Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-253/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Ungerija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Xiri ta’ beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali ġdida — Determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tat-taxxa imposta fuq l-akkwist ta’ beni immobbli — Tnaqqis tal-valur tar-residenza akkwistata mill-valur tar-residenza mibjugħa — Esklużjoni ta’ dan it-tnaqqis jekk il-beni mibjugħ ma jkunx jinsab fit-territorju nazzjonali”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq it-trasferimenti ta’ beni immobbli

(Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE; Ftehim ŻEE, Artikoli 28 u 31)

Ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi li għandu taħt l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE, kif ukoll taħt l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tipprovdi, għall-kalkolu tat-taxxa applikabbli waqt l-akkwist ta’ beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali, li jekk ix-xerrej privat ibigħ il-post tiegħu l-ieħor sena qabel jew wara x-xiri, il-bażi tal-kalkolu tat-taxxa għandha tkun magħmula mid-differenza bejn il-valur kummerċjali gross tal-beni mixtri u dik tal-beni mibjugħ, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun jinsab ukoll fit-territorju nazzjonali.

Huwa minnu li, sa fejn tisfavorixxi, fuq il-livell ta’ taxxa fuq l-akkwist tal-beni immobbiljari, lill-persuni li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom f’dan l-Istat Membru billi jixtru beni immobbli hemmhekk meta mqabbla ma’ persuni li jiċċaqalqu minn post għal ieħor f’dan l-Istat Membru, billi ma tippermettix lil dawk ta’ qabel jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni waqt ix-xiri ta’ beni immobbli, din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment tal-persuni stabbiliti fl-Artikoli 39 KE u 43 KE. Fir-rigward tal-Artikolu 18 KE, l-esklużjoni tal-benefiċċju tat-tnaqqis tal-bażi ta’ stima tat-taxxa tal-persuni li jiċċaqalqu fl-intern tal-Unjoni għal raġunijiet mhux marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika tista’, f’ċerti każijiet, tkun ta’ natura li tiddiswadi lil dawn il-persuni milli jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-imsemmi artikolu.

Din id-differenza fit-trattament tikkonċerna, barra minn hekk, sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli peress li, fir-rigward tat-taxxa kontenzjuża, l-unika differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ persuni mhux residenti, inklużi ċittadini nazzjonali li jkunu għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, u dik ta’ residenti, ċittadini nazzjonali jew ta’ Stat membru ieħor, li jiksbu residenza prinċipali fl-Istat ikkonċernat, hija l-post tar-residenza prinċipali preċedenti. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, dawn il-persuni jkunu xtraw beni immobbli f’dan l-Istat Membru sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk u, meta jixtru r-residenza prinċipali preċedenti, ikunu ħallsu taxxa tal-istess natura bħat-taxxa kontenzjuża fl-Istat li fih din kienet tinsab din ir-residenza, filwaqt li l-oħrajn ikunu ħallsu l-imsemmija taxxa f’dan l-Istat Membru.

Madankollu, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet intiżi għas-salvagwardja tal-koerenza tas-sistema fiskali. Fil-fatt, meta l-beni mibjugħ ikun jinsab fi Stat Membru ieħor, l-Istat ikkonċernat ma għandu ebda dritt ta’ impożizzjoni fuq it-tranżazzjoni li tkun għamlet, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, il-persuna li tkun iddeċidiet li tikseb fl-Istat ikkonċernat beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali tagħha. F’dawn il-kundizzjonijiet, billi tipprovdi li jistgħu biss jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni, waqt l-akkwist ta’ tali proprjetà, il-persuni li diġà ħallsu t-taxxa kontenzjuża meta jixtru beni simili, il-konfigurazzjoni tal-imsemmi vantaġġ fiskali tirrifletti loġika simmetrika. Fil-fatt, jekk il-persuni taxxabbli li ma ħallsux l-imsemmija taxxa qabel, abbażi tas-sistema fiskali kontenzjuża, setgħu jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali kkonċernat, huma jieħdu vantaġġ indebitu minn intaxxar li ma japplikax għall-akkwist preċedenti tagħhom li seħħ barra mit-territorju kkonċernat. Għalhekk, teżisti rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali mogħti u l-ġbir inizjali. Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmi vantaġġ u l-piż fiskali jikkonċernaw l-istess persuna u, min-naħa l-oħra, jaqgħu fil-kuntest tal-istess taxxa.

Barra minn hekk, din ir-restrizzjoni hija adattata sabiex jintlaħaq tali għan sakemm hija topera b’mod simmetriku, fejn hija biss id-differenza bejn il-valur tal-beni immobbli mibjugħ li jinsab fl-Istat Membru kkonċernat u l-valur tal-beni immobbli akkwistat li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sistema fiskali inkwistjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija restrizzjoni hija proporzjonata fil-konfront tal-għan previst peress li, minn naħa, l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa b’mod partikolari li jiġi evitat, waqt l-akkwist tat-tieni residenza prinċipali f’dan l-Istat, l-intaxxar doppju tal-kapital investit għax-xiri tar-residenza preċedenti li sadattant reġgħet inbiegħet u li, min-naħa l-oħra, Stat Membru ma jiddisponi minn ebda setgħa ta’ intaxxar fuq it-tranżazzjonijiet immobbiljari mwettqa fl-Istati Membri l-oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali tranżazzjonijiet għall-finijiet li titnaqqas il-bażi ta’ stima tat-taxxa kontenzjuża jwassal sabiex dawn it-tranżazzjonijiet tal-aħħar jiġu ttrattati bħala li diġà ġew suġġetti għat-taxxa kontenzjuża filwaqt li dan ma kienx il-każ. Din is-sitwazzjoni tkun, evidentement, kuntrarja għall-għan imsemmi ta’ ħelsien mit-taxxa doppja fid-dawl tas-sistema fiskali nazzjonali.

