Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-29 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C-592/15

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

vs

British Film Institute

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal [England & Wales] [Civil Division] [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili), ir-Renju Unit])

“Taxxa fuq il-valur miżjud – Is-Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 13A(1)(n) – Eżenzjonijiet ta’ ċertu provvisti ta’ servizzi kulturali – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tas-servizzi kulturali li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni”





1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-portata tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE (2). Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw lil “ċertu servizzi kulturali u oġġetti marbuta mill-qrib magħhom fornuti minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew minn entitajiet kulturali rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat”.

2.        Il-qorti tar-rinviju, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili), ir-Renju Unit], tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tħallix ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tas-servizzi kulturali li jistgħu jibbenefikaw minn tali eżenzjoni. Hija tfittex li tkun taf ukoll jekk l-imsemmija dispożizzjoni għandhiex effett dirett u jekk, għalhekk, tistax tiġi invokata direttament mill-persuni taxxabbli quddiem il-qorti nazzjonali meta l-Istat Membru kkonċernat ikun naqas milli jittrasponi fit-termini s-Sitt Direttiva fid-dritt nazzjonali.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom inqis li l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ provvista ta’ “ċertu servizzi kulturali” iħalli lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw liema provvisti ta’ servizzi kulturali jistgħu jiġu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Ser nispjega li jappartjeni lill-qorti nazzjonali sabiex tiddetermina, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni, jekk l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT fil-konfront tal-konvenut fil-kawża prinċipali, il-British Film Institute, tosservax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali u, b’mod partikolari, jekk din tikkostitwixxix jew le ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbel ma’ operaturi oħra li jipprovdu l-istess servizzi f’sitwazzjonijiet paragunabbli u li jgawdu mill-eżenzjoni mill-VAT għal dawn is-servizzi.

4.        Sussegwentement, ser nispjega għaliex, fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata direttament minn persuni taxxabbli quddiem il-qorti nazzjonali.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        L-Artikolu 13(A) tas-Sitt Direttiva jipprevedi:

“1.Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:: 

[…]

m)      ċertu servizzi li marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika fornuti minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt għall-persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika;

n)      ċertu servizzi kulturali u oġġetti marbuta mill-qrib magħhom fornuti minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew minn entitajiet kulturali rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat;

[…]”

6.        Is-Sitt Direttiva tħassret, mill-1 ta’ Jannar 2007, permezz tad-Direttiva 2006/112/KE (3). Essenzjalment, hija tirriproduċi d-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva.

7.        L-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva huwa redatt fil-kliem li ġej:

“1.L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

m)      il-provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika; 

n)      il-provvista ta’ ċertu servizzi kulturali, u l-provvista ta’ merkanzija marbuta mill-qrib magħhom, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi kulturali oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat;

[…]”.

B –    Id-dritt tar-Renju Unit

8.        Qabel l-1 ta’ Ġunju 1996, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ma kellu ebda dispożizzjoni li teżenta l-provvisti ta’ servizzi kulturali. Kien biss minn din id-data ’il quddiem, li tikkorrispondi għad-dħul fis-seħħ tal-grupp 13 tal-Anness 9 tal-Value Added Tax Act 1994 (liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud) li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit eżentat lil ċertu provvisti ta’ servizzi kulturali mill-VAT. Għalhekk, il-punti 1 u 2 ta’ din il-liġi jipprevedu li għandu jiġi eżentat mill-VAT l-għoti, minn korp pubbliku jew minn korp eliġibbli, tad-dritt għad-dħul f’mużew, f’gallerija tal-arti, f’wirja ta’ xogħlijiet artistiċi jew f’żoo kif ukoll tad-dritt għad-dħul għal spettaklu teatrali, mużikali jew korjografiku ta’ natura kulturali.

9.        Skont in-nota 1 tal-imsemmija liġi, korp pubbliku jfisser awtorità lokali, servizz governattiv, skont is-sens tal-Artikolu 41(6) tal-istess liġi, jew saħansitra korp mhux governattiv imsemmi fl-edizzjoni tal-1995 tal-lista ppubblikata mill-Office of Public Service (servizz responsabbli għall-pubblikazzjoni ta’ testi uffiċjali) bit-titolu “Korpi pubbliċi”. Barra minn hekk, skont in-nota 2 tal-liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, it-terminu “korpi eliġibbli”. għandu jfisser kull korp (minbarra korp nazzjonali) li ma għandux id-dritt jiddistribwixxi, u ma jiddistribwixxix, il-profitti potenzjali tiegħu, li juża kull profitt miksub mill-provvista korrispondenti għad-deskrizzjoni mogħtija fil-punt 2 ta’ din il-liġi għaż-żamma jew għat-titjib tas-servizz ipprovdut fil-kuntest tal-provvisti ta’ servizzi u li huwa ġġestit u amministrat b’mod volontarju minn persuni li ma għandhom ebda interess dirett jew indirett fl-operat tiegħu.

