Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Dividendi minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa – Rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa minn kumpannija mhux residenti – Kundizzjonijiet – Moviment liberu tal-kapital – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C-572/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

ACC Silicones Ltd

vs

Lill-Bundeszentralamt für Steuern

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, J.-C. Bonichot (Relatur), L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ACC Silicones Ltd., minn B. Pignot, Rechtsanwalt, u M. A. Linn, Steuerberater,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Mller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u V.Uher, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ACC Silicones Ltd u l-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxi, il-Ġermanja), dwar ir-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miżmum f’ras il-għajn, għall-perijodu mill-2006 sal-2008, fuq id-dividendi mqassma lil din il-kumpannija minn Ambratec GmbH, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/435”), din id-direttiva kienet tapplika għall-kumpanniji parent li kellhom fil-kapital tas-sussidjarji tagħhom sehem minimu ta’ 20 %, dan il-perċentwal minimu ta’ sehem kien sar 15 % mill-1 ta’ Jannar 2007 u 10 % mill-1 ta’ Jannar 2009. Id-Direttiva 90/435 tħassret bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8).

 Id-dritt Ġermaniż

4        Il-punt 1 tal-Artikolu 20(1) tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EStG”), jipprevedi li d-dħul mill-kapital jinkludi l-ishma tal-profitti (dividendi).

5        Il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 43(1) tal-EStG jipprevedi li, fil-każ, inter alia, ta’ dħul minn kapital skont it-tifsira tal-punt 1 tal-paragrafu 20(1) tal-EStG, “taxxa fuq dħul tinġabar billi titnaqqas mid-dħul minn kapital (taxxa fuq dħul minn kapital)”.

6        Skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 8b(1) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KStG”), dwar l-ishma f’kumpanniji u f’assoċjazzjonijiet oħra, qligħ li joriġina skont it-tifsira, inter alia, tal-punt 1 tal-paragrafu 20(1) tal-EStG ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat dħul u, għalhekk, ma huwiex suġġett għal taxxa fuq il-kumpanniji.

7        Dwar it-taxxa ta’ dividendi mqassma lil kumpannija li s-sede tagħha tkun fil-Ġermanja, huwa ċar mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 31(1) tal-KStG u tal-punt 2 tal-paragrafu 36(2) tal-EStG li t-taxxa fuq dħul minn kapital li tkun inġabret permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn hija paċuta b’mod sħiħ mat-taxxa korporattiva mħallsa minn dik il-kumpannija u, fejn ikun xieraq, tista’ tiġi rrimborsata lilha. It-tpaċija u r-rimbors, jekk ikun hemm, tat-taxxa jippreżumu li din it-taxxa tkun inżammet u tħallset, liema fatt għandu jiġi prodott il-prova tiegħu billi jintbagħat ċertifikat amministrattiv, skont il-paragrafu 45a(2) jew (3) tal-EStG.

8        Fir-rigward tat-taxxa tad-dividendi mqassma lil kumpannija li s-sede tagħha ma hijiex stabbilita fil-Ġermanja, l-Artikolu 32(5) tal-KStG huwa fformulat kif ġej:

“(5)      Jekk it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kreditur għal dħul minn kapital skont it-tifsira tal-punt 1 tal-paragrafu 20(1) ta[l-EStG] tkun tħallset definittivament skont is-subparagrafu 1 [tagħha], it-taxxa fuq dħul minn kapital li tkun inżammet u tħallset għandha, meta ssir applikazzjoni, tiġi rrimborsata lill-kreditur tad-dħul minn kapital skont il-punt 2 tal-paragrafu 36(2) ta[l-EStG], jekk

1.      il-kreditur tad-dħul minn kapital ikun kumpannija suġġetta għal responsabbiltà limitata ta’ ħlas tat-taxxa kif jingħad fil-paragrafu 2(1), li

a)      tkun ukoll kumpannija skont it-tifsira tal-Artikolu 54 [TFUE] jew tal-Artikolu 34 tal-[Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)],

b)      ikollha l-uffiċċju rreġistrat u ċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat li għalih japplika l-[Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea],

c)      tkun suġġetta, fl-Istat taċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha, għal responsabbiltà illimitata ta’ ħlas tat-taxxa, mhux fakultattiva, paragunabbli ma’ dik [prevista] fil-paragrafu 1, u ma tkunx eżentata minnha, u

2.      il-kreditur ikollu sehem dirett fil-kapital azzjonarju tad-debitur tad-dħul minn kapital u ma jkunx jissodisfa l-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni stabbilit fil-paragrafu 43b(2) ta[l-EStG].

