Kawża C-453/05
Volker Ludwig
vs
Finanzamt Luckenwalde
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Finanzgericht des Landes Brandenburg)
“Sitt Direttiva — VAT — Kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet ta’ negozjar ta’ kreditu’ ”
Sommarju tas-Sentenza
1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva
[Direttiva tal-Kunsill 77/388 KE, Artikolu 13B(d)(1)]
2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva
[Direttiva tal-Kunsill 77/388 KE, Artikolu 13B(d)(1)]
1. Iċ-ċirkustanza fejn persuna taxxabbli tanalizza s-sitwazzjoni patrimonjali ta’ klijenti prospettivi tagħha sabiex jingħataw krediti, ma tostakolax ir-rikonoxximent ta’ negozjar ta’ kreditu eżentat mit-taxxa fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388 tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima jekk, fid-dawl ta’ l-elementi ta’ interpretazzjoni msemmija qabel, in-negozjar ta’ kreditu offrut mill-imsemmija persuna taxxabbli għandu jiġi kkunsidrat bħala servizz prinċipali li għalih is-servizz ta’ konsulenza patrimonjali huwa anċillari, b’tali mod li dan ta’ l-aħħar huwa intaxxat bl-istess mod bħall-ewwel servizz. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fil-kawża mressqa quddiemha.
(ara l-punt 20 u disp. 1)
2. Iċ-ċirkustanza fejn persuna taxxabbli mhijiex marbuta kuntrattwalment ma l-ebda mill-partijiet f’kuntratt ta’ kreditu li għall-konklużjoni tiegħu hija tkun kkontribwixxiet u ma jkollhiex kuntatt dirett ma’ waħda minn dawn il-partijiet ma tostakolax lill-imsemmija persuna taxxabbli milli tipprovdi servizz ta’ negozjar ta’ kreditu eżentat fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva 77/338, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ.
It-tranżazzjonijiet eżentati skond l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva huma ddefiniti fir-rigward ta’ servizzi pprovduti u mhux fil-funzjoni ta’ provditur jew ta’ destinatarju tas-servizz. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għal dawn ta’ l-aħħar. Din il-konstatazzjoni hija valida wkoll fir-rigward tan-natura tar-rapport bejn in-negozjatur u l-partijiet fil-kuntratt, fil-każ fejn il-kliem ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva ma jkun fihom l-ebda indikazzjoni dwar dan is-suġġett.
Barra minn hekk, il-kliem ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva ma jeskludux, bħala prinċipju, li l-attività ta’ negozjar titqassam f’diversi servizzi distinti li b’hekk jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “negozjar ta’ kreditu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li jibbenifikaw mill-eżenzjoni li huwa jistabbilixxi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta mill-prinċipju tan-newtralità fiskali li l-operaturi għandhom ikolhom is-setgħa li jagħżlu l-mudell ta’ organizzazzjoni li, minn perspettiva strettament ekonomika, jaqblilhom l-aktar, mingħajr ma jkun hemm ir-risjku li t-tranżazzjonijiet tagħhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni.
(ara l-punti 25-26, 34-35, 40, u disp. 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
21 ta’ Ġunju 2007 (*)
“Sitt Direttiva – VAT – Kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet ta’ negozjar ta’ kreditu’ ”
Fil-kawża C-453/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht des Landes Brandenburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Diċembru 2005, fil-proċedura
Volker Ludwig
vs
Finanzamt Luckenwalde,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal V. Ludwig, minn K. Landry, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr, bħala aġent,
– għall-Gvern Grieg, minn M. Apessos u Z. Chatzipavlou, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-C. Gracia, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u W. Mölls, bħala aġenti,
– wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ‘il quddiem is-“Sitt Direttiva”) u b’mod partikolari tal-kunċett ta’ “negozjar ta’ kreditu” li huwa inkluż fih.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn V. Ludwig (iktar ‘il quddiem ir-“rikorrent fil-kawża prinċipali”), konsulent patrimonjali, u l-Finanzamt Luckenwalde dwar rifjut minn din ta’ l-aħħar li teżenta mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ kummissjoni netta ta’ EUR 267 li rċieva r-rikorrent fil-kawża prinċipali matul l-ewwel trimestru ta’ l-2005.