10.      Skont in-nota 3 tal-imsemmija liġi, il-punt 1 tagħha ma japplikax għal servizz li l-eżenzjoni tiegħu tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u b’hekk tiżvantaġġa impriża kummerċjali ta’ persuna taxxabbli. Barra minn hekk, in-nota 4 tal-liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tindika li l-punt 1(b) ta’ din l-istess liġi ma japplikax għall-għoti ta’ dritt għad-dħul għal spettaklu ħlief jekk l-ispettaklu huwa esklużivament propost minn korp pubbliku wieħed jew iktar, korp eliġibbli wieħed jew iktar jew assoċjazzjoni ta’ korpi pubbliċi u korpi eliġibbli.

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali

11.      Il-British Film Institute huwa korp mingħajr skop ta’ lukru li r-rwol tiegħu huwa li jippromwovi ċ-ċinema fir-Renju Unit. B’mod partikolari, fl-1951, kien ġie miftiehem li dan il-korp seta’ jmexxi n-National Film Theatre u, minn April 2011, ġie miftiehem ukoll li kien ser jibda jkun inkarigat mill-attivitajiet tal-UK Film Council (kunsill ċinematografiku tar-Renju Unit).

12.      Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1990 u l-31 ta’ Mejju 1996 (iktar ’il quddiem il-“perjodu kontenzjuż”), il-British Film Institute ħallas il-VAT bir-rata normali fuq is-servizzi ta’ għoti tad-dritt għad-dħul għal wiri ta’ films organizzat fin-National Film Theatre kif ukoll fl-okkażjoni ta’ festivals differenti ta’ films.

13.      Peress li kien iqis li dawn is-servizzi kienu jikkostitwixxu “servizzi kulturali” skont is-sens tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva u li, għalhekk, l-imsemmija servizzi kellhom ikunu eżentati mill-VAT, il-British Film Institute ressaq talba bil-għan li jingħata r-rimbors tal-VAT li ħallas matul il-perijodu kontenzjuż. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2009, Her Majesty’s Revenue and Customs (amministrazzjoni tat-taxxa u tad-dwana tar-Renju Unit) ċaħdet din it-talba. Din l-amministrazzjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha meta din reġgħet ġiet eżaminata fit-3 ta’ Frar 2010.

14.      Il-British Film Institute għaldaqstant ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti tal-ewwel istanza (awla tat-taxxa), ir-Renju Unit]. Din tal-aħħar, bid-deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2012, iddeċidiet li l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva kellu effett dirett, bil-konsegwenza li s-servizzi li jikkonsistu fl-għoti tad-dritt għad-dħul għal wiri ta’ films ipprovdut mill-konvenut fil-kawża prinċipali matul il-perijodu kontenzjuż kienu eżentati fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

15.      L-amministrazzjoni tat-taxxa u tad-dwana tar-Renju Unit appellat mid-deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2012 quddiem l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) [qorti superjuri (awla tat-taxxa u taċ-chancery, ir-Renju Unit]. Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Awwissu 2014, din tal-aħħar ċaħdet l-appell. L-amministrazzjoni tat-taxxa u tad-dwana tar-Renju Unit għalhekk ġiet awtorizzata tressaq talba qudiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili)], li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

III – Id-domandi preliminari

16.      Il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili)] iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“i)      It-termini tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari fil-frażi “ċertu servizzi kulturali”, huma suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex l-Artikolu 13A(1)(n) ikollu effett dirett, b’tali mod li jeżenta l-provvisti ta’ servizzi kulturali minn korpi tad-dritt pubbliku jew korpi kulturali rikonoxxuti oħra, bħall-provvisti tal-parti konvenuta fil-kawża odjerna, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali traspożittiva?

ii)      It-termini tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari fil-frażi “ċertu servizzi kulturali”, jagħtu lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom permezz tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni u, jekk dan huwa l-każ, x’diskrezzjoni hija?

iii)      Il-konkolużjonijiet marbuta mad-domandi preċedenti japplikaw ukoll għall-Artikolu 132(1)(n) tad-direttiva [2006/112]?”

