Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JULIANE KOKOTT

ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 20071(1)

Kawża C-363/05

JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust plc

The Association of Investment Trust Companies

vs

Commissioners of HM Revenue and Customs

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-VAT and Duties Tribunal, London)

Taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjoni għall-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment – Immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif iddefiniti mill-Istati Membri – Fondi ta’ investiment magħluqa





I –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

1.        Skond is-sitt Direttiva dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) 77/388/KEE (iktar ‘il quddiem is-“sitt Direttiva”)(2), l-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment huwa eżenti mill-VAT. Fis-sentenza tagħha Abbey National(3), il-Qorti tal-Ġustizzja – dejjem fuq talba għal deċiżjoni preliminari tal-VAT and Duties Tribunal, London – diġà speċifikat liema attivitajiet jaqgħu taħt il-kunċett ta’ mmaniġġjar ta’ fondi ta’ investiment u taħt liema kundizzjonijiet għandhom ikunu eżenti mill-VAT is-servizzi ta’ maniġġjar li partijiet terzi japplikaw għall-fond.

2.        Il-kawża Abbey National kienet tikkonċerna fondi ta’ investiment miftuħa fil-forma ta’ fond ta’ trust (Authorised Unit Trusts; iktar ‘il quddiem l-“AUT”) u kumpanniji ta’ investiment ikkostitwiti taħt statut (Open-ended Investment Companies; iktar ‘il quddiem l-“OEIC”). Issa, f’din il-kawża qegħda tiġi mqajma l-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni tapplikax ukoll għal ċerti fondi ta’ investimenti magħluqa, bħall-Investment Trust Companies (iktar ‘il quddiem l-“ITC”). Essenzjalment, id-differenza bejn il-fondi miftuħa u l-fondi magħluqa hija li l-kapital tal-fondi miftuħa jvarja skond il-ħruġ jew xiri mill-ġdid ta’ unitajiet mill-fond, filwaqt li fil-fondi magħluqa l-kapital ma jvarjax.

3.        L-inċertezza dwar it-trattament ta’ l-ITC ġejja mill-fatt li d-direttiva tirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali biex tagħti definizzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment li jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT. Għalkemm fir-Renju Unit jeżistu regoli ġenerali li jirregolaw l-ITC, madankollu dawn ir-regoli ma jagħtux il-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-VAT. Għalhekk jeħtieġ li tiġi stabbilita l-portata tas-setgħat ta’ definizzjoni ta’ l-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-limiti imposti fuqhom f’dan ir-rigward mill-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

4.        Skond l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

[…]

d)      it-transazzjonijiet li ġejjin:

6.      maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri […]”

5.        Id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)(4) tarmonizza l-liġijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-fondi ta’ investiment. Madankollu, jinsabu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(2) tagħha, biss fondi miftuħa li l-unitajiet tagħhom huma, fuq talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mogħtija lura, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. Min-naħa l-oħra l-fondi magħluqa huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva (l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/611).

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6.        Fir-Renju Unit, l-eżenzjoni prevista fis-sitt Direttiva għall-immaniġġjar ta’ fondi ta’ investiment u kumpanniji ta’ investiment ġiet implementata permezz ta’ l-Artikoli 9 u 10 tal-Grupp 5 ta’ l-Anness 9 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud ta’ l-1994 (iktar ‘il quddiem il-“liġi tal-VAT ta’ l-1994”). Ir-regoli japplikaw, b’mod partikolari, għall-AUT (Artikolu 9) u għall-OEIC (Artikolu 10), imma mhux għall-ITC.

7.        Għad-definizzjoni tal-korpi mhux taxxabbli, id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-VAT ta’ l-1994, skond il-verżjoni li sadanittant ġiet emendata, jirreferu għad-dispożizzjonijiet tal-Collective Investment Schemes fit-taqsima XVII tal-Financial Services and Markets Act 2000 (il-liġi ta’ l-2000 fuq is-servizzi u s-swieq finanzjarji; iktar ‘il quddiem l-“FSMA”). L-FSMA tittrasponi d-Direttiva 85/611 fid-dritt nazzjonali. L-ITC mhumiex inklużi fil-Collective Investment Schemes fi ħdan it-tifsira tal-FSMA. Kuntrarjament għall-AUT u għall-OEIC, bħala fond ta’ investiment huma ma jeħtieġu l-ebda awtorizzazzjoni mingħand il-Financial Service Authority (FSA), għalkemm huma xorta waħda huma suġġetti għall-kontroll ta’ din ta’ l-aħħar bħala l-Listing Authority (l-Awtorità tal-Borża).

8.        Sabiex tikkwalifika bħala ITC fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul u t-taxxa fuq il-kumpanniji, kumpannija trid tissodisfa numru ta’ rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 842 ta’ l-Income and Corporation Taxes Act ta’ l-1988. Hemm iktar regoli li jirreferu għal din id-dispożizzjoni. Barra minn dan, fir-rigward ta’ l-ITC japplikaw ir-regoli, fuq il-kumpanniji ta’ investiment, li jinsabu fil-Companies Act ta’ l-1985.

