Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-231/05

Proċeduri mressqa minn

Oy AA

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus)

“Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali dwar it-taxxa fuq id-dħul — Tnaqqis, għal kumpannija, ta’ somom imħallsa bħala trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi — Obbligu għal kumpannija benefiċjarja tat-trasferiment li jkollha wkoll l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru kkonċernat”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikoli 43 KE u 56 KE)

2.        Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji

(Artikolu 43 KE)

1.        Leġiżlazzjoni li tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet fi ħdan grupp ta’ kumpanniji taffettwa b’mod rilevanti l-libertà ta’ stabbiliment u għandha għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 43 KE. Jekk jiġi kkunsidrat li din il-leġiżlazzjoni għandha effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, tali effetti huma l-konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni fid-dawl ta’ l-Artikolu 56 KE.

(ara l-punti 23-24)

2.        L-Artikolu 43 KE ma jipprekludix sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li kumpannija sussidjarja, residenti f’dan l-Istat Membru, tista’ tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi magħmul minnha favur il-kumpannija parent tagħha biss meta din ta’ l-aħħar ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’dan l-istess Stat Membru.

It-trattament differenti li għalih huma suġġetti l-kumpanniji sussidjarji residenti skond il-post ta’ l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija parent tagħhom jikkostitwixxi tassew restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, peress li huwa jrendi anqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jkunu jistgħu, bħala konsegwenza ta’ dan, jirrinunzjaw għax-xiri, it-twaqqif jew iż-żamma ta’ kumpannija sussidjarja fl-Istat Membru li jadotta din il-miżura.

Madankollu, fir-rigward tan-neċessità li jiġi mħares tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u dik li tiġi evitata l-evażjoni fiskali, meħuda flimkien, din is-sistema tipprova tilħaq għanijiet leġittimi kompatibbli mat-Trattat u li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

Fil-fatt, li jiġi ammess illi trasferiment finanzjarju transfruntier fi ħdan il-gruppi jista’ jiġi mnaqqas mid-dħul taxxabbli ta’ min jagħmlu jkollu bħala konsegwenza li gruppi ta’ kumpanniji jkunu jistgħu jagħżlu liberament l-Istat Membru li fih il-profitti tas-sussidjarja huma taxxabbli, billi jnaqqsuhom mill-bażi taxxabbli ta’ din ta’ l-aħħar u, meta dan it-trasferiment huwa kkunsidrat bħala dħul taxxabbli fl-Istat Membru tal-kumpannija parent benefiċjarja, billi jinkluduhom f’dik tal-kumpannija parent. Din tikkomprometti s-sistema stess ta’ tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, peress illi, skond l-għażla magħmula mill-grupp ta’ kumpanniji, l-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja jkun kostrett li jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa, bħala Stat ta’ residenza ta’ l-imsemmija kumpannija sussidjarja, id-dħul ta’ din ta’ l-aħħar, għall-benefiċċju, eventwali, ta’ l-Istat Membru ta’ l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija parent.

Barra min hekk, il-possibbiltà li d-dħul taxxabbli ta’ kumpannija sussidjarja jiġi trasferit lejn kumpannija parent li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor iġib ir-riskju li, permezz ta’ montaturi purament artifiċjali, isiru trasferimenti ta’ dħul fi ħdan grupp ta’ kumpanniji lejn kumpanniji li l-uffiċċju reġistrat tagħhom jinsab fl-Istati Membri li japplikaw rati ta’ taxxa iktar baxxi jew fi Stati Membri fejn dan id-dħul ma jkunx taxxabbli.

(ara l-punti 39, 43, 56, 58, 60, 67 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Lulju 2007 (*)

“Libertà ta’ stabbiliment - Artikoli 43 KE, 56 KE u 58 KE – Leġiżlazzjoni fiskali dwar it-taxxa fuq id-dħul – Tnaqqis, għal kumpannija, ta’ somom imħallsa bħala trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi – Obbligu għal kumpannija benefiċjarja tat-trasferiment li jkollha wkoll l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru kkonċernat”

Fil-kawża C-231/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju 2005, fil-proċedura mressqa minn

Oy AA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, R. Schintgen, P. Kūris, E. Juhász, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, G. Arestis, U. Lõhmus, E. Levits (Relatur), A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Oy AA, minn T. Torkkel u J. Järvinen, asiamiehet,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä u E. Bygglin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Żvediż, minn K. Wistrand u A. Falk, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Nwaokolo u E. O’Neill, bħala aġenti, assistiti minn R. Hill, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 43 KE, 56 KE u 58 KE, kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003 (ĠU, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 90/435”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedimenti mressqa quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema) minn Oy AA, kumpannija li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Finlandja, dwar it-tnaqqis mid-dħul taxxabbli impost fuqha ta’ trasferiment finanzjarju magħmul favur il-kumpannija parent tagħha, li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor, u tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar it-trasferimenti finanzjarji fi ħdan il-gruppi mad-dritt Komunitarju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Kif jirriżulta mit-tieni premessa tad-Direttiva 2003/123, l-għan tad-Direttiva 90/435 huwa “li jiġu eżentati d-dividendi u t-tqassim ta’ profitti oħra mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji ġenituri [parent] tagħhom mit-taxxi f’ras il-għajn u sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja fuq dan id-dħul fil-livell ta’ kumpannija parent”.