IV – L-analiżi tiegħi

17.      Peress li fil-kawża odjerna, il-perijodu kontenzjuż jinsab bejn l-1 ta’ ta’ Jannar 1990 u l-31 ta’ Mejju 1996 u peress li l-Artikolu 413 tad-Direttiva 2006/112 jindika li din tal-aħħar għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, inqis li din id-direttiva ma hijiex applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża principali. Għalhekk, ma huwiex rilevanti li tingħata risposta għall-aħħar domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-Artikolu 132 (1)(n) tal-imsemmija direttiva.

18.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li fl-opinjoni tiegħi għandha tiġi indirizzata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tfittex li tkun taf jekk l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ċertu servizzi kulturali” jinkorpora l-provvisti ta’ servizzi kulturali kollha jew jekk iħallix f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw liema provvisti ta’ servizzi kulturali jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-VAT.

19.      L-ewwel nett, fl-opinjoni tiegħi, jista’ jiġi eskluż milli jiġi kkunsidrat, kif qed isostni l-konvenut fil-kawża prinċipali, li l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jeżentaw il-provvisti ta’ servizzi kulturali kollha. L-għażla biss tal-kelma “ċertu” minflok “kollha” jew “is-ˮ turi biżżejjed li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jagħmel din l-eżenzjoni waħda ġenerali għas-servizzi kollha, iżda biss li jipprevedi tali eżenzjoni għal xi wħud minnhom.

20.      F’dan ir-rigward ma hemm ebda dubju li bl-użu tal-kelma “ċertu”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħalli lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeċiedu liema provvisti ta’ servizzi kulturali jistgħu jiġu eżentati mill-VAT.

21.      Kif tispeċifika l-Kummissjoni Ewropea, jirriżulta mix-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni tas-Sitt Direttiva li, inizjalment, kien ġie propost li tiġi stabbilita lista eżawrjenti tal-provvisti ta’ servizzi kulturali li jistgħu jiġu eżentati mill-VAT. Din kienet speċifikament tirrigwarda l-provvisti ta’ servizzi minn teatri, klabbs taċ-ċinematografija, swali tal-kunċerti, mużewijiet, bibjoteki, parkijiet pubbliċi, ġonna botaniċi jew żooloġiċi, wirjiet edukattivi kif ukoll l-operazzjonijiet li jkunu saru fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ interess kollettiv ta’ natura soċjali, kulturali jew edukattiva (4). Għandu jiġi kkonstatat li din il-proposta ma ġietx aċċettata mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

22.      Barra minn hekk, ninnota li, fl-ewwel rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Artikolu 34 tas-Sitt Direttiva (77/388/KEE) tas-17 ta’ Mejju 1977 (5), il-Kummissjoni, li kienet enfasizzat il-kliem mhux preċiż tal-Artikolu 13A (1)(m) u (n) tas-Sitt Direttiva, indikat dan li ġej, jiġifieri: “[j]idher paradossali li jiġu introdotti każijiet ta’ eżenzjoni obbligatorja li s-sustanza tagħhom titħalla għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru”. Il-proposta li tiġi emendata s-Sitt Direttiva li segwiet dan ir-rapport, konsegwentement kienet tippreżenta bidla ta’ dan it-test. Għal darb’oħra, il-Kummissjoni pproponiet lista eżawrjenti tal-provvisti ta’ servizzi kulturali li setgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-VAT (6). Madankollu, din il-bidla ma ġietx aċċettata mill-Istati Membri.

23.      Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi kulturali ma huwiex sorprendenti. Fil-fatt, it-tradizzjonijiet kulturali u l-patrimonji reġjonali huma varjati ħafna fl-Unjoni Ewropea u xi drabi fl-istess Stat Membru. Jeżistu kulturi daqs kemm hemm Stati Membri. Għaldaqstant, loġikament, dawn tal-aħħar jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jidentifikaw l-aħjar provvisti ta’ servizzi kulturali li jagħqdu l-interess pubbliku, filwaqt li nfakkar li l-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva jirreferi għall-eżenzjonijiet favur ċertu attivitajiet ta’ interess pubbliku.

