Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl-14 ta’ Jannar 2021 (1)

Kawża C-846/19

EQ

vs

Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal d’arrondissement (Luxembourg) (il-Qorti Distrettwali, il-Lussemburgu))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Taxxa fuq il-valur miżjud – Kunċett ta’ attività ekonomika u ta’ provvista ta’ servizzi marbutin mill-qrib mal-assistenza u mas-sigurtà soċjali – Kunċett ta’ korpi rrikonoxxuti bħala li għandhom natura soċjali – Inkarigi ta’ rappreżentanza ta’ persuni adulti – Issuġġettar għall-VAT”






1.        Huma suġġetti għall-VAT is-servizzi pprovduti minn avukat fil-kuntest ta’ skema ta’ protezzjoni għal persuni adulti li huma legalment inkapaċi?

2.        Tali servizzi huma assimilabbli għal “provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-assistenza tas-sigurtà soċjali?”

3.        Jista’ professjonist irreġistrat ma’ kamra professjonali jkun irrikonoxxut bħala “korp irrikonoxxut bħala ddedikat għall-benessere soċjali” u taħt liema parametri jista’ jseħħ dan?

4.        Dawn huma d-domandi prinċipali li fuqhom hija bbażata din il-kawża li tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EQ u l-Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA (l-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni, tal-Artijiet u tal-VAT tal-Lussemburgu, iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Fiskali”).

5.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba essenzjalment tiddeċiedi dwar il-portata tal-kunċetti msemmija iktar ’il fuq, li jinsabu fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112/KE (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), u fuq il-limiti fuq id-diskrezzjonalità tal-Istati Membri biex jintroduċu kundizzjonijiet addizzjonali għal dawk previsti mid-direttiva.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT tipprovdi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali; […]”.

7.        Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika”.

8.        L-Artikolu 131 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli”.

Il-Kapitolu 2 tat-Titolu IX tad-Direttiva dwar il-VAT huwa intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”. Dan il-kapitolu jinkludi l-Artikoli 132 sa 134.

9.        Skont l-Artikolu 132(1)(g) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-tranżazzjonijiet li ġejjin:

“g)            il-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk provduti mid-djar ta’ l-anzjani, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali”.

B.      Id-dritt Lussemburgiż

10.      L-Artikolu 4(1) tal-Liġi tat-12 ta’ Frar 1979 dwar il-VAT (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”) fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi kif ġej:

“Huwa persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 2 kull min, b’mod indipendenti u regolari, jipprovdi servizzi li jirrigwardaw kwalunkwe attività ekonomika, ikun xi jkun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività […]”.

11.      L-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi kif ġej:

“Għandha titqies bħala attività ekonomika kwalunkwe attività li hija intiża li tiġġenera dħul, u b’mod partikolari l-attivitajiet ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jipprovdu servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri, l-attivitajiet fl-agrikoltura, l-attivitajiet fil-professjonijiet liberi u l-attivitajiet li jinvolvu l-użu ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul permanenti minnha”.

12.      Skont l-Artikolu 44(1)(o) tal-Liġi dwar il-VAT:

“1.Għandhom ikunu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud, sal-punt u taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti b’regolament tal-Gran Dukat:

[…]

o)            servizzi u provvisti ta’ oġġetti marbutin mill-qrib mas-sigurtà soċjali, mal-assistenza soċjali jew mas-saħħa pubblika, ipprovduti minn organi rregolati mid-dritt pubbliku, minn fondi ta’ investiment komuni, organi pubbliċi jew ta’ utilità pubblika, djar tal-kura, djar tal-anzjani, ġerontoloġija jew ġerjatrija, sptarijiet jew organizzazzjonijiet tal-karità u istituzzjonijiet oħra simili fis-settur privat, li n-natura soċjali tagħhom hija rikonoxxuta mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti;

[…]”.

13.      Il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-VAT, kif emendata, ġew iddefiniti mir-Regolament tal-Gran Dukat tat-23 ta’ Diċembru 1981 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-Gran Dukat”), li l-Artikolu 3 tiegħu jipprovdi kif ġej:

“Il-qorti tutelari tista’ tagħti lill-amministratur tutelari ħlas li hija tiffissa, b’deċiżjoni motivata, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna inkapaċi, l-ammont u l-modalità tal-kalkolu.

Tali ħlas jista’ jikkonsisti f’ammont fiss jew f’perċentwali mid-dħul tal-persuna inkapaċi, inkella miżata stabbilita skont ix-xogħol imwettaq”.

II.    Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

14.      EQ huwa avukat irreġistrat mal-kamra tal-avukati tal-Lussemburgu mill-1994 u ilu mill-2004 jieħu inkarigi fil-kuntest tal-iskemi ta’ protezzjoni ta’ persuni adulti inkapaċi, prinċipalment bħala kuratur u amministratur ta’ appoġġ.

15.      Sal-2013, l-amministrazzjoni fiskali kienet ikkunsidrat li tali attivitajiet ma kinux suġġetti għall-VAT.

16.      Permezz ta’ żewġ avviżi ta’ stima tal-VAT tad-19 ta’ Jannar 2018, dwar is-snin 2014 u 2015, l-amministrazzjoni fiskali talbet lil EQ il-ħlas tal-VAT għax-xogħol ta’ rappreżentanza tal-persuni adulti legalment inkapaċi li wettaq f’dawn is-snin. B’dan il-mod, l-amministrazzjoni fiskali ddeċidiet li, għall-ewwel darba, tissuġġetta għall-VAT l-imsemmija attivitajiet ta’ rappreżentanza.

17.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2018, l-amministrazzjoni fiskali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn EQ kontra ż-żewġ avviżi ta’ stima ta’ taxxa.

18.      Sussegwentement, EQ ippreżenta kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, it-tribunal d’arrondissement (Luxembourg) (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu), għall-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2018.

19.      EQ isostni li s-servizzi inkwistjoni ma humiex attivitajiet ekonomiċi suġġetti għall-VAT inkwantu jaqdu funzjoni soċjali.

20.      Fil-fehma tiegħu, tali attivitajiet huma eżentati mill-VAT fis-sens tad-dispożizzjoni nazzjonali li tirreplika l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, jiġifieri l-Artikolu 44(1)(o) tal-Liġi dwar il-VAT Lussemburgiża, li jirrikonoxxi l-eżenzjoni mill-VAT għall-provvisti ta’ servizzi marbutin mill-qrib mas-sigurtà u mal-assistenza soċjali mwettqa minn korpi li n-natura soċjali tagħhom hija rrikonoxxuta mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

21.      Huwa jilmenta li mill-2004 sal-2013, tali attivitajiet ma kinux suġġetti għall-VAT, b’mod li jekk jiġu suġġetti għall-VAT għas-snin 2014 u 2015 dan ikun jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

22.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-dritt Lussemburgiż jipprovdi diversi skemi ta’ protezzjoni għall-persuni adulti li huma legalment inkapaċi. L-istabbiliment ta’ dawn l-iskemi ta’ protezzjoni jista’ jwassal għall-ħatra ta’ rappreżentant speċjali min-naħa tal-imħallef tutelari, sakemm ikun hemm deċiżjoni dwar l-iskema ta’ protezzjoni li għandha tiġi stabbilita, kif ukoll ta’ rappreżentant ad hoc f’każ ta’ kunflitt ta’ interess.

23.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi qabel kollox jekk l-attività ta’ protezzjoni fil-kuntest tal-protezzjoni tal-adulti, imwettqa bi ħlas, tikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.

24.      Għal dak li jirrigwarda l-quantum tar-remunerazzjoni, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa irrilevanti li tranżazzjoni ekonomika ssir bi prezz iktar baxx mill-prezz ta’ kemm tiswa, ir-remunerazzjoni trid madankollu tiġi ddeterminata minn qabel biex tkopri l-ispejjeż operattivi tal-fornitur tas-servizzi (3). F’dan il-każ, ir-remunerazzjoni tiġi ddeterminata każ b’każ mill-qorti kompetenti, dejjem abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju, u għaldaqstant ir-remunerazzjoni ma hijiex stabbilita minn qabel u ma tiggarantixxix neċessarjament f’kull ċirkustanza li jkunu koperti l-ispejjeż imġarrba mill-fornitur tas-servizz.

