Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

24 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Dħul irċevut minn Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ residenza – Konvenzjoni bilaterali ta’ ħelsien mit-taxxa doppja – Tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali – Setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istat ta’ residenza – Fatturi ta’ rabta”

Fil-Kawża C-602/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura

Benoît Sauvage,

Kristel Lejeune

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, C. G. Fernlund (Relatur), u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali : M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Sauvage u Lejeune, minn M. Gustin, avocat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.-C. Halleux kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u C. Perrin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Benoît Sauvage u Kristel Lejeune minn naħa, u l-amministrazzjoni fiskali Belġjana min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tintaxxa l-parti mir-remunerazzjonijiet li joriġinaw mil-Lussemburgu għall-impjieg ta’ B. Sauvage u korrispondenti għall-ġranet li matulhom B. Sauvage eżerċita effettivament l-attività remunerata tiegħu barra mit-territorju Lussemburgiż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Lussemburgu

3        Il-Konvenzjoni bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ħelsien mit-taxxa doppja u li jiġu rregolati ċerti kwistjonijiet oħra fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-patrimonju, u l-Protokoll finali relatat magħha, iffirmati fil-Lussemburgu fis-17 ta’ Settembru 1970, kif emendati bi ftehim iffirmat fi Brussell fil-11 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Lussemburgu”), tipprevedi fl-Artikolu 15(1) u (3) tagħha:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16, 18, 19 u 20, is-salarji, il-pagi u remunerazzjonijiet oħra simili li resident ta’ Stat kontraenti jirċievi minn impjieg b’salarju għandhom ikunu taxxabbli biss f’dan l-Istat, sakemm l-impjieg ma jkunx twettaq fl-Istat kontraenti l-ieħor. Jekk l-impjieg ikun twettaq hemmhekk, ir-remunerazzjonijiet irċevuti minn dan l-impjieg għandhom ikunu taxxabbli f’dan l-Istat l-ieħor.

[...]

3.      B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 u taħt ir-riżerva msemmija fil-paragrafu 1, ir-remunerazzjonijiet dovuti għal impjieg b’salarju eżerċitat fuq bastiment, fuq ajruplan jew fuq vettura ferrovjarja jew tat-triq operata fi traffiku internazzjonali jew fuq vapur li jservi għan-navigazzjoni interna fi traffiku internazzjonali, jitqiesu li huma relatati ma’ attività eżerċitata fl-Istat kontraenti fejn tinsab is-sede tat-tmexxija effettiva tal-impriża u huma taxxabbli f’dan l-Istat.”

4        Il-punt 1 tal-Artikolu 23(2) ta’ din il-konvenzjoni, li jindika b’liema mod hija evitata t-tassazzjoni doppja tas-salarji li joriġinaw mil-Lussemburgu rċevuti minn residenti Belġjani, huwa fformulat kif ġej:

“[I]d-dħul li joriġina mil-Lussemburgu bl-esklużjoni tad-dħul imsemmi fil-punti 2 u 3 u l-elementi patrimonjali li jinsabu fil-Lussemburgu, li huma taxxabbli f’dan l-Istat skont l-artikoli preċedenti, huma eżentati mit-taxxi fil-Belġju. Din l-eżenzjoni ma tillimitax id-dritt tal-Belġju li jieħu inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tar-rata tat-taxxi tagħha, dħul u elementi patrimonjali hekk eżentati”.

5        Skont il-punt 8 tal-Protokoll finali relatat mal-imsemmija konvenzjoni:

“L-Artikolu 15(1) u (2) għandu jinftiehem fis-sens li impjieg b’salarju huwa eżerċitat fl-Istat kontraenti l-ieħor meta l-attività li għaliha jitħalsu salarji, pagi u remunerazzjonijiet oħra jkun effettivament eżerċitat f’dan l-Istat l-ieħor, jiġifieri meta l-impjegat ikun fiżikament preżenti f’dan l-Istat l-ieħor sabiex fih jeżerċita din l-attività.”

 Id-dritt Belġjan

6        L-Artikolu 3 tal-code des impôts sur les revenus 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul 1992) jipprevedi:

“L-abitanti tar-Renju huma suġġetti għat-taxxa fuq il-persuni fiżiċi.”