24.      Inżid li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-konvenut fil-kawża prinċipali matul is-seduta, fil-kuntest tar-replika tiegħu, ma naħsibx li, sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(n) ta’ din id-direttiva, hija importanti biss in-natura tal-korp li qed jipprovdi s-servizzi, jiġifieri korp tad-dritt pubbliku jew korpi kulturali oħra rrikonoxxuti mill-Istat Membru. Il-konvenut fil-kawża prinċipali, fil-fatt jidher li jammetti li, mill-mument tal-provvista tas-servizz inkwistjoni minn dan it-tip ta’ korp, dan tal-aħħar jibbenefika awtomatikament mill-eżenzjoni. Issa, għalkemm il-kwalità ta’ fornitur ta’ servizzi kulturali, effettivament hija kundizzjoni għall-għoti ta’ din l-eżenzjoni, in-natura tal-provvista tas-servizzi msemmija f’din id-dispożizzjoni, hija oħra. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li l-korp li jipprovdi s-servizzi kulturali jkun korp tad-dritt pubbliku jew irrikonoxxut bħala korp kulturali mill-Istat Membru kkonċernat sabiex il-provvista tiġi eżentata mill-VAT, iżda jeħtieġ ukoll li din il-provvista, kif rajna qabel, tkun irrikonoxxuta bħala eliġibbli minn dan l-Istat.

25.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament fakkret li l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jevitaw differenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (7). Ukoll skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat fil-kitba tal-eżenzjonijiet imsemmija għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li huma jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (8).

26.      Għalhekk, kif għandu jiġi rrikonċiljat il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-eżenzjoni ta’ ċertu provvisti ta’ servizzi kulturali ma’ din il-ġurisprudenza?

27.      Fl-opinjoni tiegħi, ikun għalxejn, speċjalment minħabba r-raġunijiet invokati qabel, li tingħata definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċertu servizzi kulturali”. Għall-kuntrarju, inqis li l-eżerċitar ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jiddisponu minnha l-Istati Membri huwa essenzjalment iggwidat mill-għanijiet li għandha s-Sitt Direttiva kif ukoll mill-prinċipji li jirregolaw il-VAT.

28.      Għalhekk, infakkar li l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi eżenzjonijiet mill-VAT, huwa eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 2 tal-istess direttiva, li b’mod partikolari jindika li l-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi, li jsiru bi ħlas fi ħdan il-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, huma suġġetti għall-VAT (9). Għaldaqstant, ir-regola ġenerali hija l-issuġġettar għall-VAT ta’ dawn is-servizzi.

29.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva għandu l-għan li jeżenta mill-VAT ċertu attivitajiet ta’ interess ġenerali u mhux dawn l-attivitajiet kollha (10).

30.      Għalhekk, ma hemmx dubju li, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-provvisti ta’ servizzi kulturali li jistgħu jiġu eżentati mill-VAT, għall-kuntrarju dawn tal-aħħar ma jistgħux jeskludu s-servizzi kollha li jaqgħu taħt din il-kategorija.

31.      Barra minn hekk, infakkar li l-eżenzjonijiet elenkati fl-Artikolu 13A(1)(h) sa (p) ta’ din id-direttiva huma mmirati għal korpi li jaġixxu fl-interess pubbliku f’settur soċjali, kulturali, reliġjuż u sportiv jew f’settur simili. Għalhekk, l-għan tagħhom huwa li jagħtu vantaġġ, fil-kuntest tal-VAT, lil ċertu korpi li l-attivitajiet tagħhom huma orjentati għal finijiet mhux kummerċjali (11).

32.      Barra minn hekk, meta l-leġiżlaturi nazzjonali jiddeċiedu liema provvisti ta’ servizzi kulturali jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT, huma għandhom jagħmlu dan b’osservanza għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali, prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilit mid-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam (12). Differenza fit-trattament fir-rigward tal-VAT ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi jew simili mill-perspettiva tal-konsumatur u li jaqdu l-istess bżonnijiet tiegħu, hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur ta’ dan il-prinċipju (13). Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jinkludi t-tneħħija ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn trattament differenti mil-lat tal-VAT. Għalhekk, id-distorsjoni hija stabbilita meta jiġi kkonstatat illi provvisti ta’ servizzi jinsabu fi stat ta’ kompetizzjoni u huma ttrattati b’mod inugwali mil-lat tal-VAT (14).

33.      Fil-kawża prinċipali, nemmen li għalhekk huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni, jekk l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT fil-konfront tal-konvenut fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix jew le ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbel ma’ operaturi oħra li jipprovdu l-istess servizzi f’sitwazzjonijiet paragunabbli u li, huma stess jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva. Fl-opinjoni tiegħi, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol tal-konvenut fil-kawża prinċipali, li huwa li jippromwovi ċ-ċinema fir-Renju Unit, dik l-analiżi għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-punt 1, grupp 13 tal-Anness 9 tal-liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, li jipprevedi tali eżenzjoni għall-għoti, minn korpi pubbliċi jew minn korpi eliġibbli, ta’ dritt għad-dħul għal spettaklu teatrali, mużikali jew korjografiku ta’ natura kulturali.