Peress li r-regoli li jipprojbixxu r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment u għal-libertà ta’ stabbiliment stabbiliti fl-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim taż-ŻEE għandhom l-istess portata ġuridika u huma essenzjalment identiċi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 39 KE u 43 KE, dawn l-artikoli lanqas ma jipprekludu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 58, 64, 68, 74-76, 80-82, 85, 87, 91)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Diċembru 2011(*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Xiri ta’ beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali ġdida – Determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tat-taxxa imposta fuq l-akkwist ta’ beni immobbli – Tnaqqis tal-valur tar-residenza akkwistata mill-valur tar-residenza mibjugħa – Esklużjoni ta’ dan it-tnaqqis jekk il-beni mibjugħ ma jkunx jinsab fit-territorju nazzjonali”

Fil-Kawża C-253/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn R. Somssich u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits u M. Berger, (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Settembru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi applikat trattament differenti fuq l-akkwist fl-Ungerija, ta’ beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali, wara l-bejgħ ta’ proprjetà oħra ta’ dan it-tip, skont jekk il-proprjetà inbiegħet fl-Ungerija jew fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE kif ukoll taħt l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2        L-Artikolu 63 tal-Liġi Nru CXVII tal-1995 dwar it-taxxa fuq id-dħul (iktar ’il quddiem “il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul”) fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2007 jipprovdi:

“[...] ir-rata tat-taxxa pagabbli fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ proprjetà immobbli u d-drittijiet fuq il-proprjetà għandha tkun dik ta’ 25 %.

[…] It-taxxa mħallsa għandha titnaqqas (jew ma għandhiex titħallas) bl-ammont tat-taxxa imposta fuq il-parti tad-dħul mill-bejgħ ta’ proprjetà jew dritt fuq proprjetà (allowance għal xiri tal-akkomodazzjoni) li tintuża għax-xiri ta’ proprjetà għal użu residenzjali, minn privat, għalih, membru tal-familja immedjata jew ex konjuġi, fit-tnax-il xahar qabel l-irċevuta tad-dħul jew is-60 xahar wara dik id-data (bażi tal-allowance għax-xiri tal-akkomodazzjoni).”

3        Din l-allowance għax-xiri tal-akkomodazzjoni għandha tingħata biss jekk l-investiment ikun relatat ma’ proprjetà residenzjali fl-Ungerija.

4        L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru XCIII tal-1990 dwar it-taxxi (iktar ’il quddiem, il-“liġi fuq it-taxxi”) fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża preżenti jinqara b’dan il-mod [...]:

“Għandha titħallas taxxa fuq il-proprjetà fuq wirt, rigal jew trasferiment ta’ proprjetà bi ħlas.”

5        L-Artikolu 2(2) tal-liġi dwar it-taxxi jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq ir-rigali u t-trasferimenti ta’ proprjetà bi ħlas għandhom japplikaw għal proprjetajiet fi ħdan it-territorju nazzjonali u d-drittijiet fuq il-proprjetà relatati, sakemm ma jkunx pprovdut mod ieħor permezz ta’ konvenzjoni internazzjonali.”

6        L-Artikolu 21(5) tal-liġi dwar it-taxxi jipprovdi:

“[...] Fejn xerrej privat ibigħ ir-residenza l-oħra tiegħu fi żmien sena qabel jew wara x-xiri, il-bażi tal-istima għall-kalkolu tat-taxxa għandha tkun id-differenza bejn il-valur fis-suq – gross – tal-proprjetà mixtrija u dak tal-proprjetà mibjugħa [...].”

 Il-proċedura prekontenzjuża

7        Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern Ungeriż għall-fatt li d-dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali dwar it-trasferiment ta’ beni immobbli kienu possibilment inkompatibbli mad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 56 KE kif ukoll mill-artikoli korrispondenti tal-Ftehim ŻEE.

8        Il-Kummissjoni ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet fiskali jittrattaw b’mod diskriminatorju l-akkwist, fl-Ungerija, ta’ beni immobbli għal użu residenzjali, billi jipprovdu miżuri iktar favorevoli meta din ir-residenza tkun tinsab fl-Ungerija u mhux fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor. B’hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet jintaxxaw b’mod ogħla x-xiri tal-beni immobbli għal użu residenzjali marbuta mal-bejgħ ta’ residenza preċedenti meta din tal-aħħar ma kinitx tinsab fl-Ungerija. B’hekk, minħabba n-natura diskriminatorja tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet jostakolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-kapital kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment. Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li ma tista’ tara l-ebda motiv validu li jista’ jiġġustifika din id-differenza fis-sistema.

9        Fl-ittra tiegħu tat-8 ta’ Awwissu 2007, il-Gvern Ungeriż irrikonoxxa li d-dispożizzjoni li tidher fl-Artikolu 63 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tikkostitwixxi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ u ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jadotta leġiżlazzjoni ġdida li tiżgura li l-persuni taxxabbli ma kinux ser jibqgħu jiġu trattati b’mod diskriminatorju waqt il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tagħhom minħabba l-post fejn jinsab il-beni immobbli tagħhom.

10      Bil-kontra, fir-rigward tad-dispożizzjoni li tidher fl-Artikolu 21(5) tal-liġi dwar it-taxxi, ir-Repubblika tal-Ungerija qieset li din ma tiksirx id-dritt tal-Unjoni.

11      B’ittra tat-12 ta’ Diċembru 2007, ir-Repubblika tal-Ungerija infurmat lill-Kummissjoni li l-Parlament Ungeriż kien adotta l-Liġi Nru CXXVI tal-2007, li temenda ċerti liġijiet fiskali, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008. L-Artikolu 19 ta’ din il-liġi emenda l-Artikolu 63 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, u b’hekk ħassar id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ taxxi applikat waqt ix-xiri ta’ beni immobbli għal finijiet residenzjali li tinsab fuq it-territorju Ungeriż.

12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni li żammet il-pożizzjoni tagħha espressa fl-ittra ta’ intimazzjoni, ħarġet opinjoni motivata, fis-27 ta’ Ġunju 2008, fejn stiednet lir-Repubblika tal-Ungerija tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mill-ġurnata li fiha tirċievi din l-opinjoni.

13      Ir-Repubblika tal-Ungerija rrispondiet għall-opinjoni motivata b’ittra tas-27 ta’ Awwissu 2008, billi tenniet il-kunsiderazzjonijiet li kienet diġà ddikjarat fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Awwissu 2007.

14      Billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

15      Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża, u b’mod partikolari s-sistema tal-kalkolu tat-taxxa fuq l-akkwist tal-beni immobbli tmur kontra l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE kif ukoll kontra l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE sa fejn tisfavorixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li jixtiequ jakkwistaw beni immobbli fl-Ungerija, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, billi jbigħu fl-istess ħin il-beni immobbli tagħhom li tinsab fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-ŻEE.