4        Id-Direttiva 90/435 tipprevedi, fl-Artikolu 4 tagħha, illi, meta kumpannija parent tirċievi l-profitti mqassma bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tal-kumpannija parent mas-sussidjarja tagħha, l-Istat tal-kumpannija parent għandu, għajr meta s-sussidjarja tiġi llikwidata, jew iżomm lura milli jintaxxa l-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja, jew jintaxxa dawn il-profitti filwaqt li jawtorizzaw lill-kumpannija parent tnaqqas mill-ammont mistħoqq tat-taxxa tagħha dak il-frazzjon tat-taxxa tal-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti

5        Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva Nru 90/435, “[i]l-profitti li kumpannija sussidjarja tqassam lill-kumpannija parent għandhom ikun eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn” u, skond l-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva, “[l-] Istati Membri ta’ kumpannija ġenitur [parent] ma jistgħux jordnaw il-ħlas tat-taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn] fuq il-profitti li din il-kumpannija tirċievi minn għand kumpannija sussidjarja”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-Trasferimenti Finanzjarji fi Ħdan il-Gruppi fir-Rigward tat-Tassazzjoni [Laki konserniavustuksesta verotuksessa (825/1986)] tal-21 ta’ Novembru 1986 (iktar ’il quddiem il-“KonsAvL”) huwa fformulat kif ġej:

“Il-liġi in kwistjoni tirregola t-tnaqqis tat-trasferimenti finanzjarji fi ħdan il-gruppi mid-dħul ta’ dak li jagħtihom u l-kwalifikazzjoni tagħhom bħala dħul tal-benefiċjarju ma’ l-att tat-tassazzjoni”.

7        L-Artikolu 2 tal-KonsAvL jiddisponi:

“Trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi jfisser kull trasferiment finanzjarju magħmul minn kumpannija b’responsabbiltà limitata li teżerċita attività kummerċjali lil kumpannija b’responsabbiltà limitata oħra, minħabba l-attività eżerċitata minn din ta’ l-aħħar, li mhuwiex trasferiment bħala investiment ta’ kapital, li ma jitnaqqasx mid-dħul skond l-Elinkeinotulon verottamisesta annettu laki (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul li ġej minn attività ta’ kumpannija) 360/1968.”

8        L-Artikolu 3 tal-KonsAvL jipprevedi:

“Jekk kumpannija nazzjonali b’responsabbiltà limitata (il-kumpannija parent) għandha mill-anqas disa’ deċimi ta’ l-ishma ta’ kumpannija nazzjonali b’responsabbiltà limitata oħra (il-kumpannija sussidjarja), il-kumpannija parent tista’ tnaqqas mid-dħul ta’ attività kummerċjali taxxabbli tagħha t-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi magħmul direttament lis-sussidjarja tagħha. Is-somma korrispondenti għat-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi magħmul għandha tiġi meqjusa bħala dħul ta’ attività kummerċjali taxxabbli tas-sussidjarja

Kumpanniji sussidjarji huma wkoll dawk il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata fejn il-kumpannija parent flimkien ma’ kumpannija sussidjarja jew aktar għandha mill-anqas disa’ deċimi ta’ l-ishma.

Id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 1 tapplika wkoll għat-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi li kumpannija sussidjarja tkun għamlet lill-kumpannija parent jew lil kumpannija sussidjarja oħra tal-kumpannija parent.”

9        Skond it-termini ta’ l-Artikolu 4 tal-KonsAvL:

“It-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi għandu jiġi meqjus, fil-każ tat-tassazzjoni ta’ minn min jagħmlu, bħala nefqa, u fil-każ tat-tassazzjoni ta’ benefiċjarju, bħala dħul għas-sena fiskali li fih isir”.

10      L-Artikolu 5 tal-KonsAvL jiddisponi:

“Il-persuni taxxabbli għandhom id-dritt li jnaqqsu bħala nefqa t-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi magħmul biss jekk l-infieq u d-dħul korrispondenti huma mdaħħla fil-kontijiet ta’ min jagħmlu u tal-benefiċarju”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Il-kumpannija AA Ltd, li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fir-Renju Unit, iżomm indirettament, permezz ta’ żewġ kumpanniji oħra, 100 % ta’ l-ishma ta’ Oy AA.

12      Għad-differenza ta’ dawk ta’ Oy AA, l-attivitajiet ta’ AA Lt kienu spiċċaw b’defiċit fl-2003 u, skond Oy AA, wieħed seta’ jistenna illi dawn jibqgħu l-istess fl-2004 kif ukoll fl-2005. Peress illi l-attvitià ekonomika ta’ AA Ltd hija wkoll sinjifikattiva għal Oy AA, din ta’ l-aħħar ħasbet li tagħmel trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi għall-benefiċċju ta’ AA Ltd sabiex tiggarantixxi s-sitwazzjoni ekonomika tagħha.

