Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go


KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-12 ta’ Diċembru 2013 (1)

Kawża C-464/12

ATP Pension Service A/S

vs

Skatteministeriet

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka)]

“Taxxa fuq il-valur miżjud — Artikolu 13B(d)(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE — Eżenzjoni tal-amministrazzjoni tal-fondi speċjali ta’ investiment — Kunċett ta’ ‘fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri’ — Skemi ta’ rtirar okkupazzjonali — Skemi ta’ rtirar ta’ kontribuzzjoni ddefinita”





1.        L-eżenzjoni mill-VAT għall-amministrazzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva (2) ġiet analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament (3). Il-każ ineżami joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tirfina l-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-kunċett “fondi speċjali ta’ investiment”, b’mod partikolari fil-kuntest tal-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali. Il-każ iqajjem ċerti domandi dwar x’inhu l-“amministrazzjoni” ta’ fondi speċjali ta’ investiment u dwar l-eżenzjoni mit-taxxa għal tranżazzjonijiet li jikkonċernaw depożiti u kontijiet kurrenti, pagamenti u trasferimenti fl-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva.

2.        Dawn id-domandi ġew magħmula fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn ATP PensionService A/S (iktar ’il quddiem “ATP”) u l-Ministeru tat-taxxa Daniż (iktar ’il quddiem l-“iSkatteministeriet’) dwar kif għandhom jiġu ttrattati s-servizzi ta’ ATP mil-lat tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”). ATP tipprovdi servizzi lill-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3.        Skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, il-provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, hija suġġetta għall-VAT.

4.        L-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jinkludi diversi eżenzjonijiet mill-VAT. Tnejn minn dawn huma rilevanti għall-każ ineżami, jiġifieri l-Artikolu 13B(d)(3) u (6). Dawn jipprovdu kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż: […]

(d)      it-transazzjonijet li ġejjin:

3.      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar; […]

6.      maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri”.

5.        Fid-dawl tad-data tal-fatti tal-każ ineżami, għandha tapplika s-Sitt Direttiva. Madankollu, għandu jingħad li d-dispożizzjonijiet iċċitati ġew irriprodotti mingħajr tibdil li huwa ta’ rilevanza għall-proċeduri preżenti fl-Artikoli 2(1)(ċ), 135(1)(d) u (g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (4).

B –    Id-dritt nazzjonali

6.        Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija ġew implementati bl-Artikolu 13(1)(11)(c) u (f) tal-Liġi fuq il-VAT Daniża (iktar ’il quddiem il-“momsloven”). L-Artikolu rilevanti jipprovdi li:

“Il-merkanzija u s-servizzi segwenti għandhom ikunu eżenti mill-VAT:

[…]

11.      L-attivitajiet finanzjarji segwenti:

      […]

(c)      tranżazzjonijiet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw depożiti, kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma eskluż l-irkupru tad-debiti;

[…]

(f)      l- amministrazzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment”.

7.        Kif innotat il-qorti tar-rinviju, ħafna minn dawn il-kunċetti ġew interpretati f’linji gwida amministrattivi (iktar ’il quddiem il-“juridiske vejledning”) (5).

II – Il-fatti u l-proċeduri prinċipali

8.        ATP tipprovdi servizzi lill-fondi ta’ pensjoni. L-iktar klijent importanti tagħha, PensionDanmark, huwa fond ta’ pensjoni okkupazzjonali li jamministra skemi ta’ rtirar taħt ftehimiet kollettivi u ftehimiet ta’ impriżi.

9.        L-iskemi ta’ rtirar okkupazzjonali huma element essenzjali tas-sistema ta’ pensjoni Daniża. Dik is-sistema tistrieħ fuq tliet pilastri: skema ta’ rtirar pubblika ffinanzjata mit-taxxa, skema ta’ rtirar okkupazzjonali u fondi ta’ pensjoni personali (6).

10.      L-iskemi ta’ rtirar okkupazzjonali Daniżi, li, minħabba l-attivitajiet ta’ ATP, huma ċentrali f’din il-kawża, ġeneralment huma skemi ta’ “kontribuzzjonijiet iddefiniti” li jiġu pprovduti f’kuntest okkupazzjonali. Min iħaddem iħallas kontribuzzjoni ddefinita lill-istituzzjoni li tipprovdi l-iskema ta’ rtirar (normalment fond ta’ pensjoni) għal kull wieħed mill-impjegati tiegħu (7), li jistgħu jagħtu kontribuzzjonijiet addizzjonali volontarji (8). Il-kontribuzzjonijiet f’dawn l-iskemi jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa taħt il-liġi tat-taxxa Daniża, u dan sa ċertu limiti. Il-pensjoni li titħallas fl-aħħar tiddependi fuq l-ammont ta’ flus li jitħallsu fl-iskema u s-suċċess tal-investiment magħmul mill-fond ta’ pensjoni (wara t-tnaqqis tal-ispejjeż). Normalment din titħallas fi tliet tipi ta’ ħlasijiet (taxxabbli) magħquda flimkien, u dan malli l-benefiċjarju jsir eliġibbli għall-ħlas: renta vitalizja, ħlasijiet bin-nifs fuq ċertu perijodu ta’ żmien u l-ħlas ta’ somma f’daqqa. Id-dettalji ta’ skema ta’ rtirar okkupazzjonali jiġu stabbiliti bi ftehim kollettiv bejn l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u s-sindakati li jirrappreżentaw lill-min iħaddem u lill-impjegati individwalment (9).

11.      Filwaqt li l-ATP ma hijiex involuta fl-investiment tal-kontribuzzjonijiet (dan ix-xogħol isir mill-fondi ta’ pensjoni stess) hija tipprovdi tliet tipi ta’ servizzi lill-fondi ta’ pensjoni. L-ewwel nett, ATP tipprovdi servizzi relatati mal-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistema, jiġifieri l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-pjattaforma li fiha jiġu pprovduti s-servizzi tal-ATP. It-tieni nett, ATP tagħmel xogħol amministrattiv, bħalma huwa li tipprovdi l-informazzjoni u l-pariri kemm lil min iħaddem u kif ukoll lill-impjegati fir-rigward tal-iskemi ta’ rtirar. It-tielet nett, ATP tipprovdi servizzi fir-rigward tal-ħlasijiet fl-iskemi ta’ rtirar u fir-rigward tal-infiq mill-istess skemi.

12.      B’mod issemplifikat, dawn l-aħħar servizzi jistgħu jiġu deskritti kif ġej. Il-prinċipal, perjodikament, iħallas il-kontribuzzjonijiet li jkunu dovuti lill-iskema ta’ pensjoni okkupazzjonali għall-impjegati tiegħu kollha b’mod kollettiv b’mod globali fil-kont bankarju tal-fond ta’ pensjoni. ATP tiftaħ kontijiet individwali (10) għall-klijenti ta’ pensjoni individwali abbażi tal-informazzjoni li hija tirċievi mill-prinċipal. Hija tqassam is-somma globali li jħallas il-prinċipal fost dawk il-kontijiet skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv jew il-ftehim tal-impriża. L-imsieħeb jista’ jkollu aċċess għall-kont, li jiġi aġġornat regolarment mill-ATP permezz tal-internet. Malli jkunu dovuti l-ħlasijiet, l-ATP tibda tiġbed l-ammonti billi tagħti istruzzjonijiet lill-istituzzjoni finanzjarja biex tħallas l-ammont dovut lill-imsieħeb.

