Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta' Marzu 2007 (*)

"Libertà ta' stabbiliment – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tpaċija immedjata tat-telf subit mill-kumpanniji parent – Telf li jirriżulta mid-deprezzament tal-valur ta' ishma miżmuma f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra"

Fil-kawża C-347/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-15 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Awwissu 2004, fil-proċedura

Rewe Zentralfinanz eG, aventi kawżi b'titolu universali ta' ITS Reisen GmbH

vs

Finanzamt Köln-Mitte,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Klučka, R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' 16 ta' Marzu 2006,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Rewe Zentralfinanz eG, minn M. Lausterer, Rechtsanwalt,

–       għall-Finanzamt Köln-Mitte, minn B. Redmann, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta' Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 43 KE), l-Artikolu 58 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 48 KE), l-Artikoli 67 sa 73 tat-Trattat KE (imħassra bit-Trattat ta' Amsterdam), l-Artikoli 73 B sa 73 D tat-Trattat KE (li saru l-Artikolu 56 sa 58 KE), l-Artikolu 73 E tat-Trattat KE (imħassar bit-Trattat ta' Amsterdam) kif ukoll ta' l-Artikoli 73 F u 73 G tat-Trattat KE (li saru l-Artikolu 59 KE u 60 KE).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Rewe Zentralfinanz eG (aktar 'il quddiem "Rewe"), li hija stabbilita fil-Ġermanja u li qiegħda taġixxi bħala aventi kawża b'titolu universali tal-kumpannija ITS Reisen GmbH (aktar 'il quddiem "ITS"), u l-Finanzamt Köln-Mitte, dwar il-fatt li telf marbut mad-deprezzament parzjali tal-valur ta' ishma miżmuma f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra ma jitteħidx in kunsiderazzjoni bħala spiża ta' l-operat li għandu jitnaqqas għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli fis-snin fiskali 1993 u 1994.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3       Skond l-Artikolu 1 tal-Liġi ta' l-1991 dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz 1991, aktar 'il quddiem il-"KStG 1991"), li hija applikabbli fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji residenti huma suġġetti fil-Ġermanja għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tal-profitti mondjali tagħhom. Dawn il-profitti jinkludu l-profitti magħmula mill-fergħat jew mill-aġenziji li permezz tagħhom dawn il-kumpanniji residenti jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom barra l-imsemmi Stat. Għall-kuntrarju, kumpannija residenti mhijiex intaxxata fuq il-profitti tal-kumpanniji sussidjarji tagħha fil-mument meta jiġu magħmula dawn il-profitti.

4       Skond l-Artikolu 8(1) tal-KStG 1991, huma d-dispożizzjonijiet tal-Liġi ta' l-1990 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Einkommensteuergesetz 1990, aktar 'il quddiem l-"EstG 1990") u tal-KStG 1991 li jiddefinixxu x'inhu kopert mill-kunċett ta' "dħul" u l-metodu kif dan għandu jiġi ddeterminat.

5       Skond it-tieni sentenza tat-tieni punt ta' l-Artikolu 6(1) ta' l-EStG 1990, id-deprezzament tal-valur parzjali inferjuri ta' ishma jikkostitwixxi spiża ta' l-operat li għandu jitnaqqas għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt. Skond dan l-istess Artikolu 6, huwa kkunsidrat bħala valur parzjali l-ammont li akkwirent ta' l-operazzjoni kollha jimputa lill-beni ekonomiċi in kwistjoni bħala parti mill-prezz ta' akkwist globali. Filwaqt li, bħala prinċipju, il-beni ekonomiċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta' deprezzament u li jitqiesu bħala attiv fiss huma, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt, imputati fil-karta tal-bilanċ skond il-valur ta' akkwist jew ta' manifattura tagħhom, bid-deprezzament li jirriżulta mill-użu mnaqqas minn dan il-valur, il-persuna taxxabbli għandha wkoll l-għażla li tiddikjara l-valur parzjali inferjuri (deprezzament parzjali) meta, per eżempju, il-valur effettiv tal-beni ekonomiċi jkun waqa' taħt il-valur ta' akkwist jew ta' manifattura bid-deprezzament li jirriżulta mill-użu mnaqqas minn dan il-valur.

6       Skond l-Artikolu 2(3) ta' l-EstG 1990, it-total tad-dħul magħmul f'sena minn persuna taxxabbli huwa l-bilanċ bejn id-dħul u l-infiq. Jekk din l-operazzjoni tirriżulta f'telf, dan it-telf ikun jista' jitnaqqas fi snin oħra, meta ssir id-determinazzjoni tad-dħul fiskali, fil-kuntest ta' l-antiċipazzjoni jew tat-tmexxija 'l quddiem tat-telf, skond l-Artikolu 10 d ta' l-EstG 1990.

7       Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-EstG 1990, kif emendata bil-Liġi ta' l-1992 dwar ir-Riforma Fiskali (Steueränderungsgesetz 1992), tal-25 ta' Frar 1992 (BGB1. 1992 I, p. 297), it-tpaċija għal finijiet fiskali tat-telf fil-każ ta' deprezzament parzjali tal-valur ta' ishma f'kumpannija b'kapital azzjonarju kienet, fid-data ta' meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, is-suġġett ta' trattament differenti skond jekk kinitx involuta kumpannija b'kapital azzjonarju stabbilita fil-Ġermanja jew barra dan l-Istat.

8       Fil-każ fejn sehem kien miżmum f'kumpannija b'kapital azzjonarju stabbilita fil-Ġermanja, skond l-Artikolu 2(3) ta' l-EstG 1990, l-infiq – inkluż it-telf ikkawżat minn deprezzament parzjali – imputabbli lil perijodu ta' tassazzjoni seta' jiġi paċut mad-dħul kollu rrealizzat mill-persuna taxxabbli.

