Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-14 ta’ Ġunju 2016 ( 1 )

Kawża C-432/15

Odvolací finanční ředitelství

vs

Pavlína Baštová

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (qorti suprema amministrattiva, ir-Repubblika Ċeka)]

“Tassazzjoni — VAT — Direttiva 2006/112/KE — Definizzjoni ta’ ‘provvista ta’ servizz bi ħlas’ — Tiġrijiet taż-żwiemel — Premjijiet tal-flus — Tnaqqis tal-VAT tal-input — Operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija — Użu ta’ faċilitajiet sportivi”

1. 

George Orwell kiteb, b’mod provokattiv, li l-isports serju huwa indissoċjabbli minn “nuqqas ta’ osservanza tar-regoli kollha” ( 2 ). B’kuntrast, it-tassazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi huwa wieħed mill-oqsma l-iktar irregolati u mhux biss fl-Unjoni. Għalhekk, tal-inqas meta jimlew il-formuli tat-taxxa u jagħmlu l-ħlasijiet relatati lill-Istat, in-nies sportivi professjonali huma meħtieġa li jikkonformaw mar-regoli kollha li japplikaw fil-konfront tagħhom.

2. 

Dawn il-proċeduri jqajmu numru ta’ kwistjonijiet dwar l-applikabbiltà ta’ regoli dwar it-taxxa tal-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għal attivitajiet ekonomiċi li jikkonsistu minn, jew huma relatati ma’, attivitajiet sportivi bħat-tiġrijiet taż-żwiemel, jew li jinvolvu l-użu ta’ faċilitajiet sportivi.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-UE

3.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT ( 3 ) jistabbilixxi:

“1.   It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

(ċ)

il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4.

L-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“1.   ‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.

[...]”

5.

L-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.

2.   Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

[...]”

6.

L-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98. Il-punt 14 ta’ dak l-anness jinkludi d-“[dritt ta’] użu ta’ faċilitajiet sportivi”.

B – Id-dritt nazzjonali

7.

Il-paragrafu 2(1) taż-zákon č. 235/2004 Sb. o dani z přidané hodnoty (Liġi Nru 235/2004 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-VAT”), fil-verżjoni applikabbli għall-perijodu ta’ tassazzjoni inkwistjoni, jistabbilixxi li tranżazzjonijiet suġġetti għat-taxxa jinkludu l-“provvista ta’ servizzi bi ħlas fir-Repubblika Ċeka minn persuna taxxabbli waqt attività ekonomika”.

8.

Il-paragrafu 4(1)(a) tal-Liġi tal-VAT jipprovdi li “ħlas” ifisser “somma ta’ flus jew mezzi ta’ ħlas li jieħdu post il-flus jew il-valur tal-provvista mhux monetarja pprovduta”.

9.

Il-paragrafu 5(2) tal-Liġi tal-VAT jipprovdi li l-attività ekonomika tfisser “l-attività sistematika ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jipprovdu servizzi, inklużi attivitajiet tal-minjieri u tal-agrikultura u attivitajiet sistematiċi li jsiru skont id-dispożizzjonijiet speċjali tal-liġi […] Hija kkunsidrata wkoll bħala attività ekonomika l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli u intanġibbli bl-iskop li jinkiseb dħul, sa fejn dik il-proprjetà tiġi sfruttata sistematikament […]”

10.

Il-paragrafu 14(1) tal-Liġi tal-VAT jgħid li l-provvista ta’ servizzi tfisser “l-attivitajiet kollha li ma humiex provvista ta’ oġġetti jew trasferiment ta’ proprjetà immobbli. Il-provvista ta’ servizzi tfisser ukoll (a) it-trasferiment ta’ drittijiet, (b) il-provvista tad-dritt tal-isfruttament ta’ oġġett jew dritt jew assi ieħor sfruttabbli bħala proprjetà, (ċ) il-ħolqien jew il-kanċellazzjoni ta’ servitù reali, (d) l-aċċettazzjoni ta’ obbligu li ma jseħħx ċertu aġir jew jiġi ttollerat ċertu aġir jew ċerta sitwazzjoni”.

11.

Skont il-paragrafu 72(1) tal-Liġi tal-VAT, kontribwent tat-taxxa għandu d-dritt inaqqas it-taxxa sa fejn juża l-provvisti taxxabbli miksuba għat-twettiq tal-attività ekonomika tiegħu.

12.

Il-paragrafu 47(4) jipprovdi li fil-każ ta’ servizzi “r-rata standard ta’ taxxa tapplika sakemm din il-liġi ma tistabbilixxix mod ieħor. Fil-każ ta’ servizzi msemmijin fl-Anness 2, tapplika r-rata ta’ taxxa mnaqqsa.”

13.

L-Anness 2 tal-Liġi tal-VAT jinkludi inter alia s-servizz tal-“użu ta’ faċilitajiet koperti u mikxufa għal attivitajiet sportivi”.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

14.

Pavlína Baštová hija rreġistrata bħala persuna taxxabbli għall-VAT. Hija teżerċita l-attività, inter alia, tat-trobbija u t-taħriġ ta’ żwiemel tat-tiġrija. L-istalel użati għal dan l-iskop kienu okkupati parzjalment biż-żwiemel tagħha stess u parzjalment biż-żwiemel ta’ persuni oħra li fdawhomlha biex jiġu ppreparati għat-tiġrijiet. Minbarra żwiemel tat-tiġrija, kellha wkoll żewġt iżwiemel li kienet tuża għall-agroturiżmu u t-taħriġ ta’ żwiemel li għadhom żgħar, kif ukoll dwieb tat-trobbija u mhor.

15.

Parti mid-dħul ta’ P. Baštová kienet minn premjijiet li jirbħu ż-żwiemel tagħha u s-sehem ta’ premjijiet ta’ min iħarreġ iż-żwiemel rebbieħa li jkunu ta’ oħrajn. Parti oħra kienet minn ħlasijiet għall-preparazzjoni ta’ żwiemel għat-tiġrijiet ta’ oħrajn.

16.

Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa għar-raba’ semestru tal-2010, P. Baštová talbet id-dritt għat-tnaqqis sħiħ tal-VAT fuq provvisti taxxabbli miksuba dwar (a) il-preparazzjoni ta’ żwiemel għal tiġrijiet u l-parteċipazzjoni f’tiġrijiet, inklużi nefqa fuq drittijiet għall-parteċipazzjoni, spejjeż tad-dikjarazzjoni u spejjeż għal għajnuna matul it-tiġrijiet, (b) l-akkwist ta’ oġġetti tal-konsum għaż-żwiemel, l-għalf u t-tagħmir tagħhom biex jintrikbu, (c) is-servizzi veterinarji u mediċini għaż-żwiemel, (d) il-konsum ta’ elettriku fl-istallel, (e) il-konsum ta’ żejt tal-fjuwil għat-trasport, (f) l-akkwist ta’ xtiebi li jduru (rotor rakes) għall-produzzjoni ta’ tiben u foraġġ u apparat tat-trakters, (g) servizzi ta’ konsulenza inkonnessjoni mat-tmexxija tal-istallel. Il-provvisti akkwistati kkonċernaw iż-żwiemel tagħha u żwiemel li kienu proprjetà ta’ oħrajn.

17.

Fl-istess dikjarazzjoni tat-taxxa P. Baštová ddikjarat ukoll VAT tal-output bir-rata mnaqqsa ta’ 10 % fuq is-servizz “operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija” li hija pprovdiet lil sidien oħra taż-żwiemel.

18.

Il-Finanční úřad v Ostrově (Uffiċċju tat-taxxa, Ostrov) ma aċċettax it-talba għal tnaqqis sħiħ, u lanqas ma qabel mar-rata mnaqqsa tal-VAT fuq is-servizz “operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija”. P. Baštová ppreżentat appell minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Finanční ředitelství v Plzni (direttorat tat-taxxa, Plzeň) li laqa’ parzjalment l-appell. Madankollu, irrifjuta t-talba għal tnaqqis tal-VAT tal-input għall-ammont li jikkorrespondi għall-parteċipazzjoni taż-żwiemel ta’ P. Baštová stess fit-tiġrijiet billi kkunsidra li l-parteċipazzjoni taż-żwiemel tagħha stess fit-tiġrijiet ma kinitx tikkostitwixxi tranżazzjoni taxxabbli. Barra minn dan, il-Finanční ředitelství v Plzni ma aċċettax ukoll l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT fuq is-servizz “operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija”.

19.

P. Baštová kkontestat id-deċiżjoni inkwistjoni b’kawża quddiem il-Krajský soud v Plzni (qorti reġjonali, Plzeň), li qablet magħha u annullat id-deċiżjoni, u bagħtet il-każ lill-Odvolací finanční ředitelství (direttorat tal-appell tat-taxxa). L-Odvolací finanční ředitelství ppreżenta appell minn dik is-sentenza fuq punt ta’ liġi quddiem in-Nejvyšší správní soud (qorti suprema amministrattiva).

20.

Billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1a)

It-tqegħid ta’ żiemel minn sidu (li huwa persuna taxxabbli) għad-dispożizzjoni tal-organizzatur ta’ tiġrija taż-żwiemel sabiex l-imsemmi żiemel jipparteċipa fl-imsemmija tiġrija jikkostitwixxi provvista ta’ servizz bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-[Direttiva tal-VAT] u għaldaqstant provvista suġġetta għall-VAT?

(1b)

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv, għandu jitqies bħala korrispettiv il-premju fi flus riċevut fi tmiem it-tiġrija (li, madankollu, mhux iż-żwiemel kollha li jipparteċipaw fit-tiġrija jirċievu) jew ix-xiri tas-servizz li jikkonsisti fil-possibbiltà li żiemel jiddaħħal fit-tiġrija, li jipprovdi l-organizzatur tat-tiġrija lis-sid taż-żiemel, jew korrispettiv ieħor?

(1c)

Jekk tingħata risposta fin-negattiv, dan il-fatt jiġġustifika minnu nnifsu li jitnaqqas it-tnaqqis tal-VAT tal-input applikat fuq il-provvisti taxxabbli akkwistati fuq l-output u użati għall-preparazzjoni mill-persuna li trabbi jew tħarreġ iż-żwiemel tagħha għat-tiġrijiet, jew għandha titqies il-parteċipazzjoni ta’ żiemel f’tiġrija bħala element tal-attività ekonomika tal-persuna li trabbi u tħarreġ iż-żwiemel ta’ tiġrija tagħha u dawk ta’ terzi, u jiġu inklużi l-ispejjeż marbuta mat-trobbija taż-żwiemel tagħha u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tiġrijiet fl-ispejjeż ġenerali li jaqgħu taħt l-attività ekonomika ta’ din il-persuna? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din il-parti tad-domanda, il-premju fi flus riċevut fi tmiem it-tiġrija għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli u għandha tiġi applikata l-VAT tal-output, jew dan huwa dħul mingħajr ebda effett fuq il-bażi tal-VAT?

(2a)

Jekk għandhom, għall-finijiet tal-VAT, jitqiesu diversi elementi ta’ servizz bħala provvista unika, liema huma l-kriterji li jippermettu li jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet reċiproċi u għaldaqstant li jiġi stabbilit jekk humiex provvisti ekwivalenti bejniethom jew jekk humiex provvisti ta’ natura prinċipali meta mqabbla ma’ oħrajn ta’ natura aċċessorja? Fost dawn il-kriterji teżisti ġerarkija f’termini ta’ livell u ta’ importanza?