L-ewwel sentenza għandha tapplika biss sakemm

1.      ir-rimbors tat-taxxa fuq dħul mill-kapital inkwistjoni ma jkun jista’ jsir taħt ebda dispożizzjoni oħra,

2.      id-dħul mill-kapital ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-dħul, skont il-paragrafu 8b(1),

3.      id-dħul mill-kapital ma jkun attribwit, skont dispożizzjonijiet ta’ pajjiż ieħor, lil ebda persuna li ma jkollhiex id-dritt għal rimbors skont dan is-subparagrafu kieku kellha tirċievi d-dħul minn kapital direttament,

4.      dritt għal rimbors sħiħ jew parzjali tat-taxxa fuq dħul minn kapital ma jkunx eskluż jekk il-paragrafu 50d(3) ta[l-EStG] jkun applikat mutatis mutandis, u

5.      il-kreditur jew azzjonist li jkollu sehem azzjonarju dirett jew indirett fil-kreditur ma jkunx jista’ jpaċi t-taxxa fuq dħul minn kapital jew inaqqasha bħala spiża operattiva jew bħala ħruġ relatat ma’ xogħol; il-possibbiltà li tpaċija tkun irriportata għandha titqies bħala tpaċija

Il-kreditur tad-dħul minn kapital għandu jġib prova ta’ konformità mal-kundizzjonijiet għal rimbors. B’mod partikolari, dan għandu jġib prova, permezz ta’ ċertifikat mingħand l-awtoritajiet tat-taxxi tal-pajjiż ta’ residenza tiegħu, li dan jitqies bħala residenti għal skopijiet ta’ taxxa f’dak il-pajjiż, ikun suġġett għal responsabbiltà illimitata għat-taxxa fuq il-kumpanniji hemmhekk, ma jkunx eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji u jkun attwalment qiegħed jirċievi d-dħul minn kapital. Iċ-ċertifikat mingħand l-amministrazzjoni tat-taxxi barranija għandu juri li t-taxxa Ġermaniża fuq dħul minn kapital ma tkunx tista’ titpaċa, titnaqqas jew tkun irriportata u li ma tkun saret ebda tpaċija, tnaqqis jew li xejn fil-fatt ma jkun ġie rriportat. It-taxxa fuq id-dħul minn kapital għandha tkun irrimborsata fir-rigward ta’ kull dħul minn kapital irċevut f’sena kalendarja skont it-tifsira tal-ewwel sentenza abbażi ta’ avviż ta’ eżenzjoni kif tipprovdi t-tielet sentenza tal-paragrafu 155(1) tal-Abgabenordnung [(il-Kodiċi Fiskali Ġermaniż)].”

 Il-Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja 

9        Il-Ftehim tas-26 ta’ Novembru 1964 bejn ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ħelsien mit-taxxa doppja u għall-prevenzjoni ta’ evażjoni fiskali, kif emendat bl-emenda tat-23 ta’ Marzu 1970, kif modifikat b’emenda tat-23 ta’ Marzu 1970 fir-rigward ta’ taxxi fuq dħul u fuq il-patrimonju (BGBl. 1966 II, p. 359, BGBl. 1967 II, p. 828, BGBl. 1971 II, p.  6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja”) jistipula, fl-Artikolu VI(1) tiegħu:

