Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-379/05

Amurta SGPS

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Amsterdam

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam)

“Artikoli 56 KE u 58 KE — Moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tipprovdi għall-eżenzjoni ta’ ishma mit-taxxa fuq il-kumpanniji — Tassazzjoni tad-dividendi — Taxxa f’ras il-għajn — Eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn — Applikazzjoni għal kumpanniji benefiċjarji li huma stabbiliti jew għandhom stabbiliment permanenti fl-Istat Membru li jikkonċedi l-eżenzjoni u li l-ishma tagħhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ taxxa fuq il-kumpanniji — Rifjut li tiġi applikata l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi mqassma lil kumpannija benefiċjarja li la hija stabbilita u lanqas ma għandha stabbiliment permanenti fl-imsemmi Stat Membru”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji

(Artikoli 56 KE u 58 KE; Direttiva tal-Kunsill 90/435, Artikolu 5(1))

2.        Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Limiti

(Artikolu 234 KE)

3.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji

(Artikolu 56 KE)

1.        L-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ meta l-limitu minimu ta’ ishma mill-kumpannija prinċipali fil-kapital tal-kumpannija sussidjarja stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, ma jintlaħaqx, tipprovdi taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija prinċipali f’dan l-Istat Membru lil kumpannija benefiċjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, filwaqt li teżonera minn din it-taxxa d-dividendi mħallsa lil kumpannija benefiċjarja li hija suġġetta, fl-ewwel Stat Membru, għal taxxa fuq il-kumpanniji jew li għandha, f’dan l-Istat Membru, stabbiliment permanenti li għandu l-ishma fil-kumpannija li tħallas id-dividendi.

Fil-fatt, trattament żvantaġġjuż bħal dan tad-dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, meta mqabbel mat-trattament riżervat għad-dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, jista’ jiddiswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jinvestu fl-Istat Membru kkonċernat, u konsegwentement, jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li, fil-prinċipju, huwa pprojbit mill-Artikolu 56 KE.

Huwa veru li, fir-rigward ta’ miżuri previsti minn Stat Membru sabiex jimpedixxi jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ serje ta’ taxxi, jew it-tassazzjoni doppja ekonomika, fuq profitti mqassma minn kumpanniji residenti, l-azzjonisti residenti li jirċievu d-dividendi ma jinsabux neċessarjament f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ azzjonisti li jirċievu dividendi u li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor. Madankollu, mill-mument li Stat Membru, unilateralment jew permezz ta’ ftehim, jimponi t-taxxa fuq id-dħul mhux biss fuq l-azzjonisti residenti, iżda wkoll fuq azzjonisti mhux residenti, fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni ta’ l-imsemmija azzjonisti mhux residenti toqrob għal dik ta’ l-azzjonisti residenti. Fil-fatt, huwa biss l-eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal-kompetenza fiskali tiegħu li, indipendentement minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ serje ta’ taxxi jew ta’ tassazzjoni doppja ekonomika. F’każ bħal dan, sabiex il-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex residenti ma jiġux suġġetti għal restrizzjoni pprjobita fuq il-libertà ta’ stabbiliment, l-Istat li fih tirrisjedi l-kumpannija li tqassam id-dividendi għandu jassigura li, meta mqabbla mal-proċedura prevista fid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impożizzjoni ta’ serje ta’ taxxi jew tat-tassazzjoni doppja ekonomika, il-kumpanniji azzjonisti li mhumiex residenti jkunu suġġetti għal trattament ekwivalenti għal dak applikabbli għall-kumpanniji azzjonisti residenti. Dan mhuwiex il-każ meta tassazzjoni doppja ekonomika, li għaliha huma suġġetti dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija li tħallas id-dividendi, tirriżulta mill-eżerċizzju waħdieni minn dan l-Istat Membru tal-kompetenza fiskali tiegħu, li jissuġġetta dawn id-dividendi għat-taxxa fuq id-dividendi, filwaqt li għażel li jipprevjeni din it-tassazzjoni ekonomika doppja għall-kumpanniji benefiċjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat jew stabbiliment permanenti fl-istess Stat Membru u li għandhom ishma fil-kumpanija li tqassam id-dividendi.

Tali leġiżlazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata la mill-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali u lanqas mill-ħtieġa li jiġi mħares it-tqassim bejn l-Istati Membri tas-setgħa ta’ tassazzjoni. Meta Stat Membru jkun iddeċieda li ma jintaxxax il-kumpanniji benefiċjarji li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ dħul, ma tistax tiġi invokata l-ħtieġa li jiġi assigurat tqassim bilanċjat bejn l-Istati Membri tas-setgħa tat-tassazzjoni bil-għan li tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tal-kumpanniji benefiċjarji fi Stat Membru ieħor.

(ara l-punti 28, 37-40, 59-61 u d-dispożittiv 1)

2.        Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-imħallef nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li huwa responsabbli li jiddefinixxi, u li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali hija biss possibbli meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma’ jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li huma mressqa quddiemha. Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet tal-kawża prinċipali tikkontesta ċertu fatti, li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tivverifika l-eżattezza tagħhom u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tal-kawża in kwistjoni.

(ara l-punti 64-65)

3.        Stat Membru ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ kreditu ta’ taxxa sħiħ, mogħti unilateralment minn Stat Membru ieħor lil kumpannija benefiċjarja stabbilita f’dan l-Istat, sabiex jevita l-obbligu li jipprevjeni t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi li tirriżulta mill-eżerċizzju tas-setgħa tat-tassazzjoni tiegħu, f’każ fejn l-ewwel Stat Membru jipprevjeni t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi mqassma lil kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fit-territorju tiegħu. Meta Stat Membru jinvoka ftehim intiż sabiex jevita t-tassazzjoni doppja konkluż ma Stat Membru ieħor, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk għandux jittieħed in kunsiderazzjoni dan il-ftehim fil-kawża prinċipali, u skond il-każ, li jiġi vverifikat jekk din tippermettix in-newtralizzazzjoni ta’ l-effetti tar-restrizzjoni fuq il-movement liberu tal-kapital.

