Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2014 (1)

Kawża C-219/13

K Oy

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja)]

“Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Direttiva 2009/47/KE — Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT unikament għall-kotba stampati, bl-esklużjoni ta’ kotba fuq mezzi materjali oħra (CD, CD-ROM, stikek tal-memorja USB) — Aspetti konkreti u speċifiċi — Newtralità fiskali”





I –    Introduzzjoni

1.        Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) unikament għall-kotba stampati, bl-esklużjoni ta’ kotba fuq mezzi materjali oħra, bħas-CD, is-CD-ROM jew l-istikek tal-memorja USB, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali?

2.        Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fil-kuntest ta’ kawża bejn K Oy (iktar ’il quddiem “K”) u l-Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö, jiġifieri l-amministrazzjoni fiskali Finlandiża, fir-rigward ta’ deċiżjoni preliminari tal-Keskusverolautakunta (kummissjoni fiskali ċentrali) li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet it-talba ta’ K, għas-snin fiskali 2011 u 2012, sabiex tkun taf jekk ir-rata mnaqqsa tal-VAT ta’ 9 % applikabbli għall-kotba stampati tistax tkun applikata għall-kotba awdjo u diġitali, maħżuna fuq mezzi materjali u li jirriproduċu t-test miktub ta’ ktieb stampat, editjat minn din il-kumpannija.

3.        Fl-ewwel lok, il-kummissjoni fiskali ċentrali qieset li huma biss il-pubblikazzjonijiet stampati jew prodotti b’mod analogu, fis-sens tal-Artikolu 85a(1)(7) u (3) tal-Liġi 1265/1997 dwar il-VAT (arvonlisäverolaki 1265/1997) li huma meqjusa li huma kotba.

4.        Fit-tieni lok, din il-kummissjoni sostniet li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) u l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE, tal-5 ta’ Mejju 2009, dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (3), kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jipprekludux l-applikazzjoni għall-bejgħ ta’ kotba maħżuna fuq mezzi materjali oħra barra l-karta, ta’ rata normali tal-VAT, jiġifieri, f’dan il-każ, 23 % tal-valur taxxabbli, minflok ir-rata mnaqqsa ta’ 9 % applikata għall-kotba stampati. Fil-fatt, skont il-kummissjoni fiskali ċentrali, il-kotba awdjo u diġitali maħżuna fuq mezzi materjali oħra barra l-karta jixbhu, minħabba n-natura tagħhom, il-karatteristiċi tagħhom u l-mod tal-użu tagħhom, il-kotba simili disponibbli f’forma diġitali, li għalihom, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT, ma japplikawx ir-rati mnaqqsa.

5.        Għalhekk K ippreżentat appell quddiem il-Korkein hallinto-oikeus mid-deċiżjoni tal-kummissjoni fiskali ċentrali, fejn talbet, minn naħa, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddikjarat li l-kotba awdjo u l-kotba diġitali maħżuna fuq mezzi materjali oħra bħas-CD, is-CD-ROM jew l-istikek tal-memorja USB jew prodotti simili oħra deskritti fid-domanda jitqiesu, fis-sens tal-Artikolu 85bis(1)(7) tal-Liġi 1265/1997 dwar il-VAT, li huma kotba stampati li l-bejgħ tagħhom huwa suġġett għar-rata mnaqqsa tal-VAT.

6.        Wara li talbet l-opinjoni tal-Valtiovarainministeriö (ministeru tal-finanzi), li essenzjalment ikkonferma l-pożizzjoni meħuda mill-kummissjoni fiskali ċentrali, il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) u l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva [tal-VAT], fil-verżjoni, fir-rigward tal-aħħar punt, introdotta mid-Direttiva 2009/47, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li rata mnaqqsa tal-VAT hija applikata għall-kotba stampati filwaqt li l-kotba maħżuna fuq mezzi materjali oħra bħal CD, CD-ROM jew stikek tal-memorja USB huma suġġetti għal rata normali tat-taxxa?

Ir-risposta tista’ tvarja skont iċ-ċirkustanzi segwenti:

–      il-ktieb huwa intiża li jinqara jew li jinstema’ (ktieb awdjo);

–      jeżisti ktieb stampat li fih l-istess kontenut bħall-ktieb jew bħall-ktieb awdjo maħzuna fuq mezz materjali bħal CD, CD-ROM, stikka tal-memorja [USB] jew prodott materjali ieħor simili;

–      huwa possibbli li jintużaw karatteristiċi tekniċi mogħtija mill-mezz materjali, li ma huwiex karta, bħall-funzjonijiet ta’ tfittxija?”

7.        Din id-domanda kienet is-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvernijiet tal-Finlandja, tal-Ġermanja, tal-Estonja, tal-Irlanda u tal-Greċja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

8.        Dawn il-partijiet ikkonċernati nstemgħu wkoll waqt is-seduta li nżammet fit-13 ta’ Marzu 2014, bl-eċċezzjoni tal-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Estonja li ma kinux irrappreżentati.