9       Skond l-Artikolu 2a(1) u (2) ta' l-EstG 1990, intitolat "Infiq b'konnessjoni ma' pajjiż barrani", ċertu nfiq li joriġina barra l-pajjiż seta' jittieħed in kunsiderazzjoni mill-aspett fiskali b'mod limitat biss:

"(1)      L-infiq

[…]

2.      ikkawżat minn stabbiliment industrijali jew kummerċjali li jinsab f'pajjiż barrani,

3.      a)     ikkawżat mit-teħid in kunsiderazzjoni tal-valur parzjali inferjuri ta' sehem, li jagħmel parti mill-attiv kurrenti, f'persuna legali li la l-uffiċċju prinċipali u lanqas l-uffiċċju rreġistrat tagħha ma jinsab fil-Ġermanja (persuna legali barranija), […]

[…]

jista' jiġi paċut biss ma' dħul ta' l-istess natura li joriġina mill-istess Stat […]; dan l-infiq lanqas ma jista' jitnaqqas taħt l-Artikolu 10d. It-tnaqqis fil-profitt għandu jitqies li huwa nfiq. Safejn l-infiq ma' jistax jiġi paċut skond l-ewwel sentenza, huwa għandu jitnaqqas mid-dħul ta' l-istess natura li l-persuna taxxabbli tirrealizza matul is-snin fiskali sussegwenti fl-istess Stat […]

(2)      It-tieni punt ta' l-ewwel sentenza tal-paragrafu (1) mhuwiex applikabbli jekk il-persuna taxxabbli tipprova li l-infiq ikkawżat minn stabbiliment industrijali jew kummerċjali f'pajjiż barrani li jkollu bħala għan esklużiv jew kważi esklużiv […] it-twettiq ta' prestazzjonijiet ta' natura kummerċjali safejn dawn il-prestazzjonijiet ma jkunux jikkonsistu fil-ħolqien jew fil-ġestjoni ta' stabbilimenti li jintużaw għat-turiżmu jew fil-kera ta' beni ekonomiċi […]; iż-żamma diretta ta' sehem ta' minn ta' l-anqas kwart tal-kapital azzjonarju ta' kumpannija b'kapital azzjonarju li l-għan esklużiv jew kważi esklużiv tagħha jkun l-attivitajiet imsemmija aktar 'il fuq, kif ukoll il-finanzjament marbut maż-żamma ta' sehem bħal dan, huma kkunsidrati bħala t-twettiq ta' prestazzjonijiet ta' natura kummerċjali meta l-kumpannija b'kapital azzjonarju la jkollha l-uffiċċju prinċipali u lanqas l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-pajjiż. It-tielet u r-raba' punti ta' l-ewwel sentenza tal-paragrafu (1) mhumiex applikabbli jekk il-persuna taxxabbli tipprova li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel sentenza jkunu sodisfatti mill-persuna legali jew mill-ħolqien tagħha, jew matul l-aħħar ħames snin qabel il-perijodu taxxabbli li matulu jkun twettaq l-infiq u matul dan il-perijodu.

[…]"

10     Mill-Artikolu 2a ta' l-EStG 1990 jirriżulta li tpaċija ta' nfiq ikkawżat minn deprezzament parzjali hija possibbli biss jekk il-kumpannija twettaq f'pajjiż barrani dħul fis-sens ta' dan l-Artikolu 2a(2) (imsejjaħ dħul "attiv") jew jekk hija stess żżomm sehem ta' minn ta' l-aqnas 25% f'kumpannija oħra b'kapital azzjonarju barranija li tirrealizza, min-naħa tagħha, dħul attiv fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 2a(2). L-eżerċizzju, f'pajjiż barrani, ta' attivitajiet marbuta mat-turiżmu jeskludi, a priori, it-tpaċija tat-telf.

11     Skond l-Artikolu 8b(2) tal-KStG 1991, kif emendat bil-Liġi dwar il-Garanzija tal-Post ta' Stabbiliment (Standortsicherungsgesetz), tat-13 ta' Settembru 1993 ( BGB1. 1993 I, p. 1569), il-qligħ kapitali magħmul mit-trasferiment ta' sehem ġie eżentat mit-taxxa għall-ewwel darba fis-sena fiskali ta' l-1994.

12     Finalment, il-Liġi dwar it-Tnaqqis tat-Taxxi (Steuersenkungsgesetz), tat-23 ta' Ottubru 2000 (BGB1. 2000 I, p. 1433), emendat l-Artikolu 8b(3) tal-KStG 1991. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fil-verżjoni emendata tagħha, li t-tnaqqis ta' dħul ikkawżat mit-teħid in kunsiderazzjoni tal-valur parzjali inferjuri ta' sehem m'għandux jittieħed in kunsiderazzjoni, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk dan is-sehem huwiex miżmum f'kumpannija b'kapital azzjonarju stabbilita fil-Ġermanja jew le.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13     Permezz ta' kuntratt konkluż fis-6 ta' Marzu 1995, ITS, kumpannija mill-grupp Kaufhof Holding AG li l-għan tagħha huwa attivitajiet marbuta mat-turiżmu, ġiet ittrasferita minn dan il-grupp lil Rewe. Permezz ta' kuntratt ta' amalgamazzjoni tat-3 ta' Novembru 1995, Rewe saret l-aventi kawża b'titolu universali ta' ITS.

14     Fl-1989, ITS kienet ħolqot, fl-Olanda, kumpannija sussidjarja, Kaufhof-Tourism Holdings BV (aktar 'il quddiem "KTH") li tagħha hija kienet iżżomm il-kapital azzjonarju kollu. F'dan l-istess Stat Membru, KTH ħolqot kumpannija holding, International Tourism Investment Holdings BV, li tagħha hija kienet iżżomm 100% ta' l-ishma. Barra minn hekk, din il-kumpannija ta' l-aħħar kisbet, b'mod partikolari, 100% ta' l-ishma fil-kumpannija German Tourist Facilities Ltd, stabbilita fir-Renju Unit, kif ukoll 36% ta' l-ishma fil-kumpannija Travelplan SA, stabbilita fi Spanja.

