Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Mejju 2021 (1)

Kawża C-545/19

Allianzgi-Fonds Aevn

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni fiskali diretta u libertajiet fundamentali – Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni ta’ dividendi mħallsa lill-organi ta’ investiment kollettiv – Trattament differenti bejn organi ta’ investiment kollettiv residenti u mhux residenti – Diskriminazzjoni permezz ta’ metodu ieħor ta’ tassazzjoni – Paragunabbiltà fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital – Ġustifikazzjoni ta’ sistemi fiskali differenti – Garanzija ta’ tassazzjoni minima fl-Istat ta’ residenza – Proporzjonalità ta’ metodi oħra ta’ tassazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-moviment liberu tal-kapital jobbliga lil Stat Membru jintaxxa strumenti ta’ investiment residenti u mhux residenti skont l-istess sistema fiskali? Hija din id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb f’din il-kawża. Fil-fatt, fl-eżekuzzjoni tal-awtonomija fiskali tiegħu, il-Portugall għażel li jibqa’ japplika t-tassazzjoni klassika tad-dħul mill-kapital permezz tat-taxxa fuq il-kumpanniji b’applikazzjoni f’ras il-għajn jekk dawn il-kumpanniji ma jkunux suġġetti għal taxxa fuq il-kumpanniji jew għal rata baxxa ta’ taxxa fuq il-kumpanniji fl-Istat ta’ residenza tagħhom, fil-każ ta’ strumenti ta’ investiment mhux residenti.

2.        Min-naħa l-oħra, l-istrumenti ta’ investiment residenti huma ntaxxati skont approċċ ieħor tas-sistema fiskali (il-Portugall jikklassifika dan bħala tip ta’ tassazzjoni tal-ħruġ). Kull tliet xhur, dawn jiġu ntaxxati permezz tal-hekk imsejħa taxxa tal-boll imposta fuq l-assi netti kollha (u għalhekk id-dħul mhux imqassam tad-dividendi wkoll) tal-istrumenti ta’ investiment. Għal dan il-għan, id-dħul tad-dividendi kkonċernati ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji (lanqas permezz tat-tnaqqis tat-taxxa f’ras il-għajn). Għaldaqstant, huwa biss fil-mument tal-ħlas tad-dividendi lill-investitur li dawn tal-aħħar jiġu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul Portugiża.

3.        Għalhekk, għalkemm il-Portugall jintaxxa l-istrumenti ta’ investiment mhux residenti u dawk residenti b’mod ugwali, madankollu dan iseħħ b’mod differenti. Dan ċertament jimplika wkoll differenzi fil-piż tat-taxxa f’sens jew ieħor. Jekk l-ebda dividend ma jitqassam lill-istrument ta’ investiment, il-piż tat-taxxa tal-istrument ta’ investiment nazzjonali jkun nettament ogħla. Jekk jitqassmu dividendi lill-istrument ta’ investiment, l-istampa tkun diġà tidher differenti. Madankollu, dan ikun il-każ biss jekk il-persuna taxxabbli barranija ma tkunx intaxxata fl-Istat ta’ residenza tagħha jew tkun suġġetta għal taxxa b’rata baxxa.

4.        Peress li l-libertajiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni fiskali jipprojbixxu “biss” diskriminazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni transkonfinali, jeħtieġ li hawnhekk tiġi pparagunata t-tassazzjoni tal-istrumenti ta’ investiment residenti ma’ dik tal-istrumenti mhux residenti. Armonizzazzjoni tat-taxxi fuq id-dħul tkun utli, iżda tali armonizzazzjoni għadha nieqsa. Dan iqajjem it-tieni kwistjoni dwar jekk il-moviment liberu tal-kapital jistax jirrimedja dan jew jekk, fin-nuqqas ta’ paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet, humiex ukoll possibbli sistemi ta’ tassazzjoni differenti skont ir-residenza u skont l-Istat Membru u jekk jeħtieġx ukoll li tiġi ttollerata ċerta inugwaljanza fl-impożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Ir-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jirriżultaw mit-TFUE. Il-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikoli 63 u 65 TFUE għandu importanza partikolari f’dan ir-rigward.

6.        L-Artikolu 65(1)(a) u (3) TFUE jipprovdi kif ġej:

“1. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

a) li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit. […]

3. Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63.”

B.      Id-dritt tat-trattati internazzjonali

7.        L-Artikolu 10 tal-Ftehim dwar it-Taxxa Doppja (iktar ’il quddiem “FTD”) bejn ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jiddetermina f’liema Stat huwa rrikonoxxut id-dritt għat-tassazzjoni tal-benefiċjarju tad-dividendi:

“(1) Id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti fi Stat kontraenti lil resident tal-Istat kontraenti l-ieħor huma taxxabbli f’dan l-Istat tal-aħħar.

(2) Madankollu, dawn id-dividendi jistgħu jiġu ntaxxati wkoll skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat kontraenti fejn tkun stabbilita l-kumpannija li tħallas id-dividendi, iżda jekk il-benefiċjarju tad-dividendi jkun il-benefiċjarju effettiv, it-taxxa hekk imposta ma tistax teċċedi l-15 % tal-ammont gross tad-dividendi. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati kontraenti għandhom jiddeterminaw bi qbil komuni l-mod ta’ kif għandha tiġi implimentata din id-dispożizzjoni ta’ restrizzjoni. Dan il-paragrafu ma jaffettwax it-tassazzjoni tal-kumpannija fir-rigward tal-profitti li minnhom jitħallsu d-dividendi.”

C.      Id-dritt Portugiż

8.        Skont il-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni legali Portugiża rilevanti matul is-snin kontenzjużi kienet is-segwenti.

9.        Fil-prinċipju, il-Portugall jintaxxa, bħala dħul mill-kapital, il-ħlas ta’ dividendi ta’ kumpannija residenti fil-Portugall lil kumpannija oħra residenti jew mhux residenti skont it-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata ta’ 25 %, abbażi tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji (2). Din it-taxxa fuq il-kumpanniji titħallas lill-Istat Portugiż permezz ta’ tnaqqis tat-taxxa f’ras il-għajn mill-kumpannija distributriċi.

10.      Madankollu, skont l-Artikolu 14(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, id-dividendi mħallsa lill-investituri barranin fil-forma legali ta’ kumpannija huma, bħala prinċipju, eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Istat tas-sors, il-Portugall. Teżisti eċċezzjoni biss jekk huma jiġu ntaxxati fl-Istat ta’ residenza b’inqas minn 60 % tar-rata attwali tat-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli fil-Portugall.

11.      Bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 7/2015 tat-13 ta’ Jannar 2015, ġiet irriformata s-sistema fiskali għal investimenti kapitali kollettivi. Minn dak iż-żmien, l-Artikolu 22 tal-Istatut tal-Benefiċċji Fiskali (3) (iktar ’il quddiem l-“EBF”) beda jipprevedi eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji fuq dħul mill-kapital għal ċerti impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (iktar ’il quddiem “IIKTT”). Huwa jipprovdi:

“(1) Il-fond immobiljari u ta’ titoli trasferibbli kkostitwiti u operabbli skont il-leġiżlazzjoni Portugiża, kif ukoll il-kumpanniji ta’ investiment f’titoli trasferibbli u immobiljari huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji skont dan l-artikolu. […]

(3) Waqt il-kalkolu tal-profitti taxxabbli, id-dħul ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikoli 5 (dħul mill-kapital), 8 (kiri u lokazzjoni) u 10 (qligħ kapitali) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (4) […].

(8) Ir-rati tat-taxxa speċifiċi previsti fl-Artikolu 88 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-kuntest ta’ din il-leġiżlazzjoni. […]”

12.      L-Artikolu 22(10) tal-EBF iżid eżenzjoni mill-obbligu tal-kumpannija distributriċi, li żżomm it-taxxa f’ras il-għajn, mal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji tad-dħul mill-kapital. Huwa jipprovdi:

“Ma hemmx obbligu li t-taxxa fuq il-kumpanniji titnaqqas f’ras il-għajn fir-rigward tad-dħul tal-persuni taxxabbli msemmija fil-paragrafu 1.”

13.      Madankollu, id-dħul ta’ IIKTT, ikkostitwita u operabbli taħt il-leġiżlazzjoni Portugiża, skont l-Artikolu 88(11) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, bi ksur tal-Artikolu 22(3) tal-EBF, ma jitqiesx bħala eżenti mit-taxxa matul l-ewwel sena wara l-akkwist tal-ishma. Fil-fatt, dan jipprovdi:

“Il-profitti mqassma minn kumpanniji, suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, lil persuni taxxabbli li jibbenefikaw minn eżenzjoni totali jew parzjali, inkluż, f’dan il-każ, mid-dħul mill-kapital, huma speċifikament intaxxati b’rata ta’ 23 % jekk l-ishma li jkunu ġġeneraw il-profitti ma jkunux inżammu b’mod kontinwu mill-istess persuna taxxabbli u mhux għaż-żmien neċessarju għat-twettiq ta’ dan il-perijodu matul is-sena ta’ qabel id-data tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom.”

14.      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 7/2015 tat-13 ta’ Jannar 2015 wassal ukoll għal emendi fil-Código do Imposto do Selo (il-Kodiċi tat-Taxxa tal-Boll) u fir-reġistru tat-taxxi tal-boll li huwa anness miegħu, li jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar l-ammont taxxabbli. Biż-żieda tal-Parti 29 tal-Anness Ġenerali dwar it-Taxxa tal-Boll, it-tassazzjoni tal-assi netti kollha tal-impriżi ta’ investiment kollettiv, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-EBF, għandha tiġi imposta skont ir-rati ta’ taxxa previsti minn din id-dispożizzjoni.

15.      IIKTT, ikkostitwita u operabbli taħt il-leġiżlazzjoni Portugiża, hija għalhekk suġġetta, sa mill-introduzzjoni tal-Artikolu 22 tal-EBF, għal taxxa estiża fuq l-atti legali rreġistrati (iktar ’il quddiem “taxxa tal-boll”). Din hija taxxa mħallsa kull tliet xhur b’0.0125 % tal-valur totali nett tal-IIKTT. F’dan ir-rigward, id-dividendi rċevuti, li kienu għadhom ma komplewx jitqassmu lill-investituri tal-IIKTT, huma inklużi fl-ammont taxxabbli.