II – Analiżi

9.        L-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT jippreċiża li l-istess rata ta’ VAT, indikata bħala r-rata normali, hija applikabbli fuq il-kunsinni ta’ oġġetti u fuq il-provvisti ta’ servizzi.

10.      B’deroga minn dan il-prinċipju, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li japplikaw rati mnaqqsa unikament għal kunsinni ta’ oġġetti u għal provvisti ta’ servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

11.      Filwaqt li l-punt 6 ta’ dan l-anness kien jipprovdi, qabel l-emenda mdaħħla bid-Direttiva 2009/47, “il-provvista […] ta’ kotba […]”, din id-direttiva ssostitwixxiet it-test tal-punt 6 tal-Anness III, billi ppreċiżat li issa jinkludi “il-provvista […] ta’ kotba dwar il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ [fuq kull tip ta’ mezz materjali] […]” (4).

12.      Peress li, bħall-parti l-kbira tal-Istati Membri (5), ir-Repubblika tal-Finlandja b’mod validu għażlet li tapplika rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba stampati — li barra minn hekk diġà kienet koperta mill-Artikolu 12(3)(a) u mill-punt 6 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE (6), li ġew qabel l-Artikolu 98(1) u l-Anness III tad-Direttiva tal-VAT — id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk minħabba l-emenda introdotta bid-Direttiva 2009/47, Stat Membru huwiex marbut li jestendi l-applikazzjoni ta’ tali rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba fuq mezzi materjali, barra l-karta, bħal CD, CD-ROM u stikek tal-memorja USB.

13.      Il-gvernijiet li pparteċipaw fil-proċedura jipproponu li din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva. Essenzjalment, huma jibbażaw l-argument tagħhom fuq in-natura fakultattiva tal-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa tal-VAT, fuq in-natura purament teknika tal-emenda introdotta bid-Direttiva 2009/47, kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ komparabbiltà bejn il-provvista ta’ kotba fuq il-karta u dawk fuq mezzi materjali oħra. Għalhekk li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT tkun limitata għall-provvista ta’ kotba fuq il-karta biss ma tmurx kontra l-prinċipju tan-newtralità fiskali. Fi kwalunkwe każ, il-Gvernijiet isostnu li huma l-Istati Membri u l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw, b’mod konkret, ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni li għandha tinżamm bejn dawn il-kategoriji differenti ta’ kotba.

14.      Għall-kuntrarju, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT għall-kotba fuq il-karta biss jikser l-għan, imfittex mill-Kummissjoni u mill-leġiżlatur tal-Unjoni bl-adozzjoni tad-Direttiva 2009/47 li emendat il-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali bejn il-kotba kollha, irrispettivament mill-mezz materjali li fuqu jinsabu, li essenzjalment jipprovdu l-istess kontenut ta’ informazzjoni.

15.      Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni xtaqet “tisfuma” il-pożizzjoni tagħha, wara l-qari tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati l-oħra. Peress li kkunsidrat li kien possibbli li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2009/47, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddistingwi ruħu mill-proposta ta’ direttiva tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2008, li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2009/47 (7) u ma jagħmilx obbligatorja r-rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista tal-kotba kollha irrispettivament mill-mezz materjali li fuqu jinsabu, il-Kummissjoni għalhekk sostniet li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) u l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, kif emendata bid-Direttiva 2009/47, ma jostakolawx neċessarjament leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika rata mnaqqsa tal-VAT għall-kotba stampati biss bl-esklużjoni tal-kotba fuq mezzi materjali oħra li jipprovdu essenzjalment l-istess kontenut ta’ informazzjoni sakemm jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

16.      Min-naħa tiegħi, nixtieq qabel xejn infakkar li, fir-rigward kemm tal-Anness H tas-Sitt Direttiva 77/388 kif ukoll tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri ma humiex preklużi milli jagħmlu applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa fi ħdan l-istess kategorija ta’ provvisti ta’ servizzi, sakemm din ma twassal għal ebda riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (8), jiġifieri li tosserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT (9).

17.      Reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja siltet il-konklużjoni li l-eżerċizzju tal-possibbiltà li jkun hemm applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT irrikonoxxuta lill-Istati Membri huwa “suġġett għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jiġu iżolati biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija rata, l-aspetti konkreti u speċifiċi tal-kategorija ta’ provvisti ta’ servizzi inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali” (10).

18.      Id-dikjarazzjoni ta’ din il-kundizzjoni doppja hija relattivament reċenti.

19.      Fil-fatt, jekk qabel ma ngħatat is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010 Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2010:253), iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tillimita l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għal “aspetti konkreti u speċifiċi” tal-istess kategorija ta’ provvisti ta’ servizzi bħala possibbiltà offerta lill-Istati Membri mid-Direttiva tal-VAT, mingħajr preġudizzju għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali (11), din is-sentenza, ikkonfermata bis-sentenza Pro Med Logistik u Pongratz EU:C:2014:111, tibdilha f’kundizzjoni proprja, awtonoma mill-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li għaliha hija suġġetta l-applikazzjoni selettiva ta’ rata mnaqqsa fi ħdan l-istess kategorija ta’ provvista ta’ servizzi (12).