7        L-Artikolu 5 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“L-abitanti tar-Renju huma suġġetti għat-taxxa fuq il-persuni fiżiċi fir-rigward tad-dħul taxxabbli kollu tagħhom li għalih hemm riferiment f’dan il-kodiċi, minkejja li ċertu dħul jkun ġie ġġenerat jew irċevut barra mill-pajjiż.”

8        L-Artikolu 155 tal-imsemmi kodiċi jiddikjara:

“Id-dħul eżentat skont ftehimiet internazzjonali għall-ħelsien mit-taxxa doppja għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tat-taxxa, iżda din titnaqqas proporzjonalment mal-parti mid-dħul eżentat fit-total tad-dħul [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        B. Sauvage u K. Lejeune jirrisjedu fil-Belġju, fejn huma suġġetti għat-taxxa tal-persuni fiżiċi fuq id-dħul globali tagħhom. B. Sauvage jokkupa impjieg b’salarju f’kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu. Il-funzjonijiet ta’ konsulent li jeżerċita jwassluh sabiex iwettaq vjaġġi qosra u sabiex jassisti għal laqgħat f’isem il-persuna li timpjegah barra minn dan l-aħħar Stat.

10      Għall-eżerċizzji fiskali li jikkorrispondu għas-snin 2007 u 2009, B. Sauvage iddikjara s-salarji tiegħu bħala dħul taxxabbli fil-Belġju, issa ddikjara wkoll dan id-dħul bħala dħul eżentat suġġett għar-riżerva ta’ progressività.

11      Wara li saret verifika dwar il-post fejn B. Sauvage jeżerċita l-attività b’salarju, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana rrettifikat il-bażijiet taxxabbli fir-rigward ta’ dawn it-tliet eżerċizzji fiskali. Hija qieset li, bis-saħħa tal-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, il-parti tar-remunerazzjonijiet relatata mal-impjieg b’salarju ta’ B. Sauvage fil-Lussemburgu u korrispondenti għal ġranet li matulhom B. Sauvage kien effettivament eżerċita l-attività b’salarju tiegħu barra mit-territorju Lussemburgiż kienet taxxabbli fil-Belġju.

12      B. Sauvage u K. Lejeune ressqu lmenti kontra d-deċiżjonijiet ta’ din l-amministrazzjoni li kienu jirrigwardawhom. Peress li hija ċaħdet dawn l-ilmenti, il-partijiet ikkonċernati ppreżentaw rikors quddiem it-tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège, il-Belġju), li permezz tiegħu huma kkontestaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) ta’ din il-konvenzjoni mogħtija mill-imsemmija amministrazzjoni.

13      Quddiem din il-qorti, B. Sauvage u K. Lejeune sostnew, prinċipalment, li dan l-Artikolu 15(1) kellu jiġi interpretat fis-sens li vjaġġi limitati u okkażjonali ma kinux jostakolaw il-ġurisdizzjoni fiskali esklużiva tal-Istat li minnu joriġina d-dħul, ladarba l-attività kkonċernata kienet eżerċitata fil-parti l-kbira f’dan l-Istat u li s-servizzi pprovduti barra mill-imsemmi Stat kienu jidħlu fil-qafas tal-impjieg b’salarju eżerċitat fil-Lussemburgu. Sussidjarjament, B. Sauvage u K. Lejeune invokaw il-ksur tal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mit-Trattat FUE.