(ara l-punt 84 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Novembru 2007(*)

“Artikoli 56 KE sa 58 KE – Moviment liberu tal-kapital – Leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tipprovdi għall-eżenzjoni ta’ ismha mit-taxxa fuq il-kumpanniji – Tassazzjoni tad-dividendi – Taxxa f’ras il-għajn – Eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn – Applikazzjoni għal kumpanniji benefiċjarji li huma stabbiliti jew għandhom stabbiliment permanenti fl-Istat Membru li jikkonċedi l-eżenzjoni u li l-ishma tagħhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ taxxa fuq il-kumpanniji – Rifjut li tiġi applikata l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi mqassma lil kumpannija benefiċjarja li la hija stabbilita u lanqas ma għandha stabbiliment permanenti fl-imsemmi Stat Membru”

Fil-kawża C-379/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ottubru 2005, fil-proċedura

Amurta SGPS

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Amsterdam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, A. Tizzano, A. Borg Barthet u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2007,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal Amurta SGPS, minn L. C. A. Wijsman, J. J. Feenstra u R. M. P. G. Niessen-Cobben, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, inizjalment minn S. Nwaokolo, imbagħad minn V. Jackson, bħala aġenti, assistiti minn J. Stratford, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u A. Weimar, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, minn M. S. Rydelski u P. A. Bjørgan, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 56 KE u 58 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Amurta SGPS (iktar ’il quddiem “Amurta”), kumpannija stabbilita fil-Portugall, u l-inspecteur van de Belastingsdienst/Amsterdam dwar l-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn għal dividendi mqassma lil Amurta minn Retailbox BV (iktar ’il quddiem “Retailbox”), kumpannija stabbilita fl-Olanda.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6) jipprovdi:

“Il-profitti li kumpannija sussidjarja tkun qassmet lill-kumpannija ġenitur [prinċipali] tagħha għandhom, għall-inqas fejn din ta’ l-aħħar iżżomm minimu ta’ 25 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, jiġu eżentati mit-taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn].”

 Id-dritt nazzjonali

4        L-Artikolu 1(1) tal-liġi ta’ l-1965 dwar it-taxxa fuq id-dividendi (Wet op de dividendbelasting 1965, p. 621, iktar il-quddiem il-“Wet DB”) jipprovdi, bħala regola ġenerali, għal taxxa fuq divendendi b’rata ta’ 25 % fuq il-ħlas kollu ta’ divendendi magħmul minn kumpannija stabbilita fl-Olanda li l-kapital tagħha huwa totalment jew parzjalment maqsum f’ishma.

5        Madankollu, l-Artikolu 4(1) tal-Wet DB jipprovdi:

“It-taxxa f’ras il-għajn minn ishma, ċertifikati ta’ dividendi, u ta’ self bl-interessi msemmija fl-Artikolu 10(1)(d) tal-liġi ta’ l-1969 dwar it-taxxi fuq il-kumpanniji (Wet op de vennootschapsbelasting 1969, iktar ’il quddiem il-“Wet Vpb”) tista’ ma tinġabarx jekk l-eżenzjoni ta’ l-ishma, prevista fl-Artikolu 13 ta’ l-imsemmija liġi, tapplika għall-profitt li l-benefiċjarju jikseb minn dawn l-ishma, ċertifikati ta’ dividendi u self bl-interessi u s-sehem jifforma parti mill-patrimonju tal-kumpannija tiegħu ġestita fl-Olanda. L-ewwel sentenza ma tapplikax għad-dħul li fir-rigward tiegħu l-benefiċjarju mhuwiex l-benefiċjarju effettiv.”

6        L-Artikolu 4a tal-Wet DB, ibbażat fuq id-Direttiva 90/435, jipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dividendi fil-każ li jitħallsu lill-azzjonisti stabbiliti fl-Unjoni Ewropea li għandhom sehem ta’ almenu 25 %. Skond il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-perċentwali ta’ 25 % huwa mnaqqas għal 10 % fil-każ li l-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-azzjonist japplika l-istess tnaqqis.

7        L-Artikolu 13 tal-Wet Vpb jipprovdi:

“1. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt, il-profitt mill-ishma kif ukoll l-ispejjeż – inklużi l-vantaġġi li jirriżultaw minn varjazzjoni fir-rati tal-kambju – li huma inklużi fl-ambitu ta’ l-ishma, m’għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni, ħlief dawk l-ispejjeż li jikkontribwixxu indirettament għat-twettiq ta’ profitt benefiċċju taxxabbli fl-Olanda (eżenzjoni mill-ishma). […]

2. Hemm sehem jekk il-kumpannija taxxabbli:

a) peress li għandha kapital nominali ta’ mill-anqas 5 %, hija assoċjata ma’ kumpannija li l-kapital tagħha huwa totalment jew parzjalment maqsum f’ishma;

[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Kif tindika l-qorti tar-rinviju, il-kliem ta’ l-Artikolu 13 tal-Wet Vpb, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 4 tal-Wet DB, għandu l-konsegwenza li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4 tapplika biss jekk l-ishma tal-kumpannija Olandiża li tqassam id-dividendi huma miżmuma, minn naħa, minn azzjonisti li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Olanda, u min-naħa l-oħra, minn azzjonisti barranin li għandhom stabbiliment permanenti fl-Olanda, u l-ishma għandhom jiffurmaw parti mill-patrimonju ta’ dan l-istabbiliment permanenti.

 Il-ftehim dwar it-tassazzjoni doppja

9        L-Artikolu 10 tal-ftehim intiż sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u għall-prevenzjoni ta’ l-evażjoni tat-taxxi fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u tat-taxxa fuq il-kapital, konkluż fl-20 ta’ Settembru 1999 bejn ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika Portugiża (iktar ’il quddiem id-“DTC”), jipprovdi:

“1. Id-divendendi mħallsa minn kumpannija li għandha uffiċċju rreġistrat f’wieħed mill-Istati kontraenti lil azzjonista residenti fl-Istat l-ieħor huma taxxabbli f’dan l-aħħar Stat.