13      F’din l-okkażżjoni, Oy AA ressqet quddiem il-Keskusverolautakunta (Kummissjoni Fiskali Ċentrali) talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni jekk tali kontribut jikkostitwixxix trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi skond l-Artikolu 3 tal-KonsAvL u jekk dan jistax barra dan jiġi kkunsidrat bħala spiża li tista’ titnaqqas fit-tassazzjoni ta’ Oy AA għas-snin fiskali 2004 u 2005.

14      Peress li qieset illi t-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi u d-dħul taxxabbli korrispondenti kellhom jaqgħu taħt is-sistema ta’ taxxa Finlandiża, il-Keskusverolautakunta kkunsidrat illi trasferiment magħmul minn Oy AA għall-benefiċċju ta’ AA Ltd ma kinx jikkostitwixxi trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi fis-sens ta’ l-Artikolu 3 tal-KonsAvL, u li għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat bħala nefqa li tista’ titnaqqas mit-taxxa ta’ min jagħmlu.

15      Oy AA kkontestat id-deċiżjoni preliminari mogħtija mill-Keskusverolautakunta quddiem il-qorti tar-rinviju, li kkonstatat illi l-kundizzjonijiet kollha previsti mid-dritt Finlandiż sabiex tiġi rikonoxxuta n-natura ta’ tnaqqis lit-trasferiment finazjarju fi ħdan il-gruppi magħmul minn Oy AA għall-benefiċċju ta’ AA Ltd kienu ssoddisfatti, bl-eċċezzjoni ta’ l-eżiġenza tan-nazzjonalità imposta fuq il-kumpannija benefiċjarja.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 43 KE u 56 KE, fid-dawl ta’ l-Artikolu 58 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE [ … ], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu s-sistema stabbilita mil-Liġi Finlandiża dwar it-Trasferimenti Finanzjarji fi Ħdan il-Gruppi, li tissuġġetta t-tnaqqis tat-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi għall-kundizzjoni li kemm min jagħmel it-trasferiment kif ukoll il-benefiċjarju tat-trasferiment ikunu kumpanniji nazzjonali?”

 Fuq id-domanda preliminari

17      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 43 KE u 56 KE, fid-dawl ta’ l-Artikolu 58 KE u d-Direttiva 90/435, jipprekludux is-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li biha kumpannija sussidjarja, li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’dan l-Istat Membru, tista’ tnaqqas mid-dħul tagħha taxxabbli trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi magħmul minnha favur il-kumpannija parent tagħha biss meta din ta’ l-aħħar għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’dan l-istess Stat Membru.

18      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-ahħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza skond id-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra. p. I-10837, punt 29; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 40, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p.I-11673, punt 36).

19      Peress illi l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni kemm ta’ l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll ta’ l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi ddeterminat jekk, u safejn, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taffettwa dawn il-libertajiet.

20      Kif ukoll jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, meta jkun hemm in kwistjoni parteċipazzjoni li tagħti lill-pussessur influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u tippermettilu jiddetermina l-attivitajiet tagħha, huma d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment li japplikaw (sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punti 21 u 22; tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p. I-10829, punti 37 u 66 sa 68; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, kif ukoll Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

21      Issa, konformement għall-Artikolu 3 tal-KonsAvL, il-possibbiltà li jsir trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi, li jista’ jitnaqqas fis-sens ta’ din il-liġi, hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-kumpannija parent għandha mill-inqas 90 % tal-kapital soċjali jew ta’ l-ishma tal-kumpannija sussidjarja.

22      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż, is-sistema ta’ trasferimenti finanzjarji fi ħdan il-gruppi fis-seħħ fil-Finlandja għandha l-għan li tneħħi l-iżvantaġġġi fiskali propji għall-istruttura ta’ grupp ta’ kumpanniji, billi tippermetti l-istess livell fi ħdan grupp li jinkludi kumpanniji li jagħmlu profitti u kumpanniji li jbatu telf. It-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi huwa għalhekk maħluq sabiex jinkoraġixxi l-interessi ta’ grupp ta’ kumpanniji.

23      Issa, safejn leġiżlazzjoni, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, hija taffettwa b’mod rilevanti l-libertà ta’ stabbiliment u għandha għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 43 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 118, u tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).

24      Jekk jiġi kkunsidrat li din il-leġiżlazzjoni għandha effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, tali effetti huma l-konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-libertà ta’ stabbiliment u, għaldaqstant, ma jiġġustifikawx eżami ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni fid-dawl ta’ l-Artikoli 49 KE u 56 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 27; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

25      Rigward id-Direttiva 90/435, għandu jiġi mfakkar illi s-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-ewwel taxxa fuq id-dħul li ġej minn attività ekonomika ta’ kumpannija sussidjarja u l-possibbiltà għal din il-kumpannija sussidjarja li tnaqqas mid-dħul tagħha taxxabbli t-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi li hija tagħmel favur il-kumpannija tagħha parent barranija.

