Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Fondi ta’ investiment komuni tat-tip magħluq – Fondi ta’ investiment komuni tat-tip miftuħ – Investimenti fi proprjetajiet immobbli – Taxxi ipotekarji u tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet – Vantaġġ fiskali rriżervat biss għall-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq – Differenza fit-trattament – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Kriterji oġġettivi ta’ differenzazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C-478/19 u C-479/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-21 ta’ Diċembru 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2019, fil-proċeduri

UBS Real Estate Kapitalanlagegesellschaft mbH

vs

Agenzia delle Entrate,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal UBS Real Estate Kapitalanlagegesellschaft mbH, minn S. Ricci u M. Serpieri, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 u 56 KE (li saru, wara emenda, l-Artikoli 49 u 63 TFUE).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn UBS Real Estate Kapitalanlagegesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “UBS Real Estate”) u l-Agenzia delle Entrate (l-Awtorità Fiskali, l-Italja) dwar il-limitazzjoni tal-benefiċċju tat-tnaqqis tat-taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet għall-fondi ta’ investiment tat-tip magħluq biss, bl-esklużjoni ta’ dawk tat-tip miftuħ.

 Id-dritt Taljan

 Id-digriet Leġiżlattiv Nru 347, tal-31 ta’ Ottubru 1990

3        Id-Decreto Legislativo n. 347 – Approvazione del testo unico delle disposizioni concernenti le imposte ipotecaria e catastale (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 347 dwar l-Approvazzjoni tat-Test Uniku dwar id-Dispożizzjonijiet li Jikkonċernaw it-Taxxi Ipotekarji u t-Tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet), tal-31 ta’ Ottubru 1990 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 277, tas-27 ta’ Novembru 1990), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali, jipprovdi, minn naħa, li l-formalitajiet ta’ traskrizzjoni, ta’ reġistrazzjoni ta’ ipoteki, ta’ tiġdid u ta’ annotazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet huma suġġetti għal taxxa ipotekarja (imposta ipotecaria). Il-bażi taxxabbli hija kkostitwita mill-valur tal-proprjetà immobbli ttrasferita jew ikkontribwita u r-rata hija stabbilita għal 1.6 %.

4        Min-naħa l-oħra, it-tariffa tar-Reġistru tal-Artijiet (imposta catastale) hija rregolata wkoll minn dan id-Digriet Leġiżlattiv Nru 347, tal-31 ta’ Ottubru 1990, u hija applikata għat-trasferiment, jiġifieri l-bidla ta’ isem il-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà jew ta’ dritt in rem ieħor fuq proprjetà immobbli rreġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet. Din it-taxxa, li r-rata tagħha hija ta’ 0.4 %, hija proporzjonali għall-valur ta’ din il-proprjetà immobbli.

 Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 58/1998

5        Id-Decreto Legislativo N. 58 – Testo unico delle disposizioni in materia di intermediazione finanziaria, ai sensi degli articoli 8 e 21 della legge 6 febbraio 1996, n. 52 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 58, Test Unifikat tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi dwar l-Intermedjazzjoni Finanzjarja, fis-sens tal-Artikoli 8 u 21 tal-Liġi tas-6 ta’ Frar 1996, Nru 52), tal-24 ta’ Frar 1998 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 71, tas-26 ta’ Marzu 1998), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 58/1998”), fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jindika:

“1.      F’dan id-digriet leġiżlattiv għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(k)      ‘fond miftuħ’ ifisser fond ta’ investiment komuni li l-parteċipanti tiegħu jkollhom id-dritt li jitolbu, fi kwalunkwe ħin, il-fidi tal-ishma skont ir-regoli tal-operat tal-fond;

(l)      ‘fond magħluq’ ifisser fond ta’ investiment komuni li fih id-dritt ta’ fidi ta’ ishma jingħata lill-parteċipanti biss fi skadenzi predeterminati [...]

[...] ”

6        Skont l-Artikolu 36 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv, intitolat “Fondi ta’ investiment komuni”:

“1.      Il-fond ta’ investiment komuni huwa ġestit mill-kumpannija ta’ ġestjoni ta’ portafolli li tkun stabbilixxietu jew minn kumpannija ta’ ġestjoni ta’ portafolli oħra. Din tal-aħħar tiġġestixxi kemm il-fondi li stabbilixxiet hija stess kif ukoll il-fondi stabbiliti minn kumpanniji oħra.

[...]

3.      Il-parteċipazzjoni fil-fond ta’ investiment komuni huwa rregolat mir-regolamenti tal-fond. Il-Banca d’Italia [(il-Bank Ċentrali tal-Italja)], wara konsultazzjoni mal-[Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob) (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u l-Borża, l-Italja)], jistabbilixxi l-kriterji ġenerali applikabbli għar-redazzjoni tar-regolamenti tal-fond kif ukoll il-kontenut minimu ta’ dawn tal-aħħar, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39.

[...]

6.      Kull fond ta’ investiment komuni, jew kull subfond tal-istess fond, jikkostitwixxi patrimonju indipendenti, separat għall-finijiet kollha legali mill-assi tal-kumpannija ta’ ġestjoni ta’ portafolli u dak ta’ kull parteċipant, kif ukoll minn kwalunkwe assi oħra ġestiti mill-istess kumpannija [...].”