16      Din l-istituzzjoni tqis li t-taxxa inkwistjoni hija taxxa indiretta.

17      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li din it-taxxa hija dovuta fl-Ungerija waqt kull akkwist ta’ beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali, iżda tista’ titnaqqas, jew anki titħassar, jekk ix-xiri jsir fl-istess ħin tal-bejgħ tar-residenza preċedenti tax-xerrej, taħt il-kundizzjoni li din tal-aħħar tkun tinsab fl-Ungerija. Fil-fatt, jekk il-bażi ta’ stima ta’ kalkolu tal-imsemmija taxxa hija, abbażi tal-Artikolu 21(5) tal-Liġi dwar it-taxxi, ikkostitwita mid-differenza bejn il-valur fis-suq gross tal-beni mixtri u dak tal-beni mibjugħ, huwa biss il-valur tal-beni mibjugħa li jinsabu fuq it-territorju Ungeriż li jista’ jitnaqqas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba d-diskriminazzjoni li tirriżulta mis-sistema tal-istess taxxa, il-persuni li jixtru għall-ewwel darba fl-Ungerija, beni immobbli għal skopijiet tar-residenza prinċipali tagħhom, jinsabu f’sitwazzjoni ħafna inqas favorevoli, u huma inqas imħajra jixtru residenza ġdida f’dan l-Istat Membru u li jistabbilixxu lilhom nfushom fih, mill-persuni li jixtru mill-ġdid beni ta’ dan it-tip minflok dak li diġà kienu sid tiegħu fuq it-territorju Ungeriż.

18      Issa, skont il-Kummissjoni, il-persuni li qabel l-akkwist tar-residenza prinċipali tagħhom fl-Ungerija, kellhom residenza prinċipali fi Stat Membru ieħor jistgħu jkunu fl-istess sitwazzjoni bħal dawk li kellhom tali residenza fl-Ungerija, jiġifieri sitwazzjoni li fiha, dawk ta’ qabel kellhom ukoll iħallsu, fi Stat Membru ieħor, taxxa ta’ livell ekwivalenti għal dak tat-taxxa kontenzjuża, waqt l-akkwist ta’ beni għal skopijiet tar-residenza prinċipali tagħhom. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tipprovdi l-ebda possibbiltà li jitnaqqas il-valur fis-suq ta’ proprjetà mibjugħa mill-valur tal-beni akkwistat waqt il-kalkolu tal-bażi ta’ stima meta l-beni mibjugħ ma jkunx jinsab fl-Ungerija jwassal sabiex sitwazzjonijiet oġġettivament simili jiġu ttrattati b’mod differenti u għaldaqstant, b’mod diskriminatorju.

19      Fir-rigward tal-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment, il-Kummissjoni tikkunsidra li, kuntarjament għall-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Ungerija, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ din il-libertà, ma huwiex importanti li d-dispożizzjoni leġiżlattiva inkwistjoni tirrigwarda beni immobbli użati għal finijiet residenzjali u mhux stabbilimenti kummerċjali. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li ħaddiem indipendenti jistabbilixxi l-post tal-attività prinċipali tiegħu fil-post tar-residenza prinċipali tiegħu.

20      Skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-persuni li ma jwettqux attività ekonomika, għandha tapplika l-istess konklużjoni għal raġunijiet identiċi fuq il-bażi tal-Artikolu 18 KE.

21      Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li, minħabba l-istess raġunijiet li jirrigwardaw il-ksur tal-Artikoli 39 KE u 43 KE, ir-Repubblika tal-Ungerija lanqas ma tosserva l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar, rispettivament, il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-ħaddiema.

22      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li tali diskriminazzjoni ma hijiex iġġustifikata b’raġunijiet ta’ interess ġenerali.

23      Fid-dawl tar-raġunijiet li jirrigwardaw il-koerenza tas-sistema fiskali, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Ungerija ma tistax tinvoka s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Ġabra p. I-249), u tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding (C-471/04, Ġabra p. I-2107). Għalkemm huwa minnu, skont il-Kummissjoni, li l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali tista’ tiġġustifika limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-prinċipji fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE, l-argument ibbażat fuq dan il-motiv jista’ jintlaqa’ biss jekk tkun teżisti rabta diretta bejn l-għoti tal-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali speċifika. Madankollu, ma hemm ebda rabta diretta bejn il-bejgħ tal-beni immobbli koperti bil-leġiżlazzjoni kontenzjuża.

24      Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-prinċipju ta’ territorjalità, jiġifieri l-eżistenza ta’ kompetenza fiskali li tista’ tiġi eżerċitata mingħajr restrizzjonijiet fuq il-beni immobbli li jinsabu fuq it-territorju nazzjonali u n-nuqqas ta’ tali kompetenza fir-rigward tal-beni li jinsabu barra, invokat mir-Repubblika tal-Ungerija, lanqas ma jista’ jiġġustifika l-eżistenza tal-miżura inkluża fl-Artikolu 21(5) tal-liġi dwar it-taxxi.

25      Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, li f’dan ir-rigward tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas-7 tas-Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 49), it-tnaqqis possibbli fid-dħul fiskali ma jistax jiġi invokat mill-awtoritajiet Ungeriżi bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex tiġi ġġustifikata din il-miżura.

26      Fl-aħħar nett, billi terġa tirreferi għas-sentenza Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tiċħad ukoll il-ġustifikazzjoni bbażata fuq diffikultajiet, għall-awtoritajiet Ungeriżi, li jieħdu inkunsiderazzjoni, waqt id-determinazzjoni tal-ammont ta’ taxxa dovuta minn akkwist ta’ beni immobbli li jinsab fl-Ungerija, l-eżistenza ta’ proprjetajiet mibjugħa fi Stati Membri oħra u tat-taxxi mħallsa waqt l-akkwist tagħhom. Id-diffikultà li jiġi ddeterminat sa liema estent, fir-rigward tal-mertu u l-metodu tal-kalkolu, it-taxxa mħallsa barra tikkorrispondi għat-taxxa kkontestata ma tista’ fl-ebda każ tikkostitwixxi argument li jista’ jiġġustifika d-diskriminazzjoni inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonċedi li r-Repubblika tal-Ungerija tista, bl-applikazzjoni tas-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Jager (C-256/06, Ġabra p. I-123), timponi rekwiżiti speċifiċi fuq il-persuna taxxabbli sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa, iżda, fi kwalunkwe każ, dawk ir-rekwiżiti ma jistgħux ikunu sproporzjonati għall-oġġettiv li jrid jintlaħaq.