Il-Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ‘il quddiem il-“VAT”) il-provvista ta’ oġġetti u s-servizzi mwettqa bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.
4 L-Artikolu 13, intitolat “Eżenzjonijet fit-territorju tal-pajjiż”, jipprovdi:
“[...]
B. Eżenzjonijet oħrajn
Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż [frodi, evażjoni jew abbuż eventwali]:
[...]
d) it-transazzjonijet li ġejjin:
1. l-għoti jew in-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih;
[...]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz BGBl. 1979 I, p. 1953), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tal-kawża huma fformulati kif ġej:
“Artikolu 1 – Tranżazzjonijiet taxxabbli
1) Huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ it-tranżazzjonijiet li ġejjin:
1. il-provvisti u servizzi oħra, imwettqa bi ħlas ġewwa l-pajjiż min-negozjant, fil-kuntest tan-negozju tiegħu.
[…]
Artikolu 4 – Eżenzjonijiet għal provvisti u servizzi oħra
It-tranżazzjonijiet li ġejjin li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1) punt 1, huma eżentati:
[…]
8. a) l-għoti u n-negozjar ta’ kreditu, […]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jeżerċita l-professjoni ta’ konsulent patrimonjali indipendenti f’isem il-kumpannija Deutsche Vermögensberatung AG (iktar ‘il quddiem “DVAG”) taħt kuntratt ta’ aġent kummerċjali.
7 DVAG tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni privati, permezz tas-subaġenti tagħha fil-kwalità ta’ konsulenti patrimonjali, diversi prodotti finanzjarji, bħal krediti, li tagħhom hija tkun iddefinixxiet minn qabel il-kundizzjonijiet ġenerali ma’ l-istituti finanzjarji li jsellfu.
8 Għal dan il-għan, il-konsulent patrimonjali jikkuntattja klijenti potenzjali, f’isem DVAG, sabiex jistiedinhom għal laqgħa li fiha jagħmlu bilanċ tal-patrimonju tagħhom u jidentifikaw bżonnijiet eventwali ta’ investiment.
9 Wara analiżi, imwettqa b’kompjuter ipprovdut minn DVAG, tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna kkuntattjata, il-konsulent jipproponilha prodotti finanzjarji li jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet tagħha.
10 Jekk il-persuna taqbel li jingħatalha kreditu, il-konsulent ilesti proposta ta’ kuntratt vinkolanti li, wara li tiġi ffirmata mill-klijent, tintbagħat lil DVAG sabiex tivverifika r-regolarità tagħha. Din ta’ l-aħħar tibgħat il-proposta ta’ kuntratt lill-istitut ta’ kreditu li jista’ jaċċettaha, jirrifjutaha, jew ibiddel il-kundizzjonijiet.
11 Fil-każ li kuntratt jiġi konkluż, DVAG tirċievi kummissjoni mill-istitut ta’ kreditu. Din tħallas, min-naħa tagħha, lill-konsulent patrimonjali, fil-kwalità tiegħu ta’ subaġent u bħala ħlas ta’ l-intervent tiegħu fil-konklużjoni ta’ l-imsemmi kuntratt, kummissjoni li l-ammont tagħha jiddependi mill-klawżoli tal-kuntratt ta’ aġent kummerċjali. Il-klijent, min-naħa tiegħu, ma jħallas l-ebda kummissjoni la lil DVAG u lanqas lill-konsulent.
12 Il-konsulent huwa responsabbli li jibqa’ jieħu ħsieb il-klijentela tiegħu wara l-konklużjoni ta’ kull kuntratt ta’ kreditu.