III. Il-kawża prinċipali

16.      Allianzgi-Fonds Aevn (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) huwa impriża ta’ investiment kollettiv (IIKTT) stabbilita fil-Ġermanja u jirċievi dħul mill-kapital fil-forma ta’ dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fil-Portugall. IIKTT hija fond ta’ investiment li l-qafas ġuridiku tiegħu huwa ddefinit mid-Direttiva 2009/65/KE (5). Tali IIKTT għandha l-għan li tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-investituri privati fis-suq tat-titoli trasferibbli.

17.      Id-dividendi mħallsa lil IIKTT, li hija kkostitwita taħt il-leġiżlazzjoni Portugiża, huma bħala prinċipju eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Għalhekk, ma jagħmilx differenza jekk l-investitur privat jixtrix direttament azzjonijiet jew jekk jinvestix indirettament f’kumpannija oħra permezz ta’ IIKTT. F’dan ir-rigward, il-Portugall ma jimponix, fil-livell tal-IIKTT, it-tqassim min-naħa ta’ kumpanniji lil IIKTT residenti, li min-naħa tagħha tqassam lill-investituri tagħha. Minflok, IIKTT ikkostitwita u operabbli taħt il-leġiżlazzjoni Portugiża hija suġġetta għal taxxa tal-boll kull tliet xhur li, għall-finijiet ta’ impożizzjoni, tiġi imposta kemm fuq il-kumplament tal-valur totali nett, kif ukoll fuq id-dividendi mhux distribwiti.

18.      Madankollu, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji fuq il-qligħ kapitali rċevut mill-IIKTT ma tapplikax għar-rikorrent, peress li dan ma huwiex ikkostitwit u operabbli taħt il-leġiżlazzjoni Portugiża. Dan huwa possibbli biss li kieku kellu s-sede tiegħu jew stabbiliment fiss fil-Portugall u li kieku kien jissodisfa ċerti kundizzjonijiet oħra previsti mil-leġiżlazzjoni Portugiża. Għaldaqstant, ir-rikorrent huwa suġġett għall-iskema ġenerali tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji. B’hekk, fl-2015 u l-2016, id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji Portugiżi lir-rikorrent ġew suġġetti għal taxxa Portugiża fuq il-kumpanniji, li tammonta għal 25 % u li tnaqqset f’ras il-għajn mill-kumpanniji distributuri. Dawn min-naħa tagħhom ħallsuha lill-awtorità tat-taxxa Portugiża.

19.      Madankollu, skont il-FTD konkluż bejn il-Portugall u l-Ġermanja, il-Portugall jista’ jintaxxa d-dħul mill-kapital ta’ IIKTT residenti fil-Ġermanja sa massimu ta’ 15 % biss. Konsegwentement, il-Portugall irrimborsa fuq talba tar-rikorrent parti mit-taxxa miżmuma għall-2015. Ma jidhirx li r-rikorrent ressaq talba f’dan is-sens għall-2016.

20.      L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, prevista mil-leġiżlazzjoni Portugiża għad-dividendi mħallsa lil kumpanniji stabbiliti barra mill-pajjiż skont l-Artikolu 14(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, hija eskluża mit-trattament fiskali ta’ IIKTT fil-Ġermanja. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, IIKTT stabbilita fil-Ġermanja hija eżentata hemmhekk ukoll mit-taxxa fuq il-kumpanniji.

21.      Kuntrarjament għall-Portugall, il-Ġermanja tqis, għas-snin inkwistjoni, IIKTT bħala “persuna taxxabbli” trasparenti, jiġifieri ma hijiex l-IIKTT, iżda l-investitur direttament li jiġi ntaxxat. Madankollu, din it-tassazzjoni ma hijiex limitata għall-ammont tad-dħul imqassam lill-investituri, iżda għall-ammont tad-dħul tal-IIKTT pro rata li jiġi imputat lilhom (l-hekk imsejħa tassazzjoni trasparenti). Fl-aħħar mill-aħħar, dan għandu jiżgura ugwaljanza fit-trattament ma’ investiment dirett.

22.      Peress li IIKTT ma hijiex responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Ġermanja, it-taxxa Portugiża fuq il-kumpanniji lanqas ma tista’ tiġi imputata fil-livell tagħha. Minflok, imputazzjoni pro rata tat-taxxa Portugiża tista’ sseħħ biss fuq it-taxxa korrispondenti tal-investituri skont l-Artikolu 4(2) tal-Investmentsteuergesetz (il-Liġi Ġermaniża dwar it-Taxxa fuq l-Investiment), fil-verżjoni applikabbli tagħha dak iż-żmien (6). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għarfien tal-kwistjoni dwar jekk l-investituri tar-rikorrent għamlux użu minn din il-possibbiltà.

23.      Ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra l-avviżi ta’ aġġustament Portugiżi li taw lok għat-tnaqqis f’ras il-għajn tat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin finanzjarji 2015 u 2016, li tagħhom huwa talab l-annullament kif ukoll ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn imputata. L-amministrazzjoni fiskali kompetenti ma laqgħetx din it-talba. Min-naħa l-oħra, ir-rikors ta’ arbitraġġ tressaq quddiem is-Centro de Arbitragem Administrativa (il-Qorti ta’ Arbitraġġ Fiskali, il-Portugall).

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2019, il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-[Artikolu 63 TFUE] dwar il-moviment liberu tal-kapital, jew l-[Artikolu 56 TFUE] dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jipprekludu skema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita mill-Artikolu 22 tal-[EBF] li jipprevedi t-taxxa f’ras il-għajn ta’ natura liberatorja fuq id-dividendi rċevuti minn kumpanniji Portugiżi favur l-[organi ta’ investiment kollettiv] mhux residenti fil-Portugall u stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, fl-istess waqt li l-[organi ta’ investiment kollettiv] ikkostitwiti bis-saħħa tal-leġizlazzjoni fiskali Portugiża u residenti fiskali fil-Portugall jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq tali dħul?

2.      Billi pprovdiet taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lill-[organi ta’ investiment kollettiv] mhux residenti u billi rriżervat għall-[organi ta’ investiment kollettiv] residenti l-possibbiltà li jiksbu eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq trattament sfavorevoli fil-konfront tad-dividendi mħallsa lill-[organi ta’ investiment kollettiv] mhux residenti, ladarba ma tingħata ebda possibbiltà lil dawn tal-aħħar ikollhom aċċess għal eżenzjoni simili?

3.      Il-qafas fiskali tad-detenturi ta’ ishma tal-[organi ta’ investiment kollettiv] huwa rilevanti għal skopijiet ta’ evalwazzjoni tan-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni Portugiża, fid-dawl tal-fatt li din tipprevedi trattament fiskali awtonomu u distint

(i) għall-[organi ta’ investiment kollettiv] (residenti) u

(ii) għad-detenturi ta’ ishma rispettivi tal-[organi ta’ investiment kollettiv]? Jew, fid-dawl tal-fatt li s-sistema fiskali tal-OIC ma hijiex, għal kollox, immodifikata jew affettwata biċ-ċirkustanza dwar jekk il-parteċipanti rispettivi humiex residenti fil-Portugall jew le, l-evalwazzjoni tal-paragunibbiltà tas-sitwazzjonijiet għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni msemmija għandha sseħħ sempliċement b’riferiment għat-taxxa applikabbli fuq il-livell tal-istrument ta’ investiment?

4.      Differenza fit-trattament bejn [organi ta’ investiment kollettiv] residenti u mhux residenti fil-Portugall hija ammissibbli, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti fil-Portugall, sew jekk ikunu detenturi ta’ ishma ta’ [organi ta’ investiment kollettiv] (residenti jew mhux residenti) huma, fiż-żewġ każijiet, suġġetti wkoll (bħala regola, ma humiex eżentati) għal taxxa fuq id-dħul iddistribwit mill-[organi ta’ investiment kollettiv], fejn id-detenturi ta’ ishma f’[organi ta’ investiment kollettiv] mhux residenti huma suġġetti għal taxxa ogħla?

5.      Fid-dawl tal-fatt li d-diskriminazzjoni analizzata f’din it-tilwima tirrigwarda differenza fit-taxxa fuq id-dħul relatat ma’ dividendi ddistribwiti mill-[organi ta’ investiment kollettiv] residenti lid-detenturi rispettivi ta’ ishma fl-[organi ta’ investiment kollettiv], huwa leġittimu, b’effett tal-analiżi tal-paragunabbiltà tat-taxxa fuq id-dħul, li jittieħdu inkunsiderazzjoni taxxi, ħlasijiet jew kontribuzzjonijiet dovuti fl-ambitu tal-investimenti magħmula mill-[organi ta’ investiment kollettiv]? B’mod partikolari, huwa leġittimu u ammissibbli, b’effett tal-analiżi tal-paragunabbiltà, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt assoċjat ma’ taxxa fuq il-patrimonju, fuq spejjeż jew oħrajn, u mhux strettament it-taxxa fuq id-dħul tal-[organi ta’ investiment kollettiv], inklużi eventwali taxxi speċifiċi?”

25.      Wara talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju għamlet sottomissjonijiet addizzjonali sabiex tippreċiża s-sitwazzjoni fiskali tal-IIKTT residenti u mhux residenti kif ukoll tal-investituri rispettivi tagħhom.

26.      Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari u sussegwentement dwar id-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

V.      Evalwazzjoni ġuridika

27.      Il-qorti tar-rinviju qiegħda tagħmel ħames domandi dwar il-kompatibbiltà ta’ regola fiskali Portugiża mal-libertajiet fundamentali. B’riżultat ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, permezz tad-domandi kollha magħmula, jekk it-tassazzjoni ta’ IIKTT irregolata mid-dritt barrani u stabbilita fi Stat Membru ieħor hijiex konformi mal-moviment liberu tal-kapital u mal-moviment liberu tas-servizzi, meta min-naħa l-oħra IIKTT stabbilita fil-Portugall u kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni Portugiża hija eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda hija suġġetta għal taxxa oħra, it-taxxa tal-boll. Għalhekk, id-domandi kollha jistgħu jitwieġbu b’mod konformi mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

A.      Fuq il-preċiżjoni tad-domanda u l-libertà fundamentali rilevanti

28.      Il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar jekk jikkostitwixxux ksur tal-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 63 TFUE) u tal-moviment liberu tas-servizzi (Artikolu 56 TFUE) l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji prevista fl-Artikolu 22(3) tal-EBF u l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn prevista fl-Artikolu 22(10) fir-rigward ta’ dividendi mħallsa lil IIKTT ikkostitwiti taħt id-dritt Portugiż stabbiliti fil-Portugall.