2. Madankollu, dawn id-dividendi huma taxxabbli wkoll fl-Istat fejn il-kumpannija li tħallas id-dividendi għandha l-uffiċċju reġistrat u skond il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat; madankollu, jekk il-persuna li tirċievi d-dividendi hija residenti fl-Istat l-ieħor, it-taxxa mħallsa ma tistax taqbeż l-10 % ta’ l-ammont gross tad-dividendi.

[…]”

10      Il-metodu ta’ prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja huwa stabbilit fl-Artikolu 24 tad-DTC, li jipprovdi:

“Fir-rigward tal-Portugall, it-tassazzjoni doppja hija evitata b’dan il-mod:

a) meta persuna residenti fil-Portugall tagħmel qligħ li, b’mod konformi ma’ din il-konvenzjoni, jista’ jkun taxxabbli fl-Olanda, il-Portugall għandu jikkonċedi tnaqqis tat-taxxa fuq il-qligħ ta’ din il-persuna; ammont ekwivalenti għat-taxxa fuq id-dħul imħallsa fl-Olanda. Madankollu, dan it-tnaqqis ma jistax jaqbeż l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul li ġie kkalkulat qabel ma ngħata t-tnaqqis, li jirrigwarda d-dħul taxxabbli fl-Olanda;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, Amurta kellha 14 % ta’ l-ishma ta’ Retailbox. L-azzjonisti l-oħra kienu Sonaetelecom BV, kumpannija stabbilita fl-Olanda li kellha 66 % ta’ l-ishma, kif ukoll Tafin SCPS u Perfin SGPS, kumpanniji stabbiliti fil-Portugall, li kellhom, rispettivament, 14 % u 6 % ta’ l-ishma.

12      Fil-31 ta’ Diċembru 2002, Retailbox ħallset id-dividendi lill-azzjonisti tagħha. Id-dividendi mħallsa lil Sonaetelecom BV ma kinux suġġetti għal taxxa fuq id-dividendi minħabba li dawn kienu jibbenifikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Wet DB, filwaqt li tħallset it-taxxa fuq id-dividendi bir-rata ta’ 25 % fuq id-dividendi mqassma lil Amurta kif ukoll liż-żewġ kumpanniji l-oħra stabbiliti fil-Portugall.

13      Dan il-ħlas kien is-suġġett ta’ lment imressaq minn Retailbox f’isem Amurta fit-30 ta’ Jannar 2003. Peress li l-imsemmi lment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-inspecteur van de Belastingsdienst/Amsterdam, Amurta ressqet appell quddiem il-Gerechtshof de Amsterdam, intiż għal annullament ta’ din id-deċiżjoni u għall-ħlas lura tat-taxxa mħallsa fuq id-dividendi.

14      Peress li qies li s-soluzzjoni għall-kawża prinċipali teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1. L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tal-[Wet DB], kif deskritta [fil-punti 5, 7 u 8 ta’ din is-sentenza], ikkunsidrata flimkien ma’ l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 4a ta’ l-istess liġi tmur kontra d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital (Artikoli 56 KE sa 58 KE), billi din l-eżenzjoni tapplika biss għall-ħlas ta’ dividendi lil azzjonisti suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Olanda jew lil azzjonisti barranin li għandhom stabbiliment permanenti fl-Olanda u li l-ishma tagħhom jagħmlu parti mill-patrimonju ta’ tali stabbiliment permanenti, u li fir-rigward tagħhom tapplika l-eżenzjoni ta’ l-ishma msemmija fl-Artikolu 13 tal-[Wet Vpb]?

2. Ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi fuq il-kwistjoni jekk l-Istat ta’ residenza ta’ l-azzjonista jew tal-kumpannija barranija, li għalihom ma tapplikax l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tal-[wet], jagħtix lil tali azzjonista jew lil tali kumpannija kreditu ta’ taxxa (full credit) għat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa fl-Olanda?”

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

15      Permezz ta’ l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ meta l-limitu minimu ta’ sehem mill-kumpannija prinċipali fil-kapital tal-kumpannija sussidjarja stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435 ma jintlaħaqx, tipprovdi taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija prinċipali f’dan l-Istat Membru lil kumpannija benefiċjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, filwaqt li teżonera minn din it-taxxa d-dividendi mħallsa lil kumpannija benefiċjarja li hija suġġetta, fl-ewwel Stat Membru, għal taxxa fuq il-kumpanniji jew li għandha, f’dan l-Istat Membru, stabbiliment permanenti li għandu l-ishma fil-kumpannija li tħallas id-dividendi.

16      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza skond id-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 29; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 40, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p.I-11673, punt 36).

17      Għandu jiġi osservat ukoll li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ kif titqassam is-setgħa tagħhom ta’ tassazzjoni, b’mod partikolari, sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja (is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly, C-336/96, Ġabra p. I-2793, punti 24 u 30; tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint –Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 57, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C-470/04, Ġabra p. I-7409. punt 44).

18      Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tielet premessa tagħha, id-Direttiva 90/435 hija intiża sabiex telimina, billi tiġi stabbilita sistema fiskali komuni, kull żvantaġġ lill-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji fl-istess Stat Membru u sabiex b’hekk tiffaċilita l-formazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji fuq il-livell Komunitarju (is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, Athinaïki Zythopoiïa, C-294/99, Ġabra p. I-6797, punt 25, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 103).

19      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435 jobbliga lill-Istati Membri li jeżoneraw mit-taxxa f'ras il-għajn il-profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja lil kumpannija prinċipali meta din għandha sehem minimu ta’ 25 % fil-kapital tal-kumpannija sussidjarja.

20      Huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ appplikazzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva.

21      Għaldaqstant, il-Gvernijiet ta’ l-Olanda u ta’ l-Italja sostnew li taħt il-limitu tas-sehem minimu, stabbilit mid-Direttiva 90/435, il-fatt li kumpannija li mhijiex residenti hija suġġetta għat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi ma jistax fih nnifsu jiġi kkunsidrat bħala ksur tal-libertajiet fundamentali.

