tal-Konvenzjoni dwar il-faċilitajiet doganali għat-turiżmu, konkluża fi New York fl-4 ta’ Ġunju 1954, u l-Protokoll Addizzjonali tagħha (16).

–        Dak ta’ “bagalji” tar-Regolament Delegat, maħruġ fl-iżvilupp tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (17).

35.      Jaqbel li nippreċiża, qabel kollox, li l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti għall-Konvenzjoni ta’ New York tal-1954, li, f’dan l-istadju, lanqas ma torbot lill-Istati Membri kollha.

36.      Min-naħa l-oħra, permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 1993, il-Konvenzjoni dwar l-Ammissjoni Temporanja, adottata f’Istanbul fis-26 ta’ Lulju 1990, ġiet approvata f’isem il-Komunità (għalhekk), u l-annessi tagħha ġew aċċettati, taħt ċerti riżervi (18). Din l-aħħar konvenzjoni tirriproduċi, parzjalment, dik ta’ New York.

37.      Issa, ma huwiex neċessarju li nindirizza l-kwistjoni dwar liema huma l-aspetti ta’ din il-konvenzjoni u tar-Regolament Delegat li jistgħu jkunu ta’ interess għal din il-kawża.

38.      Ċertament, teżisti rabta stretta bejn il-leġiżlazzjoni doganali u dik tal-VAT, li tiffaċilita, minbarra għanijiet oħra, il-ġestjoni kkoordinata tat-taxxi. Madankollu, din il-konnessjoni ma tippermettix li wieħed jassumi l-premessa tal-qorti tar-rinviju, li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet f’sentenzi oħra, “minħabba differenzi fl-istruttura, fl-għan u fl-iskop li jeżistu bejn sistema bħal din (tal-VAT) u s-sistema Komunitarja ta’ ġbir tad-dazji doganali” (19).

39.      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-bagalja personali tal-vjaġġatur f’qasam wieħed jew l-ieħor juri dawn id-differenzi.

–        Mill-perspettiva doganali, il-bagalja personali tal-vjaġġatur tirreferi għat-trasport transkonfinali ta’ kull merkanzija, tkun xi tkun in-natura tagħha. Kull komponent tal-bagalja huwa suġġett għar-regoli doganali. L-użu intiż tagħha għal finijiet kummerċjali jew le (iżda wkoll fatturi oħra, bħall-kwantità jew il-piż tal-merkanzija) jista’ jkun rilevanti iktar tard, meta tiġi ppreċiżata l-proċedura doganali applikabbli (20).

–        Min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni mill-VAT għat-trasport ta’ merkanzija importata minn vjaġġaturi li ġejjin minn pajjiżi terzi tidher li hija kkundizzjonata, mill-bidu u espressament, min-nuqqas ta’ natura kummerċjali tal-importazzjoni. Dan huwa għalhekk previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/74/KE (21): “L-Istati Membri għandhom, abbażi jew tal-limiti monetarji jew tal-limiti kwantitattivi, jeżentaw mill-VAT u d-dazju tas-sisa oġġetti importati fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi, sakemm l-importazzjoni tkun ta’ natura mhux kummerċjali” (22).

40.      Dak li huwa inkwistjoni hawnhekk huwa, preċiżament, jekk il-kundizzjoni prevista fil-punt preċedenti (in-nuqqas ta’ natura kummerċjali) teżistix mhux biss fir-rigward tal-eżenzjoni mill-VAT relatata mal-importazzjonijiet, iżda wkoll dik relatata mal-kunsinni ta’ oġġetti li huma esportati barra mill-Unjoni Ewropea fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi.

41.      L-analiżi tal-oriġini u l-evoluzzjoni tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-VAT (sa mill-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112), kif ukoll ir-rabta tagħhom ma’ dawk preċedenti għad-Direttiva 2007/74, jippermettuli nsostni li hija s-sistema speċifika tal-VAT, u mhux is-sistema doganali, li tipprovdi l-kuntest xieraq sabiex jiġu solvuti d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni (23).