26      Issa, id-Direttiva 90/435, tirregola t-trattament fiskali ta’ dividendi u profitti oħrajn imqassma minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, minn naħa, billi tipprevedi, fl-Artikolu 4, illi, meta kumpannija parent tirċievi profitti, l-Istat Membru li fih hija rreġistrata din ta’ l-aħħar għandu jew iżomm lura milli jintaxxa l-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja, jew jintaxxhom filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija parent biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqq dak il-frazzjon tat-taxxa tal-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti u, min-naħa l-oħra, billi fl-Artikoli 5 u 6 tagħha tipprojbixxi taxxa f’ras il-għajn ta’ dawn l-imsemmija profitti.

27      Peress li d-Direttiva 90/435 ma tikkonċernax l-ewwel taxxa fuq id-dħul li ġejja minn attività ekonomika ta’ kumpannija sussidjarja u ma tirregolax il-konsegwenzi fiskali, għall-kumpannija sussidjarja, ta’ trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi, bħal dan in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ma tistax tikkostitwixxi bażi sabiex tipprovdi risposta lill-qorti tar-rinviju.

28      Isegwi illi għandha tingħata risposta lid-domanda magħmula fid-dawl biss ta’ l-Artikolu 43 KE.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ l-istabbiliment

29      Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li jinkludi fir-rigward tagħhom id-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skond l-Artikolu 48 KE, għall-kumpanniji stabbiliti skond il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Komunità Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra. p. I-6161, punt 35; Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

30      Għall-kumpanniji, għandu jiġi osservat li l-uffiċċju reġistrat tagħhom fis-sens ta’ l-Artikolu 48 KE jservi sabiex tiġi ddeterminata, bħan-nazzjonalità ta’ persuni fiżiċi, il-konnessjoni tagħhom mas-sistema legali ta’ Stat Membru. Jekk jiġi aċċettat li l-Istat Membru ta’ stabbiliment jista’ japplika liberament trattament differenti minħabba l-fatt biss li l-uffiċċju reġistrat ta’ kumpannija jinsab fi Stat Membru ieħor l-Artikolu 43 KE jiġi pprivat minn kull sinjifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 18; tat-13 ta’ Lulju 1993, Commerzbank, C-330/91, Ġabra p. I-4017, punt 13; Metallgesellschaft et, C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 42 ; Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 43). B’hekk, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża sabiex tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, billi tipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post ta’ l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 14; Saint-Gobain ZN, punt 35 u Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 43).

31      F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat illi l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali iddaħħal, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà ta’ tnaqqis bħala spejjeż tat-trasferiment magħmul għall-benefiċċju ta’ kumpannija parent, differenza ta’ trattament bejn il-kumpanniji sussidjarji li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fil-Finlandja skond jekk il-kumpannija parent tagħhom għandhiex jew le l-uffiċċju reġistrat tagħha f’dan l-istess Stat Membru.

32      Fil-fatt, trasferiment magħmul minn kumpannija sussidjarja għall-benefiċċju ta’ kumpannija parent li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab fil-Finlandja u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-KonsAvL huwa kkunsidrat bħala trasferiment fi ħdan il-gruppi fis-sens ta’ din il-liġi, li jista’ jiġi mnaqqsa mid-dħul taxxabbli tal-kumpannija sussidjarja. Bil-kontra, trasferiment magħmul minn kumpannija sussidjarja għall-benefiċċju ta’ kumpannija parent li l-uffiċċju reġistrat tagħha ma jinsabx fil-Finlandja ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tali u għaldaqstant ma jistax jitnaqqas mid-dħul taxxabbli tal-kumpannija sussidjarja. Il-kumpanniji sussidjarji tal-kumpanniji parent barranin huma, għalhekk, is-suġġett ta’ trattament fiskali anqas vantaġġjuż minn dak li jibbenefikaw minnu l-kumpanniji parent Finlandiżi.

33      F’dan ir-rigward, il-Gvernijiet Ġermaniż, Olandiż, Żvediż u tar-Renju Unit isostnu li s-sitwazzjoni ta’ kumpanniji sussidjarji residenti li l-kumpanniji parent tagħhom għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-istess Stat Membru mhijiex simili għas-sitwazzjoni ta’ dawk li l-kumpannija parent tagħhom għandhom l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru ieħor, safejn dawn ta’ l-aħħar mhumiex suġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru ta’ l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija sussidjarja. Għandha għalhekk, fil-fatt, issir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ kumpanniji sussidjarji li l-kumpanniji parent huma suġġetti b’mod prinċipali jew parzjali għat-taxxa fil-Finlandja, minn dik, deskritta fil-kawża prinċipali fejn il-kumpannija parent mhijiex suġġetta għat-taxxa f’dan l-Istat Membru.