25.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attività li tinvolvi l-protezzjoni tal-adulti legalment inkapaċi tistax tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT, u għaldaqstant jekk l-imsemmija attività tikkostitwixxix “provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” imsemmija fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, u jekk l-avukat li jipprovdih jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali” fis-sens tal-istess dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, EQ jieħu l-pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-attività mwettqa indipendentement mill-istatus legali tal-fornitur tas-servizz, filwaqt li l-amministrazzjoni fiskali ssostni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-istatus legali u, mingħajr ma tgħid dan espressament, għandhom jiġu esklużi l-fornituri li jkollhom skop ta’ lukru.

26.      Il-qorti tar-rinviju titlob ukoll kjarifiki dwar il-kunċett ta’ “rikonoxximent” tan-natura soċjali tal-korp inkwistjoni. Għalkemm id-Direttiva dwar il-VAT tillimita ruħha biex tirreferi għal rikonoxximent “mill-Istat Membru kkonċernat”, hija ma tippreċiżax il-proċedura ta’ rikonoxximent u l-organu awtorizzat biex jagħmel dan. Il-fatti tal-każ ineżami jqajmu wkoll il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kkonċernata tistax tkun awtorità ġudizzjarja u jekk ir-rikonoxximent jistax isir każ b’każ.

27.      Finalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għall-każ ineżami. Hija tinnota li l-VAT ma hijiex taxxa dovuta mill-persuna debitriċi tal-VAT, iżda mill-konsumatur finali. Meta, bħal f’dan il-każ, l-amministrazzjoni inkarigata mill-ġbir tal-VAT tinforma lill-persuna taxxabbli, wara t-tlestija tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, li tixtieq titbiegħed mill-pożizzjoni preċedenti tagħha li kienet tikkonsisti filli ma tissuġġettax għall-VAT tali tranżazzjonijiet, il-persuna taxxabbli ssib ruħha fis-sitwazzjoni fejn ma setgħatx tgħaddi l-VAT għal fuq il-benefiċjarju ta’ tali servizzi, filwaqt li xorta għandha tħallas l-imsemmija VAT lill-Istat. Il-persuna taxxabbli tkun għaldaqstant obbligata li tnaqqas l-ammonti mitluba mill-Istat bħala VAT minn flusha stess, ħaġa li tikser il-prinċipju tan-newtralità fiskali tal-VAT.

28.      Huwa f’dan il-kuntest li t-tribunal d’arrondissement (Luxembourg) (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu), issospenda l-proċeduri u għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-kunċett ta’ attività ekonomika fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat bħala li jinkorpora jew jeskludi l-provvisti ta’ servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ relazzjoni trijangolari fejn il-fornitur tas-servizzi jkun inkarigat sabiex jipprovdihom minn entità li ma tkunx l-istess persuna bħall-benefiċjarju tal-provvisti tas-servizzi?

2.      Ir-risposta għall-ewwel domanda tinbidel skont jekk il-provvisti tas-servizzi jkunux ipprovduti fil-kuntest ta’ missjoni fdata minn awtorità ġudizzjarja indipendenti?

3.      Ir-risposta għall-ewwel domanda tinbidel skont jekk ir-remunerazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi tkunx imġarrba mill-benefiċjarju tal-provvisti jew imġarrba mill-Istat li entità minn tiegħu tkun inkarigat lill-fornitur tas-servizzi sabiex jipprovdihom?

4.      Il-kunċett ta’ attività ekonomika fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat bħala li jinkorpora jew jeskludi l-provvisti ta’ servizzi meta r-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizzi ma tkunx legalment obbligatorja u li l-ammont tagħha, meta tingħata, a) jkun evalwat każ b’każ, u b) ikun dipendenti dejjem fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju tal-provvisti u ċ) jkun ikkalkolat b’riferiment għal somma f’daqqa, perċentwali tad-dħul tal-benefiċjarju tal-provvisti, jew għall-provvisti pprovduti?

5.      Il-kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi u […] merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali’ imsemmi fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat bħala li jinkorpora jew jeskludi l-provvisti mwettqa fil-kuntest ta’ skema ta’ protezzjoni tal-adulti [legalment inkapaċi] stabbilita bil-liġi u suġġetta għall-istħarriġ ta’ awtorità ġudizzjarja indipendenti?

6.      Il-kunċett ta’ ‘korpi […] rikonoxxuti […] bħala ddedikati għall-benessere soċjali’, imsemmi fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat, bl-għan tar-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-korp, bħala li jimponi ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-forma tal-operat tal-fornitur tas-servizzi, jew fir-rigward tal-għan altruist jew ta’ lukru tal-attivitajiet tal-fornitur tas-servizzi, jew b’mod iktar ġenerali bħala li jirrestrinġi permezz ta’ kriterji u/jew kundizzjonijiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) jew is-sempliċi eżekuzzjoni tal-provvisti ‘marbuta […] ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali’ hija suffiċjenti sabiex il-korp inkwistjoni jingħata natura soċjali?

7.      Il-kunċett ta’ ‘korpi […] rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali’ msemmi fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat bħala li jeżiġi proċess ta’ rikonoxximent li huwa appoġġjat minn proċedura u kriterji ddeterminati minn qabel, jew ir-rikonoxximent ad hoc jista’ jsir każ b’każ, meta jkun xieraq, minn awtorità ġudizzjarja?

8.      Il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-awtorità inkarigata mill-irkupru tal-VAT li teżiġi mingħand il-persuna responsabbli mill-VAT, il-ħlas tal-VAT fuq tranżazzjonijiet ekonomiċi relatati ma’ perijodu mitmum mad-deċiżjoni ta’ tassazzjoni tal-awtorità wara li din l-awtorità tkun aċċettat matul perijodu estiż qabel dan il-perijodu d-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-imsemmija persuna taxxabbli li ma jkunux jinkludu t-tranżazzjonijiet ekonomiċi tal-istess natura fit-tranżazzjonijiet taxxabbli? Din il-possibbiltà tal-awtorità inkarigata mill-irkupru tal-VAT hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet?”

III. Analiżi ġuridika

29.      Id-domandi preliminari huma intiżi essenzjalment sabiex jiġi stabbilit jekk l-attivitajiet imwettqa minn avukat, bħala mandatarju, kuratur u tutur ta’ persuni adulti legalment inkapaċi, humiex suġġetti għat-taxxa tal-VAT jew humiex eżentati minnha.

30.      Kif ġie ssuġġerit mill-Kummissjoni, it-tmien domandi preliminari jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi:

A)      l-ewwel erba’ domandi jirrigwardaw il-kunċett ta’ attività ekonomika, b’mod partikolari jekk l-imsemmija attivitajiet jaqgħux taħt il-kunċett ta’ attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 9(1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT;

B)      il-ħames u sas-seba’ domanda jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari jekk tali attivitajiet humiex eżentati bħala “provvista ta’ servizzi […] marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali”, u l-avukat li jwettaqhom jistax jitqies bħala “korp tal-Istat Membru kkonċernat bħala ddedikat għall-benessere soċjali” fis-sens tal-istess dispożizzjoni;

C)      l-aħħar domanda preliminari hija intiża biex tiċċara jekk il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeskludix li tali attivitajiet ikunu suġġetti għall-VAT f’każ li l-awtoritajiet fiskali jkunu, fil-passat u għal tul ta’ żmien, aċċettaw li tali attivitajiet ma kinux suġġetti għall-VAT.