7        Skont l-Artikolu 37 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv:

“Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi jiddetermina, permezz ta’ regolament adottat wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali tal-Italja u l-CONSOB, il-kriterji ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-fondi ta’ investiment komuni rigward:

a)      l-iskop tal-investiment;

b)      il-kategoriji ta’ investituri li għalihom hija intiża l-offerta tal-ishma;

c)      it-termini ta’ parteċipazzjoni f’fondi miftuħa u magħluqa, b’mod partikolari l-frekwenza tal-ħruġ u fidi ta’ ishma, il-limitu minimu ta’ sottoskrizzjoni jekk applikabbli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti;

d)      it-tul ta’ żmien minimu u massimu, jekk applikabbli;

d bis)      it-termini u kundizzjonijiet applikabbli għal akkwisti jew kontribuzzjonijiet ta’ proprjetà, kemm fil-ħin tal-kostituzzjoni tal-fond kif ukoll wara, għal fondi li jinvestu esklużivament jew prinċiparjament fi proprjetà immobbli, fi drittijiet ta’ proprjetà immobbli u f’ishma ta’ proprjetà immobbli f’kumpanniji ta’ proprjetà immobbli.

[...]

2 bis.      Ir-regolament imsemmi fil-paragrafu 1 jistabbilixxi wkoll il-kwistjonijiet li dwarhom jiltaqgħu l-parteċipanti f’fondi magħluqa f’assemblea biex jadottaw deċiżjonijiet li jorbtu lill-kumpannija ta’ ġestjoni ta’ portafolli. Il-laqgħa xorta tiddeċiedi dwar is-sostituzzjoni tal-kumpannija ta’ ġestjoni ta’ portafolli, dwar it-talba għal ammissjoni fil-lista meta ma tkunx prevista u dwar bidliet fil-politiki tal-ġestjoni. [...]”

8        Skont l-Artikolu 39 tal-istess digriet leġiżlattiv, intitolat “Regolamenti dwar Fondi”:

“1.      Għal kull fond komuni, regolament jiddefinixxi l-karatteristiċi tiegħu, jirregola l-operat tiegħu, jaħtar il-kumpannija promotriċi, l-amministratur meta ma tkunx il-kumpannija promotriċi, u l-bank kustodju, jiffissa t-tqassim tal-kompiti bejn dawn tal-aħħar u jirregola r-relazzjonijiet eżistenti bejniethom u bejn il-parteċipanti.

2.      Ir-regolament jipprovdi b’mod partikolari:

a)      l-isem u t-tul ta’ żmien tal-fond;

b)      l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni fil-fond, it-termini u kundizzjonijiet tal-ħruġ u t-terminazzjoni ta’ ċertifikati kif ukoll is-sottoskrizzjoni u l-fidi ta’ ishma, kif ukoll il-modalitajiet tal-likwidazzjoni tal-fond;

c)      il-korpi kompetenti għall-għażla ta’ investimenti u l-kriterji għall-allokazzjoni ta’ dawn l-investimenti;

d)      it-tip ta’ proprjetà, strumenti finanzjarji u titoli oħra li fihom huwa possibbli li jiġu investiti l-assi tal-fond;

[...]”

 Id-Digriet Liġi Nru 223/2006

9        L-Artikolu 35, intitolat “Miżuri għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa”, tad-decreto-legge n. 223 – Disposizioni urgenti per il rilancio economico e sociale, per il contenimento e la razionalizzazione della spesa pubblica, nonché interventi in materia di entrate e di contrasto all’evasione fiscale (id-Digriet Liġi Nru 223, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti għall-Irkupru Ekonomiku u Soċjali, għal-Limitazzjoni u r-Razzjonalizzazzjoni tan-Nefqa Pubblika u l-Interventi f’Termini ta’ Dħul u l-Ġlieda Kontra l-Evażjoni tat-Taxxa), tal-4 ta’ Lulju 2006 (GURI Nru 153, tal-4 ta’ Lulju 2006), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 223/2006”), ikkonvertit f’liġi wara l-modifiki introdotti bil-legge n. 248 – Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 4 luglio 2006, n. 223, recante disposizioni urgenti per il rilancio economico e sociale, per il contenimento e la razionalizzazione della spesa pubblica, nonché interventi in materia di entrate e di contrasto all’evasione fiscale (il-Liġi Nru 248, dwar il-Konverżjoni f’Liġi, b’emendi, tad-Digriet Liġi Nru 223 li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti għall-Irkupru Ekonomiku u Soċjali, għal-Limitazzjoni u r-Razzjonalizzazzjoni tan-Nefqa Pubblika u l-Interventi f’Termini ta’ Dħul u l-Ġlieda Kontra l-Evażjoni tat-Taxxa), tal-4 ta’ Awwissu 2006 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 186, tal-11 ta’ Awwissu 2006), fil-paragrafu 10 ter tiegħu jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ bidliet fir-Reġistru tal-Artijiet u entrati relatati ma’ trasferimenti ta’ proprjetà immobbli użata għal skopijiet kummerċjali, imsemmija fil-punt 8 ter tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tad-decreto del presidente della Repubblica n. 633, [istituzione e disciplina dell’imposta sul valore aggiunto (id-Digriet Nru 633 tal-President tar-Repubblika, li joħloq u jirregola t-taxxa fuq il-valur miżjud)], tas-26 ta’ Ottubru 1972 [(Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 292, tal-11 ta’ Novembru 1972)], anki jekk suġġetti għal taxxa fuq il-valur miżjud, li jinvolvu fondi ta’ proprjetà immobbli magħluqa rregolati mill-Artikolu 37 tat-Test Unifikat tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi dwar l-Intermedjazzjoni Finanzjarja li jirriżulta mid-[Digriet Leġiżlattiv Nru 58/1998]), mill-emendi sussegwenti tiegħu, u mill-Artikolu 14-bis tal-legge n. 86 – [Istituzione e disciplina dei fondi comuni di investimento immobiliare chiusi (il-Liġi Nru 86 li toħloq u tirregola l-fondi ta’ investiment immobiljari magħluqa)], tal-25 ta’ Jannar 1994 [(Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 29 tal-5 ta’ Frar 1994)], jew kumpanniji ta’ lokazzjoni finanzjarja, jew banek u intermedjarji finanzjarji […] fir-rigward tax-xiri u lokazzjoni b’għażla ta’ xiri ta’ assi mikrija jew li għandhom jiġu mikrija biss, ir-rati tat-taxxa ipotekarja u t-tariffa tar-Reġistru tal-Artijiet, kif emendati bil-paragrafu 10-bis ta’ dan l-Artikolu, għandhom jitnaqqsu bin-nofs. Id-dispożizzjoni stabbilita hawn fuq għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2006.”