“(1)      Dividendi mħallsa minn kumpannija residenti f’wieħed mit-territorji lil resident fit-territorju l-ieħor jistgħu wkoll ikunu intaxxati fl-ewwel territorju. Madankollu, ma tkunx imposta taxxa f’dak l-ewwel territorju b’rata ogħla minn 15 per centum fuq l-ammont gross ta’ tali dividendi sakemm dawk id-dividendi jkunu suġġetti għat-taxxa fit-territorju l-ieħor jew, bħala dividendi mħallsa minn kumpannija li tkun residenti fir-Renju Unit, ikunu eżenti minn taxxa tar-Repubblika Federali skont id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) tal-paragrafu (2) tal-Artikolu XVIII.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu XVIII(1)(a) tal-imsemmi ftehim jipprevedi kif ġej:

“(1)      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tar-Renju Unit dwar l-allowance bħala kreditu għat-taxxa tar-Renju Unit ta’ taxxa pagabbli f’territorju lil hinn mir-Renju Unit (li ma għandhomx jaffettwaw il-prinċipju ġenerali ta’ dan il-ftehim):

a)      taxxa tar-Repubblika Federali [tal-Ġermanja] pagabbli skont il-liġijiet tar-Repubblika Federali [tal-Ġermanja] fis-sens ta’ dan il-ftehim, kemm jekk direttament kif ukoll jekk bi tnaqqis, fuq profitti jew dħul taxxabbli minn sorsi ġewwa r-Repubblika Federali [tal-Ġermanja] (minbarra fil-każ ta’ dividend, taxxa pagabbli fir-rigward tal-profitti li minnhom jitħallas id-dividend) għandha tkun permessa bħala kreditu għat-taxxa tar-Renju Unit ikkalkolata b’riferiment għall-istess profitti, dħul jew qligħ taxxabbli li b’riferiment għalihom tiġi kkalkolata t-taxxa tar-Repubblika Federali [tal-Ġermanja]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      ACC Silicones Ltd hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit li, matul l-2006 sal-2008, kellha 5.26 % tal-kapital ta’ Ambratec GmbH, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja. ACC Silicones kienet hija stess 100 % proprjetà ta’ kumpannija oħra, stabbilita fir-Renju Unit u kkwotata fil-borża.

12      Matul l-2006 sal-2008, Ambratec wettqet favur ACC Silicones tqassim ta’ dividendi, li fuqhom inġabret, permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital bir-rata ta’ 20 %, miżjuda bit-taxxa ta’ solidarjetà bir-rata ta’ 5.5 %.

13      Fid-29 ta’ Diċembru 2009, ACC Silicones talbet ir-rimbors tat-taxxa hekk imħallsa. Hija talbet, minn naħa, il-limitazzjoni tar-rata tat-taxxa f’ras il-għajn għal 15 %, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu VI(1) tal-Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja. Billi bbażat ruħha fuq il-libertajiet fundamentali tas-suq intern, u b’mod partikolari tal-moviment liberu tal-kapital, hija talbet, min-naħa l-oħra, il-ħlas lura tal-bilanċ tas-somom imħallsa.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2010, l-Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxa laqa’ l-ewwel parti ta’ din it-talba u wettaq il-ħlas lura lil ACC Silicones tat-taxxa f’ras il-għajn li teċċedi r-rata ta’ 15 % prevista mill-Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2015, hija, min-naħa l-oħra, irrifjutat li tirrimborsa lil din il-kumpannija l-bilanċ tat-taxxa mħallsa, minħabba li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 32(5) tal-KStG, li huma intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670) ma kinux issodisfatti.

15      Wara li inutilment talbet ir-rimbors tat-taxxa mħallsa, ACC Silicones ippreżentat rikors kontra d-deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2015 quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), fejn sostniet li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn dan ir-rimbors u, b’mod partikolari, li hija kienet ipprovdiet il-provi rikjesti mill-Artikolu 32(5) tal-KStG.

16      Il-qorti tar-rinviju tqis li ACC Silicones tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ dik prevista fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 32(5) tal-KStG, li tipprevedi li r-rimbors għandu jiġi rrifjutat jekk it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miżmum f’ras il-għajn tista’ tiġi paċuta fuq il-kreditur jew l-assoċjat dirett jew indirett tal-kreditur, jew jekk tista’ titnaqqas bħala spejjeż ta’ operat jew spejjeż professjonali, peress li s-sempliċi possibbiltà ta’ riport tat-tpaċija hija ekwivalenti għal tpaċija. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rimbors jingħata biss jekk l-iżvantaġġ subit, kif imqabbel mar-residenti, mill-persuni mhux residenti benefiċjarji tad-dividendi, ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat bi tpaċija, tnaqqis mill-bażi taxxabbli jew riport ta’ tpaċija f’pajjiż ieħor.