20.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, huma intiżi li jiżguraw li l-Istati Membri jużaw din il-possibbiltà biss f’ċirkustanzi li jiggarantixxu l-applikazzjoni sempliċi u korretta tar-rata mnaqqsa magħżula kif ukoll il-prevenzjoni ta’ kull frodi, kull evażjoni u kull abbuż eventwali (13).

21.      It-trasformazzjoni ta’ “aspetti konkreti u speċifiċi” f’kundizzjoni awtonoma tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa selettiva tal-VAT fi ħdan l-istess kategorija prevista fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT tillimita kemxejn l-analiżi li għandha tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, din l-analiżi issa ssir sistematika, u qabel dik intiża li tivverifika l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Għalkemm, wara t-trasformazzjoni f’kundizzjoni proprja ta’ applikazzjoni selettiva ta’ rata mnaqqsa tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem aċċettat li l-kundizzjoni marbuta mal-“aspetti konkreti u speċifiċi” setgħet tkun issodisfatta, madankollu l-ammissjoni ta’ dan l-istatus il-ġdid jimplika li hija tista’ ma tkunx, mingħajr, għaldaqstant, ma l-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali jkollhom neċessarjament janalizzaw il-kundizzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

22.      B’hekk, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tal-applikazzjoni selettiva ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għandhom jiġu analizzati fi ħdan l-istess kategorija prevista fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

A –    Dwar l-“aspetti konkreti u speċifiċi” fi ħdan l-istess kategorija ta’ kunsinna ta’ oġġetti

23.      F’din il-kawża, ħadd mill-partijiet ikkonċernati ma jqajjem dubju dwar l-osservanza tal-ewwel kundizzjoni. Fil-fatt, kollha donnhom jammettu, minn tal-inqas b’mod impliċitu, li fi ħdan il-kategorija tal-provvista ta’ kotba fuq kull tip ta’ mezz materjali, il-kotba fuq mezzi oħra barra l-karta jistgħu jikkostitwixxu “aspetti konkreti jew speċifiċi” ta’ din il-kategorija.

24.      Infakkar li l-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat u kellha tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ tali “aspetti konkreti u speċifiċi” fi ħdan l-istess kategorija prevista fid-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva 77/388 (b’mod partikolari fl-Anness H tagħha) jew, sussegwentement, fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, jirrigwardaw kemm l-attivitajiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala kunsinni ta’ oġġetti kif ukoll dawk li jistgħu jiġu kklassifikati bħala provvista ta’ servizzi.

25.      Huwa għalhekk li, fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li r-Repubblika Franċiża kellha raġun tillimita l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa biss għal abbonamenti li jagħtu dritt għall-provvista minima ta’ enerġija, peress li din l-applikazzjoni kienet limitata għall-aspetti konkreti u speċifiċi tal-provvista ta’ gass naturali u ta’ elettriku (14).

26.      Bl-istess mod, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri huma awtorizzati japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fir-rigward ta’ aspetti konkreti u speċifiċi tal-provvista tal-ilma msemmija fit-tieni punt tal-Anness H tas-Sitt Direttiva 77/388, bħall-inkanalar individwali (15), bħat-trasport ta’ kadavri b’vettura li jikkostitwixxi element konkret u speċifiku fost is-servizzi pprovduti mill-impriżi funebri (16) jew saħansitra, fost il-kategoriji ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri jew bagalji, imsemmija fil-punt 5 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, l-attività tat-trasport lokali ta’ persuni bit-taxi tista’ tikkostitwixxi aspett konkret u speċifiku tal-imsemmija kategorija, peress li hija tista’ tiġi identifikata bħala tali, separatament mill-provvisti l-oħra ta’ din il-kategorija (17).

27.      Ma hijiex sorpriża li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiżviluppa l-kriterju ta’ “aspetti konkreti u speċifiċi” li jista’ jippermetti l-applikazzjoni selettiva ta’ rata mnaqqsa essenzjalment fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi. Fil-fatt, fi ħdan il-kategoriji ta’ provvisti ta’ servizzi li ħafna drabi huma fformulati b’mod ġenerali, bħall-“provvista tal-ilma” jew “it-trasport ta’ passiġġieri jew il-bagalji li jakkumpanjawhom”, ġeneralment ikunu inklużi numru ta’ operazzjonijiet f’katina jew provvisti ta’ servizzi diversi.

28.      Kif turi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2003:264), li kienet tirrigwarda l-provvista tal-elettriku u tal-gass, din il-ġurisprudenza tista’ dejjem tapplika għall-kunsinna ta’ oġġetti.