15     Fil-kontijiet annwali tagħha ta' l-1993 u l-1994, ITS imputat deprezzament parzjali tal-valur tas-sehem tagħha fil-kumpannija sussidjarja Olandiża tagħha KTH u għamlet aġġustamenti tal-valur ta' krediti fir-rigward taż-żewġ kumpanniji sussidjarji tal-kumpannija sussidjarja tagħha, stabbiliti fir-Renju Unit u fi Spanja. Flimkien, dawn il-piżijiet eċċezzjonali ammontaw, għas-snin fiskali 1993 u 1994, għal aktar minn DEM 46 miljun.

16     Madankollu, il-Finanzamt Köln-Mitte, peress li kkunsidrat li l-Artikolu 2a ta' l-EStG 1990 kien jipprekludi li dawn il-piżijiet marbuta mas-sehem f'KTH jittieħdu in kunsiderazzjoni, irrifjutat li taċċetta dawn il-piżijiet bħala spiża ta' l-operat għal finijiet fiskali u li tikkunsidrahom bħala nfiq għad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli ta' Rewe fir-rigward tas-snin fiskali 1993 u 1994. Għaldaqstant, hija ħarġet deċiżjonijiet li temenda fir-rigward, b'mod partikolari, it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn Rewe fir-rigward ta' l-imsemmija snin fiskali.

17     Peress li dehrilha li hija setgħet tippretendi li l-piżijiet kollha marbuta mal-kumpanniji holding stabbiliti fl-Olanda, fir-Renju Unit u fi Spanja għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fuq livell fiskali, Rewe ressqet rikors abbażi ta' din il-pretensjoni quddiem il-Finanzgericht Köln fejn sostniet li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2a ta' l-EStG 1990 tammonta għal diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju.

18     Skond dik il-qorti, mid-dritt applikabbli fid-data ta' meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali jirriżulta li, filwaqt li d-deprezzament fuq il-valur ta' ishma miżmuma f'kumpannija sussidjarja stabbilita fil-Ġermanja seta', bħala prinċipju, jittieħed in kunsiderazzjoni għal finijiet fiskali, mingħajr restrizzjoni, bħala spiża ta' l-operat tal-kumpannija parent għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli ta' din il-kumpannija, id-deprezzament fuq il-valur ta' ishma miżmuma f'kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor ma setax jittieħed in kunsiderazzjoni għal finijiet fiskali ħlief f'każijiet limitati, jiġifieri meta l-infiq li jirriżulta mill-imsemmi deprezzament ikun paċut minn dħul li joriġina f'dak l-Istat Membru l-ieħor jew meta l-kundizzjonijiet stabbiliti taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 2a(2) ta' l-EStG 1990 jkunu sodisfatti. Għaldaqstant, hija tqis bħala probabbli li differenza fit-trattament bħal din, li tirriżulta mill-punt 3a ta' l-Artikolu 2a(1) u mill-Artikolu 2a(2) ta' l-EStG 1990, tmur kontra d-dritt Komunitarju u tikkunsidra li hija ma tinsabx f'pożizzjoni li tikkonstata l-eżistenza ta' raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw din id-differenza.

19     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda għal deċiżjoni preliminari li ġejja:

"Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 52 […], 58 […], 67 sa 73 kif ukoll 73 B et seq [tat-Trattat], ikkunsidrati flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni – bħad-dispożizzjonijiet tal-punt 3a ta' l-Artikolu 2a(1) u ta' l-Artikolu 2a(2) ta' l-EStG […], in kwistjoni fil-kawża prinċipali – tillimita t-tnaqqis fiskali immedjat ta' telf li jirriżulta mid-deprezzament tal-valur ta' ishma f'kumpanniji sussidjarji li jinsabu f'pajjiżi oħra tal-Komunità meta dawn il-kumpanniji sussidjarji jeżerċitaw attivitajiet passivi fis-sens tad-dispożizzjoni nazzjonali u/jew meta dawn ma jeżerċitawx attivitajiet attivi fis-sens tad-dispożizzjoni nazzjonali ħlief permezz tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom, filwaqt li d-deprezzament tal-valur ta' ishma f'kumpanniji sussidjarji li jinsabu ġewwa l-pajjiż huwa possibbli mingħajr dawn ir-restrizzjonijiet?"

 Fuq id-domanda preliminari

20     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta' stabbiliment u l-moviment libertu tal-kapital jipprekludux li leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tillimita, għal kumpannija parent residenti f'dak l-Istat, il-possibbiltajiet ta' tnaqqis fiskali tat-telf iddikjarat mill-imsemmija kumpannija minħabba d-deprezzament imputat fir-rigward tal-valur ta' l-ishma tagħha f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

 Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta' stabbiliment

21     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita sew, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza b'konformità mad-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 37; tat-13 ta' Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837. punt 29; tat-12 ta' Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40, u tat-13 ta' Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).

22     Skond ġurisprudenza kostanti, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għaż-żamma minn ċittadin ta’ l-Istat Membru kkonċernat, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ sehem li jippermettilu li jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 22; tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p. I-10829, punt 37; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata aktar 'il fuq, punt 31, u Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata aktar 'il fuq, punt 27).

23     Dan ikun il-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, kumpannija residenti bħalma hija ITS iżżomm sehem l-ekwivalenti ta’ 100% tal-kapital ta' kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, mingħajr ebda dubju, persuna taxxabbli li żżomm sehem l-ekwivalenti ta’ 100% tal-kapital ta' kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta' stabbiliment (sentenza Baars, iċċitata aktar 'il fuq, punt 21).

24     Għandu jiġi eżaminat għalhekk jekk l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat jipprekludux l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

25     Il-libertà ta' stabbiliment, li l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li tinkludi d-dritt li dawn iċ-ċittadini jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk iddefiniti fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn jistabbilixxu ruħhom għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skond l-Artikolu 58 tat-Trattat, għall-kumpanniji stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Komunità, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta' kumpannija sussidjarja, ta' fergħa jew ta' aġenzija (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C 307/97, Ġabra. p. I-6161, punt 35; Marks & Spencer, iċċitata aktar 'il fuq, punt 30, kif ukoll dik tat-23 ta' Frar 2006, Keller Holding, C-471/04, punt 29).

