Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fl-20 ta’ Ottubru 2016 (1)

Kawża C-573/15

Stat Belġjan

vs

Oxycure Belgium SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Liège (qorti tal-appel ta’ Liège, il-Belġju)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Prinċipju ta’ newtralità fiskali – Trattament mediku bl-ossiġnu – Rata mnaqqsa ta’ VAT – Ċilindri u kontenituri ta’ ossiġnu – Rata standard ta’ VAT – Konċentratur ta’ ossiġnu – Kunċett ta’ diżabbiltà”





I –    Introduzzjoni

1.        Fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jista’ Stat Membru japplika għall-bejgħ u/jew għall-kiri ta’ konċentraturi ta’ ossiġnu t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) bir-rata standard ta’ 21 %, filwaqt li japplika rata mnaqqsa ta’ 6 % għall-bejgħ ta’ ċilindri ta’ ossiġnu mediku?

2.        Din hija, essenzjalment, id-domanda preliminari li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Cour d’appel de Liège (qorti tal-appel ta’ Liège, il-Belġju) u li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/138/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2006 (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), tal-punti 3 u 4 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

3.        Din id-domanda saret fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Istat Belġjan u Oxycure Belgium S.A. (iktar ’il quddiem “Oxycure”), dwar l-issuġġettar għall-VAT tal-attività ta’ bejgħ u/jew ta’ kiri ta’ konċentraturi ta’ ossiġnu u aċċessorji għall-kura bl-ossiġnu.

4.        Il-konċentraturi ta’ ossiġnu huma apparat għal użu mediku, li jaħdmu bl-elettriku, li l-prinċipju tagħhom huwa li jikkonċentraw l-ossiġnu tal-arja ambjentali sabiex jiksbu n-nitroġenu, li b’hekk jipprovdi konċentrazzjoni ogħla ta’ ossiġnu (4). Dan it-tip ta’ apparat jinkludi parti intiża sabiex tikkonċentra l-ossiġnu kif ukoll kanal nasali jew maskra ta’ ossiġnu u pajp li jwassal l-ossiġnu li jiffurmaw parti integrali mill-apparat. Il-konċentraturi ta’ ossiġnu jippermettu l-kura bl-ossiġnu fid-dar għall-pazjenti li jsofru minn insuffiċjenza respiratorja jew minn diżabbiltà gravi oħra li jeħtieġu trattament bl-ossiġnu u li l-kundizzjoni tagħhom ma tistax titjieb bl-użu ta’ aerosols jew ta’ bronkodilaturi.

5.        Fil-kawża prinċipali, mill-fajl jirriżulta li, bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Marzu 2010, Oxycure kienet applikat għall-kiri u għall-bejgħ ta’ konċentraturi ta’ ossiġnu u l-aċċessorji tagħhom rata mnaqqsa ta’ VAT ta’6 % li r-Renju tal-Belġju kien iddeċieda li jimponi fuq il-kunsinna u/jew il-kiri ta’ ċerti tagħmir, artikoli jew apparat mediku, b’applikazzjoni tal-Artikolu 98(2) u tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT. Madankollu, skont l-awtoritajiet fiskali Belġjani, l-operazzjonijiet ta’ Oxycure kellhom ikunu suġġetti għar-rata standard ta’ 21 %, skont id-Digriet Irjali Nru 20, tal-20 ta’ Lulju 1970, li jiffissa r-rata tal-VAT u jiddetermina t-tqassim tal-beni u tas-servizzi skont dawn ir-rati (5). L-awtoritajiet fiskali Belġjani kienu għalhekk ħarġu miżura ta’ infurzar kontra Oxycure fejn talbuha tħallas qrib EUR 1 300 000 bħala VAT flimkien ma’ multa ekwivalenti għal 10 % tas-somma mitluba.