(2b)

L-Artikolu 98 tad-[Direttiva tal-VAT] moqri flimkien mal-Anness III ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeskludu l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għal servizz jekk dan tal-aħħar ikun jinkludi żewġ elementi li, għall-finijiet tal-VAT, għandhom jitqiesu bħala provvista unika, u li, fl-istess waqt, dawn il-provvisti huma ekwivalenti bejniethom, meta waħda minnhom ma tista’, min-natura tagħha, tiġi kklassifikata fl-ebda waħda mill-kategoriji msemmija fl-Anness III tad-[Direttiva tal-VAT]

(2c)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 2.b, il-kombinazzjoni tal-element tas-servizz li jikkonsisti fi dritt ta’ użu ta’ installazzjonijiet sportivi u tal-element tas-servizz li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persuna li tħarreġ żwiemel għat-tiġrijiet tipprekludi, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-applikazzjoni għal dan is-servizz meħud fil-globalità tiegħu tar-rata ta’ VAT imnaqqsa msemmija fil-punt 14 tal-Anness III tad-[Direttiva tal-VAT]?

(2d)

Jekk l-applikazzjoni ta’ rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa ma hijiex eskluża abbażi tar-risposta għad-domanda 2.c, liema huwa l-effett, fuq l-issuġġettar għar-rata ta’ VAT applikabbli, tal-fatt li l-persuna taxxabbli tipprovdi, minbarra s-servizz li jikkonsisti fl-użu ta’ installazzjonijiet sportivi u s-servizz ta’ persuna li tħarreġ, ukoll akkomodazzjoni għaż-żwiemel, l-għalf u kura oħra liż-żwiemel? Għall-finijiet tal-VAT għandu jitqies li dawn l-elementi kollha tal-provvista huma intier wieħed suġġett għal sistema fiskali komuni?”

21.

F’din il-kawża, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ċek u mill-Kummissjoni.

III – Analiżi

A – L-ewwel sett ta ’ domandi

22.

Bl-ewwel sett ta’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika jekk (i) sid l-istalel tal-iżwiemel tat-tiġrija jistax inaqqas il-VAT tal-input fuq tranżazzjonijiet magħmula bl-għan li jqiegħed iż-żwiemel tiegħu stess għad-dispożizzjoni tal-organizzatur tat-tiġrijiet sabiex dawk iż-żwiemel ikunu jistgħu jipparteċipaw f’tiġrija, u (ii) il-premju tal-flus miksub f’tiġrija għandux ikun suġġett għall-VAT.

23.

Il-Gvern Ċek huwa tal-fehma li s-sempliċi tqegħid ta’ żiemel għad-dispożizzjoni tal-organizzatur ta’ tiġrijiet taż-żwiemel ma jistax jiġi kkunsidrat bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas, billi hemm nuqqas ta’ ħlas. B’mod partikolari, dan japplika għall-għoti ta’ premjijiet ta’ flus li jistgħu jintrebħu fit-tiġrijiet, billi dawk il-premjijiet jingħataw lil ċerti żwiemel biss. Għalhekk, sid iż-żiemel ma għandux dritt inaqqas il-VAT tal-input għal dawk il-finijiet. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kemm il-parteċipazzjoni ta’ żiemel f’tiġrija, bi ħlas ta’ dritt ta’ parteċipazzjoni u, meta jkun japplika, l-għoti ta’ premju ta’ flus għal prestazzjoni eċċezzjonali minn żiemel f’tiġrija jikkostitwixxu tranżazzjonijiet taxxabbli, bil-konsegwenzi ovvji għat-tnaqqis tal-VAT tal-input.

24.

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ser nibda l-analiżi tiegħi billi nindirizza l-kwistjoni mqajma speċifikament fid-domanda 1c.

25.

Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li t-tqegħid ta’ żwiemel tat-tiġrija minn P. Baštová għad-dispożizzjoni tal-organizzaturi tat-tiġrijiet hija parti integrali min-negozju tagħha. Irrispettivament mill-għoti ta’ premjijiet ta’ flus li jistgħu jintrebħu fit-tiġrijiet, il-parteċipazzjoni stess taż-żwiemel tagħha f’dawk it-tiġrijiet (u iktar minn hekk il-fatt li jista’ jkollhom suċċess) x’aktarx ikabbar il-fama u l-immaġni ta’ P. Baštová. Dak għandu riperkussjonijiet pożittivi fuq il-prezz li tista’ titlob għall-bejgħ taż-żwiemel tagħha u għat-taħriġ ta’ żwiemel li jkunu proprjetà ta’ ħaddieħor.

26.

Fil-fehma tiegħi, dan huwa punt kruċjali. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti, jidher ċar mid-dispożizzjonijiet, l-iskema u l-għan tad-Direttiva tal-VAT li kwalunkwe attività ta’ natura ekonomika hija fil-prinċipju, taxxabbli ( 4 ). Il-kunċett ta’ “attività ekonomika” huwa ddefinit b’mod wiesa’: skont l-Artikolu 9(1) tal-Direttiva tal-VAT dak il-kunċett jinkludi, b’mod partikolari, l-“isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa”. Dan huwa konsistenti mal-premessa 5 tad-Direttiva tal-VAT, li tipprovdi li l-VAT għandha tinġabar “f’manjiera ġenerali kemm jista’ jkun”.

27.

Fid-dawl ta’ dik il-ġurisprudenza, l-attività ta’ sid ta’ żiemel li bħal P. Baštová, topera stalel taż-żwiemel tat-tiġrija, u tqiegħed iż-żwiemel tagħha għad-dispożizzjoni tal-organizzaturi tat-tiġrijiet b’intenzjoni ġenwina li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi konnessi mal-attività tagħha bħala persuna li tħarreġ u trabbi ż-żwiemel, kif ukoll dħul addizzjonali mill-premjijiet li jistgħu jintrebħu, tikkostitwixxi attività ekonomika taħt ir-regoli tal-VAT.

28.

Isegwi minn dak li ntqal iktar ’il fuq li sid l-istalla taż-żwiemel tat-tiġrija, bħal P. Baštová, jista’ legalment inaqqas il-VAT tal-input fuq l-oġġetti u s-servizzi miksuba għall-preparazzjoni taż-żwiemel tiegħu stess għat-tiġrijiet.

29.