22      Fil-fehma tal-Gvern Taljan, it-trattament li jirrigwarda dividendi relatati ma’ ismha li ma jaqgħux taħt l-imsemmija Direttiva, jaqa’ taħt is-setgħa tal-leġiżlatur nazzjonali, u s-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta minn tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istat Membru fejn huma mħallsa d-dividendi u l-Istat Membru fejn huwa residenti l-benefiċjarju tagħhom.

23      Il-Gvern Olandiż jsostni li, fil-fehma tiegħu, il-fatt li tiġi estiża l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Wet DB, li hija intiża għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja fuq dividendi fuq il-livell nazzjonali, għad-dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li l-ishma fil-kapital tal-kumpannija li tħallas id-dividendi huma inqas mill-perċentwali previst mid-Direttiva 90/435, għandha l-effett li telimina t-taxxa fuq id-dividendi u s-sistema klassika fis-seħħ fl-Olanda għaldaqstant ma tibqax osservata. Skond dan il-Gvern, filwaqt li l-Artikolu 4 tal-Wet DB jipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi, din it-taxxa xorta trid titħallas, fis-sitwazzjoni fejn id-dividendi jitqassmu, it-taxxa hija imposta. Il-preġudizzju kkawżat mill-Artikolu 4a tal-Wet DB fuq is-sistema klassika huwa ġġustifikat biss mit-termini ta’ żmien tad-Direttiva 90/435 u ma jistax jmur lil ’hinn minn dak li din id-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri.

24      F'dan ir-rigward, għandu jingħad li, fir-rigward ta’ l-ismha li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 90/435, huma effettivament l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu jekk, u safejn, għandha tiġi evitata t-tassazzjoni doppja ekonomika tal-profitti mqassma u li jdaħħlu, għal dan il-għan, unilateralment jew permezz ta’ ftehim konkluż ma’ Stati Membri oħrajn proċeduri intiżi sabiex jipprevjenu jew inaqqsu din it-tassazzjoni doppja ekonomika. Madankollu, dan il-fatt waħdieni ma jfissirx li l-Istati Membri jistgħu jimponu miżuri li jmorru kontra l-libertajiet tal-moviment iggarantiti mit-Trattat KE (ara s-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata, punt 54).

25      F'dan il-każ, għall-finijiet ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi, l-Artikoli 4 u 4a tal-Wet DB, flimkien ma’ l-Artikolu 13 tal-Wet Vpb, jistabbilixxu differenza fil-mod li jiġu ttrattati, minn naħa, kumpanniji benefiċjarji li għandhom l-uffiċċju rregistrat jew stabbiliment permanenti fl-Olanda u li għandha ishma fil-kumpannija distributriċi, u min-naħa l-oħra, il-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex stabbiliti fir-Renju ta’ l-Olanda.

26      Fil-fatt, skond l-Artikolu 4 tal-Wet DB, l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tista’ tapplika biss għad-dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji li huma stabbiliti jew li għandhom stabbiliment permanenti fl-Olanda u li għandhom ishma fil-kumpannija li tħallas id-dividendi, u li għandhom almenu 5 % ta’ l-ishma tal-kumpannija residenti li tħallas id-dividendi u li l-parteċipazzonijiet tagħhom jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13 tal-Wet Vpb. Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 4a tal-Wet DB, il-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex stabbiliti fl-Olanda jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lilhom biss fil-każ li jkollhom almenu 25 % tal-kapital tal-kumpannija li tħallas id-dividendi; din il-perċentwali tista’ tiġi mnaqqsa għal 10 % jekk l-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-azzjonist japplika l-istess tnaqqis.

27      Għalhekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali leġiżlazzjoni timplika trattament żvantaġġjuż għall-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex stabbiliti fl-Olanda u li għandhom sehem ta’ bejn
5 u 25 % f’kumpannija Olandiża, meta mqabbel ma’ dak riżervat għall-kumpanniji benefiċjarji Olandiżi li għandhom sehem simili. Fil-fatt, id-dividendi mqassma lill-kumpanniji li mhumiex stabbiliti fl-Olanda huma ntaxxati mill-kumpannija li tħallas id-dividendi permezz tat-taxxa fuq il-kumpanniji u mill-kumpannija benefiċjarja permezz tat-taxxa fuq id-dividendi u b’dan il-mod huma suġġetti għal tassazzjoni doppja ekonomika, filwaqt li fir-rigward tad-dividendi mqassma lill-kumpanniji stabbiliti fl-Olanda, tali tassazzjoni doppja hija evitata.

28      Trattament żvantaġġjuż bħal dan tad-dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, meta mqabbel mat-trattament riżervat għad-dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Olanda, jista’ jiddiswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jinvestu fl-Olanda, u konsegwentement, jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li, fil-prinċipju, huwa pprojbit mill-Artikolu 56 KE.

29      Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

30      Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 58(1)(a) KE, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri […] li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom u li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom […]”.

31      Għandu jiġi mfakkar ukoll li d-deroga prevista fl-Artikolu 58(1)(a) KE hija minnha nfisha limitata mill-Artikolu 58(3) KE li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet] kif definit fl-Artikolu 56”.

32      Għalhekk, hemm lok li ssir distinzjoni bejn it-trattamenti differenti permessi taħt l-Artikolu 58(1)(a) KE tad-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment ħieles tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament komparabbli jew li d-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 29, u tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, Ġabra p. I-7685, punt 42).

33      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, fir-rigward ta’ l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Olanda u l-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat ieħor jinsabux f’sitwazzjonijiet simili.

34      F'dan ir-rigward, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ l-Italja affermaw li teżisti differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjoni ta’ kumpannija benefiċjarja stabbilita fl-Olanda, suġġetta għal obbligu fiskali illimitat, u l-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, suġġetti għat-taxxa fl-Olanda fir-rigward biss tad-dividendi rċevuti.

35      Il-Gvern tar-Renju Unit, sostnut mill-Gvern Taljan, huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet fiskali in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu semplifikazzjoni amministrattiva intiża sabiex tevita ġbir u rimbors sussegwenti tat-taxxa, u għal dan il-għan, m’għandhomx jiġu applikati għad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor li mhumiex suġġetti għat-taxxa Olandiża fuq il-kumpanniji.