42.      Dan huwa, barra minn hekk, il-kriterju li jispira l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kwistjoni: l-interpretazzjoni ta’ eżenzjonijiet minn din it-taxxa għandha ssir fil-“kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT” (24).

b)      Il-leġiżlazzjoni preċedenti. Id-Direttiva 69/169/KEE (25) 

1)      L-eżenzjoni fuq l-importazzjoni

43.      Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112, huwa xieraq li wieħed imur lura għall-bidu tal-armonizzazzjoni tat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ imposti fuq l-importazzjoni fi vvjaġġar internazzjonali (id-Direttiva 69/169).

44.      Id-Direttiva 69/169 ħadet bħala punt tat-tluq l-istatus quo tal-armonizzazzjoni tat-taxxi indiretti f’dak iż-żmien, billi fakkret li, sakemm din ma tavvanzax, it-taxxi fuq l-importazzjoni u l-eżenzjonijiet fuq l-esportazzjoni kellhom jinżammu fl-iskambji bejn l-Istati Membri (26).

45.      Sabiex jiġi promoss l-“għarfien tar-realtà tas-suq komuni” (27), id-Direttiva 69/169 armonizzat id-dispożizzjonijiet fuq l-eżenzjonijiet mit-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, fir-rigward ta’ ċerti importazzjonijiet magħmula minn vjaġġaturi. Il-merkanzija kienet mixtrija fil-pajjiżi tal-ħruġ suġġetta għal ċerti taxxi; ir-rinunzja mill-pajjiż tad-dħul li jitlob it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ kienet tevita taxxa doppja. Madankollu, in-nuqqas totali ta’ tassazzjoni ma kienx previst (28).

46.      L-importazzjonijiet benefiċjarji tal-eżenzjoni kellhom ikunu merkanzija li tinsab fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi, mingħajr natura kummerċjali, u li l-valur globali tagħha ma jaqbiżx ammont determinat (29).

47.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 69/169 kien jiddefinixxi l-importazzjonijiet mhux kummerċjali bħala li jirreferu esklużivament għal merkanzija rriżervata għall-użu personali jew familjari tal-vjaġġaturi jew intiża sabiex tiġi proposta bħala rigali, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn in-natura jew il-kwantità tagħha jqajmu dubji dwar in-natura mhux kummerċjali tal-importazzjoni.

2)      L-eżenzjoni għall-esportazzjoni. In-natura mhux kummerċjali tal-esportazzjonijiet

48.      L-eżenzjoni tal-importazzjoni fil-kummerċ transkonfinali ma kellhiex twassal għan-nuqqas ta’ kwalunkwe taxxa. Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 6 tad-Direttiva 69/169, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu miżuri sabiex jevitaw l-eżenzjonijiet għall-kunsinni ta’ oġġetti lill-vjaġġaturi li għandhom id-domiċilju tagħhom, ir-residenza abitwali tagħhom jew il-post tal-attività professjonali fi Stat Membru, li kienu diġà jibbenefikaw mis-sistema ta’ eżenzjoni tal-importazzjoni.

49.      Il-projbizzjoni ta’ eżenzjonijiet fuq l-esportazzjoni ġiet progressivament liberalizzata, minħabba d-diffikultajiet tekniċi li hija qajmet u sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja (30). Għal dak li jirrigwarda lilna hawnhekk, id-Direttiva 72/230/KEE (31) emendat l-Artikolu 6 tad-Direttiva 69/169 billi tat lill-Istati Membri l-possibbiltà li jawtorizzaw taħt ċerti kundizzjonijiet, fir-rigward tal-bejgħ fl-istadju tal-kummerċ bl-imnut, l-eżenzjoni tat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ fir-rigward tal-merkanzija ttrasportata fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi li joħorġu minn Stat Membru.