34      Skond il-Gvernijiet Ġermaniż u Żvediz, meta l-benefiċjarju mhuwiex suġġett għat-taxxa fl-Istat Membru tat-trasferiment, dan l-aħħar Stat Membru, li, minħabba l-limiti magħmula għall-kompetenza territorjali tiegħu ma jistax jinfluenza t-trattament fiskali rriżervat mill-Istat Membru tal-benefiċjarju, ma jistax, b’mod partikolari, jassigura ruħhu illi t-tnaqqis mogħti jikkorrispondi għad-dħul taxxabbli tal-benefiċjarju ta’ l-imsemmi trasferiment fl-Istat li fih huwa għandu l-uffiċċju reġistrat u jimpedixxi n-nuqqas ta’ kull tassazzjoni tat-trasferiment magħmul. Il-Gvern tar-Renju Unit isostni ukoll illi, safejn ir-Repubblika tal-Finlandja ma tintaxxax id-dħul tal-kumpanniji parent mhux residenti, hija m’hijiex obbligata tagħti lis-sussidjarja Finlandiża l-ħelsien fiskali li jirriżulta mit-telf soffert mill-kumpannija parent.

35      Kif ukoll ġie imfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, is-sistema ta’ trasferimenti finazjarji fi ħdan il-gruppi Finlandiża għandha l-għan li tneħħi l-iżvantaġġi fiskali proprji għall-istruttura tal-grupp ta’ kumpanniji, billi tippermetti l-istess livell fi ħdan grupp li jinkludi kumpanniji li jagħmlu profitti u kumpanniji li jsofru telf. Kif ukoll jirriżulta mill-Artikoli 4 u 5 tal-KonsAvL, it-trasferiment finazjarju fi ħdan il-gruppi mhuwiex ikkunsidrata bħala spiża għal min jagħmlu u jista’ jitnaqqas mit-taxxa ta’ dan ta’ l-aħħar biss jekk ikun imniżżel bħala dħul għall-benefiċjarju tiegħu.

36      F’sitwazzjoni ta’ transfruntieri, meta l-benefiċjarju m’huwiex suġġett għat-taxxa fl-Istat Membru ta’ min jagħmel it-trasferiment, dan l-aħħar Stat Membru ma jistax jiggarantixxi li t-trasferiment ikun ikkunsidrat, f’dak li jikkonċerna dan il-benefiċjarju, bħala dħul taxxabbli. Il-fatt li l-Istat Membru ta’ min jagħmel it-trasferiment jippermetti t-tnaqqis tat-trasferiment mid-dħul taxxabbli ta’ dan ta’ l-aħħar ma jiggarantix illi l-għan segwit mis-sistema applikabbli għat-trasferimenti jkun miksub.

37      Madankollu, jekk l-Istat Membru ta’ l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija sussidjarja mhuwiex kompetenti fir-rigward tal-kumpanija parent, li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor u li mhijiex suġġetta għat-taxxa fl-ewwel Stat Membru, huwa jista’ madankollu jissuġġetta t-tnaqqis tat-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi mid-dħul taxxabbli ta’ min jagħmlu għal kundizzjonijiet marbuta mat-trattament riżervat għal dan it-trasferiment minn dan l-Istat Membru l-ieħor.

38      Isegwi illi l-fatt biss illi l-kumpanniji parent li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor mhumiex suġġetti għat-taxxa fil-Finlandja ma jiddistingwix, fir-rigward ta’ l-għan segwit mis-sistema Finlandiża ta’ trasferimenti fi ħdan il-gruppi, is-sussidjarji ta’ dawn il-kumpanniji parent mis-sussidjarji tal-kumpanniji parent li l-uffiċċju reġistrat tagħhom jinsab fil-Finlandja u ma jrendix inkomprabbli s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ sussidjarji.

39      Trattament differenti bejn il-kumpanniji sussidjarji residenti skond il-post ta’ l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija parent tagħhom jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment peress li huwa jrendi anqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jkunu jistgħu, bħala konsegwenza ta’ dan, jirrinunzjaw għax-xiri, it-twaqqif jew iż-żamma ta’ kumpannija sussidjarja fl-Istat Membru li jadotta din il-miżura (ara s-sentenzi Lankhorst-Hohorst, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

40      Din il-konklużjoni ma tistax tkun iddubitata mill-arugument tal-Gvern tar-Renju Unit li l-kumpannija parent setgħet tasal għall-għan imfittex billi toħloq fil-Finlandja fergħa minflok sussidjarja. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar illi peress illi, l-ewwel inċiż tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 43 KE, iħalli espressament lill-operaturi ekonomiċi l-possibbiltà li jagħżlu b’mod ħieles il-forma legali approprjata għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, din l-għażla libera m’għandhiex tkun limitata b’dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’l fuq, punt 22, u tat-23 ta’ Frar 2006, CLT-UFA, C-253/03, Ġabra p. I-1831, punt 14).