29.      Xorta għandu jkun magħruf xi jfissru “aspetti konkreti u speċifiċi” tal-istess kategorija prevista fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT u tiġi ddefinita l-analiżi li tinkludi l-identifikazzjoni ta’ dawn l-“aspetti konkreti u speċifiċi”.

30.      F’dan ir-rigward, mis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2010:253) u Pro Med Logistik u Pongratx (EU:C:2014:111), li t-tnejn li huma jirrigwardaw provvisti ta’ servizzi kumplessi, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk il-provvista inkwistjoni hijiex “identifikabbli, bħala tali, b’mod separat mill-provvisti ta’ servizzi l-oħra” ipprovduti mill-impriżi inkwistjoni (18) jew mill-kategorija kkonċernata (19).

31.      Għall-kuntrarju ta’ dak li wieħed seta’ jimmaġina, il-Qorti tal-Ġustizzja ma pproċedietx għall-analiżi ta’ natura ekonomika tan-natura identifikabbli, bħala tali, ta’ provvista. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Franza, (EU:C:2010:253), li kienet tirrigwarda trasport ta’ kadavri b’vettura pprovduta mill-impriżi funebri, il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li n-natura “identifikabbli bħala tali” ta’ provvista għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tal-aspettattivi tal-konsumatur medju u mill-angolu ekonomiku, u għandu jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk tranżazzjoni li tinkludi diversi elementi kellhiex, fir-realtà, tiġi analizzata bħala provvista unika, suġġetta għal trattament fiskali wieħed, jew pjuttost bħala żewġ jew iktar provvisti distinti, li jistgħu jkunu ntaxxati b’mod differenti.

32.      Iċ-ċaħda tal-argument tal-Kummissjoni kienet immotivata mil-limitu li dan l-argument kellu jimplika fuq l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-marġni ta’ diskrezzjoni mħolli lilhom mid-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT, marġni ta’ diskrezzjoni li jeħtieġ l-applikazzjoni ta’ kriterji ġenerali u oġġettivi (20). Huwa verosimili wkoll li evalwazzjoni ekonomika tal-fatt li l-imsemmija kundizzjoni hija ssodisfatta, kien ikollha l-effett li din l-analiżi tiġi mfixkla ma’ dik li tippermetti l-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

33.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet bil-verifika tan-natura “identifikabbli, bħala tali, b’mod separat mill-provvisti ta’ servizzi l-oħra” ta’ provvista li għaliha Stat Membru japplika rata mnaqqsa tal-VAT, abbażi ta’ elementi formali u ġuridiċi, bħan-natura singulari tal-attività kkonċernata meta mqabbla ma provvisti oħra pprovduti mill-impriżi u/jew l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni partikolari relatata mal-imsemmija provvista jew mal-operaturi li jipprovdu din tal-aħħar (21).

34.      Dawn l-elementi la jidhru li huma limitattivi u lanqas eżawrjenti.

35.      Differenzi tekniċi speċifiċi għall-prodotti jew għas-servizzi inkwistjoni jew differenzi oġġettivi fl-użu ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi jistgħu wkoll jippermettu li jiġu identifikati, fi ħdan l-istess kategorija ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi, “aspetti konkreti u speċifiċi” ta’ din il-kategorija, li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni selettiva ta’ rata mnaqqsa tal-VAT.

36.      B’hekk, f’din il-kawża, huwa perfettament prevedibbli, kif sostnew il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Finlandja, li jiġi sostnut li għall-kuntrarju ta’ kotba fuq il-karta, il-kotba fuq mezzi oħra kollha kemm huma jeħtieġu dispożittiv tekniku partikolari tal-qari u jistgħu għalhekk jikkostitwixxu “aspetti konkreti u speċifiċi” tal-kategorija “ta’ provvista […] ta’ kotba dwar il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ [fuq kull tip ta’ mezz materjali]”, u dan jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

B –    Dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali

37.      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li huwa inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, jipprekludi, b’mod partikolari, li l-merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi li jixxiebhu, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (22). Għalhekk dan huwa l-ekwivalenti, fil-qasam tal-VAT, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament (23).

38.      Minn dan jirriżulta li jekk il-merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi jixxiebhu, dawn għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta’ VAT uniformi (24).

39.      Il-verifika tan-natura simili tal-merkanzija jew tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni għandha prinċiparjament issir mill-perspettiva tal-konsumatur medju b’tali mod li jkun jista’ jiġi kkonstatat jekk din il-merkanzija jew dawn il-provvisti ta’ servizzi jissodisfawx l-istess bżonnijiet tiegħu, filwaqt li jiġu evitati distinzjonijiet artifiċjali bbażati fuq differenzi insinjifikattivi (25).

