Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/30


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (Ir-Renju Unit) fl-14 ta’ Mejju 2009 — Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs vs Axa UK Ltd

(Kawża C-175/09)

2009/C 153/59

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs

Konvenuta: Axa UK Ltd

Domandi preliminari

1.

Liema huma l-karatteristiċi ta’ servizz eżenti li għandu “l-effett li jitrasferixxi fondi u li jinvolvi bidliet fis-sitwazzjoni legali u finanzjarja”? B’mod partikolari:

(a)

L-eżenzjoni hija applikabbli għas-servizzi li normalment ma jitwettqux minn kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja li (i) tiddebita kont, (ii) tikkredita b’mod korrispondenti lil kont ieħor, jew (iii) twettaq kompitu bejn (i) jew (ii)?

(b)

L-eżenzjoni hija applikabbli għas-servizzi li ma jinkludux it-twettiq ta’ kompitu li jiddebita kont u jikkredita b’mod korrispondenti kont ieħor, li jistgħu, meta jirriżulta trasferiment ta’ fondi, jitqiesu li kienu l-kawża tat-trasferiment?

2.

Fid-dawl tal-SDC, negozjant (li mhuwiex bank) iwettaq servizz eżenti skont l-Artikolu 13B(d)(3) meta l-kompiti li jwettaq għall-klijent tiegħu (1) jinkludu l-ġabra, l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ flus dovuti lill-klijent mingħand terza persuna, b’mod partikolari, il-kompiti li:

(a)

jibgħat informazzjoni lill-bank tat-terza persuna biex jitlob għall-ħlas mingħand il-bank tat-terza persuna għall-kont tal-bank personali tan-negozjanat, fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni permanenti mogħtija minn din it-terza persuna lill-bank (skont “Sistema ta’ Debitu Dirett”), u sussegwentement, jekk il-bank jagħmel il-ħlas,

(b)

jagħti istruzzjonijiet lill-bank tiegħu sabiex jitrasferixxi mill-kont tiegħu għall-kont tal-klijent tiegħu iżda (2) ma jinkludix il-kompiti li (a) jiddebita kont, (b) jikkredita b’mod korrispondenti kont tal-bank ieħor, jew (ċ) iwettaq kompitu bejn (a) u (b)?

3.

Ir-risposta li tingħata għad-Domanda 2 (iktar ’il fuq) tkun differenti jekk is-servizz deskritt f’dik id-domanda jitwettaq billi tintbagħat l-informazzjoni lil sistema elettronika li mbagħad tikkomunika awtomatikament mal-bank rilevanti, anki jekk l-informazzjoni mibgħuta mhux dejjem tirriżulta fi trasferiment (eż. Għaliex it-terza persuna tkun ikkanċellat l-istanding order permanenti mal-bank tagħha jew m’għandhiex fondi biżżejjed fil-kont tagħha)?