41      Barra dan, il-Gvern tar-Renju Unit jirrileva illi, peress li t-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi ma kinx intaxxat fir-Renju Unit, li madankollu huwa kkontestat minn Oy AA, u t-telf ta’ AA Ltd seta’ jiġi trasferit fuq snin finanzjarji oħrajn sabiex jiġi attribwit fuq profitti magħmula wara, id-dewmien li sofriet l-imsemmija kumpannija parent qabel ma setgħet tagħmel kumpens bejn il-profitti tagħha u t-telf tagħha kellu biss effett indirett u mhux previst fuq l-għażla ta’ din ta’ l-aħħar li tistabbilixxi ruħha fil-Finlandja.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat illi, sabiex leġiżlazzjoni bħal din tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, huwa biżżejjed li din tkun kapaċi tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fi Stat Membru minn kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkun neċessarju li jintwera li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni kellha effettivament bħala effett li twassal lil uħud minn dawn il-kumpanniji biex jirrinunzjaw għax-xiri, it-twaqqif jew iż-żamma ta’ kumpannija sussidjarja fl-ewwel Stat Membru (sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

43      Isegwi li t-trattament differenti li għalih huma suġġetti, fil-kuntest ta’ sistema bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji sussidjarji residenti skond il-post ta’ l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija parent tagħhom jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

44      Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija tista’ tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’’din l-ipoteżi, li din tkun adattata sabiex tiggarantixxi li l-għan in kwistjoni jiġi milħuq u li din ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Marks & Spencer, punt 35; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, punt 47, kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, punt 64).

45      Fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub, il-Gvernijiet Finlandiż, Ġermaniż, Olandiż u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej isostnu li s-sistema Finlandiża ta’ trasferimenti finanzjarji fi ħdan il-gruppi hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi garantita l-koerenza tas-sistema fiskali kkonċernata kif ukoll mit-tqassim tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, mill-biżgħa ta’ evażjoni ta’ taxxa u mill-prinċipju ta’ territorjalità.

46      Waqt is-seduta, illi nżammet wara li ngħatat is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, il-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet orali sostnew illi l-ġustifikazzjonijiet kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, jiġifieri l-ħarsien ta’ tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri differenti, ir-riskji ta’ użu doppju tat-telf u ta’ evażjoni fiskali, kienu wkoll preżenti f’din il-kawża. Għandhom għalhekk jiġu eżaminati dawn l-argumenti.

47      Għaldaqstant, il-Gvern Finlandiż, sostnut mill-Gvernijiet Żvediż u tar-Renju Unit, jafferma li, billi hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ territorjalità, li jgħid illi l-Istati Membri għandhom d-dritt jintaxxaw d-dħul li sar fit-territorju tagħhom, is-sistema in kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrifletti l-qbil eżistenti fir-rigward ta’ tqassim internazzjonali tal-kompetenzi fiskali.

48      Skond dawn il-Gvernijiet, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, il-possibbiltà li jitnaqqas it-trasferiment magħmul favur kumpannija li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor twassal sabiex tħalli lill-persuni taxxabbli l-għażla ta’ l-Istat Membru ta’ tassazzjoni u għalhekk tillimita l-kompetenzi fiskali ta’ l-Istati Membri, bi ksur għat-tqassim bilanċjat ta’ dawn ta’ l-aħħar.

49      Rigward in-neċessità li jiġi evitat li t-telf jiġi kkunsidrat darbtejn, il-Gvernijiet Finlandiż, Ġermaniż, Olandiż, Żvediż u tar-Renju Unit isostnu li din tista’ tiġi assimilata man-neċessità li jiġi evitat li jkun indebitament mogħti vantaġġ doppju. Issa, skond dawn il-Gvernijiet, sitwazzjoni li fiha t-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi huwa meħud in kunsiderazzjoni waqt id-determinazzjoni tar-riżultat taxxabbli ta’ min jagħmlu, iżda mhuwiex meħud in kunsiderazzjoni bħala dħul taxxabbli tal-benefiċċjarju tiegħu, twassal għal riskju li l-profitti tal-kumpannija sussidjarja li tagħmel it-trasferiment ma jiġux intaxxati. Skond il-Gvern tar-Renju Unit, kontradett fuq dan il-punt minn Oy AA, dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

50      Fl-aħħar nett, il-Gvernijiet Finlandiż, Ġermaniż, Olandiż, Żvediz u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jaqblu li jaffermaw li jeżisti riskju, fi ħdan grupp, li l-attivitajiet jkunu organizzati b’mod li l-profitti taxxabbli fil-Finlandja jkunu ttasferiti lejn kumpanniji, partikolarment stabbiliti għal dan il-għan biss, li l-uffiċċju reġistrat tagħhom jinsab fi Stati Membri oħrajn fejn dawn ikunu taxxabbli b’rata anqas milli fil-Finlandja, jew kompletament eżenti mit-taxxa.