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li żewġ provvisti ta’ servizzi jkunu jixxiebhu meta jkollhom karatteristiċi analogi u jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur, skont kriterju ta’ komparabbiltà fl-użu, u fejn id-differenzi eżistenti ma jaffettwawx b’mod kunsiderevoli d-deċiżjoni tal-konsumatur medju li jirrikorri għal waħda jew oħra minn dawn il-provvisti (26).

41.      Kif diġà indikajt, f’din il-kawża, il-partijiet ikkonċernati ddiskutew fit-tul il-kwistjoni dwar jekk, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2009/74, li ppermettiet l-inklużjoni, fil-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, tal-kotba “dwar il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ [fuq kull tip ta’ mezz materjali]”, il-leġiżlatur tal-Unjoni riedx jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, abbażi tal-premessa li, irrispettivament mill-mezz materjali li fuqu jinsabu, il-kotba kollha msemmija fil-punt 6 jixxiebhu u, konsegwentement, għandhom relazzjoni reċiproka ta’ kompetizzjoni.

42.      Filwaqt li, essenzjalment, il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet iqisu li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx li jċaħħad lill-Istati Membri, inkluż il-qrati nazzjonali, mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom billi jobbligahom jestendu awtomatikament ir-rata mnaqqsa tal-VAT li għandhom dritt japplikaw għall-provvista ta’ kotba stampati għall-kotba fuq mezzi materjali oħra, il-Kummissjoni ssostni pożizzjoni opposta, anki jekk iktar sfumata waqt is-seduta.

43.      Kif sostnew il-gvernijiet li pparteċipaw f’din il-proċedura, la mit-test tad-Direttiva 2009/47 u lanqas mill-premessi tagħha ma jirriżulta li l-għan tal-emenda magħmula fil-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT kien li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali fi ħdan il-kategorija msemmija f’dan il-punt.

44.      Fil-fatt, il-premessa 4 tad-Direttiva 2009/47 tillimita ruħha li tindika li d-Direttiva tal-VAT għandha “tiġi emendata […] sabiex ir-referenza għall-kotba fl-Anness III tagħha tiġi ċċarata u aġġornata għall-progress tekniku”.

45.      Ċertament, jista’ jiġi sostnut li l-fatt li nħass l-obbligu li dan ir-riferiment jiġi adattat għall-progress tekniku kien, b’mod impliċitu, ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien issa tal-opinjoni li l-kotba ppubblikati fuq mezzi materjali oħra barra l-karta neċessarjament jikkompetu mal-kotba stampati u li għalhekk għandha tiġi applikata l-istess rata mnaqqsa tal-VAT għalihom.

46.      Madankollu, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ma invokatx tali argument, l-ebda indizju oġġettiv f’dan is-sens ma jirriżulta mid-Direttiva 2009/47.

47.      Barra minn hekk, l-effett tal-paragun, ukoll issuġġerit mill-Kummissjoni, bejn id-Direttiva 2009/47 u x-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tagħha huwa biss, fl-aħħar mill-aħħar, li jsaħħaħ l-argument li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jidhirx li kien l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, anki jekk huwa l-bażi, tal-inqas parzjalment, tal-motivi tal-proposta ċċitata iktar ’il fuq tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2008.

48.      Huwa għalhekk li, għalkemm l-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta kienet tindika li, “f’isem in-newtralità”, kien “neċessarju” li l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jiġi estiż għal “kotba li qegħdin fuq CD, CD-roms jew mezz fiżiku ieħor simili li b’mod predominanti jirripproduċi l-istess kontenut ta’ tagħrif bħall-kotba stampati” (27), it-test tal-proposta stess kien jillimita ruħu li juri l-bżonn “li jiġu inklużi adattamenti tekniċi biex ikun hemm […] aġġornament [tad-dispożizzjonijiet] mal-progress tekniku”, peress li dawn l-adattamenti jagħtu l-“possibbiltà għall-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa […] għall-audio books fuq CDs, CD-ROMs jew kwalunkwe bażi fiżika li b’mod predominanti tirriproduċi l-istess kontenut ta’ tagħrif bħall-kotba stampati” (28).

49.      Għalhekk, minn sempliċi qari ta’ din il-proposta, jidher li għalkemm il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċerta komparabbiltà bejn il-mezzi materjali differenti msemmija iktar ’il fuq u l-kotba fuq il-karta, madankollu din diġà ma kinitx komparabbiltà jew similarità totali.

50.      Fil-fatt, min-naħa, din il-komparabbiltà kienet limitata għal mezzi oħra barra l-karta li “b’mod predominanti [jirriproduċu] l-istess kontenut ta’ tagħrif bħall-kotba stampati”, li neċessarjament jimplika, kif turi l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta stess, li l-kotba fuq mezzi oħra barra l-karta li joffru funzjonijiet addizzjonali għal dawk tal-kotba stampati, bħal muturi ta’ tfittxija jew links għal tipi oħra ta’ materjal, kienu esklużi minnha (29). Min-naħa l-oħra, dan il-grad ta’ komparabbiltà jew ta’ xebh ma jwassalx awtomatikament, għall-kuntrarju ta’ dak li bħala regola għandha tirrikjedi l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, sabiex l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa li qabel kienet tapplika biss għall-kotba stampati tiġi estiża għall-kotba fuq mezzi materjali oħra, iżda jwassal sempliċement lill-Kummissjoni tipproponi l-possibbiltà ta’ tali estensjoni.