26     Barra minn hekk, anki jekk, skond id-diċitura tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta' stabbiliment huma intiżi sabiex jassiguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn xorta waħda jipprekludu li l-Istat Membru ta' oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta' wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta' kumpannija stabbilita skond il-leġiżlazzjoni tiegħu (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 21, kif ukoll Marks & Spencer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31).

27     Skond il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, it-telf patrimonjali marbut mad-deprezzament tal-valur ta' l-ishma miżmuma f'kumpanniji sussidjarji li jinsabu fil-Ġermanja jittieħed in kunsiderazzjoni immedjatament u mingħajr restrizzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli tal-kumpanniji parent kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja.

28     Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-Artikolu 2a(1) u (2) ta' l-EStG 1990, it-telf ta' l-istess natura li jirriżulta minn ishma miżmuma f'kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor ma jistax jitnaqqas mill-kumpannija parent kompletament suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja ħlief taħt ċerti kundizzjonijiet marbuta mad-dħul ta' din il-kumpannija jew ma' l-eżerċizzju mill-kumpannija sussidjarja tagħha ta' attivitajiet imsejħa "attivi".

29     Huwa minnu li t-telf li jirriżulta, għal kumpannija parent residenti fil-Ġermanja, minn ishma miżmuma f'kumpanniji sussidjarji fi Stati Membri oħra jista' jittieħed in kunsiderazzjoni fil-Ġermanja fil-każ li dawn il-kumpanniji sussidjarji sussegwentament jagħmlu dħul. Madankollu, xorta jibqa' l-fatt li, anki fil-każ li jkun ikkonstatat dħul suffiċjenti, kumpannija parent bħal din ma tistax, kuntrarjament għal kumpannija parent li jkollha kumpanniji sussidjarji stabbiliti fil-Ġermanja, tibbenefika minn kunsiderazzjoni immedjata tat-telf tagħha u għalhekk hija mċaħħda minn vantaġġ monetarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32).

30     Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni fiskali ta' kumpannija parent residenti fil-Ġermanja li, bħal Rewe, ikollha kumpannija sussidjarja li jkollha, min-naħa tagħha, kumpannija sussidjarja oħra fi Stat Membru ieħor, hija anqas favorevoli mis-sitwazzjoni li kienet tirriżulta li kieku l-imsemmija kumpanniji sussidjarji kienu stabbiliti fil-Ġermanja.

31     Differenza fit-trattament bħal din tikkawża żvantaġġ fiskali għall-kumpannija parent stabbilita fil-Ġermanja li jkollha kumpannija sussidjarja fi Stat Membru ieħor. Fid-dawl ta' din id-differenza, kumpannija parent tista' tiġi skoraġġita milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta' sussidjarji jew ta' sussidjarji indiretti stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta' Settembru 2003, Bosal, C-168/01, Ġabra p. I-9409, punt 27).

32     Madankollu, il-Gvern Ġermaniż isostni li differenza fit-trattament bħal din ma tammontax għal restrizzjoni tal-libertà ta' stabbiliment safejn is-sitwazzjoni ta' kumpannija sussidjarja stabbilita fil-Ġermanja mhijiex komparabbli mas-sitwazzjoni ta' kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor. Skond dan il-gvern, il-kumpanniji sussidjarji huma persuni legali awtonomi fir-rigward tal-kumpannija parent tagħhom, li huma suġġetti għat-taxxa fl-Istat fejn huma stabbiliti. Huma probabbli li l-kumpannija sussidjarja KTH sostniet telf fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tal-profitti taxxabbli tagħha fl-Olanda. L-imsemmi gvern jikkunsidra li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala l-Istat fejn hija stabbilita l-kumpannija parent, ma tistax tkun obbligata li tagħti lill-kumpanniji sussidjarji awtonomi barranin status ġuridiku li jkun komparabbli ma' dak li minnu tgawdi l-kumpannija parent residenti.

33     F'dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-differenza fit-trattament fiskali in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax is-sitwazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji, skond jekk humiex stabbiliti fil-Ġermanja jew le, imma dik ta' kumpanniji parent residenti fil-Ġermanja, skond jekk huma għandhomx kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra jew le.

34     Fir-rigward tat-telf iddikjarat minn kumpanniji parent residenti bħal dawn bħala deprezzament imputat fir-rigward tal-valur ta' l-ishma tagħhom f'kumpanniji sussidjarji, dawn il-kumpanniji jinsabu f'sitwazzjoni komparabbli, irrispettivament minn jekk l-ishma humiex miżmuma f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fil-Ġermanja jew fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, f'dawn iż-żewġ każijiet, min-naħa, it-telf li huwa mitlub it-tnaqqis tiegħu huwa sostnut mill-kumpanniji parent u, min-naħa l-oħra, il-profitti ta' dawn il-kumpanniji sussidjarji, irrispettivament minn jekk dawn il-profitti joriġinawx minn kumpanniji sussidjarji taxxabbli fil-Ġermanja jew minn dawk li huma taxxabbli fi Stati Membri oħra, mhumiex taxxabbli bħala profitti tal-kumpanniji parent.

35     Għaldaqstant, limitazzjoni fir-rigward tat-tnaqqis ta' telf bħal dan minn kumpannija parent residenti, li tolqot biss it-telf subit minħabba deprezzament tal-valur ta' ishma miżmuma f'pajjiż barrani, ma tirriflettix differenza ta' sitwazzjoni oġġettiva bejn il-kumpanniji parent skond jekk il-kumpanniji sussidjarji tagħhom għandhomx is-sede tagħhom fil-Ġermanja jew fi Stati Membri oħra.