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

9.        L-ITC huma mezzi ta’ investiment kollettiv b’tixrid ta’ riskju, ikkostitwiti f’forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata u kkwotati fil-borża, li jinvestu f’portafoll ta’ investimenti. L-investituri jkollhom ishma fil-kumpannija. Kuntrarjament għall-AUT u għall-OEIC, in-numru ta’ l-unitajiet jibqa’ l-istess (suġġett għal żieda eventwali fil-kapital). L-investituri m’għandhom l-ebda dritt li l-ishma tagħhom jerġgħu jinxtraw mill-kumpannija, bħal fil-każ ta’ tipi oħrajn ta’ fondi. Pjuttost, huma jridu eventwalment ibigħu l-ishma fil-borża. Il-valur ta’ l-ishma kkwotat fil-borża jvarja skond it-talba u l-provvista u l-valur tal-portafoll ta’ investimenti ta’ l-ITC jikkostitwixxi fattur sinjifikattiv, imma mhux l-uniku wieħed, fil-valutazzjoni.

10.      JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust plc hija ITC. Hija tirċievi mingħand parti terza, JP Morgan Fleming Asset Management (UK) Limited, servizzi ta’ maniġġjar konnessi mat-tranżazzjonijiet ta’ investiment tagħha, li għalihom hija attwalment tħallas il-VAT. Hija appellat quddiem il-VAT and Duties Tribunal kontra l-impożizzjoni tal-VAT fuq is-servizzi ta’ maniġġjar ta’ fondi li hija tirċievi. B’digriet tad-19 ta’ Settembru 2005, il-VAT and Duties Tribunal ressaq id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      It-termini ‘fondi speċjali ta’ investiment’ fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva huma ta’ natura li jinkludu fondi ta’ investiment ta’ kapital fiss bħalma huma l-ITC?

2.      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, il-parti tas-sentenza ‘kif defniti mill-Istati Membri’, fl-Artikolu 13B(d)(6) [tas-Sitt Direttiva]:

a)      tawtorizza lill-Istati Membri li jagħżlu ċerti ‘fondi speċjali ta’ investiment’ li qegħdin fit-territorju tagħhom sabiex jagħtuhom il-benefiċċju ta’ eżenzjoni tal-prestazzjoni ta’ servizzi ta’ maniġġjar, u li jeskludu fondi oħrajn minn din l-eżenzjoni, jew

b)      tobbliga lill-Istati Membri jidentifikaw, permezz tal-fondi li qegħdin fit-territorju tagħhom, dawk li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ ‘fondi speċjali ta’ investiment’, u li jestendu d-definizzjoni ta’ l-eżenzjoni għal dawn il-fondi kollha?

3.      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħżlu ‘fondi speċjali ta’ investiment’ li jibbenfikaw mill-eżenzjoni, x’effett għandhom il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ trattament ugwali, u ta’ prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali?

4.      L-Artikolu 13B(d)(6) [tas-Sitt Direttiva] għandu effett dirett?”

IV – Id-dritt

A –    Osservazzjonijiet preliminari

11.      Fih innifsu, l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva ma jipprovdix spjegazzjoni huwa nnifsu ta’ l-espressjoni “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment”. Madankollu, il-frażi fiha żewġ elementi li jeħtieġu definizzjoni, jew aħjar il-kelma “maniġġjar” u l-kliem “fondi speċjali ta’ investiment”.

12.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Abbey National, il-kwistjoni tat-tifsira ta’ maniġġjar fl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni taħt eżami għandha tiġi deċiża biss fuq il-bażi tad-dritt Komunitarju. Skond ġurisprudenza kostanti, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li għandhom jingħataw definizzjoni Komunitarja bil-għan li jiġu evitati diverġenzi bejn Stat Membru u ieħor fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT(5).

13.      Madankollu, skond il-kliem użat fid-Direttiva, jaqa’ f’idejn l-Istati Membri li jagħtu definizzjoni iktar eżatta tal-fondi speċjali ta’ investiment. Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Abbey National, iddeċidiet kif ġej:

“Jekk, konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux ibiddlu l-kontenut, b’mod partikolari, meta huma jistabbilixxu l-kundizzjonijet ta’ applikazzjoni, dan ma jistax madanakollu jkun il-każ meta l-Kunsill ikkonferilhom il-kompitu li jiddefinixxu ċerti termini ta’ eżenzjoni”(6).

14.      Din il-frażi hija ambigwa. Jidher li donnu l-Qorti tal-Ġustizzja qed tagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jibdlu l-kontenut tad-Direttiva, li dan, normalment, huwa riżervat għal-leġiżlatur Komunitarju.

15.      Għalhekk, jidher li dak li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet fil-fatt tfisser huwa li s-Sitt Direttiva tirreferi, f’ċerti każi speċifiċi, għal definizzjoni iktar preċiża tal-kunċett mil-liġi nazzjonali u għal din ir-raġuni tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jispeċifikaw dawk il-kunċetti. Tali riferimenti għad-definizzjonijiet nazzjonali jinsabu f’diversi partijiet tas-Sitt Direttiva. Għalhekk, per eżempju, huwa d-dover ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu l-professjonijiet mediċi u paramediċi li s-servizzi tagħhom għandhom ikunu eżentati mill-VAT skond l-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva. Barra minn hekk, l-eżenzjoni ta’ servizzi provduti minn korpi ta’ assistenza pubblika jew istituzzjonijiet ta’ karità, tiddependi minn jekk dawn jingħatawx l-istatus xieraq mingħand l-Istati Membri(7).

16.      Huwa minnu li bħala konsegwenza ta’ din it-teknika leġiżlattiva, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor f’dak li jirrigwarda l-aspetti individwali. Madankollu, f’setturi li ma jkunux armonizzati b’mod dettaljat mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-Sitt Direttiva, din it-teknika toħloq ċerta ċertezza legali għaliex ir-regoli rilevanti ta’ l-Istati Membri jistgħu xorta waħda jiġu applikati. Dawn ta’ l-aħħar jibqgħu jżommu d-diskrezzjoni li tippermettilhom jassuġġettaw l-għoti ta’ eżenzjoni fuq il-konformità ma’ ċerti standards stabbiliti fid-dritt nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti fl-Istat Membru partikolari.

17.      Min-naħa waħda, id-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri hija limitata bil-kliem, bit-tifsira u bl-iskop tad-dispożizzjoni rilevanti tas-Sitt Direttiva nnifisha(8). Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jikklassifikaw impriżi bħala fondi speċjali ta’ investiment fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jekk, fid-dawl tat-tifsira u ta’ l-iskop tad-dispożizzjoni, dawk il-korpi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-kunċett. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jridu wkoll josservaw il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata s-Sitt Direttiva, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT(9).

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

18.      Preliminarjament għandu jiġi kkonstatat jekk il-fondi magħluqa bħal l-ITC jistgħux jikkostitwixxu fondi speċjali ta’ investiment fis-sens ta’ l-Artikolu 14B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.

19.      Fis-sentenza Abbey National, mogħtija wara d-digriet tal-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li l-eżenzjoni ta’ mmaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment tapplika indipendentement mill-forma legali tagħhom. Għaldaqstant, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kemm l-impriżi ta’ investiment kollettiv ikkostitwiti taħt il-liġi tal-kuntratti jew il-liġi dwar it-trusts, kif ukoll dawk ikkostitwiti taħt statut(10).

20.      Huwa minnu li fondi mingħajr l-ebda personalità legali, jiġifieri fondi kuntrattwali jew ta’ trust – jiddependu, primarjament, fuq servizzi ta’ maniġġjar ipprovduti minn amministratur estern. Min-naħa l-oħra, kumpanniji ta’ investiment ikkostitwiti taħt statut jistgħu, bħala prinċipju, jiġu mmaniġġjati minnhom infushom mingħajr ma jsir użu ta’ terzi persuni(11). Madankollu, jekk fondi ta’ investiment ikkostitwiti taħt statut effettivament jagħmlu użu minn amministratur ta’ fondi estern, huma jkunu fl-istess sitwazzjoni bħal fondi mingħajr personalità legali(12). Skond kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Abbey National, jidher li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali kemm-il darba s-servizzi ta’ maniġġjar ipprovduti lil fondi kkostitwiti taħt statut kellhom ikunu suġġetti għall-VAT, filwaqt li l-amministrazzjoni ta’ fondi f’forom legali oħrajn tkun eżenti(13).

21.      L-ITC huma kumpanniji bil-kapital maqsum f’ishma, jew aħjar fondi speċjali ta’ investiment li għandhom personalità legali, ikkostitwiti abbażi ta’ statut. M’hemm l-ebda differenza sinjifikattiva bejn fondi li għandhom din il-forma legali u kumpanniji ta’ investiment oħrajn stabbiliti bl-istatuti tagħhom, bħal per eżempju l-OIEC, li twassal għall-esklużjoni a priori tal-klassifikazzjoni tal-fondi magħluqa msemmija hawn fuq bħala fondi speċjali ta’ investiment fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.

22.      Din il-konklużjoni mhijiex invalidata bil-fatt li d-Direttiva 85/611 ma tapplikax għal fondi magħluqa. Huwa minnu li fil-ġurisprudenza Abbey National il-Qorti tal-Ġustizzja, bi tweġiba għall-kwistjoni ta’ xi jfisser maniġġjar ta’ fond speċjali ta’ investiment eżentat mill-VAT, irreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/611. Madankollu, is-Sitt Direttiva ġiet ippromulgata ħafna qabel id-Direttiva 85/611 u hija kkaratterizzata minn kuntest ġuridiku differenti(14). Għal din ir-raġuni, id-Direttiva 85/611 ma tippermettix li jiġi konkluż b’mod vinkolanti liema impriżi jistgħu jkunu koperti mill-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.

23.      Barra minn hekk, il-fondi magħluqa ma kinux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/611 għal raġunijiet li setgħu jiġu applikati għall-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva. Pjuttost, il-leġiżlatura kompliet tarmonizza r-regoli dwar fondi ta’ investiment gradwalment u rriżervat li tirregola l-fondi magħluqa sussegwentement(15).

24.      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” li jinsab fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jista’ jinkludi wkoll fondi speċjali ta’ investiment tat-tip ta’ fondi magħluqa bħall-ITC.

C –    Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

25.      It-tieni u t-tielet domandi preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom l-iskop li tiġi speċifikata l-portata tal-kompetenzi ta’ l-Istati Membri fid-determinazzjoni tad-definizzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment li l-immaniġġjar tagħhom huwa eżentat mill-VAT skond l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.

26.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra żewġ interpretazzjonijiet possibbli. Skond l-ewwel interpretazzjoni, Stat Membru jista’ jagħżel ċerti fondi speċjali ta’ investiment li jinsabu fit-territorju tiegħu sabiex jeżenta mill-VAT servizzi ta’ maniġġjar skond l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u jeskludi oħrajn mill-eżenzjoni. Skond it-tieni interpretazzjoni, l-immanġġjar tal-fondi speċjali ta’ investiment kollha, iddefiniti b’dan il-mod mill-Istati Membri, huwa eżenti mill-VAT.

27.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċett tal-“fondi speċjali ta’ investiment” fih innifsu mhuwiex kunċett ġuridiku tal-liġi nazzjonali, kif tirrimarka wkoll il-Kummissjoni. Konsegwentement, il-fatt li forma ta’ investiment hija rrikonoxxuta bħala fond ta’ investiment skond id-dritt nazzjonali mhuwiex biżżejjed biex wieħed jasal għall-konklużjoni li dan il-fond huwa wkoll “fond speċjali ta’ investiment” fis-sens tas-Sitt Direttiva. Pjuttost, l-Istati Membri, meta jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom, iridu jispeċifikaw liema korpi għandhom jitqiesu li huma “fondi speċjali ta’ investiment” li l-immaniġġjar tagħhom huwa eżenti mill-VAT. Meta jsir dan, huma jistgħu anki jeskludu mill-eżenzjoni, fil-prinċipju, ċerti tipi ta’ fondi ta’ investiment, anki jekk xi aspetti ta’ dawk il-fondi ta’ investiment huma rregolati minn regoli speċifiċi skond id-dritt nazzjonali(16).

28.      Is-sempliċi fatt li l-ITC huma kkunsidrati fondi ta’ investiment taħt id-dritt tar-Renju Unit ma jfissirx għalhekk li l-immaniġġjar tal-fondi ta’ dan it-tip għandu jkun eżenti mill-VAT. Pjuttost, għandu jiġi aċċertat jekk il-leġiżlatura nazzjonali eżerċitatx id-diskrezzjoni tagħha korrettament meta ma estenditx l-eżenzjoni fiskali sabiex tinkludi l-amministrazzjoni ta’ l-ITC.

29.      Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-għanijiet imħaddna mill-eżenzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità fiskali(17).

30.      L-eżenzjoni ta’ l-immaniġġjar tal-fondi speċjali ta’ investiment mill-VAT stipulata fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandha bħala skop, b’mod partikolari, li jiġi evitat li l-aċċess għal din il-forma ta’ investiment ikun iktar diffiċli għall-investituri ż-żgħar. Kieku l-eżenzjoni ma kinitx teżisti, it-titolari ta’ l-unitajiet ta’ fondi ta’ investiment kien ikollhom isostnu ħlas fiskali ogħla minn dak ta’ investituri li jinvestu flushom direttament f’ishma jew sigurtajiet oħrajn u ma jkunux obbligati jagħmlu użu mis-servizzi ta’ maniġġjar ta’ fond(18). L-investiment f’fondi huwa partikolarment importanti għall-investituri ż-żgħar. Fil-fatt, billi huma jkollhom disponibbli volum żgħir ta’ investimenti, l-opportunità tagħhom biex jinvestu flushom direttament f’portafoll wiesgħa ta’ sigurtajiet tkun limitata. Barra minn hekk, ħafna drabi huma ma jkollhomx it-tagħrif meħtieġ biex ikunu jistgħu jqabblu u jagħżlu s-sigurtajiet(19).

31.      Ċertament, hekk kif jirrimarka ġustament il-gvern tar-Renju Unit, l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati restrittivament, peress li dawn jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jiddisponi li l-VAT għandha tiġi ntaxxata fuq is-servizzi kollha mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli(20). Madankollu, l-interpretazzjoni tat-termini użati f’din id-dispożizzjoni għandha tkun konsistenti ma’ l-għanijiet li dawn l-eżenzjonijiet jippruvaw jilħqu(21). Dan ifisser li l-Istati Membri m’għandhomx jillimitaw eċċessivament il-fondi speċjali ta’ investiment li l-immaniġġjar tagħhom huwa eżentat mill-VAT(22) għaliex inkella ma jintlaħaqx l-għan li investimenti f’fondi speċjali ta’ investiment ma jiġux imfixkla.

32.      B’mod partikolari, huma ma jistgħu jeskludu mill-eżenzjoni l-ebda fond ta’ investiment li jkun jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/611, li, sadanittant, tkun ħadet is-setgħa tad-definizzjoni ta’ l-Istati Membri (23). Fil-fatt, billi dik id-direttiva tarmonizza fuq livell għoli d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ċerti tipi ta’ fondi ta’ investiment bl-għan li jiġu protetti l-investituri, il-fondi ta’ investiment koperti mid-Direttiva huma partikolarment adatti għall-investimenti ta’ l-investituri ż-żgħar.

33.      L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-eżenzjoni tipi oħrajn ta’ fondi ta’ investiment li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/611, sakemm din l-eżenzjoni tkun konformi mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

34.      Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jissemma għall-ewwel darba fil-ħames premessa ta’ l-ewwel direttiva fuq il-VAT(24) li tiddisponi: “Billi sistema ta’ taxxa fuq il-valur miżjud tikseb l-ogħla livell ta’ sempliċità u ta’ newtralità meta t-taxxa hi mħaddma f’manjiera ġenerali kemm jista’ jkun u meta tkun tkopri l-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni u l-provvista tas-servizzi”.

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza lil dan il-prinċipju f’numru ta’ sitwazzjonijiet. B’konnessjoni mad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa, dan il-prinċipju jimponi newtralità f’termini ta’ valur, jiġifieri l-input tax għandha tiġi fil-fatt imnaqqsa kollha kemm hi mit-taxxa li għandha titħallas fuq il-provvista lill-klijent finali(25). B’hekk jiġi evitat li provvista tas-servizzi tiġi ntaxxata iktar minn darba, skond in-numru ta’ provvisti preċedenti.

36.       F’kuntesti oħrajn, teżisti enfasi ikbar fuq l-aspett tat-trattament ugwali tas-servizzi kollha jew tal-persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-impożizzjoni tal-VAT u r-rata applikabbli tal-VAT(26). Il-formulazzjoni tal-kliem li għażlet il-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeskrivi din l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità jvarja.

37.      F’xi wħud mid-deċiżjonijiet, hija ddikjarat li “il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi […] li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT” [traduzzjoni mhux uffiċjali](27).

38.      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jipprekludi, b’mod partikolari, li “merkanzija jew provvista ta’ servizzi simili, li għaldaqstant jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-VAT” (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat iktar minn darba li, sabiex jiġi evalwat jekk prodotti jew provvista ta’ servizzi humiex simili, l-identità tal-produttur jew il-provvista ta’ servizzi u l-forma ġuridika li biha dawn jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, huma, bħala regola ġenerali, irrilevanti(29).

39.      Kull waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet tenfasizza aspetti differenti: f’ċerti każijiet it-trattament ugwali għall-operaturi ekonomiċi u, f’każijiet oħrajn, it-trattament ugwali tas-servizzi pprovduti minnhom. Madankollu, huma bbażati fuq l-istess kunċett tal-prinċipju ta’ newtralità. B’mod partikolari, l-iskop tiegħu jkun wisq limitat kieku kellhom jiġu ttrattati b’mod ugwali biss għal skopijiet ta’ taxxa, fuq il-bażi tal-frażi kkwotata fil-punt 37, servizzi li jkunu identiċi, hekk kif isostni l-Gvern tar-Renju Unit. Pjuttost, il-prinċipju ta’ newtralità jeżiġi wkoll trattament ugwali tas-servizzi li għandhom l-istess skop, li jistgħu jinbidlu wieħed ma’ l-ieħor u jkunu għalhekk f’kompetizzjoni ma’ xulxin.

40.      Ir-Renju Unit jibża’ li skond din l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità, l-iskop ta’ l-eżenzjoni mill-VAT fir-rigward ta’ fondi speċjali ta’ investiment isir wieħed bla limiti. L-eżenzjoni għalhekk tkun trid tiġi estiża għall-immaniġġjar ta’ diversi forom oħra ta’ investimenti f’fond wieħed (pooled investments), fondi għall-pensjonijiet, assigurazzjonijiet fuq il-ħajja marbutin ma’ l-unità, Investment Clubs u Venture Capital Trusts.

41.      Madankollu, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, l-għan tal-proċedura preżenti huwa li jiġi stabbilit jekk l-immaniġġjar tal-fondi ta’ investiment “magħluqa” bħall-ITC jaqax taħt l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva. Tibqa’ kwistjoni ipotetika kif għandhom jiġu evalwati ċerti mezzi ta’ investiment fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ dik id-dispożizzjoni u tal-prinċipju tan-newtralità fiskali.

42.      Barra minn hekk, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, anki jekk l-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva hija l-fattur deċiżiv, id-differenza fit-trattament fiskali ma jkollha l-ebda effett fuqha, peress illi, fil-prattika, l-ammont żejjed ta’ ħlas fiskali sostnut mill-ITC huwa żgħir wisq.

43.      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Il-prinċipju ta’ newtralità jipprekludi li merkanzija jew provvista ta’ servizzi simili, li għaldaqstant huma f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eżenzjoni tal-VAT. Sabiex ikun hemm ksur ta’ dak il-prinċipju, mhuwiex neċessarju li l-impożizzjoni fiskali differenti twassal ukoll għal distorsjoni fil-kompetizzjoni, li tista’ tiġi pprovata. Allura, l-eżenzjoni tkun trid tiġi applikata każ każ minħabba l-fatt li l-influwenza attwali tat-tassazzjoni ta’ l-immaniġġjar tal-fondi fuq il-kompetizzjoni tiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ individwali, bħal per eżempju, l-istruttura ta’ l-ispejjeż tat-tip ta’ fondi in kwistjoni u s-sensittività tal-prezz tas-segment tal-fondi involuti.

44.      Barra minn hekk, fl-eżami tal-konformità mal-prinċipju tan-newtralità, il-komparabbiltà ta’ l-attivitajiet ta’ maniġġjar infushom jew it-trattament ugwali ta’ l-amministraturi ta’ fondi esterni f’dan il-każ mhijiex in kwistjoni. Pjuttost, il-fattur determinanti huwa l-komparabbiltà tal-fondi ta’ investiment li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tista’ taffettwa l-ħlas fiskali ta’ l-immaniġġjar tal-fond. F’sitwazzjoni bħal din, għalhekk, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi kwalunkwe differenza fit-trattament fiskali fuq servizzi pprovduti fuq il-bażi ta’ skond min huma l-persuni li lilhom jingħataw is-servizzi, peress li dawn huma komparabbli u f’kompetizzjoni ma’ xulxin.

45.      Fid-digriet tagħha, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-ITC, l-istess bħall-AUT u l-OEIC, jippermettu lill-investituri privati jinvestu f’portafoll iktar wiesa’ ta’ investimenti, u b’hekk ikunu qed inaqqsu r-riskju tal-borsa. Barra minn hekk, fit-tipi kollha ta’ fondi, l-investituri privati jgawdu minn tmexxija ta’ fondi professjonali, li l-ispejjeż tagħhom jinqasmu, u minn spejjeż amministrattivi u spejjeż ta’ l-ipproċessar imnaqqsa. L-ITC iwettqu wkoll l-istess funzjonijiet għall-investituri istituzzjonali. Dawn l-elementi jindikaw li l-ITC huma komparabbli mat-tipi ta’ fondi (l-AUT u l-OEIC) li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT u li huma f’kompetizzjoni magħhom. Konsegwentement, l-immaniġġjar tagħhom għandu jkun ukoll eżenti mill-VAT.

46.      Trattament mhux ugwali jkun permissibbli biss jekk it-tipi differenti ta’ fondi ma jikkontribwixxux bl-istess mod għat-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ l-eżenzjoni. B’mod partikolari, l-eżenzjoni hija maħsuba biex tiffaċilita l-aċċess ta’ l-investituri ż-żgħar għal investimenti f’titoli ta’ sigurtà permezz ta’ investiment kollettiv. Dak il-grupp ta’ investituri ftit huwa kapaċi jsegwi waħdu l-attivitajiet ta’ fond u għalhekk għandu bżonn b’mod partikolari ta’ mekkaniżmi ta’ protezzjoni previsti mil-liġi.

47.      L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, fil-parti fejn tirreferi għad-definizzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment minn Stati Membri, iħalli f’idejhom biex jistabbilixxu l-qafas legali għall-istruttura u l-immaniġġjar ta’ l-istrumenti ta’ investiment li jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Ikun konformi ma’ l-għanijiet ta’ l-eżenzjoni kieku l-Istati Membri kellhom, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ definizzjoni, iqisu wkoll il-livell ta’ protezzjoni li investitur igawdi minnu fir-rigward ta’ tip ta’ fond partikolari.

48.      F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ fondi koperti mid-Direttiva 85/611, l-Istati Membri ma’ għandhom l-ebda diskrezzjoni, peress li għal dawn il-fondi għandu jiġi preżunt livell adegwat ta’ protezzjoni għall-investitur. Min-naħa l-oħra, forom oħra ta’ investiment jistgħu jiġu esklużi mill-eżenzjoni jekk ma jiżgurawx livell ta’ protezzjoni għall-investitur komparabbli ma’ dak iggarantit minn fondi li l-immaniġġjar tagħhom huwa eżenti.

49.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk fil-każ preżenti l-livell ta’ protezzjoni offrut lill-investitur mill-ITC huwiex daqs il-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-AUT u mill-OIECs. Skond it-tip ta’ fond, huwa possibbli li jiġu implementati diversi mekkaniżmi li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal livell ta’ protezzjoni komparabbli.

50.      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri jiddefinixxu l-fondi speċjali ta’ investiment li l-immaniġġjar tagħhom huwa eżenti mill-ħlas tal-VAT. Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, l-Istati Membru jridu josservaw il-kliem u l-għanijiet tad-dispożizzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità fiskali li jeżiġi li l-fondi speċjali ta’ investiment kollha, li jkunu simili u li għalhekk f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod ugwali fir-rigward tal-ħlas tal-VAT.

D –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

51.      Jekk Stat Membru, fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu li jiddefinixxi l-fondi speċjali ta’ investiment li jgawdu minn eżenzjoni fiskali fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, jikser il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, u b’mod żbaljat jeskludi ċerti fondi, tqum il-kwistjoni jekk is-Sitt Direttiva għandhiex effett dirett fuq il-persuni kkonċernati.

52.      Fuq dan il-punt, wieħed jeħtieġ jiftakar li fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati fiż-żmien stipulat, kontra kwalunkwe dritt nazzjonali li jkun inkompatibbli mad-direttiva jew safejn ikunu ta’ natura li jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jsostnu fir-rigward ta’ l-Istat(30).

53.      Peress li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jiddeskrivi b’mod preċiż u inkundizzjonat biżżejjed l-attivitajiet li għandhom ikunu eżenti mill-VAT, l-individwi jistgħu jinvokaw direttament din id-dispożizzjoni.

54.      Dan mhuwiex ikkontestat mill-fatt li l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jiddefinixxu l-fondi speċjali ta’ investiment li l-immaniġġjar tagħhom ikun eżenti. Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun eċċediet il-limiti ta’ dik id-diskrezzjoni, individwu jista’ jitlob, f’kull każ, eżenzjoni mill-VAT, abbażi ta’ l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, direttament l-eżenzjoni mill-VAT, jekk jirriżulta, fuq il-bażi ta kriterji oġġettivi, li fil-verità huwa kellu jkun inkluż fil-grupp ta’ dawk li jibbenefikaw minnha(31). Fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ newtralità, il-persuna taxxabbli trid turi li l-fondi kkonċernati huma simili għall-fondi li jgawdu mill-eżenzjoni skond id-dritt nazzjonali u li huma f’kompetizzjoni magħhom.

55.      Stat Membru ma jistax, f’din is-sitwazzjoni, jinvoka kontra persuna taxxabbli l-fatt li ma adottax id-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu t-tip ta’ fondi kkonċernati bħala fond speċjali ta’ investiment fis-sens ta’ l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva(32). Stat Membru ma jistax, a fortiori, jinvoka dispożizzjonijiet nazzjonali li jkun adotta fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ definizzjoni imma li jmorru kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali(33).

56.      Għalhekk, ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandu effett dirett fuq dawk li, minħabba d-dritt nazzjonali u bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, ma jgawdux mill-eżenzjoni tal-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni.

V –    Konklużjoni

57.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-VAT and Duties Tribunal billi tiddeċiedi li:

1.      Il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” li jinsab fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-sitt Direttiva tal-VAT tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima - jista’ jinkludi wkoll fondi speċjali ta’ investiment tat-tip ta’ fondi magħluqa bħall-Investment Trust Companies.

2.      L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri jiddefinixxu l-fondi speċjali ta’ investiment li l-immaniġġjar tagħhom huwa eżenti mill-ħlas tal-VAT. Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, l-Istati Membru jridu josservaw il-kliem u l-għanijiet tad-dispożizzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità fiskali li jirrikjedi li l-fondi speċjali ta’ investiment kollha, li jkunu simili u li għalhekk f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod ugwali fir-rigward tal-ħlas tal-VAT.

3.      L-Artikolu 13B(d)(6) tas-sitt Direttiva għandu effett dirett fuq dawk li, minħabba d-dritt nazzjonali u bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, ma jgawdux mill-eżenzjoni tal-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1). Din id-Direttiva ġiet abrogata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007 u ssostitwita mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)


3 – Sentenza ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National u Inscape Investment Fund (C-169/04, Ġabra p. I-4027).


4 – Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 85/611/KEE, 91/675/KEE, 92/49/KEE u 93/6/KEE u d-Direttivi 94/19/KE, 98/78/KE, 2000/12/KE, 2001/34/KE, 2002/83/KE u 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex tiġi stabbilita struttura organizzattiva ġdida għall-kumitati dwar is-servizzi finanzjarji (ĠU L 79, p. 9).


5 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, (C-358/97, Ġabra p. I-6301, punt 51); tat-3 ta’ Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn (C-428/02, Ġabra p. I-1527, punt 27), u Abbey National u Inscape Investment Fund (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 38).


6 –      Sentenza Abbey National u Inscape Investment Fund (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 39), li tirreferi għas-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1996,,Gemeente Emmen (C-468/93, Ġabra p. I-1721, punt 25).


7 – Ara, per eżempju, l-Artikolu 13A(1)(b), (g), (h), (i), (l) u (n) tas-Sitt Direttiva.


8 – Ara s-sentenza Gemeente Emmen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 25), kif ukoll is-sentenza tat-12 ta’ Frar 1998, Blasi (C-346/95, Ġabra p. I-481, punt 21) u l-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Diċembru 2005 fil-kawża Solleveld van den Hout-van Eijnsbergen (sentenza tas-27 ta’ April 2006, punt 23).


9 – Ara s-sentenzi ta’ l-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, Ġabra p. I-6833, punti 55 u 56.): tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier (C-45/01, Ġabra p. I-12911, punt 69), u tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen (C-443/04 u C-444/04, p. I-3617, punti 35 u 36), kif ukoll il-punti 23 u 37 et seq tal-konklużjonijiet ta’ l-istess kawża.


10 – Iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 53.


11 – Dwar dan il-punt ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tat-18 ta’ Mejju 2004, fil-kawża BBL (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, C-8/03, Ġabra p. I-10157, punt 26), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Settembru 2005, fil-kawża Abbey National u Inscape Investment Fund (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 29 et seq).


12 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Abbey National u Inscape Investment Fund (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 32) u l-konklużjonijiet fil-kawża BBL (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 27).


13 – Sentenza Abbey National u Inscape Investment Fund (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 56).


14 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Abbey National u Inscape Investment Fund (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 79).


15 – Ara s-sitt premessa tad-Direttiva 85/611.


16 – Skond il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 33) fuq is-setgħa ta’ diskrezzjoni ta’ l-Istati Membi dwar id-definizzjoni tal-professjonijiet mediċi li għalihom tapplika l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 13A(c)(1) tas-Sitt Direttiva.


17 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ‘il fuq fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 8 u 9.


18 – Ara s-sentenza Abbey National u Inscape Investment Fund (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 62) u l-punti 27 u 68 tal-konklużjonijiet ta’ dik il-kawża, kif ukoll il-konklużjonijiet fil-Kawża BBL (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 26).


19 – Konklużjonijiet fil-kawżi Abbey National u Inscape Investment Fund (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 28).


20 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C-8/01, Ġabra p. I-13711, punt 36), tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest u Montecello (C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 29), Abbey National u Inscape Investment Fund (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 60) u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, VDP Dental Laboratory (C-401/05, Ġabra p. I-0000, punt 23).


21 – Ara s-sentenzi Dornier (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 42) u Kingscrest u Montecello (iċċitata iktar ‘il fuq f in-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 29).


22– Ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-76/99, Ġabra p. I-249, punt 23), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva m’għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv, minħabba l-fatt li l-eżenzjoni ta’ l-attivitajiet konnessi ma’ l-isptar u mal-kura medika hija maħsuba biex tiżgura li benefiċċju tal-kura medika u ta’ l-isptar ma jiġix ostakolat minħabba żieda fl-ispejjeż ta’ dawn il-kuri li kieku jirriżultaw jekk dawn jew attivitajiet strettament konnessi magħhom, ikunu suġġetti għall-VAT.


23 – Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Abbey National u Inscape Investment Fund (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 38).


24 – Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE, tal-11 ta’ April 1967, għall-finijiet ta’ l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU 71, p. 1301). Din id-Direttiva ġiet abrogata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007 u ħadet postha d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, inerenti fis-sistema komuni tal-VAT (ĠU L 347, p. 1).


25 – F’dan ir-rigward ara, per eżempju, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Frar 1985, Rompelman 268/83, (Ġabra p. 655, punt 19), tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 44), tas-27 ta’ Settembru 2001, Cibo Participations (C-16/00, Ġabra p. I-6663, punt 27), u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik (C-465/03, Ġabra p. I-4357, punt 34).


26 – Sentenza Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 35). Ara wkoll is-sentenza Dornier (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 74), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha direttament fuq il-prinċipju tat-trattament ugwali.


27 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999 Gregg (C-216/97, Ġabra p. I-4947, punt 20). Ara wkoll is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-404/99, Ġabra p. I-2667, punt 45), Kügler (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 30) u Abbey National u Inscape Investment Fund (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 56).


28 – Sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja (C-109/02, Ġabra p. I-12691, punt 20), tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis (C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punt 24), tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg (C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 33), u Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 39). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat l-importanza tal-ġbir newtrali tal-VAT għal skopijiet ta’ kompetizzjoni fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Ġunju 1979, Nederlandse Spoorwegen (126/78, Ġabra p. 2041, punt 12).


29 – Sentenza Linneweber u Akritidis (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 25), u l-ġurisprudenza ċċitata fiha. F’każijiet oħrajn, madankollu, kwalitajiet speċifiċi tal-fornitur tas-servizzi, bħal per eżempju l-kwalifika professjonali tiegħu, jistgħu jagħmlu differenza kbira għall-finijiet tat-trattament fiskali ta’ l-attività (ara s-sentenza Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 39 et seq).


30 – Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, Ġabra p. 53, punt 25), Kügler (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 51) u Linneweber u Akritidis (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 33).


31 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi Dornier (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 81) u Kügler (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 55-57).


32 – F’dan ir-rigward ara s-sentenza Linneweber u Akritidis (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 35).


33 – Ara s-sentenza Linneweber u Akritidis (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punti 36 et seq.).