31.      Dawn il-konklużjonijiet, kif talbet il-Qorti tal-Ġustizzja, ser jiffokaw fuq id-domandi preliminari mill-ħames sas-seba’ waħda, miġburin taħt il-grupp B, li jirrigwardaw il-portata tal-eżenzjoni tas-servizzi marbutin mill-qrib mal-assistenza u mas-sigurtà soċjali. In-natura ekonomika tas-servizzi skont il-kriterji indikati mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, li huma s-suġġett tal-grupp ta’ domandi miġburin taħt il-grupp A, ser tkun preżunta ssodisfatta.

32.      Nosserva preliminarjament li l-attenzjoni għad-domandi ineżami tmur lil hinn minn din il-kawża peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija preżentement adita b’rikors ieħor simili, li kien ippreżentat mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) fuq dan l-istess suġġett, li jirrigwarda domanda preliminari waħda li tixbah, fil-parti l-kbira tagħha, id-domandi tal-grupp B (4).

33.      Anki fil-kawża C-1/20 ir-rikorrent huwa avukat li l-qorti spiss tagħtih l-inkarigu li jirrappreżenta lil persuni adulti legalment inkapaċi. L-Uffiċċju tat-Taxxi sostna li d-dħul mill-attivitajiet imwettqa mill-avukat, fil-kapaċità tiegħu ta’ rappreżentant, huma suġġetti għall-ħlas tal-VAT. Ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija), li ċaħdet l-appell fuq il-premessa li l-kategorija professjonali tal-avukati ma tistax titqies bħala korp irrikonoxxut li huwa ta’ natura soċjali.

34.      Madankollu, minn qari tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti Awstrijaka joħorġu sensiela ta’ elementi li jistgħu jkunu utli anki għar-risposti għad-domandi ta’ din il-kawża.

35.      B’mod partikolari, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa utli l-fatt li “l-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi), meta esprimiet ruħha dwar il-kwistjoni tal-attività rregolata mill-Artikolu 1896 tal-BGB, li fid-dritt Ġermaniż hija paragunabbli għal dik ta’ kuratur professjonali, waslet għall-konklużjoni li dan jista’ jistrieħ fuq l-eżenzjoni fiskali fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, dejjem jekk ikunu servizzi mħallsa mwettqa minn avukat maħtur kuratur, li jwettaq attività legali fil-kuntest tal-kurazija (Bundesfinanzhof, 25.4.2013, V R 7/11). Il-ġurisprudenza ċċitata wasslet lil-leġiżlatur Ġermaniż jipprovdi eżenzjoni għal dawn is-servizzi fl-Artikolu 4(16)(k) tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul” (5).

36.      Biex tingħata risposta għad-domandi preliminari miġbura fil-grupp B, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT jeħtieġ li jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv żewġ kundizzjonijiet biex tkun tista’ tapplika l-eżenzjoni tal-ħlas tal-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni: il-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni għandhom ikunu “marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” u, għandhom ikunu twettqu “minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali” (6).

37.      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet imwettqa minn avukat fil-kwalità ta’ mandatarju, kuratur jew tutur ta’ persuna adulta legalment inkapaċi jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-VAT prevista mill-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, u għaldaqstant jekk tali attivitajiet humiex “marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” u jekk l-avukat li wettaqhom jistax jitqies bħala “korp rikonoxxut mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikat għall-benessere soċjali”.

38.      B’mod konkret, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Lussemburgiż fejn jingħad li avukat li jwettaq l-imsemmija attivitajiet għandu jkun eskluż mill-eżenzjoni tal-VAT hijiex konformi ma’ interpretazzjoni, testwali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT (7) u, fit-tieni lok, jekk l-Istati Membri għandhomx marġni diskrezzjonali biex jintroduċu tali esklużjoni permezz ta’ eżerċizzju ta’ interpretazzjoni.

39.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]t-termini użati sabiex jiġu identifikati l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett” (8), inkwantu l-imsemmija eżenzjonijiet jinvolvu deroga mill-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fuq kull provvista ta’ servizz, magħmula bi ħlas min-naħa ta’ persuna taxxabbli.

40.      Madankollu, tali interpretazzjoni restrittiva min-naħa tal-Istat Membru fil-mument tat-traspożizzjoni tad-direttiva, ma tistax twassal sal-punt li trendi diffikultuża wisq l-implimentazzjoni tal-iskema tal-eżenzjonijiet sal-punt li ċċaħħad il-kunċett awtonomu tal-istess mill-effetti tiegħu.

41.      Għaldaqstant, jeħtieġ li jsir riferiment għar-ratio tad-dispożizzjoni stess.

42.      L-għan tad-Direttiva dwar il-VAT huwa dak li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sabiex tistabbilixxi sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u, għaldaqstant, bażi taxxabbli uniformi.

43.      L-interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu fil-Direttiva dwar il-VAT għandha tkun, għaldaqstant, konformi mal-għanijiet segwiti mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi evitat li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 132 jiġu interpretati b’mod li jċaħħdu lil dawn l-eżenzjonijiet mill-effetti tagħhom (9).

44.      Bil-fatt li tiżgura trattament iktar favorevoli, fil-qasam tal-VAT, għal ċerti provvisti ta’ servizzi ta’ interess ġenerali mwettqa fis-settur soċjali, wieħed jimmira, fil-fatt, li jnaqqas l-ispiża ta’ dawn is-servizzi u li jrendihom iktar aċċessibbli għall-individwi li jistgħu jibbenefikaw minnhom (10).

45.      Mill-proċess, wieħed qisu jifhem, tal-inqas mill-argumenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li anki l-Ministru tal-Ġustizzja Lussemburgiż huwa tal-fehma li jeżenta mill-VAT il-provvisti ta’ servizzi soċjoassistenzjali, anki jekk imwettqa minn avukati, biex ma jgħollix l-ispejjeż li tbati s-soċjetà (11).

a)      Fuq il-kundizzjoni li l-provvisti tas-servizzi għandhom ikunu “marbuta mill-qrib ma l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali”

46.      Il-kunċett ta’ “marbutin mill-qrib”, għaldaqstant, fil-loġika assistenzjali li tikkaratterizzah minħabba l-għanijiet tiegħu, ma jeżiġix interpretazzjoni partikolarment rigoruża, anki minħabba l-fatt li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT hija suġġetta għall-kundizzjoni ulterjuri li s-servizzi kkonċernati jkunu “essenzjali” għall-interventi ta’ għajnuna soċjali u ta’ sigurtà soċjali fis-sens tal-Artikolu 134(a) tal-istess direttiva (12).

47.      Għalkemm il-kunċetti ta’ “assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” ma humiex iddefiniti mid-Direttiva dwar il-VAT, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet f’diversi okkażjonijiet in-natura soċjali ta’ ċerti attivitajiet marbutin mal-kura, mal-assistenza u mal-protezzjoni ta’ persuni adulti li ma humiex awtosuffiċjenti.

48.      Fis-sentenza Kügler (13), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li s-servizzi ta’ kura ġeneriċi u ta’ ekonomija fid-dar ipprovduti minn servizz ta’ għoti ta’ kura fuq il-post lil persuni fiżikament jew ekonomikament mhux awtosuffiċjenti jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi marbutin mill-qrib mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva (14).

49.      Bl-istess mod, fis-sentenza Zimmerman (15), irriżulta mhux ikkontestat bejn il-partijiet li l-kura fid-dar, mogħtija minn infermiera professjonali, setgħet titqies bħala “marbuta [mill-qrib] marbuta mal-komfort [assistenza] u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva.

50.      Għandu mbagħad jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT issemmi espressament is-servizzi mwettqa mid-djar għall-anzjani fost il-provvista ta’ servizzi u l-kunsinna ta’ oġġetti marbuta strettament mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali, li jaqgħu b’hekk taħt l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Dan il-fatt ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Les Jardins de Jouvence (16).

51.      Mill-proċess jirriżulta li l-ħatra ta’ rappreżentant legali tippreżumi li persuna adulta ma għandhiex il-kapaċità li tieħu ħsieb b’mod awtonomu l-interessi tagħha stess minħabba li hija affettwata minn marda psikika jew diżabbiltà mentali, minn xjuħija invalidanti jew minn xi inkapaċità oħra.