 Id-digriet ministerjali Nru 228/1999

10      Id-decreto ministeriale n. 228 – Regolamento recante norme per la determinazione dei criteri generali cui devono essere uniformati i fondi comuni di investimento (Digriet Ministerjali Nru 228, dwar Regolamenti li Jistabbilixxu Regoli għad-Determinazzjoni tal-Kriterji Ġenerali li Magħhom Għandhom Jikkonformaw il-Fondi ta’ Investiment Komuni), tal-24 ta’ Mejju 1999 (GURI Nru 164, tal-15 ta’ Lulju 1999), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 228/1999”), jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) (d bis) tiegħu:

“Il-fondi ta’ proprjetà immobbli huma fondi li jinvestu esklużivament jew prinċiparjament fi proprjetà immobbli, drittijiet fi proprjetà immobbli u interessi f’kumpanniji ta’ proprjetà immobbli.”

11      Skont l-Artikolu 12bis(1) tad-Digriet Ministerjali Nru 228/1999:

“Il-fondi ta’ proprjetà immobbli għandhom jiġu kkreati f’forma magħluqa.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

12      UBS Real Estate, kumpannija ta’ ġestjoni ta’ portafolli ta’ fondi komuni li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja u fergħa fl-Italja, tiġġestixxi, b’mod partikolari, żewġ fondi ta’ investimenti immobbli tat-tip miftuħ, li twaqqfu taħt id-dritt Ġermaniż, jiġifieri UBS (D) 3 Sector Real Estate Europe (li kien UBS (D) 3 Kontinente Immobilien) u UBS (D) Euroinvest Immobilien Real Estate Investment Fund (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Fondi UBS”).

13      Fl-4 ta’ Ottubru 2006, din il-kumpannija ta’ ġestjoni akkwistat, f’isem il-fondi UBS, żewġ kumplessi ta’ proprjetà immobbli għal użu professjonali li jinsabu f’San Donato Milanese (l-Italja), u waqt ir-reġistrazzjoni tagħhom hija kellha tħallas lill-Awtorità Fiskali, taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet, li s-somma totali tagħhom kienet, għal kull wieħed minn dawn il-kumplessi ta’ proprjetà immobbli, ta’ EUR 802 400 u EUR 820 900, rispettivament.

14      Sussegwentement, l-imsemmija kumpannija ta’ ġestjoni saret taf li d-Digriet Liġi Nru 223/2006 kien daħal fis-seħħ qabel l-akkwisti mwettqa b’dan il-mod, jiġifieri fl-1 ta’ Ottubru 2006, u li fl-Artikolu 35(10 ter) tiegħu dan id-Digriet Liġi kien jipprevedi tnaqqis bin-nofs tat-taxxi ipotekarji u tat-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet għall-akkwisti ta’ proprjetajiet immobbli, imwettqa minn jew f’isem fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq, irregolati mill-Artikolu 37 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 58/1998.

15      Peress li qieset li l-fondi ta’ investiment tat-tip miftuħ kellhom ukoll id-dritt li jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis, l-istess kumpannija ta’ ġestjoni talbet lill-awtorità fiskali r-rimbors ta’ nofs is-somom imħallsa fir-rigward ta’ dawn it-taxxi, fir-rigward taż-żewġ kumplessi ta’ proprjetà immobbli li hija kienet akkwistat f’isem il-fondi UBS.

16      Fin-nuqqas ta’ risposta mill-awtorità fiskali, UBS Real Estate ippreżentat quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Milano (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Milano, l-Italja) rikorsi kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet impliċiti ta’ ċaħda. Permezz ta’ sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2009 (Nri 282/05/09 u 283/05/09), din il-qorti ċaħdet ir-rikorsi, billi qieset li, permezz tad-Digriet Liġi Nru 223/2006, il-leġiżlatur Taljan kellu l-intenzjoni li jillimita l-benefiċċju tat-tnaqqis tat-taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet għall-kategorija tal-fondi ta’ investiment tat-tip magħluq biss.

17      UBS Real Estate appellat minn dawn iż-żewġ sentenzi quddiem il-Commissione tributaria regionale per la Lombardia (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali għal-Lombardia, l-Italja). Permezz ta’ sentenzi tat-3 ta’ April 2012, din il-qorti ċaħdet dawn l-appelli, billi sostniet, essenzjalment, li, minħabba d-differenzi kunsiderevoli li jeżistu bejn il-fondi ta’ investiment tat-tip magħluq, irrikonoxxuti u li joperaw fl-Italja, u dawk tat-tip miftuħ, irrikonoxxuti u li joperaw fil-Ġermanja, ma kienx hemm lok li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza b’mod partikolari tad-dritt tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ differenza fit-trattament, peress li sitwazzjonijiet differenti setgħu jiġu suġġetti għal sistemi fiskali differenti.