51.      Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma għażilx li jadotta l-limitu previst fil-proposta ta’ direttiva tal-Kummissjoni, li jgħid li l-fakultà li r-rata mnaqqsa tal-VAT tiġi estiża tapplika unikament għall-mezzi materjali li “b’mod predominanti [jirriproduċu] l-istess kontenut ta’ tagħrif bħall-kotba stampati”, billi għamel riferiment b’mod ġenerali għall-kotba “dwar il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ [fuq kull tip ta’ mezz materjali]” iwassalni sabiex naħseb li l-intenzjoni tiegħu ma kinitx, a fortiori, li jaċċetta x-xebh bejn il-kotba kollha msemmija fil-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, kif emendata bid-Direttiva 2009/47, irrispettivament mill-mezz materjali li fuqu jinsabu, u li jobbliga lill-Istati Membri japplikaw għall-imsemmija kotba rata mnaqqsa tal-VAT identika għal dik li huma għandhom id-dritt jissuġġettaw il-kotba stampati.

52.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx iċaħħad lill-Istati Membri mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni, eventwalment selettiva, tar-rata mnaqqsa tal-VAT fi ħdan il-kategorija tal-provvista ta’ kotba fuq kull tip ta’ mezz materjali, imsemmija fil-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, kif emendata bid-Direttiva 2009/47 (30).

53.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u skont il-ġurisprudenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kotba stampati u l-kotba ppubblikati fuq mezzi materjali oħra jixxiebhux mill-perspettiva tal-konsumatur medju inkwantu jirrispondu għall-istess bżonnijiet tiegħu.

54.      Kif ġustament argumentaw il-partijiet ikkonċernati waqt is-seduta, għandu jittieħed bħala riferiment il-konsumatur medju ta’ kull Stat Membru, fatt li huwa effettivament komprensibbli peress li l-evalwazzjoni tal-konsumatur medju tista’ tvarja skont il-grad ta’ penetrazzjoni eventwalment differenti tat-teknoloġiji l-ġodda f’kull suq nazzjonali u tal-grad ta’ aċċess għall-apparat tekniku li jippermettu lil dan il-konsumatur li jaqra jew jisma’ l-kotba li jinsabu fuq mezzi oħra barra l-karta.

55.      Skont il-ġurisprudenza, hija l-qorti tar-rinviju li, fid-dawl tal-provi kollha prodotti quddiemha, għandha tivverifika jekk il-kotba stampati u l-kotba maħżuna fuq mezzi oħra barra l-karta għandhomx karatteristiċi analogi u jirrispondux għall-istess bżonnijiet tal-konsumatur, skont kriterju ta’ komparabbiltà fl-użu, u skont id-differenzi eżistenti sabiex tivverifika jekk dawn id-differenzi jaffettwawx jew le b’mod kunsiderevoli jew sinjifikattiv id-deċiżjoni tal-konsumatur medju li jagħżel waħda jew oħra minn dawn il-prodotti kulturali.

56.      F’dan ir-rigward, il-gvernijiet li pparteċipaw f’din il-proċedura sostnew, mingħajr ma ġew kontradetti mill-Kummissjoni, li l-kotba maħżuna fuq mezzi oħra barra l-karta huma oġġettivament distinti, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, mill-kotba stampati. Din id-differenza tirriżulta mhux biss mill-bżonn li persuna jkollha minn qabel apparat tekniku ta’ qari (31), iżda wkoll miċ-ċirkustanza li l-konsumatur medju tal-kotba maħżuna fuq mezzi oħra barra l-karta ser jagħżel dawn il-prodotti proprju minħabba l-applikazzjonijiet u l-funzjonijiet addizzjonali li jistgħu joffrulu meta mqabbla mal-kotba stampati.

57.      Kif espona l-Gvern Finlandiż matul is-seduta, huwa għalhekk li d-deċiżjoni ta’ konsumatur medju li jixtri ktieb awdjo tkun rarament ibbażata biss fuq is-sempliċi qari tat-test ta’ ktieb stampat iżda b’mod iktar frekwenti fuq ir-rendiment u/jew ir-reputazzjoni tal-apparat li jaqra kif ukoll fuq l-effetti speċjali jew il-mużika riprodotta fil-verżjoni awdjo. Bl-istess mod, skont il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Finlandja b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kotba maħżuna fuq CD, CD-ROM jew stikek tal-memorja USB, il-konsumatur medju jkun influwenzat fix-xiri tiegħu mill-funzjonijiet addizzjonali ta’ tfittxija li joffru dawn il-kotba jew mill-integrazzjoni ta’ software jew programmi oħra fl-imsemmija kotba, bid-differenza tal-kotba stampati.

58.      Fid-dawl tal-elementi li għandha, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika r-rilevanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fid-dawl tal-aġir tal-konsumatur medju fil-Finlandja.

59.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) u l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, fil-verżjoni, fir-rigward tal-aħħar punt, introdotta bid-Direttiva 2009/47, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li rata mnaqqsa tal-VAT hija applikata għall-kotba stampati, filwaqt li l-kotba maħżuna fuq mezzi materjali oħra, bħas-CD, is-CD-ROM jew l-istikek tal-memorja USB ikunu suġġetti għar-rata normali tal-VAT, bil-kundizzjoni li, mill-perspettiva tal-konsumatur medju tal-Istat Membru kkonċernat, dawn tal-aħħar ma jkunux jixbhu lil tal-ewwel peress li ma jirrispondux għall-istess bżonnijiet tal-imsemmi konsumatur, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

60.      Għall-kompletezza, inżid li r-risposta li għandha tingħata ma tvarjax, fl-opinjoni tiegħi, skont it-tliet ċirkustanzi elenkati mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha, jiġifieri, fl-ewwel lok, jekk il-ktieb huwiex intiż li jinqara jew li jinstema’ (ktieb awdjo), fit-tieni lok, jekk jeżistix ktieb stampat li fih l-istess kontenut bħall-ktieb jew bħall-ktieb awdjo maħżun fuq mezz materjali bħal CD, CD-ROM, stikka tal-memorja USB jew prodott materjali ieħor simili u, fit-tielet lok, jekk huwiex possibbli li jintużaw karatteristiċi tekniċi mogħtija mill-mezz materjali, li ma huwiex karta, bħall-funzjonijiet ta’ tfittxija.

61.      Fil-fatt, dawn huma preċiżament il-karatteristiċi tal-kotba maħżuna fuq mezzi oħra li ma humiex karta li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa l-effett eventwalment kunsiderevoli jew sinjifikattiv tagħhom fuq id-deċiżjoni tal-konsumatur medju Finlandiż li jagħżel li jixtri dawn il-kotba pjuttost milli l-kotba stampati.

62.      Jekk, kif isostnu b’mod partikolari l-Gvern Ġermaniż u dak Finlandiż, dawn il-karatteristiċi huma determinanti mill-perspettiva tal-konsumatur medju tal-Istat Membru kkonċernat, huwa ġġustifikat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tapplikax, fir-rigward tal-provvista ta’ kotba maħżuna fuq mezzi li ma humiex karta, ir-rata mnaqqsa tal-VAT applikabbli għall-kotba stampati. Min-naħa l-oħra, jekk dawn il-karatteristiċi ma jinfluwenzawx jew jinfluwenzaw ftit id-deċiżjoni tal-imsemmi konsumatur medju li jixtri kotba maħżuna fuq mezzi oħra li ma humiex il-karta — minħabba l-fatt li dak li jgħodd għal dan il-konsumatur huwa essenzjalment il-kontenut li jixxiebah tal-kotba kollha, irrispettivament mill-mezz li fuqu jinsabu jew mill-karatteristiċi tagħhom — l-applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT ma hijiex iġġustifikata.

III – Konklużjoni

63.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tal-Korkein hallinto-oikeus kif ġej:

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) u l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fil-verżjoni, fir-rigward tal-aħħar punt, introdotta bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE, tal-5 ta’ Mejju 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud hija applikata għall-kotba stampati, filwaqt li l-kotba maħżuna fuq mezzi materjali oħra, bħas-CD, is-CD-ROM jew l-istikek tal-memorja USB ikunu suġġetti għar-rata normali tat-taxxa fuq il-valur miżjud, bil-kundizzjoni li, mill-perspettiva tal-konsumatur medju tal-Istat Membru kkonċernat, dawn tal-aħħar ma jkunux jixbhu lil tal-ewwel peress li ma jirrispondux għall-istess bżonnijiet tal-imsemmi konsumatur, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Din ir-risposta ma tvarjax jekk il-ktieb huwa intiż li jinqara jew li jinstema’ (ktieb awdjo), jekk jeżisti ktieb stampat li fih l-istess kontenut bħall-ktieb jew bħall-ktieb awdjo maħżun fuq mezz materjali bħal CD, CD-ROM, stikka tal-memorja diġitali jew prodott materjali ieħor simili jew jekk huwa possibbli li jintużaw karatteristiċi tekniċi mogħtija mill-mezz materjali, li ma huwiex karta, bħall-funzjonijiet ta’ tfittxija.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 347, p. 1.


3 – ĠU L 116, p. 18.