36     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-differenza fit-trattament fiskali li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali u s-sitwazzjoni żvantaġġuża mill-aspett fiskali li tirriżulta minn din id-differenza għall-kumpanniji parent residenti fil-Ġermanja, li jkollhom kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, huma ta' natura li jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment minn kumpanniji bħal dawn, billi jiskoraġġuhom milli jistabbilixxu, jakkwistaw jew iżommu kumpannija sussidjarja fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, huma jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment fis-sens ta' l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat.

37     Restrizzjoni bħal din għal-libertà ta' stabbiliment ma tistax tiġi aċċettata sakemm ma jkollhiex għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat jew sakemm ma tkunx ġustifikabbli permezz ta' raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li din ir-restrizzjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan in kwistjoni u ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Marks & Spencer, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, punt 47).

38     Skond il-Gvern Ġermaniż, huwa fi kwalunkwe każ iġġustifikat li jiġu limitati, għal kumpannija parent residenti fil-Ġermanja, il-possibbiltajiet ta' tnaqqis fiskali tat-telf sostnut mill-imsemmija kumpannija bħala deprezzament imputat fuq il-valur ta' l-ishma tagħha f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra billi t-teħid in kunsiderazzjoni għal finijiet fiskali tat-telf b'oriġini barranija jiġi marbut biss mad-dħul ta' l-istess natura li joriġina fl-istess Stat. F'dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż jinvoka diversi argumenti li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, jistgħu essenzjalment jitqassru fl-elementi ta' ġustifikazzjoni segwenti.

39     Fl-ewwel lok, filwaqt li jirreferi b'mod partikolari għas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata aktar 'il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in kunsiderazzjoni l-prinċipju tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta' tassazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Gvern Ġermaniż jinvoka element ta' ġustifikazzjoni bbażat fuq regola ta' simetrija bejn id-dritt li jiġu ntaxxati l-profitti ta' kumpannija u l-obbligu li jittieħed in kunsiderazzjoni t-telf subit mill-imsemmija kumpannija. Dan il-gvern isostni li l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi m'għandhomx jieħdu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-trattament fiskali tal-kumpannija parent residenti fil-Ġermanja, tat-telf marbut ma' l-attività ta' kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor peress li huma m'għandhomx dritt jintaxxaw il-profitti ta' din il-kumpannija sussidjarja.

40     Argument bħal dan ma jistax jiġi aċċettat.

41     Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha tiġi ppreċiżata l-portata li għandha tiġi rrikonoxxuta fir-rigward tar-rekwiżit leġittimu ta' tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta' tassazzjoni bejn l-Istati Membri. B'mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li dan l-element ta' ġustifikazzjoni ma ġiex adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Marks & Spencer, iċċitata aktar 'il fuq, ħlief b'konnessjoni ma' żewġ elementi ta' ġustifikazzjoni oħra, ibbażati fuq ir-riskju li t-telf jiġi imputat darbtejn u fuq ir-riskju ta' evażjoni tat-taxxa (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata aktar 'il fuq, punti 43 u 51).

42     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrikonoxxut li huwa veru li jeżisti komportament ta' natura tali li jikkomprometti d-dritt ta' l-Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom fir-rigward ta' l-attivitajiet imwettqa fit-territorju tagħhom u li għalhekk jippreġudika tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta' tassazzjoni bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza Marks & Spencer, iċċitata aktar 'il fuq, punt 46) li jista' jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment (ara s-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata aktar 'il fuq, punti 55 u 56). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għalhekk li l-possibbiltà li l-kumpanniji jingħataw l-għażla li jieħdu in kunsiderazzjoni t-telf tagħhom fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti jew fi Stat Membru ieħor tikkomprometti sostanzjalment tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta' tassazzjoni bejn l-Istati Membri, peress li l-bażi taxxabbli tiżdied fl-ewwel Stat u tonqos fit-tieni wieħed, skond it-telf ittrasferit.

43     Madankollu, differenza fit-trattament fiskali bejn il-kumpanniji parent residenti, skond jekk huma għandhomx kumpanniji sussidjarji barranin jew le, ma tistax tiġi ġġustifikata permezz tas-sempliċi fatt li huma ddeċidew li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi fi Stat Membru ieħor fejn l-Istat ikkonċernat ma jistax jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu. Bħala tali, argument ibbażat fuq it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta' tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma jistax, għaldaqstant, jiġġustifika li Stat Membru jirrifjuta sistematikament li jagħti vantaġġ fiskali lil kumpannija parent residenti minħabba li din żviluppat attività ekonomika f'aktar minn pajjiż wieħed li l-għan immedjat tagħha mhuwiex il-ġenerazzjoni ta' dħul fiskali favur dan l-Istat.

44     Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-telf subit minn kumpannija parent minħabba deprezzament fir-rigward tal-valur ta' l-ishma tagħha f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fil-Ġermanja jista' jiġi paċut mad-dħul tagħhom anki jekk dawn il-kumpanniji sussidjarji ma jkunux għamlu profitti taxxabbli matul is-sena fiskali kkonċernata.

45     Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija meħtieġa sabiex jiġi evitat li kumpanniji parent ikunu jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġi fiskali multipliċi minħabba li t-telf subit barra mill-pajjiz jittieħed in kunsiderazzjoni darbtejn.

46     Argument bħal dan huwa irrilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

47     Fil-fatt, għalkemm għandu jiġi aċċettat li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jostakolaw ir-riskju li telf jiġi imputat darbtejn (ara s-sentenza Marks & Spencer, iċċitata aktar 'il fuq, punt 47), għandu jiġi enfasizzat li t-telf in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhuwiex, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, komparabbli ma' telf subit barra mill-pajjiż minn kumpanniji sussidjarji u li l-kumpannija parent residenti titlob it-trasferiment tiegħu bil-għan li tnaqqas il-profitt taxxabbli tagħha, kif kienet is-sitwazzjoni fil-każ li wassal għall-kawża Marks & Spencer, iċċitata aktar 'il fuq.