52.      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura soċjali tal-attività mwettqa mir-rappreżentant legali, u għaldaqstant tar-rabta mill-qrib tagħha mal-assistenza soċjali, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni qabel kollox il-kontenut konkret ta’ tali attività. Għal dan il-għan, jirriżultaw utli ħafna r-risposti bil-miktub ipprovduti mill-partijiet għad-domanda fformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan l-argument.

53.      Fil-fehma tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-parti l-kbira tas-servizzi mwettqa mill-avukati maħtura bħala mandatarji, kuraturi jew tuturi ta’ persuni adulti inkapaċi, jikkonsistu f’: 1) viżta għand l-assistiti fi djarhom biex jiżguraw il-benesseri tagħhom u jkunu jafu l-bżonnijiet tagħhom; 2) kuntatti mal-familja, mal-assistenti soċjali, mal-persunal li jagħti l-kura; 3) għażla tal-post fejn jgħixu; 4) talbiet għall-pensjoni, għajnuniet soċjali; 5) implimentazzjoni tal-għajnuna fid-dar; 6) ħlas ta’ fatturi, ksib ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi, dikjarazzjoni tad-dħul, kunsinna tal-flus għall-ispejjeż ta’ kuljum.

54.      Jista’ jkun li r-rappreżentant jipprovdi wkoll servizzi ta’ natura legali, madankollu mingħajr ma tali attivitajiet ikunu rriżervati unikament għall-avukati: negozjati, iffirmar jew xoljiment ta’ kuntratt ta’ kera, bejgħ ta’ oġġetti mobbli jew proprjetà immobbli, assistenza jew rappreżentanza tal-persuna adulta fis-suċċessjoni. Fil-fatt, skont id-dritt nazzjonali Lussemburgiż, jistgħu jinħatru bħala mandatarji, kuraturi u tuturi anki l-familjari stretti tal-benefiċjarju jew l-istituzzjonijiet imwaqqfa għall-protezzjoni tal-persuni milquta minn diżabbiltajiet mentali jew fiżiċi.

55.      Finalment, tali inkarigi jistgħu jinvolvu servizzi li jaqgħu taħt il-kompetenzi esklużivi tal-avukati, bħalma hija r-rappreżentanza tal-persuni legalment inkapaċi fi kwistjonijiet legali, iżda dan it-tip ta’ servizz huwa numerikament inqas.

56.      Ir-risposta pprovduta mill-Gvern Lussemburgiż fuq dan il-punt hija li, skont l-informazzjoni miġbura mill-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu, l-attivitajiet tal-avukat f’dan is-settur huma ħafna u ma jikkonsistux esklużivament fir-rappreżentanza ta’ kuljum iżda “parti mill-attivitajiet tal-avukat tista’ tkun ikklassifikata bħala ‘soċjali’: kuntatt mal-assistenti soċjali, mat-tobba, mal-banek, mal-familji. Pereżempju, l-avukati spiss ikollhom jieħdu ħsieb id-dħul fid-djar tal-kura, jitolbu għajnuniet finanzjarji u jieħdu ħsieb iċ-ċaqliq minn post għal ieħor” (17).

57.      Ir-risposti tal-partijiet għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kontenut konkret tal-attivitajiet imwettqa mir-rappreżentant legali ma jidhrux, għaldaqstant, li huma diverġenti fis-sustanza tagħhom: l-avukati jwettqu diversi attivitajiet favur il-persuna legalment inkapaċi u parti minn din l-attività tista’ tkun ikklassifikata bħala “soċjali”, anki fl-imsemmi sens ta’ “marbuta mill-qrib mal-assistenza soċjali”.

58.      Dak li huwa differenti fl-espożizzjoni tal-fatti mill-partijiet huwa d-daqs u l-proporzjon tal-attivitajiet imwettqa: għar-rikorrent fil-kawża prinċipali l-attivitajiet li huma ta’ natura “soċjali” huma prevalenti meta mqabbla mal-oħrajn, għall-Gvern Lussemburgiż dawn jirrappreżentaw “parti” meta mqabbla mad-diversi attivitajiet.

59.      Biex tiġi stabbilita n-natura soċjali ta’ din l-attività ta’ rappreżentanza, jeħtieġ ukoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti elementi previsti fid-dispożizzjonijiet sostantivi (f’dan il-każ ir-regolament tal-Gran Dukat): a) l-ispiża ta’ dawn l-inkarigi, f’każ li l-persuna adulta ma għandhiex riżorsi finanzjarji suffiċjenti, jeħodha fuqu l-Istat; b) il-ħlas għas-servizzi, li jrid jiġi stabbilit mill-qorti, huwa proporzjonat b’mod partikolari għad-dħul u għall-konsistenza patrimonjali tal-persuna legalment inkapaċi; ċ) ir-rappreżentant huwa suġġett għal eżami mill-qorti; d) normalment il-ħlas li jingħata huwa rata fissa u rari jikkorrispondi għas-servizzi mwettqa.

60.      Minn dak li jirriżulta mill-proċess, jidher li dawn l-elementi huma ssodisfatti f’dan il-każ.

61.      Għaldaqstant, jista’ jiġi sostnut, mill-qari konġunt tal-affermazzjonijiet tal-partijiet, inkluża l-parti pubblika rrappreżentata mill-Gvern Lussemburgiż, li parti mill-attivitajiet imwettqa mill-avukat mandatarju, kuratur jew tutur ta’ persuni adulti legalment inkapaċi tista’ titqies “marbuta mill-qrib mal-assistenza soċjali” peress li hija marbuta mal-kura tal-persuna legalment inkapaċi u mal-għażliet personali tagħha tal-ħajja u għandha wkoll natura “essenzjali” għat-twettiq min-naħa tal-mandatarju, tutur jew kuratur legali tal-interventi ta’ assistenza soċjali, inkwantu meħtieġa biex tiżgura li l-benefiċjarju jgħix taħt kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjitużi fid-dawl tad-diżabbiltajiet mentali jew fiżiċi tiegħu (18). Għaldaqstant dan jinvolvi attivitajiet li huma espressjoni tal-bżonn ta’ kura, assistenza u protezzjoni tal-persuni affettwati minn diżabbiltà mentali u fiżika, liema persuni, inkella, ma jirnexxielhomx jieħdu ħsieb tagħhom infushom b’mod awtonomu. Wieħed jaħseb, b’mod partikolari, fuq l-għażla dwar jekk il-persuna kkonċernata tintbagħatx f’dar ta’ kura adattata għall-bżonnijiet tagħha jew tingħatax assistenza fid-dar tagħha.

62.      Kif irrikonoxxa wkoll il-Gvern Lussemburgiż, fil-fatt, il-kunċett ta’ “assistenza soċjali” jista’ jkun deskritt ukoll bħala għajnuna li tippermetti lil persuna fiżika tgħix b’mod dinjituż fil-mumenti ta’ bżonn (19).

63.      L-amministrazzjoni tal-patrimonju tista’ tkun (tal-inqas f’ċerti każijiet) attività li sservi biex tiggarantixxi sopravivenza dinjituża tal-benefiċjarju u biex tilqgħu kontra t-twettiq ta’ atti ta’ trasferiment li huma ta’ preġudizzju għalih.

64.      Min-naħa l-oħra, is-sopravivenza dinjituża tkun, mingħajr ebda dubju, ipperikolata jekk l-attivitajiet konkreti tal-ħajja ta’ kuljum, inklużi dawk ta’ natura finanzjarja, ma jitwettqux bil-prudenza meħtieġa.

65.      B’riferiment għat-tieni kategorija ta’ attivitajiet imwettqa mill-avukat mandatarju, kuratur jew tutur tal-persuna adulta legalment inkapaċi, li jappartjenu esklużivament għall-professjoni ta’ avukat; dawn jirrappreżentaw parti mill-attivitajiet imwettqa mill-avukat mandatarju, kuratur jew tutur.