B’mod ċar, il-konklużjoni tiegħi kienet tkun differenti kieku t-tqegħid ta’ żwiemel għad-dispożizzjoni ta’ organizzaturi tat-tiġrijiet ma sarx fil-kuntest ta’ attività ta’ negozju. Pereżempju, dak jista’ jkun il-każ meta sid iż-żiemel jipparteċipa f’avveniment għad-delizzju personali biss jew sempliċement bħala mezz biex jintalab tnaqqis tal-VAT tal-input fir-rigward taż-żamma taż-żwiemel użati għal użu privat biss.

30.

F’dak ir-rigward, jista’ jkun utli li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, attività għandha titqies bħala ekonomika biss jekk titwettaq għall-finijiet ta’ kisba ta’ dħul fuq bażi kontinwa ( 5 ) jew, fi kliem ieħor, wara li tingħata remunerazzjoni ( 6 ). Madankollu, ma jinkisibx dħul jekk attività ssir esklużivament mingħajr ħlas ( 7 ) jew mingħajr prospett reali li jiġi rċevut lura xi tip ta’ remunerazzjoni. Għalhekk, attività eżerċitata, anki minn persuna taxxabbli, bħala delizzju biss, għad-divertiment, jew mingħajr ebda prospett li jiġi rċevut benefiċċju dirett jew indirett minnha ma tikkostitwixxix parti mill-attività ekonomika ta’ dik il-persuna. Min-naħa tiegħu dan għandu konsegwenzi ovvji dwar it-tnaqqis (jew in-nuqqas ta’ tnaqqis) tal-VAT tal-input. Id-Direttiva tal-VAT effettivament tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sitwazzjoni tal-oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju li jintużaw privatament minn persuna taxxabbli ( 8 ).

31.

Wara din il-konklużjoni, hemm kwistjoni oħra li jeħtieġ tiġi indirizzata: jekk il-premju tal-flus akkwistat f’tiġrija għandux ikun suġġett għat-taxxa tal-VAT. Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mir-risposta proposta għall-ewwel parti tad-domanda 1c.

32.

Mill-bidu nett għandi ngħid li l-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet u avvenimenti sportivi oħrajn jistgħu ta’ spiss jinvolvu l-provvista ta’ numru ta’ servizzi separati imma relatati mill-qrib ( 9 ). Dan ifisser li għall-finijiet tar-regoli tal-VAT, jista’ jkun hemm iktar minn tranżazzjoni waħda li ssir bejn parteċipant (bħal sid iż-żiemel irreġistrat f’tiġrija) u organizzatur ta’ avveniment. B’mod importanti, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi, kemm sid iż-żiemel kif ukoll l-organizzatur tat-tiġrija jistgħu jkunu l-fornituri ta’ servizz wieħed jew iżjed lil xulxin. Fi kliem ieħor, it-tnejn li huma jistgħu jkunu, fl-istess ħin, il-fornitur ta’ ċerti tranżazzjonijiet u d-destinatarju tal-provvista għal oħrajn.

33.

Ċertament, x’jikkostitwixxi tranżazzjoni taxxabbli fi kwalunkwe każ partikolari ma jistax jiġi ddefinit f’termini astratti imma jiddependi fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-ftehim konkluż bejn sid iż-żiemel u l-organizzatur ta’ tiġrija f’sitwazzjoni partikolari ( 10 ). Inġenerali, nista’ nipprevedi tal-inqas tliet settijiet ta’ ċirkustanzi.

34.

L-ewwel nett, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn sid iż-żiemel li jixtieq jdaħħal liż-żiemel tiegħu f’tiġrija jaqbel li jħallas dritt lill-organizzatur tat-tiġrija. Skont il-qorti tar-rinviju, dan huwa ġeneralment il-każ għal tiġrijiet fejn P. Baštová tipparteċipa biż-żwiemel tagħha. Fil-fehma tiegħi, bħal fis-sentenza Town & County Factors, din it-tranżazzjoni tinvolvi “prestazzjoni reċiproka” fit-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Id-dritt li tħallas sid iż-żiemel jikkostitwixxi ħlas għas-servizzi li l-organizzatur tat-tiġrija jipprovdilha (organizzazzjoni tal-avveniment, loġistika u servizzi relatati) ( 11 ).

35.

Barra minn hekk, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet meta sid iż-żiemel — indipendentement mill-prestazzjoni fit-tiġrija — jitħallas mill-organizzatur tat-tiġrija għal dik il-parteċipazzjoni. Dan jista’ jiġri meta, pereżempju, żiemel ikun famuż ħafna u s-sempliċi parteċipazzjoni tiegħu f’tiġrija x’aktarx iżżid il-valur kummerċjali u l-prestiġju tal-avveniment. F’dik is-sitwazzjoni, il-ħlas li jagħmel l-organizzatur tat-tiġrija lil sid iż-żiemel jikkostitwixxi ħlas għas-servizz li dan tal-aħħar jipprovdi lil tal-ewwel meta jaqbel li jħalli liż-żiemel tiegħu jipparteċipa fl-avveniment.

36.

Fl-aħħar nett, kif jidher li jiġri f’ħafna tiġrijiet, l-organizzatur tat-tiġrija jista’ jagħti numru ta’ premjijiet liż-żwiemel li jagħtu l-aħjar prestazzjoni. Fil-fehma tiegħi dik is-sitwazzjoni wkoll tagħti lok għal tranżazzjoni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT: il-premju li jirċievi sid iż-żiemel jikkostitwixxi ħlas għal prestazzjoni eċċezzjonali taż-żiemel fit-tiġrija, li arrikixxa l-avveniment billi għamlu iktar interessanti u ta’ valur. Sid iż-żiemel, meta jipprovdi ż-żwiemel tiegħu għat-tiġrija, jippermetti lill-organizzatur jorganizza avveniment li l-pubbliku jista’ jattendi, li l-impriżi tal-medja jistgħu jxandru u li jista’ jkun ta’ interess għall-min jirriklama u l-isponsors ( 12 ). L-organizzatur tat-tiġrija ma jkunx jista’ jorganizza u jikkummerċjalizza l-avveniment tiegħu mingħajr ma jkunu qed jipparteċipaw ċertu numru ta’ żwiemel u, b’mod ċar, iktar ma jkunu kbar il-ħiliet taż-żwiemel ( 13 ), ikbar ikun il-valur kummerċjali tal-avveniment. Għalhekk ma jistax jiġi kkontestat li kemm l-organizzatur tat-tiġrija kif ukoll sid iż-żiemel jirċievu benefiċċju dirett u individwali mit-tranżazzjoni ( 14 ). Għaldaqstant, hemm rabta diretta bejn il-prestazzjoni eċċezzjonali ta’ żiemel f’tiġrija (servizz ipprovdut) u l-ħlas tal-premju (ħlas irċevut).