50.      Għall-vjaġġaturi residenti fi Stat Membru ieħor, l-eżenzjoni kienet possibbli biss minn valur partikolari, li fi kwalunkwe każ huwa ogħla mill-ammont tal-eżenzjoni stabbilita għall-importazzjoni fil-kuntest tat-traffiku intra-Komunitarju ta’ vjaġġaturi skont l-istess direttiva. Għar-residenti barra mill-Komunità, kienu l-Istati Membri li kellhom jistabbilixxu dan il-limitu inferjuri.

51.      Minkejja n-nuqqas ta’ riferiment speċifiku għan-natura mhux kummerċjali tal-esportazzjonijiet, il-kuntest tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 69/169 kien jimponi li jiġi kkunsidrat li kien japplika, esklużivament għal dawk l-esportazzjonijiet li ma humiex ta’ natura kummerċjali, kif iddefinit fl-Artikolu 3 tagħha.

3)      Tħassir tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 69/169 u evoluzzjoni sussegwenti

52.      Fl-1977, ġiet adottata s-Sitt Direttiva, li t-Titolu X tagħha jirregola l-eżenzjonijiet mit-taxxa. Fi ħdan dan it-titolu, l-Artikolu 15(2) kien jipprovdi l-eżenzjonijiet għat-tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni u tranżazzjonijiet simili. Hija ma kienet tinkludi ebda allużjoni speċifika għat-trasport fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi.

53.      L-eżenzjonijiet mill-VAT fuq l-importazzjoni komplew jiġu rregolati, skont l-Artikolu 14(1)(d) tas-Sitt Direttiva, permezz tad-Direttiva 69/169.

54.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 69/169 tħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1993, skont l-Artikolu 1(25) tad-Direttiva 92/111/KEE (32).

55.      Id-Direttiva 92/111 introduċiet fl-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva paragrafu addizzjonali dwar is-sistema tal-vjaġġaturi, li permezz tiegħu l-Kummissjoni kienet inkarigata tippreżenta lill-Kunsill proposti intiżi sabiex tiġi ppreċiżata l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għall-kunsinni mwettqa fl-istadju tal-kummerċ bl-imnut ta’ oġġetti ttrasportati fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi.

56.      Fil-formulazzjoni tal-Artikolu 15 hekk adottat (permezz tad-Direttiva 95/7/KE) (33), it-test tal-paragrafu 2 tiegħu sar, prattikament, dak li jinsab fl-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112 attwali. Għalhekk, ma hemmx riferiment għan-“natura mhux kummerċjali”, kif kien il-każ fid-Direttiva 69/169 u kif issa nżamm fid-Direttiva 2007/74 (li tissostitwixxi d-Direttiva 69/169 f’dak li jirrigwarda l-eżenzjonijiet fuq l-importazzjoni minn Stati terzi).

57.      Minkejja dan is-silenzju, xejn fil-perkors leġiżlattiv li wassal għall-Artikolu 15(2) tas-Sitt Direttiva, fil-formulazzjoni tas-sena 1995, ma jindika li kien previst li l-eżenzjoni tiġi estiża għall-kunsinni ta’ oġġetti (bil-għan tat-trasport tagħhom fil-bagalja personali tal-vjaġġatur) li l-għan tagħhom kien li jiġu kkumerċjalizzati. Bidla ta’ dan il-kalibru kellha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi ppreċiżata; dan ma jistax sempliċement jiġi dedott minn ommissjoni.

58.      Barra minn hekk, id-dispożizzjoni żammet ir-rabta tagħha mad-Direttiva 69/169:

–        Minn naħa, hija għamlet riferiment, fir-rigward tal-kalkolu tal-valur globali tal-esportazzjoni f’munita nazzjonali, għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 69/169.

–        Min-naħa l-oħra, il-limitu tal-valur minimu li jikkundizzjona l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 15(2) tas-Sitt Direttiva, u dak tal-valur massimu sabiex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni fuq l-importazzjoni fil-bagalja personali billi jivvjaġġa fil-Komunità minn pajjiż terz, irregolat mid-Direttiva 69/169, ġie stabbilit għall-istess ammont (34).