29.      Madankollu, analiżi iktar mill-qrib turi li l-ħlas ta’ dividendi lir-rikorrent huwa, bħala prinċipju, eżentat ukoll. Huwa biss l-Artikolu 14(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji li jeskludi din il-possibbiltà jekk u peress li r-rikorrent ma jkunx suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Istat ta’ residenza. Għaldaqstant, id-differenza fit-trattament tirriżulta mhux biss mis-sistema fiskali partikolari tal-IIKTT ikkostitwiti skont il-leġiżlazzjoni Portugiża fil-Portugall, iżda wkoll mill-Artikolu 14(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji. Dan huwa intiż, evidentement, sabiex jiżgura tassazzjoni minima tad-dħul mid-dividendi rċevuti minn kumpanniji stabbiliti barra mill-pajjiż.

30.      F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi ddeterminat fir-rigward ta’ liema libertà fundamentali għandha tiġi eżaminata din id-differenza fit-trattament. F’każ fejn qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ regola ma’ żewġ libertajiet fundamentali distinti, għandu jiġi ddeterminat minn qabel fid-dawl ta’ liema miż-żewġ libertajiet fundamentali għandha tiġi eżaminata din ir-regola. Skont ġurisprudenza stabbilita, din il-kwistjoni hija ddeterminata skont l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (7).

31.      Filwaqt li l-Artikolu 22(3) tal-EBF jeżenta lil IIKTT residenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji fuq il-ħlas tad-dividendi, l-Artikolu 22(10) tal-EBF jeżenta b’mod simetriku l-kumpanniji li jqassmu d-dividendi lill-IIKTT mill-obbligu li jżommu u li jittrasferixxu tali taxxa lill-awtorità tat-taxxa.

32.      Għalhekk, hija t-tassazzjoni tad-dividendi u mhux it-tassazzjoni tal-provvista ta’ servizzi li hija s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (8). Għaldaqstant, l-Artikolu 22(3) u (10) tal-EBF u l-Artikolu 14(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital. Peress li dawn huma dividendi minn hekk imsejħa sjieda mxerrda, lanqas ma tista’ tiġi invokata l-protezzjoni mogħtija mil-libertà ta’ stabbiliment (9). Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital biss, li tirriżulta mill-Artikolu 63 TFUE.

B.      Restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

33.      Fir-rigward tal-miżuri li huma pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, huma dawk il-miżuri, skont ġurisprudenza stabbilita, li huma intiżi sabiex jipprekludu persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jipprekludu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (10).

34.      Madankollu, fil-qasam tat-taxxi u l-imposti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn jikkostitwixxu per se piż u b’hekk dejjem inaqqsu l-attrazzjoni ta’ investiment ta’ kapital. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’bosta okkażjonijiet li r-regoli tal-Istati Membri dwar il-kundizzjonijiet u l-ammont ta’ tassazzjoni huma suġġetti għall-awtonomija fiskali tal-Istati Membri, sakemm it-trattament tas-sitwazzjoni transkonfinali ma jkunx diskriminatorju meta mqabbel mas-sitwazzjoni nazzjonali (11). Dan l-irtirar tad-densità ta’ kontroll fil-qasam fiskali, li l-Avukat Ġenerali Hogan irrefera espressament għalih (12), jikkorrispondi, wara analiżi iktar mill-qrib, għall-idea li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-hekk imsejħa ġurisprudenza “Keck” (13) tagħha sabiex ma teżaminax ir-restrizzjonijiet b’mod ġenerali (14).

35.      F’dan ir-rigward, jista’ jkun hemm restrizzjoni għall-moviment tal-kapital fid-dritt fiskali biss meta Stat Membru jittratta dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti b’mod inqas favorevoli minn dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti. Fil-fatt, dan jista’ jipprekludi lill-kumpanniji stabbiliti barra mill-pajjiż milli jinvestu fl-ewwel Stat Membru u b’hekk jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li, bħala prinċipju, hija pprojbita skont l-Artikolu 63 TFUE (15).

1.      Fuq l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni

36.      Skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma biss id-dividendi mħallsa lil IIKTT stabbilita barra mill-pajjiż li huma suġġetti għat-taxxa Portugiża fuq il-kumpanniji (anki jekk din ma hijiex intaxxata f’pajjiż barrani b’taxxa fuq il-kumpanniji b’rata ta’ mill-inqas 60 % tal-livell Portugiż). It-taxxa fuq il-kumpanniji tinġabar f’ras il-għajn permezz ta’ tnaqqis tat-taxxa. Madankollu, dan ma huwiex il-każ ta’ IIKTT stabbilita skont il-leġiżlazzjoni Portugiża u li għandha s-sede tagħha fil-Portugall, skont l-Artikolu 22(3) u (10) tal-EBF.

37.      Ċertament, hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jorganizza, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, is-sistema tiegħu ta’ tassazzjoni tat-tqassim tal-profitti u, f’dan il-kuntest, li għandu jiddetermina l-ammont taxxabbli applikabbli għall-azzjonist u r-rata ta’ tassazzjoni applikabbli għalih (16). Minn dan isegwi li, sabiex jippromwovu l-użu ta’ IIKTT, l-Istati Membri huma liberi li jipprevedu sistema fiskali partikolari għal dawn l-impriżi u għad-dividendi li huma jirċievu kif ukoll li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet materjali u formali li jeħtieġ li jiġu ssodisfatti sabiex l-impriżi jibbenefikaw minn tali sistema (17).

38.      Madankollu, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw l-awtonomija fiskali tagħhom b’osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari ta’ dawk previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital (18). Konsegwentement, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tassazzjoni partikolari għall-IIKTT skont ir-residenza tagħhom ma tistax tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

a)      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fir-rigward ta’ analiżi iżolata tat-tassazzjoni fuq il-kumpanniji tal-IIKTT

39.      Għalhekk, prima facie, bl-argument tal-Kummissjoni u tar-rikorrent, jista’ jitqies li l-leġiżlazzjoni msemmija iktar ’il fuq hija intiża sabiex tipprekludi lil IIKTT stabbilita fi Stat Membru ieħor milli tinvesti f’kumpanniji stabbiliti fil-Portugall.

40.      Fil-fatt, ir-rikorrent ma jistax jiġi imputat fil-Ġermanja t-taxxa miġbura fil-Portugall, peress li, minħabba l-metodu ta’ tassazzjoni trasparenti fil-Ġermanja (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 21 u 22), huwa ma jistax jiġi ntaxxat bit-taxxa fuq il-kumpanniji wkoll. Ċertament li skont il-FTD bejn il-Ġermanja u l-Portugall, ir-rikorrent jista’ jiġi rrimborsat, fuq talba tiegħu, parti mit-taxxa miżmuma mill-awtorità tat-taxxa Portugiża. Xorta jibqa’ l-fatt li d-dividendi rċevuti mill-kumpanniji Portugiżi huma, fi kwalunkwe każ, suġġetti għal taxxa Portugiża fuq il-kumpanniji ta’ 15 %. Min-naħa l-oħra, id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji Portugiżi lil IIKTT residenti fil-Portugall ma humiex suġġetti għal dan il-piż.

41.      Dan inaqqas l-ammont tad-dħul mill-kapital u, għaldaqstant, il-profittabbiltà tal-investiment tar-rikorrent f’kumpanniji Portugiżi u għalhekk, wara analiżi iżolata, huwa intiż sabiex jipprekludi lir-rikorrent milli jinvesti fil-Portugall. Għalhekk, tkun tista’ tiġi kkonfermata restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

42.      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Pensioenfonds Metaal en Techniek (19), il-kwistjoni tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ma tiddependix biss formalment fuq l-eżenzjoni minn tip ta’ taxxa. Għall-kuntrarju, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fiskali kollu tat-tassazzjoni ta’ IIKTT u, għaldaqstant, għandha ssir analiżi globali (materjali).

b)      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni wara analiżi globali tat-tassazzjoni ta’ IIKTT fil-Portugall

1)      Eżenzjoni mit-taxxa vs tassazzjoni skont metodu ieħor

43.      Wara analiżi mill-qrib, ma hemmx eżenzjoni mit-taxxa ta’ IIKTT fil-Portugall. Għall-kuntrarju, fir-rigward tad-dividendi mqassma lilhom, l-IIKTT huma suġġetti biss għal żewġ metodi ta’ tassazzjoni differenti skont jekk humiex residenti jew le fl-Istat Membru tal-kumpannija distributriċi.

44.      Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jew mill-osservazzjonijiet addizzjonali tal-qorti tar-rinviju b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-osservazzjonijiet tal-Portugall, jirriżulta li, sa mill-2015, il-Portugall għażel sistema fiskali partikolari għall-IIKTT stabbiliti fit-territorju nazzjonali.

45.      L-irtirar tad-dħul mill-kapital tal-IIKTT residenti fit-territorju nazzjonali mit-taxxa fuq il-kumpanniji kien akkumpanjat bl-introduzzjoni ta’ taxxa tal-boll partikolari. Kif ikkonfermat il-qorti tar-rinviju, is-sistema fiskali partikolari prevista fl-Artikolu 22 tal-EBF għall-IIKTT residenti u t-taxxa tal-boll huma marbuta flimkien. It-taxxa tal-boll issostitwixxiet it-tassazzjoni fuq il-kumpanniji tal-ħlas tad-dividendi, applikata preċedentement. Hija tikkonċerna biss, kif tikkonferma l-qorti tar-rinviju, l-IIKTT residenti fil-Portugall. Skont il-Portugall, dan kien intiż sabiex tiġi implimentata tassazzjoni skont il-prinċipju tat-“tassazzjoni tal-ħruġ”.