48     It-telf in kwistjoni fil-kawża prinċipali kien subit mill-kumpannija parent minħabba d-deprezzament fil-valur ta' l-ishma tagħha f'kumpanniji sussidjarji barranin. Dan it-telf marbut mad-deprezzament tal-valur parzjali inferjuri ta' l-ishma jittieħed in kunsiderazzjoni biss fir-rigward tal-kumpannija parent u huwa s-suġġett, mill-aspett fiskali, ta' trattament distint minn dak irriżervat għat-telf subit mill-kumpanniji sussidjarji nnifishom. Teħid in kunsiderazzjoni distint bħal dan, min-naħa, tat-telf subit mill-kumpanniji sussidjarji nnifishom u, min-naħa l-oħra, tat-telf subit mill-kumpannija parent fl-ebda każ ma jista' jiġi kklassifikat bħala imputazzjoni doppja ta' l-istess telf.

49     Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, kif għamlet b'mod partikolari l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej matul is-seduta, li kumpannija parent stabbilita fil-Ġermanja li għandha kumpannija sussidjarji fl-istess Stat hija awtorizzata tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha d-deprezzament fuq il-valur parzjali ta' l-ishma tagħha f'kumpanniji sussidjarji residenti mingħajr ma dawn ta' l-aħħar ikunu preklużi milli jużaw it-telf tagħhom fil-kuntest tat-tassazzjoni tagħhom fil-Ġermanja.

50     Fit-tielet lok, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tiġġieled kontra forma partikolari ta' evażjoni tat-taxxa, li tinvolvi, għall-kumpanniji parent residenti fil-Ġermanja li jeżerċitaw attivitajiet b'mod partikolari fis-settur turistiku, it-trasferiment ta' attivitajiet li tipikament jiġġeneraw telf lejn Stati Membri oħra billi joħolqu kumpanniji sussidjarji f'dawn l-Istati, u dan bil-għan waħdieni li jnaqqsu l-profitti taxxabbli tagħhom fil-Ġermanja. Matul is-seduta, dan il-gvern żied li, skondu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett m'għandhiex titħalla daqstant stretta peress li r-rekwiżit marbut ma' l-għan speċifiku tal-ġlieda kontra strutturi purament artifiċjali huwa, fil-fehma tiegħu, restrittiv wisq. Huwa jikkunsidra li huwa indispensabbli li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jadottaw miżuri ġenerali, ta' prinċipju, sabiex tkun miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, u li jadottaw liġijiet astratti u ġenerali bbażati fuq każijiet tipiċi.

51     F'dan ir-rigward ikun biżżejjed jekk jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li, f'settur ekonomiku partikolari, bħalma huwa t-turiżmu, l-awtoritajiet fiskali ta' Stat Membru jidentifikaw każijiet ta' telf sinjifikattiv u persistenti subit minn kumpanniji sussidjarji barranin ta' kumpanniji parent residenti f'dan l-Istat, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta' strutturi purament artifiċjali intiżi sabiex joħolqu telf minħabba d-deprezzament imputat fir-rigward tal-valur ta' l-ishma miżmuma f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, fir-rigward tar-rekwiżit marbut ma' l-għan speċifiku tal-ġlieda kontra strutturi purament artifiċjali, is-sentenzi ċċitata aktar 'il fuq ICI, punt 26; Marks & Spencer, punt 57, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, punt 51).

52     F'dan il-każ, dispożizzjoni bħall-punt 3(a) ta' l-Artikolu 2a(1) ta' l-EStG 1990, li tkopri b'mod ġenerali kull kunsiderazzjoni tal-valur parzjali inferjuri ta' sehem meta l-kumpanniji sussidjarji miżmuma minn kumpannija parent stabbilita fil-Ġermanja jkunu stabbiliti, għal kwalunkwe raġuni, fi Stati Membri oħra, ma tistax, mingħajr ma tmur lil hinn, dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li hija tixtieq tilħaq, titqies li hija ġġustifikata mir-riskju ta' evażjoni tat-taxxa. Fil-fatt, dispożizzjoni bħal din m'għandhiex l-għan speċifiku li teskludi mill-benefiċċju ta' vantaġġ fiskali l-istrutturi purament artifiċjali li l-iskop tagħhom huwa li jevadu l-liġi fiskali Ġermaniża iżda tikkonċerna, b'mod ġenerali, kull sitwazzjoni fejn il-kumpanniji sussidjarji jkunu stabbiliti, għal kwalunkwe raġuni, barra mill-Ġermanja. Issa, l-istabbiliment ta' kumpannija barra minn dan l-Istat Membru ma timplikax, fiha nfisha, l-eżistenza ta' evażjoni fiskali peress li l-kumpannija in kwistjoni hija fi kwalunkwe każ suġġetta għal-leġiżlazzjoni fiskali ta' l-Istat fejn hija stabbilita.

53     Bl-istess mod, l-Artikolu 2a(2) ta' l-EStG 1990, inkwantu jeskludi attivitajiet imsejħa "attivi" li huwa jelenka, b'mod partikolari dawk li jinvolvu l-ħolqien jew il-ġestjoni ta' stabbilimenti marbuta mat-turiżmu, jmur lil hinn dak li huwa meħtieġ għall-ġlieda kontra l-istrutturi abbużivi. Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa ma tistax tiġġustifika li l-infiq li jirriżulta minn stabbiliment industrijali jew kummerċjali stabbilit barra mill-pajjiż, li l-iskop tiegħu jkun it-twettiq ta' prestazzjonijiet ta' natura kummerċjali, jista', bħala regola ġenerali, jiġi paċut mingħajr restrizzjoni mad-dħul filwaqt li, meta jkunu involuti stabbilimenti li jeżerċitaw attività fis-settur tat-turiżmu, it-tpaċija mad-dħul hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet.