66.      Neskludi li tali attivitajiet imwettqa mill-avukat mandatarju, kuratur jew tutur fil-kapaċità tiegħu ta’ professjonist jistgħu jitqiesu bħala attivitajiet marbutin mill-qrib mal-assistenza soċjali jew essenzjali għat-twettiq tas-servizzi eżentati. Fil-fatt, dawn huma attivitajiet professjonali rriżervati unikament għall-avukati, li jitwettqu fl-eżerċizzju ta’ professjoni libera iktar milli bi twettiq tal-funzjoni soċjali ta’ mandatarju, kuratur jew tutur.

67.      Biex jiġi evalwat jekk tapplikax l-eżenzjoni għal avukat li jwettaq attivitajiet li jkollhom żgur għan soċjoassistenzjali bħal dawk deskritti iktar ’il fuq, jeħtieġ li tiġi vverifikata l-eżistenza tat-tieni kundizzjoni prevista mid-Direttiva dwar il-VAT (ir-rikonoxximent bħala korp li għandu natura soċjali min-naħa tal-Istat Membru). Fil-fehma tiegħi, hemm rabta mill-qrib bejn iż-żewġ kundizzjonijiet fis-sens li l-prevalenza sinjifikattiva ta’ attivitajiet li għandhom natura soċjoassistenzjali tista’ tikklassifika n-natura stess tal-persuna li tipprovdi tali servizzi, billi tgħaqqad l-attività tagħha bħala entità ddedikata fis-settur soċjali u għaldaqstant li timmerita li tiġi rrikonoxxuta f’dan is-sens.

68.      Kif ser naraw, fil-fehma tiegħi, fil-fatt, jekk avukat iwettaq b’mod preponderanti funzjonijiet ta’ natura soċjali (marbutin mill-qrib mal-assistenza soċjali) differenti minn dawk strettament legali huwa jista’ jibbenefika, b’referenza għas-servizzi ta’ natura soċjali, mill-eżenzjoni. Din ma tistax tiġi eskluża, minnha nnifisha, minħabba l-fatt biss li huma avukati.

b)      Fuq il-kundizzjoni dwar ir-rikonoxximent bħala korp li għandu natura soċjali min-naħa tal-Istat Membru

69.      L-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT la jippreċiża l-kundizzjonijiet u lanqas il-modalitajiet stess tar-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-korpi li huma differenti minn dawk irregolati mid-dritt pubbliku.

70.      Għaldaqstant, fil-prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi r-regoli dwar kif tali rikonoxximent jista’ jingħata lil tali organi (20).

71.      B’mod speċifiku, l-Artikolu 132 tad-Direttiva dwar il-VAT jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jagħtu l-eżenzjoni prevista fis-subparagrafu (1)(g) lil organi differenti minn dawk irregolati mid-dritt pubbliku, u jissuġġettawha għall-osservanza ta’ kundizzjoni waħda jew iktar elenkati fl-istess artikolu. L-Istati Membri huma liberi li jimponu tali kundizzjonijiet fakultattivi b’mod addizzjonali biex tingħata l-eżenzjoni kkonċernata (21).

72.      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT jagħti diskrezzjoni lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu lil ċerti entitajiet li ma humiex irregolati mid-dritt pubbliku, bħala li għandhom natura soċjali (22).

73.      Għandu jitfakkar, madankollu, li l-Artikolu 131 jillimita l-firxa tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri billi jippreċiża li dawn jistgħu jintroduċu kundizzjonijiet addizzjonali għal dawk previsti mid-direttiva stess għall-finijiet li “jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli”.

74.      Il-marġni diskrezzjonali tal-Istati Membri fl-iffissar tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-eżenzjoni ma tistax tiġġebbed, għaldaqstant, tant li tbiddel id-definizzjoni tal-kontenut tal-eżenzjonijiet elenkati fid-direttiva.

75.      L-espressjoni “għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet” hija intiża, fil-fehma tiegħi, sabiex tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu leġiżlazzjonijiet nazzjonali xierqa biex irendu mhux eċċessivament kumplessa għall-operaturi ekonomiċi l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet u, eventwalment, anki biex jirrazzjonalizzaw il-modalitajiet ta’ kontroll.

76.      L-istess bħalma l-għan ta’ “prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli” ma jistax evidentement jagħmel riferiment għal sempliċi esklużjonijiet suġġettivi li ma humiex marbutin man-natura konkreta tal-attivitajiet imwettqa.

77.      Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali, għandu jitqies li d-diskrezzjonalità tal-Istati għandha tiġi eżerċitata skont id-dritt tal-Unjoni (23).

78.      Meta persuna taxxabbli tikkontesta r-rikonoxximent, jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent, tal-klassifikazzjoni ta’ korp bħala li għandu natura soċjali fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunux osservaw il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-imsemmi artikolu billi japplikaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, inkluż b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ trattament ugwali li, fil-qasam tal-VAT, jiġi applikat b’mod konkret fil-prinċipju tan-newtralità fiskali (24).

79.      Fil-każ ineżami, il-Gvern Lussemburgiż ma rrikonoxxiex il-kwalità ta’ korp b’natura soċjali għal dak li jikkonċerna lil EQ, fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa minnu fil-kapaċità ta’ mandatarju, kuratur u tutur, u mid-dehra qies li kien ta’ xkiel l-istatus tiegħu bħala avukat.

80.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eskludiet f’deċiżjonijiet preċedenti li l-kategorija professjonali tal-avukati tista’ titqies, fil-prinċipju, bħala korp li għandu natura soċjali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax japplika rata mnaqqsa ta’ VAT għall-provvista ta’ servizzi minn entitajiet privati bi skop ta’ lukru abbażi biss tal-evalwazzjoni tan-natura ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għanijiet ta’ dawn l-entitajiet ikkunsidrati fit-totalità tagħhom u l-istabbiltà tal-impenn soċjali tagħhom; fid-dawl tal-għanijiet globali tagħha u tan-nuqqas ta’ stabbiltà ta’ impenn soċjali eventwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kategorija professjonali tal-avukati u tal-prokuraturi legali ma tistax titqies, b’mod ġenerali, bħala ddedikata għall-benesseri soċjali (25).

81.      B’applikazzjoni tal-istess iter argumentattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-servizzi pprovduti mill-avukati fil-kuntest tal-iskema nazzjonali ta’ għajnuna legali ma hijiex eżentata mill-VAT taħt l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT (26).

82.      Każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża jidher madankollu li għandu ċerta karatteristika partikolari li tista’ ma twassalx għall-esklużjoni a priori tal-applikabbiltà tal-eżenzjoni mill-VAT.

83.      Fil-fatt, kif jista’ jiġi dedott minn dak li ġie deskritt iktar ’il fuq fir-rigward tat-tip ta’ provvisti ta’ servizzi mwettqa minn avukat fir-rwol ta’ mandatarju, kuratur jew tutur tal-persuna legalment inkapaċi, tal-inqas parti minnhom żgur li għandha element soċjali u għaldaqstant tista’ titqies bħala marbuta mill-qrib mal-kunċett ta’ “assistenza soċjali” kif ippreċiżat iktar ’il fuq.

84.      Dawn, fil-fatt, ma humiex irriżervati biss għall-avukati u anzi huma indipendenti mill-istatus ta’ avukat li jkollu min iwettaqhom.

85.      Jeħtieġ li f’dan l-istadju jiġu vverifikati, fil-fehma tiegħi, ċerti kundizzjonijiet oħra biex l-eżenzjoni mill-VAT titqies li hija kompatibbli ma’ sitwazzjoni simili għal dik ta’ din il-kawża: ir-rilevanza tal-istatus ta’ avukat fir-rigward tal-persuna li twettaq il-funzjonijiet ta’ mandatarju, kuratur jew tutur tal-persuna legalment inkapaċi, il-firxa u l-istabbiltà tal-impenn soċjali min-naħa tal-persuna li titlob l-eżenzjoni, anki għall-finijiet li tiġi aċċertata l-osservanza tal-limiti fuq id-diskrezzjonalità tal-Istat Membru meta dan jintroduċi kundizzjonijiet oħra li ma humiex dawk previsti mid-direttiva għar-rikonoxximent tal-eżenzjoni.