46.      Nifhem din il-leġiżlazzjoni fis-sens li huwa biss fil-mument tal-ħlas lill-investitur li d-dividendi u l-assi l-oħra rċevuti mill-IIKTT huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-livell tiegħu. Fil-frattemp, dawn huma suġġetti kull tliet xhur għal taxxa oħra, it-taxxa tal-boll. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni tixbah ħafna lil dik li kienet il-bażi tas-sentenza Pensioenfonds Metaal en Techniek (20). F’din tal-aħħar, il-fondi ta’ pensjoni nazzjonali kienu ntaxxati permezz ta’ taxxa speċjali fuq id-dħul mill-kapital minflok it-taxxa normali fuq il-kumpanniji, tal-ewwel hija dderivata mill-assi wkoll u kienet titqies bl-istess mod bħala taxxa fuq l-assi mill-persuni kkonċernati (21).

47.      Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din it-taxxa tal-boll għandhiex effettivament titqies b’xi mod dommatiku, kif tenfasizza l-Kummissjoni, bħala tip ta’ taxxa fuq l-assi jew bħala taxxa speċjali fuq id-dħul ikkalkolata fuq il-bażi ta’ valur totali nett, huma wkoll dawk id-dividendi li jiġu ntaxxati li ma jiġux imqassma mill-ġdid (mhux distribwiti). Is-sistema fiskali Portugiża għalhekk tagħmel distinzjoni fir-rigward ta’ IIKTT residenti bejn, minn naħa, id-dħul mill-kapital mhux distribwit u, min-naħa l-oħra, dak li huwa mqassam mill-ġdid immedjatament. Barra minn hekk, din it-taxxa tkopri mhux biss id-dħul mid-dividendi mhux distribwit, iżda l-istokk tal-kapital kollu tal-IIKTT ukoll. B’dan il-mod, jiġu imposti l-ishma kollha, mhux biss dawk li jappartjenu għal kumpanniji Portugiżi.

48.      Anki fir-rigward tad-dividendi Portugiżi li huma immedjatament imqassma lill-investituri, l-IIKTT residenti hija ntaxxata bit-taxxa tal-boll minħabba l-ishma li huma l-bażi ta’ dawn id-dividendi. Madankollu, jekk l-istokk tal-kapital ferm ogħla jkun suġġett għal taxxa ħafna iktar baxxa (taxxa tal-boll) jew inkella jekk it-tqassim ħafna iktar baxx ikun suġġett għal taxxa ogħla minħabba l-istokk tal-kapital (15 % fuq il-ħlas tad-dividendi), fil-fehma tiegħi, din hija biss kwistjoni tal-metodu ta’ tassazzjoni. Fil-fatt, jekk l-istokk tal-kapital preċedenti għandu jibqa’ kostanti, it-taxxa tal-boll fuq id-dħul mid-dividendi (jekk wieħed jassumi li l-IIKTT ma għandha ebda dħul ieħor) jeħtieġ li titħallas ukoll. L-allegazzjoni repetuta mir-rikorrent li l-Portugall ma jintaxxax id-dividendi mħallsa lil IIKTT residenti għalhekk ma hijiex fondata. Fil-fatt, dan il-metodu l-ieħor ta’ tassazzjoni ma jbiddel xejn mill-fatt li IIKTT Portugiża stabbilita fil-Portugall hija ntaxxata fir-rigward tal-ishma tagħha f’kumpanniji Portugiżi.

49.      Dan jiddistingwi wkoll dan il-każ, kif ġustament jenfasizza l-Portugall, mill-każijiet li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Fidelity Funds (22) u Denkavit International u Denkavit France (23). F’dawn il-kawżi, l-Istat tas-sors irrinunzja għat-taxxa tal-IIKTT residenti, filwaqt li, f’dan il-każ, il-Portugall ma rrinunzjax għat-tassazzjoni, iżda applika metodu ta’ tassazzjoni differenti. Bħal fil-każ tas-sentenza Pensioenfonds Metaal en Techniek (24), għandu jittieħed dan il-metodu l-ieħor ta’ tassazzjoni inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk teżistix restrizzjoni.

50.      Għaldaqstant, il-grafika u l-kalkoli komparattivi ppreżentati mir-rikorrent lanqas ma huma konvinċenti. Ir-rikorrent qies, inter alia, li l-piż fiskali seta’ jiġi evitat awtomatikament permezz tal-involviment ta’ IIKTT Portugiża. Dan huwa biss parzjalment korrett. Minkejja li l-IIKTT involuta ma tkunx obbligata tħallas it-taxxa fuq il-kumpanniji fuq id-dividendi, hija jkollha madankollu tintaxxa l-istokk tal-kapital kollu tagħha kull tliet xhur, li jnaqqas ukoll b’mod definittiv id-dħul tal-investituri minn din l-IIKTT, fejn din it-taxxa tal-boll titħallas fuq id-dħul tal-IIKTT. Il-varjant l-iktar favorevoli jiddependi għalhekk fuq kemm ikun għoli l-ammont tad-dividend meta mqabbel mal-kapital. Matul is-snin li matulhom il-kumpannija Portugiża ma tqassam ebda dividend, l-“involviment” ta’ IIKTT residenti jkun pjuttost żvantaġġuż mill-perspettiva fiskali.

2)      Fuq it-tifsira tal-imputazzjoni sħiħa fl-Istat ta’ residenza

51.      Barra minn hekk, hemm ċirkustanza oħra li ftit li xejn ġiet ikkunsidrata fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet u li hija marbuta mal-għan ta’ IIKTT.

52.      Fil-fatt, IIKTT hija mezz ta’ investiment speċifiku intiż sabiex joffri lill-investituri privati l-possibbiltà li jinvestu fondi fis-suq tat-titoli trasferibbli mingħajr spiża amministrattiva addizzjonali, filwaqt li jibbenefikaw minn protezzjoni partikolari. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 3 tad-Direttiva 2009/65/KE u mir-restrizzjoni ta’ IIKTT għal ċerti klassi ta’ assi partikolari, mill-obbligi ta’ rapportar partikolari, mis-semplifikazzjoni tal-prospetti tal-bejgħ, mit-trasparenza tal-kost ikbar u mill-kontroll partikolari ta’ tali impriżi mill-awtoritajiet superviżorji.

53.       Sabiex l-investituri privati jaċċettaw li jidħlu fis-suq tat-titoli trasferibbli permezz ta’ tali IIKTT, ir-rikavat ma għandux ikun iktar baxx minn dak ta’ investiment dirett f’kumpannija. Konsegwentement, it-tassazzjoni ta’ IIKTT hija, bħala regola ġenerali, żviluppata b’tali mod li, mill-perspettiva finanzjarja, lill-investituri ma tagħmlilhomx differenza jekk jinvestux direttament jew inkella indirettament f’kumpannija bħala investituri ta’ IIKTT.

54.      Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-Ġermanja għażlet, għas-snin ikkontestati inkwistjoni, li IIKTT tiġi ttrattata bħala persuna taxxabbli trasparenti. Madankollu, dan għandu bħala konsegwenza li imputazzjoni tat-taxxa Portugiża fuq il-kumpanniji fil-livell tal-IIKTT hija eskluża per se. Minħabba dan il-metodu ta’ tassazzjoni (Ġermaniż), hija biss imputazzjoni fuq il-livell tal-investituri li hija possibbli. Madankollu, jekk dan jitwettaq fl-Istat ta’ residenza, f’dan il-każ fil-Ġermanja, dan l-investitur ma jiġix skoraġġut milli jinvesti f’IIKTT li tinvesti f’kumpanniji Portugiżi.

55.      Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni tal-imputazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn mill-Istat ta’ residenza hija wkoll kriterju determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trattament sfavorevoli (25). Madankollu, jekk għal raġunijiet sistematiċi fiskali, imputazzjoni ma hijiex possibbli fil-livell tal-IIKTT u tista’ ssir biss fil-livell tal-investituri, tali imputazzjoni hija rilevanti wkoll fil-livell tal-investituri daqs imputazzjoni fil-livell tal-IIKTT.

56.      Għalhekk, għalkemm il-Ġermanja effettivament tikkalkola l-input fiskali Portugiż (15 %) fuq l-obbligu tat-taxxa fuq id-dħul tal-investitur, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tista’ l-iktar l-iktar tkun kwistjoni ta’ differenza formali fit-trattament tal-IIKTT f’dan il-każ, iżda mhux ta’ differenza materjali fit-trattament tal-investituri. Peress li l-għan tal-IIKTT huwa biss li jippermetti lill-investituri aċċess għall-investimenti fis-suq tat-titoli trasferibbli, hija biss il-perspettiva tagħhom li hija determinanti.

57.      Min-naħa l-oħra, sa fejn ma sseħħ l-ebda imputazzjoni, hemm differenza fit-trattament permezz tal-metodu ta’ tassazzjoni differenti. Id-differenza bejn iż-żewġ metodi ta’ tassazzjoni tinsab b’mod partikolari fil-metodu ta’ kalkolu tal-ammont taxxabbli (l-istokk tal-kapital vs il-ħlas tad-dividendi), fir-rata nominali tat-taxxa (erba’ darbiet fis-sena, 0.0125 % vs darba f’każ ta’ distribuzzjoni, 15 %) u fil-modalitajiet tal-ġbir tat-taxxi (kull tliet xhur jew waqt il-ħlas tat-taxxa).

58.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, għandu sussegwentement jiġi eżaminat jekk tali differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi mħallsa lil IIKTT, skont jekk tirrigwardax IIKTT residenti jew mhux residenti, twassalx sabiex l-IIKTT mhux residenti jiġu ttrattati mhux biss b’mod differenti, iżda wkoll b’mod inqas favorevoli mill-IIKTT residenti (26).

59.      Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti li tista’ tiddeċiedi dwar il-fatti li hija adita bihom, li għandha tevalwa jekk, fir-rigward tad-dividendi inkwistjoni f’dan il-każ, l-applikazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn prevista mill-FTD bir-rata ta’ 15 % twassalx sabiex ir-rikorrent jsostni, fl-aħħar mill-aħħar, piż fiskali ikbar fil-Portugall minn dak impost fuq IIKTT residenti li tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti (jiġifieri bl-assi tiegħu) (27). F’dan ir-rigward, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (28), il-perijodu rilevanti huwa dak tas-sena fiskali partikolari.