36      Barra minn hekk, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija benefiċjarja jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jimpedixxi t-tassazzjoni doppja tad-dividendi.

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-miżuri previsti minn Stat Membru sabiex jimpedixxi jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ serje ta’ taxxi, jew it-tassazzjoni doppja, fuq profitti mqassma minn kumpanniji residenti, l-azzjonisti residenti li jirċievu d-dividendi ma jinsabux neċessarjament f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ azzjonisti li jirċievu dividendi u li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor (sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 34).

38      Madankollu, mill-mument li Stat Membru, unilateralment jew permezz ta’ ftehim, jimponi t-taxxa fuq id-dħul mhux biss fuq l-azzjonisti residenti, iżda wkoll fuq azzjonisti mhux residenti, fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni ta’ l-imsemmija azzjonisti mhux residenti toqrob għal dik ta’ l-azzjonisti residenti (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 68, kif ukoll Denkavit Internationaal u Denkavit France, punt 35).

39      Fil-fatt, huwa biss l-eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal-kompetenza fiskali tiegħu li, indipendentement minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ serje ta’ taxxi. F’każ bħal dan, sabiex il-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex residenti ma jiġux suġġetti għal restrizzjoni pprjobita fuq il-libertà ta’ stabbiliment, bħala regola ġenerali, permezz ta’ l-Artikolu 56 KE, l-Istat li fih tirrisjedi l-kumpannija li tqassam id-dividendi għandu jassigura li, meta mqabbla mal-proċedura prevista fid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impożizzjoni ta’ serje ta’ taxxi, il-kumpanniji azzjonisti li mhumiex residenti jkunu suġġetti għal trattament ekwivalenti għal dak applikabbli għall-kumpanniji azzjonisti residenti (ara s-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata, punt 70).

40      Għandu jiġi kkonstatat li t-tassazzjoni doppja ekonomika, li għaliha huma suġġetti dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex stabbiliti fl-Olanda, tirriżulta mill-eżerċizzju waħdieni minn dan l-Istat Membru tal-kompetenza fiskali tiegħu, li jissuġġetta dawn id-dividendi għat-taxxa fuq id-dividendi, filwaqt li għażel li jipprevjeni din it-tassazzjoni ekonomika doppja għall-kumpanniji benefiċjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat jew stabbiliment permanenti fl-Olanda u li għandhom ishma fil-kumpanija li tqassam id-dividendi.

41      Anki jekk jingħad, kif isostnu l-Gvernijiet ta’ l-Italja u tar-Renju Unit, li l-Artikolu 4 tal-Wet DB huwa intiż sabiex jissemplifika l-applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għall-ishma prevista fl-Artikolu 13 Vpb, li mhijiex applikabbli għal kumpanniji benefiċjarji li mhumiex stabbiliti fl-Olanda u li mhumiex suġġetti għal din it-taxxa, dan il-fatt mhuwiex rilevanti. Kif ġie indikat fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, huwa l-eżerċizju mir-Renju ta’ l-Olanda tal-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tad-dividendi mqassma lil kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jrendi s-sitwazzjoni ta’ dawk il-kumpanniji li jirċievu d-dividendi simili għal dik ta’ kumpanniji stabbiliti fl-Olanda li jirċievu dividendi fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ tassazzjoni doppja ekonomika ta’ dividendi mqassma minn kumpanniji li huma residenti f’dan l-Istat Membru.

42      Għandu jiġu vverifikat jekk restrizzjoni bħal din tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż, sostnut mill-Gvernijiet ta’ l-Italja u tar-Renju Unit, isostni li s-sistema in kwistjoni hija ġġustifikata minħabba raġunijiet relatati mal-koerenza tas-sistema fiskali.

43      Skond il-Gvern Olandiż, l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi hija element indispensabbli li jikkompleta l-eżenzjoni ta’ l-ismha prevista fl-Artikolu 13 tal-Wet Vpb. Mingħajr l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi, l-eżenzjoni ta’ l-ishma tkun parzjalment, anki jekk biss temporanjament, annullata peress li sakemm it-taxxa fuq id-dividendi hija paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-profitti li bħala regola ġenerali huma eżenti mit-taxxa, ikunu madankollu taxxabbli.

44      Il-Gvern Olandiż josserva li ż-żewġ eżenzjonijiet jikkonċernaw l-istess persuna taxxabbli u li jekk it-taxxa fuq id-dividendi u t-taxxa fuq il-kumpanniji huma formalment żewġ taxxi distinti, fuq bażi nazzjonali, it-taxxa fuq id-dividendi hija biss taxxa antiċipata u li tista’ tiġi paċuta kollha kemm hi mat-taxxa fuq il-kumpanniji. Għalhekk, is-sistema in kwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata b’raġunijiet relatati mal-koerenza fiskali anki jekk, kuntrarjament għas-sistema in kwistjoni fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Ġabra p. I-249) dan ma jinvolvix l-għoti ta’ vantaġġ fiskali, minn naħa, u t-tpaċija ta’ dak il-vantaġġ fiskali bi tnaqqis fit-taxxa, min-naħa l-oħra.

45      Il-Gvern tar-Renju Unit iqis, min-naħa tiegħu, li l-koerenza tas-sistema fiskali għandha tiġi evalwata fuq livell transkonfinali inkwantu huwa ggarantit, permezz tad-DTC, li t-taxxa fuq id-dividendi miżmuma fuq dividendi li se jitħallsu għandha titnaqqas mit-taxxa imposta fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija benefiċjarja fil-Portugall.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 28 u 21 rispettivament tas-sentenzi Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-28 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-300/90, Ġabra p. I-305), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-ħtieġa li tiġi ppreservata l-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din ikun jista’ jintlaqa’, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari (is-sentenzi Manninen, iċċitata, punt 42, u tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Group Litigation, C-524/04, Ġabra p. I-11673, punt 38).

47      Għandu jiġi mfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li argument ibbażat fuq il-ħtieġa li tkun imħarsa l-koerenza ta’ sistema fiskali għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta’ l-għan tal-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 67, u Manninen, iċċitata, punt 43).