14      Il-qorti tar-rinviju tindika, essenzjalment, li s-sistema fiskali inkwistjoni tiddiswadi lill-impjegati residenti Belġjani li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ B. Sauvage milli jaċċettaw impjiegi fi Stat Membru minbarra r-Renju tal-Belġju, li jinvolvu vjaġġi barra mill-pajjiż ta’ impjieg. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn resident Belġjan jeżerċita impjieg b’salarju fuq mezz ta’ trasport operat fi traffiku internazzjonali minn impriża bit-tmexxija effettiva tagħha fil-Lussemburgu, l-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Lussemburgu jipprevedi li d-dħul kollu tiegħu relatat ma’ tali attività b’salarju huwa eżentat mit-taxxa fil-Belġju, anki meta l-attività li għaliha jitħallas dan id-dħul tiġi effettivament eżerċitata barra mil-Lussemburgu.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 15(1) tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja ffirmat bejn il-Belġju u l-Gran-Dukat tal-Lussemburgu fis-17 ta’ Settembru 1970, interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi limitata s-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istat sors fuq ir-remunerazzjonijiet ta’ impjegat residenti fil-Belġju li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu għal persuna li timpjega Lussemburgiża fi proporzjon tal-attività eżerċitata fit-territorju Lussemburgiż, interpretat bħala li jippermetti li l-Istat ta’ residenza jingħata setgħa ta’ tassazzjoni fuq il-bilanċ tar-remunerazzjonijiet relatati mal-attivitajiet eżerċitati barra mit-territorju Lussemburgiż, interpretat bħala li jeħtieġ preżenza fiżika permanenti u ta’ kuljum tal-impjegat fis-sede tal-persuna li timpjegah meta ma huwiex ikkontestat li huwa jmur f’din is-sede regolarment wara li saret evalwazzjoni ġudizzjarja mwettqa b’mod flessibbli abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli u interpretat bħala li jeħtieġ li jkunu qrati u tribunali li jevalwaw l-eżistenza u l-importanza tas-servizzi pprovduti fiż-żewġ naħat, ġurnata b’ġurnata, sabiex jintlaħaq proporzjon fuq 220 jum ta’ ħidma, jikser l-Artikolu 45 [TFUE] sa fejn jikkostitwixxi ostaklu ta’ natura fiskali li jiskoraġġixxi l-attivitajiet transkonfinali u l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali sa fejn ma jipprovdix sistema stabbli u żgura ta’ eżenzjoni tar-remunerazzjonijiet kollha rċevuti minn resident Belġjan taħt kuntratt ma’ persuna li timpjega li s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha tinsab fil-Gran-Dukat tal-Lussemburgu u tesponih għal riskju ta’ taxxa doppja fuq parti jew it-totalità tad-dħul tiegħu u għal sistema imprevedibbli u nieqsa minn kwalunkwe ċertezza legali?”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi indikat li l-Gvern Belġjan isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħti deċiżjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-konformità tad-dritt nazzonali jew tad-dritt internazzjonali konvenzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Skont dan il-gvern, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, min-naħa l-oħra, tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jippermettulhom isolvu l-kwistjonijiet ġuridiċi li bihom jiġu aditi.

17      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, biex tagħti deċiżjoni dwar il-ksur eventwali, minn Stat Membru kontraenti, tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri, li jservu sabiex jiġu eliminati jew sabiex jittaffew l-effetti negattivi li jirriżultaw mill-koeżistenza ta’ sistemi fiskali nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tista’ teżamina r-relazzjoni bejn miżura nazzjonali u d-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, bħall-konvenzjoni fiskali bilaterali inkwistjoni fil-kawża prinċipaji, inkwantu din il-kwistjoni ma taqax taħt l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Damseaux, C-218/08, EU:C:2009:471, punt 22).

18      Madankollu, meta sistema fiskali li tirriżulta minn konvenzjoni fiskali intiża għall-ħelsien mit-taxxa doppja tagħmel parti mill-qafas legali applikabbli għal kawża u li tkun ġiet ippreżentata bħala tali mill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu teħodha inkwistjoni sabiex tagħti interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, EU:C:2006:51, punt 51).

19      Issa, f’dan il-każ, is-sistema fiskali li tirriżulta mill-Konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Lussemburgu tagħmel parti mill-qafas legali applikabbli għall-kawża prinċipali u ġiet ippreżentata bħala tali mill-qorti tar-rinviju. Għalhekk, sabiex tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għal din il-qorti, jeħtieġ li din tittieħed inkunsiderazzjoni.