59.      Fil-qosor, l-Artikolu 15(2) tas-Sitt Direttiva kellu jinftiehem bħala li japplika biss għall-kunsinni ta’ oġġetti bil-għan li jiġu ttrasportati fil-bagalja personali tal-vjaġġatur, mingħajr għan kummerċjali ieħor. Għalhekk, il-paralleliżmu kien inżamm mal-kundizzjonijiet tal-benefiċċju tal-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ oġġetti fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi ġejjin minn pajjiżi terzi.

c)      Mis-Sitt Direttiva għad-Direttiva 2006/112

60.      Il-formulazzjoni tal-Artikoli 146(1)(b) u 147 tad-Direttiva 2006/112 tirriproduċi dik tal-Artikolu 15(2) tas-Sitt Direttiva (35). Il-fatti preċedenti li esponejt jikkonfermaw li hija d-direttiva fis-seħħ, u mhux il-leġiżlazzjoni doganali, il-kuntest ideali li jista’ jiddetermina l-portata tal-eżenzjoni għall-kunsinna ta’ oġġetti ttrasportati fil-bagalja personali tal-vjaġġatur.

61.      L-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112 ma huwiex dispożizzjoni iżolata, iżda, kif diġà semmejt, każ speċifiku tal-eżenzjoni għal “esportazzjonijiet indiretti” (36) li taħtha jaqa’ l-Artikolu 146(1)(b).

62.      Jekk huwa minnu li, għal din ir-raġuni, jista’ jiġi sostnut, għall-ewwel, li ż-żewġ artikoli jirregolaw kunsinni għall-esportazzjoni indipendentement min-natura tagħhom (kummerċjali jew le), nemmen li dan ma huwiex il-każ.

63.      Fl-ewwel lok, ix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2006/112 ma jikkonċernawx id-destinazzjoni tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti ttrasportati fil-bagalja tal-vjaġġatur. Għalhekk, u peress li hija tillimita ruħha li tirriproduċi l-leġiżlazzjoni preċedenti, niddeduċi li hija żżomm il-kundizzjonijiet tagħha (37).

64.      It-tieni nett, permezz tal-kundizzjonijiet li huwa jelenka, l-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112 jirrigwarda sitwazzjoni kkaratterizzata minn elementi personali (relatati mal-vjaġġatur) u elementi oġġettivi (relatati mal-vjaġġ u mal-oġġetti) li ma humiex relatati mal-idea ta’ esportazzjoni kummerċjali:

–        Fir-rigward tal-vjaġġatur, ir-riferiment għall-prova (karta tal-identità jew ekwivalenti) tar-residenza tiegħu barra mill-Unjoni Ewropea tenfasizza li dan huwa persuna fiżika.

–        Ir-rekwiżit tad-domiċilju jew tar-residenza abitwali tal-vjaġġatur barra mill-Unjoni jindika li dan qiegħed jiġi kkunsidrat fil-kwalità tiegħu bħala operatur mhux ekonomiku (probabbilment turist, iżda mhux biss) (38).

–        Din l-istess idea (vjaġġatur okkażjonali) hija kkorroborata mill-previżjoni li huwa jista’ jiċċaqlaq fi ħdan l-Unjoni (39), kif ukoll mit-terminu massimu ta’ tliet xhur wara l-kunsinna tal-oġġetti, li warajh ma hemmx dritt għal eżenzjoni (40).

–        L-oġġetti għandhom ikunu ta’ volum u numru limitat, peress li l-vjaġġatur għandu jgħabbihom miegħu waqt il-vjaġġi tiegħu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, sakemm jitlaq minnu, jekk ikun jixtieq jibbenefika mill-eżenzjoni.

