1.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 61/5 |
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-678/13)
2014/C 61/08
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Lozano Palacios u D. Milanowska, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tikkonstata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, li meta applikat rata mnaqqsa ta’ VAT għall-provvisti:
elenkati fl-Anness 3 tal-Liġi Pollakka dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, [ustawa o podatku VAT] rigward l-apparat mediku, l-oġġetti mediċi jew il-prodotti farmaċewtiċi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 96 sa 98 tad-Direttiva dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (1), moqrija flimkien mal-Anness III ta’ din id-direttiva; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja tapplika rata mnaqqsa ta’ VAT għal prodotti li ma jaqgħux taħt xi waħda mill-kategoriji ta’ prodotti elenkati fl-Anness III tad-Direttiva dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud. Dawn il-prodotti għall-kuntrarju għandhom jiġu ntaxxati bir-rata normali, sa fejn ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 98(2) ta’ din id-direttiva.
Skont il-Kummissjoni, il-prodotti kontenzjużi ma jistgħux jiġu kklassifikati la bħala prodotti farmaċewtiċi normalment użati għall-kura tas-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u għat-trattament għal finijiet mediċi u veterinarji, lanqas bħala tagħmir normalment maħsub sabiex itaffi jew jikkura d-diżabbiltajiet u maħsuba għall-użu personali u esklużiv tal-persuni b’diżabbiltà. Barra minn hekk, diversi kategoriji ta’ prodotti li jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ VAT skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk ma humiex ċari jew ma humiex iddefiniti b’mod preċiż, li jagħmilha impossibbli li jiġu speċifikati l-prodotti effettivament ikkonċernati.
(1) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ta’ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).