18      Billi qieset li l-qorti tal-appell kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-Artikolu 35(10 ter) tad-Digriet Liġi Nru 223/2006 kien konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 43 u 56 KE (li saru, wara emenda, l-Artikoli 18, 49 u 63 TFUE), UBS Real Estate appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appelli tagħha, hija ssostni, b’mod partikolari, li, peress li fl-appell kien ġie kkunsidrat li ż-żewġ tipi ta’ fondi ta’ investiment imsemmija fil-punt preċedenti kienu jikkorrispondu għal sitwazzjonijiet differenti li setgħu jiġu ttrattati b’mod differenti, filwaqt li tali differenzi ma kinux rilevanti fir-rigward tar-ratio legis tal-Artikolu 35(10 ter) tad-Digriet Liġi Nru 223/2006, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment kienu ġew miksura.

19      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, qabel xejn, li s-sistema fiskali Taljana tal-fondi ta’ investiment komuni fi proprjetà immobbli tat-tip magħluq kienet is-suġġett ta’ diversi interventi mil-leġiżlatur nazzjonali matul l-aħħar snin. Dawn l-interventi kienu ispirati minn żewġ għanijiet differenti, jiġifieri dak li jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ strument partikolari ta’ ġestjoni ta’ portafoll u dak li jiġi limitat l-użu tiegħu għal finijiet ta’ evitar tal-leġiżlazzjoni fiskali.

20      Il-qorti tar-rinviju sussegwentement tagħmel kjarifiki dwar il-karatteristiċi speċifiċi taż-żewġ tipi ta’ fondi ta’ investiment ikkonċernati. F’dan ir-rigward, hija tispjega, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar il-fondi ta’ investiment komuni tipprevedi, għall-fondi ta’ investiment tat-tip magħluq, ir-rimbors mill-kumpannija ta’ ġestjoni ta’ portafoll li stabbilixxiethom, biss tal-ishma sottoskritti matul perijodi speċifiċi. Dawn il-fondi huma, għalhekk, ikkaratterizzati minn numru ta’ ishma stabbiliti minn qabel, li ma jvarjawx fiż-żmien. Peress li l-patrimonju, ta’ natura fissa, tal-imsemmija fondi jingħata lilhom waqt il-kostituzzjoni tagħhom, huwa possibbli li wieħed jissottoskrivi għal dawn l-istrumenti ta’ investiment kollettiv biss matul ċertu perijodu stabbilit minn qabel u l-ħlas lura tal-kapital investit b’dan il-mod jista’ jintalab biss fid-data tal-iskadenza tal-istess fondi jew wara d-dekorriment ta’ ċertu numru ta’ snin wara l-istabbiliment tagħhom. Barra minn dawn il-perijodi, l-ishma f’fond ta’ investiment tat-tip magħluq jistgħu biss jinxtraw u jinbiegħu fil-Borża. Peress li t-tul ta’ tali fond ivarja bejn 10 snin u 30 sena, il-patrimonju tiegħu jiġi diviż fi tmiemu bejn id-diversi parteċipanti jew, fil-każ li dan jinbiegħ, l-eventwali profitt jiġi ddistribwit lil dawn tal-aħħar.

21      Min-naħa l-oħra, mil-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli jirriżulta li l-fondi ta’ investiment tat-tip miftuħ huma kkaratterizzati min-natura varjabbli tal-patrimonju tagħhom, li jista’ jiżdied jew jonqos fuq bażi ta’ kuljum, skont is-sottoskrizzjonijiet ġodda jew it-talbiet għal rimbors ta’ ishma. Huwa għalhekk possibbli li wieħed jissottoskrivi għalihom f’kull mument, kif ukoll li jikseb ir-rimbors, totali jew parzjali, tal-kapital ikkontribwit. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, filwaqt li l-investitur ta’ fond tat-tip magħluq li jkollu l-intenzjoni li jirtira mill-investiment tiegħu ma jkollux għażla oħra ħlief li jittrasferixxi l-ishma tiegħu lil terz, id-detentur tal-ishma ta’ fond tat-tip miftuħ ikollu, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jitlob mingħand dan l-aħħar fond, il-ħlas lura tal-ammont li jikkorrispondi għall-ishma tiegħu.

22      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-eventwali bidu ta’ kriżi tas-suq, li jista’ jseħħ wara tnaqqis fil-prezzijiet tal-proprjetà immobbli, jista’ jinkoraġġixxi numru kbir ta’ parteċipanti fil-fondi ta’ investiment tat-tip miftuħ sabiex jitolbu r-rimbors antiċipat tal-ishma tagħhom, li jkollu bħala konsegwenza li jikkawża l-assorbiment tal-“marġni ta’ likwidità” ta’ tali fondi. Dawn tal-aħħar jkunu għalhekk obbligati jbigħu parti mill-proprjetajiet immobbli akkwistati taħt il-valur normali tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jirrispondu għal dawn it-talbiet għal rimbors. F’din il-perspettiva, l-għan tal-leġiżlatur Taljan li fuqu hija bbażata l-limitazzjoni tat-tnaqqis tat-taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet għall-fondi ta’ investiment tat-tip magħluq biss seta’ kien li jippromwovi u jiffavorixxi l-istabbiliment ta’ fondi ta’ investiment li ma jirriżultawx minn “intenzjonijiet spekulattivi u inċerti ħafna”. Madankollu, tali approċċ ma huwiex eżenti minn kritika, peress li fil-fatt joħloq ostakolu għall-investimenti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, minħabba li l-fondi ta’ investiment tat-tip miftuħ, li joriġinaw minn dawn l-Istati, jiġu skoraġġuti milli jakkwistaw proprjetà immobbli għal użu professjonali fl-Italja.

23      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari segwenti, li hija fformulata f’termini identiċi fil-Kawżi C-478/19 u C-479/19:

“Id-dritt [tal-Unjoni] – u b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-[Trattati] fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja – jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 35(10ter) tad-[Digriet Liġi Nru 223/2006], sa fejn jillimita għall-fondi ta’ investiment immobbli magħluqa t-tnaqqis tat-taxxi ipotekarji u ta’ Reġistru tal-Artijiet?”

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Lulju 2019, il-Kawżi C-478/19 u C-479/19 ġew magħquda flimkien għall-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, kif ukoll għas-sentenza.

 Fuq id-domanda preliminari

25      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 43 u 56 KE (li saru, wara emenda, l-Artikoli 49 u 63 TFUE) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-benefiċċju tat-tnaqqis tat-taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet għall-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq biss, bl-esklużjoni ta’ dawk tat-tip miftuħ.

 Fuq il-libertà ta’ moviment applikabbli

26      Preliminarjament, f’dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u l-argument tal-Gvern Taljan li, essenzjalment, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula f’kull waħda mill-kawżi magħquda għandha tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2016/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU 2011, L 174, p. 1), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma kinitx applikabbli fid-data tal-fatti li taw lok għall-kawżi prinċipali.

27      Madankollu, peress li din id-domanda preliminari tagħmel riferiment kemm għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, għandha tiġi ddeterminata l-libertà applikabbli fil-kawżi prinċipali (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C-52/16 u C-113/16, EU:C:2018:157, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt waħda jew l-oħra mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C-480/16, EU:C:2018:480, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak, C-323/18, EU:C:2020:140, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri nazzjonali li jirregolaw l-operazzjonijiet li permezz tagħhom persuni mhux residenti jagħmlu investimenti fi proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jaqgħu kemm taħt l-Artikolu 43 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 49 TFUE), dwar il-libertà ta’ stabbiliment, kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 63 TFUE), dwar il-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C-302/97, EU:C:1999:271, punt 22).

30      Issa, id-dritt li wieħed jakkwista, juża u jneħħi proprjetà immobbli fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li huwa parti neċessarja tal-libertà tal-istabbiliment jiġġenera, meta dan jintuża, movimenti ta’ kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C-370/05, EU:C:2007:59, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C-451/05, EU:C:2007:594, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fil-fatt, il-movimenti ta’ kapital jinkludu t-tranżazzjonijiet li bihom persuni li ma humiex residenti jidħlu għal investimenti ta’ proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru, kif jirriżulta min-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), fejn din in-nomenklatura għad għandha l-istess valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni lill-kunċett ta’ movimenti tal-kapital (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C-52/16 u C-113/16, EU:C:2018:157, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-tnaqqis tat-taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet dwar it-trasferimenti ta’ proprjetà immobbli għal użu professjonali li għalihom huma parti b’mod partikolari fondi ta’ proprjetà tat-tip magħluq.

33      Għalkemm din il-leġiżlazzjoni tista’, a priori, taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE (li saru, wara emenda, l-Artikoli 49 u 63 TFUE), jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest li jikkaratterizza l-kawżi prinċipali, l-eventwali restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment li jirriżultaw mill-imsemmija leġiżlazzjoni jikkostitwixxu konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital u għaldaqstant ma jiġġustifikawx eżami awtonomu tal-istess leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 43 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C-52/16 u C-113/16, EU:C:2018:157, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-akkwist taż-żewġ kumplessi ta’ proprjetà immobbli kkonċernati twettaq minn UBS Real Estate, f’isem il-fondi UBS, biss bħala investiment passiv, bis-sempliċi għan li jsir investiment finanzjarju u mhux sabiex tiġi stabbilita attività ekonomika hemmhekk.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tiġi eżaminata l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali esklużivament fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-kapital, jiġifieri l-Artikolu 56 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 63 TFUE).

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

36      Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56(1)(KE) (li sar, wara emenda, l-Artikolu 63(1) TFUE), bħala restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C-156/17, EU:C:2020:51, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, peress li d-domanda magħmula fil-kuntest tal-kawżi prinċipali hija dik dwar jekk id-differenzi li jeżistu bejn il-fondi ta’ investiment tat-tip magħluq u dawk tat-tip miftuħ jistgħux jippermettu li dawn iż-żewġ tipi ta’ fondi jiġu ttrattati b’mod differenti minn perspettiva fiskali, għandu jiġi eżaminat jekk il-kriterju dwar it-tip “miftuħ” jew “magħluq” tal-fondi ta’ proprjetà immobiljari jistax jikkostitwixxi restrizzjoni, ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56(1) KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 63(1) TFUE).

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju dwar il-forma tal-fond ta’ proprjetà immobbli fih innifsu ma jikkostitwixxix differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ proprjetà immobbli residenti u mhux residenti.

39      Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi residenti u għall-operaturi mhux residenti tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li anki differenzazzjoni bbażata fuq kriterji oġġettivi tista’, fil-fatt, tiżvantaġġa s-sitwazzjonijiet transkonfinali (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C-156/17, EU:C:2020:51, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Dan huwa l-każ meta leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi residenti u mhux residenti tirriżerva l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali għas-sitwazzjonijiet li fihom operatur jissodisfa kundizzjonijiet jew obbligi li jkunu, min-natura tagħhom jew fil-fatt, speċifiċi għas-suq nazzjonali, b’tali mod li jkunu biss l-operaturi preżenti fis-suq nazzjonali li jkunu jistgħu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, u li l-operaturi mhux residenti li jkollhom karatteristiċi komparabbli ġeneralment ma jissodisfawhomx (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C-156/17, EU:C:2020:51, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 12bis tad-Digriet Ministerjali Nru 228/1999, fl-Italja l-fondi tal-proprjetà immobbli jistgħu jinħolqu biss bħala fondi ta’ investiment tat-tip magħluq.

42      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 u 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li huma biss il-fondi ta’ proprjetà immobbli li jaqgħu taħt id-dritt ta’ Stati Membri oħra li ma humiex ir-Repubblika Taljana li jistgħu jiġu kkostitwiti fil-forma ta’ fondi ta’ investiment tat-tip miftuħ u jistgħu, konsegwentement, jiġu rrifjutati l-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali mogħti fl-Artikolu 35(10 ter) tad-Digriet Liġi Nru 223/2006, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ distinzjoni bbażat fuq in-natura “miftuħa” jew “magħluqa” tal-fondi ta’ investiment twassal sabiex jiġu żvantaġġati l-fondi ta’ proprjetà immobbli li jaqgħu taħt id-dritt ta’ Stati Membri oħra li ma humiex ir-Repubblika Taljana, u b’hekk tinħoloq differenza fit-trattament għad-detriment tagħhom.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, kif issostni l-qorti tar-rinviju, din id-differenza fit-trattament hija ta’ natura li tiddiswadi l-fondi ta’ investiment tat-tip miftuħ li jaqgħu taħt id-dritt ta’ Stat Membri li ma humiex ir-Repubblika Taljana milli jakkwistaw proprjetajiet immobbli għal użu professjonali fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat u għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 63 TFUE).

44      Madankollu, skont l-Artikolu 58(1)(a) KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 65(1)(a) TFUE), l-Artikolu 56 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 63 TFUE) ma jippreġudikax id-dritt li l-Istati Membri għandhom li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jistabbilixxu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni f’dak li jikkonċerna r-residenza tagħhom jew il-post jew postijiet fejn il-kapital tagħhom ikun investit.

45      Sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, dan ma jistax jiġi interpretat fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattati. Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 58(1)(a) KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 65(1)(a) TFUE) hi hija stess limitata mill-Artikolu 58(3) KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 65(3) TFUE), li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 58 (li sar, wara emenda, l-Artikolu 65 TFUE) “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu [56 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 63 TFUE)]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS, C-480/19, EU:C:2021:334, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għaldaqstant hemm lok li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 58(1)(a) KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 65(1)(a) TFUE) u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 58(3) KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 65(3) TFUE). Issa, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta minnha tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex komparabbli b’mod oġġettiv jew li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS, C-480/19, EU:C:2021:334, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli

47      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ April 2020, Société Générale, C-565/18, EU:C:2020:318, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-għan u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni kkonċernata li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C-252/14, EU:C:2016:402, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan ir-rigward, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, sabiex jiġi eżaminat jekk teżistix differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjoni tal-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip miftuħ u dik tal-fondi tat-tip magħluq, id-diffikultà prinċipali hija marbuta mal-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tesponix b’mod ċar ir-raġuni għalfejn il-vantaġġ fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien previst fid-dritt Taljan.

50      Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-għan tal-vantaġġ fiskali mogħti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-qorti tar-rinviju użat biss termini ġenerali sabiex tindika li, matul l-aħħar snin, is-sistema fiskali tal-fondi ta’ investiment fi proprjetà immobbli komuni tat-tip magħluq ġiet suġġetta għal numru kbir ta’ interventi tal-leġiżlatur li kienu ispirati minn żewġ għanijiet opposti, jiġifieri dak li jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ strument partikolari ta’ ġestjoni ta’ portafoll u dak tal-limitazzjoni tal-użu tiegħu għal skopijiet ta’ evitar tal-leġiżlazzjoni. L-imsemmija qorti osservat li l-eventwali bidu ta’ kriżi tas-suq, li tista’ sseħħ wara tnaqqis fil-prezzijiet tal-proprjetà immobbli, jista’ jinkoraġġixxi numru kbir ta’ parteċipanti fil-fondi ta’ investiment tat-tip miftuħ sabiex jitolbu r-rimbors antiċipat tal-ishma tagħhom, li jkollu bħala konsegwenza li jikkawża l-assorbiment tal-“marġni ta’ likwidità” ta’ tali fondi. Dawn tal-aħħar ikunu għalhekk obbligati jbigħu parti mill-proprjetajiet immobbli akkwistati taħt il-valur normali tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw dawn it-talbiet għal rimbors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tindika li l-għan tal-leġiżlatur Taljan li huwa l-bażi tal-vantaġġ fiskali mogħti fl-Artikolu 35(10 ter) tad-Digriet Liġi Nru 223/2006 lill-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq jista’ jikkonsisti fil-promozzjoni u fl-inkoraġġiment tal-kostituzzjoni ta’ fondi ta’ investiment li ma jirriżultawx minn intenzjonijiet spekulattivi u inċerti ħafna.

51      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-pożizzjonijiet espressi mid-diversi partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub huma kunsiderevolment diverġenti fir-rigward tal-għan tal-vantaġġ fiskali mogħti fl-Artikolu 35(10 ter) tad-Digriet Liġi Nru 223/2006, li jikkonsisti fi tnaqqis ta’ 50 % tar-rata tat-taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet għall-akkwisti ta’ proprjetajiet immobbli mwettqa minn jew f’isem fondi tat-tip magħluq irregolati mill-Artikolu 37 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 58/1998.