2.      Konklużjoni

60.      Għalhekk, fil-każ li kellu jirriżulta li t-taxxa tal-boll ta’ kull tliet xhur, li hija imposta mhux biss fuq id-dividendi mhux imqassma iżda wkoll fuq l-istokk tal-kapital, tikkorrispondi għal piż fiskali paragunabbli b’rata ta’ 15 % tal-piż fuq id-dividendi mħallsa lir-rikorrenti, ma jkun hemm, a fortiori, ebda trattament sfavorevoli u, għaldaqstant, ebda restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Sa fejn il-leġiżlatur fiskali normalment ikollu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fil-konfigurazzjoni ta’ sistemi fiskali differenti, jidhirli li huwa suffiċjenti li l-livell ta’ tassazzjoni ma jkunx eżattament identiku, iżda pjuttost paragunabbli biss.

61.      F’dan il-każ, it-talba tar-rikorrent tkun għalhekk iktar simili għal “cherry-picking” (aġir li jikkonsisti fil-benefiċċju tal-vantaġġi kollha ta’ sitwazzjoni mingħajr l-iżvantaġġi), peress li huwa jitlob l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji bħala IIKTT residenti, iżda li, bħala ekwivalenti, ma jikkontribwixxix għat-tassazzjoni tat-taxxa tal-boll introdotta b’rabta mal-eżenzjoni. Madankollu, tali sitwazzjoni ma tirrikjedix ugwaljanza fit-trattament ma’ IIKTT residenti fit-territorju nazzjonali, iżda trattament preferenzjali. Fl-istess waqt, il-libertajiet fundamentali ma humiex intiżi li jiffavorixxu s-sitwazzjoni transkonfinali, iżda l-ugwaljanza fit-trattament “biss” (29).

62.      Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li t-taxxa tal-boll ta’ kull tliet xhur twassal, f’dan il-każ, għal trattament nettament iktar vantaġġuż ta’ IIKTT residenti fir-rigward tad-dritt fiskali, dan jista’ jipprekludi lill-IIKTT mhux residenti milli jagħmlu investimenti fl-Istat Membru kkonċernat u jikkostitwixxi, għalhekk, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.

C.      Dwar il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital

63.      F’dan l-aħħar każ, għandu jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni hijiex iġġustifikata. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (30), sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tiddistingwi bejn it-tassazzjoni ta’ persuni residenti u persuni mhux residenti tkun tista’ titqies bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li hija tipprevedi tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli (ara l-punt 2) jew li d-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara l-punt 3). L-eżami tal-moviment liberu tal-kapital huwa ggwidat mil-libertajiet fundamentali l-oħra fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-moviment liberu tal-kapital (ara l-punt 1).

1.      Fuq il-karatteristiċi partikolari tal-moviment liberu tal-kapital

64.      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal-libertajiet fundamentali l-oħra, il-moviment liberu tal-kapital jinvolvi limitazzjoni fuq l-ambitu ta’ protezzjoni tiegħu fil-qasam tar-restrizzjonijiet fiskali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li ma humiex fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom jew fir-rigward tal-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit. Dan jinftiehem ukoll fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesa’ tiegħu. B’differenza mil-libertajiet fundamentali l-oħra, il-moviment liberu tal-kapital ikopri wkoll is-sitwazzjonijiet ta’ Stat terz.

65.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni, sa fejn tikkostitwixxi eċċezzjoni mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għalhekk, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali, li tinvolvi distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post ta’ residenza tagħhom jew l-Istat Membru li fih dawn jinvestu l-kapital tagħhom, hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija fiha nnifisha limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 (TFUE)” (31).

66.      Konsegwentement, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi mill-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 65(3) TFUE (32). Madankollu, il-kriterji, li abbażi tagħhom tista’ ssir distinzjoni bejn dawn id-differenzi fit-trattament permessi (Artikolu 65(1)(a) TFUE) u d-diskriminazzjoni arbitrarja pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE jew ir-restrizzjoni moħbija, għadhom miftuħa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-kliem stabbilit li japplika wkoll għal-libertajiet fundamentali l-oħra kollha.

67.      Minn dan jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mal-libertajiet fundamentali, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li hija tipprevedi tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li huma ġġustifikati b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (33).

68.      Madankollu, jidhirli li hija dubjuża l-kwistjoni dwar jekk il-karatteristiċi partikolari msemmija iktar ’il fuq tal-moviment liberu tal-kapital jittiħdux suffiċjentement inkunsiderazzjoni f’dan il-każ. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pensioenfonds Metaal en Techniek, l-Avukat Ġenerali Szpunar qies (34) li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-karatteristiċi partikolari minħabba l-fatt li, bħala prinċipju, il-persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju nazzjonali u l-persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju nazzjonali ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli. Din il-konstatazzjoni tista’ tkun valida għall-ġurisprudenza preċedenti bħal fis-sentenza Schumacker. Ġie ppreċiżat ukoll li, fir-rigward tat-taxxi diretti, il-persuni residenti u l-persuni mhux residenti ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli (35).

69.      Madankollu, jekk tiġi eżaminata l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed jara tendenza pjuttost kuntrarja. Fil-fatt, huwa ppreċiżat li l-paragunabbiltà hija eżaminata biss fir-rigward tal-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (36). Għalhekk, il-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna hija eżaminata wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-libertajiet fundamentali l-oħra: taħt it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan (37) tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-finijiet u tal-kontenut tagħhom (38).

70.      Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li d-“diskriminazzjoni arbitrarja” (39) pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE għandha tiġi assimilata mad-diskriminazzjoni normali pprojbita fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali l-oħra fil-qasam fiskali, il-karatteristiċi partikolari msemmija iktar ’il fuq tal-moviment liberu tal-kapital ikunu jeħtieġu, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istati Membri, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iktar tard waqt l-ibbilanċjar fil-kuntest tat-test tal-proporzjonalità.

71.      F’dan ir-rigward, jiena tal-opinjoni li l-emenda magħmula mit-Trattat ta’ Maastricht (40) bl-inklużjoni tal-Artikolu 65 TFUE attwali naqset il-livell ta’ protezzjoni tal-moviment liberu tal-kapital meta mqabbel mar-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni fiskali. Minn dan isegwi li l-moviment liberu tal-kapital għandu, f’dawn il-każijiet, jingħata piż inqas importanti fl-ibbilanċjar mal-għanijiet ta’ differenzjazzjoni tal-Istati Membri milli fil-kuntest ta’ bbilanċjar ta’ dawn l-għanijiet mal-libertajiet fundamentali l-oħra (41). Fi kliem ieħor, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital permezz ta’ dispożizzjonijiet fiskali marbuta mal-post ta’ residenza tista’ tkun iġġustifikata iktar faċilment milli, pereżempju, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Ser nerġa’ nirreferi għal dan fil-kuntest tat-test tal-proporzjonalità.

2.      Paragunabbiltà tas-sitwazzjoni nazzjonali u dik barranija

72.      Kif imsemmi iktar ’il fuq, il-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni nazzjonali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-finijiet u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tikkorrispondix għal differenza oġġettiva tas-sitwazzjonijiet (42).

73.      Il-metodu ta’ tassazzjoni huwa bbażat hawnhekk fuq kriterju ta’ distinzjoni bbażat essenzjalment fuq il-post ta’ residenza tal-IIKTT li jirċievi d-dividendi. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-fini kif ukoll tal-għan u tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-IIKTT residenti u mhux residenti jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli.

74.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tassazzjoni li għaliha huma suġġetti l-IIKTT residenti għandha għan differenti minn dak tat-tassazzjoni applikata għall-IIKTT mhux residenti. Filwaqt li l-IIKTT residenti huma ntaxxati fuq l-assi kollha kkalkolati fuq il-bażi tal-valur totali nett tagħhom u japplikaw rata ta’ taxxa fissa, indipendentement mid-distribuzzjoni effettiva tad-dividendi matul is-sena fiskali kkonċernata, l-IIKTT mhux residenti huma ntaxxati biss fuq id-dividendi li huma rċevew fil-Portugall matul din is-sena fiskali.

75.      Dan il-metodu ta’ tassazzjoni partikolari jidher li jirriżulta mill-għan speċifiku ta’ IIKTT. Dan għandu bħala għan li joffri lill-investituri privati l-possibbiltà li jinvestu fis-suq tat-titoli trasferibbli mingħajr spiża amministrattiva addizzjonali, filwaqt li jibbenefikaw minn protezzjoni partikolari (ara l-punti 52 u 53 iktar ’il fuq).

76.      Madankollu, investitur dirett ikun suġġett għat-taxxa fuq id-dħul biss fil-mument tal-ħlas tad-dividend lilu nnifsu. Madankollu, sabiex sa dak iż-żmien jikkontribwixxi għall-valuri miżjuda tal-istokk tal-assi, jidher li l-Portugall għażel taxxa speċjali korrispondenti, li tissuġġetta l-assi kollha ta’ IIKTT residenti erba’ darbiet fis-sena għal tassazzjoni fissa, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-assi jiġġenerawx dħul, b’mod partikolari dividendi. Dan jiggarantixxi dħul fiskali iktar baxx iżda kontinwu fil-Portugall, mingħajr ma jkun meħtieġ li wieħed jistenna distribuzzjoni lill-investitur. Mill-perspettiva tat-tassazzjoni skont il-kapaċità kontributtiva, it-taxxa tal-boll iktar tiżvantaġġja lill-IIKTT residenti, peress li dawn tal-aħħar isostnu piż fiskali, anki jekk ma jirċievu ebda dħul. Din hija wkoll probabbilment ir-raġuni għar-rata nominali baxxa ħafna tat-taxxa tal-boll. Min-naħa l-oħra, l-IIKTT mhux residenti hija ntaxxata, b’mod nominali iżda b’mod sinjifikattivament ogħla, biss jekk il-kapaċità finanzjarja tagħha tiżdied minħabba l-ħlas tad-dividendi.

77.      F’dan ir-rigward, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pensioenfonds Metaal en Techniek għandhom japplikaw f’dan ir-rigward ukoll (43). It-tassazzjoni tal-IIKTT residenti hija eżerċitata mill-Portugall fil-kwalità tiegħu ta’ Stat ta’ residenza ta’ dawn l-IIKTT, li għandu f’dan ir-rigward setgħa ta’ tassazzjoni fuq id-dħul kollu tagħhom, inkluż, f’dan il-każ, fuq l-assi kollha tagħhom.