17      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-ħames sentenza tal-Artikolu 32(5) tal-KStG, ACC Silicones għandha tipproduċi l-prova li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta billi tipproduċi ċertifikat mill-awtoritajiet tat-taxxi ta’ barra li jgħid li t-taxxa Ġermaniża fuq dħul minn kapital ma tkunx tista’ tiġi paċuta, titnaqqas jew tkun irriportata u li fil-fatt lanqas kien hemm ebda tpaċija, tnaqqis jew riport.

18      Issa, skont il-qorti tar-rinviju, huwa impossibbli li jiġi żgurat li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ. Fil-fatt, it-trattament tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miżmum f’ras il-għajn mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-kumpannija stabbilita fir-Renju Unit ikkwotata fil-Borża li kellha 100 % tal-kapital ta’ ACC Silicones matul l-2006 sal-2008 ma huwiex materjalment verifikabbli, b’tali mod li t-talba ta’ ACC Silicones għandha tiġi miċħuda.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 32(5) u fil-ħames sentenza tal-Artikolu 32(5) tal-KStG humiex kompatibbli mal-libertà ta’ moviment tal-kapital.

20      Hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-fatt li r-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital lill-kumpanniji mhux residenti li jirċievu dividendi ġejjin minn ishma inferjuri għal-limiti previsti mid-Direttiva 90/435 (iktar ’il quddiem id-“dividendi minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa”) huwa suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti mir-rimbors ta’ din it-taxxa lil kumpanniji residenti jmurx kontra l-moviment liberu tal-kapital. Il-qorti tar-rinviju tirrileva fil-fatt li, skont l-Artikolu 32(5) tal-KStG, il-kumpanniji mhux residenti jistgħu jiġu rrimborsati mit-taxxa f’ras il-għajn fuq tali dividendi rċevuti minn kumpanniji Ġermaniżi biss jekk din it-taxxa ma tistax tiġi paċuta jew tibbenefika minn riport ta’ tpaċija fir-rigward tagħhom jew tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħhom, jew imnaqqsa bħala spejjeż tal-operat jew spejjeż professjonali, fatt li huma għandhom jipproduċu l-prova permezz ta’ ċertifikat tal-awtoritajiet tat-taxxa barranin. Issa, tali livell ta’ rekwiżit ma huwiex rikjest fir-rigward tal-kumpanniji residenti. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital stabbilita, fil-fehma tagħha, mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, hijiex iġġustifikata, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C-379/05, EU:C:2007:655).

21      Fit-tieni lok, fil-każ li dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju tal-effett utli jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li timponi fuq il-kumpanniji mhux residenti, sabiex jipproduċu l-prova msemmija fil-punt preċedenti, li jipproduċu ċertifikat tal-awtoritajiet tat-taxxa barranin li jgħid li t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miżmum f’ras il-għajn ma tistax tiġi paċuta jew tibbenefika minn riport ta’ tpaċija fir-rigward tagħhom jew fir-rigward tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħhom, jew imnaqqsa, u li din it-taxxa lanqas ma tista’, fil-prattika, tiġi paċuta, riportata jew imnaqqsa.

22      Huwa f’dan il-kuntest li l-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)       L-Artikolu 63 TFUE (ex Artikolu 56 TKE) jipprekludi dispożizzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, teżiġi minn kumpannija mhux residenti li tirċievi dividendi li ġejjin minn ishma u li ma tilħaqx il-limitu minimu ta’ sehem previst fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill [90/435], li hija tipprova, permezz ta’ ċertifikat maħruġ mill-amministrazzjoni fiskali barranija, li din it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital ma tistax tiġi imposta [paċuta] fuq l-imsemmija kumpannija jew fuq azzjonist li għandu sehem dirett jew indirett fiha jew inkella titnaqqas bħala spejjeż operatorji jew spejjeż professjonali, u sa fejn ma kien hemm ebda impożizzjoni [tpaċija], ebda tnaqqis, ebda riport, meta tali prova ma hijiex meħtieġa, għall-finijiet tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, minn kumpannija residenti li żżomm sehem ekwivalenti?

2.      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:Il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju tal-effett utli jipprekludu r-rekwiżit taċ-ċertifikat imsemmi fl-ewwel domanda jekk huwa de facto impossibbli għar-resident li jibbenefika minn dividendi li ġejjin minn ishma free-float miżmuma minn azzjonisti [ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa] li jipproduċi tali ċertifikat?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

23      Il-Gvern Ġermaniż jirrileva li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss it-trattament fiskali tad-dividendi minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa mħallsa lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iqis li d-domandi magħmula huma inammissibbli sa fejn jikkonċernaw ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul mill-kapital li jolqot dividendi mħallsa lil kumpanniji ta’ Stati terzi.

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali biss meta jkun tant ovvju li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun qiegħda tintalab ma jkollhiex rabta mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, meta l-problema tkun ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C-510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tapplika għal kumpanniji li għandhom is-sede jew iċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, hija għandha tapplika wkoll għall-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom jew iċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħhom f’pajjiżi terzi.

26      Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-modalitajiet ta’ rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn li tolqot id-dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti f’pajjiżi terzi għandha tagħti lok għal evalwazzjoni speċifika sa fejn, minkejja li l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, inkluż bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, il-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital fi ħdan l-Unjoni ma tistax tiġi kompletament trasposta għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, peress li dan il-moviment jaqa’ taħt kuntest legali differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul mill-kapital imħallas fuq id-dividendi minn sors Ġermaniż imħallsa lil kumpannija mhux residenti stabbilita fir-Renju Unit, meta dan l-Istat kien membru tal-Unjoni.

28      Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-domanda jekk, fil-każ ta’ dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti f’pajjiż terz, il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni sabiex jinkiseb rimbors ta’ taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital humiex kuntrarji għar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-kapital ma għandhiex rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

29      It-talba għal deċiżjoni preliminari hija għaldaqstant ammissibbli f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tissuġġetta r-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa fuq id-dividendi minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa miġbura minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-prova li din it-taxxa ma tistax tiġi paċuta jew suġġetta għal riport ta’ tpaċija kemm fir-rigward ta’ din il-kumpannija kif ukoll f’dak tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha, u lanqas titnaqqas mill-imsemmija kumpannija bħala spejjeż professjonali jew spejjeż ta’ operat, fil-waqt li tali kundizzjoni ma hijiex prevista fir-rigward tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallas minn kumpannija residenti li tirċievi l-istess tip ta’ dħul.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu, b’mod partikolari, restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment ta’ kapital il-miżuri li huma tali li jiskoraġġixxu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiskoraġixxu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C-575/17, EU:C:2018:943, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għall-ishma inferjuri għal-limiti ffissati mid-Direttiva 90/435, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk u sa fejn għandha tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika jew l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi ta’ profitti mqassma għandha tiġi evitata u li jintroduċu għal dan il-għan, unilateralment jew permezz ta’ ftehimiet konklużi ma’ Stati Membri oħra, mekkaniżmi intiżi sabiex inaqqsu jew jipprevjenu din it-taxxa doppja ekonomika jew l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi, mingħajr madankollu ma dawn jawtorizzawhom jieħdu miżuri li jmorru kontra l-libertajiet ta’ moviment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, EU:C:2006:773, punt 54, u tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, EU:C:2007:655, punt 24).

33      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670, punti 72 u 73), tistitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment ta’ kapital leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fir-rigward ta’ ishma li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 90/435, ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, filwaqt li ebda possibbiltà ta’ rimbors ma hija prevista fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji li jinsabu fi Stati Membri oħra, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tiġi nnewtralizzata permezz ta’ ftehim.