52      L-ewwel nett, UBS Real Estate tikkontesta l-preżunzjoni li fuqha tibbaża ruħha l-qorti tar-rinviju u ssostni li r-ratio legis ta’ dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tnaqqas bin-nofs l-ammont li għandu jitħallas bħala taxxi ta’ pubbliċità fuq proprjetà immobbli, tinsab fil-ħtieġa li jiġi evitat li operaturi li jwettqu attivitajiet ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli b’mod frekwenti u b’mod professjonali jiġu ppenalizzati minn din l-attività, billi jħallsu darbtejn l-istess taxxi, jiġifieri kemm fil-mument tal-akkwist ta’ proprjetà immobbli kif ukoll meta jsir l-akkwist tagħha, fatt dan li huwa kkonfermat b’mod partikolari minn studju tal-Consiglio nazionale del Notariato (il-Kunsill Nazzjonali tan-Nutara, l-Italja) u minn ċirkulari tal-Associazione fra le società italiane per azioni (Assonime) (l-Assoċjazzjoni ta’ kumpanniji Taljani b’ishma konġunti).

53      Sussegwentement, il-Gvern Taljan iqis li d-differenzi ta’ natura funzjonali u strutturali li jeżistu bejn il-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq u dawk tat-tip miftuħ, kemm f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ sottoskrizzjoni u l-modalitajiet ta’ xiri mill-ġdid tal-ishma jew il-karatteristiċi ta’ kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ fondi, juru li l-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip miftuħ ma jinsabux f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli ma’ dik tal-fondi tat-tip magħluq. Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-oriġini tad-dispożizzjoni nazzjonali, li minnha jirriżulta li l-leġiżlatur Taljan kellu l-intenzjoni li jirriżerva dan il-vantaġġ fiskali biss għall-investimenti ta’ natura effettivament immobbli, bl-esklużjoni ta’ dawk ta’ natura mobbli, anki jekk dawn tal-aħħar jiġu rkuprati permezz tal-akkwist temporanju ta’ beni immobbli, u din il-leġiżlazzjoni hija intiża, essenzjalment, sabiex tiffavorixxi l-istabbiliment, fl-Italja, tal-fondi tat-tip magħluq li jwettqu investimenti tat-tip immobbli.

54      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni Ewropea tirrileva li d-dritt Taljan jimponi leġiżlazzjoni materjali waħda applikabbli għall-fondi ta’ investiment komuni kollha, iżda jagħti trattament fiskali favorevoli għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli għal użu professjonali minn fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq fil-forma ta’ tnaqqis tat-taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet. Issa, peress li l-għan prinċipali tal-fondi tat-tip magħluq, bħall-fondi tat-tip miftuħ, huwa dak li jagħti lis-sottoskrivent il-possibbiltà li jwettaq investiment finanzjarju, teżisti komparabbiltà perfetta bejn il-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq u dawk tat-tip miftuħ. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-fond li jikkonsisti fl-akkwist ta’ proprjetajiet immobbli sabiex sussegwentement jinbiegħu mill-ġdid, il-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq u l-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip miftuħ huma wkoll komparabbli.

55      F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u s-sistema fiskali nazzjonali kkonċernata kollha, li għandha tiddetermina l-għan prinċipali mfittex minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C-156/17, EU:C:2020:51, punt 79).

56      F’dan ir-rigward, jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-għan tal-Artikolu 35(10 ter) tad-Digriet Liġi Nru 223/2006 huwa intiż sabiex jipprevjeni li fond jiġi ppenalizzat permezz ta’ taxxa doppja waqt l-akkwist ta’ beni immobbli u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl ta’ dan l-għan u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fondi tat-tip miftuħ u dawk tat-tip magħluq ikunu jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli.

57      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tista’ tikkonkludi li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma intiżi sabiex jippromwovu u jiffavorixxu l-istabbiliment ta’ fondi tat-tip magħluq li ma jirriżultawx minn intenzjonijiet spekulattivi u inċerti ħafna, u sabiex jillimitaw ir-riskji sistemiċi fis-suq tal-proprjetà immobbli, u li tali kunsiderazzjonijiet għalhekk jikkostitwixxu l-bażi li fuqha l-fondi tat-tip miftuħ huma esklużi mill-vantaġġ fiskali mogħti fl-Artikolu 35(10 ter) tad-Digriet Liġi Nru 223/2006. Issa, għandu jiġi rrilevat li kunsiderazzjonijiet ta’ din in-natura ma jirrigwardawx speċifikament ir-raġunijiet li jiddistingwu l-fondi tat-tip miftuħ mill-fondi tat-tip magħluq fir-rigward tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni.

58      Għandu jingħad ukoll, f’dak li jikkonċerna l-għan u l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni, li dawn jikkonsistu f’li jiġi previst tnaqqis ta’ 50 % tar-rata tat-taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet għall-akkwisti ta’ beni immobbli mwettqa minn jew f’isem fondi tat-tip magħluq irregolati mill-Artikolu 37 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 58/1998 u li, fir-rigward ta’ tali vantaġġ fiskali, fond tat-tip magħluq u fond tat-tip miftuħ, inkwantu kull wieħed minnhom iwettaq l-attività li tikkonsisti fix-xiri u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tal-proprjetà immobbli suġġetta għal taxxa doppja, jidhru li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament stabbilita minn dan l-Artikolu 37 tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

 Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

60      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi aċċettata jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS, C-480/19, EU:C:2021:334, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma invokatx tali raġunijiet fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, hija spjegat, kif ġie rrilevat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-għanijiet li ispiraw l-interventi tal-leġiżlatur fil-qasam tat-trattament fiskali tal-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq, jiġifieri dak li jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ strument partikolari ta’ ġestjoni ta’ portafoll, dak li jiġi limitat l-użu tiegħu għal finijiet ta’ evitar tal-leġiżlazzjoni, kif ukoll dak intiż sabiex jippromwovi u jiffavorixxi l-kostituzzjoni tal-fondi tat-tip magħluq li ma jirriżultawx minn intenzjonijiet spekulattivi u inċerti ħafna, peress li dawn id-diversi interventi leġiżlattivi ġew iggwidati minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-ħtieġa li jiġu limitati r-riskji sistemiċi fis-suq tal-proprjetà immobbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan taw diversi raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali u l-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, rispettivament.