–        Huwa neċessarju li l-oġġetti, meħuda flimkien, jaqbżu ċertu valur (għalkemm l-Istati Membri jistgħu jnaqqsuh). Ir-rekwiżit tal-ammont stabbilit mid-Direttiva 2006/112, kif ukoll il-fatt stess li dan jiġi ffissat (41), jikkorroboraw in-nuqqas ta’ għan kummerċjali tal-esportazzjoni.

65.      Iż-żmien u l-mod kif tapplika l-eżenzjoni jikkonfermaw l-istess idea. Preċiżament għaliex il-każ tipiku tal-Artikolu 147 huwa dak tal-oġġetti għal użu proprju, mhux kummerċjali, tal-vjaġġatur, ma huwiex eskluż li huwa stess jikkonsmahom filwaqt li jinsab fl-Unjoni, li jiddetermina li għandu jħallas hawnhekk il-VAT. Għalhekk, l-eżenzjoni ma tapplikax meta l-oġġett jiġi akkwistat, iżda iktar tard, fil-forma ta’ rimbors tal-VAT suġġett għall-prova li l-oġġett ikun telaq mit-territorju tal-Unjoni.

2.      Approċċ teleoloġiku

66.      L-Artikolu 147 jirrispondi għall-bażi teoretika komuni għall-eżenzjonijiet fl-esportazzjoni: billi l-VAT hija taxxa fuq il-konsum fil-ġurisdizzjoni fiskali u l-oġġetti esportati ser jiġu kkonsmati barra minnha, ma għandhiex tkun applikata għall-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti (42). Dan jevita t-taxxa doppja.

67.      Jista’ jingħad ukoll li l-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112 għandu, barra minn hekk, għan speċifiku ieħor, marbut mal-fakultà rrikonoxxuta lill-Istati Membri li jeżentaw mit-taxxa l-kunsinni ta’ oġġetti li l-valur globali tagħhom huwa inqas minn dak previst f’dan l-artikolu.

68.      Permezz ta’ din il-possibbiltà, l-Istati Membri li jkunu jixtiequ jagħmlu dan jistgħu jirrinunzjaw għall-ġbir derivat minn xiri ta’ ammont żgħir, billi jinkoraġġixxu, inkambju, ix-xiri ta’ prodotti permezz ta’ tkabbir tal-firxa ta’ dawk li għalihom japplika r-rimbors tal-VAT.

69.      Sa fejn dan l-għan huwa normalment marbut mal-promozzjoni tat-turiżmu, huwa jsaħħaħ l-argument li l-“bagalja personali tal-vjaġġatur”, fis-sens tal-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112, ma tikkontemplax esportazzjonijiet intiżi għall-kummerċ.

70.      Interpretazzjoni differenti, li tinkludi taħt ir-regola tal-eżenzjoni l-kunsinni ta’ oġġetti li għandhom jiġu ttrasportati fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi kif ukoll l-esportazzjonijiet ta’ dawn l-oġġetti bil-għan li jerġgħu jinbiegħu terġa’ tqiegħed inkwistjoni r-raġuni stess tas-sistema partikolari stabbilita fl-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112.

71.      Il-fatt li jeżisti regolament separat dwar l-eżenzjoni għall-kunsinni ta’ oġġetti ttrasportati fil-bagalja personali tal-vjaġġatur jirrispondi għal għażla konxja tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma riedx iqabbel, iżda pjuttost li jiddistingwi l-elementi normattivi tagħha minn dawk li jikkonċernaw l-esportazzjonijiet normali b’għan kummerċjali. Iż-żewġ regoli huma ispirati minn għanijiet li ma jixxibhux.

72.      L-interpretazzjoni kuntrarja tirrendi, barra minn hekk, alternattivi l-Artikoli 146(1)(b) u 147 tad-Direttiva 2006/112, flimkien mal-implikazzjonijiet li dan iġib miegħu għall-istabbiliment tal-ħruġ tal-merkanzija mit-territorju tal-Unjoni u għall-kontroll tal-esportazzjonijiet.