34      L-istess japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi tali possibbiltà ta’ rimbors għat-taxxa f’ras il-għajn imposta fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti stabbiliti fi Stati Membri oħra, iżda tissuġġettaha għal kundizzjonijiet supplimentari meta mqabbla ma’ dawk previsti għar-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn li tolqot id-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tiġi nnewtralizzata permezz ta’ ftehim. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni għandha l-konsegwenza li tirrrendi iktar diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors minn dawn il-kumpanniji mhux residenti milli mill-kumpanniji residenti, u għalhekk li d-dividendi mħallsa lilhom jiġu suġġetti għal trattament fiskali żvantaġġjuż meta mqabbel ma’ dak irriżervat għad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji residenti.

35      Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-kundizzjonijiet li jipprevedu li t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital f’ras il-għajn fuq id-dividendi ġejjin minn ishma miżmuma minn azzjonisti mxerrda tista’ tkun is-suġġett ta’ rimbors ivarjaw skont jekk il-benefiċjarju ta’ dawn id-dividendi huwiex kumpannija residenti jew kumpannija mhux residenti.

36      Fil-fatt, skont il-provi sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ kumpannija residenti, it-taxxa f’ras il-għajn hija paċuta kollha kemm hi mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn din tal-aħħar u l-kumplament huwa, jekk ikun il-każ, irrimborsat lilha. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ kumpannija mhux residenti, ir-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital huwa suġġett għall-kundizzjoni li din it-taxxa ma tkunx tista’ tiġi paċuta jew tkun is-suġġett ta’ riport ta’ tpaċija fir-rigward ta’ din il-kumpannija jew f’dak tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha, u lanqas ma tista’ titnaqqas bħala spejjeż tal-operat jew spejjeż professjonali fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

37      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 65(1) TFUE, tali differenza fit-trattament hija ammissibbli biss jekk tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2020, Société Générale (C565/18, EU:C:2020:318, punt 37).

38      Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, il-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna tal-Istat Membru għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (sentenza tat-30 ta’ April 2020, Société Générale, C-565/18, EU:C:2020:318, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), li, f’dan il-każ, kif tindika l-qorti tar-rinviju, jikkonsisti fil-prevenzjoni tat-taxxa doppja jew tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq il-profitti.

39      Huwa minnu li, mill-aspett ta’ miżuri stabbiliti minn Stat Membru sabiex jilħaq tali għan, il-kumpanniji benefiċjarji residenti ma jkunux neċessarjament f’sitwazzjoni li tkun paragunabbli ma’ dik ta’ kumpanniji benefiċjarji mhux residenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Madankollu, mill-mument meta Stat Membru, b’mod unilaterali jew permezz ta’ ftehim, jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss lill-kumpanniji residenti, iżda anki lill-kumpanniji mhux residenti, fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija kumpanniji mhux residenti toqrob lejn dik tal-kumpanniji resident (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fil-fatt, huwa s-sempliċi eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal-kompetenza fiskali tiegħu li, indipendentement minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa ekonomika doppja. F’tali każ, sabiex il-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti ma jiġux issuġġettati għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala regola, mill-Artikolu 56 KE, l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija li tqassam id-dividendi għandu jiżgura li, meta mqabbla mal-mekkaniżmu stabbilit mid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa ekonomika doppja, il-kumpanniji mhux residenti jiġu ssuġġettati għal trattament ekwivalenti għal dak li jibbenefikaw minnu l-kumpanniji residenti (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, mill-provi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet li teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fuq id-dividendi kollha ġejjin mill-ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa, kemm jekk dawn id-dividendi jitħallsu lil kumpanniji residenti jew lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji jinsabu, minħabba dan il-fatt biss, f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tar-riskju ta’ taxxa doppja ekonomika jew ta’ sensiela ta’ taxxi fuq dawn id-dividendi. Konsegwentement, huma għandhom jiġu suġġetti għal trattament ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Sabiex juri li dan huwa l-każ hawnhekk, il-Gvern Ġermaniż jirreferi għall- Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm Stat Membru ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ vantaġġ mogħti unilateralment minn Stat Membru ieħor sabiex jevita l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat trattament ekwivalenti tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti u mhux residenti jista’ jintlaħaq permezz ta’ ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja konkluża ma’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, EU:C:2007:655, punti 78 u 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar tippermetti li jiġu kkumpensati kompletament l-effetti tad-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

45      Huwa biss fil-każ li fih it-taxxa mnaqqqsa f’ras il-għajn skont din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi paċuta fuq it-taxxa dovuta fl-Istat Membru l-ieħor sal-ammont sħiħ tad-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li d-differenza fit-trattament bejn id-dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra u d-dividendi mqassma lill-kumpanniji residenti tispiċċa (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14C-17/14, EU:C:2015:608, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja, ir-rata tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq id-dividendi li ġejjin minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa mħallsa lil kumpannija li tinsab fir-Renju Unit hija limitata għal 15 % u din it-taxxa f’ras il-għajn tista’ tiġi paċuta fuq it-taxxa Brittannika. Madankollu, skont l-Artikolu XVIII(1)(a) ta’ dan il-ftehim, din it-tpaċija hija limitata għat-taxxa Brittannika kkalkolata abbażi tal-profitti jew tad-dħul meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa Ġermaniża.

47      Tali mekkaniżmu ma jidhirx li huwa tali li jiggarantixxi fil-każijiet kollha t-tpaċija tad-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li tali tpaċija hija fil-fatt possibbli biss fil-każ fejn l-ammont tat-taxxa Brittanniku kkalkolat fuq id-dividendi mqassma jkun mill-inqas daqs l-ammont ta’ dak tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura fil-Ġermanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, EU:C:2011:670, punti 67 u 68, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14C-17/14, EU:C:2015:608, punt 86).  

48      Issa, fin-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn, hija biss it-tpaċija sħiħa ta’ dik it-taxxa fuq it-taxxa dovuta, fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha, mill-kumpannija mhux residenti benefiċjarja tad-dividendi li tippermetti li tiġi eliminata d-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr ma jkun hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet eventwali ta’ tpaċija fil-livell tal-azzjonisti diretti jew indiretti ta’ din il-kumpannija, punt li barra minn hekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tiħux inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-kumpanniji residenti.

49      La t-tnaqqis tat-taxxa f’ras il-għajn mill-bażi tat-taxxa dovuta fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi bħala spejjeż tal-operat jew spejjeż professjonali, u lanqas il-possibbiltà għal din il-kumpannija li tibbenefika minn riport ta’ tpaċija, li l-eżerċizzju tiegħu huwa dejjem inċert, filwaqt li l-kumpanniji residenti jibbenefikaw mit-tpaċija immedjata u, jekk ikun il-każ, mir-rimbors tal-eċċess tat-taxxa f’ras il-għajn, min-naħa l-oħra ma huma tali li jippermettu li din id-differenza fit-trattament tiġi nnewtralizzata kompletament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C-10/14, C-14/14 u C-17/14, EU:C:2015:608, punt 83, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C-575/17, EU:C:2018:943, punti 28 sa 34).

50      Bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta r-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul mill-kapital għal kundizzjonijiet iktar stretti meta l-benefiċjarju tad-dividendi tkun kumpannija mhux residenti milli meta tkun kumpannija residenti, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tiġi nnewtralizzata permezz ta’ ftehim, tista’ tiddiswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jinvestu f’kumpanniji tal-Istat Membru kkonċernat u hija wkoll tali li tikkostitwixxi ostakolu għall-ġbir ta’ kapital minn kumpanniji residenti mingħand kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra. Hija tikkostitwixxi, għaldaqstant, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li bħala prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 63(1) KE.

51      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tali restrizzjoni tista’ madankollu tkun permissibbli jekk tkun iġġustifikata b’raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku, jekk tkun adatta sabiex tiżgura l-kisba tal-għan li imfittex minnha u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan (sentenzi tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C-135/17, EU:C:2019:136, punt 70 u tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C-156/17, EU:C:2020:51, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Skont il-Gvern Ġermaniż, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija ġġustifikata mill-għan ta’ preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll min-neċessità li jiġi evitat teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa f’ras il-għajn.

