Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ Jannar 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Restrizzjonijiet – Tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lill-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Ħlas lura tat-taxxa mħallsa fuq id-dividendi – Kundizzjonijiet – Kriterji ta’ differenzjazzjoni oġġettivi – Kriterji min-natura jew fil-fatt favorevoli għall-persuni taxxabbli residenti”

Fil-Kawża C-156/17

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Köln-Aktienfonds Deka

vs

Staatsecretaris van Financiën

fil-preżenza ta’:

Nederlandse Orde van Belastingadviseurs,

Loyens en Loeff NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb (Relatur), President tal-Awla, T. Von Danwitz u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Köln-Aktienfonds Deka, minn R. van der Jagt, bħala msieħeb,

–        għal Nederlandse Orde van Belastingadviseurs, minn F. R. Herreveld u J. J. A. M. Korving, bħala aġenti,

–        għal Loyens en Loeff NV, minn A. C. Breuer, advocaat, u S. Daniëls, konsulent fiskali,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, J. Möller u R. Kanitz, sussegwentement minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u N. Gossement, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Köln-Aktienfonds Deka (iktar ’il quddiem “KA Deka”) u l-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa minn KA Deka fuq id-dividendi ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji Olandiżi mħallsa għas-snin 2002/2003 sa 2007/2008.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 85/611/KEE tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139), kellha bħala għan, konformement mar-raba’ premessa tagħha, li jiġu stabbiliti regoli bażiċi komuni għall-awtorizzazzjoni, is-sorveljanza, l-istruttura u l-attivitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jinsabu fl-Istati Membri u l-informazzjoni li huma jkollhom jippubblikaw. Id-Direttiva 85/611 ġiet emendata diversi drabi qabel ma tħassret, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, bid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32), li fformulatha mill-ġdid.

 Id-dritt Olandiż

4        Is-sistema Olandiża dwar l-impriżi ta’ investiment fiskali kollettiv (iktar ’il quddiem l-“UCFI”) hija intiża li tippermetti lill-persuni fiżiċi u, b’mod partikolari, lill-faddala ż-żgħar jagħmlu investimenti kollettivi f’ċerti tipi ta’ assi. L-għan ta’ din is-sistema huwa li japprossima t-trattament fiskali applikabbli għall-individwi li jinvestu permezz ta’ UCFI ma’ dak irriżervat għall-individwi li jwettqu investimenti b’mod individwali.

5        Għal dan il-għan, l-UCFI huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji b’rata żero. Huma jibbenefikaw ukoll mill-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi miġbura fuq id-dividendi Olandiżi rċevuti. B’hekk, l-Artikolu 10(2) tal-Wet op de dividendbelasting 1965 (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dividendi tal-1965), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jippreċiża:

“Il-kumpannija kklassifikata bħala impriża ta’ investiment għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq il-kumpanniji tista’ titlob lill-ispettur l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, li tista’ tiġi kkontestata, li tagħtiha l-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa lilha matul sena kalendarja [...]”

6        L-UCFI għandhom ukoll id-dritt għal kumpens abbażi tat-taxxa f’ras il-għajn imposta fuqhom fuq prodotti ta’ investiment barra mill-pajjiż.

7        Meta jiddistribwixxu dividendi, l-UCFI huma obbligati li jżommu t-taxxa Olandiża fuqhom, a karigu tal-benefiċjarju tad-dividendi.

8        Is-sistema tal-UCFI hija prinċipalment irregolata mill-Artikolu 28 tal-Wet op de vennootschapsbelasting 1969 (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji tal-1969), li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn impriża ta’ investiment sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala UCFI.

9        Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm l-obbligu fuq l-impriża ta’ investiment li tqassam lill-azzjonisti tagħha jew lill-parteċipanti tagħha d-dħul rċevut f’ċertu terminu. B’hekk, l-Artikolu 28(2)(b) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji tal-1969 jipprevedi li l-parti tal-profitt iddefinita permezz ta’ deċiżjoni ta’ portata ġenerali għandha titħallas lill-azzjonisti u lid-detenturi ta’ ċertifikati ta’ parteċipazzjoni fi żmien tmien xhur mill-għeluq tas-sena finanzjarja u li l-profitt li għandu jitħallas jitqassam b’mod ugwali bejn l-ishma u ċ-ċertifikati ta’ parteċipazzjoni.

10      F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-Besluit beleggingsinstellingen (id-Deċiżjoni dwar l-Impriżi ta’ Investiment Kollettiv (Stb. 1970, Nru 190), kif emendata bid-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2007 (Stbl. 2007, Nru 573) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv”), l-ammonti li ma jistgħux jitnaqqsu għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-profitt tal-impriża ta’ investiment li jista’ jitqassam. Barra minn hekk, UCFI tista’ tikkostitwixxi riżerva ta’ investiment mill-ġdid u riżerva ta’ likwidità sabiex jiġu arrotondati l-ammonti li hija tiddistribwixxi.

11      In-natura tal-azzjonarjat tal-impriża ta’ investiment tinsab ukoll fost il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-klassifikazzjoni bħala UCFI, peress li s-sistema tal-UCFI għandha tintuża biss mill-investituri li għalihom hija tkun intiża.

12      Il-kundizzjonijiet dwar l-azzjonarjat kienu rregolati, matul is-snin 2002 sa 2006, fl-Artikolu 28(2)(c) sa (g) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji tal-1969. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu jiddistingwu bejn l-impriżi ta’ investiment li l-azzjonijiet jew il-parteċipazzjoni tagħhom kienu jinsabu għand pubbliku wiesa’, u l-oħrajn, suġġetti għal kundizzjonijiet iktar stretti. Id-distinzjoni bejn dawn l-impriżi kienet ibbażata fuq il-fatt li l-azzjonijiet jew iċ-ċertifikati ta’ parteċipazzjoni tagħhom kienu uffiċjalment ikkwotati fil-Borża ta’ Amsterdam.

13      Impriża ta’ investiment li l-azzjonijiet jew il-parteċipazzjoni tagħha kienet ikkwotata fil-Borża ta’ Amsterdam kienet, essenzjalment, eskluża mis-sistema tal-UCFI jekk 45 % jew iktar tal-azzjonijiet jew tal-parteċipazzjoni tagħha kienu miżmuma minn entità suġġetta għal taxxa fuq il-profitti, ħlief għal UCFI li l-azzjonijiet jew il-parteċipazzjoni tagħha jiġu kkwotati fil-Borża ta’ Amsterdam, jew kienu miżmuma minn entità li l-profitti tagħha jkunu suġġett għal taxxa fuq il-profitti fir-rigward tal-azzjonisti jew tal-parteċipanti tagħha. Barra minn hekk, impriża ta’ investiment li tal-inqas 25 % tal-azzjonijiet jew tal-ishma tagħha kienu miżmuma minn persuna fiżika waħedha ma setgħetx titlob is-sistema tal-UCFI.

14      Impriża ta’ investiment li l-azzjonijiet jew il-partċipazzjoni tagħha ma kinux ikkwotati fil-Borża ta’ Amsterdam kienet suġġetta għal kundizzjonijiet iktar stretti u kellha, sabiex titlob is-sistema tal-UCFI, essenzjalment ikollha mill-inqas 75 % tal-azzjonijiet jew tal-parteċipazzjoni tagħha miżmuma minn persuni fiżiċi, minn entitajiet mhux suġġetti għal taxxa fuq il-profitti, bħal fondi ta’ pensjoni u organi ta’ benefiċenza, jew minn UCFI oħra. Impriża ta’ investiment ma setgħetx tibbenefika mis-sistema tal-UCFI jekk persuna fiżika waħda jew iktar kien ikollhom parteċipazzjoni ta’ mill-inqas 5 % tal-azzjonijiet jew tal-parteċipazzjoni f’din l-impriża. Għalkemm il-fond ta’ investiment kellu awtorizzazzjoni skont il-Wet houdende bepalingen inzake het toezicht op beleggingsinstellingen (il-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet dwar is-Sorveljanza tal-Fondi ta’ Investiment), tas-27 ta’ Ġunju 1990 (Stb. 1990, Nru 380), din l-aħħar projbizzjoni ġiet issostitwita bir-regola li tgħid li ebda persuna fiżika ma għandha dritt iżżomm 25 % tal-azzjonijiet jew iktar fl-impriża

15      Wara emendi leġiżlattivi, mill-1 ta’ Jannar 2007, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-sistema tal-UCFI, l-azzjonijiet jew il-parteċipazzjoni ta’ impriża ta’ investiment għandhom jiġu ammessi għan-negozjar f’suq ta’ strumenti finanzjarji, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 1:1 tal-Wet houdende regels met betrekking tot de financiële Markten en het toezicht daarop (il-Liġi li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet dwar is-Swieq Finanzjarji u s-Sorveljanza Tagħhom), tat-28 ta’ Settembru 2006 (Stb. 2006, Nru 475), fejn il-fondi jew l-amministratur tagħhom għandu jkollu awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 2:65 ta’ din liġi jew jiġi eżentat bis-saħħa tal-Artikolu 2:66(3) tal-imsemmija liġi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      KA Deka huwa fond ta’ investiment taħt id-dritt Ġermaniż (Publikums Sondervermögen) stabbilit fil-Ġermanja. Huwa UCITS, fis-sens tad-Direttivi 85/611 u 2009/65, tat-tip miftuħ, ikkwotat fil-Borża, mingħajr personalità ġuridika u li huwa personalment eżentat mit-taxxa fuq il-profitti fil-Ġermanja. Huwa jwettaq investimenti f’isem individwi. Il-prezz tal-azzjonijiet tiegħu huwa kkwotat fil-Borża Ġermaniża, iżda n-negozjar tagħhom isir permezz tas-sistema magħrufa bħala “global stream system”.

17      Matul is-snin finanzjarji 2002/2003 sa 2007/2008, KA Deka rċeviet dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, li tagħhom kellha ishma. Dawn id-dividendi ġew suġġetti, skont il-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u tat-taxxa fuq il-kapital kif ukoll ta’ diversi taxxi oħra u sabiex jirregola kwistjonijiet fiskali oħra, konkluż fis-16 ta’ Ġunju 1959 bejn ir-Renju tal-Olanda u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Trb. 1959, 85), kif emendat bit-Tielet Protokoll Addizzjonali tal-4 ta’ Ġunju 2004 (Trb. 2004, 185) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim fiskali bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja”), għal taxxa ta’ 15 % li nġabret f’ras il-għajn. KA Deka, b’differenza minn fond ta’ investiment stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi li jissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettulha li tiġi kklassifikata bħala UCFI, ma setgħetx tibbenefika mill-ħlas lura tal-imsemmija taxxa abbażi tal-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi tal-1965.

18      KA Deka ma hijiex suġġetta fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-obbligu ta’ tnaqqis obbligatorju tat-taxxa fuq id-dividendi li hija stess qassmet.

19      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont ir-regoli tad-dritt fiskali Ġermaniż, l-individwi li jkunu investew f’fond speċjali ta’ investiment jitqiesu li jkunu bbenefikaw minn ammont minimu teoriku ta’ dividendi. L-ammonti li jiġu, minħabba f’hekk, intaxxati minbarra l-ammont effettivament imqassam jissejħu “prodotti assimilati ma’ distribuzzjoni” (ausschüttungsgleiche Erträge). Matul is-snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-individwi Ġermaniżi li investew f’tali fondi bbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa applikabbli għal nofs il-bażi taxxabbli tagħhom, li kienet tikkorrispondi għall-profitti effettivament imqassma flimkien ma’ eventwali “prodotti assimilati ma’ distribuzzjoni”.

20      Sal-2004, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża kienet tippermetti lil dawn l-individwi jimputaw integralment l-ammont tat-taxxa fuq id-dividendi Olandiżi impost fuq il-fond komuni ta’ investiment mat-taxxa Ġermaniża miġbura bin-nofs intaxxat tal-bażi taxxabbli. Wara emenda tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, din l-imputazzjoni ġiet limitata, matul is-snin 2004 sa 2008, għal nofs it-taxxa Olandiża miġbura f’ras il-għajn u l-imputazzjoni ma setgħetx issir iktar jekk il-fond komuni ta’ investiment ikun għażel li jnaqqas mill-profitt it-taxxa barranija miġbura f’ras il-għajn.

21      KA Deka talbet lill-amministrazzjoni fiskali Olandiża l-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa minnha fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji Olandiżi għas-snin 2002/2003 sa 2007/2008.

22      Peress li l-inspecteur van de Belastingdienst (l-Ispettur tad-Dipartiment tat-Taxxi) ċaħad dawn it-talbiet, KA Deka adixxiet ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant, il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Ispettur tad-Dipartiment tat-Taxxi. Hija sostniet quddiem din il-qorti li dan seta’ jiġi assimilat ma’ fond ta’ investiment stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi li għandu l-istatus ta’ UCFI, kif imsemmi fl-Artikolu 28 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji tal-1969, u li konsegwentement kellha dritt għall-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi skont l-Artikolu 56 KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE).

23      Ir-Rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti ta’ Zeeland-West-Brabant), li kellha dubju dwar jekk KA Deka kinitx oġġettivament komparabbli ma’ UCFI fid-dawl tal-kriterji ta’ paragun bejn dawn il-fondi magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), u minħabba n-numru kbir ta’ kawżi li jistgħu jqajmu kwistjonijiet analogi għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iddeċidiet li tagħmel lil din il-qorti ħames domandi preliminari.

24      Il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tikkonstata, preliminarjament, li, fil-forma ġuridika tagħha, KA Deka setgħet tiġi kklassifikata bħala UCFI u fuq dan il-punt hija oġġettivament paragunabbli ma’ UCFI stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din il-qorti tippreċiża li, filwaqt li UCFI stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi kien ikollha dritt għall-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi mitluba minn KA Deka, din tal-aħħar ma tistax bi dritt titlob il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi la taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża u lanqas taħt il-ftehim fiskali bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

25      Peress li seta’ jkun hemm dubji raġonevoli dwar ir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant), il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 56 KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) jipprekludi li fond ta’ investiment stabbilit barra l-Pajjiżi l-Baxxi jiġi rrifjutat il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi Olandiża miżmuma fuq id-dividendi li l-fond ta’ investiment irċieva mingħand entitajiet stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li ma huwiex suġġett għall-obbligu ta’ żamma tat-taxxa fuq id-dividendi Olandiża, filwaqt li tali ħlas lura jingħata lil istituzzjoni ta’ investiment fiskali stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li, kull sena, tqassam il-profitt mill-investimenti tagħha lill-azzjonarji jew lill-parteċipanti tagħha, bla ħsara għaż-żamma tat-taxxa fuq id-dividendi Olandiża?

2)      L-Artikolu 56 KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) jipprekludi li fond ta’ investiment stabbilit barra l-Pajjiżi l-Baxxi jiġi rrifjutat il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi Olandiża miżmuma fuq id-dividendi li huwa rċieva mingħand entitajiet stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li ma pprovdiex prova suffiċjenti li l-azzjonisti jew il-parteċipanti tiegħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Olandiża?

3)      L-Artikolu 56 KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) jipprekludi li fond ta’ investiment stabbilit barra l-Pajjiżi l-Baxxi jiġi rrifjutat il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi Olandiża miżmuma fuq id-dividendi li huwa rċieva mingħand entitajiet stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li ma jqassamx il-profitt kollu mill-investimenti lill-azzjonisti jew lill-parteċipanti tiegħu kull sena, mhux iktar tard minn tmien xhur minn tmiem is-sena finanzjarja, anki jekk, fil-pajjiż fejn huwa stabbilit il-fond ta’ investiment, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli hemmhekk, il-profitt mill-investimenti li ma tqassamx (a) jitqies li tqassam u/jew (b) jittieħed inkunsiderazzjoni fit-taxxa imposta f’dan il-pajjiż fuq l-azzjonisti jew il-parteċipanti tiegħu bħallikieku dan il-profitt ikun tqassam, filwaqt li tali ħlas lura jingħata lil istituzzjoni ta’ investiment fiskali stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li, kull sena, tqassam il-profitt mill-investimenti tagħha lill-azzjonarji jew lill-parteċipanti tagħha, bla ħsara għaż-żamma tat-taxxa fuq id-dividendi Olandiża?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2017, din il-kawża ngħaqdet mal-Kawża C-157/17 għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

27      Wara li ngħatat is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480), il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2018 li hija xtaqet tirtira t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-157/17, kif ukoll l-ewwel domanda fil-Kawża C-156/17, iżda li hija żammet it-tieni u t-tielet domanda magħmula fil-Kawża C-156/17.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Diċembru 2018, il-Kawża C-156/17 ġiet isseparata mill-Kawża C-157/17 u din tal-aħħar tħassret mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Diċembru 2018.

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

29      Wara li ngħataw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, KA Deka, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Settembru 2019, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Insostenn tat-talba tagħha, KA Deka ssostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fihom ineżattezza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Kuntrarjament għal dak li jafferma l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 sa 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 ma għandux effett dirett orizzontali li jawtorizza lil organu mhux pubbliku jitlob jew jipprovdi data personali lil organu ieħor mhux pubbliku. Din l-ineżattezza hija ta’ natura li teżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għalhekk, tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C-126/16, EU:C:2017:489, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għandu jitfakkar ukoll, f’dan il-kuntest, li la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedu l-possibbiltà, għall-partijiet fil-kawża msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C-106/16, EU:C:2017:804, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ tali parti jew ta’ tali parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C-106/16, EU:C:2017:804, punt 24, kif ukoll tad-29 ta’ Novembru 2017, King, C-214/16, EU:C:2017:914, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Minn dan isegwi li, sa fejn it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali mressqa minn KA Deka hija intiża li tippermettilha tirrispondi għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46, din it-talba ma tistax tintlaqa’.

34      Bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie diskuss mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

35      Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

37      Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi lil benefiċjarji stabbiliti f’dan l-Istat Membru huma suġġetti għal taxxa fuq id-dividendi. Meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-benefiċjarju tad-dividendi jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ fil-Ġermanja, dawn id-dividendi jistgħu jiġu intaxxati fil-Pajjiżi l-Baxxi b’rata ta’ 15 %, bis-saħħa tal-konvenzjoni fiskali bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

38      Mill-indikazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li huma biss il-fondi ta’ investiment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji tal-1969 sabiex jiġu kklassifikati bħala UCFI li jistgħu jitolbu u jibbenefikaw mill-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li huma jkunu ħallsu.

39      Tali ħlas lura ma jingħatax lill-fondi ta’ investiment li ma jurux li huma jissodisfaw l-imsemmija kundizzjonijiet, inklużi l-fondi mhux residenti.

40      Konsegwentement, filwaqt li d-dividendi mħallsa lill-fondi li huma kklassifikati bħala UCFI ma jiġux intaxxati f’idejhom, id-dividendi li jitħallsu lil impriżi oħra, inkluż lill-fondi ta’ investiment stabbiliti fi Stati Membri oħra, huma suġġetti għal tali taxxa.

41      Minn dan jirriżulta li fond ta’ investiment li jissodisfa l-kundizzjonijiet relatati mal-UCFI jibbenefika, fir-rigward tad-dividendi rċevuti, minn trattament fiskali iktar favorevoli minn dak li għalih huma suġġetti l-fondi ta’ investiment li ma jissodisfawx l-imsemmija kundizzjonijiet, inklużi l-fondi ta’ investiment mhux residenti.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa kull Stat Membru li għandu jorganizza, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, is-sistema tiegħu ta’ tassazzjoni tad-dħul iddistribwit u li jiddefinixxi, f’dan il-kuntest, il-bażi taxxabbli kif ukoll ir-rata ta’ taxxa applikabbli fil-konfront tal-azzjonist benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund, C-194/06, EU:C:2008:289, punt 30; tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 45, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2016, Riskin u Timmermans, C-176/15, EU:C:2016:488, punt 29).

43      Minn dan isegwi li l-Istati Membri huma liberi li jipprevedu, sabiex jinkoraġġixxu l-użu tal-impriżi ta’ investiment kollettiv, sistema ta’ tassazzjoni partikolari applikabbli għal dawn l-impriżi u għad-dividendi rċevuti minnhom, kif ukoll li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet materjali u formali li jkollhom jiġu osservati sabiex jibbenefikaw minn tali sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C-326/12, EU:C:2014:2269, punt 47, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2018, Sauvage u Lejeune, C-602/17, EU:C:2018:856, punt 34).

44      Barra minn hekk, huwa inerenti għall-prinċipju ta’ awtonomija fiskali tal-Istati Membri li dawn tal-aħħar jiddeterminaw il-provi neċessarji sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet materjali u formali jiġu osservati, sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika minn tali sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 37, tad-9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C-326/12, EU:C:2014:2269, punt 47, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2018, Sauvage u Lejeune, C-602/17, EU:C:2018:856, punt 34).

45      L-Istati Membri għandhom madankollu jeżerċitaw l-awtonomija fiskali tagħhom b’osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk imposti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 38).

46      Konsegwentement, l-istabbiliment ta’ sistema speċifika għall-impriżi ta’ investiment kollettiv, b’mod partikolari n-natura tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed jibbenefika minnha u l-provi li għandhom jiġu prodotti għal dan il-għan, ma għandux jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

47      Għandha tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda magħmula billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-kunsiderazzjonijiet.

 Fuq it-tieni domanda

48      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li fond ta’ investiment mhux residenti ma jingħatax, minħabba li ma jipproduċix il-prova li l-azzjonisti jew il-parteċipanti tiegħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni, il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li tkun tnaqqset mid-dividendi li huwa jkun irċieva minn entitajiet stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

49      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 39, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C-575/17, EU:C:2018:943, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-kundizzjonijiet dwar l-azzjonisti jew il-parteċipanti f’fond ta’ investiment imposti minn Stat Membru, li għalihom tkun suġġetta l-possibbiltà għal dan il-fond li jitlob il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li huwa jkun ħallas, jistgħux jiddisswadu fond ta’ investiment mhux residenti milli jwettaq investimenti f’dan l-Istat Membru. Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-provi li għandhom jiġu prodotti għal dan il-għan mill-fondi ta’ investiment mhux residenti jkollhomx l-effett li jiddisswaduhom milli jinvestu fl-imsemmi Stat Membru.

51      Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ dawn il-kundizzjonijiet, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul is-snin 2002 sa 2006, il-kundizzjonijiet dwar l-azzjonarjat kienu jipprevedu limiti ta’ parteċipazzjoni li ma kellhomx jinqabżu mid-detenturi tal-azzjonijiet jew taċ-ċertifikati ta’ parteċipazzjoni f’fond, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala UCFI. Dawn il-limiti kienu jvarjaw skont jekk l-azzjonijiet jew iċ-ċertifikati ta’ parteċipazzjoni mill-fond kinux uffiċjalment ikkwotati jew le fil-Borża ta’ Amsterdam.

52      Fil-fatt, meta l-azzjonijiet jew iċ-ċertifikati ta’ parteċipazzjoni tal-fond kienu uffiċjalment ikkwotati fil-Borża ta’ Amsterdam, ma setgħux jaqgħu taħt is-sistema tal-UCFI dawk il-fondi li 45 % jew iktar tal-azzjonijiet jew tal-ishma tagħhom kienu miżmuma minn entità suġġetta għal taxxa fuq il-profitti jew minn entità li l-profitt tagħha kien suġġett għat-taxxa fuq il-profitti fir-rigward tal-azzjonisti tagħha jew tal-parteċipanti tagħha, kif ukoll il-fondi li fihom persuna fiżika kellha fiha nnifisha sehem ta’ 25 % jew iktar. Min-naħa l-oħra, meta l-azzjonijiet jew iċ-ċertifikati ta’ parteċipazzjoni fil-fond ma kinux uffiċjalment ikkwotati fil-Borża ta’ Amsterdam, mill-inqas 75 % tagħhom kellhom jinżammu minn persuni fiżiċi, minn entitajiet mhux suġġetti għal taxxa fuq il-profitti, bħal fondi ta’ pensjoni u organi ta’ benefiċenza, jew minn UCFI oħra, mingħajr ma persuna fiżika jkollha fiha sehem ta’ 5 % jew iktar jew, meta organu jkun awtorizzat bis-saħħa tal-liġi li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tal-fondi ta’ investiment, ta’ 25 % jew iktar.

53      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-sistema tal-UCFI, l-azzjonijiet jew il-parteċipazzjonijiet ta’ impriża ta’ investiment għandhom jiġu ammessi għan-negozjar f’suq ta’ strumenti finanzjarji, kif previst mil-liġi dwar dispożizzjonijiet dwar is-swieq finanzjarji u s-sorveljanza tagħhom, fejn il-fond jew l-amministratur tiegħu jkollu awtorizzazzjoni jew jiġi eżentat taħt l-imsemmija liġi. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li issa ma huwiex rilevanti li l-azzjonijiet jew il-parteċipazzjonijiet f’fond ta’ investiment jiġu kkwotati fil-Borża ta’ Amsterdam.

54      Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikabbli matul il-perijodu 2002-2006, bħal dik applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007, ma kinitx tiddistingwi bejn il-fondi ta’ investiment residenti u l-fondi ta’ investiment mhux residenti, fis-sens li l-kundizzjonijiet li għalihom kien suġġett il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi kienu japplikaw mingħajr distinzjoni għal dawn iż-żewġ tipi ta’ fondi.

55      Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi residenti u għall-operaturi mhux residenti tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li anki differenzazzjoni bbażata fuq kriterji oġġettivi tista’, fil-fatt, tiżvantaġġa s-sitwazzjonijiet transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C-385/12, EU:C:2014:47, punti 37 sa 39).

56      Dan huwa l-każ meta leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi residenti u mhux residenti tirriżerva l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali għas-sitwazzjonijiet li fihom operatur jissodisfa kundizzjonijiet jew obbligi li jkunu, min-natura jew fil-fatt, speċifiċi għas-suq nazzjonali, b’tali mod li jkunu biss l-operaturi preżenti fis-suq nazzjonali li jkunu jistgħu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet jew obbligi, u li l-operaturi mhux residenti li jkollhom karattaristiċi komparabbli ġeneralment ma jissodisfawhomx (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C-326/12, EU:C:2014:2269, punti 36 u 37, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2017, Van der Weegen et, C-580/15, EU:C:2017:429, punt 29).

57      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikabbli matul il-perijodu 2002-2006, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif miġbura fil-qosor fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-fondi ta’ investiment li l-azzjonijiet jew il-parteċipazzjoni fihom ma kinux ikkwotati fil-Borża ta’ Amsterdam kellhom jissodisfaw kundizzjonijiet iktar stretti mill-fondi ta’ investiment li l-azzjonijiet jew il-parteċipazzjoni fihom kienu ġew ikkwotati f’din il-borża.

58      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjoni dwar l-azzjonisti, li kienu bbażati fuq il-kwotazzjoni tal-azzjonijiet jew tal-parteċipazzjoni fil-fond ta’ investiment fil-Borża ta’ Amsterdam, ma setgħetx, min-natura jew fil-fatt, tiġi ssodisfatta prinċipalment minn fondi ta’ investiment residenti, filwaqt li l-fondi ta’ investiment mhux residenti, li l-azzjonijiet u l-parteċipazzjoni fihom ma kinux ikkwotati fil-Borża ta’ Amsterdam iżda f’Borża oħra, ġeneralment ma kinitx tissodisfaha.

59      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju kif miġbura fil-qosor fil-punt 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-sistema tal-UCFI, l-azzjonijiet jew il-parteċipazzjoni ta’ impriża ta’ investiment għandhom jiġu ammessi għan-negozjati f’suq ta’ strumenti finanzjarji, kif previst mil-liġi dwar id-dispożizzjonijiet dwar is-swieq finanzjarji u s-sorveljanza tagħhom. Bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-fond jew l-amministratur tiegħu li jkollu awtorizzazzjoni jew li jiġi eżentat bis-saħħa tal-imsemmija liġi jaqa’ wkoll taħt din is-sistema.

60      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet imposti minn din l-aħħar leġiżlazzjoni jistgħux, min-natura jew fil-fatt, jiġu ssodisfatti prinċipalment minn fondi ta’ investiment residenti u li ma jeskludux, fil-fatt, mill-benefiċċju ta’ din is-sistema l-fondi ta’ investiment mhux residenti li jkunu qegħdin jissodisfaw kundizzjonijiet simili fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom.

61      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-provi li għandhom jiġu prodotti mill-fondi ta’ investiment mhux residenti sabiex juru li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jippermettulhom jibbenefikaw mis-sistema tal-UCFI u, għaldaqstant, li jiksbu l-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li huma jħallsu, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru għandhom id-dritt li jeżiġu mingħand il-persuna taxxabbli l-provi li huma jqisu neċessarji sabiex jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet ta’ vantaġġ fiskali previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni jkunux issodisfatti u, konsegwentement, jekk huwiex meħtieġ li jagħtu l-imsemmi vantaġġ (sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-kontenut, il-forma u l-livell ta’ preċiżjoni li għandhom jissodisfaw l-informazzjoni ppreżentata mill-persuna taxxabbli sabiex tkun tista’ tibbenefika minn vantaġġ fiskali għandhom jiġu ddeterminati mill-Istat Membru li jagħti tali vantaġġ sabiex jippermetti lilu l-applikazzjoni korretta tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C-326/12, EU:C:2014:2269, punt 52).

62      Madankollu, sabiex għal persuna taxxabbli mhux residenti ma ssirx impossibbli jew eċċessivament diffiċli li tikseb vantaġġ fiskali, ma jistax ikun meħtieġ li tipproduċi dokumenti li jkunu konformi taħt kull aspett mal-forma u mal-grad ta’ preċiżjoni tad-dokumenti probatorji previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jagħti dan il-vantaġġ, jekk, barra minn hekk, id-dokumenti pprovduti minn din il-persuna taxxabbli jippermettu lil dan l-Istat Membru jivverifika, b’mod ċar u preċiż, jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni jiġux issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 46). Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-persuni taxxabbli mhux residenti ma jistgħux ikunu suġġetti għal spejjeż amministrattivi eċċessivi li jqegħduhom fl-impossibbiltà effettiva li jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali.

63      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tesponi li KA Deka ma hijiex f’pożizzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mal-azzjonarjat minħabba s-sistema ta’ negozjar tal-azzjonijiet magħżula li ma tippermettilhiex tkun taf id-detenturi tal-ishma tagħha.

64      Għaldaqstant, l-impossibbiltà li tinġieb il-prova tal-kundizzjonijiet dwar l-azzjonarjat ma tidhirx li tinsab la fil-kumplessità intrinsika tal-informazzjoni meħtieġa, la fil-mezz ta’ prova meħtieġ, u lanqas, ukoll, fl-impossibbiltà legali li tinġabar l-imsemmija informazzjoni minħabba l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, li timplimenta d-Direttiva 95/46, iżda tirriżulta mill-għażla tal-mudell ta’ negozjati tal-ishma mill-fond inkwistjoni.

65      Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ fluss ta’ informazzjoni li jaffaċċja l-investitur ma huwiex problema li taffettwa lill-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 98, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 48).

66      Sa fejn ir-rekwiżiti ta’ prova inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru wkoll li huma imposti fuq fondi ta’ investiment residenti li jkunu għażlu sistema ta’ negozjar ta’ ishma analoga għal dik miżmuma minn KA Deka fil-kawża prinċipali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ir-rifjut li jingħata lil fond ta’ investiment mhux residenti l-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li huwa ħallas, peress li dan tal-aħħar ma setax jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li huwa jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, ma jikkostitwixxix trattament sfavorevoli ta’ fond ta’ investiment mhux residenti.

67      Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li fond ta’ investiment mhux residenti ma jingħatax, minħabba li ma jipproduċix il-prova li l-azzjonisti jew il-parteċipanti tiegħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni, il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li tkun inġabret fuq id-dividendi li huwa jkun irċieva minn entitajiet stabbiliti f’dan l-Istat Membru, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jisfavorixxux, fil-fatt, il-fondi ta’ investiment mhux residenti u l-awtoritajiet fiskali jeżiġu li l-prova dwar l-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet tiġi prodotta wkoll mill-fondi ta’ investiment residenti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq it-tielet domanda

68      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li fond ta’ investiment mhux residenti ma jingħatax il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li kellu jħallas f’dan l-Istat Membru, minħabba li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett dan il-ħlas lura, jiġifieri li huwa ma jiddistribwixxix integralment lill-azzjonisti tiegħu jew lill-parteċipanti tiegħu r-riżultat tal-investimenti tiegħu kull sena fi tmien xhur, filwaqt li fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tiegħu, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ, ir-riżultati tal-investimenti tiegħu li ma jkunx qassam jitqiesu li jkunu tqassmu jew jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-taxxa li dan l-Istat Membru jiġbor mill-azzjonisti jew il-parteċipanti bħallikieku dan il-profitt ikun tqassam.

69      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kundizzjoni li għaliha huwa suġġett il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi u li tirrigwarda d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-profitti ta’ fond hija fformulata f’termini ġenerali u ma tistabbilixxix distinzjoni bejn il-fondi ta’ investiment residenti u l-fondi ta’ investiment mhux residenti. Fil-fatt, kemm il-fondi ta’ investiment residenti kif ukoll il-fondi ta’ investiment mhux residenti għandhom jissodisfaw din il-kundizzjoni sabiex jibbenefikaw mill-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa.

70      Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk, filwaqt li hija applikabbli mingħajr distinzjoni, tali kundizzjoni tistax tisfavorixxi, fil-fatt, il-fondi ta’ investiment mhux residenti.

71      Kif tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru huwa liberu li jiddetermina jekk, sabiex jinkoraġġixxi l-użu tal-impriżi ta’ investiment kollettiv, jipprevedix sistema ta’ tassazzjoni partikolari applikabbli għal dawn l-impriżi u għad-dividendi rċevuti minnhom, kif ukoll li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet materjali u formali li għandhom jiġu osservati sabiex jibbenefikaw minn tali sistema. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet ta’ tali sistemi huma neċessarjament speċifiċi għal kull Stat Membru u huma differenti bejniethom.

72      Barra minn hekk, il-moviment liberu tal-kapital ma jistax jinftiehem fis-sens li Stat Membru għandu l-obbligu li jistabbilixxi r-regoli fiskali tiegħu skont dawk ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiggarantixxi, fis-sitwazzjonijiet kollha, tassazzjoni li telimina kull diskrepanza li tirriżulta mil-liġijiet fiskali nazzjonali, peress li d-deċiżjonijiet meħuda minn persuna taxxabbli fir-rigward tal-investiment barra mill-pajjiż jistgħu, skont il-każ, ikunu ftit jew wisq vantaġġużi jew żvantaġġużi għal tali persuna taxxabbli (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, K, C-322/11, EU:C:2013:716, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Madankollu, il-fatt li l-possibbiltà li jinkiseb ħlas lura tat-taxxa f’ras il-għajn tkun suġġetta għall-osservanza stretta tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, irrispettivament mill-kundizzjonijiet legali li għalihom il-fondi ta’ investiment mhux residenti jkunu suġġetti fl-Istat ta’ stabbiliment tagħhom, ikun ifisser li tiġi rriżervata l-possibbiltà ta’ benefiċċju minn trattament vantaġġuż lill-fondi ta’ investiment residenti biss. Fil-fatt, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-fondi ta’ investiment residenti ġeneralment ikunu jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ stabbiliment tagħhom, filwaqt li l-fondi ta’ investiment mhux residenti ġeneralment jistgħu jissodisfaw biss il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li fond ta’ investiment mhux residenti li, minħabba l-qafas leġiżlattiv fis-seħħ fl-Istat ta’ stabbiliment tiegħu, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha imposti mill-Istat Membru li jagħti l-vantaġġ fiskali inkwistjoni, jinsab madankollu f’sitwazzjoni essenzjalment paragunabbli ma’ dik ta’ fondi ta’ investiment residenti li jissodisfa tali kundizzjonijiet.

75      Għalhekk, sabiex il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, filwaqt li japplikaw mingħajr distinzjoni għall-fondi ta’ investiment residenti u mhux residenti, ma jisfavorixxux, fil-fatt, il-fondi ta’ investiment mhux residenti, dawn tal-aħħar għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jipprovaw li huma jinsabu, b’mod partikolari minħabba l-qafas leġiżlattiv fis-seħħ fl-Istat ta’ stabbiliment tagħhom, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-fondi ta’ investiment residenti li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

76      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-għan u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kundizzjoni dwar it-tqassim mill-ġdid tal-profitti hija marbuta mal-għan tas-sistema UCFI li hija intiża li r-rendiment mill-investimenti li individwu jwettaq permezz ta’ impriża ta’ investiment ikun l-istess bħad-dħul miksub mill-investimenti magħmula individwalment. Għal dan il-għan, minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li l-leġiżlatur nazzjonali qies li kien essenzjali li l-impriżi ta’ investiment idawru malajr kemm jista’ jkun il-profitti mill-investimenti lejn il-faddala li jkunu investew fil-fondi tagħhom.

78      Fir-rigward tar-rabta bejn l-obbligu ta’ tqassim mill-ġdid tal-profitti u t-tassazzjoni fil-livell tal-investituri, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-obbligu ta’ distribuzzjoni mill-ġdid kien jagħti lok għall-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul. Madankollu, minħabba l-introduzzjoni, fl-2001, tat-tassazzjoni tad-dħul annwali b’rata fissa, ikkalkolata għall-individwi indipendentement mir-rendiment effettiv li huma jkunu kisbu mill-azzjonijiet u mill-investimenti l-oħra tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-intervenjenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jistaqsu dwar in-natura indispensabbli tad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-profitti ta’ fond sabiex jintlaħaq l-għan ta’ newtralità tat-tassazzjoni bejn l-investimenti diretti u dawk imwettqa permezz ta’ fond ta’ investiment.

79      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u s-sistema fiskali nazzjonali kollha, li għandha tiddetermina l-għan prinċipali li fuqu hija bbażata l-kundizzjoni ta’ tqassim mill-ġdid tal-profitti.

80      Għalkemm kien jidher li l-għan imfittex huwa li jitwasslu malajr kemm jista’ jkun lill-investituri li jkunu użaw is-servizzi ta’ fond ta’ investiment il-profitti li huma jkunu wettqu, is-sitwazzjoni ta’ fond ta’ investiment mhux residenti li ma jqassamx id-dħul li ġej mill-investimenti tiegħu, anki jekk dan id-dħul jitqies li jkun ġie ddistribwit, ma tinsabx f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ fond ta’ investiment residenti li jiddistribwixxi d-dħul tiegħu taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

81      Min-naħa l-oħra, għalkemm l-għan imfittex jinsab prinċipalment fit-tassazzjoni tal-profitti fil-livell tal-azzjonarjat tal-imsemmi fond ta’ investiment, għandu jiġi kkunsidrat li fond ta’ investiment residenti, li jagħmel distribuzzjoni effettiva tal-profitti tiegħu, u fond ta’ investiment mhux residenti li l-profitti tiegħu ma jitqassmux, iżda jitqiesu li jkunu tqassmu u intaxxati, bħala tali, fil-livell tal-azzjonist tal-imsemmi fond, jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, il-livell ta’ tassazzjoni jiġi ttrasferit mill-fondi ta’ investiment lejn l-azzjonist.

82      F’din l-aħħar sitwazzjoni, ir-rifjut ta’ Stat Membru li jagħti lil fond ta’ investiment mhux residenti, minħabba li ma jiddistribwixxix kompletament lill-azzjonisti tiegħu jew lill-parteċipanti tiegħu r-riżultat tal-investimenti tiegħu kull sena fi żmien tmien xhur mill-għeluq tas-sena finanzjarja tiegħu, il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li huwa jkun ħallas f’dan l-Istat Membru, filwaqt li fl-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dan il-fond, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ, ir-riżultat tal-investimenti tiegħu li ma qassamx jitqies li tqassam jew li jittieħed inkunsiderazzjoni fit-taxxa li dan l-Istat Membru jiġbor mill-azzjonisti jew mill-parteċipanti tal-imsemmi fond bħallikieku dan il-profitt ikun tqassam, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment ħieles tal-kapital.

83      Issa, tali restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk din tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan li hija tfittex li tilħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C-464/14, EU:C:2016:896, punt 56).

84      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, il-Gvern Olandiż ma invokax tali raġunijiet f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-profitti tal-fond ta’ investiment ikkonċernat.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li fond ta’ investiment mhux residenti ma jingħatax il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li huwa kellu jħallas f’dan l-Istat Membru, minħabba li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet legali li għalihom ikun suġġett dan il-ħlas lura, jiġifieri li huwa ma jiddistribwixxix integralment lill-azzjonisti tiegħu jew lill-parteċipanti tiegħu r-riżultat tal-investimenti tiegħu kull sena fit-tmien xhur mill-għeluq tas-sena fiskali, meta, fl-Istat membru ta’ stabbiliment tiegħu, ir-riżultat tal-investimenti tiegħu li ma jkunx qassam jitqies li jkun tqassam jew jittieħed inkunsiderazzjoni fit-taxxa li l-Istat Membru jiġbor mill-azzjonisti bħallikieku dan il-profitt ikun tqassam u li, fid-dawl tal-għan li fuqu huma bbażati dawn il-kundizzjonijiet, dan il-fond jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ fond residenti li jibbenefika mill-ħlas lura ta’ din it-taxxa, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

86      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li fond ta’ investiment mhux residenti ma jingħatax, minħabba li ma jipproduċix il-prova li l-azzjonisti jew il-parteċipanti tiegħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni, il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li tkun inġabret fuq id-dividendi li huwa jkun irċieva minn entitajiet stabbiliti f’dan l-Istat Membru, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jisfavorixxux, fil-fatt, il-fondi ta’ investiment mhux residenti u l-awtoritajiet fiskali jeżiġu li l-prova dwar l-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet tiġi prodotta wkoll mill-fondi ta’ investiment residenti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

2)      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li fond ta’ investiment mhux residenti ma jingħatax il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li huwa kellu jħallas f’dan l-Istat Membru, minħabba li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet legali li għalihom ikun suġġett dan il-ħlas lura, jiġifieri li huwa ma jiddistribwixxix integralment lill-azzjonisti tiegħu jew lill-parteċipanti tiegħu r-riżultat tal-investimenti tiegħu kull sena fit-tmien xhur mill-għeluq tas-sena fiskali, meta, fl-Istat membru ta’ stabbiliment tiegħu, ir-riżultat tal-investimenti tiegħu li ma jkunx qassam jitqies li jkun tqassam jew jittieħed inkunsiderazzjoni fit-taxxa li l-Istat Membru jiġbor mill-azzjonisti bħallikieku dan il-profitt ikun tqassam u li, fid-dawl tal-għan li fuqu huma bbażati dawn il-kundizzjonijiet, dan il-fond jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ fond residenti li jibbenefika mill-ħlas lura ta’ din it-taxxa, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.