34.      Fl-isfond ta’ dan, xieraq f’dan il-punt li neżaminaw l-ewwel domanda preliminari. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva, jistax ikun invokat direttament minn persuni taxxabbli quddiem il-qorti nazzjonali.

35.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru li huma, mil-lat tal-kontenut tagħhom, bla kundizzjoni u preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati fit-termini previsti, kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mad-Direttiva, jew ukoll sa fejn huma jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istat (15).

36.      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kontenut tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda indikazzjoni dwar liema attivitajiet jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT. Għall-kuntrarju, kif rajna, din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward. Għalhekk, jidhirli li huwa diffiċli li l-qrati nazzjonali jew awtoritajiet oħra jistgħu japplikaw immedjatament din id-dispożizzjoni jekk ma jkunux ġew implimentati miżuri speċifiċi mill-Istati Membri sabiex jiġi speċifikat il-kontenut tagħha. Kien ikun differenti kieku, bħal kif huwa l-każ għall-Artikolu 13A(1)(g) jew għall-Artikolu 13B(d) ta’ din id-direttiva, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet effett dirett (16), il-kliem użat kien ċar u preċiż li jagħti ftit lok għal dubju inkwantu għall-interpretazzjoni tiegħu, li għalhekk jippermetti li tiġi identifikata b’faċilità l-persuna taxxabbli li tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni.

37.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 13A (1)(n) tas-Sitt Direttiva ma għandux effett dirett. Konsegwentement, inqis li dan ma jistax jiġi invokat minn persuna taxxabbli quddiem qorti nazzjonali meta l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jittrasponi fit-terminu preskritt din id-direttiva fid-dritt nazzjonali.

V –    Konklużjoni

38.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili), ir-Renju Unit]:

1)      L-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/77/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ċertu servizzi kulturali”, iħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw liema provvisti ta’ servizzi kulturali jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

Jappartjeni lill-qorti nazzjonali sabiex b’mod partikolari tiddetermina, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni, jekk l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fil-konfront tal-konvenut fil-kawża prinċipali, tosservax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali u, b’mod partikolari, jekk tikkostitwixxix jew le ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbel ma’ operaturi oħra li jipprovdu l-istess servizzi f’sitwazzjonijiet paragunabbli u jgawdu mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud għal dawn is-servizzi.

2)      L-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 92/77, ma jistax jiġi invokat direttament minn persuna taxxabbli quddiem il-qorti nazzjonali meta l-Istat Membru kkonċernat ikun naqas milli jittrasponi fit-terminu preskritt din id-direttiva fid-dritt nazzjonali.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva 92/77/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu9, Vol 1, p. 202) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).


3–      Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).


4–      Ara l-proposta għal Sitt Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, COM(73) 950 finali, tal-20 ta’ Ġunju 1973 (Bulettin tal-Komunitajiet Ewropej, Suppliment 11/73, p. 42).


5–      COM(83) 426 finali.


6–      Ara l-proposta għal dsatax-il Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li temenda d-Direttiva 77/388/KEE – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, COM(84) 648 finali, tal-5 ta’ Diċembru 1984 (ĠU 1984, C 347, p. 5).


7–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi (C-350/10, EU:C:2011:532, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal ġurisprudenza iktar reċenti rigward l-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112, ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, National Exhibition Centre (C-130/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:357, punt 28).


8–      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi (C-350/10, EU:C:2011:532, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, National Exhibition Centre (C-130/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:357, punt 29).


9–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark (C-150/99, EU:C:2001:34, punt 19).


10–      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, Stichting Kinderopvang Enschede (C-415/04, EU:C:2006:95, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk (C-18/12, EU:C:2013:95, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11–      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Kennemer Golf (C-174/00, EU:C:2002:200, punt 19).


12–      Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2015, GST – Sarviz Germania (C-111/14, EU:C:2015:267, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13–      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group (C-259/10 u C-260/10, EU:C:2011:719, punt 36).


14–      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, A (C-33/11, EU:C:2012:482, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15–      Ara s-sentenzi tas-6 ta’Novembru 2003, Dornier (C-45/01, EU:C:2003:595, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16–      Ara, rispettivament is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, EU:C:2002:473, punti 52 et seq) kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punti 17 et seq).