54     Fir-raba' lok, il-Gvern Ġermaniż lanqas ma jista' jinvoka l-bżonn li tiġi ffaċilitata l-effiċjenza tal-kontrolli fiskali fuq l-operazzjonijiet li jseħħu barra mill-pajjiż sabiex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

55     Fil-fatt, għalkemm l-effiċjenza tal-kontrolli fiskali tawtorizza lil Stat Membru japplika miżuri li jippermettu l-verifika, b'mod ċar u preċiż, ta' l-ammont tal-piżijet li jistgħu jitnaqqsu f'dan l-Istat minħabba l-ishma fil-kapital ta' kumpanniji sussidjarji barranin (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta' Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C-250/95, Ġabra p. I-2471, punt 31, u tat-28 ta' Ottubru 1999, Vestergaard, C-55/98, Ġabra p. I-7641, punt 23), din l-effiċjenza, madankollu, ma tistax tiġġustifika li l-imsemmi Stat Membru jkun jista' jissottometti dan it-tnaqqis għal kundizzjonijiet differenti skond jekk l-ishma jikkonċernawx kumpanniji sussidjarji stabbiliti f'dan l-Istat Membru jew fi Stati Membri oħra.

56     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta' Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, p. 15), tista' tiġi invokata minn Stat Membru sabiex jikseb, min-naħa ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ieħor, l-informazzjoni kollha li abbażi tagħha huwa jkun jista' jistabbilixxi b'mod korrett it-taxxa fuq il-kumpanniji.

57     Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Ġermaniż li l-kontroll ta' operazzjonijiet barranin, anki f'każ ta' kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' Stat Membru, xorta waħda jibqa', ħafna drabi, diffiċli ħafna, ikun biżżejjed jekk jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet fiskali kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jitolbu mingħand il-kumpannija parent stess il-provi li huma jidhrilhom meħtieġa sabiex jevalwaw jekk hemmx lok li jingħata t-tnaqqis mitlub tat-telf li jirriżulta mid-deprezzament tal-valur ta' l-ishma miżmuma f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Vestergaard, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26).

58     Possibbiltà tali tkun partikolarment utli f'sitwazzjoni bħal dik li wasslet għall-kawża prinċipali fejn hija involuta kumpannija parent li setgħet titlob id-dokumenti kollha meħtieġa direttament mingħand il-kumpanniji sussidjarji barranin tagħha. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta' diffikultajiet fir-rigward tad-determinazzjoni tat-telf li jirriżulta mid-deprezzament tal-valur ta' l-ishma miżmuma f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġġustifika ostakolu għal-libertà ta' stabbiliment (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-4 ta' Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, Ġabra p. I-2229, punt 29, u tas-7 ta' Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 54).

59     Fil-ħames lok, sabiex jiġġustifika l-iżvantaġġ fiskali subit f'dan il-każ mill-kumpanniji parent stabbiliti fil-Ġermanja li jżommu ishma f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija oġġettivament iġġustifikata mill-bżonn li tiġi mħarsa l-uniformità tas-sistema fiskali. Sostanzjalment, żewġ argumenti invokati mill-imsemmi Gvern jistgħu jiġu marbuta ma' din il-ġustifikazzjoni, wieħed minnhom ibbażat fuq il-bżonn li tiġi mħarsa l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża u l-ieħor fuq ir-rispett tal-prinċipju ta' territorjalità.

60     Fir-rigward tal-bżonn li tiġi mħarsa l-koerenza ta' l-imsemmija sistema fiskali, il-Gvern Ġermaniż isostni, l-ewwel nett, li, bis-saħħa b'mod partikolari ta' konvenzjoni intiża sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, konkluża mar-Renju ta' l-Olanda, l-Istat li fih hija stabbilita KTH, il-kumpannija sussidjarja ta' Rewe, id-dividendi maħruġa mill-kumpanniji sussidjarji stabbiliti f'dan l-Istat huma eżentati mit-taxxa fil-Ġermanja. Minħabba din ir-raġuni, ikun koerenti li ma jingħatawx vantaġġi lill-kumpanniji parent residenti fil-Ġermanja minħabba t-telf marbut mal-kumpanniji sussidjarji barranin tagħhom.

61     F'dan ir-rigward, l-argument ibbażat fuq il-bżonn li tiġi mħarsa l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali invokat mill-Gvern Ġermaniż ma jistax jiġi aċċettat in kwantu telf bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali jittieħed in kunsiderazzjoni anki fil-Ġermanja meta kumpannija sussidjarja barranija teżerċita attività msejħa "attiva" fis-sens ta' l-Artikolu 2a(2) ta' l-EStG 1990, filwaqt li, f'dan il-każ, id-dividendi maħruġa minn kumpannija sussidjarja bħal din xorta jistgħu jiġu eżentati taħt konvenzjonijiet li jevitaw it-tassazzjoni doppja.

62     Barra minn hekk, fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi mħarsa l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali stabbilita mill-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li, skond il-Gvern Ġermaniż, hija assigurata mill-imsemmija konvenzjonijiet, għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 28 u 21 rispettivament tas-sentenzi tat-28 ta' Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Ġabra p. I-249), u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-300/90, Ġabra p. I-305), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-bżonn li tiġi mħarsa l-koerenza ta' sistema fiskali jista' jiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista' jirnexxi, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta' dan il-vantaġġ permezz ta' impożizzjoni fiskali determinata (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Keller Holding, punt 40, u Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, punt 68).

63     Issa, mill-eżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-kumpanniji parent suġġetti kompletament għat-taxxa fil-Ġermanja, li jżommu ishma f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti f'dan l-istess Stat Membru, jibbenefikaw kemm mit-tnaqqis immedjat ta' telf li jirriżulta mid-deprezzament parzjali tal-valur ta' l-ishma miżmuma f'dawn il-kumpanniji sussidjarji u kemm mill-eżenzjoni fiskali tad-dividendi. Għall-kuntrarju, anki jekk id-dividendi li kumpannija parent kompletament suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja tirċievi mill-kumpannija sussidjarja tagħha stabbilita fl-Olanda huma wkoll eżentati mit-taxxa bis-saħħa tal-konvenzjoni li tevita t-tassazzjoni doppja, it-tnaqqis ta' telf ikkawżat minn deprezzament parzjali tal-valur ta' l-ishma miżmuma f'din il-kumpannija sussidjarja huwa suġġett għal restrizzjonijiet.