48      Huwa paċifiku li, permezz ta’ l-argument tiegħu, il-Gvern Olandiż ifittex li juri li l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi hija meħtieġa sabiex jiġi assigurat li l-eżenzjoni mill-ishma skond l-Artikolu 13 tal-Wet Vpb topera b’mod korrett. Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, filwaqt li jsostni dan, il-Gvern Olandiż jirnexxielu biss jiċċara s-semplifikazzjoni amministrattiva li s-sistema Olandiża hija intiża li twettaq u li minnha nfisha ma tistax tiġġustifika restrizzjoni.

49      Il-Gvern Olandiż innifsu jammetti n-nuqqas ta’ taxxa li tikkumpensa għall-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li huma mħallsa lil kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Olanda.

50      Anke jekk tiġi aċċettata l-opinjoni li l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi u l-eżenzjoni mill-ishma huma intrinsikament marbuta, għandu jiġi kkonstatat li, safejn dawn huma intiżi sabiex jimplementaw il-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja ekonomika, ma ġietx stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn dan il-vantaġġ fiskali, mogħti biss lil kumpanniji residenti, u taxxa kompensatorja.

51      Peress li d-dividendi mqassma kemm lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Olanda kif ukoll lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq il-livell tal-kumpannija li tqassam id-dividendi, il-Gvern Olandiż ma jurix b’liema mod il-koerenza tas-sistema fiskali tiegħu tiġi kompromessa jekk l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dividendi tingħata wkoll lil kumpanniji li jirċievu dividendi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li, filwaqt li mhumiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Olanda, jinsabu f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ kumpanniji li jirċievu dividendi u li huma stabbiliti jew għandhom stabbiliment permanenti fl-Olanda li għandhom ishma fil-kumpannija li tqassam id-dividendi fir-rigward tat-taxxa fuq id-dividendi u l-eventwali vantaġġi fiskali marbuta ma’ l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja.

52      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit, biżżejjed jiġi indikat, minn naħa, li l-applikazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma lil kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1 tal-Wet DB mhijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ ftehim intiż sabiex jelimina t-tassazzjoni doppja konkluż bejn ir-Renju ta’ l-Olanda u dan l-Istat Membru u li jippermetti t-tnaqqis ta’ din it-taxxa fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpannija benefiċjarja, u min-naħa l-oħra, li l-eventwali koerenza tas-sistema stabbilita minn dan il-ftehim mhijiex is-suġġett ta’ l-ewwel domanda magħmula.

53      Barra minn hekk, il-Gvern tar-Renju Unit sostna li s-sistema Olandiża tista’ tiġi ġġustifikata bil-ħtieġa li jiġi assigurat it-tqassim bilanċjat bejn l-Istati Membri tas-setgħa ta’ tassazzjoni.

54      Skond dan il-Gvern, it-tqassim tas-setgħat fiskali bejn ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika Portugiża hija espressa fid-DTC. Skond din id-DTC, id-dividendi jistgħu jiġu imposti mill-Istat Membru ta’ fejn tirrisjedi l-kumpannija li tqassam id-dividendi u minn dak tal-kumpannija li tirċievi d-dividendi, minħabba li t-tassazzjoni doppja hija eliminata permezz ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Dan it-tqassim jiġi kompromess jekk ir-Renju ta’ l-Olanda ma jkunx jista’ jnaqqas it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi, bil-konsegwenza li dan id-dħul jiġi eżenti minn kull taxxa imposta minn dan l-Istat Membru.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Renju ta’ l-Olanda ma jistax jinvoka d-DTC sabiex jevita l-obbligi li huwa għandu skond it-Trattat (ara s-sentenza Denkavit Internationaal et Denkavit France, iċċitata, punt 53).

56      Kif jirriżulta mil-punti 51 u 60 rispettivament, tas-sentenzi Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA (C-231/05, Ġabra p. I-6373), il-ħtieġa li jiġi assigurat tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ġiet rikonoxxuta flimkien ma’ elementi oħra ta’ ġustifikazzjoni bbażati fuq ir-riskji marbuta ma’ l-evażjoni fiskali jew mal-kunsiderazzjoni doppja tat-telf.

57      Huwa paċifiku li l-eżistenza ta’ riskji ta’ kunsiderazzjoni doppja tat-telf jew ta’ l-evażjoni fiskali ma ġewx invokati mill-Gvernijiet li ppreżentaw sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

58      Fir-rigward ta’ l-argument dwar it-telf tal-possibbiltà li jiġi ntaxxat dħul magħmul fl-Olanda, għandu jingħad li l-ħtieġa li jiġi assigurat tqassim bilanċjat bejn l-Istati Membri tas-setgħa ta’ tassazzjoni tista’ tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn is-sistema in kwistjoni hija intiża sabiex tipprevjeni aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li jeżerċitaw is-setgħat tat-tassazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ l-attivitajiet mwettqa fit-territorju tagħhom (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, iċċitata, C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 42 u Oy AA, iċċitata, punt 54).

59      Madankollu, meta Stat Membru jkun iddeċieda li ma jintaxxax il-kumpanniji benefiċjarji li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ dħul, ma tistax tiġi invokata l-ħtieġa li jiġi assigurat tqassim bilanċjat bejn l-Istati Membri tas-setgħa tat-tassazzjoni bil-għan li tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tal-kumpanniji benefiċjarji fi Stat Membru ieħor.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital stabbilita minn dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk in kwistjoni, ma tistax tiġi ġġustifikata la mill-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali u lanqas mill-ħtieġa li jiġi mħares it-tqassim bejn l-Istati Membri tas-setgħa ta’ tassazzjoni.

61      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, meta l-limitu minimu ta’ l-ismha tal-kumpannija prinċipali fil-kapital tal-kumpannija sussidjarja stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435 ma jintlaħaqx, tipprovdi għal taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru lil kumpannija benefiċjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, filwaqt li teżonera minn din it-taxxa d-dividendi mħallsa lil kumpannija benefiċjarja li hija suġġetta, fl-ewwel Stat Membru, għal taxxa fuq il-kumpanniji, jew li għandha, f’dan l-Istat Membru, stabbiliment permanenti u li għandha ishma fil-kumpannija li tqassam id-dividendi.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

62      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment safejn l-eżistenza ta’ kreditu ta’ taxxa sħiħ, mogħti mill-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija benefiċjarja li għaliha ma tapplikax l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tal-Wet DB, tista’ tinfluwenza r-risposta għall-ewwel domanda.