37.

Is-sempliċi fatt li premju ma jingħatax lil kull żiemel li jipparteċipa f’tiġrija u li l-għoti ta’ premju jiddependi fuq li jseħħ avveniment li ma jistax jiġi kkontrollat għal kollox mill-partijiet ma jfissirx li t-tranżazzjoni sottostanti ma tinvolvi l-ebda ħlas. Jekk eventwalment jingħata premju, dak il-premju jikkostitwixxi, għal min jirċevih ħlas realment irċevut ( 15 ) għall-finijiet tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT. Għaldaqstant, premjijiet tal-flus mogħtija fil-kuntest ta’ tiġrijiet taż-żwiemel għandhom, fil-prinċipju, jagħtu lok għal tranżazzjonijiet taxxabbli skont ir-regoli tal-VAT.

38.

L-argumenti li ressaq il-Gvern Ċek kontra dik il-pożizzjoni jidhirli li ma humiex konvinċenti. Il-fatt li l-ħlas ikun suġġett għal li tiġi ssodisfatta kundizzjoni speċifika ma jċaħħadx it-tranżazzjoni min-natura oneruża tagħha.

39.

Probabbilment, eżempju jista’ jikkjarifika dak il-punt. Jekk individwu jitlob is-servizzi ta’ diversi aġenziji tal-proprjetà immobbli biex jgħinuh fil-bejgħ ta’ daru, kull waħda minn dawk l-aġenziji ser tipprovdi xi servizz għall-benefiċċju ta’ dak l-individwu. Huma kollha tipikament jippubblikaw riklami fuq medja differenti, jorganizzaw żjarat għal xerrejja potenzjali u, iktar inġenerali, jagħtu parir lill-bejjiegħ dwar kif jimmassimizza l-probabbilitajiet li jbigħ. Iżda, sakemm ma jkunx hemm ftehim mod ieħor, hija biss l-aġenzija li ssib xerrej li ġeneralment tirċievi, mingħand il-bejjiegħ (u/jew mix-xerrej), dritt predeterminat jew kummissjoni, bħala premju għas-servizzi tagħha, u l-oħrajn ikunu ħadmu b’xejn. Madankollu ma jistax jiġi kkontestat li l-ammont ta’ flus imħallas lill-aġenzija li jkollha suċċess jikkostitwixxi ħlas għas-servizzi mogħtija u, bħala konsegwenza, li t-tranżazzjoni hija taxxabbli taħt ir-regoli tal-VAT.

40.

Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qalet li l-attivitajiet ekonomiċi ta’ persuni taxxabbli, skont ir-regoli tal-VAT, huma dawk “magħmulin bil-għan li jinkiseb ħlas jew li x’aktarx jiġu ppremjati bi ħlas” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 16 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll li l-fatt li l-ammont ta’ ħlas jista’ jvarja ma jpoġġix fid-dubju l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn provvista ta’ servizzi u l-kumpens li għandu jiġi pprovdut ( 17 ).

41.

Lura għas-suġġett tat-tiġrijiet taż-żwiemel, għandu jingħad li l-ħlas ta’ premjijiet li jistgħu jintrebħu ma huwiex volontarju, iżda jikkostitwixxi obbligu legali jew kuntrattwali għall-organizzatur tat-tiġrija. In-numru u l-ammont tal-premjijiet li jistgħu jintrebħu, u l-kundizzjonijiet li għandhom jingħataw taħthom, huma stabbiliti bil-quddiem u magħrufa mis-sidien taż-żwiemel li, meta jdaħħlu żiemel f’tiġrija, jaqblu magħhom. Dan il-punt għandu jiġi enfasizzat: hija biss l-identità tar-rebbieħa li hija inċerta qabel it-tiġrija. Inżid ngħid biss ma’ dan li l-probabbiltà ta’ rebħ ta’ premju ġeneralment tikkostitwixxi waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għas-sidien taż-żwiemel biex jirreġistraw iż-żwiemel tagħhom fit-tiġrijiet.

42.

Dawk huma kollha elementi li l-Qorti, fis-sentenza Tolsma, ikkunsidrat rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizz u l-kumpens irċevut għaliha ( 18 ). Għaldaqstant, il-flus tal-premju miksuba f’tiġrija taż-żwiemel għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu suġġetti għall-VAT.

43.

Fid-dawl tar-risposta li qed nipproponi li tingħata għad-domanda 1c, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi 1a u 1b.

44.

Għal dawk ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi l-ewwel sett ta’ domandi fis-sens li: (i) sa fejn il-parteċipazzjoni ta’ żiemel f’tiġrija hija komponent tal-attività ekonomika ta’ persuna li topera fil-qasam tat-trobbija u tat-taħriġ ta’ żwiemel tat-tiġrija, l-ispejjeż relatati ma’ dak il-komponent jagħtu lok għal tnaqqis tal-VAT tal-input; u (ii) l-għoti ta’ premjijiet liż-żiemel li jagħti l-aħjar prestazzjoni jagħti lok għal tranżazzjonijiet taxxabbli skont id-Direttiva tal-VAT.

B – It-tieni sett ta ’ domandi

45.

Bit-tieni sett ta’ domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk l-operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija hijiex, bis-saħħa tal-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, inġenerali suġġetta għal rata tal-VAT imnaqqsa.