53      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-neċessità li jitħares it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri hija fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, bħal miżura nazzjonali intiża sabiex tipprevjeni aġir tali li jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08C-437/08, EU:C:2011:61, punt 121, kif ukoll tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 98).

54      Madankollu, tali raġuni ma tistax tiġġustifika t-taxxa ta’ kumpanniji mhux residenti li jibbenefikaw minn dividendi minn Stat Membru li għażel li ma jintaxxax lill-kumpanniji residenti fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ dħul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-284/09, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, għalkemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet li teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fir-rigward tad-dividendi kollha minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa, hija għażlet ukoll, skont il-provi prodotti lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tinnewtralizza b’mod sħiħ il-piż tat-taxxa f’ras il-għajn fuq dawn id-dividendi meta dawn tal-aħħar jitħallsu lil kumpanniji residenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żamma tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma tistax tiġġustifika t-tassazzjoni tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ dħul.

56      Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni dwar in-neċessità li jiġi evitat teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa f’ras il-għajn ta’ kumpanniji benefiċjarji ta’ dividendi stabbiliti fi Stati Membri oħra jew tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħhom, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu impost fuq il-kumpanniji benefiċjarji ta’ dividendi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jipproduċu l-prova li t-taxxa f’ras il-għajn la ġiet paċuta u lanqas ma kienet is-suġġett ta’ riport ta’ tpaċija fir-rigward tagħhom jew f’dak tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħhom, u ma ġietx imnaqqsa bħala spejjeż professjonali jew tal-operat, ma għadu l-ebda ekwivalenti sa fejn jikkonċerna l-kumpanniji residenti. Madankollu, xejn ma jippermetti li jiġi eskluż li dawn il-kumpanniji huma wkoll miżmuma minn azzjonisti mhux residenti li jaqgħu taħt leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-livell tagħhom, tat-taxxa f’ras il-għajn fuq il-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi. Konsegwentement, il-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa miġbura f’ras il-għajn ma tistax tiġi eskluża fir-rigward tal-kumpanniji residenti, peress li l-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tawtorizza t-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn biss fil-livell tal-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi huwa irrilevanti.

57      Issa, għandu jitfakkar li, sabiex titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex, miżura għandha tissodisfa l-ħtieġa li jintlaħaq dan l-għan b’mod koerenti u sistematiku (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia, C-342/17, EU:C:2018:906, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C-555/19, EU:C:2021:89, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ma huwiex il-każ, fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li tiġi evitata t-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa mħallsa, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rimbors tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa f’kundizzjonijiet iktar stretti meta l-kumpanniji benefiċjarji ta’ dividendi jkunu kumpanniji residenti meta l-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli meta jkunu kumpanniji residenti, filwaqt li ma jkun hemm xejn li jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi sa fejn tikkonċerna l-kumpanniji residenti. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi evitat it-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa miżmuma f’ras il-għajn.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tissuġġetta r-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa fuq id-dividendi ġejjin minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa miġbura minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-prova li din it-taxxa ma tistax tiġi paċuta jew suġġetta għal riport ta’ tpaċija fir-rigward ta’ din il-kumpannija kif ukoll f’dak tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha, u lanqas titnaqqas mill-imsemmija kumpannija bħala spejjeż professjonali jew spejjeż ta’ operat, filwaqt li tali kundizzjoni ma hijiex prevista fir-rigward tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa minn kumpannija residenti li tiġbor l-istess tip ta’ dħul.

 Fuq it-tieni domanda

60      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tissuġġetta r-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa fuq id-dividendi ġejjin minn ishma inqas mil-livelli previsti mid-Direttiva tal-Kunsill90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003, miġbura minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-prova li din it-taxxa ma tistax tiġi paċuta jew suġġetta għal riport ta’ tpaċija kemm fir-rigward ta’ din il-kumpannija kif ukoll f’dak tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha, u lanqas titnaqqas mill-imsemmija kumpannija bħala spejjeż professjonali jew spejjeż ta’ operat, fil-waqt li tali kundizzjoni ma hijiex prevista fir-rigward tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallas minn kumpannija residenti li tiġbor l-istess tip ta’ dħul.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.