Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

1.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 61/5


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-678/13)

2014/C 61/08

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Lozano Palacios u D. Milanowska, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, li meta applikat rata mnaqqsa ta’ VAT għall-provvisti:

ta’ tagħmir mediku, ta’ tagħmir awżiljarju u ta’ apparat ieħor li ma humiex maħsuba għall-użu personali u esklużiv minn persuni b’diżabbiltajiet u/jew li ma humiex normalment maħsuba sabiex itaffu jew jikkuraw diżabbiltajiet,

ta’ prodotti bħalma huma, b’mod partikolari, id-diżinfettanti, il-prodotti u preparazzjonijiet użati għall-prodotti farmaċewtiċi u l-prodotti ta’ spas, li la huma prodotti farmaċewtiċi normalment użati għall-kura tas-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u għat-trattament għal finijiet mediċi u veterinarji, u lanqas huma prodotti użati għall-finijiet ta’ kontraċezzjoni u ta’ protezzjoni iġenika,

elenkati fl-Anness 3 tal-Liġi Pollakka dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, [ustawa o podatku VAT] rigward l-apparat mediku, l-oġġetti mediċi jew il-prodotti farmaċewtiċi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 96 sa 98 tad-Direttiva dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (1), moqrija flimkien mal-Anness III ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja tapplika rata mnaqqsa ta’ VAT għal prodotti li ma jaqgħux taħt xi waħda mill-kategoriji ta’ prodotti elenkati fl-Anness III tad-Direttiva dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud. Dawn il-prodotti għall-kuntrarju għandhom jiġu ntaxxati bir-rata normali, sa fejn ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 98(2) ta’ din id-direttiva.

Skont il-Kummissjoni, il-prodotti kontenzjużi ma jistgħux jiġu kklassifikati la bħala prodotti farmaċewtiċi normalment użati għall-kura tas-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u għat-trattament għal finijiet mediċi u veterinarji, lanqas bħala tagħmir normalment maħsub sabiex itaffi jew jikkura d-diżabbiltajiet u maħsuba għall-użu personali u esklużiv tal-persuni b’diżabbiltà. Barra minn hekk, diversi kategoriji ta’ prodotti li jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ VAT skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk ma humiex ċari jew ma humiex iddefiniti b’mod preċiż, li jagħmilha impossibbli li jiġu speċifikati l-prodotti effettivament ikkonċernati.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ta’ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).