27      Ir-Repubblika tal-Ungerija, billi tenfassizza li t-taxxa kkontestata għandha, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni, tiġi kklassifikata fil-kategorija ta’ taxxi diretti, tirribatti li s-sistema ta’ taxxa inkwistjoni ma hijiex ta’ natura li tikser l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE. Sussidjarjament, dan l-Istat Membru jsostni li l-imsemmija sistema tkun, fi kwalunkwe każ, iġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali.

28      Ir-Repubblika tal-Ungerija tinvoka qabel kollox in-nuqqas tal-ksur tal-moviment liberu tal-persuni u tal-libertà ta’ stabbiliment, prinċipalment minħabba l-fatt li ma kienx hemm diskriminazzjoni bejn sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli. Billi tikkontesta l-opinjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Ungerija tikkunsidra li jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli l-persuni kollha li jixtiequ jakkwistaw beni immobbli fl-Ungerija għall-ewwel darba, u l-fatt jekk akkwistawx jew le tali beni fi Stat Membru ieħor ma huwiex importanti ħafna. Jinsabu wkoll f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli l-persuni li, filwaqt li huma diġà proprjetarji ta’ beni immobbli fl-Ungerija, li hija r-residenza prinċipali tagħhom, jakkwistaw f’dan l-Istat, beni ġdid ta’ dan it-tip sabiex jissostitwixxuh ma’ dik preċedenti.

29      Min-naħa l-oħra, skont l-imsemmi Stat Membru, ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli l-persuni li jbigħu beni immobbli li tinsab fl-Ungerija li kienet ir-residenza prinċipali tagħhom, sabiex jakkwistaw, f’dan l-istess Stat, beni ieħor ta’ dan it-tip u dawk li jbigħu beni immobbli li jinsab fi Stat Membru ieħor li kienet ir-residenza prinċipali tagħhom sabiex jakkwistaw fl-Ungerija beni ieħor ta’ dan it-tip. Fil-fatt, minn naħa, id-domiċilju fiskali ta’ dawn il-persuni jista’ jkun differenti peress li dawk li jappartjenu mal-ewwel kategorija huma residenti nazzjonali, filwaqt li dawk li jaqgħu taħt it-tieni kategorija huma residenti barranin. Min-naħa l-oħra, għal din l-aħħar kategorija ta’ persuni, il-beni preċedentement miżum ma jaqax taħt l-applikazzjoni tad-dritt fiskali Ungeriż, minn perspettiva territorjali u materjali, filwaqt li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-beni mibjugħa mill-kategorija l-oħra ta’ persuni.

30      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Ungerija tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra, p. I-225, punt 34), u tal-5 ta’ Lulju 2005, D. (C-376/03, Ġabra p. I-5821), li tipprovdi, fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul u t-taxxi fuq il-patrimonju, li s-sitwazzjonijiet tal-persuni residenti u tal-persuni mhux residenti ma humiex ġeneralment paragunabbli, u li l-fatt li Stat Membru ma jagħtix lil persuna mhux residenti ċerti benefiċċji fiskali li jagħti lil residenti ma huwiex, bħala regola, diskriminatorju. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jinvoka, insostenn tal-argument tiegħu, il-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert (C-512/03, Ġabra p. I-7685), billi jenfassizza x-xebh bejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati f’din il-kawża u l-kawża preżenti.

31      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Ungerija tenfassizza li t-Trattat kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizza, ma jiggarantixxix, għal ċittadin tal-Unjoni, newtralità fir-rigward tal-intaxxar tat-trasferiment tal-attivitajiet tiegħu fi Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 55; tal-15 ta’ Lulju 2004, Lindfors, C-365/02, Ġabra p. I-7183, punt 34, u tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 45). Għaldaqstant, dan l-Istat Membru jsostni li s-sistema inkwistjoni tikkonforma mal-prinċipju fiskali ta’ territorjalità li huwa rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C-250/95, Ġabra p. I-2471) u li abbażi tagħha s-sistemi differenti fiskali nazzjonali jikkoeżistu mingħajr ġerarkija bejniethom.

32      Peress li d-distorsjonijiet possibbli li jirriżultaw mid-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali ma jaqgħux taħt l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dsipożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu, huwa konċepibbli li persuna, li bbenefikat mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu, tiġi ttrattata fi Stat Membru b’mod inqas favorevoli mill-perspettiva fiskali, minħabba s-sempliċi raġuni li hija suġġetta għall-awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, tali sitwazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata, minn naħa, bħala li tikkostitwixxi fiha nnfisha diskriminazzjoni bi ħsara għal din il-persuna u, min-naħa l-oħra, bħala restizzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tad-dritt ta’ moviment liberu.

33      Ir-Repubblika tal-Ungerija tenfassizza, f’dan ir-rigward, li l-kompetenza fiskali tal-Istati Membri tirrigwarda mhux biss id-determinazzjoni tal-piż fiskali, iżda wkoll l-għoti ta’ vantaġġi. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni kkontestata tkun konformi mal-prinċipju ta’ territorjalità u ma tiksirx id-dritt tal-Unjoni.

34      Il-limitazzjoni possibbli tal-libertajiet fundamentali f’din l-ipoteżi tkun, skont ir-Repubblika tal-Ungerija, konsegwenza neċessarja tat-tqassim territorjali tal-kompetenza fiskali tal-Istati Membri. Issa, iż-żamma ta’ tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ taxxa bejn l-Istati Membri tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw tali limitazzjonijiet.