73.      Sabiex tiġi ddeterminata, fl-aħħar nett, in-natura kummerċjali għall-finijiet tal-eżenzjoni, nipproponi li jsir riferiment (mutatis mutandis) għall-kriterju stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/74, sa fejn jirrigwarda l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet minn vjaġġaturi li ġejjin minn pajjiżi terzi. Abbażi ta’ dan, l-esportazzjonijiet okkażjonali ta’ oġġetti għal użu personali jew familjari jew sabiex iservu bħala rigal ma humiex ta’ natura kummerċjali. La n-natura u lanqas il-kwantità tal-merkanzija ma għandhom ikunu tali li joħolqu dubju dwar in-natura mhux kummerċjali tal-esportazzjoni.

V.      Konklużjoni

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari tas-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija) tkun li:

–        “Il-kunċett ta’ ‘bagalji personali tal-vjaġġaturi’ li jinsab fl-Artikolu 147 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat mhux biss fid-dawl tas-sens ordinarju tat-termini, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest li fih jintuża u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni ta’ din it-taxxa.

–        Il-Konvenzjoni dwar il-faċilitajiet doganali għat-turiżmu, konkluża fi New York fl-4 ta’ Ġunju 1954, u l-Protokoll Addizzjonali tagħha, kif ukoll l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 tal-Kummissjoni, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għar-regoli ta’ implementazzjoni dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ma jikkostitwixxux il-kuntest interpretattiv tal-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112.

–        L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud għall-kunsinna ta’ oġġetti li għandhom jiġu ttrasportati barra mill-Unjoni Ewropea fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi, fis-sens tal-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112, hija suġġetta, fost rekwiżiti oħra, għan-natura mhux kummerċjali tal-esportazzjoni”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).


3      Din il-kwistjoni ġiet indirizzata minn perspettivi oħra fil-kawżi preċedenti: is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-96/91, EU:C:1992:253); tal-21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt (C-271/06, EU:C:2008:105); kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2018, Pieńkowski (C-307/16, EU:C:2018:124).


4      Il-liġi CXXVII tal-2007 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”).


5      Fl-osservazzjonijiet tagħha, Bakati Plus tikkontesta dan it-test u tressaq elementi addizzjonali. Iżda, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Coty Germany (C-567/18, EU:C:2020:267, punt 22), “peress li hija l-qorti tar-rinviju biss li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tillimita l-eżami tagħha għall-elementi ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissottometti quddiemha, u għalhekk, għandha timxi abbażi tas-sitwazzjoni li din il-qorti tikkunsidra bħala stabbilita”.


6      Il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija.


7      ĠU 2006, L 343, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat”.


8      Skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, “l-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 (tat-Titolu IX) għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli”. Enfasi miżjuda.


9      Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Navicom (C-97/06, EU:C:2007:609, punt 20). Hija eżaminat id-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, is-Sitt Direttiva fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), il-predeċessur immedjat għal dik kurrenti, liema interpretazzjoni tagħha għandha tittieħed mill-ġdid (b’eċċezzjonijiet li ma humiex rilevanti hawnhekk). Dwar ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ direttivi, b’mod ġenerali, ara l-ewwel u t-tielet premessa tad-Direttiva 2006/112.


10      Ibidem, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.


11      Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Envirotec Denmark (C-550/14, EU:C:2016:354, punt 27).


12      Loc. ult. cit.


13      Din hija, essenzjalment, l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni, li fir-rigward tagħha l-qorti tar-rinviju għandha d-dubji.


14      Dwar l-espressjoni “bagalji akkumpanjati”, ara, iktar ’il quddiem, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.


15      Il-punti 45 et seq. tal-osservazzjonijiet tagħha. Anki jekk, b’kawtela ikbar, il-Gvern Ungeriż jassumi wkoll din il-pożizzjoni.