62      Fir-rigward, qabel xejn, tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital tista’ tkun iġġustifikata mill-ħtieġa ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal-evażjoni fiskali meta din tkun tirrigwarda speċifikament l-arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika, maħluqa bl-għan li tiġi evitata t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati minn attivitajiet imwettqa fit-territorju nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni jew ta’ frodi fiskali ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika miżura fiskali li tippreġudika l-għanijiet tat-Trattati (sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C-451/05, EU:C:2007:594, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali teskludi mill-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali l-fondi ta’ proprjetà immobbli kollha tat-tip miftuħ, hija manifestament ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt ta’ qabel dan u, għaldaqstant, ma tistax tkun iġġustifikata min-neċessità li jiġu evitati l-frodi u l-evażjoni fiskali.

64      Fl-aħħar nett, il-Gvern Taljan isostni li d-differenza fit-trattament stabbilita bl-Artikolu 35(10 ter) tad-Digriet Liġi Nru 223/2006 hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jinżamm il-bilanċ u l-koerenza tas-sistema nazzjonali, peress li d-dritt Taljan jirrikonoxxi biss il-fondi ta’ investiment tat-tip magħluq bħala l-unika kategorija ta’ fondi li tista’ twettaq akkwisti ta’ proprjetà immobbli.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa li titħares il-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni ta’ natura li tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Marzu 2014, Bouanich, C-375/12, EU:C:2014:138, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jintlaqa’, jeħtieġ li tkun ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari, u n-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni kkonċernata (sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punti 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Marzu 2014, Bouanich, C-375/12, EU:C:2014:138, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana ma wrietx li l-vantaġġ fiskali mogħti lill-fondi Taljani tat-tip magħluq kien ikkumpensat minn impożizzjoni fiskali speċifika, li b’hekk tiġġustifika l-esklużjoni tal-fondi ta’ proprjetà immobbli li jaqgħu taħt id-dritt ta’ Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana mill-benefiċċju ta’ dan il-vantaġġ.

68      Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-neċessità li jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ strument partikolari ta’ ġestjoni ta’ portafoll, tal-kostituzzjoni tal-fondi tat-tip magħluq li ma jirriżultawx minn intenzjonijiet spekulattivi u inċerti ħafna, kif ukoll tan-neċessità li jiġu limitati r-riskji sistemiċi fis-suq tal-proprjetà immobbli, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda n-neċessità li jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ strument partikolari, li dan l-għan jidher li jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza biss il-ħolqien tal-fondi tat-tip magħluq.

69      Madankollu, trattament fiskali sfavorevoli tal-fondi ta’ tip ieħor, maħluqa skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor, iwassal, essenzjalment, sabiex sistematikament jiġu pprivileġġati l-fondi nazzjonali.

70      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, għan ta’ natura purament ekonomika ma jistax jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattati (sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Novo Banco, C-712/19, EU:C:2021:137, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fit-tieni lok, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 88 u 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi indikat li n-natura miftuħa jew magħluqa ta’ fond ma tidhirx li hija marbuta mal-livell ta’ spekulazzjoni tal-investimenti mwettqa minn dan il-fond jew man-natura ftit jew wisq ċerta tal-intenzjonijiet f’dan ir-rigward u li l-karatteristika ta’ fondi tat-tip magħluq ma tobbligax lil tali fond iżomm il-proprjetà li akkwista għal żmien itwal milli kieku kien fond tat-tip miftuħ.

72      Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li n-neċessità li tiġi evitata l-ispekulazzjoni immobbiljari tista’ titqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, din ma tistax tiġi invokata fil-kawżi prinċipali, inkwantu l-applikazzjoni ta’ vantaġġ fiskali biss għall-fondi tat-tip magħluq bl-esklużjoni tal-fondi tat-tip miftuħ, ma tidhirx li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

73      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 u 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan intiż li jillimita riskji sistemiċi fis-suq tal-proprjetà immobbli jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Madankollu, sabiex restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tkun tista’ tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġu limitati r-riskji sistemiċi fis-suq tal-proprjetà immobbli, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti vantaġġ fiskali lill-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq biss għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 56 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 63 TFUE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita l-benefiċċju tat-tnaqqis tat-taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet għall-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq biss, bl-esklużjoni ta’ dawk tat-tip miftuħ, jekk kemm-il darba dawn iż-żewġ kategoriji ta’ fondi jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata mill-għan intiż li jillimita riskji sistemiċi fis-suq tal-proprjetà immobbli.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 56 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 63 TFUE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita l-benefiċċju tat-tnaqqis tat-taxxi ipotekarji u t-tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet għall-fondi ta’ proprjetà immobbli tat-tip magħluq biss, bl-esklużjoni ta’ dawk tat-tip miftuħ, jekk kemm-il darba dawn iż-żewġ kategoriji ta’ fondi jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata mill-għan intiż li jillimita riskji sistemiċi fis-suq tal-proprjetà immobbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.