 Fuq l-ammissibbiltà

63      Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, filwaqt li jitqies li t-taxxa fuq id-dividendi taxxabbli fl-Olanda setgħet tittieħed in kunsiderazzjoni fil-Portugall, il-qorti tar-rinviju bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Amurta. Issa, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tikkontesta l-eżattezza ta’ l-argument li fuqu hija bbażata t-tieni domanda preliminari. Fil-fatt, skond Amurta, ir-Repubblika Portugiża teżenta d-dividendi u ma tagħtix kreditu ta’ taxxa sħiħ għad-dividendi taxxabbli fl-Olanda. Għalhekk, il-kwistjoni hija biss ta’ interess akkademiku.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-imħallef nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li huwa responsabbli li jiddefinixxi, u li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara s-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C-300/01, Ġabra p. I-4899, punti 29 u 31). Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali hija biss possibbli meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma’ jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li huma mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39, u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. p.I-4233, punt 22).

65      Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet tal-kawża prinċipali tikkontesta ċertu fatti, li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tivverifika l-eżattezza tagħhom u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tal-kawża in kwistjoni (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cipolla et, punt 26, kif ukoll van der Weerd et, punt 23).

66      L-eżistenza fil-Portugall ta’ leġiżlazzjoni li tipprovdi għal kunsiderazzjoni tat-taxxa fuq id-dividendi imposta fl-Olanda, permezz ta’ għoti ta’ kreditu ta’ taxxa totali, tikkostitwixxi preċiżament kwistjoni ta’ fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tivverifika.

67      It-tieni domanda magħmula għandha titqies bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

68      Amurta, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ dispożizzjonijiet fiskali żvantaġġjużi għall-persuna taxxabbli, hija inkompatibbli mal-garanzija ta’ dritt fundamentali, ma tistax tiġi ġġustifikata permezz ta’ vantaġġ fiskali li l-parti kkonċernata gawdiet fi Stat Membru ieħor.

69      Filwaqt li jirreferu għad-DTA, il-Gvernijiet ta’ l-Olanda, tal-Ġermanja, ta’ l-Italja u tar-Renju Unit isostnu li l-kreditu ta’ taxxa sħiħ mogħti lil kumpannija benefiċjarja mir-Repubblika Portugiża minħabba taxxa fuq id-dividendi mnaqqsa mir-Renju ta’ l-Olanda mħallsa mill-kumpannija li tqassam id-dividendi hija rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk il-kumpannija benefiċjarja stabbilita fil-Portugall hijiex suġġetta għal trattament diskriminatorju jew restrittiv.

70      Il-Gvern Olandiż jafferma li d-DTA tifforma parti mill-kuntest ġuridiku applikabbli għal din il-kawża. Jekk l-imsemmi DTA ma jipprovdix għal kreditu ta’ taxxa sħiħ, il-kwistjoni rilevanti hija jekk teżistix possibbiltà attwali ta’ newtralizzazzjoni tad-differenza fit-trattament. F’każ bħal din, il-leġiżlazzjoni Olandiża dwar l-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi ma tipprekludix il-moviment tal-kapital. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li hija kompetenti sabiex tistabbilixxi jekk t-taxxa fiskali totali hijiex l-istess għal persuni residenti u dawk mhux residenti.

71      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, peress li r-Renju ta’ l-Olanda eżerċita s-setgħa tat-tassazzjoni tiegħu, huwa għandu jassigura li Amurta ma tiġix ittrattata b’mod inqas favorevoli minn kumpannija benefiċjarja stabbilita fl-Olanda. Minkejja li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fl-interpretazzjoni tad-DTA, jekk ir-Renju ta’ l-Olanda ppreveniex it-tassazzjoni doppja ekonomika, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, peress li t-taxxa fuq id-dividendi imposta mir-Renju ta’ l-Olanda tista’ tiġi mnaqqsa mit-taxxa li għandha titħallas fil-Portugall, it-taxxa li għandha titħallas minn Amurta ma tistax globalment tkun iżjed minn dik li kellha tħallas kieku kienet investiet fil-Portugall jew dik li kumpannija li tirċievi dividendi stabbilita fl-Olanda għandha tħallas. Fil-każ fejn t-taxxa li għandha titħallas tkun ikbar, id-differenza tirriżulta mid-diskrepanza bejn ir-rati ta’ tassazzjoni fil-Portugall u fl-Olanda, peress li t-Trattat ma jiggarantixxix n-newtralità fiskali tal-moviment liberu.

72      Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra wkoll li d-DTA għandha tittieħed in kunsiderazzjoni. Skond dan il-Gvern, il-kompatibbiltà tas-sistema fiskali fis-seħħ fl-Olanda mad-dritt Komunitarju ma tiddependix fuq il-kwistjoni dwar jekk it-taxxa f’ras il-għajn tistax tiġi effettivament imnaqqsa mit-taxxa li għandha titħallas fil-Portugall, għaliex, minn naħa, l-Istat Membru li japplika t-taxxa f’ras il-għajn ma jistax jinfluwenza lill-Istat Membru li fih tirrisjedi l-kumpannija li tirċievi d-dividendi u, min-naħa l-oħra, huwa biżżejjed li r-Renju ta’ l-Olanda u tar-Repubblika Portugiża jaqblu li t-taxxa f’ras il-għajn għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fil-Portugall u li d-DTA tikkorrispondi għall-mudell ta’ ftehim imfassal mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD).

73      Fir-rigward tad-DTA, Amurta ssostni li l-eżistenza tiegħu mhijiex rilevanti, peress li dan il-ftehim jipprovdi għat-tpaċija tat-taxxa mħallsa fl-Olanda filwaqt li r-Repubblika Portugiża teżenta mit-taxxa d-dħul minn dividendi.