13.      Sat-30 ta’ Ġunju 2002, ATP kienet tiċċarġja l-VAT fuq is-servizzi tagħha. Fid-dawl tas-sentenza SDC (11), madankollu, ATP biddlet fehemtha u argumentat li s-servizzi tagħha li jirrigwardaw il-ħlasijiet fl-iskemi ta’ pensjoni u l-infiq mill-istess skemi għandhom ikunu eżenti mill-VAT taħt l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva. Hija informat lill-awtorità tat-taxxa Daniża (iktar ’il quddiem l-“iSKAT”) b’din l-interpretazzjoni fis-26 ta’ Ġunju 2002. L-iSKAT iddeċidiet li s-servizzi ta’ ATP inkonnessjoni mal-ħlasijiet ta’ pensjoni kienu fil-fatt eżenti mit-taxxa, iżda ddeċidiet kontra l-applikazzjoni tal-eżenzjoni fir-rigward tal-parti l-kbira tas-servizzi li huma relatati mal-ħlasijiet li jsiru fl-iskemi, jiġifieri: ir-reġistrazzjoni tal-prinċipal li għandu jħallas il-kontribuzzjonijiet ta’ pensjoni, il-ftuħ ta’ kontijiet individwali, il-provvista ta’ faċilitajiet biex jiġu pproċessati l-ħlasijiet mingħand min iħaddem sabiex il-kontribuzzjonijiet kollha jistgħu jitħallsu fil-kont tal-fond ta’ pensjoni bl-użu ta’ servizz onlajn jew karta ta’ ħlas, irċevuta u reġistrazzjoni ta’ rapport mingħand min iħaddem fuq l-allokazzjoni tal-ammont totali lill-impjegati individwali, iż-żieda tal-kontribuzzjonijiet fil-kontijiet individwali u l-aġġornament tal-kontijiet, ir-reġistrazzjoni ta’ ħlasijiet li ma jsirux, l-għoti ta’ informazzjoni lill-imsieħba fil-fond fuq kontribuzzjonijiet li jitħallsu u l-kunsinna ta’ rendikont tal-kont. Id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-ogħla awtorità tat-taxxa amministrattiva Daniża, it-Tribunal tat-taxxa nazzjonali (Landsskatteretten) b’digriet tat-13 ta’ Mejju 2009.

14.      ATP ikkontestat id-deċiżjoni quddiem il-Qorti ta’ Hillerød (Retten i Hillerød), li min-naħa tagħha rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Reġjonali tal-Lvant (Østre Landsret) bħala li hija ta’ importanza ġenerali. ATP argumentat li s-servizzi li kienu kkunsidrati bħala li huma suġġetti għall-VAT huma eżenti minħabba li jikkostitwixxu “amministrazzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment” taħt l-Artikolu 13(1)(11)(f) tal-momslov, li jimplementa l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u/jew bħala “tranżazzjon[i] […] li [t]ikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti […]” taħt l-Arikolu 13(1)(11)(c) tal-momslov, li jimplementa l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva. L-iSkatteministeriet jikkontesta l-argument li s-servizzi ta’ ATP huma eżenti mill-VAT.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Wara konsultazzjonijiet mal-partijiet u wara deliberazzjoni l-Østre Landsret iddeċidiet, permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ottubru 2012, biex tagħmel is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 267 TFUE:

“1.      L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1997, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fondi ta’ pensjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandhom il-karatteristiċi segwenti jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri” meta l-Istat Membru jqis bħala fondi speċjali ta’ investiment il-korpi msemmija fil-punt 2 tad-deċiżjoni tar-rinviju:

(a)      il-qligħ riċevut mill-impjegat (l-imsieħeb) jiddependi mill-qligħ mill-investimenti mwettqa mill-fond ta’ pensjoni;

(b)      il-persuna li timpjega ma hijiex obbligata tħallas kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali sabiex l-imsieħeb jiġi ggarantit qligħ iddeterminat;

(c)      il-fond ta’ pensjoni jinvesti t-tfaddil b’mod kollettiv skont il-prinċipju tat-tqassim tar-riskji;

(d)      il-parti l-kbira tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa lill-fond ta’ pensjoni tirriżulta minn ftehim kollettivi bejn l-organizzazzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw u s-sindakati (imsieħba soċjali) li jirrappreżentaw lill-impjegati differenti u lill-persuni li jimpjegaw u mhux minn ftehim konklużi fuq il-bażi individwali mal-impjegati;

(e)      l-impjegat jista’ jiddeċiedi fuq bażi individwali li jħallas kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali lill-fond ta’ pensjoni;

(f)      il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, il-persuni li jimpjegaw u l-membri tat-tmexxija jistgħu jagħżlu li jħallsu kontribuzzjonijiet lill-fond ta’ pensjoni;

(g)      parti ddefinita minn qabel tat-tfaddil għall-pensjoni tal-impjegati li hija s-suġġett tal-ftehim kollettiv hija użata biex jinxtara vitalizju,

(h)      l-ispejjeż tal-fond ta’ pensjoni jitħallsu mill-imsieħba tiegħu;

(i)      il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-fond ta’ pensjoni huma eżenti, sa ċerti limiti abbażi tal-valur, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul;

(j)      il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lil pjan ta’ tfaddil għall-pensjoni individwali, b’mod partikolari dak miftuħ ma’ stabbiliment finanzjarju, li l-fondi tiegħu jistgħu jiġu investiti f’fondi speċjali ta’ investiment, huma eżenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul bl-istess mod bħal f’(i);

(k)      id-dritt għall-eżenzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija f’(i) jikkorrispondi għat-tassazzjoni tal-pagamenti lill-imsieħba;

(l)      it-tfaddil għandu bħala regola ġenerali jingħata lura wara li tintlaħaq l-età tal-pensjoni?

2.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “maniġġjar” ikopri provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju)?

3.      Provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda kontribuzzjonijiet lil fond ta’ pensjoni (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju) għandha titqies, abbażi tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva, bħala provvista ta’ servizzi waħda jew bħala diversi provvisti distinti li għandhom jiġu evalwati b’mod indipendenti?

4.      L-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva għandu jiġu interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni għat-tranżazzjonijiet relatati ma’ pagamenti jew ma’ trasferimenti tapplika għal provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda kontribuzzjonijiet finanzjarji lil fond ta’ pensjoni (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju)?

5.      Fil-każ ta’ risposta negattiva għar-raba’ domanda, l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni għat-tranżazzjonijiet relatati mad-depożiti ta’ fondi jew mal-kontijiet kurrenti, tapplika għal provvista ta' servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda l-kontribuzzjonijiet finanzjarji lil fond ta’ pensjoni (ara l-punt 1.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju)?”

16.      ATP, ir-Renju tad-Danimarka u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

17.      Waqt is-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2013, dawn it-tliet partijiet u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għamlu t-trattazzjoni tagħhom.

IV – Evalwazzjoni

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

18.      Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tkopri tliet kwistjonijiet separati: it-tifsira ta’ “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri” fil-kuntest tal-iskemi ta’ rtirar okkupazzjonali (l-ewwel domanda), il-kunċett ta’ “amministrazzjoni” ta’ tali fondi (it-tieni domanda), u l-applikazzjoni tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva għal servizzi bħalma huma dawk ipprovduti mill-ATP (it-tielet sal-ħames domanda).