46.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li s-servizz ipprovdut minn P. Baštová għall-benefiċċju ta’ sidien oħrajn taż-żwiemel — ġeneralment imsejħin fil-kawża prinċipali bħala “operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija” — fil-verità jikkonsisti f’taħlita ta’ diversi servizzi bħat-taħriġ taż-żiemel, l-użu ta’ tagħmir tal-isports, akkomodazzjoni għall-ġurnata kollha fl-istalel, l-għalf u kura oħra taż-żiemel. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li s-servizzi pprovduti minn P. Baštová lis-sidien taż-żwiemel għandhom jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjoni waħda u għalhekk suġġetta għal rata waħda tal-VAT. Madankollu, dik il-qorti ma hijiex ċerta dwar jekk servizz wieħed jew iżjed għandhomx jiġu kkunsidrat bħala predominanti u l-oħrajn jiġux ikkunsidrati bħala anċillari. Għaldaqstant titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tindika l-kriterji li għandhom jintużaw għal dak l-iskop. Dan huwa importanti billi wħud mis-servizzi pprovduti jistgħu jinvolvu l-użu ta’ faċilitajiet sportivi.

47.

Il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni jipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi fis-sens li l-operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija ma huwiex, bis-saħħa tal-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, inġenerali suġġetta għal rata tal-VAT imnaqqsa.

48.

Jiena naqbel.

49.

Mill-bidu nett infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, f’ċerti ċirkustanzi, diversi servizzi formalment distinti, li jistgħu jiġu pprovduti separatament, għandhom jiġu kkunsidrati li huma tranżazzjoni waħda meta ma humiex indipendenti. Ikun hemm provvista unika, meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli jkunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda indiviżibbli u li l-qasma tagħha tkun artifiċjali. Dan ikun il-każ meta element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu s-servizz prinċipali, filwaqt li element jew diversi elementi għandhom jitqiesu, b’kuntrast, bħala servizzi anċillari li jikkondividu t-trattament fiskali tas-servizz prinċipali ( 19 ).

50.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni inkluża fid-digriet tar-rinviju, il-pożizzjoni li ħadet il-qorti tar-rinviju fir-rigward tan-natura indiviżibbli tas-servizzi provduti minn P. Baštová jidhirli li hija raġonevoli. Meta jakkwistaw is-servizzi tagħha, is-sidien taż-żwiemel mhux sempliċement ikunu jridu t-taħriġ taż-żwiemel tagħhom, jew jitħallew jużaw il-faċilitajiet sportivi li għandha P. Baštová, iżda jkunu jridu akkomodazzjoni għall-ġurnata kollha u kura inġenerali għal dawk l-annimali. Minkejja l-fatt li kull wieħed minn dawk is-servizzi jista’, fil-prinċipju, jiġi pprovdut separatament, jidher li l-klijenti ta’ P. Baštová, li jikkonkludu l-kuntratt imsejjaħ bħala “operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija”, ikunu jridu preċiżament taħlita ta’ dawk is-servizzi kollha ( 20 ). Fi kliem ieħor, jidher li d-diversi servizzi pprovduti kollha huma tant marbutin ma’ xulxin li jitqiesu bħala partijiet ta’ pakkett wieħed kemm mill-fornitur tas-servizz (P. Baštová) kif ukoll, b’mod iktar importanti, mill-klijenti tagħha (is-sidien) ( 21 ).

51.

Wara li ntqal dan, id-determinazzjoni finali fir-rigward tal-fatt li dawk is-servizzi kollha jikkostitwixxu ħaġa waħda għad-determinazzjoni tar-rata tat-taxxa, xorta għadha trid tagħmilha l-qorti tar-rinviju. Jekk dik il-qorti tikkonferma l-fehma preliminarja tagħha fuq din il-kwistjoni, imbagħad ikollha tiddetermina jekk uħud minn dawk is-servizzi għandhomx jitqiesu bħala predominanti għall-finijiet tar-regoli tal-VAT. Fil-fatt, P. Baštová targumenta li s-servizzi li jikkonsistu fl-użu ta’ faċilitajiet sportivi huma predominanti u, bħala konsegwenza, it-tranżazzjoni globali għandha tkun suġġetta għal rata tal-VAT imnaqqsa.

52.

F’dak ir-rigward, huwa importanti li jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li servizz huwa kkunsidrat bħala anċillari għal servizz prinċipali partikolarment meta ma jikkostitwixxix għall-klijenti għan fih innifsu, iżda mezz kif jiġi gawdut aħjar is-servizz prinċipali pprovdut ( 22 ). Meta ddistingwixxiet bejn servizzi ewlenin u servizzi anċillari l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ukoll elementi bħall-importanza tad-diversi servizzi għall-klijenti, iż-żmien meħtieġ biex jingħataw il-provvisti u s-sehem tal-ispejjeż totali li jkollu jagħmel il-fornitur għal kull servizz ( 23 ).

53.

F’dak l-isfond, jidher li huwa raġonevoli l-approċċ issuġġerit mill-qorti tar-rinviju, li jikkonsisti b’mod partikolari fl-eżami tal-valur relattiv, u ż-żmien meħud għall-provvista ta’ kull servizz. Madankollu, f’dak il-kuntest lanqas min jinjora l-indikazzjonijiet li għandhom jitnaqqsu mill-ispejjeż li sostniet P. Baštová meta pprovdiet kull servizz minn dawk (li ġeneralment, iżda mhux neċessarjament, huwa rifless fil-valur tiegħu) kif ukoll l-importanza li jagħtu l-klijenti lil dawk is-servizzi.

54.

Iżda f’dan il-punt, qabel ma nespandi l-analiżi tiegħi rigward dan, naħseb li huwa meħtieġ li nikkjarifika t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, li jgħid li d-“[dritt ta’] użu ta’ faċilitajiet sportivi” jista’ jkun suġġett għal rata mnaqqsa tal-VAT.

55.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni ta’ rata waħda jew tnejn imnaqqsa hija għażla mogħtija lill-Istati Membri bħala eċċezzjoni għall-prinċipju li tapplika r-rata standard. Madankollu, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikati biss għall-provvisti ta’ oġġetti u servizzi speċifikati fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT ( 24 ). Hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li dispożizzjonijiet li huma fin-natura tagħhom eċċezzjonijiet għal prinċipju, għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 25 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà li t-termini użati fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati skont is-sens normali tal-kliem inkwistjoni ( 26 ).

56.

Billi dak huwa l-każ, jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ “użu ta’ faċilitajiet sportivi” jkopri attivitajiet li huma strettament relatati mal-prattika tal-isports minn individwi. Għalhekk, l-użu tal-faċilitajiet huwa strumentali għall-prattika tal-isports minn individwi. Għaldaqstant, il-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, bħall-Artikolu 132(1)(m) tal-istess direttiva ( 27 ), fil-fehma tiegħi, irid jippromwovi l-prattika tal-isports ( 28 ) minn taqsimiet kbar tal-popolazzjoni ( 29 ). Fi kliem ieħor, l-iskop ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li individwi jiġu inkoraġġiti jipprattikaw forom ta’ attività fiżika li, permezz ta’ parteċipazzjoni każwali jew organizzata, jikkontribwixxu sabiex jesprimu jew itejbu l-kundizzjoni tajba fiżika u l-benesseri mentali sabiex jiġu ffurmati relazzjonijiet soċjali jew jinkisbu riżultati f’kompetizzjoni ( 30 ).

57.

Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ta’ faċilitajiet sportivi” li testendih biex jinkludi wkoll l-attivitajiet kollha (inter alia, akkomodazzjoni għall-ġurnata kollha taż-żwiemel fl-istalel, l-għalf u attivitajiet oħra tal-kura għaż-żwiemel) u l-faċilitajiet (li jistgħu jinkludu tagħmir għall-irkib, l-għalf, prodotti għat-tindif, l-istalel u kompartimenti fihom, post it-taħriġ, iż-żona tal-ħaxix, iż-żona tal-ħasil, iż-żoni tal-mistrieħ u tal-ħażna) imsemmijin fid-digriet tar-rinviju jkabbru eċċessivament l-kuntest ta’ dik l-eċċezzjoni ( 31 ).

58.

Dik l-interpretazzjoni tkun ukoll inkonsistenti mas-sens normali, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, tal-kunċett ta’ “użu ta’ faċilitajiet sportivi”. Jidhirli li ġeneralment, dak il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jirriferi għall-użu ta’ faċilitajiet immobbli ( 32 ) li għandhom natura permanenti (bħal pixxini, koros tat-tiġrijiet, swali tal-isports u ċentri sportivi) jew temporanja (bħal pjazez pubbliċi, xtajtiet jew artijiet stabbiliti provviżorjament bħala grawnds tal-isports għal avveniment speċifiku) ( 33 ), minn individwi li attwalment qed jitħarrġu jew jipparteċipaw f’kompetizzjoni.

59.

Għalhekk, filwaqt li l-użu ta’ faċilitajiet bħal, pereżempju, il-korsa tat-taħriġ minn individwi li jipprattikaw l-irkib taż-żwiemel jista’ jaqa’ fl-eċċezzjoni pprovduta fil-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tal-attivitajiet kollha meħtieġa għall-operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija ( 34 ), kif deskritt mill-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, meta żiemel sempliċement jingħata l-għalf, jitnaddaf jew jieħdu ħsiebu l-persunal, jew meta sempliċement ikun qed jistrieħ fl-istalel jew fiż-żona tal-ħaxix, ma jkunx hemm użu tal-faċilitajiet sportivi għall-finijiet tad-Direttiva tal-VAT. Dan huwa hekk mhux biss għaliex ma humiex qed jintużaw faċilitajiet sportivi, iżda anki għaliex l-ebda individwu ma jkun qed jeżerċita xi forma ta’ sport.

60.

Il-qorti nazzjonali għandha żżomm dak f’moħħha meta tevalwa l-valur, il-perijodu ta’ żmien, l-ispiża u l-importanza tas-servizzi li jikkonsistu fl-użu ta’ faċilitajiet sportivi fil-konfront tal-valur, il-perijodu ta’ żmien, l-ispiża u l-importanza tas-servizzi oħrajn.

61.

Kif jiena qed nifhem il-fajl, l-attivitajiet li jikkonsistu fl-użu ta’ faċilitajiet sportivi ma jaqbżux, f’termini ta’ valur, perijodu ta’ żmien, spejjeż u importanza, is-servizzi l-oħrajn. Attivitajiet bħall-għalf u l-provvista ta’ akkomodazzjoni l-ġurnata kollha u l-kura ġenerali taż-żwiemel ma jidhirlix li huma servizzi ta’ valur relattivament żgħir: kollha jidhru li huma kruċjali biex jiġi żgurat il-benesseri taż-żwiemel u l-kundizzjoni tajba fiżika tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar prestazzjoni tagħhom f’attivitajiet sportivi jew attivitajiet ta’ natura oħra. Fi kwalunkwe każ, ċertament jeħtieġu investimenti importanti mill-proprjetarju tal-istalel li, nassumi, għandhom jiġu riflessi fil-prezz ta’ kull wieħed minn dawk is-servizzi — kieku P. Baštová kellha taqsam il-prezz globali skont id-diversi servizzi. U dawk is-servizzi, kif naraha jien, lanqas ma huma ta’ importanza iżgħar f’għajnejn is-sidien medji taż-żwiemel ( 35 ): ma tantx nista’ nimmaġina li dawk is-sidien ma jkunux partikolarment ikkonċernati dwar is-saħħa u l-benesseri tal-annimali tagħhom. Fl-aħħar nett, nissuspetta li l-parti l-kbira ta’ ħin li jgħaddi żiemel fl-istalel taż-żwiemel tat-tiġrija ta’ P. Baštová tkun fiż-żona tal-mistrieħ ġewwa u barra, il-kompartimenti fl-istalla, u ż-żoni tal-għalf eċċ. Kif spjegat iktar ’il fuq, dawn kollha huma żoni li ma jistgħux jitqiesu bħala “faċilitajiet sportivi” fit-tifsira tad-Direttiva tal-VAT.