20      Fir-rigward tat-trattament fiskali li jirriżulta mill-Konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, jeħtieġ li jiġi osservat li d-domanda magħmula tistrieħ fuq il-premessa li, skont din il-konvenzjoni, l-eżenzjoni mit-taxxa Belġjana tad-dħul li joriġina mil-Lussemburgu ta’ resident Belġjan relatat ma’ impjieg b’salarju eżerċitat fil-Lussemburgu hija suġġetta għall-preżenza fiżika ta’ dan ir-resident f’dan l-Istat Membru. B’hekk, fil-każ fejn l-attività li minħabba fiha jitħallas dan id-dħul tiġi effettivament eżerċitata barra mill-imsemmi Stat, it-tassazzjoni tad-dħul relatat ma’ din l-attività taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Belġju.

21      Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema fiskali ta’ Stat Membru li tirriżulta minn konvenzjoni fiskali intiża għall-ħelsien mit-taxxa doppja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżenzjoni tad-dħul ta’ resident li joriġina minn Stat Membru ieħor u relatat ma’ impjieg b’salarju eżerċitat f’dan l-aħħar Stat għall-kundizzjoni li l-attività li minħabba fiha jitħallas id-dħul tiġi effettivament eżerċitata fl-imsemmi Stat Membru.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni Ewropea sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kriterji ta’ tassazzjoni fuq id-dħul u fuq il-patrimonju sabiex tiġi eliminata, jekk ikun il-każ permezz ta’ ftehim, it-tassazzjoni doppja. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest ta’ konvenzjonijiet bilaterali intiżi għall-ħelsien mit-taxxa doppja, jistabbilixxu l-fatturi ta’ rabta għall-finijiet tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet, C-303/12, EU:C:2013:822, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Għal dan il-għan, ma huwiex irraġonevoli għall-Istati Membri li jużaw il-kriterji segwiti fil-prassi fiskali internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly, C-336/96, EU:C:1998:221, punt 31, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Damseaux, C-128/08, EU:C:2009:471, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      Madankollu, it-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza ma tippermettix lill-Istati Membri japplikaw miżuri kuntrarji għal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE. Fil-fatt, fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni hekk imqassma fil-kuntest ta’ konvenzjoni bilaterali għall-ħelsien mit-taxxa doppja, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkonformaw lilhom infushom mar-regoli tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, li josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenzi tat-12 ta Diċembru 2002, de Groot, C-385/00, EU:C:2002:750, punt 94 kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet, C-303/12, EU:C:2013:822, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li huwa biex jiġi evitat li l-istess dħul relatat ma’ impjieg b’salarju eżerċitat fil-Lussemburgu jiġi ntaxxat kemm fl-Istat ta’ residenza tal-impjegat, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, u fl-Istat li minnu joriġina dan id-dħul, jiġifieri l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li billi l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Lussemburgu jsemmi bħala prinċipju l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-mudell ta’ konvenzjoni fiskali dwar id-dħul u l-patrimonju elaborat mill-Organizzizzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku, huwa jwettaq tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali fir-rigward tal-imsemmi dħul bejn dawn iż-żewġ Stati kontraenti.

26      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dħul ta’ resident Belġjan relatat ma’ impjieg b’salarju eżerċitat fil-Lussemburgu, meta l-attività li għaliha jitħallas dan id-dħul hija effettivament eżerċitata barra mil-Lussemburgu, ma huwiex suġġett għal trattament differenti minn dak li għalih huwa suġġett id-dħul relatat ma’ impjieg b’salarju fit-territorju nazzjonali. Għalhekk, jidher li l-iżvantaġġ allegat huwa marbut mal-għażla tal-Istati partijiet fil-Konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Lussemburgu tal-fattur ta’ rabta fir-rigward tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali tagħhom fid-dawl tad-dħul minn salarji inkwistjoni u mat-trattament fiskali iktar favorevoli li għalih huwa suġġett, fil-Lussemburgu, id-dħul minn salarji taxxabbli, u mhux ma’ trattament fiskali żvantaġġuż ta’ dan id-dħul mir-Renju tal-Belġju.