86.      Dawn il-kundizzjonijiet kollha għandhom jiġu evalwati b’mod konkret mill-qorti nazzjonali iżda l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tipprovdi lill-istess qorti nazzjonali l-parametri biex twettaq tali evalwazzjoni b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

87.      Jekk, fil-fatt, il-kundizzjoni dwar ir-rabta mill-qrib mal-assistenza soċjali tal-provvista ta’ servizzi mwettqa tista’ titqies bħala li hija ssodisfatta, dan ma jkunx suffiċjenti biex titqies issodisfatta wkoll it-tieni waħda dwar ir-rikonoxximent li teżiġi espressament li l-persuna li toffri l-imsemmija servizzi tkun irrikonoxxuta bħala “korp li għandu natura soċjali” (27).

88.      Fil-fehma tiegħi hekk għandha tinftiehem il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha “l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta l-possibbiltà tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa biss għall-provvista ta’ servizzi pprovduti minn organizzazzjonijiet li jissodisfaw dan ir-rekwiżit doppju titlef ir-rilevanza tagħha jekk Stat Membru kien liberu li jikkwalifika entitajiet privati bi skop ta’ lukru bħala organizzazzjonijiet fis-sens ta’ dan il-punt 15 minħabba s-sempliċi fatt li dawn l-entitajiet jipprovdu wkoll servizzi b’natura soċjali” (28).

89.      Fil-fehma tiegħi, madankollu, anki l-kuntrarju huwa minnu: ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni tkun imxekkla anki jekk Stat Membru jirrifjuta li jikklassifika bħala “korpi li għandhom natura soċjali” lil entitajiet privati li, għalkemm għandhom (limitatament) skop ta’ lukru, jipprovdu servizzi soċjali b’mod li juru l-istabbiltà tal-impenn soċjali tagħhom.

90.      Fil-fatt, ma naħsibx li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq tista’ tkun interpretata fis-sens li teskludi, a priori, mill-possibbiltà tal-eżenzjoni mill-VAT, prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, lil persuna li b’mod prevalenti tipprovdi servizzi marbutin mill-qrib mal-assistenza soċjali, li turi l-istabbiltà tal-impenn soċjali tagħha, minħabba l-fatt biss li dik il-persuna tkun irreġistrata mal-kamra tal-avukati.

91.      Dan, fl-ewwel lok, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret f’diversi okkażjonijiet li l-mezzi użati għall-implimentazzjoni tas-Sitt Direttiva għandhom ikunu kapaċi jwettqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (29).

92.      In-nuqqas ta’ għoti tal-eżenzjoni lil xi persuna biss minħabba l-fatt li hija rreġistrata mal-kamra tal-avukati jirriskja, min-naħa l-oħra, li jbiddel il-bilanċ tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni minħabba intenzjoni “li teskludi”, li ma taqbilx mal-ispirtu tad-direttiva.

93.      Jidher li huwa iktar korrett, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni, li wieħed iħares lejn l-attività mwettqa mill-persuna iktar milli lejn in-natura tal-persuna stess.

94.      Fit-tieni lok, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Il-fatt li l-persuna taxxabbli għandha l-istatus ta’ avukat ma għandux iwassal għal trattament fiskali differenti minn ta’ dak li, għalkemm jipprovdi, essenzjalment l-istess servizzi, jibbenefika minn eżenzjoni, fil-każ fejn ikun hemm persuni jew assoċjazzjonijiet li jipprovdu servizzi simili u li kienu ġew irrikonoxxuti (30).

95.      Dan l-approċċ, fil-fatt, ikun ifisser li wieħed jikkonċentra fuq l-isem tal-persuna taxxabbli kkonċernata u għaldaqstant jista’ jistona mal-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika u kummerċjali huwa kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tal-VAT. Barra minn hekk jista’ jkun problematiku għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi li operazzjonijiet ekonomiċi simili, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT.

96.      Fit-tielet lok, jista’ jiġi osservat li l-attivitajiet ineżami jitwettqu mill-avukat mhux minħabba l-istatus professjonali tiegħu, iżda minħabba l-ħatra bħala mandatarju, kuratur jew tutur ta’ persuna adulta legalment inkapaċi, min-naħa tal-qorti. L-awtorità ġudizzjarja tagħti lill-persuna maħtura funzjoni speċifika prevista mil-liġi għall-benefiċċju ta’ persuni adulti legalment inkapaċi, li tagħti s-setgħa/dmir ta’ rappreżentanza u ta’ protezzjoni tal-persuna adulta legalment inkapaċi u ta’ twettiq tal-attivitajiet li jservu għal dan. Wieħed jistaqsi wkoll jekk il-figura ta’ mandatarju, kuratur u tutur prevista mid-dritt Lussemburgiż tistax titqies bħala “korp irrikonoxxut bħala li għandu natura soċjali” minħabba l-valur soċjali partikolari ta’ din il-figura identifikat mil-liġi. F’dan il-każ, ir-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-funzjoni ta’ mandatarju, kuratur u tutur jirriżulta direttament mil-liġi nazzjonali, filwaqt li l-provvediment ġudizzjarju tal-ħatra jkun limitat biex jidentifika lill-persuna li lilha tingħata l-funzjoni.

97.      Finalment, ma huwiex kompletament konvinċenti dak li jenfasizzaw il-Gvern Lussemburgiż u l-Kummissjoni, li skonthom il-fatt li l-iskop ta’ lukru huwa tipiku tal-professjoni ta’ avukat jirrappreżenta fatt li jxekkel ir-rikonoxximent.

98.      It-terminu “korp” huwa, bħala prinċipju, wiesgħa biżżejjed biex jinkludi wkoll entitajiet privati li jkollhom (limitatament) skop ta’ lukru: il-fatt li EQ iwettaq xi ftit mill-attivitajiet tiegħu għal tali skop bl-ebda mod ma jeskludi li huwa jkun jista’ jaqa’ taħt il-klassifika ta’ “korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT (31).

99.      Dan bil-kundizzjoni, fil-fehma tiegħi, li l-iskop ta’ lukru jkun limitat għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

100. Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-remunerazzjoni għas-servizz tal-avukat tista’ titħallas mill-Istat, fil-każ fejn il-persuna adulta legalment inkapaċi ma jkollhiex riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

101. Dan il-ħlas, imbagħad, stabbilit abbażi ta’ regolament tal-Gran Dukat, kif diġà sar aċċenn għalih qabel, ma jiġi qatt stabbilit minn qabel, ma huwa qatt awtomatiku, peress li huwa suġġett għall-evalwazzjoni tal-qorti, u peress li ma jagħmilx distinzjoni bejn l-ispejjeż u s-servizzi tal-avukat, jista’ jkun li ma jkoprix l-ispejjeż kollha (32).

102. Dan il-fatt, skont il-ġurisprudenza mfakkra qabel (33), jista’ jiġi elenkat fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit jekk il-korp inkwistjoni għandux natura soċjali u juri li l-attivitajiet ta’ natura soċjali jitwettqu, anki jekk inkambju għal korrispettiv, b’loġika differenti minn dik tas-suq.

103. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, fil-kuntest tar-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-organi li ma jkunux organi rregolati mid-dritt pubbliku, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, konformement mad-dritt tal-Unjoni u suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jieħdu inkunsiderazzjoni diversi indizji: l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, in-natura ta’ interess ġenerali tal-attivitajiet tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-fatt li persuni taxxabbli oħra li jeżerċitaw l-istess attivitajiet jibbenefikaw diġà minn eżenzjoni simili, il-fatt li r-responsabbiltà għall-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni eventwalment tittieħed fil-parti l-kbira tagħhom min-naħa tal-Istat (34).