6.        B’sentenza tal-25 ta’ April 2013, it-Tribunal de première instance de Namur (qorti ta’ prim’istanza ta’ Namur, il-Belġju) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Oxycure kontra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet fiskali Belġjani u rriformatha. Essenzjalment, skont din is-sentenza, il-konċentraturi ta’ ossiġnu jissodisfaw id-definizzjoni tat-Taqsima XXIII intitolata “Diversi”, punt 2 tat-Tabella A tad-Digriet Irjali Nru 20 applikabbli għal “tagħmir ieħor tal-id, li jinġarr fuq il-persuna jew jiġi impjantat fil-ġisem, sabiex jikkumpensa għal difett jew diżabbiltà”, li jippermetti, b’daqshekk, lill-operazzjonijiet ta’ bejgħ u/jew ta’ kiri ta’ dan it-tagħmir li jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ 6 %.

7.        L-Istat Belġjan appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

8.        Dik il-qorti tikkonstata li l-konċentraturi ta’ ossiġnu jikkostitwixxu, flimkien maċ-ċilindri ta’ ossiġnu mediku u ta’ tankijiet ta’ ossiġnu mediku likwidu, wieħed mit-tliet sorsi ta’ ossiġnu disponibbli fuq is-suq u s-sorsi huma lkoll interkambjabbli u/jew kumplimentari. Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal rapport taċ-ċentru federali Belġjan tal-esperti għall-kura tas-saħħa (Centre fédéral d’expertise des soins de santé belge) li jgħid li kull sors huwa disponibbli fil-forma fissa ta’ daqs kbir u mudell żgħir portabbli. Il-qorti tar-rinviju tinnota li minn dar ir-rapport jirriżulta wkoll li, mill-perspettiva tal-effiċjenza klinika għall-pazjent, trattament bl-ossiġnu huwa ekwivalenti għal ieħor, irrispettivament mill-fatt jekk l-ossiġnu ikunx ipprovdut minn wieħed jew ieħor minn dawn it-tliet sorsi, jekk ikunx fiss jew portabbli, billi d-differenzi bejn dawn il-modalitajiet ta’ għoti tal-ossiġnu huma marbuta biss ma’ kwistjonijiet ta’ konvenjenza (ħsejjes, użu barra mid-dar, volum disponibbli, mili mill-ġdid tal-mudell portabbli mill-pazjent) u mal-ispejjeż għall-kumpannija. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-leġiżlazzjoni Belġjana fuq il-benefiċċji tal-assigurazzjoni tas-saħħa obbligatorja tirrikonoxxi l-interkambjabbiltà perfetta ta’ dawn is-sorsi ta’ ossiġnu, billi flixkun ta’ ossiġnu awżiljarju huwa inkluż fl-ispiża ta’ konċentratur tal-ossiġnu li għandha titħallas lura.

9.        F’dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, anki jekk l-ebda titolu tat-Tabella A tad-Digriet Irjali Nru 20 ma jsemmi espressament il-konċentraturi ta’ ossiġnu, għandux jiġi kkunsidrat, f’kull każ, li t-tabella għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, b’mod li t-tabella inkwistjoni għandha tapplika, tal-inqas impliċitament, għal dan it-tagħmir bl-istess mod bħas-sorsi l-oħra ta’ ossiġnu.

10.      Peress li r-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-punti 3 u 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ newtralità, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi rata mnaqqsa tal-VAT applikabbli għat-trattament b’ossiġnu permezz ta’ ċilindri ta’ ossiġnu filwaqt li t-trattament b’ossiġnu permezz ta’ konċentratur tal-ossiġnu huwa suġġett għar-rata normali tal-VAT?”

11.      Saru osservazzjonijiet bil-miktub minn Oxycure, mir-Renju tal-Belġju u mill-Kummissjoni Ewropea. It-trattazzjonijiet tal-partijiet interessati u r-risposti għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja saru waqt is-seduta tad-19 ta’ Settembru 2016.