27      Issa, minn naħa, peress li l-Istati Membri, kif ġie espost fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, huma liberi li jiddefinixxu l-fatturi ta’ rabta għall-finijiet tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali tagħhom, is-sempliċi ċirkustanza li ġie deċiż li l-ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat li minnu joriġina d-dħul tiġi ssuġġettata għall-preżenza fiżika tar-resident impjegat fit-territorju ta’ dan l-Istat ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni jew differenza fit-trattament ipprojbita taħt il-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly, C-336/96, EU:C:1998:221, punt 30).

28      Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja huwa li jiġi evitat li l-istess dħul jiġi ntaxxat f’kull waħda miż-żewġ partijiet f’din il-konvenzjoni u mhux li jiġi ggarantit li t-taxxa li għaliha hija suġġetta l-persuna taxxabbli f’parti kontraenti ma tkunx ogħla minn dik li għaliha hija tkun suġġetta fil-parti kontraenti l-oħra (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C-241/14, EU:C:2015:766, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, trattament fiskali żvantaġġuż, li jirriżulta mit-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali bejn ir-Renju tal-Belġju, bħala Stat ta’ residenza tal-persuna taxxabbli, u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, bħala Stat li minnu joriġina d-dħul mis-salarju kkonċernat, u d-disparità li teżisti bejn is-sistemi fiskali ta’ dawn iż-żewġ Stati, ma jistax jitqies li jikkostitwixxi diskriminazzjoni jew differenza fit-trattament ipprojbita fid-dawl tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

29      It-tieni nett, iċ-ċirkustanza li jiġi ssuġġettat għat-taxxa, fil-Belġju, id-dħul relatat ma’ impjieg b’salarju eżerċitat fil-Lussemburgu, imħallas lil resident Belġjan u li jikkorrispondi għal ġranet li matulhom l-attività li tat lok għall-ħlas ta’ dan id-dħul ġiet effettivament eżerċitata barra mil-Lussemburgu lanqas ma tista’ titqies li tissuġġetta lil dan ir-resident għal trattament inqas vantaġġuż minn dak irriżervat għal resident Belġjan li jeżerċita impjieg b’salarju fil-Belġju, li, b’mod okkażjonali jew regolari, eżerċita effettivament l-attività li għaliha jirċievi salarju barra minn dan l-aħħar Stat, fejn id-dħul mis-salarju tat-tieni minn dawn ir-residenti huwa intaxxat mill-Belġju fl-intier tiegħu, filwaqt li dak tal-ewwel mill-imsemmija residenti huwa ntaxxat minn dan l-Istat biss sa fejn l-attività li tat lok għall-ħlas ta’ dan id-dħul ġiet effettivament eżerċitata barra mil-Lussemburgu.

30      It-tielet nett, lanqas ma jista’ jiġi sostnut li resident Belġjan li jeżerċita attività li għaliha jirċievi salarju fil-Lussemburgu, li, b’mod okkażjonali jew regolari, hija effettivament eżerċitata barra minn dan l-Istat, iġarrab trattament inqas vantaġġuż minn dak irriżervat għal resident Belġjan li jeżerċita impjieg b’salarju wkoll fil-Lussemburgu, iżda li għalih il-preżenza tiegħu f’dan l-aħħar Stat hija indispensabbli, u li, konsegwentement, jeżerċita l-attività tiegħu li għaliha jirċievi salarju biss fit-territorju ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, sew wieħed kif ukoll l-ieħor igawdu mill-eżenzjoni prevista mill-Konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Lussemburgu u l-leġiżlazzjoni nazzjonali Belġjana fir-rigward tad-dħul tagħhom b’salarju relatat mal-ġranet li matulhom l-attivitajiet li għalihom jirċievu salarju huma effettivament eżerċitati fil-Lussemburgu.

31      Fir-rigward tal-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, hekk kif esponiet il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tipprevedi li d-dħul ta’ resident Belġjan li joriġina minn impjieg b’salarju eżerċitat abbord mezz ta’ trasport operat fi traffiku internazzjonali minn impriża li għandha s-seda u t-tmexxija effettiva tagħha fil-Lussemburgu, anki meta l-attività li tat lok għall-ħlas ta’ dan id-dħul ma ġietx effettivament eżerċitata f’dan l-Istat, huwa eżentat mit-taxxa fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, resident Belġjan li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ B. Sauvage jiġi ntaxxat fil-Belġju jekk l-attività li tat lok għall-ħlas tad-dħul ikkonċernat ma tkunx effettivament eżerċitata fil-Lussemburgu.

32      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-fatt li ntgħażlu fatturi ta’ rabta differenti skont jekk l-impjieg b’salarju huwiex ikkaratterizzat jew le minn mobilità qawwija fuq livell internazzjonali ma jistax jitqies li jikkostitwixxi diskriminazzjoni jew differenza fit-trattament ipprojbita fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, fl-assenza ta’ miżura ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja min-naħa tal-Unjoni, din l-għażla taqa’ fuq l-Istati Membri kkonċernati u, barra minn hekk, hija konforma mal-prassi fiskali internazzjonali. Min-naħa l-oħra, resident li jeżerċita impjieg b’salarju li huwa kkaratterizzat minn mobilità qawwija fuq livell internazzjonali, anki minħabba n-natura ta’ din l-attività, ma jinsabx, fi kwalunkwe każ, f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli għal dik ta’ resident li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ B. Sauvage.

33      Fl-aħħar nett, is-sempliċi ċirkustanza li d-dritt għal benefiċċju fiskali jkun suġġett għall-produzzjoni tal-prova, min-naħa tal-persuna taxxabbli, li l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex din tibbenefika minn dan id-dritt huma osservati jew għall-eżistenza ta’ xi inċertezza fir-rigward tad-determinazzjoni tal-oneru fiskali sa mill-bidu ta’ eżerċizzju fiskali ma tistax, fiha nnifisha, tikkostitwixxi ostakolu, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

34      Fil-fatt, fl-ewwel lok, huwa inerenti għall-prinċipju ta’ awtonomija fiskali tal-Istati Membri li dawn tal-aħħar jiddeterminaw il-provi rikjesti kif ukoll il-kundizzjonijiet materjali u formali li għandhom jiġu osservati, sabiex persuna tkun tista’ tgawdi minn benefiċċju fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 37, kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C-326/12, EU:C:2014:2269, punt 47).

35      L-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri għalhekk għandhom dritt jirrikjedu mill-persuna taxxabbli l-provi li huma jqisu neċessarji għall-finijiet tal-applikazzjoni korretta tat-taxxa u sabiex jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ benefiċċju fiskali previst mis-sistema fiskali kkonċernata humiex issodisfatti u, konsegwentement, jekk hemmx lok li jingħata dan il-benefiċċju jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 45, kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C-326/12, EU:C:2014:2269, punt 52).

36      Fit-tieni lok, sa fejn ir-riżultat finali ta’ eżerċizzju fiskali bħala prinċipju jista’ jiġi ddeterminat biss fi tmiem is-sena fiskali kkonċernata, il-fatt li ma tkunx tista’ ssir previżjoni tal-oneru fiskali definittiv ta’ eżerċizzju fiskali b’ċertezza fil-bidu ta’ dan l-eżerċizzju huwa inerenti għas-sistemi fiskali.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix skema fiskali ta’ Stat Membru li tirriżulta minn konvenzjoni fiskali intiża għall-ħelsien mit-taxxa doppja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżenzjoni tad-dħul ta’ resident li joriġina minn Stat Membru ieħor u relatat ma’ impjieg b’salarju eżerċitat f’dan l-aħħar Stat Membru għall-kundizzjoni li l-attività li għaliha jitħallas id-dħul tkun effettivament eżerċitata fl-imsemmi Stat.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix skema fiskali ta’ Stat Membru li tirriżulta minn konvenzjoni fiskali intiża għall-ħelsien mit-taxxa doppja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżenzjoni tad-dħul ta’ resident li joriġina minn Stat Membru ieħor u relatat ma’ impjieg b’salarju eżerċitat f’dan l-aħħar Stat Membru għall-kundizzjoni li l-attività li għaliha jitħallas id-dħul tkun effettivament eżerċitata fl-imsemmi Stat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.