Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

12.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/31


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fis-17 ta’ Ottubru 2012 — ATP PensionService A/S vs Skatteministeriet

(Kawża C-464/12)

2013/C 9/52

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ATP PensionService A/S.

Konvenuta: Skatteministeriet.

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1997, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fondi ta’ pensjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandhom il-karatteristiċi segwenti jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri” meta l-Istat Membru jqis bħala fondi speċjali ta’ investiment il-korpi msemmija fil-punt 2 tad-deċiżjoni tar-rinviju:

(a)

il-qligħ riċevut mill-impjegat (l-imsieħeb) jiddependi mill-qligħ mill-investimenti mwettqa mill-fond ta’ pensjoni,

(b)

il-persuna li timpjega ma hijiex obbligata tħallas kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali sabiex l-imsieħeb jiġi ggarantit qligħ iddeterminat,

(c)

il-fond ta’ pensjoni jinvesti t-tfaddil b’mod kollettiv skont il-prinċipju tat-tqassim tar-riskji,

(d)

il-parti l-kbira tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa lill-fond ta’ pensjoni tirriżulta minn ftehim kollettivi bejn l-organizzazzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw u s-sindakati (imsieħba soċjali) li jirrappreżentaw lill-impjegati differenti u lill-persuni li jimpjegaw u mhux minn ftehim konklużi fuq il-bażi individwali mal-impjegati,

(e)

l-impjegat jista’ jiddeċiedi fuq bażi individwali li jħallas kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali lill-fond ta’ pensjoni,

(f)

il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, il-persuni li jimpjegaw u l-membri tat-tmexxija jistgħu jagħżlu li jħallsu kontribuzzjonijiet lill-fond ta’ pensjoni,

(g)

parti ddefinita minn qabel tat-tfaddil għall-pensjoni tal-impjegati li hija s-suġġett tal-ftehim kollettiv hija użata biex jinxtara vitalizju,

(h)

l-ispejjeż tal-fond ta’ pensjoni jitħallsu mill-imsieħba tiegħu,

(i)

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-fond ta’ pensjoni huma eżenti, sa ċerti limiti abbażi tal-valur, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul,

(j)

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lil pjan ta’ tfaddil għall-pensjoni individwali, b’mod partikolari dak miftuħ ma’ stabbiliment finanzjarju, li l-fondi tiegħu jistgħu jiġu investiti f’fondi speċjali ta’ investiment, huma eżenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul bl-istess mod bħal f’(i),

(k)

id-dritt għall-eżenzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija f’(i) jikkorrispondi għat-tassazzjoni tal-pagamenti lill-imsieħba,

(l)

it-tfaddil għandu bħala regola ġenerali jingħata lura wara li tintlaħaq l-età tal-pensjoni?

(2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “maniġġjar” ikopri provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju)?

(3)

Provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda kontribuzzjonijiet lil fond ta’ pensjoni (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju) għandha titqies, abbażi tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva, bħala provvista ta’ servizzi waħda jew bħala diversi provvisti distinti li għandhom jiġu evalwati b’mod indipendenti?

(4)

L-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva għandu jiġu interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni għat-tranżazzjonijiet relatati ma’ pagamenti jew ma’ trasferimenti tapplika għal provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda kontribuzzjonijiet finanzjarji lil fond ta’ pensjoni (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju)?

(5)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għar-raba’ domanda, l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni għat-tranżazzjonijiet relatati mad-depożiti ta’ fondi jew mal-kontijiet kurrenti, tapplika għal provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda l-kontribuzzjonijiet finanzjarji lil fond ta’ pensjoni (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju)?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.