II – Analiżi

12.      Ir-risposta għad-domanda preliminari li saret mill-qorti tar-rinviju għandha, fil-fehma tiegħi, tinqasam f’żewġ partijiet. Minn naħa, għandu jiġi determinat jekk il-konċentraturi ta’ ossiġnu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħux jaqgħu kemm taħt il-punt 3 kif ukoll taħt il-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, punti li jissemmew it-tnejn fid-domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, jekk dan huwa l-każ, il-kwistjoni jekk il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jimponix li r-rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 6 %, li hija applikabbli għall-bejgħ ta’ ossiġnu mediku, bħala gass jew bħala likwidu, f’kontenituri, ukoll għall-bejgħ u/jew għall-kiri tal-konċentraturi ta’ ossiġnu ma tqumx iktar. Min-naħa l-oħra, jekk il-konċentraturi ta’ ossiġnu ma jistgħux jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT abbażi tal-punt 3 jew tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, li, impliċitament, jidher li tipprospetta l-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jistax madankollu jobbliga lir-Renju tal-Belġju li japplika dik ir-rata għall-kunsinna u/jew għall-kiri tal-konċentraturi ta’ ossiġnu għaliex, mill-perspettiva tal-pazjent, dawn huma interkambjabbli mal-ossiġnu mediku, bħala gass jew likwidu, ipprovdut f’kontenituri.

A –    Fuq l-applikazzjoni tal-punti 3 u 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT

13.      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT jippreċiża li kull Stat Membru għandu jiffissa l-istess rata ta’ VAT, deskritta bħala “standard”, għall-kunsinna ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi.

14.      B’deroga minn dan il-prinċipju, l-Artikolu 98(1) tad-Direttiva tal-VAT jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa tal-VAT. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT, dawn ir-rati mnaqqsa jistgħu jiġu applikati biss għall-provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi elenkati fil-kategoriji li jinsabu fl-Anness III ta’ din id-direttiva (6).

15.      Fil-punt 3 ta’ dan l-anness, imsemmi fid-domanda preliminari, jissemmew “prodotti farmaċewtiċi ta’ tip normalment użati għall-kura tas-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u bħala trattament għal skopijiet mediċi u veterinarji […]”. Fil-punt 4 ta’ dan l-istess anness, li wkoll jissemma fid-domanda preliminari, jissemmew “tagħmir mediku, għajnuniet u strumenti oħra normalment maħsuba biex itaffu jew jikkuraw id-diżabilità, għall-użu esklussiv u personali tal-persuni b’diżabilità, inkluża t-tiswija ta’ din il-merkanzija […]” (7).

16.      Filwaqt li l-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jippermetti l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għall-provvista ta’ “prodotti farmaċewtiċi” jiġifieri għall-prodotti lesti, li jistgħu jintużaw direttament mill-konsumatur finali, il-punt 4 ta’ dan l-anness isemmi ċerti apparati mediċi li għandhom użu speċifiku (8).

17.      Bħala derogi mill-prinċipju li jgħid li l-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT għall-operazzjonijiet suġġetti għal din it-taxxa, il-punti 3 u 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett (9).

18.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-punti 3 u 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT ma jinvolvu l-ebda rinviju espress għad-dritt tal-Istati Membri, b’mod li huma għandhom jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi u, min-naħa l-oħra, li l-kunċetti użati f’dak l-anness, b’mod partikolari f’dawn il-punti, għandhom jiġu interpretati fis-sens normali tal-kliem inkwistjoni (10).

19.      F’dan ir-rigward, mill-fajl u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan jirriżulta li, fil-Belġju, l-ossiġnu mediku pprovdut f’kontenituri, bħala gass jew bħala likwidu, igawdi mir-rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 6 %, b’applikazzjoni tat-Titolu XVII(1)(a) tat-Tabella A tad-Digriet Irjali Nru 20, li jittrasponi l-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT. Fi kliem ieħor, l-ossiġnu mediku jitqies bħala mediċina u, f’sens iktar wiesgħa, bħala “prodott farmaċewtiku”, fis-sens tal-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

20.      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-ossiġnu mediku pprovdut f’kontenituri, b’mod konformi mal-pożizzjoni espressa mill-partijiet kollha waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li l-konċentraturi ta’ ossiġnu tat-tip bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jidħlu fil-kunċett ta’ “prodotti farmaċewtiċi”, fis-sens tal-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