35      Sussidjarjament, dan l-Istat Membru, billi jinvoka ġurisprudenza stabbilita (ara s-sentenzi Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq, tat-28 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-300/90, Ġabra p. I-305, Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, Keller Holding, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569), jikkunsidra li s-sistema ta’ taxxa kkontestata hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw il-koerenza tas-sistema fiskali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat tali ġustifikazzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-għoti tal-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-piż fiskali korrispondenti u min-naħa l-oħra, li dan il-vantaġġ u dan il-piż jirrigwardaw l-istess persuna u l-istess taxxa. Fil-kawża preżenti, ir-Repubblika tal-Ungerija ssostni li teżisti rabta ta’ tali natura b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li huma biss il-persuni li diġà akkwistaw beni immobbli fuq it-territorju Ungeriż li jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali kontenzjuż waqt l-akkwist ta’ beni immobbli fl-Ungerija. Għaldaqstant, ma jistax jiġi nnegat li dan il-vantaġġ fiskali u l-piż fiskali korrispondenti jirrigwardaw l-istess persuna u jaqgħu taħt il-kuntest tal-istess taxxa.

36      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Ungerija tiċħad l-argument imressaq mill-Kummissjoni li jipprovdi li l-leġiżlazzjoni kkontestatata hija intiża biss li jiġi evitat tnaqqis tad-dħul tal-Istat. L-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni huwa intiż li b’xi mod kull akkwist immobbli fl-Ungerija jkun suġġett mill-inqas darba għat-taxxa kkontestata fuq il-valur fis-suq ta’ beni akkwistat, billi jiġi evitat li r-riżorsi suġġetti għat-taxxa waqt l-ewwel akkwist ma jiġux suġġetti għaliha sussegwentement. Din hija totalità koerenti inseperabbli mill-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ territorjalità.

37      Fl-aħħar nett, dan l-Istat Membru jsostni li l-estensjoni ta’ dan il-vantaġġ fiskali fuq il-beni immobbli barranin fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni kkontestata timplika problemi prattiċi ta’ tali gravità li jostakolaw lis-sistema milli tiffunzjona u ma tippermettix li jiġi evitat l-abbuż eventwali.

38      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Ungerija tfakkar, fil-kontroreplika tagħha, li mir-rikors tal-Kummissjoni jirriżulta li din tikkontesta l-leġiżlazzjoni Ungeriża sa fejn din tillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ libertà ta’ stabbiliment tal-persuni li jixtiequ jittrasferixxu l-post ta’ residenza prinċipali tagħhom fl-Ungerija fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ libertà ta’ stabbiliment. Kieku l-Kummissjoni xtaqet teżamina l-leġiżlazzjoni kkontestata billi ma tikkunsidrax ix-xiri ta’ beni bħala investiment mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-bidliet ta’ residenza jew ta’ domiċilju fiskali, għandu jitqies li hija għamlet dan taħt il-perspettiva tal-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE.

39      Madankollu, peress li hija ma tevokax din il-libertà fundamentali, iżda biss il-moviment liberu tal-persuni, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors jipprevedi biss is-sitwazzjonijiet li fihom persuna, li qed teżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tagħha, titrasferixxi r-residenza tagħha fl-Ungerija. Minn dan, l-Istat Membru jikkonkludi b’hekk li l-bidla fil-post ta’ residenza u ta’ domiċilju fiskali tiġġustifika distinzjoni bejn il-persuni li jakkwistaw għall-ewwel darba residenza fl-Ungerija u dawk li jakkwistaw residenza ġdida fl-Ungerija minflok ir-residenza preċedenti tagħhom li tinsab f’dan l-Istat Membru.

40      Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Ungerija, billi tinvoka insostenn tar-raġunament tagħha, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Block (C-67/08, Ġabra p. I-883), issostni li ma jeżistix l-obbligu, għal Stat Membru, li jieħu inkunsiderazzjoni l-valur kummerċjali ta’ residenza li tinsab fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Qabel kollox, għandu jitfakkar li ma hemmx qbil bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Ungerija fir-rigward tal-kwalifikazzjoni tat-taxxa kontenzjuża bħala taxxa diretta jew indiretta.

42      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-punt sabiex isir magħruf jekk, fil-kawża preżenti, l-imsemmija taxxa tikkostitwixxix taxxa diretta jew indiretta, din ma kinitx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea u għaldaqstant taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri li għandhom, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza għad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-fiskalità diretta, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, Ġabra p. I-2229, punt 21; tal-20 ta’ Jannar 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-155/09, Ġabra p. 1-0065 punt 39, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-10/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 23).

43      Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali relatati mal-intaxxar tat-trasferimenti tal-beni immobbli bi ħlas, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 2(2) u 21(5) tal-liġi dwar it-taxxi, jikkostitwixxux restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-persuni u l-libertà ta’ stabbiliment stabbiliti fl-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE, u kif ukoll fl-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE.

 Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat

44      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18 KE, li jsemmi b’mod ġenerali d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, huwa applikat b’mod speċifiku fl-Artikolu 39 KE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema u fl-Artikolu 43 KE fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-345/05, Ġabra p. I-10633, punt 13; tat-18 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C-104/06, Ġabra p. I-671, punt 15; tas-17 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-152/05, Ġabra p. I-39, punt 18, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

45      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi eżaminata qabel kollox is-sistema fiskali inkwistjoni fid-dawl tal-Artikoli 39 KE u 43 KE, qabel ma tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 18 KE, għall-persuni li jittrasferixxu ruħhom minn Stat Membru għal ieħor, bl-għan li jistabbilixxu ruħhom fih għal raġunijiet mhux marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

–       Fuq l-eżistenza tar-restrizzjonijiet għall-Artikoli 39 KE u 43 KE

46      Id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni għandhom il-għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju kollu ta’ din tal-aħħar u ma jippermettux miżuri li jistgħu jqiegħdu lil dawn iċ-ċittadini fi żvantaġġ meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-464/02, Ġabra p. I-7929, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 15, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, punt 17; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 21, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 43).

47      Il-libertà ta’ stabbiliment rikonoxxuta liċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tinkludi b’mod partikolari l-aċċess għall-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 13, u tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-47/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 79, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-161/07, Ġabra p. I-10671, punt 27). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi lil kull Stat Membru milli jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, fuq kull persuna li tagħmel użu tal-libertà tagħha li tistabbilixxi ruħha hemm, kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet differenti minn dawk stabbiliti għaċ-ċittadini tiegħu stess (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 28, u tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 79).