78.      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki għat-tassazzjoni fuq l-assi, għandu jitqies li s-sitwazzjoni ta’ persuna mhux residenti hija differenti minn dik ta’ persuna residenti, peress li, bħala regola ġenerali, mhux biss id-dħul prinċipali tagħha, iżda l-assi prinċipali tagħha wkoll huma kkonċentrati fl-Istat ta’ residenza tagħha (44). Għaldaqstant, persuna li tħallas it-taxxa, li għandha parti mhux sostanzjali tal-assi tagħha fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ residenza tagħha, ma tinsabx, bħala regola ġenerali, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ persuna residenti f’dan l-Istat Membru l-ieħor (45). Dan huwa l-każ ta’ IIKTT.

79.      Fir-rigward ta’ rikorrent residenti fil-Ġermanja, il-Portugall għandu biss, skont il-FTD konkluż mal-Ġermanja, setgħa ta’ tassazzjoni fuq id-dħul iġġenerat mill-assi ta’ din l-IIKTT li jinsabu fil-Portugall. Għalhekk, il-Portugall jintaxxa d-dividendi rċevuti mill-IIKTT mhux residenti fil-kapaċità tiegħu bħala l-Istat tas-sors tad-dividendi.

80.      Sa fejn, skont dan il-ftehim, il-Portugall ma għandux setgħa ta’ tassazzjoni fuq l-assi ta’ IIKTT mhux residenti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sempliċi fatt li ċerti assi għandhom rabta mal-Portugall ma għandux iwassal għal tassazzjoni tal-assi kollha min-naħa tal-Portugall.

81.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiġi implimentata l-hekk imsejħa tassazzjoni tal-ħruġ tal-investituri tal-IIKTT u li sad-distribuzzjoni tiġi imposta biss tassazzjoni fuq il-livell tal-assi tal-IIKTT, ma jistax jintlaħaq fir-rigward ta’ IIKTT mhux residenti.

82.      Dan l-għan lanqas ma jista’ jintlaħaq permezz tat-tassazzjoni tad-dividendi rċevuti mill-IIKTT mhux residenti skont il-metodu tat-taxxa tal-boll (jiġifieri t-tassazzjoni tal-istokk tal-kapital “Portugiż” li jagħmel parti minnha). Dan jirriżulta finalment mill-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet tal-FTD mal-Ġermanja (u l-istandards ġenerali tal-OECD), l-IIKTT mhux residenti jistgħu jiġu ntaxxati biss jekk jitħallsu dividendi fil-konfront tagħhom.

83.      Konsegwentement, fid-dawl tal-fini mfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll tal-għan u tal-kontenut tagħha, għandu jiġi kkonstatat li IIKTT mhux residenti ma tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ IIKTT residenti.

84.      Din il-konklużjoni hija konformi wkoll mal-evalwazzjoni li tinsab fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE u mal-fatt li ma teżistix differenza fit-trattament arbitrarja pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE. Wieħed jista’ ċertament jikkritika jew jikkunsidra t-taxxa tal-boll bħala anomala għal diversi raġunijiet. Madankollu, minħabba d-dritt fiskali limitat diskuss iktar ’il fuq, din id-differenza fit-trattament bejn IIKTT residenti u dawk mhux residenti hija komprensibbli u, għaldaqstant, ma hijiex arbitrarja fis-sens tal-Artikolu 65(3) TFUE.

3.      B’mod sussidjarju: fuq il-motivi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament

85.      Huwa biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li s-sitwazzjoni hija paragunabbli li għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-tassazzjoni bejn IIKTT residenti u IIKTT mhux residenti tistax tiġi ġġustifikata. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tista’ titqies bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital jekk id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (46).

86.      Il-ġustifikazzjonijiet jistgħu jkunu l-preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (ara l-punt a), l-evitar tan-nuqqas ta’ impożizzjoni (ara l-punt b) u ż-żamma tal-koerenza tas-sistema fiskali Portugiża (ara l-punt c). Barra minn hekk, il-miżura (hawnhekk il-metodu ta’ tassazzjoni differenti) jeħtieġ li tkun proporzjonata, jiġifieri xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tagħha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan (ara l-punt d).

a)      Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat ta’ tassazzjoni

87.      It-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri huwa għan leġittimu rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (47). Dan l-għan huwa l-espressjoni sovrana fiskali tal-Istati Membri. Din tinkludi d-dritt ta’ Stat li jipproteġi d-dħul fiskali tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-profitti ġġenerati fit-territorju tiegħu (prinċipju ta’ territorjalità) u d-dritt ta’ Stat li jorganizza b’mod awtonomu l-kodiċi tiegħu ta’ dritt fiskali (prinċipju ta’ awtonomija).

88.      Ċertament, kif tenfasizza wkoll il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta Stat Membru jagħżel li ma jintaxxax lill-IIKTT residenti li jirċievu dividendi ta’ oriġini nazzjonali, ma tistax tiġi invokata n-neċessità ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tal-IIKTT mhux residenti li tirċievi tali dħul (48).

89.      Madankollu, dan il-każ ma huwiex rilevanti f’din il-kawża. Kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, l-IIKTT residenti fil-Portugall ma humiex eżentati minn kull taxxa, iżda huma biss suġġetti għal taxxa differenti. Il-Portugall iddeċieda li jintaxxa lill-IIKTT residenti kull tliet xhur fuq l-assi tal-valur totali nett kollu b’rata relattivament baxxa ta’ taxxa. Din hija deċiżjoni li ma kinitx possibbli fir-rigward tal-IIKTT mhux residenti. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-Portugall seta’, fi kwalunkwe każ, jaċċedi biss għad-dħul li jirriżulta mis-sors Portugiż, skont il-kriterji tad-dritt internazzjonali (ara l-Artikolu 10 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD jew l-Artikolu 10 tal-FTD bejn il-Ġermanja u l-Portugall).

90.      Piż fiskali differenti li jirriżulta minn dan, kif ukoll żvantaġġ potenzjali ta’ likwidazzjoni, inerenti għal kull taxxa miżmuma f’ras il-għajn fil-mument tal-ħlas u li ma jseħħx biss wara l-iskadenza ta’ perijodu taxxabbli partikolari (f’dan il-każ tliet xhur), huwa wkoll kopert minn din il-ġustifikazzjoni.

b)      Fuq il-ġustifikazzjoni tal-prevenzjoni tan-nuqqas ta’ impożizzjoni (l-hekk imsejjaħ “dħul safi”) fil-kuntest ta’ rkupru effiċjenti tat-taxxa

91.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn bħala metodu ta’ tassazzjoni għall-persuni taxxabbli mhux residenti, filwaqt li l-persuni taxxabbli residenti ma humiex suġġetti għal tali taxxa f’ras il-għajn, tista’ tiġi ġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-effiċjenza tal-irkupru tat-taxxa (49). Il-prevenzjoni tan-nuqqas ta’ impożizzjoni sservi wkoll, b’mod definittiv, għall-effiċjenza tal-irkupru tat-taxxa.

92.      Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 14(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, li tipprevedi l-obbligu tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għat-taxxa fuq il-kumpanniji biss jekk u peress li dan id-dħul mid-dividendi ma huwa suġġett għal ebda taxxa (jew għal rata baxxa biss) fl-Istat ta’ residenza, hija intiża sabiex tipprevjeni n-nuqqas ta’ impożizzjoni.

93.      Bl-istess mod, l-irkupru tat-taxxa fuq il-kumpanniji f’ras il-għajn ta’ dividend li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ IIKTT barranija huwa parti minn irkupru effiċjenti tat-taxxa. Huwa jimpedixxi b’mod sempliċi u effettiv, pereżempju, l-istrutturi ta’ fondi li huma mfassla b’tali mod li ebda Stat, jiġifieri la l-Istat tas-sors u lanqas l-Istat ta’ residenza, ma jkun jista’ jintaxxa d-dħul mid-dividendi fil-livell tal-IIKTT jew tal-investituri tagħha u għalhekk jirċievi l-hekk imsejjaħ dħul safi.

94.      Ċertament, tassazzjoni f’ras il-għajn tinvolvi riskju ta’ tassazzjoni doppja. Madankollu, din tista’, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, titnaqqas jew tiġi evitata permezz ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja.

95.      Il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali sadattant tagħti valur partikolarment għoli lil-leġiżlatur Ewropew. Din hija r-raġuni għaliex huwa adotta d-direttiva b’dispożizzjonijiet intiżi għall-ġlieda kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa (50). Huwa issa qiegħed jipprevedi wkoll dispożizzjonijiet intiżi għall-ġlieda kontra d-dħul safi, b’mod partikolari dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra diskrepanzi ibridi (Artikolu 9) u regoli ġenerali kontra l-abbuż (Artikolu 6).

96.      Fl-aħħar nett, it-tieni pilastru tal-miżuri li l-OECD tirrakkomanda għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa juri wkoll li l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali tinsab fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (51). Fid-dikjarazzjoni preliminari tar-rapport reċenti tagħha relatat mal-proċedura ta’ konsultazzjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet tagħha fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, l-OECD enfasizzat li livell minimu ta’ tassazzjoni jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja u l-ugwaljanza bejn is-sistemi fiskali, sabiex jiġi stabbilit kuntest fiskali stabbli għall-mudelli kummerċjali l-ġodda kif ukoll sabiex jiġi żgurat il-finanzjament tal-Istati (52), u b’hekk enfasizzat l-importanza partikolari tagħhom għall-interess ġenerali.

97.      Dan ikun il-każ jekk l-għan li tiġi żgurata tassazzjoni minima fuq IIKTT mhux residenti jitqies li huwa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li hija rilevanti hawnhekk ukoll, kif ikkonfermat mir-regola stabbilita fl-Artikolu 14(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji.

c)      Fuq il-ġustifikazzjoni tal-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali

98.      Il-Portugall isostni wkoll li l-applikazzjoni tas-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija neċessarja għall-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali Portugiża. Fil-fatt, skont il-Portugall, teżisti rabta diretta bejn l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi mħallsa lill-IIKTT residenti u t-tassazzjoni ta’ kull tliet xhur skont it-taxxa tal-boll.

99.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-neċessità li tiġi ppreżervata l-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni xierqa sabiex tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali (53). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jirnexxi, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ piż fiskali partikolari, fejn in-natura diretta ta’ din ir-rabta jeħtieġ li tiġi evalwata fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (54).

100. Skont l-opinjoni tal-Portugall, l-għan tat-taxxa tal-boll huwa li l-investituri jiġu ntaxxati iktar tard (fi kliem il-Portugall: bil-loġika ta’ tassazzjoni tal-ħruġ) u li sa dak iż-żmien jiġi ntaxxat l-istokk tal-kapital fir-rigward tal-IIKTT, indipendentement mill-ġbir ta’ dividendi. Dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ tassazzjoni fuq id-dividendi fil-mument tal-ħlas lill-IIKTT. Għalhekk, din it-taxxa tal-boll ġiet stabbilita biss għal dawn l-IIKTT u, fl-istess ħin, fl-2015, ġiet introdotta mal-eżenzjoni mid-dħul mill-kapital mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa f’ras il-għajn.

101. Kuntrarjament għal dak li donnhom jissuġġerixxu l-Kummissjoni u r-rikorrent, teżisti għalhekk rabta suffiċjentement diretta. Dan diġà juri qbil ratione temporis u fuq il-mertu bejn iż-żewġ taxxi. Il-fatt li t-tpaċija tal-vantaġġ ma hijiex intaxxata fi ħdan il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, iżda bħala ekwivalenti f’leġiżlazzjoni fiskali oħra ma’ metodu ta’ tassazzjoni differenti, ma jistax jikkonfuta l-eżistenza ta’ rabta diretta. L-opinjonijiet tal-Kummissjoni u tar-rikorrent jiżvelaw qari formali ħafna tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali. Madankollu, dan il-qari formali jinjora l-fatt li l-ġustifikazzjoni tirrigwarda mhux biss il-koerenza ta’ kull leġiżlazzjoni fiskali, iżda l-koerenza tas-sistema fiskali (régime fiscale) bħala tali (55).

102. Madankollu, sistema fiskali tista’ perfettament tkun komposta minn diversi tipi ta’ taxxi u metodi ta’ tassazzjoni differenti. Jekk dawn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi differenti huma marbuta flimkien fuq il-mertu, li huwa pjuttost ċar f’dan il-każ meta wieħed iħares lejn l-oriġini tal-estensjoni tat-taxxa tal-boll waqt l-introduzzjoni tal-EBF, ma huwiex rilevanti jekk il-vantaġġ u l-iżvantaġġ humiex previsti mill-istess liġi jew jekk humiex previst “sempliċement” mill-istess sistema fiskali.

d)      Preżervazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

103. Peress li l-ġustifikazzjonijiet dwar il-preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat ta’ tassazzjoni, l-irkupru effiċjenti tat-taxxa sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta’ impożizzjoni u l-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali huma applikabbli f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni tal-possibbiltà ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn lill-IIKTT residenti fil-Portugall biss hijiex xierqa u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju (56) sabiex jiġu ppreżervati dawn l-għanijiet. Jidhirli li dan huwa l-każ.

104. Minn naħa, fin-nuqqas ta’ awtonomija fiskali fuq l-assi netti kollha tal-IIKTT mhux residenti, tassazzjoni differenti u ekwivalenti għal dik li tirriżulta minn taxxa f’ras il-għajn fir-rigward tal-ħlas irċevut tad-dividendi, ma hijiex possibbli f’dan il-każ. Dan jixhdu l-fatt li t-tielet sentenza tal-Artikolu 10(2) tal-Mudell ta’ Konvenzjoni OECD tirrikonoxxi lill-Istat tas-sors, minbarra d-dritt ta’ tassazzjoni tal-kumpannija distributriċi, id-dritt ta’ tassazzjoni tal-benefiċjarju tad-dividendi wkoll. Fil-fatt, minn dan isegwi li, tal-inqas, l-Istati tal-OECD iqisu li t-tassazzjoni ta’ dawn id-dividendi mill-Istat tas-sors tikkostitwixxi, minbarra t-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpannija Portugiża, mezz xieraq u neċessarju sabiex jitqassam id-dħul fiskali bejn l-Istati b’mod xieraq.

105. Tassazzjoni tal-assi netti kollha ta’ IIKTT mhux residenti, fuq talba tagħha (dritt ta’ għażla), tista’ tkun xierqa bl-istess mod fir-rigward tat-taxxa doppja li tirriżulta minnha, iżda mhux ta’ miżura inqas restrittiva. Għalhekk ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni, imqajma ġustament mill-Avukat Ġenerali Hogan (57), dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (58), li tgħid li dritt ta’ għażla ma huwiex, fi kwalunkwe każ, xieraq sabiex jipprekludi differenza fit-trattament, għandiex tiġi ammessa.

106. Il-kwistjoni dwar jekk tassazzjoni simili iżda limitata fuq l-istokk tal-kapital ta’ IIKTT mhux residenti, limitata għall-valur nett tal-ishma Portugiżi tad-dividendi mhux imqassma li jirriżultaw minnha, tikkostitwixxix miżura inqas restrittiva, hija wkoll dubjuża. Fil-fatt, dan ikun jeżiġi li IIKTT mhux residenti tkun obbligata, skont il-leġiżlazzjoni Portugiża, tirreġistra sabiex tiddetermina valur totali nett korrispondenti. Fi kwalunkwe każ, tali miżura ma tkunx effettiva immedjatament, peress li l-identifikazzjoni u l-kontroll fiskali ta’ IIKTT mhux residenti huma nettament iktar diffiċli minn tnaqqis tat-taxxa f’ras il-għajn fil-mument tal-ħlas tad-dividendi lil IIKTT mhux residenti.

107. Għaldaqstant, huwa biss l-ibbilanċjar, fil-każ konkret, bejn il-moviment liberu tal-kapital tar-rikorrenti u r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali msemmija iktar ’il fuq, li huwa rilevanti. F’dan ir-rigward, kif indikajt iktar ’il fuq taħt il-punti 64 et seq., għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li l-moviment liberu tal-kapital għandu jingħata piż inqas importanti fl-ibbilanċjar mal-għanijiet ta’ differenzjazzjoni tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, il-garanzija ta’ tassazzjoni minima, l-eżekuzzjoni effettiva tad-drittijiet ta’ tassazzjoni u tqassim xieraq tas-setgħat ta’ tassazzjoni jagħmlu parti mill-interessi ġenerali ċentrali, peress li dawn huma intiżi sabiex jiffinanzjaw lill-Istat. Fin-nuqqas ta’ bażi fiskali suffiċjenti, l-Istat ma jistax jeżerċita l-kompiti tiegħu u jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.

108. Dan il-ġid pubbliku jippreżenta, f’dan il-każ, żvantaġġi żgħar biss għar-rikorrent. Jew, bħal fil-każ tal-investituri residenti fil-Ġermanja hawnhekk, ikun hemm impożizzjoni tal-piż fiskali Portugiż fuq id-dejn fiskali tagħhom, b’tali mod li dawn ma jkunux skoraġġuti milli jinvestu, jew, fl-agħar każ, ikun hemm tassazzjoni ekonomika doppja (minn naħa, it-taxxa Portugiża fuq il-kumpanniji fil-livell tal-IIKTT ta’ 15 % u, min-naħa l-oħra, it-taxxa barranija fuq id-dħul fil-livell tal-azzjonist barrani). Ċertament, dan jagħmel l-investiment f’IIKTT mhux residenti b’ishma ta’ kumpanniji Portugiżi inqas attraenti.

109. Madankollu, fl-ewwel lok, din it-tassazzjoni doppja għandha tiġi riżolta permezz ta’ ftehim komuni bejn l-Istati kkonċernati u mhux unilateralment abbażi tal-libertajiet fundamentali għad-detriment tal-Portugall. Fit-tieni lok, dan l-iżvantaġġ huwa fi kwalunkwe każ imnaqqas, jew saħansitra paċut kollu bin-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-boll kull tliet xhur.

110. Ma’ dan jiżdied il-fatt li r-rikorrent huwa ntaxxat skont il-kapaċità finanzjarja tad-dħul tiegħu, u għalhekk ma hemmx tassazzjoni tal-kapital, kuntrarjament għal dik ta’ IIKTT residenti. Barra minn hekk, it-tassazzjoni tal-Portugall hija marbuta mal-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma huwiex intaxxat jew huwa ntaxxat ftit biss fl-Istat ta’ residenza. Barra minn hekk, il-piż fiskali huwa diġà mnaqqas mill-ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż bejn il-Ġermanja u l-Portugall.

111. Għalhekk, wara kunsiderazzjoni ta’ dawn il-punti kollha, il-ġustifikazzjonijiet intiżi għall-preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, l-eżekuzzjoni effettiva tad-drittijiet ta’ tassazzjoni u l-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali Portugiża, jipprevalu fuq l-interess tar-rikorrenti li tiġi eżentata mit-taxxa fuq il-kumpanniji bħal IIKTT residenti kif ukoll li ma tkunx suġġetta għal taxxa tal-boll, kuntrarjament għal IIKTT residenti.

e)      Riżultat tal-analiżi tal-ġustifikazzjonijiet

112. Konsegwentement, kull restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li tista’ tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż fit-totalità tagħhom (l-issuġġettar ta’ IIKTT mhux residenti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fin-nuqqas ta’ impożizzjoni f’pajjiż barrani skont l-Artikolu 14(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ IIKTT residenti skont l-Artikolu 22 tal-EBF b’tassazzjoni simultanja skont il-liġi tat-taxxa fuq il-boll) hija, fi kwalunkwe każ, iġġustifikata.