104. Fil-każ ineżami, jidhirli li jistgħu jinstabu, għalkemm parzjalment, ċerti indizji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiġi rrikonoxxuta n-natura soċjali ta’ korp partikolari: in-natura ta’ interess ġenerali ta’ almenu wħud mill-attivitajiet imwettqa mill-persuna taxxabbli, il-fatt li persuni taxxabbli oħra li jwettqu dawk l-istess attivitajiet jibbenefikaw mill-eżenzjoni (35), il-fatt li almenu parti mill-ispejjeż ta’ dawk is-servizzi soċjoassistenzjali jkoprihom l-Istat jew, fi kwalunkwe każ, bħal f’dan il-każ, jiġu stabbiliti dejjem fuq ordni u wara evalwazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja. Naturalment hija l-qorti nazzjonali li għandha taċċerta l-eventwali eżistenza effettiva, fil-proċeduri tal-kawża prinċipali, ta’ tali rekwiżiti, bil-preċiżazzjoni madankollu li dawn ikunu indizji li l-eżistenza kuntestwali tagħhom ma tistax titqies neċessarja għall-finijiet tar-rikonoxximent.

105. Proprju minħabba li s-sitwazzjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża ma tistax taqa’ de plano f’dik is-sitwazzjoni tipika li tagħti dritt għall-benefiċċju tal-eżenzjoni, l-element veru li jikkwalifika l-pożizzjoni tal-persuna, għall-finijiet li din tkun tista’ titqies bħala “korp li għandu natura soċjali”, huwa fil-fehma tiegħi l-impenn soċjali stabbli, u dan kif jista’ jiġi dedott indirettament mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

106. Tali ċirkustanza, għalkemm hija faċilment verifikabbli meta l-persuna għandha bħala għan soċjali jew skop uniku tal-attività tagħha servizzi ta’ natura soċjali u assistenzjali, hija iktar diffiċli li tiġi vverifikata (iżda ma tistax tiġi eskluża) meta l-persuna twettaq attività iktar strutturata bħala professjonista u, b’mod partikolari, avukat.

107. Jidhirli li f’dan il-każ, peress li kif ingħad ma tistax tiġi eskluża minn qabel il-possibbiltà tar-rikonoxximent biss minħabba l-appartenenza għal kamra professjonali speċifika, il-kriterju li jista’ jiggwida lill-awtorità nazzjonali fir-rikonoxximent għandu jkun marbut mal-prevalenza kwantitattiva tal-attività ta’ natura soċjali fuq l-attivitajiet l-oħra li wkoll jitwettqu b’mod leġittimu.

108. Avukat, bħal kwalunkwe professjonist ieħor, li jwettaq b’mod prevalenti attività li tirrigwarda “provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali”, jista’ fil-fehma tiegħi jiġi rrikonoxxut bħala “korp li għandu natura soċjali” anki f’każ fejn iwettaq b’mod residwu attivitajiet ta’ natura strettament legali, forsi anki mhux marbutin ma’ servizzi soċjali.

109. Il-professjonist għandu jieħu ħsieb, f’dan il-każ, li jżomm kontijiet separati li jippermettu li jiddistingwi, għall-finijiet tal-impożizzjoni tal-VAT, l-attivitajiet (prevalenti) marbutin mill-qrib mal-assistenza soċjali, li huma eżentati, u dawk differenti (residwi) suġġetti għall-VAT (36).

110. Fid-dawl tas-suespost, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk li ssemmew, jekk l-awtoritajiet nazzjonali, bil-fatt li ma jkunux irrikonoxxew lil EQ bħala korp li għandu natura soċjali, osservawx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li hija permessa lilhom mill-Artikolu 132 tad-Direttiva tal-VAT.

c)      Fuq il-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tipproċedi bir-rikonoxximent

111. Ftit kunsiderazzjonijiet finali dwar il-proċedura ta’ rikonoxximent; il-Gvern Lussemburgiż u, minn dak li fhimt anki l-Kummissjoni, isostnu li fis-sistema Lussemburgiża, ir-rikonoxximent ta’ persuna taxxabbli bħala korp li għandu natura soċjali ma jistax isir mill-qorti, anki fil-każ li jiġi aċċertat li l-Istat Lussemburgiż, peress li ma jipprovdix, fid-dritt nazzjonali tiegħu, il-possibbiltà ta’ rikonoxximent għal persuna taxxabbli speċifika, eċċeda s-setgħa diskrezzjonali tiegħu f’dan ir-rigward.

112. Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 131 tad-Direttiva dwar il-VAT ineżami jħalli lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tar-rikonoxximent tal-korpi inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat espliċitament, proprju fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-istess direttiva li “[]n-natura ġenerali tad-Direttiva in kwistjoni jew id-diskrezzjoni li tagħti lill-Istati Membri, ma jistgħux jiġu invokati sabiex dawk id-dispożizzjonijiet li, fid-dawl tas-suġġett tagħhom, jistgħu jiġu invokati utilment quddiem il-qrati anki jekk id-direttiva ma ġietx implementata fit-totalità tagħha, jiġu mċaħħda minn kull effett” (37).

113. Qabel kollox huwa obbligu tal-Istat li jiddefinixxi tali kundizzjoni, iżda hija l-istess Qorti tal-Ġustizzja li ċċarat li Stat Membru li jkun naqas milli jadotta miżuri ta’ implimentazzjoni previsti fid-direttiva “ma jistax jinvoka n-nuqqas tiegħu stess biex iċaħħad lil xi persuna taxxabbli mill-benefiċċju tal-eżenzjoni li din tista’ titlob b’mod leġittimu bis-saħħa tas-Sitt Direttiva” (38). Għaldaqstant, għalkemm huwa possibbli min-naħa l-oħra li jerġgħu jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent inkwistjoni, il-prinċipji tal-ordinament ġuridiku Ewropew, u fl-ewwel lok dak tal-effett utli tad-direttivi, jeżiġu li l-persuni kkonċernati ma jkunux preklużi milli jeżerċitaw id-dritt stabbilit mid-direttiva ineżami.

114. Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita (39), fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett sostantiv, li huma inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati fit-terminu preskritt, kontra kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li ma tkunx konformi mad-direttiva, jew ukoll, bħala kapaċi li jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istati.

115. Fis-sentenza Kügler il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT jindika b’mod preċiż biżżejjed u inkundizzjonat, l-attivitajiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni, u huwa għaldaqstant dispożizzjoni direttament applikabbli (40).

116. L-assenza ta’ rikonoxximent ad hoc b’mod leġiżlattiv tal-korpi inkwistjoni ma tistax titqies, minnha nfisha, li hija kapaċi li tippreġudika l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjoni, iżda jeħtieġ min-naħa l-oħra li jiġi aċċertat jekk l-ordinament tal-Istat Membru inkwistjoni jippermettix, b’metodi oħra, li jerġa’ jinħoloq ukoll xi tip ta’ forma ta’ rikonoxximent, anki jekk de facto biss, tan-natura soċjali tal-korp.

117. Sakemm l-Istati Membri josservaw il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom mill-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-individwi ma jistgħux, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq tali dispożizzjoni, jiksbu l-istatus ta’ korp li għandu natura soċjali fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat.

118. L-effett dirett irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-eżenzjoni inkwistjoni (41) jwassalni biex nikkonstata, madankollu, li jekk l-Istat tal-Lussemburgu qabeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi ma pprovdiex il-possibbiltà tar-rikonoxximent f’dan il-każ speċifiku, il-qorti tar-rinviju tista’, jekk meħtieġ, tipproċedi hija stess b’tali rikonoxximent.

119. Minn dan l-aspett, meta individwu jitlob li jikseb l-istatus ta’ korp b’natura soċjali, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk l-awtoritajiet kompetenti osservawx l-imsemmija limiti billi japplikaw il-prinċipji previsti mid-dritt tal-Unjoni u “[j]iddetermina[w], fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, jekk il-persuna taxxabbli hijiex organu rrikonoxxut bħala li għandu natura soċjali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni” (42).

