Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

15.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-14 ta’ Ottubru 2010 — X NV vs Staatssecretaris van Financiën

(Kawża C-498/10)

()

2011/C 13/33

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: X NV

Konvenuta: Staatssecretaris van Financiën

Domandi preliminari

(1)

Għandu l-Artikolu 56 TFUE jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jekk il-benefiċjarju ta’ servizz, ipprovdut minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, ikun obbligat taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn il-benefiċjarju jkun stabbilit u fejn is-servizz jiġi pprovdut, li jżomm taxxa fuq ir-remunerazzjoni dovuta fuq dan is-servizz, meta dan l-obbligu li tinżamm it-taxxa ma jkunx jeżisti fir-rigward ta’ fornitur li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru tal-benefiċjarju?

2(a)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda għandha l-effett li leġiżlazzjoni li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ taxxa minn benefiċjarju ta’ servizz tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tista’ tali restrizzjoni tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat li t-taxxi jiġu imposti u miġbura mingħand kumpanniji barranin li jkunu għal żmien qasir fil-Pajjiżi l-Baxxi u li l-kontroll tagħhom huwa diffiċli, bir-riżultat li l-eżekuzzjoni tas-setgħat tal-impożizzjoni ta’ taxxa mogħtija lill-Pajjiżi l-Baxxi ssir problematika?

2(b)

F’dan il-każ, huwa rilevanti l-fatt li l-leġiżlazzjoni ġiet emendata iktar tard għal sitwazzjonijiet bħalma hija dik ineżami, fis-sens li kien hemm, b’mod unilaterali, rinunzja għat-taxxa peress li rriżulta li din ma setgħetx tiġi applikata b’mod sempliċi u effiċjenti?

(3)

Ir-regola teċċedi dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-opportunitajiet ta’ għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ taxxi pprovduti b’mod partikolari mid-Direttiva 76/308/KEE? (1)

(4)

Sabiex tingħata risposta għad-domandi preċedenti, huwa rilevanti l-fatt li jista’ jkun hemm tpaċija tat-taxxa dovuta fuq ir-remunerazzjoni fl-Istat Membru fejn il-benefiċjarju ta’ servizz ikun stabbilit ma’ taxxa dovuta fuq din ir-remunerazzjoni fl-Istat Membru l-ieħor?


(1)  Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 44).