VI.    Konklużjoni

113. Għalhekk, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-Qorti tal-Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali:

L-Artikolu 63 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti jkunu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn meta dawn id-dividendi jitqassmu lil impriża ta’ investiment kollettiv mhux residenti, li ma hijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Istat ta’ residenza. L-istess japplika fil-każ li dawn id-dividendi, meta jitqassmu lil impriża ta’ investiment kollettiv residenti, ma jkunux suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda jkunu suġġetti għal metodu ieħor ta’ tassazzjoni intiż sabiex jiġi żgurat li huwa biss fil-każ ta’ ridistribuzzjoni lill-investitur li tiġi imposta tassazzjoni fuq id-dħul korrispondenti u li, sa dak il-punt, tiġi minflok imposta tassazzjoni kull tliet xhur fuq l-assi netti kollha tal-impriża residenti ta’ investiment kollettiv.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Coletivas.


3      Estatuto dos Beneficios Fiscais (kif emendat bid-Decreto-Lei 7/2015, tat-13 ta’ Jannar 2015, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2015).


4      Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Singulares.


5      Inizjalment id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (IIKTT), issostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (IIKTT).


6      Dan kien jaqra kif ġej: “(2) Jekk id-dħul imqassam fuq l-ishma f’investimenti u d-dħul li jista’ jitqies ekwivalenti għal tali dħul imqassam joriġina minn Stat barrani u jkun suġġett, f’dan l-Istat, għal taxxa li titnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul jew mit-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikolu 34c(1) tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi Ġermaniża dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) jew l-Artikolu 26(1) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji) jew skont ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji, it-taxxa barranija stabbilita u mħallsa kif ukoll imnaqqsa abbażi ta’ kwalunkwe dritt għal tnaqqis għandha tiġi imputata fuq il-parti mit-taxxa fuq id-dħul jew mit-taxxa fuq il-kumpanniji attribwibbli għal dak id-dħul barrani miżjud bit-taxxa barranija pro rata (…)” – Gesetz zur Modernisierung des Investmentwesens und zur Besteuerung von Investmentvermögen (il-Liġi dwar il-Modernizzazzjoni tal-Investiment u t-Tassazzjoni ta’ Assi tal-Investiment (Investmentsteuermodernisierungsgesetz) (il-Liġi dwar il-Modernizzazzjoni tat-Taxxa fuq l-Investiment) tal-15 ta’ Diċembru 2003, BGBl. 2003 I, p. 2676 et seq.).


7      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 33); tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C-385/12, EU:C:2014:47, punt 21); kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11, EU:C:2012:707, punt 90) u l-ġurisprudenza ċċitata.


8      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punti 35 u 36); tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 29); u tat-13 ta’ Diċembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11, EU:C:2006:707, punt 92).


9      Fil-fatt, dawn ma humiex ishma li jippermettu lir-rikorrent jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u l-attivitajiet tagħha. Ara, f’dan ir-rigward, sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11, EU:C:2012:707, punti 90 et seq.); tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08C-437/08, EU:C:2011:61, punt 35); u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou (C-81/09, EU:C:2010:622, punt 47).


10      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 40); tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 27); kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688, punt 28).


11      Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C-48/15, EU:C:2016:356, punt 47); tal-14 ta’ April 2016, Sparkasse Allgäu (C-522/14, EU:C:2016:253, punt 29); id-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2009, KBC-bank (C-439/07C-499/07, EU:C:2009:339, punt 80); kif ukoll is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C-298/05, EU:C:2007:754, punti 51 u 53).


12      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Autoridade Tributária e Aduaneira (Taxxa fuq qligħ kapitali minn proprjetà) (C-388/19, EU:C:2020:940, punti 36 et seq.).


13      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C-267/91C-268/91, EU:C:1993:905, punt 16).


14      F’dan ir-rigward, ara f’iktar dettall il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google Ireland (C-482/18, EU:C:2019:728, punti 35 et seq.).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 44); tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 28); u tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688, punt 33).


16      Sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka (C-156/17, EU:C:2020:51, punt 42); tat-30 ta’ Ġunju 2016, Riskin u Timmermans (C-176/15, EU:C:2016:488, punt 29); tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670, punt 45); u tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C-194/06, EU:C:2008:289, punt 30).


17      Sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka (C-156/17, EU:C:2020:51, punt 43); tal-24 ta’ Ottubru 2018, Sauvage u Lejeune (C-602/17, EU:C:2018:856, punt 34); u tad-9 ta’ Ottubru 2014, van Caster (C-326/12, EU:C:2014:2269, punt 47).


18      Sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka (C-156/17, EU:C:2020:51, punt 45), u tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et (C-z262/09, EU:C:2011:438, punt 38).


19      Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punti 29 et seq.).


20      Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punti 29 et seq.).


21      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2015:571, punt 23).


22      Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punti 42 et seq.).


23      Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006 (C-170/05, EU:C:2006:783, punti 37 et seq.).


24      Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016 (C-252/14, EU:C:2016:402).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C-170/05, EU:C:2006:783, punti 44 et seq.).


26      F’dan is-sens, espressament, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 33).


27      Ara f’dan is-sens is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 34), u tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C-10/14, C-14/14C-17/14, EU:C:2015:608, punt 48).


28      Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 41).


29      Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi iktar mill-qrib fil-kawża Google Ireland (C-482/18, EU:C:2019:728, punti 35 et seq.); ara wkoll il-konklużjonijiet reċenti tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Autoridade Tributária e Aduaneira (Taxxa fuq qligħ kapitali minn proprjetà) (C-388/19, EU:C:2020:940, punti 36 et seq.).


30      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punti 48); tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 57); tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 23); u tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, EU:C:2000:294, punt 43).


31      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 47); tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 46); u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 48); tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 47); u tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara biss – mingħajr ma wieħed ifittex li jkunu eżawrjenti: is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 48); tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 47); tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-250/08, EU:C:2011:793, punt 51); tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, EU:C:2004:484, punt 29); u tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, EU:C:2000:294, punt 43).


34      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2015:571, punt 2).


35      Sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 31), li huwa madankollu kkonfermat fis-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:762, punt 38), u tal-5 ta’ Lulju 2005, D. (C-376/03, EU:C:2005:424, punt 26).


36      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 51); tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 49); u tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 28). Fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C-115/16, C-118/16, C-119/16C-299/16, EU:C:2019:134, punti 162 et seq.), il-Qorti tal-Ġustizzja tqis ukoll li tkun teżisti diġà restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital jekk ma jingħatax vantaġġ ta’ likwidità f’sitwazzjoni transkonfinali, iżda mbagħad jingħata f’sitwazzjoni ekwivalenti fit-territorju nazzjonali. Madankollu, taxxa f’ras il-għajn twassal, per se, għal żvantaġġ ta’ likwidazzjoni meta mqabbla ma’ stima (ulterjuri), anki jekk dan l-iżvantaġġ jitnaqqas permezz ta’ ħlasijiet bil-quddiem.


37      Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 48), u tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 48), u tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, EU:C:2012:282, punt 51).


39      L-eżistenza ta’ “restrizzjoni moħbija”, fis-sens tal-Artikolu 65(3) TFUE, tidher li tista’ tiġi eskluża fil-każ ta’ leġiżlazzjoni marbuta mas-sede.


40      Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Frar 1992 (ĠU 1992, C 191, p. 1).


41      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Q (C-133/13, EU:C:2014:2255, punt 48), u Kokott, J., Das Steuerrecht der Europäischen Union, München, 2018, Artikolu 3, punt 94, lejn l-aħħar.


42      Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 49), u tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 28).


43      Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punti 55 et seq.).


44      Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2005, D. (C-376/03, EU:C:2005:424, punt 37).


45      B’hekk, espressament, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2005, D. (C-376/03, EU:C:2005:424, punt 38).


46      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 48); tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14, EU:C:2016:402, punt 47); tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-250/08, EU:C:2011:793, punt 51); tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, EU:C:2004:484, punt 29); u tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, EU:C:2000:294, punt 43).


47      Sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, K (C-322/11, EU:C:2013:716, punt 50); tas-6 ta’ Settembru 2012, Philips Electronics (C-18/11, EU:C:2012:532, punt 23); tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785, punt 45); u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763, punt 45 u 46).


48      Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punti 71); tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 99); tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 48); u tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C-575/17, EU:C:2018:943, punt 67), u tat-13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland (C-18/15, EU:C:2016:549, punt 21); ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, van Caster (C-326/12, EU:C:2014:2269, punt 46); tat-18 ta’ Ottubru 2012, X (C-498/10, EU:C:2012:635, punt 39); u tat-3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzertproduktionen (C-290/04, EU:C:2006:630, punt 35).


50      Direttiva (UE) 2016/1164 tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016, L 193, p. 1).


51      Tax challenges Arising from Digitalisation – Report on Pillar Two Blueprint, https://www.oecd-ilibrary.org/docserver/abb4c3d1-en.pdf?expires=1607888140&id=id&accname=guest&checksum=DC286FCCE9A7B15A436A5E3297CD7D78.


52      Tax challenges Arising from Digitalisation – Report on Pillar Two Blueprint, Cover Statement, https://www.oecd-ilibrary.org/docserver/abb4c3d1-en.pdf?expires=1607888140&id=id&accname=guest&checksum=DC286FCCE9A7B15A436A5E3297CD7D78, p. 10 et seq.


53      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 79); tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 50); u tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt (C-157/07, EU:C:2008:588, punti 43 u 44).


54      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 80); tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 51); u tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C-418/07, EU:C:2008:659, punt 44).


55      Dan huwa l-każ fit-traduzzjoni bil-Ġermaniż tal-ġurisprudenza reċenti: sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punti 83 et seq.); tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C-650/16, EU:C:2018:424, punt 51); tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-503/14, EU:C:2016:979, punt 62); tat-30 ta’ Ġunju 2016, Feilen (C-123/15, EU:C:2016:496, punt 29); u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland (C-388/14, EU:C:2015:829, punt 45).


56      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16, EU:C:2018:480, punt 64); tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 56); u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland (C-388/14, EU:C:2015:829, punt 29).


57      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Autoridade Tributária e Aduaneira (Taxxa fuq qligħ kapitali minn proprjetà) (C-388/19, EU:C:2020:940, punt 73).


58      Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148, punti 49 sa 54 b’motivazzjoni tassew partikolari), u tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck (C-479/14, EU:C:2016:412, punt 42). Ara wkoll, madankollu, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C-650/16, EU:C:2018:424, punti 25 et seq.), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-inqas teżamina fil-qosor jekk il-possibbiltà ta’ għażla tistax tikkomprometti d-differenza fit-trattament.