21.      Din l-evalwazzjoni hija essenzjalment ibbażata fuq is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-360/11, EU:C:2013:17, punti 63, 64 u 71). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għalkemm, fid-dawl tat-tifsira normali tagħhom, il-“prodotti farmaċewtiċi” jinkludu l-mediċini għall-użu tal-bniedem, madankollu, ma jinkludux kull tagħmir, apparat, għajnuniet jew materjal għal-użu mediku jew veterinarju. Fil-fatt, kieku l-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT kien ikopri kull tagħmir jew apparat mediku, irrispettivament mill-użu li għalih huwa maħsub, il-konsegwenza tkun li l-punt 4 ta’ dan l-istess anness jitlef is-sens tiegħu. Fi kliem ieħor, il-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT ma jistax jippermetti d-distorsjoni tal-enumerazzjoni eżawrjenti ta’ dak il-punt 4, billi jawtorizza lill-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal tagħmir jew apparat mediku mingħajr kunsiderazzjoni tal-użu konkret li għalih huma maħsuba. Barra minn hekk, filwaqt li l-konċentraturi ta’ ossiġnu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kirja lill-pazjent u għalhekk ikunu s-suġġett ta’ provvista ta’ servizzi multipla, il-prodotti farmaċewtiċi huma oġġetti li jinbiegħu u ġeneralment preskritti għal użu individwali, esklużiv u uniku.

22.      Għaldaqstant inqis li huwa biss il-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT li jista’ jkun rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata lid-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju.

23.      Fir-rigward ta’ dan il-punt tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, kif imsemmi iktar ’il fuq, dan jikkonċerna biss lil xi tagħmir jew apparat mediku maħsuba għal ċerti użi speċifiċi. Fil-fatt, minn naħa, dan il-punt isemmi t-tagħmir mediku u l-istrumenti oħra “normalment maħsuba biex itaffu jew jikkuraw id-diżabilità” u għaldaqstant ma jsemmux il-prodotti ġeneralment użati għal għanijiet oħra (11). Min-naħa l-oħra, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-360/11, EU:C:2013:17, punti 85 sa 88), il-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jikkonċerna tagħmir u strumenti mediċi għall-użu “personali” u “esklussiv” tal-persuni b’diżabbiltà u mhux it-tagħmir u apparat għall-użu ġenerali tal-isptarijiet u tal-professjonisti tas-servizzi tas-saħħa. Din il-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għal użu personali u esklużiv tal-konsumatur finali hija koerenti mal-għan soċjo-ekonomiku tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT li huwa dak li jtaffi l-ispejjeż ta’ ċerti oġġetti meqjusa bħala partikolarment neċessarji (12).

24.      Huwa ta’ dispjaċir li, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kliem “diżabbiltà” u “persuni b’diżabbiltà” fid-Direttiva tal-VAT u fin-nuqqas ta’ referenza espressa għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi stabbilita t-tifsira tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità f’dawn il-kawżi li tippreċiża l-portata ta’ dan il-kliem, b’mod partikolari fir-rigward tal-fruntiera li tifred il-kunċetti ta’ “mard” u ta’ “morda”.

25.      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (13), u wara r-ratifika mill-Unjoni tal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà (14) il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “diżabbiltà” għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi permanenti, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali mal-ħaddiema l-oħra (15).

26.      Huwa wkoll f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm il-kunċett ta’ “diżabbiltà” huwa distint minn dak ta’ “marda” jew mill-istat ta’ obeżità, marda jew dak l-istat ta’ obeżità, li jwasslu għal limitazzjoni għal żmien twil, li jirriżultaw b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi permanenti, li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jkunu ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra, u għaldaqstant jidħlu fil-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78 (16).

27.      Tali definizzjoni u tali portata tal-kunċett ta’ “diżabbiltà”, li huma bbażati fuq interpretazzjoni konformi ta’ dan il-kunċett li jinsab fid-Direttiva 2000/78 mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabbiltà, huma, fil-fehma tiegħi, rilevanti għall-fini tal-interpretazzjoni ta’ dan l-istess kunċett fil-kuntest tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

28.      Fil-fatt, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 (17), id-Direttiva tal-VAT tidher fost l-atti tal-Unjoni “fir-rigward tal-awtonomija u l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol u l-impjieg ” li huma elenkati fl-appendiċi tal-Anness II tad-deċiżjoni li tapprova, f’isem il-Komunità Ewropea, din il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u li ttrattaw il-kwistjonijiet irregolati minnha.

29.      Kif tinnota korrettament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-element karatteristiku tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” jinsab fin-natura permanenti tagħha, kuntrarjament għal tnaqqis ta’ ċerti fakultajiet riżultanti, b’mod partikolari, minn mard li għandu natura sporadika jew temporanja.

30.      Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u tal-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, jidhirli li l-konċentraturi ta’ ossiġnu li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali jissodisfaw tnejn biss mit-tliet kriterji stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, iżda għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika dan.

31.      Fir-rigward tal-ewwel kriterju, huwa possibbli li jiġi ammess, kif sostniet Oxycure waqt is-seduta, li dawn l-istrumenti huma “normalment maħsuba sabiex itaffu jew jikkuraw id-diżabbiltà” (18), fis-sens tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, jidher li dan it-tagħmir mediku huwa partikolarment adattat sabiex itaffi jew jikkura defiċjenzi respiratorji gravi, għal żmien twil u ta’ spiss irriversibbli li għalihom it-trattament alternattiv ma huwiex iktar effettiv, bħas-sitwazzjonijiet ta’ mard kroniku ostruttiv pulmonarju jew, fi stat avvanzat, ta’ fibrożi ċestika (19).

32.      F’dan ir-rigward, it-Taqsima XXIII intitolata “Diversi”, punt 2 tat-Tabella A tad-Digriet Irjali Nru 20, tidher koerenti ma’ dan il-kriterju tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, l-għażla tar-Renju tal-Belġju li jagħti r-rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 6 % tapplika biss għall-bejgħ jew għall-kiri ta’ strumenti maħsuba sabiex “jikkumpensaw għal defiċjenza jew marda”, jiġifieri, skont l-informazzjoni u indikazzjonijiet ipprovduti fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, għal strumenti ġeneralment maħsuba sabiex jikkuraw jew itaffu diżabbiltà.

33.      Bl-użu tal-avverbju “normalment” fil-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, il-leġiżlatur tal-Unjoni kjarament skarta l-ipoteżi (li kienet iktar kategorika) li tgħid li rata mnaqqsa ta’ VAT tista’ tingħata għall-bejgħ u/jew għall-kiri ta’ apparat mediku biss jekk dan ikun esklużivament jew unikament maħsub sabiex jikkura jew itaffi diżabbiltà. Konsegwentement, bl-użu tal-avverbju “normalment”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri t-tagħmir mediku u apparat ieħor li, abitwalment u b’mod ġenerali, ikunu maħsuba sabiex jikkuraw jew itaffu diżabbiltà, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni partikolari ta’ tali tagħmir jew ieħor (20).

34.      Barra minn hekk, fil-kawża prinċipali huwa stabbilit li s-sorsi kollha ta’ provvista tal-ossiġnu mediku, inklużi, għaldaqstant, il-konċentraturi ta’ ossiġnu, jistgħu biss jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni kkonċernati fuq riċetta ta’ tabib. Din iċ-ċirkustanza teskludi, bħala prinċipju, li l-konċentraturi ta’ ossiġnu jkunu, abitwalment u b’mod ġenerali, maħsuba sabiex jikkuraw jew itaffu permezz tal-kura bl-ossiġnu, stati patoloġiċi li ma jidħlux fil-kunċett ta’ “diżabbiltà”.