13 Huwa permezz ta’ din il-proċedura li r-rikorrent fil-kawża prinċipali rċieva minn DVAG, bħala subaġent, kummissjoni ta’ EUR 267, wara li kkontribwixxa għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu matul l-ewwel trimestru ta’ l-2005. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, peress li qies li t-tranżazzjoni mwettqa minnu, u li wasslet għall-ħlas ta’ l-imsemmija kummissjoni, hija eżentata mill-VAT b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva, jikkontesta, quddiem il-Finanzgericht des Landes Brandenburg, il-ġbir ta’ l-imsemmija taxxa b’rata ta’ 16 % mill-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża.
14 Huwa fil-kuntest ta’ dan ir-rikors li l-Finanzgericht des Landes Brandenburg iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
“1) Hemm servizz ta’ negozjar fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva meta persuna taxxabbli – fil-kawża preżenti subaġent – jġib lil klijenti kkuntattjati minnu krediti awtorizzati minn diversi selliefa li magħhom ikun ftiehem minn qabel fuq il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-klijenti tiegħu u li għalihom jirċievi kummissjoni għan-negozjar ta’ prodott, anki jekk, billi jagħmel hekk, huwa janalizza s-sitwazzjoni patrimonjali tal-klijenti kif ukoll il-bżonnijiet personali u finanzjarji tagħhom, jew dan is-servizz huwa servizz mhux indipendenti, aċċessorju għas-servizz prinċipali li jikkostitwixxi servizz finanzjarju, li mhuwiex imsemmi mill-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva?
2) L-eżenzjoni tan-negozjar ta’ kreditu previst fl-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva tippreżupponi li:
a) teżisti relazzjoni kuntrattwali diretta bejn in-negozjatur, minn naħa, u min jingħata s-self u/jew min jagħti l-kreditu min-naħa l-oħra,
b) u li n-negozjatur għandu jidħol f’kuntratt mhux biss ma’ min jingħata s-self, iżda ukoll ma’ min jagħti l-kreditu u jiftiehem huwa stess miegħu fuq id-dettalji tal-kuntratt,
jew l-eżenzjoni tkopri wkoll il-ħlasijiet ta’ kummissjonijiet li persuna taxxabbli tirċievi mingħand aġent prinċipali, li għalih jaħdem bħala subaġent u li f’ismu jidher quddiem il-klijenti, bħala korrispettiv għall-fatt li l-klijenti tiegħu jikkonkludu kuntratti ta’ kreditu ma’ persuni li jagħtu l-kreditu u li huma indikati mill-aġent prinċipali, iżda mingħajr ma s-subaġent ikollu kuntatt ma’ min jagħti l-kreditu?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
15 Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment liema mill-attivitajiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jiġifieri n-negozjar ta’ kreditu jew il-konsulenza patrimonjali, hija determinanti sabiex tikkwalifika s-servizz tiegħu fir-rigward ta’ l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva.
16 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-attività tar-rikorrent fil-kawża prinċipali tikkonsisti, minn naħa, f’konsulenza għall-klijenti fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jagħmel mod li dawn ta’ l-aħħar jikkonkludu kuntratt ta’ kreditu fil-każ ta’ bżonn. Għal din l-attività, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jirċievi bħala remunerazzjoni parti mill-kummissjoni mħallsa lil DVAG mill-istabbilimenti finanzjarji li jagħtu l-kreditu, liema remunerazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-konsulent patrimonjali, bħala subaġent ta’ DVAG, jikkontribwixxi għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu bejn dawn l-istabbilimenti u l-klijenti li huwa kkuntattja.
17 Jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija direttiva, li kull provvista ta’ servizz għandha normalment titqies bħala distinta u indipendenti u li l-provvista li tikkostitwixxi servizz uniku minn perspettiva ekonomika m’għandiex tinqasam b’mod artifiċjali, u dan sabiex ma jitbiddilx it-tħaddim tas-sistema tal-VAT, b’tali mod li jkunu jridu jiġu stabbiliti l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni in kwistjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna taxxabbli tagħtix lil konsumatur, ikkunsidrat bħala konsumatur medju, diversi servizzi prinċipali distinti jew servizz uniku (sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 29).
18 F’dan ir-rigward, tikkostitwixxi b’mod partikolari provvista waħda s-sitwazzjoni fejn element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu servizz prinċipali, filwaqt illi, għall-kuntrarju, element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala servizz jew servizzi anċillari li għalihom tapplika l-istess sistema fiskali li tapplika għas-servizz prinċipali. Servizz għandu jkun ikkunsidrat bħala anċillari għal servizz prinċipali meta huwa ma jkollux skop fih innifsu għall-klijent, iżda jkun il-mezz sabiex is-servizz prinċipali tal-fornitur jitgawda bl-aħjar kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin, C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229, punt 24, u CPP, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 30).
19 Fil-kawza prinċipali, minn naħa, iċ-ċirkustanza li s-servizzi mogħtija minn DVAG u s-subaġent jiġu remunerati biss mill-istabbilimenti finanzjarji li jagħtu l-kreditu bil-kundizzjoni li l-klijenti kkuntattjati u mogħtija pariri mill-konsulent patrimonjali jikkonkludu kuntratt ta’ kreditu, twassal sabiex in-negozjati jidhru bħala li jikkostitwixxu s-servizz prinċipali, u l-konsulenza servizz anċillari. In-negozjar ta’ kreditu jidher, min-naħa l-oħra, bħala s-servizz deċiżiv għal min jingħata s-self kif ukoll għall-istabbilimenti finanzjarji li jagħtu l-kreditu, fil-każ fejn l-atttività ta’ konsulenza partimonjali ssir biss fil-fażi preliminari u hija limitata sabiex il-klijent jiġi assistit fl-għażla, fost il-prodotti finanzjarji differenti, ta’ dak l-iktar adattat għas-sitwazzjoni u għall-bżonnijiet tiegħu.
20 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li ċ-ċirkustanza fejn persuna taxxabbli tanalizza s-sitwazzjoni patrimonjali ta’ klijenti prospettivi tagħha sabiex jingħataw krediti, ma tostakolax ir-rikonoxximent ta’ negozjar ta’ kreditu eżentat mit-taxxa fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva jekk, fid-dawl ta’ l-elementi ta’ interpretazzjoni msemmija qabel, in-negozjar ta’ kreditu offert mill-imsemmija persuna taxxabbli għandu jiġi kkunsidrat bħala servizz prinċipali li għalih is-servizz ta’ konsulenza patrimonjali huwa anċillari, b’tali mod li dan ta’ l-aħħar huwa intaxxat bl-istess mod bħall-ewwel servizz. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fil-kawża mressqa quddiemha.
Fuq it-tieni domanda
Osservazzjonijiet preliminari
21 Għandu jiġi mfakkar li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, peress illi dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jgħid li l-VAT tinġabar fuq kull servizz imwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1989, Stiching Uitvoering Financiële Acties, 348/87, Ġabra p. 1737, punt 13, u tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, Ġabra p.I-3017, punt 20).
22 Hija wkoll ġurisprudenza kostanti li l-imsemmija eżenzjonijiet jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li huma intiżi sabiex jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT bejn Stat Membru u ieħor u li għandhom ikunu ssostitwiti fil-kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia, C-240/99, Ġabra p. I-1951, punt 23, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen, C-472/03, Ġabra p. I-1719, punt 25).
23 It-terminu “negozjar” li fihom il-punti 1 sa 5 ta’ l-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva mhuwiex iddefinit mill-imsemmija direttiva. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kuntest tal-punt 5 ta’ din id-dispożizzjoni li dan il-kunċett japplika għal attività ta’ intermedjarju li mhuwiex parti għal kuntratt li jirrigwarda prodott finanzjarju u fejn l-attività hija differenti mis-servizzi kuntrattwali tipiċi pprovduti mill-partijiet għal dawn il-kuntratti. Fil-fatt, l-attività ta’ negozjar hija servizz mogħti lil parti għal kuntratt u mħallas minnha bħala attività distinta ta’ medjazzjoni. F’dan ir-rigward, l-iskop ta’ tali attività huwa li jsir in-neċessarju sabiex żewġ partijiet jikkonkludu kuntratt, mingħajr ma n-negozjatur ma jkollu interess personali fil-kontenut tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services, C-235/00, Ġabra p. I-10237, punt 39). B’mod kuntrarju, ma tkunx attività ta’ negozjati meta waħda mill-partijiet fil-kuntratt tafda lil subappaltatur parti mit-tranżazzjonijiet materjali marbuta ma’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CSC Financial Services, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 40).
24 Il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk il-kunċett ta’ negozjar fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva jippresupponix, minn naħa, rabta kuntrattwali bejn min jipprovdi s-servizz ta’ negozjar ta’ kreditu u wieħed mill-partijiet għal kuntratt ta’ kreditu u, min-naħa l-oħra, jekk le, jekk kuntratt dirett bejn l-imsemmi provditur u ż-żewġ partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu huwiex meħtieġ sabiex jingħata d-dritt għall-eżenzjoni previst fil-paragrafu 1 ta’ l-imsemmi Artikolu.
Fuq il-ħtieġa ta’ rabta kuntrattwali bejn in-negozjatur u wieħed mill-partijiet fil-kuntratt
25 Għandu jiġi rrilevat li t-tranżazzjonijiet eżentati skond l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva huma ddefiniti fir-rigward ta’ servizzi pprovduti u mhux fil-funzjoni ta’ provditur jew ta’ destinatarju tas-servizz. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għal dawn ta’ l-aħħar [ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(3) u (5) tas-Sitt Direttiva, is-sentenza SDC, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32, u għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(6) ta’ din id-direttiva, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, C-169/04, Ġabra p. I-4027, punt 66].
26 Din il-konstatazzjoni hija valida wkoll fir-rigward tan-natura tar-rapport bejn in-negozjatur u l-partijiet fil-kuntratt, fil-każ fejn il-kliem ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva ma jkun fihom l-ebda indikazzjoni dwar dan is-suġġett.
27 Fil-fatt, sabiex jiġu kkwalifikati bħala tranżazzjonijiet eżentati skond l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, is-servizzi pprovduti għandhom jiffurmaw unità distinta, evalwata b’mod globali, li għandha bħala effett li tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ servizz ta’ negozjar [ara f’dan is-sens, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, is-sentenzi ċċitati aktar ‘il fuq, SDC, punt 66, u CSC Financial Services, punt 25, kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(6) ta’ din id-direttiva, is-sentenza Abbey National iċċitata iktar ‘il fuq, punt 70].
28 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-attività ta’ negozjar hija attività ta’ medjazzjoni li tista’ tikkonsisti, fost oħrajn, fl-indikazzjoni lil parti fil-kuntratt ta’ l-okkażjonijiet għall-konklużjoni ta’ tali kuntratt, f’li jsir kuntatt mal-parti l-oħra u fl-innegozjar f’isem il-klijent tad-dettalji tas-serivizzi reċiproki, fejn l-iskop ta’ tali attività huwa li jsir n-neċessarju sabiex iż-żewġ partijiet jikkonkludu kuntratt, mingħajr ma n-negozjatur ikollu interess personali fil-kontenut tiegħu [ara, f’dan is-sens, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, is-sentenza CSC Financial Services, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 39].
29 Għaldaqstant, jirriżulta minn dak li ntqal qabel li r-rikonoxximent ta’ attività ta’ negozjar eżentata fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva mhux neċessarjament tiddependi mill-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali bejn min jipprovdi s-servizz ta’ negozjar u wieħed mill-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu.
30 Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, din il-konstatazzjoni ma tiddaħħalx in kwistjoni miċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil-punt 39 tas-sentenza CSC Financial Services, iċċitata iktar ‘il fuq, li l-attività ta’ negozjar hija servizz mogħti lil parti kuntrattwali u mħallsa minnha bħala attività distinta ta’ medjazzjoni.
31 Qabel xejn, fl-imsemmija kawża CSC Financial Services, il-kwistjoni ta’ l-eżistenza ta’ kuntratt bejn prestatarju u destinatarju tas-servizz, f’dan il-każ CSC Financial Services Ltd u Sun Alliance Group, ma ġiex ikkontestat. Kif jirriżulta ukoll mill-punt 7 ta’ din is-sentenza, tali rabta kuntrattwali kienet teżisti f’din il-kawża. Minkejja dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonstatat li, suġġett għall-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża għall-qorti tar-rinviju, CSC Financial Services Ltd kienet qisha qed twettaq attività simili għal dik ta’ subappaltatur li fiha parti fil-kuntratt kienet ikkonferixxiet ċerti tranżazzjonijiet bażiċi u materjali marbuta mal-kuntratt li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva (sentenza CSC Financial Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali bejn il-prestatarju u d-destinatarju tas-servizz ma tistax ikollha l-importanza fl-istruttura ta’ l-argumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġiet attribwita lilha mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu.
32 Isegwi li għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi tirreferi għall-punti 64 u 66 tas-sentenza SDC iċċitata iktar ‘il fuq, enfasizzat in-natura fundamentali ta’ l-attivitajiet ta’ CSC Financial Services Ltd sabiex jiġi ddeterminat jekk din ta’ l-aħħar kinitx qed tipprovdi servizz eżentat fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(3) sa (5) tas-Sitt Direttiva (sentenza CSC Financial Services, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 23 sa 28). Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet fil-parti preliminari tal-punt 39 ta’ din is-sentenza li ma kienx neċessarju li tevalwa s-sinjifikat eżatt tat-terminu “negozjar”.
33 Konsegwentement, l-applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali bejn min jipprovdi s-servizz ta’ negozjar u parti fil-kuntratt ta’ kreditu, iżda għandha tiġi evalwata skond in-natura stess tas-servizz ipprovdut u l-iskop tiegħu kif imfakkar fil-punt 23 tal-kawża preżenti.
Fuq il-ħtieġa ta’ kuntatt dirett bejn in-negozjatur u ż-żewġ partijiet fil-kuntratt
34 Għandu jiġi enfasizzat li l-kliem ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva ma jeskludux, bħala prinċipju, li l-attività ta’ negozjar titqassam f’diversi servizzi distinti li b’hekk jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “negozjar ta’ kreditu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li jibbenifikaw mill-eżenzjoni li huwa jistabbilixxi [ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva, is-sentenza SDC, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 64; għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(5) ta’ din id-direttiva, is-sentenza CSC Financial Services, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23, kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13B(d)(6) ta’ din id-direttiva, is-sentenza Abbey National, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 67].
35 F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta mill-prinċipju tan-newtralità fiskali li l-operaturi għandhom ikolhom is-setgħa li jagħżlu l-mudell ta’ organizzazzjoni li, minn perspettiva strettament ekonomika, jaqblilhom l-aktar, mingħajr ma jkun hemm ir-risjku li t-tranżazzjonijiet tagħhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13 B(d)(6) tas-Sitt Direttiva [ara, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu B(d)(6) ta’ din id-direttiva, is-sentenza Abbey National iċċitata iktar ‘il fuq, punt 68].
36 Madankollu, kif ukoll ġie mfakkar fil-punt 27 tas-sentenza preżenti, sabiex jikkwalifika bħala tranżazzjoni eżentata fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva, is-servizz ipprovdut mill-prestatarju għandu jifforma totalità distinta, evalwata b’mod ġenerali, li għandha bħala effett li tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ servizz ta’ negozjar.
37 Konsegwentement, l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva ma jipprekludix li, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, is-servizz ta’ negozjar ta’ kreditu huwa maqsum f’żewġ servizzi, wieħed ipprovdut mill-aġent prinċipali, jiġfieri DVAG, fil-kuntest ta’ negozjar ma’ l-istabbilimenti finanzjarji li jagħtu l-kreditu, u l-ieħor mis-subaġent, jiġifieri r-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kwalità tiegħu ta’ konsulent patrimonjali, fil-kuntest tan-negozjati ma’ min jingħata s-self.
38 Għandu jiġi mfakkar li, skond il-punt 39 tas-sentenza CSC Financial Services iċċitata iktar ‘il fuq, in-negozjar huwa attività ta’ medjazzjoni li jista’ jikkonsisti, fost oħrajn, fl-indikazzjoni lil parti fil-kuntratt ta’ l-okkażjonijiet għall-konklużjoni ta’ tali kuntratt, mingħajr ma n-negozjatur ikollu interess personali fil-kontenut tiegħu. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ negozjar ma jippresupponix neċessarjament li n-negozjatur, bħala subaġent ta’ aġent prinċipal, jidħol f’kuntatt dirett maż-żewġ partijiet fil-kuntratt sabiex jinnegozja l-klawżoli kollha, suġġett madankollu għall-kundizzjoni li l-attività tiegħu ma tkunx limitata b’mod li jieħu ħsieb biss tal-formalitajiet klerikali marbuta mal-kuntratt.
39 Barra minn hekk, il-fatt stess li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu kienu ġew stabbiliti minn qabel minn waħda mill-partijiet fil-kuntratt ma jistax jostakola, bħala tali, l-għoti ta’ servizz ta’ negozjar fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva, peress li, kif jirriżulta ukoll mill-punt preċedenti, l-attività ta’ negozjar tista’ tkun limitata għall-indikazzjoni lil parti fil-kuntratt ta’ l-okkażjonijiet għall-konklużjoni ta’ tali kuntratt.
40 Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li ċ-ċirkustanza fejn persuna taxxabbli mhijiex marbuta kuntrattwalment ma l-ebda mill-partijiet f’kuntratt ta’ kreditu li għall-konklużjoni tiegħu tkun ikkontribwixxiet u ma jkollhiex kuntatt dirett ma’ waħda minn dawn il-partijiet ma tostakolax lill-imsemmija persuna taxxabbli milli tipprovdi servizz ta’ negozjar ta’ kreditu eżentat fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Iċ-ċirkustanza fejn persuna taxxabbli tanalizza s-sitwazzjoni patrimonjali ta’ klijenti prospettivi tagħha sabiex jingħataw krediti, ma tostakolax ir-rikonoxximent ta’ negozjar ta’ kreditu eżentat mit-taxxa fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, jekk, fid-dawl ta’ l-elementi ta’ interpretazzjoni msemmija qabel, in-negozjar ta’ kreditu offert mill-imsemmija persuna taxxabbli għandu jiġi kkunsidrat bħala servizz prinċipali li għalih is-servizz ta’ konsulenza patrimonjali huwa anċillari, b’tali mod li dan ta’ l-aħħar huwa intaxxat bl-istess mod bħall-ewwel servizz. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fil-kawża mressqa quddiemha.
2) Iċ-ċirkustanza fejn persuna taxxabbli mhijiex marbuta kuntrattwalment ma l-ebda mill-partijiet f’kuntratt ta’ kreditu li għall-konklużjoni tiegħu tkun ikkontribwixxiet u ma jkollhiex kuntatt dirett ma’ waħda minn dawn il-partijiet ma tostakolax lill-imsemmija persuna taxxabbli milli tipprovdi servizz ta’ negozjar ta’ kreditu eżentat fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva 77/338.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.