48      Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża, minħabba d-differenza fit-trattament fiskali li hija tistabbilixxi bejn il-persuni taxxabbli, barranin jew Ungeriżi, li jbigħu beni li jinsab fuq it-territorju Ungeriż, u l-persuni taxxabbli li jbigħu beni li jinsab barra minn dan it-territorju, hija diskriminatorja u tiddiswadi lil dawn tal-aħħar milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ libertà ta’ stabbiliment.

49      Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-diskriminazzjoni tirriżulta minħabba t-trattament fiskali inqas favorevoli ta’ trasferimenti ta’ domiċilju minn Stat Membru ieħor barra r-Repubblika tal-Ungerija lejn dan l-Istat meta mqabbla ma’ trasferimenti ta’ domiċilju fi ħdan it-territorju Ungeriż, billi tikkunsidra li, essenzjalment, minħabba l-prinċipju ta’ ugwaljanza fiskali, l-ewwel sitwazzjoni li fiha element transkonfinali, għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħat-tieni u għandha tagħti dritt għall-vantaġġ fiskali kkontestat.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, diskriminazzjoni tista’ biss tinbet mill-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew inkella mill-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30; tat-22 ta’ Marzu 2007, Talotta, tat-22 ta’ Marzu 2007, Talotta, C-383/05, Ġabra p. I-2555, punt 18, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters-Lakebrink, C-182/06, Ġabra p. I-6705, punt 27).

51      Għaldaqstant, differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli tista’ tiġi kkwalifikata bħala diskriminazzjoni fis-sens tat-Trattat, peress li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn il-kategoriji ta’ persuni taxxabbli huma simili fir-rigward tar-regoli fiskali inkwistjoni.

52      Isegwi li, f’din il-kawża, ir-Repubblika tal-Ungerija ma hijiex obbligata tagħti l-vantaġġ fiskali inkwistjoni lil persuni taxxabbli li jbigħu l-beni immobbli barra t-territorju ta’ dan l-Istat Membru biss jekk is-sitwazzjoni tagħhom titqies bħala oġġettivament paragunabbli, fil-kuntest tat-taxxa fuq it-trasferiment tal-proprjetà inkwistjoni, mas-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli li tbigħ beni li jinsab fi ħdan territorju Ungeriż.

53      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Ungerija ma taqbilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni, u tinnota n-nuqqas ta’ paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet. Dan l-Istat Membru jafferma li huwa possibbli li tiġi eskluża l-estensjoni tal-għoti ta’ vantaġġ fiskali kontenzjuża lill-beni li għalihom tħallset jew kellha titħallas taxxa fi Stat Membru ieħor jekk dan kellu tali taxxa pubblika. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kkontestata testendi, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura ta’ din it-taxxa pubblika, fuq il-beni immobiljari li jinsabu fl-Ungerija, peress li l-persuni li qatt qabel ma xtraw beni immobbli f’dan l-Istat Membru u dawk li għandhom diġà tali beni ma humiex għaldaqstant f’sitwazzjonijiet paragunabbli, fis-sens li l-fatt li meta jiġu applikati regoli differenti għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni, dan ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni fis-sens tat-Trattat.

54      Madankollu, din l-argumentazzjoni ma tistax tiġi milqugħa.

55      Fil-fatt, huwa ċertament minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tat-taxxi diretti, is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti fi Stat ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jiġu pparagunati sa fejn id-dħul li tirċievi persuna mhux residenti fit-territorju ta’ Stat, ħafna drabi, jikkostitwixxi biss parti mid-dħul globali tagħha, iċċentralizzat fil-post tar-residenza tagħha, u li l-kapaċità personali ta’ persuna mhux residenti li tħallas it-taxxa, li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista’ tiġi evalwata iktar faċilment fil-post fejn għandha ċ-ċentru tal-interessi personali u finanzjarji tagħha, u dan ġeneralment jikkorrispondi għall-post tar-residenza abitwali tagħha (sentenzi Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32; tal-14 ta’ Settembru 1999, Gschwind, C-391/97, Ġabra p. I-5451, punt 22, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2004, Wallentin, C-169/03, Ġabra p. I-6443, punt 15).

56      Barra minn hekk, il-fatt li Stat Membru ma jagħtix, lil persuna mhux residenti, ċerti vantaġġi fiskali li jagħti lil persuna residenti ma huwiex, bħala regola ġenerali, diskriminatorju, u dan fid-dawl tad-differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti, kemm mill-aspett tas-sors tad-dħul tagħhom, kif ukoll mill-aspett tal-kapaċità personali tagħhom li jħallsu t-taxxa jew mill-aspett tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom (sentenzi Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; Gschwind, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse, C-234/01, Ġabra p. I-5933, punt 44, u Wallentin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

57      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ ġurisprudenza li tirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul, li huwa qasam li fih differenzi oġġettivi bejn il-persuni taxxabbli, bħas-sors tad-dħul, il-kapaċità kontributtiva personali jew is-sitwazzjoni personali u familjali, jistgħu jkollhom influwenza fuq l-intaxxar tal-persuna taxxabbli, u ġeneralment jittieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur. Issa, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tat-taxxa kkontestata, li hija stabbilita fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ tal-beni immobbli. Barra minn hekk, minn l-ebda element tal-proċess ma jirriżulta li r-Repubblika tal-Ungerija allegat li l-konsegwenzi personali tal-persuna taxxabbli jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt il-ħlas tal-imsemmija taxxa.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tat-taxxa kontenzjuża, l-unika differenza bejn is-sitwazzjoni tal-persuni mhux residenti fl-Ungerija, inklużi ċ-ċittadini Ungeriżi li għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, u dawk resident fl-Ungerija, ċittadini Ungeriżi jew ta’ Stat Membru ieħor, li jakkwistaw residenza prinċipali ġdida f’dan l-Istat Membru, tirrigwarda l-post tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, dawn il-persuni kienu xtraw beni immobbli fl-Ungerija sabiex jistabbilixxu ruħhom, u, meta xtraw ir-residenza prinċipali preċedenti tagħhom, wieħed kien ħallas taxxa tal-istess natura tat-taxxa kontenzjuża fl-Istat li fih kienet tinsab din ir-residenza, filwaqt li l-oħrajn kienu ħallsu l-imsemmija taxxa fl-Ungerija.