4 – Korsiv miżjud minni. Kif ikkummentaw il-partijiet ikkonċernati kollha, din il-kawża ma tikkonċernax għalhekk it-trattament fiskali tal-kotba diġitali, jiġifieri dawk ipprovduti b’mezzi elettroniċi, iżda dawk unikament disponibbli fuq mezzi materjali jkunu x’ikunu.


5 – Skont dokument tal-Kummissjoni li jiġbor ir-rati tal-VAT applikati fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, fit-12 ta’ Jannar 2014, 26 mit-28 Stat Membru japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba stampati [ara d-dokument taxud.c.1(2014) 48867, p. 4].


6 – Id-Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi (ĠU L 145, p. 1).


7 – Proposta ta’ direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE f’dak li jirrigwarda r-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud [COM(2008) 428 finali].


8 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C-94/09, EU:C:2010:253, punt 25) u Pro Med Logistik u Pongratz (C-454/12 u C-455/12, EU:C:2014:111, punt 43).


9 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien (C-442/05, EU:C:2008:184, punt 43); Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2010:253, punt 26); u Pro Med Logistik u Pongratz (EU:C:2014:111, punt 44).


10 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2010:253, punt 30) u Pro Med Logistik u Pongratz (EU:C:2014:111, punt 45).


11 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C-384/01, EU:C:2003:264, punti 25 u 26) u Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau Westelbien (EU:C:2008:184, punt 43).


12 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2010:253, punt 30) u Pro Med Logistik u Pongratz (EU:C:2014:111, punt 45).


13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pro Med Logistik u Pongratz (EU:C:2014:111, punt 45).


14 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2003:264, punti 28 u 29). Din il-kawża kienet tirrigwarda l-Artikolu 12(3)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388. B’mod ġenerali, infakkar li l-gass naturali u l-elettriku jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-movimenti liberu tal-merkanzija: ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C-159/94, EU:C:1997:501, punti 43 sa 50).


15 – Sentenza Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau Westelbien (EU:C:2008:184, punt 43).


16 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2010:253, punt 39).


17 – Sentenza Pro Med Logistik u Pongratz (EU:C:2014:111, punt 50).


18 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2010:253, punt 35).


19 – Sentenza Pro Med Logistik u Pongratz (EU:C:2014:111, punti 47 u 50).


20 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2010:253, punti 33 u 34).


21 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2010:253, punti 35 sa 38) u Pro Med Logistik u Pongratz (EU:C:2014:111, punti 48 u 49).


22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi The Rank Group (C-259/10 u C-260/10, EU:C:2011:719, punt 32) u Pro Med Logistik u Pongratz (EU:C:2014:111, punt 52).


23 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza NCC Construction Danmark (C-174/08, EU:C:2009:669, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C-481/98, EU:C:2001:237, punt 22).


25 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi The Rank Group (EU:C:2011:719, punt 43) u Pro Med Logistik u Pongratz (EU:C:2014:111, punt 53).


26 – Sentenza Pro Med Logistik u Pongratz (EU:C:2014:111, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Punt 5.3., p. 9 tal-proposta ta’ direttiva ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


28 – Il-premessa 6 tal-proposta ta’ direttiva ċċitata iktar ’il fuq (korsiv miżjud minni).


29 – Ara l-proposta ta’ direttiva, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5.3., p. 9. Dan huwa kkorroborat ukoll mill-linji gwida li rriżultaw mil-laqgħat tal-Kumitat tal-VAT, it-92 laqgħa tas-7 u tat-8 ta’ Diċembru 2010, doc A - taxud.c.1(2011)157667-684, li jirriproduċi kważi kelma b’kelma d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kotba dwar il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ [fuq kull tip ta’ mezz materjali]” tal-proposta ta’ direttiva. Kif jindika dan id-dokument stess, dawn il-linji gwida la jorbtu lill-Kummissjoni u lanqas lill-Istati Membri.


30 – Il-fatt li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx dik li jobbliga lill-Istati Membri jestendu għall-kotba fuq mezzi materjali oħra minbarra l-karta r-rata mnaqqsa tal-VAT li 26 minnhom japplikaw għall-provvista ta’ kotba stampati jidhirli li huwa msaħħaħ miċ-ċirkustanza li, fost dawn l-Istati Membri, 14 minnhom, jiġifieri wieħed iktar mill-maġġoranza, iddeċidew li jżommu l-applikazzjoni tar-rata normali tal-VAT għall-provvista ta’ kotba maħżuna fuq mezzi materjali oħra. Ara, dwar din l-istatistika, it-tabella riprodotta fil-paġna 4 tad-dokument taxud.c.1(2014) 48867, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, li jirrigwarda s-sitwazzjoni tar-rati tal-VAT applikati fl-Istati Membri fid-data tat-13 ta’ Jannar 2014.


31 – Kif indikaw, essenzjalment, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Estonja, il-prezz tax-xiri ta’ tali apparat tekniku tal-qari (kompjuter, tablet, eċċ.) jista’ jikkostitwixxi wkoll element importanti fl-għażla tal-konsumatur medju.