62.

Għal dawk ir-raġunijiet kollha, jiena nipproponi li r-risposta tat-tieni sett ta’ domandi tkun fis-sens li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali, l-operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija, meħud fil-globalità tiegħu, ma jistax ikun, suġġett għar-rata tal-VAT imnaqqsa bis-saħħa tal-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

IV – Konklużjoni

63.

Bħala konklużjoni, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari min-Nejvyšší správní soud (qorti suprema amministrattiva, ir-Repubblika Ċeka) kif ġej:

sa fejn il-parteċipazzjoni ta’ żiemel f’tiġrija hija komponent tal-attività ekonomika ta’ persuna li topera fil-qasam tat-trobbija u t-taħriġ ta’ żwiemel tat-tiġrija, l-ispejjeż relatati ma’ dak il-komponent jagħtu lok għal tnaqqis tal-VAT tal-input. L-għoti ta’ premjijiet liż-żiemel li jagħti l-aħjar prestazzjonijiet jagħti lok għal tranżazzjonijiet taxxabbli skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud;

bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali, l-operat ta’ stalel taż-żwiemel tat-tiġrija, meħud fil-globalità tiegħu, ma jistax ikun suġġett għar-rata tat-taxxa fuq il-valur miżjud imnaqqsa bis-saħħa tal-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112.


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 )   The Sporting Spirit, The London Tribune, Diċembru 1945.

( 3 )   Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347 p. 1).

( 4 )   Ara, inter alia, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 5 )   Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Finanzamt Freistadt Rohrbach Urfahr, C-219/12, EU:C:2013:413, punt 18.

( 6 )   Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2007, Götz, C-408/06, EU:C:2007:789, punt 18, u d-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-246/08, EU:C:2009:671, punt 37.

( 7 )   Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Gemeente Borsele, C-520/14, EU:C:2015:855, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 8 )   Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 26 tad-Direttiva tal-VAT. Ara wkoll l-Artikoli 184 et seq tal-istess Direttiva.

( 9 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ April 2000, Deliège, C-51/96C-191/97, EU:C:2000:199, punt 56.

( 10 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Becker, C-104/12, EU:C:2013:99, punti 21 u 22.

( 11 )   Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Town & County Factors, C-498/99, EU:C:2002:494, punt 20.

( 12 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2000, Deliège, C-51/96 u C-191/97, EU:C:2000:199, punt 57.

( 13 )   Żiemel li jiġri ħafna x’aktarx iġiegħel lil żwiemel oħra jiġru iżjed. Kif kiteb Publius Ovidius Naso (Ovid) (43 BC–17 AD), ‘tum bene fortis equus reserato carcere currit /cum quos praetereat quosque sequatur habet’“meta tinfetaħ ix-xatba, żiemel qatt ma jiġri daqhekk malajr/daqs kemm meta jkollu żwiemel oħrajn li jrid jilħaq jew jaqbeż”) (Ars Amatoria, Ktieb III,p. 595 u 596).

( 14 )   Ara, għal dak il-għan, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council, 102/86, EU:C:1988:120, punt 14.

( 15 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Town & County Factors, C-498/99, EU:C:2002:494, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 )   Sentenza tal-1 ta’ April 1982, Hong-Kong Trade Development Council, 89/81, EU:C:1982:121, punt 11 (enfasi miżjuda minni).

( 17 )   Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 37.

( 18 )   Sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C-16/93, EU:C:1994:80, punti 17 u 19.

( 19 )   Ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 20 )   Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank, C-44/11, EU:C:2012:484, punt 24 u 25.

( 21 )   Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Deutsche Bank, C-44/11, EU:C:2012:276, punt 27

( 22 )   Ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 23 )   Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-11 ta’ Frar 2010, Graphic Procédé, C-88/09, EU:C:2010:76, punt 32; tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN, C-111/05, EU:C:2007:195, punt 36 u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C-41/04, EU:C:2005:649, punt 28.

( 24 )   Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, EU:C:2010:348, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 25 )   Ibid.

( 26 )   Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-678/13, EU:C:2015:358, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 27 )   Dik id-dispożizzjoni tinkludi l-“provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika” fost it-tranżazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jeżentaw.

( 28 )   Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sports” taħt ir-regoli tal-VAT, li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-UE, ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Město Žamberk, C-18/12, EU:C:2013:95, punt 17.

( 29 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, The Bridport and West Dorset Golf Club, C-495/12, EU:C:2013:861, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 30 )   Ara l-Artikolu 2(1)(a) tal-Karta Ewropea tal-Isports, adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill Ewropew fl-24 ta’ Settembru 1992, kif emendata.

( 31 )   Ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Franza, C-596/10, EU:C:2012:130, punt 54.

( 32 )   Filwaqt li l-kelma fil-verżjoni tal-lingwa Ingliża tad-Direttiva 2006/112 tista’ tkun ambivalenti fuq dan il-punt (“sporting facilities”), verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ta’ dik id-direttiva huma ċari ħafna: pereżempju, bid-Daniż (“sportsfaciliteter”), bil-Ġermaniż (“Sportanlagen”), bl-Ispanjol (“instalaciones deportivas”), bil-Franċiż (“installations sportives”), bit-Taljan (“impianti sportivi”), bl-Olandiż (“sportaccomodaties”), bil-Portugiż (“instalações desportivas”), bir-Rumen (“instalațiilor sportive”), u bl-Isvediż (“sportanläggningar’).

( 33 )   Ara Swinkels, J.J.P., Sports under EU VAT, International VAT Monitor, 2 ta’ Lulju 2010, Nru 4, paġni 280 u 281.

( 34 )   Ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Franza, C-596/10, EU:C:2012:130, punt 55.

( 35 )   Dak l-element għandu jiġi evalwat mil-lat tal-konsumatur tipiku, li għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi. Il-fatt li ċerti klijenti individwali jista’ jkollhom opinjoni differenti huwa irrilevanti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Město Žamberk, C-18/12, EU:C:2013:95, punti 33 u 35.