59      F’tali ċirkustanzi, jekk jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ japplika liberament trattament differenti għas-sempliċi fatt li l-ewwel residenza prinċipali ta’ ċittadin tal-Unjoni tinsab fi Stat Membru ieħor, ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-persuni ma jkollhomx iktar skop (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 18, u tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 42, kif ukoll tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C-418/07, Ġabra p. I-8947, punt 26).

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, il-persuni li jbiddlu l-post tar-residenza prinċipali tagħhom fi ħdan l-Unjoni u ż-ŻEE, kemm jekk din il-bidla sseħħ fi ħdan it-territorju Ungeriż kemm jekk titwettaq mill-Istat Membru fejn kienet tinsab r-residenza preċedenti lejn l-Ungerija, huma f’sitwazzjoni paragunabbli.

61      Peress li dan ġie kkonstatat, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, il-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni Komunitarja ma’ sitwazzjoni purament interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Papillion, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

62      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li, fil-kawża preżenti, l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa li tissuġġetta kull akkwist immobbli għall-ħlas ta’ taxxa fejn il-bażi ta’ stima tikkonstisti fil-valur fis-suq sħiħ tal-beni akkwistat, billi jiġi evitat li r-riżorsi ġġenerati mit-taxxa waqt l-akkwist tal-beni immobbli mibjugħa ma jerġgħux jinġabru waqt akkwist sussegwenti.

63      Issa, fir-rigward tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet, dan l-għan li jikkonsisti fl-intaxxar tal-kapital investit għall-akkwist ta’ beni immobiljari darba biss jista’, bħala prinċipju, jintlaħaq fil-każ fejn il-beni immobbli mibjugħa tinsab fuq it-territorju Ungeriż u mhux fil-każ fejn tkun tinsab fuq it-territorju ta’ Stat Membru.

64      Fid-dawl tal-għan tal-liġi dwar it-taxxi, dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet huma għaldaqstant oġġettivament paragunabbli.

65      Konsegwentement, is-sistema fiskali kkontestata tistabbilixxi nuqqas ta’ ugwaljanza ta’ trattament minħabba l-post fejn jinsab il-beni immobbli mibjugħa.

66      Fir-rigward tal-effett dissważiv tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, allegat mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, hekk kif tfakkar iktar ’il fuq, billi tirrifjuta l-għoti tal-vantaġġ fiskali kkontestat lill-persuni li jakkwistaw fl-Ungerija beni immobbli intiż li jsir ir-residenza prinċipali tagħhom filwaqt li biegħu, jew qegħdin ibigħu r-residenza prinċipali preċedenti tagħhom li tinsab fi Stat Membru ieħor, din il-leġiżlazzjoni twassal sabiex xi persuni jbatu piż fiskali ikbar minn dawk li jibbenefikaw mill-imsemmi vantaġġ.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li l-leġiżlazzjoni kkontestata tista’ f’ċerti każijiet, tiddiswadi lill-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (u ta’ libertà ta’ stabbilliment) li jirriżultaw mill-Artikoli 39 KE u 43 KE, milli jakkwistaw residenza fl-Ungerija.

68      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn jisfavorixxu, fuq il-livell ta’ taxxa fuq l-akkwist tal-beni immobbiljari, lill-persuni li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fl-Ungerija billi jixtru beni immobbli hemmhekk meta mqabbla ma’ persuni li jiċċaqalqu minn post għal ieħor f’dan l-Istat Membru, billi ma jippermettux lil dawk ta’ qabel jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni waqt ix-xiri ta’ beni immobbli, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 2(2) u 21(5) tal-liġi dwar it-taxxa jikkostitwixxu restrizzjoni tal-moviment liberu tal-persuni stabbilita fl-Artikoli 39 KE u 43 KE.

–       Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet

69      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu madankollu jiġu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu l-għan tagħhom, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

70      B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament eżistenti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari l-ħtieġa tas-salvagwardja tal-koerenza tas-sistema fiskali.

71      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-koeżjoni ta’ sistema tat-taxxa tista’ tiġġustifika regoli ta’ natura li jillimitaw il-libertajiet fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, C-157/07, Ġabra p. I-8061, punt 43, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 77).

72      Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din jista’ jirnexxi, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-ikkumpensar ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 68, u Amurta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema stabbilita mil-liġi dwar it-taxxa hija bbażata fuq l-idea li min jakkwista beni immobbli li jinsab fl-Ungerija, għal skopijiet tar-residenza prinċipali tiegħu, li jbigħ ir-residenza preċedenti tiegħu li tinsab ukoll f’dan l-Istat, fit-terminu previst mil-liġi, għandu jħallas taxxa mhux fuq il-valur totali tal-beni mixtri, iżda biss fuq id-differenza bejn il-valur fis-suq tal-beni mixtri u dak tal-beni mibjugħ. B’hekk, huma intaxxati biss parti mir-riżorsi investiti għall-akkwist ta’ patrimonju li għadu ma ġiex suġġett għat-taxxa.

74      Min-naħa l-oħra, meta l-beni mibjugħ jkun jinsab fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Ungerija, din tal-aħħar ma jkollha ebda dritt ta’ intaxxar fuq it-tranżazzjoni li tkun saret, fl-ewwel Stat Membru, mill-persuna li tiddeċiedi li takkwista, fl-Ungerija, beni immobbli għal skopijiet tar-residenza prinċipali tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi tipprovdi li jistgħu biss jibbenefikaw minn dan il-vantaġġ fiskali, waqt l-akkwist ta’ tali proprjetà, il-persuni li diġà ħallsu t-taxxa kontenzjuża meta jixtru beni simili, il-konfigurazzjoni tal-imsemmi vantaġġ fiskali tirrefletti loġika simmetrika fis-sens tal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

75      Fil-fatt, jekk il-persuni taxxabbli li ma ħallsux l-imsemmija taxxa qabel, abbażi tas-sistema fiskali kontenzjuża, setgħu jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali kkonċernat, huma jieħdu vantaġġ indebitu minn intaxxar li ma japplikax għall-akkwist preċedenti tagħhom li seħħ barra mit-territorju Ungeriż.

76      Isegwi li, fl-imsemmija sistema, teżisti rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali mogħti u l-ġbir inizjali. Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmi vantaġġ u l-piż fiskali jikkonċernaw l-istess persuna u, min-naħa l-oħra, jaqgħu fil-kuntest tal-istess taxxa.

77      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tal-identità tat-taxxa u tal-persuna taxxabbli huma kkunsidrati bħala suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 58; tat-18 ta’ Settembru 2003, Bosal, C-168/01, Ġabra p. I-9409, punti 29 u 30, kif ukoll Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). Barra minn hekk, għandu jiġi enfassizzat li l-Kummissjoni ma kkontestatx b’mod espliċitu l-fatt li l-vantaġġ fiskali inkwistjoni jingħata lill-istess persuna taxxabbli fil-kuntest tal-istess taxxa.

78      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-restrizzjoni li tirriżulta mill-Artikoli 2(2) u 21(5) tal-liġi dwar it-taxxa hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali.

79      Madankollu, sabiex ir-restrizzjoni tkun iġġustifikata abbażi ta’ dan, għandha tkun, hekk kif tfakkar fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, adattata u proprozjonata fid-dawl tal-għan segwit.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-restrizzjoni inkwistjoni hija, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, adattata sabiex jintlaħaq tali għan sakemm hija topera b’mod simmetriku, fejn hija biss id-differenza bejn il-valur tal-beni immobbli mibjugħ li jinsab fl-Ungerija u l-valur tal-beni immobbli akkwistat li jista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sistema fiskali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

81      Barra minn hekk, l-imsemmija restrizzjoni hija proporzjonata fil-konfront tal-għan previst. Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija b’mod partikolari li jiġi evitat, waqt l-akkwist ta’ residenza prinċipali oħra fl-Ungerija, l-intaxxar doppju tal-kapital investit għax-xiri tar-residenza preċedenti li sadattant reġgħet inbiegħet. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Ungerija ma tiddisponi minn l-ebda setgħa ta’ intaxxar fuq it-tranżazzjonijiet immobbiljari mwettqa fl-Istati Membri l-oħra.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali tranżazzjonijiet għall-finijiet li titnaqqas il-bażi ta’ stima tat-taxxa inkwistjoni jwassal sabiex dawn it-tranżazzjonijiet tal-aħħar jiġu trattati bħala li diġà ġew suġġetti għat-taxxa kkontestata, minkejja li dan ma kienx il-każ. Din is-sitwazzjoni tkun kuntrarja għall-għan imsemmija ta’ ħelsien mit-taxxa doppja fid-dawl tas-sistema fiskali Ungeriża.

83      Għalkemm huwa minnu li t-tranżazzjonijiet immobbiljari mwettqa fi Stati Membri oħra wkoll setgħu ġew intaxxati abbażi ta’ taxxi simili, jew anki identiċi għal dik inkwistjoni, madankollu, xorta għandu jiġi kkonstatat li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt fiskali tal-Unjoni, l-Istati Membri jibbenefikaw, dment li josservaw id-dritt Unjoni, minn ċerta awtonomija fil-qasam fiskali u li, għalhekk, ma humiex obbligati jadattaw is-sistema fiskali tagħhom għal sistemi differenti ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri l-oħra, sabiex, b’mod partikolari, titneħħa t-taxxa doppja (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C-298/05, Ġabra p. I-10451, punt 51, u tat-12 ta’ Frar 2009, Block, C-67/08, Ġabra p. I-883, punt 31).

84      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt li, minħabba l-mod li bih tiġi kkalkolata l-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-patrimonju, il-persuna taxabbli tista’ tiġi eżentata mill-ħlas ta’ din it-taxxa waqt l-akkwist sussegwenti ta’ beni immobbli li jinsab fl-Ungerija. Fil-fatt, meta l-valur tat-tieni beni immobbli akkwistat huwa inqas minn dak tal-beni mibjugħ, il-kapital investit waqt dan it-tieni akkwist għaldaqstant ma huwiex suġġett għal taxxa, peress li l-persuna taxxabbli ma għandha dritt għal ebda tnaqqis ta’ parti tat-taxxa mħallsa waqt l-ewwel akkwist. Tali mekkaniżmu jippermetti li s-sistema inkwistjoni tikkostitwixxi vantaġġ u mhux eżenzjoni moħbija għall-benefiċċju tar-residenti Ungeriżi biss.

85      Isegwi li r-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-persuni u l-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet intiżi għas-salvagwardja tal-koerenza tas-sistema fiskali.

–       Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-Artikolu 18 KE

86      Fir-rigward tal-persuni li ma humiex residenti fl-Ungerija u li ma jeżerċitawx attività ekonomika hemmhekk, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti residenti għall-fatt biss li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ libertà ta’ moviment u residenza fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 39; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 31, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C-11/06 u C-12/06, Ġabra p. I-9161, punt 25).

87      Fil-kawża preżenti, ma jistax jiġi nnegat b’mod validu li l-esklużjoni tal-benefiċċju tat-tnaqqis tal-bażi ta’ stima tat-taxxa tal-persuni li jiċċaqalqu fl-intern tal-Unjoni għal raġunijiet mhux marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika tista’, f’ċerti każijiet, tkun ta’ natura li tiddiswadi lil dawn il-persuni milli jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-imsemmi Artikolu 18 KE.

88      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, biss jekk din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u minn jekk hijiex proporzjonata mal-għan leġittimu segwit mid-dritt nazzjonali (ara-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq, De Cuyper, punt 40; Tas-Hagen u Tas, punt 33, kif ukoll Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istess konklużjoni bħal dik mogħtija fil-punti 69 sa 8 ta’ din is-sentenza għall-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni fil-konfront tal-Artikoli 39 KE u 43 KE tapplika għall-istess raġunijiet fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 KE (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-522/04, Ġabra p. I-5701, punt 72; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

 Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE

90      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-Repubblika tal-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment, rispettivament.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-regoli li jipprojbixxu r-restrizzjonijiet għal-libertà tal-moviment u għal-libertà ta’ stabbiliment imsemmija fl-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim taż-ŻEE huma identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 39 KE u 43 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-moviment liberu tal-persuni u tal-libertà ta’ stabbiliment għandhom jiġu ddikjarati infondati.

93      Peress li ebda wieħed mill-ilmenti ma ntlaqa’, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

94      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-Repubblika tal-Ungerija.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.