19.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-tliet kwistjonijiet hija diġà pjuttost estensiva (12). Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha elementi biżżejjed biex tikkunsidra t-tieni u t-tielet kwistjoni. Għaldaqstant ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq l-ewwel kwistjoni, jiġifieri t-tifsira ta’ “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri”, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk (u meta) fond ta’ pensjoni okkupazzjonali, bħalma huwa dak li lilu tipprovdi s-servizzi tagħha l-ATP, għandu jiġi kkunsidrat bħala fond speċjali ta’ investiment. Din id-domanda qamet darbtejn reċentement, fil-kawżi Wheels Common Investment Fund Trustees et (iktar ’il quddiem “Wheels”) u PPG Holdings BV (13), iżda dawn iż-żewġ kawżi jvarjaw b’mod sinjifikattiv minn dik li għandna quddiemna.

20.      Id-domanda tirrigwarda l-qasam kumpless u kontroversjali ħafna ta’ kif is-servizzi finanzjarji (inklużi s-servizzi ta’ pensjoni) għandhom jiġu ttrattati mil-lat ta’ VAT. Dawn is-servizzi raw diversifikazzjoni sinjifikattiva (14) li d-direttiva tal-VAT preżenti, b’mod partikolari l-eżenzjonijiet fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, ma jirriflettux tali diversifikazzjoni. Il-konsegwenza ta’ dan huwa n-nuqqas ta’ ċertezza legali għall-operaturi f’dan il-qasam kif ukoll li l-Istati Membri japplikaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni b’mod diverġenti (15).

21.      Il-Kummissjoni pproponiet kemm direttiva biex temenda d-Direttiva 2006/112 fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni (16) u kif ukoll regolament li jistipula miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni, li fih definizzjonijiet tal-portata tas-servizzi eżenti (17). It-tnejn li huma kienu s-suġġett ta’ xogħol preparatorju estensiv (18), li matulu ġew diskussi l-fondi ta’ pensjoni u kif dawn jiġu ttrattati mil-lat ta’ VAT (19). Madankollu, ma ntlaħaq ebda ftehim fuq ir-riforma (20). Skont id-dikjarazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni waqt is-seduta, lanqas ma nistgħu nistennew li jintlaħaq l-imsemmi ftehim fil-futur qarib. Indipendentement minn kif jista’ jkun l-istat tal-affarijiet fir-rigward tal-bidla fil-liġi applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi abbażi tad-dritt li jkun fis-seħħ fil-mument tal-fatti inkwistjoni.

22.      Ser nibda l-analiżi tiegħi b’rendikont tal-argumenti li saru mill-partijiet fil-proċeduri. Imbagħad, ser niddeskrivi l-interpretazzjoni li l-kliem “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri” ngħataw fil-ġurisprudenza sa issa. Fl-aħħar nett, ser nanalizza l-konsegwenzi tal-ġurisprudenza għall-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali.

B –    Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem tal-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Id-Danimarka hija tal-fehma li l-Istati Membri għandhom is-setgħa jiddefinixxu l-kliem “fondi speċjali ta’ investiment” fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u biex minn din id-definizzjoni jeskludu l-fondi ta’ pensjoni li għandhom il-karatteristiċi deskritti mill-qorti tar-rinviju.

24.      Skont id-Danimarka, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-investiment f’fondi speċjali ta’ investiment u josservaw il-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tal-VAT imposta fuq fondi li jikkompetu mal-fondi speċjali ta’ investiment. Fil-fehma tad-Danimarka, il-fondi inkwistjoni f’din il-kawża jvarjaw mill-fondi speċjali ta’ investiment b’mod li huwa biżżejjed biex jiġġustifika trattament differenti: il-kontribuzzjonijiet jitħallsu mill-prinċipal; l-għan tagħhom huwa li jipprovdu pensjoni iktar milli li jitfaddlu l-flus; huma jipprovdu wkoll assigurazzjoni bħalma hija l-assigurazzjoni tal-ħajja u l-assigurazzjoni għall-inkapaċità għal xogħol (21); f’każ ta’ mewt tal-benefiċjarju l-kontribuzzjonijiet ma jgħaddux (jew ma jgħaddux kompletament) għand l-eredi tal-benefiċjarju u l-kontribuzzjonijiet, ġeneralment, huma eżenti mit-taxxa fuq id-dħul. Skont id-Danimarka, il-prinċipal li jħallas il-kontribuzzjonijiet ma jinvestix, iżda pjuttost iħallas minħabba li huwa obbligat jagħmel hekk skont ftehim kollettiv li jistabbilixxi l-iskema ta’ pensjoni.

25.      ATP tikkunsidra l-fondi ta’ pensjoni li għandhom il-karatteristiċi deskritti mill-qorti tar-rinviju bħala li jaqgħu taħt l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u għaldaqstant huma eżenti mill-VAT. ATP targumenta li għalkemm l-Istati Membri igawdu minn ċerta diskrezzjoni biex jiddefinixxu l-“fondi speċjali ta’ investiment”, huma għandhom josservaw l-għanijiet tal-eżenzjoni u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. L-għan tal-eżenzjoni tal-VAT inkwistjoni huwa li tippermetti lill-individwi jinvestu t-tfaddil tagħhom b’mod kollettiv, u għaldaqstant jifirxu r-riskju, mingħajr ma jkollhom il-piż tal-VAT. Skont l-ATP, dawn l-għanijiet huma l-istess għanijiet li għandhom l-iskemi ta’ pensjoni. Is-sempliċi fatt li l-iskemi ta’ pensjoni għandhom l-għan partikolari li jiffinanzjaw xi pensjoni ma jiġġustifikax li jingħataw trattament differenti.

26.      ATP tqis il-prinċipju ta’ newtralità bħala li jikkorrobora l-pożizzjoni tagħha, peress li l-fondi speċjali ta’ investiment l-oħra jikkompetu mal-fondi ta’ pensjoni. Jekk il-kontribuzzjonijiet li jittieħdu mill-paga regolari tal-impjegat ma jmorrux fil-fond, l-impjegat ikollu jfaddal il-flus b’xi mod ieħor. Ir-relazzjoni kompetittiva hija partikolarment ovvja fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet supplimentari jew tal-kontribuzzjonijiet minn individwi li ma kinux oriġinarjament koperti bl-iskemi ta’ pensjoni okkupazzjonali. Il-fatt li parti mill-frott ta’ fond ta’ pensjoni jitħallas bħala renta vitalizja (22) huwa, fil-fehma ta’ ATP, irrilevanti, u dan peress li renta vitalizja tista’ tinxtara b’somma f’daqqa. Fil-fehma ta’ ATP, huma wkoll irrilevanti l-fatti li l-kontribuzzjonijiet li jitħallsu fil-fondi ta’ pensjoni jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa u li l-fondi ta’ pensjoni normalment ikun fihom element ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, ATP targumenta li l-fatt li l-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali jiġu konklużi permezz ta’ ftehim kollettiv huwa irrilevanti peress li huma l-impjegati li jieħdu d-deċiżjonijiet rilevanti, hekk kif irrappreżentati mis-sindakati.

27.      Waqt is-seduta, ATP innotat li l-fondi ta’ pensjoni inkwistjoni f’din il-kawża jvarjaw b’mod sinjifikattiv minn dawk li kienu s-suġġett tas-sentenzi Wheels u PPG Holdings. Dawk il-każijiet kienu jikkonċernaw skemi ta’ benefiċċju ddefinit, fejn il-prinċipal kellu l-obbligu legali li jħallas il-pensjoni. Kienu biss l-impjegati li setgħu jipparteċipaw fl-iskema. Min-naħa l-oħra, il-każ ineżami jikkonċerna skema ta’ kontribuzzjoni ddefinita, li fiha huma l-benefiċjarji u l-investituri li jġorru r-riskju. Il-prinċipal għandu biss iħallas il-kontribuzzjoni. Hemm pubbliku ikbar, jiġifieri kull persuna li hija marbuta mas-suq tax-xogħol, li jista’ jipparteċipa fl-iskemi ta’ pensjoni.

28.      Ir-Renju Unit argumenta, waqt is-seduta, li l-fondi ta’ pensjoni b’kontribuzzjoni ddefinita bħalma huwa dak li ġie deskritt mill-qorti tar-rinviju ma jixbhux biżżejjed il-fondi ta’ investiment speċjali biex ikunu jikkompetu magħhom u għaldaqstant ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT inkwistjoni għal ħames raġunijiet: il-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali ma jistgħux jinbiegħu x’ħin ikun, ma jagħtu ebda dritt għall-fondi investiti qabel ma l-benefiċjarju jagħlaq l-età tal-pensjoni u jintilfu f’każ ta’ mewt, isir ftehim fuqhom permezz ta’ ftehim kollettiv u jitħallsu mill-prinċipal iktar milli jikkostitwixxu investimenti mill-impjegat, huma disponibbli lill-impjegati biss iktar milli l-pubbliku inġenerali u fl-aħħar nett, ma jaqgħux taħt il-portata tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva UCITS”) (23).

29.      Il-Kummissjoni targumenta li l-fondi ta’ pensjoni inkwistjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”. Hija tiddistingwi bejn skemi ta’ kontribuzzjoni ddefinita u skemi ta’ benefiċċju ddefinit, u targumenta li fir-rigward tal-ewwel skemi l-impjegati jibbenefikaw mill-investiment tagħhom u huma, għaldaqstant f’sitwazzjoni simili bħal investituri żgħar fir-rigward tal-fondi speċjali ta’ investiment (24).

C –    Il-ġurisprudenza fuq “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri”

30.      Il-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva fiha kemm dikjarazzjonijiet ġenerali rilevanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-eżenzjonijiet u kif ukoll kunsiderazzjonijiet importanti li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kliem “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri”. Jien ser nittratta dawn iż-żewġ kwistjonijiet wara xulxin u mbagħad nagħmel il-kunsiderazzjonijiet tiegħi fuq l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja meta nanalizza l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.

1.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-eżenzjonijiet mill-VAT

31.      Meta ġiet biex tinterpreta l-eżenzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li, bħala regola, dawn l-eżenzjonijiet għandhom tifsira awtonoma fid-dritt tal-Unjoni peress li għandhom “bħala għan li jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għall-ieħor” (25). Madankollu, dan ma japplikax fir-rigward ta’ termini li d-definizzjoni tagħhom hija mħollija espliċitament, mid-dritt tal-Unjoni, f’idejn l-Istati Membri (26). F’dawn il-każijiet, hija kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kunċetti inkwistjoni fil-liġi nazzjonali (27). Meta jiġu biex jiddefinixxu tali kunċetti, madankollu, huma ma jistgħux “jiksru l-għanijiet imħaddna mis-Sitt Direttiva jew il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata din id-Direttiva, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ newtralità fiskali” (28).

32.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, peress li, bħala prinċipju, il-VAT għandha tiġi ntaxxata fuq il-provvisti ta’ servizzi kollha pprovduti b’titolu oneruż minn persuna taxxabbli (29).

2.      Il-kunċett “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri”

33.      Kif jissuġġerixxi l-kliem stess, id-dritt tal-Unjoni jħalli d-definizzjoni ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” f’idejn l-Istati Membri. Jien ser niddiskuti l-ewwel it-tifsira ta’ din id-diskrezzjoni tal-Istati Membri u mbagħad niġbor fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-tliet limiti għal din id-diskrezzjoni: il-kliem tad-dispożizzjoni u d-Direttiva UCITS, l-għan tal-eżenzjoni u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

a)      Id-diskrezzjoni tal-Istati Membri

34.      Kif semmejt diġà, il-prinċipju li t-termini tal-eżenzjonijiet taħt l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu jsib il-limitazzjoni tiegħu meta d-definizzjoni titħalla espliċitament f’idejn l-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan hu l-każ fir-rigward tal-kunċett “fondi [komuni] ta’ investiment” (fondi speċjali ta’ investiment) (30). Madankollu, l-Istati ftit li xejn jistgħu jkunu liberi li jiddefinixxu dak li jfettlilhom bħala “fondi speċjali ta’ investiment”. Tali diskrezzjoni assoluta ġġib magħha r-riskju ta’ abbuż, tħawwad l-eżenzjonijiet differenti u tmur kontra l-prinċipju li l-eżenzjonijiet, ġeneralment, għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett. Għaldaqstant, irid ikun hemm xi tifsira applikabbli fl-Unjoni tal-kliem “fondi speċjali ta’ investiment” minkejja kliem l-eżenzjoni li tħalli d-definizzjoni f’idejn l-Istati Membri.

35.      It-tensjoni fid-dritt tal-Unjoni li fl-istess ħin li jħalli d-definizzjoni tal-kunċett f’idejn l-Istati Membri xorta waħda jrid jimponi limiti fuq dik id-definizzjoni (31) hija ċara fid-dikjarazzjoni segwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja: “[i]t-trattament li jiddefinixxi l-kontenut ta’ ‘fondi speċjali ta’ investiment’ ma jawtorizzax l-Istati Membri jagħżlu ċerti fondi li qegħdin fit-territorju tagħhom sabiex jagħtuhom il-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni u li jeskludu fondi oħrajn minn din l-eżenzjoni. [… I]t-termini ‘fondi speċjali ta’ investiment’ għandhom ikunu l-punt ta’ tluq tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri” (32). Dak li riedet tfisser il-Qorti tal-Ġustizzja huwa li, loġikament, id-dritt tal-Unjoni għandu jistabbilixxi kemm il-qafas intern u kif ukoll dak estern tal-kunċett “fondi speċjali ta’ investiment” li fih l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu d-definizzjoni tal-kunċett. Għaldaqstant, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri biex jiddeterminaw il-kontenut tal-kunċett hija limitata. Il-Qorti tal-Ġustizzja tislet dawn il-limiti mill-kliem (u sussegwentement mill-iżviluppi leġiżlattivi) tad-dispożizzjoni, l-għan tagħha u l-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata d-direttiva bħalma huwa l-prinċipju ta’ newtralità (33).

36.      Fil-prattika, l-applikazzjoni ta’ dawn il-limiti naqqsu b’mod sinjifikattiv is-setgħa tal-Istati Membri biex ikunu jistgħu jiddefinixxu l-kunċett. Dan l-iżvilupp jista’ jiġi kkritikat iżda ċ-ċertezza legali, li hija essenzjali meta jkun involut it-trattament ta’ prodotti finanzjarji mil-lat ta’ VAT, teħtieġ li tiġi osservata l-kontinwità tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      Kliem id-dispożizzjoni u d-Direttiva UCITS

37.      Kliem l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva ftit jagħti gwida fuq il-kontenut tal-kunċett “fondi speċjali ta’ investiment”, b’mod partikolari meta wieħed iżomm f’moħħu l-kliem differenti użati fil-lingwi differenti. Għaldaqstant, meta l-verżjoni tas-Sitt Direttiva bl-Ingliż issemmi “special investment funds”, il-verżjoni Franċiża tirreferi għal “fonds communs de placement”, dik Spanjola “fondos communes de inversión” (34), dik Ġermaniża “Sondervermögen”, u l-Olandiża tirreferi għal “gemeenschappelijke beleggingsfondsen”.

38.      Madankollu, l-iżviluppi sussegwenti laħħmu dan il-kunċett. Fl-1985, daħlet fis-seħħ id-Direttiva UCITS biex tikkoordina l-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-impriżi ta’ investiment kollettiv. Ir-relazzjoni preċiża bejn dik id-direttiva u l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva ma hijiex immedjatament apparenti. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-verżjonijiet Spanjoli, Franċiżi, Taljani u Portugiżi tal-kelma użata mid-direttiva għall-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) li għandhom il-forma kuntrattwali, huma jużaw l-istess espressjoni kif tidher fl-eżenzjoni, iżda dan ma huwiex il-każ fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra bħalma huma l-Ingliż, il-Ġermaniż u d-Daniż (35).

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Avukati Ġenerali tagħha għamlu l-isforzi kollha tagħhom, għaldaqstant, biex jiddefinixxu r-relazzjoni bejn id-Direttiva UCITS u l-Artikolu 13B(d)(6) (36). Madankollu, fis-sentenza Wheels il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ċar li “l-fondi li jikkostitwixxu organi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli skont id-Direttiva UCITS jikkostitwixxu fondi speċjali ta’ investiment” (37). Għaldaqstant, huma jikkostitwixxu kontenut minimu tal-kunċett “fondi speċjali ta’ investiment”.

c)      L-għan tal-eżenzjoni

40.      Kif innotat l-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Abbey National, l-għan tal-eżenzjoni huwa li “tiffaċilita l-investiment f’fondi komuni għal investituri żgħar” (38). Tali fondi huma intiżi li jiġbru l-flus ta’ numru ta’ investituri (39), biex jippermettilhom jifirxu r-riskju fuq numru ta’ titoli. L-eżenzjoni mill-VAT tippermetti lil dawn l-investituri jidħlu f’dawk l-investimenti mingħajr ma jeħlu l-ispiża addizzjonali tal-VAT (40). Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat dan l-għan (41).

41.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżenzjoni tkopri l-fondi speċjali ta’ investiment “indipendentement mill-forma ġuridika tagħhom” (42). Il-fatt dwar jekk dawn il-fondi jiġux ikkostitwiti taħt il-liġi tal-kuntratti jew il-liġi dwar it-trusts jew taħt statut huwa irrilevanti għat-tfittxija tal-għan deskritt. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li kull interpretazzjoni differenti tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali li tipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet ikunu ttrattati b’mod differenti (43).

42.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-forma operattiva adottata mill-fond hija irrilevanti: il-fatt li fond huwa fond “miftuħ” (jiġifieri fond b’kapital varjabbli li huwa obbligat li jixtri lura l-unitajiet mingħand l-investituri li jkunu jixtiequ jbigħu) jew “magħluq” (jiġifieri fond b’kapital fiss, li l-azzjonijiet tiegħu jistgħu jinbiegħu biss f’suq sekondarju) ma għandu ebda rwol fil-klassifikazzjoni tal-fond fir-rigward tal-eżenzjoni tal-VAT taħt l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva. Għal darba oħra, din il-konklużjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (44).

d)      Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali

43.      Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti għal dak li jirrigwarda l-ġbir tal-VAT. Issa, dan il-prinċipju ma jeżiġix li l-operazzjonijiet ikunu identiċi”. Oġġetti jew servizzi li huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin minħabba s-similarità tagħhom ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti mil-lat ta’ VAT (45).

44.      Il-kriterju tal-ħtieġa ta’ relazzjoni kompetittiva huwa wieħed diffiċli. L-Avukat Ġenerali Sharpston ikkummentat fuq il-perikoli tiegħu fis-sentenza Deutsche Bank, fejn irrimarkat li dejjem ikun hemm ċerta sovrappożizzjoni bejn l-attivitajiet u jekk l-attivitajiet kollha “li jkunu parzjalment f’kompetizzjoni bejniethom kellhom jirċievu l-istess trattament fir-rigward tal-VAT, dan iwassal finalment” għall-eliminazzjoni tad-differenzi kollha fit-trattament għall-iskopijiet tal-VAT (46).

45.      Il-perikolu li rat l-Avukat Ġenerali Sharpston jista’ jiġi eliminat billi jiġi applikat metodu ta’ paragun korrett. L-ewwel nett, irid jiġi stabbilit punt ta’ referenza li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “fond speċjali ta’ investiment”. Il-fond inkwistjoni jiġi pparagunat biss mal-punt ta’ referenza. Skont dak li għidt iktar ’il fuq, fondi li huma impriżi ta’ investiment kollettiv fis-sens tad-Direttiva UCITS jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fond speċjali ta’ investiment” u għaldaqstant jista’ jservi ta’ punt ta’ referenza (47).

46.      Jekk il-fond analizzat għandu jiġi inkluż ukoll fil-kunċett ta’ “fond speċjali ta’ investiment” jew le hija kwistjoni ta’ jekk dak il-fond u l-punt ta’ referenza humiex paragunabbli suffiċjentement biex dawn ikunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin (48). Il-kriterji tal-fondi li għandhom ikunu pparagunati biex jiġi stabbilit ix-xebh suffiċjenti biex ikun hemm kompetizzjoni bejniethom ma jintgħażlux bl-addoċċ. Lanqas ma hija kompletament ekonomika l-analiżi li ssir. Min-naħa l-oħra, hija għandha tkun ibbażata fuq l-għan tal-eżenzjoni. Għaldaqstant, eżempji ta’ kriterji rilevanti huma jekk il-fond huwiex mezz biex jinfirex ir-riskju, u jekk l-investituri jibbenefikawx mill-qliegħ fl-investiment etc.

3.      Kunsiderazzjonijiet fuq l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja

47.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri biex jiddefinixxu l-kliem “fondi speċjali ta’ investiment” hija għaldaqstant limitata mill-għan tal-eżenzjoni, mid-Direttiva UCITS u mill-prinċipju ta’ newtralità. Ħarsa iktar mill-qrib turi li jista’ jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat dawn il-limiti (sovrappożizzjonati (49)) b’mod li jifformaw żewġ testijiet alternattivi.

48.      Xi kultant il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-għanijiet tal-eżenzjoni, fejn tislet dak li jammonta għal definizzjoni tal-kunċett “fondi speċjali ta’ investiment” billi tuża l-prinċipju ta’ newtralità biex tikkonferma l-eżitu (50). F’okkażjonijiet oħra l-Qorti tal-Ġustizzja qieset l-UCITS bħala ċentrali għall-“fondi speċjali ta’ investiment” u mbagħad applikat il-prinċipju ta’ newtralità (51).

49.      Jiena nipproponi li jintuża (u jiġi rfinat iktar) it-tieni approċċ. Għaldaqstant, fond għandu jiġi kkunsidrat bħala “fond ta’ pensjoni speċjali” jekk huwa jaqa’ jew taħt id-Direttiva UCITS jew huwa paragunabbli suffiċjentement mal-UCITS biex ikun hemm kompetizzjoni bejniethom. Il-karatteristiċi rilevanti għall-paragun huma dawk li huma rilevanti għall-għanijiet tal-eżenzjoni analizzata, li huwa li tippermetti diversi investituri jgħaqqdu l-fondi tagħhom u, għaldaqstant, jifirxu r-riskju fuq numru ta’ titoli.

D –    Fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali bħala fondi ta’ investiment speċjali

50.      Wara dawn il-kunsiderazzjonijiet, ser napplika l-prinċipji deskritti għall-każ ineżami. Il-kwistjoni li qamet permezz ta’ din il-kawża hija dwar il-punt sa fejn il-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati fondi ta’ investiment speċjali. Id-dritt tal-Unjoni fih xi regoli fuq dawn il-fondi, iżda dawn ir-regoli ma humiex armonizzati (52). Skont dak li għidt iktar ’il fuq, ser ikolli nanalizza jekk il-fondi inkwistjoni humiex UCITS u, jekk le, sa fejn il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jitlob li dawn jiġu inklużi fl-eżenzjoni.

1.      Id-Direttiva UCITS

51.      Il-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali bħalma huma dawk inkwistjoni f’din il-kawża ma jaqgħux taħt id-Direttiva UCITS (53). Kif innotat id-Danimarka, l-unitajiet tal-fondi ineżami f’din il-kawża ma jistgħux, fuq talba tal-proprjetarji, jerġgħu jinxtraw jew jinfdew bħalma huwa l-każ tal-UCITS skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva UCITS.

2.      Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali

52.      Fit-tieni lok, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Dan jistaqsi jekk il-fondi ineżami humiex paragunabbli suffiċjentement mal-UCITS biex dawn ikunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin (54). Fis-sentenza Wheels, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra din il-kwistjoni għal tipi oħra ta’ fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali. Hija ddeċidiet li dawk il-fondi ma jaqgħux taħt l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva. Il-fondi msemmija kienu jiġbru l-assi ta’ skema ta’ pensjoni tal-irtirar u ma kinux miftuħin għall-pubbliku, iżda kienu jagħtu sempliċiment benefiċċji relatati mal-impjieg. Għandu jiġi nnotat li dawn kienu tat-tip “benefiċċju ddefinit”, jiġifieri l-membri tal-iskema ma kellhomx ir-riskju marbut mal-amministrazzjoni tal-fond, peress li l-ammont tal-pensjoni tagħhom kien fiss u, għaldaqstant, ma kienx jiddependi fuq is-suċċess tal-investiment. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fond lanqas ma kien fond ta’ investiment speċjali mill-perspettiva tal-prinċipal, peress li għal dan, il-kontribuzzjonijiet kienu mezz li bih jonora l-obbligi legali tiegħu. L-Avukat Ġenerali segwiet dan ir-raġunament fil-kawża PPG Holdings, fejn identifikat tliet kriterji rilevanti: jekk l-iskema tiġborx l-assi ta’ skema ta’ pensjoni tal-irtirar, jekk il-membri tal-iskema ta’ pensjoni jġorrux ir-riskju marbut mal-amministrazzjoni tal-fond, u jekk il-prinċipal iħallasx il-kontribuzzjonijiet biex jonora l-obbligi legali li huwa għandu lejn l-impjegati tiegħu (55).

53.      Mingħajr ma nikkontesta l-eżitu ta’ dawk il-kawżi, nipproponi li l-analiżi tiġi rfinuta għall-każ ineżami. Skont id-dritt tal-Unjoni, ċerti kriterji huma rilevanti u oħrajn irrilevanti biex jiġu pparagunati l-fondi mal-UCITS biex jiġi stabbilit jekk humiex suffiċjentement paragunabbli biex ikunu f’kompetizzjoni bejniethom. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom janalizzaw il-fatti rilevanti, japplikaw dawk il-kriterji u jiddeċiedu jekk il-fond ta’ pensjoni involut għandux jiġi kkunsidrat bħala “fond speċjali ta’ investiment”.

a)      Il-perspettiva tal-paragun

54.      Qabel ma nelenka l-kriterji irrilevanti u rilevanti, għandi ninnota li l-iskemi ta’ pensjoni jistgħu jiġu analizzati bħala strumenti li jiġbru l-assi ta’ min iħaddem u tal-impjegati. Liema mudell minn dawn japplika jiddependi fuq jekk l-impjegati jew min iħaddem jibbenefikawx mill-investiment. Skont id-deskrizzjoni tal-qorti tar-rinviju, f’din il-kawża, huma l-impjegati li jibbenefikaw mill-fond.

b)      Il-kriterji irrilevanti

55.      Peress li l-analiżi tan-natura paragunabbli tal-fondi inkwistjoni mal-UCITS trid issir filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-eżenzjoni, hemm numru ta’ elementi li ġew diskussi f’din il-kawża li huma irrilevanti għall-paragun.

56.      B’kuntrast mal-allegazzjonijiet tad-Danimarka, dan hu minnu fir-rigward tal-iskop tal-investiment. Jekk l-investitur ifaddal għall-pensjoni jew għal skopijiet oħra ma għandu ebda effett fuq ir-relazzjoni kompetittiva. Għaldaqstant, il-fatt li l-fondi inkwistjoni huma fondi ta’ pensjoni ma jipprekludihomx milli jkunu jikkostitwixxu “fondi speċjali ta’ investiment”. B’kuntrast mas-sentenza Wheels, jiena nikkunsidra, għaldaqstant, ir-rilevanza tal-obbligu legali tal-prinċipal fir-rigward tal-ħlas tal-benefiċċji ta’ pensjoni ddefiniti bħala “skop” irrilevanti tal-investiment.

57.      Il-fatt li l-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali ma jsirx ftehim fuqhom b’mod individwali, iżda b’mod kollettiv, huwa irrilevanti. L-ewwel nett, ir-rappreżentanti tal-impjegati jinnegozjaw il-karatteristiċi tal-fondi mar-rappreżentanti tal-persuni li jħaddmu. Għalkemm ftehim kollettiv jista’ jfisser li hemm ftit wisq kompetizzjoni ekonomika bejn il-fondi u l-UCITS barra mill-pagamenti supplimentari volontarji tal-impjegati, dan huwa irrilevanti għall-għan tal-eżenzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżenzjoni tkopri l-fondi indipendentement mill-forma legali tagħhom. F’dan ir-rigward, hija daqstant irrilevanti l-possibbiltà li jsiru pagamenti supplimentari jew is-sħubija volontarja ta’ xi persuni mal-fondi okkupazzjonali.

58.      L-istess kunsiderazzjoni tapplika għall-kwistjoni dwar jekk il-kontribuzzjonijiet f’xi fond jistgħux jitnaqqsu għall-fini ta’ taxxa tad-dħul jew le. Għalkemm it-trattament favorevoli fir-rigward tat-taxxa tad-dħul li jingħata lill-kontribuzzjonijiet f’xi fondi jista’ jkollu impatt kunsiderevoli fuq ir-relazzjoni kompetittiva ekonomika, dan ma għandu ebda effett fir-rigward tal-għanijiet tal-eżenzjoni u, għaldaqstant, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni.

59.      Bl-istess mod, il-metodi tal-ħlasijiet li joħorġu mill-fond ta’ rtirar (renta vitalizja jew somma f’daqqa) ma jaffettwawx il-mod ta’ kif il-fond jiġi kklassifikat, u dan peress li t-trasferimenti bejn id-diversi metodi huma possibbli b’sempliċi tranżazzjoni finanzjarja sempliċi.

60.      Meta l-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali jkunu akkumpanjati b’element ta’ assigurazzjoni u ż-żewġ elementi ma jistgħux jiġu mifruda, kif inhu l-każ ineżami, il-qrati nazzjonali għandhom jistabbilixxu liema element huwa dak prevalenti.

c)      Il-kriterji rilevanti

61.      Kif għidt iktar ’il fuq, il-kriterji rilevanti għall-paragun għandhom jiġu dedotti mill-iskop tal-eżenzjoni, jiġifieri dak li tippermetti li jinġabru l-fondi ta’ numru ta’ investituri, u biex jinfirex ir-riskju fuq numru ta’ titoli.

62.      Fuq din il-premessa, huwa biss numru limitat ta’ elementi li huma essenzjali biex jiġu pparagunati l-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali mal-UCITS għall-finijiet tan-newtralità fiskali taħt l-eżenzjoni analizzata. L-ewwel nett, diversi benefiċjarji jridu jgħaqqdu l-fondi tagħhom biex jifirxu r-riskju fuq firxa ta’ titoli. Il-fond jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jiġbor l-fondi tal-benefiċjarji biss jekk dawn il-benefiċjarji jkollhom id-dritt legali mingħajr kundizzjonijiet fir-rigward tal-investiment tagħhom. Jista’ jkun li huma ma jkunux jistgħu jifdu d-dritt tagħhom x’ħin iridu (jiġifieri jbigħu d-dritt tagħhom) u jistgħu jirċievu l-benefiċċju tal-investiment tagħhom mal-irtirar biss. Madankollu, meta l-investiment jintilef f’każ ta’ mewt u ma jgħaddix għand l-eredi tal-benefiċjarju, wieħed ftit li xejn jista’ jitkellem fuq li jiġbor l-fondi tal-benefiċjarji.

63.      Fl-aħħar nett, il-benefiċjarji għandhom ibatu kemm l-ispiża tal-fond u kif ukoll ir-riskji tal-investiment, minkejja li l-kontribuzzjonijiet jistgħu jitħallsu mill-prinċipal tagħhom bħala parti mill-pakkett tas-salarju tagħhom. Dan ġeneralment ikun il-każ fir-rigward tal-kontribuzzjoni ddefinita, iżda mhux fir-rigward tal-iskemi ta’ benefiċċji ddefiniti. Kif għidt iktar ’il fuq, huma l-qrati nazzjonali li għandhom japplikaw dawn il-kriterji.

64.      Nikkonkludi, għaldaqstant, li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-kunċett “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri” għandu jinkludi l-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali meta dawn il-fondi jiġbru l-assi ta’ numru ta’ benefiċjarji, u jippermettu li jinfirex ir-riskju fuq firxa ta’ titoli. Dan hu biss il-każ meta l-benefiċjarji jġorru r-riskju tal-investiment tagħhom. Il-fatt li l-kontribuzzjonijiet jsiru minn min iħaddimhom għall-benefiċċju tagħhom taħt ftehim kollettiv bejn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-impjegati u lil min iħaddem u li l-pagamenti mill-fond isiru biss mal-irtirar huwa irrilevanti, sakemm il-benefiċjarju jkollu pożizzjoni legali ċerta fir-rigward tal-assi tiegħu jew tagħha. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu jekk fond jissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

V –    Konklużjoni

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi l-ewwel domanda magħmula mill-Østre Landsret bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill għandu jiġi interpretat li jfisser li l-kunċett “fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri” għandu jinkludi l-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali meta dawn il-fondi jiġbru l-assi ta’ numru ta’ benefiċjarji, u jippermettu li jinfirex ir-riskju fuq firxa ta’ titoli. Dan hu biss il-każ meta l-benefiċjarji jġorru r-riskju tal-investiment tagħhom. Il-fatt li l-kontribuzzjonijiet jsiru minn min iħaddimhom għall-benefiċċju tagħhom taħt ftehim kollettiv bejn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-impjegati u lil min iħaddem u li l-pagamenti mill-fond isiru biss mal-irtirar huwa irrilevanti, sakemm il-benefiċjarju jkollu pożizzjoni legali ċerta fir-rigward tal-assi tiegħu jew tagħha. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu jekk fond jissodisfax dawn ir-rekwiżiti.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ — sistema Komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) kif emendata, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 23.


3 – Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, Ġabra p. I-4027); tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, Ġabra p. I-5517) (iktar ’il quddiem “JP Morgan”); tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11); tas-7 ta’ Marzu 2013, GfBk (C-275/11); tas-7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11) (iktar ’il quddiem “Wheels”); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża PPG Holdings BV (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2013, C-26/12).


4 – Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) kif emendata.


5 – L-eżenzjoni tal-VAT għal tranżazzjonijiet li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożiti jew kontijiet kurrenti tinsab interpretata f’D.A.5.11.6. Il-fondi speċjali ta’ investiment jinsabu deskritti f’D.A.5.11.9.2. L-amministrazzjoni tagħhom huwa s-suġġett ta’ D.A.5.11.9.3.


6 – Għal sunt tal-iskemi ta’ pensjoni komuni ara OECD, Pensions at a Glance, 2005; aġġornat f’OECD, Pensions at a Glance, 2011.


7 – Persuni li ma humiex koperti bis-saħħa tas-sitwazzjoni ta’ impjieg tagħhom, bħalma huma kummerċjanti li jaħdmu għal rashom, min iħaddem u diretturi, jistgħu jagħżlu li jħallsu fi skema ta’ pensjoni okkupazzjonali jekk tali skema jkun sar ftehim fuqha mill-impjegati tal-impriża inkwistjoni.


8 – Fil-prattika dawn jikkostitwixxu l-parti sostanzjalment iżgħar tal-fondi, kif qalet ATP waqt is-seduta.


9 – L-iskemi ta’ pensjoni personali jsegwu sistema simili ħafna, iżda huma l-benefiċjarji stess li jidħlu għal tali skema u jħallsu għaliha.


10 – Dawn il-kontijiet huma kontijiet ta’ pensjoni iktar milli kontijiet tal-bank separati.


11 – Kawża C-2/95, Ġabra p. I-3017.


12 – Fir-rigward tal-ewwel żewġ kwistjonijiet ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3. Fir-rigward tat-tielet kwistjoni ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, Ġabra p. I-3017); tas-26 ta’ Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring (C-305/01, Ġabra p. I-6729); digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Tiercé Ladbroke (C-231/07 u C-232/07, Ġabra p. I-73*); sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C-242/08, Ġabra p. I-10099); tat-28 ta’ Ottubru 2010, Axa UK (C-175/09, Ġabra p. I-10701); u tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi (C-350/10, Ġabra p. I-7359); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Granton Advertising BV (C-461/12, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra). Jiena niddiskuti t-tieni kwistjoni fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża GfBk (C-275/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


13 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston.


14 – Il-Kummissjoni hija tal-fehma li n-numru ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni u finanzjarju disponibbli fis-suq jeċċedi 5 000. Direttorat Ġenerali Taxxa u Unjoni Doganali, Armonizzazzjoni tat-taxxi fuq id-dħul, 5 ta’ Marzu 2008, TAXUD/2414/08, p. 3.