16      Iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ New York tal-1954”. Il-konvenzjoni torbot lill-Ungerija. Skont l-Artikolu 2 tagħha, l-espressjoni “effetti personali” tirreferi għall-“ħwejjeġ kollha u artikoli ġodda jew użati li turist jista’ raġonevolment ikollu bżonn għall-użu personali tiegħu, fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-vjaġġ tiegħu, bl-esklużjoni ta’ kull merkanzija importata għal finijiet kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


17      Skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Delegat, “bagalji” huma “il-merkanzija kollha li tinġarr bi kwalunkwe mezz fir-rigward ta’ vjaġġ ta’ persuna fiżika”.


18      Deċiżjoni 93/329/KEE li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Ammissjoni Temporanja u l-aċċettazzjoni tal-annessi tagħha (ĠU 1993, L 130, p. 1).


19      Sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt (C-271/06, EU:C:2008:105), punt 28. Għamilt riferiment għal din id-duwalità tas-sistemi fil-konklużjonijiet tat-12 ta’ Jannar 2016 fil-kawżi magħquda Eurogate Distribution u DHL Hub Leipzig (C-226/14C-228/14, EU:C:2016:1, punt 91); u f’dawk tat-13 ta’ Diċembru 2016, tal-kawża Wallenborn Transports (C-571/15, EU:C:2016:944, punt 66).


20      Dan japplika għall-istatus doganali (l-Artikolu 119(3)(f) tar-Regolament Delegat) jew sabiex il-merkanzija tiġi suġġetta għal proċedura ta’ dikjarazzjoni doganali speċifika (Artikolu 135(1)(b) u Artikolu 137(1)(b), it-tnejn li huma tar-Regolament Delegat).


21      Id-Direttiva tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi (ĠU 2007, L 346, p. 6, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2007/74”).


22      Minkejja dan li ntqal hawn fuq, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, id-definizzjoni ta’ “bagalja personali” ssir b’riferiment għall-bagalji ppreżentati lill-awtoritajiet tad-dwana mill-vjaġġatur. Skont dan l-artikolu, “il-bagalji personali għandhom jitqiesu bħala l-bagalji kollha li min ikun qed jivvjaġġa jkun kapaċi jippreżenta lill-awtoritajiet tad-dwana mal-wasla tiegħu, kif ukoll il-bagalji li jippreżenta aktar tard lill-istess awtoritajiet, bil-kondizzjoni li jkun ippruvat li tali bagalji kienu rreġistrati bħala bagalji akkumpanjati, fil-ħin tat-tluq tiegħu, mal-kumpannija li kienet responsabbli biex twasslu”.


23      Dan ma jfissirx li ċerti elementi tal-proċedura doganali ma jistgħux jiġu invokati sabiex tiġi kkonfermata l-interpretazzjoni tar-regoli tal-VAT li r-riżultat tagħhom jikkoinċidi mal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet doganali.


24      Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Navicom (C-97/06, EU:C:2007:609, punt 20).


25      Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 1969 fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva relatata ma’ l-eżenzjoni minn taxxa fuq il-bejgħ u minn taxxa tas-sisa fuq l-importazzjoni fi vvjaġġar internazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 8).


26      L-ewwel premessa.


27      It-tieni premessa.


28      Ir-raba’ premessa.


29      L-Artikolu 1(1) għall-vjaġġaturi minn Stati terzi, u l-Artikolu 2(1) fil-kuntest tat-traffiku tal-passiġġieri intra-Komunitarji.


30      Dan huwa spjegat fis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1992, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-96/91, EU:C:1992:253, punt 5).


31      Id-Direttiva tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 1972, it-tieni Direttiva fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva relatata mar-regolamenti li jikkontrollaw it-taxxa fuq il-bejgħ u t-taxxa tas-sisa applikabbli fuq vjaġġar internazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 18).


32      Direttiva tal-Kunsill 92/111/KEE tal-14 ta’ Diċembru 1992 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE u tintroduċi miżuri ta' simplifikazzjoni fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 224).


