Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

25.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fil-25 ta’ Frar 2016 – N Luxembourg 1 vs Skatteministeriet

(Kawża C-115/16)

(2016/C 270/28)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: N Luxembourg 1

Konvenut: Skatteministeriet

Domandi preliminari

1.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/49/KE (1) moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija residenti fi Stat Membru li tkun koperta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva u, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, tirċievi interessi minn sussidjarja fi Stat Membru ieħor, hija s-“sid benefiċjarju” ta’ dawn l-interessi fis-sens tad-Direttiva?

1.1.

Il-kunċett ta’ “sid benefiċjarju” fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/49/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat skont il-kunċett korrispondenti fl-Artikolu 11 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD tal-1977?

1.2.

Jekk id-domanda 1.1 tingħata risposta fl-affermattiv, il-kunċett għandu f’dak il-każ jiġi interpretat biss fid-dawl tal-kummentarju dwar l-Artikolu 11 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD tal-1977 (paragrafu 8), jew jistgħu jiġu inkorporati kummentarji sussegwenti fl-interpretazzjoni, inklużi ż-żidiet magħmula fl-2003 rigward “kumpanniji conduit” (paragrafu 8.1, issa paragrafu 10.1) u ż-żidiet magħmula fl-2014 dwar “obbligi kuntrattwali jew legali” (paragrafu 10.2)?

1.3.

Jekk il-kummentarji tal-2003 jistgħu jiġu inkorporati fl-interpretazzjoni, hija f’dak il-każ kundizzjoni sabiex kumpannija titqies li ma hijiex “sid benefiċjarju” fis-sens tad-Direttiva 2003/49/KE li fil-fatt kien hemm allokazzjoni ta’ fondi lil dawk il-persuni li huma meqjusa mill-Istat li fih il-persuna li tħallas l-interessi hija residenti bħala “is-sidien benefiċjarji” tal-interessi inkwistjoni, u – jekk dan huwa l-każ – hija f’dak il-każ kundizzjoni oħra li l-mogħdija effettiva sseħħ f’punt qrib fiż-żmien għall-ħlas tal-interessi u/jew isseħħ bħala ħlas ta’ interessi?

1.3.1.

X’importanza għandu f’dan ir-rigward jekk kapital proprju jintuża għas-self, jekk l-interessi inkwistjoni jiddaħħlu fil-kapital (“inkorporati”), jekk ir-riċevitur tal-interessi sussegwentement ikun għamel trasferiment fi ħdan il-grupp lill-kumpannija omm tiegħu li hija residenti fl-istess Stat bl-għan li jiġi aġġustat id-dħul għal skopijiet ta’ taxxa taħt ir-regoli prevalenti fl-Istat inkwistjoni, jekk l-interessi inkwistjoni sussegwentement jiġu kkonvertiti f’kapital fil-kumpannija li tissellef, jekk ir-riċevitur tal-interessi kellu obbligu kuntrattwali jew legali li jgħaddi l-interessi lil persuna oħra, u jekk il-parti l-kbira tal-persuni meqjusa mill-Istat fejn il-persuna li qed tħallas l-interessi hija residenti bħala “is-sidien benefiċjarji” tal-interessi jkunu residenti fi Stati Membri oħrajn jew Stati oħrajn li magħhom id-Danimarka għanda konvenzjoni dwar it-taxxa doppja, b’tali mod li taħt il-leġiżlazzjoni Daniża dwar it-taxxa ma kienx ikun hemm bażi sabiex tinżamm taxxa f’ras il-għajn kieku dawk il-persuni kienu persuni li jsellfu u għalhekk irċevew l-interessi direttament?

1.4.

X’importanza għandu għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk ir-riċevitur tal-interessi għandux jitqies bħala “sid benefiċjarju” għall-finijiet tad-Direttiva jekk il-qorti tar-rinviju, wara evalwazzjoni tal-fatti tal-każ, tikkonkludi li r-riċevitur – mingħajr ma kien obbligat kuntrattwalment jew legalment li jgħaddi l-interessi rċevuti lil persuna oħra – ma kellux id-dritt “sħiħ” ta’ “użufrutt” fuq l-interessi kif imsemmi fil-Kummentarji tal-2014 fuq il-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-1977?

2.

L-invokazzjoni minn Stat Membru tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva fuq l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali għall-prevenzjoni tal-frodi u l-abbuż, jew fuq l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, tippreżupponi li l-Istat Membru inkwistjoni jkun adotta dispożizzjoni nazzjonali speċifika li timplementa l-Artikolu 5 tad-Direttiva, jew li d-dritt nazzjonali jinkludi dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali dwar il-frodi, l-abbuż u l-evażjoni fiskali li jistgħu jiġu interpretati skont l-Artikolu 5?

2.1

Jekk id-domanda 2 tingħata risposta fl-affermattiv, jista’ l-paragrafu 2(2)(d) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, li tipprovdi li r-responabbiltà limitata għat-taxxa fuq id-dħul mill-interessi ma tinkludix “interessi li huma eżenti mit-taxxa […] taħt id-Direttiva 2003/49/KE fuq sistema komuni ta’ taxxa applikabbli għall-pagamenti ta’ interessi u ta’ royalties magħmula bejn kumpanniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti”, għalhekk jitqies bħala dispożizzjoni nazzjonali speċifika kif imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva?

3.

Dispożizzjoni fi ftehim dwar it-taxxa doppja bejn żewġ Stati Membri u abbozzata skont il-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, skont liema t-tassazzjoni fuq l-interessi tiddependi fuq jekk ir-riċevitur tal-interessi jitqiesx li huwa s-sid benefiċjarju tal-interessi, hija dispożizzjoni konvenzjonali kontra l-abbuż koperta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva?

4.

Huwa abbuż, eċċ, taħt id-Direttiva 2003/49/KE jekk, fl-Istat Membru fejn min iħallas l-interessi huwa residenti, tnaqqis ta’ taxxa fuq l-interessi huwa awtorizzat, filwaqt li interessi fl-Istat Membru fejn ir-riċevitur tal-interessi huwa residenti ma humiex intaxxati?

5.

Stat Membru li ma jixtieqx jirrikonoxxi li kumpannija fi Stat Membru ieħor hija s-sid benefiċjarju tal-interessi u jallega li l-kumpannija fl-Istat Membru l-ieħor hija hekk imsejħa kumpannija conduit artifiċjali, huwa obbligat taħt id-Direttiva 2003/49/KE jew taħt l-Artikolu 10 KE li jiddikjara liema Stat Membru f’dak il-każ jitqies li huwa s-sid benefiċjarju?

6.

Jekk kumpannija residenti fi Stat Membru (kumpannija omm) fil-fatt titqies li ma hijiex eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn taħt id- Direttiva 2003/49/KE rigward interessi rċevuti minn kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor (sussidjarja), u l-kumpannija omm tal-Istat Membru tal-aħħar titqies li għandha responabbiltà limitata għat-taxxa fuq dawk l-interessi f’dak l-Istat Membru, l-Artikolu 43 KE moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE, jipprekludu leġiżlazzjoni skont liema l-Istat Membru tal-aħħar jeżiġi li l-kumpannija li hija responsabbli sabiex iżżomm it-taxxa f’ras il-għajn (sussidjarja) tħallas l-interessi dovuti fil-każ ta’ talba ta’ ħlas pendenti tat-taxxa f’ras il-għajn b’rata ogħla ta’ interessi mir-rata ta’ interessi pendenti li l-Istat Membru jżomm fuq talbiet ta’ taxxa fuq il-kumpanniji (inkluż dħul fuq l-interessi) magħmula kontra kumpannija residenti fl-istess Stat Membru?

7.

Jekk kumpannija residenti fi Stat Membru (kumpannija omm) fil-fatt titqies li ma hijiex eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn taħt id-Direttiva 2003/49/KE rigward interessi rċevuti minn kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor (sussidjarja), u l-kumpannija omm tal-Istat Membru tal-aħħar titqies bħala persuna taxxabbli b’responabbiltà limitata għat-taxxa fuq dawn l-interessi f’dak l-Istat Membru, l-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE (b’mod alternattiv, l-Artikolu 56 KE), meqjusa separatament jew b’mod sħiħ, jipprekludu leġiżlazzjoni skont liema:

(a)

l-Istat Membru tal-aħħar jitlob li l-persuna li tħallas l-interessi żżomm it-taxxa f’ras il-għajn fuq l-interessi u jirrendi lil dik il-persuna responsabbli lejn l-awtoritajiet għat-taxxa f’ras il-għajn mhux miġbura, fejn ma hemm l-ebda dmir bħal dan li tinżamm it-taxxa f’ras il-għajn meta r-riċevitur tal-interessi jkun residenti fl-Istat Membru tal-aħħar?

(b)

kumpannija omm fl-Istat Membru tal-aħħar ma kinitx tkun mitluba li tagħmel ħlasijiet bil-quddiem ta’ taxxa fuq il-kumpanniji fl-ewwel sentejn fiskali, iżda kienet tibda tħallas it-taxxa fuq il-kumpanniji fi żmien ħafna iktar tard mid-data tal-maturità għat-taxxa f’ras il-għajn?

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija mitluba li tinkludi r-risposta għad-domanda 6 fir-risposta tagħha għad-domanda 7.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE, tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 380).