35.      Fir-rigward tat-tieni kriterju, jiġifieri dak tal-użu “personali” minn persuni b’diżabbiltà, dan ukoll jidher sodisfatt billi l-konċentraturi ta’ ossiġnu jistgħu jintużaw b’mod individwali mill-persuna kkonċernata, fid-dar u barra d-dar, mingħajr il-ħtieġa li din tirrikorri għal intermedjarju, b’mod partikolari, għal professjonijiet tas-saħħa. Ċertament, kif ġie perfettament enfasizzat fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni jekk il-konċentraturi ta’ ossiġnu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu kklassifikati bħala apparat “tal-id [jew] li jinġarr fuq il-persuna”, fis-sens tat-Taqsima XXIII intitolata “Diversi”, punt 2 tat-Tabella A tad-Digriet Irjali Nru 20, hija dibattuta bejn Oxycure u l-Gvern Belġjan. Madankollu din il-kontroversja ma tidħolx fl-interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT iżda dik tad-dritt nazzjonali, u ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċidiha.

36.      Madankollu, u hawn nasal għat-tielet kriterju, il-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT ma jeżiġix biss li l-apparat mediku u l-istrumenti jkunu “normalment” maħsuba sabiex jikkuraw jew itaffu diżabbiltà u jkunu s-suġġett ta’ użu “personali” minn persuni b’diżabbiltà, iżda, barra minn hekk, li jintużaw b’mod “esklużiv” minn dawn il-persuni.

37.      Dan il-kriterju ta’ esklużività ma jirreferix għad-destinazzjoni tal-istrumenti (li jibqgħu “normalment” maħsuba sabiex jittrattaw jew itaffu diżabbiltà), iżda għall-użu tagħhom. Fil-fehma tiegħi jsegwi li dan il-kriterju jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT strumenti li jistgħu jintużaw minn persuni oħra li ma humiex persuni milquta b’diżabbiltà.

38.      Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għall-għan soċjo-ekonomiku tar-rata mnaqqsa billi tiffavorixxi, sa fejn possibbli, l-awtonomija tal-persuni li jsofru minn diżabbiltà, inkluża dik ta’ natura psikoloġika.

39.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jmur kontra l-għan ta’ tnaqqis tal-ispiża għall-konsumatur finali ta’ ċerti oġġetti essenzjali mfittex mill-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jekk l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT, fil-każ ta’ oġġett li jista’ jkun is-suġġett ta’ użu differenti, tkun suġġetta, għal kull operazzjoni ta’ kunsinna, għall-użu konkret li għalih jinxtara dak l-oġġett (21). Barra minn hekk, ikun impossibbli għall-amministrazzjoni fiskali li tivverifika jekk l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT hijiex ġustifikata f’kull każ, u dan jista’ jżid jew jinkoraġġixxi l-abbuż jew l-evażjoni fiskali.

40.      Issa, huwa probabbli, kif sostniet il-Kummissjoni, li l-konċentraturi ta’ ossiġnu jintużaw minn persuni li ma jsofrux minn diżabbiltà, b’mod partikolari minn individwi li jbatu minn mard respiratorju ta’ natura temporanja.

41.      Suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidhirli għaldaqstant li l-konċentraturi ta’ ossiġnu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, għaliex jidher li dawn l-istrumenti ma jintużawx esklużivament minn persuni b’diżabbiltà.

B –    Fuq il-prinċipju ta’ newtralità fiskali

42.      Fid-dawl ta’ dan, jista’ l-prinċipju ta’ newtralità fiskali xorta jwassal għall-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għal dawn l-istrumenti, kif tistaqsi l-qorti tar-rinviju?

43.      Fl-opinjoni tiegħi, le.

44.      Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jippermettix l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni inekwivoka (22). Fi kliem ieħor, dan il-prinċipju jippermetti l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa biss fil-preżenza ta’ dispożizzjoni mhux ekwivoka. Issa, il-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jeskludi b’mod ċar mir-rata mnaqqsa ta’ VAT it-tagħmir u strumenti mediċi li ma jintużawx esklużivament minn persuni b’diżabbiltà.

45.      Deċiżjoni differenti twassal għal evażjoni tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni stretti tad-derogi għall-prinċipju, imfakkar ripetutament mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li l-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT għall-operazzjonijiet suġġetti għal din it-taxxa (23).