33      Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE tal-10 ta’ April 1995 li temenda Direttiva 77/388/KEE u tintroduċi miżuri ġodda sempliċi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud - skop għal ċertu eżenzjonijiet u arranġamenti pratttiċi biex jimplimentawhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274).


34      F’ECU 175; il-paralleliżmu attwalment ma jippersistix, peress li l-limitu massimu tal-eżenzjoni fuq l-importazzjoni huwa ta’ EUR 300 (jew 430, skont il-mezz ta’ trasport), skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2007/74, u l-limitu inferjuri tal-valur globali tal-kunsinni li jibbenefikaw mill-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni huwa ta’ EUR 175, skont l-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112; l-ammont jista’, barra minn hekk, jiġi mnaqqas mill-Istati Membri.


35      Ara t-tabella ta’ korrelazzjoni tad-Direttiva 2006/112.


36      Il-persuna inkarigata mill-kunsinna jew it-trasport hija x-xerrej tal-merkanzija, jew parti terza li taġixxi f’ismu, b’kuntrast mal-esportazzjonijiet diretti tal-Artikolu 146(1)(a), li fihom l-oġġetti jintbagħtu jew jiġu ttrasportati minn min jagħmel it-trasferiment jew minn terz f’ismu.


37      B’koerenza ma’ dak li ntqal hawn fuq fir-rigward tar-rabta bejn id-direttiva fis-seħħ u dik preċedenti: iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


38      Eżempji oħra jistgħu jkunu l-membru tal-ekwipaġġ ta’ ajruplan jew ta’ kruċiera, student jew migrant li ġej minn Stat terz, fir-rigward ta’ oġġetti akkwistati fit-tliet xhur qabel it-tluq mill-Unjoni.


39      Il-paragrafu finali tal-Artikolu 147(2) tad-Direttiva 2006/112 isib il-predeċessur tiegħu, kif enfasizzajt, fl-emenda tas-Sitt Direttiva permezz tad-Direttiva 95/7. F’dokument tat-2 ta’ Marzu 1992, il-Kummissjoni tispjega l-għan ta’ dan il-paragrafu: li jiffaċilita t-tranżizzjoni għal skopijiet doganali ta’ vjaġġaturi li, wara li jkunu akkwistaw oġġett fi Stat Membru, joħorġu mit-territorju Komunitarju minn ieħor, u jwettqu l-formalitajiet li għalihom kien suġġett il-ħlas lura tal-VAT. Il-proposta ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ġimgħa wara (COM (94) 58 final, ĠU 1994, C 107, p. 7) ma tirriproduċix din l-ispjegazzjoni.


40      Ma huwiex meħtieġ terminu minimu. Fir-rigward tal-eżenzjonijiet fuq l-importazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet in-nuqqas ta’ rilevanza ta’ tul qasir ħafna tal-vjaġġ u, magħha, ta’ distinzjoni a priori bejn vjaġġaturi “awtentiċi” u “fiskali”, għall-finijiet tal-benefiċċju tal-eżenzjoni (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1980, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-158/88, EU:C:1990:242). Nifhem li din is-soluzzjoni hija applikabbli għall-eżenzjoni eżaminata issa.


41      Ladarba l-iskop li jiġi evitat in-nuqqas ta’ tassazzjoni jisparixxi, billi l-massimu tal-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni jikkoinċidi mal-minimu neċessarju sabiex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni (iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 34), l-iffissar ta’ ammont minimu għandu r-raġuni tiegħu fis-simplifikazzjoni amministrattiva. Għalhekk, għandu jsir tentattiv li jiġi evitat li l-ispejjeż tal-ġestjoni tat-taxxa jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont tagħha. Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, Har Vaessen Douane Service (C-7/08, EU:C:2009:417), punt 35.


42      Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2019, Vinš (C-275/18, EU:C:2019:265, punt 23), u tas-17 ta’ Ottubru 2019, Unitel (C-653/18, EU:C:2019:876, punt 20).