120. Is-soluzzjoni mogħtija hawnhekk ma twessax il-portata tal-eżenzjoni lil hinn minn dak li huwa previst fid-direttiva, iżda hija limitata biex trendi possibbli l-għoti tal-istess eżenzjoni favur persuni li għandhom dritt għaliha fis-sens tal-istess direttiva.

IV.    Konklużjoni

121. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet suesposti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-tribunal d’arrondissement (Luxembourg) (il-Qorti Distrettwali, il-Lussemburgu), elenkati fil-paragrafi 5, 6 u 7 u miġbura taħt il-grupp B, bil-mod kif ġej:

1)      L-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jinkludi fost is-servizzi marbutin mill-qrib mal-assistenza soċjali dawk is-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ skema ta’ protezzjoni ta’ persuni adulti legalment inkapaċi mwaqqfa b’liġi u li hija suġġetta għall-istħarriġ ta’ awtorità ġudizzjarja indipendenti; li l-istatus ta’ korp irrikonoxxut bħala li għandu natura soċjali jista’ jiġi attribwit lil avukat fil-kuntest ta’ skema ta’ protezzjoni għall-persuni adulti legalment inkapaċi bil-kundizzjoni li l-imsemmi avukat iwettaq impenn soċjali stabbli, fis-sens li l-attivitajiet ta’ natura soċjali jkunu prevalenti b’mod sinjifikattiv meta mqabbla mal-attivitajiet l-oħra; għall-finijiet ta’ tali rikonoxximent ma huwiex meħtieġ proċess ta’ rikonoxximent ibbażat fuq proċedura u fuq kriterji prestabbiliti, iżda jseħħ każ b’każ, eventwalment permezz ta’ awtorità ġudizzjarja f’każ fejn in-nuqqas ta’ rikonoxximent min-naħa tal-leġiżlatur nazzjonali jew tal-awtoritajiet amministrattivi jaqbeż il-limiti tad-diskrezzjonalità li d-direttiva tagħti lill-Istati Membri.

2)      Għal dan il-għan, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ta’ mandatarju, kuratur u tutur imwettqa minn EQ humiex marbutin mill-qrib mal-assistenza soċjali u, fid-dawl tal-kontenut tas-servizzi pprovduti, jekk EQ jistax jiġi rrikonoxxut bħala korp li għandu natura soċjali fit-twettiq tas-servizzi ta’ mandatarju, kuratur u tutur ta’ persuni adulti, kif ukoll jekk in-nuqqas ta’ rikonoxximent min-naħa tal-leġiżlatur u tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali jaqbiżx il-limiti tad-diskrezzjonalità li d-direttiva tagħti lill-Istati Membri.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).


3      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Nagyszénás Településszolgáltatási Nonprofit Kft. (C-182/17, EU:C:2018:91, punt 38).


4      Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) fit-3 ta’ Jannar 2020 – B vs Finanzamt Wien (C-1/20).


5      Kawża C-1/20, talba għal deċiżjoni preliminari, punt 41. Fir-risposti bil-miktub għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari f’dik għad-domanda Nru. 3, EQ jsostni li fil-Belġju l-avukati maħtura amministraturi provviżorji ta’ persuni adulti legalment inkapaċi, ma humiex suġġetti għall-VAT fuq il-ħlas tagħhom li jirrigwarda tali attività, filwaqt li s-servizzi l-oħra fil-kwalità tagħhom ta’ avukati huma suġġetti għall-VAT.


6      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2020, E (C-657/19, EU:C:2020:811, punt 30), tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 21), u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (C-498/03, EU:C:2005:322, punt 34).


7      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, DNB Banka (C-326/15, EU:C:2017:719, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Ara, finalment, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, E (C-657/19, EU:C:2020:811, punt 28).


9      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2020, E (C-657/19, EU:C:2020:811, punt 28 u tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 22. F’dan is-sens, dejjem b’riferiment għall-interpretazzjoni tal-istess dispożizzjoni, ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing (C-407/07, EU:C:2008:713, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li għalkemm l-interpretazzjoni restrittiva hija meħtieġa, dan ma jfissirx li t-termini użati biex jiġu speċifikati l-eżenzjonijiet għandhom ikunu interpretati b’mod li jċaħħad lil tali eżenzjonijiet mill-effetti tagħhom jew b’mod li jrendu l-eżenzjonijiet previsti kważi mhux prattikabbli.


10      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2020, E (C-657/19, EU:C:2020:811, punt 29), tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence (C-335/14, EU:C:2016:36, punt 41) u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (C-498/03, EU:C:2005:322, punt 30).


11      Ara t-talba għal deċiżjoni preliminari, p. 3 fid-deskrizzjoni tal-argumenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.


12      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, E (C-657/19, EU:C:2020:811, punt 31).


13      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, EU:C:2002:473, punt 61).


14      Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 23; iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). Is-Sitt Direttiva ġiet imħassra u ssostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, mid-Direttiva dwar il-VAT.


15      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 24).


16      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence (C-335/14, EU:C:2016:36, punt 42).


17      Risposti bil-miktub tal-Gvern Lussemburgiż, punt 16.


18      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence (C-335/14, EU:C:2016:36, punt 54).


19      Risposti bil-miktub tal-Gvern Lussemburgiż, punt 14.


20      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2020, E (C-657/19, EU:C:2020:811, punt 43), tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence (C-335/14, EU:C:2016:36, punt 32) u tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence (C-335/14, EU:C:2016:36, punt 33, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (C-498/03, EU:C:2005:322, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, EU:C:2002:473, punti 54 u 57); u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (C-498/03, EU:C:2005:322, punti 51 u 52).


24      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, EU:C:2002:473, punt 56), u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (C-498/03, EU:C:2005:322, punti 52 u 54).


25      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-492/08, EU:C:2010:348, punti 45 u 46).


26      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Conseil des ministres (C-543/14, EU:C:2016:605, punt 65).


27      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2020, E (C-657/19, EU:C:2020:811, punt 30), tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 21), u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (C-498/03, EU:C:2005:322, punt 34).


28      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-492/08, EU:C:2010:348, punt 44).


29      Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C-246/16, EU:C:2017:887, punt 25) u tas-26 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-508/10, EU:C:2012:243, punt 75).


30      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence (C-335/14, EU:C:2016:36, punt 49).


31      Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence (C-335/14, EU:C:2016:36, punt 39) u tat-12 ta’ Marzu 2015, “go fair” Zeitarbeit (C-594/13, EU:C:2015:164, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara r-risposti ta’ EQ għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari r-risposta għad-domanda 1.


33      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, E (C-657/19, EU:C:2020:811, punt 44), sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence (C-335/14, EU:C:2016:36, punt 35) u tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Dan ir-rekwiżit huwa s-suġġett ta’ affermazzjonijiet diverġenti min-naħa tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u min-naħa tal-Gvern Lussemburgiż fir-risposti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ser ikun l-obbligu tal-qorti tar-rinviju taċċerta l-eventwali eżistenza tiegħu.


36      Għall-eżenzjoni parzjali ta’ ċerti attivitajiet biss u mhux ta’ oħrajn ara, reċentement (fis-sens li l-eżistenza ta’ servizzi li għandhom natura differenti ma tbiddilx in-natura tal-eżenzjoni) is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2019, Infohos (C-400/18, EU:C:2019:992, punti 42 u 43), u s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence (C-335/14, EU:C:2016:36, punt 54).


37      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (C-8/81, C-8/81, Ġabra, p. 53, punt 47).


38      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, EU:C:2002:473, punt 60) u tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C-174/11, EU:C:2012:716, punt 32).


39      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, EU:C:2002:473, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, EU:C:2002:473, punt 53).


41      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, EU:C:2002:473, punti 52 sa 61).


42      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, E (C-657/19, EU:C:2020:811, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).