46.      Huwa għalhekk li, kuntrarjament għal dak li tinsinwa l-qorti tar-rinviju, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jippermettix li tiġi estiża, jew, a fortiori, li tiġi injorata il-portata tal-kategoriji differenti elenkati fl-anness III tad-Direttiva tal-VAT.

47.      Fil-fatt, jekk, wara l-eżami tal-kliem u tal-istruttura tal-punti 3 u 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, il-kiri u/jew il-bejgħ ta’ konċentraturi ta’ ossiġnu ma jistgħu bl-ebda mod jaqgħu taħt wieħed jew ieħor minn dawn il-punti, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jawtorizzax li jiġi kontradett dan l-eżami.

48.      Kif diġà ddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-eżenzjonijiet mill-VAT, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma huwiex regola tad-dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ eżenzjoni, iżda prinċipju ta’ interpretazzjoni li għandu jiġi applikat b’mod parallel mal-prinċipju li jgħid li l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati ristrettivament (24).

49.      Jien ma nara l-ebda ostakolu sabiex din l-interpretazzjoni ġenerali tal-portata tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali tiġi trasposta għas-sistema ta’ rati mnaqqsa ta’ VAT, li wkoll teħtieġ interpretazzjoni stretta.

50.      Kif turi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-relazzjonijiet tagħha mas-sistema ta’ rati mnaqqsa, kif stabbiliti bl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jibqa’ rilevanti meta, f’sitwazzjoni partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali jintalbu jivverifikaw jekk l-għażla leġittima li ssir minn Stat Membru li japplika selettivament ir-rata mnaqqsa ta’ VAT għal “ċerti aspetti konkreti u speċifiċi” tal-istess kategorija partikolari tal-istess punt tal-Anness III, tosservax dak il-prinċipju (25). Fil-fatt, f’dan il-każ, huwa loġiku li jiġi mistħarreġ jekk l-applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa ta’ VAT twassalx sabiex tinkiser l-ugwaljanza ta’ trattament fiskali bejn il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi analogi li jappartjenu lill-istess kategorija elenkata fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT (26).

51.      Għall-kuntrarju, kif indikajt preċedentement, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jistax iservi sabiex jiġu estiżi l-kategoriji li jissemmew fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT sabiex jiddaħħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi li, wara eżami tal-kliem u/jew tal-għan ta’ dawk il-kategoriji, ma jidħlux fih.

III – Konklużjoni

52.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour d’appel de Liège (qorti tal-appel ta’ Liège, il-Belġju):

L-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (27), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/138/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2006, u l-punti 3 u 4 tal-Anness III ta’ dik id-direttiva, ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li biha ma tiġix applikata rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-kunsinna u/jew għall-kiri ta’ konċentraturi ta’ ossiġnu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta dawk l-istrumenti ma jkunux prodotti farmaċewtiċi fis-sens tal-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, kif emendata, u lanqas ma jkunu għal użu esklużiv tal-persuni b’diżabbiltà fis-sens tal-punt 4 ta’ dan l-Anness, ħaġa li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza li jiġi kontradett il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-kategoriji elenkati fil-punti 3 u 4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, kif emendata, billi tingħata rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kunsinna u/jew għall-kiri ta’ tagħmir lil ma jissodisfax id-definizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-punti”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU 2006 L 347, p. 1.


3 – ĠU 2006 L 384, p. 92.


4 – Infakkar li l-arja ambjentali hija komposta minn madwar 20 % ossiġnu u madwar 80 % nitroġenu.


5 – Moniteur Belge, 31 ta’ Lulju 1970, p. 7920.


6 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, K (C-219/13, EU:C:2014:2207, punti 21 u 22) u tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-502/13, EU:C:2015:143, punt 33).


7 – Korsiv miżjud minni.


8 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-360/11, EU:C:2013:17, punti 47 u 64).


9 – Sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-360/11, EU:C:2013:17 punti 18, 20 u 63).