51      Kif jirriżulta wkoll mill-punt 51 tas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, in-neċessità li jitħares it-tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri kienet ġiet meqjusa flimkien ma’ żewġ elementi ta’ ġustifikazzjoni oħra, ibbażati fuq ir-riskju li t-telf jiġi kkunsidrat darbtejn u fuq ir-riskju ta’ evażjoni tat-taxxa (ara wkoll is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C-347/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).

52      Għandu jiġi mfakkar ukoll illi, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, b’mod konvenzjonali jew unilaterali, il-kriterji ta’ tqassim tas-setgħa tagħhom ta’ tassazzjoni (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly, C-336/96, Ġabra p. I-2793, punti 24 u 30; sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 44; ta’ l-14 ta’ Novembru 2006, Kerkhaert u Morres, C-513/04, Ġabra p.I-10967, punti 22 u 23, kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

53      Qabel kollox fir-rigward tan-neċessità li jiġi mħares tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, għandu jiġi indikat illi din ma tistax tiġi invokata sabiex sistematikament jiġi rrifjutat kull vantaġġ fiskali għal kumpannija sussidjarja residenti, għal-motiv illi d-dħul tal-kumpannija parent, li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor, ma jistax jiġi intaxxat fl-ewwel Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rewe Zentralfinanz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

54      Min-naħa l-oħra, dan l-element ta’ ġustifikazzjoni jista’ jiġi ammess meta s-sistema in kwistjoni tkun intiża sabiex tipprevjeni aġir ta’ natura li jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu b’relazzjoni ma’ l-attivitajiet mwettqa fit-territorju tiegħu (ara s-sentenza Rewe Zentralfinanz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

55      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi l-fatt li l-kumpanniji jingħataw il-possibbiltà li jagħżlu li t-telf tagħhom jiġi kkunsidrat fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom jew fi Stat Membru ieħor jikkomprometti b’mod sinjifikattiv tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Marks & Spencer, punt 46, u Rewe Zentralfinanz, punt 42).

56      Bl-istess mod, li jiġi ammess illi trasferiment finanzjarju transfruntier fi ħdan il-gruppi, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi mnaqqas mid-dħul taxxabbli ta’ min jagħmlu jkollu bħala konsegwenza li gruppi ta’ kumpanniji jkunu jistgħu jagħżlu liberament l-Istat Membru li fih il-profitti tas-sussidjarja huma taxxabbli, billi jnaqqsuhom mill-bażi taxxabbli ta’ din ta’ l-aħħar u, meta dan it-trasferiment huwa kkunsidrat bħala dħul taxxabbli fl-Istat Membru tal-kumpannija parent benefiċjarja, billi jinkluduhom f’dik tal-kumpannija parent. Din tikkomprometti s-sistema stess ta’ tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, peress illi, skond l-għażla magħmula mill-grupp ta’ kumpanniji, l-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja jkun kostrett li jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa, bħala Stat ta’ residenza ta’ l-imsemmija kumpannija sussidjarja, id-dħul ta’ din ta’ l-aħħar, għall-benefiċċju, eventwali, ta’ l-Istat Membru ta’ l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija parent (ara, ukoll, is-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

57      Rigward, wara dan, ir-riskju li t-telf jiġi kkunsidrat darbtejn, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li s-sistema Finlandiża ta’ trasferimenti finanzjarji fi ħdan il-gruppi ma tikkonċernax it-tnaqqis tat-telf.

58      Rigward, l-aħħar nett, il-prevenzjoni ta’ l-evażjoni fiskali, hemm lok li jiġi aċċettat illi l-possibbiltà li d-dħul taxxabbli ta’ kumpannija sussidjarja jiġi trasferit lejn kumpannija parent li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor iġib ir-riskju illi, permezz ta’ montaturi purament artifiċjali, isiru trasferimenti ta’ dħul fi ħdan grupp ta’ kumpanniji lejn kumpanniji li l-uffiċċju reġistrat tagħhom jinsab fl-Istati Membri li japplikaw rati ta’ taxxa iktar baxxi jew fi Stati Membri fejn dan id-dħul ma jkunx taxxabbli. Din il-possibbilità hija msaħħa mill-fatt li s-sistema Finlandiża ta’ trasferimenti finanzjarji fi ħdan il-gruppi ma teħtieġx li l-benefiċjarju tat-trasferiment finanzjarju jkun għamel telf.

59      Billi tagħti d-dritt li trasferiment fi ħdan il-gruppi magħmul lil kumpannija parent jitnaqqas mid-dħul taxxabbli ta’ kumpannija sussidjarja biss fil-każ fejn din ta’ l-aħħar għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-istess Stat Membru, is-sistema Finlandiża ta’ trasferimenti finanzjarji fi ħdan il-gruppi hija ta’ natura li tipprevjeni dawn il-prattiċi, li jistgħu jkunu ispirati mill-konstatazzjoni ta’ differenzi kbar fil-bażi taxxabbli jew fir-rati ta’ taxxa applikabbli fid-diversi Stati Membri u li l-għan tagħhom huwa biss li jevadu t-taxxa normalment dovuta fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja fuq il-profitt ta’ din ta’ l-aħħar.

60      Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ elementi, dwar in-neċessità li jiġi mħares it-tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u dik li tiġi evitata l-evażjoni fiskali, meħuda flimkien, għandu għalhekk jiġi kkonstatat illi sistema, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti d-dritt li jitnaqqas mid-dħul taxxabbli ta’ kumpannija sussidjarja trasferiment finanzjarju magħmul favur il-kumpannija parent biss fil-każ li din ta’ l-aħħar u l-ismemmija kumpannija sussidjarja għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-istess Stat Membru, tipprova tilħaq għanijiet leġittimi kompatibbli mat-Trattat u li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, u hija adatta sabiex tassigura li dawn l-imsemmija għanijiet jiġu milħuqa.

61      Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk din is-sistema ma tmurx ’il hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanjiet kollha mfittxija.

62      Għandu mill-ewwel jiġi rrilevat illi l-għanjiet ta’ ħarsien tat-tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u ta’ prevenzjoni ta’ l-evażjoni fiskali huma marbuta. Fil-fatt, aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ montaturi purament artifiċjali, li m’għandhom ebda realità ekonomika fl-għan li tiġi evaża t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati minn attivatjiet mwettqa fit-territorju nazzjonali huwa ta’ natura li jikkomprometti d-dritt ta’ l-Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom fir-rigward ta’ dawn l-attvatijiet u li jmur kontra tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati (sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, punti 55 u 56, kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, punti 74 u 75).

63      Anki jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali m’għandhiex bħala għan speċifiku li teskludi mill-vantaġġ fiskali li hija tipprevedi montaturi purament artifiċjali, li ma għandhom ebda realtà ekonomika, maħluqa bl-għan li tiġi evaża t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati minn attivitajiet eżerċitati fit-territroju nazzjonali, din il-leġiżlazzjoni tista’ madankollu tiġi kkunsidrata bħala proprozjonata għall-għanjiet segwiti, meħuda flimkien.

64      Fil-fatt, f’sitwazzjoni fejn il-vantaġġ in kwistjoni jikkonsisti fil-possibbiltà li jsir trasferiment ta’ dħul billi dan ta’ l-aħħar jiġi eskluż mid-dħul taxxabbli ta’ min jagħmlu billi dan jiġi integrat f’dak tal-benefiċjarju, kull estensjoni ta’ dan il-vantaġġ għas-sitwazzjonijiet transfruntieri jkollha bħala effett, kif ġie indikat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li l-gruppi ta’ kumpanniji jkunu jistgħu jagħżlu liberament l-Istat Membru li fih il-profitti tagħhom huma intaxxati, bid-detriment għad-dritt ta’ l-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja li tintaxxa l-profitti ġġenerati minn attivitajiet mwettqa fit-territorju tagħha.

65      Dan il-ksur ma jistax ikun evitat billi jiġu imposti kundizzjonijiet dwar it-trattament ta’ dħul li joriġina mit-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja jew dwar l-eżistenza ta’ telf sostnut mill-beneficjarju tat-trasferiment finazjarju fi ħdan il-gruppi. Fil-fatt, li jiġi aċċettat it-tnaqqis tat-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi meta dan jikkostitwixxi dħul taxxabbli tal-kumpannija benefiċjarja jew meta l-possibiltajiet, għall-kumpannija benefiċjarja, li titrasferixxi t-telf tagħha lil kumpannija oħra huma limitati, jew li ma jiġix aċċettat it-tnaqqis tat-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi mwettaq favur kumpannija li għandha l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru li japplika rata ta’ taxxa iktar baxxa minn dik applikabbli fl-Istat Membru ta’ min jagħmel it-trasferiment meta dan it-trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi huwa speċifikament ġustifikat mis-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpannija benefiċjarja, kif ġie propost minn Oy AA, jimplika madankollu li l-għażla ta’ l-Istat Membru ta’ tassazzjoni taqa’ b’mod definittiv f’idejn il-grupp ta’ kumpanniji li jkollu għaldaqstant marġni wiesgħa ta’ manuvra f’dan ir-rigward.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, m’hemmx lok li jiġu analizzati l-ġustifikazzjonijiet l-oħrajn invokati mill-Gvernijiet Finlandiż, Ġermaniż, Olandiż, Żvediż u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni.

67      Għalhekk, hemm lok li risposta għad-domanda magħmula tkun illi l-Artikolu 43 KE ma jipprekludix sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li kumpannija sussidjarja, residenti f’dan l-Istat Membru, tista’ tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi magħmul minnha favur il-kumpannija parent tagħha biss meta din ta’ l-aħħar ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’dan l-istess Stat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 43 KE ma jipprekludix sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li kumpannija sussidjarja, residenti f’dan l-Istat Membru, tista’ tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha trasferiment finanzjarju fi ħdan il-gruppi magħmul minnha favur il-kumpannija parent tagħha biss meta din ta’ l-aħħar ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’dan l-istess Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.