64     Peress li l-Gvern Ġermaniż ma pprovax l-eżistenza ta' rabta diretta bejn it-tnaqqis immedjat, għall-kumpannija parent residenti, ta' telf ikkawżat mid-deprezzament parzjali tal-valur ta' l-ishma miżmuma f'kumpanniji sussidjarji u l-eżenzjoni fiskali tad-dividendi riċevuti mill-imsemmija kumpanniji sussidjarji, ma jistax jintlaqa' l-argument li, minħabba l-bżonn li tiġi mħarsa l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża, huwa ġġustifikat li ma jingħatawx vantaġġi lill-kumpanniji parent residenti fil-Ġermanja minħabba telf marbut mal-kumpanniji sussidjarji barranin tagħhom peress li d-dividendi mogħtija minn dawn il-kumpanniji sussidjarji huma eżentati mit-taxxa fil-Ġermanja bis-saħħa ta' konvenzjonijiet li jevitaw it-tassazzjoni doppja.

65     Il-Gvern Ġermaniż isostni, it-tieni nett, li l-koerenza, mill-aspett fiskali, tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija assigurata mill-eżenzjoni tal-qligħ kapitali magħmul mit-trasferiment ta' sehem mogħtija fl-Artikolu 8b(2) tal-KStG 1991, kif emendat mill-Liġi dwar il-Garanzija tal-Post ta' Stabbiliment.

66     Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-qorti tar-rinviju, li din l-eżenzjoni ġiet applikata għall-ewwel darba fir-rigward tas-sena fiskali 1994 u għaldaqstant ma kinitx tkopri l-ewwel sena fiskali in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

67     Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpanniji parent residenti li jżommu ishma f'kumpanniji sussidjarji barra l-pajjiż, il-projbizzjoni li jitnaqqas telf bħalma huwa t-telf in kwistjoni fil-kawża prinċipali tipproduċi effetti immedjati. Għaldaqstant, il-fatt li sussegwentament ikun possibbli li tinkiseb eżenzjoni fuq il-qligħ kapitali magħmul f'każ ta' trasferiment, fl-eventwalità li jkun magħmul profitt suffiċjenti, ma jikkostitwixxix kunsiderazzjoni ta' koerenza fiskali li jista' jiġġustifika rifjut li jsir tnaqqis immedjat tat-telf subit mill-kumpanniji parent li jżommu ishma f'kumpanniji sussidjarji barra l-pajjiż.

68     Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-prinċipju ta' territorjalità kif ġie aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 22 tas-sentenza Futura Participations u Singer, iċċitata aktar 'il fuq, għandu jiġi rrilevat li dan il-prinċipju lanqas ma jista' jiġġustifika l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

69     Huwa minnu li skond l-imsemmi prinċipju l-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpannija parent jista' jintaxxa l-kumpanniji residenti fuq il-profitti mondjali kollha tagħhom filwaqt li jista' jintaxxa l-kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti fuq il-profitti tagħhom li jirriżultaw mill-attività tagħhom fuq it-territorju tiegħu biss (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata aktar 'il fuq, punt 39). Madankollu, prinċipju bħal dan ma jiġġustifikax fih innifsu li l-Istat fejn hija residenti l-kumpannija parent jista' jirrifjuta vantaġġ lil din ta' l-aħħar minħabba li huwa ma jintaxxax il-profitti tal-kumpanniji sussidjarji tagħha li mhumiex residenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata aktar 'il fuq, punt 40). Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-funzjoni ta' dan il-prinċipju huwa li jintroduċi, fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-bżonn li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-limiti tal-kompetenzi fiskali ta' l-Istati Membri. Issa, fil-kawża prinċipali, l-għoti tal-vantaġġ li qiegħda tippretendi Rewe m'għandux il-konsegwenza li jikkontesta l-eżerċizzju ta' kompetenza fiskali simultanja. Dan il-vantaġġ jikkonċerna l-kumpanniji parent residenti fil-Ġermanja li, minħabba f'hekk, huma kompletament suġġetti għal obbligu fiskali f'dan l-Istat. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li hija implementazzjoni tal-prinċipju ta' territorjalità.

70     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-qorti tar-rinviju għandha tingħata r-risposta li, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn kumpannija parent li żżomm, f'kumpannija sussidjarja li mhijiex residenti, sehem ta' natura li jagħtiha influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta' din il-kumpannija sussidjarja barranija u li jippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha, l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat jipprekludu li leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tillimita, għal kumpannija parent residenti f'dan l-Istat, il-possibbiltajiet ta' tnaqqis fiskali tat-telf subit mill-imsemmija kumpannija minħabba d-deprezzament imputat fir-rigward tal-valur ta' l-ishma tagħha f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

 Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital

71     Peress li kif rajna d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta' stabbiliment jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-moviment liberu tal-kapital jipprekludux ukoll din il-leġiżlazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Keller Holding, iċċitata aktar 'il fuq, punt 51).

 Fuq l-ispejjeż

72     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

F'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn kumpannija parent li żżomm, f'kumpannija sussidjarja li mhijiex residenti, sehem ta' natura li jagħtiha influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta' din il-kumpannija sussidjarja barranija u li jippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha, l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 43 KE) u l-Artikolu 58 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 48 KE) jipprekludu li leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tillimita, għal kumpannija parent residenti f'dan l-Istat, il-possibbiltajiet ta' tnaqqis fiskali tat-telf subit mill-imsemmija kumpannija minħabba d-deprezzament imputat fir-rigward tal-valur ta' l-ishma tagħha f'kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż