Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

31.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/28


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tal-Appell (Diviżjoni Ċivili) fis-26 ta’ Mejju 2010 — Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs The Rank Group PLC

(Kawża C-259/10)

()

2010/C 209/39

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal (Civil Division) (England & Wales)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Konvenuta: The Rank Group PLC

Domandi preliminari

(1)

Fejn hemm trattament differenti tal-VAT:

(i)

fil-każ ta’ provvisti li mill-perspettiva tal-konsumatur huma identiċi; jew

(ii)

fil-każ ta’ provvisti simili li jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur; dan fih innifsu huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju tan-newtralità fiskali jew huwa rilevanti li jiġi kkunsidrat (u, jekk iva, kif)

(a)

il-kuntest regolatorju u ekonomiku;

(b)

jekk hemmx kompetizzjoni jew le bejn is-servizzi identiċi jew, skont il-każ, is-servizzi simili inkwistjoni; u/jew

(c)

jekk it-trattament differenti tal-VAT ikkawżax distorzjoni tal-kompetizzjoni?

(2)

Persuna taxxabbli, li l-provvisti tagħha huma, skont il-liġi nazzjonali, suġġetti għall-VAT (minħabba l-eżerċizzju ta’ Stat Membru tad-diskrezzjoni tiegħu skont l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva (1)) hija intitolata titlob il-ħlas lura tal-VAT imħallsa fuq dawk il-provvisti fuq il-bażi ta’ ksur tal-prinċipju tan-newtralità fiskali li tirriżulta mit-trattament tal-VAT ta’ provvisti oħra (“comparator supplies”) fejn: -

(a)

skont il-liġi nazzjonali, comparator supplies kienu suġġetti għall-VAT iżda

(b)

l-awtorità tat-taxxa tal-Istat Membru kella l-prassi li titratta lill-comparator supplies bħala eżenti mill-VAT?

(3)

Jekk ir-risposta għad-domanda 2 hija fl-affermattiv, x’kondotta tammonta għal prassi rilevanti, u b’mod partikolari:

(a)

huwa neċessarju li l-awtorità tat-taxxa għamlet dikjarazzjoni ċara u inekwivoka li comparator supplies jiġu trattati bħala eżenti mill-VAT;

(b)

huwa rilevanti li fiż-żmien meta l-awtorità tat-taxxa għamlet xi dikjarazzjoni kellha fehma mhux kompluta jew skorretta tal-fatti rilevanti għat-trattament korrett tal-VAT tal-comparator supplies; u

(c)

huwa rilevanti li l-VAT ma nġabritx mill-persuna taxxabbli, jew mitluba mill-awtorità tat-taxxa, fir-rigward tal-comparator supplies, iżda li l-awtorità tat-taxxa sussegwentement ippruvat tirkupra dik il-VAT, fit-termini normali ta’ żmien preskritti domestikament?

(4)

Jekk id-differenza fit-trattament fiskali tirriżulta minn prassi konsistenti tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali bbażati fuq qbil ġenerali tat-tifsira vera tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tagħmel xi differenza għall-eżistenza tal-ksur tal-prinċipju tan-newtralità fiskali jekk:

(i)

l-awtoritajiet tat-taxxa sussegwentement ibiddlu l-prassi tagħhom;

(ii)

qorti nazzjonali sussegwentement tiddeċiedi li l-prassi ġdida tirrefletti t-tifsira korretta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(iii)

l-Istat Membru huwa prekluż mill-prinċipji ta’ liġi nazzjonali u/jew Ewropea, inklużi aspettattiva leġittima, estoppel, ċertezza legali u non retroattività, u/jew minn perijodu ta’ preskrizzjoni milli tinġabar il-VAT fuq il-provvisti meqjusa preċedentement bħala eżenti?


(1)  Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23)