Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

16.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fid-19 ta’ Marzu 2012 — Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona vs Generalidad de Cataluña

(Kawża C-139/12)

2012/C 174/24

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona.

Konvenut: Generalidad de Cataluña.

Domandi preliminari

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 77/388 (1), tas-17 ta’ Mejju 1977 (attwalment id-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006), timponi, fl-Artikolu 13B(d)(5) tagħha, l-issuġġettar għall-VAT, mingħajr eżenzjoni, tal-operazzjonijiet li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ azzjonijiet imwettaq minn persuna taxxabbli, li jinvolvu l-akkwist tal-proprjetà ta’ beni immobbli, fid-dawl tal-eċċezzjoni li din tipprevedi fir-rigward tas-sigurtajiet li l-pussess tagħhom jiżgura de jure jew de facto l-għoti fi proprjetà jew fi użufrutt ta’ beni immobbli jew ta’ parti minn beni immobbli?

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 77/388, tas-17 ta’ Mejju 1977, tippermetti l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet, bħall-Artikolu 108 tal-Liġi Spanjola 24/1988 dwar is-suq tat-titoli, li tissuġġetta l-akkwist tal-maġġoranza tal-kapital tal-kumpannija, li l-attiv tagħha huwa essenzjalment magħmul minn immobbli, għal taxxa indiretta separata mill-VAT, imsejħa “taxxa fuq it-trasferimenti patrimonjali”, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-eventwali status ta’ impriża tal-parteċipanti fl-operazzjoni u, għaldaqstant, mingħajr ma jiġi eskluż il-każ fejn, kieku kien hemm trasferiment dirett ta’ immobbli u mhux ta’ azzjonijiet, l-operazzjoni kienet tkun suġġetta għall-VAT?

(3)

Dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 108 tal-Liġi Spanjola dwar is-suq tat-titoli, tat-28 ta’ Lulju 1988, kif emendata bit-tnax-il dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 18/1991, li tintaxxa l-akkwist tal-maġġoranza tal-kapital ta’ kumpanniji, li l-attiv tagħhom huwa essenzjalment magħmul minn beni immobbli li jinsabu fi Spanja, mingħajr ma tippermetti li tiġi prodotta l-prova li l-kumpannija li jittieħed il-kontroll tagħha teżerċità attività ekonomika, hija kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 43 TKE (attwalment l-Artikolu 49 TFUE) u mal-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikolu 56 TKE (attwalment l-Artikolu 63 TFUE)?


(1)  tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).