15 – Id-differenza fit-trattament tas-servizzi finanzjarji fir-rigward tal-VAT tidher ċara f’rapport ippreparat minn PricewaterhouseCoopers għall-Kummissjoni Ewropea: Study to Increase the Understanding of the Economic Effects of the VAT Exemption for Financial and Insurance Services, 2 ta’ Novembru 2006. Ħarsa ġenerali lejn l-implementazzjoni tal-eżenzjonijiet fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri tinsab fl-Anness għall-IBFD, VAT Survey Financial Services, 2006. Ara wkoll Comment by J. Wessels, Highlights & Insights on European Taxation 2012 Nru 4, p. 62.


16 – COM(2007) 747 finali/2 tal-20 ta’ Frar 2008.


17 – COM(2007) 746 finali/2 tal-20 ta’ Frar 2008.


18 – Ara Direttrat Ġenerali Taxxa u Unjoni Doganali, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.


19 – Ara n-Nota mill-Presidenza, Proposals for a Council Directive and Regulation as regards the VAT treatment of insurance and financial services, Doc. 13577/10 FISC 92 tas-16 ta’ Settembru 2010, p. 20. Id-dokument sar riferiment għalih mill-ATP biex tissostanzja l-pożizzjoni tagħha li l-fondi ta’ pensjoni jitqiesu li huma koperti mill-kunċett ta’ fond speċjali ta’ investiment.


20 – Mid-dokumenti ppubblikati jidher ċar li jibqa’ jkun hemm nuqqas ta’ qbil ukoll fuq il-kwistjoni tat-trattament tal-fondi ta’ pensjoni. Nota mis-Segrterjat Ġenerali, Proposals for a Council Directive and Regulation as regards the VAT treatment of insurance and financial services, Doc. 18650/11 FISC 170 tal-14 ta’ Diċembru 2011, p. 5. Il-bżonn biex tiġi ffinalizzata r-riforma huwa enfasizzat minn J. Dahm & R. Hamacher, Vermögensverwaltung und Umsatzsteuer, UR 2012, 817.


21 – Waqt is-seduta, id-Danimarka qalet li hija tqis fondi bħalma huwa dak ineżami bħala kumpanniji tal-assigurazzjoni.


22 – L-iSkatteministeriet qies din bħala li hija differenza importanti tal-fondi ta’ pensjoni meta mqabbla mal-fondi speċjali ta’ investiment.


23 – Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 1, p. 139) kif emendata. Id-Direttiva UCITS ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, p. 32) fl-1 ta’ Lulju 2011.


24 – Il-Kummissjoni tqis il-karatteristiċi (a) (b) (ċ) u (h) tal-ewwel domanda bħala partikolarment rilevanti għall-paragun mal-fondi speċjali ta’ investiment.


25 – Sentenzi JP Morgan, punt 19; Wheels, punt 16; Abbey National, punt 38; tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 22); tat-3 ta’ Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn (C-428/02, Ġabra p. I-1527, punt 2); tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C--58/97, Ġabra p. I-6301, punt 51).


26 – Sentenzi JP Morgan, punt 20; Abbey National, punt 39, Wheels, punt 16; tat-28 ta’ Marzu 1996, Gemeente Emmen (C-468/93, Ġabra p. I-1721, punt 25).


27 – Sentenzi JP Morgan, punt 21; tas-27 ta’ April 2006, Solleveld and van den Hout-van Eijnsbergen (C-443/04 u C-444/04, Ġabra p. I-3617, punt 29).


28 – Sentenza JP Morgan, punt 22; ara wkoll s-sentenza Gemeente Emmen, punt 25; sentenza Turn- und Sportunion Waldburg (C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 31).


29 – Sentenzi Abbey National, punt 60; tal-1 ta’ Diċembru 2005, Ygeia (C-394/04 u C-395/04, Ġabra p. I-10373, punt 15); tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier (C-45/01, Ġabra p. I-12911, punt 42); u tal-15 ta’ Ġunju 1989, Stichting Uitvoering Financiële Acties (348/87, Ġabra p. 1737, punt 13).


30 – Sentenza Abbey National, punt 41.


31 – P. Rossi, L’Avvocato generale della Corte UE – Chiarita la portata dell’esenzione Iva per le operazioni di gestione dei fondi comuni di investimento, il fisco n. 38/2005, 14422.


32 – Sentenza JP Morgan, punt 41.


33 – Sentenzi JP Morgan, punti 45 u 46; Wheels, punt 18; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża JP Morgan, punti 15 u 17.


34 – Il-verżjonijiet Taljani u Portugiżi jirreferu b’mod simili għal “fondi comuni d’investimento” u “fundos comuns de investimento”.


35 – Sentenzi JP Morgan, punt 33; u Abbey National, punt 55


36 – Sentenza Abbey National, punti 55, 61, 64 sa 65; konklużjonijiet fil-kawża Abbey National, punti 38, 41 sa 43, 50, 73 sa 83; JP Morgan, punti 31 sa 34; konklużjonijiet fil-kawża JP Morgan, 32 u 33; sentenza Deutsche Bank, punt 32; konklużjonijiet fil-kawża Deutsche Bank, punt 74.


37 – Sentenza Wheels, punt 23.


38 – Konklużjonijiet fil-kawża Abbey National, punt 68.


39 – Ir-riferiment għall-investituri żgħar, li saret fis-sentenza Abbey National, ma saritx fis-sentenza sussegwenti JP Morgan, punt 45, u dan kif tinnota l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Deutsche Bank, nota ta’ qiegħ il-paġna 21.


40 – Konklużjonijiet fil-kawża Abbey National, punti 27 sa 29. Il-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ tirreferi għal din l-aħħar kunsiderazzjoni bħala “fiscal neutrality”. Is-sentenzi Abbey National, punt 62; Wheels, punt 19.


41 – Sentenzi Abbey National, punt 62; JP Morgan, punt 45; u Deutsche Bank, punt 33. Ara s-sentenza Wheels, punt 23.


42 – Sentenzi Abbey National, punt 53; JP Morgan, punt 26.


43 – Ibid., punt 56.


44 – Sentenza JP Morgan, punti 28 sa 30, 35.


45 – Sentenzi Wheels, punti 20 u 21; JP Morgan, punt 46; tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P. (C-106/05, Ġabra p. I-5123, punt 32); tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis (C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punt 24); Cimber Air (C-382/02, Ġabra p. I-8379, punt 24); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-109/02, Ġabra p. I-12691, punt 20).


46 – Konklużjonijiet fil-kawża Deutsche Bank, punt 60.


47 – Sentenza Wheels, punt 24.


48 – Ara s-sentenza JP Morgan, punti 50 u 51.


49 – E. Jaster & I. Murchner, Die umsatzsteuerliche Behandlung von Vermögensverwaltungsleistungen (Teil 2), UStB 2013, 54 josservaw li l-kriterji żviluppati fis-sentenza JP Morgan u dawk tad-Direttiva UCITS huma simili.


50 – Din hija l-interpretazzjoni tiegħi tas-sentenzi Abbey National u JP Morgan.


51 – L-iktar applikazzjoni ċara ta’ dan l-approċċ jista’ jinsab fis-sentenza Wheels. X’aktarx li din inbdiet fis-sentenza Deutsche Bank.


52 – Fit-23 ta’ Settembru 2003 daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 350).


53 – L-istess kien jgħodd għas-sentenza Wheels, punt 25. Għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 2003/41 ma tapplikax għall-UCITS skont l-Artikolu 2(2)(b).


54 – Sentenza Wheels, punti 24 u 26.


55 – Konklużjonijiet fil-kawża PPG Holdings BV, punti 16 u 17.