10 – Sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-360/11, EU:C:2013:17, punti 20 u 63). Ara wkoll, f’dak li jikkonċerna t-tieni parti, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-678/13, mhux ippubblikata, EU:C:2015:358, punti 46 u 47).


11 – Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-678/13, mhux ippubblikata, EU:C:2015:358, punt 48).


12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-360/11, EU:C:2013:17, punti 48 u 86).


13 – ĠU 2000 L 303, p. 16.


14 – Ġabra tat-Trattati, Vol. 2515, p. 3. Din il-konvenzjoni kienet ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010 L 23 p. 35).


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-312/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:446, punt 56), tat-18 ta’ Marzu 2014, Z. (C-363/12, EU:C:2014:159, punt 76), tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C-354/13, EU:C:2014:2463, punt 53), u tas-26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et (C-198/15, EU:C:2016:362, punt 31).


16 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11C-337/11, EU:C:2013:222, punti 39 sa 42 u 47) u tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C-354/13, EU:C:2014:2463, punti 56 sa 60). Għalkemm dan ma jirriżultax dejjem ċar mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi huma d-defiċjenzi fiżiċi, mentali, intellettwali jew psikiċi kif ukoll il-limitazzjoni li huma jnisslu fil-persuni li jsofru minnhom li għandhom ikunu għal żmien twil u li jippermettu d-distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “diżabbiltà” u dak ta’ “marda”.


17 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 31) u tat-18 ta’ Marzu 2014, Z. (C-363/12, EU:C:2014:159, punt 74).


18 – Korsiv miżjud minni.


19 – Il-fibrożi ċestika hija marda ġenetika u ereditarja li tolqot iċ-ċelluli li jiffurmaw organi differenti bħalma huma l-kanali respiratorji, billi jbiddlu s-sekrezzjonijiet tagħhom.


20 – Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-użu ta’ dan l-istess avverbju fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-41/09, EU:C:2011:108, punt 55) u tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-453/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:296, punt 45).


21 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-360/11, EU:C:2013:17, punti 86 u 87).


22 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Franza (C-479/13, EU:C:2015:141, punt 43) u tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-502/13, EU:C:2015:143, punt 51). Ara wkoll, fir-rigward tal-eżenzjonijiet mill-VAT, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Klinikum Dortmund (C-366/12, EU:C:2014:143, punt 40).


23 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-360/11, EU:C:2013:17, punt 18) u tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-502/13, EU:C:2015:143, punt 38).


24 – Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C-44/11, EU:C:2012:484, punt 45), tat-13 ta’ Marzu 2014, Klinikum Dortmund (C-366/12, EU:C:2014:143, punt 40), tat-2 ta’ Lulju 2015, De Fruytier (C-334/14, EU:C:2015:437, punt 37) u tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro (C-40/15, EU:C:2016:172, punt 31).


25 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C-384/01, EU:C:2003:264, punti 24 sa 29), tat-3 ta’ April 2008, Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien (C-442/05, EU:C:2008:184, punti 42 u 43), tas-6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-94/09, EU:C:2010:253, punti 28 sa 30), tas-27 ta’ Frar 2014, Pro Med Logistik u Pongratz (C-454/12 u C-455/12, EU:C:2014:111, punti 44 sa 46), u tal-11 ta’ Settembru 2014, K (C-219/13, EU:C:2014:2207, punt 23).


26 – F’dan ir-rigward, jekk, kuntrarjament għall-analiżi preċedenti, il-konċentraturi ta’ ossiġnu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitqiesu li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk id-distinzjoni li saret mir-Renju tal-Belġju bejn it-tagħmir mediku portabbli u t-tagħmir mediku fiss (huma biss il-kunsinni u/jew il-kiri tal-ewwel li jgawdu mill-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa ta’ 6 %) tolqotx “aspetti konkreti u speċifiċi” tal-kategorija elenkata fil-punt 4 ta’ dak l-anness u tirrispettax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-ġurisprudenza msemmija fin-nota preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27 –      ĠU 2006 L 347, p. 1.