74      Skond il-Kummissjoni, Stat Membru ma jistax jinvoka ftehim li huwa intiż sabiex jevita t-tassazzjoni doppja u b’hekk jevita l-obbligi tiegħu. L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA taqbel mal-Kummissjoni, u ssostni li l-Istati Membri ma jistgħux jittrasferixxu l-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-dritt Komunitarju fuq Stat Membru ieħor, lanqas meta jiffirmaw ftehim. Barra minn hekk, l-imsemmija Awtorità żżid tgħid li l-għan ta’ ftehim bħal dan huwa li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u mhux biex tirrimedja restrizzjonijiet eventwali.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, trattament fiskali żvantaġġjuż li jikser libertà fundamentali ma jistax jiġi ġġustifikat permezz ta’ l-eżistenza ta’ vantaġġi oħra fiskali, anki jekk jiġi preżunt li tali vantaġġi jeżistu (ara s-sentenza Verkooijen, iċċitata, punt 61).

76      Kif ġie indikat fil-punt 28 tas-sentenza preżenti, ir-restrizzjoni fuq il-movement liberu tal-kapital tirriżulta minn trattament żvantaġġjuż tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor meta mqabbel mat-trattament mogħti lid-dividendi mħallsa lil kumpanniji benefiċjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat jew stabbiliment permanenti fl-Olanda u li għandhom ishma fil-kumpannija li tqassam id-dividendi.

77      Mill-punt 39 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li, peress li fir-rigward ta’ l-għan ta’ prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja ekonomika, l-imsemmija kumpanniji benefiċjarji jinsabu f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ kumpanniji benefiċjarji li għandhom uffiċċju rreġistrat jew stabbiliment permanenti fl-Olanda u li għandhom ishma fil-kumpannija li tqassam id-dividendi, ir-Renju ta’ l-Olanda għandu l-obbligu li jassigura li, fir-rigward tal-proċedura prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex tiġi evitata jew titnaqqas l-impożizzjoni ta’ serje ta’ taxxi jew tassazzjoni doppja ekonomika, kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor għanhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal kumpanniji benefiċjarji li huma stabbiliti fl-Olanda.

78      Għalhekk, ir-Renju ta’ l-Olanda ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti unilateralment minn Stat Membru ieħor sabiex jevita l-obbligi tiegħu skond it-Trattat.

79      Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jirnexxielu jiggarantixxi r-rispett ta’ l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-Trattat billi jikkonkludi ftehim li huwa intiż sabiex jevita tassazzjoni doppja ma’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata, punt 71).

80      Peress li s-sistema fiskali li tirriżulta minn ftehim li huwa intiż sabiex jevita t-tassazzjoni doppja tifforma parti mill-kuntest ġuridiku applikabbli f’din il-kawża, u ġiet invokata bħala tali mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teħodha in kunsiderazzjoni sabiex tagħti interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li hija rilevanti għall-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 51, u dawk iċċitati, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 71, Denkavit Internationaal u Denkavit France, punt 45, kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, punt 54).

81      Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm ebda element fid-digriet tar-rinviju li jindika li l-Gerechtshof te Amsterdam kellha l-intenzjoni li tirreferi għad-dispożizjzonijiet rilevanti tad-DTA.

82      Hija l-qorti nazzjonali li hija kompetenti sabiex tidentifika d-dritt applikabbli fil-kawża prinċipali.

83      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni d-DTC fil-kawża prinċipali, u jekk ikun xieraq, li tivverifika jekk dan il-ftehim jippermettix in-newtralizzazzjoni ta’ l-effetti tar-restrizzjoni fuq il-movement liberu tal-kapital identifikati fil-kuntest tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, fil-punt 28 tas-sentenza preżenti

84      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li Stat Membru ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ kreditu ta’ taxxa sħiħ, mogħti unilateralment minn Stat Membru ieħor lil kumpannija benefiċjarja stabbilita f’dan l-Istat, sabiex jevita l-obbligu li jipprevjeni t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi li tirriżulta mill-eżerċizzju ta-setgħa tat-tassazzjoni tiegħu, f’każ fejn l-ewwel Stat Membru jipprevjeni t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi mqassma lil kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fit-territorju tiegħu. Meta Stat Membru jinvoka ftehim intiż sabiex jevita t-tassazzjoni doppja konkluż ma Stat Membru ieħor, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk għandux jittieħed in kunsiderazzjoni dan il-ftehim, u skond il-każ, li jiġi vverifikat jekk din tippermettix in-newtralizzazzjoni ta’ l-effetti tar-restrizzjoni fuq il-movement liberu tal-kapital.

 Fuq l-ispejjeż

85      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, meta l-limitu minimu ta’ l-ismha tal-kumpannija prinċipali fil-kapital tal-kumpannija sussidjarja stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 mhuwiex milħuq, tipprovdi għal taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru lil kumpannija benefiċjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, filwaqt li teżonera minn din it-taxxa d-dividendi mħallsa lil kumpannija benefiċjarja li hija suġġetta, fl-ewwel Stat Membru, għal taxxa fuq il-kumpanniji, jew li għandha, f’dan l-Istat Membru, stabbiliment permanenti u li għandha ishma fil-kumpannija li tqassam id-dividendi.

2)      Stat Membru ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ kreditu ta’ taxxa sħiħ, mogħti unilateralment minn Stat Membru ieħor lil kumpannija benefiċjarja stabbilita f’dan l-Istat, sabiex jevita l-obbligu li jipprevjeni t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi li tirriżulta mill-eżerċizzju ta-setgħa tat-tassazzjoni tiegħu, f'każ fejn l-ewwel Stat Membru jipprevjeni t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi mqassma lil kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fit-territorju tiegħu.

Meta Stat Membru jinvoka ftehim intiż sabiex jevita t-tassazzjoni doppja konkluż ma Stat Membru ieħor, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk għandux jittieħed in kunsiderazzjoni dan il-ftehim, u jekk ikun il-każ, li jiġi vverifikat jekk din tippermettix in-newtralizzazzjoni ta’ l-effetti tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż